Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

15 ta’ Jannar 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 12(3) – Kuntratt pubbliku suġġett għal għoti dirett lil persuna ġuridika kkontrollata b’mod konġunt mill-awtoritajiet kontraenti – Kundizzjonijiet – Limitu massimu tal-attivitajiet tal-persuna ġuridika kkontrollata eżerċitati fil-qadi tal-funzjonijiet fdati lilha mill-awtoritajiet kontraenti – Artikolu 12(5) – Teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tas-sussidjarji tal-grupp li l-persuna ġuridika kkontrollata hija l-kumpannija omm tiegħu – Leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kontabbiltà – Direttiva 2013/34/UE – Artikoli 22 u 24 – Tħejjija ta’ dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati”

Fil-Kawża C‑692/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Novembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Novembru 2023, fil-proċedura

AVR-Afvalverwerking BV

vs

NV BAR-Afvalbeheer,

Gemeente Barendrecht,

Gemeente Albrandswaard,

Gemeente Ridderkerk,

NV Irado,

Afvalsturing Friesland NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, J. Passer, E. Regan (Relatur), D. Gratsias u B. Smulders, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑5 ta’ Frar 2025,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal AVR-Afvalverwerking BV, minn P. F. C. Heemskerk u E. L. Vos, advocaten,

–        għal NV BAR‑Afvalbeheer, Gemeente Barendrecht, Gemeente Albrandswaard u Gemeente Ridderkerk, minn L. Bozkurt, advocate,

–        għal NV Irado, minn D. B. Zieren, advocaat,

–        għal Afvalsturing Friesland NV, minn L. E. J. Korsten u M. van Wanroij, advocaten,

–        għall-Gvern Taljan, minn S. Fiorentino u G. Palmieri, bħala aġenti, assistiti minn M. Cherubini u C. Colelli, avvocati dello Stato,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch u J. Schmoll, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Biolan, L. Malferrari u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ April 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3), minn naħa, u tal-Artikolu 12(5), min-naħa l-oħra, tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68, fil-ĠU L, 2023/90063 u fil-ĠU L, 2025/90115).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, AVR‑Afvalverwerking BV (iktar ’il quddiem “AVR”), u, min-naħa l-oħra, NV BAR-Afvalbeheer (iktar ’il quddiem “BAR”), il-Gemeente Barendrecht (il-Muniċipalità ta’ Barendrecht, il-Pajjiżi l-Baxxi), il-Gemeente Albrandswaard (il-Muniċipalità ta’ Albrandswaard, il-Pajjiżi l-Baxxi), il-Gemeente Ridderkerk (il-Muniċipalità ta’ Ridderkerk, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“Muniċipalitajiet BAR”), NV Irado u Afvalsturing Friesland NV (iktar ’il quddiem “AF”), dwar kuntratti pubbliċi għall-ġbir u għat-trattament tal-iskart domestiku residwu tal-Muniċipalitajiet BAR li kienu s-suġġett ta’ għotjiet diretti lil persuni ġuridiċi kkontrollati b’mod konġunt mill-awtoritajiet kontraenti.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id‑Direttiva 2013/34/UE

3        Il-premessa 31 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU 2013, L 182, p. 19, rettifika fil-ĠU L, 2025/90793), tiddikjara:

“Id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati għandhom jippreżentaw l-attivitajiet ta’ impriża omm u s-sussidjarji tagħha bħala entità ekonomika waħda (grupp). L-impriżi kkontrollati mill-impriża omm għandhom jitqiesu bħala impriżi sussidjarji. Il-kontroll għandu jkun ibbażat fuq min ikollu l-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot, imma jista’ jeżisti kontroll ukoll fejn ikun hemm ftehim mal-azzjonisti jew mal-membri sħab. F’ċerti ċirkustanzi l-kontroll jista’ jiġi effettivament eżerċitat meta l-impriża omm jkollha minoranza tal-ishma jew l-ebda sehem fis-sussidjarja. L-Istati Membri għandu jkollhom id-dritt li jirrikjedu li l-impriżi li ma jkunux soġġetti għall-kontroll, iżda li jiġu ġestiti fuq bażi unifikata, jew li jkollhom korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju komuni, jiġu inklużi fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati.”

4        L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/34, intitolat “Ir-rekwiżit li jitħejjew dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati ”, jipprovdi:

“1.      Stat Membru għandu jesiġi li kull impriża rregolata bil-liġi nazzjonali tiegħu tħejji dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat jekk dik l-impriża (impriża omm):

(a)      għandha maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew tal-membri f’impriża oħra (impriża sussidjarja);

(b)      għandha d-dritt li taħtar jew tneħħi maġġoranza tal-membri tal-korp amministrattiv, ta’ tmexxija jew ta’ sorveljanza ta’ impriża oħra (impriża sussidjarja) u hija fl-istess ħin azzjonista jew membru ta’ dik l-impriża;

(ċ)      għandha d-dritt li teżerċita influwenza dominanti fuq impriża (impriża sussidjarja) li tagħha hija azzjonista jew membru, minħabba kuntratt li sar ma’ dik l-impriża jew minħabba klawsola fil-memorandum jew l-artikoli ta’ assoċjazzjoni, meta l-liġi li tirregola dik l-impriża sussidjarja tippermetti li tista’ tiġi soġġetta għal dawk il-kuntratti jew klawsoli.

Stat Membru mhuwiex obbligat jippreskrivi li impriża omm għandha tkun azzjonista jew membru tal-impriża sussidjarja tagħha. Dawk l-Istati Membri li l-liġijiet tagħhom ma jipprevedux tali kuntratti jew klawsoli ma għandhomx jintalbu japplikaw din id-dispożizzjoni; jew

(d)      hija azzjonist jew membru ta’ impriża, u:

(i)      maġġoranza tal-membri tal-korpi amministrattivi, ta’ tmexxija jew ta’ sorveljanza ta’ dik l-impriża (impriża sussidjarja) li kellhom xi kariga matul is-sena finanzjarja, matul is-sena finanzjarja ta’ qabel u saż-żmien meta tħejjew id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati, inħatru biss bħala riżultat tal-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha tal-vot; jew

(ii)      tikkontrolla waħedha, minħabba ftehim ma’ azzjonisti jew membri oħrajn ta’ dik l-impriża (impriża sussidjarja), maġġoranza ta’ drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew il-membri f’dik l-impriża. L-Istati Membri jistgħu jintroduċu dispożizzjonijiet iktar iddettaljati dwar il-forma u kontenut ta’ ftehim bħal dan.

