SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla)

19 ta’ Diċembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Mistrieħ ta’ kuljum u fil-ġimgħa – Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Direttiva 2003/88/KE – Artikoli 3, 5, 6, 16, 17, 19 u 22 – Obbligu li tiġi stabbilita sistema li tippermetti li jitkejjel it-tul ta’ ħin tax-xogħol maħdum mill-impjegati domestiċi – Deroga – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżenta mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol effettiv eżegwit mill-impjegati domestiċi”

Fil‑Kawża C‑531/23 [Loredas] ( 1 ),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit‑Tribunal Superior de Justicia del País Vasco (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-País Vasco, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Ġunju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Lulju 2023, fil-proċedura

HJ

vs

US,

MU,

fil-preżenza ta’:

Fondo de Garantia Salarial (FOGASA),

IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Seba’ Awla, M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Ħames Awla, u J. Passer, Imħallef,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Spanjol, minn M. Morales Puerta, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Galindo Martín, D. Recchia u E. Schmidt, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3, 5, 6 u 16, tal-Artikolu 17(4)(b) kif ukoll tal-Artikoli 19 u 22 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381), tal-Artikoli 1 u 4 tad-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE (ĠU 2010, L 180, p. 1), tal-Artikoli 1, 4 u 5 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u nnisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23), tal-Artikolu 2 u 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), kif ukoll tal-Artikolu 3(2) KE u tal-Artikoli 20 u 21 kif ukoll tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn HJ, impjegata domestika, u US u MU, il-persuni li kienu jimpjegawha, dwar it-tkeċċija tagħha u l-ħlas tas-sahra maħduma kif ukoll tal-ġranet ta’ leave mhux meħuda.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2003/88

3

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/88 jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.”

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.   ‘ħin tax-xogħol’ ifisser kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi;

[…]”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Serħan ta’ kull jum”, jiddisponi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal perjodu minimu ta’ serħan kull jum ta’ 11‑il siegħa konsekuttivi f’perjodu ta’ 24‑siegħa.”

6

L‑Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Perjodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, f’kull perjodu ta’ sebat ijiem kull ħaddiem ikun intitolat għal perjodu minimu mingħajr interruzzjoni ta’ serħan kull perjodu ta’ 24 il-siegħa flimkien ma 11‑il siegħa serħan ta’ kull jum kif li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3.

Jekk objettivi, l-organizzazzjoni tal-kondizzjonijiet tekniċi jew tax-xogħol hekk jiġġustifikaw, perjodu minimu ta’ serħan ta’ 24 siegħa jista’ jkun applikat.”

7

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Ħin massimu ta’ xogħol matul ġimgħa”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, skond il-ħtieġa tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema:

a)

il-perjodu tal-ħin tax-xogħol ta’ kull ġimgħa jkun limitat permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi jew bi ftehim kollettiv jew bi ftehim bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija;

b)

il-medja tal-ħin tax-xogħol għal kull perjodu ta’ sebat ijiem, inkluża s-sahra, ma tkunx teċċedi it-48 siegħa.”

8

L-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, intitolat “Derogi”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

“1.   F’dak li jirrigwardja l-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, l-Istati Membri jistgħu jagħtu deroga mill-Artikoli 3 sa 6, 8 u 16 meta, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-attività kkonċernata, it-tul tal-ħin tax-xogħol ma jkunx imkejjel u/jew predeterminat jew jista’ jkun determinat mill-ħaddiema nfushom, u partikolarment fil-każ ta’:

a)

eżekuttivi amministraturi jew persuni oħrajn b’poteri awtonomi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet;

b)

ħaddiema parti mill-familja; jew

[…]

4.   B’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, derogi jistgħu jsiru mill-Artikoli 3 u 5:

a)

fil-każ ta’ l-attivitajiet ta’ ħaddiema bix-shift, kull darba li l-ħaddiem jibdel ix-shift u ma jistax jieħu l-perjodi ta’ serħan ta’ kull jum jew ta’ kull ġimgħa bejn it-tmiem ta’ shift wieħed u l-bidu tax-shift li jmiss;

b)

fil-każ ta’ attivitajiet li jinvolvu perjodi ta’ xogħol imqassma matul il-jum, partikolarment dawk tal-persunal tat-tindif.”

