SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

30 ta’ April 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Artikoli 3 sa 5 – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kuntratti ta’ self ipotekarju – Klawżola ta’ kummissjoni għall-ftuħ tas-self – Talba għall-annullament ta’ din il-klawżola – Evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali – Natura ċara u li tinftiehem tal-klawżoli”

Fil-Kawża C‑699/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no 8 de Donostia – San Sebastián (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 8 ta’ Donostia-San Sebastián, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Novembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Novembru 2023, fil-proċedura

FG

vs

Caja Rural de Navarra SCC,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn S. Rodin (Relatur), President tal-Awla, N. Piçarra u N. Fenger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Spielmann,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal FG, minn J. M. Erausquin Vázquez u M. Ortiz Pérez, abogados,

għal Caja Rural de Navarra SCC, minn A. Enériz Arraiza, abogado,

għall-Gvern Spanjol, minn M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz, P. Kienapfel u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, tal-Artikoli 3 sa 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100), kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 60, p. 34, rettifika fil-ĠU 2015, L 246, p. 11).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn FG u Caja Rural de Navarra SCC dwar in-natura allegatament inġusta ta’ klawżola kuntrattwali dwar kummissjoni għall-ftuħ ta’ self.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 93/13

3

Skont il-kliem tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

4

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu,

2.   L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt u lanqas mal-adegwatezza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, meta mqabbla mas-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi [li jinftiehem] u ċar.”

5

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi [li jinftiehem] u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsir ta’ klawżola, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur. Din ir-regola dwar l-interpretazzjoni m’għandhiex tgħodd fil-kuntest tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 7(2).”

6

L-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

Id-Direttiva 2014/17

7

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/17, intitolat “Obbligi tal-kondotta ta’ negozju meta jiġi pprovdut kreditu lill-konsumaturi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jesiġu li meta jiġu manifatturati prodotti ta’ kreditu jew meta jingħataw, jiġu intermedjati jew jiġu provduti servizzi konsultattivi dwar il-kreditu u, fejn ikun il-każ, servizzi anċillari lill-konsumaturi jew meta jiġi implimentat kuntratt ta’ kreditu, il-kreditur, l-intermedjarju tal-kreditu jew ir-rappreżentant maħtur jaġixxu onestament, b’ġustizzja, bi trasparenza u professjonalment, filwaqt li jqisu d-drittijiet u l-interessi tal-konsumaturi. […].”

8

Skont il-kliem tal-Artikolu 43(1) ta’ din id-direttiva:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal kuntratti ta’ kreditu eżistenti qabel il‑21 ta’ Marzu 2016.”

Id-dritt Spanjol

Il-Liġi 5/2019

9

L-Artikolu 14, tal-Ley 5/2019, reguladora de los contratos de crédito inmobiliario (il-Liġi 5/2019, li Tirregola l-Kuntratti ta’ Kreditu Immobiljari), tal‑15 ta’ Marzu 2019 (BOE Nru 65, tas‑16 ta’ Marzu 2019), jipprevedi:

“3.   L-ispejjeż jistgħu jiġu mgħoddija fuq il-prezz u l-kummissjonijiet jistgħu jinġabru biss għal servizzi marbutin ma’ self li jkun ġie espressament aċċettat jew mitlub minn persuna li tissellef jew minn persuna li tissellef potenzjali, bil-kundizzjoni li dawn ikunu għal servizzi effettivament ipprovduti jew għal spejjeż imġarrba li jistgħu jiġu pprovati.

4.   Jekk tiġi miftiehma kummissjoni għall-ftuħ, din għandha tkun dovuta darba biss u għandha tinkludi l-ispejjeż kollha marbutin mal-eżami, mal-ipproċessar jew mal-għoti tas-self jew spejjeż simili oħra inerenti fl-attività tal-persuna li ssellef li jirriżultaw mill-għoti tas-self. Fil-każ ta’ self iddenominat f’muniti barranin, il-kummissjoni għall-ftuħ għandha tinkludi wkoll kull kummissjoni tal-kambju li tikkorrispondi għall-ewwel użu tas-self.”

Id-digriet tal-Ministeru tal-Presidenza dwar it-Trasparenza tal-Kundizzjonijiet Finanzjarji tas-Self Ipotekarju

10

Il-paragrafu 4 tal-Anness II tal-Orden del Ministerio de la Presidencia sobre transparencia de las condiciones financieras de los prestamos hipotecarios (id-Digriet tal-Ministeru tal-Presidenza dwar it-Trasparenza tal-Kundizzjonijiet Finanzjarji tas-Self Ipotekarju), tal‑5 ta’ Mejju 1994 (BOE Nru 112, tal‑11 ta’ Mejju 1994, p. 14444), intitolat “Kummissjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“1. Kummissjoni għall-ftuħ – L-ispejjeż kollha tal-istudju tas-self, tal-għoti jew tal-ipproċessar tas-self ipotekarju, jew spejjeż simili oħra inerenti għall-attività tal-entità li ssellef ikkawżati mill-għoti tas-self, għandhom b’mod obbligatorju jiġu integrati f’kummissjoni unika, imsejħa kummissjoni għall-ftuħ, li għandha titħallas darba biss. L-ammont tagħha, kif ukoll il-forma u d-data tal-ħlas tagħha, għandhom jiġu speċifikati f’din il-klawżola.

[…]”

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Fit‑22 ta’ Jannar 2010, FG ikkonkluda ma’ Caja Rural de Navarra kuntratt ta’ kreditu b’garanzija ipotekarja.

12

Konformement mal-Artikolu 4 ta’ dan il-kuntratt, il-persuna li tissellef kellha tħallas, mal-firma tiegħu, kummissjoni għall-ftuħ li tikkorrispondi għal 0.35 % tal-ammont totali tas-self, jiġifieri s-somma ta’ EUR 588.70.

13

Fis‑6 ta’ April 2022, FG ippreżenta rikors kontra Caja Rural de Navarra quddiem il-Juzgado de Primera Instancia no 8 ta’ Donostia – San Sebastián (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 8 ta’ Donostia-San Sebastián), li hija l-qorti tar-rinviju, intiż, b’mod partikolari, għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola li tipprevedi l-kummissjoni għall-ftuħ.

14

Fid-deċiżjoni tar-rinviju, dik il-qorti tosserva li, fis-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578), il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, interpretat id-Direttiva 93/13 f’dak li jirrigwarda l-istħarriġ tan-natura inġusta u tar-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżola, li tinsab f’kuntratt ta’ self irregolat mid-dritt Spanjol, li timponi fuq il-persuna li tissellef il-ħlas ta’ kummissjoni għall-ftuħ. Hija tippreċiża li, wara dik is-sentenza, il-qrati nazzjonali taw, f’dan il-qasam, deċiżjonijiet kontradittorji, u dan wassal sabiex it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) tressaq talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda, mill-ġdid, din il-klawżola u li tat lok għas-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self) (C‑565/21, EU:C:2023:212).