L-Istati Membri għandhom jippreskrivu għall-inqas l-arranġamenti msemmija fil-punt (ii). Dawn jistgħu jissoġġettaw l-applikazzjoni tal-punt (i) għar-rekwiżit li d-drittijiet tal-vot jirrappreżentaw mill-inqas 20 % tat-total.

Madankollu, il-punt (i) m’għandux japplika meta parti terza jkollha l-liġiijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (c) fir-rigward ta’ dik l-impriża.

2.      Barra mill-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jesiġu li kull impriża rregolata bil-liġi nazzjonali tagħhom għandha tħejji dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat jekk:

(a)      dik l-impriża (impriża omm) għandha s-setgħa li teżerċita, jew fil-fatt teżerċita, influwenza dominanti jew kontroll fuq impriżi oħra (l-impriża sussidjarja); jew

(b)      dik l-impriża (impriża omm) u impriża oħra (l-impriża sussidjarja) huma ġestiti fuq bażi unifikata mill-impriża omm.

3.      Għall-finijiet tal-punti (a), (b) u (d) tal-paragrafu 1, id-drittijet tal-vot u d-drittijiet ta’ ħatra u tneħħija ta’ kull impriża sussidjarja oħra kif ukoll dawk ta’ kull persuna li taġixxi f’isimha stess iżda għan-nom tal-impriża omm jew ta’ impriża sussidjarja oħra għandhom jiżdiedu ma’ dawk tal-impriża omm.

4.      Għall-finijiet tal-punti (a), (b) u (d) tal-paragrafu 1, id-drittijiet imsemmijin fil-paragrafu 3 għandhom jitnaqqsu bid-drittijiet:

(a)      marbutin ma’ azzjonijiet miżmumin għan-nom ta’ persuna li la hija l-impriża omm u lanqas sussidjarja ta’ dik l-impriża omm; jew

(b)      marbutin ma’ azzjonijiet:

(i)      miżmumin bħala garanzija, sakemm id-drittijiet inkwistjoni jkunu eżerċitati skont l-istruzzjonijiet li jingħataw, jew

(ii)      miżmumin b’konnessjoni mal-għoti ta’ self bħala parti mill-attivitajiet kummerċjali normali, sakemm id-drittijiet tal-vot ikunu eżerċitati fl-interessi tal-persuna li tagħti l-garanzija.

5.      Għall-finijiet tal-punti (a) u (d) tal-paragrafu 1, it-total tal-jeddijiet għall-vot tal-azzjonisti jew membri fl-impriża sussidjarja għandhom jitnaqqsu bil-jeddijiet għall-vot li jmorru mal-ishma miżmuma minn dik l-impriża nnifisha, minn impriża sussidjarja ta’ dik l-impriża jew minn persuna li taġixxi f’isimha stess iżda għan-nom ta’ dawk l-impriżi.

6.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 23(9) impriża omm u l-impriżi sussidjarji tagħha kollha huma impriżi li għandhom jiġu kkonsolidati irrispettivament minn fejn jinsabu l-uffiċċji reġistrati ta’ dawk l-impriżi sussidjarji.

[...]”

5        L-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva jipprevedi, skont it-titolu tiegħu, eżenzjonijiet mill-obbligu li jitħejjew dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat, imsemmi fl-Artikolu 22 tagħha.

6        L-Artikolu 24 tal-imsemmija direttiva fih, skont it-titolu tiegħu, sett ta’ regoli li jirregolaw it-tħejjija tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati.

 Id-Direttiva 2014/24

7        Il-premessi 31 u 32 tad-Direttiva 2014/24 jiddikjaraw:

“(31)      Hemm inċertezza legali konsiderevoli dwar sa fejn il-kuntratti konklużi bejn entitajiet fis-settur pubbliku għandhom ikunu koperti bir-regoli dwar l-akkwist pubbliku. Il-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija interpretata b’mod differenti bejn l-Istati Membri u anki bejn l-awtoritajiet kontraenti. Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġi ċċarat f’liema każijiet, il-kuntratti konklużi fi ħdan is-settur pubbliku mhumiex soġġetti għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku.

Din il-kjarifika għandha tkun iggwidata mill-prinċipji stabbiliti fil-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Is-sempliċi fatt li ż-żewġ partijiet fi ftehim huma awtoritajiet pubbliċi huma stess, fih innifsu ma jeskludix l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist. Madankollu, l-applikazzjoni tar-regoli tal-akkwist pubbliku ma għandhiex itellef il-libertà tal-awtoritajiet pubbliċi biex iwettqu l-kompiti pubbliċi ta’ servizzi kkonferiti lilhom billi jużaw ir-riżorsi proprji tagħhom li tinkludi l-possibbiltà ta’ kooperazzjoni ma’ awtoritajiet pubbliċi oħrajn.

Għandu jiġi żgurat li kull kooperazzjoni eżentata bejn l-awtoritajiet pubbliċi ma tirriżultax f’distorsjoni fil-kompetizzjoni fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi privati peress li hi tpoġġi lill-fornitur privat ta’ servizzi f’pożizzjoni ta’ vantaġġ vis-à-vis il-kompetituri tagħha.

(32)      Kuntratti pubbliċi mogħtija lil persuni ġuridiċi kkontrollati ma għandhomx ikunu soġġetti għall-applikazzjoni tal-proċeduri previsti f’din id-Direttiva jekk l-awtorità kontraenti twettaq kontroll fuq il-persuna ġuridika kkonċernata simili għal dak li twettaq fuq id-dipartimenti tagħha stess, dment li l-persuna legali kkontrollata twettaq aktar minn 80 % tal-attivitajiet tagħha fit-twettiq ta’ kompiti fdati lilha mill-awtorità kontraenti li tikkontrollaha jew minn persuni ġuridiċi oħrajn ikkontrollati minn dik l-awtorità kontraenti, irrilevanti mill-benefiċjarju tat-twettiq tal-kuntratt.

