SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
4 ta’ Diċembru 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Direttiva 2001/29/KE – Artikoli 2 sa 4 – Dritt ta’ riproduzzjoni – Kunċett ta’ ‘xogħol’ – Protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ta’ xogħlijiet tal-arti applikata – Eżami tal-oriġinalità ta’ oġġett tal-arti applikata – Kunċett ta’ ‘għażliet liberi u kreattivi’ – Kriterji ta’ evalwazzjoni ta’ dawn l-għażliet – Evalwazzjoni tal-ksur tad-drittijiet esklużivi”
Fil-Kawżi magħquda C‑580/23 u C‑795/23,
li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Svea hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma bħala l-Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Industrijali u tal-Affarijiet Ekonomiċi, l-Isvezja) (C‑580/23) u mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) (C‑795/23), permezz ta’ deċiżjonijiet, rispettivament, tal‑20 ta’ Settembru 2023 u tal‑21 ta’ Diċembru 2023, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑21 ta’ Settembru 2023 u fl‑21 ta’ Diċembru 2023, fil-proċeduri
Mio AB,
Mio e-handel AB,
Mio Försäljning AB
vs
Galleri Mikael & Thomas Asplund Aktiebolag (C‑580/23),
u
USM U. Schärer Söhne AG,
vs
konektra GmbH,
LN (C‑795/23)
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, I. Ziemele (Relatriċi), A. Kumin u S. Gervasoni, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑30 ta’ Jannar 2025,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Mio AB, Mio e-handel AB u Mio Försäljning AB, minn Å. Hellstadius, M. Johansson u R. Wessman, advokater, |
|
– |
għal konektra GmbH u LN, minn R. Hirsch u N. Tretter, Rechtsanwälte, |
|
– |
għal Galleri Mikael & Thomas Asplund Aktiebolag, minn M. Bruder u H. Wistam, advokater, |
|
– |
għal USM U. Schärer Söhne AG, minn E. Keller u V. Zipperich, Rechtsanwälte, |
|
– |
għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard u E. Timmermans, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u J. M. Hoogveld, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Faroghi, J. Samnadda u G. von Rintelen, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Mejju 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Iż-żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230). |
|
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, rispettivament, Mio AB, Mio e-handel AB u Mio Försäljning AB, kumpanniji rregolati mid-dritt Svediż (iktar ’il quddiem “Mio”) u Galleri Mikael & Thomas Asplund Aktiebolag, kumpannija rregolata mid-dritt Svediż (iktar ’il quddiem “Asplund”) (C‑580/23), minn naħa, u USM U. Schärer Söhne AG, kumpannija rregolata mid-dritt Svizzeru (iktar ’il quddiem “USM”) u konektra GmbH, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, u LN, id-direttur tagħha (iktar ’il quddiem “Konektra”) (C‑795/23), min-naħa l-oħra, dwar l-allegat ksur tad-drittijiet tal-awtur. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2001/29
|
3 |
Il-premessi 4, 9, 10 u 60 tad-Direttiva 2001/29 jgħidu li:
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ riproduzzjoni”, jistabbilixxi li: “L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:
|
|
5 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, jipprevedi li: “1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom. 2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku, permezz tal-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom:
3. Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.” |
|
6 |
L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Dritt ta’ Distribuzzjoni”, jistabbilixxi li: “1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor. 2. Id-dritt ta’ distribuzzjoni m’għandux jiġi eżawrit fil-Komunità rigward l-oriġinal jew kopji tax-xogħol, bla ħsara fejn l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ sidien fil-Komunità ta’ dak l-oġġett isir mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu.” |
|
7 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”, jipprevedi li: “1. Atti temporanji ta’ riproduzzjoni msemmija fl-Artikolu 2, li huma temporanji jew inċidentali, li huma parti integrali u essenzjali tal-proċess teknoloġiku u li l-iskop uniku tagħhom huwa li jkunu jistgħu jsiru:
ta’ xogħol jew suġġett ieħor li għandu jsir, u li ma jkollhom ebda sinifikat ekonomiku indipendenti, għandhom ikunu eżenti mid-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2. […] 5. L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.” |
|
8 |
L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Applikazzjoni kontinwa ta’ disposizzjonijiet legali oħra”, jistabbilixxi li din ma taffettwax id-dispożizzjonijiet dwar oqsma oħra. |
Id-Direttiva 98/71/KE
|
9 |
Il-premessa 8 tad-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 120), tgħid li: “Billi, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni ta’ liġi tad-dritt ta’ l-awtur, huwa importanti li jkun stabbilit il-prinċipju tal-kumulu ta’ protezzjoni taħt il-liġi ta’ protezzjoni tad-disinn speċifikament reġistrat u taħt il-liġi tad-dritt ta’ l-awtur, filwat li Stati Membri jitħallew ħielsa li jistabbilixxu sa fejn għandha tingħata l-protezzjoni tad-dritt ta’ l-awtur u l-kondizzjonijiet li jirregolaw dik il-protezzjoni”. |
|
10 |
L-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, intitolat “Relazzjoni mad-dritt ta’ l-awtur”, jipprevedi li: “Disinn protett minn dritt ta’ disinn reġistrat fi jew għal Stat Membru skond din id-Direttiva għandu jkun eliġibbli wkoll għal protezzjoni taħt il-liġi tad-dritt ta’ l-awtur ta’ dak l-Istat sa mid-data li fiha d-disinn ikun inħoloq jew stabbilit f’kull forma. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sa fejn u l-kondizzjonijiet li bihom tingħata dik il-protezzjoni, magħdud il-grad ta’ oriġinalità meħtieġ.” |
Ir-Regolament (KE) Nru 6/2002
|
11 |
Il-premessa 32 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142, rettifika fil-ĠU L, 2025/90303), tgħid li: “Fin-nuqqas ta’ l-armonizzazzjoni sħiħa tal-liġijiet dwar id-drittijiet ta’ l-awtur, huwa importanti li jiġi stabbilit il-prinċipju tal-kumulu tal-protezzjoni taħt id-disinn Komunitarju u taħt il-liġijiet tad-drittijiet ta’ l-awtur, filwaqt li l-Istati Membri jitħallew ħielsa li jistabbilixxu safejn u sakemm iwasslu l-liġi tad-drittijiet ta’ l-awtur u l-kondizzjonijiet li taħthom tiġi kkonferita din il-protezzjoni.” |
|
12 |
L-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “disinn” bl-istess termini bħal dawk tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 98/71. |
|
13 |
