SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla)

5 ta’ Diċembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Tnissil u rkupru tad-dejn doganali – Regolament (UE) Nru 952/2013 – Irkupru tad-dazji antidumping relatati ma’ importazzjonijiet provenjenti miċ-Ċina – Ġbir ta’ interessi moratorji skont ir-Regolament Nru 952/2013 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-impożizzjoni ta’penalità moratorja flimkien ma’ interessi moratorji”

Fil-Kawża C‑506/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Diċembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Awwissu 2023, fil-proċedura

Network One Distribution SRL

vs

Agenția Națională de Administrare Fiscală – Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice București,

Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală de Administrare a Marilor Contribuabili,

Autoritatea Vamală Română – Direcţia Regională Vamală Bucureşti,

Ministerul Finanţelor – Direcţia Generală de Soluţionare a Contestaţiilor,

IL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla),

komposta minn N. Jääskinen (Relatur), President tad-Disa’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat‑Tmien Awla, D. Gratsias u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, R. I. Haţieganu u A. Wellman, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Moro, M. Salyková u E. A. Stamate, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 114 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Network One Distribution SRL (iktar ’il quddiem “Network One”), kumpannija kummerċjali suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fir-Rumanija, u l-Agenția Națională de Administrare Fiscală – Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice București (l-Aġenzija Nazzjonali tal-Awtorità tat-Taxxa – id-Direttorat Ġenerali Reġjonali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Bukarest, ir-Rumanija), l-Agenția Națională de Administrare Fiscală – Direcția Generală de Administrare a Marilor Contribuabili (l-Aġenzija Nazzjonali tal-Awtorità tat-Taxxa – id-Direttorat Ġenerali tal-Amministrazzjoni tal-Kontribwenti Kbar, ir-Rumanija), l-Autoritatea Vamală Română – Direcția Regională Vamală București (l-Awtorità Doganali Rumena – id-Direttorat Reġjonali tad-Dwana ta’ Bukarest, ir-Rumanija) u l-Ministerul Finanțelor – Direcția Generală de Soluționare a Contestațiilor (il-Ministeru għall-Finanzi – id-Direttorat Ġenerali tal-Ipproċessar tal-Ilmenti, ir-Rumanija) dwar l-impożizzjoni fuq Network One, minħabba li hija ma ħallsitx dazju antidumping fit-terminu mogħti, tal-ħlas ta’ interessi moratorji kif ukoll tal-penalitajiet moratorji.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95

3

It-Titolu II tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat‑18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340), intitolat “Il-miżuri amministrattivi u l-penali”, jinkludi l-Artikolu 4 tiegħu, li jipprovdi:

“1.   Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b’mod skorrett:

permezz ta’ obbligu li min ikun iħallas jew iħallas lura l-ammonti dovuti jew aċċettati b’mod skorrett,

[…]

2.   L-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun limitata għall-irtirar tal-vantaġġ miksub kif ukoll, fejn ikun hemm hekk provdut, l-imgħax li jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ rata fissa.

[…]

4.   Il-miżuri kif hemm provdut f’dan l-Artikolu m’għandhomx jitqiesu bħala penali.”

4

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   L-irregolaritajiet intenzjonati jew dawk kawżati minn negliġenza jistgħu jwasslu għal dawn il-penali amministrattivi:

[…]

b)

il-ħlas ta’ ammont akbar mill-ammonti aċċettati bla jedd jew skansati, u l-imgħax fejn ikun xieraq; din is-somma addizzjonali għandha tiġi stabbilita skond persentaġġ li għandu jiġi stabbilit fir-regoli speċifiċi, u m’għandux jeċċedi l-livell strettament neċessarju biex jikkostitwixxi deterrent;

[…]

ġ)

penali oħra ta’ tip purament ekonomiku, ekwivalenti finnatura u l-qasam ta’ applikazzjoni, kif hemm provdut fir-regoli settorjali adottati mill-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] fid-dawl tal-ħtiġiet speċifiċi ta’ l-oqsma involuti u b’konformità mal-poteri ta’ l-implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [Ewropea] mill-Kunsill.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stipulati fir-regoli settorjali eżistenti fil-ħin tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, irregolaritajiet oħra jistgħu jagħtu lok biss għal dawk il-penali li m’humiex ekwivalenti għal penali kriminali li hemm provdut dwarhom fil-paragrafu 1, sakemm dawk il-penali jkunu essenzjali biex jiżguraw l-applikazzjoni tajba tar-regoli.”

