SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

26 ta’ Ġunju 2025 ( *1 )

“Appell – Kompetizzjoni – Regolament (KE) Nru 139/2004 – Konċentrazzjoni ta’ impriżi – Suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku – Akkwist minn RWE AG tal-assi ta’ produzzjoni ta’ elettriku ta’ oriġini rinnovabbli u nukleari ta’ E.ON SE – Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat‑2 ta’ Mejju 1992”

Fil-Kawżi magħquda C‑464/23 P, C‑465/23 P, C‑467/23 P, C‑468/23 P u C‑470/23 P,

li għandhom bħala suġġett ħames appelli taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fil‑21 ta’ Lulju 2023,

EVH GmbH, stabbilita f’Halle (Saale) (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Heymann u I. Zenke, Rechtsanwälte (C‑464/23 P),

Stadtwerke Leipzig GmbH, stabbilita f’Leipzig (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Heymann u I. Zenke, Rechtsanwälte (C‑465/23 P),

TEAG Thüringer Energie AG, stabbilita f’Erfurt (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Heymann u I. Zenke, Rechtsanwälte (C‑467/23 P),

EnergieVerbund Dresden GmbH, stabbilita fi Dresden (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Heymann u I. Zenke, Rechtsanwälte (C‑468/23 P),

GGEW, Gruppen-Gas- und Elektrizitätswerk Bergstraße AG, stabbilita f’Bensheim (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Heymann u I. Zenke, Rechtsanwälte (C‑470/23 P),

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Meessen u I. Zaloguin, bħala aġenti, assistiti minn T. G. Funke, Rechtsanwalt,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

E.ON SE, stabbilita f’Essen (il-Ġermanja), irrappreżentata inizjalment minn C. Barth, C. Grave, D.‑J. dos Santos Goncalves u R. Seifert, Rechtsanwälte, sussegwentement minn C. Barth, A. Fuchs, C. Grave u D.‑J. dos Santos Goncalves, Rechtsanwälte,

RWE AG, stabbilita f’Essen, irrappreżentata inizjalment minn U. Scholz, J. Siegmund u J. Ziebarth, Rechtsanwälte, sussegwentement minn U. Scholz, J. Siegmund u M. von Armansperg, Rechtsanwälte,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta ta’ Awla, D. Gratsias, E. Regan, J. Passer (Relatur) u B. Smulders, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli tagħhom, EVH GmbH (C‑464/23 P), Stadtwerke Leipzig GmbH (C‑465/23 P), TEAG Thüringer Energie AG (C‑467/23 P), EnergieVerbund Dresden GmbH (C‑468/23 P) kif ukoll GGEW, Gruppen‑Gas- und Elektrizitätswerk Bergstraße AG (C‑470/23 P) jitolbu l-annullament, rispettivament, tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑17 ta’ Mejju 2023, EVH vs Il‑Kummissjoni (T‑312/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza T‑312/20”, EU:T:2023:252), tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑17 ta’ Mejju 2023, Stadtwerke Leipzig vs Il‑Kummissjoni (T‑313/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza T‑313/20”, EU:T:2023:257), tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑17 ta’ Mejju 2023, TEAG vs Il‑Kummissjoni (T‑315/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza T‑315/20”, EU:T:2023:259), tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑17 ta’ Mejju 2023, EnergieVerbund Dresden vs Il‑Kummissjoni (T‑317/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza T‑317/20”, EU:T:2023:261), u tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑17 ta’ Mejju 2023, GGEW vs Il‑Kummissjoni (T‑319/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza T‑319/20”, EU:T:2023:263) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, is-“sentenzi appellati”), li permezz tagħhom din ċaħdet ir-rikorsi tagħhom intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 1711 final tas‑26 ta’ Frar 2019, li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE (Każ M.8871 – RWE/E.ON Assets) (ĠU 2020, C 111, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

I. Il-kuntest ġuridiku

A. Ir-Regolament (KE) Nru 139/2004

2

Il-premessi 20 u 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), jiddikjaraw:

“(20)

Ikun jaqbel li jiġi definit il-kunċett ta’ konċentrazzjoni b’mod li jkopri operazzjonijiet li jwasslu għal bidla fil-tul fil-kontroll ta’ l-impriżi konċernati u għalhekk fl-istruttura tas-suq. Għaldaqstant, huwa xieraq li fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ikunu inklużi l-joint ventures kollha li jħaddmu, fuq bażi dejjiema, l-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma. Barra minn hekk, huwa xieraq li jkunu meqjusa bħala konċentrazzjoni waħda dawk it-transazzjonijiet li jkunu marbuta ħafna ma xulxin fis-sens li jkunu relattati b’kundizzjoni jew jieħdu l-forma ta’ serje ta’ transazzjonijiet f’titoli liema transazzjonijiet isiru f’perjodu ta’ żmien raġjonevolment qasir.

(21)

Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll fejn l-impriżi konċernati jaċċettaw restrizzjonijiet marbuta direttament ma’, jew meħtieġa biex issir, l-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni. Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li, fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jiddikjaraw li konċentrazzjonijiet jkunu kompatibbli mas-suq komuni għandhom awtomatikament ikopru dawn it-tip ta’ restrizzjonijiet mingħajr ma jkun hemm bżonn li l-Kummissjoni teżamina dawn ir-restrizzjonijiet fil-każijiet individwali. Madankollu, fuq talba ta’ l-impriżi konċernati, l-Kummissjoni għandha, f’każijiet li jqajmu mistoqsijiet ġodda jew li għadhom ma twieġbux u li joħolqu inċertezza ġenwina, teżamina b’mod espress jekk xi restrizzjoni hix relattata direttament ma’, jew hix meħtieġa biex issir, l-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni Każ iqajjem mistoqsija ġdida jew li għadha ma tweġbitx u li toħloq inċertezza ġenwina jekk il-mistoqsija ma tkunx koperta mill-avviż tal-Kummissjoni rilevanti li jkun fis-seħħ jew minn deċiżjoni pubblikata tal-Kummissjoni.”

3

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Stima tal-konċentrazzjonijiet”, jipprovdi:

“1.   Konċentrazzjonijiet li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu stmati skond l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet li ġejjin bil-għan li jkun stabbilit jekk humiex kompatibbli mas-suq komuni jew le.

Meta tkun qiegħda tagħmel din l-istima, il-Kummissjoni għandha tqis:

(a)

il-bżonn li tinżamm u li tkun żviluppata kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni, u dan minħabba, fost l-oħrajn, l-istruttura ta’ l-iswieq konċernati u l-kompetizzjoni attwali u potenzjali minn impriżi li qegħdin fil-jew barra mill-Komunità [Ewropea];

(b)

il-pożizzjoni ta’ l-impriżi konċernati fis-suq u s-saħħa ekonomika u finanzjarja tagħhom, l-alternattivi disponibbli għall-fornituri u għall-konsumaturi, l-aċċess li għandhom għal provisti jew swieq, xi barrieri legali jew barrieri oħra li jfixklu d-dħul fis-suq, tendenzi fil-provista u fit-talba għall-merkanzija u għas-servizzi relevanti, l-interessi tal-konsumaturi - kemm dawk intermedjarji u kif ukoll dawk finali - u l-iżvilupp ta’ progress tekniku u ekonomiku sakemm dan ikun fl-interess tal-konsumaturi u ma jkunx ta’ tfixkil għall-kompetizzjoni.

2.   Konċentrazzjoni li mhix ħa tkun ta’ tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien ta’ jew minħabba t-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, għandha tkun dikjarata bħala kompatibbli mas-suq komuni.

3.   Konċentrazzjoni li ħa tkun ta’ tfixkil sinjifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien ta’ jew minħabba t-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, għandha tkun dikjarata bħala inkompatibbli mas-suq komuni.

4.   Safejn il-ħolqien ta’ joint venture li tammonta għal konċentrazzjoni skond l-Artikolu 3 jkollu bħala l-għan jew l-effett tiegħu il-kordinazzjoni ta’ l-imġieba kompetittiva ta’ l-impriżi li jibqgħu indipendenti, din il-kordinazzjoni għandha tkun stmata skond il-kriterji ta’ l-Artikolu [101](1) u (3) [TFUE] bil-għan li jkun stabbilit jekk l-operazzjoni hix kompatibbli mas-suq komuni jew le.

5.   Meta tkun qiegħda tagħmel din l-istima, il-Kummissjoni għandha tqis, b’mod partikolari:

jekk tnejn jew aktar kumpanniji prinċipali żammewx, b’mod sinifikanti, attivitajiet fl-istess suq bħall-joint venture jew f’suq li huwa downstream jew upstream minn dak tal-joint venture jew f’suq fil-qrib li huwa relatat ħafna ma’ dan is-suq,

jekk il-kordinazzjoni li hija l-konsegwenza diretta tal-ħolqien tal-joint venture tħallix lill-impriżi konċernati l-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali mill-prodotti jew mis-servizzi konċernati.”

4

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjoni ta’ konċentrazzjoni”, jipprevedi:

“1.   Għandu jitqies li hemm konċentrazzjoni meta jkun hemm bidla fil-kontroll fuq bażi dewwiema, liema bidla tkun ir-riżultat ta’:

(a)

l-għaqda ta’ tnejn jew aktar impriżi, jew ta’ partijiet minn impriżi, li qabel kienu indipendenti, jew

(b)

l-akkwist, minn persuna jew minn aktar minn persuna waħda li diġa tikkontrolla jew jikkontrollaw mill-anqas impriża waħda, jew minn impriża jew minn aktar minn impriża waħda, ta’ kontroll dirett jew indirett ta’ impriża jew ta’ aktar minn impriża waħda, jew ta’ partijiet minn impriża jew minn aktar minn impriża waħda. Dan l-akkwist jista’ jsir kemm permezz tax-xiri ta’ titoli jew ta’ assi, permezz ta’ kuntratt jew permezz ta’ kull mezz ieħor.

2.   Kontroll għandu jkun permezz ta’ drittijiet, kuntratti, jew permezz ta’ kull mezz ieħor li, separatament jew flimkien, fil-kuntest tal-fatti u tal-liġijiet involuti, jikkonferixxu l-possibbiltà li tkun eżerċitata influwenza deċiżiva fuq l-impriża, b’mod partikolari permezz ta’:

(a)

dritt ta’ proprjetà fuq jew dritt ta’ użu mill-assi kollha jew minn parti mill-assi ta’ impriża;

(b)

drittijiet jew kuntratti li jikkonferixxu influwenza deċiżiva fuq il-komposizzjoni, l-votazzjoni jew id-deċiżjonijiet ta’ l-organi ta’ impriża.

3.   Il-kontroll ikun akkwistat minn persuni jew impriżi li:

(a)

huma d-detenturi tad-drittijiet jew huma intitolati għal drittijiet taħt il-kuntratti konċernati; jew

(b)

minkejja li mhumiex detenturi ta’ dawn id-drittijiet u lanqas ma huma intitolati għal drittijiet taħt dawn il-kuntratti, għandhom s-setgħa li jeżerċitaw id-drittijiet li jirriżultaw minn dawn il-kuntratti.

4.   Il-ħolqien ta’ joint venture li twettaq, fuq bażi dewwiema, il-funzjonijiet kollha ta’ entità ekonomika awtonoma għandha tammonta għal konċentrazzjoni skond it-tifsira tal-paragrafu 1(b).

[…]”

5

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tal-istess regolament jipprovdi:

“Konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja definiti f’dan ir-Regolament għandhom ikunu notifikati lill-Kummissjoni qabel ma jiġu implimentati u wara l-konklużjoni tal-ftehim, id-dikjarazzjoni ta’ l-offerta pubblika, jew l-akkwist ta’ interess li għandu kontroll.”

6

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 139/2004, intitolat “Kalkolu tal-valur tal-bejgħ”, jipprovdi kif ġej:

“1.   Valur tal-bejgħ totali fis-sens ta’ dan ir-Regolament għandu jinkludi l-ammonti li l-impriżi konċernati jkunu akkwistaw fis-sena finanzjarja preċedenti mill-bejgħ ta’ prodotti u mill-provvista ta’ servizzi li jagħmlu parti mill-attività ordinarja ta’ l-impriżi wara li jitnaqqsu l-iskontijiet fuq il-bejgħ, t-taxxa fuq il-valur miżjud u [taxxi] oħra marbuta b’mod dirett mal-valur tal-bejgħ. Il-valur tal-bejgħ totali ta’ impriża konċernata ma għandux jinkludi il-bejgħ ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi bejn uħud mill-impriżi msemmija fil-paragrafu 4.

Valur tal-bejgħ, fil-Komunità jew fi Stat Membru, għandu jinkludi prodotti mibjugħa u servizzi provvduti lil impriżi u konsumaturi, fil-Komunità jew f’dak l-Istat Membru, skond il-każ.

2.   B’deroga minn paragrafu 1, meta l-konċentrazzjoni tkun magħmula mill-akkwist ta’ partijiet, kemm jekk kostitwiti bħala entitajiet legali u anke jekk le, ta’ impriża jew ta’ aktar minn impriża waħda, fir-rigward tal-bejjiegħ jew tal-bejjiegħa, għandu jitqies biss il-valur tal-bejgħ relatat mal-partijiet li huma s-suġġett tal-konċentrazzjoni.

Madankollu, meta jkun hemm żewġ transazzjonijiet jew aktar fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu li jsiru fi żmien perjodu ta’ sentejn bejn l-istess persuni jew impriżi, dawn għandhom jitqiesu bħala konċentrazzjoni waħda li toriġina fid-data ta’ l-aħħar transazzjoni.

[…]”

7

L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Eżaminazzjoni tan-notifika u l-bidu tal-proċeduri”, jipprovdi:

“1.   Il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika malli tirċeviha.

(a)

Meta l-Kummissjoni tikkonkludi li l-konċentrazzjoni notifikata ma taqgħax fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, hija għandha tiddikjara dak li sabet permezz ta’ deċiżjoni.

(b)

Meta l-Kummissjoni ssib illi l-konċentrazzjoni notifikata, għalkemm taqa’ fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, ma toħloqx dubji serji dwar jekk hix kompatibbli mas-suq komuni, hija għandha tiddeċiedi li ma topponihiex u għandha tiddikjaraha bħala kompatibbli mas-suq komuni.

Deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni bħala kompatibbli għandha titqies bħala li tkopri restrizzjonijiiet relatati u meħtieġa direttament għall-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni.

(ċ)

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, meta l-Kummissjoni ssib illi l-konċentrazzjoni notifikata taqa’ fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament u toħloq dubji serji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni, hija għandha tiddeċiedi li tibda proċeduri. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9, dawn il-proċeduri għandhom jingħalqu permezz ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu 8(1) sa (4), sakemm l-impriżi konċernati ma jikkonvinċux lill-Kummissjoni li huma abbandunaw il-konċentrazzjoni.

2.   Meta l-Kummissjoni ssib li, wara bidliet mill-impriżi konċernati, konċentrazzjoni notifikata ma baqgħetx toħloq dubji serji fis-sens tal-paragrafu 1[(ċ)], hija għandha tiddikjara li l-konċentrazzjoni hija kompatibbli mas-suq komuni skond il-paragrafu 1(b).

Mad-deċiżjoni tagħha taħt il-paragrafu 1(b), il-Kummissjoni tista’ żżid kundizzjonijiet u obbligi maħsuba sabiex jassiguraw li l-impriżi konċernati jirrispettaw ir-rabtiet li jkunu daħlu għalihom fir-rigward tal-Kummissjoni bil-għan li l-konċentrazzjoni ssir kompatibbli mas-suq komuni.

[…]”

8

L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Poteri tal-Kummissjoni biex tieħu deċiżjoni”, jipprevedi:

“1.   Meta l-Kummissjoni ssib li konċentrazzjoni notifikata tissodisfa l-kriterju stabbilit fl-Artikolu 2(2) u, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 2(4), il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu [101](3) [TFUE], hija għandha toħroġ deċiżjoni li fiha tiddikjara li l-konċentrazzjoni hija kompatibbli mas-suq komuni.

Deċiżjoni li tiddikjara li konċentrazzjoni hija kompatibbli għandha titqies bħala li tkopri restrizzjonijiet relatati u meħtieġa direttament għall-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni.

2.   Meta l-Kummissjoni ssib li, wara bidliet mill-impriżi konċernati, konċentrazzjoni notifikata tissodisfa l-kriterju stabbilit fl-Artikolu 2(2) u, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 2(4), il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu [101](3) [TFUE], hija għandha toħroġ deċiżjoni li fiha tiddikjara li l-konċentrazzjoni hija kompatibbli mas-suq komuni.

Mad-deċiżjoni tagħha, l-Kummissjoni tista’ tinkludi kundizzjonijiet u obbligi maħsuba biex jassiguraw li l-impriżi konċernati jirrispettaw r-rabtiet li jkunu daħlu għalihom fir-rigward tal-Kummissjoni bil-għan li l-konċentrazzjoni tkun kompatibbli mas-suq komuni.

Deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni bħala waħda kompatibbli għandha titqies li tkopri restrizzjonijiet relatati u meħtieġa direttament għall-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni.

3.   Meta l-Kummissjoni ssib li konċentrazzjoni tissodisfa l-kriterji definiti fl-Artikolu 2(3) jew, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 2(4), ma jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu [101](3) [TFUE], hija għandha toħroġ deċiżjoni li fiha tiddikjara li l-konċentrazzjoni mhix kompatibbli mas-suq komuni.

4.   Meta l-Kummissjoni ssib li konċentrazzjoni:

(a)

diġà kienet implimentat u dik il-konċentrazzjoni kienet dikjarata bħala inkompatibbli mas-suq komuni, jew

(b)

kienet implimentata b’kontravenzjoni ta’ kundizzjoni marbuta ma’ deċiżjoni mogħtija skond il-paragrafu 2, liema deċiżjoni sabet li, fl-assenza tal-kundizzjoni, il-konċentrazzjoni tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(3) jew, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 2(4), ma tissodisfax il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu [101](3) [TFUE],

il-Kummissjoni tista’:

titlob lill-impriżi konċernati biex ixolju l-konċentrazzjoni, b’mod partikolari permezz tax-xoljiment ta’ l-għaqda jew tad-disponiment ta’ l-ishma u l-assi kollha li kienu akkwistati, sabiex treġġa’ lura s-sitwazzjoni għal kif kienet qabel l-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni; f’ċirkostanzi fejn dan ma jkunx possibbli permezz tax-xoljiment tal-konċentrazzjoni, l-Kummissjoni tista’ tieħu kull miżura oħra adattata sabiex, sa fejn ikun possibbli, is-sitwazzjoni titreġġa lura għal kif kienet qabel.

tordna kull miżura oħra adattata sabiex tassigura li l-impriżi konċernati jxolju l-konċentrazzjoni jew jieħdu miżuri oħra li jreġġgħu lura s-sitwazzjoni, kif mitlub fid-deċiżjoni tagħha.

[…]”

9

L-Artikolu 21(1) tal-istess regolament, intitolat “Applikazzjoni tar-Regolament u ġurisdizzjoni”, għandu jinqara kif ġej:

“Dan ir-Regolament biss għandu japplika għal konċentrazzjonijiet kif definiti fl-Artikolu 3, u r-Regolament [tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205)], [tal-Kunsill (KEE) Nru 1017/68 tad‑19 ta’ Lulju 1968 li japplika r-regoli tal-kompetizzjoni għat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u permess tal-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 6)], [tal-Kunsill (KEE) Nru 4056/86 tat‑22 ta’ Diċembru 1986 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat għat-trasport marittimu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 4)], u [tal-Kunsill (KEE) Nru 3975/87 tal‑14 ta’ Diċembru 1987 li jistabbilixxi l-proċedura għall-applikazzjoni tar-Regoli dwar il-kompetizzjoni għall-impriżi fis-settur tat-trasport bl-ajru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 262)], ma għandhomx japplikaw, minbarra fir-rigward ta’ joint ventures li ma għandhomx dimensjoni Komunitarja u li għandhom bħala skop jew effett il-kordinazzjoni ta’ l-imġieba kompetittiva li baqgħa indipendenti.”

B. Il-Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali

10

Il-Linji ta’ Gwida fuq l-istima jew kalkolu ta’ l-għaqdiet orizzonatli taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-intrapriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali”) jesponu:

“[…]

13.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni tistabilixxi, skond l-Artikolu 2 tar-Regolament dwar l-għaqdiet [konċentrazzjonijiet], jekk l-għaqda [il-konċentrazzjoni] tista’ sinjifikament timpedixxi il-Kompetizzjoni effettiva, b’mod partikolari bil-ħolqien u t-tisħiħ ta’ posizzjoni dominanti, u għalhekk għandha tiġi dikkjarata bħala inkompatibbli mas-suq komuni. Għandu jiġi enfasizzat li dawn il-fatturi m’humiex tip ta’ ‘checklist’ li tiġi applikata mekkanikament fil-każijiet kollha. Għaldaqstant, l-analiżi Kompetittiva f’każ partikolari ħa tkun ibbażata fuq stima komplessiva ta’ l-impatt ta’ l-għaqda li huwa previst fid-dawl tal-fatturi u l-kondizzjonijiet rilevanti. L-elementi mhux dejjem ikunu rilevanti kollha għal kull għaqda Orizzontali, u mhux dejjem huwa neċessarju li tanalizza l-elementi kollha ta’ każ bl-istess dettal.

