Kawżi magħquda C‑313/23, C‑316/23 u C‑332/23
Inspektorat kam Visshia sadeben savet
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sofiyski rayonen sad)
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) tat‑30 ta’ April 2025
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stat tad-dritt – Indipendenza tal-membri tal-ġudikatura – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – Korp ġudizzjarju kompetenti sabiex jipproponi l-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari kontra l-membri tal-ġudikatura bil-għan tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet dixxiplinari – Żamma tal-funzjonijiet tal-membri tal-korp ġudizzjarju wara t-tmiem tal-mandat tagħhom – Protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Sigurtà tad-data – Aċċess ta’ korp ġudizzjarju għad-data relatata mal-kontijiet bankarji tal-membri tal-ġudikatura u tal-membri tal-familja tagħhom – Awtorizzazzjoni ġudizzjarja għall-finijiet tat-tneħħija tas-sigriet bankarju – Qorti li tawtorizza t-tneħħija tas-sigriet bankarju – Il-punt 7 tal-Artikolu 4 – Kunċett ta’ ‘kontrollur’ – Artikolu 51 – Kunċett ta’ ‘awtorità ta’ kontroll’”
Domandi preliminari – Talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja – Qorti nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE – Kunċett – Determinazzjoni bis-saħħa ta’ kriterji strutturali u funzjonali – Qorti adita minn korp ġudizzjarju b’talba għall-aċċess għad-data relatata mal-kontijiet bankarji tal-membri tal-ġudikatura u tal-membri tal-familja tagħhom – Awtorizzazzjoni ġudizzjarja għall-finijiet tat-tneħħija tas-sigriet bankarju – Qorti li teżerċita funzjonijiet ta’ natura ġudizzjarja – Inklużjoni
(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE Artikolu 267 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 8)
(ara l-punti 59 sa 63)
Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Domandi li jirrigwardaw regoli nazzjonali relatati mal-organizzazzjoni u mal-funzjonament ta’ korp ġudizzjarju – Inklużjoni
(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Artikolu 267 TFUE)
(ara l-punti 71 sa 73)
Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment ta’ rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-membri tal-ġudikatura – Żamma fil-kariga tal-membri ta’ korp ġudizzjarju kompetenti sabiex jipproponi l-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari kontra l-membri tal-ġudikatura wara t-tmiem tal-mandat tagħhom – Assenza ta’ bażi legali espliċita jew ta’ limitazzjoni ratione temporis ta’ din l-estensjoni – Inammissibbiltà
(Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)
(ara l-punti 81 sa 97, u d-dispożittiv 1)
Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament 2016/679 – Kamp ta’ applikazzjoni – Derogi – Ipproċessar ta’ data fil-kuntest ta’ attività li ma taqax taħt id-dritt tal-Unjoni – Kunċett – Żvelar lil korp ġudizzjarju ta’ data personali protetta mis-sigriet bankarju u li tirrigwarda lil membri tal-ġudikatura u lil membri tal-familja tagħhom – Żvelar fil-kuntest tal-verifika tad-dikjarazzjonijiet relatati mal-patrimonji – Esklużjoni
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, Artikoli 2(1), 2(2)(a), u 3)
(ara l-punti 99 sa 106, u d-dispożittiv 2)
Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament 2016/679 – Kunċett ta’ kontrollur – Qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tawtorizza, fuq talba ta’ korp ġudizzjarju, l-iżvelar minn bank lil dan il-korp ta’ data relatata mal-kontijiet bankarji tal-membri tal-ġudikatura kif ukoll tal-membri tal-familja tagħhom – Esklużjoni
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, il-punt 7 tal-Artikolu 4)
(ara l-punti 108 sa 117, u d-dispożittiv 3)
Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament 2016/679 – Awtoritajiet tal-kontroll nazzjonali – Kunċett – Qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tawtorizza, fuq talba ta’ korp ġudizzjarju, l-iżvelar minn bank lil dan il-korp ta’ data relatata mal-kontijiet bankarji tal-membri tal-ġudikatura kif ukoll tal-membri tal-familja tagħhom – Esklużjoni
(Artikolu 16 TFUE, Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 8(3); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, Artikoli 51(1), (2) u (4), 57(1)(a) u (g), u 58)
(ara l-punti 119 sa 123, u d-dispożittiv 4)
Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament 2016/679 – Rimedji ġudizzjarji – Qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tawtorizza l-iżvelar ta’ data personali lil korp ġudizzjarju – Qorti adita b’talba għall-aċċess għal din id-data mressqa minn dan il-korp u mhux b’rikors ippreżentat kontra kontrollur – Obbligu li tiġi żgurata ex officio l-osservanza tar-regoli relatati mas-sigurtà tad-data – Assenza – Ksur mill-imsemmi korp fil-passat ta’ dawn ir-regoli – Assenza ta’ effett
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2016/679, Artikolu 79(1))
(ara l-punti 128 sa 138, u d-dispożittiv 5)
Sunt
Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofia, il-Bulgarija), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ indipendenza tal-membri tal-ġudikatura jipprekludi l-prassi ta’ Stat Membru li tippermetti lill-membri ta’ korp ġudizzjarju kompetenti sabiex jipproponi l-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari kontra l-membri tal-ġudikatura jibqgħu fil-kariga lil hinn mit-tul legali tal-mandat tagħhom fl-assenza ta’ bażi legali espliċita jew ta’ limitazzjoni ratione temporis ta’ din l-estensjoni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-portata tal-kunċetti ta’ “kontrollur” u ta’ “awtorità ta’ kontroll”, previsti mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data ( 1 ), fil-kuntest tal-iżvelar ta’ data personali protetta mis-sigriet bankarju li tkun tirrigwarda lill-membri tal-ġudikatura kif ukoll lill-membri tal-familja tagħhom, li jiġi awtorizzat minn qorti nazzjonali fuq talba ta’ dan il-korp ġudizzjarju.
