SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id‑Disa’ Awla)

8 ta’ Mejju 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2006/114/KE – Reklamar qarrieqi u reklamar komparattiv – Artikolu 4(ċ) – Reklamar komparattiv permess – Sit internet li joffri servizz ta’ paragun online ta’ offerti ta’ assigurazzjoni – Paragun magħmul minn terz permezz ta’ sistema ta’ evalwazzjoni jew ta’ għoti ta’ punti – Artikolu 2(ċ) – Identifikazzjoni ta’ ‘kompetitur’ – Assenza”

Fil-Kawża C‑697/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Novembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Novembru 2023, fil-proċedura

HUK-COBURG Haftpflicht-Unterstützungs-Kasse kraftfahrender Beamter Deutschlands a.G. in Coburg

vs

Check24 Vergleichsportal GmbH,

CHECK24 Vergleichsportal für Kfz-Versicherungen GmbH,

CHECK24 Vergleichsportal für Sachversicherungen GmbH,

CHECK24 Vergleichsportal für Krankenversicherungen GmbH,

CHECK24 Vergleichsportal für Vorsorgeversicherungen GmbH,

CHECK24 Vergleichsportal für Versicherungsprodukte GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id‑Disa’ Awla),

komposta minn N. Jääskinen (Relatur), President tal-Awla, A. Arabadjiev u M. Condinanzi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal HUK-COBURG Haftpflicht-Unterstützungs-Kasse kraftfahrender Beamter Deutschlands a.G. in Coburg, minn H.‑J. Omsels, Rechtsanwalt,

għal Check24 Vergleichsportal GmbH, CHECK24 Vergleichsportal für Kfz-Versicherungen GmbH, CHECK24 Vergleichsportal für Sachversicherungen GmbH, CHECK24 Vergleichsportal für Krankenversicherungen GmbH, CHECK24 Vergleichsportal für Vorsorgeversicherungen GmbH, CHECK24 Vergleichsportal für Versicherungsprodukte GmbH, minn A. Bauer, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri bħala aġent, assistita minn E. Manzo, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Kienapfel u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (ĠU 2006, L 376, p. 21).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn HUK-COBURG Haftpflicht-Unterstützungs-Kasse kraftfahrender Beamter Deutschlands a.G. in Coburg (iktar ’il quddiem “HUK-Coburg”) u Check24 Vergleichsportal GmbH et (iktar ’il quddiem, flimkien, “Check24”) dwar talba għal waqfien ta’ sistema ta’ paragun online permezz ta’ evalwazzjoni fis-sit internet operat minn dawn tal-aħħar.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/114:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tipproteġi lill-kummerċjanti minn reklamar qarrieqi u mill-konsegwenzi żleali tiegħu u tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom huwa permess ir-reklamar komparattiv.”

4

L-Artikolu 2(ċ) ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(ċ)

‘reklamar komparattiv’ tfisser kull reklamar li espliċitament jew b’deduzzjoni jidentifika kompetitur jew merkanzija jew servizzi offruti minn kompetitur”.

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Ir-reklamar komparattiv għandu, safejn il-paragun huwa konċernat, jiġi permess fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)

jagħmel paragun bejn merkanzija jew servizzi li jissodisfaw l-istess ħtiġijiet jew li huma maħsuba għall-istess għan;

(ċ)

jagħmel paragun oġġettiv bejn wieħed jew iżjed mill-karatteristiċi essenzjali, relevanti, verifikabbli u rappreżentattivi ta’ dawk il-merkanziji u servizzi, li jistgħu jinkludu l-prezz;

(d)

la jiskredita u lanqas imaqdar it-trade marks, l-ismijiet kummerċjali, jew marki oħra distintivi, il-merkanzija, is-servizzi, l-attivitajiet jew iċ-ċirkostanzi ta’ kompetitur;

[…]

(h)

ma joħloqx konfużjoni bejn kummerċjanti, bejn dak li jirreklama u xi kompetitur jew bejn it‑trade marks, ismijiet kummerċjali jew marki oħra distintivi, merkanzija jew servizzi tar‑riklamant u dawk ta’ xi kompetitur.”

6

L-Artikolu 5 tal-istess direttiva jistabbilixxi, fl-ewwel subparagrafu tal-ewwel paragrafu tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu jeżistu mezzi adegwati u effettivi sabiex jiġi miġġieled ir-reklamar qarrieqi u jinfurzaw konformità mad-dispożizzjonijiet dwar reklamar komparattiv fl-interess tal-kummerċjanti u tal-kompetituri.”