9

L-Artikolu 22 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Disposizzjonijiet mixxellanji”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   Stat Membru għandu jkollu l-għażla li ma japplikax l-Artikolu 6, waqt li jirrispetta l-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta’ ħaddiema, u basta li hu jieħu l-miżuri meħtieġa ħalli jassigura li:

a)

li min jimpjega ma jkunx jeħtieġ li ħaddiem jaħdem aktar minn 48 siegħa matul perjodu ta’ sebat ijiem, ikkalkolati bħala medja għall-perjodu ta’ referenza li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 16(b), sakemm ma jkunx l-ewwel akkwista l-ftehim tal-ħaddiem ħalli jwettaq xogħol bħal dak;

b)

l-ebda ħaddiem ma jkun suġġett għal xi detriment minn min jimpjegah minħabba li hu ma jkunx lest li jagħti l-ftehim tiegħu għal twettieq ta’ xogħol bħal dak;

(ċ)

min jimpjega iżomm rekords aġġornati tal-ħaddiema kollha li jwettqu xogħol bħal dak;

d)

li r-rekords jitqiegħdu għad-disposizzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti, li jistgħu, għal raġunijiet konnessi mas-sigurtà u/jew is-saħħa tal-ħaddiema, jipprojbixxu jew jirristrinġu l-possibbiltà li jkunu misbuqa s-sigħat massimi ta’ xogħol matul ġimgħa;

e)

min jimpjega jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti fuq it-talba tagħhom b’informazzjoni dwar każi li fihom ftehim ikun seħħ ma ħaddiema ħalli jwettqu xogħol b’eċċess ta’ 48 siegħa matul perjodu ta’ sebat ijiem, ikkalkolati bħala medja għall-perjodu ta’ referenza kif hemm referenza għalih fl-Artikolu 16(b).

[…]

3.   Jekk l-Istati Membri jutilizzaw minn dawn l-għażliet li hemm provvediment dwarhom f’dan l-Artikolu, huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.”

Id‑Direttiva 2006/54

10

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/54 jipprevedi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġi żgurat li jkun implimentat il-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol.

Għal dan il-għan, hi fiha dispożizzjonijiet biex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ trattament ugwali f’relazzjoni ma’:

a)

l-aċċess għall-impjiegi, inkluża l-promozzjoni, u t-taħriġ vokazzjonali;

b)

il-kondizzjonijiet tax-xogħol, inkluża l-paga;

ċ)

l-iskemi okkupazzjonali ta’ sigurtà soċjali.

Hi fiha wkoll dispożizzjonijiet biex ikun żgurat li din l‑implimentazzjoni tkun aktar effettiva permezz ta’ l-istabbiliment ta’ proċeduri xierqa.”

11

Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

b)

‘diskriminazzjoni indiretta’: fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika li mad-dehra jkunu newtrali jkunu jpoġġu lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, ħlief jekk dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika tkun oġġettivament ġustifikata b’għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa;

[…]”

12

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni” jistabbilixxi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Għandha tiġi eliminata d-diskriminazzjoni diretta u indiretta fuq il-bażi ta’ sess fir-rigward ta’ l-aspetti u l-kondizzjonjiet kollha ta’ rimunerazzjoni għall-istess xogħol jew għal xogħol li jitqies li għandu valur ugwali.”

13

L-Artikolu 14(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“M’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba s-sess fis-settur pubbliku jew f’dak privat, inklużi l-korpi pubbliċi, b’relazzjoni għal:

[…]

ċ)

Impjieg u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, inlużi sensji, kif ukoll paga kif previst fl-Artikolu [157 TFUE];

[…]”

Id‑dritt Spanjol

L‑Istatut tal-Ħaddiema

14

L-Artikolu 34(9) tal-Estatuto de los Trabajadores (l-Istatut tal-Ħaddiema), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Real Decreto-ley 8/2019, de medidas urgentes de protección social y de lucha contra la precariedad laboral en la jornada de trabajo (id-Digriet-Liġi Rjali 8/2019, dwar Miżuri Urġenti ta’ Protezzjoni Soċjali u tal-Ġlieda kontra l-Prekarjetà fuq ix-Xogħol), tat‑8 ta’ Marzu 2019 (BOE Nru 61, tat‑12 ta’ Marzu 2019, p. 23156) (iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Ħaddiema”), jipprovdi:

“L-impriża għandha tiżgura r-reġistrazzjoni ta’ kuljum tal-ħin tax-xogħol, li għandha tinkludi l-ħin preċiż tal-bidu u tat-tmiem tal-ġurnata ta’ xogħol ta’ kull ħaddiema jew ħaddiem, bla ħsara għall-flessibbiltà fil-ħinijiet prevista f’dan l-artikolu.

Din ir-reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol hija organizzata u stabbilita permezz ta’ negozjar kollettiv jew ta’ ftehim ta’ impriża jew, fin-nuqqas ta’ dan, permezz ta’ deċiżjoni tal-persuna li timpjega wara konsultazzjoni mar-rappreżentanti legali tal-ħaddiema fl-impriża.

Ir-reġistri msemmija f’din id-dispożizzjoni għandhom jinżammu mill-intrapriża għal erba’ snin u għandhom jibqgħu disponibbli għall-ħaddiema nisa u rġiel, għar-rappreżentanti legali tagħhom u għall-ispettorat tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali.”

