Kawża C‑575/23

FT et

vs

État belge

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju))

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) tas‑6 ta’ Marzu 2025

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Artisti rreklutati taħt id-dritt amministrattiv – Trasferiment tad-drittijiet relatati b’mod regolamentari – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 2(b) u Artikolu 3(2) – Dritt ta’ riproduzzjoni u dritt ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku – Direttiva 2006/115/KE – Artikoli 7 sa 9 – Drittijiet ta’ fissazzjoni, ta’ xandir u ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku u ta’ distribuzzjoni – Direttiva (UE) 2019/790 – Artikoli 18 sa 23 – Remunerazzjoni ġusta fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ sfruttament – Artikolu 26 – Applikazzjoni ratione temporis – Kunċetti ta’ ‘atti konklużi’ u ta’ ‘drittijiet miksuba’”

  1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2019/790 – Applikazzjoni ratione temporis – Atti konklużi u drittijiet miksuba qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva – Artisti – Prestazzjonijiet imwettqa qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni – Inapplikabbiltà tad-Direttiva – Prestazzjonijiet imwettqa wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni – Applikabbiltà tad-Direttiva

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2019/790, Artikolu 26(1) u (2))

    (ara l-punti 68 sa 80)

  2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttivi 2001/29, 2006/115 u 2019/790 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Artisti – Kunċett – Artisti rreklutati taħt id-dritt amministrattiv – Inklużjoni

    (Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikoli 2(b) u 3(2)(a), 2006/115, Artikoli 3(1)(b), 7(1), 8(1) u 9(1)(a), u 2019/790, Artikoli 18 sa 23)

    (ara l-punti 88 sa 102)

  3. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttivi 2001/29 u 2006/115 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Drittijiet ta’ riproduzzjoni, ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, ta’ ffissar, ta’ xandir, ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku u ta’ distribuzzjoni – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Prinċipju ta’ remunerazzjoni xierqa u proporzjonali – Trasferiment, b’mod regolamentari, tad-drittijiet relatati kollha tal-artisti rreklutati taħt id-dritt amministrattiv fi ħdan orkestra nazzjonali – Assenza ta’ kunsens tal-artisti – Inammissibbiltà

    (Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikoli 2(b) u 3(2)(a), 2006/115, Artikoli3(1)(b), 7(1), 8(1) u 9(1)(a), u 2019/790, Artikoli 18 sa 23)

    (ara l-punti 104 sa 110, 114 sa 123, 126 sa 128, u d-dispożittiv)

Sunt

Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni dwar il-possibbiltà għall-Istati Membri li jillimitaw, b’mod regolamentari, l-eżerċizzju tad-drittijiet relatati ta’ artisti rreklutati taħt id-dritt amministrattiv.

Fl‑1 ta’ Ġunju 2021, l-Istat Belġjan adotta d-Digriet Irjali dwar id-Drittijiet Relatati tal-Persunal Artistiku tal-Orkestra Nazzjonali tal-Belġju (ONB) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali tal‑1 ta’ Ġunju 2021”), li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ġunju 2021.

Qabel l-adozzjoni ta’ dan id-Digriet Irjali, l-isfruttament tad-drittijiet relatati tal-mużiċisti tal-ONB ġie nnegozjat, każ b’każ, fi ħdan kumitat ta’ konsultazzjoni. Bejn is-sena 2016 u s-sena 2021, l-ONB u d-delegazzjonijiet sindakali tal-mużiċisti ta’ din l-orkestra nnegozjaw sabiex jintlaħaq ftehim dwar ir-remunerazzjoni ekwa mill-ONB għall-prestazzjonijiet ta’ dawn il-mużiċisti. Peress li dawn in-negozjati ma rnexxewx, l-Istat Belġjan adotta l-imsemmi digriet irjali. Skont it-termini tiegħu, l-artist kellu jittrasferixxi lill-ONB, inkambju għal allowances kumpensatorji, id-drittijiet relatati li kienu jirrigwardaw il-prestazzjonijiet tiegħu mwettqa fil-kuntest tal-missjoni tiegħu fis-servizz ta’ din l-orkestra. B’hekk ġew ittrasferiti d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku kif ukoll id-drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ distribuzzjoni li l-mużiċisti tal-ONB kellhom, għat-tul kollu tad-drittijiet relatati u għad-dinja kollha.

Ċerti mużiċisti adixxew lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) b’rikors għall-annullament tad-Digriet Irjali tal‑1 ta’ Ġunju 2021, minħabba li d-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet irjali kienu jiksru d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 2019/790 ( 1 ).

