SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
10 ta’ April 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika agrikola komuni (PAK) – Finanzjament, ġestjoni u monitoraġġ tal-PAK – Regolament (UE) Nru 1306/2013 – Finanzjament mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – Artikolu 54 – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 – Artikolu 3 – Irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament ta’ sussidju – Terminu ta’ preskrizzjoni – Terminu ta’ natura indikattiva”
Fil-Kawża C‑657/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Ottubru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Novembru 2023, fil-proċedura
M. K.
vs
Ministerstvo zemědělství,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn M. Gavalec (Relatur), President tal-Awla, Z. Csehi u F. Schalin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Diċembru 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal M. K., minn F. Šimák, advokát, |
|
– |
għall-Ministerstvo zemědělství, minn R. Pokorný, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Ċek, minn J. Benešová, J. Očková, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Bulgaru, minn T. Mitova u R. Stoyanov, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Radu Bouyon u K. Walkerová, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn M. K. u l-Ministerstvo zemědělství (il-Ministeru għall-Agrikoltura, ir-Repubblika Ċeka) dwar deċiżjoni li tordna l-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament ta’ sussidju mingħand M. K. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95
|
3 |
It-tielet premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat‑18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340), tipprovdi: “[…] atti li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Komunità [Ewropea] għandhom […] jiġu ribattuti fl-oqsma kollha”. |
|
4 |
Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament: “1. Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità. 2. ‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’nefqa mhux ġustifikata.” |
|
5 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jipprevedi: “1. Il-perjodu tal-limitazzjoni għall-proċeduri għandu jkun ta’ erba’ snin minn meta l-irregolarità li ssir msemmija f’Artikolu 1(1) tkun ġiet kommessa. Madankollu, ir-regoli settorjali jistgħu jipprovdu għal perjodu iqsar li ma jistax ikun anqas minn tliet snin. F’każ ta’ irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti, it-terminu tal-limitazjoni għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih tieqaf l-irregolarità. Fil-każ tal-programmi multiannwi, it-terminu tal-limitazzjoni għandu f’kull każ jibqa’ jiddekorri sakemm il-programm jitwaqqaf definittivament. It-terminu tal-limitazjoni għandu jiġi interrott bi kwalsiasi att ta’ l-awtorità kompetenti, notifikat lill-persuna in kwestjoni, li jkollha x’taqsam ma’ l-investigazzjoni jew proċeduri legali dwar l-irregolarità. It-terminu għandu jibda jiddekorri mill-ġdid wara kull att li jinterrompih. Madankollu, il-limitazzjoni għandha ssir effettiva mhux aktar tard mil-jum li fih perjodu li jkun id-doppju tal-perjodu tat-terminu jiskadi mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun imponiet penali, ħlief fejn il-proċedura amministrattiva tkun ġiet sospiża skont Artikolu 6(1). 2. Il-perjodu għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-piena amministrattiva għandu jkun ta’ tliet snin. Dak il-perjodu għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih id-deċiżjoni ssir finali. Każijiet ta’ interruzzjoni u sospensjoni għandhom jiġu rregolati permezz tad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi nazzjonali. 3. L-Istati Membri għandhom iżommu l-possibilità li japplikaw perjodu li jkun itwal minn dak li hemm provdut fil-paragrafi 1 u 2 rispettivament.” |
Ir-Regolament Nru 1306/2013
|
6 |
Il-premessa 37 tar-Regolament Nru 1306/2013 kienet tistipula:
