SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla)
24 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 2(b) – Kunċett ta’ ‘konsumatur’ – Kuntratt ta’ kreditu ipotekarju indiċizzat skont ir-rata tal-kambju ta’ munita barranija – Persuna fiżika li tkun akkwistat proprjetà immobbli residenzjali intiża li tinkera bi ħlas”
Fil‑Kawża C‑347/23 [Zabitoń] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Mejju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Ġunju 2023, fil-proċedura
LB,
JL
vs
Getin Noble Bank S.A.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn D. Gratsias, President tal-Awla, I. Jarukaitis, President tar-Raba’ Awla, u Z. Csehi (Relatur), Imħallef,
Avukat Ġenerali: A. M. Collins,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal LB u JL, minn W. Budzewski, adwokat, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Portugiż, minn C. Alves, P. Barros da Costa u I. Gameiro, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn U. Małecka, I. Rubene u N. Ruiz García, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, LB u JL u, min-naħa l-oħra, Getin Noble Bank S.A., dwar talba għar-rimbors tal-pagamenti mħallsa bix-xahar taħt kuntratt ta’ kreditu ipotekarju indiċizzat skont ir-rata tal-kambju ta’ munita barranija. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
L-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13 tiddikjara: “Billi tista’ tinkiseb protezzjoni aktar effettiva tal-konsumatur billi jiġu adottati regoli tal-liġi uniformi fil-kwistjoni ta’ klawżoli inġusti; billi dawk ir-regoli għandhom jgħoddu għall-kuntratti kollha konklużi bejn il-bejjiegħa jew il-fornituri u l-konsumaturi; billi bħala riżultat kuntratti inter alia relatati ma’ l-impieg, kuntratti relatati mad-drittijiet tas-suċċessjoni, kuntratti relatati mad-drittijiet taħt il-liġi tal-familja u kuntratti relatati ma’l-inkorporazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ kumpaniji jew ftehim ta’ sħubija għandhom jiġu esklużi minn din id-Direttiva”. |
|
4 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva huwa fformulat bil-mod kif ġej: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: […]
|
Id‑dritt Pollakk
|
5 |
L-Artikolu 221 tal-ustawa – Kodeks cywilny (il-Liġi dwar il-Kodiċi Ċivili) tat‑23 ta’ April 1964 (Dz. U. Nru 16, pożizzjoni 93), fil-verżjoni tagħha li tapplika għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), jiddefinixxi l-“konsumatur” bħala “kwalunkwe persuna fiżika li twettaq flimkien ma’ kummerċjant att ġuridiku li ma jorbotx b’mod dirett mas-sengħa, man-negozju jew mal-professjoni tagħha”. |
|
6 |
Skont l-Artikolu 431 tal-Kodiċi Ċivili, kummerċjant huwa persuna fiżika, persuna ġuridika jew unità organizzattiva msemmija fl-Artikolu 331(1) ta’ dan il-kodiċi, li twettaq, f’isimha stess, is-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha. |
|
7 |
Skont l-Artikolu 3851(1) u (2) tal-Kodiċi Ċivili: “1. Il-klawżoli ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur li ma jkunux ġew innegozjati individwalment ma jorbtux lil dan il-konsumatur meta dawn ikunu jiddefinixxu d-drittijiet u l-obbligi ta’ dan tal-aħħar b’mod li jmur kontra l-għemil xieraq, billi jiksru b’mod manifest l-interessi tiegħu (klawżoli illegali). Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għall-klawżoli li jiddefinixxu l-obbligi ewlenin tal-partijiet, fosthom il-prezz jew il-ħlas, kemm‑il darba dawn ikunu ġew ifformulati b’mod espliċitu. 2. Meta klawżola partikolari fil-kuntratt ma tkunx torbot lill-konsumatur fis-sens tal-paragrafu 1, il-partijiet jibqgħu marbuta bid-dispożizzjonijiet l-oħra tal-kuntratt.” |
|
8 |
L-Artikolu 3852 tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi: “Il-kompatibbiltà tal-klawżoli f’kuntratt mal-għemil xieraq għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, u dan filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kontenut, iċ-ċirkustanzi li fihom jiġi konkluż dak il-kuntratt, kif ukoll kuntratti oħra marbuta mal-imsemmi kuntratt, li fih ikunu jinsabu d-dispożizzjonijiet li jkunu qegħdin jiġu evalwati.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
9 |
Fl‑2008, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, LB u JL, kienu koppja miżżewġa residenti f’Londra (ir-Renju Unit) fejn huma ma kienu jeżerċitaw ebda attività kummerċjali. LB kien uffiċjal tal-pulizija u JL kienet kap ta’ skola. |
|
10 |
Dik is-sena, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkonkludew mad-dante causa ta’ Getin Noble Bank kuntratt ta’ kreditu ipotekarju indiċizzat skont ir-rata tal-kambju tal-frank Svizzeru (CHF), liema kuntratt kien jistipula rata ta’ interessi varjabbli u rimbors ta’ dan il-kreditu fi zlotys Pollakki (PLN) (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ kreditu ipotekarju”). |
