SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

1 ta’ Awwissu 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Moviment liberu tal-persuni – Artikolu 18 TFUE – Nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 24 – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Wild minuri ċittadin tal-Unjoni li jibbenefika minn dritt ta’ residenza skont din id-direttiva – Għoti ta’ permess ta’ residenza nazzjonali lill-ġenitur ta’ dan il-wild għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri fuq dan tal-aħħar – Distinzjoni skont in-nazzjonalità tal-wild – Ġenitur li jibbenefika minn dritt ta’ residenza bħala persuna li qiegħda tfittex impjieg – Deroga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tad-dritt għall-benefiċċju ta’ assistenza soċjali – Portata”

Fil-Kawża C‑397/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sozialgericht Detmold (il-Qorti għall-Kwistjonijiet Soċjali ta’ Detmold, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Ġunju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Ġunju 2023, fil-proċedura

FL

vs

Jobcenter Arbeitplus Bielefeld,

fil-preżenza ta’:

Stadt Bielefeld,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, D. Gratsias, E. Regan (Relatur), J. Passer u B. Smulders, imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: R. Şereş, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Novembru 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u E. Montaguti, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Frar 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni kif ukoll tal-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn FL, minn naħa, u l-Jobcenter Arbeitplus Bielefel (iċ-Ċentru tal-Impjiegi ta’ Bielefeld, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“Jobcenter Bielefeld”), min-naħa l-oħra, dwar ir-rifjut minn dan tal-aħħar li jagħti lil FL il-benefiċċji soċjali previsti mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2004/38/KE

3

Skont il-premessi 3, 4 u 6 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46, u rettifiki fil-ĠU 2004, L 229, p. 35, u ĠU 2005, L 197, p. 34):

“(3)

Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tkun l-istatus fondamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri meta huma jeżerċitaw d-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza. Hu għalhekk neċessarju li jiġu kkodifikati u riveduti l-istrumenti komunitarji eżistenti li jittrattaw separament lill-ħaddiema, lill-persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll lill-istudenti u lill-persuni oħrajn mhux attivi sabiex jissimplifikaw u jsaħħu d-dritt ta’ moviment liberu u residenza taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni.

(4)

Bil-għan li jiġi rrimedjat dan l-approċċ settorjali u frammentarju tad-dritt ta’ moviment liberu u residenza u biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, hemm il-bżonn li jkun hemm att leġislattiv uniku li jemenda r-[Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15)] u li jħassar l-atti li ġejjin: […]

[…]

(6)

Sabiex tinżamm l-unità tal-familja fis-sens l-aktar wiesgħa u mingħajr diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza, is-sitwazzjoni ta’ dawk il-persuni li mhumiex inklużi fid-definizzjoni ta’ membri ta’ familja taħt din id-Direttiva, u li għalhekk ma jgawdux minn dritt awtomatiku ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, għandha tiġi eżaminata mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, sabiex jiddeċiedi jekk id-dħul u r-residenza għandhomx jiġu awtorizzati lil dawn il-persuni, waqt li titqies ir-relazzjoni tagħhom maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jew kwalunkwe ċirkostanzi oħrajn, bħad-dipendenza finanzjarja jew fiżika fuq iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni.”

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet” jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

2.

‘membru tal-familja’ tfisser:

a)

ir-raġel jew martu;

b)

is-sieħeb/sieħba li daħal/daħlet f’kuntratt ta’ unjoni reġistrata maċ-ċittadin/a ta’ l-Unjon, skond il-bażi tal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, jekk il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru ospitanti tikkonsidra bħala ugwali għal żwieġ l-unjonijiet reġistrati u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-leġislazzjoni rilevanti ta’ l-Istat Memrbu ospitanti;

(ċ)

id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

d)

il-qraba diretti dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

[…]”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Benefiċjarji” jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.

2.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ta’ moviment liberu u residenza li l-persuni kkonċernati jista’ jkollhom, l-Istat Membru ospitanti, skond il-leġislazzjoni nazzjonali, għandu jiffaċilita d-dħul u r-residenza tal-persuni li ġejjin:

[…]

b)

is-sieħeb li miegħu ċ-ċittadin ta’ l-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament ċertifikata.