15

Il-Qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ma’ din l-aħħar sentenza.

16

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssemmi sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tad‑29 ta’ Mejju 2023, is-sentenza 816/2023 (ES:TS:2023:2131), li fiha din tal-aħħar qieset li l-klawżola li tipprevedi kummissjoni għall-ftuħ, li hija remunerazzjoni tal-ispejjeż tal-istudju, tal-għoti, jew tal-ipproċessar tas-self jew tal-kreditu ipotekarju, ma hijiex, fiha nnifisha, ta’ natura inġusta. It-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tillimita l-istħarriġ tagħha tan-natura inġusta ta’ tali klawżola għal żewġ aspetti, jiġifieri, minn naħa, il-fatt li s-servizzi mħallsa minn din il-kummissjoni ma jkunux inklużi f’elementi oħra diġà ffatturati lill-konsumatur u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-ammont tal-imsemmija kummissjoni ma jkunx sproporzjonat meta mqabbel mal-ispiża medja tal-kummissjonijiet għall-ftuħ fi Spanja, fejn l-istatistika dwar din l-ispiża hija aċċessibbli fuq l-internet.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de Primera Instancia no 8 ta’ Donostia – San Sebastián (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 8 ta’ Donostia-San Sebastián) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-prinċipju ta’ trasparenza jipprekludi l-ħlas ta’ “kummissjoni ta’[għall-] ftuħ” għall-provvista, mill-bejjiegħ jew mill-fornitur, ta’ servizzi li fir-rigward tagħhom huwa ma jipprovdix speċifikazzjonijiet, la fir-rigward tal-kontenut tagħhom u lanqas fir-rigward tal-ħin iddedikat għalihom, punt li jipprekludi lill-konsumatur milli jivverifika, minn naħa, li l-ammont ta’ din il-kummissjoni huwa konformi ma dak li ġie miftiehem jew ma dak li ġie stabbilit fil-lista ta’ prezzijiet jew, fi kwalunkwe każ, li dan huwa raġonevoli fid-dawl tat-tip ta’ servizz u, min-naħa l-oħra, li l-ebda servizz ma kien sovrappost, li l-konsumatur ma huwiex qiegħed iħallas għal servizzi li r-remunerazzjoni tagħhom hija diġà integrata fl-interessi ordinarji, u li l-bejjiegħ jew il-fornitur ma huwiex qiegħed jiffattura xi servizz ieħor darbtejn?

2)

Il-prinċipju ta’ trasparenza jipprekludi lill-bejjiegħ jew lill-fornitur milli, meta jirreklama r-rata tal-interessi proposta fil-każ ta’ self ipotekarju intiż għall-konsumaturi, ma jirreklamax ukoll l-eżistenza tal-“kummissjoni ta’ ftuħ” li għandha titħallas b’mod obbligatorju meta l-kuntratt irreklamat jiġi konkluż, b’mod partikolari meta din il-kummissjoni tikkostitwixxi perċentwali magħrufa, stabbilita minn qabel u fissa tal-ammont misluf, irrispettivament mill-ammont ta’ dan is-self?

3)

Jekk l-eżami tal-applikazzjoni għas-self u l-proċessi relatati miegħu, il-ġbir u l-analiżi tal-informazzjoni dwar is-solvenza tal-applikant u dwar il-kapaċità tiegħu li jirrimborsa s-self matul it-terminu kollu tiegħu, u l-evalwazzjoni tal-garanziji ppreżentati huma wħud mis-servizzi rremunerati permezz tal-kummissjoni ta’ ftuħ meta l-applikazzjoni għal self tiġi approvata u meta jiġi ffirmat il-kuntratt ta’ self, u jekk dawn l-istess servizzi ma jiġux iffatturati meta l-applikazzjoni għal self tiġi miċħuda, għandu jitqies li dawn huma servizzi inerenti għall-attività bankarja, li jifformaw parti mill-protokoll ta’ sigurtà tal-istituzzjoni [ta’ kreditu], u li l-ispiża tagħhom għandha tiġi sostnuta mill-imsemmija istituzzjoni, hekk kif previst fid-Direttiva [2014/17]?

4)

Jekk jirriżulta li l-kummissjoni ta’ ftuħ tirremunera servizzi li ma humiex relatati mal-attività proprja tal-istituzzjoni mutwanti, li hija r-raġuni għalfejn dawn jitħallsu separatament mill-interessi ordinarji, l-imsemmija istituzzjoni għandha, għalhekk, tipprovdi lill-konsumatur il-fattura relatata magħhom billi tindikahom b’mod diżaggregat flimkien mal-VAT korrispondenti għal kull provvista ta’ servizzi?

5)

Il-prinċipju ta’ trasparenza jipprekludi lill-bejjiegħ jew lill-fornitur, li impona l-ħlas ta’ kummissjoni ta’ ftuħ bħala l-prezz għal sensiela ta’ servizzi speċifiċi ħafna, milli ma jipprevedix tariffa li tinkludi l-prezz fis-siegħa ta’ kull wieħed minn dawn is-servizzi u milli ma jikkomunikax din it-tariffa lill-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, b’tali mod li dan ikun jista’, minn naħa, ikun jaf minn qabel l-ispiża finali tal-kuntratt tiegħu ta’ self u, min-naħa l-oħra, iqabbel il-prezz ta’ dawn is-servizzi mal-prezz propost minn bejjiegħa jew fornituri oħra?

6)

Il-fatt li l-bejjiegħ jew il-fornitur jiffattura sensiela ta’ servizzi speċifiċi ħafna, indispensabbli għall-konklużjoni tal-kuntratt previst miż-żewġ partijiet, billi jnaqqas perċentwali tal-ammont totali tas-self mogħti, b’tali mod li servizz identiku, ipprovdut mill-istess numru ta’ persuni u matul l-istess perijodu, kien iffatturat bħala “kummissjoni ta’ ftuħ” f’ammonti differenti skont l-ammont tas-self mogħti f’kull każ, huwa konformi mal-prinċipju ta’ trasparenza?

7)

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva [93/13] jipprekludi stħarriġ ta’ trasparenza li skontu l-klawżola relatata mal-kummissjoni ta’ ftuħ tirriżulta inġusta skont jekk l-ammont tagħha jaqbiżx jew le ċifra speċifika li tirriżulta minn statistika dwar l-ammonti ta’ din il-kummissjoni, li nkisbet fuq l-internet?