L-eżenzjoni m’għandhiex tiġi estiża għal sitwazzjonijiet fejn hemm parteċipazzjoni diretta minn operatur ekonomiku privat fil-kapital tal-persuna ġuridika kkontrollata minħabba li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għotja ta’ kuntratt pubbliku mingħajr proċedura kompetittiva tagħti lill-operatur ekonomiku privat b’parteċipazzjoni kapitali fil-persuna ġuridika kkontrollata vantaġġ mhux dovut fuq il-kompetituri tiegħu. Madankollu, minħabba l-karatteristiċi partikolari tal-korpi pubbliċi bi sħubija obbligatorja, bħal organizzazzjonijiet responsabbli għall-amministrazzjoni jew l-eżekuzzjoni ta’ ċerti servizzi pubbliċi, dan m’għandux japplika f’każijiet fejn il-parteċipazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi privati speċifiċi fil-kapital tal-persuna ġuridika kkontrollata ssir obbligatorja minn dispożizzjoni leġislattiva nazzjonali f’konformità mat-Trattati, sakemm din il-parteċipazzjoni ma tkunx tikkontrolla jew tibblokka u ma jkollhiex influwenza deċisiva fuq id-deċiżjonijiet tal-persuna ġuridika kkontrollata. Barra minn dan għandu jiġi ċċarat li l-element deċisiv huwa biss il-parteċipazzjoni privata diretta fil-persuna ġuridika kkontrollata. Għalhekk fejn ikun hemm parteċipazzjoni ta’ kapital privat fl-awtorità kontraenti ta’ kontroll jew fl-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll dan ma jeskludix l-għotja ta’ kontratti pubbliċi lil persuna ġuridika kkontrollata, mingħajr l-applikazzjoni tal-proċeduri previsti minn din id-Direttiva peress li dawn il-parteċipazzjonijiet ma jaffettwawx b’mod negattiv il-kompetizzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi privati.

Għandu jiġi ċċarat ukoll li l-awtoritajiet kontraenti bħall-korpi regolati mil-liġi pubblika, li jista’ jkollhom parteċipazzjoni kapitali privata, għandhom ikunu f’pożizzjoni li jużufruwixxu mill-eżenzjoni tal-kooperazzjoni orizzontali. Konsegwentement, fejn il-kondizzjonijiet l-oħra kollha f’rabta mal-kooperazzjoni orizzontali jiġu sodisfatti, l-eżenzjoni għall-kooperzzjoni orizzontali għandha tkun estiża għal dawn l-awtoritajiet kontraenti fejn il-kuntratt huwa konkluż b’mod esklussiv bejn l-awtoritajiet kontraenti.”

8        L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kuntratti pubbliċi bejn entitajiet fis-settur pubbliku”, jipprovdi, fil-paragrafi 3 u 5 tiegħu:

“3.      Awtorità kontraenti, li ma teżerċitax kontroll fuq persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew pubbliku skont it-tifsira tal-paragrafu 1, xorta waħda tista’ tagħti kuntratt pubbliku lil dik il-persuna ġuridika mingħajr ma tapplika din id-Direttiva meta jiġu sodisfatti il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin.

(a)      l-awtorità kontraenti teżerċita b’mod konġunt ma’ awtoritajiet kontraenti oħrajn kontroll fuq dik il-persuna ġuridika li huwa simili għal dak li jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess;

(b)      aktar minn 80 % tal-attivitajiet ta’ dik il-persuna ġuridika jitwettqu fi prestazzjoni tal-kompiti fdati lilha mill-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati mill-istess awtoritajiet kontraenti; u

(ċ)      ma jkunx hemm il-parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika kkontrollata bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkunux kontrollati jew blokkati mid-dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali applikabbli, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċisiva fuq il-persuna ġuridika kkkontrollata.

[...]

5.      Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-perċentwali ta’ attivitajiet imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 u l-punt (c) tal-paragrafu 4, għandu jittieħed kont tal-fatturat totali medju, jew miżura bbażata fuq attività alternattiva adatta bħal kostijiet mġarrba minn persuna ġuridika rilevanti jew awtorità kontraenti fir-rigward ta’ servizzi, provvisti u xogħlijiet għat-tliet snin li jippreċedu l-għoti tal-kuntratt.

[...]”

 Id‑dritt Olandiż

9        L-Artikoli 22 sa 24 tad-Direttiva 2013/34 ġew trasposti fl-ordinament ġuridiku Olandiż permezz ta’ dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Ktieb 2 tal-Burgerlijk Wetboek (il-Kodiċi Ċivili), intitolat “Persuni ġuridiċi”.

10      Id-Direttiva 2014/24 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Olandiż permezz tal-Aanbestedingswet (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi) tal‑1 ta’ Novembru 2012 (Stb. 2012, Nru 542), fil-verżjoni tagħha li tapplika għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi”).

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Fl‑1995, il-muniċipalitajiet tal-Provinċja ta’ Friesland (il-Pajjiżi l-Baxxi) waqqfu lil AF, organizzazzjoni komuni għat-trattament tal-iskart. Minn dakinhar ’il quddiem, muniċipalitajiet oħra Olandiżi li ma jinsabux f’din il-provinċja saru wkoll azzjonisti tagħha.

12      Il-qorti tar-rinviju tindika li AF hija l-kumpannija omm ta’ grupp ta’ sussidjarji li wħud minnhom joperaw f’qasam differenti mill-qadi tal-funzjonijiet li ġew fdati lil AF jew lis-sussidjarji tagħha mill-muniċipalitajiet azzjonisti tagħha.