L-Istat Membru ospitanti għandu jaffettwa eżami estensiv taċ-ċirkostanzi personali u għandu jiġġustifika kwalunkwe tiċħid ta’ dħul jew ta’ residenza lil dawn in-nies.”

6

L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza sa tliet xhur”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur mingħajr xi kondizzjonijiet jew formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi.”

7

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Żamma tad-dritt ta’ residenza”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 4 tiegħu:

“2.   Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikoli 7, 12 u 13 sakemm jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fihom.

[…]

4.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2 u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu VI, m’għandha fl-ebda każ tiġi adotatta miżura ta’ tkeċċija kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew kontra membri tal-familja tagħhom jekk:

[…]

b)

iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni daħlu fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti sabiex ifittxu impjieg. F’dan il-każ, iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom m’għandhomx jitkeċċew sakemm iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jistgħu jipprovdu evidenza li qed ikomplu jfittxu xogħol u li għandhom ċans ġenwin li jsibuh.”

8

Skont l-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva, intitolat “Trattament ugwali”:

“1.   Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. […]

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, fejn xieraq, matul il-perjodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b) […] lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom.”

Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004

9

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), intitolat “Trattament ugwali”, jipprevedi:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”

Id-dritt Ġermaniż

Fil-qasam ta’ residenza

10

L-Artikolu 28 tal-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (il-Liġi dwar ir-Residenza, l-Attività Professjonali u l-Integrazzjoni ta’ Ċittadini Barranin fit-Territorju Federali), tat‑30 ta’ Lulju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1950), kif emendata bil-liġi tas‑27 ta’ Lulju 2015 (BGBl. 2015 I, p. 1386) (iktar ’il quddiem l-“AufenthG”), intitolat “Riunifikazzjoni tal-familja ma’ ċittadini Ġermaniżi”, jipprovdi, fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Għandu jinħareġ permess ta’ residenza:

1.   lill-konjuġi barrani ta’ ċittadin Ġermaniż,

2.   lill-wild minuri mhux miżżewweġ barrani ta’ ċittadin Ġermaniż,

3.   lill-ġenitur barrani ta’ ċittadin Ġermaniż minuri u mhux miżżewweġ għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri

jekk iċ-ċittadin Ġermaniż ikollu r-residenza abitwali tiegħu fit-territorju federali. […]”

11

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(14) tal-Gesetz über die allgemeine Freizügigkeit von Unionsbürgern (il-Liġi dwar il-Moviment Liberu taċ-Ċittadini tal-Unjoni), tat‑30 ta’ Lulju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1986), kif emendata bil-liġi tat‑12 ta’ Novembru 2020 (BGBl. 2020 I, p. 2416) (iktar ’il quddiem il-“FreizügG/EU”), hija fformulata kif ġej:

“L-[AufenthG] tapplika wkoll meta tagħti status ġuridiku iktar favorevoli minn din il-liġi.”

Fil-qasam ta’ benefiċċji ta’ assistenza soċjali

12

L-Artikolu 7 tal-Ktieb II tas-Sozialgesetzbuch (il-Kodiċi Soċjali), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sal‑31 ta’ Diċembru 2020 (iktar ’il quddiem is-“SGB II”), intitolat “Benefiċjarji tal-benefiċċji”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-benefiċċji skont dan il-ktieb huma intiżi għall-persuni li:

1.

laħqu l-età ta’ 15-il sena u għadhom ma laħqux il-limitu tal-età msemmi fl-Artikolu 7a,

2.

huma kapaċi jaħdmu,

3.

jinsabu fil-bżonn, u

4.

jirrisjedu abitwalment fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (benefiċjarji kapaċi li jaħdmu).

Huma esklużi:

1.

Iċ-ċittadini barranin, nisa u rġiel, li ma humiex impjegati jew ħaddiema li jaħdmu għal rashom fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u li ma għandhomx id-dritt għall-moviment liberu skont l-Artikolu 2(3) tal-[FreizügG/EU] u l-membri tal-familja tagħhom, matul l-ewwel tliet xhur tar-residenza tagħhom,

2.

iċ-ċittadini barranin

a)

li ma għandhomx dritt ta’ residenza,

b)

li d-dritt ta’ residenza tagħhom huwa ġġustifikat biss minħabba li qegħdin ifittxu xogħol

[…]

u l-membri tal-familja tagħhom,

[…]