|
|
7 |
Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1306/2013, intitolat “Infiq tal-FAEŻR”: “Il-FAEŻR għandu jiġi implimentat b’ġestjoni komuni bejn l-Istati Membri u l-Unjoni. Huwa għandu jiffinanzja l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal programmi ta’ żvilupp rurali implimentati skont il-liġi tal-Unjoni dwar għajnuna għal żvilupp rurali.” |
|
8 |
It-Titolu IV tar-Regolament Nru 1306/2013, intitolat “Ġestjoni finanzjarja tal-Fondi”, kien jinkludi l-Kapitolu IV, intitolat “Approvazzjoni tal-kontijiet”, li t-Taqsima III tiegħu kienet tirrigwarda l-“Irregolaritajiet”. |
|
9 |
Fi ħdan din it-Taqsima III, l-Artikolu 54 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet Komuni”, kien jipprovdi: “1. Għal kwalunkwe pagament mhux dovut wara li sseħħ xi irregolarità jew negliġenza, l-Istati Membri għandhom jitolbu rkupru mingħand il-benefiċjarju fi żmien 18‑il xahar wara l-approvazzjoni minn u, fejn ikun applikabbli, il-wasla għand l-aġenzija tal-pagamenti jew il-korp responsabbli għall-irkupru, ta’ rapport ta’ kontroll jew dokument simili, b’dikjarazzjoni li tkun seħħet irregolarità. L-ammonti korrispondenti għandhom jiġu reġistrati, fil-mument tat-talba għal irkupru, fil-ktieb tad-debituri tal-aġenzija tal-pagamenti. 2. Jekk ma jsirx irkupru fi żmien erba’ snin mid-data tat-talba għal irkupru, jew fi żmien tmien snin fejn l-irkupru jinkiseb permezz tal-qrati nazzjonali, 50 % tal-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta’ rkupru għandu jġarrabhom l-Istat Membru konċernat u 50 % għandhom jiġu koperti mill-baġit tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit li l-Istat Membru konċernat għandu jsegwi proċeduri ta’ rkupru b’konformità mal-Artikolu 58. Fejn, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru, jiġi rreġistrat in-nuqqas ta’ kwalunkwe irregolarità permezz ta’ strument amministrattiv jew legali ta’ natura aħħarija, l-Istat Membru konċernat għandu jiddikjara bħala nfiq dovut lill-Fondi l-piż finanzjarju li huwa jkollu jagħmel tajjeb għalih skont l-ewwel subparagrafu. Madankollu, jekk, għal raġunijiet li ma jistgħux jiġu attribwiti lill-Istat Membru konċernat, ma jkunx possibbli li l-irkupru jseħħ sal-iskadenza speċifikata fl-ewwel subparagrafu u jekk l-ammont li jrid jiġi rkuprat jaqbeż il-EUR 1 miljun, il-Kummissjoni tista’, fuq talba tal-Istat Membru, testendi l-iskadenza b’perjodu li ma jkunx itwal min-nofs il-perjodu oriġinali. 3. Għal raġunijiet ġustifikati kif xieraq, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jsegwux irkupru. Deċiżjoni b’dan l-effett tista’ tittieħed biss fil-każijiet li ġejjin:
Fejn id-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu tittieħed qabel ma l-ammont dovut ikun ġie soġġett għar-regoli msemmija fil-paragrafu 2, il-konsegwenza finanzjarja ta’ nuqqas ta’ rkupru għandha tkun imġarrba mill-baġit tal-Unjoni. 4. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fil-kontijiet annwali li għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni skont il-punt (c)(iv) tal-Artikolu 102(1) l-ammonti li jkollhom jagħmlu tajjeb għalihom huma skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tara li dan ikun sar u tagħmel kwalunkwe aġġustament meħtieġ wara l-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 51. 5. Il-Kummissjoni tista’, kemm-il darba l-proċedura stipulata fl-Artikolu 52(3) tkun ġiet segwita, tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jeskludu minn finanzjament mill-Unjoni somom a karigu tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-każijiet li ġejjin:
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 116(2).” |
|
10 |