13      Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikoli 22 sa 24 tad-Direttiva 2013/34, AF għandha tħejji kontijiet annwali kkonsolidati li, skont din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, għandhom jinkludu l-informazzjoni finanzjarja tagħha stess u dik tas-sussidjarji tagħha, kif ukoll tal-kumpanniji l-oħra tal-grupp u tal-persuni ġuridiċi l-oħra li fuqhom hija tista’ teżerċita kontroll jew li jkunu tqiegħdu taħt id-direzzjoni unika tagħha. Aspett ta’ dawn il-kontijiet annwali kkonsolidati huwa l-kont tal-qligħ u t-telf li fih AF għandha tinkludi, ħdejn il-prodotti, id-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat ta’ dawn l-entitajiet, għajr it-tranżazzjonijiet li jkunu saru bejniethom.

14      Barra minn hekk, AF topera hija stess landfill tal-iskart (iktar ’il quddiem il-“landfill”) f’isem il-muniċipalitajiet tal-Provinċja ta’ Friesland. Din il-landfill jintrema fiha skart residwu mhux domestiku, bħal, fost oħrajn, skart industrijali u skart minn proġetti muniċipali, bħad-dekontaminazzjoni tal-ħamrija fil-kuntest tal-kostruzzjoni tal-bini jew tat-tneħħija tal-asbestos.

15      Fis-sena 2000, tliet muniċipalitajiet tal-Provinċja ta’ Zuid‑Holland (il-Pajjiżi l-Baxxi) waqqfu lil Irado sabiex jiżguraw, b’mod partikolari, l-implimentazzjoni tal-ġestjoni tagħhom tal-iskart. Fl‑2017, Irado saret azzjonista ta’ AF u, mill‑1 ta’ Frar 2017, inkarigat lil din tal-aħħar bit-trattament tal-iskart domestiku residwu li hija tiġbor f’dawn it-tliet muniċipalitajiet tal-Provinċja ta’ Zuid‑Holland.

16      Il-Muniċipalitajiet BAR jinsabu wkoll f’din il-provinċja. Fl‑2015, huma waqqfu lil BAR sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-ġestjoni tagħhom tal-iskart.

17      Sal‑31 ta’ Diċembru 2019, kull waħda mill-Muniċipalitajiet BAR kellu ftehim ma’ diversi kumpanniji tat-trattament tal-iskart u, abbażi ta’ dawn il-ftehimiet, AVR, kumpannija kummerċjali speċjalizzata f’dan is-settur, kienet tittratta l-iskart domestiku residwu ta’ dawn il-muniċipalitajiet, parzjalment bħala subappaltatur.

18      Matul l‑2019, il-muniċipalitajiet BAR iddeċidew li BAR takkwista sehem f’Irado u li din tal-aħħar tkun responsabbli għall-ġbir kif ukoll għat-trattament tal-iskart domestiku residwu tagħhom.

19      Fit‑13 ta’ Diċembru 2019, Irado u AF ikkonkludew kuntratt għall-kunsinna, għat-trasport u għat-trattament tal-iskart domestiku residwu tal-Muniċipalitajiet BAR mill‑1 ta’ Jannar 2020.

20      Fl‑20 ta’ Diċembru 2019, BAR u Irado kkonkludew kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi li kien jikkonċerna wkoll it-trattament tal-iskart domestiku residwu tal-Muniċipalitajiet BAR.

21      Fil‑31 ta’ Diċembru 2019, BAR saret azzjonista ta’ Irado.

22      AVR ippreżentat rikors quddiem ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), li permezz tiegħu hija talbet, prinċipalment, li jiġu annullati jew, sussidjarjament, li jiġu xolti l-kuntratti msemmija fil-punti 19 u 20 ta’ din is-sentenza jew li tiġi pprojbita l-implimentazzjoni tagħhom, bejn, minn naħa, BAR u Irado kif ukoll, min-naħa l-oħra, bejn Irado u AF, minħabba li ma kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet li taħthom awtorità kontraenti tista’, meta hija tkun teżerċita, flimkien ma’ awtoritajiet kontraenti oħra, kontroll fuq il-persuna ġuridika kkonċernata, tagħti kuntratt pubbliku dirett lil din il-persuna ġuridika. Dan ir-rikors kien intiż ukoll li ssir sejħa għal offerti għal dawn il-kuntratti kemm‑il darba l-Muniċipalitajiet BAR kienu għadhom jixtiequ jagħtu l-imsemmija kuntratti.

23      Wara li r-rechtbank Den Haag (il-Qorti ta’ Den Haag) ċaħdet ir-rikors tagħha, AVR appellat quddiem il-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), li hija l-qorti tar-rinviju.

24      Dik il-qorti tindika li huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-kuntratt mogħti minn BAR lil Irado u dak mogħti minn Irado lil AF jaqgħu, bħala prinċipju, fl-iskop tal-obbligu ta’ sejħa għal offerti previst fid-Direttiva 2014/24, ħlief jekk dawn ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ għoti dirett minħabba l-kontroll li l-awtorità kontraenti teżerċita, flimkien ma’ awtoritajiet kontraenti oħra, fuq il-persuna ġuridika kontraenti.

25      Konsegwentement, l-imsemmija qorti tqis li, sabiex tiddeċiedi t-tilwima pendenti quddiemha, għandu, fost l-oħrajn, jiġi evalwat jekk AF tissodisfax, fir-relazzjoni tagħha mal-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha, il-kundizzjoni prevista fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(5) tal-imsemmija direttiva, li tgħid li iktar minn 80 % tal-attivitajiet tal-persuna ġuridika kkontrollata għandhom jiġu eżerċitati fil-qadi tal-funzjonijiet fdati lilha mill-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha, liema perċentwali hija, f’dan il-każ, iddeterminata skont il-kriterju tad-dħul mill-bejgħ.

26      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li l-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li, peress li dawn id-dispożizzjonijiet isemmu b’mod espliċitu l-attivitajiet tal-persuna ġuridika li lilha jingħata l-kuntratt pubbliku, id-dħul mill-bejgħ rilevanti għandu jkun biss dak ta’ din il-persuna ġuridika stess.