[…]

26.

Numru ta’ fatturi, li jekk meħuda separatament m’humiex neċessarjament deċisivi, jistgħu jinfluwenzaw jekk effetti sinjifikanti li m’humiex ikkordinati jistgħu x’aktarx jirriżultaw minn għaqda [konċentrazzjoni]. M’hemmx bżonn li l-fatturi kollha jkunu preżenti sabiex dawn l-effetti ikunu possibbli. Lanqas din m’għandha tiġi meqjusa bħala ‘exhaustive list’ jew lista spurgativa.

Ditti magħquda għandhom ishma akbar tas-suq

27.

Aktar mas-sehem tas-suq ikun kbir, aktar id-ditta jkollha qawwa fis-suq. U aktar maż-żieda tas-sehem tas-suq tkun kbira, aktar huwa possibli li l-għaqda [il-konċentrazzjoni] twassal għal aktar żieda sinjifikanti fil-qawwa tas-suq. Aktar ma tkun kbira ż-żieda fil-bażi tal-bejgħ wara ż-żieda fil-Prezzijiet fuq x’hiex il-marġnijiet qegħdin jiġu aktar mgawda, aktar hija kbira l-possibilità li d-ditti magħquda jsibu din iż-żieda fil-Prezzijiet aktar ta’ profitt xorta waħda għalkemm din tiġi akkumpanjata man-nuqqas fil-ħruġ.

Għalkemm l-ishma tas-suq u ż-żidiet fl-ishma tas-suq jipprovdu biss l-ewwel indikazzjonijiet tal-qawwa tas-suq u tikber fil-qawwa tas-suq, dawn normalment huma fatturi importanti għall-istima […].

Ditti maqgħuda huma Kompetituri fil-qrib jew viċini

28.

Prodotti jistgħu jiġu differenzati […] f’suq rilevanti b’mod li ċertu Prodotti huma sostituti eqreb minn oħra […]. Aktar mal-grad ta’ sostituzzjoni bejn il-prodotti tad-ditti magħquda jkun għoli, aktar id-ditti magħquda jżidu il-Prezzijiet b’mod sinjifikattiv […]. Per eżempju, għaqda [konċentrazzjoni] bejn żewġ Produtturi li joffru Prodotti li numru sostanzjali ta’ klijenti jqisu bħala l-ewwel u t-tieni għażla tista’ toħloq żieda sinjifikanti fil-Prezz. B’hekk, il-fatt li r-rivalità bejn il-partijiet kienet sors importanti ta’ kompetizzjoni fis-suq jista’ jkun fattur ċentrali fl-analiżi […]. Marġnijiet għolja qabel il-formazzjoni ta’ l-għaqda […] x’aktarx jistgħu wkoll jagħmlu żidiet sinjifikanti fil-Prezzijiet. L-inċentiv tad-ditta’ magħquda li tgħolli l-Prezzijiet x’aktarx hija aktar ristretta meta ditti rivali jipproduċu sostituti li huma qrib għall-Prodotti tad-ditti magħquda milli meta huma joffru sostituti li huma inqas fil-qrib […]. Għalhekk x’aktarx għaqda ma timpedixxix b’mod sinjifikanti l-Kompetizzjoni effettiva, speċjalment bil-ħolqien jew bit-tisħiħ ta’ posizzjoni dominanti, meta hemm grad għoli ta’ sostituzzjoni bejn il-Prodotti tad-ditti magħquda u dawk forniti mill-produtturi rivali.

[…]

Entità magħquda li hi kapaċi li tfixkel it-tkabbir mill-kompetituri

36.

Ċertu għaqdiet li ġew proposti, jekk jitħallew li jipproċedu, jistgħu sinjifikament jimpedixxu il-Kompetizzjoni effettiva billi jħallu li-ditta magħquda f’posizzjoni fejn hi jkollha l-kapaċità u l-inċentiv li tagħmel it-tkabbir tad-ditti ż-żgħar u tal-kompetituri potenzali aktar diffiċli jew inkella billi tirrestrinġi l-kapaċità tad-ditti rivali milli jikkompetu. F’każ bħal dan, il-kompetituri ma jistgħux, la individwalment u lanqas kollettivament, ikunu f’posizzjoni li jirrestrinġu sa ċertu punt l-entità magħquda biex ma tgħollix il-prezzijiet jew milli tieħu passi li huma detrimentali għall-kompetizzjoni. Bħala eżempju, entità magħquda jista’ jkollha grad ta’ kontroll, jew influwenza fuq, il-provvista tad-dħul […] jew fuq il-possibilitajiet tad-distribuzzjoni […] fejn tkabbir jew dħul ta’ ditti rivali jistgħu jkunu aktar kostużi. Bl-istess mod, il-kontroll ta’ l-entità magħquda fuq il-[privattivi] jew tipi oħra ta’ proprjetajiet intellettwal [pereżempju t-trademarks] jistgħu jagħmlu t-tkabbir jew id-dħul mir-rivali aktar diffiċli. Fi swieq fejn l-interoperabilità bejn l-infrastrutturi u l-pjattaformi differenti hija importanti […], għaqda [konċentrazzjoni] tista’ tagħti lill-entità magħquda l-kapaċità u l-inċentiv li tgħolli l-ispejjeż u tnaqqas il-kwalità tas-servizzi tar-rival tagħha […]. Waqt li l-Kummissjoni tagħmel din l-istima, hi tista’ tqis, inter alia, s-saħħa finanzjarja ta’ l-entità magħquda relattiva għar-rivali [kompetituri] tagħha […].

Għaqda [konċentrazzjoni] tellimina forza kompetittiva importanti

37.

Ċertu ditti [impriżi] għandhom aktar influwenza fuq il-proċess tal-kompetizzjoni minn kif jista’ jiġi suġġerit minn ishma tas-suq jew miżuri simili. Għaqda [konċentrazzjoni] li tinvolvi ditta [impriża] bħal din tista’ tbiddel sinjifikament id-dinamiċi tal-kompetizzjoni b’mod anti-kompetittiv, b’mod partikolari meta s-suq huwa diġa’ kkonċentrat. Bħala eżempju, ditta [impriża] li tista’ tkun għada kemm daħlet reċentament, jista’ jiġi pretiż minnha li teżerċita pressjoni kompetittiva sinjifikativa fil-futur fuq id-ditti l-oħra fis-suq.

38.

Fi swieq fejn l-innovazzjoni hija forza kompetittiva importanti, għaqda tista’ żżid il-kapaċità tad-ditti u l inċentiv sabiex isiru innovazzjonijiet ġodda fis-suq u, b’hekk, il-pressjoni kompetittiva fuq ir-rivali li jinnovaw f’dak is-suq. Minflokk, kompetizzjoni effettiva tista’ sinjifikament tiġi impedita minħabba għaqda [konċentrazzjoni] bejn żewġ innovaturi importanti, bħal per eżempju bejn żewġ kumpanniji bi prodotti ‘pipeline’ [li qed jiġu żviluppati] li huma relatati ma’ prodott speċifiku fis-suq. Bl-istess mod, ditta li għandha sehem relattivament żgħir fis-suq tista’ xorta waħda tkun forza kompetittiva importanti jekk għandha prodotti ‘pipeline’ [li qed jiġu żviluppati] li għandhom il-potenzal illi jirnexxu fil-futur […].”

C. L-Avviż ikkonsolidat dwar il-ġurisdizzjoni

11

L-Avviż ġurisdizzjonali kkonsolidat tal-Kummissjoni taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU 2008, C 95, p. 1, iktar ’il quddiem l-“Avviż ikkonsolidat dwar il-ġurisdizzjoni”) jipprevedi:

“[…]

(38)

Id-definizzjoni ġenerali u teleoloġika ta’ konċentrazzjoni kif stabbilita fl-Artikolu 3(1) [tar-Regolament Nru 139/2004] – li r-riżultat tagħha huwa l-kontroll ta’ impriża waħda jew aktar – timplika li ma hemm ebda differenza jekk il-kontroll inkisibx permezz ta’ tranżazzjoni legali waħda jew bosta, kemm‑il darba r-riżultat aħħari jikkostitwixxi konċentrazzjoni unika. Żewġ tranżazzjonijiet jew aktar jikkostitwixxu konċentrazzjoni unika għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 3 jekk huma ta’ natura unitarja. Għalhekk għandu jiġi determinat jekk ir-riżultat iwassalx biex jingħata lil impriża waħda jew aktar il-kontroll dirett jew indirett fuq l-attivitajiet ta’ impriża waħda jew aktar. Għall-evalwazzjoni, ir-realtà ekonomika li tirfed it-tranżazzjonijiet għandha tiġi identifikata u b’hekk l-għan ekonomiku mfittex mill-partijiet. Fi kliem ieħor, sabiex tiġi determinata n-natura unitarja tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati huwa meħtieġ, f’kull każ individwali, li jiġi aċċertat jekk dawk it-tranżazzjonijiet humiex interdipendenti, b’tali mod li tranżazzjoni waħda ma kinitx titwettaq mingħajr l-oħra […].

(39)

Il-premessa 20 tar-Regolament dwar l-Amalgamazzjonijiet jispjega f’dan ir-rigward li huwa xieraq li jiġu ttrattati bħala konċentrazzjoni unika dawk li huma konnessi fil-qrib, fis-sens li huma marbutin b’kondizzjoni. […]

[…]

(41)

Iżda, bosta tranżazzjonijiet, ukoll jekk marbutin b’kondizzjoni fuq xulxin, jistgħu jiġu ttrattati bħala konċentrazzjoni unika, jekk il-kontroll jiġi akkwistat fl-aħħar mill-aħħar mill-istess impriża/i. […]

[…]

(44)

Il-prinċipju li bosta tranżazzjonijiet jistgħu jiġu ttrattati bħala konċentrazzjoni unika […] jgħodd biss jekk ir-riżultat huwa li l-kontroll ta’ waħda mill-impriżi jiġi akkwistat mill-istess persuna/i jew impriża/i.”

D. Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali

12

L-Artikoli 91 u 92 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jistabbilixxu, rispettivament, l-għan tal-miżuri istruttorji u l-proċedura relatata magħhom.

13

L-Artikoli 93 sa 95 ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura jipprevedu l-modalitajiet proċedurali tal-prova permezz tax-xhieda.

14

L-Artikolu 96 tal-imsemmija regoli tal-proċedura jikkonċerna l-perizja.

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

15

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 2 sa 18 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, T‑315/20 u T‑319/20 kif ukoll fil-punti 2 sa 16 tas-sentenza T‑317/20. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

A. Il-kuntest tal-konċentrazzjoni

16

RWE AG hija kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż li, meta saret il-komunikazzjoni tal-konċentrazzjoni proposta, kienet attiva tul il-katina kollha tal-provvista tal-enerġija, inkluż fl-oqsma tal-produzzjoni, tal-provvista bl-ingrossa, tat-trasport, tad-distribuzzjoni, tal-kummerċ bl-imnut tal-enerġija, kif ukoll tas-servizzi tal-enerġija pprovduti lill-konsumaturi (bħall-qari tal-arloġġ, il-mobbiltà elettrika, eċċ.) (iktar ’il quddiem is-“suq tal-elettriku”). RWE u s-sussidjarji tagħha, inkluża innogy SE, joperaw f’diversi Stati Membri.

17

E. ON SE hija kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż li, f’dak l-istess mument, kienet topera tul il-katina kollha ta’ provvista tal-elettriku, sew jekk fil-produzzjoni, il-bejgħ bl-ingrossa, id-distribuzzjoni jew il-kummerċ bl-imnut tal-elettriku. E.ON tippossjedi u topera assi ta’ produzzjoni tal-elettriku f’numru ta’ Stati Membri.

18

L-appellanti, rikorrenti fl-ewwel istanza, huma impriżi tas-settur pubbliku, irregolati mid-dritt Ġermaniż, li jipproduċu l-elettriku kemm minn sorsi ta’ enerġija konvenzjonali (iktar ’il quddiem l-“elettriku konvenzjonali”) kif ukoll minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u li l-assi ta’ produzzjoni tagħhom jinsabu fil-Ġermanja.

19

Il-konċentrazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ tidħol fil-kuntest ta’ skambju kumpless ta’ elementi ta’ assi bejn RWE u E.ON, imħabbar fil‑11 u fit‑12 ta’ Marzu 2018 miż-żewġ impriżi kkonċernati (iktar ’il quddiem it-“tranżazzjoni globali”). Dan l-iskambju seħħ permezz tal-ewwel konċentrazzjoni, li hija l-konċentrazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ, li permezz tagħha RWE tixtieq takkwista l-kontroll esklużiv jew il-kontroll konġunt ta’ ċerti assi ta’ produzzjoni ta’ E.ON. It-tieni konċentrazzjoni kienet tikkonsisti fl-akkwist minn E.ON tal-kontroll esklużiv tal-attivitajiet ta’ distribuzzjoni u tal-kummerċ bl-imnut kif ukoll ta’ ċerti assi ta’ produzzjoni ta’ innogy, kumpannija kkontrollata minn RWE. Fl-aħħar nett, it-tielet konċentrazzjoni tipprevedi li RWE tikseb 16.67 % tal-ishma ta’ E.ON.

20

Permezz ta’ ittri mibgħuta, rispettivament, fis‑17 ta’ April, fl‑24 ta’ April, fil‑25 ta’ April, fis‑16 ta’ Lulju u fit‑13 ta’ Novembru 2018, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza informaw lill-Kummissjoni bix-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fil-proċedura dwar l-ewwel u t-tieni konċentrazzjoni.

21

Fis‑26 ta’ Ġunju 2018, saret laqgħa bejn ir-rappreżentant tar-rikorrenti fil-Kawżi C‑464/23 P, C‑465/23 P, C‑467/23 P u C‑470/23 P u l-Kummissjoni, li matulha dawn esprimew lill-Kummissjoni t-tħassib tal-klijenti tagħhom fir-rigward tal-ewwel u t-tieni konċentrazzjoni kif ukoll ix-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fil-proċeduri relatati magħhom. Fit‑28 ta’ Awwissu 2018, inżammu laqgħat individwali bejn il-Kummissjoni u kull waħda minn dawn l-erba’ rikorrenti, li matulhom dawn issottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawn il-konċentrazzjonijiet.

22

It-tieni konċentrazzjoni (iktar ’il quddiem it-“tranżazzjoni M.8870”) ġiet innotifikata lill-Kummissjoni fil‑31 ta’ Jannar 2019. Fir-rigward ta’ din il-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2019) 6530 final tas‑17 ta’ Settembru 2019 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE (Każ M.8870 – E.ON/Innogy) (ĠU 2020, C 379, p. 16).

23

It-tielet konċentrazzjoni ġiet innotifikata lill-Bundeskartellamt (l-Uffiċċju Federali tal-Akkordji, il-Ġermanja), li awtorizzaha permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Frar 2019 (Każ B8‑28/19, iktar ’il quddiem it-“tranżazzjoni B8‑28/19”).

B. Il-proċedura amministrattiva

24

Fit‑22 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ proposta ta’ konċentrazzjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 139/2004 li permezz tagħha RWE xtaqet takkwista, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan ir-regolament, il-kontroll esklużiv jew il-kontroll konġunt ta’ ċerti assi ta’ produzzjoni ta’ E.ON.

25

Fil‑31 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni ppubblikat, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, in-notifika minn qabel ta’ dik il-konċentrazzjoni (Każ M.8871 – RWE/E.ON Assets) (ĠU 2019, C 38, p. 22, iktar ’il quddiem it-“tranżazzjoni M.8871”), konformement mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 139/2004.

26

L-assi ta’ produzzjoni ta’ E.ON li RWE għandha takkwista fil-kuntest tat-tranżazzjoni M.8871 jinkludu, minn naħa, l-entitajiet u l-ishma fl-entitajiet li ġejjin, li joperaw fis-settur tal-enerġija prodotta minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli:

E.ON Climate & Renewables GmbH (il-Ġermanja);

Amrum Offshore West GmbH (il-Ġermanja);

E.ON Climate & Renewables UK Limited (ir-Renju Unit);

E.ON Climate & Renewables North America LLC (l-Istati Uniti);

E.ON Wind Sweden AB (l-Isvezja);

E.ON Climate & Renewables Italia Srl (l-Italja);

Arkona (il-Ġermanja), u

Delta Nordsee (il-Ġermanja).

27

Barra minn hekk, RWE se takkwista 60.08 % tal-ishma f’Rampion NewCo (ir-Renju Unit), li min-naħa tagħha żżomm 50 % tal-ishma f’Rampion Offshore Wind Limited (ir-Renju Unit), u b’hekk tikseb sehem indirett ta’ 30.1 % f’Rampion Offshore Wind.

28

L-assi ta’ produzzjoni ta’ E.ON li jifformaw parti mit-tranżazzjoni M.8871 jinkludu, min-naħa l-oħra, ishma u d-drittijiet ta’ prelevament assoċjati f’assi nukleari, jiġifieri:

sehem minoritarju ta’ 12.5 % f’Kernkraftwerke Lippe‑Ems GmbH (il-Ġermanja);

sehem minoritarju ta’ 25 % f’Kernkraftwerk Gundremmingen GmbH (il-Ġermanja), kif ukoll sehem ta’ 25 % fil-kombustibbli u fl-iskart nukleari kif ukoll fl-assi immobbli marbuta ma’ dan l-impjant nukleari.

29

Fil-kuntest tal-eżami tagħha tat-tranżazzjoni M.8871, il-Kummissjoni wettqet investigazzjoni tas-suq u għalhekk bagħtet kwestjonarju lil ċerti impriżi, fosthom ir-rikorrenti fl-ewwel istanza u li dawn wieġbu fit‑30 ta’ Jannar 2019.

30

Permezz ta’ ittri tal‑31 ta’ Jannar 2019, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza tennew ix-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fil-proċedura mmexxija mill-Kummissjoni u li, f’din l-okkażjoni, jinstemgħu mill-Kummissjoni fil-każ li din kellha tiddeċiedi li tiftaħ il-fażi ta’ eżami fid-dettall, konformement mal-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 139/2004.

C. Id-deċiżjoni kontenzjuża

31

Fis‑26 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża li permezz tagħha t-tranżazzjoni M.8871 ġiet iddikjarata kompatibbli mas-suq intern fil-fażi ta’ eżami prevista fl-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004 u fl-Artikolu 57 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3).

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenzi appellati

32

Permezz ta’ ħames atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Mejju 2020, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ppreżentaw rikorsi intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

33

Insostenn tar-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza invokaw, essenzjalment b’mod identiku, sitt motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq diviżjoni żbaljata tal-analiżi tal-konċentrazzjoni globali, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tielet wieħed, fuq ksur tad-dritt għal smigħ, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-ħames wieħed, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u, is-sitt wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ diliġenza.

34

Permezz tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi.

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

35

Permezz ta’ ħames atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Lulju 2023, l-appellanti ppreżentaw dawn l-appelli.

36

Fl-istess jum, dawn l-appellanti, li barra minn hekk kienu ppreżentaw, matul is-sena 2021, ħames rikorsi għall-annullament tad-deċiżjoni msemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza (Kawżi T‑53/21, T‑55/21, T‑56/21, T‑61/21 u T‑62/21), li kienu għadhom pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Lulju 2023, talbu s-sospensjoni tal-eżami ta’ dawn l-appelli sakemm jingħataw is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali f’dawn il-kawżi.

37

Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2023, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara li sema’ lill-partijiet dwar dawn it-talbiet għal sospensjoni kif ukoll dwar il-possibbiltà li dawn l-appelli jingħaqdu, ċaħad dawn it-talbiet u ordna li ssir din l-għaqda.

38

Permezz tal-appelli tagħhom, l-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’termini identiċi, kull waħda għal dak li jikkonċerna lilha:

tannulla s-sentenzi appellati u d-deċiżjoni kontenzjuża;

sussidjarjament u fi kwalunkwe każ, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż tal-avukati u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar sostnuti fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

39

Il-Kummissjoni u l-partijiet l-oħra jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appelli, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

V. Fuq l-appelli

40

Insostenn tal-appelli tagħhom, l-appellanti jinvokaw, f’termini identiċi, erba’ aggravji, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali tal-appellanti (l-ewwel aggravju), fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004 (it-tieni aggravju), fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament (it-tielet aggravju) u fuq ksur tal-prinċipji dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova (ir-raba’ aggravju).

A. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali tal-appellanti

1.   Fuq l-ammissibbiltà

a)   L-argumenti tal-partijiet

41

Il-Kummissjoni ssostni li l-appelli ma jidentifikawx il-punti tas-sentenzi appellati li huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi, b’tali mod li dawn l-appelli ma jissodisfawx ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

b)   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

42

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li tagħha jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, thyssenkrupp vs Il‑Kummissjoni, C‑581/22 P, EU:C:2024:821, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

B’mod partikolari, aggravju li l-argument tiegħu ma huwiex suffiċjentement ċar u preċiż li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti u għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, b’mod partikolari peress li l-elementi essenzjali li fuqhom huwa bbażat l-aggravju ma jirriżultawx b’mod suffiċjentement koerenti u li jinftiehem mit-test ta’ dan l-appell, li huwa fformulat b’mod oskur u ambigwu f’dan ir-rigward. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli appell nieqes minn struttura koerenti, li jkun limitat għal dikjarazzjonijiet ġenerali u li ma jinkludix indikazzjonijiet preċiżi marbuta mal-punti tad-deċiżjoni kkontestata li huma possibbilment ivvizzjati bi żball ta’ liġi (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, thyssenkrupp vs Il‑Kummissjoni, C‑581/22 P, EU:C:2024:821, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti identifikaw bi preċiżjoni l-punti tas-sentenzi appellati li huma għandhom l-intenzjoni jikkritikaw permezz tal-ewwel aggravju tagħhom u esponew b’mod preċiż u speċifiku l-iżbalji ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet f’dawn il-punti.

45

Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju huwa ammissibbli.

2.   Fuq il-mertu

a)   Fuq l-ewwel parti

1) L-argumenti tal-partijiet

46

L-appellanti jikkontestaw l-esklużjoni mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 393 u 394 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 392 u 393 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, tal-applikabbiltà tal-Artikolu 101 TFUE. Din l-esklużjoni “f’daqqa” hija nieqsa minn kull motivazzjoni preċiża u żbaljata. Qabel kollox, l-effikaċja tal-projbizzjoni tal-akkordji ddikjarata fl-Artikolu 101 TFUE ma tistax tiġi kompromessa mid-dispożizzjonijiet ta’ natura proċedurali li jinsabu fir-Regolament Nru 139/2004, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tirreferi għal dan ir-regolament sabiex teskludi l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, mis-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2017, Austria Asphalt (C‑248/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza Austria Asphalt, EU:C:2017:643, punti 3334), invokata mill-Qorti Ġenerali, ma jirriżultax li konċentrazzjoni ma tistax tikser materjalment l-Artikolu 101 TFUE skont ir-Regolament Nru 139/2004. Fil-fatt, din is-sentenza tirrigwarda, fir-realtà, id-distinzjoni tar-rekwiżiti proċedurali previsti, minn naħa, minn dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, mir-Regolament Nru 1/2003. B’hekk, id-dritt primarju japplika għall-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni meta l-partijiet fil-konċentrazzjoni jinftiehmu – bħal f’dan il-każ – sabiex jirrestrinġu l-kompetizzjoni, li jirriżulta kemm mill-istorja tar-Regolament Nru 139/2004 kif ukoll mill-formulazzjoni u mill-ġurisprudenza tiegħu.

47

Skont il-ġurisprudenza wkoll, l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 ma teskludix dik tad-dritt primarju sostantiv. Fis-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Towercast (C‑449/21 P, EU:C:2023:207, punti 33 et seq.), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li għalkemm l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 139/2004 jeskludi l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1/2003 għall-konċentrazzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004, dan l-effett ta’ bblukkar jikkonċerna biss, mill-formulazzjoni tiegħu stess, l-atti tad-dritt sekondarju. Fl-aħħar mill-aħħar, dawn il-prinċipji huma neċessarji sabiex jiġu evitati diverġenzi ta’ evalwazzjoni fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

48

Il-Kummissjoni, RWE u E.ON jikkontestaw l-argumenti tal-appellanti.

2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

49

Fir-rigward tal-ilment li l-appellenti jifformulaw dwar il-motivazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, għandu jiġi osservat preliminarjament li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni rikjesta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minnu li jingħataw spjegazzjonijiet. Ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni paragrafu Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Ryanair u Laudamotion vs Il‑Kummissjoni, C‑591/21 P, EU:C:2024:635, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, wara li, fil-punt 392 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punt 391 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, esponiet li r-rikorrenti fl-ewwel istanza jsostnu li, permezz tal-konċentrazzjoni globali, RWE u E.ON qassmu bejniethom l-istadji tal-katina tal-valur fis-suq tal-elettriku fil-Ġermanja, li jirrappreżenta restrizzjoni tal-kompetizzjoni li tmur kontra l-Artikolu 101 TFUE, irrilevat, fil-punt 393 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punt 392 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, li mill-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 139/2004 jirriżulta li dan ir-regolament huwa applikabbli biss għall-konċentrazzjonijiet kif iddefiniti fl-Artikolu 3 tiegħu, li għalihom ir-Regolament Nru 1/2003, bħala prinċipju, ma japplikax. Il-Qorti Ġenerali, b’riferiment għas-sentenza Austria Asphalt, żiedet li, għall-kuntrarju, dan l-aħħar regolament jibqa’ japplika għall-aġir tal-impriżi li, mingħajr ma jikkostitwixxu konċentrazzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 139/2004, jistgħu madankollu jwasslu għal koordinazzjoni bejniethom kuntrarja għall-Artikolu 101 TFUE u li, għal din ir-raġuni, huma suġġetti għall-kontroll tal-Kummissjoni jew tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

51

Fil-punt 394 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punt 393 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, il-Qorti Ġenerali żiedet li l-fatt li s-suġġett tad-deċiżjoni kontenzjuża kien jikkonċerna konċentrazzjoni ma kienx ikkontestat. Hija kkonkludiet ukoll, f’dan il-punt, li, fid-dawl tal-evalwazzjoni tagħha li tinsab fil-punt 393 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punt 392 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, l-argument tar-rikorrenti fl-ewwel istanza bbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE kien ineffettiv.

52

B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, osservat l-obbligu ta’ motivazzjoni li hija għandha skont l-Artikolu 296 TFUE. F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-appelli tal-appellanti, dawn setgħu jressqu lmenti fuq il-mertu kontra l-evalwazzjonijiet li jinsabu f’dawn il-punti tas-sentenzi appellati u l-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja riprodotti fil-punti 54 sa 58 ta’ din is-sentenza juru li l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali.

53

Fir-rigward tal-kritika fuq il-mertu tal-appellanti fir-rigward ta’ din l-evalwazzjoni, għandu jiġi rrilevat li din tirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenzi appellati.

54

Fil-punt 394 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punt 393 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, il-Qorti Ġenerali ma eskludietx l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 TFUE għall-ftehimiet konklużi bejn RWE u E.ON għall-finijiet tat-tranżazzjoni M.8871.

55

F’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, essenzjalment, li, peress li s-suġġett tad-deċiżjoni kontenzjuża kien l-eżami ta’ konċentrazzjoni nnotifikata lill-Kummissjoni, kien permezz tar-Regolament Nru 139/2004, li l-għan tiegħu huwa l-kontroll preventiv tal-konċentrazzjonijiet fir-rigward tal-Artikoli 101 u 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Austria Asphalt, punti 30 u 31), u mhux permezz tar-Regolament Nru 1/2003, li l-għan tiegħu huwa l-kontroll tal-akkordji, tad-deċiżjonijiet, tal-prattiki miftiehma u tas-sitwazzjonijiet ta’ pożizzjoni dominanti msemmija fl-istess dispożizzjonijiet tat-Trattat, li l-osservanza tal-Artikolu 101 TFUE kellha tiġi, ġustament, mistħarrġa mill-Kummissjoni.

56

Issa, billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali ma marritx kontra l-leġiżlazzjoni applikabbli u rreferiet, ġustament, fil-punt 393 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punt 392 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, għall-ġurisprudenza dwar din il-leġiżlazzjoni li tinsab fil-punti 32 u 33 tas-sentenza Austria Asphalt.

57

Din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali lanqas ma hija mqiegħda inkwistjoni mis-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Towercast (C‑449/21 P, EU:C:2023:207), iċċitata mill-appellanti. F’din il-kawża, il-konċentrazzjoni kkonċernata, li ma kinitx taqbeż il-limiti ddefiniti fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 139/2004, ma kinitx ġiet innotifikata, b’tali mod li r-Regolament Nru 139/2004 ma kienx, b’differenza mill-konċentrazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ, ġie implimentat u li l-effett ta’ bblukkar previst fl-Artikolu 21(1) tiegħu ma setax japplika.

58

Sa fejn l-appellanti jallegaw li RWE u E.ON ftiehmu sabiex jirrestrinġu l-kompetizzjoni, permezz ta’ operazzjoni kumplessa li ġabet fis-seħħ “waqfien mill-ġlied” bejn “kompetituri feroċi qodma”, u sa fejn il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali ma setgħux jinjoraw dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li għalkemm tali ċirkustanzi setgħu jew jistgħu, jekk ikun il-każ, wara lment, ikunu s-suġġett ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni skont ir-Regolament Nru 1/2003, dawn ma kellhomx tendenza li jaqgħu taħt l-eżami strutturali tal-konċentrazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża skont ir-Regolament Nru 139/2004 u, sussegwentement, taħt il-kontroll mill-Qorti Ġenerali tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

59

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija infondata.

b)   Fuq it-tieni parti

1) L-argumenti tal-partijiet

60

L-appellanti jirrilevaw li l-Qorti Ġenerali, minħabba l-pożizzjoni tagħha dwar l-Artikolu 101 TFUE, ma vverifikatx jekk il-provi li huma kienu pproduċew kinux jikkaratterizzaw restrizzjoni tal-kompetizzjoni pprojbita minn dan l-Artikolu 101. Issa, mill-proċess jirriżulta li RWE u E.ON qablu li jaqsmu bejniethom is-suq tal-elettriku. Il-Qorti Ġenerali setgħet, u hekk missha għamlet, tikklassifika dan it-tqassim tas-suq bħala pprojbit bis-saħħa tal-Artikolu 101(1) TFUE. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li l-Kummissjoni ma wettqet ebda kontroll tat-tranżazzjoni M.8871 fid-dawl tal-Artikolu 101 TFUE u li l-partijiet f’din il-konċentrazzjoni lanqas ma pproduċew l-iċken ġustifikazzjoni li l-imsemmija konċentrazzjoni kellha tipproduċi effetti favorevoli, skont l-Artikolu 101(3) TFUE.

61

Il-Kummissjoni, RWE u E.ON jikkontestaw l-argumenti tal-appellanti.

2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

62

Permezz ta’ din il-parti, l-appellanti jikkritikaw, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli ma vverifikatx jekk il-provi li huma pproduċew matul il-proċeduri fl-ewwel istanza kinux jikkaratterizzaw l-eżistenza ta’ akkordju li jmur kontra l-Artikolu 101 TFUE.

63

Mill-eżami tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-Kummissjoni kienet, ġustament, eżaminat il-konċentrazzjoni inkwistjoni fil-kuntest tal-kontroll preventiv previst mir-Regolament Nru 139/2004, u, sussegwentement, li kull element relatat mal-eżistenza ta’ akkordju antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE seta’ kien, jew jista’ jkun, jekk ikun il-każ, is-suġġett ta’ lment fil-kuntest tar-Regolament Nru 1/2003.

64

Issa, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha twettaq evalwazzjonijiet mingħajr rabta mal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors għal annullament miġjub quddiemha.

65

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

c)   Fuq it-tielet parti

1) L-argumenti tal-partijiet

66

L-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tagħhom għal smigħ sa fejn, minn naħa, billi kkonstatat in-natura ineffettiva tal-argument ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE, il-fatti kollha esposti minnhom sabiex jistabbilixxu l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni ġew injorati għal raġunijiet purament formali. Min-naħa l-oħra, iċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 406 sa 411 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 405 sa 410 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, tat-talba għad-dehra personali jew għas-smigħ ta’ xhieda mressqa mill-appellanti, marret kontra d-dritt għal smigħ ta’ dawn tal-aħħar.

67

Il-Kummissjoni, RWE u E.ON jikkontestaw l-argumenti tal-appellanti.

2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

68

Permezz ta’ din il-parti, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali billi jallegaw li kisret id-dritt tagħhom għal smigħ billi injorat il-fatti li huma ressqu u billi ma organizzatx id-dehra fis-seduta jew is-smigħ ta’ ċerti xhieda, fir-rigward ta’ aġir ta’ RWE u ta’ E.ON li jkun kuntrarju għall-Artikolu 101 TFUE.

69

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li issa huwa espress fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju jinkludi d-dritt għal smigħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2024, Energotehnica,C‑792/22, EU:C:2024:788, punt 54).

70

Id-dritt għal smigħ jimplika li l-persuna kkonċernata titqiegħed f’pożizzjoni li tesponi b’mod effettiv il-perspettiva tagħha dwar elementi li fuqhom l-awtorità kompetenti għandha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha li taffettwa lil tali persuna. Barra minn hekk, ir-rispett tad-dritt għal smigħ fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja ma jimplikax li l-qorti għandha tinkorpora kompletament fid-deċiżjoni tagħha l-allegazzjonijiet kollha mressqa minn kull waħda mill-partijiet, iżda jimplika li, wara li tkun semgħet l-allegazzjonijiet tal-partijiet u wara li tkun eżaminat il-provi, hija għandha tiddeċiedi dwar it-talbiet tar-rikors u timmotiva d-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2023, Global Silicones Council et vs ECHA,C‑559/21 P, EU:C:2023:842, punt 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

71

Min-naħa l-oħra, dan id-dritt ma jinkludix l-obbligu, għall-Qorti Ġenerali, li tordna miżuri istruttorji. Fil-fatt, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-evalwazzjoni, mill-qorti tal-ewwel istanza, ta’ talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew għal miżuri istruttorji mressqa minn parti f’kawża, il-Qorti Ġenerali hija l-unika li tista’ tiddeċiedi dwar in-neċessità eventwali li tiġi kkompletata l-informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar il-kawżi li jkollha quddiemha. Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali nnifisha li għandha tevalwa r-rilevanza ta’ talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura b’rabta mas-suġġett tal-kawża u mal-ħtieġa li tipproċedi b’din il-miżura (sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2020, Flieg vs SEAE,C‑446/19 P, EU:C:2020:918, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

Minn dan isegwi li, waqt l-istħarriġ imwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, għandu jiġi vverifikat jekk il-partijiet kinux effettivament f’pożizzjoni li jesponu, matul il-proċedura bil-miktub, l-allegazzjonijiet tagħhom u l-bażijiet invokati minnhom, kif ukoll, jekk ikun il-każ, matul il-proċedura orali, id-dettalji tal-allegazzjonijiet tagħhom u t-tweġibiet tagħhom għall-allegazzjonijiet tal-partijiet l-oħra fil-proċedura. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata tirriproduċi, fid-deċiżjoni tagħha mogħtija fl-ewwel istanza, l-allegazzjonijiet kollha bil-miktub jew orali tal-partijiet u lanqas ma hija obbligata tieħu pożizzjoni fir-rigward ta’ kull waħda minnhom (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Viega vs Il‑Kummissjoni, C‑276/11 P, EU:C:2013:163, punti 3536).

73

F’dan il-każ, minn naħa, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-appellanti kellhom l-opportunità li jsostnu, matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-argumenti kollha tagħhom dwar l-eżistenza ta’ akkordju bejn RWE u E.ON, li jmur kontra l-Artikolu 101 TFUE. F’dan ir-rigward, il-fatt li lment jitqies bħala ineffettiv b’ebda mod ma jimplika li l-appellanti ma nstemgħux.

74

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali la kienet obbligata tinkorpora dawn l-argumenti fir-raġunament tagħha u lanqas li tilqa’ t-talba għal dehra personali jew għal smigħ ta’ xhieda, anki jekk jitqies li din kienet ammissibbli ratione temporis, peress li dawn l-argumenti u din it-talba kienu jirrigwardaw ilment, jiġifieri dak ibbażat fuq l-eżistenza ta’ akkordju kuntrarju għall-Artikolu 101 TFUE, ikkunsidrat ġustament mill-Qorti Ġenerali bħala ineffettiv fil-punti 392 sa 394 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 391 sa 393 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20.

75

It-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha għalhekk tiġi miċħuda.

76

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel aggravju huwa miċħud.

B. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004

77

Permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti jsostnu li l-konċentrazzjonijiet M.8871, M.8870 u B8–28/19 jifformaw parti integrali minn konċentrazzjoni unika u li, għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, dawn kellhom jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ proċedura unika ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet prevista mir-Regolament Nru 139/2004.

1.   Fuq l-ewwel parti

a)   L-argumenti tal-partijiet

78

L-appellanti jsostnu, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat baqgħet lura milli tiddeċiedi dwar il-kompetenza tagħha stess sabiex tieħu konjizzjoni tat-tranżazzjoni B8–28/19 u bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq il-premessa li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tinkludi formalment l-involviment ta’ RWE sa 16.67% fil-kapital ta’ E.ON fil-proċedura dwar it-tranżazzjoni M.8871 (punti 61 sa 72 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, T‑315/20 u T‑319/20 kif ukoll il-punti 60 sa 71 tas-sentenza T‑317/20), sabiex minn dan ikkonkludiet li, jekk huma kienu jqisu li t-tranżazzjoni B8–28/19 setgħet kellha dimensjoni Komunitarja, huma kellhom iressqu lment quddiem il-Kummissjoni sabiex jitolbuha tieħu konjizzjoni tagħha.

79

Fil-fatt, la s-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2003, Schlüsselverlag J. S. Moser et vs Il‑Kummissjoni (C‑170/02 P, EU:C:2003:501, punti 27 sa 30), iċċitata fil-punt 68 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, T‑315/20 u T‑319/20 kif ukoll fil-punt 67 tas-sentenza T‑317/20, u ebda raġuni oħra ma timponi lill-appellanti l-obbligu li jressqu lmenti separati u, jekk ikun il-każ, li jippreżentaw appelli distinti. Huwa d-dmir tal-Kummissjoni li tivverifika l-eżistenza u l-portata ta’ konċentrazzjoni.

80

It-tieni nett, billi invokat nuqqas ta’ prova ta’ teħid ta’ kontroll (punt 70 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, T‑315/20 u T‑319/20 kif ukoll il-punt 69 tas-sentenza T‑317/20), il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti. Fil-fatt, l-appellanti pprovdew spjegazzjonijiet kompleti dwar l-influwenza u l-kontroll eżerċitati minn RWE fi ħdan E.ON. Barra minn hekk, l-Investor Relationship Agreement (il-ftehim ta’ relazzjoni bejn investituri, iktar ’il quddiem l-“IRA”), li fuqha l-Qorti Ġenerali tistrieħ fl-argumenti tagħha, qatt ma ġie kkomunikat lill-appellanti. Fl-aħħar nett, l-IRA ma tipprekludix lil RWE milli tidderoga minn dan il-ftehim fl-eżerċizzju tad-dritt tal-vot tagħha. L-imsemmi ftehim huwa fi kwalunkwe każ ivvizzjat b’nullità, peress li jikser it-tieni sentenza tal-Artikolu 134(1) tal-Aktiengesetz (il-Liġi Ġermaniża dwar il-Kumpanniji Pubbliċi b’Responsabbiltà Limitata), fatt li ġie spjegat fid-dettall waqt is-seduta iżda ma ssemmiex fis-sentenzi appellati.

81

It-tielet nett u indipendentement mill-punti preċedenti, kienu l-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali li kellhom jeżaminaw l-involviment ta’ RWE fil-kapital ta’ E.ON sa 16.67 % anki jekk din, meħuda waħedha, ma kinitx tikkostitwixxi konċentrazzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 139/2004 peress li, bis-saħħa tal-premessa 21 ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni setgħet teżamina l-ftehimiet marbuta mal-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni.

82

Il-Kummissjoni, RWE u E.ON jikkontestaw l-argumenti tal-appellanti.

b)   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

83

Permezz ta’ din il-parti, li tirrigwarda l-punti 61 sa 72 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, T‑315/20 u T‑319/20 kif ukoll il-punti 60 sa 71 tas-sentenza T‑317/20, l-appellanti jilmentaw, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx li l-Kummissjoni kellha tiddeċiedi, fid-deċiżjoni kontenzjuża, dwar il-kompetenza tagħha, u sussegwentement, formalment tinkludi l-akkwist ta’ sehem minoritarju ta’ RWE fil-kapital ta’ E.ON, jiġifieri t-tranżazzjoni B8–28/19, fil-proċedura dwar it-tranżazzjoni M.8871. Huma jikkritikaw ukoll lill-Qorti Ġenerali talli żnaturat ċerti punti ta’ fatt mill-proċess.