Ir‑Regolament (UE) Nru 502/2013.

5

L‑Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013 tad‑29 ta’ Mejju 2013 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU 2013, L 153, p. 17), kien jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

“1.   Dazju tal-antidumping definittiv qiegħed b’dan jiġi impost fuq l-importazzjonijiet ta’ roti u ċikletti oħra (inklużi triċikli għall-ġarr tal-prodotti, iżda esklużi l-uniċkli), mhux motorizzati, li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 87120030 u ex87120070 (kodiċi TARIC 8712007091 u 8712007099), u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

[…]

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.”

Il‑Kodiċi Doganali

6

L-Artikolu 42 tal-Kodiċi Doganali, intitolat “L-applikazzjoni ta’ pieni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Kull Stat Membru għandu jaħseb għal pieni għal nuqqas ta’ konformità mal-leġislazzjoni doganali. Tali pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Fejn jkunu applikati pieni amministrattivi, huma jistgħu, inter alia, jieħdu waħda mill-forom li ġejjin, jew it-tnejn:

a)

imposta monetarja mill-awtoritajiet doganali, inkluż, fejn xieraq, arranġament applikat minflok u biex jissostitwixxi piena kriminali;

b)

ir-revoka, is-sospensjoni jew l-emendament ta’ kwalunkwe awtorizzazzjoni miżmuma mill-persuna kkonċernata.”

7

L-Artikolu 114 tal-imsemmija kodiċi, intitolat “L-imgħax fuq l-arretrati”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   L-imgħax fuq l-arretrati għandu jingħadd fuq l-ammont ta’ dazju tal-importazzjoni jew esportazzjoni mid-data li fiha jiskadi ż-żmien preskritt sad-data tal-ħlas.

Għal Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, ir-rata talimgħax fuq l-arretrati għandha tkun daqs ir-rata tal-imgħax skont kif ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje C, li l-Bank Ċentrali Ewropew applika għall-operazzjoni prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, fl-ewwel jum tax-xahar fejn kienet taħbat id-data dovuta, miżjuda b’ żewġ punti perċentwali.

Għal Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex il-euro, ir-rata tal-imgħax fuq l-arretrati għandha tkun daqs ir-rata applikata fl-ewwel jum tax-xahar inkwistjoni mill-Bank Ċentrali Nazzjonali għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’żewġ punti perċentwali, jew għal Stat Membru li r-rata tal-Bank Ċentrali Nazzjonali mhijiex disponibbli għalih, l-aktar rata ekwivalenti fl-ewwel jum tax-xahar inkwistjoni fis-suq tal-flus tal-Istat Membru, miżjuda b’żewġ punti perċentwali.

2.   Fejn id-dejn doganali jinħoloq abbażi tal-Artikolu 79 jew 82, jew fejn in-notifika tad-dejn doganali tirriżulta minn kontroll wara r-rilaxx, l-imgħax fuq l-arretrati għandu jitħallas apparti mill-ammont ta’ dazju tal-importazzjoni jew esportazzjoni, mid-data li fiha nħoloq id-dejn doganali sad-data ta’ notifika tiegħu.

Ir-rata tal-imgħax fuq l-arretrati għandha tkun iffissata skont il-paragrafu 1.”

