Kawża C‑582/23 [Wiszkier] ( i )

R.S.

(talba għal deċiżjoni preliminari,
imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Łodzi-Śródmieścia w Łodzi)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat‑3 ta’ Lulju 2025

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikoli 6(1) u 7(1) – Setgħat u obbligi tal-qorti nazzjonali – Proċedura ta’ falliment ta’ persuna fiżika – Assenza ta’ setgħa tal-qorti tal-fallimenti li teżamina ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt li wasslu għal kreditu inkluż fil-lista tal-krediti – Assenza ta’ setgħa ta’ din il-qorti li tordna miżuri provviżorji – Prinċipju ta’ effettività”

  1. Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Proċedura ta’ falliment personali ta’ persuna fiżika – Effett vinkolanti tal-lista tal-krediti approvata mill-imħallef superviżorju għall-qorti tal-fallimenti – Assenza ta’ eżami mill‑imħallef superviżorju tan-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt li wasslu għal kreditu inkluż f’din il-lista – Effett tal-awtorità ta’ res judicata – Assenza ta’ setgħa tal-qorti tal-fallimenti li teżamina ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt li wasslu għal kreditu inkluż fil-lista tal-krediti – Inammissibbiltà

    (Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikoli 6(1) u 7(1))

    (ara l-punti 37 sa 40, 42 sa 44, 49 sa 51, 55, 58, u d-dispożittiv 1)

  2. Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Proċedura ta’ falliment personali ta’ persuna fiżika – Assenza ta’ setgħa tal-qorti tal-fallimenti li tordna miżuri provviżorji intiżi li jirregolaw is-sitwazzjoni tal-persuna falluta fl‑istennija ta’ deċiżjoni li tagħlaq l-eżami tan-natura inġusta tal-klawżoli kontenzjużi – Inammissibbiltà

    (Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikoli 6(1) u 7(1))

    (ara l-punti 60 sa 62, 65 sa 68, 70, 72, u d-dispożittiv 2)

Sunt

Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mis-Sąd Rejonowy dla Łodzi-Śródmieścia w Łodzi (il-Qorti Distrettwali ta’ Łódź, iċ-Ċentru tal-Belt ta’ Łódź, il-Polonja) dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 ( 1 ) dwar il-klawżoli inġusti, il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni, fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali tad-dritt Pollakk li jirregolaw il-proċedura ta’ falliment ta’ persuna fiżika li ma teżerċitax attività ekonomika.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ falliment li kienet tikkonċerna lil R.S., konsumatur f’falliment personali, dwar id-determinazzjoni ta’ pjan ta’ rimbors tal-kredituri tiegħu, fosthom bank, jiġifieri G. S.A. (iktar ’il quddiem il-“bank G.”). R.S., il-konjuġi tiegħu u żewġ persuni fiżiċi oħra kienu kkonkludew ma’ dan il-bank kuntratt ta’ kreditu ipotekarju iddenominat fuq il-frank Svizzeru. Wara li R.S. ġie ddikjarat fallut personalment, lista ta’ krediti, li l-maġġoranza tagħhom kienu krediti tal-bank G., ġiet stabbilita minn stralċjarju, qabel ma ġiet approvata mill-imħallef superviżorju. Ma tqajmet l-ebda oġġezzjoni u R.S irrikonoxxa l-krediti kollha.

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju qieset li l-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jinkludi klawżoli inġusti li setgħu jwasslu għan-nullità tiegħu u rrilevat li dan l-aspett ma kienx ġie eżaminat preċedentement. Il-krediti tal-Bank G. kienu inqas minn dawk iddikjarati, jew saħansitra ma kienu bl-ebda mod jeżistu.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju indikat li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ falliment irregolata mid-dritt Pollakk, tkun il-qorti tal-fallimenti li tiddetermina, abbażi tal-lista ta’ krediti diġà stabbilita mill-istralċjarju u approvata mill-imħallef superviżorju, pjan ta’ rimbors tal-krediti tal-persuna falluta jew li tikkonstata li l-assi diġà akkumulati fil-massa fallimentari jkunu suffiċjenti sabiex jitħallsu d-djun kollha tiegħu u li pjan ta’ rimbors ma jkunx neċessarju. Id-deċiżjoni ta’ din il-qorti f’dan ir-rigward ittemm il-proċedura ta’ falliment.

