Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

5 ta’ Frar 2026 (*)

“Appell – Dritt istituzzjonali – Membri tal-Parlament Ewropew – Privileġġi u immunitajiet – Deċiżjoni li titneħħa l-immunità Parlamentari ta’ Membri tal-Parlament – Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament – Rekwiżit ta’ imparzjalità tar-relatur”

Fil-Kawża C‑572/23 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fil‑15 ta’ Settembru 2023,

Carles Puigdemont i Casamajó, residenti f’Waterloo (il-Belġju),

Antoni Comín i Oliveres, residenti f’Waterloo,

Clara Ponsatí i Obiols, residenti f’Waterloo,

irrappreżentati minn P. Bekaert, S. Bekaert, advocaten, u G. Boye, abogado,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn N. Görlitz, N. Lorenz u J.-C. Puffer, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

intervenjent fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei (Relatriċi), S. Rodin, N. Piçarra u N. Fenger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Settembru 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħhom, Carles Puigdemont i Casamajó, Antoni Comín i Oliveres u Clara Ponsatí i Obiols (iktar ’il quddiem “l-appellanti”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑5 ta’ Lulju 2023, Puigdemont i Casamajó et vs Il‑Parlament (T‑272/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2023:373), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħhom għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew P9_TA(2021)0059, P9_TA(2021)0060 et P9_TA(2021)0061 tad‑9 ta’ Marzu 2021 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità tagħhom (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”) .

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Protokoll (Nru 7)

2        L-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta’ l-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 7”) jipprovdi:

“Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:

a)      fit-territorju ta’ l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

b)      fit-territorju ta’ kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta’ detenzjoni u minn proċeduri legali.

L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.”

 Ir-Regoli ta’ Proċedura

3        Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, applikabbli għad-disa’ leġiżlatura (2019–2024), fil-verżjoni tagħhom qabel l-emenda tagħhom permezz tad-deċiżjoni tal-Parlament tas‑17 ta’ Jannar 2023 (iktar ’il quddiem ir-“Regoli ta’ Proċedura”) kienu jipprevedu, fl-Artikolu 5 tagħhom, intitolat “Privileġġi u immunitajiet”:

“1.      Il-Membri jgawdu l-privileġġi u l-immunitajiet stabbiliti fil-Protokoll Nru 7 […]

2.      Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu rigward il-privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu jaġixxi biex iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta’ dmirijiethom. L-immunità parlamentari mhix privileġġ personali ta’ Membru imma garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu.

[...]”

4        L-Artikolu 6 tar-Regoli ta’ Proċedura, intitolat “Tneħħija tal-immunità”, kien jistipula:

“1.      Kull talba għat-tneħħija tal-immunità għandha tiġi eżaminata skont it-termini tal-Artikoli 7, 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 […] u skont il-prinċipji li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 5(2).

[...]”

5        L-Artikolu 9 tar-Regoli ta’ Proċedura, intitolat “Proċeduri dwar l-immunità”, kien jipprovdi:

“1.      Kwalunkwe talba indirizzata lill-[p]resident [tal-Parlament] minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għat-tneħħija tal-immunità ta’ xi Membru, jew minn Membru jew xi ex Membru għal ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet, għandha titħabbar fil-Parlament u tiġi riferuta lill-kumitat responsabbli.

[...]

13.      Il-kumitat għandu jistabbilixxi l-prinċipji għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

[...]”

 Il-Komunikazzjoni Nru 11/2019

6        Il-punt 6 tal-Komunikazzjoni lill-Membri tad‑19 ta’ Novembru 2019 dwar il-prinċipji applikabbli għat-talbiet għat-tneħħija tal-immunità (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni Nru 11/2019”), adottata mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem il-“Kumitat JURI”), jipprevedi:

“Il-Kumitat [JURI] għandu jaħtar rapporteur għal kull każ ta’ immunità.”

7        Il-punt 7 tal-Komunikazzjoni Nru 11/2019 jipprevedi:

“Għal dan l-għan, kull grupp politiku għandu jindika Membru wieħed biex ikun rapporteur permanenti għal każijiet ta’ immunità, li għandu jkun il-koordinatur, sabiex ikun żgurat li l-każijiet ta’ immunità jkunu trattati minn Membri b’esperjenza. Il-gruppi politiċi għandhom jiżguraw li jaħtru rapporteurs permanenti tal-akbar integrità.”

8        Skont il-punt 8 tal-Komunikazzjoni Nru 11/2019:

“Il-pożizzjoni ta’ rapporteur għal kull każ ta’ immunità se tkun fuq bażi ta’ rotazzjoni ugwali bejn il-gruppi politiċi. Madankollu, ir-rapporteur ma jistax ikun membru tal-istess grupp, jew ikun elett fl-istess Stat Membru, tal-Membru li l-immunità tiegħu tkun qed tiġi diskussa.”

9        Skont il-punt 43 tal-Komunikazzjoni Nru 11/2019:

“Fejn il-proċedimenti inkwistjoni ma jikkonċernawx opinjonijiet espressi jew voti mogħtija fil-qadi tad-dmirijiet ta’ Membru, l-immunità għandha titneħħa sakemm ma jkunx jidher li l-intenzjoni wara l-proċedimenti legali tista’ tkun li tagħmel ħsara lill-attività politika ta’ Membru Parlamentari u għaldaqstant lill-indipendenza tal-Parlament (fumus persecutionis).”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

10      Il-fatti li wasslu għall-kawża jinsabu fil-punti 2 sa 19 tas-sentenza appellata u, għall-ħtiġijiet ta’ din is-sentenza, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

11      C. Puigdemont i Casamajó kien il-President tal-Generalitat de Cataluña (il-Ġeneralità ta’ Cataluña, Spanja) u A. Comín i Oliveres kif ukoll C. Ponsatí i Obiols kienu membri tal-Gobierno autonómico de Cataluña (il-Gvern Awtonomu ta’ Cataluña, Spanja) meta ġew adottati l-Ley 19/2017 del Parlamento de Cataluña, reguladora del referéndum de autodeterminación (il-Liġi 19/2017 tal-Parlament ta’ Cataluña li Tirregola r-Referendum Dwar l-Awtodeterminazzjoni) tas‑6 ta’ Settembru 2017 (DOGC Nru 7449A tas‑6 ta’ Settembru 2017, p. 1), u l-Ley 20/2017 del Parlamento de Cataluña, de transitoriedad jurídica y fundacional de la República (il-Liġi 20/2017 tal-Parlament ta’ Cataluña dwar it-Tranżizzjoni Ġuridika u Konstitutiva tar-Repubblika) tat‑8 ta’ Settembru 2017 (DOGC Nru 7451A tat‑8 ta’ Settembru 2017, p. 1), kif ukoll meta, fl‑1 ta’ Ottubru 2017, sar ir-referendum dwar l-awtodeterminazzjoni previst mill-ewwel waħda minn dawn il-liġijiet, li d-dispożizzjonijiet tagħha kienu, sadanittant, ġew sospiżi permezz ta’ deċiżjoni tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja).

12      Wara l-adozzjoni tal-imsemmija liġijiet u wara li nżamm dan ir-referendum, il-Ministerio Fiscal (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, Spanja), l-Abogado del Estado (l-Avukat tal-Istat, Spanja) u l-partit politiku VOX bdew proċeduri kriminali kontra diversi persuni, fosthom l-appellanti, billi qiesu li dawn kienu wettqu atti li jaqgħu, skont il-persuni kkonċernati, b’mod partikolari taħt ir-reati ta’ ribelljoni, ta’ sedizzjoni u ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi (iktar ’il quddiem il-“proċeduri kriminali inkwistjoni”).

13      Fil‑21 ta’ Marzu 2018, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) tat digriet li jsib lill-appellanti ħatja għall-allegat ksur ta’ ribelljoni u ta’ miżapproprijazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Lulju 2018, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddikjarat li l-appellanti kienu rrifjutaw li jidhru, wara li ħarbu minn Spanja, u ssospendiet il-proċeduri kriminali inkwistjoni sakemm jerġgħu jinstabu.

14      L-appellanti ppreżentaw il-kandidatura tagħhom għall-elezzjonijiet tal-Membri tal-Parlament Ewropew li nżammu fi Spanja fis‑26 ta’ Mejju 2019.

15      Fl‑14 ta’ Ottubru 2019, il-qorti istruttorja tal-Awla Kriminali tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ħarġet mandat ta’ arrest nazzjonali, mandat ta’ arrest Ewropew u mandat ta’ arrest internazzjonali kontra C. Puigdemont i Casamajó, sabiex ikun jista’ jiġi ġġudikat fil-kuntest tal-proċeduri kriminali inkwistjoni. Fl‑4 ta’ Novembru 2019, inħarġu mandati ta’ arrest simili mill-istess qorti kontra A. Comín i Oliveres u C. Ponsatí i Obiols.

16      Waqt is-sessjoni plenarja tat‑13 ta’ Jannar 2020, il-Parlament ħa nota, wara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies (C‑502/19, EU:C:2019:1115), tal-elezzjoni fil-Parlament ta’ C. Puigdemont i Casamajó u ta’ A. Comín i Oliveres, b’effett mit‑2 ta’ Lulju 2019.

