SENTENZA TAL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)
8 ta’ Mejju 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 2(b) – Kunċett ta’ ‘konsumatur’ – Kuntratt bi skop doppju – Bidwi li kkonkluda kuntratt ta’ xiri ta’ proprjetà intiża kemm għall-azjenda agrikola tiegħu kif ukoll għall-użu domestiku tiegħu – Suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72/KE – Artikolu 3(7) – Paragrafu 1(a) tal‑Anness I – Klijent domestiku – Kuntratt ta’ provvista tal-elettriku għal żmien determinat u bi prezz fiss – Penalità kuntrattwali għal xoljiment antiċipat – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-ammont ta’ din il-penalità għall-‘ispejjeż u kumpensi li jirriżultaw mill-kontenut tal-kuntratt’”
Fil-Kawża C‑410/23 [Pielatak] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis‑Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, Il‑Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Mejju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Lulju 2023, fil-proċedura
I. SA
vs
S. J.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn I. Jarukaitis (Relatur), President tal-Awla, N. Jääskinen, A. Arabadjiev, M. Condinanzi u R. Frendo, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet, M. Owsiany‑Hornung u T. Scharf, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(b) u (ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288 u rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100), u tal-Artikolu 3(5) u (7), kif ukoll tal-paragrafu (1)(a) u (e) tal-Anness I tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn I. S.A., fornitur tal-elettriku (iktar ’il quddiem il-“fornitur”), u S. J., operatur agrikolu, dwar il-ħlas ta’ penalità kuntrattwali dovuta minħabba x-xoljiment antiċipat, minn dan tal-aħħar, ta’ kuntratt ta’ provvista tal-elettriku konkluż minn dawn il-partijiet għal żmien determinat u bi prezz fiss. |
Il-kuntest legali
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 93/13
|
3 |
Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/13: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: [...]
|
Id-Direttiva 2009/72
|
4 |
Il-premessi 3, 7, 8, 51, 52, 54 u 57 tad-Direttiva 2009/72 kienu jistabbilixxu:
[...]
[...]
[...]
[...]
|
|
5 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u Kamp ta’ applikazzjoni”, kien jipprovdi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku, flimkien ma’ dispożizzjonijiet għall-ħarsien tal-konsumatur, bil-għan li jittejbu u jiġu integrati s-swieq kompetittivi tal-enerġija fil-Komunità.[...]” |
|
6 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva kien jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw d-definizzjonijiet li ġejjin: [...]
[...]
[...]” |
|
7 |
L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Obbligi tas-servizz pubbliku u l-protezzjoni tal-klijenti”, kien jipprevedi, fil-paragrafi 5 u 7 tiegħu: “5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet imsemmija f’punti (a) u (b) huma mogħtija lill-konsumaturi kollha b’mod mhux diskriminatorju fir-rigward ta’ spiża, ħidma u żmien. [...] 7. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adatti biex jipproteġu lill-klijenti finali, u għandhom jiżguraw b’mod partikolari li jkun hemm salvagwardji adegwati biex jipproteġu lill-klijenti vulnerabbli. [...] Dawn għandhom jiżguraw livelli għolja ta’ protezzjoni tal-konsumatur, partikolarment fejn jikkonċerna t-trasparenza dwar termini u kondizzjonijiet kuntrattwali, informazzjoni ġenerali, u mekkaniżmi ta’ soluzzjoni ta’ kwistjonijiet. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijent eliġibbli jkun fil-fatt jista’ jaqleb b’mod faċli għal ma’ fornitur ġdid. Fir-rigward għall-anqas tal-klijenti domestiċi, dawk il-miżuri għandhom jinkludu dawk stabbiliti fl-Anness I.” |
|
8 |
L-Artikolu 33 tad-Direttiva 2009/72, intitolat “Ftuħ tas-suq u reċiproċità”, kien jippreċiża, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti eliġibbli jinkludu: [...] (c) mill‑1 ta’ Lulju 2007, lill-klijenti kollha.” |
|
9 |
L-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dmirijiet u setgħat tal-awtoritajiet regolatorji”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom id-dmirijiet li ġejjin: [...]
[...]” |
|
10 |
L-Anness I tal-imsemmija direttiva, intitolat “Miżuri dwar il-protezzjoni tal-konsumatur”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Mingħajr preġudizzju għar-regoli Komunitarji dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319)] u d-Direttiva [93/13], il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 għandhom jaċċertaw li l-klijenti:
[...]
[...]” |
|
11 |
Id-Direttiva 2009/72 ġiet imħassra u ssostitwita, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2021, bid-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU 2019, L 158, p. 125), konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 72 tad-Direttiva 2019/944. |
Id-Direttiva 2011/83/UE
|
12 |
Il-premessa 17 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64 u rettifika fil-ĠU L, 2024/90093), tistabbilixxi: “Id-definizzjoni ta’ konsumatur għandha tkopri l-persuni fiżiċi li mhumiex qed jaġixxu fil-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħhom. Madankollu, fil-każ ta’ kuntratti għal żewġ għanijiet, fejn il-kuntratt huwa konkluż għal skopijiet parzjalment fl-ambitu jew parzjalment barra mill-ambitu tal-kummerċ ta’ persuna u l-iskop ta’ kummerċ tant huwa limitat li mhuwiex predominanti fil-kuntest kumplessiv tal-kuntratt, dik il-persuna wkoll għandha titqies bħala konsumatur.” |
Id-Direttiva 2019/944
|
13 |
Skont il-premessa 1 tad-Direttiva 2019/944: “Jenħtieġ li jsiru għadd ta’ emendi lid-[Direttiva 2009/72]. Fl-interessi taċ-ċarezza, dik id-Direttiva jenħtieġ li tiġi riformulata.” |
|
14 |
L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2019/944, intitolat “Dritt għall-bdil [tal-fornitur] u regoli dwar tariffi marbuta mal-bdil”, jispeċifika, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu: “2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-inqas il-klijenti domestiċi u l-intrapriżi ż-żgħar ma jeħlu l-ebda tariffi marbuta mal-bdil. 3. B’deroga mill-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-fornituri jew lill-parteċipanti tas-suq impenjati fl-aggregazzjoni jimponu fuq il-klijenti tariffi għat-terminazzjoni tal-kuntratt fejn dawk il-klijenti volontarjament itemmu kuntratti għal terminu fiss, bi prezz fiss ta’ provvista tal-elettriku qabel dawn ma jkunu mmaturaw, dment li tali tariffi jkunu parti minn kuntratt li l-klijent ikun daħal għalih volontarjament u li tali tariffi jiġu kkomunikati b’mod ċar lill-klijent qabel ma jidħol għall-kuntratt. Tariffi bħal dawn għandhom ikunu proporzjonati u m’għandhomx jeċċedu t-telf ekonomiku dirett għall-fornitur jew il-parteċipanti tas-suq impenjat fl-aggregazzjoni li jirriżultaw mit-terminazzjoni mill-klijent tal-kuntratt, inkluż l-ispejjeż ta’ kwalunkwe investimenti magħquda jew servizzi li diġà jkunu ġew provduti lill-klijent bħala parti mill-kuntratt. L-oneru li jiġi pprovat it-telf ekonomiku dirett għandu jkun fuq il-fornitur jew fuq il-parteċipanti tas-suq impenjati fl-aggregazzjoni, u l-permissibbilà tat-tariffi għat-terminazzjoni tal-kuntratt għandha tiġi mmonitorjata mill-awtorità regolatorja, jew minn awtorità kompetenti nazzjonali oħra.” |