L-Artikolu 96 tal-imsemmi regolament, intitolat “Relazzjoni ma’ għamliet oħra tal-protezzjoni skond il-liġijiet nazzjonali”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li: “Disinn protett minn disinn Komunitarju għandu jkun eliġibbli wkoll għall-protezzjoni skond il-liġijiet tad-drittijiet ta’ l-awtur ta’ l-Istati Membri mid-data li fiha d-dritt kien maħluq jew iffissat f’kull għamla. Safejn u sakemm li għalihom din il-protezzjoni tiġi kkonferita u l-kondizzjonijiet li fuqhom din il-protezzjoni tiġi kkonferita, inkluż il-livell meħtieġ ta’ l-oriġinalità, għandhom jiġu stabbiliti minn kull Stat membru.” |
Id-dritt Svediż
|
14 |
Skont l-Artikolu 1 tal-Lagen om upphovsrätt till litterära och konstnärliga verk (1960:729) (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur fuq ix-Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi (1960:729)) (SFS 1960, Nru 729), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali fil-Kawża C‑580/23 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur fuq ix-Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi”): “Il-persuna li ħolqot xogħol letterarju jew artistiku għandha dritt tal-awtur fuq dan ix-xogħol, kemm jekk dan ikun:
|
|
15 |
Skont l-Artikolu 2 tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur fuq ix-Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, id-drittijiet tal-awtur jinkludu, bla ħsara għal ċerti limitazzjonijiet, id-dritt esklużiv li wieħed jiddisponi minn xogħol permezz tar-riproduzzjoni jew tat-tqegħid għad-dispożizzjoni għall-pubbliku, kemm jekk fil-forma oriġinali tiegħu kif ukoll f’forma mmodifikata, tradotta jew adattata f’ġeneru letterarju jew artistiku ieħor jew f’teknika oħra. ‘Riproduzzjoni ta’ xogħol’għandha tfisser kwalunkwe riproduzzjoni ta’ xogħol diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti, bi kwalunkwe mezz u fi kwalunkwe forma, totali jew parzjali tiegħu. Xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, pereżempju, meta dan jiġi trażmess lill-pubbliku jew meta kopji tiegħu jiġu offruti għall-bejgħ, għall-kiri jew għas-self jew trażmessi b’xi mod ieħor lill-pubbliku. |
|
16 |
L-Artikolu 53 tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur fuq ix-Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi jipprevedi li l-qorti tista’, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità, tipprojbixxi lil persuna li twettaq jew tipparteċipa f’att ta’ kontrafazzjoni milli tkompli b’dan l-att. |
Id‑dritt Ġermaniż
|
17 |
L-Artikolu 2 tal-Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte (Urheberrechtsgesetz) (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur”)), tad‑9 ta’ Settembru 1965 (BGBl. 1965 I, p. 1273), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali fil-Kawża C‑795/23, intitolata “Xogħlijiet protetti”, jipprevedi, fil-punt 4 tal-paragrafu 1 tiegħu li x-xogħlijiet letterarji, xjentifiċi u artistiċi protetti jinkludu, b’mod partikolari, ix-xogħlijiet tal-beaux-arts, inklużi x-xogħlijiet ta’ arkitettura u tal-arti applikata, kif ukoll id-disinni ta’ tali xogħlijiet Skont dan l-Artikolu 2(2), huma biss il-kreazzjonijiet intellettwali personali li jikkostitwixxu xogħlijiet, fis-sens ta’ din il-liġi. |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
Il-Kawża C‑580/23
|
18 |
Asplund tiddisinja u timmanifattura għamara ta’ ġewwa. Il-firxa ta’ prodotti ta’ Asplund tinkludi, b’mod partikolari, l-imwejjed tal-kamra tal-pranzu tas-serje “Palais Royal”. |
|
19 |
Mio teżerċita attività ta’ kummerċ bl-imnut fis-settur tal-għamara u tal-arredament intern tad-djar. Il-firxa ta’ prodotti ta’ Mio tinkludi, b’mod partikolari, l-imwejjed tal-kamra tal-pranzu tas-serje ta’ għamara “Cord”. |
|
20 |
Fix-xahar ta’ Ottubru 2021, Asplund ippreżentat rikors kontra Mio quddiem il-Patent- och marknadsdomstolen (il-Qorti tal-Proprjetà Industrijali u Kummerċjali, l-Isvezja), għal ksur tad-drittijiet tal-awtur. Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, Asplund talbet, b’mod partikolari, lil din il-qorti tipprojbixxi lil Mio, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità, milli timmanifattura, tikkummerċjalizza jew tbigħ l-imwejjed tal-kamra tal-pranzu tas-serje ta’ għamara “Cord”, billi sostniet li l-imwejjed tas-serje “Palais Royal” kienu protetti mid-drittijiet tal-awtur bħala xogħlijiet tal-arti applikata u li, konsegwentement, l-imwejjed tal-kamra tal-pranzu tas-serje ta’ għamara “Cord” kienu jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet tal-awtur sa fejn dawn kienu jippreżentaw xebh kbir mal-imwejjed tas-serje “Palais Royal”. |
|
21 |
Mio kkontestat il-fatt li l-imwejjed tas-serje “Palais Royal” kienu protetti mid-drittijiet tal-awtur, billi sostniet li dawn l-imwejjed ma kellhomx oriġinalità suffiċjenti sabiex tinkiseb il-protezzjoni korrispondenti. Skont Mio, id-disinn ta’ dawn l-imwejjed huwa bbażat fuq sempliċi varjazzjonijiet ta’ disinni magħrufa preċedentement u li jidhru fir-reġistru tad-disinni rreġistrati fl-Unjoni Ewropea. Fi kwalunkwe każ, anki jekk l-imwejjed tas-serje “Palais Royal” huma protetti mid-drittijiet tal-awtur, din il-protezzjoni hija limitata u ristretta u d-differenzi li jeżistu bejn iż-żewġ mudelli tal-imwejjed ikkonċernati huma biżżejjed sabiex juru li l-imwejjed ta’ Mio ma jiksrux id-drittijiet tal-awtur. |
|
22 |
Il-Patent- och marknadsdomstolen (il-Qorti tal-Proprjetà Industrijali u Kummerċjali) laqgħet it-talba ta’ Asplund, billi rrilevat li l-imwejjed tas-serje “Palais Royal” kienu protetti mid-drittijiet tal-awtur bħala xogħlijiet tal-arti applikata u li l-imwejjed tal-kamra tal-pranzu tas-serje ta’ għamara “Cord” kienu jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet tal-awtur. |
|
23 |
Mio ppreżentat appell mid-deċiżjoni tal-Patent- och marknadsdomstolen (il-Qorti tal-Proprjetà Industrijali u Kummerċjali) quddiem is-Svea hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma bħala l-Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Industrijali u tal-Affarijiet Ekonomiċi, l-Isvezja), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
24 |
Il-qorti tar-rinviju għandha dubji, essenzjalment, dwar jekk l-imwejjed tas-serje “Palais Royal” jibbenefikawx mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur bħala “xogħlijiet”. Hija tistaqsi dwar il-kriterji li jippermettu li tiġi ddeterminata l-oriġinalità ta’ oġġett sabiex dan ikun jista’ jitqies bħala “xogħol”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29, konformement mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Cofemel (C‑683/17, EU:C:2019:721). |