15

L-Artikolu 35 ta’ dan l-istatut, intitolat “Sighat supplimentari”, jipprovdi, fil-paragrafu 5 tiegħu:

“Għall-finijiet tal-kalkolu tas-sahra, il-ħin tax-xogħol ta’ kull ħaddiem jiġi rreġistrat minn ġurnata għal oħra u jingħadd fil-mument iffissat għall-ħlas tar-remunerazzjoni, fejn lill-ħaddiem jinħariġlu dikjarazzjoni mqassra fid-dokument ġustifikattiv tal-ħlas korrispondenti.”

Id‑Digriet Irjali 1620/2011

16

L-Artikolu 9 tar-Real Decreto 1620/2011, por el que se regula relación laboral de carácter especial del servicio del hogar familiar (id-Digriet Irjali 1620/2011, dwar ir-Relazzjoni Speċjali ta’ Xogħol tal-Impjegati Domestiċi), tal‑14 ta’ Novembru 2011 (BOE Nru 277, tas‑17 ta’ Novembru 2011, p. 119046), jipprovdi eċċezzjoni għad-dispożizzjonijiet tal-Istatut tal-Ħaddiema kif ġej:

“1.   Il-ħin tax-xogħol massimu fil-ġimgħa normalment huwa ta’ erbgħin siegħa ta’ xogħol effettiv, bla ħsara għall-ħin ta’ preżenza, għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjega, li jista’ jiġi miftiehem bejn il-partijiet. Il-ħinijiet għandhom jiġu stabbiliti bi ftehim komuni bejn il-partijiet.

Wara li jkun ħadem il-ħin tax-xogħol ta’ kuljum u, jekk ikun il-każ, il-ħin ta’ preżenza miftiehem, l-impjegat ma huwiex obbligat jibqa’ fid-dar tal-persuna li timpjega.

2.   B’osservanza tal-ħin tax-xogħol massimu u tal-perijodi minimi ta’ mistrieħ, it-tul tal-ħin ta’ preżenza u r-remunerazzjoni jew il-kumpens għalih, għandhom jiġu ddeterminati skont l-istess kundizzjonijiet miftiehma mill-partijiet. Fi kwalunkwe każ, sakemm dawn tal-aħħar ma jaqblux li jikkumpensawhom permezz ta’ perijodi ekwivalenti ta’ mistrieħ bi ħlas, is-sigħat ta’ preżenza ma jistgħux jaqbżu medja ta’ għoxrin siegħa fil-ġimgħa matul perijodu ta’ riferiment ta’ xahar u jiġu rremunerati permezz ta’ salarju li l-ammont tiegħu ma jkunx inqas minn dak li jikkorrispondi għas-sigħat normali.

3.   Is-sistema tas-sahra hija dik stabbilita fl-Artikolu 35 tal-Istatut tal-Ħaddiema, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 5 ta’ dan l-istess artikolu.

3bis.   Fir-rigward tal-ħaddiema rreklutati part-time, l-obbligi ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol previsti fl-Artikolu 12(5)(h) tal-Istatut tal-Ħaddiema ma japplikawx.

[…]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

17

Mill‑15 ta’ Settembru 2020, HJ ġiet irreklutata bħala impjegata domestika ma’ US u ma’ MU.

18

Wara t-tkeċċija tagħha, li seħħet fis‑17 ta’ Frar 2021, HJ ippreżentat, fil‑31 ta’ Marzu 2021, rikors quddiem il-Juzgado de lo Social no 2 de Bilbao (il-Qorti Industrijali Nru 2 ta’ Bilbao, Spanja) intiż sabiex tiġi rrikonoxxuta n-natura abbużiva tat-tkeċċija tagħha u intiż sabiex il-persuni li kienu jimpjegawha jiġu kkundannati jħallsu s-sahra maħduma kif ukoll ġranet ta’ leave mhux meħuda. Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, HJ tesponi, b’mod partikolari, li kienet ġiet irreklutata full-time b’salarju fix-xahar gross ta’ EUR 2 363.04 u li kienet ħadmet 46 siegħa fil-ġimgħa sat‑18 ta’ Ottubru 2020 u 79 siegħa fil-ġimgħa mid‑19 ta’ Ottubru 2020.

19

Permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2023, din il-qorti laqgħet parzjalment l-imsemmi rikors billi ddikjarat l-imsemmija tkeċċija bħala abbużiva u kkundannat lill-konvenuti fil-kawża prinċipali jħallsu lil HJ is-somma ta’ EUR 364.39 bħala kumpens u s-somma ta’ EUR 934.89 bħala ġranet ta’ leave mhux meħuda u allowances addizzjonali. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qorti qieset li la s-sigħat ta’ xogħol maħduma u lanqas is-salarju mitlub ma kienu ġew ipprovati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, peress li talbiet ta’ din tal-aħħar ma jistgħux jitqiesu bħala stabbiliti abbażi biss tal-assenza ta’ produzzjoni, mill-konvenuti fil-kawża prinċipali, ta’ reġistri ta’ kuljum tal-ħin tax-xogħol maħdum mill-ħaddiema sa fejn id-Digriet Irjali 1620/2011 jeżenta lil ċerti persuni li jimpjegaw, fosthom fejn il-postijiet fejn jgħixu l-familji, mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol effettiv eżegwit mill-impjegati tagħhom.