Id‑dritt Pollakk
|
15 |
L-ustawa – Prawo energetyczne (il-Liġi dwar l-Enerġija) tal‑10 ta’ April 1997 (Dz. U. No 54, intestatura 348), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Enerġija”), tipprovdi, fl-Artikolu 4j(3a) tagħha: “Klijent finali jista’ jxolji kuntratt li jkun ġie konkluż għal żmien determinat u li permezz tiegħu impriża tal-enerġija tipprovdilu kombustibbli gassużi jew enerġija, u dan mingħajr ma jġarrab spejjeż u kumpensi għajr dawk li jirriżultaw mill-kontenut tal-kuntratt, billi jibgħat dikjarazzjoni bil-miktub lill-impriża tal-enerġija.” |
|
16 |
L-ustawa – Kodeks cywilny (il-Liġi dwar il-Kodiċi Ċivili) tat‑23 ta’ April 1964 (Dz. U. No 16, intestatura 93), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), tipprevedi, fl-Artikolu 483(1) tagħha: “Il-kuntratt jista’ jistipula li l-kumpens għad-dannu li jirriżulta min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew mill-eżekuzzjoni żbaljata ta’ obbligu mhux pekunjarju għandu jsir permezz tal-ħlas ta’ somma ddeterminata (penalità kuntrattwali).” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
17 |
Fit‑18 ta’ Marzu 2017, S. J. u l-fornitur ikkonkludew kuntratt ta’ provvista ta’ elettriku (iktar ’il quddiem il- “kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali”), li miegħu kienu mehmuża Anness 1 u kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ, li kienu jagħmlu parti integrali minnu. |
|
18 |
L-Artikolu 7(2) ta’ dan il-kuntratt kien jistipula li dan tal-aħħar kien konkluż għal żmien determinat sal‑31 ta’ Diċembru 2021 u li l-provvista tal-elettriku kellha tibda fl‑1 ta’ Jannar 2018. Il-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu kien jippreċiża li, b’mod partikolari fil-każ ta’ xoljiment tal-imsemmi kuntratt mill-klijent qabel id-data indikata f’dan il-paragrafu 2, dan ikun obbligat iħallas penalità kuntrattwali konformement mal-prinċipji stabbiliti fil-punt VI (1) sa (3) ta’ dawn il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ bejgħ. Skont dan il-paragrafu 1, l-ammont ta’ din il-penalità kien jikkorrispondi għall-prodott tal-elettriku mhux użat iddikjarat mill-klijent fl-istess kuntratt bħala “kwantità ta’ enerġija prevista” għal post ta’ provvista partikolari, għall-prezz unitarju ta’ 60 zloty Pollakk (PLN) (madwar EUR 14) għal kull megawatt fis-siegħa (MWh). Il-kwantità ta’ enerġija mhux użata kienet ikkalkolata bħala s-somma tal-konsum medju tal-enerġija stmat għal kull wieħed mix-xhur wara x-xoljiment tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li kien fadal sa tmiem il-perijodu indikat f’dan l-Artikolu 7(2). Il-konsum tal-elettriku previst fil-punt tal-konsum kien ta’ 20 MWh fis-sena u l-punt ta’ konsum tal-elettriku, speċifikat fl-Anness 1 ta’ dan il-kuntratt, kien l-isfruttament agrikolu ta’ S. J. |
|
19 |
Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Mejju 2017, innotifikata lill-fornitur fit‑8 ta’ Mejju 2017, S. J. indika lil dan tal-aħħar li huwa kien ser jirtira mill-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali billi jeżerċita d-dritt ta’ rtirar legali previst għall-kuntratti ta’ konsum. Barra minn hekk, huwa ppreżenta dikjarazzjoni dwar ir-rinunzja għall-effetti legali ta’ kuntratt konkluż bi żball u allega li dan il-kuntratt ma kienx validu. |
|
20 |
Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Mejju 2020, il-fornitur indika li huwa kien jikkunsidra dawn id-dikjarazzjonijiet bħala mingħajr effett. Huwa ħareġ nota ta’ debitu li tagħti lil S. J. terminu li jiskadi fis‑7 ta’ Lulju 2020 sabiex iħallas is-somma ta’ PLN 4 700.22 (madwar EUR 1128), bħala penalità kuntrattwali, kif ukoll fattura datata 5 ta’ Marzu 2018 għal ammont ta’ PLN 254.33 (madwar EUR 61) u fattura ta’ rettifika datata 8 ta’ Jannar 2020 għal ammont ta’ PLN 314.90 (madwar EUR 75), bħala enerġija pprovduta matul il-perijodu bejn l‑1 u l‑10 ta’ Jannar 2018. |
|
21 |
Peress li S. J. irrifjuta li jħallas dawn is-somom, il-fornitur adixxa lis-Sąd Rejonowy dla m. st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja) sabiex S. J. jiġi kkundannat iħallashom. Dik il-qorti ċaħdet dan ir-rikors. Minn naħa, hija qieset li S. J. ma kellux il-kwalità ta’ konsumatur u li għalhekk ma setax legalment jirtira mill-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali abbażi tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi. F’dan ir-rigward, hija rrilevat, b’mod partikolari, li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jindika bħala punt ta’ konsum l-azjenda agrikola ta’ S. J. u li, għalkemm, ċertament, dan tal-aħħar kien indika li l-enerġija mixtrija kienet ukoll intiża għall-użu domestiku tiegħu, dan kien insuffiċjenti sabiex jiġi kklassifikat bħala konsumatur, peress li dan il-kuntratt jistipula li kien intiż għal persuni li ma għandhomx il-kwalità ta’ konsumatur. Fil-fatt, skont l-imsemmija qorti, l-użu ta’ offerta intiża għal klijenti li ma għandhomx il-kwalità ta’ konsumatur kien jipprova waħdu li S. J. kien ikkonkluda l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala professjonist u li dan il-kuntratt kien relatat direttament mal-attività professjonali tiegħu, jiġifieri l-azjenda agrikola tiegħu. |
|
22 |
Min-naħa l-oħra, l-istess qorti applikat l-Artikolu 4j(3a) tal-Liġi dwar l-Enerġija, iżda madankollu qieset li t-talba għall-ħlas tal-penalità kuntrattwali ma kellhiex tintlaqa’, peress li, skont l-Artikolu 483(1) tal-Kodiċi Ċivili, tali penalità tista’ tiġi prevista biss fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew ta’ eżekuzzjoni inkorretta ta’ obbligu mhux pekunjarju, filwaqt li, f’dan il-każ, is-suġġett tal-provvista tax-xerrej fil-każ ta’ bejgħ ta’ enerġija huwa provvista pekunjarja, jiġifieri l-ħlas tal-prezz. |
|
23 |
Barra minn hekk, it-talbiet għal ħlas għall-enerġija kkunsmata ġew miċħuda bħala infondati, peress li l-fornitur ma pprovda l-ebda ammont ta’ enerġija. |
|
24 |
Il-fornitur appella minn din is-sentenza quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju. Huwa jinvoka, b’mod partikolari, ksur tal-Artikolu 4j(3a) tal-Liġi dwar l-Enerġija u tal-Artikolu 483(1) tal-Kodiċi Ċivili. |
|
25 |
Il-Qorti tar-rinviju tesponi li, skont id-dikjarazzjonijiet ta’ S. J., rappreżentanti ta’ impriża tal-elettriku marru fl-azjenda agrikola tiegħu fit‑18 ta’ Marzu 2017 u għamlulu offerta ta’ provvista ta’ elettriku. Fuq il-parir tagħhom, huwa ffirma l-formoli vojta li kienu ġew sottomessi lilu u rċieva, fl-aħħar tax-xahar ta’ April 2017, kopja tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali li fiha, minn naħa, id-data u l-annessi kienu differenti minn dawk tal-offerta li kienet saritlu u, min-naħa l-oħra, informazzjoni dwar il-konsum tal-enerġija prevista kienet ġiet introdotta b’mod arbitrarju. Huwa għal dan li, permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Mejju 2017, huwa wera r-rieda tiegħu li jirtira minn dan il-kuntratt. |