|
25 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, sabiex oġġett ikun jista’ jitqies bħala oriġinali, huwa kemm neċessarju kif ukoll suffiċjenti li jirrifletti l-personalità tal-awtur tiegħu, billi jesprimi l-għażliet liberi u kreattivi ta’ dan tal-aħħar. Meta t-twettiq ta’ oġġett ikun ġie ddeterminat minn kunsiderazzjonijiet tekniċi, permezz ta’ regoli jew restrizzjonijiet oħra, li ma ħallewx lok għall-eżerċizzju ta’ libertà kreattiva, dan l-oġġett ma jistax jitqies li jkollu l-oriġinalità neċessarja sabiex jikkostitwixxi xogħol. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva li oġġett jista’ jissodisfa tali rekwiżit ta’ oriġinalità, anki jekk it-twettiq tiegħu jkun ġie ddeterminat minn kunsiderazzjonijiet tekniċi, sa fejn tali determinazzjoni ma tkunx ipprekludiet lill-awtur tiegħu milli jirrifletti l-personalità tiegħu f’dan l-oġġett, billi jesprimi għażliet liberi u kreattivi. |
|
26 |
Il-qorti tar-rinviju tfakkar, f’dan ir-rigward, li, sabiex jiġi evalwat jekk oġġett huwiex kreazzjoni oriġinali, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha kif kienu jeżistu waqt it-tfassil tiegħu, indipendentement mill-fatturi esterni u sussegwenti għall-ħolqien ta’ dan l-oġġett. |
|
27 |
Madankollu, teżisti inċertezza dwar il-mod kif għandha ssir l-evalwazzjoni konkreta dwar l-oriġinalità ta’ oġġett u liema elementi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk oġġett tal-arti applikata jirriflettix il-personalità tal-awtur tiegħu, billi jesprimi l-għażliet liberi u kreattivi ta’ dan tal-aħħar. |
|
28 |
Skont il-qorti tar-rinviju, huwa biżżejjed li l-awtur ta’ oġġett kellu marġni ta’ manuvra u kien effettivament għamel għażliet ta’ natura differenti waqt il-ħolqien tiegħu, li dawn l-għażliet ma kinux iggwidati minn kunsiderazzjonijiet, minn regoli jew minn rekwiżiti tekniċi u li l-imsemmija għażliet kienu b’ċertu mod riflessi u espressi f’dan l-oġġett. Interpretazzjoni daqshekk wiesgħa tkun tfisser, fil-prattika, li l-evalwazzjoni tal-oriġinalità ta’ oġġett għandha tkun ibbażata fuq il-proċess kreattiv innifsu u fuq l-għażliet magħmula mill-awtur tiegħu matul dan il-proċess. Din l-interpretazzjoni tfisser ukoll li, bħala prinċipju, l-għażliet kollha magħmula minn dan l-awtur fil-mument tal-ħolqien tal-imsemmi oġġett, li ma kinux iggwidati minn kunsiderazzjonijiet, minn regoli jew minn rekwiżiti tekniċi, għandhom jitqiesu li huma liberi u kreattivi. |
|
29 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li, skont l-imsemmija interpretazzjoni, l-evalwazzjoni tal-oriġinalità ta’ oġġett mill-qorti kompetenti tikkonċentra fuq il-proċess kreattiv u l-għażliet magħmula mill-awtur tiegħu matul dan il-proċess, iktar milli fuq il-kwistjoni dwar jekk l-oġġett innifsu, jew ir-riżultat finali tal-proċess kreattiv, huwiex realment il-manifestazzjoni ta’ realizzazzjoni artistika. Il-kwistjoni dwar jekk dan l-oġġett huwiex suffiċjentement oriġinali għalhekk issir “kwistjoni ta’ prova iktar milli kwistjoni ta’ liġi”. |
|
30 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li tali interpretazzjoni tar-rekwiżit ta’ oriġinalità ta’ oġġett twassal għalhekk sabiex jiġu imposti rekwiżiti pjuttost dgħajfa fir-rigward tal-għażliet kreattivi u liberi li l-awtur tiegħu għandu jkun għamel u li dan is-suġġett huwa intiż li jesprimi. Dan jista’ jwassal sabiex oġġetti li ma għandhomx jiġu kklassifikati bħala “xogħlijiet” jibbenefikaw mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur. Barra minn hekk, minn dan jista’ jirriżulta li oġġetti sempliċi, li ma nħolqux għal finijiet artistiċi jew, fi kwalunkwe każ, li ma għandhomx “individwalità artistika”, jiġu protetti bħala xogħlijiet. |
|
31 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li rekwiżit ta’ oriġinalità baxx għall-oġġetti tal-arti applikata jirriskja wkoll li jneħħi mis-sustanza tiegħu l-protezzjoni inqas wiesgħa tad-disinni. F’dan il-kuntest, din il-qorti tesprimi dubji dwar il-mod kif rekwiżit ta’ oriġinalità baxx għall-oġġetti tal-arti applikata jista’ jiġi rrikonċiljat mar-rekwiżit tal-karattru individwali neċessarju sabiex tinkiseb il-protezzjoni tad-disinni. Anki jekk id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet tad-disinni għandhom għanijiet differenti, ma jidhirx raġonevoli li disinn jista’ jiġi protett permezz tad-drittijiet tal-awtur bħala xogħol, minkejja li ma jkollux karattru individwali suffiċjenti sabiex jikseb il-protezzjoni tad-disinni. Skont il-qorti tar-rinviju, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Cofemel (C‑683/17, EU:C:2019:721), minkejja li l-protezzjoni tad-disinni u l-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur jistgħu jingħataw b’mod kumulattiv għall-istess oġġett tal-arti applikata, dan il-kumulu jista’ jiġi kkunsidrat biss f’ċerti sitwazzjonijiet. Issa, rekwiżit ta’ oriġinalità baxx ħafna jirriskja li jwassal għal sitwazzjoni fejn ix-xogħlijiet tal-arti applikati jkunu jistgħu jibbenefikaw minn kumulu ta’ protezzjoni fil-maġġoranza tal-każijiet inkwistjoni. |
|
32 |
Min-naħa l-oħra, tista’ tiġi prevista interpretazzjoni oħra, jiġifieri li l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk oġġett tal-arti applikata jirriflettix il-personalità tal-awtur tiegħu, billi jesprimi l-għażliet liberi u kreattivi tiegħu, għandu jkollha bħala punt tat-tluq l-oġġett ikkonċernat innifsu. Dan l-oġġett għandu fih innifsu jirrifletti l-personalità tal-awtur tiegħu u juri ċertu grad ta’ arti jew ikollu dak li, tal-inqas fil-passat, fl-Isvezja u, b’mod partikolari, fil-Ġermanja, kien jissejjaħ il-“limitu ta’ oriġinalità” (“verkshöjd”). Evalwazzjoni magħmula skont din l-interpretazzjoni l-oħra tista’ tfisser li l-imsemmi oġġett għandu jkollu ċertu karattru individwali u jkun b’xi mod uniku. Fi kliem ieħor, l-istess oġġett għandu jikkostitwixxi oġġett li laħaq ċertu livell ta’ indipendenza u ta’ oriġinalità u li jesprimi l-individwalità tal-awtur tiegħu. |
|
33 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Svea hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma bħala l-Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Industrijali u tal-Affarijiet Ekonomiċi), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Il-Kawża C‑795/23
|
34 |
USM timmanifattura u tikkummerċjalizza għal għexieren ta’ snin sistema ta’ għamara modulari bl-isem USM Haller. Din is-sistema ta’ għamara hija kkaratterizzata mill-assemblaġġ ta’ tubi tondi kromati li jleqqu permezz ta’ blalen ta’ konnessjoni sabiex tiġi fformata struttura li fiha jiddaħħlu pannelli metalliċi kkuluriti. L-istrutturi maħluqa b’dan il-mod jistgħu jiġu kkombinati liberament u mmuntati fuq xulxin jew maġenb xulxin. |