17      Fl-istess ġurnata, il-President tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) bagħat talba lill-Parlament, bid-data tal‑10 ta’ Jannar 2020, mibgħuta taħt ir-responsabbiltà tal-President tal-Awla Kriminali ta’ dik il-qorti, li tirriżulta minn digriet tal-istess ġurnata tal-qorti istruttorja ta’ dik l-awla, li għandha bħala suġġett it-tneħħija tal-immunità ta’ C. Puigdemont i Casamajó u ta’ A. Comín i Oliveres.

18      Fl‑10 ta’ Frar 2020, wara l-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea, li seħħ fil‑31 ta’ Jannar 2020, il-Parlament ħa nota tal-elezzjoni ta’ C. Ponsatí i Obiols b’effett mill‑1 ta’ Frar 2020.

19      Fl-istess ġurnata, il-President tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) bagħat lill-Parlament it-talba tal‑4 ta’ Frar 2020, mibgħuta taħt ir-responsabbiltà tal-President tal-Awla Kriminali ta’ dik il-qorti, li tirriżulta minn digriet tal-istess ġurnata tal-qorti istruttorja ta’ dik l-awla, li kellha bħala suġġett it-tneħħija tal-immunità Parlamentari ta’ C. Ponsatí i Obiols.

20      Il-Viċi President tal-Parlament ikkomunika t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità msemmija fil-punti 17 u 19 ta’ din is-sentenza f’seduta plenarja u bagħathom lill-Kumitat JURI.

21      Fit‑23 ta’ Frar 2021, il-Kumitat JURI adotta r-rapporti A 9‑0020/2021, A 9‑0021/2021, u A 9‑0022/2021, dwar dawn it-talbiet.

22      Permezz tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, il-Parlament laqa’ l-imsemmija talbiet.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

23      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Mejju 2021, l-appellanti ppreżentaw appell intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi.

24      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Mejju 2021, l-appellanti ppreżentaw talba għal miżuri provviżorji bbażata fuq l-Artikoli 278 u 279 TFUE, intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi.

25      Permezz ta’ digriet tat‑2 ta’ Ġunju 2021, Puigdemont i Casamajó et vs Il‑Parlament (T‑272/21 R), il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali ordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi sad-data tad-digriet li jtemm il-proċeduri għal miżuri provviżorji. Permezz ta’ digriet tat‑30 ta’ Lulju 2021, Puigdemont i Casamajó et vs Il-Parlament (T‑272/21 R, EU:T:2021:497), il-Viċi President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji msemmija fil-punt preċedenti u rrevoka d-digriet tat‑2 ta’ Lulju 2021.

26      Permezz ta’ digriet tal‑24 ta’ Mejju2022, Puigdemont i Casamajó et vs Il‑Parlament u Spanja (C‑629/21 P(R), EU:C:2022:413), il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja annulla d-digriet tat‑30 ta’ Lulju 2021, Puigdemont i Casamajó et vs Il-Parlament (T‑272/21 R, EU:T:2021:497), ordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi u rriżerva l-ispejjeż tal-appellanti relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza.

27      Insostenn tar-rikorsi tagħhom, l-appellanti invokaw tmien motivi.

28      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors wara li ċaħdet:

–        fl-ewwel lok, l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi;

–        fit-tieni lok, it-tieni motiv, ibbażat fuq l-inkompetenza tal-awtorità nazzjonali li ħarġet u bagħtet lill-Parlament it-talbiet intiżi għat-tneħħija tal-immunità tal-appellanti;

–        fit-tielet lok, il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ kooperazzjoni leali, tad-dritt għal protezzjoni ġuridika effettiva u tad-drittijiet tad-difiża minħabba nuqqas ta’ ċarezza tad-deċiżjonijiet kontenzjużi;

–        fir-raba’ lok, is-sitt motiv, sa fejn kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 343 TFUE, tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 u tal-Artikolu 5(2) tar-Regoli ta’ Proċedura kif ukoll ta’ ċerti drittijiet fundamentali tal-appellanti;

–        fil-ħames lok, is-sitt motiv sa fejn kien ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi li jivvizzjaw l-eżami, mill-Parlament, tal-fumus persecutionis, u s-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ żbalji manifesti mwettqa mill-Parlament fl-evalwazzjoni tiegħu tal-fumus persecutionis;

–        fis-sitt lok, it-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn il-Parlament kien irrifjuta li japplika d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(7) tar-Regoli ta’ Proċedura;

–        fis-seba’ lok, ir-raba’ motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, u

–        fit-tmien lok, it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità.

 It-talbiet tal-partijiet fl-appell

29      Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tannulla d-deċiżjonijiet kontenzjużi, jew, sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        tikkundanna lill-Parlament u lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż jew, sussidjarjament, tirriżerva l-ispejjeż.

30      Il-Parlament u r-Renju ta’ Spanja jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

31      Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw għaxar aggravji, ibbażati:

–        l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali sa fejn ċaħdet l-ewwel motiv ta’ annullament minħabba li d-deċiżjonijiet kontenzjużi ma kinux kisru l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE u fl-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”);

–        it-tieni wieħed, fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali sa fejn ċaħdet it-tieni motiv ta’ annullament meta ddeċidiet li ma kienx il-kompitu tagħha, u lanqas tal-Parlament, li tistħarreġ il-legalità tat-talba għat-tneħħija tal-immunità, b’mod partikolari l-ammissibbiltà tagħha, konformement mas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, EU:C:2018:1023);

–        it-tielet wieħed, fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta kkunsidrat li d-dritt tagħhom li dak kollu li jirrigwardahom jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust mill-Parlament ma kienx ġie miksur;

–        ir-raba’ wieħed, fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali sa fejn iddeċidiet li l-Parlament ma kienx kiser id-dritt tagħhom għal smigħ stabbilit fl-Artikolu 41(2) tal-Karta;

–        il-ħames wieħed, fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali sa fejn ċaħdet il-ħames motiv għal annullament, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali li jirriżulta min-nuqqas ta’ ċarezza tad-deċiżjonijiet kontenzjużi;

–        Is-sitt wieħed, fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali sa fejn ċaħdet is-sitt motiv ta’ annullament, ibbażat fuq ksur tal-immunitajiet previsti fl-Artikolu 343 TFUE u fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, moqrija flimkien mal-Artikolu 6, mal-Artikolu 39(2) u mal-Artikolu 45 tal-Karta kif ukoll mal-Artikolu 5(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, u sa fejn ċaħdet is-seba’ motiv ta’ annullament, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament;

–        is-seba’ motiv, fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali sa fejn żnaturat il-provi, billi ċaħdet it-tmien motiv ta’ annullament, dwar deċiżjonijiet preċedenti tal-Parlament li minnhom isegwi li dik l-istituzzjoni ma tneħħix l-immunità tal-membri tagħha fil-każijiet fejn jeżisti riskju li jiġu arrestati mingħajr kundanna u fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-applikazzjoni tal-Artikolu 9(7) tar-Regoli ta’ Proċedura;

–        it-tmien wieħed, fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 47 tal-Karta, moqri fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, u tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikoli 36 u 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sa fejn il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma mmotivatx is-sentenza appellata b’mod suffiċjenti u adegwat;

–        id-disa’ wieħed, fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 47 tal-Karta, interpretat fid-dawl tal-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, sa fejn dik il-qorti rrifjutat li tadotta l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u l-miżuri istruttorji mitluba minnhom u,

–        l-għaxar wieħed, fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali sa fejn ma eżaminatx ex officio jekk kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors għal annullament, fid-dawl b’mod partikolari tad-digriet mogħti fit‑12 ta’ Jannar 2023 mill-qorti istruttorja tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), u bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

32      Għandu jiġi rrilevat li t-tielet aggravju huwa maqsum f’erba’ partijiet.

33      Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, l-appellanti jsostnu li, fil-punti 234 sa 238 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn qieset li l-ħatra ta’ relatur uniku għat-tliet kawżi ta’ tneħħija tal-immunità parlamentari la kienet kuntrarja għall-Artikolu 41(1) jew għall-Artikolu 39(2) tal-Karta, u lanqas għall-punti 6 u 8 tal-Komunikazzjoni Nru 11/2019.

34      Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju, l-appellanti jsostnu li, fil-punti 239 sa 257 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturat il-provi sa fejn affermat li l-argument tagħhom ibbażat fuq in-nuqqas ta’ imparzjalità tar-relatur kien infondat, u kisret l-Artikolu 41(1) u l-Artikolu 39(2) tal-Karta, kif ukoll il-prinċipji li jirriżultaw mill-punt 8 tal-Komunikazzjoni Nru 11/2019.

35      Permezz tat-tielet parti tat-tielet aggravju, l-appellanti jsostnu li, fil-punti 258 sa 262 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturat il-provi sa fejn affermat li l-argument tagħhom ibbażat fuq in-nuqqas ta’ imparzjalità tal-President tal-Kumitat JURI kien infondat.