|
26 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk S. J. għandux il-kwalità ta’ kummerċjant jew ta’ konsumatur u jekk, konsegwentement, l-irtirar tiegħu kienx validu. F’dan ir-rigward, hija tosserva, b’mod partikolari, li s-Sąd Rejonowy dla m. st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-belt ta’ Varsavja) ikkonstatat li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien isemmi bħala destinatarju l-“azjenda agrikola” ta’ S. J. u li kien biss fuq il-bażi tal-Artikolu 2(4) ta’ dan il-kuntratt, li jistipula li l-imsemmi kuntratt kien intiż għal persuni li ma għandhomx il-kwalità ta’ konsumatur, li din l-aħħar qorti kkonkludiet li S. J. ma kellux din il-kwalità. Hija tirrileva wkoll li, skont id-dritt Pollakk, bidwi għandu jitqies bħala professjonist, ħlief jekk huwa jamministra l-azjenda agrikola tiegħu għall-bżonnijiet tiegħu stess. |
|
27 |
Għalkemm, ċertament, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwalità ta’ konsumatur jew ta’ bejjiegħ jew fornitur, fis-sens tad-Direttiva 93/13, għandha tiġi ddeterminata fid-dawl ta’ kriterju funzjonali, li jikkonsisti fl-evalwazzjoni ta’ jekk ir-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni taqax fil-kuntest ta’ attivitajiet li ma għandhomx x’jaqsmu mal-eżerċizzju ta’ professjoni, tali distinzjoni funzjonali ma hijiex, madankollu, possibbli f’dan il-każ peress li huwa inkontestabbli li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellu bħala għan ix-xiri ta’ enerġija kemm għall-finijiet tal-azjenda agrikola kkonċernata kif ukoll ta’ użu domestiku ta’ S. J. Hija tirrileva, barra minn hekk, li l-kuntratti bi skop doppju ma humiex imsemmija fid-Direttiva 93/13 u li, għalkemm il-premessa 17 tad-Direttiva 2011/83 tirreferi għal dan it-tip ta’ kuntratt, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2005, Gruber (C‑464/01, EU:C:2005:32), adottat, sabiex tiddetermina jekk il-firmatarju ta’ tali kuntratt jistax jitqies bħala konsumatur, kriterji differenti minn dawk stabbiliti f’din il-premessa 17. |
|
28 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi kif il-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, għandu jiġi interpretat meta l-kuntratt inkwistjoni jkollu għan parzjalment privat u parzjalment professjonali. |
|
29 |
Fit-tieni lok, wara li rrilevat li, fid-dawl tad-data tal-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija d-Direttiva 2009/72 li hija rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima li hija adita biha, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-possibbiltà li jinbidel liberament il-fornitur tal-enerġija kif ukoll il-protezzjoni speċifika tal-konsumaturi jinsabu fost il-prinċipji fformulati f’din id-direttiva u li l-possibbiltà li jirtiraw minn kuntratt hija marbuta mill-qrib mal-bdil tal-fornitur. Issa, il-possibbiltà li jiġu imposti tariffi fuq il-klijent fil-każ ta’ xoljiment, minnu, ta’ kuntratt ta’ provvista tal-enerġija konkluż għal żmien determinat hija, fil-fehma tagħha, problematika fir-rigward tal-garanzija li jkun jista’ jbiddel liberament il-fornitur tal-enerġija. |
|
30 |
Mill-Artikolu 3(7) u mill-Anness I tad-Direttiva 2009/72 jirriżulta li klijent li għandu l-kwalità ta’ konsumatur ma għandu xejn x’jħallas fil-każ ta’ bdil ta’ fornitur jew ta’ rtirar mill-kuntratt. Barra minn hekk, dan l-Artikolu 3(7) jimplika li għandha tiġi ggarantita l-possibbiltà, għal konsumatur, li jbiddel faċilment il-fornitur, mingħajr ma jkun suġġett għal diskriminazzjoni fil-qasam tal-ispejjeż u mingħajr ma l-iżvantaġġi finanzjarji imposti jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja fir-rigward ta’ fornituri oħra, b’tali mod li l-klijent ma jistax effettivament ibiddel il-fornitur. |
|
31 |
Madankollu, l-Artikolu 4j(3a) tal-Liġi dwar l-Enerġija, li jipprevedi l-possibbiltà li jiġu imposti tariffi fuq il-klijent fil-każ ta’ xoljiment antiċipat ta’ kuntratt għal żmien determinat, ma jinkludix eżenzjoni għall-konsumaturi. Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk din il-liġi tmurx kontra d-Direttiva 2009/72, b’mod iktar partikolari l-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi previst fil-paragrafu 1(a) u (e) tal-Anness I tagħha, u msemmi fil-premessa 51 ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li d-dritt Pollakk jippermetti l-impożizzjoni ta’ penalitajiet kuntrattwali, iżda ma jipprevedix kriterju għall-kalkolu tagħhom, b’mod partikolari f’termini ta’ proporzjonalità mal-ispejjeż, mar-riskji involuti jew mad-dannu mġarrab, li jmur kontra r-rekwiżiti stabbiliti b’mod partikolari mill-Artikolu 3(7) tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, fil-prattika, tali penalitajiet jistgħu jkunu ugwali għall-ispejjeż potenzjalment iffatturati għall-provvista tal-enerġija miftiehma, fatt li jostakola l-possibbiltà li tali kuntratti jiġu xolti. |
|
32 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
33 |
Għandu jiġi rrilevat qabel kollox li, minkejja li, fil-formulazzjoni tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi mhux biss għall-punt (b) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/13, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens ta’ din id-direttiva, iżda wkoll għall-punt (ċ) ta’ dan l-artikolu, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kummerċjant”, fis-sens tal-imsemmija direttiva, minn din il-formulazzjoni kif ukoll mill-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta wkoll li din il-qorti tfittex li tikseb interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett biss ta’ “konsumatur”. |
|
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jinftiehem li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tal-premessa 17 tad-Direttiva 2011/83, għandux jiġi interpretat fis-sens li operatur agrikolu li jikkonkludi kuntratt ta’ xiri ta’ elettriku li huwa intiż kemm għall-użu agrikolu tiegħu kif ukoll għall-użu domestiku tiegħu jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
35 |
Skont l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, il-“konsumatur” huwa kull persuna naturali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha. |
|