Id-dritt Ġermaniż

7

L-Artikolu 6 tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi Kontra l-Kompetizzjoni Żleali), tat‑3 ta’ Lulju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1414), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UWG”), jiddisponi:

“(1)   Reklamar komparattiv huwa kull reklamar li, b’mod impliċitu jew espliċitu, jidentifika kompetitur jew oġġetti jew servizzi offruti minn kompetitur.

(2)   Jaġixxi b’mod żleali kull min jagħmel reklamar komparattiv jekk dan:

[…]

2.

ma jindirizzax oġġettivament karatteristika essenzjali, rilevanti, verifikabbli u rappreżentattivi waħda jew iktar, jew il-prezz ta’ dawk l-oġġetti jew is-servizzi;

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8

HUK-Coburg hija l-kumpannija omm ta’ grupp kbir ta’ assigurazzjoni Ġermaniż li s-sussidjarji tagħha joffru assigurazzjonijiet f’oqsma differenti, b’mod partikolari f’dak tal-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur.

9

Min-naħa tagħha, Check24 hija grupp ta’ kumpanniji rregolati mid-dritt Ġermaniż li joperaw sit internet ta’ paragun online li joffru mingħajr ħlas lill-utenti ta’ dan is-sit il-possibbiltà ta’ paragun ta’ prodotti differenti, fosthom formuli ta’ assigurazzjoni. Tali paragun isir abbażi ta’ serje ta’ kriterji, b’mod partikolari l-prezz, permezz ta’ marki mogħtija lid-diversi formoli ta’ assigurazzjoni (iktar ’il quddiem il-“marki”). Dan is-sit internet joffri wkoll il-possibbiltà li jiġu konklużi, eventwalment, kuntratti mal-fornituri ta’ dawn il-prodotti.

10

Dawn is-siti ta’ paragun online huma, bħala prinċipju, imfassla skont l-istess mudell, fid-diversi oqsma ta’ assigurazzjoni kkonċernati. Paġna tar-riżultati tinkiseb wara li tiddaħħal ċerta informazzjoni ta’ referenza, fosthom uħud huma obbligatorji u oħrajn huma fakultattivi, dwar id-detentur tal-polza tal-assigurazzjoni u l-prodott mixtieq. Din il-paġna tinkludi lista ta’ formoli ta’ assigurazzjoni tad-diversi assiguraturi kif ukoll deskrizzjoni qasira tal-informazzjoni dwar dawn ikkunsidrati bħala essenzjali, jiġifieri l-isem tal-assiguratur, il-prezz tal-formula kkonċernata, iżda wkoll, taħt il-forma ta’ kliem gwida, dettalji relatati magħha. Barra minn hekk, marka indikata espressament bħala tali tidher f’kamp rettangolari mdawwar bil-blu taħt l-isem tal-assiguratur ipparagunat. Din il-marka tindika valur numeriku li jvarja minn 1.0 sa 4.0 u hija akkumpanjata, skont il-każ, mill-kliem “tajjeb ħafna”, “tajjeb”, “sodisfaċenti” jew “suffiċjenti”, attribwiti lil kull assiguratur. Fil-bidu ta’ din il-lista hemm l-ewwel offerta, indikata, fil-parti l-kbira tal-każijiet, bil-kliem “rakkomandazzjoni dwar ir-relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz”, segwita mit-tieni waħda, indikata bil-kliem “rakkomandazzjoni dwar il-prestazzjoni”.

11

L-offerti li ġejjin huma bħala prinċipju kklassifikati f’ordni axxendenti tal-prezz, iżda l-klijent għandu wkoll il-possibbiltà, billi jagħfas fuq il-buttuni korrispondenti, li jikseb ordni ta’ klassifikazzjoni differenti, jiġifieri permezz tal-ismijiet tal-assiguraturi kkonċernati, ikklassifikati f’ordni alfabetika, permezz tal-marki, ikklassifikati f’ordni dixxendenti, u permezz tal-evalwazzjonijiet tal-klijenti, ikklassifikati mill-aħjar għall-inqas tajjeb. Barra minn hekk, jekk l-utent jgħaddi l-vleġġa tal-mouse fuq il-qasam li fih il-marka, hemm tieqa kuntestwali li turi informazzjoni bażika dwar din il-marka.

