SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
19 ta’ Ġunju 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu – Direttiva (UE) 2015/849 – Punt (11)(a) tal-Artikolu 3 – Persuna assoċjata mill-qrib ma’ persuna politikament esposta – Definizzjoni – Artikolu 45(1) u (8) – Entitajiet marbutin b’obbligu li jiffurmaw parti minn grupp – Kondiviżjoni ta’ informazzjoni fi ħdan dan il-grupp – Applikazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda minn entità marbuta b’obbligu oħra li tagħmel parti minn l-imsemmi grupp – Artikolu 14(1) u (8) – Kontroll kontinwu fir-rigward tal-klijenti impost fuq l-entitajiet marbutin b’obbligu – Artikolu 11(d) – Miżuri ta’ diliġenza msaħħa fir-rigward tal-klijenti tal-fornituri ta’ servizzi tal-logħob tal-flus u tal-azzard”
Fil-Kawża C‑509/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Awwissu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Awwissu 2023, fil-proċedura
“Laimz” SIA
vs
Izložu un azartspēļu uzraudzības inspekcija,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn T. von Danwitz, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, A. Kumin (Relatur) u I. Ziemele, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal “Laimz” SIA, minn E. Jonins, zvērināta advokāta palīgs, |
|
– |
għall-Gvern Latvjan, minn J. Davidoviča, K. Pommere u I. Romanovska, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Finlandiż, minn A. Laine u M. Pere, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Goddin, I. Naglis u G. von Rintelen, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1), tal-punti 9, 11(a), 12 u 15 tal-Artikolu 3, tal-Artikolu 8(2), tal-Artikolu 11(d), tal-Artikolu 14(5) u tal-Artikolu 45(1) u (8) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU 2015, L 141, p. 73, rettifika fil-ĠU 2024, L 2024/90601), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 (ĠU 2018, L 156, p. 43) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2015/849”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “Laimz” SIA, fornitur ta’ servizzi ta’ logħob tal-flus u tal-ażżard, u l-Izložu un azartspēļu uzraudzības inspekcija (l-Ispettorat ta’ Sorveljanza tal-Logħob tal-Flus u tal-Ażżard, il-Latvja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju ta’ Spezzjoni”) dwar sanzjoni finanzjarja imposta fuq din il-kumpannija għal xi ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal‑Unjoni
|
3 |
Skont il-premessi 1, 4, 21, 22, 30 sa 33 u 35 tad-Direttiva 2015/849:
[…]
[…]
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej: “Din id-Direttiva timmira għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.” |
|
5 |
L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Din id-Direttiva għandha tapplika għall-entitajiet marbutin b’obbligu li ġejjin: […]
[…] (f) fornituri ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard; […]” |
|
6 |
L-Artikolu 3 tal-istess direttiva jistabbilixxi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]
[…]”. |
|
7 |
L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2015/849 jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b’obbligu jieħdu l-passi xierqa biex jidentifikaw u jivvalutaw ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu tagħhom filwaqt li jieħdu kont ta’ fatturi ta’ riskju, inklużi dawk relattivi għall-klijenti, pajjiżi jew żoni ġeografiċi, prodotti, ervizzi, transazzjonijiet jew kanali ta’ distribuzzjoni tagħhom. Dawk il-passi għandhom ikunu proporzjonati għan-natura u d-daqs tal-entitajiet marbutin b’obbligu. 2. Il-valutazzjonijiet tar-riskju imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ddokumentati, jinżammu aġġornati u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u l-korpi awtoregolatorji rilevanti kkonċernati. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li l-valutazzjonijiet tar-riskju individwali ddokumentati mhumiex meħtieġa, fejn ir-riskji speċifiċi inerenti fis-settur ikunu ċari u jinftiehmu. 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom stabbiliti politiki, kontrolli u proċeduri biex jimmitigaw u jiġġestixxu b’mod effettiv ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu identifikati fil-livell tal-Unjoni, il-livell tal-Istati Membri, u l-livell tal-entitajiet marbutin b’obbligu. Dawk il-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri għandhom ikunu proporzjonati għan-natura u d-daqs ta’ dawk l-entitajiet marbutin b’obbligu. 4. Il-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jinkludu:
5. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b’obbligu jiksbu approvazzjoni mill-maniġment superjuri tagħhom għall-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri li huma jistabbilixxu u li jimmonitorjaw u jsaħħu l-miżuri meħuda, fejn xieraq.” |
|
8 |
Skont l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet japplikaw miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:
[…]
[…]
|
|
9 |
L-Artikolu 13(1), (2) u (4) tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “1. Il-miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti għandhom jinkludu:
[…] 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b’obbligu japplikaw kull rekwiżit ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti stabbilit fil-paragrafu 1. Madankollu, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jiddeterminaw il-firxa ta’ miżuri bħal dawn fuq bażi ta’ sensittività għar-riskji. […] 4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet marbutin b’obbligu jistgħu juru lill-awtoritajiet kompetenti jew lill-korpi awtoregolatorji li l-miżuri huma xierqa fir-rigward tar-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li ġew identifikati.” |
|
10 |
L-Artikolu 14(5) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b’obbligu japplikaw il-miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti mhux biss għall-klijenti l-ġodda kollha iżda anki fi żminijiet xierqa għall-klijenti eżistenti fuq bażi ta’ sensittività għar-riskju, meta jinbidlu ċ-ċirkostanzi rilevanti ta’ klijent partikolari, jew meta l-entità marbuta b’obbligu jkollha kwalunkwe dmir legali fil-kors tas-sena kalendarja rilevanti li tikkuntattja lill-klijent bl-iskop tar-reviżjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar is-sid(ien) benefiċjarji, jew jekk l-entità marbuta b’obbligu kellha dan id-dmir skont id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE [tal‑15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE (ĠU 2011, L 64, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 274, p. 58)].” |