8)

L-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali li tgħid li n-natura sproporzjonata tal-kummissjoni ta’ ftuħ għandha tiġi ddeterminata abbażi ta’ dawk li dak iż-żmien kienu, skont l-istatistika, l-ammonti tal-kummissjonijiet ta’ ftuħ applikati fi Spanja, kummissjonijiet ta’ ftuħ li kienu imposti f’mument fejn, fi Spanja, il-klawżoli li kienu jinkludu dawn il-kummissjonijiet ta’ ftuħ ma kinux suġġetti għal stħarriġ tan-natura inġusta tagħhom?

9)

Il-prinċipju ta’ effettività jipprekludi li, fil-kuntratti konklużi qabel it-traspożizzjoni mir-Renju ta’ Spanja tad-Direttiva 2014/17 fid-dritt nazzjonali, il-bejjiegħ jew il-fornitur jiffattura kummissjoni ta’ ftuħ li tirremunera l-eżami tas-solvenza tal-mutwatarju potenzjali u tal-vijabbiltà tat-tranżazzjoni, meta, wara t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, tali eżamijiet ma jistgħux iktar ikunu jinvolvu spejjeż għall-mutwatarju potenzjali?

10)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali, bħal dik stabbilita mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) fis-sentenza 816/2023, tad-29 ta’ Mejju 2023 [(ES:TS:2023:2131)], li tgħid li l-istħarriġ tan-natura inġusta tal-klawżola relatata mal-“kummissjoni ta’ ftuħ” la jeżiġi li din tispeċifika liema huma s-servizzi rremunerati permezz ta’ din il-kummissjoni u lanqas b’liema prezz dawn jiġu ffatturati, u fis-sens li jipprekludi li dan l-istħarriġ tan-natura inġusta jkun limitat għal verifika ta’ jekk l-imsemmija klawżola tindikax b’mod ċar l-ammont dovut mill-konsumatur u jekk dan jaqbiżx il-limitu stabbilit sabiex ikun jista’ jitqies li huwa sproporzjonat?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

18

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-konvenuta fil-kawża prinċipali, ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni Ewropea jesprimu dubji dwar l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari jew, minn tal-inqas, ta’ xi waħda mid-domandi magħmula.

19

Qabel kollox, il-konvenuta fil-kawża prinċipali teċepixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fir-rigward tat-talba għal deċiżjoni preliminari, ibbażata fuq il-fatt li din tal-aħħar ma tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-qorti tar-rinviju ma ddeskrivietx b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom hija għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Hija tkompli tesponi li l-problema li fuqha huma bbażati d-domandi preliminari diġà ġiet indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self) (C‑565/21, EU:C:2023:212), b’tali mod li risposta għal dawn id-domandi ma hijiex iktar neċessarja.

20

Skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet it-tilwima, u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja eventwali, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Booking.com u Booking.com (Deutschland), C‑264/23, EU:C:2024:764, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Booking.com u Booking.com (Deutschland), C‑264/23, EU:C:2024:764, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

F’dan il-każ, id-domandi magħmula jirrigwardaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 93/13 u tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/17. Barra minn hekk, minn qari globali tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju ddefinixxiet b’mod suffiċjentement preċiż il-kuntest fattwali u ġuridiku tat-tilwima fil-kawża prinċipali, li fih tressqet din it-talba, sabiex ikun possibbli kemm li l-partijiet ikkonċernati jippreżentaw osservazzjonijiet, konformement mal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’mod utli għall-imsemmija talba. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju semmiet b’mod ċar il-ġurisprudenza nazzjonali inkwistjoni u d-dubji li hija kellha dwar il-kompatibbiltà tas-sentenza 816/2023 tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tad‑29 ta’ Mejju 2023 (ES:TS:2023:2131), mad-Direttiva 93/13, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self) (C‑565/21, EU:C:2023:212). Dawn id-dubji jistgħu jiġu dedotti wkoll mill-formulazzjoni tad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju u jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-kriterji ta’ evalwazzjoni tan-natura trasparenti jew inġusta ta’ klawżola li tipprevedi kummissjoni għall-ftuħ. Dawn jeħtieġu preċiżazzjonijiet addizzjonali għas-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self) (C‑565/21, EU:C:2023:212).

23

Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà eċeppita mill-konvenuta fil-kawża prinċipali għandha tiġi miċħuda.

24

Wara dan, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ssostni li t-tieni domanda hija ta’ natura ipotetika fl-assenza ta’ dibattitu, fit-tilwima fil-kawża prinċipali, dwar ir-reklamar li għalih għandha tkun suġġetta klawżola li tipprevedi kummissjoni għall-ftuħ.

25

Issa, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, li skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 20 ta’ din is-sentenza għandha tevalwa kemm in-neċessità ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi magħmula, tirrigwarda b’mod iktar ġenerali l-informazzjoni li l-istabbiliment bankarju għandu jipprovdi lill-konsumatur abbażi tar-rekwiżit ta’ trasparenza previst fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13. Għalhekk jidher li l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija utli għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

26

Konsegwentement, it-tieni domanda hija ammissibbli.

27

Fl-aħħar nett, kemm il-konvenuta fil-kawża prinċipali kif ukoll ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni jinvokaw l-inammissibbiltà tat-tielet u tad-disa’ domanda minħabba li d-Direttiva 2014/17, li hija s-suġġett ta’ dawn id-domandi, ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali.

28

Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju effettivament tistaqsi jekk id-Direttiva 2014/17 tipprekludix li l-ispiża marbuta mal-istudju tas-solvenza tal-persuna li tissellef tiġi imposta fuq din tal-aħħar, u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk tali konklużjoni tapplikax għall-kuntratti ta’ kreditu konklużi qabel it-traspożizzjoni tagħha fid-dritt Spanjol.

29

Għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 2014/17, din id-direttiva ma tapplikax għall-kuntratti ta’ kreditu fis-seħħ fil‑21 ta’ Marzu 2016. Issa, il-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie konkluż fit‑22 ta’ Jannar 2010.

30

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2014/17, li tagħha qiegħdha tintalab l-interpretazzjoni, ma hijiex applikabbli ratione temporis għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tat-tielet u tad-disa’ domanda preliminari ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 20 u 21 ta’ din is-sentenza, it-tielet u d-disa’ domanda għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel, it-tieni, ir-raba’ u l-ħames domanda

32

Permezz tal-ewwel, tat-tieni, tar-raba’ u tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li; fid-dawl ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-kummissjoni għall-ftuħ ta’ self ipotekarju hija remunerazzjoni tas-servizzi marbuta mal-eżami, mal-għoti jew mal-ipproċessar tas-self jew tal-kreditu ipotekarju jew servizzi simili oħra; tqis li l-klawżola li timponi tali kummissjoni fuq il-konsumatur tissodisfa r-rekwiżit ta’ trasparenza li jirriżulta minn dan l-Artikolu 5, mingħajr ma din il-klawżola ma tispeċifika fid-dettall la s-servizzi kollha pprovduti bħala korrispettiv għal din il-kummissjoni u lanqas iż-żmien neċessarju għall-eżekuzzjoni ta’ dawn is-servizzi u mingħajr ma l-bejjiegħ jew il-fornitur la jinforma lill-konsumatur bl-eżistenza ta’ tal-imsemmija kummissjoni waqt il-komunikazzjoni tar-rata ta’ interessi proposta, la jindika tariffa fis-siegħa u lanqas ma jipprovdilha fatturi ddettaljati, li juru t-tqassim tal-imsemmija servizzi kif ukoll it-taxxi relatati magħhom.