Fl-imsemmija Taqsima III, l-Artikolu 56 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-FAEŻR”, kien jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom jagħmlu aġġustamenti finanzjarji fejn jinkixfu irregolaritajiet jew negliġenza f’operazzjonijiet jew fi programmi ta’ żvilupp rurali billi jikkanċellaw għal kollox jew parzjalment il-finanzjament mill-Unjoni konċernat. L-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u l-gravità tal-irregolaritajiet skoperti u l-livell tat-telf finanzjarju għall-FAEŻR. Ammonti ta’ finanzjament mill-Unjoni mill-FAEŻR li jkunu kkanċellati u ammonti rkuprati, kif ukoll l-imgħaxijiet fuqhom, għandhom jiġu riallokati għall-programm konċernat. Madankollu, il-fondi tal-Unjoni kanċellati jew irkuprati ma jistgħux jerġgħu jintużaw mill-Istati Membri ħlief għal operazzjoni taħt l-istess programm ta’ żvilupp rurali u bil-kondizzjoni li l-fondi ma jiġux riallokati għal operazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ aġġustament finanzjarju. Wara l-għeluq ta’ programm ta’ żvilupp rurali, l-Istat Membru għandu jagħti lura s-somom irkuprati lill-baġit tal-Unjoni.” |
|
11 |
It-Titolu V tar-Regolament Nru 1306/2013, intitolat “Sistemi ta’ kontroll u pieni”, kien jinkludi l-Kapitolu I, intitolat “Regoli ġenerali”, li minnu kienu jagħmlu parti l-Artikoli 58 sa 66 tiegħu. |
|
12 |
L-Artikolu 58 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “1. L-Istati Membri għandhom jadottaw, fil-qafas tal-[Politika Agrikola Komuni (PAK)], id-dispożizzjonijiet leġislattivi, regolatorji u amministrattivi kollha u jieħdu kwalunkwe miżura oħra meħtieġa biex jiżguraw protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, partikolarment biex: […]
|
Id-dritt Ċek
|
13 |
Il-qorti tar-rinviju tispjega li, fid-data tal-ħlas tas-sussidju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri fis‑7 ta’ Lulju 2015, l-ordinament ġuridiku Ċek ma kienx jipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni għall-irkupru ta’ sussidju mħallas indebitament mingħand il-benefiċjarju tiegħu. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
14 |
Fit‑28 ta’ Ġunju 2012, M. K., persuna fiżika Ċeka, ippreżenta talba għal sussidju taħt il-Programm ta’ Żvilupp Rurali għar-Repubblika Ċeka, il-miżura III.1.2 “Għajnuna għall-ħolqien ta’ impriżi u għall-iżvilupp tagħhom” (iktar ’il quddiem il-“PŻR”), għal proġett intitolat “Adattament ta’ bini għal attività kummerċjali”. |
|
15 |
Fit‑13 ta’ Marzu 2013, bl-iffirmar ta’ ftehim ta’ sussidju, M. K. intrabat li josserva r-regoli tal-PŻR. |
|
16 |
Fis‑7 ta’ Lulju 2015, ingħata sussidju ta’ 5239422 koruna Ċeka (CZK) (madwar EUR 210000) lil M. K. għall-proġett ikkonċernat. |
|
17 |
Wara kontroll ta’ dan il-proġett, li seħħ fid‑29 ta’ April 2016, is-Státní zemědělský intervenční fond (il-Fond għall-Intervent Agrikolu), f’opinjoni tal‑24 ta’ Mejju 2016, ikkonstata li l-bini inkwistjoni ma kienx intuża għall-bżonnijiet tal-attività kummerċjali kkonċernata u li l-ksur tar-regoli tal-PŻR minn M. K. kien jimplika tnaqqis tas-sussidju mħallas sa 100 % tal-ammont tiegħu. |
|
18 |
Fit‑12 ta’ Settembru 2016, din l-opinjoni ġiet ikkonfermata mill-Bord ta’ Rieżami tal-Ministeru għall-Agrikoltura. |
|
19 |
Fil‑11 ta’ Ġunju 2018, il-Fond għall-Intervent Agrikolu adotta deċiżjoni li kienet tordna l-irkupru, mingħand M. K., tal-fondi kollha li kienu tħallsu indebitament lilu, jiġifieri ammont ta’ CZK 5239422. |
|
20 |
Fis‑7 ta’ Mejju 2020, il-Ministeru għall-Agrikoltura ċaħad l-appell amministrattiv ippreżentat minn M. K. kontra dik id-deċiżjoni. |
|
21 |
Adita bir-rikors ġudizzjarju ta’ M. K. kontra d-deċiżjoni li tiċħad dan l-appell amministrattiv, il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka), wara li eżaminat l-ilment ibbażat fuq it-tmiem tad-dritt tal-Istat Membru kkonċernat li jeżiġi l-irkupru tas-sussidju inkwistjoni fil-kawża prinċipali mingħand M. K., minħabba li t-talba għall-irkupru ta’ dan is-sussidju kienet tressqet mill-awtoritajiet kompetenti Ċeki wara l-iskadenza tat-terminu ta’ 18‑il xahar previst fl-Artikolu 54(1), tar-Regolament Nru 1306/2013, qieset li dan id-dritt ma kienx skada f’dan il-każ, peress li dan it-terminu kien jikkostitwixxi terminu ta’ natura indikattiva u mhux terminu ta’ preskrizzjoni, peress li huwa biss in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan tal-aħħar li jista’ jwassal għat-tmiem tal-imsemmi dritt. |