27      Mill-banda l-oħra, AVR tallega li huwa d-dħul mill-bejgħ tal-grupp li lilu tappartjeni din il-persuna ġuridika li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, peress li huwa hekk biss li jista’ jittieħed kont tar-realtà ekonomika. Li kien il-kontra, persuna ġuridika kkontrollata minn awtoritajiet kontraenti tkun tista’ taħrab ir-rekwiżit previst fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24, billi tifred b’mod artifiċjali l-attivitajiet tagħha, b’tali mod li teżerċita, hija stess, fi ħdan il-grupp iktar minn 80 % ta’ dawn tal-aħħar għall-benefiċċju ta’ dawn l-awtoritajiet kontraenti, u dan filwaqt li jkollha kumpannija waħda jew iktar ta’ dan il-grupp joperaw fis-suq liberu.

28      Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni dwar liema huwa d-dħul mill-bejgħ li għandu jiġi kkunsidrat f’sitwazzjoni fejn il-perċentwali tal-attivitajiet imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet tkun iddeterminata abbażi tal-kriterju tad-dħul mill-bejgħ u li l-persuna ġuridika kkontrollata tkun tmexxi grupp partikolari, sabiex jiġi evalwat jekk il-kundizzjoni prevista fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva hijiex issodisfatta.

29      F’dan ir-rigward, hija tindika li, fil-kuntest tal-kawża pendenti quddiemha, din il-kundizzjoni hija ssodisfatta jekk jintuża biss id-dħul mill-bejgħ ta’ AF, iżda ma hijiex issodisfatta jekk tiġi evalwata fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat tal-grupp li tmexxi AF.

30      Madankollu, il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll il-possibbiltà, li ssemmiha wkoll AVR, li, jekk ikun il-każ, jitqies bħala dħul mill-bejgħ rilevanti dak tal-entitajiet li magħhom din l-istess persuna ġuridika tkun tikkostitwixxi unità ekonomika, fis-sens tal-kunċett ta’ “impriża” fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

31      It-tieni nett, dik il-qorti tqis li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li huwa biss id-dħul mill-bejgħ tal-persuna ġuridika kkontrollata li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, ikollu għalhekk jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, il-konvenuti fil-kawża prinċipali kellhomx raġun jieħdu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ li għamlet AF mill-operat tagħha tal-landfill.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Il-kriterju tal-attivitajiet previst fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artiklu 12(3) tad-[Direttiva 2014/24], moqri flimkien mal-Artikolu 12(5) ta’ din id-direttiva,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta l-perċentwali tal-attivitajiet imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet huwa stabbilit abbażi tad-dħul mill-bejgħ u meta l-persuna ġuridika kkontrollata tagħmel parti minn grupp,

huwa biss id-dħul mill-bejgħ tal-persuna ġuridika kkontrollata stess li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, jew għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll id-dħul mill-bejgħ tal-kumpanniji kemm jekk affiljati jew le fi ħdan il-grupp, bħal, pereżempju:

(i)      id-dħul mill-bejgħ ikkonsolidatat li fih id-dħul mill-bejgħ tal-persuna ġuridika kkonċernata għandu jiżdied ma’ dak tal-entitajiet l-oħra ta’ grupp abbażi tat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tal-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva [2013/34]; jew

(ii)      id-dħul mill-bejgħ tal-entitajiet li magħhom il-persuna ġuridika kkontrollata tifforma unità ekonomika fis-sens tal-kunċett ta’ impriża fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni?

(2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija li huwa unikament id-dħul mill-bejgħ tal-persuna ġuridika kkontrollata stess li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, il-kriterju tal-attivitajiet imsemmi f’din id-domanda

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

id-dħul mill-bejgħ li joriġina minn utenti terzi li jiddepożitaw skart f’landfill li l-persuna ġuridika kkontrollata topera fuq ordni tal-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll għandu jittieħed inkunsiderazzjoni bħala dħul mill-bejgħ imwettaq fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kompiti fdati lil dik il-persuna ġuridika mill-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-persuna ġuridika kkontrollata hija f’kompetizzjoni, fost l-oħrajn, ma’ operaturi privati fil-kuntest ta’ dan l-operat?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

33      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(5) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni li iktar minn 80 % tal-attivitajiet tal-persuna ġuridika kkontrollata għandhom jiġu eżerċitati fil-qadi tal-funzjonijiet fdati lilha mill-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha, meta din il-kundizzjoni tkun iddeterminata skont il-kriterju tad-dħul mill-bejgħ u meta din il-persuna ġuridika kkontrollata tkun il-kumpannija omm ta’ grupp, teħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll id-dħul mill-bejgħ tal-entitajiet l-oħra li jkunu jagħmlu parti minn dan il-grupp, jekk ikun il-każ abbażi tad-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat li l-imsemmija persuna ġuridika hija obbligata tħejji skont l-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva 2013/34 jew abbażi tad-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-entitajiet li magħhom din l-istess persuna ġuridika tkun tikkostitwixxi unità ekonomika, fis-sens tal-kunċett ta’ “impriża” fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

34      L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24 jikkonċerna s-sitwazzjoni li fiha awtorità kontraenti tkun teżerċita, mhux waħedha, iżda flimkien ma’ awtoritajiet kontraenti oħra, kontroll fuq persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew mid-dritt pubbliku u jippreċiża l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex din l-awtorità kontraenti tkun tista’ validament tagħti kuntratt pubbliku direttament lil din il-persuna ġuridika.

35      Fost il-kundizzjonijiet kumulattivi li minnhom tiddependi l-possibbiltà ta’ tali għoti, il-qorti tar-rinviju titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta biss dik li tikkonċerna l-perċentwali tal-attivitajiet li l-persuna ġuridika kkontrollata għandha teżerċita fil-kuntest tal-funzjonijiet fdati lilha mill-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha u dan fid-dawl tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(5) tal-imsemmija direttiva.