Id‑dritt Rumen

8

L-Artikolu 1 tal-legea nr. 207/2015 privind Codul de procedură fiscală (il-Liġi Nru 207/2015 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali) tal‑20 ta’ Lulju 2015 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 547 tat‑23 ta’ Lulju 2015) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali”), jipprovdi fil-punti 20 u 33 tiegħu:

“20.   interessi – dejn fiskali anċillari li jirrappreżenta l-ekwivalenti tad-dannu kkawżat lid-detentur tal-kreditu fiskali prinċipali mid-debitur li ma jkunx ħallas id-dejn fiskali prinċipali mal-iskadenza.

[…]

33.   penali moratorja – dejn fiskali anċillari li jirrappreżenta s-sanzjoni tad-debitur li ma jkunx ħallas id-dejn fiskali prinċipali mal-iskadenza.”

9

L-Artikolu 173(1) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“L-interessi u l-penalitajiet moratorji jkunu dovuti wara d-data ta’ skadenza tal-ħlas mid-debitur tad-dejn fiskali prinċipali.”

10

L-Artikolu 174(1) u (5) tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

“1.   L-interessi huma kkalkolati għal kull jum ta’ dewmien, mill-jum immedjatament wara d-data ta’ skadenza u sad-data tal-ħlas tal-ammont dovut inkluża.

[…]

5.   Ir-rata tal-imgħax hija ta’ 0.02 % għal kull jum ta’ dewmien.”

11

L-Artikolu 176 tal-istess kodiċi jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.   Il-penalitajiet moratorji jiġu kkalkolati għal kull jum ta’ dewmien, mill-jum immedjatament wara d-data ta’ skadenza u sad-data tal-ħlas tal-ammont dovut inkluża. L-Artikolu 174(2) sa (4) u l-Artikolu 175 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

2.   Ir-rata tal-penali moratorja hija ta’ 0.01 % għal kull jum ta’ dewmien.

3.   Il-penali moratorja ma teħlisx mill-obbligu li jitħallsu interessi.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

12

Bejn it‑18 ta’ Marzu 2016 u t‑28 ta’ Settembru 2017, Network One importat fir-Rumanija roti tradizzjonali, roti elettriċi u partijiet ta’ bdil, li għalihom hija għamlet diversi dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera quddiem awtoritajiet doganali Rumeni matul il-perijodu mit‑30 ta’ Marzu 2016 sat‑28 ta’ Settembru 2017. Dawn id-dikjarazzjonijiet kienu jindikaw li t-Tajlandja kienet il-pajjiż ta’ oriġini tal-merkanzija importata.

13

Fi tmiem kontroll doganali li kien jirrigwarda l-oriġini reali ta’ din il-merkanzija, li sar fit‑30 ta’ Lulju 2018, id-Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice București – Direcția Regională Vamală București (l-Awtorità Doganali Rumena – id-Direttorat Reġjonali tad-Dwana ta’ Bukarest, ir-Rumanija) ikkonkluda li l-imsemmija merkanzija kienet toriġina miċ-Ċina u mhux mit-Tajlandja.

14

Fil‑25 ta’ Settembru 2019, din l-awtorità adottat rapport ta’ spezzjoni kif ukoll deċiżjoni ta’ regolarizzazzjoni tas-sitwazzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ regolarizzazzjoni”), li minnhom irriżulta li ġie impost dazju antidumping fuq Network One skont ir-Regolament Nru 502/2013, fl-ammont ta’ 1739090 leu Rumen (RON) (madwar EUR 366896). Minbarra dan, l-imsemmija awtorità kkonstatat li Network One kellha tħallas dejn fiskali anċillari kkostitwit, minn naħa, minn interessi moratorji relatati mad-dazju antidumping għal ammont totali ta’ RON 183209 (madwar EUR 38652), skont l-Artikolu 114 tal-Kodiċi Doganali, u, min-naħa l-oħra, minn penalitajiet moratorji għal ammont totali ta’ RON 158312 (madwar EUR 33399), skont l-Artikolu 176 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali.

15

Fis‑7 ta’ Ottubru 2019, Network One ħallset l-ammonti li kienu jikkorrispondu għad-dazju antidumping previst mir-Regolament Nru 502/2013 u għall-penalitajiet.