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari intiżi li jiġi ddeterminat, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva kinux jipprekludu it-trasferiment, b’mod regolamentari, għall-finijiet ta’ sfruttament mill-persuna li timpjega, tad-drittijiet relatati ta’ artisti rreklutati taħt id-dritt amministrattiv, għall-prestazzjonijiet imwettqa fil-kuntest tal-missjoni tagħhom fis-servizz ta’ din il-persuna li timpjega, fl-assenza tal-kunsens tagħhom minn qabel.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Preliminarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, hija kellha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali l-punti ta’ liġi tal-Unjoni li kienu jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima.

F’dan il-każ, minkejja li d-domandi preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) kienu jirrigwardaw biss l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/790, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li din id-direttiva kienet ibbażata, filwaqt li kienet tikkompletahom, fuq ir-regoli stabbiliti b’mod partikolari fid-Direttivi 2001/29 ( 2 ) u 2006/115 ( 3 ), li ċerti dispożizzjonijiet tagħhom ( 4 ) kienu rilevanti sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula.

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja vverifikat jekk id-Digriet Irjali tal‑1 ta’ Ġunju 2021 kienx eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 2019/790, minħabba l-adozzjoni tiegħu u d-dħul fis-seħħ tiegħu qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, hija osservat, minn naħa, li l-imsemmija direttiva tapplika għax-xogħlijiet u għal materjal ieħor protett kollu mid-dritt nazzjonali fil-qasam tad-dritt tal-awtur mis‑7 ta’ Ġunju 2021 ( 5 ). Min-naħa l-oħra, peress li l-applikazzjoni tad-Direttiva 2019/790 hija, skont l-Artikolu 26(2) tagħha, “[m]ingħajr preġudizzju għal kwalunkwe att konkluż u kwalunkwe dritt miksub qabel is‑7 ta’ Ġunju 2021”, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li din id-direttiva ma kinitx intiża li tapplika għall-atti ta’ sfruttament li seħħew qabel is‑7 ta’ Ġunju 2021 u li għalihom kienu ġew miksuba drittijiet b’mod validu qabel din id-data.

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li d-Digriet Irjali tal‑1 ta’ Ġunju 2021, sa fejn kien adottat validament, seta’ ħoloq favur l-ONB, bejn id-dħul fis-seħħ tiegħu u d-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/790, drittijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ din id-direttiva. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li dan id-digriet irjali ma eżawrixxiex l-effetti legali tiegħu fid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. Fil-fatt, dan id-digriet irjali kien intiż li jipproduċi regolarment l-effetti tiegħu fuq il-prestazzjonijiet tal-artisti kkonċernati matul il-perijodu kollu tal-applikazzjoni tiegħu, inkluż wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/790.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, għaldaqstant, li din id-direttiva kienet applikabbli ratione temporis għat-trasferiment, imwettaq mid-Digriet Irjali tal‑1 ta’ Ġunju 2021, tad-drittijiet relatati tal-mużiċisti tal-ONB relatati mal-prestazzjonijiet imwettqa minn dawn il-mużiċisti wara s‑7 ta’ Ġunju 2021.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk il-kunċett ta’ “artist”, imsemmi fid-Direttivi 2001/29, 2006/115 u 2019/790, ikoprix il-mużiċisti ta’ orkestra rreklutati taħt id-dritt amministrattiv.

Qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, fl-assenza ta’ rieda differenti espressa mil-leġiżlatur tal-Unjoni, il-kunċett ta’ “artist” għandu jingħata l-istess tifsira fil-kuntesti rispettivi ta’ dawn id-direttivi.

Fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat, qabelxejn, li l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2001/29, 2006/115 u 2019/790 ma teskludix formalment mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-artisti rreklutati taħt id-dritt amministrattiv.

Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest li fih jidħlu dawn id-dispożizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li d-dispożizzjonijiet tad-direttivi fis-seħħ fil-qasam tal-proprjetà intellettwali għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt internazzjonali, u b’mod partikolari tad-dritt konvenzjonali li huma intiżi li jimplimentaw. Issa, l-Artikolu 2(a) tat-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) dwar il-Preżentazzjonijiet u l-Fonogrammi (WPPT) ( 6 ) ma jistabbilixxi ebda kundizzjoni li kellha l-effett li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-artisti rreklutati taħt id-dritt amministrattiv.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet imfittxija mid-Direttivi 2001/29, 2006/115 u 2019/790. Fil-fatt, dawn id-direttivi jipprevedu, essenzjalment, li kull armonizzazzjoni tad-drittijiet relatati għandha tkun ibbażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li din il-protezzjoni tiġi adattata għar-realtajiet ekonomiċi ġodda u li jiġi ggarantit dħul xieraq għall-artisti li kellhom it-tendenza li jsibu ruħhom f’pożizzjoni kuntrattwali inqas favorevoli.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-artisti rreklutati taħt id-dritt amministrattiv jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “artist”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2001/29, 2006/115 u 2019/790.