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li, l-ewwel nett, id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt nazzjonali ma kinux jippermettu lill-qorti tal-fallimenti, fl-istabbiliment ta’ pjan ta’ rimbors, tistħarreġ hija stess in-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali. It-tieni nett, id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-proċedura ta’ falliment inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinux jippermettu la lill-qorti tal-fallimenti u lanqas lill-imħallef superviżorju jaġixxu bi kwalunkwe mod fuq l-ammont tas-somom miżmuma intiżi li jitħallsu fil-massa fallimentari. Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-ammont tal-fondi miġbura matul il-proċedura ta’ falliment u mħallsa fil-massa fallimentari u ta’ dak tad-djun l-oħra, seta’ jirriżulta li dawn il-fondi kienu suffiċjenti sabiex jissodisfaw il-krediti, bl-eċċezzjoni tal-kreditu tal-bank G. Issa, konformement mal-leġiżlazzjoni dwar id-dritt tax-xogħol fis-seħħ, nofs is-salarju tal-persuna falluta kellu jibqa’ jitħallas fil-massa u kien biss fi tmiem il-proċedura ta’ falliment li l-eċċess li seta’ jkun hemm kellu jitħallas lilu.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-persuna falluta setgħet tiġi skoraġġuta milli titlob il-protezzjoni li tirriżulta mid-Direttiva 93/13 għaliex, fin-nuqqas ta’ talba għal tali protezzjoni, il-qorti tal-fallimenti kienet tkun tista’ tistabbilixxi iktar malajr fir-rigward tagħha pjan ta’ rimbors li jieħu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet tagħha u dawk tal-familja qrib tagħha, li probabbilment ikun assoċjat ma’ rimbors ta’ ammonti inqas mis-somom miżmuma mis-salarji. Madankollu, dan implika li jiġi aċċettat il-fatt li l-lista ta’ krediti kienet tinkludi dik tal-Bank G.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi preliminari.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

B’risposta għall-ewwel domanda li saritilha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ falliment ta’ persuni fiżiċi, ladarba l-lista tal-krediti tkun approvata minn istanza ġudizzjarja, mingħajr ma tkun eżaminat in-natura possibbilment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ikkonċernat, u l-proċedura miftuħa quddiem il-qorti tal-fallimenti, din tal-aħħar tkun marbuta b’din il-lista, b’tali mod li ma tkunx tista’ tevalwa n-natura inġusta tal-klawżoli li jinsabu f’kuntratt ta’ kreditu li fuqu huwa bbażat kreditu inkluż f’din il-lista jew temenda l-istess lista, iżda għandha tissospendi l-proċeduri quddiemha u tirreferi l-kwistjoni tan-natura possibbilment inġusta ta’ dawn il-klawżoli lil din l-istanza ġudizzjarja.

Fil-fatt, preliminarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 huwa dispożizzjoni imperattiva u li l-qorti nazzjonali kienet għalhekk obbligata tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u, b’dan il-mod, tirrimedja l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew fornitur.