36      Konsegwentement, sabiex tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, għandu, fl-ewwel lok, jiġi ddeterminat jekk l-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk tali kundizzjoni hijiex issodisfatta teħtieġx li jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra d-dħul mill-bejgħ tal-persuna ġuridika kkontrollata, dak tal-entitajiet l-oħra li jkunu jagħmlu parti mill-grupp li din il-persuna ġuridika tkun il-kumpannija omm tiegħu.

37      Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-kliem ta’ din tal-aħħar iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti tfittex li tilħaq (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Sambre les Biesme u Commune de Farciennes, C‑383/21 u C‑384/21, EU:C:2022:1022, punt 54, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38      L-ewwel nett, sa fejn għandu x’jaqsam il-kliem tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24 jeħtieġ li iktar minn 80 % tal-“attivitajiet” tal-persuna ġuridika kkontrollata jiġu eżerċitati fil-qadi tal-funzjonijiet fdati lilha mill-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati mill-istess awtoritajiet kontraenti.

39      B’hekk, mill-formulazzjoni tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 12(3) ma jirriżultax li l-kundizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni għandha bilfors tiġi evalwata abbażi tal-attivitajiet biss tal-persuna ġuridika kkontrollata.

40      Fil-fatt, il-kriterju previst fl-imsemmi punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) ma jirreferix għal din il-persuna ġuridika bħala tali, iżda għall-attivitajiet eżerċitati minnha. B’hekk, ma huwiex eskluż li l-attivitajiet rilevanti għalbiex jiġi evalwat jekk il-kundizzjoni li din id-dispożizzjoni tipprevedi hijiex issodisfatta jistgħu jkopru kemm dawk eżerċitati direttament mill-imsemmija persuna ġuridika kif ukoll eżerċitati permezz ta’ entitajiet oħra li jkunu jagħmlu parti mill-grupp li din l-istess persuna ġuridika tkun il-kumpannija omm tiegħu.

41      Min-naħa l-oħra, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(5) tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi li l-perċentwali tal-attivitajiet imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tagħha hija ddeterminata, b’mod partikolari, skont id-dħul mill-bejgħ totali medju, bla ma jeħtieġ li d-dħul mill-bejgħ li jkun adattat sabiex jirrappreżenta b’mod adegwat tali attivitajiet ikun limitat għal dak li jirriżulta mill-attivitajiet tal-persuna ġuridika kkontrollata.

42      Għalhekk, il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jikkonferma li, sabiex jiġi evalwat jekk il-kundizzjoni prevista fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva hijiex issodisfatta, il-kriterju rilevanti ma huwiex limitat għall-attivitajiet tal-persuna ġuridika kkontrollata, iżda jkopri wkoll dawk li jistgħu jiġu assoċjati magħha b’mod usa’. B’hekk, jekk, kif jippermetti l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(5) tal-imsemmija direttiva, il-kriterju tad-dħul mill-bejgħ totali medju jintuża għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni, dan id-dħul mill-bejgħ għandu jkun adattat sabiex jirrappreżenta b’mod adegwat tali attivitajiet. Minn dan jirriżulta li d-dħul mill-bejgħ tal-entitajiet l-oħra li jkunu jagħmlu parti mill-grupp li l-persuna ġuridika kkontrollata tkun il-kumpannija omm tiegħu huwa wkoll rilevanti għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni.

43      It-tieni nett, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, skont il-kundizzjonijiet kumulattivi li minnhom tiddependi l-applikazzjoni tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24, din id-dispożizzjoni tipprevedi, fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tagħha, li l-persuna ġuridika kkontrollata ma għandhiex, bħala prinċipju, tinkludi sehem dirett ta’ kapital privat.

44      F’dan ir-rigward, il-premessa 32 ta’ din id-direttiva tindika li, b’mod partikolari fil-każ fejn awtorità kontraenti tkun teżerċita, flimkien ma’ awtoritajiet kontraenti oħra, kontroll fuq il-persuna ġuridika kkonċernata, l-eżenzjoni mill-applikazzjoni tal-proċeduri previsti fl-imsemmija direttiva ma għandhiex tkopri wkoll is-sitwazzjonijiet fejn operatur ekonomiku privat ikollu sehem dirett fil-kapital tal-persuna ġuridika kkontrollata, peress li, f’tali ċirkustanzi, l-għoti ta’ kuntratt pubbliku mingħajr ebda proċedura kompetittiva jagħti lill-operatur ekonomiku privat li jkollu sehem fil-kapital ta’ din il-persuna ġuridika vantaġġ indebitu a skapitu tal-kompetituri tiegħu.

45      Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li l-possibbiltà li kuntratt pubbliku jingħata direttament tiġi evalwata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku ta’ kull entità affettwata minn tali għoti. Konsegwentement, minbarra l-kwistjoni tar-relazzjonijiet bejn il-persuna ġuridika kkontrollata u l-awtoritajiet kontraenti li jeżerċitaw kontroll b’mod konġunt fuq din tal-aħħar, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku usa’ li fih din il-persuna ġuridika nnifisha tevolvi. F’dan il-kuntest, l-eżistenza ta’ grupp immexxi mill-imsemmija persuna ġuridika ma tistax tiġi injorata.

46      B’hekk, interpretazzjoni kuntestwali tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(5) tagħha, donnha tikkonferma li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-entitajiet li jkunu jagħmlu parti mill-grupp li l-persuna ġuridika kkonċernata tkun il-kumpannija omm tiegħu.