B’deroga mill-punt 2 tat-tieni sentenza, il-benefiċċji skont dan il-ktieb jingħataw liċ-ċittadini barranin u lill-membri tal-familja tagħhom jekk ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju federali għal mill-inqas ħames snin […]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13

FL, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ta’ nazzjonalità Pollakka, daħal fil-Ġermanja fit‑30 ta’ Mejju 2020, mill-Pajjiżi l-Baxxi. Is-sieħba tiegħu, ukoll ta’ nazzjonalità Pollakka, kienet daħlet qabel fil-Ġermanja, jiġifieri fit‑30 ta’ Awwissu 2015, mill-Polonja. Il-wild komuni tagħhom twieled fis‑27 ta’ Novembru 2020 fil-Ġermanja u huwa wkoll ta’ nazzjonalità Pollakka.

14

FL, is-sieħba tiegħu u l-wild komuni tagħhom applikaw mal-Jobcenter Bielefeld sabiex jingħataw il-benefiċċji ta’ assistenza soċjali skont is-SGB II. Permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑3 u tal‑21 ta’ Diċembru 2020, dan tal-aħħar aċċetta li jingħataw dawn il-benefiċċji, rispettivament, lis-sieħba ta’ FL, mit‑30 ta’ Mejju 2020, u lill-wild komuni tagħhom mid-data tat-twelid tiegħu. Għall-kuntrarju, permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ April 2021, l-applikazzjoni ta’ FL ġiet miċħuda għall-perijodu mit‑30 ta’ Mejju 2020 sat‑28 ta’ Frar 2021 minħabba li huwa kellu biss dritt ta’ residenza għall-iskop uniku li jfittex impjieg u li huwa ma kellu ebda dritt ta’ residenza fit-territorju Ġermaniż li jista’ jagħtih id-dritt għall-benefiċċji soċjali skont is-SGB II.

15

Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Lulju 2021, Jobcenter Bielefeld ċaħad bħala infondat l-ilment li FL kien ippreżenta kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda għall-istess raġunijiet, essenzjalment, bħal dawk li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni inizjali.

16

B’mod partikolari, sabiex jiġi konkluż li FL ma kien jibbenefika, fit-territorju Ġermaniż, minn ebda dritt ta’ residenza li seta’ jagħtih id-dritt għal benefiċċji soċjali skont is-SGB II, il-Jobcenter Bielefeld qies, fl-ewwel lok, li FL ma setax jitlob, skont id-dritt nazzjonali, dritt ta’ residenza bħala membru tal-familja jew persuna qrib is-sieħba tiegħu li kienet tgawdi minn dritt ta’ residenza permanenti.

17

Fit-tieni lok, huwa kkonstata li FL lanqas ma seta’ jibbenefika minn permess ta’ residenza abbażi tal-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri fir-rigward tal-wild minuri tiegħu, skont il-punt 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 28(1) tal-AufenthG, meħud waħdu jew flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(14) tal-FreizügG/EU, peress li l-ħruġ ta’ tali permess ta’ residenza kien suġġett għall-kundizzjoni li l-wild ikun ta’ nazzjonalità Ġermaniża, filwaqt li l-wild ta’ FL kien ta’ nazzjonalità Pollakka.

18

Fit-tielet lok, il-Jobcenter Bielefeld qies li dritt ta’ residenza la kien jirriżulta mir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1), u lanqas mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld (C‑181/19, EU:C:2020:794). Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, l-ulied minuri kienu suġġetti għall-obbligu skolastiku, li ma huwiex il-każ tal-wild ta’ FL.

19

Fit‑12 ta’ Awwissu 2021, FL adixxa lis-Sozialgericht Detmold (il-Qorti għall-Kwistjonijiet Soċjali ta’ Detmold), li hija l-qorti tar-rinviju, b’rikors kontenzjuż kontra d-deċiżjoni tal-Jobcenter Bielefeld tad‑19 ta’ Lulju 2021. Insostenn ta’ dan ir-rikors, FL isostni, essenzjalment, li dritt ta’ residenza għandu jingħatalu skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-punt 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 28(1) tal-AufenthG, tal-Artikolu 6 tal-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (il-Liġi Bażika tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja), li jipprevedi, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-familja u l-ugwaljanza bejn l-ulied imwielda fiż-żwieġ u dawk imwielda barra ż-żwieġ, u tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, dwar id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja. Skont FL, huwa kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni li r-riunifikazzjoni tal-familja għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri tiġi limitata għas-sitwazzjonijiet li fihom din l-awtorità tiġi eżerċitata fuq wild minuri li għandu n-nazzjonalità Ġermaniża, peress li dan jikkostitwixxi mhux biss restrizzjoni għall-moviment liberu, iżda wkoll ksur tad-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament.