16

Din il-kumpannija sussegwentement ressqet ilment kontra l-imsemmi rapport ta’ spezzjoni u d-deċiżjoni ta’ regolarizzazzjoni, li ġie miċħud bid-deċiżjoni amministrattiva tal‑25 ta’ Ġunju 2020 tad-Direcția Generală de Administrare a Marilor Contribuabili – Serviciul soluționare contestații (id-Direttorat Ġenerali tal-Amministrazzjoni tal-Kontribwenti Kbar – Dipartiment tal-Ipproċessar tal-Ilmenti, ir-Rumanija).

17

Fis‑7 ta’ Diċembru 2020, Network One adixxiet lit-Tribunalul București (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest, ir-Rumanija) b’rikors kontra din id-deċiżjoni kif ukoll kontra d-deċiżjoni ta’ regolarizzazzjoni. F’dan ir-rigward, din il-kumpannija b’mod partikolari sostniet li l-Artikolu 114 tal-Kodiċi Doganali kien wettaq fużjoni tal-interessi u tal-penalitajiet f’rata unika u kkontestat l-applikazzjoni addizzjonali tal-penalitajiet previsti mill-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, peress li, fil-fehma tagħha, dawn il-penalitajiet kienu marbuta mal-istess dejn fiskali prinċipali. F’dan ir-rigward, Network One sostniet li din il-prassi kienet tikser l-imsemmi Artikolu 114 tal-Kodiċi Doganali, peress li waslet sabiex iżżid b’mod mhux iġġustifikat il-penalitajiet imposti. Dan ir-rikors ġie miċħud permezz ta’ sentenza tas‑6 ta’ April 2021.

18

Network One ppreżentat appell minn din is-sentenza quddiem il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest), li hija l-qorti tar-rinviju.

19

Din il-qorti tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 114 tal-Kodiċi Doganali jippermettix lil awtorità doganali nazzjonali teżiġi, mingħand debitur li ma jkunx ħallas dejn doganali fit-terminu meħtieġ, il-ħlas, minbarra l-interessi moratorji, ta’ penalitajiet moratorji skont id-dritt nazzjonali.

20

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva, fl-ewwel lok, li l-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, li japplika flimkien mal-Kodiċi Doganali, jippermetti li jiġu imposti, fuq il-kontribwent li ma jkunx ħallas dejn fiskali fit-terminu previst, interessi moratorji u penalitajiet moratorji li l-għanijiet rispettivi tagħhom ikunu differenti. Fil-fatt, filwaqt li dawn l-interessi jiżguraw il-kumpens għad-dannu kkawżat lill-baġit tal-Istat minn debitur li ma jkunx ħallas id-dejn fiskali mal-iskadenza, min-naħa l-oħra l-imsemmija penalitajiet jikkostitwixxu sanzjoni mogħtija kontra dan id-debitur. Tali għanijiet distinti jirrendu possibbli, bħal f’dan il-każ, l-impożizzjoni kumulattiva tal-interessi moratorji u ta’ penalità moratorja.

21

F’dan ir-rigward, din il-qorti tfakkar, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li meta leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tipprevedix sanzjonijiet speċifiċi fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tagħha jew tirreferi, fuq dan il-punt, għad‑dispożizzjonijiet nazzjonali, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jieħdu kull miżura xierqa sabiex jiggarantixxu l-portata u l-effettività tad-dritt tal‑Unjoni.

22

Issa, għalkemm ir-Regolament Nru 502/2013 ma jipprevedi ebda sanzjoni fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tiegħu, huwa jipprovdi, fl-Artikolu 1(4) tiegħu, li, bħala prinċipju, id-dispożizzjonijiet fil-qasam tad-dazji doganali huma applikabbli, li kien ippermetta, f’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-Artikolu 114 tal-Kodiċi Doganali. Barra minn hekk, huwa preċiżament skont dan l-artikolu li l-awtoritajiet doganali kienu imponew “penalitajiet moratorji” minbarra d-dazju antidumping mid-data tat-tnissil tad-dejn doganali sad-data ta’ komunikazzjoni tiegħu.