33

Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li r-rekwiżit ta’ trasparenza previst fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 ma għandux jinftiehem bħala limitat biss għan-natura li tinftiehem ta’ dawn il-klawżoli kuntrattwali fuq livell formali u grammatikali, iżda li, bil-kontra ta’ dan, peress li s-sistema ta’ protezzjoni implimentata permezz ta’ din id-direttiva hija msejsa fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħ jew tal-fornitur f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-livell ta’ informazzjoni, dan ir-rekwiżit ta’ tfassil ċar u li jinftiehem tal-klawżoli kuntrattwali u, għaldaqstant, ta’ trasparenza, impost mill-imsemmija direttiva, għandu jinftiehem b’mod estensiv (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self), C‑565/21, EU:C:2023:212, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Għalhekk, l-imsemmi rekwiżit ma għandux jinftiehem bħala li jimponi biss li l-klawżola kkonċernata tkun tista’ tinftiehem mill-konsumatur fuq livell grammatikali, iżda bħala li jimponi wkoll li l-kuntratt jesponi b’mod trasparenti l-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu li għalih tagħmel riferiment il-klawżola kkonċernata kif ukoll, jekk ikun il-każ, ir-relazzjoni bejn dan il-mekkaniżmu u dak stabbilit minn klawżoli oħra, b’tali mod li l-konsumatur jitqiegħed f’pożizzjoni li jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw għalih minn dawn il-klawżoli (sentenza tas-16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self), C‑565/21, EU:C:2023:212, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Minn din il-ġurisprudenza ma jirriżultax li l-persuna li ssellef hija obbligata tispeċifika fid-dettall, fil-kuntratt ikkonċernat, in-natura tas-servizzi kollha pprovduti bħala korrispettiv tal-ispejjeż previsti fi klawżola kuntrattwali waħda jew iktar. Madankollu, fid-dawl tal-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 hija intiża li tagħti lill-konsumatur minħabba l-fatt li jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħ jew tal-fornitur f’dak li jirrigwarda kemm is-setgħa ta’ nnegozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni, huwa meħtieġ li n-natura tas-servizzi effettivament ipprovduti tkun tista’ raġonevolment tinftiehem jew tiġi dedotta mill-kuntratt ikkunsidrat fl-intier tiegħu. Barra minn hekk, il-konsumatur għandu jkun f’pożizzjoni li jivverifika li ma jkunx hemm sovrappożizzjoni bejn id-diversi spejjeż jew bejn is-servizzi li għalihom dawn l-ispejjeż jikkostitwixxu r-remunerazzjoni (sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 43 kif ukoll tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self), C‑565/21, EU:C:2023:212, punt 32).

36

F’dan ir-rigward, fil-punt 70 tas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk l-istabbiliment finanzjarju kkomunikax lill-konsumatur elementi suffiċjenti sabiex dan tal-aħħar jikseb għarfien tal-kontenut u tal-funzjonament tal-klawżola li tobbligah iħallas kummissjoni għall-ftuħ, kif ukoll tar-rwol tiegħu fil-kuntratt ta’ self. B’dan il-mod, il-konsumatur ikollu aċċess għar-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-remunerazzjoni li tikkorrispondi għal din il-kummissjoni u għalhekk ikun jista’ jevalwa l-portata tal-obbligu tiegħu u, b’mod partikolari, l-ispejjeż totali tal-imsemmi kuntratt (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self), C‑565/21, EU:C:2023:212, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Il-qorti kompetenti għandha tevalwa n-natura ċara u li tinftiehem ta’ klawżola, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-punti kollha ta’ fatt rilevanti u, b’mod partikolari, tal-formulazzjoni tal-klawżola eżaminata, tal-informazzjoni li l-istabbiliment finanzjarju ta lill-persuna li tissellef, inkluża dik li huwa obbligat jipprovdi konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, kif ukoll tar-reklamar imwettaq minn dan l-istabbiliment fir-rigward tat-tip ta’ kuntratt konkluż, u dan filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell ta’ attenzjoni li jista’ jkun mistenni minn konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self), C‑565/21, EU:C:2023:212, punt 40).

38

F’dak li jirrigwarda l-mument li fih għandha tingħata l-informazzjoni lill-konsumatur, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-provvista, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, tal-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet kuntrattwali u dwar il-konsegwenzi ta’ din il-konklużjoni hija, għal konsumatur, ta’ importanza fundamentali. Huwa, b’mod partikolari, abbażi ta’ din l-informazzjoni li dan tal-aħħar jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat bil-kundizzjonijiet redatti minn qabel mill-bejjiegħ jew mill-fornitur (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ibercaja Banco, C‑452/18, EU:C:2020:536, punt 47 u tat‑12 ta’ Jannar 2023, D. V. (Onorarji ta’ avukat–Prinċipju ta’ tariffa fis-siegħa (C‑395/21, EU:C:2023:14, punt 39).

39

Il-fatt jekk dawn il-klawżoli jirrigwardawx jew le s-suġġett prinċipali ta’ dan il-kuntratt huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, sabiex il-konsumatur, konformement mal-għan imfittex mill-imsemmi rekwiżit ta’ trasparenza, ikun jista’ jiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk jixtieqx ikun marbut bil-kundizzjonijiet redatti minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, huwa għandu neċessarjament, qabel ma jieħu tali deċiżjoni, ikun seta’ jieħu konjizzjoni tat-totalità tal-imsemmi kuntratt, peress li huma l-klawżoli kollha ta’ dan tal-aħħar li jiddeterminaw b’mod partikolari d-drittijiet u l-obbligi imposti fuq il-konsumatur taħt l-istess kuntratt (sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Occidental–Companhia Portuguesa de Seguros de Vida, C‑263/22, EU:C:2023:311, punt 30).