|
35 |
Konektra toffri, permezz tal-ħanut online tagħha, spare parts u parts ta’ estensjoni għas-sistema ta’ għamara modulari USM Haller, li l-forma tagħhom u, għall-parti l-kbira minnhom, il-kulur tagħhom jikkorrispondu għall-komponenti ta’ USM. Wara li llimitat ruħha, inizjalment, għas-sempliċi bejgħ tal-ispare parts, mhux ikkontestat minn USM, Konektra bidlet fl‑2017 il-ħanut online tagħha. Mill‑2018, is-sit internet ta’ Konektra jelenka l-komponenti kollha neċessarji għall-assemblaġġ komplet tal-għamara USM Haller u jirreklama wkoll dawn tal-aħħar permezz ta’ stampi ta’ għamara mmuntata. Barra minn hekk, Konektra toffri lill-klijenti tagħha servizz ta’ muntaġġ sabiex il-parts individwali kkunsinnati jiġu mmuntati f’għamara sħiħa, peress li l-kunsinni tagħha huma akkumpanjati minn istruzzjonijiet ta’ muntaġġ għall-assemblaġġ ta’ għamara sħiħa. |
|
36 |
Skont USM, Konektra ma għadhiex tillimita ruħha li tipproponi spare parts għas-sistema USM Haller, iżda timmanifattura, toffri u tikkummerċjalizza s-sistema tagħha stess ta’ għamara, identika għal dik tagħha. USM tqis li l-offerta ta’ Konektra tikser id-drittijiet tal-awtur tagħha fir-rigward tas-sistema USM Haler bħala xogħol tal-arti applikata jew, tal-inqas, tikkostitwixxi imitazzjoni illegali fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni. |
|
37 |
Għaldaqstant, USM ħarrket lil konektra “għall-waqfien, għall-għoti ta’ informazzjoni u għall-preżentazzjoni tal-kontijiet”, kif ukoll “għall-ħlas lura tal-ispejjeż ta’ intimazzjoni u għall-konstatazzjoni tal-obbligu tagħhom ta’ kumpens”. Il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) laqgħet dawn it-talbiet, prinċipalment abbażi tad-drittijiet tal-awtur. |
|
38 |
Min-naħa l-oħra, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) ċaħdet fl-appell l-imsemmija talbiet abbażi tad-drittijiet tal-awtur. Din il-qorti qieset li s-sistema ta’ għamara modulari USM Haller ma kinitx xogħol tal-arti applikata protetta mid-drittijiet tal-awtur, sa fejn ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jirriżultaw, b’mod partikolari, mis-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2019, Cofemel (C‑683/17, EU:C:2019:721), u tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Brompton Bicycle (C‑833/18, EU:C:2020:461), sabiex titqies bħala xogħol tal-arti applikata, fis-sens tal-Artikoli 2 sa 4 tad-Direttiva 2001/29. |
|
39 |
USM u konektra ppreżentaw it-tnejn li huma rikors għal reviżjoni kontra d-deċiżjoni tal-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
40 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li s-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “xogħol”, fis-sens tal-Artikolu 2(a), tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, li tipprovdi li oġġett għandu jkollu żewġ karatteristiċi sabiex jiġi kklassifikat bħala xogħol, jiġifieri, minn naħa, l-oġġett inkwistjoni għandu jkun oriġinali, fis-sens li għandu jikkostitwixxi kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess, billi jesprimi l-għażliet liberi u kreattivi ta’ dan tal-aħħar, u, min-naħa l-oħra, it-twettiq tiegħu ma setgħetx ġiet iddeterminat minn kunsiderazzjonijiet tekniċi, minn regoli jew minn restrizzjonijiet oħra, li ma ħallewx post għall-eżerċizzju ta’ libertà kreattiva. |
|
41 |
Il-qorti tar-rinviju tammetti, f’dan ir-rigward, li s-sistema ta’ għamara modulari USM Haller tikkostitwixxi “espressjoni suffiċjenti”, fis-sens tat-tieni karatteristika tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Cofemel (C‑683/17, EU:C:2019:721), peress li din it-tieni karatteristika tippreżupponi l-eżistenza ta’ oġġett li jista’ jiġi identifikat bi preċiżjoni u oġġettività suffiċjenti anki jekk din l-espressjoni ma tkunx neċessarjament permanenti. Fil-fehma tagħha, is-sistema ta’ għamara modulari USM Haller tippermetti “identifikazzjoni oġġettiva”, peress li hija komposta minn numru limitat ta’ elementi individwali li huma kkombinati flimkien f’sistema u li jagħtu impressjoni ġenerali karatteristika u rikorrenti. |
|
42 |
Il-qorti tar-rinviju ma teskludix, f’dan ir-rigward, il-possibbiltà li, fil-każ ta’ oġġetti tal-arti applikati, teżisti relazzjoni ta’ regola u ta’ eċċezzjoni bejn il-protezzjoni permezz tad-drittijiet tad-disinni u l-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur, fis-sens li, fl-eżami tal-oriġinalità ta’ dawn l-oġġetti skont id-drittijiet tal-awtur, hemm lok li jiġu imposti rekwiżiti ogħla għal dak li jirrigwarda l-għażliet liberi u kreattivi tal-awtur tagħhom milli għal tipi oħra ta’ oġġetti. |
|
43 |
Hija tindika, barra minn hekk, li tqum il-kwistjoni dwar jekk l-eżami tal-oriġinalità ta’ oġġett jiddependix mill-perspettiva suġġettiva tal-awtur tiegħu jew jekk hemmx lok li jiġi applikat kriterju oġġettiv. Il-qorti tar-rinviju tqis, f’dan ir-rigward, li għadu ma ġiex stabbilit b’mod ċar fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fl-evalwazzjoni tal-oriġinalità ta’ oġġett, jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi esterni u sussegwenti għall-ħolqien tiegħu, bħall-preżentazzjoni tiegħu f’wirjiet tal-arti jew fil-mużewijiet, jew saħansitra r-rikonoxximent tiegħu mill-oqsma speċjalizzati. |
|
44 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
45 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Mejju 2024, il-Kawżi C‑580/23 u C‑795/23 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑795/23
|
46 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑795/23 tistaqsi, essenzjalment, jekk teżistix fid-dritt tal-Unjoni, relazzjoni ta’ regola u ta’ eċċezzjoni bejn il-protezzjoni taħt id-drittijiet tad-disinni u l-protezzjoni taħt id-drittijiet tal-awtur, bil-konsegwenza li, waqt l-eżami tal-oriġinalità tax-xogħlijiet tal-arti applikata, għandhom jiġu applikati rekwiżiti ogħla minn dawk previsti għal tipi oħra ta’ xogħlijiet. |
|
47 |
F’dan il-każ, id-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw speċifikament il-klassifikazzjoni bħala “xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2001/29, ta’ oġġett utilitarju. Din il-qorti tfittex b’mod partikolari li tiċċara l-portata tal-punt 52 tas-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Cofemel (C‑683/17, EU:C:2019:721), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, minkejja li l-protezzjoni tad-disinni u l-protezzjoni assoċjata mad-drittijiet tal-awtur jistgħu, skont id-dritt tal-Unjoni, jingħataw b’mod kumulattiv lill-istess oġġett, dan il-kumulu jista’ jiġi previst biss f’ċerti sitwazzjonijiet. |