20

Il-Jobcenter Bielefeld isostni li ma jistax jingħata permess ta’ residenza lil FL abbażi tal-punt 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 28(1) tal-AufenthG, peress li, skont il-formulazzjoni tagħha stess, din id-dispożizzjoni tkopri biss l-ulied minuri li għandhom in-nazzjonalità Ġermaniża. Il-fatt li dispożizzjoni nazzjonali fil-qasam tal-immigrazzjoni u tar-residenza tagħmel distinzjoni bejn ċittadini nazzjonali u ċittadini barranin huwa inerenti għal din it-tip ta’ leġiżlazzjoni, mingħajr madankollu ksur mid-dispożizzjoni kkonċernata tad-dritt tal-Unjoni.

21

Il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-Ġermanja, teżisti kontroversja kemm dottrinali kif ukoll ġurisprudenzjali dwar jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(14) tal-FreizügG/EU, moqrija flimkien mal-punt 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 28(1) tal-AufenthG u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, tistax tkun il-bażi ta’ dritt ta’ residenza għall-ġenitur li jeżerċita l-awtorità tal-ġenituri fuq ċittadin tal-Unjoni minuri li, minkejja li ma għandux in-nazzjonalità Ġermaniża, jibbenefika, fit-territorju Ġermaniż, minn dritt ta’ residenza dderivat minn dak tal-ġenitur l-ieħor tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tqis neċessarju, għas-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemha, li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari għall-finijiet tal-eżami tal-konformità tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża rilevanti fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

22

Fil-fatt, li kieku FL kellu jingħata dritt ta’ residenza fit-territorju Ġermaniż għal raġuni differenti minn dik marbuta mat-tfittxija ta’ impjieg, huwa jkollu, bħala prinċipju, jingħata wkoll id-dritt għall-ħlas ta’ benefiċċji soċjali skont is-SGB II.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sozialgericht Detmold (il-Qorti għall-Kwistjonijiet Soċjali ta’ Detmold) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha permess ta’ residenza għall-finijiet tal-kura u tal-kustodja jista’ jingħata biss lil ġenitur barrani ta’ wild minuri mhux miżżewweġ residenti fit-territorju nazzjonali kemm-il darba l-ġenitur ikollu r-residenza abitwali tiegħu jew tagħha fit-territorju nazzjonali, bil-konsegwenza li ċ-ċittadini tal-Unjoni ta’ Stat Membru ma għandhomx dritt jiksbu permess ta’ residenza għall-finijiet tal-kura u tal-kustodja ta’ ċittadin tal-Unjoni minuri li jkollu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru għajr l-Istat Membru ospitanti?”

Fuq id-domanda preliminari

24

Preliminarjament, għandu, l-ewwel nett, jiġi osservat li l-Kummissjoni Ewropea invokat il-possibbiltà għar-rikorrent fil-kawża prinċipali li jinvoka dritt ta’ residenza fit-territorju Ġermaniż bħala “sieħeb” ta’ omm il-wild komuni tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2004/38, filwaqt li ppreċiżat li, li kieku dan kellu tali dritt, ma kienx ikun iktar neċessarju li tingħata risposta għad-domanda magħmula għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

25

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali jkun possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑10 ta’ April 2025, Amilla, C‑723/23, EU:C:2025:262, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dan il-każ, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jallegax dritt ta’ residenza, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2004/38, iżda dritt ta’ residenza previst mid-dritt nazzjonali għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri, peress li l-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ dan il-benefiċċju teħtieġ, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Issa, is-sempliċi possibbiltà li l-persuna kkonċernata tista’, jekk ikun il-każ, tibbenefika wkoll minn dritt ta’ residenza ieħor ma hijiex ta’ natura li turi b’mod manifest li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba ma għandhom ebda rabta mar-realtà tal-kawża prinċipali jew li l-problema mqajma minn din id-domanda hija ipotetika.