|
22 |
Permezz tas-sentenza tagħha, dik il-qorti tbiegħdet, f’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tan-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka), li hija l-qorti tar-rinviju, li tirriżulta minn deċiżjoni tad-Disa’ Awla ta’ din tal-aħħar, li ddeċidiet li terminu bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien terminu ta’ preskrizzjoni. |
|
23 |
Is-sentenza mogħtija mill-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga) kienet is-suġġett ta’ appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, li fi ħdanha l-kawża prinċipali ġiet assenjata lill-Ħames Awla. |
|
24 |
Issa, il-Ħames Awla tal-qorti tar-rinviju bagħtet din il-kawża quddiem l-Awla Estiża ta’ dik il-qorti, peress li hija qieset li, peress li t-terminu ta’ 18‑il xahar previst fl-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 huwa terminu ta’ natura indikattiva u l-Istat Membru kkonċernat għandu għalhekk id-dritt li jeżiġi l-irkupru tal-pagamenti mhux dovuti mingħand il-benefiċjarju tas-sussidju inkwistjoni anki wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, kien neċessarju li titbiegħed mill-ġurisprudenza nazzjonali eżistenti. |
|
25 |
Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li hija obbligata tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari, qabelxejn, minħabba l-eżistenza ta’ diverġenza fil-ġurisprudenza tagħha stess fir-rigward tal-klassifikazzjoni tat-terminu previst fl-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, sussegwentement, minħabba l-fatt li waħda mill-interpretazzjonijiet possibbli ma tistax titqies li hija ċara, plawżibbli u manifestament iktar konvinċenti mill-oħrajn u, fl-aħħar nett, minħabba l-assenza ta’ tweġiba li tirriżulta f’dan ir-rigward mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
26 |
Fir-rigward tal-interpretazzjoni li għandha tiġi adottata tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, il-qorti tar-rinviju tosserva, minn naħa, li, b’differenza mit-terminu previst fl-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, dak li jinsab fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 huwa espressament ikklassifikat bħala terminu ta’ preskrizzjoni. |
|
27 |
Min-naħa l-oħra, dik il-qorti tirrileva li l-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 jirregola r-relazzjoni bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-Unjoni, u mhux dik bejn dan l-Istat Membru u l-benefiċjarju tas-sussidju inkwistjoni. |
|
28 |
Għall-kuntrarju, billi tirreferi għas-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Järvelaev (C‑580/17, EU:C:2019:391), l-imsemmija qorti tindika li l-punti 95 u 96 tagħha jistgħu jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux interpretazzjoni li tgħid li t-terminu ta’ 18‑il xahar previst fl-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 huwa kemm terminu ta’ natura indikattiva, fir-relazzjoni bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-Unjoni, kif ukoll terminu ta’ preskrizzjoni, fir-relazzjoni bejn dan l-Istat Membru u l-benefiċjarju tas-sussidju inkwistjoni. |
|
29 |
Huwa f’dan il-kuntest li n-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 54(1) tar-Regolament [Nru 1306/2013] għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt tal-Istat Membru li jeżiġi l-irkupru ta’ pagamenti mhux dovuti mingħand il-benefiċjarju jintemm mal-iskadenza tat-terminu ta’ 18‑il xahar previst f’din id-dispożizzjoni?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