36 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li l-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(b), huwa ta’ natura oġġettiva u huwa indipendenti mill-għarfien konkret li l-persuna kkonċernata jista’ jkollha jew mill-informazzjoni li din il-persuna jkollha realment. Il-kwalità ta’ “konsumatur” tal-imsemmija persuna għandha għalhekk tiġi stabbilita fid-dawl ta’ kriterju funzjonali, liema kriterju jevalwa jekk ir-relazzjoni kuntrattwali kkonċernata tkunx tnisslet matul attivitajiet li jmorru lil hinn minn kwalunkwe sengħa, negozju jew professjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad‑19 ta’ Novembru 2015, Tarcău,C‑74/15, EU:C:2015:772, punt 27, u s-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, YYY. (Kunċett ta’ “konsumatur”), C‑570/21, EU:C:2023:456, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Fir-rigward tal-punt dwar jekk u, fl-affermattiv, f’liema każijiet, persuna li tkun ikkonkludiet kuntratt bi skop doppju, jiġifieri kuntratt li jirrigwarda oġġett jew servizz intiż għal użu relatat parzjalment mal-attività professjonali tagħha, u li għalhekk huwa biss parzjalment estranju għal din l-attività, tistax madankollu taqa’ taħt il-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 2(b), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li, għalkemm il-formulazzjoni biss ta’ din id-dispożizzjoni ma tippermettix li jiġi ddeterminat, il-kuntest li fih taqa’ l-imsemmija dispożizzjoni ma jeskludix li, f’ċerti każijiet, persuna fiżika li tikkonkludi tali kuntratt tista’ tiġi kklassifikata bħala “konsumatur”, fis-sens tal-istess dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, YYY. (Kunċett ta’ “konsumatur”), C‑570/21, EU:C:2023:456, punti 31 sa 39). |
|
38 |
F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi kif ukoll il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok, b’mod partikolari, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ “konsumatur” li jinsab fil-premessa 17 tad-Direttiva 2011/83, li jispjega r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “konsumatur” fil-każ ta’ kuntratti bi skop doppju u li minnu jirriżulta li, meta l-kuntratt huwa konkluż għal finijiet li jaqgħu biss parzjalment fil-kuntest tal-attività professjonali tal-persuna kkonċernata u meta l-għan professjonali huwa tant limitat li ma huwiex predominanti fil-kuntest ġenerali ta’ dan il-kuntratt, din il-persuna għandha titqies bħala konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, YYY. (Kunċett ta’ “konsumatur”), C‑570/21, EU:C:2023:456, punti 40 sa 45). |
|
39 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li n-natura imperattiva tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fid-Direttiva 93/13 u r-rekwiżiti partikolari ta’ protezzjoni tal-konsumatur jeħtieġu interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, sabiex jiġi żgurat l-effett utli ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, YYY. (Kunċett ta’ “konsumatur”), C‑570/21, EU:C:2023:456, punt 46). |
|
40 |
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li, sa fejn l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 huwa intiż li jipproteġi lill-konsumaturi fil-każ ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti, l-interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ “konsumatur” adottata fis-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2005, Gruber (C‑464/01, EU:C:2005:32), għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-portata tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni derogatorja previsti fl-Artikoli 13 sa 15 tal-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata mill-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni, fil-każ ta’ kuntratt b’għan doppju, ma tistax tiġi estiża, b’analoġija, għall-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, YYY. (Kunċett ta’ “konsumatur”), C‑570/21, EU:C:2023:456, punt 51). |
|
41 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li, persuna li tkun ikkonkludiet kuntratt ta’ kreditu intiż għal użu li parzjalment jorbot mal-attività professjonali tagħha u parzjalment imur lil hinn minn din l-attività, flimkien ma’ persuna oħra li tissellef li ma taġixxix fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha, fejn l-iskop professjonali jkun tant limitat li ma jkunx predominanti fil-kuntest ġenerali ta’ dan il-kuntratt, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, YYY. (Kunċett ta’ “konsumatur”), C‑570/21, EU:C:2023:456, punt 53). |
|
42 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna fiżika li, tikkonkludi kuntratt b’għan doppju, li jaqa’ taħt id-Direttiva 93/13, taġixxix għal finijiet li ma jaqgħux fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha u, konsegwentement, taqax taħt il-kunċett ta’“konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, għandu jiġi eżaminat jekk l-għan professjonali ta’ dan il-kuntratt huwiex tant limitat li ma huwiex predominanti fil-kuntest globali tiegħu. |
|
43 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-qorti nazzjonali adita b’tilwima dwar kuntratt li jkun jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 li għandha tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-provi kollha u, b’mod partikolari, it-termini ta’ dan il-kuntratt, jekk il-persuna kkonċernata tistax tiġi kklassifikata bħala “konsumatur” fis-sens ta’ din id-direttiva. Sabiex tagħmel dan, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u, b’mod partikolari, in-natura tal-oġġett jew tas-servizz li jkun is-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni, li jkunu jistgħu juru l-għan li għalih dan il-prodott jew servizz ikun qiegħed jiġi akkwistat (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, YYY. (Kunċett ta’ “konsumatur”), C‑570/21, EU:C:2023:456, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
L-istess japplika, meta jkun inkwistjoni kuntratt b’għan doppju, għall-finijiet tal-evalwazzjoni, minn naħa, tal-portata ta’ kull waħda miż-żewġ partijiet ta’ tali kuntratt, fil-kuntest globali tiegħu u, min-naħa l-oħra, tal-għan predominanti ta’ dan il-kuntratt. Għalhekk, meta jkun inkwistjoni kuntratt b’għan doppju, hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina ċ-ċirkustanzi kollha tal-kuntratt inkwistjoni u tevalwa, abbażi tal-provi oġġettivi li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, sa fejn l-għan professjonali jew mhux professjonali ta’ dan il-kuntratt huwa predominanti fil-kuntest ġenerali tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, YYY. (Kunċett ta’ “konsumatur”), C‑570/21, EU:C:2023:456, punti 56 u 58). |
|
45 |
Għaldaqstant, għalkemm it-termini tal-kuntratt ikkonċernat għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, dawn ma jistgħux, waħedhom, ikunu suffiċjenti sabiex jiġi ddeterminat jekk, bil-konklużjoni ta’ tali kuntratt b’għan doppju, il-persuna fiżika kkonċernata aġixxietx jew le għal finijiet li ma jaqgħux fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha. Madankollu, fid-dawl tal-għan tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirrigwarda xiri ta’ elettriku, għandu jiġi ppreċiżat li stima tal-konsum tal-elettriku annwali li huwa previst b’mod għoli mill-partijiet tista’ turi li l-iskop professjonali huwa predominanti, filwaqt li stima tal-konsum baxx tista’ tindika li l-għan predominanti jikkonsisti f’użu domestiku. |