36      Permezz tar-raba’ parti tat-tielet aggravju, l-appellanti jsostnu li, billi interpretat b’mod żbaljat ir-raba’ parti tat-tielet motiv tar-rikors għal annullament u billi ċaħditha, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 219 u 262 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi kif ukoll żball ta’ raġunament, ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-drittijiet tad-difiża u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

37      Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa xieraq li teżamina t-tieni parti tat-tielet aggravju.

 L-argumenti tal-partijiet

38      Bħala introduzzjoni tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti josservaw li n-natura “politika” tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, kif ikklassifikatha l-Qorti Ġenerali, tista’ tinftiehem biss bħala li tirriżulta min-“natura politika” tal-Parlament, li bl-ebda mod ma hija differenti minn dik tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew tal-Kummissjoni Ewropea, li huma istituzzjonijiet politiċi. Skont ir-rikorrenti, il-Parlament kien, għaldaqstant, obbligat bis-sħiħ li josserva l-Artikolu 41(1) u l-Artikolu 39(2) tal-Karta.

39      It-tieni parti tat-tielet aggravju hija maqsuma f’ħames ilmenti.

40      Permezz tal-ewwel ilment, l-appellanti jsostnu li, fil-punti 244 sa 246 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta affermat li ma kinitx kuntrarja għall-Artikolu 41(1) tal-Karta, moqri fid-dawl tal-punt 8 tal-Komunikazzjoni Nru 11/2019, l-appartenenza tar-relatur, responsabbli mill-eżami tat-talbiet għat-tneħħija tal-immunità, għall-istess grupp politiku bħal dak li jappartjenu għalih il-Membri tal-partit politiku nazzjonali li, peress li eżerċitaw l-azzjoni popolari fil-proċeduri kriminali inkwistjoni, ta lok għall-proċeduri kriminali f’din il-proċedura (iktar ’il quddiem il-“partit politiku li wassal għall-proċeduri kriminali inkwistjoni”).

41      F’dan ir-rigward, l-appellanti jfakkru li r-rekwiżit ta’ imparzjalità impost mill-Artikolu 41(1) tal-Karta jkopri l-imparzjalità suġġettiva u l-imparzjalità oġġettiva.

42      Huma jsostnu li, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-punt 8 tal-Komunikazzjoni Nru 11/2019 u kuntrarjament għal dak li affermat il-Qorti Ġenerali fil-punt 244 tas-sentenza appellata, il-Parlament stess qies li s-sempliċi appartenenza għal grupp politiku fi ħdan dik l-istituzzjoni għandha effett fuq l-evalwazzjoni tal-imparzjalità tar-relatur. Fil-fatt, minn dan il-punt 8 isegwi b’mod ċar li l-Parlament iqis li l-appartenenza ta’ relatur għall-istess grupp politiku bħal dak li jappartjeni għalih il-Membru kkonċernat mit-talba għat-tneħħija tal-immunità tqajjem oġġettivament dubji leġittimi dwar l-imparzjalità ta’ dan ir-relatur. Skont l-appellanti, l-istess japplika, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali fil-punti 245 u 246 tas-sentenza appellata, meta r-relatur ikun membru tal-grupp politiku li għalih jappartjenu l-Membri tal-partit politiku li wassal għall-proċeduri kriminali inkwistjoni.

43      Barra minn hekk, huma jsostnu wkoll li, fil-punt 246 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u interpretat l-osservazzjonijiet tal-appellanti b’mod żbaljat, meta qieset li huma kienu affermaw li l-unika raġuni sabiex tiġi rrifjutata l-possibbiltà li wieħed ikun relatur lil Membru tal-grupp politiku li jappartjenu għalih il-Membri ta’ dan il-partit hija l-affinitajiet politiċi tiegħu. Skont l-appellanti, membri ta’ gruppi politiċi differenti jistgħu jaqsmu tali affinitajiet. Konsegwentement, ma jistgħux jitpoġġew fuq l-istess livell l-argument li jgħid li r-relatur ma jistax ikun membru tal-istess grupp politiku bħal dak li jappartjenu għalih il-Membri tal-imsemmi partit u l-argument li jgħid li persuna ma tistax tkun relatur għas-sempliċi raġuni li taqsam affinitajiet politiċi ma’ dan il-grupp.

44      Permezz tat-tieni lment, l-appellanti jallegaw li, fil-punti 247 sa 251 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrifjutat li tirrikonoxxi li ċ-ċirkustanza li r-relatur organizza avveniment li sar fis‑6 ta’ Marzu 2019 fi ħdan il-Parlament (iktar ’il quddiem l-“avveniment tas‑6 ta’ Marzu 2019”) u li matulu ntqal is-slogan “Puigdemont għall-ħabs!” minn kelliem kienet turi n-nuqqas ta’ imparzjalità tiegħu jew, tal-inqas, qajmet dubji leġittimi dwar l-imparzjalità tiegħu. Skont l-appellanti, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward li dan ir-relatur esprima s-sostenn tiegħu mhux oralment, kif tenfasizza l-Qorti Ġenerali fil-punt 250 tas-sentenza appellata, iżda billi invoka dan l-intervent.

45      Fl-ewwel lok, huma jsostnu li, fil-punti 249 u 250 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi u, għaldaqstant, wettqet żball ta’ liġi, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li r-relatur mhux biss organizza dan l-avveniment, iżda kien preżenti fuq il-mejda tal-kelliema u sostna espliċitament l-intervent imsemmi fil-punt preċedenti, billi ċapċap.

46      Fit-tieni lok, l-appellanti jsostnu li, fil-punt 251 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat ukoll il-provi billi affermat li l-uniku suġġett tal-imsemmi avveniment kien, fid-dawl tat-titolu tiegħu, “is-sitwazzjoni politika tal-Cataluña”, filwaqt li iktar minn nofs id-diskors tal-kelliem kien jirrigwarda l-proċeduri kriminali mibdija fi Spanja, b’mod partikolari, kontrihom.

47      Fit-tielet lok, huma jallegaw li, f’dan il-punt 251, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn tat x’tifhem li n-nuqqas ta’ imparzjalità tar-relatur kien ikun rilevanti biss fil-każ li l-Parlament kien obbligat jiddetermina jekk il-fatti kkritikati kinux ġew stabbiliti.

48      Permezz tat-tielet ilment, l-appellanti jsostnu li, fil-punti 253 u 254 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret, minn naħa, l-Artikolu 85(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha kif ukoll id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u d-drittijiet tad-difiża, fid-dawl tal-Artikolu 41(1) u tal-Artikolu 39(2) tal-Karta, u, min-naħa l-oħra, l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, sa fejn ċaħdet bħala inammissibbli prova kkostitwita minn intervista tar-relatur ippubblikata f’gazzetta Bulgara, minħabba li l-appellanti ma kinux iġġustifikaw il-produzzjoni tard ta’ din l-intervista.

49      Permezz tar-raba’ lment, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn iddeċidiet li l-elementi msemmija fil-punt 255 tas-sentenza appellata, li ġew żnaturati minn dik il-qorti, kif ukoll il-provi l-oħra invokati preċedentement, ma kinux jippermettu li jiġi stabbilit in-nuqqas ta’ imparzjalità tar-relatur.

50      Permezz tal-ħames ilment, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 256 tas-sentenza appellata, sa fejn affermat li ma kienu invokaw ebda interess personali tar-relatur li jista’ jippreġudika l-imparzjalità tiegħu. Fi kwalunkwe każ, l-assenza ta’ imparzjalità oġġettiva hija biżżejjed għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ ksur, f’dan il-każ, tal-Artikolu 41(1) u tal-Artikolu 39(2) tal-Karta.

51      Fir-replika tagħhom, l-appellanti jinsistu fuq il-fatt li l-argument tagħhom dwar l-assenza ta’ imparzjalità tar-relatur ma kienx ibbażat fuq l-eżistenza ta’ sempliċi oppożizzjoni politika fil-konfront tagħhom, iżda fuq is-sitwazzjoni kompletament partikolari li tirriżulta mill-involviment dirett fil-proċedura kriminali inkwistjoni ta’ partit politiku li l-membri tiegħu fil-Parlament kienu affiljati mal-istess grupp politiku bħar-relatur.

52      Minbarra li jikkostitwixxi sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli ma’ dik prevista fil-punt 8 tal-Komunikazzjoni Nru 11/2019, huwa evidenti li l-kunflitt ta’ interessi li jirriżulta mill-appartenenza tar-relatur għall-istess grupp politiku bħall-Membri ta’ dan il-partit politiku ċaħħad lil dan ir-relatur minn kull apparenza ta’ imparzjalità.

53      Barra minn hekk, fir-rigward tal-avveniment tas‑6 ta’ Marzu 2019, il-preżentazzjoni dilwita tal-fatti mill-Qorti Ġenerali, li saħansitra tħalli barra t-tema vera u n-natura ta’ dan l-avveniment, kienet intiża li tagħmlu jidher bħala newtrali.

54      Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tal-appellanti esposti fit-tieni parti tat-tielet aggravju.