|
11 |
L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2015/849 jipprovdi: “Fir-rigward tat-transazzjonijiet jew ir-relazzjonijiet ta’ negozju ma’ [PPE], minbarra l-miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti stabbiliti fl-Artikolu 13, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b’obbligu:
|
|
12 |
L-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-miżuri msemmija fl-Artikoli 20 u 21 tagħha japplikaw ukoll għall-membri tal-familja tal-PPE jew għall-“persuni magħrufa bħala assoċjati mill-qrib ma’ [PPE]”. |
|
13 |
L-Artikolu 45(1) u (8) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi: “1. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b’obbligu li huma parti minn grupp jimplimentaw politiki u proċeduri għall-grupp kollu, inklużi l-politiki dwar il-protezzjoni tad-data u politiki u proċeduri għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni fi ħdan il-grupp għall-finijiet tal-AML/CFT. Dawk il-politiki u l-proċeduri għandhom jiġu implimentati b’mod effettiv fil-livell tal-fergħat u s-sussidjarji li jkollhom il-maġġoranza tal-ishma fl-Istati Membri u pajjiżi terzi. […] 8. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tkun permessa l-kondiviżjoni tal-informazzjoni fil-grupp. Informazzjoni dwar suspetti li l-fondi jkunu r-rikavat ta’ attività kriminali jew li jkunu relatati mal-finanzjament tat-terroriżmu, li tiġi rrappurtata lill-[Unità ta’ Informazzjoni Finanzjarja (UIF)] għandha tiġi kondiviża fil-grupp, dment li ma jkunx hemm struzzjonijiet oħra mill-UIF.” |
Id-dritt Latvjan
|
14 |
In-Noziedzīgi iegūtu līdzekļu legalizācijas un terorisma un proliferācijas finansēšanas novēršanas likums (il-Liġi dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u tal-Finanzjament tat-Terroriżmu u tal-Proliferazzjoni), tas‑17 ta’ Lulju 2008 (Latvijas Vēstnesis, 2008, Nru 116), (iktar ’il quddiem dwar il-Prevenzjoni”) ġiet emendata sabiex tittrasponi d-Direttiva 2015/849. |
|
15 |
L-Artikolu 1 ta’ din il-liġi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din il-liġi, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]
[…]
[…]
|
|
16 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija liġi, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi”, jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 21 tiegħu: “1. L-entitajiet suġġetti għal din il-liġi huma l-persuni li jeżerċitaw attività kummerċjali jew professjonali: […] 7) organizzaturi tal-lotteriji u tal-logħob tal-azzard; […] 2. L-entitajiet marbutin b’obbligu li jiffurmaw parti minn grupp jimplimentaw politiki u proċeduri għall-grupp kollu, b’mod partikolari politiki ta’ ipproċessar tad-data personali ta’ persuni fiżiċi kif ukoll ta’ politiki u ta’ proċeduri dwar l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni fi ħdan il-grupp għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu u tal-proliferazzjoni. Dawn il-politiki u l-proċeduri għall-grupp kollu huma implimentati wkoll b’mod effettiv fil-livell tal-fergħat u tas-sussidjarji li l-maġġoranza tal-ishma tagħhom jkunu propjetà tal-entitajiet marbutin b’obbligu, stabbiliti fl-Istati Membri u f’pajjiżi terzi.
|
|
17 |
L-Artikolu 10 tal-istess liġi, intitolat “Nomina tal-impjegati inkarigati mill-osservanza tar-rekwiżiti ta’ din il-liġi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-entitajiet marbutin b’obbligu, persuni ġuridiċi, għandhom jaħtru impjegat wieħed jew iktar (persuni responsabbli għall-osservanza tar-rekwiżiti fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u tal-proliferazzjoni), b’mod partikolari fost il-membri superjuri tal-maniġment, li huma awtorizzati jieħdu deċiżjonijiet u li huma direttament responsabbli għall-osservanza tar-rekwiżiti ta’ din il-liġi u għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni mal-awtorità ta’ sorveljanza u ta’ kontroll kompetenti […]” |
|
18 |
L-Artikolu 11 tal-Liġi dwar il-Prevenzjoni, intitolat “Obbligu ta’ viġilanza fir-rigward tal-klijenti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-entità marbuta b’obbligu tieħu miżuri ta’ viġilanza fir-rigward tal-klijent:
[…]
[…]” |
|
19 |
L-Artikolu 111 ta’ din il-liġi, intitolat “Il-miżuri ta’ viġilanza fir-rigward tal-klijenti u l-fatturi ta’ riskju”, jipprovdi, fil-paragrafi 1, 2, 6 u 7 tiegħu: “1. Il-miżuri ta’ viġilanza dovuti fir-rigward tal-klijenti jikkostitwixxu sett ta’ azzjonijiet ibbażati fuq il-valutazzjoni tar-riskju, fejn l-entità marbuta b’obbligu:
[…]
2. Meta tiddetermina l-portata u l-proċedura ta’ viġilanza dovuti fir-rigward tal-klijenti, kif ukoll ir-regolarità tal-eżami tad-dokumenti, tad-data personali u tal-informazzjoni miksuba fil-kuntest tal-viġilanza dovuta fir-rigward tal-klijenti, l-entità marbuta b’obbligu għandha tqis ir-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu u tal-proliferazzjoni relatati mal-klijent, il-pajjiż ta’ residenza (istituzzjoni) tiegħu, l-attività ekonomika jew personali tal-klijent, is-servizzi u l-prodotti użati u l-ktajjen ta’ provvista tagħhom kif ukoll it-tranżazzjonijiet imwettqa. […] 6. Meta tidħol f’relazzjoni ta’ negozju, l-entità marbuta b’obbligu għandha, abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u tal-proliferazzjoni, tikseb u tiddokumenta informazzjoni dwar l-iskop u n-natura maħsuba tar-relazzjoni ta’ negozju, inklużi s-servizzi li l-klijent biħsiebu juża, l-għadd u l-volum tat-tranżazzjonijiet previsti, it-tip ta’ attività ekonomika jew personali tal-klijent li fiha l-klijent se juża s-servizzi u, fejn applikabbli, is-sors tal-fondi tal-klijent u s-sors tal-assi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni finanzjarja tal-klijent. 7. L-entità marbuta b’obbligu tapplika miżuri ta’ viġilanza fir-rigward tal-klijenti mhux biss meta tistabbilixxi relazzjoni ta’ negozju, iżda wkoll matulha (inkluż għall-klijenti eżistenti), skont approċċ ibbażat fuq ir-riskju […]” |
|
20 |
L-Artikolu 25 tal-imsemmija liġi, intitolat “Ir-relazzjonijiet tan-negozju ma’ [PPE], membru tal-familja ta’ [PPE] jew persuna assoċjata mill-qrib ma’ [PPE]”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “Is-sistema ta’ kontroll intern tal-entità marbuta b’obbligu, ibbażata fuq valutazzjoni tar-riskju, toffri l-possibbiltà li jiġi stabbilit li klijent li ma jkunx [PPE] jew membru tal-familja ta’ [PPE] jew persuna assoċjata mill-qrib ma’ [PPE] meta tiġi stabbilita relazzjoni ta’ negozju jsir tali persuna wara l-istabbiliment tar-relazzjoni ta’ negozju.” |