Fir-rigward tal-Artikolu 7(1) ta’ din l-istess direttiva, dan jeżiġi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw, fl-interess tal-konsumaturi u l-kompetituri, mezzi adegwati u effettivi sabiex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew mill-fornituri. Il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-protezzjoni tal-konsumaturi prevista mid-Direttiva 93/13 jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi analizzata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha kif ukoll, fejn applikabbli, il-prinċipji li fuqhom tkun ibbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali. Madankollu, il-karatteristiċi speċifiċi tal-proċeduri ma jistgħux jikkostitwixxu element li jista’ jaffettwa l-protezzjoni legali li l-konsumaturi għandhom jibbenefikaw minnha skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13. B’dan premess, l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività ma tistax tiġi estiża b’tali mod li tirrimedja kompletament il-passività totali min-naħa tal-konsumatur ikkonċernat. Barra minn hekk, l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jimplika rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li mid-deċiżjoni tar-rinviju rriżulta li lista tal-krediti approvata mill-imħallef superviżorju kienet vinkolanti għall-qorti tal-fallimenti, b’tali mod li din tal-aħħar ma setgħetx tagħmel hija stess konstatazzjonijiet ta’ fatt f’dak li jirrigwarda l-eżistenza tal-krediti sabiex tistabbilixxi l-pjan ta’ rimbors tal-kredituri. Skont il-qorti tar-rinviju, l-uniku mezz li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha, sabiex tistħarreġ in-natura possibbilment inġusta tal-klawżoli li jinsabu f’kuntratt li minnu joriġina kreditu inkluż fil-lista tal-krediti stabbilita mill-istralċjarju u approvata mill-imħallef superviżorju, kien li tadixxi lil dan l-imħallef superviżorju sabiex jeżamina kemm dawn il-klawżoli kuntrattwali kif ukoll in-neċessità li din il-lista tiġi emendata ex officio. Minn dan irriżulta wkoll li l-obbligu, għall-qorti tal-fallimenti, li tadixxi l-imħallef superviżorju jdewwem l-għeluq tal-proċedura ta’ falliment u jtawwal, minħabba l-alimentazzjoni kontinwa tal-massa fallimentari bi tnaqqis mis-salarju tal-persuna falluta matul il-proċedura kollha, is-sitwazzjoni finanzjarja prekarja tagħha. L-estensjoni tal-proċedura tista’ għalhekk tiskoraġġixxi lil din il-persuna falluta milli tinvoka d-dritt tagħha li titlob il-protezzjoni li tirriżulta mid-Direttiva 93/13.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li persuna falluta tiddependi għalhekk ġeneralment mill-għeluq l-iktar mgħaġġel possibbli tal-proċedura ta’ falliment. Fil-fatt, waqt it-tfassil tal-pjan ta’ rimbors, li jtemm din il-proċedura, il-qorti tal-fallimenti tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali tal-persuna falluta, l-ispejjeż tagħha, u n-neċessità li tipprovdi għall-bżonnijiet tal-persuni l-iktar qrib tagħha. L-ammont mensili li l-persuna falluta jkollha talloka għar-rimbors tad-djun tagħha fi tmiem il-proċedura jkun, ħafna drabi, iffissat f’ammont inqas minn dak tal-ammonti miżmuma mis-salarju matul il-proċedura. Għalhekk, l‑istess persuna falluta tista’ tiġi kostretta, sabiex tevita l-estensjoni tal-proċedura ta’ falliment, li ma titlobx il-protezzjoni li tirriżulta mid-Direttiva 93/13 u li taċċetta pjan ta’ rimbors li jinkludi kreditu li joriġina minn kuntratt li jinkludi klawżoli possibbilment inġusti.

Issa, il-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 tagħti lill-konsumaturi testendi għall-każijiet li fihom il-konsumatur li jkun ikkonkluda ma’ bejjiegħ jew fornitur kuntratt li jinkludi klawżola inġusta ma jinvokax, minn naħa, il-fatt li dan il-kuntratt jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, in-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni, jew għaliex ma jkunx jaf id-drittijiet tiegħu, jew għaliex ikun dissważ milli jinvokahom minħabba spejjeż li azzjoni ġudizzjarja tkun tinvolvi jew minħabba l-piż finanzjarju li jkollu jsostni.

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li setgħet tiskoraġġixxi lill-persuna falluta milli tinvoka d-dritt tagħha li titlob il-protezzjoni li tirriżulta mid-Direttiva 93/13, kienet ta’ natura li tirrendi eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva fil-kuntest tal-istess proċedura.