84

Fil-punt 61 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, T‑315/20 u T‑319/20 kif ukoll fil-punt 60 tas-sentenza T‑317/20, il-Qorti Ġenerali rrilevat li fid-deċiżjoni kontenzjuża l-Kummissjoni kienet fakkret l-obbligu tagħha, fl-evalwazzjoni tagħha tal-effetti kompetittivi ta’ kull akkwist ta’ kontroll, li tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-ishma minoritarji miżmuma mill-akkwirent f’kumpanniji relatati potenzjali, u li l-Kummissjoni kienet għalhekk ivverifikat jekk l-akkwist tas-sehem ta’ RWE f’E.ON, li huwa s-suġġett tat-tranżazzjoni B8–28/19, setax inaqqas l-interess ta’ dawn il-partijiet li jikkompetu jew jagħtihom il-kapaċità u interess li jeskludu lill-kompetituri.

85

Fil-punti 62 u 63 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, T‑315/20 u T‑319/20 kif ukoll fil-punti 61 u 62 tas-sentenza T‑317/20, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni s-sehem akkwistat minn RWE f’E.ON fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti tat-tranżazzjoni M.8871, iżda ma kinitx eżaminat il-kompatibbiltà tat-tranżazzjoni B8–28/19 mas-suq intern fid-dawl tar-Regolament Nru 139/2004, filwaqt li l-Qorti Ġenerali osservat li kienet l-awtorità kompetenti Ġermaniża li eżaminat il-kompatibbiltà ta’ din il-konċentrazzjoni fid-dawl tad-dritt Ġermaniż.

86

Fil-punti 64 sa 66 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, T‑315/20 u T‑319/20 kif ukoll fil-punti 63 sa 65 tas-sentenza T‑317/20, bi tweġiba għall-argumenti tar-rikorrenti fl-ewwel istanza li l-Kummissjoni missha eżaminat it-tranżazzjoni B8–28/19 peress li s-sehem minoritarju akkwistat minn RWE fuq E.ON kien jippermetti lil RWE teżerċita influwenza determinanti fuq E.ON, il-Qorti Ġenerali fakkret id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “konċentrazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004, u rrilevat li r-rikorrenti kienu jqisu li t-tranżazzjoni B8–28/19 kienet tikkostitwixxi tali konċentrazzjoni u għalhekk ikkritikaw lill-Kummissjoni talli din ma eżaminathiex.

87

Fil-punt 67 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, T‑315/20 u T‑319/20 kif ukoll fil-punt 66 tas-sentenza T‑317/20, il-Qorti Ġenerali esponiet li s-suġġett tar-rikors ippreżentat quddiemha kien jirrigwarda formalment id-deċiżjoni kontenzjuża li ddikjarat it-tranżazzjoni M.8871 kompatibbli mas-suq intern u li, anki jekk din id-deċiżjoni kienet tinkludi elementi dwar is-sehem akkwistat minn RWE f’E.ON ta’ natura li jispjegaw ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni ma kkunsidratx it-tranżazzjoni B8–28/19 bħala konċentrazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004, din id-deċiżjoni ma kinitx tirrigwarda espliċitament din il-kwistjoni u lanqas, b’estensjoni, ma kienet tirrigwarda l-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din il-konċentrazzjoni mas-suq intern. Għaldaqstant, skont il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ma setgħux jinvokaw motiv ibbażat fuq diviżjoni żbaljata tal-operazzjoni globali sabiex jitolbu lill-istess Qorti Ġenerali tiddeċiedi kwistjoni ta’ kompetenza li ma ġietx ittrattata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni effettivament ikkontestata quddiemha.

88

Il-Qorti Ġenerali enfasizzat ukoll li kieku r-rikorrenti fl-ewwel istanza kienu qiesu li t-tranżazzjoni B8–28/19 seta’ jkollha dimensjoni Komunitarja, huma kien ikollhom iressqu lment lill-Kummissjoni, f’liema każ din tal-aħħar kien ikollha tiddeċiedi dwar il-prinċipju nnifsu tal-kompetenza tagħha ta’ awtorità ta’ kontroll (punt 68 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, T‑315/20 u T‑319/20 kif ukoll il-punt 67 tas-sentenza T‑317/20).

89

Il-Qorti Ġenerali tosserva li, fi kwalunkwe każ, l-akkwist ta’ sehem minoritarju jista’ jagħti lok għal teħid ta’ kontroll biss jekk drittijiet speċifiċi jkunu marbuta ma’ dan is-sehem, li jagħtu kontroll esklużiv de lege, jew, jekk l-azzjonist minoritarju jikseb kontroll esklużiv de facto minħabba ċirkustanzi partikolari, (punt 69 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, T‑315/20 u T‑319/20 kif ukoll il-punt 60 tas-sentenza T‑317/20. Issa, minn naħa, l-appellanti ma kinux sostnew li tali drittijiet kienu marbuta mas-sehem akkwistat minn RWE (punt 71 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, T‑315/20 u T‑319/20 kif ukoll il-punt 69 tas-sentenza T‑317/20) u, min-naħa l-oħra, RWE ma tistax, fid-dawl tal-IRA, tikseb il-maġġoranza fil-laqgħat ġenerali ta’ E.ON, anki fil-preżenza ta’ numru żgħir ta’ azzjonisti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali osservat li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma kinux ipproduċew indizji sabiex isostnu l-plawżibbiltà ta’ kwalunkwe koordinazzjoni bejn [kunfidenzjali] ( 1 ) u RWE fil-laqgħat ġenerali ta’ E.ON li tista’ tagħti lil RWE maġġoranza stabbli f’dawn il-laqgħat. Għaldaqstant, skont il-Qorti Ġenerali, ma setax jitqies li RWE kienet akkwistat kontroll esklużiv de facto fuq E.ON (punt 71 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, T‑315/20 u T‑319/20 kif ukoll il-punt 60 tas-sentenza T‑317/20), u r-rikorrenti ma kellhomx raġun isostnu li t-tranżazzjoni B8–28/19 kienet tikkostitwixxi konċentrazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004 (punt 72 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, T‑315/20 u T‑319/20 kif ukoll il-punt 71 tas-sentenza T‑317/20).

90

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma kkonstatatx li l-Kummissjoni missha ddeċidiet, fid-deċiżjoni kontenzjuża, dwar il-kompetenza tagħha biex tistħarreġ it-tranżazzjoni B8‑28/19, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet organizzata mir-Regolament Nru 139/2004 tinkludi l-obbligu għall-operaturi ekonomiċi li jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-konċentrazzjonijiet tagħhom, kif ukoll il-projbizzjoni li jimplimentaw dawn il-konċentrazzjonijiet qabel ma l-Kummissjoni tkun ikkonstatat il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tipproċedi għall-eżamini tan-notifika malli tirċeviha, bil-għan li tadotta deċiżjoni li l-konċentrazzjoni nnotifikata ma taqax taħt dan ir-regolament, jew li ma tqajjimx dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, jew li tqajjem tali dubji (Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament) bil-konsegwenza, f’dan l-aħħar każ, tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali li twassal għal deċiżjoni ta’ kompatibbiltà (Artikolu 8(1) u (2) tal-istess regolament) jew ta’ inkompatibbiltà tal-konċentrazzjoni nnotifikata (Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 139/2004), jew, fil-każ ta’ konċentrazzjoni diġà implimentata u inkompatibbli jew li tikser kundizzjoni, deċiżjoni li tordna x-xoljiment ta’ din il-konċentrazzjoni (Artikolu 8(4) ta’ dan ir-regolament).

91

Mid-dispożizzjonijiet imfakkra fil-punt preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax teżamina konċentrazzjoni li ma ġietx innotifikata lilha bi ksur tal-obbligu previst fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, bil-għan li potenzjalment tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni. Madankollu, fil-każ fejn jiġi indirizzat lilha lment li jallega li tali fatti jikkostitwixxu konċentrazzjoni ta’ dimensjoni Komunitarja li taqa’ taħt ir-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni hija obbligata tiddeċiedi dwar il-kompetenza tagħha ta’ stħarriġ fir-rigward ta’ dawn il-fatti, sabiex, jekk ikun il-każ, tiddetermina jekk dawn jikkostitwixxux tali konċentrazzjoni, illegali minħabba li ma ġietx innotifikata u jekk, f’tali każ, għandhomx jiġu imposti multi skont l-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 139/2004.

92

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li t-tranżazzjoni B8‑28/19, suġġetta għall-kontroll tal-Uffiċċju Federali tal-Akkordji, ma kinitx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni. Għaldaqstant, għalkemm il-Kummissjoni debitament ħadet inkunsiderazzjoni l-akkwist minn RWE ta’ sehem minoritarju f’E.ON sabiex tevalwa l-interazzjonijiet kompetittivi li jistgħu jirriżultaw bejn il-partijiet fit-tranżazzjoni M.8871, li kienet ġiet innotifikata lilha, hija ma kellhiex, fl-assenza ta’ lment, tiddetermina ex officio l-kompetenza tagħha stess fir-rigward tat-tranżazzjoni B8‑28/19.

93

Għaldaqstant, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi eżaminata l-interpretazzjoni li tat il-Qorti Ġenerali tas-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2003, Schlüsselverlag J. S. Moser et vs Il‑Kummissjoni (C‑170/02 P, EU:C:2003:501, punti 27 sa 30), din ma wettqitx żball ta’ liġi meta ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti fl-ewwel istanza li l-Kummissjoni missha ddeċidiet, fid-deċiżjoni kontenzjuża, dwar it-tranżazzjoni B8‑28/19.

94

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxu l-appellanti fl-appelli tagħhom, il-Qorti Ġenerali semmiet u vverifikat l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni dwar l-akkwist ta’ sehem minoritarju ta’ RWE f’E.ON (ara l-punti 61 sa 71 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, T‑315/20 u T‑319/20 kif ukoll il-punti 60 sa 70 tas-sentenza T‑317/20; ara, ukoll, l-aħħar sentenzi tal-punti 269, 308 u 364, u l-punt 370 et seq. tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, T‑315/20 kif ukoll l-aħħar sentenzi tal-punti 268, 307 u 363, u l-punt 369 et seq. tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20).

95

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq żnaturament tal-fatti mill-Qorti Ġenerali, sa fejn, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet ta’ din il-qorti li jinsabu fil-punti 70 u 71 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, T‑315/20 u T‑319/20, kif ukoll fil-punti 69 u 70 tas-sentenza T‑317/20, qabel kollox, huma kienu effettivament ipprovdew spjegazzjonijiet insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom dwar l-influwenza u l-kontroll eżerċitat minn RWE fi ħdan E.ON, sussegwentement, l-IRA qatt ma ġiet ikkomunikata lilhom u, fl-aħħar nett, dan il-ftehim ma kienx jipprekludi lil RWE milli tidderoga minnu fl-eżerċizzju tad-dritt tal-vot tagħha, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ilmenti mressqa kontra motivi superfluwi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u, għalhekk, huma ineffettivi (sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Vialto Consulting vs Il‑Kummissjoni, C‑650/19 P, EU:C:2021:879, punt 86).

96

Issa, il-motivi esposti mill-Qorti Ġenerali rispettivament fil-punti 65 sa 68 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, T‑315/20 u T‑319/20, kif ukoll fil-punti 64 sa 67 tas-sentenza T‑317/20 huma suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw li l-Qorti Ġenerali ċaħdet, f’dawn is-sentenzi, l-ewwel parti tal-ewwel motiv li permezz tagħha r-rikorrenti fl-ewwel istanza kkritikaw lill-Kummissjoni talli ma stħarrġitx it-tranżazzjoni B8‑28/19. Il-fatt li kemm il-punt 69 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, T‑315/20 u T‑319/20 kif ukoll il-punt 68 tas-sentenza T‑317/20 jibdew bi “Fi kwalunkwe każ” jikkonferma din l-evalwazzjoni.

97

Peress li, fl-istadju tal-appelli, l-appellanti ma rnexxilhomx jistabbilixxu, fl-okkażjoni tal-ilment li huma qajmu insostenn ta’ din il-parti tat-tieni aggravju, li dawn il-punti tas-sentenzi appellati huma vvizzjati bi żball ta’ liġi, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

98

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li jgħid li kienu l-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali li kellhom jeżaminaw l-involviment ta’ RWE fil-kapital ta’ E.ON sa 16.67 % anki jekk din, meħuda waħedha, ma kinitx tikkostitwixxi konċentrazzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 139/2004, diġà ġie rrilevat, fil-punt 94 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni evalwat dan l-akkwist ta’ sehem minoritarju – fatt li l-Qorti Ġenerali debitament semmiet u vverifikat fis-sentenzi appellati.

99

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.   Fuq it-tieni parti

a)   L-argumenti tal-partijiet

100

L-appellanti jirrilevaw li, fil-punti 74 sa 119 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, T‑315/20 u T‑319/20 kif ukoll fil-punti 73 sa 118 tas-sentenza T‑317/20, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tagħhom li t-tranżazzjonijiet M.8871, M.8870 u B8–28/19 jifformaw konċentrazzjoni waħda. Din l-interpretazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ “konċentrazzjoni”, fis-sens tar-Regolament Nru 139/2004, tmur kontra l-għanijiet tat-Trattat FUE u l-importanza tal-premessa 20 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll il-kliem tal-Avviż ikkonsolidat dwar il-ġurisdizzjoni. Anki jekk din il-premessa 20 ma hijiex riprodotta fit-test tal-imsemmi regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni jikkonferma fiha li huwa jadotta interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “konċentrazzjoni”, mingħajr ma jeskludi li tranżazzjonijiet ta’ skambju marbuta mill-qrib jistgħu wkoll jikkostitwixxu konċentrazzjoni waħda. Barra minn hekk, il-formulazzjoni daqstant wiesgħa tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004 tippermetti li jiġu kkunsidrati bħala konċentrazzjoni waħda diversi tranżazzjonijiet li permezz tagħhom impriżi differenti jakkwistaw il-kontroll ta’ impriżi differenti “oħra”, li, fl-aħħar mill-aħħar, ma huwiex imqiegħed inkwistjoni mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 139/2004. Dan ġie kkonfermat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tat‑23 ta’ Frar 2009, Cementbouw Handel & Industrie vs Il‑Kummissjoni (T‑282/02, EU:T:2006:64, punti 111 et seq.).

101

Kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 84 u 85 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, T‑315/20 u T‑319/20 kif ukoll fil-punti 83 u 84 tas-sentenza T‑317/20, l-eżami konġunt tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju ma ġiex eskluż b’għażla deliberata tal-leġiżlatur, u dan tal-aħħar lanqas ma ddeċieda li l-Avviż ikkonsolidat biss kien deċiżiv. Issa, fil-Green Paper dwar ir-reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi [COM(2001) 745 final] (iktar ’il quddiem il-“Green Paper”), il-Kummissjoni argumentat sabiex it-tranżazzjonijiet ta’ skambju jiġu kkunsidrati bħala konċentrazzjoni waħda. Matul il-proċedura leġiżlattiva, id-diskussjoni dwar ir-reviżjoni prevista madankollu wasslet sabiex l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “konċentrazzjoni” fil-każ ta’ diversi akkwisti tiġi ggarantita mill-premessa 20.

102

Barra minn hekk, l-Avviż ikkonsolidat dwar il-ġurisdizzjoni huwa biss miżura amministrattiva interna li ma torbotx lill-Qorti Ġenerali. Fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Austria Asphalt (C‑248/16, EU:C:2017:322), l-Avukata Ġenerali Kokott ukoll ippreċiżat li din il-komunikazzjoni ma kinitx tagħmel parti mill-qafas legali rilevanti. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta bbażat l-evalwazzjoni tagħha tat-tranżazzjonijiet ta’ skambju fuq il-punti 41 u 44 tal-imsemmija komunikazzjoni sabiex tirrifjuta li tikkunsidra t-tranżazzjonijiet M.8871, M.8870 u B8–28/19 bħala konċentrazzjoni waħda.

103

Il-Kummissjoni, RWE u E.ON kif ukoll il-Gvern Ġermaniż jikkontestaw l-argumenti tal-appellanti.

b)   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

104

Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, li tirrigwarda, essenzjalment, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali li jinsab fil-punti 74 sa 86 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, T‑315/20 u T‑319/20 kif ukoll fil-punti 73 sa 85 tas-sentenza T‑317/20, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda”. Fil-fehma tagħhom, konċentrazzjoni waħda tista’ tiġbor diversi tranżazzjonijiet li permezz tagħhom diversi impriżi jakkwistaw il-kontroll ta’ diversi impriżi oħra. L-interpretazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ “konċentrazzjoni”, fis-sens tar-Regolament Nru 139/2004, tmur kontra l-għanijiet tat-Trattat FUE u l-importanza tal-premessa 20 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll il-kliem tal-Avviż ikkonsolidat dwar il-ġurisdizzjoni.

105

Fil-punti 74 sa 77 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, T‑315/20 u T‑319/20 kif ukoll fil-punti 73 sa 76 tas-sentenza T‑317/20, il-Qorti Ġenerali, wara li rrilevat li l-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda” jinsab biss fil-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004, minn naħa, osservat li din il-premessa 20 ma tinkludix definizzjoni eżawrjenti tal-kundizzjonijiet li fihom żewġ tranżazzjonijiet jew iktar jikkostitwixxu konċentrazzjoni waħda, u, min-naħa l-oħra, fakkret li premessa ta’ regolament, għalkemm tista’ tiċċara l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil dispożizzjoni legali, la tista’ tikkostitwixxi tali regola u lanqas ma tista’ twassal għal definizzjoni mhux konformi mad-dispożizzjonijiet tar-regolament li fil-preambolu tiegħu hija integrata.

106

Fil-punt 78 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, T‑315/20 u T‑319/20 kif ukoll fil-punt 77 tas-sentenza T‑317/20, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li l-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda” kellu jiġi interpretat b’mod kompatibbli mal-kunċett ta’ “konċentrazzjoni”, iddefinit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 139/2004, mingħajr ma tiġi estiża l-portata ta’ din id-dispożizzjoni.

107

Fil-punti 79 u 80 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, T‑315/20 u T‑319/20 kif ukoll fil-punti 78 u 79 tas-sentenza T‑317/20, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 139/2004 li sabiex żewġ tranżazzjonijiet jew iktar jitqiesu li jikkostitwixxu konċentrazzjoni waħda fis-sens ta’ dan ir-regolament, jeħtieġ, b’mod partikolari, minbarra l-interdipendenza ta’ dawn it-tranżazzjonijiet fis-sens li dawn ma jitwettqux mingħajr xulxin, li r-riżultat ta’ dawn it-tranżazzjonijiet jikkonsisti fl-għoti lil impriża waħda jew iktar tal-kontroll ekonomiku fuq l-attività ta’ impriża oħra jew fuq numru ta’ impriżi oħra.

108

Fil-punti 81 sa 86 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, T‑315/20 u T‑319/20 kif ukoll fil-punti 80 sa 85 tas-sentenza T‑317/20, il-Qorti Ġenerali wieġbet għall-argument tar-rikorrenti fl-ewwel istanza li l-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004 ikkonkretizzat ir-rieda tal-Kummissjoni, murija fil-Green Paper, li tikkunsidra b’mod ġenerali ħafna l-iskambji tal-assi bħala konċentrazzjoni waħda sabiex tiżgura evalwazzjoni koerenti tat-tranżazzjoni kollha, billi osservat li din ir-rieda ma kinitx ġiet segwita mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-Regolament Nru 139/2004 u billi kkonkludiet li, fid-dawl tal-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 80 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, T‑315/20 u T‑319/20 kif ukoll fil-punt 79 tas-sentenza T‑317/20, il-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda” ma huwiex intiż li japplika meta impriżi indipendenti jakkwistaw il-kontroll ta’ miri differenti, bħal fil-każ ta’ skambju ta’ assi.

109

Kuntrarjament għall-argumenti esposti mill-appellanti, dawn l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali la jmorru kontra l-għanijiet tat-Trattat FUE, la kontra l-importanza tal-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004, u lanqas ma jmorru kontra l-kliem tal-Avviż ikkonsolidat dwar il-ġurisdizzjoni.

110

Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, ġustament, li l-premessa 20 tar-Regolament Nru 139/2004 ma kinitx vinkolanti u ma setgħetx twassal għal definizzjoni tal-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda” li ma tkunx konformi mal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament.