30 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm id-domanda magħmula tirrigwarda biss l-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, f’dak li jirrigwarda t-tmiem tad-dritt tal-Istat Membru kkonċernat li jeżiġi l-irkupru tal-pagamenti mhux dovuti ta’ sussidju li jaqa’ taħt il-FAEŻR mingħand il-benefiċjarju tiegħu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju fir-realtà tistaqsi dwar jekk din id-dispożizzjoni tistabbilixxix terminu ta’ preskrizzjoni fir-relazzjoni bejn dan l-Istat Membru u dan il-benefiċjarju, li jeskludi l-applikazzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95. |
|
31 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, dik il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-proċedura ta’ rkupru tal-ammonti mħallsa indebitament ta’ sussidju li jaqa’ taħt il-FAEŻR lill-benefiċjarju tiegħu tkun tista’ tinbeda wara l-iskadenza tat-terminu ta’ 18‑il xahar mill-approvazzjoni u, jekk ikun il-każ, minn meta l-aġenzija tal-pagament jew il-korp responsabbli għall-irkupru jirċievu rapport ta’ kontroll jew dokument simili li jindika l-eżistenza ta’ irregolarità. |
|
32 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jintroduċi “regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-[Unjoni]”, u dan, kif ukoll jirriżulta mit-tielet premessa ta’ dan ir-regolament, bl-għan “li [dak li huwa] ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-[Unjoni] għandhom […] jiġu ribattuti fl-oqsma kollha” (sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2004, Handlbauer, C‑278/02, EU:C:2004:388, punt 31, u tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Corman, C‑131/10, EU:C:2010:825, punt 36). |
|
33 |
Kif jirriżulta mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/95, dawn il-miżuri amministrattivi jistgħu jikkonsistu fl-irtirar tal-vantaġġ miksub indebitament permezz tal-obbligu ta’ rimbors tal-ammonti mħallsa indebitament mingħajr madankollu ma jkollhom in-natura ta’ sanzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2014, Cruz & Companhia, C‑341/13, EU:C:2014:2230, punt 45, kif ukoll tas‑7 ta’ April 2022, IFAP, C‑447/20 u C‑448/20, EU:C:2022:265, punt 46). |
|
34 |
Għalhekk, it-terminu ta’ preskrizzjoni msemmi fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 huwa applikabbli kemm għall-irregolaritajiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva, fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll għal irregolaritajiet, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma s-suġġett ta’ miżura amministrattiva intiża għall-irkupru tal-vantaġġ miksub indebitament, konformement mal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2017, Glencore Céréales France, C‑584/15, EU:C:2017:160, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑6 ta’ Frar 2025, Emporiki Serron – Emporias kai Diathesis Agrotikon Proionton, C‑42/24, EU:C:2025:56, punt 18). |
|
35 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jistabbilixxi, fil-qasam tal-proċeduri ġudizzjarji, terminu ta’ preskrizzjoni li japplika b’mod partikolari fir-rigward ta’ tali miżuri amministrattivi u li jibda jiddekorri minn meta titwettaq l-irregolarità kkonċernata, fejn din tal-aħħar, skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament, tkopri “kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi [tal-Unjoni] li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali [tal-Unjoni]” (sentenzi tad‑29 ta’ Jannar 2009, Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et, C‑278/07 sa C‑280/07, EU:C:2009:38, punt 21, kif ukoll tas‑7 ta’ April 2022, IFAP, C‑447/20 u C‑448/20, EU:C:2022:265, punt 47). |
|
36 |
Billi adotta r-Regolament Nru 2988/95, b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jistabbilixxi regola ġenerali ta’ preskrizzjoni li permezz tagħha huwa kellu l-intenzjoni, minn naħa, li jiddefinixxi terminu minimu applikat fl-Istati Membri kollha u, min-naħa l-oħra, li jeskludi l-possibbiltà li jinbdew proċeduri kontra irregolarità li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni wara li jkun għadda perijodu ta’ erba’ snin minn meta sseħħ din l-irregolarità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Jannar 2009, Josef Vosding Schlacht-, Kühl- und Zerlegebetrieb et, C‑278/07 sa C‑280/07, EU:C:2009:38, punt 27, kif ukoll tas‑7 ta’ April 2022, IFAP, C‑447/20 u C‑448/20, EU:C:2022:265, punt 48). |