|
46 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, moqri fid-dawl tal-premessa 17 tad-Direttiva 2011/83, għandu jiġi interpretat fis-sens li operatur agrikolu li jikkonkludi kuntratt ta’ xiri ta’ elettriku li huwa intiż kemm għall-użu agrikolu tiegħu kif ukoll għall-użu domestiku tiegħu, meta l-għan professjonali ta’ dan il-kuntratt huwa tant limitat li ma huwiex predominanti fil-kuntest globali tal-imsemmi kuntratt, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq it-tieni domanda
|
47 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma turix kif l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2009/72, imsemmija fil-formulazzjoni tat-tieni domanda, hija rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, skont dan il-paragrafu 5(a) u (b), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, minn naħa, jekk klijent ikun jixtieq ibiddel il-fornitur, b’osservanza tat-termini u tal-kundizzjonijiet tal-kuntratti, din il-bidla ssir mill-operatur jew mill-operaturi kkonċernati fi żmien tliet ġimgħat u, min-naħa l-oħra, il-klijenti jkollhom id-dritt li jirċievu d-data rilevanti kollha dwar il-konsum tagħhom, liema drittijiet għandhom jingħataw lill-klijenti mingħajr diskriminazzjoni fir-rigward tal-ispejjeż, tal-investiment u tal-ħin. |
|
48 |
Issa, minn din it-talba jirriżulta li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie xolt qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu u qabel ma seħħet l-iċken provvista ta’ elettriku abbażi tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fl-assenza ta’ spjegazzjoni mill-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward, xejn ma jindika kif il-kawża prinċipali tikkonċerna ipoteżi ta’ bdil ta’ fornitur. Bl-istess mod, xejn ma jindika li din it-tilwima tikkonċerna l-komunikazzjoni, mill-fornitur, ta’ data dwar il-konsum. Barra minn hekk, id-dritt li jinbidel faċilment il-fornitur, li, skont il-punt 12 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72, moqri flimkien mal-Artikolu 33 tagħha, jibbenefika, mill‑1 ta’ Lulju 2007, lill-klijenti kollha, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, u li fir-rigward tiegħu l-qorti tar-rinviju tesprimi d-dubji li jiġġustifikaw it-tieni domanda tagħha, huwa speċifikament previst fl-Artikolu 3(7) tal-imsemmija direttiva, li huwa wkoll is-suġġett ta’ din id-domanda. |
|
49 |
Bl-istess mod, l-interpretazzjoni mitluba tal-paragrafu 1(e) tal-Anness I tad-Direttiva 2009/72, imsemmija wkoll fil-formulazzjoni tat-tieni domanda, ma tidhirx li hija neċessarja għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-ipoteżi ta’ bdil ta’ fornitur tal-elettriku filwaqt li, kif ġie kkonstatat fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma turix kif din it-tilwima tikkonċerna tali ipoteżi. |
|
50 |
Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “konsumatur”, użat mill-qorti tar-rinviju fil-formulazzjoni tat-tieni domanda, ma huwiex iddefinit mid-Direttiva 2009/72, iżda li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni fis-sens kuntrarju f’dispożizzjoni partikolari ta’ din id-direttiva, din il-kelma għandha, f’din tal-aħħar, sens wiesa’ u tinkludi, bħala prinċipju, kull “klijent finali”, fis-sens tal-punt 9 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, jiġifieri kemm il-“klijenti domestiċi”, fis-sens ta’ dan il-punt 10 tal-Artikolu 2, kif ukoll il-“klijenti mhux domestiċi”, fis-sens tal-imsemmi punt 11 tal-Artikolu 2 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, G (Spejjeż ta’ xoljiment antiċipat), C‑371/22, EU:C:2024:21, punt 35). |
|
51 |
Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li hija l-portata tal-miżura stabbilita fil-ħames inċiż tal-paragrafu 1(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2009/72 li hija fil-qalba tad-domandi tal-qorti tar-rinviju. Issa, dan l-Anness I jikkonċerna b’mod iktar partikolari, kif jirriżulta mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 3(7) ta’ din id-direttiva, il-“klijenti domestiċi”, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva. |
|
52 |
Fl-aħħar nett, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie konkluż mhux biss għal żmien determinat, iżda wkoll għal prezz fiss għat-tul kollu ta’ dan il-kuntratt. |
|
53 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jitqies li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(7) u l-paragrafu 1(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2009/72, moqrija fid-dawl tal-premessa 51 ta’ din id-direttiva, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li penalità kuntrattwali tiġi imposta fuq klijent domestiku meta huwa jxolji b’mod antiċipat kuntratt ta’ provvista tal-elettriku konkluż għal żmien determinat u bi prezz fiss. |
|
54 |
Għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 41, kif ukoll tal‑11 ta’ Jannar 2024, G (Spejjeż ta’ xoljiment antiċipat), C‑371/22, EU:C:2024:21, punt 32). |
|
55 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2009/72 jimponi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jipproteġu l-klijenti finali, jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-trasparenza tat-termini u tal-kundizzjonijiet tal-kuntratti, l-informazzjoni ġenerali u l-mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim, u għandhom jiżguraw li l-klijent eliġibbli jkun jista’ effettivament ibiddel faċilment il-fornitur. Din id-dispożizzjoni żżid li, fir-rigward, tal-inqas, tal-klijenti domestiċi, dawn il-miżuri għandhom jinkludu dawk li jinsabu fl-Anness I ta’ din id-direttiva. |
|
56 |
Kif jirriżulta mill-ħames inċiż tal-paragrafu 1(a) tal-Anness I, fosthom hemm miżuri li għandhom l-għan li jiżguraw li l-klijenti jkollhom dritt għal kuntratt konkluż mal-fornitur tal-elettriku tagħhom li jippreċiża b’mod partikolari “jekk huwiex permess li wieħed jirtira mill-kuntratt bla ħlas”. |
|
57 |
Madankollu, minn paragun tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva 2009/72 jirriżulta li huwa biss fil-verżjoni tagħha bil-lingwa Franċiża li din id-dispożizzjoni tidher li tindika li, fir-rigward tal-inqas tal-klijenti domestiċi, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri li għandhom l-għan li jiżguraw li l-kuntratt li l-klijenti jikkonkludu mal-fornitur tal-elettriku tagħhom jipprevedi d-dritt tagħhom li jiksbu x-xoljiment tiegħu mingħajr ħlas. Fil-fatt, fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra kollha ta’ din id-direttiva, l-imsemmija dispożizzjoni tindika biss, essenzjalment, li, fir-rigward tal-inqas tal-klijenti domestiċi, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri li għandhom l-għan li jiżguraw li l-klijenti jkollhom dritt għal kuntratt konkluż mal-fornitur tal-elettriku tagħhom li jispeċifika jekk huwiex possibbli li dan il-kuntratt jiġi xolt mingħajr ħlas. |
|