111

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali rrilevat, ukoll ġustament, essenzjalment, li mill-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004 jirriżulta li żewġ tranżazzjonijiet jew iktar jistgħu jikkostitwixxu konċentrazzjoni waħda għall-finijiet tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet biss jekk, minbarra l-interdipendenza neċessarja tagħhom, dawn iwasslu biex jagħtu l-kontroll esklużiv lil impriża, jew il-kontroll konġunt lil żewġ impriżi jew iktar, fuq impriża oħra jew fuq numru ta’ impriżi oħra.

112

Il-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball meta kkonstatat li l-Green Paper kellha l-għan li tibda proċess ta’ konsultazzjoni, ma kinitx ħolqot obbligu fuq il-Kummissjoni u, fl-aħħar nett, ma kinitx ġiet ikkonkretizzata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-Regolament Nru 139/2004, fir-rigward tal-proposti ta’ din il-Green Paper dwar it-tranżazzjonijiet ta’ skambju ta’ assi.

113

Fir-rigward tar-riferiment magħmul mill-appellanti għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 139/2004, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni sempliċement tiddetermina l-mument li minnu diversi tranżazzjonijiet ta’ akkwist għandhom jitqiesu bħala konċentrazzjoni waħda għall-finijiet tal-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “konċentrazzjoni” nnifisha.

114

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-Avviż ikkonsolidat dwar il-ġurisdizzjoni, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx, fil-punti 84 u 85 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, T‑315/20 u T‑319/20 kif ukoll fil-punti 83 u 84 tas-sentenza T‑317/20, li din il-komunikazzjoni biss kienet deċiżiva għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda”. Fil-fatt, huwa indika li, peress li l-proposti tal-Green Paper dwar it-tranżazzjonijiet ta’ skambju ta’ assi ma kinux ġew integrati mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-verżjoni finali tar-Regolament Nru 139/2004, dawn il-proposti ma kinux rilevanti f’dan il-każ, bil-konsegwenza li huma biss dan ir-regolament u l-imsemmija komunikazzjoni li kienu rilevanti f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-Avviż ikkonsolidat dwar il-ġurisdizzjoni ma fihx valur vinkolanti ma jistax, fih innifsu, ikollu bħala konsegwenza li t-teħid inkunsiderazzjoni tiegħu mill-Qorti Ġenerali jwassal sabiex is-sentenzi appellati jiġu vvizzjati bi żball ta’ liġi, iktar u iktar peress li l-appellanti ma stabbilixxewx li l-interpretazzjoni adottata mill-Kummissjoni f’din il-komunikazzjoni ma tistax issib bażi fir-Regolament Nru 139/2004.

115

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet, fil-punt 86 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, T‑315/20 u T‑319/20 kif ukoll fil-punt 85 tas-sentenza T‑317/20, li l-kunċett ta’ “konċentrazzjoni waħda” ma huwiex intiż li japplika meta impriżi indipendenti jiksbu l-kontroll ta’ miri differenti, bħalma jiġri, bħal f’din il-kawża, waqt skambju ta’ assi.

116

Għalhekk, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

117

Minn dan isegwi li t-tieni aggravju tal-appelli huwa miċħud.

C. Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 139/2004

1.   Fuq l-ewwel parti

a)   L-argumenti tal-partijiet

118

L-appellanti jsostnu li l-punti 205 sa 228 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll il-punti 204 sa 227 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20 huma vvizzjati bi żball ta’ liġi sa fejn dawn jikkonfermaw l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni tas-suq inkwistjoni mwettaq mill-Kummissjoni.

119

Fil-punti 220 u 221 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 219 u 220 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, il-Qorti Ġenerali qieset li “irrispettivament mid-definizzjonijiet tas-suq […] finalment adottati, il-konċentrazzjoni ma kinitx toħloq problemi fir-rigward tal-kompetizzjoni” u li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma invokaw “ebda argument speċifiku” u lanqas ma “[spjegaw] b’mod konkret, għal liema raġunijiet il-Kummissjoni kellha tadotta definizzjoni differenti tas-[swieq]”. Din il-preżentazzjoni tiżnatura l-fatti u tinjora r-rekwiżiti ta’ prova li jistgħu jiġu imposti fuq l-appellanti. Fil-fatt, fir-rikorsi tagħhom u fi studju ppreparat fuq talba tagħhom minn impriża ta’ konsulenza ekonomika u mibgħut lill-Kummissjoni (iktar ’il quddiem l-“istudju Oxera”), ir-rikorrenti fl-ewwel istanza esponew bi preċiżjoni d-definizzjoni tagħhom tas-suq u l-konklużjonijiet li huma siltu minnha sabiex jallegaw li l-Kummissjoni wettqet investigazzjoni insuffiċjenti u/jew żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn hija ħalliet miftuħa d-delimitazzjoni tas-suq. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kellha għad-dispożizzjoni l-provi kollha sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti deċiżjoni.

120

Il-Qorti Ġenerali u l-Kummissjoni ma setgħux jinjoraw id-definizzjoni tas-suq. Id-deċiżjoni kontenzjuża ma tindikax għal liema raġuni l-Kummissjoni qieset li, minkejja l-provi msemmija iktar ’il fuq, is-setgħa fis-suq dejjem tikber ta’ RWE fis-suq tal-ewwel bejgħ tal-elettriku ma kienet toħloq ebda problema, irrispettivament mid-definizzjonijiet possibbli tas-suq.

121

Il-Kummissjoni, RWE, E.ON u l-Gvern Ġermaniż jikkontestaw l-argumenti tal-appellanti.

b)   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

122

Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, l-appellanti jsostnu li l-punti 205 sa 228 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll il-punti 204 sa 227 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20 huma vvizzjati bi żball ta’ liġi, sa fejn il-Qorti Ġenerali ma ċċensuratx l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni tas-suq inkwistjoni li allegatament wettqet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża.

123

Fir-rigward tal-istħarriġ li għandha twettaq il-Qorti tal-Ġustizzja fuq appell, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 256 TFUE u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell għandu jkun limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi. Għaldaqstant, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha kompetenza sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, mingħajr preġudizzju għall-każ ta’ żnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il-Kummissjoni vs United Parcel Service,C‑265/17 P, EU:C:2019:23, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124

Għalhekk, l-appellant li jallega żnaturament tal-fatti u tal-provi mill-Qorti Ġenerali għandu jindika b’mod preċiż l-elementi li allegatament ġew żnaturati u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fl-evalwazzjoni tiegħu, allegatament wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, thyssenkrupp vs Il‑Kummissjoni, C‑581/22 P, EU:C:2024:821, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din tal-aħħar tippreżupponi li l-Qorti Ġenerali manifestament qabżet il-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-provi (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2024, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni (Żona Ħielsa ta’ Madeira), C‑736/22 P, EU:C:2024:579, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk ma huwiex biżżejjed li jintwera li dokument jista’ jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni differenti minn dik adottata mill-Qorti Ġenerali. Fl-aħħar nett, l-iżnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Il‑Kummissjoni vs CK Telecoms UK Investments, C‑376/20 P, EU:C:2023:561, punt 142 u l-ġurisprudenza ċċitata).

125

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma hija kompetenti sabiex teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali qieset insostenn tal-fatti li hija tikkonstata, peress li hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi prodotti quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2002, Conserve Italia vs Il‑Kummissjoni, C-500/99 P, EU:C:2002:45, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti Ġenerali hija wkoll l-unika kompetenti biex tiddeċiedi jekk dawn il-provi humiex suffiċjenti jew jekk għandhomx jiġu kkompletati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il‑Kummissjoni, C‑260/05 P, EU:C:2007:700, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

126

Fir-rigward tal-kriterju tal-istħarriġ li għandha l-Qorti Ġenerali fuq id-deċiżjoni kontenzjuża, għandu jitfakkar li, bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Vol. 1, p. 31) (sentenza tal‑15 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 38), ir-regoli bażiċi tar-Regolament Nru 139/2004 jagħtu lill-Kummissjoni ċerta setgħa diskrezzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika. Konsegwentement, l-istħarriġ mill-qorti tal-Unjoni tal-eżerċizzju ta’ tali setgħa, li hija essenzjali sabiex jiġu ddefiniti r-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet, għandu jseħħ fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni sottostanti għar-regoli ta’ natura ekonomika li jiffurmaw parti mir-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet.

127

Għandu jingħad ukoll li, fil-kuntest tal-istħarriġ li l-Qorti Ġenerali teżerċita fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi magħmula mill-Kummissjoni, din tal-aħħar ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punti 6466, kif ukoll tal‑24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 75). Għaldaqstant l-istħarriġ magħmul mill-Qorti Ġenerali fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi magħmula mill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lilha mir-Regolament Nru 139/2004 jirrigwarda l-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll il-verifika tal-eżattezza materjali tal-fatti, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Il‑Kummissjoni vs CK Telecoms UK Investments, C‑376/20 P, EU:C:2023:561, punt 84).

128

F’dan il-każ u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta fakkret, fil-punt 210 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punt 209 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, li d-definizzjoni tas-suq inkwistjoni, sa fejn din timplika evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi min-naħa tal-Kummissjoni, tista’ tkun suġġetta biss għal stħarriġ ristrett min-naħa tal-Qorti Ġenerali.

129

Fil-punti 219 sa 228 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 218 sa 227 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u l-argumenti tar-rikorrenti fl-ewwel istanza u kkonstatat li dawn tal-aħħar ma kinux stabbilixxew li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-definizzjoni tas-suq rilevanti.

130

Fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti fl-ewwel istanza li, sa fejn il-Qorti Ġenerali tirrileva li huma ma ressqu ebda argument speċifiku sabiex iqiegħdu inkwistjoni l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-konċentrazzjoni ma kinitx tqajjem problema ta’ kompetizzjoni irrispettivament mid-definizzjonijiet tas-suq finalment adottati, din il-qorti żnaturat il-fatti u injorat ir-rekwiżiti ta’ prova li jistgħu jiġu imposti, dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, minn qari ta’ dawn il-punti kollha, fid-dawl tal-limiti li fihom jaqa’ l-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi tal-Kummissjoni, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma ddikjaratx l-assenza, fir-rikorsi ppreżentati quddiemha, ta’ argumenti li jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali barra minn hekk fakkret speċifikament l-argument tar-rikorrenti fl-ewwel istanza li s-suq tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li jibbenefika mill-Gesetz für den Ausbau erneuerbarer Energien (Erneuerbare-Energien-Gesetz – EEG 2017) (il-Liġi Ġermaniża dwar l-Enerġija Rinnovabbli), tal‑21 ta’ Lulju 2014 (BGB1. 2014 I, p. 1066, iktar ’il quddiem il-“Liġi EEG”), huwa suq awtonomu. Madankollu, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, essenzjalment, l-assenza ta’ elementi relatati mal-karatteristiċi speċifiċi tad-diversi sorsi ta’ enerġija, mal-assenza ta’ interkambjabbiltà tagħhom, mal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u mal-istruttura tad-domanda u tal-offerta, li jiġġustifikaw, fil-kuntest tal-istħarriġ ristrett li hija għandha, li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha tas-suq inkwistjoni. Kuntrarjament għal dak li jallegaw l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma tbiddilx ir-rekwiżiti probatorji imposti fuq kull parti li tinvoka fatt, iżda tirrileva biss, f’dawn il-punti tas-sentenzi appellati, li l-provi prodotti minnhom ma humiex ta’ natura li jqiegħdu inkwistjoni l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-suq tal-prodotti inkwistjoni.

131

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ilment tagħhom, l-appellanti għandhom l-intenzjoni, fir-realtà, li jikkontestaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-provi li hija kellha, u li jiksbu eżami ġdid tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja. Issa, kif jirriżulta mill-punt 123 ta’ din is-sentenza, l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament, mhux stabbilit f’dan il-każ, kwistjoni ta’ liġi suġġetta bħala tali għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja.

132

Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda.

2.   Fuq it-tieni parti

a)   L-argumenti tal-partijiet

133

L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 229 sa 259 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 228 sa 258 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, wettqet żball ta’ liġi meta approvat l-analiżi prospettiva insuffiċjenti, minħabba li kienet qasira wisq f’termini ta’ żmien, tal-effetti tal-konċentrazzjoni.

134

Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali allegatament issuġġeriet b’mod żbaljat, fil-punti 233 u 234 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 232 u 233 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, li eżami tal-ishma tas-suq huwa suffiċjenti, filwaqt li l-provi prodotti mir-rikorrenti fl-ewwel istanza jikkostitwixxu “elementi ipotetiċi li l-portata ekonomika tagħhom ma tistax tiġi evalwata”“b’marġni ta’ żball raġonevoli”.

135

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fil-punti 235 sa 239 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 234 sa 238 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, ma ċċensuratx lill-Kummissjoni talli ma ħaditx suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tat-tranżizzjoni enerġetika u tal-waqfien mill-użu tal-enerġija nukleari fil‑31 ta’ Diċembru 2022, billi wettqet distinzjoni globali bejn il-perijodu qabel is-sena 2022 u l-perijodu ta’ wara, fir-rigward tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq l-ishma mis-suq miżmuma minn RWE. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali stess ikkonstatat li dawn il-kunsiderazzjonijiet kienu limitati għall-ishma mis-suq miżmuma minn RWE, liema konstatazzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tas-suq tal-ewwel bejgħ tal-elettriku. It-tieni nett, fil-premessi 30, 35, 62 u 65 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ma eżaminatx suffiċjentement l-effetti tal-konċentrazzjoni lil hinn mis-sena 2022, iżda sempliċement ikkonstatat li l-kapaċitajiet nukleari ttrasferiti minn E.ON kienu ser jisparixxu mal-waqfien mill-użu tal-enerġija nukleari matul is-sena 2022 u li tali effetti huma għalhekk limitati. Issa, dan ma huwiex konformi mal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 139/2004, li jeżiġi li l-analiżi prospettiva titwettaq b’attenzjoni kbira, peress li t-tranżazzjoni globali, u l-għajbien fit-tul tal-kompetizzjoni potenzjali ta’ E.ON, jaffettwaw il-kompetizzjoni fis-suq tal-ewwel bejgħ ta’ elettriku, anki lil hinn mill-waqfien tal-użu tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-impjanti nukleari matul is-sena 2022. It-tielet nett, ma tistax tkun kwistjoni ta’ diliġenza fl-istabbiliment tal-analiżi prospettiva, peress li l-Kummissjoni stess tammetti, fil-premessa 62 tad-deċiżjoni kontenzjuża, imsemmija fis-sentenzi appellati (punt 236 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll il-punt 235 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20) li hija ma wettqitx investigazzjoni eżawrjenti f’dan ir-rigward. Il-preżentazzjoni tal-fatti fis-sentenzi appellati, sa fejn tikkontradixxi l-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża, tiżnatura din id-deċiżjoni bi ħsara għall-appellanti.

136

Fit-tielet lok, billi indikat, fil-punt 240 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punt 239 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, li “huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat li [l-Kummissjoni] bbażat ruħha fuq perijodu ta’ bejn 3 u 5 snin min-notifika tal-konċentrazzjoni, li saret fl‑2019, sabiex twettaq l-analiżi tagħha”, il-Qorti Ġenerali tagħti lill-Kummissjoni, billi żnaturat il-fatti, previżjonijiet li b’ebda mod ma jirriżultaw mid-deċiżjoni kontenzjuża.

137

Madankollu, din l-allegata perspettiva ta’ tul ta’ bejn tlieta u ħames snin lanqas ma tista’ tikkostitwixxi tbassir prudenti, peress li dan il-perijodu huwa nettament qasir wisq sabiex jiġu eżaminati l-effetti tal-konċentrazzjoni fis-suq tal-ewwel bejgħ tal-elettriku. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset li l-perijodi ta’ għaxar sa ħmistax‑il sena kkunsidrati mill-Kummissjoni fi proċeduri oħra huma irrilevanti, filwaqt li dawn il-kawżi kienu jirrigwardaw, bħal f’dan il-każ, previżjonijiet fuq is-swieq tal-produzzjoni tal-elettriku. Bl-istess mod, ma huwiex eżatt li l-Kummissjoni ma kellhiex elementi li kienu jippermettulha “twettaq analiżi prospettiva fuq perijodu itwal ta’ żmien” (punti 246 et seq. tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll il-punti 245 et seq. tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20). Fl-aħħar nett, in-nuqqas ta’ konstatazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 257 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punt 256 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni allegata mir-rikorrenti fl-ewwel istanza minħabba l-finanzjament mill-Gvern Ġermaniż tal-waqfien mill-użu tal-faħam minn RWE, minħabba li dan il-finanzjament ġie ddikjarat konformi mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat fil-Każ SA.58181, huwa, min-naħa tiegħu, ukoll żbaljat.

138

Il-Kummissjoni, RWE, E.ON u l-Gvern Ġermaniż jikkontestaw l-argumenti tal-appellanti.

b)   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

139

Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju, li tirrigwarda l-punti 229 sa 259 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll il-punti 228 sa 258 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta approvat l-analiżi prospettiva li fil-fehma tagħhom hija insuffiċjenti, għaliex hija qasira wisq f’termini ta’ żmien, tal-effetti tal-konċentrazzjoni.

140

Fil-punti 231 sa 235 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 230 sa 234 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, il-Qorti Ġenerali fakkret, billi rreferiet għall-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004, li, fil-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni hija meħtieġa tipprovdi tbassir dwar l-iżvilupp futur tas-suq. Il-Qorti Ġenerali osservat li din l-analiżi prospettiva għandha ssir b’attenzjoni kbira peress li ma hijiex kwistjoni ta’ eżami ta’ avvenimenti passati, li għalihom spiss ikunu disponibbli diversi elementi li jippermettu li jinftiehmu l-kawżi tagħhom, iżda ta’ tbassir tal-avvenimenti li se jseħħu fil-futur, skont probabbiltà ftit jew wisq qawwija, jekk ma tiġi adottata ebda deċiżjoni li tipprojbixxi jew tippreċiża l-kundizzjonijiet tal-konċentrazzjoni proposta. Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-analiżi prospettiva, li tikkonsisti fl-eżami ta’ kif konċentrazzjoni tista’ tibdel il-fatturi li jiddeterminaw l-istat tal-kompetizzjoni f’suq partikolari, tirrikjedi li jiġu immaġinati d-diversi konnessjonijiet ta’ kawża u effett, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni dawk li l-probabbiltà tagħhom tkun l-iktar b’saħħitha. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-evalwazzjoni ta’ konċentrazzjoni ssir biss fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fil-mument tan-notifika ta’ din il-konċentrazzjoni u mhux fuq il-bażi ta’ elementi ipotetiċi li l-portata ekonomika tagħhom ma tistax tiġi evalwata fil-mument meta tingħata d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni. Minn dan hija kkonkludiet li l-Kummissjoni hija mistennija twettaq evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq perijodu li t-tul massimu tiegħu ma jistax jaqbeż il-perijodu li fih seħħew, sa ċertu grad suffiċjenti ta’ ċertezza, ċerti avvenimenti. Għaldaqstant ma jistax jiġi rikjest mill-Kummissjoni li twettaq analiżi prospettiva fuq il-bażi ta’ elementi li fir-rigward tagħhom ma tkunx tista’ tipprevedi, b’marġni ta’ żball raġonevoli, l-effetti fit-tul.

141

Il-Qorti Ġenerali osservat li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet għamlet distinzjoni bejn żewġ perijodi, l-ewwel wieħed li jiddekorri mill-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni sal‑31 ta’ Diċembru 2022, data deċiża mil-leġiżlatur Ġermaniż għall-waqfien mill-użu tal-enerġija nukleari, u t-tieni wieħed wara din id-data, peress li l-Qorti Ġenerali nnotat li l-Kummissjoni madankollu ma kinitx ippreċiżat il-limitu massimu ta’ dan it-tieni perijodu u kkunsidrat li kien raġonevoli li jitqies li din l-istituzzjoni kienet ibbażat ruħha, sabiex twettaq l-analiżi tagħha, fuq perijodu minn tlieta sa ħames snin min-notifika, magħmula matul is-sena 2019, ta’ din il-konċentrazzjoni (punti 236 sa 240 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, u T‑315/20 kif ukoll il-punti 235 sa 239 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20).

142

Fir-rigward tal-ilment tal-appellanti li l-Kummissjoni missha pjuttost, skont il-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, tikkunsidra perijodu ta’ analiżi prospettiva ta’ bejn 15 u 20 sena, fid-dawl, fil-fehma tagħhom, tat-tul taċ-ċikli ta’ investiment speċifiċi għas-suq tal-elettriku u tat-taqlib li dan is-suq kien ser ikollu minħabba t-tranżizzjoni enerġetika u minħabba l-waqfien mill-użu tal-enerġija nukleari, il-Qorti Ġenerali wieġbet li, f’dawn il-kawżi preċedenti, il-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni elementi li jippermettulha, b’ċertezza raġonevoli, tikkunsidra l-iżvilupp tas-suq matul tali perijodu ta’ żmien (punt 245 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll il-punt 244 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20).