|
21 |
L-Artikolu 29 tal-istess liġi, intitolat “Rikonoxximent u aċċettazzjoni tar-riżultati ta’ investigazzjoni dwar il-klijenti”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji jistgħu jirrikonoxxu u jaċċettaw ir-riżultati ta’ investigazzjoni tal-klijenti fir-rigward tal-osservanza tal-miżuri stabbiliti fil-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 111(1) ta’ din il-liġi, li titwettaq minn istituzzjonijiet ta’ kreditu u minn istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri jew ta’ pajjiżi terzi, sakemm jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin: […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
22 |
Laimz hija kumpannija stabbilita fil-Latvja u li l-attività kummerċjali tagħha tikkonsisti fl-organizzazzjoni tal-logħob tal-flus u tal-azzard. Il-kapital azzjonarju ta’ din il-kumpannija huwa miżmum 100 % minn “Optibet” SIA, ukoll kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita fil-Latvja, li l-attività kummerċjali tagħha tikkonsisti wkoll fl-organizzazzjoni tal-logħob tal-flus u tal-azzard. Dawn iż-żewġ kumpanniji jagħmlu parti mill-grupp Enlabs AB, stabbilit fl-Isvezja. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Laimz għandha l-kwalità ta’ entità marbuta b’obbligu, fis-sens tal-Liġi dwar il-Prevenzjoni, intiża li ttrasponi d-Direttiva 2015/849. |
|
23 |
Fit‑2 ta’ Marzu 2020, Optibet, li kienet ikkonkludiet kuntratt ma’ kumpannija sabiex din tipprovdilha data ppubblikata u aċċessibbli għall-pubbliku dwar l-evalwazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Liġi dwar il-Prevenzjoni, ikkonkludiet ftehim ma’ Laimz li permezz tiegħu hija impenjat ruħha li tikkomunikalha din id-data, sabiex tiżgura l-użu l-iktar effettiv tar-riżorsi u l-osservanza uniformi tar-rekwiżiti ta’ din il-liġi fi ħdan il-kumpanniji ta’ dan l-istess grupp. |
|
24 |
Fit‑23 ta’ Awwissu 2021, Laimz bdiet tipprovdi servizzi ta’ logħob tal-azzard interattiv lil klijent li, qabel, kien klijent ta’ Optibet (iktar ’il quddiem il-“klijent inkwistjoni fil-kawża prinċipali”). |
|
25 |
Fl‑31 ta’ Jannar 2022, Laimz ħadet miżuri ta’ viġilanza msaħħa fir-rigward ta’ dan il-klijent billi talbitu informazzjoni addizzjonali, billi bbażat ruħha fuq id-drawwiet tal-logħob tiegħu u fuq l-ammonti tal-imħatri tiegħu kif ukoll fuq id-data kkomunikata minn Optibet li tikkonċernah meta kien il-klijent tagħha. F’dan il-kuntest, Laimz applikat ukoll deċiżjoni tas‑27 ta’ Marzu 2020 meħuda minn membru superjuri tal-maniġment ta’ Optibet, dwar iż-żamma tar-relazzjonijiet mal-klijent. |
|
26 |
Matul ix-xhur ta’ Frar u ta’ Marzu 2022, l-Uffiċċju ta’ Spezzjoni wettaq kontroll għand Laimz. Fir-rapport stabbilit wara dan il-kontroll, din l-istituzzjoni rrilevat li, fl‑2020, fl‑2021, u fl‑2022, Laimz ma kienet identifikat ebda relazzjoni ta’ negozju ma’ persuni assoċjati mill-qrib ma’ PPE u li, fir-rigward tal-klijent inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija ma kinitx wettqet investigazzjoni fil-konfront tiegħu wara li l-limitu ta’ EUR 2000 kien intlaħaq fis‑26 ta’ Awwissu 2021, sabiex titolbu informazzjoni dwar is-sorsi tad-dħul tiegħu, l-ammont tagħhom u l-baġit tal-logħob previst, u lanqas sabiex tiddetermina l-istatus tiegħu bħala persuna assoċjata mill-qrib ma’ PPE u sabiex tivverifika l-informazzjoni fid-databases aċċessibbli għall-pubbliku sabiex tidentifika fatturi ta’ riskju addizzjonali. |
|
27 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Ġunju 2022, l-Uffiċċju ta’ Spezzjoni impona fuq Laimz multa ta’ EUR 52 263.90, li tikkorrispondi għal 5 % tad-dħul mill-bejgħ nett magħmul matul is-sena 2020, minħabba li din il-kumpannija ma kinitx implimentat korrettament is-sistema ta’ kontroll intern tal-klijentela u lanqas ma wettqet investigazzjoni fuq il-klijenti. Hija kkunsidrat li l-imsemmija kumpannija kellha twettaq b’mod awtonomu u indipendenti l-evalwazzjoni tal-klijent inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u mhux tibbaża ruħha fuq evalwazzjoni stabbilita minn kumpannija oħra, f’dan il-każ Optibet. L-Uffiċċju ta’ Spezzjoni fakkar ukoll il-fatt li dan il-klijent kien ikkunsidrat bħala assoċjat mill-qrib ma’ PPE, peress li huwa kien jeżerċita, flimkien ma’ dan il-PPE, il-funzjonijiet ta’ membru tal-korp eżekuttiv ta’ assoċjazzjoni. |
|
28 |
Fit‑18 ta’ Lulju 2022, Laimz ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja), li hija l-qorti tar-rinviju. Insostenn ta’ dan ir-rikors, Laimz sostniet li hija kellha d-dritt tuża l-informazzjoni rċevuta minn Optibet skont il-ftehim tat‑2 ta’ Marzu 2020, imsemmi fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, kif ukoll id-deċiżjonijiet meħuda mill-maniġment ta’ din l-aħħar kumpannija, u li tapplikaha għar-relazzjoni ta’ negozju tagħha mal-klijent inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
29 |
Barra minn hekk, Laimz ikkritikat lill-Uffiċċju ta’ Spezzjoni li llimita ruħu, sabiex jikkonkludi li dan l-klijent kien assoċjat mill-qrib ma’ PPE, li jibbaża ruħu fuq is-sħubija komuni tagħhom fl-istess assoċjazzjoni, mingħajr ma wettaq evalwazzjoni individwali u ddettaljata. |
|
30 |
Bħala difiża, l-Uffiċċju ta’ Spezzjoni osserva li l-Liġi dwar il-Prevenzjoni ma tipprevedix l-kondiviżjoni tad-data tal-klijenti ma’ kumpannija oħra, li teżenta lir-riċevitur tal-informazzjoni kkonċernata mill-eżekuzzjoni tal-obbligi legali tiegħu. Barra minn hekk, huwa enfasizza li, meta l-klijent inkwistjoni fil-kawża prinċipali stabbilixxa relazzjoni ta’ negozju ma’ Laimz, huwa temm ir-relazzjoni ta’ negozju tiegħu ma’ Optibet, b’tali mod li l-ewwel waħda ma setgħetx tuża iktar l-informazzjoni miksuba mit-tieni waħda. |
|
31 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata tal-kunċett ta’ “persuni magħrufa bħala assoċjati mill-qrib” ma’ PPE, li jinsab fil-punt 11 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849, fil-każ tas-sħubija komuni ta’ persuna u ta’ PPE fil-korp eżekuttiv tal-istess assoċjazzjoni. Barra minn hekk, hija tqis li huma neċessarji kjarifiki fir-rigward tal-possibbiltà, għal kumpanniji li jappartjenu għall-istess grupp, li jikkondividu informazzjoni sabiex jeżerċitaw l-obbligi ta’ viġilanza tagħhom, kif ukoll dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 45(1) u (8) tad-Direttiva 2015/849, moqri flimkien mal-punti 12 u 15 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, jippermettix l-użu ta’ informazzjoni provenjenti minn kumpannija oħra ta’ dan il-grupp u l-applikazzjoni għal diversi kumpanniji tal-istess grupp ta’ deċiżjonijiet meħuda minn membru superjuri tal-maniġment ta’ din il-kumpannija l-oħra. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-obbligu, tal-entità marbuta b’obbligu, li tapplika l-miżuri ta’ viġilanza fir-rigward tal-klijenti eżistenti fil-każ fejn ebda bidla tal-elementi rilevanti tas-sitwazzjoni tagħhom ma tkun tista’ tiġi identifikata, b’differenza mis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Rodl & Partner (C‑562/20, EU:C:2022:883). |