40

B’analoġija, għalkemm bejjiegħ jew fornitur ma jistax ikun mistenni li jinforma lill-konsumatur dwar il-konsegwenzi finanzjarji finali tal-impenn tiegħu, li jiddependu fuq ġrajjiet futuri, imprevedibbli u indipendenti mir-rieda ta’ dan il-bejjiegħ jew fornitur, xorta jibqa’ l-fatt li l-informazzjoni li huwa għandu l-obbligu li jikkomunika qabel il-konklużjoni tal-kuntratt għandha tippermetti li l-konsumatur jieħu d-deċiżjoni tiegħu bi prudenza u b’għarfien sħiħ, minn naħa, tal-possibbiltà li tali ġrajjiet iseħħu u, min-naħa l-oħra, tal-konsegwenzi li dawn jistgħu jiġġeneraw fir-rigward tat-tul tal-provvista tas-servizzi legali kkonċernati (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, D. V. (Onorarji ta’ avukat)–Prinċipju ta’ tariffa fis-siegħa (C‑395/21, EU:C:2023:14, punt 43).

41

F’dak li jirrigwarda kuntratt ta’ servizzi legali ffatturati fis-siegħa, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li għalkemm għandu jiġi osservat li l-klawżola li timponi fuq il-persuna li tissellef kummissjoni għall-ftuħ ta’ EUR 588.70, ekwivalenti għal 0.35 % tal-ammont tas-self mogħti, jiġifieri s-somma ta’ EUR 168200 rimborsabbli fuq perijodu ta’ tletin sena, hija ddefinita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali bħala r-remunerazzjoni tas-servizzi marbuta mal-eżami, mal-għoti jew mal-ipproċessar tas-self jew tal-kreditu ipotekarju jew ta’ servizzi simili oħra. Ir-rekwiżit ta’ trasparenza, li huwa intiż prinċipalment sabiex jiżgura li l-konsumatur jitqiegħed f’pożizzjoni li jevalwa l-konsegwenzi finanzjarji ta’ klawżola bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jimplikax li l-istabbiliment bankarju għandu l-obbligu li jispeċifika fid-dettall in-natura tas-servizzi kollha pprovduti bħala korrispettiv għal-kummissjoni għall-ftuħ, u lanqas dak li jispeċifika fid-dettall il-volum fis-siegħa ddedikat għall-provvista ta’ kull wieħed minn dawn is-servizzi peress li dawn l-elementi ma jaffettwawx l-ammont totali tar-remunerazzjoni li għandha titħallas b’rabta ma din il-kummissjoni u l-possibbiltà tal-konsumatur li jifhem ir-raġunijiet li jiġġustifikaw din ir-remunerazzjoni.

42

Mid-Direttiva 93/13 lanqas ma jirriżulta li l-istabbiliment bankarju huwa obbligat li jipprovdi lill-konsumatur fatturi li jispeċifikaw fid-dettall kemm il-kontenut ta’ kull servizz ipprovdut kif ukoll it-tariffa fis-siegħa relatata mat-twettiq ta’ dawn tal-aħħar. Minbarra li tali obbligu ma huwiex meħtieġ mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza, dan lanqas ma jista’, mid-definizzjoni tiegħu stess, jiffaċilita l-komprensjoni tal-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt. Fil-fatt, il-ħlas tal-kummissjoni għall-ftuħ isir darba biss, fil-mument tal-għoti tas-self, u l-fatturazzjoni ssir wara l-iffirmar ta’ dan il-kuntratt.

43

Għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tan-natura “ċara u li tinftiehem”, fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, ta’ klawżola kuntrattwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha titwettaq mill-qorti nazzjonali fid-dawl tal-punti ta’ fatt rilevanti kollha u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha relatati mal-konklużjoni tal-kuntratt. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni għandha, b’mod partikolari, tittieħed inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li l-istabbiliment ipprovda lill-persuna li tissellef matul id-diversi stadji ta’ qabel l-iffirmar tal-kuntratt ta’ self, b’mod partikolari waqt il-komunikazzjoni tar-rata ta’ interessi proposta, inkluża dik l-informazzjoni li huwa għandu l-obbligu li jipprovdi konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Tali eżami każ b’każ huwa iktar u iktar importanti peress li n-natura trasparenti ta’ klawżola kuntrattwali, kif meħtieġ fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, tikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola li għandha titwettaq mill-qorti nazzjonali abbażi tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 49). Għalhekk, bħala prinċipju, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali speċifika ma tistax tiġi preżunta, peress li tali klassifikazzjoni tiddependi kemm miċ-ċirkustanzi speċifiċi għall-konklużjoni ta’ kull kuntratt, inkluża informazzjoni partikolari pprovduta minn kull bejjiegħ jew fornitur lil kull konsumatur, kif ukoll mir-realtà tas-servizzi pprovduti.

44

Fid-dawl tal-motivi esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel, għat-tieni, għar-raba’ u għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix ġurisprudenza nazzjonali li; fid-dawl ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-kummissjoni għall-ftuħ ta’ self ipotekarju hija remunerazzjoni tas-servizzi marbuta mal-eżami, mal-għoti jew mal-ipproċessar tas-self jew tal-kreditu ipotekarju jew servizzi simili oħra; tqis li l-klawżola li timponi tali kummissjoni fuq il-konsumatur tissodisfa r-rekwiżit ta’ trasparenza li jirriżulta minn dan l-Artikolu 5, mingħajr ma din il-klawżola ma tispeċifika fid-dettall la s-servizzi kollha pprovduti bħala korrispettiv għal din il-kummissjoni waqt il-komunikazzjoni tar-rata ta’ interessi proposta, la tindika tariffa fis-siegħa u mingħajr ma l-istabbiliment bankarju ma jipprovdi lill-konsumatur fatturi ddettaljati, li juru t-tqassim tal-imsemmija servizzi kif ukoll it-taxxi relatati magħhom, dejjem sakemm il-konsumatur ikun tabilħaqq tqiegħed f’pożizzjoni li jevalwa l-konsegwenzi ekonomiċi li dan jinvolvi għalih, li jifhem in-natura tas-servizzi pprovduti bħala korrispettiv tal-ispejjeż previsti fl-imsemmija klawżola u li jivverifika li ma hemm l-ebda sovrappożizzjoni bejn id-diversi spejjeż previsti fil-kuntratt jew bejn is-servizzi li dawn tal-aħħar jirremuneraw.

Fuq is-sitt domanda

45

Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 3 sa 5 tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-ammont tal-kummissjoni għall-ftuħ jiġi espress fil-forma ta’ perċentwali applikata għall-ammont totali tas-self mogħti.