F’Mejju 2023, wara l-iskadenza tat-terminu previst għall-preżentata tad-dikjarazzjonijiet patrimonjali annwali tal-membri tal-ġudikatura u tal-familja tagħhom għas-sena 2022, l-Inspektorat kam Visshia sadeben savet (l-Ispettorat fi ħdan il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, il-Bulgarija, iktar ’il quddiem l-“Ispettorat”) adixxa lill-qorti tar-rinviju b’talba għat-tneħħija tas-sigriet bankarju relatat mal-kontijiet bankarji ta’ diversi membri tal-ġudikatura u tal-membri tal-familja tagħhom ( 2 ).
Il-qorti tar-rinviju indikat li l-Ispettorat kien inħoloq fl‑2007, wara emenda tal-Kostituzzjoni Bulgara, u, bħala korp ġudizzjarju, kien inkarigat jinvestiga l-eżerċizzju ta’ influwenzi indebiti fuq il-membri tal-ġudikatura, jivverifika d-dikjarazzjonijiet patrimonjali ta’ dawn tal-aħħar, u jidentifika kunflitti ta’ interessi eventwali kif ukoll danni għall-indipendenza tal-ġudikatura. Barra minn hekk, hija ppreċiżat li l-mandati tal-membri tal-Ispettorat, eletti mill-parlament nazzjonali għal perijodu ta’ bejn erba’ u ħames snin, kienu waslu fi tmiemhom matul is-sena 2020, mingħajr ma kienu ġew eletti membri ġodda. Madankollu, skont ġurisprudenza tal-Konstitutsionen sad (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Bulgarija), il-membri tal-Ispettorat kellhom ikomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom sal-elezzjoni ta’ membri ġodda, peress li l-ħarsien tal-missjoni assenjata lill-dan il-korp kienet meqjusa li kienet iktar importanti mir-riskji ta’ abbuż tal-membri tiegħu.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju staqsiet jekk estensjoni tal-mandati tal-membri tal-Ispettorat setgħetx tippreġudika l-garanziji ta’ indipendenza ta’ din l-awtorità u, fl-affermattiv, liema kienu l-kriterji li jippermettu li jiġi evalwat jekk tali estensjoni kinitx ammissibbli u għal liema tul ta’ żmien.