|
32 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
33 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-punt 11(a) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849 għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika tista’ titqies li hija persuna assoċjata mill-qrib ma’ PPE għas-sempliċi raġuni li dawn iż-żewġ persuni huma membri tal-istess assoċjazzjoni. |
|
34 |
L-ewwel nett, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2015/849 għandha bħala għan prinċipali, hekk kif jirriżulta mit-titolu tagħha u mill-Artikolu 1(1) u (2) tagħha, il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2024, MISTRAL TRANS, C‑3/24, EU:C:2024:999, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
B’mod iktar speċifiku, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2015/849, li huma ta’ natura preventiva, huma intiżi li jistabbilixxu, skont approċċ ibbażat fuq ir-riskju, għadd ta’ miżuri preventivi u dissważivi għall-ġlieda effettiva kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, sabiex jiġi evitat, kif jirriżulta mill-premessa 1 ta’ din id-direttiva, li l-flussi ta’ flus illegali jkunu jistgħu jippreġudikaw l-integrità, l-istabbiltà u r-reputazzjoni tas-settur finanzjarju tal-Unjoni, u jheddu s-suq intern tagħha u kif ukoll l-iżvilupp internazzjonali (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2024, MISTRAL TRANS, C‑3/24, EU:C:2024:999, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Kif jirriżulta mill-Artikoli 6 sa 8 tad-Direttiva 2015/849, l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju jippreżumi evalwazzjoni ta’ dan ir-riskju li, fil-kuntest tas-sistema stabbilita minn din id-direttiva, issir fuq tliet livelli, jiġifieri, qabelxejn, fil-livell tal-Unjoni, mill-Kummissjoni, sussegwentement, fil-livell ta’ kull Stat Membru u, fl-aħħar nett, fil-livell tal-entitajiet marbuta b’obbligu. Kif jirriżulta mill-premessa 30 ta’ din id-direttiva, din l-evalwazzjoni tar-riskji tikkundizzjona, b’mod partikolari, l-adozzjoni, minn dawn l-entitajiet, ta’ miżuri ta’ viġilanza xierqa fir-rigward tal-klijent ikkonċernat. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ tali evalwazzjoni, ma jkunx possibbli la għall-Istat Membru kkonċernat u lanqas, jekk ikun il-każ, għall-imsemmija entitajiet li jiddeċiedu każ b’każ liema miżuri għandhom japplikaw (sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Rodl & Partner, C‑562/20, EU:C:2022:883, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2015/849 jistabbilixxi, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet jew tar-relazzjonijiet ta’ negozju mal-PPE, l-obbligi li l-entitajiet marbuta b’obbligu huma obbligati jikkonformaw ruħhom magħhom, flimkien mal-miżuri ta’ viġilanza fir-rigward tal-klijenti, previsti fl-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, li huma għandhom japplikaw. B’mod iktar preċiż, din id-dispożizzjoni timponi fuq l-entitajiet marbuta b’obbligu l-obbligu li jidentifikaw il-klijent u li jivverifikaw l-identità tiegħu, li jidentifikaw is-sid benefiċjarju, li jevalwaw ir-relazzjoni ta’ negozju prevista u li jiksbu informazzjoni dwar l-għan u n-natura tiegħu, kif ukoll li jeżerċitaw kontroll kontinwu ta’ din ir-relazzjoni ta’ negozju. Fir-rigward ta’ dan l-Artikolu 20, dan jobbliga lill-Istati Membri jeżiġu mill-entitajiet marbuta b’obbligu, b’mod partikolari, li jkollhom sistemi adegwati ta’ ġestjoni tar-riskji, inklużi proċeduri bbażati fuq ir-riskju, sabiex jiddeterminaw jekk il-klijent jew is-sid benefiċjarju tal-klijent jistax jiġi kklassifikat bħala PPE. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-premessi 31 u 32 tal-imsemmija direttiva jippreċiżaw li ċerti sitwazzjonijiet jinvolvu riskju ogħla ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu, b’mod partikolari meta jkun hemm relazzjonijiet ma’ persuni li jeżerċitaw jew li jkunu eżerċitaw funzjonijiet pubbliċi importanti. |
|
38 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2015/849, l-entitajiet marbuta b’obbligu għandhom jestendu dawn is-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskji għall-identifikazzjoni tal-membri tal-familja tal-PPE u tal-persuni magħrufa li huma “assoċjati mill-qrib” magħhom. |
|
39 |
F’dan ir-rigward, il-punt (11)(a) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849 jiddefinixxi l-“persuni magħrufa bħala assoċjati mill-qrib” bħala li huma “persuni fiżiċi li huma magħrufa li għandhom sjieda benefiċjarja konġunta ta’ entitajiet ġuridiċi jew arranġamenti legali […] ma’ [PPE]”, jew sabiex iżommu “kwalunkwe relazzjoni oħra ta’ negozju mill-qrib [ma’ tali persuna]”. |
|
40 |
Sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, skont it-tifsira normali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet mfittxija mill-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2025, Österreichische Datenschutzbehörde (Talbiet eċċessivi), C‑416/23, EU:C:2025:3, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tal-punt (11)(a) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod iktar partikolari dwar it-termini “relazzjoni […] ta’ negozju mill-qrib”, fid-dawl tal-parteċipazzjoni ta’ klijent u ta’ PPE fil-korp eżekuttiv tal-istess assoċjazzjoni. |
|
42 |
F’dan ir-rigward, jista’ jiġi rrilevat li l-punt (13) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849 jiddefinixxi t-termini “relazzjoni ta’ negozju”, meta japplikaw għal entità marbuta b’obbligu, bħala relazzjoni ta’ negozju, professjonali jew kummerċjali, marbuta mal-attivitajiet professjonali ta’ entità marbuta b’obbligu u meqjusa, fil-mument meta jiġi stabbilit il-kuntatt, li taqa’ f’ċertu tul ta’ żmien. Barra minn hekk, għalkemm din id-direttiva ma tiddefinixxix kif għandha tiġi evalwata n-natura stretta ta’ tali relazzjoni, tali preċiżazzjoni tindika li s-sempliċi konstatazzjoni ta’ relazzjoni ta’ negozju ma hijiex biżżejjed u li għandu jiġi kkonstatat li din għandha wkoll importanza partikolari. |
|
43 |