20

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellat din is-sentenza quddiem it-Tribunal Superior de Justicia del País Vasco (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-País Vasco, Spanja), li hija qorti tar-rinviju.

21

Din il-qorti għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar is-sistema speċjali tal-impjegati domestiċi mad-dritt tal-Unjoni.

22

Minn naħa, peress li l-eċċezzjoni għall-obbligu ġenerali ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol tqiegħed lill-ħaddiema domestiċi f’sitwazzjoni li tagħmel diffiċli l-prova tal-ħin tax-xogħol maħdum, tali sitwazzjoni tista’ titqies li tmur kontra d-Direttiva 2003/88 u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, b’mod partikolari s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO (C‑55/18, EU:C:2019:402), iktar u iktar peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali la taqa’ taħt il-ħaddiema parti mill-familja, fis-sens tal-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 17(1)(b), id-Direttiva 2003/88, u lanqas dik koperta minn attività li tinvolvi perijodi ta’ xogħol imqassma matul il-jum, kif imsemmija fl-Artikolu 17(4)(b) ta’ din id-direttiva, peress li HJ kienet ġiet irreklutata full-time.

23

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tfakkar, hekk kif jirriżulta mis-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, TGSS (Qgħad tal-impjegati domestiċi) (C‑389/20, EU:C:2022:120), li, fi Spanja, il-grupp ta’ impjegati domestiċi huwa kompost sew minn mis-sess femminili, peress li 95 % tal-impjegati domestiċi huma nisa. Konsegwentement, id-differenza fit-trattament fil-qasam tar-reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol meta mqabbla mal-irġiel tqajjem mistoqsijiet dwar l-osservanza tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta kif ukoll tad-Direttiva 2006/54.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia del País Vasco (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-País Vasco) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikoli […] 3, 5, 6, 16, […], 17(4)(b), [u l-Artikoli] 19 u 22 tad-Direttiva [2003/88 kif ukoll l-Artikolu] 31(2) tal-[Karta], moqrija fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Unjoni (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO, C‑55/18 [, EU:C:2019:402]); l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, l-Artikolu 3(2) KE, l-Artikoli 1 u 4 tad-Direttiva [2010/41]; l-Artikoli 1, 4 u 5 tad-Direttiva [2006/54]; l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva [2000/78]; moqrija wkoll fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Unjoni (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022 [, TGSS (Qgħad tal-impjegati domestiċi) (C‑389/20, EU:C:2022:120)], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni leġiżlattiva, bħall-Artikolu 9(3) tad-Digriet Irjali [1620/2011], li teżenta lill-persuna li timpjega mill-obbligu li tirreġistra l-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema?”

Fuq id‑domanda preliminari

25

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 3, 5 u 6 tad-Direttiva 2003/88, moqrija flimkien mad-Direttivi 2000/78, 2006/54 u 2010/41, kif ukoll mal-Artikoli 20, 21 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprovdi li l-persuni li jħaddmu impjegati domestiċi huma eżentati mill-obbligu li jistabbilixxu sistema li tippermetti li jitkejjel it-tul ta’ ħin tax-xogħol maħdum mill-impjegati domestiċi.

26

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix elementi li jippermettu li jitqies li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78, li jirrigwardaw l-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol b’mod ġenerali, jew taħt dawk tad-Direttiva 2010/41 dwar il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom.

27

Qabelxejn, għandu jitfakkar li d-dritt ta’ kull ħaddiem għal limitazzjoni tat-tul massimu tax-xogħol u għal perijodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u fil-ġimgħa jikkostitwixxi mhux biss regola tad-dritt soċjali tal-Unjoni li għandha importanza partikolari, iżda huwa wkoll speċifikament stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, li lilha l-Artikolu 6(1) TUE jirrikonoxxi li għandha l-istess valur legali bħat-Trattati (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO,C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88, b’mod partikolari l-Artikoli 3, 5 u 6 tagħha, li jippreċiżaw dan id-dritt fundamentali, għandhom jiġu interpretati fid-dawl tiegħu u ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv għad-detriment tad-drittijiet li l-ħaddiem jislet minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO,C‑55/18, EU:C:2019:402, punti 3132 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li d-Direttiva 2003/88 għandha l-għan li tistabbilixxi rekwiżiti minimi intiżi sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema permezz ta’ approssimazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar, b’mod partikolari, it-tul tal-ħin tax-xogħol (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO,C‑55/18, EU:C:2019:402. punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Din l-armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol hija intiża sabiex tiggarantixxi protezzjoni aħjar tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, billi tiżgura li dawn jibbenefikaw minn perijodi minimi ta’ mistrieħ – b’mod partikolari ta’ kuljum u fil-ġimgħa – kif ukoll minn perijodi ta’ pawża xierqa, u billi tipprovdi limitu massimu għat-tul fil-ġimgħa ta’ xogħol (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO,C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Għalhekk, l-Istati Membri huma marbuta, minn naħa, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 2003/88, li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex il-ħaddiema kollha jibbenefikaw, rispettivament, minn perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ ħdax-il siegħa konsekuttiva matul kull perijodu ta’ erbgħa u għoxrin siegħa u, matul kull perijodu ta’ sebat ijiem, minn perijodu minimu ta’ mistrieħ mingħajr interruzzjoni ta’ erbgħa u għoxrin siegħa, u, min-naħa l-oħra, konformement mal-Artikolu 6(b) ta’ din id-direttiva, li jipprovdu limitu massimu ta’ tmienja u erbgħin siegħa għat-tul medju fil-ġimgħa ta’ xogħol, inkluża s-sahra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO,C‑55/18, EU:C:2019:402, punti 3839 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

Sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-Direttiva 2003/88, jeħtieġ għalhekk li l-Istati Membri jiggarantixxu l-osservanza ta’ dawn il-perijodi minimi ta’ mistrieħ u li jipprekludu kwalunkwe qbiż tat-tul massimu fil-ġimgħa ta’ xogħol (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO,C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Sa fejn l-Artikoli 3 u 5 kif ukoll l-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 ma jiddeterminawx madankollu l-modalitajiet konkreti li permezz tagħhom l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni tad-drittijiet li huma jipprevedu, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ evalwazzjoni fid-dawl tal-adozzjoni ta’ modalitajiet konkreti li permezz tagħhom dawn tal-aħħar għandhom l-intenzjoni li jiżguraw l-implimentazzjoni tad-drittijiet previsti minn din id-direttiva. Issa, fid-dawl tal-għan essenzjali mfittex minnha, li huwa li tiġi ggarantita protezzjoni effettiva tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema kif ukoll protezzjoni aħjar tas-sigurtà tagħhom u tas-saħħa tagħhom, l-Istati Membri huma obbligati li jiggarantixxu li l-effett utli ta’ dawn id-drittijiet jiġi żgurat b’mod sħiħ, billi l-ħaddiema jkunu jistgħu effettivament jibbenefikaw minn perijodi minimi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u fil-ġimgħa u mil-limitu massimu tat-tul medju fil-ġimgħa ta’ xogħol previsti minn din id-direttiva. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO,C‑55/18, EU:C:2019:402, punti 4142 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34

Fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ din il-marġni ta’ evalwazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu l-modalitajiet konkreti ta’ implimentazzjoni ta’ sistema li tippermetti li jitkejjel it-tul tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum maħdum minn kull ħaddiem, b’mod partikolari l-forma li tali sistema għandu jkollha, u dan filwaqt li jitqiesu, fejn ikun il-każ, karatteristiċi speċifiċi għal kull settur ta’ attività kkonċernat, jew tal-ispeċifiċitajiet ta’ ċerti impriżi, b’mod partikolari d-daqs tagħhom, u dan bla ħsara għall-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88, li jippermetti lill-Istati Membri, fl-osservanza tal-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, li jidderogaw, b’mod partikolari, mill-Artikoli 3 sa 6 ta’ din id-direttiva, meta t-tul tal-ħin tax-xogħol, minħabba karatteristiċi partikolari tal-attività eżerċitata, ma jitkejjilx u/jew ma jiġix predeterminat jew jista’ jiġi ddeterminat mill-ħaddiema stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO,C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 63).

35

Madankollu, il-modalitajiet iddefiniti mill-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 ma għandhom fl-ebda każ ikunu jistgħu jċaħħdu mis-sustanza tagħhom id-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 31(2) tal-Karta u fl-Artikoli 3 u 5 kif ukoll fl-Artikolu 6(b) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO,C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ħaddiem huwa meqjus bħala l-parti dgħajfa fir-relazzjoni tax-xogħol, b’tali mod li jkun neċessarju li l-persuna li timpjega tiġi prekluża milli jkollha l-possibbiltà li timponi fuqu restrizzjoni fuq id-drittijiet tiegħu (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO,C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Bl-istess mod, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni ta’ dgħufija, ħaddiem jista’ jiġi dissważ milli jinvoka espliċitament id-drittijiet tiegħu fir-rigward tal-persuna li timpjegah, b’mod partikolari meta t-talba għal dawn id-drittijiet tkun tista’ tesponih għal miżuri meħuda minn din tal-aħħar ta’ natura li jaffettwaw ir-relazzjoni ta’ xogħol għad-detriment ta’ dan il-ħaddiem (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO,C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Issa, fl-assenza tal-istabbiliment ta’ sistema li tippermetti li jitkejjel b’mod oġġettiv u affidabbli kemm in-numru ta’ sigħat ta’ xogħol maħduma mill-ħaddiem kif ukoll it-tqassim tagħhom biż-żmien kif ukoll in-numru ta’ sigħat maħduma lil hinn mill-ħin tax-xogħol normali bħala sahra, jidher eċċessivament diffiċli, jekk mhux impossibbli fil-prattika, għall-ħaddiema li jiġu rrispettati d-drittijiet mogħtija lilhom mill-Artikolu 31(2) tal-Karta u mid-Direttiva 2003/88, sabiex effettivament igawdu mil-limitazzjoni tat-tul fil-ġimgħa ta’ xogħol kif ukoll minn perijodi minimi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u fil-ġimgħa previsti minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO,C‑55/18, EU:C:2019:402, punti 47u 48).