|
11 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkonkludew il-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju sabiex jakkwistaw proprjetà immobbli residenzjali f’Varsavja (il-Polonja), bil-ħsieb li jikruha bi ħlas. Id-dħul mill-kera kien prinċipalment intiż sabiex jitħallsu l-pagamenti bix-xahar ta’ dan il-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma krew ebda proprjetà immobbli oħra. |
|
12 |
Sabiex iwettqu tali proġett, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali nqdew bis-servizzi ta’ JP, amministratur tal-proprjetà immobbli li jeżerċita l-attività professjonali tiegħu fil-Polonja, li sar il-mandatarju tagħhom u rrappreżentahom fil-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju, tal-kuntratt ta’ xiri ta’ din il-proprjetà immobbli, tal-kuntratt ta’ kiri ta’ din tal-aħħar u tal-kuntratt ta’ servizzi lill-kerrejja. |
|
13 |
Fl‑2019, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu rrimborsaw il-kreditu ipotekarju tagħhom kollu u biegħu l-imsemmija proprjetà immobbli. |
|
14 |
Fis‑27 ta’ Diċembru 2019, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’talba għar-rimbors tas-somom kollha li tħallsu taħt dan il-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju. Huma jsostnu li l-imsemmi kuntratt ta’ kreditu ipotekarju fih klawżoli inġusti li jagħmluh null. |
|
15 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li l-klawżoli tal-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju li jipprevedu l-indiċjar ta’ dan il-kreditu skont ir-rata tal-kambju tal-frank Svizzeru u li jiddefinixxu s-suġġett prinċipali ta’ dan il-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju huma, minnhom infushom, inġusti minħabba li ma ġewx innegozjati individwalment, li ma ġewx ifformulati b’lingwaġġ ċar u li jinftiehem u li jmorru kontra ir-rekwiżiti ta’ bona fide, u ħolqu b’hekk, bi ħsara tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-imsemmi kuntratt ta’ kreditu ipotekarju. |
|
16 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha d-dubji tagħha dwar il-possibbiltà li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jiġu kklassifikati bħala “konsumaturi” fis-sens tad-Direttiva 93/13. Kemm‑il darba jistgħu jiġu hekk ikklassifikati, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 ikunu japplikaw, b’mod li dik il-qorti tkun tista’ tiddikjara n-nullità tal-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju. |
|
17 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-kiri ta’ proprjetà immobbli bi ħlas huwa maħsub sabiex isir qligħ, ħaġa li, warakollox, hija l-għan ewlieni ta’ kwalunkwe negozju. |
|
18 |
Madankollu, huwa wkoll possibbli li jitqies li, billi tikseb self għax-xiri ta’ proprjetà immobbli bil-ħsieb li tixtri proprjetà waħda sabiex imbagħad tikriha, il-persuna li tissellef tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet li jmorru lil hinn minn kwalunkwe sengħa, negozju jew professjoni u li, għaldaqstant, tali persuna li tissellef għandha tiġi kklassifikata bħala “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13. |
|
19 |
Fil-fatt, meta wieħed iqis l-iskop limitat tal-attività kkonċernata, din tal-aħħar ma hijiex karatteristika ta’ negozju. Barra minn hekk, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju, impjegati taħt kuntratti ta’ xogħol u li ma kinux jeżerċitaw il-professjoni ta’ amministratur ta’ proprjetà immobbli, il-kiri ta’ proprjetà immobbli la kien għan professjonali importanti għalihom u lanqas ma kien intiż sabiex ikun is-sors ewlieni tagħhom ta’ dħul, iżda kien biss forma ta’ investiment li, minnu nnifsu, ma huwiex marbut ma’ xi negozju. Fl-aħħar nett, li kellha l-persuna li tissellef tiġi kklassifikata, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħala “konsumatur”, jiġri li l-għan tad-Direttiva 93/13, li l-konsumaturi jiġu protetti minn klawżoli kuntrattwali inġusti, jiġi ssodisfatt aħjar. |
|
20 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 2(b) u (ċ) tad-Direttiva [93/13] għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika li tikkonkludi kuntratt ta’ self ipotekarju sabiex tikseb fondi għax-xiri ta’ unità residenzjali waħda intiża għall-kiri bi ħlas (buy-to-let) għandha titqies bħala ‘konsumatur’ fis-sens ta’ din id-direttiva?” |
Fuq id‑domanda preliminari
|
21 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika li tikkonkludi kuntratt ta’ kreditu ipotekarju sabiex tiffinanzja x-xiri ta’ proprjetà immobbli residenzjali waħda bil-ħsieb li tikriha bi ħlas taqa’ taħt il-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