Issa, meta persuna u PPE jifformaw parti mill-korp eżekuttiv tal-istess assoċjazzjoni, huma jkollhom a priori relazzjoni f’kuntest professjonali, b’tali mod li ma jistax jiġi eskluż li dawn il-funzjonijiet ikunu ta’ natura li jikkostitwixxu “relazzjoni […] ta’ negozju mill-qrib” bejn din il-persuna u dan il-PPE, fis-sens tal-Artikolu 3(11)(a) tad-Direttiva 2015/849 u lanqas li jippermettu li tiġi stabbilita relazzjoni oħra. Barra minn hekk, f’tali sitwazzjoni lanqas ma jista’ jiġi eskluż li din il-persuna tista’ titqies bħala li tkun is-sid benefiċjarju ta’ entità jew ta’ arranġament legali flimkien ma’ PPE, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, tali konstatazzjonijiet ma jistgħux jiddependu biss mill-appartenenza ta’ dawn iż-żewġ persuni għall-korp eżekuttiv tal-istess assoċjazzjoni, iżda għandha tkun ibbażata fuq analiżi taċ-ċirkustanzi preżenti. |
|
44 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, mill-formulazzjoni tal-punt (11)(a) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849 jista’ jiġi dedott li sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha persuna u l-PPE huma membri tal-korp eżekuttiv tal-istess assoċjazzjoni, ma teskludix, a priori, li din il-persuna titqies li hija tkun assoċjata mill-qrib ma’ dan il-PPE, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
45 |
Din l-analiżi testwali hija kkorroborata mill-kuntest li minnu tifforma parti l-imsemmija dispożizzjoni u mill-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2015/849. |
|
46 |
Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2015/849 jipprevedi b’mod partikolari li l-miżuri previsti fl-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva japplikaw għall-persuni magħrufa li huma assoċjati mill-qrib mal-PPE, iżda wkoll għall-membri tal-familja tal-PPE. Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried għalhekk jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2015/849 għall-ikbar numru ta’ persuni possibbli li jiffrekwentaw il-PPE. |
|
47 |
Madankollu, għandu jitfakkar ukoll li, skont il-premessa 1 tad-Direttiva 2015/849, huwa indispensabbli li wieħed jiffoka, minbarra li jitkompla l-iżvilupp tal-approċċ kriminali fil-livell tal-Unjoni, fuq il-prevenzjoni mmirata u proporzjonata tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, li tista’ tipproduċi riżultati komplementari. |
|
48 |
F’dan il-kuntest, skont l-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva, li jipprevedi li l-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri tal-entitajiet marbuta b’obbligu sabiex jimmitigaw u jiġġestixxu b’mod effettiv ir-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu għandhom ikunu proporzjonati man-natura u mad-daqs tal-entitajiet marbuta b’obbligu, il-proċeduri bbażati fuq il-fatturi ta’ riskju msemmija fl-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva għandhom ikunu proporzjonati man-natura u mad-daqs tal-entitajiet marbuta b’obbligu, li jagħti lil dawn tal-aħħar ċertu marġni ta’ evalwazzjoni sabiex ifasslu proċeduri adattati għar-riskji li jirriżultaw mill-attività tagħhom. Għalkemm approċċ ibbażat fuq ir-riskju jippermetti għalhekk ċerta flessibbiltà, dan madankollu ma jikkostitwixxix, kif tiddikjara l-premessa 22 tal-istess direttiva, għażla indebitament permissiva għall-Istati Membri u għall-entitajiet marbuta b’obbligu, u dan jippreżupponi l-użu ta’ deċiżjonijiet ibbażati fuq provi. |
|
49 |
Barra minn hekk, mill-premessa 33 tad-Direttiva 2015/849 jirriżulta li r-rekwiżiti tal-PPE huma ta’ natura preventiva u mhux kriminali u ma għandhomx jiġu interpretati bħala li jistigmatizzaw lill-PPE bħala li huma involuti f’attivitajiet kriminali. Skont din il-premessa, l-irrifjutar ta’ relazzjoni ta’ negozju ma’ persuna sempliċiment abbażi tad-determinazzjoni li huwa jew hija PPE tmur kontra l-kliem u l-ispirtu ta’ din id-direttiva kif ukoll tar-rakkomandazzjonijiet tal-GAFI. |
|
50 |
Konsegwentement, l-entitajiet marbuta b’obbligu, meta japplikaw approċċ ibbażat fuq ir-riskju, huma obbligati, sabiex jevalwaw l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ negozju mill-qrib bejn persuna u PPE, li jieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss in-natura tar-relazzjoni bejn il-klijent ikkonċernat u l-PPE, sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistix riskju li din ir-relazzjoni tintuża għal finijiet ta’ ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu u tal-proliferazzjoni, iżda wkoll l-għanijiet imfittxija, b’tali mod li evalwazzjoni individwali ta’ kull każ hija meħtieġa sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tad-Direttiva 2015/849. |
|
51 |
L-interpretazzjoni kuntrarja jkollha l-konsegwenza li l-obbligi addizzjonali previsti mid-Direttiva 2015/849 ikollhom japplikaw għal numru kbir ħafna ta’ sitwazzjonijiet li fihom in-natura proporzjonali tagħhom fid-dawl tal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva, jiġifieri l-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, kif previst fl-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva, titqiegħed f’perikolu u, barra minn hekk, tqajjem problemi prattiċi fir-rigward tal-aċċess għad-data tas-suġġetti tad-data. |
|
52 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt (11)(a) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika ma tistax titqies li hija persuna assoċjata mill-qrib ma’ PPE għas-sempliċi raġuni li dawn iż-żewġ persuni huma membri tal-korp eżekuttiv tal-istess assoċjazzjoni, iżda din is-sitwazzjoni tikkostitwixxi madankollu ċirkustanza rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni. |
Fuq it-tieni domanda
|
53 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (9) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2015/849 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa biżżejjed, sabiex jiġi kkonstatat li persuna fiżika hija PPE, li jiġi stabbilit li din tokkupa waħda mill-funzjonijiet elenkati f’dan l-Artikolu 3(9)(a) sa (h), jew jekk għandux barra minn hekk jiġi vverifikat, abbażi ta’ evalwazzjoni fattwali, li l-funzjoni okkupata tikkorrispondi għal funzjoni superjuri, u mhux għal funzjoni intermedjarja jew inferjuri. |
|
54 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat repetutament li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkollhom bżonn għas-soluzzjoni tat-tilwim li huma jkunu mistennija jiddeċiedu u li l-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex marbuta mal-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda hija marbuta mal-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2024, Adusbef (Pont Morandi), C‑683/22, EU:C:2024:936, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