47      It-tielet nett, l-oriġini tal-Artikolu 12(3) tal-imsemmija direttiva tikkonferma l-kunsiderazzjonijiet premessi.

48      Fil-fatt, din id-direttiva, fl-Artikolu 12 tagħha, ikkodifikat u ppreċiżat il-ġurisprudenza li l-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat fil-qasam tal-għoti dirett ta’ kuntratti pubbliċi (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Sambre & Biesme u Commune de Farciennes, C‑383/21 u C‑384/21, EU:C:2022:1022, punt 44, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49      Kif jirriżulta mill-premessa 31 tad-Direttiva 2014/24, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies, filwaqt li nnota li kien hemm inċertezza legali kbira dwar sa fejn ir-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għandhom japplikaw għall-kuntratti konklużi bejn entitajiet li jappartjenu lis-settur pubbliku u li, għaldaqstant, kien meħtieġ li tingħata kjarifika f’dan ir-rigward, li din il-kjarifika għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji stabbiliti fil-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u, għaldaqstant, ma kienx biħsiebu jwaqqa’ dubju fuq din il-ġurisprudenza (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Sambre & Biesme u Commune de Farciennes, C‑383/21 u C‑384/21, EU:C:2022:1022, punt 66, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, qabel l-adozzjoni ta’ din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għall-finijiet tal-għoti dirett ta’ kuntratt pubbliku lil entità kkontrollata, din l-entità kellha tagħmel il-parti essenzjali tal-attivitajiet tagħha affavur tal-awtorità jew tal-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha, u dan kellu jiġi evalwat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, kemm dawk kwalitattivi u kif ukoll dawk kwantitattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2016, Undis Servizi, C‑553/15, EU:C:2016:935, punti 31 u 32, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51      Konsegwentement, il-leġiżlatur tal-Unjoni, billi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tal-imsemmija direttiva ffissa għal 80 % il-perċentwali tal-attivitajiet li għandhom jsiru mill-persuna ġuridika kkontrollata fil-qadi tal-funzjonijiet fdati lilha mill-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha, ried jippreċiża l-kriterju li jinsab, f’dan ir-rigward, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, mid-dispożizzjonijiet tal-istess direttiva ma jirriżultax li dan il-leġiżlatur qies li l-evalwazzjoni li għandha ssir f’dan ir-rigward ma kellhiex tibqa’ ssir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

52      Issa, tali ċirkustanzi jinkludu l-fatt li l-persuna ġuridika kkontrollata tkun il-kumpannija omm ta’ grupp, b’tali mod li, sabiex jiġu evalwati l-attivitajiet ta’ din tal-aħħar, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-attivitajiet li hija teżerċita permezz tal-entitajiet l-oħra li jkunu jagħmlu parti minn dan il-grupp u, għaldaqstant, id-dħul mill-bejgħ tagħhom fil-każ, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(5) tad-Direttiva 2014/24, tal-kriterju użat sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjoni stabbilita fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tagħha hijiex issodisfatta.

53      Ir-raba’ nett, din l-interpretazzjoni tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(5) ta’ din tal-aħħar, hija sostnuta mill-għan li dawn id-dispożizzjonijiet ifittxu li jilħqu.

54      F’dan ir-rigward, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmija dispożizzjonijiet ifittxu li jipprevjenu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, fis-sens li dawn għandhom l-għan li jiggarantixxu li d-Direttiva 2014/24 tibqa’ tapplika meta persuna ġuridika kkontrollata tkun attiva fis-suq u tkun tista’ għalhekk tikkompeti ma’ impriżi oħra. Fil-fatt, tali persuna ġuridika mhux bilfors tiċċaħħad mil-libertà ta’ azzjoni minħabba s-sempliċi fatt li d-deċiżjonijiet li jikkonċernawha jkunu kkontrollati mill-entità jew mill-entitajiet li jikkontrollawha, jekk hija tkun tista’ xorta waħda teżerċita parti kbira mill-attività ekonomika tagħha ma’ operaturi oħra. Mill-banda l-oħra, meta hija tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet, hija taħrab ir-restrizzjonijiet ta’ din id-direttiva, peress li dawn tal-aħħar huma maħsuba sabiex jippreżervaw kompetizzjoni li, f’dak il-każ, ma jibqgħalhiex raison d’être (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2016, Undis Servizi, C‑553/15, EU:C:2016:935, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Issa, il-fatt li l-attività ekonomika tal-persuna ġuridika kkontrollata eżerċitata ma’ tali operaturi ssir direttament minn din il-persuna ġuridika jew permezz tal-entitajiet l-oħra li jkunu jagħmlu parti mill-grupp li hija tkun il-kumpannija omm tiegħu ma huwiex rilevanti sa fejn għandu x’jaqsam is-seħħ tal-għan li jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Konsegwentement, sabiex tiġi ddeterminata l-parti mill-attivitajiet li l-persuna ġuridika kkontrollata talloka lill-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha, l-attivitajiet tal-entitajiet l-oħra li jkunu jagħmlu parti mill-grupp li hija tkun il-kumpannija omm tiegħu għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u, għaldaqstant, id-dħul mill-bejgħ tagħhom, fil-każ tal-kriterju użat sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjoni stabbilita fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24 hijiex issodisfatta.

56      Tali konstatazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 56 u 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn naħa, ma huwiex eskluż li l-entitajiet li jagħmlu parti minn grupp jistgħu jibbenefikaw indirettament mill-kuntratti pubbliċi mogħtija mingħajr proċedura kompetittiva lill-kumpannija omm ta’ dan il-grupp, u dan, b’mod simili għall-kunsiderazzjonijiet imfissra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, ikollu l-effett li jagħtihom vantaġġ indebitu a skapitu tal-kompetituri tagħhom. Min-naħa l-oħra, is-seħħ tal-għanijiet imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24, kif imfakkra fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiddependi mill-istruttura ta’ dan il-grupp u dan ikun il-każ jekk ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-attivitajiet tal-entitajiet l-oħra li jkunu jagħmlu parti mill-grupp li l-persuna ġuridika kkontrollata tkun il-kumpannija omm tiegħu. Fil-fatt, dan ikollu l-konsegwenza li din il-persuna ġuridika kkontrollata tkun tista’ faċilment taħrab din id-dispożizzjoni u l-kundizzjoni li timponi din tal-aħħar billi tifred b’mod artifiċjali l-attivitajiet tagħha u billi tafda wħud minnhom lill-kumpanniji tal-grupp li l-imsemmija persuna ġuridika tkun il-kumpannija omm tiegħu.

57      Fit-tieni lok, għandha tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar ir-regoli li jippermettu li jiġi ddeterminat id-dħul mill-bejgħ tal-grupp li l-persuna ġuridika kkontrollata tkun il-kumpannija omm tiegħu sabiex jiġi evalwat jekk din tal-aħħar tkunx tissodisfa l-kundizzjoni prevista fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24, u, b’mod partikolari, dwar ir-rilevanza li jista’ jkollu d-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat stabbilit skont id-Direttiva 2013/34.