23

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tqis li d-dubji tagħha dwar il-possibbiltà li jiġu imposti kumulattivament, skont l-Artikolu 114 tal-Kodiċi Doganali, interessi moratorji u penalitajiet moratorji, meta dejn doganali ma jitħallasx fit-terminu mogħti, ma jiġux eliminati bil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), li kien ġie mħassar u ssostitwit bil-Kodiċi Doganali.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejja:

“Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, l-Artikolu 114 [tal-Kodiċi Doganali] għandu jiġu interpretat fis-sens li jipprekludi prassi amministrattiva li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fir-rigward tal-ammont tad-dazju antidumping, timponi fuq persuna taxxabbli, minbarra l-penalità għall-ħlas tardiv prevista fl-Artikolu 114 ta’ dan [il-Kodiċi], penalità għall-ħlas tardiv prevista separatament fid-dritt nazzjonali [(il-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali)]?”

Fuq id‑domanda preliminari

25

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 114 tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prassi amministrattiva nazzjonali li permezz tagħha penali moratorja, prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, tista’ tiġi imposta minbarra interessi moratorji previsti minn dan l-artikolu.

26

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tirreferi, fil-formulazzjoni tad-domanda preliminari tagħha, għal “penalità għall-ħlas tardiv” [penalità moratorja] li hija prevista fl-Artikolu 114 tal-Kodiċi Doganali u mhux għal “interessi moratorji”. Madankollu, anki jekk il-verżjoni bil-lingwa Rumena ta’ dan l-artikolu ssemmi diversi drabi l-espressjoni “penalità moratorja” (“penalitățile de înaurziere”), jirriżulta espressament mit-titolu tiegħu (“Dobânda la arierate”) li l-miżura li jipprevedi hija l-ġbir ta’ “interess moratorju” u mhux l-applikazzjoni ta’ penalità.

27

F’dan ir-rigward, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew sabiex tingħata prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, il-ħtieġa ta’ applikazzjoni u, għalhekk, ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ att tal-Unjoni teskludi li dan jitqies b’mod iżolat f’waħda mill-verżjonijiet tiegħu, iżda teħtieġ li d-dispożizzjoni inkwistjoni tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni li tagħha tikkostitwixxi element, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-verżjonijiet stabbiliti bil-lingwi kollha (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024, CBR (Hémianopsija), C‑703/22, EU:C:2024:261, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Issa, minn naħa, fir-rigward tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-Kodiċi Doganali, għandu jiġi osservat li dan ma għandux l-għan li jipprevedi sanzjoni jew penali fil-każ ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni doganali. Fil-fatt, mill-Artikolu 42(1) ta’ dan il-kodiċi jirriżulta li huma l-Istati Membri li għandhom jipprevedu tali sanzjonijiet.

29

Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, f’diversi verżjonijiet lingwistiċi, l-Artikolu 114 tal-Kodiċi Doganali jirreferi għall-kunċett ta’ “interess moratorju” iktar milli għal dak ta’ “penalità moratorja”, bħal, b’mod partikolari, fil-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola (“Intereses de demora”), Ġermaniża (“Verzugszinsen”), Ingliża (“Interest on arrears”), Franċiża (“Intérêts de retard”), Taljana (“Interesse di mora”), Olandiża (“Vertragingsrente”), Pollakka (“Odsetki za zwłokо”), Portugiża (“Juros de mora”), Finlandiża (“Viivästyskorko”) jew Svediża (“Dröjsmålsränta”) ta’ dan l-artikolu.

30

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jistax jiġi dedott mir-riferiment għall-espressjoni “penalità moratorja” fil-verżjoni bil-lingwa Rumena tal-Artikolu 114 tal-Kodiċi Doganali li l-miżura prevista f’dan l-artikolu hija l-applikazzjoni ta’ penalità moratorja, pjuttost milli l-ġbir ta’ interessi moratorji.