55 |
Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, d-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l-qorti tar-rinviju “[tagħti] s-sentenza” fil-kawża li tkun adita biha (sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2024, Adusbef (Pont Morandi), C‑683/22, EU:C:2024:936, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
56 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma tipprovdi ebda informazzjoni dwar in-natura eżatta tal-funzjonijiet eżerċitati, fil-ħajja professjonali tagħha, mill-persuna li hija preżunta li hija PPE fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, il-klijent inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kkunsidrat mill-Uffiċċju ta’ Spezzjoni bħala persuna assoċjata mill-qrib ma’ dan il-PPE, u mhux bħala huwa stess PPE. |
|
57 |
Fl-aħħar, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma jirriżulta li l-kwalità ta’ PPE tal-persuna li magħha dan il-klijent jista’ jkun assoċjat mill-qrib hija kkontestata mill-partijiet fil-kawża prinċipali. Il-kontestazzjoni mqajma minn Laimz tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “persuna assoċjata mill-qrib ma’ PPE”, kif mogħtija mill-Uffiċċju ta’ Spezzjoni, li hija s-suġġett tal-ewwel domanda. |
|
58 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 54 u 55 ta’ din is-sentenza, it-tieni domanda għandha tiġi ddikjarata bħala inammissibbli. |
Fuq it-tielet domanda
|
59 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45(1) u (8) tad-Direttiva 2015/849 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati jippermettu lill-entitajiet marbuta b’obbligu msemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, li jagħmlu parti mill-istess grupp, fis-sens tal-punt (15) tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, jikkondividu informazzjoni bejniethom, inkluż billi jikkonkludu ftehimiet ta’ skambju ta’ informazzjoni u billi jiżguraw iċ-ċirkulazzjoni reċiproka ta’ din l-informazzjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 2015/849. |
|
60 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 45(1) ta’ din id-direttiva jimponi fuq l-Istati Membri obbligu li jeżigu lill-entitajiet marbutin b’obbligu li jagħmlu parti minn grupp jimplimentaw politiki u proċeduri għall-grupp kollu, b’mod partikolari l-politiki dwar il-protezzjoni tad-data kif ukoll il-politiki u l-proċeduri dwar l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni fi ħdan il-grupp għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu. Skont din l-istess dispożizzjoni, dawn il-politiki u l-proċeduri għandhom jiġu implimentati b’mod effettiv fil-livell tal-fergħat u tas-sussidjarji li l-maġġoranza tal-ishma tagħhom jkunu propjetà tal-entitajiet marbutin b’obbligu, liema fergħat u sussidjarji jkunu stabbiliti fl-Istati Membri u f’pajjiżi terzi Għandu jingħad ukoll li din id-dispożizzjoni ssegwi għalhekk l-għan, stabbilit fil-premessa 35 tal-imsemmija direttiva, li tiġi evitata r-ripetizzjoni tal-proċeduri ta’ identifikazzjoni tal-klijenti. |
|
61 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 45(8) tal-istess direttiva jżid li l-Istati Membri “għandhom jiżguraw li tkun permessa l-kondiviżjoni tal-informazzjoni fil-grupp” u jippreċiża li l-informazzjoni dwar suspetti li l-fondi huma derivati minn attività kriminali jew li huma relatati mal-finanzjament tat-terroriżmu li ġew trażmessi lill-UIF għandha tiġi skambjata fi ħdan il-grupp, sakemm ma jingħatawx struzzjonijiet mod ieħor mill-UIF. |
|
62 |
F’dan il-każ, minn naħa, huwa paċifiku li Laimz u Optibet, sa fejn huma fornituri ta’ servizzi ta’ logħob tal-flus u tal-azzard, fis-sens tal-punt (3)(f) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2015/849, jikkostitwixxu entitajiet marbutin b’obbligu. Min-naħa l-oħra, Laimz u Optibet, li mingħandhom Laimz kisbet informazzjoni, jagħmlu parti minn grupp, fis-sens tal-punt (15) tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva. Konsegwentement, ir-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ kumpanniji, inkluża l-kooperazzjoni sabiex jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti imposti mill-imsemmija direttiva, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45(1) u (8) tagħha. |
|
63 |
Għalhekk, peress li l-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 45(1) u (8), ma hijiex ambigwa, minn dan jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati jippermettu lill-entitajiet marbutin b’obbligu li jagħmlu parti mill-istess grupp jikkondividu l-informazzjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2015/849. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma teżiġix li kondiviżjoni bħal din tkun is-suġġett tal-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni sabiex tiġi ggarantita l-komunikazzjoni reċiproka fi ħdan il-grupp u l-aċċessibbiltà għal din l-informazzjoni. |
|
64 |
Madankollu, kif tirrileva wkoll il-Kummissjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tfittxija tal-għanijiet tad-Direttiva 2015/849 teżiġi, bħala prinċipju, approċċ individwalizzat għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Għalhekk, meta jirriżulta li l-informazzjoni skambjata fi ħdan il-grupp ma hijiex suffiċjenti sabiex tippermetti lill-entità marbuta b’obbligu teżerċita viġilanza fir-rigward tal-klijent tagħha, b’mod partikolari għaliex is-servizzi u l-prodotti individwali li hija tipproponi huma differenti minn dawk proposti minn entità oħra ta’ dan l-istess grupp, l-entità marbuta b’obbligu kkonċernata għandha twettaq eżami individwali. Minkejja li s-servizzi u l-prodotti kkonċernati huma identiċi u l-informazzjoni suffiċjenti, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 45(1) u (8) ta’ din id-direttiva ma jirregolax il-miżuri li l-entitajiet marbuta b’obbligu għandhom jieħdu abbażi tal-informazzjoni trażmessa fi ħdan il-grupp u għalhekk ma jeżentax lil dawn l-entitajiet mill-osservanza tal-obbligi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu previsti mill-imsemmija direttiva. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-Artikolu 13(2) u (4) tad-Direttiva 2015/849, li jippreċiża li l-imsemmija entitajiet għandhom jiddeterminaw il-portata tal-miżuri ta’ viġilanza li huma japplikaw fir-rigward tal-klijenti tagħhom skont l-evalwazzjoni tagħhom tar-riskji. |