39

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-fatt li l-ħaddiem ikun jista’ juża mezzi oħra ta’ prova sabiex jipprovdi indizji ta’ ksur tad-drittijiet tiegħu u sabiex jaqleb l-oneru tal-prova ma huwiex f’pożizzjoni li jissostitwixxi tali sistema li tistabbilixxi b’mod oġġettiv u affidabbli n-numru ta’ sigħat ta’ xogħol ta’ kuljum u fil-ġimgħa maħduma mill-ħaddiem, peress li dan tal-aħħar jista’ ma jurix li jkun lest li jixhed kontra l-persuna li timpjegah minħabba l-biża’ ta’ miżuri meħuda minn din tal-aħħar ta’ natura li jaffettwaw ir-relazzjoni ta’ xogħol għad-detriment tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO,C‑55/18, EU:C:2019:402, punti 5455).

40

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO (C‑55/18, EU:C:2019:402, punti 5971), li d-Direttiva 2003/88, u iktar preċiżament l-Artikoli 3, 5 u 6 tagħha jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal-leġiżlazzjoni Spanjola fis-seħħ fid-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, kif ukoll l-interpretazzjoni tagħha mill-qrati nazzjonali, li tgħid li l-persuni li jimpjegaw ma jkunux obbligati jistabbilixxu sistema li tippermetti li jitkejjel it-tul tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum maħdum minn kull ħaddiem.

41

Mill-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha jirriżulta li, wara din is-sentenza, il-leġiżlatur Spanjol emenda, permezz tad-Digriet Liġi Rjali 8/2019, l-Istatut tal-Ħaddiema billi introduċa, fl-Artikolu 34(9) tiegħu, obbligu ġenerali, impost fuq il-persuni li jimpjegaw, li jistabbilixxu sistema ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol effettiv eżegwit minn kull ħaddiem.

42

F’dan ir-rigward, il-Gvern Spanjol jikkonferma, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li, anki jekk l-Istatut tal-Ħaddiema jikklassifika r-relazzjoni ta’ xogħol tal-impjegati domestiċi bħala relazzjoni ta’ xogħol ta’ natura speċjali, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Istatut, inklużi dawk relatati mal-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol, huma applikabbli għall-impjegati domestiċi, sa fejn ma jeżistux dispożizzjonijiet speċifiċi derogatorji.

43

Issa, skont dan l-istess gvern, fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol, l-uniċi dispożizzjonijiet derogatorji tad-Digriet Irjali 1620/2011 huma dawk li jinsabu fl-Artikolu 9(3) u (3bis) tiegħu, li jikkonċernaw, minn naħa, l-obbligi ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 35(5) tal-Istatut tal-Ħaddiema, dwar il-kontroll tas-sahra u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 12(4)(c) ta’ dan l-Istatut, dwar il-kontroll tas-sigħat maħduma fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol part-time.

44

Peress li l-Artikolu 34(9) tal-Istatut tal-Ħaddiema ma huwiex kopert mill-Artikolu 9(3) u (3bis) tad-Digriet Irjali 1620/2011, ma teżisti ebda deroga mill-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum tal-impjegati domestiċi, kuntrarjament għal dak li jidher li jirriżulta minn interpretazzjoni ġurisprudenzjali ta’ dan l-Artikolu 9(3), jew anki minn prassi amministrattiva bbażata fuq din id-dispożizzjoni, li teżenta lill-persuni li jimpjegaw li jaqgħu taħt is-settur tax-xogħol domestiku mill-obbligu li jirreġistraw il-ħin tax-xogħol.

45

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ma hijiex responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, tieħu deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju dwarhom hijiex korretta. Fil-fatt, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Unjoni u l-qrati nazzjonali, il-kuntest fattwali u regolamentari li jidħlu fih id-domandi preliminari, hekk kif iddefinit mid-deċiżjoni tar-rinviju (sentenza tat‑23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46

Għaldaqstant hemm lok li d-domanda preliminari tinftiehem bħala li tirrigwarda mhux biss id-dispożizzjoni tal-Artikolu 9(3) tad-Digriet Irjali 1620/2011 inkwantu tali, iżda wkoll l-interpretazzjoni tagħha mill-qrati nazzjonali jew il-prassi amministrattiva nazzjonali li tibbaża fuq din id-dispożizzjoni.