27

It-tieni nett, id-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw, b’mod iktar speċifiku, il-possibbiltà, għal ċittadin Pollakk li huwa missier wild minuri, ukoll ta’ nazzjonalità Pollakka u li għandu r-residenza abitwali tiegħu fit-territorju Ġermaniż, li jibbenefika minn permess ta’ residenza nazzjonali għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri fuq dan il-wild, meta l-imsemmi wild jirrisjedi f’dan it-territorju fuq il-bażi tad-Direttiva 2004/38, bħala membru tal-familja ta’ ommu, li hija wkoll ta’ nazzjonalità Pollakka u li hemmhekk tgawdi minn dritt ta’ residenza permanenti skont din id-direttiva. Barra minn hekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa li FL ma jibbenefikax minn dritt ta’ residenza fil-Ġermanja minbarra dak ibbażat fuq l-istatus tiegħu ta’ persuna li qiegħda tfittex impjieg, skont l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2004/38.

28

Huwa paċifiku wkoll li l-permess ta’ residenza li FL qiegħed jitlob għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri jagħtih id-dritt għal benefiċċji soċjali, filwaqt li, skont id-dritt Ġermaniż, id-dritt ta’ residenza fil-Ġermanja għall-finijiet biss tat-tfittxija ta’ impjieg ma jagħtihx dritt għal dawn il-benefiċċji. Din hija r-raġuni għaliex, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, FL isostni, quddiem il-qorti tar-rinviju, li għandu jinħariġlu tali permess ta’ residenza nazzjonali u, konsegwentement, jingħata benefiċċji soċjali skont is-SGB II.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibbaża ruħha wkoll fuq il-premessa esposta fil-punt 27 ta’ din is-sentenza sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula.

30

It-tielet nett, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta domanda preliminari tillimita ruħha għal riferiment għad-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma ssemmi d-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt li għalihom hija qiegħda tagħmel riferiment, huwa l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li toħroġ mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Surgicare, C‑662/13, EU:C:2015:89, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

F’dan il-każ, għalkemm il-qorti tar-rinviju ssemmi, fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, huwa biss fir-rigward tal-Artikolu 18 TFUE li hija tipprovdi r-raġuni, esposta fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, li għaliha hija tistaqsi dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kinitx tikser id-dritt tal-Unjoni, filwaqt li jiġi ppreċiżat, kif jirriżulta mill-punt 27 ta’ din is-sentenza, li din il-qorti titlaq mill-premessa li d-Direttiva 2004/38 hija applikabbli wkoll f’dan il-każ.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 18 TFUE u/jew id-Direttiva 2004/38 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha permess ta’ residenza, previst mid-dritt nazzjonali għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri, ma jistax jinħareġ lil ċittadin tal-Unjoni li għandu l-awtorità tal-ġenituri fuq il-wild minuri tiegħu, għas-sempliċi raġuni li dan tal-aħħar, minkejja li huwa wkoll ċittadin tal-Unjoni u jirrisjedi fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru skont din id-direttiva, ma għandux in-nazzjonalità tiegħu.

33

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li mill-elementi tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-permess ta’ residenza nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali joħolqu differenza fit-trattament abbażi tan-nazzjonalità bejn l-ulied minuri residenti fit-territorju Ġermaniż. B’mod partikolari, skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, permess ta’ residenza għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri jista’ jingħata lil ċittadin ta’ Stat Membru ieħor biss jekk din l-awtorità tiġi eżerċitata fir-rigward ta’ wild minuri mhux miżżewweġ li għandu r-residenza abitwali tiegħu fit-territorju Ġermaniż u li għandu n-nazzjonalità Ġermaniża. Konsegwentement, fil-każ ta’ wild minuri ċittadin tal-Unjoni li ma għandux in-nazzjonalità Ġermaniża, tali permess ta’ residenza nazzjonali ma jistax jingħata lill-ġenitur tiegħu, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, minkejja li l-wild ikkonċernat ikollu wkoll ir-residenza abitwali tiegħu fit-territorju Ġermaniż.