|
48 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “xogħol” imsemmi fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 jikkostitwixxi, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat u applikat b’mod uniformi, u li jippreżupponi l-għaqda ta’ żewġ elementi kumulattivi. Minn naħa, dan il-kunċett jimplika li jeżisti oġġett oriġinali, fis-sens li dan ikun kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess. Min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni bħala xogħol hija rreżervata għall-elementi li jkunu l-espressjoni ta’ tali kreazzjoni intellettwali (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Cofemel,C‑683/17, EU:C:2019:721, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
Fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawn l-elementi, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex oġġett ikun jista’ jitqies li huwa oriġinali, huwa kemm neċessarju kif ukoll suffiċjenti li dan jirrifletti l-personalità tal-awtur tiegħu, billi jesprimi l-għażliet liberi u kreattivi ta’ dan tal-aħħar. Mill-banda l-oħra, meta t-twettiq ta’ oġġett ikun ġie ddeterminat minn kunsiderazzjonijiet tekniċi, permezz ta’ regoli jew restrizzjonijiet oħra, li ma ħallewx lok għall-eżerċizzju ta’ libertà kreattiva, dan l-oġġett ma jistax jitqies li jkollu l-oriġinalità neċessarja sabiex jikkostitwixxi xogħol (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Cofemel,C‑683/17, EU:C:2019:721, punti 30 u 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
50 |
Għalhekk, ir-riflessjoni tal-personalità tal-awtur fl-oġġett li għalih tkun qiegħda tintalab il-protezzjoni, permezz tal-espressjoni ta’ għażliet liberi u kreattivi tal-imsemmi awtur, tikkostitwixxi l-kundizzjoni determinanti tal-kunċett ta’ “oriġinalità” u, konsegwentement, tal-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur fid-dritt tal-Unjoni. |
|
51 |
Mill-banda l-oħra, fir-rigward tal-protezzjoni tad-disinni li jaqgħu kemm taħt id-Direttiva 98/71, applikabbli għad-disinni rreġistrati fi jew għal Stat Membru, jew inkella taħt ir-Regolament Nru 6/2002, applikabbli għad-disinni protetti fil-livell tal-Unjoni, japplika kriterju ieħor ta’ protezzjoni oġġettiv, dak tan-novità u tal-karattru individwali. Dan il-kriterju għandu jiġi evalwat fir-rigward tad-disinni preċedenti u, f’dan il-kuntest, kwalunkwe disinn li jiddistingwi ruħu b’mod suffiċjenti sabiex joħloq impressjoni viżiva ġenerali differenti jista’ jibbenefika mill-imsemmija protezzjoni. |
|
52 |
Din id-distinzjoni bejn il-kriterji ta’ protezzjoni hija spjegata mill-fatt li l-protezzjoni tad-disinni, minn naħa, u l-protezzjoni żgurata mid-drittijiet tal-awtur, min-naħa l-oħra, għandhom għanijiet differenti u huma suġġetti għal sistemi distinti. Fil-fatt, il-protezzjoni tad-disinni hija intiża sabiex tipproteġi oġġetti li, filwaqt li huma ġodda u individwalizzati, jippreżentaw karattru utilitarju u huma intiżi li jiġu prodotti f’serje. Barra minn hekk, din il-protezzjoni hija intiża sabiex tapplika għal żmien limitat iżda suffiċjenti sabiex tippermetti li l-investimenti meħtieġa għall-ħolqien u għall-produzzjoni ta’ dawn l-oġġetti jagħmlu qligħ, mingħajr madankollu ma jfixklu eċċessivament il-kompetizzjoni. Min-naħa tagħha, il-protezzjoni assoċjata mad-drittijiet tal-awtur, li t-tul tagħha huwa sinjifikattivament ogħla, hija rriżervata għall-oġġetti li jistħoqqilhom li jiġu kklassifikati bħala xogħlijiet (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Cofemel,C‑683/17, EU:C:2019:721, punt 50). |
|
53 |
Għal dawn ir-raġunijiet, l-għoti ta’ protezzjoni, abbażi tad-drittijiet tal-awtur, għal oġġett protett bħala disinn ma jistax iwassal sabiex l-għanijiet u l-effettività rispettivi ta’ dawn iż-żewġ protezzjonijiet jiġu ppreġudikati (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Cofemel,C‑683/17, EU:C:2019:721, punt 51). |
|
54 |
Minn dan jirriżulta, l-ewwel nett, li l-oġġetti protetti bħala disinn ma jistgħux bħala prinċipju jiġu assimilati ma’ dawk li jikkostitwixxu xogħlijiet protetti mid-Direttiva 2001/29 (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Cofemel,C‑683/17, EU:C:2019:721, punt 40). It-tieni nett, ma teżisti ebda awtomatiżmu bejn l-għoti tal-protezzjoni taħt id-drittijiet tad-disinni u dik taħt id-drittijiet tal-awtur. It-tielet nett, il-kundizzjonijiet ta’ din il-protezzjoni, jiġifieri dawk, minn naħa, ta’ novità u ta’ karattru individwali u, min-naħa l-oħra, ta’ oriġinalità, ma għandhomx jiġu konfużi. |
|
55 |
Għalkemm il-protezzjoni rriżervata għad-disinni u dik żgurata mid-drittijiet tal-awtur ma humiex esklużivi għal xulxin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Cofemel,C‑683/17, EU:C:2019:721, punt 43) u jistgħu jingħataw b’mod kumulattiv għall-istess oġġett, dan il-kumulu huwa limitat għal ċerti każijiet (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Cofemel,C‑683/17, EU:C:2019:721, punt 52), peress li awtur huwa mistenni joħloq xogħol uniku li jkollu t-timbru tal-personalità tiegħu li, bħala tali, huwa protett konformement mad-Direttiva 2001/29. |
|
56 |
Madankollu, ma teżistix relazzjoni ta’ regola u ta’ eċċezzjoni bejn il-protezzjoni rriżervata għad-disinni u l-protezzjoni żgurata mid-drittijiet tal-awtur. |
|
57 |
Għaldaqstant, għandu jitqies li disinn jista’ jiġi kklassifikat bħala “xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2001/29, jekk jissodisfa ż-żewġ rekwiżiti stabbiliti fil-punt 48 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Cofemel,C‑683/17, EU:C:2019:721, punt 48) u li l-oriġinalità tal-oġġetti tal-arti applikata għandha tiġi evalwata skont l-istess rekwiżiti bħal dawk użati sabiex tiġi evalwata dik ta’ tipi oħra ta’ oġġetti. |
|
58 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑795/23 hija li d-Direttiva 2001/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma teżistix relazzjoni ta’ regola u ta’ eċċezzjoni bejn il-protezzjoni taħt id-drittijiet tad-disinni u l-protezzjoni taħt id-drittijiet tal-awtur, bil-konsegwenza li, waqt l-eżami tal-oriġinalità tax-xogħlijiet tal-arti applikata, għandhom jiġu applikati rekwiżiti ogħla minn dawk previsti għal tipi oħra ta’ xogħlijiet. |
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda fil-Kawża C‑580/23 kif ukoll fuq it-tieni u t-tielet domanda fil-Kawża C‑795/23