46

Konformement għall-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, klawżola ta’ kuntratt li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment għandha titqies bħala li hija inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ bona fide, tkun tikkawża żbilanċ sinjifikattiv fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

47

Hija ġurisprudenza stabbilita li l-eżami tal-eżistenza ta’ tali żbilanċ sinjifikattiv ma jistax ikun limitat għal evalwazzjoni ekonomika ta’ natura kwantitattiva, ibbażata fuq paragun bejn l-ammont totali tat-tranżazzjoni li kienet is-suġġett tal-kuntratt, minn naħa, u l-ispejjeż li għalihom huwa responsabbli l-konsumatur skont il-klawżola kuntrattwali inkwistjoni, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, żbilanċ sinjifikattiv jista’ jirriżulta mis-sempliċi fatt ta’ preġudizzju suffiċjentement serju għas-sitwazzjoni legali li fiha jitqiegħed il-konsumatur, bħala parti fil-kuntratt inkwistjoni, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, kemm jekk fil-forma ta’ restrizzjoni għall-kontenut tad-drittijiet li, skont dawn id-dispożizzjonijiet, huwa jislet minn dan il-kuntratt kif ukoll jekk fil-forma ta’ ostakolu għall-eżerċizzju tagħhom jew inkella tal-impożizzjoni fuqu ta’ obbligu addizzjonali, li ma huwiex previst fir-regoli nazzjonali (sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 51, kif ukoll tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ ta’ self), C‑565/21, EU:C:2023:212, punt 51).

48

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-qorti nazzjonali, meta tikkonstata li evalwazzjoni ekonomika ta’ natura kwantitattiva ma turix żbilanċ sinjifikattiv, ma tistax tillimita l-eżami tagħha għal din l-evalwazzjoni. F’tali każ, hija għandha teżamina jekk tali żbilanċ jirriżultax minn element ieħor, bħal restrizzjoni għal dritt li jirriżulta mid-dritt nazzjonali jew obbligu supplimentari li ma huwiex previst minn dan id-dritt (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2023, Provident Polska, C‑321/22, EU:C:2023:911, punt 46).

49

Min-naħa l-oħra, meta evalwazzjoni ekonomika ta’ natura kwantitattiva turi żbilanċ sinjifikattiv, dan jista’ jiġi kkonstatat mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati elementi oħra. Fil-każ ta’ kuntratt ta’ kreditu, tali konstatazzjoni tista’ b’mod partikolari ssir jekk is-servizzi pprovduti bħala korrispettiv għall-ispejjeż mhux inklużi mal-interessi ma jaqgħux b’mod raġonevoli taħt is-servizzi mwettqa fil-kuntest tal-konklużjoni jew tal-ġestjoni ta’ dan il-kuntratt, jew jekk l-ammonti imposti fuq il-konsumatur bħala spejjeż ta’ għoti u ta’ ġestjoni ta’ self jidhru manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-ammont misluf. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, l-effett tal-klawżoli kuntrattwali l-oħra sabiex tiddetermina jekk l-imsemmija klawżoli joħolqux żbilanċ sinjifikattiv għad-detriment tal-persuna li tissellef (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Profi Credit Polska (C‑84/19, C‑222/19 u C‑252/19, EU:C:2020:631, punt 95).

50

Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika minn qabel jekk l-eżami tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali dwar l-ispejjeż tal-kreditu mhux inklużi mal-interessi, huwiex eskluż skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2023, Provident Polska, C‑321/22, EU:C:2023:911, punt 49).

51

Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, u bla ħsara għall-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13, l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali la tirrigwarda d-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt u lanqas l-adegwatezza bejn il-prezz u r-remunerazzjoni, minn naħa, u s-servizzi jew l-oġġetti li għandhom jiġu pprovduti bħala korrispettiv, min-naħa l-oħra, sakemm dawn il-klawżoli jkunu redatti b’mod ċar u li jinftiehem (sentenza tat-23 ta’ Novembru 2023, Provident Polska, C‑321/22, EU:C:2023:911, punt 50).

52

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kummissjoni li tkopri r-remunerazzjoni tas-servizzi marbuta mal-eżami, mal-għoti jew mal-ipproċessar ta’ self jew ta’ kreditu jew ta’ servizzi simili oħra inerenti għall-attività tal-persuna li ssellef li tkun ikkawżata mill-għoti ta’ dan is-self jew ta’ dan il-kreditu ma għandiex titqies bħala li taqa’ taħt l-obbligi prinċipali li jirriżultaw minn kuntratt ta’ kreditu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ ta’ self), C‑565/21, EU:C:2023:212, punti 2223).

53

Min-naħa l-oħra, il-klawżoli dwar il-korrispettiv dovut mill-konsumatur lill-persuna li ssellef jew li jaffettwaw il-prezz effettiv li għandu jitħallas lil dan tal-aħħar mill-konsumatur jaqgħu, bħala prinċipju, taħt din it-tieni kategoriji ta’ klawżoli prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, msemmija fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-ammont tal-korrispettiv jew tal-prezz kif stabbilit fil-kuntratt huwiex adegwat għas-servizz ipprovdut bħala korrispettiv mill-persuna li ssellef (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54

F’dan il-każ, il-kuntratt konkluż bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali jipprevedi klawżola li timponi fuq il-persuna li tissellef kummissjoni għall-ftuħ li tammonta għal 0.35 % tal-ammont totali tas-self mogħti, jiġifieri s-somma ta’ EUR 588.70. Issa, is-sempliċi espressjoni tal-ispiża ta’ tali kummissjoni fil-forma ta’ perċentwali ta’ dan l-ammont, ma tistax tikkaratterizza, waħedha, l-eżistenza ta’ żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt taħt il-kundizzjonijiet imfakkra fil-punti 46 sa 49 ta’ din is-sentenza. Għalhekk, sakemm din il-klawżola tkun konformi mar-rekwiżit ta’ trasparenza, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-espressjoni tal-ammont tal-kummissjoni għall-ftuħ fil-forma ta’ perċentwali tal-ammont totali tas-self.

55

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk tali metodu ta’ espressjoni tal-prezz tas-servizzi koperti mill-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex konformi mar-rekwiżit ta’ trasparenza previst fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, għandu jitfakkar, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel, għat-tieni, għar-raba’ u għall-ħames domanda, li l-eżami tal-punt dwar jekk tali klawżola hijiex “ċara u li tinftihem”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jitwettaq mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-punti ta’ fatt rilevanti kollha u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha relatati mal-konklużjoni tal-kuntratt. F’dan ir-rigward, il-fatt li s-somma mitluba abbażi tal-kummissjoni għall-ftuħ, li hija r-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa għal numru ta’ servizzi, tiġi ddeterminata bl-applikazzjoni ta’ perċentwali tal-ammont tas-self mogħti ma jidhirx, bħala prinċipju, li jmur kontra r-rekwiżit ta’ trasparenza previst fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13. Madankollu, hija dik il-qorti li għandha tiżgura ruħha, billi tibbaża ruħha fuq l-elementi kollha relatati mal-konklużjoni tal-kuntratt, li konsumatur raġonevolment attent u avżat ikun jista’ jevalwa l-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw minn din il-klawżola.