|
65 |
Għalhekk, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2015/849 ma jistax jiġi interpretat bħala li jippermetti l-użu awtomatiku, minn entità marbuta b’obbligu, tal-informazzjoni dwar il-viġilanza fir-rigward tal-klijenti, mingħajr ma tkun wettqet hija stess l-evalwazzjoni tagħha tar-riskji u tal-miżuri ta’ viġilanza li għandhom jiġu adottati. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-obbligi ta’ viġilanza li għandha entità marbuta b’obbligu skont din id-direttiva, huwa importanti li, meta din tirċievi informazzjoni li tista’ tiġġustifika prima facie l-istabbiliment ta’ miżuri ta’ viġilanza, hija għandha twettaq il-verifiki meħtieġa mill-iktar fis possibbli. |
|
66 |
Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 45(1) u (8) tad-Direttiva 2015/849 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati jippermettu lill-entitajiet marbutin b’obbligu msemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, li jagħmlu parti mill-istess grupp, fis-sens tal-punt (15) tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, jikkondividu informazzjoni bejniethom. Madankollu, tali skambju ta’ informazzjoni ma jeżentax lill-entità marbuta b’obbligu kkonċernata mir-responsabbiltà tagħha li teżerċita d-dmir tagħha ta’ viġilanza fir-rigward tal-klijenti. |
Fuq ir-raba’ domanda
|
67 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45(1) u (8) tad-Direttiva 2015/849, moqri flimkien mal-punti (12) u (15) tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil impriża li tagħmel parti minn grupp tapplika awtomatikament deċiżjoni adottata minn persuna li tokkupa pożizzjoni fil-maniġment superjuri f’impriża oħra tal-istess grupp u dwar il-miżuri ta’ viġilanza fir-rigward ta’ wieħed mill-klijenti ta’ din l-aħħar impriża, mingħajr ma twettaq l-evalwazzjoni tagħha stess tar-riskji u tal-miżuri ta’ viġilanza li għandhom jiġu adottati. |
|
68 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 45(1) tal-imsemmija direttiva ma jippreċiżax in-natura tal-informazzjoni li tista’ tiġi skambjata u sussegwentement użata mill-entità marbuta b’obbligu destinatarja. Fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni kif ukoll tar-referenza għall-għanijiet fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, din tista’ tkun biss informazzjoni rilevanti sabiex jiġu osservati r-rekwiżiti imposti mill-istess direttiva fuq l-entitajiet marbutin b’obbligu. |
|
69 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-deċiżjoni inkwistjoni ġiet adottata, minn entità li tagħmel parti minn grupp, fil-kuntest tal-obbligu ta’ viġilanza tal-impriża, fir-rigward ta’ klijent partikolari. Għalhekk jidher li hija x’aktarx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 45(1). |
|
70 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk din id-deċiżjoni tistax tintuża minn impriża oħra ta’ dan il-grupp, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mir-risposta għat-tielet domanda, għalkemm il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-entitajiet marbutin b’obbligu ta’ grupp tiffaċilita l-osservanza tar-rekwiżiti imposti mid-Direttiva 2015/849 fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, l-Artikolu 45(1) u (8) ta’ din id-direttiva ma jeżentax lil kull entità marbuta b’obbligu mir-responsabbiltà individwali tagħha fir-rigward tal-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti. Issa, tali interpretazzjoni ma tistax tiġi eskluża meta l-informazzjoni trażmessa tikkostitwixxi deċiżjoni adottata minn persuna li tokkupa pożizzjoni fil-maniġment superjuri ta’ impriża oħra fi ħdan l-istess grupp fir-rigward ta’ wieħed mill-klijenti ta’ din l-impriża. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-Artikolu 8(5) tal-imsemmija direttiva, li jipprevedi li l-Istati Membri jeżiġu li l-entitajiet marbutin b’obbligu jiksbu l-awtorizzazzjoni ta’ membru tal-maniġment superjuri tagħhom stess għall-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri li huma jimplimentaw. |
|
71 |
Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 45(1) u (8) tad-Direttiva 2015/849, moqri flimkien mal-punti (12) u (15) tal-Artikolu 3 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jopponi sitwazzjoni fejn entità marbuta b’obbligu li tagħmel parti minn grupp li japplika b’mod awtomatiku deċiżjoni adottata minn persuna li tokkupa pożizzjoni fil-maniġment superjuri f’impriża oħra tal-istess grupp fil-kuntest tal-obbligu tagħha ta’ viġilanza u dwar il-miżuri ta’ viġilanza fir-rigward ta’ wieħed mill-klijenti ta’ din l-aħħar impriża, mingħajr ma twettaq l-evalwazzjoni tagħha stess tar-riskji u tal-miżuri ta’ viġilanza li għandhom jiġu adottati. |
Fuq il-ħames domanda
|
72 |
Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2015/849, moqri flimkien mal-Artikolu 8(2) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li entità marbuta b’obbligu ma għandhiex l-obbligu li tapplika miżuri ta’ viġilanza fir-rigward tal-klijenti eżistenti jekk la t-terminu previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u lanqas it-terminu previst mill-proċeduri ta’ kontroll intern għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ġodda ta’ kontroll ma jkunux skadew u li l-entità marbuta b’obbligu inkwistjoni ma tkunx taf biċ-ċirkustanzi ġodda oħra li jistgħu jaffettwaw l-evalwazzjoni tar-riskji marbutin mal-klijent ikkonċernat. |
|
73 |
F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2015/849 li l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom, abbażi ta’ approċċ ibbażat fuq ir-riskji, japplikaw miżuri ta’ viġilanza mhux biss fir-rigward tal-klijenti l-ġodda tagħhom, iżda wkoll, meta l-mument jirriżulta xieraq, fir-rigward tal-klijenti eżistenti tagħhom. Din id-dispożizzjoni tippreċiża li wieħed minn dawn il-mumenti xierqa prevedibbli huwa dak fejn jinbidlu l-elementi rilevanti tas-sitwazzjoni tal-klijent ikkonċernat. Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni ma tillimitax dan l-obbligu li għandhom l-entitajiet marbutin b’obbligu biss għall-klijenti li lilhom ġie attribwit livell għoli ta’ riskju (sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Rodl & Partner, C‑562/20, EU:C:2022:883, punt 83). |
|
74 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2015/849, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom, b’mod partikolari, jaġġornaw l-evalwazzjonijiet tar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu li huma esposti għalihom (sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Rodl & Partner, C‑562/20, EU:C:2022:883, punt 84). |