|
59 |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda fil-Kawża C‑580/23 kif ukoll tat-tieni u tat-tielet domanda fil-Kawża C‑795/23, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(a), l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, waqt l-evalwazzjoni tal-oriġinalità tal-oġġetti tal-arti applikata, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi marbuta mal-proċess kreattiv u mal-intenzjonijiet tal-awtur tagħhom jew inkella biss l-elementi perċettibbli fl-oġġett innifsu. F’dan ir-rigward, il-qrati tar-rinviju jistaqsu x’rwol għandhom f’din l-evalwazzjoni elementi addizzjonali, bħall-użu fil-ħolqien tal-oġġett ikkonċernat ta’ forom diġà disponibbli, l-ispirazzjoni tal-awtur tiegħu minn oġġetti eżistenti, il-possibbiltà ta’ kreazzjoni simili indipendenti jew ukoll ir-rikonoxximent tiegħu mill-oqsma speċjalizzati. |
Fuq l-evalwazzjoni tal-oriġinalità tal-oġġetti tal-arti applikata
|
60 |
Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kriterju tal-oriġinalità, għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, iż-żewġ qrati tar-rinviju jistaqsu dwar il-mod kif għandhom jiġu evalwati l-għażliet kreattivi magħmula fil-ħolqien ta’ oġġetti utilitarji, bħall-għamara. |
|
61 |
Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, sabiex tiġi stabbilita n-natura oriġinali ta’ xogħol fid-drittijiet tal-awtur, il-qorti adita għandha tevalwa jekk l-oġġett li għalih tkun qiegħda tintalab il-protezzjoni jikkostitwixxix l-espressjoni ta’ għażliet liberi u kreattivi li jirriflettu l-personalità tal-awtur tiegħu. |
|
62 |
Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-evalwazzjoni għandha ssir billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċità tat-tip ta’ xogħlijiet ikkonċernati. Fil-fatt, ix-xogħlijiet tal-arti applikati jiddistingwu ruħhom minn kategoriji oħra ta’ xogħlijiet minħabba l-fatt li jikkostitwixxu, fl-ewwel lok, oġġetti utilitarji. Issa, tali oġġetti huma l-frott tal-ħila u tal-għażliet tal-kreaturi tagħhom, peress li dawn tal-aħħar jistgħu jkunu ddettati minn restrizzjonijiet tekniċi, ergonomiċi jew ta’ sigurtà, jew jirriżultaw minn standards jew konvenzjonijiet adottati fis-settur ikkonċernat. |
|
63 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li oġġett li jissodisfa l-kundizzjoni ta’ oriġinalità jista’ jibbenefika mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur anki jekk it-twettiq tiegħu jkun ġie parzjalment iddeterminat minn kunsiderazzjonijiet tekniċi, sakemm tali determinazzjoni ma tkunx ipprekludiet lill-awtur tiegħu milli jirrifletti l-personalità tiegħu fih, billi jesprimi għażliet liberi u kreattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Brompton Bicycle,C‑833/18, EU:C:2020:461, punt 26). |
|
64 |
Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kriterju ta’ oriġinalità ma jistax jiġi ssodisfatt mill-komponenti ta’ oġġett li huma kkaratterizzati biss mill-funzjoni teknika tagħhom, peress li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ma testendix għall-ideat. Meta l-espressjoni ta’ dawn il-komponenti hija ddettata mill-funzjoni teknika tagħhom, il-modi differenti kif tiġi implimentata idea huma, fil-fatt, tant limitati li din l-idea u l-espressjoni tagħha jingħaqdu flimkien (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Brompton Bicycle,C‑833/18, EU:C:2020:461, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
65 |
Minn dan isegwi li, fid-drittijiet tal-awtur, in-natura kreattiva tal-għażliet tal-awtur tal-oġġett ma tistax tiġi preżunta. Għalhekk, il-qorti adita bil-kwistjoni tal-oriġinalità ta’ oġġett utilitarju għandha tfittex u tidentifika l-għażliet kreattivi fil-forma tiegħu sabiex tkun tista’ tiddikjarah protett mid-drittijiet tal-awtur, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li anki meta l-awtur tiegħu jkun għamel għażliet li ma humiex iddettati minn restrizzjonijiet tekniċi jew oħrajn, in-natura kreattiva ta’ dawn l-għażliet, fis-sens tad-drittijiet tal-awtur, ma tistax tiġi preżunta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Brompton Bicycle,C‑833/18, EU:C:2020:461, punt 32). |
|
66 |
Fir-rigward tal-komponenti ta’ oġġett utilitarju, dawn huma suġġetti għall-istess sistema bħall-oġġett kollu kemm hu. Il-komponenti ta’ xogħol jibbenefikaw għalhekk minn protezzjoni skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 bil-kundizzjoni li dawn jinkludu ċerti elementi li huma l-espressjoni oriġinali tal-awtur ta’ dan ix-xogħol u li jipparteċipaw, bħala tali, fl-oriġinalità tax-xogħol fl-intier tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International,C‑5/08, EU:C:2009:465, punti 38 u 39). |
|
67 |
Għandu jingħad ukoll li, għalkemm huwa minnu li kunsiderazzjonijiet ta’ natura artistika jew estetika huma parti mill-attività kreattiva, il-fatt li mudell jiġġenera tali effett ma jippermettix, fih innifsu, li jiġi ddeterminat jekk dan il-mudell jikkostitwixxix kreazzjoni intellettwali li tirrifletti l-libertà tal-għażla u l-personalità tal-awtur tiegħu, u li għalhekk jissodisfa r-rekwiżit ta’ oriġinalità (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Cofemel,C‑683/17, EU:C:2019:721, punt 54). |
|
68 |
Għalhekk, il-fatt li mudell jiġġenera, lil hinn mill-għan utilitarju tiegħu, effett viżiv proprju u notevoli mill-perspettiva estetika jew artistika ma huwiex ta’ natura li jiġġustifika, fih innifsu, li jiġi kklassifikat bħala “xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 2001/29 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Cofemel,C‑683/17, EU:C:2019:721, punt 55). |
Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-proċess kreattiv u tal-intenzjonijiet tal-awtur
|
69 |
Il-qrati tar-rinviju jistaqsu jekk l-oriġinalità ta’ oġġett utilitarju, bħall-għamara li għalihom qiegħda tintalab il-protezzjoni abbażi tad-drittijiet tal-awtur f’dan il-każ, għandhiex tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-intenzjonijiet tal-awtur tiegħu waqt il-proċess tal-ħolqien. |
|
70 |
Mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, sabiex oġġett ikun jista’ jitqies li huwa kreazzjoni oriġinali, huwa kemm neċessarju kif ukoll suffiċjenti li dan ikun “jirrifletti” l-personalità tal-awtur tiegħu, billi “jesprimi” l-għażliet liberi u kreattivi ta’ dan tal-aħħar. |
|
71 |
Issa, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-użu tat-termini “jirrifletti” u “jesprimi” juru b’mod ċar li tali għażliet kif ukoll il-personalità tal-awtur għandhom ikunu viżibbli fl-oġġett li għalih tkun qiegħda tintalab il-protezzjoni. |