143

Il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellhiex elementi li kienu jippermettulha twettaq analiżi prospettiva iktar imbiegħda fiż-żmien minn dik imwettqa fid-deċiżjoni kontenzjuża (punti 246 sa 258 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll il-punti 245 sa 257 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20). Hija osservat, f’dan ir-rigward, li r-rikorrenti fl-ewwel istanza kienu jsemmu biss il-proġetti ta’ investiment tagħhom stess, mingħajr ma semmew proġetti li RWE setgħet twettaq wara l-konċentrazzjoni u li, għall-kuntrarju, ir-rikorrenti kienu indikaw li RWE u E.ON setgħu jiġu skoraġġuti milli jwettqu investimenti kbar wara l-konċentrazzjoni. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li, anki jekk jitqies li ċ-ċikli ta’ investiment f’dan is-settur kienu mifruxa sew fuq perijodi ta’ bejn 15 u 20 sena, kif kienu jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża l-analiżi prospettiva tagħha fuq tali perijodu għal din ir-raġuni biss (punt 249 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll il-punt 248 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20). Fir-rigward tal-impatt potenzjali tal-waqfien mill-użu tal-faħam, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Gesetz zur Reduzierung und zur Beendigung der Kohleverstromung (il-Liġi dwar it-Tnaqqis u t-Tmiem tal-Produzzjoni tal-Elettriku mill-Faħam), tat‑8 ta’ Awwissu 2020 (BGBl. 2020 I, p. 1818, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Waqfien mill-Użu tal-Faħam”) kienet sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, iżda li din kienet ġiet adottata wara rapport preċedenti għal din l-adozzjoni u li kien jipprevedi waqfien mill-użu tal-faħam lejn is-sena 2038 (punti 250 u 251 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll il-punti 249 u 250 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20). Il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-imsemmi rapport ma kienx jiddeċiedi dwar data preċiża tal-għeluq tal-impjanti tal-elettriku bil-faħam ta’ Uniper SE – kumpannija li fir-rigward tagħha r-rikorrenti fl-ewwel istanza kienu jsemmu l-għajbien sabiex isostnu li l-istruttura tas-suq kienet ser tinbidel għall-benefiċċju ta’ RWE –, iżda kien jindika li l-operatur tal-minjiera tal-faħam li tiffornixxi lil Uniper kien qiegħed jipprevedi operat sa nofs is-snin 2030 (punti 252 u 253 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll il-punti 251 u 252 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20). Il-Qorti Ġenerali, wara li semmiet stqarrija għall-istampa tal-Gvern Ġermaniż, tal‑15 ta’ Jannar 2020, li ssemmi ftehim mal-Länder għall-waqfien mill-użu tal-faħam, stqarrija għall-istampa ta’ Uniper tat‑30 ta’ Jannar 2020 li ssemmi r-rieda tagħha li tieqaf tuża l-faħam u ċerti perspettivi dwar l-assenza ta’ dħul fis-servizz tal-impjant tal-enerġija bil-faħam Datteln 4, osservat li huwa f’dan il-kuntest li l-Liġi dwar il-Waqfien mill-Użu tal-Faħam kienet ġiet adottata, li l-Artikolu 4 tagħha, għalkemm jipprevedi proċess għat-tnaqqis u għall-waqfien tal-emissjonijiet tal-impjanti tal-elettriku li jaħdmu bil-faħam, ma jsemmix, kuntrarjament għal-Liġi dwar il-Waqfien mill-Użu tal-Enerġija Nukleari, l-ismijiet tal-impjanti tal-elettriku li jaħdmu bil-faħam ikkonċernati (punti 253 u 254 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll il-punti 252 u 253 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20).

144

Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li anki jekk il-Kummissjoni kienet taf li kienet qiegħda tiġi ppreparata liġi dwar il-waqfien mill-użu tal-faħam u li Uniper kienet ser twaqqaf l-operat tal-impjanti tal-elettriku tagħha li jaħdmu bil-faħam, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tkun taf, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-modalitajiet eżatti ta’ din il-liġi, li ġew ippreċiżati biss fix-xahar ta’ Jannar 2020. Hija osservat ukoll li r-rikorrenti fl-ewwel istanza kienu jinteressaw ruħhom biss f’Uniper mingħajr ma ħadu inkunsiderazzjoni l-effetti probabbli tal-imsemmija liġi fuq RWE, li wkoll għandha impjanti tal-elettriku li jaħdmu bil-faħam. Fl-aħħar nett, hija osservat li peress li l-assi ta’ produzzjoni tal-elettriku konvenzjonali ta’ E.ON ikkonċernati mill-konċentrazzjoni kienu assi nukleari u mhux impjanti tal-elettriku li jaħdmu bil-faħam, il-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn tieħu inkunsiderazzjoni l-bidliet dovuti għall-istess liġi fuq is-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku sabiex tantiċipa b’mod raġonevoli l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq suq hekk iddefinit mill-ġdid. Il-Qorti Ġenerali żiedet li dan kien iġġustifikat iktar u iktar peress li, ladarba l-waqfien mill-użu tal-faħam kellu jinfirex sas-sena 2038, tali eżerċizzju kien jeżiġi mill-Kummissjoni projezzjoni f’futur imbiegħed ħafna li jista’ jkun ikkaratterizzat minn bidliet li għadhom ma humiex prevedibbli iżda li jistgħu jibdlu ulterjorment l-istruttura tas-suq (punt 255 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll il-punt 254 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20).

145

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti fl-ewwel istanza li l-Liġi dwar it-Tmiem tal-Użu tal-Faħam tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni sa fejn il-Gvern Ġermaniż jagħti lil RWE mezzi finanzjarji kunsiderevoli, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx ikklassifikat il-mekkaniżmu ta’ sejħa għal offerti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bħala distorsjoni tal-kompetizzjoni, iżda kienet ikkonkludiet li l-għajnuna li tikkostitwixxi dawn il-mezzi finanzjarji kienet kompatibbli mas-suq intern (punt 257 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll il-punt 256 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20).

146

Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kellhiex elementi li jippermettulha twettaq analiżi prospettiva bbażata fuq perijodu itwal minn dak li hija kienet adottat (punt 258 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll il-punt 257 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20).

147

Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li t-tfakkira tal-obbligi tal-Kummissjoni, li jinsabu fil-punti 231 sa 233 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 230 sa 232 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, fir-rigward tal-analiżi prospettiva tal-iżvilupp futur tas-suq ikkonċernat li għandha ssir minn din l-istituzzjoni tikkoinċidi mal-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja riprodotti fil-punti 80 sa 85 tas-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Il‑Kummissjoni vs CK Telecoms UK Investments (C‑376/20 P, EU:C:2023:561), u li l-appellanti ma jinvokawx, u wisq inqas jistabbilixxu, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-imsemmija punti tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20, T‑315/20, T‑317/20 u T‑319/20. Min-naħa l-oħra, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta approvat l-analiżi prospettiva, fil-fehma tagħhom insuffiċjenti, peress li l-effetti tal-konċentrazzjoni kienu qosra wisq f’termini ta’ żmien.

148

F’dan ir-rigward, l-ewwel ilment tal-appellanti li jgħid li l-Qorti Ġenerali ssuġġeriet li eżami tal-ishma tas-suq huwa suffiċjenti, imfakkar fil-punt 134 ta’ din is-sentenza, jirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenzi appellati. Fil-fatt, fil-punti 233 u 234 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 232 u 233 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, il-Qorti Ġenerali ma tatx x’tifhem li eżami tal-ishma tas-suq huwa biżżejjed, u lanqas ma kkummentat dwar il-kwalità tal-elementi prodotti mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, iżda sempliċement fakkret il-portata tal-obbligu ta’ eżami tal-Kummissjoni.

149

Fir-rigward tat-tieni lment tal-appellanti, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tat-tranżizzjoni enerġetika u tal-waqfien mill-użu tal-enerġija nukleari, għandu jiġi rrilevat li dan l-ilment jirrigwarda l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża u mhux il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali. Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, l-imsemmi lment huwa limitat għad-dikjarazzjonijiet ġenerali, minn naħa, li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tas-suq tal-ewwel bejgħ tal-elettriku u, min-naħa l-oħra, li l-preżentazzjoni tal-fatti, sa fejn tikkontradixxi l-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża, tiżnatura din id-deċiżjoni għad-dannu tal-appellanti. F’dan ir-rigward, minbarra l-fatt li l-allegazzjoni ta’ żnaturament għandha tinkludi, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 124 ta’ din is-sentenza, l-indikazzjoni preċiża tal-elementi żnaturati u t-turija tal-iżbalji ta’ analiżi li wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament, li ma huwiex il-każ hawnhekk, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-ilment tagħhom, l-appellanti fir-realtà ma jallegawx li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi iżda jikkritikaw l-evalwazzjoni tagħha tal-provi. Issa, kif tfakkar fil-punt 125 ta’ din is-sentenza, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi prodotti quddiemha.

150

Fir-rigward tat-tielet ilment tal-appellanti, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti billi tat lill-Kummissjoni, fil-punt 240 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punt 239 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, tbassir li ma jirriżultax mid-deċiżjoni kontenzjuża, għandu jiġi rrilevat li l-fatti allegatament żnaturati ma humiex identifikati b’mod ċar.

151

Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-appellanti li limitu ta’ tbassir minn tlieta sa ħames snin ma setax jikkostitwixxi limitu suffiċjenti, peress li dan il-perijodu kien, skont l-appellanti, qasir wisq għas-suq tal-ewwel bejgħ tal-elettriku, li jimplika spejjeż għoljin u huwa kkaratterizzat minn ċikli ta’ investiment ħafna itwal, għandu jiġi rrilevat li la l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 139/2004 u lanqas il-ġurisprudenza invokata mill-appellanti ma jiddefinixxu perijodu preċiż għall-finijiet tal-analiżi prospettiva mill-Kummissjoni tal-effetti futuri tal-konċentrazzjoni nnotifikata. Barra minn hekk, permezz ta’ dan l-ilment, kif ukoll permezz tal-argumenti tagħhom li l-Kummissjoni kellha fil-pussess tagħha informazzjoni li setgħet tippermettilha twettaq analiżi prospettiva iktar imbiegħda fiż-żmien, l-appellanti għandhom l-intenzjoni, b’mod definittiv, li jissottomettu għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr madankollu ma jistabbilixxu ebda żnaturament jew żball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali, l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Kummissjoni u vvalidata mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża.

152

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda.

3.   Fuq it-tielet parti

a)   L-argumenti tal-partijiet

153

L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 260 sa 336 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 259 sa 335 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, wettqet żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tas-setgħa fis-suq ta’ RWE.

154

Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali, fil-fatt, ikklassifikat b’mod żbaljat l-attribuzzjoni u l-importanza tal-assi ta’ E.ON akkwistati minn RWE. L-ewwel nett, il-punti 286 et seq. tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll il-punti 285 et seq. tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20 juru li l-Qorti Ġenerali ekwiparat b’mod żbaljat il-kapaċitajiet li joriġinaw mill-impjanti żgħar ta’ innogy ittrasferiti lil E.ON mal-kapaċitajiet akkwistati minn RWE, u b’hekk ikkunsidrat bħala stabbilit li l-attività ta’ RWE kienet qed tonqos (punt 291, in fine, tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll il-punt 290, in fine, tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20). Dan l-iżball huwa dovut għall-fatt li l-Kummissjoni, mhux iċċensurata f’dan ir-rigward mill-Qorti Ġenerali, ma ddelimitatx is-suq. Issa, il-kapaċitajiet ta’ dawn l-impjanti ż-żgħar ma misshomx ġew konnessi mas-suq tal-ewwel bejgħ ta’ elettriku, li fuqu RWE issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha, iżda misshom ġew konnessi mas-suq tal-attività bl-imnut, li minnu RWE rtirat lilha nnifisha favur l-imsieħba tagħha E.ON. It-tieni nett, iż-żieda nominali tas-sehem mis-suq ta’ RWE, li jidher li huwa dgħajjef minħabba l-waqfien mill-użu tal-enerġija nukleari u tal-faħam u minħabba l-iżvilupp simultanju tal-produzzjoni ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala “mhux kritika”, fid-dawl tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 139/2004. Il-Kummissjoni stess intrabtet li tevalwa “f’kull każ […] l-ishma tas-suq fid-dawl tal-iżvilupp probabbli tal-kundizzjonijiet prevalenti fis-suq”. Għalhekk, hija stess kellha tkompli l-investigazzjoni tagħha – li ma kienx il-każ.

155

Sussegwentement, fl-analiżi tagħhom tar-Residual Supply Index (l-Indiċi ta’ Provvista Residwa, iktar ’il quddiem ir- “RSI”), l-awtoritajiet Ġermaniżi jqisu li fornitur għandu setgħa fis-suq meta jkollu rwol ċentrali, jiġifieri li, mingħajr l-installazzjonijiet tiegħu, id-domanda ma tistax tiġi ssodisfatta għal iktar minn 5% tas-sigħat tas-sena (punt 303 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll il-punt 302 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20). Issa, dan huwa preċiżament il-każ hawnhekk, kif juri l-istudju Oxera, iċċitat fil-punt 310 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punt 309 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li din il-varjazzjoni hija irrilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004, peress li, fil-fehma tagħha, żieda fir-rwol ċentrali ta’ RWE fl-ammont ta’ 1.5 (2019) jew ta’ 1.3 (2022) punti perċentwali ma tiddevjax radikalment mill-varjazzjoni kkonstatata fi studji oħra pprovduti minn terzi. Issa, dan ma jinvalidax il-qbiż ikkonstatat tal-limitu ta’ pożizzjoni dominanti minn RWE, iżda sempliċement jikkonferma l-validità tal-istudju Oxera. Il-Qorti Ġenerali naqset ukoll milli tirrileva li huwa paċifiku li l-Kummissjoni nnifisha ma wettqet ebda previżjoni fuq il-bażi tar-RSI u li l-Uffiċċju Federali tal-Akkordji, li jikkoopera mill-qrib magħha, min-naħa tiegħu kkunsidra l-RSI biss mill-perspettiva storika u mhux mill-perspettiva tal-iżvilupp futur tagħha – liema fatt ma jikkostitwixxix tbassir diliġenti. Barra minn hekk, fil-punti 300 sa 311 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 299 sa 310 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-Uffiċċju Federali tal-Akkordji kkonferma fil-parti l-kbira r-rilevanza tal-previżjonijiet tal-istudju Oxera.

156

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-potenzjal dejjem jikber ta’ RWE li tirrikorri għal użu strateġiku tal-park ta’ impjanti tal-enerġija tagħha li jinsab f’fażi ta’ tkabbir, il-Qorti Ġenerali ma indirizzatx biżżejjed il-kontroargumenti tar-rikorrenti fl-ewwel istanza u, permezz ta’ interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 139/2004, ikkonfermat l-argumenti tal-Kummissjoni (punti 312 sa 329 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll il-punti 311 sa 328 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20). Fil-punti 316 sa 322 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 315 sa 321 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, il-Qorti Ġenerali rriproduċiet il-preżentazzjoni ineżatta tal-Kummissjoni li l-impjanti elettriċi li jipproduċu minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli huma ġeneralment “l-iktar għaljin biex jinżammu” minħabba l-ispejjeż marġinali dgħajfa tagħhom u li l-impjanti li jaqgħu taħt il-Liġi EEG jibbenefikaw b’mod sinjifikattivament ridott minn żieda fil-prezzijiet fuq is-suq tal-ewwel bejgħ tal-elettriku. Issa, il-premessi nnifishom ta’ din l-affermazzjoni jonqsu milli jirriflettu l-utilità strateġika tal-portafoll globali li inkrementa ruħu.

157

Il-Kummissjoni, RWE, E.ON u l-Gvern Ġermaniż jikkontestaw l-argumenti tal-appellanti.

b)   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

158

Permezz tat-tielet parti tat-tielet aggravju, li tirrigwarda l-punti 260 sa 336 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll il-punti 259 sa 335 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, l-appellanti jsostnu li l-evalwazzjoni tas-setgħa fis-suq ta’ RWE mwettqa mill-Qorti Ġenerali hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi.

159

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argumenti tal-appellanti msemmija fil-punt 154 ta’ din is-sentenza, li l-Qorti Ġenerali kklassifikat b’mod żbaljat l-attribuzzjoni u l-importanza tal-assi ta’ E.ON akkwistati minn RWE, għandu jiġi rrilevat li l-appellanti fir-realtà jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi mill-Kummissjoni, u sussegwentement mill-Qorti Ġenerali, mingħajr madankollu ma jistabbilixxu żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, fir-rigward tal-argumenti li l-kapaċitajiet tal-impjanti ż-żgħar ta’ innogy ma jaqgħux taħt is-suq tal-produzzjoni u tal-ewwel bejgħ tal-elettriku, għandu jitfakkar li l-kritika mill-appellanti tal-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq ġiet miċħuda fil-punti 122 sa 132 ta’ din is-sentenza.

160

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni tal-intensità tar-rwol ċentrali ta’ RWE fis-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku, jiġifieri tal-livell ta’ natura indispensabbli tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ RWE sabiex id-domanda fis-suq tal-elettriku tkun tista’ tiġi ssodisfatta, l-appellanti jirreferu għall-istudju Oxera, li jindika żieda ta’ iktar minn 5 % tas-sigħat tas-sena fir-rigward ta’ dan ir-rwol ċentrali. Huma jikkritikaw, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli ma siltitx il-konsegwenzi minn dan il-fatt sabiex tikkonkludi li l-Kummissjoni missha kkonstatat it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti ta’ RWE minħabba l-konċentrazzjoni nnotifikata.

161

Għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 300 et seq. tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 299 et seq. tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-portata tar-rwol ċentrali ta’ RWE fis-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku. Il-Qorti Ġenerali rrilevat, essenzjalment, li l-analiżi tar-RSI tikkonsisti fid-determinazzjoni ta’ jekk kumpannija għandhiex rwol ċentrali, jiġifieri jekk hijiex indispensabbli sabiex tiġi ssodisfatta d-domanda. Fil-prattika, din l-analiżi għandha l-għan li tkejjel, għas-sigħat kollha ta’ sena partikolari, jekk il-kapaċità ta’ produzzjoni tal-kompetituri tal-entità eżaminata hijiex biżżejjed sabiex tissodisfa d-domanda indipendentement mill-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ din tal-aħħar (punt 302 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll il-punt 301 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20). Wara li rreferiet għall-konstatazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kontenzjuża li, skont l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni Ġermaniżi, rwol ċentrali ta’ 5 % huwa indikattiv ta’ setgħa fis-suq tal-entità eżaminata, u r-RSI jippreżenta limiti li jnaqqsu l-utilità tiegħu fil-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kienet madankollu ħadet inkunsiderazzjoni l-analiżi tar-RSI għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha (punti 304 u 305 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll il-punti 303 u 304 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20).

162

Fil-punti 306 sa 310 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 305 sa 309 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, il-Qorti Ġenerali wettqet eżami tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward ta’ dawn l-analiżi u, b’mod partikolari, tal-analiżi li tirriżulta mill-istudju Oxera prodott mir-rikorrenti fl-ewwel istanza. Il-Qorti Ġenerali qieset li ġiet issostanzjata l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-ipoteżijiet li fuqhom kien ibbażat dan l-istudju, jiġifieri ż-żamma minn RWE tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni eolika tagħha u l-kontroll tagħha fuq il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ E.ON, ma kinux jirriflettu r-realtà (punti 308 u 309 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll il-punti 307 u 308 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, li jirreferu rispettivament għall-punti 322 u 391 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll il-punti 321 u 390 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20).

163

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat li ż-żieda fir-rwol ċentrali ta’ RWE skont l-istudju Oxera ma kinitx radikalment differenti minn dik ikkonstatata minn studji oħra pprovduti minn terzi u li l-valuri tal-indiċi RSI kkalkolati għas-sena 2024 kienu identiċi għas-sitwazzjoni fl-assenza ta’ konċentrazzjoni u għal dik wara l-konċentrazzjoni, liema fatt juri l-assenza ta’ żieda fir-rwol ċentrali ta’ RWE wara l-waqfien mill-użu tal-enerġija nukleari fi tmiem is-sena 2022 (punt 310 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll il-punt 309 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20).

164

Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma wrewx l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni fl-analiżi tagħha tar-rwol ċentrali ta’ RWE.

165

Għandu jiġi kkonstatat li dan l-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni ma fih ebda żball ta’ liġi kif ukoll li, permezz tal-ilmenti tagħhom, l-appellanti jridu, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid il-fatti u l-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali. Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 123 ta’ din is-sentenza, l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament, la ma ġiex stabbilit f’dan il-każ, kwistjoni ta’ liġi suġġetta bħala tali għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja.