22 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif tiddikjara wkoll l-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13, ir-regoli uniformi dwar il-klawżoli inġusti għandhom, bla ħsara tal-eċċezzjonijiet elenkati f’din il-premessa, japplikaw għall-“kuntratti kollha” bejn kummerċjant u konsumatur, kif iddefiniti fl-Artikolu 2(b) u (ċ) ta’ din id-direttiva (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, YYY. (Kunċett ta’ “konsumatur”), C‑570/21, EU:C:2023:456, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
23 |
Skont dan l-Artikolu 2(b), hija “konsumatur” kull persuna fiżika li, f’kuntratti li jaqgħu taħt l-imsemmija direttiva, taġixxi għal skopijiet li jmorru lil hinn mis-sengħa, min-negozju jew mill-professjoni tagħha. Barra minn hekk, skont l-imsemmi Artikolu 2(ċ), hija “kummerċjant” kull persuna fiżika jew ġuridika li, f’kuntratti li jaqgħu taħt l-istess direttiva, taġixxi għal skopijiet relatati mas-sengħa, man-negozju jew mal-professjoni tagħha, sew jekk pubblika u sew jekk privata. |
|
24 |
Huwa għalhekk skont il-kwalità tal-partijiet kontraenti, jiġifieri skont jekk dawn ikunux qegħdin jaġixxu għal skopijiet relatati mas-sengħa, man-negozju jew mal-professjoni tagħhom jew le, li d-Direttiva 93/13 tiddefinixxi l-kuntratti li għalihom hija tapplika (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, YYY. (Kunċett ta’ “konsumatur”), C‑570/21, EU:C:2023:456, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
25 |
B’hekk, il-kwalità ta’ “konsumatur” tal-persuna kkonċernata għandha tiġi stabbilita fid-dawl ta’ kriterju funzjonali, liema kriterju jevalwa jekk ir-relazzjoni kuntrattwali kkonċernata tkunx tnisslet matul attivitajiet li jmorru lil hinn minn kwalunkwe sengħa, negozju jew professjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tippreċiża wkoll li l-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, huwa, minnu nnifsu, oġġettiv u indipendenti mill-għarfien konkret li l-persuna kkonċernata jista’ jkollha jew mill-informazzjoni li din il-persuna effettivament ikollha (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Lyoness Europe,C‑455/21, EU:C:2023:455, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
26 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-konsumatur jinsab f’pożizzjoni iktar dgħajfa meta mqabbla ma’ dik tal-kummerċjant, kemm mil-lat tas-setgħa fin-negozjati, kif ukoll mil-lat tal-livell ta’ għarfien, liema sitwazzjoni twasslu sabiex joqgħod għall-kundizzjonijiet li l-kummerċjant ikun ħejja minn qabel u dan mingħajr ma dan ikun jista’ jkollu ebda influwenza fuq il-kontenut tagħhom (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Pouvin u Dijoux, C‑590/17, EU:C:2019:232, punt 25, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
27 |
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, tagħmilha possibbli li tiġi żgurata l-protezzjoni li din id-direttiva tagħti lill-persuni fiżiċi kollha li jkunu f’pożizzjoni iktar dgħajfa meta mqabbla ma’ dik tal-kummerċjant (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, YYY. (Kunċett ta’ konsumatur), C‑570/21, EU:C:2023:456, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-natura imperattiva tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 u r-rekwiżiti speċifiċi ta’ protezzjoni tal-konsumatur marbuta magħhom jeħtieġu li interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, tingħata preferenza sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ din tal-aħħar (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, YYY. (Kunċett ta’ konsumatur), C‑570/21, EU:C:2023:456, punt 38). |
|
29 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, taħt kuntratt ta’ kreditu konkluż ma’ kummerċjant, billi l-kodebitur ikun f’pożizzjoni analoga għal dik tad-debitur, mil-lat tal-obbligi kuntrattwali, meta mqabbla ma’ dik tal-kummerċjant, li miegħu dawn ikunu ffirmaw kuntratt, ma għandha ssir ebda distinzjoni bejn id-debitur u l-kodebitur fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 għal dan il-kuntratt speċifiku. Għaldaqstant, taqa’ wkoll taħt il-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, fil-kuntest ta’ tali kuntratt, il-persuna fiżika li tkun fil-pożizzjoni ta’ kodebitur f’sitwazzjoni fejn hija taġixxi għal skopijiet li jmorru lil hinn mis-sengħa, min-negozju jew mill-professjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, YYY. (Kunċett ta’ konsumatur), C‑570/21, EU:C:2023:456, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