Għall-finijiet utli kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li d-dritt għal protezzjoni effettiva tal-konsumatur jinkludi l-possibbiltà li jirrinunzja għad-drittijiet tiegħu, b’tali mod li l-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, ir-rieda espressa mill-konsumatur meta, filwaqt li jkun konxju tan-natura mhux vinkolanti ta’ klawżola inġusta, dan tal-aħħar jindika madankollu li huwa jkun kontra li din tiġi mwarrba, u b’hekk jagħti kunsens liberu u informat għall-klawżola inkwistjoni. Issa, f’dan il-każ, ma deherx li l-persuna falluta għamlet tali rinunzja. Il-fatt li, mingħajr ma kienet irrappreżentata minn avukat f’dan l-istadju tal-proċedura, hija rrikonoxxiet id-dikjarazzjonijiet ta’ krediti lill-istralċjarju u ma ressqitx oppożizzjoni quddiem l-imħallef superviżorju ma setax jitqies li huwa indikazzjoni ta’ rinunzja libera u informata għal din il-protezzjoni. Barra minn hekk, peress li l-persuna falluta sostniet quddiem il-qorti tal-fallimenti li l-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jinkludi klawżoli inġusti, l-attitudni tagħha ma setgħetx tiġi kklassifikata totalment passiva.

Fir-rigward tal-kwistjoni tal-obbligu ta’ eżami ex officio, il-fatt li l-lista tal-krediti approvata mill-imħallef superviżorju tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata ma jipprekludix neċessarjament tali eżami, mill-qorti tal-fallimenti, tan-natura possibbilment inġusta tal-klawżoli li jinsabu f’kuntratt li minnu oriġina kreditu inkluż f’din il-lista. Fil-fatt, l-obbligu ta’ tali eżami ex officio jkun iġġustifikat min-natura u mill-importanza tal-interess pubbliku li fuqu hija bbażata l-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 tagħti lill-konsumaturi b’tali mod li stħarriġ effettiv tan-natura possibbilment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali, kif meħtieġ minn din d-direttiva, ma jkunx jista’ jiġi ggarantit jekk l-awtorità ta’ res judicata tintrabat mad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li ma jikkonstatawx tali stħarriġ.

Għaldaqstant, sa fejn, f’dan il-każ, fin-nuqqas tal-imħallef superviżorju li espliċitament jindika li jkun wettaq eżami tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li dan l-eżami, motivat tal-inqas fil-qosor, ma jkun żvela l-eżistenza ta’ ebda klawżola inġusta, kien jidher li l-imsemmi eżami ma sarx, fatt li l-qorti tar-rinviju kellha tivverifika, id-Direttiva 93/13 kienet teżiġi mill-qorti tal-fallimenti li tevalwa n-natura possibbilment inġusta ta’ dawn il-klawżoli kif ukoll li tislet il-konsegwenzi neċessarji minn dan.

B’risposta għat-tieni domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ falliment ta’ persuni fiżiċi, ma tipprevedix il-possibbiltà għall-qorti tal-fallimenti li tordna miżuri provviżorji intiżi li jirregolaw is-sitwazzjoni tal-persuna falluta fl-istennija ta’ deċiżjoni li tagħlaq l-eżami tan-natura inġusta tal-klawżoli li jinsabu f’kuntratt ta’ kreditu li minnu joriġina kreditu inkluż fil-lista ta’ krediti approvata minn istanza ġudizzjarja oħra mingħajr ma tkun eżaminat in-natura possibbilment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ikkonċernat.

B’mod preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-klawżoli kuntrattwali inġusti ma jorbtux lill-konsumatur, mingħajr ma dan ikollu bżonn iressaq azzjoni u jikseb sentenza li tikkonferma n-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli. Minn dan isegwi li l-qrati nazzjonali huma marbuta jeskludu l-applikazzjoni ta’ dawn il-klawżoli sabiex dawn ma jipproduċux effetti vinkolanti fil-konfront ta’ konsumatur, sakemm dan tal-aħħar ma jopponix għal dan.