31

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fir-rigward tal-Artikolu 232(1) tar-Regolament Nru 2913/92, li waqqaf il-Kodiċi Doganali Komunitarja tal-Komunità li kien ġie mħassar u ssostitwit bil-Kodiċi Doganali, li “[l]-interessi moratorji huma intiżi […] sabiex itaffu l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-qbiż tat-terminu għall-ħlas u, b’mod partikolari, sabiex jevitaw li d-debitur tad-dejn doganali ma jiksibx indebitament vantaġġ mill-fatt li l-ammonti dovuti taħt dan id-dejn jibqgħu għad-dispożizzjoni tiegħu lil hinn mit-terminu stabbilit għall-ħlas tiegħu” (sentenza tal‑31 ta’ Marzu 2011, Aurubis Balgaria, C‑546/09, EU:C:2011:199, punt 29).

32

Għalhekk, l-interessi moratorji huma intiżi sabiex itaffu l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-qbiż ta’ terminu għall-ħlas u sabiex jikkumpensaw il-vantaġġi li l-operatur ekonomiku jikseb indebitament mid-dewmien meħud sabiex iħallas dejn fiskali, u mhux sabiex jissanzjonaw tali dewmien.

33

Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 42(1) tal-Kodiċi Doganali jipprevedi, essenzjalment, li huma l-Istati Membri li għandhom jissanzjonaw il-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali u li s-sanzjonijiet imposti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jippreċiża barra minn hekk li dawn is-sanzjonijiet jistgħu b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, jieħdu l-forma ta’ piż pekunjarju impost mill-awtoritajiet doganali.

34

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu fakkret li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn sistema stabbilita mil-leġiżlazzjoni doganali, l-Istati Membri għandhom kompetenza sabiex jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrilhom li huma xierqa. Madankollu, huma marbuta li jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom filwaqt li josservaw id-dritt tal-Unjoni u l-prinċipji ġenerali tiegħu, u konsegwentement, billi josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Schenker, C‑655/18, EU:C:2020:157, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-miżuri amministrattivi jew repressivi permessi minn leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimament imfittxija minn din il-leġiżlazzjoni u, barra minn hekk, ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-imsemmija għanijiet (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Schenker, C‑655/18, EU:C:2020:157, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95 jistabbilixxi, essenzjalment, li irregolarità twassal, bħala regola ġenerali, għall-irtirar tal-vantaġġ miksub indebitament u li dan l-irtirar jista’ jiżdied b’interessi li jistgħu jiġu stabbiliti fil-forma ta’ somma f’daqqa. Huwa jippreċiża li l-miżuri li jipprevedi ma humiex ikkunsidrati bħala sanzjonijiet. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-irregolaritajiet intenzjonali jew dawk ikkawżati minħabba negliġenza jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet amministrattivi, jiġifieri, b’mod partikolari, il-ħlas ta’ ammont li jaqbeż is-somom indebitament riċevuti jew evitati, miżjuda, jekk ikun il-każ, b’interessi.

37

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-penalitajiet moratorji previsti mill-Artikolu 176 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali jirrappreżentaw sanzjoni pekunjarja imposta fuq id-debitur li ma jkunx ħallas dejn fiskali mal-iskadenza prevista.

38

Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jitqies li tali sanzjoni prevista mid-dritt nazzjonali ma hijiex, bħala prinċipju, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, bla ħsara għall-verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha twettaq fir-rigward tal-proporzjonalità ta’ din is-sanzjoni.

39

Fid-dawl tal-motivi preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 114 tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix prassi amministrattiva nazzjonali li permezz tagħha penalità moratorja, prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, tista’ tiġi imposta minbarra l-interessi moratorji previsti minn dan l-artikolu.

Fuq l‑ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 114 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

ma jipprekludix prassi amministrattiva nazzjonali li permezz tagħha penalità moratorja, prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, tista’ tiġi imposta minbarra l-interessi moratorji previsti f’dan l-artikolu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.