55      Fir-risposta tiegħu, il-Parlament, fl-ewwel lok, jikkontesta l-argumenti tal-appellanti li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar in-natura politika tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, li jinsabu fil-punti 243 sa 246 tas-sentenza appellata.

56      Minn naħa, huwa jqis li l-argument tal-appellanti dwar il-punt 244 tas-sentenza appellata huwa infondat. Fil-fatt, is-sitwazzjoni msemmija fil-punt 8 tal-Komunikazzjoni Nru 11/2019 ma tistax titqabbel ma’ dik li fiha r-relatur jappartjeni għal grupp li jopponi fuq livell politiku lill-Membru kkonċernat mit-talba għat-tneħħija tal-immunità. Il-Parlament isostni li, bħalma fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punti 225 u 226 tas-sentenza appellata, id-deċiżjonijiet dwar it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità huma ta’ natura politika u l-Membri, li huma membri tal-Kumitat JURI, ma humiex, mid-definizzjoni tagħhom stess, politikament newtrali. Fil-każ li huma biss membri ta’ dan il-kumitat politikament newtrali li jkunu jistgħu jinħatru bħala relaturi, l-imsemmi kumitat isir ineffettiv. Fil-fatt, mill-fatt li l-appellanti ġibdu l-attenzjoni tal-pubbliku dwar il-kawża tagħhom, jista’ jiġi kkunsidrat li l-membri kollha ta’ dan il-kumitat ippożizzjonaw ruħhom politikament jew pożittivament, jew negattivament fir-rigward tagħhom u fir-rigward tal-kawża tagħhom.

57      Min-naħa l-oħra, huwa jqis li huwa inammissibbli l-argument impreċiż tal-appellanti dwar il-punt 246 tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu huma jsostnu li l-ilment tagħhom kien ibbażat mhux biss fuq l-affinitajiet politiċi, iżda wkoll fuq l-interessi ekonomiċi, finanzjarji u strateġiċi komuni tal-membri ta’ grupp politiku. Dan l-argument huwa, fi kwalunkwe każ, infondat, għaliex, fl-ewwel istanza, l-appellanti sempliċement semmew li r-relatur kien membru tal-grupp politiku li jappartjenu għalih il-membri tal-partit politiku VOX.

58      Fit-tieni lok, il-Parlament jikkontesta l-argumenti li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-avveniment tas‑6 ta’ Marzu 2019, esposti fil-punti 247 sa 251 tas-sentenza appellata.

59      Preliminarjament, huwa jenfasizza li dan l-avveniment seħħ matul leġiżlatura oħra, saħansitra qabel ma r-relatur seta’ jkun jaf li kien ser jiġi elett fil-Parlament fl-elezzjonijiet tal‑2019 u, fi kwalunkwe każ, ferm qabel ma nħatar relatur għat-talbiet għat-tneħħija tal-immunità inkwistjoni.

60      L-ewwel nett, huwa jsostni li huwa inammissibbli l-argument tal-appellanti dwar il-punti 249 u 250 tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu huma jallegaw li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi, peress li, essenzjalment, l-appellanti qegħdin jitolbu evalwazzjoni ġdida tal-fatti. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument huwa infondat, peress li s-Segretarju Ġenerali tal-partit politiku VOX, bħalma rrilevat il-Qorti Ġenerali, għalaq id-diskors tiegħu bil-frażi “Viva Spanja, viva l-Ewropa u Puigdemont fil-ħabs” u xejn fir-reġistrazzjoni tal-avveniment tas‑6 ta’ Marzu 2019 ma jindika li r-relatur approva speċifikament dawn l-aħħar tliet kelmiet ta’ dan id-diskors. Din ir-reġistrazzjoni turi pjuttost ġest ta’ kortesija abitwali fir-rigward ta’ kelliem wara l-konklużjoni ta’ intervent.

61      It-tieni nett, huwa jsostni li l-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 250 tas-sentenza appellata, li tgħid li r-relatur ma kienx tkellem waqt l-imsemmi avveniment ma hijiex irrilevanti.

62      It-tielet nett, l-argument tal-appellanti li, fil-punt 251 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi meta affermat li t-tema tal-avveniment tas‑6 ta’ Marzu 2019 kienet “sempliċement is-sitwazzjoni politika fil-Cataluña” huwa bbażat fuq qari żbaljat ta’ dik is-sentenza, peress li l-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma eskludiet li din it-tema kienet tkopri wkoll il-proċeduri kriminali inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma żnaturatx ir-reġistrazzjoni ta’ dan l-avveniment billi ppreżentat it-tema tiegħu fil-qosor. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument huwa inammissibbli, peress li l-appellanti qegħdin jitolbu evalwazzjoni ġdida tal-fatti.

63      Ir-raba’ nett, huwa jsostni li l-argumenti tal-appellanti li jikkontestaw it-tielet u r-raba’ sentenza tal-punt 251 tas-sentenza appellata huma ineffettivi, peress li l-kunsiderazzjonijiet esposti fihom saru b’mod sussidjarju. Fi kwalunkwe każ, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda. Qabelxejn, l-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali injorat kriterji rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-fumus persecutionis huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta enfasizzat, essenzjalment, f’dawn it-tielet u r-raba’ sentenzi, li l-kwistjonijiet diskussi waqt l-avveniment tas‑6 ta’ Marzu 2019 ma kinux jikkonċernaw dawk li għandhom jiġu deċiżi mill-Parlament fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tneħħija tal-immunità. Fl-aħħar nett, il-Parlament isostni li, sa fejn l-appellanti jallegaw li r-relatur approva, meta ċapċap, il-messaġġ li d-deċiżjonijiet kontenzjużi, il-mandati ta’ arrest Ewropej u t-twissijiet fis-sistema ta’ informazzjoni Schengen, ikkunsidrati flimkien, kienu jesponuhom għal riskju għoli ta’ arrest, dan l-argument huwa inammissibbli, peress li l-appellanti qegħdin jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, li tipproċedi għal konstatazzjoni fattwali. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument huwa infondat, peress li r-relatur ma ċapċapx għal dan il-messaġġ.

64      Fit-tielet lok, il-Parlament jopponi l-argumenti tal-appellanti li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar avvenimenti oħra, li jinsabu fil-punti 252 sa 255 tas-sentenza appellata. Minn naħa, huwa jikkontesta l-argument tal-appellanti li jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 85(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha u l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha, meta ċaħdet bħala inammissibbli l-argumenti tagħhom ibbażati fuq intervista tar-relatur ippubblikata f’ġurnal Bulgaru. Min-naħa l-oħra, huwa jikkontesta l-argument tal-appellanti li jsostnu li, billi kkonstatat li r-reazzjonijiet tal-partit politiku VOX għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi ma kinux jistabbilixxu n-nuqqas ta’ imparzjalità tar-relatur, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturat il-provi.

65      Fir-raba’ lok, il-Parlament jikkontesta l-argumenti tal-appellanti li jikkontestaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-assenza ta’ kunflitt ta’ interess li jikkonċerna lir-relatur, esposti fil-punt 256 tas-sentenza appellata. Minn naħa, l-allegazzjoni tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-assenza ta’ imparzjalità tista’ tiġi espressa biss permezz ta’ dikjarazzjonijiet hija bbażata fuq qari żbaljat ta’ dan il-punt 256. Min-naħa l-oħra, peress li l-argument tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ interess personali tar-relatur li jista’ jippreġudika l-imparzjalità tiegħu ma huwiex sostnut, dan huwa inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, huwa infondat.

66      Fil-kontroreplika tiegħu, il-Parlament isostni, fl-ewwel lok, li, minkejja li l-appellanti jirreferu għall-azzjoni tal-partit politiku VOX mibdija kontrihom quddiem il-qrati Spanjoli, huma bl-ebda mod ma jindikaw kif il-grupp politiku li jappartjeni għalih ir-relatur jista’ jiġi kkritikat għall-aġir ta’ dan il-partit. Peress li fi ħdan dan il-grupp kien hemm Membri li kienu jsostnu l-kawża tar-rikorrenti u oħrajn li kienu kontriha, is-sempliċi fatt tal-appartenenza tar-relatur għall-imsemmi grupp ma jsostnix l-affermazzjoni li dan ir-relatur ma kienx imparzjali.

67      Fit-tieni lok, il-Parlament isostni li l-Qorti Ġenerali ma żnaturatx it-tema tal-avveniment tas‑6 ta’ Marzu 2019. Huwa jenfasizza li, għalkemm it-titolu tar-reġistrazzjoni ta’ dan tal-aħħar li jagħmlu riferiment għalih l-appellanti fl-annessi tar-rikors tagħhom fl-ewwel istanza kien “Il-Cataluña hija Spanja”, it-tema tal-laqgħa, li fil-kuntest tagħha s-Segretarju Ġenerali tal-partit politiku VOX intervjena, kienet “Ir-rwol tal-Istati nazzjon fl-Unjoni Ewropea u d-difiża tal-libertajiet ċivili”. Il-Parlament jippreċiża li l-mandati ta’ arrest Ewropej li s-Segretarju Ġenerali ta’ dan il-partit semma waqt l-intervent tiegħu ma kinux dawk li nħarġu wara li l-appellanti ġew eletti bħala Membri.