F’dan il-każ, fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-kwistjoni dwar f’liema ċirkustanzi seta’ jirriżulta neċessarju li l-qorti nazzjonali tagħti miżuri provviżorji sabiex tiżgura l-effettività tal-applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li n-neċessità ta’ tali miżuri kellha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 93/13, li huwa dak li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

Għalhekk, il-qorti nazzjonali kellha tkun tista’ tapplika miżuri provviżorji sabiex tippermetti l-effettività sħiħa tad-drittijiet li l-konsumatur jislet mid-Direttiva 93/13. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-protezzjoni ggarantita lill-konsumaturi minn din id-direttiva teħtieġ li l-qorti nazzjonali, li jkollha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, għandha tkun tista’ tagħti miżura provviżorja xierqa, jekk dan ikun neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni li għandha tingħata fir-rigward tan-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali. L-istess japplika meta jkun hemm riskju li dan il-konsumatur iħallas, matul proċedura ġudizzjarja li t-tul tagħha jista’ jkun kunsiderevoli, pagamenti mensili ta’ ammont ogħla minn dak effettivament dovut jekk il-klawżola kkonċernata kellha tiġi eskluża, jekk dan ikun neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni li għandha tingħata fir-rigward tan-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, l-ewwel nett, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tal-fallimenti ma kellhiex il-possibbiltà li tagħti miżuri provviżorji intiżi li jtaffu s-sitwazzjoni finanzjarja tal-persuna falluta fl-istennija tal-eżitu tal-eżami tan-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali. Għalkemm, ċertament, il-persuna falluta ma tirrimborsax, qabel l-għeluq tal-proċedura ta’ falliment, il-krediti inklużi fil-lista tal-krediti approvata mill-imħallef superviżorju, xorta waħda jibqa’ l-fatt li hija jkollha tkompli, matul dan l-eżami, issostni l-massa fallimentari abbażi ta’ lista ta’ krediti li potenzjalment tinkludi kreditu li joriġina minn tali klawżola. Issa, peress li l-invokazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali timplika l-estensjoni tal-proċedura ta’ falliment, il-persuna falluta tista’ tiġi skoraġġuta milli tinvoka d-dritt tagħha li titlob il-protezzjoni li tirriżulta mid-Direttiva 93/13. It-tieni nett, fid-dawl tal-ammont tal-fondi mħallsa sa issa fil-massa fallimentari u ta’ dak tad-dejn tal-persuna falluta, dawn il-fondi setgħu jirriżultaw suffiċjenti sabiex jissodisfaw il-krediti inklużi f’din il-lista, bl-eċċezzjoni tal-kreditu tal-bank G.

F’tali ċirkustanzi, miżura provviżorja intiża għat-tnaqqis tal-ammonti miżmuma mis-salarju tal-persuna falluta, fl-istennija ta’ deċiżjoni li tagħlaq l-eżami tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, tista’ tkun neċessarja sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni żgurata mid-Direttiva 93/13 kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li tirriżulta minnha. Sabiex jiġi vverifikat jekk dan ikunx neċessarju, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ, fosthom, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ indizji suffiċjenti li l-klawżoli kuntrattwali kkonċernati jkunu inġusti, il-possibbiltà konkreta li l-massa fallimentari tkun diġà suffiċjentement ikkostitwita sabiex tissodisfa l-kredituri, bl-eċċezzjoni, jekk ikun il-każ, tal-kreditu kkonċernat, kif ukoll is-sitwazzjoni finanzjarja tal-persuna falluta u tar-riskju li jkollha ssostni estensjoni tal-proċedura ta’ falliment li tista’ twassal għal deterjorament mhux iġġustifikat tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha sakemm tingħalaq din il-proċedura.


( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

( 1 ) Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100).