47

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu tal-Istati Membri, li jirriżulta minn direttiva, li jilħqu r-riżultat previst minnha kif ukoll id-dmir tagħhom, skont l-Artikolu 4(3) TUE, li jieħdu l-miżuri ġenerali jew partikolari kollha, li jkunu xierqa sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu huma imposti fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inklużi, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-awtoritajiet ġudizzjarji (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO,C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 68).

48

Minn dan isegwi li, meta japplikaw id-dritt nazzjonali, il-qrati nazzjonali mitluba jinterpretawh huma obbligati jieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha ta’ dan id-dritt u li japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu sabiex jaslu, sa fejn ikun possibbli, għal interpretazzjoni konformi fid-dawl tat-test kif ukoll tal-iskop tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat iffissat minnha. Ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi jinkludi l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li jibdlu, fejn ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO,C‑55/18, EU:C:2019:402, punti 6970).

49

Issa, fir-rigward tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 38 sa 40 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni ġurisprudenzjali ta’ dispożizzjoni nazzjonali jew ta’ prassi amministrattiva li tkun ibbażata fuq tali dispożizzjoni, li skont dawn il-persuni li jimpjegaw ikunu eżentati milli jistabbilixxu sistema li tippermetti li jitkejjel it-tul tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum ta’ kull impjegat domestiku, li għalhekk l-impjegati domestiċi jiġu miċħuda mill-possibbiltà li jiġi ddeterminat b’mod oġġettiv u affidabbli n-numru ta’ sigħat ta’ xogħol maħduma u t-tqassim tagħhom biż-żmien, ma tosservax manifestament id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88, u b’mod iktar preċiż id-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikoli 3, 5 u 6 ta’ din id-direttiva, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta.

50

Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 34 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-obbligu ġenerali ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol ma jipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi partikolaritajiet kemm minħabba s-settur ta’ attività kkonċernat, kemm minħabba karatteristiċi speċifiċi ta’ ċerti persuni li jimpjegaw, b’mod partikolari d-daqs tagħhom, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tipprovdi lill-impjegati mezzi effettivi ta’ natura li jiggarantixxu l-osservanza tar-regoli dwar, b’mod partikolari, it-tul massimu fil-ġimgħa ta’ xogħol.

51

Għalhekk, sistema li tobbliga lill-persuni li jimpjegaw ikejlu t-tul tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum ta’ kull impjegat domestiku tista’ tipprevedi, minħabba partikolaritajiet tas-settur tax-xogħol domestiku, derogi għal dak li jirrigwarda s-sahra u x-xogħol part-time, sa fejn dawn ma jċaħħdux lil-leġiżlazzjoni inkwistjoni mis-sustanza tagħha, fatt li, f’dan il-każ, għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali.

52

Fir-rigward tal-allegata diskriminazz ( i )joni indiretta bbażata fuq is-sess, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/54 jirriżulta li tikkostitwixxi tali diskriminazzjoni s-sitwazzjoni li fiha dispożizzjoni, kriterju jew prassi apparentement newtri joħolqu żvantaġġ partikolari lill-persuni ta’ sess meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, ħlief jekk din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prassi ma jkunux oġġettivament iġġustifikati minn għan leġittimu u li l-mezzi sabiex jintlaħaq dak l-għan ikunu xierqa u neċessarji.

53

L-eżistenza ta’ tali żvantaġġ partikolari tista’ tiġi stabbilita, b’mod partikolari, jekk jiġi pprovat li l-imsemmija dispożizzjoni, l-imsemmi kriterju jew l-imsemmija prassi jaffettwaw negattivament proporzjon sinjifikattivament ikbar ta’ persuni ta’ sess meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa sa fejn id-data statistika prodotta quddiemha tkun affidabbli u jekk tiħux inkunsiderazzjoni kemm il-ħaddiema kollha suġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kif ukoll il-proporzjonijiet rispettivi tal-ħaddiema li jkunu u li ma jkunux affettwati mill-allegata differenza fit-trattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, TGSS (Qgħad tal-impjegati domestiċi),C‑389/20, EU:C:2022:120, punti 4143 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54

Fil-fatt, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-ħaddiema kollha suġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li minnha toriġina d-differenza fit-trattament, iżda wkoll tipparaguna l-proporzjonijiet rispettivi tal-ħaddiema li jkunu u li ma jkunux affettwati mill-allegata differenza fit-trattament fi ħdan il-ħaddiema femminili li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni u l-istess proporzjonijiet fi ħdan il-ħaddiema maskili li jaqgħu taħtu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, TGSS (Qgħad tal-impjegati domestiċi),C‑389/20, EU:C:2022:120, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tidher li tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, TGSS (Qgħad tal-impjegati domestiċi) (C‑389/20, EU:C:2022:120), u l-istatistiċi li huma indikati fiha sabiex jiġi rrikonoxxut il-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tifforma parti minn grupp ta’ ħaddiema li b’mod ċar huma femminili.