68      Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-argumenti tal-appellanti żviluppati fit-tieni parti tat-tielet aggravju.

69      Preliminarjament, ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ pproċessar ta’ talba għat-tneħħija tal-immunità, il-Parlament għandu josserva l-Artikolu 39 u l-Artikolu 41(1) tal-Karta, li kien il-każ waqt l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi.

70      Fl-ewwel lok, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-argumenti tal-appellanti li jikkonċernaw allegat żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-punt 8 tal-Komunikazzjoni Nru 11/2019, moqri flimkien mal-Artikolu 41 tal-Karta, ma humiex ta’ natura li jikkontestaw il-motivi li jinsabu fil-punti 245 u 246 tas-sentenza appellata, li jikkonsistu f’konklużjoni misluta abbażi tal-punti 242 sa 244 ta’ dik is-sentenza li ma humiex ikkontestati. F’dawn il-punti 242 sa 244, il-Qorti Ġenerali spjegat li s-sempliċi appartenenza għal grupp politiku ma taffettwax l-imparzjalità tal-individwu li jagħmel parti minnu.

71      Fit-tieni lok, ir-Renju ta’ Spanja jirrileva li, minkejja li l-appellanti jinvokaw żnaturament tal-fatti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 249 sa 251 tas-sentenza appellata, l-argumenti tagħhom ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu żball manifest imwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha ta’ dawn il-fatti.

72      Fit-tielet lok, l-argument tal-appellanti dwar allegat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-aħħar tal-punt 251 tas-sentenza appellata jirrigwarda kunsiderazzjoni fformulata b’mod superfluwu.

73      Fir-raba’ lok, l-argument tal-appellanti li permezz tiegħu huma jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li dokument prodott fil-kuntest tar-replika tagħhom kien inammissibbli ma huwiex suffiċjentement preċiż u għandu jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Osservazzjonijiet preliminari

74      Bħalma jsegwi mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 343 TFUE, l-Unjoni għandha tgawdi fit-territorju tal-Istati Membri dawk il-privileġġi u l-immunitajiet li jkunu meħtieġa għat-twettieq tad-doveri tagħha, skont il-kundizzjonijiet kif stabbiliti fil-Protokoll Nru 7.

75      Dan il-protokoll huwa intiż sabiex jiżgura lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni protezzjoni sħiħa u effettiva kontra l-ostakoli jew ir-riskji ta’ preġudizzju għall-funzjonament tajjeb tagħhom u għall-indipendenza tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies, C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 82).

76      Fil-każ tal-Parlament, dan l-għan jimplika mhux biss li, konformement mal-prinċipju ta’ demokrazija rappreżentattiva, li jikkonkretizza l-valur tad-demokrazija msemmi fl-Artikolu 2 TUE u huwa implimentat fl-Artikolu 14(3) TUE, il-kompożizzjoni ta’ dik l-istituzzjoni tirrifletti b’mod fidil u komplet l-espressjoni libera tal-għażliet magħmula miċ-ċittadini tal-Unjoni fir-rigward tal-persuni li permezz tagħhom dawn ikollhom l-intenzjoni li jkunu rrappreżentati matul leġiżlatura partikolari, iżda wkoll li l-Parlament ikun, konformement mal-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri, protett, fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tiegħu, mill-ostakoli jew mir-riskji ta’ preġudizzju għall-funzjonament tajjeb tiegħu. Huwa fuq din il-bażi doppja li l-immunitajiet previsti għall-benefiċċju tal-Membri tal-Parlament huma intiżi li jiżguraw l-indipendenza ta’ dik l-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies, C‑502/19, EU:C:2019:1115, punti 63, 83 u 84).

77      Dan l-għan tal-immunitajiet previsti għall-benefiċċju tal-Membri tal-Parlament huwa msemmi wkoll fl-Artikolu 5 tar-Regoli ta’ Proċedura. Wara li jippreċiża, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Membri jgawdu mill-privileġġi u l-immunitajiet previsti mill-Protokoll Nru 7, dan l-artikolu jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li, fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu dwar il-privileġġi u l-immunitajiet, il-Parlament għandu jfittex li jżomm l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u li jiżgura l-indipendenza tal-Membri fil-qadi ta’ dmirijiethom u li l-immunità parlamentari ma hijiex privileġġ personali tal-Membru, iżda garanzija ta’ indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu.

78      Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, il-Parlament għandu d-dritt li jneħħi l-immunità ta’ wieħed mill-Membri tiegħu. Il-proċedura ta’ tneħħija tal-immunità tiżvolġi għalhekk fi ħdan il-Parlament. Minkejja li din il-proċedura hija mmexxija minn mexxejja politiċi, din u d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Parlament jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ma humiex ta’ natura politika, bħalma affermat il-Qorti Ġenerali fil-punti 112, 225 u 242 tas-sentenza appellata, iżda ta’ natura ġuridika.

79      Ċertament, fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità taqa’ taħt il-kompetenza tal-Parlament, dik l-istituzzjoni għandha setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa sabiex tiddetermina r-regoli applikabbli fl-ipproċessar tat-talbiet għat-tneħħija tal-immunità. Dawn ir-regoli huma, għaldaqstant, adottati u applikati minn membri tal-Parlament, li jappartjenu għal gruppi politiċi kkostitwiti fi ħdanu.

80      Madankollu, konformement mal-valuri tal-Istat tad-dritt u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, il-Parlament huwa obbligat li josserva, fl-eżami ta’ talba għat-tneħħija tal-immunità, ir-regoli u l-prinċipji ġuridiċi li japplikaw għal din l-immunità kif ukoll il-Karta, li d-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati lill-Parlament bħala wieħed mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 51(1) tagħha. L-eżerċizzju, mill-Membru kkonċernat, tal-mandat tiegħu, li jikkostitwixxi l-attribut prinċipali tal-kwalità ta’ membru tal-Parlament u li jirriżulta mill-fatt li wieħed jiġi elett b’vot dirett universali, liberu u sigriet previst mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Junqueras Vies, C‑502/19, EU:C:2019:1115, punt 65), jista’ jiġi ostakolat permezz ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità. Minn dan isegwi li t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità, li jistgħu jippreġudikaw kemm il-mandat tal-Membru kkonċernat kif ukoll, bħalma tfakkar fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, il-funzjonament tajjeb tal-Parlament kollu kemm hu, għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tad-drittijiet tal-individwu kkonċernat u tal-prinċipji ta’ demokrazija rappreżentattiva u ta’ separazzjoni tal-poteri, u mhux skont orjentazzjonijiet politiċi.

81      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandhom jiġu eżaminati l-ewwel u t-tieni lmenti tal-appellanti li permezz tagħhom huma jikkritikaw, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li kisret l-Artikolu 41(1) tal-Karta, rispettivament, fil-punti 244 sa 246 tas-sentenza appellata u fil-punti 247 sa 251 ta’ dik is-sentenza, meta ddeċidiet li l-argument tagħhom ibbażat fuq in-nuqqas ta’ imparzjalità tar-relatur inkarigat, fi ħdan il-Kumitat JURI, mill-eżami tat-talbiet għat-tneħħija tal-immunità li jikkonċernawhom, kien infondat.

–       Fuq l-ewwel ilment

82      Fil-punt 244 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, li l-imparzjalità ta’ relatur, li jintervjeni matul il-fażi istruttorja tat-talba għat-tneħħija tal-immunità mmexxija minn kumitat Parlamentari, ma tistax, bħala prinċipju, tiġi evalwata fid-dawl tal-ideoloġija politika tiegħu u lanqas fid-dawl ta’ paragun bejn l-ideoloġija politika tiegħu u dik tal-Membru kkonċernat mit-talba għat-tneħħija tal-immunità. Qabelxejn, hija ppreċiżat li l-appartenenza ta’ dan ir-relatur għal partit politiku nazzjonali jew għal grupp politiku kkostitwit fi ħdan il-Parlament, ikunu xi jkunu l-valuri u l-ideat ta’ dawn tal-aħħar, u anki jekk dawn jistgħu jiżvelaw sensibbiltajiet a priori sfavorevoli għas-sitwazzjoni ta’ dan il-Membru, kienet, bħala prinċipju, mingħajr effett fuq l-evalwazzjoni tal-imparzjalità tar-relatur. Filwaqt li bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li d-differenza ta’ ideoloġija politika bejn l-imsemmi relatur u l-imsemmi Membru ma kinitx ta’ natura, waħedha, li tikkontesta r-regolarità tal-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi.

83      Sussegwentement, fil-punt 245 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li, f’dan il-każ, l-appartenenza tar-relatur għall-grupp politiku Ewropew ta’ konservattivi u riformisti Ewropej kienet, bħala prinċipju, mingħajr effett fuq l-evalwazzjoni tal-imparzjalità tiegħu.