12

L-imsemmija marka tistrieħ fuq sistema ta’ punti bbażata fuq “parametri ta’ evalwazzjoni” differenti li jikkonsistu f’punti mogħtija sa ċertu limitu massimu, li, flimkien, jagħtu punteġġ totali. Dawn il-parametri ta’ evalwazzjoni u dan il-punteġġ totali jvarjaw skont il-qasam tal-assigurazzjoni kkonċernata. L-imsemmija parametri ta’ evalwazzjoni huma miġbura f’subgruppi jew f’kategoriji, li huma differenti skont l-oqsma ta’ assigurazzjoni inkwistjoni, u huma akkumpanjati minn indikazzjoni ħadra jew safra li turi li tajba jew salib aħmar. Fil-qiegħ ta’ din it-tieqa kuntestwali, huwa indikat li dawn is-simboli jfissru rispettivament “tajjeb ħafna”, “medju” u “inqas mill-medja/riskju mhux assigurat”.

13

Huwa f’dan il-kuntest li, matul is-sena 2020, HUK-Coburg fetħet proċedura quddiem il-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja) kontra Check24, fejn allegat, fost l-oħrajn, li, fir-rigward tal-assigurazzjonijiet tal-vetturi bil-mutur, il-paraguni proposti fis-sit internet inkwistjoni permezz tal-marki kienu jmorru kontra l-punt 2 tal-Artikolu 6(2) tal-UWG. Din il-qorti vvalidat dan ir-raġunament f’sentenza tat‑22 ta’ April 2020, u konsegwentement Check24 emendat dan is-sit internet f’dak li jirrigwarda l-prodotti ta’ assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur u qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi kkonċernati informazzjoni addizzjonali fuq il-marki. Sussegwentement, Check24 għamlet ukoll bidliet simili f’dak li jirrigwarda prodotti oħra ta’ assigurazzjoni.

14

Fis‑26 ta’ Novembru 2020, HUK-Coburg ippreżentat rikors quddiem l-imsemmija qorti kontra Check24 Vergleichsportal, il-kumpannija responsabbli għat-tqegħid tal-imsemmi sit internet għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi. Fuq talba ta’ HUK-Coburg, l-istess qorti, permezz ta’ digriet tat‑22 ta’ Marzu 2021, bagħtet il-kawża quddiem il-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju. HUK-Coburg ressqet talba għal waqfien u għal kumpens, intiża għal forom konkreti ta’ ksur, b’mod partikolari, il-wiri tal-marki fuq il-paġni tar-riżultati bħala tali, iżda wkoll flimkien mal-informazzjoni korrispondenti permezz ta’ twieqi kuntestwali. F’dan ir-rigward, hija sostniet li tali marki jikkostitwixxu reklamar komparattiv illegali bis-saħħa tad-dritt nazzjonali, minħabba li għandhom jitqiesu li huma ġudizzji ta’ valur li ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ reklamar komparattiv, għaliex huma jirriflettu oġġettività falza u jistgħu jkunu estremament qarrieqa għall-konsumatur.

15

Fl‑20 ta’ Settembru 2021, HUK-Coburg estendiet dan ir-rikors għal Check24. B’mod partikolari, HUK-Coburg talbet lil Check24 Vergleichsportal für Sachversicherungen GmbH tieqaf milli tippreżenta formuli ta’ assigurazzjoni għall-għamara u l-assigurazzjoni għall-ispejjeż legali skont il-prezzijiet tagħhom u l-evalwazzjonijiet tal-klijenti.

16

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kwistjoni dwar jekk il-punt 2 tal-Artikolu 6(2) tal-UWG, jipprojbixxix b’mod ġenerali paragun permezz ta’ marki, bħal dak inkwistjoni fit-tilwima li għandha quddiemha, tiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2006/114.

17

Din il-qorti tqis, qabelxejn, li marka hija ċifra li, waħedha, ma tipprovdix lill-konsumatur informazzjoni dwar il-prodott ipparagunat li hija importanti biżżejjed sabiex twassal għal deċiżjoni ta’ xiri, b’tali mod li din in-nota ma tikkostitwixxix karatteristika ta’ prodott, fis-sens tal-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2006/114.

18

Hija tosserva, sussegwentement, li l-attribuzzjoni ta’ punti jew ta’ marki hija att suġġettiv, filwaqt li din id-dispożizzjoni teżiġi espressament paragun oġġettiv. Fil-fehma tagħha, tali oġġettività hija meħtieġa b’mod parallel mal-verifikabbiltà u għalhekk għandu jkollha tifsira awtonoma, indipendenti minnha.

19

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-Direttiva 2006/114 tirrigwarda, bħala prinċipju, ħarsa pożittiva fuq ir-reklamar komparattiv mill-perspettiva tal-kompetizzjoni u tal-politika ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u li hija intiża biss sabiex tipproteġi lill-konsumaturi u lill-kompetituri kontra l-iżvantaġġi eventwali ta’ dan ir-reklamar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2006/114 għandhom, skont dik il-qorti, jiġu interpretati b’mod wiesa’.