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2001/29 u 2006/115 jipprekludux it-trasferiment, b’mod regolamentari, tad-drittijiet relatati tal-artisti rreklutati taħt id-dritt amministrattiv, fl-assenza tal-kunsens tagħhom minn qabel.

L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-protezzjoni mogħtija mid-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2001/29 u 2006/115 għandha tingħata portata wiesgħa. Għaldaqstant, din il-protezzjoni ma hijiex limitata għat-tgawdija tad-drittijiet iggarantiti minn dawn id-dispożizzjonijiet, iżda testendi wkoll għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet.

It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li d-drittijiet iggarantiti lill-artisti minn dawn id-dispożizzjonijiet huma ta’ natura preventiva, fis-sens li l-użu tal-prestazzjonijiet tagħhom jeħtieġ il-kunsens tagħhom minn qabel. Minn dan isegwi li l-imsemmija dispożizzjonijiet jipprekludu, fl-assenza ta’ kunsens minn qabel tad-detenturi tad-drittijiet, it-trasferiment, b’mod regolamentari, tad-drittijiet esklużivi msemmija fihom, sakemm tali trasferiment ma jaqax taħt waħda mill-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet previsti minn dawn id-direttivi ( 7 ). Issa, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet magħmula b’mod limitat għad-drittijiet tal-artisti, kif previsti mill-imsemmija direttivi, ma jippermettux it-trasferiment obbligatorju ta’ natura ġenerali tad-drittijiet relatati kollha ta’ kategorija ta’ artisti.

It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest internazzjonali li fih taqa’ l-protezzjoni tad-drittijiet relatati tal-artisti kif ukoll mill-għanijiet imfittxija mid-Direttivi 2001/29 u 2006/115. B’mod partikolari, fir-rigward tal-protezzjoni ta’ artisti, jistgħu jiġu pprovduti liċenzji obbligatorji biss sal-punt li jkunu kompatibbli mal-Konvenzjoni ta’ Ruma ( 8 ), li tipproduċi effetti indiretti fl-Unjoni. Issa, din il-konvenzjoni tipprevedi li l-protezzjoni li hija tagħti favur artisti kellha tippermetti, bħala prinċipju, li jiġu ostakolati x-xandir, il-komunikazzjoni lill-pubbliku jew anki r-riproduzzjoni ta’ ffissar tal-prestazzjoni tagħhom mingħajr il-kunsens tagħhom minn qabel. Għalkemm huwa minnu li l-imsemmija konvenzjoni fiha eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-drittijiet esklużivi tad-detenturi tad-drittijiet relatati, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tagħha ma tippermetti trasferiment obbligatorju ta’ natura ġenerali ta’ dawn id-drittijiet. Tali trasferiment lanqas ma huwa awtorizzat mid-dispożizzjonijiet tal-WPPT.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2001/29 u 2006/115 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-trasferiment, b’mod regolamentari, għall-finijiet ta’ sfruttament mill-persuna li timpjega, tad-drittijiet relatati ta’ artisti rreklutati taħt id-dritt amministrattiv, għall-prestazzjonijiet imwettqa fil-kuntest tal-missjoni tagħhom fis-servizz ta’ din il-persuna li timpjega, fl-assenza ta’ kunsens minn qabel ta’ dawn tal-aħħar, bħal dik imwettqa mid-Digriet Irjali tal‑1 ta’ Ġunju 2021.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma kienx għad hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-Artikoli 18 sa 23 tad-Direttiva 2019/790 jipprekludux ukoll dan it-trasferiment.


( 1 ) Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU 2019, L 130, p. 92).

( 2 ) Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

( 3 ) Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU 2006, L 376, p. 28).

( 4 ) Id-dispożizzjonijiet imsemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja kienu l-Artikolu 2(b) u l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29”), kif ukoll l-Artikolu 3(1)(b), l-Artikolu 7(1), l-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2006/115 (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/115”).

( 5 ) Data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/790, stabbilit fl-Artikolu 29(1) ta’ din id-direttiva.

( 6 ) Trattat tal-WIPO dwar il-Prestazzjonijiet u l-Fonogrammi, adottat f’Genève fl‑20 ta’ Diċembru 1996 u approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE tas‑16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208). Skont l-Artikolu 2(a) ta’ dan it-trattat, il-kunċett ta’ “artisti” jirreferi għall-persuni kollha “li jippreżentaw, iktantaw, jirreċtaw, jiddeklamaw, jieħdu sehem, jinterpretaw jew b’xi mod ieħor jaħdmu f’xogħlijiet letterarji jew artistiċi jew espressjonijiet ta’ folklor”.

( 7 ) Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 u b’mod partikolari l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2006/115.

( 8 ) Il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Artisti, Produtturi ta’ Fonogrammi u Organizzazzjonijiet tax-Xandir, konkluża f’Ruma fis‑26 ta’ Ottubru 1961.