|
75 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2015/849, moqri flimkien mal-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom l-obbligu li jadottaw, abbażi ta’ evalwazzjoni tar-riskji aġġornata, miżuri ta’ viġilanza, jekk ikun il-każ ta’ natura msaħħa, fir-rigward ta’ klijent eżistenti, meta dan jidher xieraq, b’mod partikolari fil-preżenza ta’ bidla tal-elementi rilevanti tas-sitwazzjoni ta’ dan il-klijent (sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, Rodl & Partner, C‑562/20, EU:C:2022:883, punt 91). |
|
76 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2015/849 jiggarantixxi t-twettiq tal-għan prinċipali tagħha, jiġifieri l-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu. Għalhekk, l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ viġilanza dovuta fir-rigward tal-klijenti eżistenti għandha l-għan li timmitiga r-riskji ġodda jew differenti relatati mal-klijent u mar-relazzjoni tan-negozju kkonċernata. Għaldaqstant, jekk l-entità marbuta b’obbligu ma tkunx taf b’bidla fl-elementi rilevanti tas-sitwazzjoni tal-klijent ikkonċernat u jekk it-termini għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ġodda ta’ viġilanza dovuti ma jkunux skadew, ma jkunx hemm obbligu jew raġunijiet sabiex jiġu applikati tali miżuri. Is-sitwazzjoni tkun differenti meta l-assenza ta’ identifikazzjoni ta’ tali bidliet tkun dovuta għal nuqqasijiet fil-kontroll kontinwu permanenti previst fl-Artikolu 13(1)(d) tad-Direttiva 2015/849, li għandha twettaq l-entità marbuta b’obbligu. |
|
77 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għal ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2015/849, moqri flimkien mal-Artikolu 8(2) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li entità marbuta b’obbligu ma hijiex obbligata tapplika miżuri ta’ viġilanza fir-rigward tal-klijenti eżistenti sakemm it-terminu previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u dak previst mill-proċeduri ta’ kontroll intern għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ kontroll ġodda ma jkunux skadew u li l-entità marbuta b’obbligu inkwistjoni ma tkunx taf b’ċirkustanzi oħra ġodda li jista’ jkollhom effett fuq l-evalwazzjoni tar-riskji marbuta ma’ klijent ikkonċernat, bil-kundizzjoni li l-assenza ta’ identifikazzjoni ta’ dawn iċ-ċirkustanzi ma tkunx dovuta għal nuqqasijiet fil-kontroll kontinwu permanenti previst fl-Artikolu 13(1)(d) tad-Direttiva 2015/849, li din l-entità għandha twettaq. |
Fuq is-sitt domanda
|
78 |
Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(d) tad-Direttiva 2015/849 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu impost fuq l-entitajiet marbutin b’obbligu, fornituri ta’ servizzi ta’ logħob tal-flus u tal-azzard, li jimplimentaw miżuri ta’ viġilanza fir-rigward tal-klijenti tagħhom meta, waqt il-ġbir ta’ rebħ, fil-mumenti li jsiru l-imħatri, jew fiż-żewġ każijiet, l-ammont tat-tranżazzjoni jkun ta’ EUR 2000 jew iktar, indipendentement mill-fatt li din it-tranżazzjoni tiġi eżegwita f’operazzjoni waħda jew f’diversi tranżazzjonijiet li jidhru li huma marbuta, għandux japplika kull darba li t-tranżazzjoni kkonċernata tilħaq l-ammont ta’ EUR 2000. |
|
79 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 11(a) tad-Direttiva 2015/849 jipprevedi li miżuri ta’ viġilanza fir-rigward tal-klijenti għandhom jiġu applikati meta tiġi stabbilita relazzjoni ta’ negozju, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li relazzjoni ta’ negozju, fis-sens ta’ din id-direttiva, għandha titqies li tkun, konformement mal-punt (13) tal-Artikolu 3 tagħha, “element ta’ durata [ta’ ċertu tul ta’ żmien]”. |
|
80 |
Fir-rigward tal-Artikolu 11(d) tad-Direttiva 2015/849, li jirrigwarda l-każ partikolari tal-fornituri ta’ servizzi tal-logħob tal-flus u tal-azzard, dan jimponi fuq dawn tal-aħħar, l-obbligu li huma japplikaw miżuri ta’ viġilanza fir-rigward tal-klijenti tagħhom, kemm waqt il-ġbir ta’ rebħ kif ukoll fil-mumenti li jsiru l-imħatri, jew fiż-żewġ każijiet, meta jikkonkludu tranżazzjoni ta’ valur totali ta’ EUR 2000 jew iktar, kemm jekk din it-tranżazzjoni ssir fi tranżazzjoni waħda jew f’diversi tranżazzjonijiet li bejniethom tkun tidher li teżisti xi tip ta’ rabta. |
|
81 |
Għalhekk, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tissuġġettax l-applikazzjoni ta’ dan l-obbligu għall-fatt li t-tranżazzjoni kkonċernata tkun seħħet f’perijodu partikolari meta mqabbla ma’ tranżazzjoni preċedenti li kienet tissodisfa wkoll dawn il-kundizzjonijiet. |
|
82 |
Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-premessa 21 tad-Direttiva 2015/849, li tippreċiża li l-użu tas-settur tal-logħob tal-flus u tal-azzard għall-ħasil tar-rikavat ta’ attivitajiet kriminali huwa ta’ tħassib u li, sabiex jitnaqqsu r-riskji marbuta ma’ dan is-settur, din id-direttiva għandha tipprevedi li tobbliga lill-fornituri ta’ servizzi ta’ logħob tal-flus u tal-azzard li jippreżentaw riskji ogħla japplikaw miżuri ta’ viġilanza fir-rigward tal-klijenti għal kull tranżazzjoni ta’ ammont ta’ EUR 2000 jew iktar. |
|
83 |
Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 11(d) tad-Direttiva 2015/849 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu impost fuq l-entitajiet marbutin b’obbligu, fornituri ta’ servizzi ta’ logħob tal-flus u tal-azzard, li timplimenta miżuri ta’ viġilanza fir-rigward tal-klijenti tagħhom meta, waqt il-ġbir ta’ rebħ, fil-mument li jsiru l-imħatri, jew fiż-żewġ każijiet, l-ammont tat-tranżazzjoni jkun ta’ EUR 2000 jew iktar, indipendentement mill-fatt li din it-tranżazzjoni tiġi eżegwita f’operazzjoni waħda jew f’diversi tranżazzjonijiet li jidhru li huma marbuta, għandu japplika kull darba li t-tranżazzjoni kkonċernata tilħaq l-ammont ta’ EUR 2000. |
|
84 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 11(d) tad-Direttiva 2015/849 għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-entitajiet marbutin b’obbligu l-obbligu li japplikaw miżuri ta’ viġilanza fir-rigward tal-klijenti tagħhom kull darba li, waqt il-ġbir ta’ rebħ, fil-mument li jsiru l-imħatri, jew fiż-żewġ każijiet, l-ammont tat-tranżazzjoni kkonċernata jkun ta’ EUR 2000 jew iktar, kemm jekk din it-tranżazzjoni ssir fi tranżazzjoni waħda jew f’diversi tranżazzjonijiet li bejniethom tkun tidher li teżisti xi tip ta’ rabta. |
Fuq l-ispejjeż
|
85 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.