56

Minn dan jirriżulta li l-interpretazzjoni ġurisprudenzjali ta’ dispożizzjoni nazzjonali u/jew ta’ prassi amministrattiva li hija bbażata fuq tali dispożizzjoni, li skont dawn il-persuni li jimpjegaw huma eżentati mill-obbligu tagħhom li jistabbilixxu sistema li tippermetti li jitkejjel it-tul tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum ta’ kull impjegat domestiku, tkun ta’ żvantaġġ b’mod partikolari għall-ħaddiema tas-sess femminili meta mqabbla mal-ħaddiema ta’ sess maskili.

57

Tali interpretazzjoni ġurisprudenzjali u/jew tali prassi amministrattiva jikkostitwixxu diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, sakemm din ma tkunx iġġustifikata minn fatturi oġġettivi u li ma jkunux relatati ma’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. Dan ikun il-każ jekk id-dispożizzjoni kkonċernata ssegwi għan leġittimu ta’ politika soċjali, tkun xierqa sabiex dan l-għan jintlaħaq u tkun neċessarja għal dan il-għan, peress li din tista’ titqies bħala li hija xierqa sabiex jiġi ggarantit l-għan invokat biss jekk verament tissodisfa r-rieda li dan jintlaħaq u jekk tiġi implimentata b’mod koerenti u sistematiku (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, TGSS (Qgħad tal-impjegati domestiċi),C‑389/20, EU:C:2022:120, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Fir-rigward tal-eżistenza ta’ fattur oġġettiv ta’ natura li jiġġustifika diskriminazzjoni indiretta, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza, tali diskriminazzjoni tista’ tiġi ammessa biss jekk issegwi għan leġittimu kompatibbli mat-Trattat u tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Huwa wkoll neċessarju, f’każ bħal dan, li l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan inkwistjoni u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq, peress li din tista’ titqies li hija xierqa sabiex tiggarantixxi l-għan invokat biss jekk verament tissodisfa r-rieda li dan jintlaħaq u jekk tiġi implimentata b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, TGSS (Qgħad tal-impjegati domestiċi),C‑389/20, EU:C:2022:120, punt 4851 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li, minkejja li, meta jagħżlu l-miżuri li jistgħu jwettqu l-għanijiet tal-politika soċjali u tal-impjieg tagħhom, l-Istati Membri jkollhom marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’, madankollu ikun l-Istat Membru kkonċernat, fil-kwalità tiegħu ta’ awtur tar-regola allegatament diskriminatorja, li għandu juri li din ir-regola tkun iġġustifikata minn fatturi oġġettivi u li ma humiex relatati ma’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, TGSS (Qgħad tal-impjegati domestiċi) (C‑389/20, EU:C:2022:120, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

F’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda riferiment għall-għan li għandu jintlaħaq mill-prassi inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-Gvern Spanjol ma ppreżentax osservazzjonijiet f’dan ir-rigward.

61

Konsegwentement, b’mod definittiv hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix ukoll diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, fis-sens tal-Artikolu 2(1) (b) tad-Direttiva 2006/54.

62

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 3, 5 u 6 tad-Direttiva 2003/88, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali kif ukoll l-interpretazzjoni tagħha mill-qrati nazzjonali jew prassi amministrattiva li tkun ibbażata fuq tali leġiżlazzjoni, li skont dawn il-persuni li jimpjegaw ħaddiema domestiċi jkunu eżentati mill-obbligu li jistabbilixxu sistema li tippermetti li jitcoukejjel it-tul tal-ħin tax-xogħol maħdum mill-impjegati domestiċi, li għalhekk dawn tal-aħħar jiġu miċħuda mill-possibbiltà li jiġi ddeterminat b’mod oġġettiv u affidabbli n-numru ta’ sigħat ta’ xogħol maħduma u t-tqassim tagħhom biż-żmien.

Fuq l‑ispejjeż

63

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (Is‑Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 3, 5 u 6 tad-Direttiva 2003/88/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali kif ukoll l-interpretazzjoni tagħha mill-qrati nazzjonali jew prassi amministrattiva li tkun ibbażata fuq tali leġiżlazzjoni, li skont dawn il-persuni li jimpjegaw ħaddiema domestiċi jkunu eżentati mill-obbligu li jistabbilixxu sistema li tippermetti li jitkejjel it-tul tal-ħin tax-xogħol maħdum mill-impjegati domestiċi, li għalhekk dawn tal-aħħar jiġu miċħuda mill-possibbiltà li jiġi ddeterminat b’mod oġġettiv u affidabbli n-numru ta’ sigħat ta’ xogħol maħduma u t-tqassim tagħhom biż-żmien.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

( 1 ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.