|
72 |
Fir-rigward tat-tieni element imsemmi fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kunċett ta’ “xogħol”, imsemmi fid-Direttiva 2001/29 jimplika l-eżistenza ta’ oġġett identifikabbli bi preċiżjoni u oġġettività suffiċjenti. Fil-fatt, minn naħa, l-awtoritajiet responsabbli li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet esklużivi inerenti fid-drittijiet tal-awtur għandhom ikunu jistgħu jidentifikaw, b’mod ċar u preċiż, l-oġġett hekk protett. L-istess japplika għal terzi li kontra tagħhom tista’ tiġi invokata l-protezzjoni mitluba mill-awtur ta’ dan l-oġġett. Min-naħa l-oħra, in-neċessità li jiġi eskluż kull element ta’ suġġettività, li huwa ta’ detriment għaċ-ċertezza legali, fil-proċess ta’ identifikazzjoni tal-imsemmi oġġett jippreżupponi li dan tal-aħħar ikun ġie espress b’mod oġġettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Cofemel,C‑683/17, EU:C:2019:721, punti 32 u 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
73 |
Għalhekk, kif tfakkar fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, il-qorti mitluba teżamina l-kwistjoni tal-oriġinalità ta’ oġġett għandha tfittex u tidentifika l-għażliet kreattivi “fil-forma” tiegħu sabiex tiddikjarah protett bħala xogħol mid-drittijiet tal-awtur. |
|
74 |
Dan ir-rekwiżit tal-eżistenza ta’ oġġett identifikabbli huwa bbażat fuq il-prinċipju fundamentali tad-drittijiet tal-awtur li jipprovdi li ma humiex protetti l-ideat, iżda biss l-espressjonijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Brompton Bicycle,C‑833/18, EU:C:2020:461, punt 27). Issa, l-intenzjonijiet tal-awtur jagħmlu parti mill-ideat. Għaldaqstant, dawn jistgħu jiġu protetti biss sa fejn l-awtur ikun esprimihom fix-xogħol ikkonċernat. |
|
75 |
Konsegwentement, il-qorti adita bil-kwistjoni tal-oriġinalità ta’ dan l-oġġett tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-proċess kreattiv u l-intenzjonijiet tal-awtur, bil-kundizzjoni li dawn l-elementi jkunu espressi fl-imsemmi suġġett stess, mingħajr madankollu ma tkun tista’ tibbaża l-evalwazzjoni tagħha b’mod determinanti fuq l-imsemmija elementi. |
Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi oħra
|
76 |
Il-qrati tar-rinviju jistaqsu x’importanza għandha tingħata, fl-evalwazzjoni tal-oriġinalità ta’ oġġett tal-arti applikata, lil elementi bħall-użu mill-awtur tiegħu ta’ forom diġà disponibbli, l-ispirazzjoni ta’ dan tal-aħħar minn oġġetti eżistenti, l-eżistenza ta’ kreazzjoni simili indipendenti jew il-possibbiltà tagħha jew anki lil ċirkustanzi sussegwenti għall-ħolqien ta’ dan l-oġġett, bħall-preżentazzjoni tiegħu f’wirjiet jew f’mużewijiet jew, b’mod iktar ġenerali, ir-rikonoxximent tiegħu mill-oqsma speċjalizzati. |
|
77 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat jekk oġġett huwiex kreazzjoni oriġinali u għalhekk huwiex protett taħt id-drittijiet tal-awtur, hija l-qorti adita li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, kif kienu jeżistu waqt it-tfassil ta’ dan l-oġġett, indipendentement mill-fatturi esterni u sussegwenti għall-ħolqien tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Brompton Bicycle,C‑833/18, EU:C:2020:461, punt 37). |
|
78 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, kif fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-użu mill-awtur ta’ oġġett ta’ forom diġà disponibbli ma jeskludix, fih innifsu, l-oriġinalità tiegħu. Fil-fatt, oġġett kompost biss minn forom disponibbli jista’ jkun oriġinali, meta l-awtur tiegħu jkun esprima l-għażliet kreattivi tiegħu fl-arranġament ta’ dawn il-forom. |
|
79 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-ipoteżi fejn l-awtur ta’ oġġett ikun ġie ispirat minn oġġetti eżistenti, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tkun limitata għall-identifikazzjoni tal-elementi kreattivi proprji ta’ dan l-awtur. Fil-fatt, meta l-oġġett inkwistjoni jkun “varjant” ta’ xogħol eżistenti, li joriġina mill-istess awtur u jkun bħala definizzjoni oriġinali, huwa jista’ jibbenefika mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur sakemm l-elementi kreattivi riprodotti jibqgħu fih u jikkostitwixxu t-timbru tal-personalità ta’ dan l-istess awtur. Min-naħa l-oħra, meta l-awturi jkunu differenti, dan l-oġġett għandu għalhekk jitqies bħala xogħol ispirat, jiġifieri xogħol li ma jirriproduċix bħala tali l-elementi kreattivi ta’ xogħol ieħor, iżda li huwa ispirat b’mod ieħor. Dan ix-xogħol ġdid jista’ madankollu jibbenefika wkoll, bħala tali, minn din il-protezzjoni, bil-kundizzjoni li r-rekwiżiti previsti mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 48 ta’ din is-sentenza jkunu ssodisfatti. |
|
80 |
It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk id-drittijiet tal-awtur ma jipprevedux kundizzjoni ta’ novità, il-ħolqien minn awtur ieħor ta’ oġġetti simili jew identiċi għal oġġett partikolari, qabel il-ħolqien tiegħu, jista’ jikkostitwixxi indizju rilevanti tal-livell dgħajjef jew saħansitra tal-assenza ta’ oriġinalità ta’ dan l-oġġett. Xorta jibqa’ l-fatt li, fil-każ ta’ oġġetti tal-arti applikati, fejn restrizzjonijiet differenti kkaratterizzati mill-funzjoni teknika tagħhom jillimitaw il-libertà tal-awturi, il-possibbiltà li żewġ awturi jkunu għamlu, b’mod indipendenti, għażliet kreattivi simili, jew saħansitra identiċi, ma tistax tiġi totalment eskluża. |
|
81 |
Fl-aħħar u r-raba’ nett, fir-rigward taċ-ċirkustanzi, bħall-preżentazzjoni ta’ xogħol f’wirjiet tal-arti jew f’mużewijiet u r-rikonoxximent tiegħu mill-oqsma speċjalizzati, dawn iċ-ċirkustanzi, esterni u sussegwenti għall-ħolqien tiegħu u, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, la huma neċessarji u lanqas determinanti bħala tali. |
|
82 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar’ il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda fil-Kawża C‑580/23 kif ukoll għat-tieni u għat-tielet domanda fil-Kawża C‑795/23 hija li l-Artikolu 2(a), l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jikkostitwixxi xogħol, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, oġġett li jirrifletti l-personalità tal-awtur tiegħu, billi jesprimi l-għażliet liberi u kreattivi tiegħu. Ma humiex liberi u kreattivi mhux biss l-għażliet iddettati minn restrizzjonijiet differenti, b’mod partikolari tekniċi, li rabtu lil dan l-awtur waqt il-ħolqien ta’ dan l-oġġett, iżda wkoll dawk li, għalkemm liberi, ma jkollhomx it-timbru tal-personalità tal-awtur billi jagħtu lill-imsemmi oġġett aspett uniku. Ċirkustanzi bħall-intenzjonijiet tal-imsemmi awtur matul il-proċess kreattiv, is-sorsi ta’ ispirazzjoni tiegħu u l-użu ta’ forom diġà disponibbli, il-possibbiltà ta’ kreazzjoni simili indipendenti jew ir-rikonoxximent tal-istess oġġett mill-oqsma speċjalizzati jistgħu, jekk ikun il-każ, jittieħdu inkunsiderazzjoni iżda ma humiex, fi kwalunkwe każ, la neċessarji u lanqas determinanti sabiex tiġi stabbilita l-oriġinalità tal-oġġett li għalih tkun qiegħda tintalab il-protezzjoni. |