58 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata, f’dan ir-rigward, prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, il-ħtieġa ta’ applikazzjoni u, għalhekk, ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ att tal-Unjoni Ewropea, teskludi li dan l-att jiġi kkunsidrat b’mod iżolat f’waħda mill-verżjonijiet tiegħu, iżda tirrikjedi li dan l-att jiġi interpretat fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni li tagħha tikkostitwixxi element (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Allianz Elementar Versicherung,C‑652/20, EU:C:2022:514, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
59 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-aħħar subparagrafu tal-paragrafu 1(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2009/72 jippreċiża li l-kundizzjonijiet tal-kuntratti għandhom ikunu ġusti u kkomunikati minn qabel u li, fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni elenkata f’din id-dispożizzjoni għandha tiġi pprovduta qabel il-konklużjoni jew il-konferma tal-kuntratt. |
|
60 |
Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-formulazzjoni tal-Artikolu 3(7) u tal-punt 1(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2009/72 tindika li, f’dak li jirrigwarda mill-inqas il-klijenti domestiċi, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li dawn il-klijenti jkunu jistgħu, jekk ikunu jixtiequ, effettivament jibdlu faċilment il-fornitur. Barra minn hekk, huma għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li l-istipulazzjonijiet kuntrattwali jkunu ġusti, ikunu redatti f’termini ċari u kkomunikati minn qabel, sabiex il-klijent ikun jista’ jifhem il-portata tagħhom qabel l-iffirmar tal-kuntratt u jagħti l-kunsens liberu u informat għalih, u b’hekk jissodisfa l-kundizzjoni ta’ trasparenza li din il-formulazzjoni timponi, u sabiex jeżisti mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim li jista’ jinqala’ bejn dawn il-klijenti u l-fornitur tal-elettriku tagħhom. |
|
61 |
Min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk dawn jeskludux il-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jipprevedu, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, li penalità kuntrattwali tista’ tiġi imposta fuq klijent domestiku meta huwa jxolji b’mod antiċipat kuntratt ta’ provvista tal-elettriku konkluż għal żmien determinat u bi prezz fiss. |
|
62 |
F’dan ir-rigward, għandu, b’mod partikolari, jiġi rrilevat li l-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti li tali kuntratt jistipula li penalità kuntrattwali ser tkun dovuta fil-każ ta’ xoljiment antiċipat tiegħu mill-klijent ma jipprekludix neċessarjament li dan il-klijent ikun jista’ effettivament ibiddel faċilment il-fornitur, kif jipprevedi l-formulazzjoni tal-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2009/72, sakemm din il-leġiżlazzjoni tinkludi l-istrumenti li jippermettu li tiġi żgurata l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, u b’mod partikolari li jiġi kkontrollat l-ammont ta’ tali penalità (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, G (Spejjeż ta’ xoljiment antiċipat), C‑371/22, EU:C:2024:21, punt 37). Fil-fatt, huwa iktar dan l-ammont milli l-eżistenza stess ta’ tali penalità fil-prinċipju tagħha li hija ta’ natura li tostakola tali bidla. |
|
63 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest li fih jaqgħu l-Artikolu 3(7) u l-paragrafu 1(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2009/72, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-Artikolu 3(5) ta’ din id-direttiva jippreċiża li l-bidliet ta’ fornitur isiru b’osservanza tat-termini u tal-kundizzjonijiet tal-kuntratti. F’dan l-istess sens, l-Artikolu 37(1)(l) tal-imsemmija direttiva jagħti lill-awtoritajiet regolatorji l-kompitu li josservaw il-libertà kuntrattwali fil-qasam ta’ kuntratti ta’ provvista interrompibbli u ta’ kuntratti għal żmien twil sakemm dawn ikunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u konformi mal-politiki tal-Unjoni |
|
64 |
Sussegwentement, huwa minnu li, skont il-paragrafu 1(e) tal-Anness I tad-Direttiva 2009/72, moqri flimkien mal-Artikolu 3(7) tagħha, l-Istati Membri għandhom, f’dak li jirrigwarda mill-inqas il-klijenti domestiċi, jieħdu miżuri sabiex jiżguraw li dawn il-klijenti “ma għandhomx iħallsu talli jibdlu l-fornitur”. Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li d-Direttiva 2009/72 tipprekludi, bħala prinċipju, l-impożizzjoni ta’ penalità kuntrattwali fil-każ ta’ xoljiment antiċipat, minn klijent domestiku, ta’ kuntratt ta’ provvista tal-elettriku konkluż għal żmien determinat u bi prezz fiss. |
|
65 |
Fil-fatt, jekk jitqies li l-paragrafu 1(e) tal-Anness I tad-Direttiva 2009/72 jimplika li, anki meta klijent domestiku jxolji b’mod antiċipat kuntratt ta’ provvista tal-elettriku konkluż għal żmien determinat u bi prezz fiss, qatt ma tista’ tiġi imposta fuqu penalità kuntrattwali, imur kontra l-formulazzjoni tal-ħames inċiż tal-paragrafu 1(a) tal-Anness I, fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi tiegħu u, skont il-verżjoni lingwistika tiegħu li tintuża, iċaħħad lil din l-aħħar dispożizzjoni mill-effett utli tagħha jew jivvizzja d-Direttiva 2009/72 b’kontradizzjoni. |
|
66 |
Issa, meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ diversi interpretazzjonijiet, għandha tingħata preferenza lil dik li hija ta’ natura li tissalvagwardja l-effett utli tagħha (sentenzi tal‑24 ta’ Frar 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑434/97, EU:C:2000:98, punt 21, u tat‑23 ta’ Novembru 2023, EVN Business Service et, C‑480/22, EU:C:2023:918, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, skont prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, dispożizzjoni għandha tiġi interpretata, sa fejn huwa possibbli, b’mod li ma tiġix ikkontestata l-validità tagħha (sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑403/99, EU:C:2001:507, punt 37, kif ukoll tal‑21 ta’ Settembru 2023, Stappert Deutschland, C‑210/22, EU:C:2023:693, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
67 |
Għaldaqstant, għandu jitqies li l-eventwali spejjeż ta’ bdil ta’ fornitur, imsemmija fil-paragrafu 1(e) tal-Anness I tad-Direttiva 2009/72, huma differenti mill-ispejjeż marbuta max-xoljiment ta’ kuntratt, imsemmija fil-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni, u li dan il-paragrafu 1(e) tal-Anness I ma jeskludix, bħala prinċipju, li l-Istati Membri jżommu l-possibbiltà li jipprevedu, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, li penalità kuntrattwali tista’ tiġi imposta fuq klijent domestiku meta huwa jxolji b’mod antiċipat kuntratt ta’ provvista tal-elettriku konkluż għal żmien determinat u bi prezz fiss. |
|
68 |
Barra minn hekk, huwa f’dan is-sens li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda espressament meta adotta d-Direttiva 2019/944, kif dan jirriżulta b’mod inekwivoku mill-Artikolu 12(2) u (3) ta’ din id-direttiva, li tikkostitwixxi, konformement mal-premessa 1 tagħha, riformulazzjoni tad-Direttiva 2009/72 u li tissostitwixxi lil din tal-aħħar mill‑1 ta’ Jannar 2021. |