56

Minn dan isegwi li, jekk il-qorti tar-rinviju jkollha tikkonstata li l-klawżola inkwistjoni ma hijiex ifformulata b’mod ċar u li jinftiehem, din għandha, fi kwalunkwe każ, tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni tal-eventwali natura inġusta tagħha, anki jekk fil-fatt il-kontestazzjoni ta’ din il-klawżola tkun fir-rigward tal-adegwatezza tal-prezz jew tar-remunerazzjoni meta mqabbla mas-servizzi pprovduti bħala korrispettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2015, Matei, C‑143/13, EU:C:2015:127, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑23 ta’ Novembru 2023, Provident Polska,C-321/22, EU:C:2023:911, punt 58).

57

Fid-dawl tal-motivi esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għas-sit domanda għandha tkun li l-Artikoli 3 sa 5 tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-prezz ta’ servizzi koperti minn klawżola kuntrattwali li tipprevedi kummissjoni għall-ftuħ; li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiddefinixxi bħala remunerazzjoni tas-servizzi marbuta mal-eżami, mal-għoti jew mal-ipproċessar ta’ self jew ta’ kreditu ipotekarju jew ta’ servizzi simili oħra; jiġi espress fil-forma ta’ perċentwali applikata għall-ammont totali tas-self mogħti, dejjem sakemm il-konsumatur ikun tabilħaqq tqiegħed f’pożizzjoni li jevalwa l-konsegwenzi ekonomiċi li din il-klawżola tinvolvi għalih, li jifhem in-natura tas-servizzi pprovduti bħala korrispettiv tal-ispejjeż previsti fl-imsemmija klawżola u li jivverifika li ma hemm l-ebda sovrappożizzjoni bejn id-diversi spejjeż previsti fil-kuntratt. F’dan il-każ, tali klawżola ma tistax toħloq, bi ħsara għall-konsumatur, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt.

Fuq is-seba’, it-tmien u l-għaxar domanda

58

Permezz tas-seba’, tat-tmien u tal-għaxar domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 3 u 4(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali li, fid-dawl ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-kummissjoni għall-ftuħ hija remunerazzjoni għas-servizzi marbuta mal-eżami, mal-għoti jew mal-ipproċessar tas-self jew tal-kreditu ipotekarju jew ma’ servizzi simili oħra, tivverifika biss li l-klawżola li tipprevedi din il-kummissjoni tindika b’mod ċar l-ammont dovut f’dan ir-rigward u li din l-ammont ma jaqbiżx limitu ekwivalenti għall-ispiża medja tal-kummissjonijiet għall-ftuħ li tirriżulta mill-istatistika nazzjonali, minkejja l-assenza ta’ preċiżazzjonijiet dwar is-servizzi remunerati u l-prezz ta’ kull wieħed minn dawn is-servizzi.

59

Għandu jitfakkar li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċerna kemm l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “klawżola inġusta”, previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, kif ukoll il-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika fil-kuntest tal-eżami ta’ klawżola kuntrattwali fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, filwaqt li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi, billi tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-kriterji, dwar il-klassifikazzjoni konkreta ta’ klawżola kuntrattwali partikolari skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ineżami. Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti tar-rinviju biss dawk l-indikazzjonijiet li din tal-aħħar hija mistennija tieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola kkonċernata (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 73, kif ukoll tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self), C‑565/21, EU:C:2023:212, punt 49).

60

Skont din id-dispożizzjoni, klawżola ta’ kuntratt li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment għandha titqies bħala li hija inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ bona fide, tkun tikkawża żbilanċ sinjifikattiv fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

61

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-rekwiżit ta’ bona fide, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, huwiex osservat, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tas-sittax-il premessa ta’ din id-direttiva, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika għal dan il-għan jekk il-bejjiegħ jew il-fornitur, filwaqt li jkun ittratta mal-konsumatur b’mod leali u ġust, setax raġonevolment jistenna li dan tal-aħħar jaċċetta tali klawżola wara negozjati individwali (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 74).

62

Fir-rigward tal-eżami tal-eżistenza ta’ eventwali żbilanċ sinjifikattiv, dan ma jistax ikun limitat għal evalwazzjoni ekonomika ta’ natura kwantitattiva, ibbażata fuq paragun bejn l-ammont totali tat-tranżazzjoni li kienet is-suġġett tal-kuntratt, minn naħa, u l-ispejjeż li għalihom huwa responsabbli l-konsumatur skont din il-klawżola, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, żbilanċ sinjifikattiv jista’ jirriżulta mis-sempliċi fatt ta’ preġudizzju suffiċjentement serju għas-sitwazzjoni legali li fiha jitqiegħed il-konsumatur, bħala parti fil-kuntratt inkwistjoni, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, kemm jekk fil-forma ta’ restrizzjoni għall-kontenut tad-drittijiet li, skont dawn id-dispożizzjonijiet, huwa jislet minn dan il-kuntratt kif ukoll jekk fil-forma ta’ ostakolu għall-eżerċizzju tagħhom jew inkella tal-impożizzjoni fuqu ta’ obbligu addizzjonali, li ma huwiex previst fir-regoli nazzjonali (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 51).

63

Barra minn hekk, mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13 jirriżulta li n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha tiġi evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt u billi jsir riferiment, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, kemm għaċ-ċirkustanzi kollha relatati mal-konklużjoni tiegħu, kif ukoll għall-klawżoli l-oħra kollha tal-istess kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.

64

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li klawżola kuntrattwali rregolata mid-dritt nazzjonali u li tistabbilixxi kummissjoni għall-ftuħ, li l-għan tagħha jkun ir-remunerazzjoni ta’ servizzi marbuta mal-eżami, mal-kostituzzjoni u mal-ipproċessar ippersonalizzat ta’ talba għal self jew għal kreditu ipotekarji li huma neċessarji għall-ksib ta’ tali self jew kreditu, ma tidhirx li tista’, bla ħsara għal verifika mill-qorti kompetenti, taffettwa b’mod sfavorevoli l-pożizzjoni legali tal-konsumatur kif prevista fid-dritt nazzjonali, sakemm is-servizzi pprovduti bħala korrispettiv ma jkunux jagħmlu raġonevolment parti mill-prestazzjonijiet deskritti iktar ’il fuq jew sakemm l-ammont impost fuq il-konsumatur fir-rigward tal-imsemmija kummissjoni ma jkunx sproporzjonat meta mqabbel mal-ammont tas-self (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self), C‑565/21, EU:C:2023:212, punt 59).

65

Għalkemm il-qorti kompetenti tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, fost il-kriterji li hija timplimenta sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ eventwali żbilanċ sinjifikattiv u konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, statistiċi nazzjonali li jiddeterminaw spiża medja tal-kummissjonijiet għall-ftuħ fuq perijodu speċifiku, dan l-element waħdu ma huwiex biżżejjed. Fil-każ fejn il-qorti nazzjonali tillimita ruħha li twettaq paragun bejn l-ammont tal-kummissjoni għall-ftuħ previst minn klawżola, li n-natura eventwalment inġusta tagħha hija s-suġġett tal-eżami tal-imsemmija qorti, u din l-ispiża medja, tali eżerċizzju ta’ pparagunar ikun sinjifikattiv biss bil-kundizzjoni li jkun ibbażat fuq l-iktar data reċenti li tkopri neċessarjament perijodu ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13.