34

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 20(1) TFUE jagħti lil kull persuna li jkollha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u li dan l-istatus huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri li jippermetti lil dawk li, fost dawn tal-aħħar, jinsabu fl-istess sitwazzjoni li jiksbu, fil-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat FUE, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti espressament f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 62).

35

Kull ċittadin tal-Unjoni jista’ għalhekk jinvoka l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità stabbilita fl-Artikolu 18 TFUE fis-sitwazzjonijiet kollha li jifformaw parti mill-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni. Dawn is-sitwazzjonijiet jinkludu dawk li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri mogħtija mill-Artikolu 20(2)(a) TFUE u l-Artikolu 21 TFUE (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 63).

36

Peress li wild ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li ma huwiex dak li tiegħu għandu n-nazzjonalità, is-sitwazzjoni tiegħu taqa’ taħt il-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li huwa jista’, bħala prinċipju, jinvoka l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità li tinsab fl-Artikolu 18 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 64).

37

Madankollu, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE huwa intiż li japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li għalihom it-Trattat FUE ma jipprevedix regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 65).

38

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni huwa kkonkretizzat fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 66).

39

Konformement mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u jibbenefikaw mid-drittijiet mogħtija minnha ċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jirrisjedu fi Stat Membru differenti minn dak li tiegħu ikollhom in-nazzjonalità, kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom, kif iddefiniti fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom. Issa, dan huwa l-każ ta’ persuna bħall-wild tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li, kif jirriżulta mill-punt 27 ta’ din is-sentenza, huwa ċittadin Pollakk u jirrisjedi fit-territorju Ġermaniż bħala membru tal-familja ta’ ommu, li hija wkoll ta’ nazzjonalità Pollakka u tgawdi minn dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

40

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tingħata interpretazzjoni tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38.

41

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, dan l-Artikolu 24, l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu jipprovdi li kull ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fuq il-bażi tal-imsemmija direttiva fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għandu jgawdu minn ugwaljanza fit-trattament bħaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat FUE.

42

F’dan ir-rigward, minn naħa, kif jirriżulta mill-punt 39 ta’ din is-sentenza, f’dan il-każ, il-wild tar-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fit-territorju Ġermaniż “skond din id-Direttiva [2004/38]”, fis-sens tal-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva.

43

Min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ dritt ta’ residenza nazzjonali lill-ġenitur ta’ wild minuri ċittadin tal-Unjoni li jkun eżerċita l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tiegħu jaqa’ “fl-iskop tat-Trattat”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 24(1), sa fejn l-għoti ta’ tali dritt huwa ta’ natura li jiffavorixxi l-eżerċizzju, mill-wild minuri kkonċernat, tad-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fl-Istat Membru ospitanti.

44

Fil-fatt, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-premessi 3 u 4 tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta, li din tal-aħħar hija intiża li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri li jingħata direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 21(1) TFUE u sabiex issaħħaħ dan id-dritt fundamentali. Il-protezzjoni tal-ħajja tal-familja ta’ dawn iċ-ċittadini u, b’mod partikolari, l-adozzjoni tal-miżuri li jiffavorixxu l-integrazzjoni tal-familja tagħhom fl-Istat Membru ospitanti jagħmlu parti mit-tfittxija ta’ dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, État belge (Dritt ta’ residenza f’każ ta’ vjolenza domestika), C‑930/19, EU:C:2021:657, punti 81 u 82 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Issa, l-għoti ta’ permess ta’ residenza nazzjonali lill-ġenitur ta’ wild ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi b’mod abitwali fi Stat Membru jissodisfa dawn l-għanijiet, sa fejn jippermetti li tiġi ppreżervata l-ħajja tal-familja ta’ dan il-wild fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u li tiġi ffavorita l-integrazzjoni tal-familja tiegħu fih, iktar u iktar meta tali permess ta’ residenza huwa intiż li jippermetti l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri fuq l-imsemmi wild, u għalhekk, bħala prinċipju, sakemm dan tal-aħħar jibqa’ suġġett għal din l-awtorità.