84      Fl-aħħar nett, fil-punt 246 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li dan il-grupp politiku kien jinkludi ċertament il-Membri tal-partit politiku VOX, li kien jinsab f’sitwazzjoni totalment partikolari fil-konfront tal-appellanti, peress li kien fl-oriġini tal-proċeduri kriminali inkwistjoni. Skont il-Qorti Ġenerali, din is-sitwazzjoni partikolari kienet tkopri madankollu l-Membri li kienu membri tal-partit politiku VOX u ma setgħetx tiġi estiża, bħala prinċipju, għall-membri kollha tal-imsemmi grupp politiku għas-sempliċi raġuni li huma kellhom, peress li jaqgħu taħt l-istess grupp, affinitajiet politiċi.

85      Bħalma enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punti 225 u 226 tas-sentenza appellata, il-proċedura li tista’ twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità għandha tkun kompatibbli mad-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41(1) tal-Karta.

86      Din id-dispożizzjoni tal-Karta tipprevedi li kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni. Dan id-dritt, li huwa mogħti lil kull persuna, jingħata wkoll, għalhekk, lil kull membru tal-Parlament ikkonċernat minn talba għat-tneħħija tal-immunità.

87      Ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jinkludi żewġ partijiet, jiġifieri, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata li jkun responsabbli mill-każ ma għandu juri li ħa pożizzjoni jew li għandu preġudizzju personali u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li dik l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu dwar preġudizzju possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑521/15, EU:C:2017:982, punt 91).

88      Fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa tiegħu, imsemmija fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, il-Parlament jista’ jadotta regoli li jikkonkretizzaw il-protezzjoni kontra r-riskju ta’ parzjalità impost skont l-Artikolu 41 tal-Karta.

89      Huwa għalhekk ippreveda, fl-Artikolu 6 tar-Regoli ta’ Proċedura, li kull talba għat-tneħħija tal-immunità għandha tiġi eżaminata konformement mal-Protokoll Nru 7 kif ukoll mal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 5(2) ta’ dawn ir-regoli.

90      L-Artikolu 9 tal-imsemmija regoli jippreċiża, fil-paragrafi 1 u 13 tiegħu rispettivament, li kull talba indirizzata lill-President tal-Parlament minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru sabiex titneħħa l-immunità ta’ Membru għandha tiġi kkomunikata f’seduta plenarja u tiġi rrinvijata lill-kumitat responsabbli, li għandu jistabbilixxi l-prinċipji ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 9.

91      Huwa għalhekk li l-Kumitat JURI, li ġie nnominat sabiex jipproċessa t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità, adotta l-Komunikazzjoni Nru 11/2019, applikabbli fil-mument tal-fatti tal-kawża, li tistabbilixxi regoli applikabbli għal dawn it-talbiet.

92      F’din il-komunikazzjoni ġew stabbiliti, minn naħa, regoli relatati mal-eżami fil-mertu ta’ talba għat-tneħħija tal-immunità. Fil-punt 43 ta’ din il-komunikazzjoni, ġie għalhekk previst, essenzjalment, li, meta t-talba tkun tikkonċerna t-tneħħija tal-immunità prevista fl-Artikolu 9 ta’ dan il-protokoll, l-immunità għandha titneħħa sakemm ma jkunx jidher li l-intenzjoni wara l-proċeduri legali hija li tagħmel ħsara lill-attività politika tal-Membru u, għaldaqstant, lill-indipendenza tal-Parlament (fumus persecutionis).

93      Min-naħa l-oħra, ġew stabbiliti regoli proċedurali għall-ipproċessar tat-talbiet għat-tneħħija tal-immunità.

94      Qabelxejn, skont il-punt 6 tal-Komunikazzjoni Nru 11/2019, il-Kumitat JURI għandu jaħtar relatur għal kull talba għat-tneħħija tal-immunità.

95      Sussegwentement, il-punt 7 ta’ din il-komunikazzjoni jipprevedi b’mod partikolari li kull grupp politiku għandu jaħtar għal dan l-għan Membru li jaġixxi bħala relatur permanenti għall-kwistjonijiet ta’ immunità magħruf għall-integrità eżemplari tiegħu.

96      Fl-aħħar nett, skont il-punt 8 tal-imsemmija komunikazzjoni, il-funzjoni ta’ relatur hija s-suġġett, għal kull każ ta’ immunità, ta’ rotazzjoni b’mod ugwali bejn il-gruppi politiċi, madankollu r-relatur ma jistax jappartjeni għall-istess grupp politiku bħal dak li jappartjeni għalih il-Membru li l-immunità tiegħu hija inkwistjoni u lanqas ma jista’ jkun ġie elett fl-istess Stat Membru bħal dan il-Membru.

97      Mill-punt 8 tal-Komunikazzjoni Nru 11/2019 isegwi li l-Parlament qies li relatur mill-istess grupp politiku bħal dak li jappartjeni għalih il-Membru li l-immunità tiegħu hija inkwistjoni ma setax jinvestiga t-talba għat-tneħħija ta’ din l-immunità. Dan l-approċċ huwa għalhekk ibbażat fuq il-kunsiderazzjoni li, minħabba l-appartenenza tagħhom għall-istess grupp politiku, dan ir-relatur u dan il-Membru jistgħu jaqsmu ċerti affinitajiet, b’mod partikolari politiċi, b’tali mod li dubji leġittimi dwar eventwali preġudizzju, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 87 ta’ din is-sentenza, tal-imsemmi relatur favur l-imsemmi Membru, ma jistgħux jiġu esklużi. Il-Parlament, għalhekk, billi għamel użu mis-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa tiegħu, qies neċessarju, sabiex jiggarantixxi l-imparzjalità tar-relatur, bħalma jeżiġi l-Artikolu 41(1) tal-Karta, li jipprevedi regola li tipprekludi l-appartenenza ta’ dan ir-relatur għal grupp politiku partikolari.

98      L-osservanza tal-Artikolu 41(1) tal-Karta teħtieġ applikazzjoni koerenti tal-garanziji stabbiliti mill-istituzzjoni kkonċernata sabiex jiġi evitat kull dubju leġittimu ta’ nuqqas ta’ imparzjalità u sabiex tippermetti trattament ekwu tat-talbiet għat-tneħħija tal-immunità.

99      Għall-finijiet ta’ tali applikazzjoni, ir-rekwiżit ta’ imparzjalità kkonkretizzat mill-punt 8 tal-Komunikazzjoni Nru 11/2019 għandu wkoll jiġi implimentat b’mod li r-relatur li jappartjeni għal grupp politiku differenti minn dak tal-Membru li l-immunità tiegħu hija inkwistjoni jidher li huwa oġġettivament imparzjali.

100    Fil-fatt, fid-dawl tal-għanijiet tal-immunitajiet previsti għall-benefiċċju tal-Membri tal-Parlament, imfakkra fil-punti 75 sa 77 ta’ din is-sentenza, dan ir-rekwiżit ta’ imparzjalità tar-relatur ifisser li dan il-Membru ma għandux ikun jista’ jkollu dubji leġittimi dwar il-fatt li r-relatur li huwa mitlub jinvestiga l-imsemmija talba ma huwiex iggwidat minn kunsiderazzjonijiet li jipprekluduh milli jissodisfa b’mod oġġettiv il-funzjonijiet tiegħu ta’ preparazzjoni tad-deċiżjoni tal-Parlament dwar l-eventwali eżistenza ta’ fumus persecutionis, kif imsemmi fil-punt 92 ta’ din is-sentenza.

101    Issa, għalkemm l-oppożizzjoni ta’ tali relatur għall-ideat politiċi tal-Membru li l-immunità tiegħu hija inkwistjoni ma tistax, fiha nnifisha, timplika l-assenza ta’ imparzjalità ta’ dan ir-relatur, l-istess ma jistax jingħad għall-appartenenza tar-relatur għall-grupp politiku li minnu jagħmlu wkoll parti Membri ta’ partit politiku li wassal għall-proċeduri kriminali mressqa kontra dan il-Membru li huma l-bażi għat-talba għat-tneħħija tal-immunità, partit li għandu interess partikolari fl-eżitu ta’ dawn il-proċeduri.

102    Bħalma ġie indikat fil-punt 97 ta’ din is-sentenza, skont ir-regola stabbilita fil-punt 8 tal-Komunikazzjoni Nru 11/2019, l-appartenenza ta’ relatur għal grupp politiku partikolari jista’ jkollha konsegwenzi fuq il-possibbiltà li jinħatar bħala relatur sabiex tiġi investigata talba għat-tneħħija tal-immunità b’mod partikolari. Ma jistax jitqies li r-rekwiżit ta’ imparzjalità implimentat minn din ir-regola japplika biss fil-każ tal-appartenenza tar-relatur għall-grupp politiku li minnu joriġina l-Membru kkonċernat minn tali talba, bl-esklużjoni ta’ kull sitwazzjoni ta’ appartenenza ta’ dan ir-relatur għal grupp politiku ieħor.