20

Fl-aħħar nett, l-imsemmija qorti tqis li sistema ta’ evalwazzjoni jew ta’ għoti ta’ punti tippermetti paragun sintetiku ta’ numru kbir ta’ kriterji u għalhekk tista’ tikkostitwixxi għajnuna għall-konsumatur fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet ta’ xiri kumplessi.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva [2006/114] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjonijiet għal reklamar komparattiv permissibbli taħt din id-dispożizzjoni jistgħu wkoll jiġu ssodisfatti jekk il-paragun isir permezz ta’ sistema ta’ klassifikazzjoni jew punteġġ?”

Fuq id-domanda preliminari

22

Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha l-obbligu li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ t-tilwima li jkollha quddiemha. F’dan il-kuntest, jekk ikun il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew magħmula lilha. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompitu li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li għandhom bżonn il-qrati nazzjonali sabiex jiddeċiedu fuq it-tilwim quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux indikati espressament fid-domandi li jkunu indirizzati lilha minn dawn il-qrati (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, K.H.K. (Preżervazzjoni tal-kontijiet),C‑555/18, EU:C:2019:937, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Konsegwentement, anki jekk, formalment, id-domanda magħmula tirreferi għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(ċ) tad-Direttiva 2006/114, b’mod partikolari għall-punt dwar jekk il-kundizzjonijiet li jikkostitwixxu reklamar komparattiv legali jistgħux jiġu ssodisfatti wkoll meta paragun isir permezz ta’ sistema ta’ evalwazzjoni jew ta’ attribuzzjoni ta’ punti, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, K.H.K. (Preżervazzjoni tal-kontijiet),C‑555/18, EU:C:2019:937, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

F’dan il-każ, fid-dawl tal-elementi li jirriżultaw mit-talba għal deċiżjoni preliminari, għandu jiġi eżaminat jekk servizz ta’ paragun online ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni pprovdut minn impriża jistax jitqies li jikkostitwixxi “reklamar komparattiv”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2006/114, u, jekk ikun il-każ, jekk tali forma ta’ reklamar tissodisfax il-kriterji ta’ legalità stabbiliti minn din id-direttiva.

25

Dan l-Artikolu 2(ċ) jiddefinixxi l-kunċett ta’ “reklamar komparattiv” bħala li “tfisser kull reklamar li espliċitament jew b’deduzzjoni jidentifika kompetitur jew merkanzija jew servizzi offruti minn kompetitur”.

26

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-element speċifiku tal-kunċett ta’ reklamar komparattiv huwa kkostitwit mill-identifikazzjoni ta’ kompetitur ta’ min jirreklama jew tal-oġġetti u tas-servizzi li joffri (sentenzi tad‑19 ta’ April 2007, De Landtsheer Emmanuel,C‑381/05, EU:C:2007:230, punt 27, u tat‑18 ta’ Novembru 2010, Lidl,C‑159/09, EU:C:2010:696, punt 30).

27

Għaldaqstant, kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni Ewropea, huwa għalhekk determinanti, f’dan il-każ, li jsir magħruf jekk grupp ta’ kumpanniji li joffru servizzi ta’ paragun online ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni jistax jiġi kklassifikat bħala “kompetitur”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2006/114, ta’ grupp ta’ assigurazzjoni.

28

Minn dan isegwi li min jirreklama, jiġifieri Check24, għandu jkun kompetitur ta’ HUK-Coburg sabiex il-prassi kkontestata titqies bħala reklamar komparattiv fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(ċ) u li din il-prassi tkun tista’ għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, fatt li għandu jiġi eżaminat mill-qorti tar-rinviju.

29

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li la din id-dispożizzjoni u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tal-imsemmija direttiva ma jinkludu definizzjoni tal-kunċett ta’ “kompetitur”.

30

Fir-rigward ta’ dan il-kunċett ta’ “kompetitur”, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-kwalità ta’ impriżi kompetituri koperta mill-kunċett ta’ reklamar komparattiv hija bbażata, mid-definizzjoni tagħha stess, fuq in-natura sostitwibbli tal-oġġetti jew tas-servizzi li dawn l-impriżi joffru fis-suq (sentenzi tad‑19 ta’ April 2007, De Landtsheer Emmanuel,C‑381/05, EU:C:2007:230, punt 28, u tat‑18 ta’ Novembru 2010, Lidl,C‑159/09, EU:C:2010:696, punt 30).