45

Għalhekk, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ikkonkretizzat fl-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38, li jeżiġi li l-persuni li jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati bl-istess mod fuq il-livell ġuridiku, japplika f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

46

Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, huwa paċifiku li l-permess ta’ residenza mitlub minn FL ma ngħatalux għas-sempliċi raġuni li l-wild tiegħu ma huwiex ta’ nazzjonalità Ġermaniża, minkejja li FL jissodisfa, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet l-oħra previsti mid-dritt Ġermaniż għall-finijiet tal-għoti ta’ permess abbażi tal-punt 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 28(1) tal-AufenthG. Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali toħloq diskriminazzjoni diretta bbażata fuq in-nazzjonalità tal-wild u għalhekk tmur kontra l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38, sa fejn hija ma tirrikonoxxix lill-ġenitur tiegħu, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, dritt ta’ residenza sabiex tippermettilu jeżerċita l-awtorità tal-ġenituri fuq dan il-wild, filwaqt li wild Ġermaniż li jinsab f’tali sitwazzjoni jista’ jibbenefika mill-preżenza fit-territorju Ġermaniż tal-ġenitur tiegħu, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, għal dawn l-istess finijiet.

47

Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument imressaq mill-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta, li d-dritt ta’ residenza previst fil-punt 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 28(1) tal-AufenthG huwa intiż li jipproteġi d-dritt kostituzzjonali taċ-ċittadini Ġermaniżi li jirrisjedu liberament fil-Ġermanja, għan li jipprekludi li wild Ġermaniż ikollu, jekk ikun il-każ, jitlaq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jekk il-ġenitur barrani ma jkollux id-dritt ta’ residenza u li fir-rigward tiegħu ċ-ċittadini tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità Ġermaniża jsibu ruħhom f’sitwazzjoni differenti, peress li n-nuqqas ta’ għoti ta’ dan id-dritt ta’ residenza ma jistax jimplika li huma għandhom jitilqu mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

48

Fil-fatt, għalkemm ċittadin tal-Unjoni li ma għandux in-nazzjonalità Ġermaniża ma jgawdix minn tali dritt kostituzzjonali u għandu, sabiex jibbenefika minn dritt ta’ residenza skont id-Direttiva 2004/38, josserva l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt previsti minn din id-direttiva, xorta jibqa’ l-fatt li, sakemm dawn il-kundizzjonijiet ikunu osservati, dan iċ-ċittadin jibbenefika, l-istess bħal ċittadin tal-Unjoni ta’ nazzjonalità Ġermaniża, mid-dritt li jirrisjedi liberament fit-territorju Ġermaniż, b’tali mod li s-sitwazzjonijiet tagħhom ikunu paragunabbli, filwaqt li jiġi ppreċiżat li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ir-rekwiżit dwar in-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet ma jeħtieġx li s-sitwazzjonijiet ikunu identiċi, iżda biss li jkunu simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2018, MB (Bidla fil-ġeneru u pensjoni tal-irtirar), C‑451/16, EU:C:2018:492, punt 41).

49

Għalhekk, fil-preżenza ta’ leġiżlazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, il-ġenitur tal-wild li ma għandux in-nazzjonalità Ġermaniża għandu, abbażi tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38, dritt li jikseb permess ta’ residenza għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri fuq il-wild tiegħu taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli, skont din il-leġiżlazzjoni, għall-ġenituri barranin ta’ ulied li jkollhom in-nazzjonalità Ġermaniża.

50

F’dan il-każ, il-permess ta’ residenza li FL jitlob l-għoti tiegħu huwa intiż, fl-aħħar mill-aħħar, kif jirriżulta mill-punti 43 u 44 ta’ din is-sentenza, sabiex jippermettilu, fil-kwalità tiegħu ta’ ġenitur mhux ċittadin tal-Istat Membru ospitanti, li jeżerċita l-awtorità tal-ġenituri tiegħu fuq il-wild tiegħu li jirrisjedi hemmhekk b’mod abitwali u, minħabba f’hekk, li jippreżerva l-ħajja tal-familja ta’ dan il-wild fil-Ġermanja kif ukoll il-libertà tiegħu ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju Ġermaniż, peress li l-imsemmi wild lanqas ma għandu n-nazzjonalità Ġermaniża, iżda dik ta’ Stat Membru ieħor. Issa, jekk il-ġenitur ta’ tali wild ma setax jingħata l-permess ta’ residenza nazzjonali li jistgħu jitolbu l-ġenituri ta’ ċittadin nazzjonali, minn dan jirriżulta ksur tal-ugwaljanza fit-trattament ta’ dan il-wild (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Chief Appeals Officer et, C‑488/21, EU:C:2023:1013, punti 66 sa 69).