|
37 |
Dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) jippreċiża, fit-tieni sentenza tiegħu, li dan it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin huwa applikabbli fl-assenza ta’ “regoli settorjali”, jiġifieri dawk adottati fil-livell tal-Unjoni u mhux fil-livell nazzjonali, li jipprevedu “perjodu iqsar li ma jistax ikun anqas minn tliet snin” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Corman, C‑131/10, EU:C:2010:825, punti 41 u 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
Minn dan jirriżulta li, mid‑data tad‑dħul fis‑seħħ tar‑Regolament Nru 2988/95, kull irregolarità li tippreġudika l‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni tista’, bħala prinċipju u bl‑eċċezzjoni ta’ dawk is‑setturi fejn il‑leġiżlatur tal‑Unjoni stabbilixxa termini iqsar, tkun is‑suġġett ta’ proċeduri mressqa mill‑awtoritajiet kompetenti tal‑Istati Membri f’terminu ta’ erba’ snin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Madankollu, sa fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li joħloq, f’leġiżlazzjoni ġenerali oħra jew f’leġiżlazzjoni settorjali oħra, obbligu ta’ rkupru tal-fondi użati ħażin jew miksuba b’mod irregolari, hija dik il-leġiżlazzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali rilevanti għall-finijiet tal-irkupru ta’ dawn il-fondi (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Kummissjoni vs PB, C‑721/22 P, EU:C:2024:836, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
40 |
Għalhekk, meta l-irkupru tas-somom imħallsa indebitament, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-kuntest ta’ programm ta’ għajnuna, approvat u kkofinanzjat mill-FAEŻR għall-perijodu ta’ programmazzjoni 2007‑2013, iseħħ wara t-tmiem ta’ dan il-perijodu ta’ programmazzjoni, jiġifieri wara l‑1 ta’ Jannar 2014, dan l-irkupru għandu jkun ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1306/2013, u b’mod partikolari fuq l-Artikolu 56 ta’ dan ir-regolament (sentenza tad‑29 ta’ Frar 2024, Eesti Vabariik (Põllumajanduse Registrite ja Informatsiooni Amet), C‑437/22, EU:C:2024:176, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013, li jinsab fit-Titolu IV ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ġestjoni finanzjarja tal-Fondi”, u, b’mod iktar preċiż, fil-Kapitolu IV tiegħu, intitolat “Approvazzjoni tal-kontijiet” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, b’mod ġenerali, li “[g]ħal kwalunkwe pagament mhux dovut wara li sseħħ xi irregolarità jew negliġenza, l-Istati Membri għandhom jitolbu rkupru mingħand il-benefiċjarju”. |
|
42 |
L-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013 jirregola, fil-kuntest tas-sistema ta’ responsabbiltà finanzjarja dwar l-irregolaritajiet li minnhom ammonti mħallsa indebitament ta’ sussidju għandhom jiġu rkuprati mingħand il-benefiċjarju tiegħu, it-tqassim tal-konsegwenzi finanzjarji bejn il-baġit tal-Unjoni u l-baġit tal-Istat Membru inkarigat mill-irkupru ta’ dawn l-ammonti. |
|
43 |
F’dan il-kuntest, dan l-Artikolu 54(1) jipprevedi terminu ta’ 18‑il xahar, li jibda jiddekorri mill-konstatazzjoni formali tal-eżistenza ta’ irregolarità, li fih l-Istati Membri “għandhom” jeżiġu l-irkupru tal-ammonti mingħand il-benefiċjarju kkonċernat, taħt piena li jiġu imputati l-ammonti tas-sussidju kkonċernat, konformement mal-imsemmi Artikolu 54(5)(a). |
|
44 |
Fil-fatt, konformement ma’ din l-aħħar dispożizzjoni, il-Kummissjoni tista’, sakemm il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 1306/2013 tkun ġiet segwita, tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jeskludu mill-finanzjament tal-Unjoni l-ammonti imputati lill-baġit tal-Unjoni jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx osserva t-terminu ta’ 18‑il xahar imsemmi fl-Artikolu 54(1) ta’ dan ir-regolament. |