|
69 |
Fl-aħħar nett, il-premessa 51 tad-Direttiva 2009/72 sempliċement tindika, l-ewwel nett, li l-interessi tal-konsumaturi għandhom ikunu fil-qalba ta’ din id-direttiva u li l-kwalità tas-servizz tikkostitwixxi responsabbiltà ċentrali għall-impriżi tal-elettriku; it-tieni nett, li d-drittijiet eżistenti tal-konsumaturi jeħtieġ li jissaħħu u jiġu garantiti u għandhom jinkludu trasparenza ikbar; it-tielet nett, li l-protezzjoni tal-konsumatur għandha tiżgura li l-konsumaturi kollha jibbenefikaw minn suq kompetittiv, u, r-raba’ nett, li l-Istati Membri jew, fejn Stat Membru jipprevedi dan, l-awtoritajiet regolatorji, jenħtieġ li jiżguraw li d-drittijiet tal-konsumaturi jiġu rrispettati. Għalhekk, din il-premessa ma tinkludi ebda indikazzjoni fis-sens li ċċaħħad, bħala prinċipju, lill-Istati Membri mill-possibbiltà li jipprevedu, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, li penalità kuntrattwali tista’ tiġi imposta fuq klijent domestiku meta huwa jxolji b’mod antiċipat kuntratt ta’ provvista tal-elettriku konkluż għal żmien determinat u bi prezz fiss. |
|
70 |
Għall-kuntrarju, il-premessa 52 ta’ din id-direttiva tiddikjara li l-konsumaturi għandu jkollhom informazzjoni ċara u li tinftiehem dwar id-drittijiet tagħhom fir-rigward tas-settur tal-enerġija u l-premessa 54 tagħha tippreċiża li l-mezzi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim previsti skont l-Artikolu 3(7) tal-imsemmija direttiva għandhom ikunu favur il-konsumaturi kollha. |
|
71 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li mill-kuntest li fih jidħlu l-Artikolu 3(7) u l-paragrafu 1(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2009/72 ma jirriżultax li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li penalità kuntrattwali tiġi imposta fuq klijent domestiku meta huwa jxolji b’mod antiċipat kuntratt ta’ provvista tal-elettriku konkluż għal żmien determinat u bi prezz fiss. Għall-kuntrarju, minn dan il-kuntest jirriżulta, essenzjalment, li tali leġiżlazzjoni nazzjonali għandha, kif diġà jindika l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu interpretati, tiżgura li l-klijenti, b’mod partikolari, domestiċi, ikollhom id-dritt li jagħżlu l-fornitur tagħhom u li jkunu informati b’mod ċar u li jinftiehem bid-drittijiet tagħhom u li jkunu f’pożizzjoni li jirrispettawhom fil-kuntest ta’ mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, G (Spejjeż ta’ xoljiment antiċipat), C‑371/22, EU:C:2024:21, punt 44). |
|
72 |
Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2009/72, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li, skont l-Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku, kif ukoll dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, bil-għan li jittejbu u jiġu integrati s-swieq kompetittivi tal-elettriku fl-Unjoni. F’dan il-kuntest, u kif jirriżulta mill-premessi 3, 7 u 8 tal-imsemmija direttiva, din tal-aħħar tfittex, b’mod partikolari, li tistabbilixxi suq intern tal-elettriku kompletament miftuħ u kompetittiv, li jippermetti lill-konsumaturi kollha li jagħżlu b’mod liberu l-fornituri tagħhom u lil dawn tal-aħħar li jipprovdu liberament il-prodotti tagħhom lill-klijenti tagħhom, li tippromwovi l-kompetittività fis-suq intern, sabiex tiġi żgurata l-provvista tal-elettriku bl-iktar prezz baxx possibbli, u li toħloq kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi f’dan is-suq, bil-għan li jitwettaq is-suq intern tal-elettriku (sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, G (Spejjeż ta’ xoljiment antiċipat), C‑371/22, EU:C:2024:21, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
73 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat ukoll li l-kuntratti ta’ provvista tal-elettriku għal żmien determinat u bi prezz fiss jistgħu jiżguraw il-protezzjoni tal-klijenti billi jiggarantixxulhom prezz baxx u stabbli tal-elettriku, billi joffru lill-konsumaturi ċ-ċertezza li l-ispejjeż li huma jkollhom jippreżumu ma jvarjawx għat-tul kollu tal-kuntratt. Madankollu, sabiex jwettaq l-obbligi tiegħu li jirriżultaw minn tali kuntratti, il-fornitur tal-elettriku kkonċernat jista’ jkun sostna tariffi speċifiċi, liema tariffi setgħu joħolqu, għall-fornitur, spejjeż addizzjonali meta mqabbel ma’ kuntratt għal żmien indeterminat u mingħajr prezz fiss, b’mod partikolari sabiex jipproteġi ruħu kontra l-volatilità tal-ispejjeż fis-suq bl-ingrossa. B’hekk, il-possibbiltà li tiġi permessa l-impożizzjoni ta’ penalità kuntrattwali fuq il-klijent f’sitwazzjoni fejn huwa jxolji b’mod antiċipat dan it-tip ta’ kuntratt għal żmien determinat u bi prezz fiss tista’ tippermetti lill-fornitur jikkumpensa l-ispejjeż partikolari li jirriżultaw għalih minn dan it-tip ta’ kuntratt, billi tevitalu milli jkollu jgħabbi lill-klijenti kollha tiegħu bir-riskju finanzjarju marbut ma’ tali tip ta’ kuntratt, li jista’ jwassal għal żieda fil-prezzijiet tal-elettriku fir-rigward tagħhom u li, fl-aħħar mill-aħħar, imur kontra l-għan li jiġu żgurati l-prezzijiet l-iktar baxxi possibbli għall-konsumaturi (sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, G (Spejjeż ta’ xoljiment antiċipat), C‑371/22, EU:C:2024:21, punt 47). |
|
74 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja żżid li, madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-għan ta’ interess ġenerali mfittex mid-Direttiva 2009/72 li jirnexxilha twettaq is-suq intern tal-elettriku u tilħaq l-għanijiet iktar speċifiċi, stabbiliti fil-premessi 51 u 57 ta’ din id-direttiva, li l-konsumaturi jibbenefikaw minn suq kompetittiv u liberalizzat. B’hekk, hija kkonstatat li kellha leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti l-impożizzjoni ta’ penalitajiet kuntrattwali li ma humiex approporzjon tal-ispejjeż ikkawżati mill-kuntratt, li, minħabba x-xoljiment antiċipat ta’ dan tal-aħħar, ma jkunux ġewx imħallsa kompletament, ikun hemm ir-riskju li dawn l-għanijiet ma jintlaħqux. Fil-fatt, tali penalitajiet jistgħu jiddisswadu artifiċjalment lill-klijenti kkonċernati milli jxolju b’mod antiċipat il-kuntratt tagħhom ta’ provvista tal-elettriku għal żmien determinat u bi prezz fiss, b’mod partikolari bl-għan li jibdlu l-fornitur, u, għalhekk, li jipprekluduhom milli jibbenefikaw b’mod sħiħ minn suq intern tal-elettriku kompetittiv u liberalizzat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, G (Spejjeż ta’ xoljiment antiċipat), C‑371/22, EU:C:2024:21, punt 48). |
|
75 |
Issa, dawn il-kunsiderazzjonijiet, magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ kawża dwar ix-xoljiment antiċipat ta’ kuntratt ta’ provvista tal-elettriku għal żmien determinat u bi prezz fiss minn klijent mhux domestiku, jistgħu jiġu trasposti għal kuntratt tal-istess natura konkluż ma’ klijent domestiku, peress li d-Direttiva 2009/72 ma tagħmel, fir-rigward tal-għanijiet imfakkra fil-punti 72 sa 74 ta’ din is-sentenza, ebda distinzjoni skont il-kwalità tal-konsumatur ikkonċernat. |