31

Din hija r-raġuni għaliex l-Artikolu 4(b) tad-Direttiva 2006/114 jissuġġetta l-legalità ta’ reklamar komparattiv għall-kundizzjoni li dan jipparaguna oġġetti jew servizzi li jissodisfaw l-istess bżonnijiet jew li għandhom l-istess għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2007, De Landtsheer Emmanuel,C‑381/05, EU:C:2007:230, punt 29).

32

Barra minn hekk, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li prodotti huma, sa ċertu punt, ta’ natura li jissodisfaw bżonnijiet identiċi jippermetti li jiġi konkluż li hemm ċertu livell ta’ sostituzzjoni bejniethom (sentenzi tad‑19 ta’ April 2007, De Landtsheer Emmanuel,C‑381/05, EU:C:2007:230, punt 30, u tat‑18 ta’ Novembru 2010, Lidl,C‑159/09, EU:C:2010:696, punt 32).

33

Fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni konkreta ta’ dan il-grad ta’ sostituzzjoni, li għandha ssir mill-qrati nazzjonali u li għandhom iwettqu fid-dawl ta’ l-għanijiet tad-Direttiva 2006/114 kif ukoll tal-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tippreżupponi l-eżami ta’ kriterji li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ relazzjoni kompetittiva bejn almenu parti tal-firxa tal-prodotti offruti mill-impriżi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2007, De Landtsheer Emmanuel,C‑381/05, EU:C:2007:230, punt 33).

34

F’dan il-każ, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-eżami tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn Check24 u HUK-Coburg, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq, għandha tkun ibbażata fuq analiżi tan-natura eventwalment sostitwibbli tas-servizzi offruti rispettivament mill-partijiet fil-kawża prinċipali, intiża sabiex tiddetermina jekk dawn joperawx fl-istess suq.

35

F’dan ir-rigward, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, filwaqt li HUK-Coburg tipprovdi lill-klijenti tagħha servizzi ta’ assigurazzjoni f’diversi oqsma, Check24 ma toffrix hija stess tali servizzi, iżda sempliċement tipparaguna online formuli differenti ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni offruti minn kumpanniji tal-assigurazzjoni permezz ta’ sistema ta’ evalwazzjoni jew ta’ għoti ta’ punti u, jekk ikun il-każ, toffri, bħala intermedjarju, il-possibbiltà li tikkonkludi kuntratti mal-kumpanniji tal-assigurazzjoni li jipprovdu s-servizzi pparagunati.

36

B’hekk, sa fejn minn dan il-proċess jirriżulta li Check24 topera sit ta’ paragun ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni online u ma hijiex hija stess kumpannija tal-assigurazzjoni, hija la tista’ tipprovdi u lanqas tiddisponi minn tali servizzi, inkluż meta hija tippermetti, bħala sempliċi intermedjarja, il-konklużjoni ta’ kuntratti bejn klijenti u fornituri ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni.

37

Għaldaqstant, jidher, bla ħsara għal verifika iktar wiesgħa mill-qorti tar-rinviju, li grupp ta’ assigurazzjoni, bħal HUK-Coburg, u grupp ta’ kumpanniji li jipprovdu servizzi ta’ paragun online ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni, bħal Check24, joffru servizzi li ma humiex sostitwibbli u għalhekk joperaw fi swieq ta’ servizzi differenti.

38

Minn dan isegwi li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “reklamar komparattiv”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2006/114, servizzi ta’ paragun online ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni pprovduti minn impriża li la tidentifika kompetitur tagħha u lanqas oġġetti jew servizzi offruti minn tali kompetitur.

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2006/114 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “reklamar komparattiv”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, servizz ta’ paragun online ta’ prodotti jew ta’ servizzi pprovdut minn impriża li ma hijiex “kompetitur” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, jiġifieri li ma toffrix hija stess il-prodotti jew is-servizzi li hija tipparaguna u li topera, konsegwentement, f’suq ta’ prodotti jew ta’ servizzi distinti. L-istess japplika meta din l-impriża taġixxi bħala intermedjarja u tippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti ma’ impriżi li joffru l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati, mingħajr ma topera hija stess fis-suq ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id‑Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “reklamar komparattiv”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, servizz ta’ paragun online ta’ prodotti jew ta’ servizzi pprovdut minn impriża li ma hijiex “kompetitur” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, jiġifieri li ma toffrix hija stess il-prodotti jew is-servizzi li hija tipparaguna u li topera, konsegwentement, f’suq ta’ prodotti jew ta’ servizzi distinti. L-istess japplika meta din l-impriża taġixxi bħala intermedjarja u tippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti ma’ impriżi li joffru l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati, mingħajr ma topera hija stess fis-suq ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.