Fuq it-tielet u r-raba’ domanda fil-Kawża C‑580/23
|
83 |
Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha fil-Kawża C‑580/23, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(a), l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, sabiex jiġi kkonstatat ksur tad-drittijiet tal-awtur, għandu, minn naħa, jiġi ddeterminat jekk l-elementi kreattivi ġewx riprodotti b’mod rikonoxxibbli fl-oġġett, jew jekk l-istess impressjoni viżiva ġenerali hijiex suffiċjenti f’dan ir-rigward, u, min-naħa l-oħra, jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad ta’ oriġinalità tax-xogħol ikkonċernat u l-eżistenza ta’ kreazzjoni simili. |
|
84 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fid-drittijiet tal-awtur, il-ksur huwa l-konsegwenza tal-użu ta’ xogħol mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awtur tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Brompton Bicycle,C‑833/18, EU:C:2020:461, punt 21). |
|
85 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-użu mhux awtorizzat ta’ xogħol jista’ jikkostitwixxi tali ksur anki meta dan jikkonċerna element relattivament minuri ta’ dan ix-xogħol, sa fejn dan l-element, bħala tali, jesprimi l-kreazzjoni intellettwali tal-awtur tiegħu stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International,C‑5/08, EU:C:2009:465, punt 47). |
|
86 |
Għalhekk, sabiex jiġi kkonstatat ksur tad-drittijiet tal-awtur, hija l-qorti tar-rinviju, l-ewwel nett, li għandha tikkonstata użu mhux awtorizzat tal-inqas tal-elementi oriġinali kreattivi tax-xogħol protett u, it-tieni nett, li tiddetermina jekk dawn l-elementi, jiġifieri dawk li huma l-espressjoni tal-għażliet li jirriflettu l-personalità tal-awtur ta’ dan ix-xogħol, ġewx riprodotti b’mod rikonoxxibbli fl-oġġett allegatament kontrafatt (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Pelham et, C‑476/17, EU:C:2019:624, punt 39). |
|
87 |
Min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur skont l-Artikolu 2(a), l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, il-paragun tal-impressjoni ġenerali prodotta minn kull wieħed mill-oġġetti kunfliġġenti ma jistax ikun determinanti, peress li dan il-kriterju jikkonċerna l-protezzjoni tad-disinni. |
|
88 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-livell ta’ oriġinalità tax-xogħol protett, għandu jitfakkar li, meta oġġett ikollu l-karatteristiċi stabbiliti fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, u għalhekk jikkostitwixxi xogħol, huwa għandu, f’din il-kwalità, jibbenefika minn protezzjoni taħt id-drittijiet tal-awtur, konformement mad-Direttiva 2001/29, filwaqt li għandu jiġi osservat li l-portata ta’ din il-protezzjoni ma tiddependix mill-grad ta’ libertà kreattiva li kellu l-awtur tiegħu u li għalhekk ma tistax tkun inqas minn dik li jibbenefika minnha kull xogħol li jaqa’ taħt din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Cofemel,C‑683/17, EU:C:2019:721, punt 35). |
|
89 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-oġġetti utilitarji, li l-eżistenza ta’ forom differenti possibbli li jippermettu li jintlaħaq l-istess riżultat tekniku, għalkemm tippermetti li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ possibbiltà ta’ għażla, ma hijiex determinanti għall-evalwazzjoni tal-fatturi li ggwidaw l-għażla magħmula mill-awtur tagħhom. Bl-istess mod, ir-rieda tal-persuna li allegatament wettqet il-ksur hija irrilevanti fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Brompton Bicycle,C‑833/18, EU:C:2020:461, punt 35). |
|
90 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-eżistenza ta’ sors ta’ ispirazzjoni komuni taż-żewġ oġġetti kunfliġġenti, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn naħa, meta ż-żewġ oġġetti inkwistjoni jkunu ispirati mill-istess xogħol, jew inkella, minn disinn preċedenti, huma biss l-elementi kreattivi “ġodda” li huma oriġinali fix-xogħol idderivat u hija biss ir-riproduzzjoni ta’ dawn l-elementi ġodda li tikkostitwixxi ksur eventwali tad-drittijiet tal-awtur. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li tiġi segwita l-istess tendenza jew l-istess kurrent artistiku bħall-awtur ta’ xogħol preċedenti ma jikkostitwixxix tali ksur fl-assenza ta’ riproduzzjoni ta’ elementi kreattivi konkretament identifikabbli minn dan ix-xogħol preċedenti. |
|
91 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-eżistenza ta’ kreazzjoni simili indipendenti, għalkemm il-possibbiltajiet ta’ kreattività huma limitati għal raġunijiet tekniċi fil-każ ta’ oġġetti tal-arti applikati, tali sitwazzjoni ma hijiex totalment eskluża, u ma tikkostitwixxix, jekk tiġi stabbilita, ksur tad-drittijiet tal-awtur. Sabiex jiġi kkonstatat ksur eventwali tad-drittijiet tal-awtur, hija l-qorti adita li għandha tevalwa r-realtà tal-eżistenza ta’ tali kreazzjoni simili indipendenti, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, kif kienu jeżistu fil-mument tal-ħolqien tal-oġġetti inkwistjoni, indipendentement minn fatturi esterni u sussegwenti għalih. Is-sempliċi possibbiltà ta’ tali sitwazzjoni ma tistax tiġġustifika rifjut ta’ protezzjoni taħt id-drittijiet tal-awtur. |
|
92 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet u għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑580/23 hija li l-Artikolu 2(a), l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex jiġi kkonstatat ksur tad-drittijiet tal-awtur, għandu jiġi ddeterminat jekk elementi kreattivi tax-xogħol protett ġewx riprodotti b’mod rikonoxxibbli fl-oġġett allegatament kontrafatt. L-istess impressjoni viżiva ġenerali maħluqa miż-żewġ oġġetti kunfliġġenti u l-grad ta’ oriġinalità tax-xogħol ikkonċernat ma humiex rilevanti. Il-possibbiltà ta’ kreazzjoni simili ma tistax tiġġustifika r-rifjut ta’ protezzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
|
93 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qrati tar-rinviju, huma dawk il-qrati li għandhom jiddeċiedu fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwi tal-kawża: il-Ġermaniż u l-Isvediż.