166

Fit-tielet lok, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 312 sa 329 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 311 sa 328 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, ma indirizzatx b’mod suffiċjenti l-kontroargumenti li huma kienu ressqu, dwar potenzjal dejjem jikber ta’ RWE li tirrikorri għal użu strateġiku tal-park ta’ impjanti tal-enerġija tagħha li jinsab f’fażi ta’ tkabbir, u kkonfermat b’mod żbaljat l-argumenti tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

167

Għandu jiġi rrilevat li, f’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kwistjoni tal-inċentivi ta’ RWE sabiex tadotta strateġiji ta’ żamma tal-kapaċità u sabiex tirrikorri għal użi strateġiċi oħra tal-portafoll tagħha ta’ produzzjoni tal-elettriku.

168

Il-Qorti Ġenerali fakkret qabel kollox li hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa globalment ir-riżultat tas-sensiela ta’ indizji użati sabiex tiġi evalwata s-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni, li hija tista’, skont din l-evalwazzjoni globali, tipprivileġġa ċerti elementi u twarrab oħrajn minnhom, u li l-Qorti Ġenerali għandha tistħarreġ il-legalità ta’ dan l-eżami u l-motivazzjoni tiegħu.

169

Sussegwentement, fil-punti 316 sa 319 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 315 sa 318 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-aspetti differenti ta’ strateġija potenzjali ta’ żamma tal-kapaċitajiet evalwati mill-Kummissjoni fil-premessi 49 sa 65 tad-deċiżjoni kontenzjuża, b’mod partikolari l-fatt li l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għandhom, fost it-teknoloġiji ta’ produzzjoni flessibbli, l-ispejjeż marġinali l-iktar baxxi, u għaldaqstant l-ogħla spejjeż ta’ żamma. Il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-produtturi tal-elettriku kienu kkonfermaw li dawn l-impjanti normalment joperaw b’kapaċità sħiħa u li t-twaqqif tagħhom jagħmel sens biss fil-każ ta’ prezz ta’ bejgħ negattiv. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li kkonkludiet li l-akkwist minn RWE tal-parks eoliċi fil-kuntest tal-konċentrazzjoni nnotifikata ma kienx iżid il-kapaċità tagħha ta’ żamma b’mod partikolarment determinanti, u li s-sistema ta’ “bejgħ dirett” applikabbli għall-elettriku ta’ oriġini eolika kellha l-konsegwenza li tnaqqas b’mod sinjifikattiv l-interess, għal impjant ta’ produzzjoni ta’ elettriku eoliku, ta’ żieda fil-prezzijiet fis-suq bl-ingrossa. Il-Qorti Ġenerali rreferiet ukoll għall-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li ż-żieda fil-kapaċità ta’ żamma ta’ RWE minħabba l-akkwist ta’ kapaċitajiet nukleari kienet kemm temporanja kif ukoll limitata, u għalhekk x’aktarx li ma tantx seta’ jkollha effett sinjifikattiv fuq l-interess ta’ RWE li tidħol fi strateġija ta’ żamma tal-kapaċità. Il-Qorti Ġenerali semmiet it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-istudju Oxera, prodott mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, u l-evalwazzjoni tagħha li tgħid li dan l-istudju ma kienx biddel il-konklużjoni tagħha.

170

Fil-punti 320 sa 324 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 319 sa 323 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk il-Kummissjoni kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-analiżi tagħha tar-riskju ta’ żamma ta’ kapaċità minn RWE u ċaħdet l-eżistenza ta’ tali żball. B’mod partikolari, hija fakkret il-konstatazzjoni tagħha li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball manifest meta qieset li ż-żieda tal-ishma mis-suq ta’ RWE ma kinitx sinjifikattiva u li, fi kwalunkwe każ, kienet temporanja. Minn dan għandu jiġi dedott li ebda kapaċità addizzjonali ta’ żamma ma tista’ tirriżulta mill-konċentrazzjoni hekk kif iseħħ il-waqfien mill-użu tal-enerġija nukleari fi tmiem is-sena 2022, liema fatt ġie kkonfermat mill-istudju Oxera. Fir-rigward tal-inċentivi possibbli ta’ RWE għaż-żamma ta’ kapaċitajiet fuq terminu qasir, jiġifieri qabel il-waqfien mill-użu tal-enerġija nukleari, il-Qorti Ġenerali rrilevat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-impjanti li joperaw minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ftit huma adattati għaż-żamma, fid-dawl tal-ispejjeż marġinali baxxi tagħhom. Fir-rigward tal-impjanti li jaħdmu minn sorsi ta’ enerġija mhux rinnovabbli, il-Qorti Ġenerali semmiet l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li kkonkludiet li żieda potenzjali fil-prezzijiet ikkawżata minn żamma ta’ dawn l-impjanti tkun tfisser li r-remunerazzjoni tal-impjanti li jipproduċu l-enerġija rinnovabbli permezz tal-Liġi EEG tonqos. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-akkwist minn RWE ta’ sehem minoritarju fil-kapital tal-impjanti tal-enerġija nukleari ta’ Emsland u ta’ Gundremmingen C kellu biss impatt limitat u temporanju f’termini ta’ inċentiv għaż-żamma tal-kapaċità. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-istudju Oxera ma stabbilixxiex l-eżistenza ta’ żieda sinjifikattiva fl-inċentivi li kellhom jiġu kkunsidrati. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-analiżi tagħha tal-possibbiltà u tal-inċentivi ta’ RWE għaż-żamma tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni b’konsegwenza tal-konċentrazzjoni.

171

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali vverifikat fid-dettall l-eżami mill-Kummissjoni tal-kwistjoni tar-riskju li RWE żżomm il-kapaċitajiet tagħha ta’ produzzjoni wara l-konċentrazzjoni u li hija waslet għall-konklużjoni li, fuq il-bażi tal-elementi tal-proċess u tal-provi prodotti, b’mod partikolari mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, il-Kummissjoni ma kienet wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward. L-argumenti tal-appellanti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, riprodotti fil-punti 154 sa 156 ta’ din is-sentenza, ma jistabbilixxu ebda żball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali fl-istħarriġ tagħha tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni iżda huma intiżi, b’mod definittiv, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja twettaq eżami ġdid tal-fatti, ħaġa li ma taqax taħt il-kompetenza tagħha fil-kuntest ta’ appell.

172

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda.

4.   Fuq ir-raba’ parti

173

Permezz tar-raba’ parti tat-tielet aggravju, li tirrigwarda l-punti 337 sa 395 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll il-punti 336 sa 394 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, u li tinqasam, essenzjalment, fi tliet ilmenti, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-evalwazzjoni tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn RWE u E.ON.

a)   Fuq l-ewwel ilment

1) L-argumenti tal-partijiet

174

L-appellanti jsostnu li, fil-punti 339 sa 346 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 338 sa 345 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, il-Qorti Ġenerali assumiet li l-Kummissjoni kienet eżaminat suffiċjentement l-ishma trażversali kollha tal-gruppi ta’ impriżi li lilhom jappartjenu RWE u E.ON u, b’mod partikolari, li hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tas-sussidjarji tagħhom. Issa, ma huwiex ikkontestat li l-Kummissjoni ma eżaminatx l-effetti ta’ dawn l-ishma trażversali fuq l-aġir tal-partijiet fil-konċentrazzjoni jew fuq dak tal-kompetituri tagħhom fil-qasam tal-investiment u tal-espansjoni fis-suq, bi ksur tal-punt 36 tal-Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet Orizzontali. Il-fatt li kemm RWE kif ukoll E.ON għandhom is-sede tagħhom f’Essen (il-Ġermanja), li hija l- “belt kapitali Ġermaniża tal-enerġija”, jikkostitwixxi vantaġġ strateġiku. Madankollu, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat din iċ-ċirkustanza bħala irrilevanti filwaqt li, skont il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, l-eżistenza ta’ sede ta’ impriża komuni għandha tiġi analizzata mill-perspettiva tal-vantaġġi kompetittivi li l-partijiet f’konċentrazzjoni jistennew li jiksbu.

175

Il-Kummissjoni, RWE u E.ON jikkontestaw l-argumenti tal-appellanti.

2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

176

Fir-rigward tal-allegat ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-punt 36 tal-Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet Orizzontali, sa fejn ma kkonstatatx li l-Kummissjoni wettqet żball meta naqset milli teżamina l-effetti tal-interdipendenza bejn il-gruppi ta’ impriżi li lilhom jappartjenu RWE u E.ON fuq l-aġir tal-partijiet fil-konċentrazzjoni jew tal-kompetituri tagħhom, għandu jitfakkar li, kif tirrileva l-Qorti Ġenerali fil-punti 349 u 350 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 348 u 349 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, għalkemm il-Kummissjoni hija marbuta mill-avviżi li hija tadotta fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, il-Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet Orizzontali ma jirrikjedux eżami fil-każijiet kollha tal-elementi kollha msemmija fihom. F’dan ir-rigward, mill-punt 13 tal-Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet Orizzontali jirriżulta li l-analiżi kompetittiva li għandha ssir mill-Kummissjoni ma għandhiex tkun ibbażata fuq applikazzjoni mekkanika u fil-każijiet kollha tal-fatturi identifikati minn dawn il-linji gwida, iżda fuq evalwazzjoni globali tal-effetti prevedibbli tal-konċentrazzjoni, u li l-elementi identifikati mill-istess linji gwida ma humiex kollha rilevanti fil-każijiet kollha ta’ konċentrazzjonijiet orizzontali.

177

Issa, għalkemm hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina sa fejn ommissjonijiet potenzjali tal-Kummissjoni jistgħu jqiegħdu inkwistjoni l-konklużjoni tagħha li l-konċentrazzjoni ma tqajjimx dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, dan l-eżami għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ evalwazzjoni li għandha l-Kummissjoni peress li hija twettaq, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli sostantivi tar-Regolament Nru 139/2004, u b’mod partikolari tal-Artikolu 2 tiegħu, analiżi ekonomiċi prospettivi li ta’ spiss ikunu ta’ natura kumplessa. Minn dan isegwi li l-istħarriġ mill-qorti tal-Unjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar konċentrazzjonijiet għandu jirrigwarda l-verifika tal-eżattezza materjali tal-fatti u l-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Il‑Kummissjoni vs CK Telecoms UK Investments, C‑376/20 P, EU:C:2023:561, punti 82 sa 84).

178

F’dan il-każ, fil-punti 341 u 342 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 340 u 341 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, il-Qorti Ġenerali, wara li osservat li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma spjegawx l-effett li l-ishma ta’ RWE u ta’ E.ON fis-settur tal-enerġija jistgħu jkollhom għall-analiżi tal-ostakoli għall-kompetizzjoni marbuta mal-konċentrazzjoni, iżda sempliċement semmew in-numru ta’ ishma ta’ RWE u ta’ E.ON f’impriżi oħra mingħajr ma spjegaw jekk dawn tal-aħħar kinux attivi fis-swieq rilevanti, ikkonstatat li l-Kummissjoni kienet, fl-evalwazzjoni tagħha, ħadet inkunsiderazzjoni l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tas-sussidjarji u tal-impriżi li fil-kapital tagħhom RWE u E.ON għandhom ishma. Billi għamlet dan, hekk kif ikkonstatat ġustament il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni effettivament ħadet inkunsiderazzjoni l-ishma diretti jew indiretti ta’ RWE u ta’ E.ON.

179

Fil-punti 343 sa 346 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 342 sa 345 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li E.ON u RWE huma strutturati u ppożizzjonati b’mod simili, il-Qorti Ġenerali rrilevat li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma spjegawx kif il-paralleliżmu tal-iżvilupp tal-prezzijiet tal-Borża u tar-riżultati tal-operat ta’ dawn l-impriżi, jew ukoll il-fatt li huma għandhom is-sede tagħhom fl-istess belt, jaffettwaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-konċentrazzjonijiet u, b’mod partikolari, kif dawn iċ-ċirkustanzi jista’ jkollhom effett fuq il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti ta’ RWE. Il-Qorti Ġenerali qieset li dawn iċ-ċirkustanzi kienu ta’ natura sempliċement inċidentali, li l-post tas-sede fl-istess belt kien irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq is-suq tal-produzzjoni u tal-provvista bl-ingrossa tal-elettriku, u li l-iżvilupp parallel tal-prezzijiet tal-Borża u tar-riżultati setgħet tiġi spjegata mill-iżvilupp normali ta’ żewġ impriżi attivi fl-istess settur. Il-Qorti Ġenerali żiedet li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma spjegawx kif is-sempliċi qrubija ġeografika tal-persunal ta’ RWE u ta’ E.ON tista’ twassal għall-ħolqien ta’ ftehim kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet għaldaqstant li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tar-rabtiet ta’ interdipendenza u tal-qrubija bejn RWE u E.ON.

180

Għandu jiġi osservat li l-argumenti tal-appellanti ma jippermettux li jiġi stabbilit li dawn l-evalwazzjonijiet huma vvizzjati bi żball ta’ liġi. L-invokazzjoni ta’ allegata assenza ta’ eżami tal-effetti tal-interdipendenza bejn il-gruppi E.ON u RWE, tal-assenza ta’ verifika tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq l-aġir tal-partijiet fil-konċentrazzjoni jew fuq l-aġir tal-kompetituri tagħhom fil-qasam tal-investiment u tal-espansjoni tas-suq, ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fid-dawl tal-istħarriġ minn din tal-aħħar, kemm iddettaljat kif ukoll fil-limiti mfakkra fil-punt 177 ta’ din is-sentenza, tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża. Barra minn hekk, l-argumenti tal-appellanti huma intiżi, fir-realtà, sabiex jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq eżami ġdid tal-fatti, ħaġa li ma taqax taħt il-kompetenza tagħha fil-kuntest ta’ appell.

181

Minn dan isegwi li l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

b)   It-tieni ilment

1) L-argumenti tal-partijiet

182

L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 351 sa 355 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 350 sa 354 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, wettqet żbalji ta’ liġi. L-ewwel nett, għar-raġunijiet diġà msemmija fit-tielet parti tat-tielet aggravju ta’ dawn l-appelli, il-fatt li l-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni kellha dritt toqgħod lura milli teżamina r-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn RWE u E.ON, minħabba n-natura limitata taż-żieda tal-partijiet mis-suq ta’ RWE, jikkostitwixxi tali żball.

183

It-tieni nett, ebda ġustifikazzjoni ma tissostanzja l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 358 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punt 357 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, li s-sempliċi tnaqqis tal-pressjoni kompetittiva dovut għall-għajbien ta’ impriża li r-rwol tagħha huwa iktar importanti milli jagħti l-impressjoni s-sehem tagħha mis-suq ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva.

184

It-tielet nett, l-affermazzjoni, fil-punti 359 sa 363 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 358 sa 362 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, li tgħid li l-irtirar ta’ E.ON mis-settur tal-produzzjoni ma huwiex esklużivament imputabbli għall-konċentrazzjoni, peress li E.ON kienet diġà ttrasferixxiet attivitajiet ta’ produzzjoni qabel it-tranżazzjoni M.8871 u ttrasferixxiet biss, fil-kuntest ta’ din il-konċentrazzjoni, partijiet minn dawn l-attivitajiet, ma tissodisfax l-eżami. Qabel kollox, billi rrilevat, fil-punt 357 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punt 356 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, li t-tranżazzjoni M.8871 ma tikkonċernax l-akkwist ta’ E.ON innifsu, iżda biss l-akkwist minn RWE ta’ wħud mill-assi tagħha, il-Qorti Ġenerali rraġunat b’mod formalistiku mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-konċentrazzjoni fl-intier tagħha. Sussegwentement, fil-punt 362 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punt 361 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, il-Qorti Ġenerali rrilevat li E.ON żammet attività ta’ produzzjoni wara l-konċentrazzjoni, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li din hija biss l-attività ta’ produzzjoni attribwita b’mod esklużiv lil E.ON bħala parti integrali mill-offerta, lill-klijenti, ta’ soluzzjonijiet li jagħmlu parti mill-attivitajiet ta’ bejgħ bl-imnut, liema fatt, li kieku saret delimitazzjoni ddettaljata tas-suq, kellu jiġi kkonstatat mill-Kummissjoni u mill-Qorti Ġenerali.

185

Il-Kummissjoni, RWE u E.ON jikkontestaw l-argumenti tal-appellanti.

2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

186

L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta vvalidat l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-irtirar ta’ E.ON mis-suq tal-produzzjoni ma kienx raġuni ta’ projbizzjoni tal-konċentrazzjoni.

187

Fil-punti 349 sa 351 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 348 sa 350 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, fid-dawl tal-argument tar-rikorrenti fl-ewwel istanza li l-Kummissjoni marret kontra l-punt 27 tal-Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet Orizzontali, il-Qorti Ġenerali fakkret, essenzjalment, l-ewwel nett, li għalkemm din tal-aħħar hija marbuta mill-komunikazzjonijiet li hija tadotta fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, dawn il-komunikazzjonijiet ma jirrikjedux li hija teżamina, fil-każijiet kollha, l-elementi msemmija minnhom, fejn għalhekk il-Kummissjoni għandha setgħa ta’ evalwazzjoni li tippermettilha tieħu jew ma tiħux inkunsiderazzjoni wħud minn dawn l-elementi u, it-tieni nett, li l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali ma jistax jillimita ruħu għas-sempliċi eżami tat-teħid inkunsiderazzjoni jew tan-nuqqas ta’ għarfien ta’ wħud mill-imsemmija elementi mill-Kummissjoni, iżda li l-Qorti Ġenerali għandha wkoll tqis jekk l-ommissjonijiet potenzjali tal-Kummissjoni jistgħux iqiegħdu inkwistjoni l-konklużjoni tagħha li l-konċentrazzjoni nnotifikata ma tqajjimx dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

188

Din it-tfakkira mill-Qorti Ġenerali tal-portata tal-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni u tas-sistema ta’ stħarriġ li hija teżerċita fuq l-evalwazzjonijiet ta’ din tal-aħħar ma fiha ebda żball ta’ liġi.

189

Barra minn hekk, fil-punt 352 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punt 351 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-ishma tas-suq miżmuma minn RWE qabel il-konċentrazzjoni kienu limitati u li ż-żieda tagħhom wara l-konċentrazzjoni wkoll kienet limitata, speċjalment peress li ċerti assi ta’ produzzjoni ta’ innogy ġew ittrasferiti lil E.ON b’mod permanenti. Fil-punt 353 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punt 352 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, il-Qorti Ġenerali rrilevat il-konstatazzjoni, magħmula mill-Kummissjoni, tal-frammentazzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fost bosta produtturi, tan-natura limitata tal-ishma mis-suq ta’ RWE u ta’ dak saħansitra iktar limitat tal-ishma ta’ E.ON. Fil-punt 354 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punt 353 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, il-Qorti Ġenerali fakkret il-konstatazzjoni tagħha li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li ż-żieda fis-sehem tas-suq ta’ RWE kienet ta’ natura limitata u temporanja.

190

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 355 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punt 354 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, li anki jekk il-Kummissjoni kienet naqset milli tanalizza ċerti elementi li huma meħtieġa mill-punt 27 tal-Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet Orizzontali, tali ommissjonijiet ma jistgħux iqiegħdu inkwistjoni l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-konċentrazzjoni ma tqajjimx dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

191

Għandu jiġi rrilevat li din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li hija setgħet ġustament tiddeduċi mill-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, li tagħha l-appellanti ma kinux stabbilixxew in-natura manifestament żbaljata, li skonthom kemm in-natura limitata tal-ishma tas-suq u taż-żidiet tagħhom minħabba l-effett tal-konċentrazzjoni nnotifikata kif ukoll in-natura temporanja ta’ dawn iż-żidiet kienu jippermettu li jiġi kkunsidrat li din tal-aħħar ma kinitx tqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-konċentrazzjoni mas-suq intern, ma hija vvizzjata b’ebda żball ta’ liġi. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, bħalma għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 364 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punt 363 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, li l-Kummissjoni ma llimitatx ruħha li teżamina l-ishma tas-suq tal-partijiet fil-konċentrazzjoni u l-iżvilupp tagħhom minħabba din il-konċentrazzjoni, iżda ħadet inkunsiderazzjoni, fil-premessi 48 et seq. tad-deċiżjoni kontenzjuża, kriterji oħra ta’ evalwazzjoni relatati mal-partikolaritajiet tas-suq tal-produzzjoni tal-elettriku.