|
45 |
Barra minn hekk, skont il-premessa 37 tal-imsemmi regolament, “l-Istati Membri għandhom jitolbu rkupru mill-benefiċjarju fi żmien 18‑il xahar wara rapport ta’ kontroll jew dokument simili, li jiddikjara li saret irregolarità, ġiet approvata u, fejn applikabbli, riċevuta mill-aġenzija jew il-korp tal-pagamenti responsabbli għall-irkupru”, filwaqt li jiġi osservat li “[g]ħandu jsir provvediment għal sistema ta’ responsabbiltà finanzjarja fejn ikunu saru irregolaritajiet u fejn l-ammont totali ma jkunx ġie rkuprat” u li “għandha tiġi stabbilita proċedura li tippermetti lill-Kummissjoni tħares l-interessi tal-baġit tal-Unjoni billi tiddeċiedi li taddebita parzjalment lill-Istat Membru konċernat is-somom mitlufin bħala riżultat ta’ irregolaritajiet u li ma jkunux ġew irkuprati f’perijodu raġonevoli”. |
|
46 |
Għaldaqstant, Stat Membru li jikkonstata l-eżistenza ta’ irregolarità huwa obbligat li jipproċedi għall-irkupru tas-sussidju mħallas indebitament u għandu, b’mod partikolari, jeżiġi rkupru mingħand il-benefiċjarju f’terminu ta’ 18‑il xahar mill-approvazzjoni u, jekk ikun il-każ, minn meta l-aġenzija tal-pagament jew il-korp responsabbli għall-irkupru jirċievu rapport ta’ kontroll jew dokument simili li jindika l-eżistenza ta’ irregolarità. Minn dan isegwi li Stat Membru jista’ u, fl-interess ta’ ġestjoni finanzjarja tajba tar-riżorsi tal-Unjoni, għandu jipproċedi għal dan l-irkupru mill-iktar fis possibbli (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Järvelaev, C‑580/17, EU:C:2019:391, punti 95 u 96). |
|
47 |
Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, intiż għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament minħabba irregolarità mingħand il-benefiċjarju kkonċernat, jirrigwarda r-relazzjoni finanzjarja bejn l-Unjoni u l-Istat Membru kkonċernat, b’tali mod li din id-dispożizzjoni ma tapplikax għar-relazzjoni bejn dan tal-aħħar u l-benefiċjarju tal-pagamenti mhux dovuti. |
|
48 |
Għalhekk, l-iskadenza tat-terminu ta’ 18‑il xahar mill-approvazzjoni u, jekk ikun il-każ, minn meta l-aġenzija tal-pagament jew il-korp responsabbli għall-irkupru jirċievu rapport ta’ kontroll jew dokument simili li jindika l-eżistenza ta’ irregolarità, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma tistax twassal għat-tmiem tad-dritt ta’ Stat Membru li jeżiġi l-irkupru tal-pagamenti mhux dovuti ta’ sussidju mingħand il-benefiċjarju tiegħu. Għall-kuntrarju, l-iskadenza ta’ dan it-terminu tista’ twassal għal konsegwenzi għal dan l-Istat Membru dwar l-obbligi tiegħu fil-qasam tal-ġestjoni finanzjarja tar-riżorsi li ġejjin mill-baġit tal-Unjoni. |
|
49 |
Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-proċedura ta’ rkupru tal-ammonti mħallsa indebitament ta’ sussidju li jaqa’ taħt il-FAEŻR lill-benefiċjarju tiegħu tkun tista’ tinbeda wara l-iskadenza tat-terminu ta’ 18‑il xahar mill-approvazzjoni u, jekk ikun il-każ, minn meta l-aġenzija tal-pagament jew il-korp responsabbli għall-irkupru jirċievu rapport ta’ kontroll jew dokument simili li jindika l-eżistenza ta’ irregolarità. |
Fuq l-ispejjeż
|
50 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 54(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat‑18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
ma jipprekludix li l-proċedura ta’ rkupru tal-ammonti mħallsa indebitament ta’ sussidju li jaqa’ taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) lill-benefiċjarju tiegħu tkun tista’ tinbeda wara l-iskadenza tat-terminu ta’ 18‑il xahar mill-approvazzjoni u, jekk ikun il-każ, minn meta l-aġenzija tal-pagament jew il-korp responsabbli għall-irkupru jirċievu rapport ta’ kontroll jew dokument simili li jindika l-eżistenza ta’ irregolarità. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.