103    Minn dan isegwi li, peress li l-Parlament stabbilixxa, fil-punt 8 tal-Komunikazzjoni Nru 11/2019, ir-regola li, fis-sistema ta’ rotazzjoni applikata għall-ħatra tar-relatur, jiġi eskluż kull relatur membru tal-grupp politiku li għalih jappartjeni l-Membru kkonċernat minn talba għat-tneħħija tal-immunità, dik l-istituzzjoni għandha wkoll teskludi, sabiex tosserva l-Artikolu 41(1) tal-Karta, relatur li huwa membru ta’ grupp politiku li għalih jappartjenu Membri tal-partit politiku li wasslu għall-proċeduri kriminali mressqa kontra dan il-Membru li fuqhom hija bbażata din it-talba, parti li għandha interess partikolari fl-eżitu ta’ din il-proċedura. Fil-fatt, tali relatur jista’ jiġi pperċepit bħala mhux imparzjali fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 87 ta’ din is-sentenza.

104    F’dan ir-rigward, ma jistax jintlaqa’ l-argument tal-Parlament li r-rabtiet bejn il-membri tiegħu, li ġejjin minn diversi partiti politiċi nazzjonali, li jingħaqdu flimkien sabiex jikkostitwixxu grupp politiku fi ħdanu, ma humiex mill-qrib biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jippreġudikaw l-imparzjalità oġġettiva ta’ membru ta’ dan il-grupp politiku msejjaħ sabiex jeżerċita l-funzjonijiet ta’ relatur inkarigat milli jinvestiga talba għat-tneħħija tal-immunità fil-konfront ta’ membru ieħor tal-imsemmi grupp. Fil-fatt, dan l-argument huwa kontradett miċ-ċirkustanza li l-Parlament stess ikkunsidra, billi adotta l-punt 8 tal-Komunikazzjoni Nru 11/2019, li l-appartenenza tar-relatur għall-istess grupp politiku bħal dak li jappartjeni għalih il-Membru li l-immunità tiegħu hija inkwistjoni hija inkompatibbli mal-imparzjalità oġġettiva ta’ dan ir-relatur.

105    Konsegwentement, meta jinħatar relatur sabiex jinvestiga talba għat-tneħħija tal-immunità, fi ħdan il-Kumitat JURI, membru li jappartjeni għal grupp politiku li għalih jappartjenu membri minn partit politiku li minnu jirriżultaw il-proċeduri kriminali mressqa kontra dan il-Membru li fuqhom hija bbażata din it-talba f’sitwazzjoni bħal dik indikata fil-punti 101 u 103 ta’ din is-sentenza, tali relatur ma joffrix garanziji suffiċjenti li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu min-naħa tal-Membru kkonċernat mill-imsemmija talba fir-rigward ta’ eventwali preġudizzju fil-konfront tiegħu u ma jistax, għaldaqstant, jitqies li huwa imparzjali, skont l-istandard stabbilit mill-Parlament innifsu billi juża s-setgħa wiesgħa tiegħu, kif imfakkar fil-punt 97 ta’ din is-sentenza. Tali ħatra għandha titqies li twettqet bi ksur tal-Artikolu 41(1) tal-Karta.

106    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jitqies li l-punti 245 u 246 tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żball ta’ liġi, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-appartenenza tar-relatur, maħtur sabiex jinvestiga talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Membru, għall-istess grupp politiku bħal dak li jappartjenu għalih membri minn partit politiku li wasslu għall-proċeduri kriminali mressqa kontra dan il-Membru li fuqhom hija bbażata din it-talba ma kellhiex effett fuq l-evalwazzjoni tal-imparzjalità ta’ dan ir-relatur u, essenzjalment, li seta’ għalhekk jinħatar relatur membru ta’ dan il-grupp politiku.

107    Għaldaqstant, jeħtieġ li l-ewwel ilment tat-tieni parti tat-tielet aggravju jintlaqa’.

–       Fuq it-tieni lment

108    Fil-punt 249 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li kien paċifiku li, fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu ta’ membru tal-Parlament, ir-relatur kien organizza l-avveniment tas‑6 ta’ Marzu 2019, li kien jikkonsisti f’intervent tas-Segretarju Ġenerali tal-partit politiku VOX dwar it-tema “Il-Cataluña hija Spanja”, li kien għalaq id-diskors tiegħu bil-kliem “Viva Spanja, Viva l-Ewropa u Puigdemont fil-ħabs”.

109    Fil-punt 250 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali osservat li mir-reġistrazzjoni ta’ dan l-avveniment kien isegwi li r-relatur kien preżenti fuq il-mejda tal-kelliema, maġenb żewġ membri oħra tal-Parlament u dan is-Segretarju Ġenerali, li kien l-uniku wieħed li intervjena oralment.

110    Fil-punt 251 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li l-organizzazzjoni ta’ tali avveniment setgħet titqies bħala manifestazzjoni tal-appoġġ tar-relatur għall-ideat difiżi mill-partit politiku VOX dwar, b’mod partikolari, fid-dawl tat-tema ta’ dan l-avveniment, is-sitwazzjoni politika tal-Cataluña, kif ukoll l-oppożizzjoni tiegħu għall-ideat politiċi tal-appellanti.

111    Barra minn hekk, fil-punt 251 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, għalkemm, ċertament, il-fatti li bihom huma akkużati l-appellanti fil-kuntest tal-proċeduri kriminali inkwistjoni kienu jirrigwardaw is-sitwazzjoni politika fil-Cataluña sa fejn dawn jirrigwardaw l-adozzjoni tal-liġijiet imsemmija fil-punt 11 ta’ din is-sentenza u ż-żamma tar-referendum ta’ awtodeterminazzjoni msemmi fl-istess punt, il-manifestazzjoni, mill-Membru, relatur futur fil-kawżi għat-tneħħija tal-immunità tal-appellanti, tal-pożizzjoni tiegħu fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni ma tistax, għar-raġunijiet esposti fil-punti 244 u 246 tas-sentenza appellata, tkun suffiċjenti sabiex tikkaratterizza ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità.

112    Issa, il-fatti kkonstatati mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 249 u 250 tas-sentenza appellata, kienu rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk, f’dan il-każ, l-aġir tar-relatur maħtur sabiex jinvestiga t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità fir-rigward tal-appellanti kienx ta’ natura li jippreġudika r-rekwiżit ta’ imparzjalità, peress li dawn jistgħu jiġu pperċepiti bħala li jirriflettu nuqqas ta’ imparzjalità u dan, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, anki jekk dawn il-fatti seħħew qabel ma dan ir-relatur seta’ jkun jaf li kien ser jiġi elett matul l-elezzjonijiet tal‑2019, qabel ma l-Parlament ġie adit b’dawn it-talbiet u qabel ma l-membru kkonċernat inħatar, fil-kuntest tar-rotazzjoni ugwali bejn il-gruppi politiċi, bħala relatur sabiex jeżamina l-imsemmija talbiet. Fil-fatt, kellha tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza tal-imsemmija fatti sabiex tiġi evalwata l-possibbiltà li jinħatar bħala relatur sabiex jinstemgħu dawn l-istess talbiet.

113    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 251 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali affermat li ftit kien jimporta li r-relatur wera ruħu favur il-pożizzjoni tal-partit politiku VOX dwar is-sitwazzjoni fil-Cataluña billi għamlet riferiment, sabiex timmotiva l-konklużjoni tagħha dwar l-assenza ta’ preġudizzju għall-prinċipju ta’ imparzjalità minħabba l-organizzazzjoni tal-avveniment tas‑6 ta’ Marzu 2019, għall-punti 244 u 246 tas-sentenza appellata. Issa, minn naħa, dan il-punt tal-aħħar huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi kif ġie deċiż fil-punt 106 ta’ din is-sentenza. Min-naħa l-oħra, l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tagħmel riferiment għall-punt 244 ta’ dik is-sentenza, li tgħid li ftit jimporta li r-relatur wera ruħu favur din il-pożizzjoni, ma kinitx twieġeb għall-argument tal-appellanti, li ma kienx jikkonċerna l-opinjoni tar-relatur futur dwar is-sitwazzjoni fil-Cataluña, iżda s-sostenn attiv li dan ta lil dan il-partit politiku li wassal għall-proċeduri kriminali inkwistjoni.

114    Bħalma jsegwi mill-kronoloġija tal-fatti li wasslu għall-kawża rrilevati mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tas-sentenza appellata, b’mod partikolari dawk miġbura fil-qosor fil-punti 11 sa 13 ta’ din is-sentenza, dan il-partit politiku kien diġà, meta ġie organizzat l-avveniment tas‑6 ta’ Marzu 2019, fl-oriġini tal-proċeduri kriminali inkwistjoni. L-organizzazzjoni, mill-persuna sussegwentement maħtura bħala relatur, ta’ dan l-avveniment kienet għalhekk ta’ natura li tindika mhux biss appoġġ għall-ideat politiċi tal-imsemmi partit dwar is-sitwazzjoni fil-Cataluña, iżda wkoll pożizzjoni favorevoli għall-prosekuzzjoni kriminali tal-appellanti. Billi warrbet dan l-aspett mill-analiżi tagħha, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni element li kien partikolarment rilevanti sabiex tevalwa jekk l-organizzatur ta’ dan l-avveniment setax sussegwentement, mingħajr ma jippreġudika r-rekwiżit ta’ imparzjalità, jinħatar relatur fil-proċedura ta’ eżami tat-talbiet għat-tneħħija tal-immunità bbażati fuq dawn il-proċeduri kriminali.