|
76 |
Għalhekk, l-għanijiet tad-Direttiva 2009/72 jindikaw li l-Istati Membri għandhom, bħala prinċipju, ikollhom il-possibbiltà li jipprevedu, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, li penalità kuntrattwali tista’ tiġi imposta fuq klijent domestiku meta huwa jxolji b’mod antiċipat kuntratt ta’ provvista tal-elettriku konkluż għal żmien determinat u bi prezz fiss, sakemm il-kundizzjonijiet ġenerali li jirriżultaw minn din id-direttiva, relatati, b’mod partikolari, mal-informazzjoni neċessarja ta’ dan il-klijent u mal-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim, ikunu ssodisfatti. |
|
77 |
Madankollu, peress li t-tieni domanda hija relatata, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-impożizzjoni ta’ penalitajiet kuntrattwali, iżda mingħajr ma tipprevedi kriterju għall-kalkolu tagħhom, b’mod partikolari f’termini ta’ proporzjonalità mal-ispejjeż, mar-riskji sostnuti jew mad-dannu mġarrab, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, minkejja li d-Direttiva 2009/72 ma tinkludi ebda indikazzjoni f’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u għalhekk ma jistgħux, b’dan il-mod, jippreġudikaw l-effett utli tad-Direttiva 2009/72 (sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, G (Spejjeż ta’ xoljiment antiċipat), C‑371/22, EU:C:2024:21, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
78 |
Issa, ikun hemm preġudizzju għall-effett utli tad-Direttiva 2009/72 jekk, fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim li l-Istati Membri huma obbligati jipprevedu, skont din id-direttiva, għall-benefiċċju tal-konsumaturi tal-elettriku, ikun impossibbli għall-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja adita li tevalwa l-ammont ta’ penalità kuntrattwali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, jekk ikun il-każ, li timponi t-tnaqqis tagħha, jew saħansitra t-tneħħija tagħha, jekk jirriżulta li din hija, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw dan il-każ, ta’ ammont sproporzjonat meta mqabbel mal-ispejjeż ikkawżati minn kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda mhux kompletament deprezzati minħabba x-xoljiment antiċipat ta’ dan tal-aħħar, b’tali mod li fil-prattika dan ikollu l-effett li jċaħħad mis-sustanza tiegħu d-dritt tal-klijent finali li jagħżel liberament il-fornitur tiegħu u li jippreġudika l-għanijiet tal-imsemmija direttiva mfakkra fil-punti 72 u 74 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, G (Spejjeż ta’ xoljiment antiċipat), C‑371/22, EU:C:2024:21, punt 51). |
|
79 |
Għalkemm hija biss l-awtorità nazzjonali, adita b’tilwima, li tista’ tevalwa l-proporzjonalità tal-ammont ta’ tali penalità kuntrattwali, għandu jingħad, madankollu, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, li, għall-finijiet tal-imsemmija evalwazzjoni, jistgħu, b’mod partikolari, jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tul inizjali tal-kuntratt inkwistjoni, it-tul li jkun fadal jiddekorri fil-mument tax-xoljiment tiegħu, il-kwantità ta’ elettriku li tkun inxtrat għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, iżda li finalment ma tkunx ser tiġi kkonsmata mill-klijent, kif ukoll il-mezzi li fornitur raġonevolment diliġenti seta’ kellu għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jillimita kwalunkwe telf ekonomiku possibbli li huwa seta’ jġarrab minħabba dan ix-xoljiment antiċipat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, G (Spejjeż ta’ xoljiment antiċipat), C‑371/22, EU:C:2024:21, punt 52). |
|
80 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 3(7) u l-paragrafu 1(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2009/72, moqrija fid-dawl tal-premessa 51 ta’ din id-direttiva, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm tali leġiżlazzjoni tiggarantixxi li l-penalità kuntrattwali li tista’ tiġi stipulata bis-saħħa tagħha tkun ġusta, ċara, ikkomunikata minn qabel u b’kunsens liberu, u sakemm ikun hemm possibbiltà ta’ rimedju, amministrattiv jew ġudizzjarju, li fil-kuntest tiegħu l-awtorità adita tista’ tevalwa n-natura proporzjonata ta’ din il-penalità fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u, jekk ikun il-każ, timponi t-tnaqqis jew it-tneħħija tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, G (Spejjeż ta’ xoljiment antiċipat), C‑371/22, EU:C:2024:21, punt 55). |
|
81 |
Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, minn naħa, fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni, huwa irrilevanti li, fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, S. J. jiġi kklassifikat bħala “klijent domestiku”, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72, jew bħala klijent “mhux domestiku”, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 2 tagħha, interpretazzjoni analoga li tapplika meta jkun inkwistjoni x-xoljiment antiċipat, minn klijent mhux domestiku, ta’ kuntratt ta’ provvista tal-elettriku konkluż għal żmien determinat u bi prezz fiss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, G (Spejjeż ta’ xoljiment antiċipat), C‑371/22, EU:C:2024:21, punt 55). |
|
82 |
Madankollu, u min-naħa l-oħra, konformement mal-paragrafu 1 tal-Anness I tad-Direttiva 2009/72, l-imsemmija interpretazzjoni hija bla ħsara għad-drittijiet li klijent bħal S. J. jista’, jekk ikun il-każ, jislet mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari mid-Direttiva 93/13 jekk dan il-klijent kien jaqa’, barra minn hekk, taħt il-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ din l-aħħar direttiva. |
|
83 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(7) u l-paragrafu 1(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2009/72, moqrija fid-dawl tal-premessa 51 ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ ta’ xoljiment antiċipat, minn klijent domestiku, ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ elettriku konkluż għal żmien determinat u bi prezz fiss, dan huwa obbligat iħallas il-penalità kuntrattwali stipulata fil-kuntratt, sakemm din il-leġiżlazzjoni, minn naħa, tiggarantixxi li tali penalità kuntrattwali tkun ekwa, ċara, ikkomunikata minn qabel u liberament ikkonsentita, u, min-naħa l-oħra, tipprevedi possibbiltà ta’ rimedju, amministrattiv jew ġudizzjarju, li fil-kuntest tiegħu l-awtorità adita tista’ tevalwa n-natura proporzjonata ta’ din il-penalità fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u, jekk ikun il-każ, timponi t-tnaqqis jew it-tneħħija tagħha. Din l-interpretazzjoni hija bla ħsara għad-drittijiet li tali klijent jista’, jekk ikun il-każ, jislet mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari mid-Direttiva 93/13 jekk dan il-klijent jaqa’, barra minn hekk, taħt il-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ din l-aħħar direttiva. |
Fuq l-ispejjeż
|
84 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.