192

Fil-punti 356 sa 358 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 355 sa 357 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, il-Qorti Ġenerali osservat ukoll, essenzjalment, li r-rikorrenti fl-ewwel istanza kienu żbaljati dwar il-portata tal-Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet Orizzontali. Wara li fakkret li dawn il-linji gwida jsemmu, fost l-elementi kompetittivi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-effetti mhux ikkoordinati, l-ewwel nett, jekk il-partijiet fil-konċentrazzjoni humiex kompetituri mill-qrib, it-tieni nett, jekk l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tistax twaqqaf l-espansjoni tal-kompetituri jew, it-tielet nett, jekk il-konċentrazzjoni teliminax mutur importanti tal-kompetizzjoni, il-Qorti Ġenerali rrilevat, essenzjalment, li r-rikorrenti fl-ewwel istanza kienu qegħdin jiżbaljaw dwar il-portata tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, li kienet tikkonċerna biss ċerti assi ta’ E.ON u mhux E.ON innifisha. B’hekk, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, l-ewwel nett, li E.ON ma tieqafx topera minħabba l-konċentrazzjoni. It-tieni nett, hija rrilevat li l-kwistjoni kienet għalhekk dwar jekk l-assi ta’ E.ON akkwistati minn RWE, minn naħa, u RWE nnifisha, min-naħa l-oħra, kinux kompetituri mill-qrib u jekk dawn l-assi u RWE setgħux jostakolaw l-espansjoni tal-kompetituri. Issa, l-appellanti titlaq mill-premessa żbaljata li RWE akkwistat lil E.ON kollha hemm hi permezz tas-sehem minoritarju tagħha, li, kif huwa ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, ma huwiex korrett. It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda t-tneħħija tal-pressjoni kompetittiva fuq RWE, is-sempliċi tnaqqis f’tali pressjoni li jirriżulta mill-waqfien mill-operat ta’ impriża li għandha rwol ikbar milli jagħtu x’jifhmu l-ishma tagħha mis-suq ma huwiex fih innifsu suffiċjenti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva.

193

Għandu jiġi kkonstatat li, għal darba oħra, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball u lanqas, kif jallegaw l-appellanti, irraġunat b’mod formalistiku meta fakkret li mhux E.ON, iżda biss l-assi ta’ din l-impriża kienu akkwistati minn RWE fil-kuntest tal-konċentrazzjoni M.8871. Fir-rigward tal-affermazzjoni li s-sempliċi tnaqqis fil-pressjoni kompetittiva li jista’ jirriżulta mill-waqfien mill-operat ta’ impriża li għandha rwol ikbar milli jagħtu x’jifhmu l-ishma tagħha mis-suq ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jiġi pprovat ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, din ma hija vvizzjata minn ebda żball ta’ liġi, iktar u iktar fil-kuntest, bħal dak f’dan il-każ, ta’ konċentrazzjoni li tirrigwarda ishma mis-suq limitati.

194

Fil-punti 359 sa 361 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 358 sa 360 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, il-Qorti Ġenerali osservat li t-tnaqqis tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ E.ON ma kienx biss il-konsegwenza tal-konċentrazzjoni. Skont il-Qorti Ġenerali, minn naħa, E.ON kienet diġà ħadet id-deċiżjoni li tittrasferixxi partijiet essenzjali mill-attività tagħha ta’ produzzjoni tal-elettriku konvenzjonali, bl-eċċezzjoni essenzjalment tal-kapaċitajiet tal-impjanti tal-enerġija nukleari, lill-eks sussidjarja tagħha, Uniper, u li tbigħ is-sehem li hija kellha fil-kapital ta’ din tal-aħħar lil Fortum Oyj. Min-naħa l-oħra, l-għeluq tal-impjanti tal-enerġija nukleari ta’ E.ON sa mhux iktar tard minn tmiem is-sena 2022, diġà kien ġie deċiż mil-leġiżlatur Ġermaniż, b’tali mod li, anki li kieku E.ON kienet żammet dawn l-assi, hija ma kinitx se tkun tista’ tibqa’ tħaddimhom wara din id-data. Għalhekk, skont il-Qorti Ġenerali, l-attività ta’ produzzjoni tal-elettriku ta’ E.ON diġà kienet naqset ħafna qabel il-konċentrazzjoni u kellha potenzjal tonqos ulterjorment wara l-konċentrazzjoni.

195

Issa, l-appellanti ma jistabbilixxux kif il-Qorti Ġenerali, f’dan il-kuntest, wettqet żball ta’ liġi meta rreferiet għall-inizjattivi effettivament meħuda b’mod awtonomu minn E.ON sabiex tnaqqas l-attività tagħha ta’ produzzjoni tal-elettriku, kif ukoll għat-tmiem imminenti, li ma jirriżultax mill-konċentrazzjoni kkomunikata iżda minn deċiżjoni tal-leġiżlatur Ġermaniż, tal-attivitajiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku ta’ oriġini nukleari.

196

Barra minn hekk, fil-punt 362 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punt 361 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, ġustament, li mid-deċiżjoni kontenzjuża seta’ jiġi dedott, b’mod partikolari mit-tabelli li jinsabu fil-premessi 27 sa 29 ta’ din id-deċiżjoni, li E.ON ma kinitx ser tieqaf topera bħala kompetitriċi minħabba l-konċentrazzjoni. Fil-fatt, minn din id-deċiżjoni jirriżulta li madwar [kunfidenzjali] ( 2 ) biss tal-produzzjoni totali ta’ E.ON matul is-sena 2017 ġiet akkwistata minn RWE minħabba l-konċentrazzjoni, li, meta mqabbla mal-elettriku konvenzjonali, il-parti tal-produzzjoni totali ta’ E.ON matul din is-sena 2017 akkwistata minn RWE hija biss ta’ madwar [kunfidenzjali] ( 3 ) u li, fir-rigward tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, RWE akkwistat madwar [kunfidenzjali] ( 4 ) tal-produzzjoni ta’ E.ON.

197

F’dan ir-rigward, l-osservazzjoni tal-appellanti li tgħid li l-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali setgħu jikkonstataw, li kieku wettqu delimitazzjoni ddettaljata tas-suq, li l-attività ta’ produzzjoni miżmuma minn E.ON kienet tagħmel parti integrali minn offerta ta’ soluzzjonijiet lill-klijenti li jagħmlu parti mill-attivitajiet bl-imnut u mhux mill-attivitajiet ta’ produzzjoni bl-ingrossa tal-elettriku, hija bbażata impliċitament iżda neċessarjament fuq il-premessa li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ħalliet miftuħa d-definizzjoni tas-swieq u li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat dan l-iżball. Issa, jeħtieġ sempliċement li jiġi rrilevat li din il-premessa ġiet eskluża fil-punti 122 sa 132 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti tat-tielet aggravju.

198

Minn dan isegwi li dan l-ilment huwa infondat.

c)   Fuq it-tielet ilment

1) L-argumenti tal-partijiet

199

L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 366 sa 391 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 365 sa 390 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, straħet fuq analiżi insuffiċjenti tal-influwenza fit-tmexxija li RWE kisbet permezz tas-sehem minoritarju tagħha f’E.ON. Issa, ikun żbaljat li wieħed jistenna li l-IRA tillimita din l-influwenza b’mod effikaċi ġaladarba dan il-ftehim huwa vvizzjat b’nullità u ma jipprekludix lil RWE milli tidderoga legalment minnu fl-eżerċizzju tad-dritt tagħha tal-vot. Fi kwalunkwe każ, l-akkwist ta’ sehem trażversali ta’ RWE fil-kompetitur tagħha E.ON missu ttieħed inkunsiderazzjoni anki fl-assenza ta’ teħid ta’ kontroll, fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 139/2004, peress li dan huwa restrizzjoni tal-kompetizzjoni inkompatibbli mal-Artikolu 101 TFUE. Għandu jiġi nnotat ukoll li ebda parti ma kkontestat li, fil-kuntest tal-konċentrazzjoni, RWE u E.ON speċjalizzaw lilhom infushom bi ftehim komuni f’livelli differenti tas-suq tal-elettriku. Waqt is-seduta, E.ON spjegat li ż-żewġ gruppi ta’ impriżi kienu ftiehmu dwar dan it-tqassim tas-suq sabiex ikunu jistgħu jiddisponu mill-mezzi finanzjarji neċessarji għall-iżvilupp tal-attivitajiet tagħhom fil-kuntest tat-tranżizzjoni enerġetika u li ma kienx ikun possibbli għalihom li jiġbru dawn il-fondi li kieku r-relazzjoni ta’ kompetizzjoni tagħhom baqgħet l-istess.

2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

200

Permezz ta’ dan l-ilment, l-appellanti essenzjalment jirrepetu wħud mill-argumenti tagħhom esposti fl-ewwel parti tat-tieni aggravju, dwar l-influwenza deċiżiva li, fil-fehma tagħhom, RWE kisbet fuq E.ON. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dawn l-argumenti ġew esklużi bħala ineffettivi fil-punti 95 sa 97 ta’ din is-sentenza.

201

Barra minn hekk, fir-rigward tal-argumenti tal-appellanti dwar il-fatt li l-akkwist ta’ sehem minoritarju ta’ RWE f’E.ON missu ttieħed inkunsiderazzjoni sa fejn dan kien jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni inkompatibbli mal-Artikolu 101 TFUE, jew ukoll dwar il-fatt li E.ON u RWE qassmu s-swieq bejniethom, diġà ġie rrilevat, fil-punti 55 u 56 ta’ din is-sentenza, li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żbalji ta’ liġi meta ddeċidiet li huwa fid-dawl tar-Regolament Nru 139/2004, li l-għan tagħha huwa l-kontroll preventiv tal-konċentrazzjonijiet, u mhux tar-Regolament Nru 1/2003, li l-għan tiegħu huwa l-kontroll tal-ftehimiet, tad-deċiżjonijiet, tal-prattiki miftiehma u tas-sitwazzjonijiet ta’ pożizzjoni dominanti, li l-osservanza tal-Artikolu 101 TFUE kellha tiġi u ġiet, ġustament, ikkontrollata mill-Kummissjoni.

202

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament, fil-punt 394 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punt 393 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, filwaqt li rrilevat li d-deċiżjoni kontenzjuża kellha konċentrazzjoni bħala suġġett tagħha, ċaħdet bħala ineffettivi l-argumenti tal-appellanti bbażati fuq ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

203

Minn dan isegwi li t-tielet ilment, u għaldaqstant ir-raba’ parti tat-tielet aggravju, huwa infondat.

204

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li ebda waħda mill-partijiet tat-tielet aggravju ma hija fondata, dan għandu jiġi miċħud.

D. Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova

1.   L-argumenti tal-partijiet

205

L-appellanti jsostnu li, fil-punti 273, 278 et seq., 328, 341, 344 u 382 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 272, 277 et seq., 327, 340, 343 u 381 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, il-Qorti Ġenerali titlob elementi iktar iddettaljati dwar ir-riżultati konkreti li għalihom kien ikollha tasal il-Kummissjoni li kieku l-istħarriġ tagħha kien korrett. Għall-kuntarju, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 406 sa 411 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 405 sa 410 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, ċaħdet mill-ewwel l-offerti ta’ provi li ġew prodotti quddiemha, b’mod partikolari t-talba għad-dehra personali jew għas-smigħ tal-ex diretturi tal-gruppi fir-rigward tat-tqassim tas-swieq. Dawn id-deċiżjonijiet imorru kontra l-prinċipji ta’ tqassim tal-oneru tal-prova ddefiniti fl-Artikoli 91 sa 96 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

206

Il-livell tal-prova impost mill-Qorti Ġenerali huwa eċċessiv. L-appellanti la kellhom aċċess għal data iktar iddettaljata minn dik li huma pprovdew, u lanqas għas-setgħat ta’ investigazzjoni li għandha l-Kummissjoni, pereżempju dwar l-ishma tas-suq tal-produtturi tal-elettriku għall-kalkolu tal-indiċi ta’ Herfindahl‑Hirschman (iktar ’il quddiem l-“IHH”). Dawn ir-rekwiżiti huma, fi kwalunkwe każ, eżaġerati, peress li l-appellanti, minbarra li ntalbu jipproduċu l-prova ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, intalbu jesponu, bi spiża tagħhom, ir-riżultat ta’ investigazzjonijiet jew ta’ analiżi li l-Kummissjoni ma wettqitx u dan meta wieħed iqis li l-Qorti Ġenerali, fl-istess waqt, tillimita t-tul tan-noti li jistgħu jiġu sottomessi mir-rikorrenti. Billi fid-dibattiti pproduċew l-istudju Oxera, ikkonfermat mill-analiżi tal-Uffiċċju Federali tal-Akkordji, u x-xogħol Changing Energy, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza pproduċew provi solidi li juru ż-żieda tas-setgħa fis-suq tal-partijiet fil-konċentrazzjoni u t-tqassim antikompetittiv tas-suq. Kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżiti ta’ prova fil-qasam ta’ deċiżjonijiet li jawtorizzaw konċentrazzjoni huma identiċi għal dawk li jirregolaw il-projbizzjoni tagħhom. Fi kwalunkwe każ, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-Kummissjoni. Għalkemm dan l-oneru jista’ eċċezzjonalment jiġi ttrasferit lejn il-partijiet ikkonċernati, dan jikkonċerna l-każijiet fejn iċ-ċirkustanzi pożittivi għalihom jikkontradixxu r-riżultati tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni u fejn dawn il-partijiet ikollhom aċċess għall-provi – li ma kienx il-każ hawnhekk.

207

Il-Kummissjoni, RWE u E.ON jikkontestaw l-argumenti tal-appellanti.

2.   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

208

Permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti jinvokaw ksur mill-Qorti Ġenerali tal-prinċipji ta’ tqassim tal-oneru tal-prova li jirriżulta mill-Artikoli 91 sa 96 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

209

Qabel kollox, għandu jiġi osservat li ebda regola dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova, kemm jekk fi proċedura amministrattiva tal-Kummissjoni u kif ukoll jekk fi proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni, ma tirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet, li l-ksur tagħhom huwa allegat fuq il-bażi ta’ dan il-motiv. Dawn jistabbilixxu s-sistema ta’ miżuri istruttorji kif ukoll tas-smigħ ta’ xhieda u ta’ esperti li jistgħu jiġu ordnati mill-Qorti Ġenerali.

210

Dan l-aggravju, sa fejn huwa bbażat fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-Artikoli 91 sa 96 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, huwa għalhekk infondat.

211

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni, fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, ma hijiex obbligata turi mingħajr dubju raġonevoli li proposta ta’ konċentrazzjoni ma tqajjimx problemi ta’ kompatibbiltà mas-suq intern. Hija għandha tevalwa l-probabbiltajiet u tiddeċiedi favur jew kontra l-konċentrazzjoni proposta, skont l-evalwazzjoni tagħha tal-ikbar probabbiltà ta’ żvilupp ekonomiku attribwibbli għall-konċentrazzjoni. F’dan il-kuntest, hija tgawdi minn marġni wiesa’ fl-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi ekonomiċi kumplessi, liema evalwazzjoni hija suġġetta, b’mod partikolari, għall-istħarriġ, mill-Qorti Ġenerali, tal-iżball manifest u tal-eżattezza materjali tal-fatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Il‑Kummissjoni vs CK Telecoms UK Investments, C‑376/20 P, EU:C:2023:561, punt 84). Dan premess, meta istituzzjoni jkollha setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa, hija ta’ importanza fundamentali l-osservanza tal-garanziji proċedurali, fosthom l-obbligu tagħha li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tas-sitwazzjoni inkwistjoni (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, BĊE vs Crédit lyonnais, C‑389/21 P, EU:C:2023:368, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

212

Peress li, fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni tesponi l-pożizzjoni tagħha fid-dettall, hija l-appellanti li għandha tipproduċi elementi ugwalment iddettaljati intiżi li jikkonfutaw il-pożizzjoni tal-Kummissjoni. Dan ir-rekwiżit probatorju ma jikkostitwixxix, kif jissuġġerixxu l-appellanti f’dan il-każ, qlib indebitu tal-oneru tal-prova għad-detriment tagħhom, iżda jissarraf fl-oneru li kull parti għandha li tissostanza l-pożizzjoni tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, EU:C:2006:592, punt 181).

213

Issa, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat, essenzjalment, li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma kinux issostanzjaw suffiċjentement il-kontestazzjoni tagħhom tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża.

214

Għalhekk, fir-rigward tal-fatt li, fil-punt 273 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punt 272 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, il-Qorti Ġenerali rrilevat li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma pprovdewx il-kalkoli tagħhom tal-IHH sabiex juru li kieku l-Kummissjoni ħadithom inkunsiderazzjoni, hija kienet tasal għal konklużjoni differenti, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-Qorti Ġenerali, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-IHH fl-evalwazzjoni tagħha u li, sa fejn l-appellanti kkritikawha b’din l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, huma kellhom jispjegaw b’liema mod l-evalwazzjoni tagħha kienet tinbidel minħabba l-użu ta’ dan l-indiċi. Minn dan isegwi li s-sempliċi lment li l-IHH ma ttiħditx inkunsiderazzjoni ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit żball tal-Kummissjoni, u li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma kinux issostanzjaw l-argumenti tagħhom f’dan ir-rigward.

215

Barra minn hekk, fil-punti 278 sa 280 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 277 sa 279 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat li ma huwiex biżżejjed għar-rikorrenti fl-ewwel istanza li jużaw tagħrif f’forma ta’ data differenti minn dak użat mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar, mingħajr ma pproduċiet element konkret li juri li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmi tagħrif f’forma ta’ data fid-deċiżjoni kontenzjuża kien jikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

216

L-istess japplika għall-kunsiderazzjonijiet dwar l-effett taż-żidiet fil-kapaċitajiet ta’ RWE, l-effett tal-ishma ta’ RWE u ta’ E.ON f’impriżi terzi, it-tifsira tan-natura parallela tal-iżvilupp tal-prezzijiet tal-Borża u tar-riżultati ta’ E.ON u ta’ RWE u tal-preżenza tas-sedi tal-kumpannija fl-istess belt, u l-effett tas-sehem minoritarju ta’ RWE f’E.ON, magħmula rispettivament fil-punti 328, 341, 344 u 382 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punti 327, 340, 343 u 381 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali kkonstatat, essenzjalment, li r-rikorrenti fl-ewwel istanza, filwaqt li lmentaw żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni, ma pproduċew ebda indizju konkret quddiemha u lanqas ma taw spjegazzjoni konvinċenti tal-eżistenza ta’ tali żbalji manifesti.

217

Fir-rigward tal-fatt li l-Qorti Ġenerali ma qisitx neċessarju li tisma’ xhieda proposti mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, mill-kunsiderazzjonijiet proċedurali li jinsabu fil-punt 410 tas-sentenzi T‑312/20, T‑313/20 u T‑315/20 kif ukoll fil-punt 409 tas-sentenzi T‑317/20 u T‑319/20, li ma ġewx validament imqiegħda inkwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll mill-fatt li l-Qorti Ġenerali hija, fi kwalunkwe każ, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, l-unika qorti li għandha tiddeċiedi dwar in-neċessità li ssir dehra personali jew smigħ, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, billi aġixxiet b’dan il-mod, ma wettqitx żball ta’ liġi.

218

Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju huwa miċħud.

E. Konklużjoni

219

Peress li l-aggravji kollha mqajma insostenn ta’ dawn l-appelli ġew miċħuda, dawn l-appelli għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

VI. Fuq l-ispejjeż

220

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-Artikolu 138(1) u (2) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, jipprovdi li l-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-appellanti tilfu, hemm lok li jiġu kundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, minn E.ON u minn RWE kif mitlub mill-istess Kummissjoni, RWE u E.ON.

221

L-Artikolu 140(1) tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura, ukoll applikabbli għall-proċedura ta’ appell, jipprovdi li l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appelli huma miċħuda.

 

2)

EVH GmbH hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, minn E.ON SE u minn RWE AG fil-Kawża C‑464/23 P.

 

3)

Stadtwerke Leipzig GmbH hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, minn E.ON SE u minn RWE AG fil-Kawża C‑465/23 P.

 

4)

TEAG Thüringer Energie AG hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, minn E.ON SE u minn RWE AG fil-Kawża C‑467/23 P.

 

5)

EnergieVerbund Dresden GmbH hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, minn E.ON SE u minn RWE AG fil-Kawża C‑468/23 P.

 

6)

GGEW, Gruppen-Gas- und Elektrizitätswerk Bergstraße AG hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, minn E.ON SE u minn RWE AG fil-Kawża C‑470/23 P.

 

7)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha sostnuti fil-Kawżi C‑464/23 P, C‑465/23 P, C‑467/23 P, C‑468/23 P u C‑470/23 P.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

( 1 ) Informazzjoni kunfidenzjali oskurata.

( 2 ) Informazzjoni kunfidenzjali oskurata.

( 3 ) Informazzjoni kunfidenzjali oskurata.

( 4 ) Informazzjoni kunfidenzjali oskurata.