30 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-qorti nazzjonali adita b’tilwima dwar kuntratt li jkun jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 li għandha tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-provi kollha u, b’mod partikolari, it-termini ta’ dan il-kuntratt, jekk il-persuna kkonċernata tistax tiġi kklassifikata bħala “konsumatur” fis-sens tal-imsemmija direttiva. Sabiex tagħmel dan, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u, b’mod partikolari, in-natura tal-oġġett jew tas-servizz li jkun is-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni, li jkunu jistgħu juru l-għan li għalih dan il-prodott jew servizz ikun qiegħed jiġi akkwistat (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Lyoness Europe,C‑455/21, EU:C:2023:455, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Konsegwentement, meta żewġ persuni fiżiċi jikkonkludu kuntratt ta’ kreditu ipotekarju sabiex jiffinanzjaw l-akkwist ta’ proprjetà immobbli residenzjali, hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi, billi tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura tal-proprjetà li tkun is-suġġett ta’ dan il-kuntratt, jekk dawn il-persuni fiżiċi jkunux aġixxew għal skopijiet relatati mas-sengħa, man-negozju jew mal-professjoni tagħhom jew jekk ikunux aġixxew għal skopijiet li jmorru lil hinn minn dik is-sengħa, dak in-negozju jew dik il-professjoni. |
|
32 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma persuni fiżiċi li, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju, kienu impjegati bħala uffiċjal tal-pulizija u bħala kap ta’ skola, rispettivament. Barra minn hekk, huma ma kienu jeżerċitaw ebda attività kummerċjali fuq bażi professjonali fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-proprjetà immobbli. Minn dan jirriżulta wkoll li huma kkonkludew dan il-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju sabiex jiffinanzjaw l-akkwist ta’ proprjetà immobbli residenzjali waħda, li tinsab f’Varsavja, bil-ħsieb li tinkera bi ħlas, u li d-dħul mill-kiri kien intiż sabiex jitħallsu l-pagamenti bix-xahar tas-self. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kienu krew ebda proprjetà immobbli oħra. |
|
33 |
Għaldaqstant, jidher, bla ħsara tal-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, li l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu ipotekarju inkwistjoni ma kellhiex, għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għan professjonali, iżda kienet intiża sabiex dawn jinvestu flushom, peress li l-akkwist tal-proprjetà immobbli residenzjali ffinanzjat minn dan il-kreditu kien għalihom forma ta’ investiment. |
|
34 |
Din il-konklużjoni la tista’ tiġi kkontestata mill-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellhom l-ħsieb li jikru din il-proprjetà immobbli residenzjali sabiex jagħmlu qligħ, u lanqas mill-fatt li huma nqdew bis-servizzi ta’ espert sabiex jixtruha u sabiex jamministraw il-kiri tagħha. |
|
35 |
B’mod partikolari, kif proprju jirriżulta mill-ġurisprudenza, li kellu l-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, jiġi interpretat b’mod li jeskludi minn dan il-kunċett persuna fiżika li taġixxi għal skopijiet li jmorru lil hinn mis-sengħa, min-negozju jew mill-professjoni tagħha minħabba li hija tagħmel qligħ, jiġri li ma tkunx tista’ tiġi żgurata l-protezzjoni li din id-direttiva tagħti lill-persuni fiżiċi kollha li jkunu f’pożizzjoni iktar dgħajfa meta mqabbla ma’ dik ta’ kummerċjant u li jagħmlu użu mhux professjonali mis-servizzi li joffri dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Lyoness Europe,C‑455/21, EU:C:2023:455, punt 53). |
|
36 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna fiżika li tikkonkludi kuntratt ta’ kreditu ipotekarju sabiex tiffinanzja x-xiri ta’ proprjetà immobbli residenzjali waħda bil-ħsieb li tikriha bi ħlas taqa’ taħt il-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, f’sitwazzjoni fejn din il-persuna fiżika taġixxi għal skopijiet li jmorru lil hinn mis-sengħa, min-negozju jew mill-professjoni tagħha. Is-sempliċi fatt li l-imsemmija persuna fiżika tfittex li tagħmel qligħ mill-amministrazzjoni ta’ din il-proprjetà immobbli ma jistax, fih innifsu, iwassal sabiex l-istess persuna tiġi eskluża mill-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
|
37 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
persuna fiżika li tikkonkludi kuntratt ta’ kreditu ipotekarju sabiex tiffinanzja x-xiri ta’ proprjetà immobbli residenzjali waħda bil-ħsieb li tikriha bi ħlas taqa’ taħt il-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, f’sitwazzjoni fejn din il-persuna fiżika taġixxi għal skopijiet li jmorru lil hinn mis-sengħa, min-negozju jew mill-professjoni tagħha. Is-sempliċi fatt li l-imsemmija persuna fiżika tfittex li tagħmel qligħ mill-amministrazzjoni ta’ din il-proprjetà immobbli ma jistax, fih innifsu, iwassal sabiex l-istess persuna tiġi eskluża mill-kunċett ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.