51

Diskriminazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt 46 ta’ din is-sentenza ma tistax, barra minn hekk, tiġi ġġustifikata fuq il-bażi tad-deroga prevista fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, sa fejn id-dritt ta’ residenza tal-wild ikkonċernat ma jaqax taħt il-każijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

52

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-konsegwenzi li jirriżultaw mill-għoti ta’ permess ta’ residenza abbażi biss tad-dritt nazzjonali, fil-punt 28 ta’ din is-sentenza tfakkar li, f’dan il-każ, skont id-dritt Ġermaniż, id-detentur ta’ permess ta’ residenza maħruġ abbażi tal-punt 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 28(1) tal-AufenthG jista’, minħabba dan il-fatt, jitlob ukoll l-għoti ta’ benefiċċji soċjali skont is-SGB II. Madankollu, dawn il-benefiċċji ġew irrifjutati lil FL minħabba li huwa ma jgawdix minn dritt ta’ residenza fit-territorju Ġermaniż minbarra dak li huwa jista’ jitlob bħala persuna li qiegħda tfittex impjieg.

53

Ċertament, FL jirrisjedi, huwa stess, fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru “skond din id-Direttiva [2004/38]” u, b’mod iktar speċifiku, skont l-Artikolu 14(4)(b) tagħha, bħala persuna li qiegħda tfittex impjieg. Issa, l-Artikolu 24(2) ta’ din id-direttiva jippermetti espressament lill-Istati Membri jidderogaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u jirrifjutaw li jagħtu benefiċċji soċjali lil applikant li d-dritt ta’ residenza tiegħu huwa bbażat fuq dan l-Artikolu 14(4)(b).

54

Madankollu, jekk FL jingħata l-permess ta’ residenza li huwa jinvoka abbażi tal-punt 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 28(1) tal-AufenthG, il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt preċedenti ma jkunux, madankollu, ta’ natura li jinvalidaw id-dritt tiegħu li jingħata benefiċċji soċjali skont is-SGB II.

55

Fil-fatt, għalkemm, fil-kwalità tiegħu ta’ detentur ta’ dritt ta’ residenza fit-territorju nazzjonali għall-finijiet biss li jfittex impjieg hemmhekk, dawn il-benefiċċji jistgħu jiġu rrifjutati lil FL mil-leġiżlatur nazzjonali abbażi tad-deroga li jipprevedi l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, xorta jibqa’ l-fatt li dan jista’, jekk ikun il-każ, jitlob il-ħlas tal-imsemmija benefiċċji taħt titolu ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld, C‑181/19, EU:C:2020:794, punt 70).

56

Effettivament, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-deroga huwa limitat, fir-rigward tal-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali, għall-persuni li għandhom dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti abbażi minn naħa, tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, għal perijodu massimu ta’ tliet xhur, u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 14(4)(b) tal-imsemmija direttiva, lil hinn minn dan il-perijodu, għall-finijiet tat-tfittxija ta’ impjieg.

57

Minn dan isegwi li l-imsemmija deroga ma tapplikax meta l-wild tal-persuna kkonċernata jgawdi minn dritt ta’ residenza skont id-Direttiva 2004/38 li ma hijiex waħda minn dawk imsemmija fil-punt preċedenti.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 għandha tiġi interpretata fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha permess ta’ residenza, previst mid-dritt nazzjonali għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri, ma jistax jinħareġ lil ċittadin tal-Unjoni li għandu l-awtorità tal-ġenituri fuq il-wild minuri tiegħu, għas-sempliċi raġuni li dan tal-aħħar, minkejja li huwa wkoll ċittadin tal-Unjoni u jirrisjedi fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru skont din id-direttiva, ma għandux in-nazzjonalità tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

59

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha permess ta’ residenza, previst mid-dritt nazzjonali għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri, ma jistax jinħareġ lil ċittadin tal-Unjoni li għandu l-awtorità tal-ġenituri fuq il-wild minuri tiegħu, għas-sempliċi raġuni li dan tal-aħħar, minkejja li huwa wkoll ċittadin tal-Unjoni u jirrisjedi fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru skont din id-direttiva, ma għandux in-nazzjonalità tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.