66

Sa fejn mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-rekwiżit ta’ trasparenza, imsemmi fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, ma jimplikax li l-istituzzjoni bankarja għandha l-obbligu li tispeċifika fid-dettall, fil-kuntratt ta’ kreditu kkonċernat, in-natura tas-servizzi pprovduti bħala korrispettiv tar-remunerazzjoni prevista fil-klawżola li tistabbilixxi l-kummissjoni għall-ftuħ, għandu jitqies li l-osservanza tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva lanqas ma teżiġi li din il-klawżola ssemmi l-kontenut preċiż tas-servizzi koperti minn din il-kummissjoni jew inkella l-prezz ta’ kull wieħed minn dawn is-servizzi. Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti kompetenti li għandha tiżgura l-osservanza tar-rekwiżit ta’ bona fide u tal-fatt li l-imsemmija klawżola ma toħloqx żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, billi tivverifika b’mod partikolari li, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-ispejjeż mgħoddija fuq il-konsumatur jikkorrispondu għal servizzi effettivament ipprovduti mill-istabbiliment bankarju li wasslu għall-ispejjeż sostnuti minnu.

67

Għal dawn ir-raġunijiet, ir-risposta għas-seba’, għat-tmien u għall-għaxar domanda għandha tkun li l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux ġurisprudenza nazzjonali li tqis li jista’ jkun li klawżola kuntrattwali li tipprevedi, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, il-ħlas mill-konsumatur ta’ kummissjoni għall-ftuħ intiża bħala remunerazzjoni tas-servizzi marbuta mal-eżami, mal-għoti u mal-ipproċessar ippersonalizzat ta’ talba għal self jew għal kreditu ipotekarju, ma toħloqx, għad-detriment tal-konsumatur, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt u dan mingħajr ma l-bejjiegħ jew il-fornitur ma jkun obbligat li jispeċifika fid-dettall la n-natura tas-servizzi remunerati minn din il-kummissjoni u lanqas l-ispiża ta’ kull wieħed minnhom, bil-kundizzjoni li jkun possibbli li l-eventwali eżistenza ta’ tali żbilanċ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ effettiv min-naħa tal-qorti kompetenti, konformement mal-kriterji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ikun hemm bżonn billi l-ammont ta’ kummissjoni għall-ftuħ imposta fuq persuna li tissellef jiġi pparagunat mal-ispiża medja tal-kummissjonijiet għall-ftuħ identifikati fuq perijodu reċenti.

Fuq l-ispejjeż

68

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix ġurisprudenza nazzjonali li; fid-dawl ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-kummissjoni għall-ftuħ ta’ self ipotekarju hija remunerazzjoni tas-servizzi marbuta mal-eżami, mal-għoti jew mal-ipproċessar tas-self jew tal-kreditu ipotekarju jew servizzi simili oħra; tqis li l-klawżola li timponi tali kummissjoni fuq il-konsumatur tissodisfa r-rekwiżit ta’ trasparenza li jirriżulta minn dan l-Artikolu 5, mingħajr ma din il-klawżola ma tispeċifika fid-dettall la s-servizzi kollha pprovduti bħala korrispettiv għal din il-kummissjoni waqt il-komunikazzjoni tar-rata ta’ interessi proposta, mingħajr ma l-bejjiegħ jew il-fornitur ma jindika tariffa fis-siegħa u mingħajr ma l-istabbiliment bankarju ma jipprovdi lill-konsumatur fatturi ddettaljati, li juru t-tqassim tal-imsemmija servizzi kif ukoll it-taxxi relatati magħhom, dejjem sakemm il-konsumatur ikun tabilħaqq tqiegħed f’pożizzjoni li jevalwa l-konsegwenzi ekonomiċi li dan jinvolvi għalih, li jifhem in-natura tas-servizzi pprovduti bħala korrispettiv tal-ispejjeż previsti fl-imsemmija klawżola u li jivverifika li ma hemm l-ebda sovrappożizzjoni bejn id-diversi spejjeż previsti fil-kuntratt jew bejn is-servizzi li dawn tal-aħħar jirremuneraw.

 

2)

L-Artikoli 3 sa 5 tad-Direttiva 93/13,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux li l-prezz ta’ servizzi koperti minn klawżola kuntrattwali li tipprevedi kummissjoni għall-ftuħ; li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiddefinixxi bħala remunerazzjoni tas-servizzi marbuta mal-eżami, mal-għoti jew mal-ipproċessar ta’ self jew ta’ kreditu ipotekarju jew ta’ servizzi simili oħra; jiġi espress fil-forma ta’ perċentwali applikata għall-ammont totali tas-self mogħti, dejjem sakemm il-konsumatur ikun tabilħaqq tqiegħed f’pożizzjoni li jevalwa l-konsegwenzi ekonomiċi li din il-klawżola tinvolvi għalih, li jifhem in-natura tas-servizzi pprovduti bħala korrispettiv tal-ispejjeż previsti fl-imsemmija klawżola u li jivverifika li ma hemm l-ebda sovrappożizzjoni bejn id-diversi spejjeż previsti fil-kuntratt. F’dan il-każ, tali klawżola ma tistax toħloq, bi ħsara għall-konsumatur, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt.

 

3)

L-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux ġurisprudenza nazzjonali li tqis li jista’ jkun li klawżola kuntrattwali li tipprevedi, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-ħlas mill-konsumatur ta’ kummissjoni għall-ftuħ intiża bħala remunerazzjoni tas-servizzi marbuta mal-eżami, mal-għoti u mal-ipproċessar ippersonalizzat ta’ talba għal self jew għal kreditu ipotekarju, ma toħloqx, għad-detriment tal-konsumatur, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt u dan mingħajr ma l-bejjiegħ jew il-fornitur ma jkun obbligat li jispeċifika fid-dettall la n-natura tas-servizzi remunerati minn din il-kummissjoni u lanqas l-ispiża ta’ kull wieħed minnhom, bil-kundizzjoni li jkun possibbli li l-eventwali eżistenza ta’ tali żbilanċ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ effettiv min-naħa tal-qorti kompetenti, konformement mal-kriterji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ikun hemm bżonn billi l-ammont ta’ kummissjoni għall-ftuħ imposta fuq persuna li tissellef jiġi pparagunat mal-ispiża medja tal-kummissjonijiet għall-ftuħ identifikati fuq perijodu reċenti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.