58      F’dan ir-rigward, mill-premessa 31 tad-Direttiva 2013/34 jirriżulta li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati għandhom jippreżentaw l-attivitajiet ta’ impriża omm u tas-sussidjarji tagħha, liema sussidjarji jikkorrispondu għall-impriżi li l-impriża omm tikkontrolla, billi jikkunsidrawhom bħala entità waħda.

59      Għal dan il-għan, l-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva jipprevedi ċ-ċirkustanzi li taħthom l-Istati Membri huma obbligati jissuġġettaw, bla ħsara tal-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 23 ta’ din tal-aħħar, ċerti impriżi rregolati mid-dritt nazzjonali tagħhom għall-obbligu li jħejju, b’mod partikolari, dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati, liema tħejjija hija s-suġġett tal-Artikolu 24 tal-imsemmija direttiva.

60      F’dan ir-rigward, kif enfasizza, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta kumpannija tkun taħt obbligu tħejji dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati, skont dawn id-dispożizzjonijiet, id-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat stabbilit f’dan ir-rigward jista’ jirrifletti fedelment l-attivitajiet eżerċitati minn kumpannija omm fil-kuntest tal-grupp li hija tmexxi u, għaldaqstant, jippermetti li jiġi evalwat b’mod xieraq jekk din il-kumpannija omm, meta tkun l-offerent rebbieħ tal-għoti dirett ta’ kuntratt pubbliku, tkunx tissodisfa l-kundizzjoni prevista fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(5) tagħha.

61      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li AF tmexxi grupp ta’ sussidjarji u li, skont l-obbligu li jitħejjew rapporti finanzjarji kkonsolidati li għalih hija suġġetta taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2013/34, hija għandha tħejji, b’mod partikolari, dħul mill-bejgħ ikkonsolidat li jinkludi dak tas-sussidjarji tagħha.

62      Dan ifisser li, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, ma huwiex meħtieġ li tiġi indirizzata r-rilevanza li jista’ jkollhom kriterji oħra, bħal dak tal-eżistenza ta’ unità ekonomika, fis-sens tal-kunċett ta’ “impriża” fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, li għalih tirreferi wkoll il-qorti tar-rinviju, peress li, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta minn din il-qorti, jista’ jiġi kkonstatat, abbażi ta’ tali dħul mill-bejgħ ikkonsolidat, li l-kundizzjoni prevista fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(5) tagħha, ma hijiex issodisfatta.

63      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(5) tad-Direttiva 2014/24, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni li iktar minn 80 % tal-attivitajiet tal-persuna ġuridika kkontrollata għandhom jiġu eżerċitati fil-qadi tal-funzjonijiet fdati lilha mill-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha, meta din il-kundizzjoni tkun iddeterminata skont il-kriterju tad-dħul mill-bejgħ u meta din il-persuna ġuridika kkontrollata tkun il-kumpannija omm ta’ grupp, teħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll id-dħul mill-bejgħ tal-entitajiet l-oħra li jkunu jagħmlu parti minn dan il-grupp, jekk ikun il-każ abbażi tad-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat li l-imsemmija persuna ġuridika hija obbligata tħejji skont l-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva 2013/34.

 Fuq it-tieni domanda

64      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq il-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis tas-sentenza

65      Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, AF talbet lil din tal-aħħar tillimita ratione temporis l-effetti ta’ din is-sentenza kemm‑il darba hija tiddeċiedi li l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(5) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni dwar l-attivitajiet tal-persuna ġuridika kkontrollata għandha tiġi evalwata billi jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll id-dħul mill-bejgħ tal-entitajiet l-oħra li jkunu jagħmlu parti mill-grupp li din il-persuna ġuridika tkun il-kumpannija omm tiegħu.

66      Insostenn tat-talba tagħha, AF sostniet li din l-interpretazzjoni kienet imprevedibbli u li hija lanqas ma kienet obbligata tipprevedi tali interpretazzjoni.

67      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tiċċara u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, kif din għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li tkun daħlet fis-seħħ. Dan ifisser li r-regola hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti għal relazzjonijiet ġuridiċi li jkunu nħalqu u ġew stabbiliti qabel l-għoti tas-sentenza li tiddeċiedi t-talba għal interpretazzjoni, kemm‑il darba jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex titressaq tilwima dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Towercast, C‑449/21, EU:C:2023:207, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, bis-saħħa tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tillimita l-possibbiltà għall-persuni kkonċernati li jinvokaw dispożizzjoni li hija tkun interpretat bil-għan li jiġu kkontestati relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti bona fide. Sabiex tali limitazzjoni tkun tista’ tiġi deċiża, jeħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fides tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Towercast, C‑449/21, EU:C:2023:207, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li AF ma pprovdiet ebda prova konkreta li tista’ tiġġustifika l-fondatezza tat-talba tagħha, billi sempliċement ġabet l-argument tan-natura allegatament imprevedibbli tal-interpretazzjoni msemmija fil-punt 65 ta’ din is-sentenza.

70      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati ratione temporis.

 Fuq l-ispejjeż

71      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(5) tad-Direttiva 2014/24,

għandu jiġi interpretata fis-sens li:

il-kundizzjoni li iktar minn 80 % tal-attivitajiet tal-persuna ġuridika kkontrollata għandhom jiġu eżerċitati fil-qadi tal-funzjonijiet fdati lilha mill-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha, meta din il-kundizzjoni tkun iddeterminata skont il-kriterju tad-dħul mill-bejgħ u meta din il-persuna ġuridika kkontrollata tkun il-kumpannija omm ta’ grupp, teħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll id-dħul mill-bejgħ tal-entitajiet l-oħra li jkunu jagħmlu parti minn dan il-grupp, jekk ikun il-każ abbażi tad-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat li l-imsemmija persuna ġuridika hija obbligata tħejji skont l-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva 2013/34 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.