115    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti magħmula fil-punt 251 tas-sentenza appellata hija żbaljata, sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset, abbażi, b’mod partikolari, tal-punt 246 ta’ dik is-sentenza, li huwa stess huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi, u mingħajr ma ħadet debitament inkunsiderazzjoni l-kronoloġija tal-fatti li wasslu għall-kawża, li l-organizzazzjoni, mill-persuna maħtura sussegwentement bħala relatur, tal-avveniment tas‑6 ta’ Marzu 2019 ma kinitx tirrendi lil din il-persuna inadatta sabiex tinħatar relatur u għalhekk ma setgħetx tikkostitwixxi ksur tar-rekwiżit ta’ imparzjalità fis-sens tal-Artikolu 41(1) tal-Karta.

116    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li t-tieni lment tat-tieni parti tat-tielet aggravju jintlaqa’ wkoll.

117    Peress li l-iżbalji ta’ liġi kkonstatati fil-punti 106 u 115 ta’ din is-sentenza huma ta’ natura li jwasslu għall-annullament tas-sentenza appellata, hemm lok li l-appell jintlaqa’ mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra tat-tieni parti tat-tielet aggravju u l-aggravji l-oħra tiegħu.

 Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

118    Konformement mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, taqta’ l-kawża b’mod definittiv hija stess meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

119    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa xieraq li tiddeċiedi definittivament din it-tilwima. Din hija fi stat li tiġi deċiża, peress li r-rikors għal annullament tal-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali huwa bbażat fuq motivi li kienu s-suġġett ta’ diskussjoni kontradittorja quddiem din tal-aħħar u li l-eżami tagħhom ma jeħtieġ li tiġi adottata ebda miżura addizzjonali ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ investigazzjoni tal-proċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 130).

120    Bħalma ġie rrilevat fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, l-appellanti qajmu tmien motivi insostenn tar-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali.

121    It-tielet motiv ta’ dan ir-rikors, maqsum fi tliet partijiet, huwa bbażat fuq ksur tad-dritt tal-appellanti li l-kawżi tagħhom jiġu ttrattati b’mod imparzjali u ġust konformement mal-Artikolu 41(1) tal-Karta, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u mal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta.

122    Permezz tat-tieni parti tat-tielet motiv tar-rikors tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Parlament kiser l-Artikolu 41(1) u l-Artikolu 39(2) tal-Karta u kiser formalità essenzjali meta ħatar relatur mhux imparzjali.

123    Permezz tal-ewwel ilment, huma jsostnu li n-nuqqas ta’ imparzjalità ta’ dan ir-relatur jirriżulta mill-appartenenza tiegħu għal grupp politiku li kienu jagħmlu parti minnu l-membri tal-Parlament li jappartjenu għall-partit politiku VOX, oppost għalihom u li wassal għall-proċeduri kriminali inkwistjoni.

124    Permezz tat-tieni lment, huma jallegaw li dan in-nuqqas ta’ imparzjalità jirriżulta mill-fatt li l-imsemmi relatur organizza ma’ dan il-partit politiku l-avveniment tas‑6 ta’ Marzu 2019, li fil-kuntest tiegħu huwa ta s-sostenn tiegħu għas-slogan “Puigdemont fil-ħabs”, billi ċapċap għal dan l-intervent.

125    Il-Parlament, sostnut mir-Renju ta’ Spanja, jikkontesta l-argumenti tal-appellanti. Minn naħa, huwa jsostni li ebda regola u ebda prinċipju ma jipprekludu li r-relatur jappartjeni għal grupp politiku li jagħmlu parti minnu wkoll Membri ta’ partit nazzjonali li għandhom għanijiet politiċi kuntrarji għal dawk segwiti mill-Membru kkonċernat minn talba għat-tneħħija tal-immunità. Huwa jirrileva li tali appartenenza tirriżulta min-natura politika tal-Parlament u mid-deċiżjonijiet dwar tali talba u jenfasizza l-eteroġeneità tal-gruppi politiċi kkostitwiti fi ħdanu. Min-naħa l-oħra, huwa jsostni li, anki jekk jitqies li l-argumenti tal-appellanti dwar l-aġir tar-relatur ikkonċernat huma ammissibbli, dawn l-argumenti ma humiex biżżejjed, fi kwalunkwe każ, sabiex jikkontestaw l-imparzjalità ta’ dan ir-relatur.

126    F’dan ir-rigward, bħalma tfakkar fil-punti 86 u 87 ta’ din is-sentenza, id-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41(1) tal-Karta, jipprevedi li kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni. Dan ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri l-imparzjalità suġġettiva u l-imparzjalità oġġettiva.

127    Bħalma ġie espost fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, il-Parlament għandu setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa f’dak li jirrigwarda l-ipproċessar tat-talbiet għat-tneħħija tal-immunità, li timplika s-setgħa li jiddetermina r-regoli proċedurali applikabbli meta l-Parlament ikollu jiddeċiedi dwar tali talbiet.

128    Fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa tiegħu, il-Parlament, fil-kuntest tal-ħidma tal-Kumitat JURI, adotta l-Komunikazzjoni Nru 11/2019 li tiddefinixxi l-prinċipji applikabbli waqt l-ipproċessar ta’ talba għat-tneħħija tal-immunità minn dan il-kumitat, fosthom dawk stabbiliti fil-punt 8 ta’ din il-komunikazzjoni li jirregolaw il-ħatra, fil-kuntest tar-rotazzjoni ugwali bejn il-gruppi politiċi, tar-relatur mitlub jinvestiga tali talba b’mod partikolari.

129    F’dan il-każ, huwa paċifiku li r-relatur inkarigat milli jinvestiga t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità li jikkonċernaw lir-rikorrenti kien membru tal-grupp politiku li kienu jagħmlu parti minnu membri tal-partit politiku li wasslu għall-proċeduri kriminali inkwistjoni.

130    Għar-raġunijiet stabbiliti fil-punti 97 sa 105 u 114 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-relatur ma kienx joffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu min-naħa tal-appellanti fir-rigward ta’ eventwali preġudizzju sfavorevoli minnu fil-konfront tagħhom u ma setax, għaldaqstant, jitqies li jissodisfa r-rekwiżit ta’ imparzjalità. Il-ħatra ta’ dan ir-relatur għandha, għaldaqstant, titqies li twettqet bi ksur tal-Artikolu 41(1) tal-Karta.

131    Minn dan jirriżulta li din il-ħatra tikkostitwixxi difett li vvizzja l-proċedura ta’ adozzjoni tar-rapporti fi ħdan il-Kumitat JURI. Konsegwentement, il-proċeduri ta’ adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi huma stess huma vvizzjati b’difett formali.

132    F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita sew, in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli proċedurali dwar l-adozzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju jikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, b’mod li, jekk il-qorti tal-Unjoni tikkonstata li l-att ikkontestat ma ġiex adottat regolarment, hija għandha tislet il-konsegwenzi mill-ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali, u għaldaqstant, tannulla dan l-att (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2024, D & A Pharma vs Il‑Kummissjoni u EMA, C‑291/22 P, EU:C:2024:228, punt 158 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, peress li d-deċiżjonijiet kontenzjużi ġew adottati abbażi ta’ rapporti tal-Kumitat JURI li għandhom jitqiesu nulli, dawn id-deċiżjonijiet stess huma nulli.

133    Konsegwentement, hemm lok li t-tieni parti tat-tielet motiv tar-rikors tiġi ddikjarata fondata u li d-deċiżjonijiet kontenzjużi jiġu annullati, konformement mat-talbiet f’dan is-sens imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali mill-appellanti, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-partijiet l-oħra tat-tielet motiv u l-motivi l-oħra tar-rikors.

 Fuq l-ispejjeż

134    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

135    Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

136    F’dan il-każ, peress li l-Parlament tilef, kemm fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll fil-proċedura ta’ appell, hemm lok li jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-appellanti, relatati ma’ dawn il-proċeduri, kif mitlub mill-appellanti.

137    Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li, meta ma tkunx hija stess ippreżentat l-appell, intervenjenti fl-ewwel istanza li tkun ipparteċipat fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura ta’ appell għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. F’dan il-każ, għandu jiġi deċiż li r-Renju ta’ Spanja, intervenjent fl-ewwel istanza li pparteċipa fil-fażi bil-miktub tal-proċedura fil-kuntest tal-appell, għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal5 ta’ Lulju 2023, Puigdemont i Casamajó et vs IlParlament (T272/21, EU:T:2023:373), hija annullata.

2)      Id-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew P9_TA(2021)0059, P9_TA(2021)0060 u P9_TA(2021)0061 tad9 ta’ Marzu 2021 huma annullati.

3)      Il-Parlament Ewropew għandu jbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu relatati kemm mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mal-proċedura ta’ appell, dawk sostnuti minn Carles Puigdemont i Casamajó, Antoni Comín i Oliveres u Clara Ponsatí i Obiols fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ proċeduri.

4)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu relatati kemm mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mal-proċedura ta’ appell.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.