Fuq kollox, il-qorti tar-rinviju staqsiet dwar ir-rwol u l-obbligi tal-qrati nazzjonali meta huma jkollhom jawtorizzaw l-aċċess tal-Ispettorat għad-data personali tal-membri tal-ġudikatura. B’mod iktar partikolari, hija staqsiet jekk l-attività tagħha li tawtorizza lill-Ispettorat jaċċedi għal data personali suġġetta għas-sigriet bankarju kinitx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR u, fl-affermattiv, xi jkunu l-effetti ta’ dan fuq l-istħarriġ li hija jkollha teżerċita. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju staqsiet jekk l-istħarriġ li hija kellha twettaq qabel ma tawtorizza l-aċċess tal-Ispettorat għad-data inkwistjoni kellux ikun purament formali u jkun limitat għal verifika ta’ jekk il-persuni li fir-rigward tagħhom tkun intalbet it-tneħħija tas-sigriet bankarju jkollhomx il-kwalità ta’ persuni suġġetti għall-obbligu ta’ dikjarazzjoni, jiġifieri jekk dawn ikunux membri tal-ġudikatura jew persuni li jkollhom relazzjoni familjali jew relazzjoni oħra ma’ dawn tal-aħħar, jew jekk hija kellhiex pjuttost tiżgura s-sigurtà tad-data inkwistjoni skont il-GDPR.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fl-ewwel lok, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 3 ), u b’mod iktar partikolari l-prinċipju ta’ indipendenza tal-membri tal-ġudikatura, jipprekludi l-prassi ta’ Stat Membru li biha l-membri ta’ korp ġudizzjarju, eletti mill-parlament tiegħu għal mandati ta’ żmien determinat u li jkunu kompetenti sabiex iwettqu kontroll tal-attività tal-membri tal-ġudikatura fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, tal-integrità tagħhom u tal-assenza ta’ kunflitti ta’ interessi min-naħa tagħhom kif ukoll sabiex jipproponu lil korp ġudizzjarju ieħor il-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari fid-dawl tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet dixxiplinari fil-konfront tagħhom, ikomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom lil hinn mit-tul legali tal-mandat tagħhom, stabbilit mill-Kostituzzjoni tal-isemmi Stat Membru, sakemm dan il-parlament jeleġġi membri ġodda. Dan li jippreċedi jkun japplika meta l-estensjoni tal-mandati li jkunu skadew ma tkunx ibbażata fuq bażi legali espliċita fid-dritt nazzjonali li tkun tinkludi regoli ċari u preċiżi ta’ natura li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet u mingħajr ma jiġi żgurat li din l-estensjoni tkun, fil-prattika, limitata ratione temporis.
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-ġurisprudenza stabbilita tagħha, li tgħid li r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati ( 4 ) jimponi li s-sistema dixxiplinari tal-membri tal-ġudikatura għandha jkollha l-garanziji neċessarji sabiex jiġi evitat li din tintuża bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. F’dan ir-rigward, il-promulgazzjoni ta’ regoli li jiddefinixxu kemm l-aġir li jikkostitwixxi ksur dixxiplinari kif ukoll is-sanzjonijiet applikabbli konkretament, li jipprevedu l-intervent ta’ istanza indipendenti, konformement ma’ proċedura li tiżgura b’mod sħiħ id-dritt għal rimedju effettiv u d-drittijiet tad-difiża, ( 5 ) u li jistabbilixxu l-possibbiltà li d-deċiżjonijiet tal-korpi dixxiplinari jiġu kkontestati quddiem qorti, jikkostitwixxu tali garanziji.
Fil-fatt, huwa essenzjali li tali korpi jaġixxu, fl-eżerċizzju tal-missjonijiet tagħhom, b’mod oġġettiv u imparzjali u li huma jkunu, għal dan l-għan, ħielsa minn kull influwenza esterna. Dan japplika b’mod partikolari għal korp ġudizzjarju li, bħall-Ispettorat, ikollu setgħa wiesgħa sabiex iwettaq kontroll tal-attività tal-membri tal-ġudikatura fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, tal-integrità tagħhom u tal-assenza ta’ kunflitti ta’ interessi min-naħa tagħhom, kif ukoll li jipproponi, wara tali twettiq ta’ kontroll, lil korp ġudizzjarju ieħor (f’dan il-każ, il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, il-Bulgarija) il-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari bil-għan tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet dixxiplinari fil-konfront tagħhom. Huwa għalhekk li r-regoli kollha li jkunu jirregolaw l-organizzazzjoni u l-funzjonament ta’ tali korp, inklużi dawk li jkunu jirregolaw il-proċedura ta’ ħatra tal-membri tiegħu, għandhom jitfasslu b’mod li ma jkunu jistgħu jqajmu ebda dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-użu tal-prerogattivi u tal-funzjonijiet ta’ tali korp bħala strument ta’ pressjoni fuq l-attività ġudizzjarja jew ta’ kontroll politiku ta’ din l-attività.
Fir-rigward tal-mandati tal-membri tal-Ispettorat, li skadew mingħajr ma l-parlament nazzjonali pproċeda bl-elezzjoni tal-membri l-ġodda, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma kienet tidher li tinkludi ebda regola dwar kontinwazzjoni possibbli tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom lil hinn mit-tul tal-mandat tagħhom. Għalkemm kien minnu li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali, il-membri tal-Ispettorat kellhom ikomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom sal-elezzjoni tal-membri l-ġodda, kien ukoll minnu li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma kinitx tinkludi regoli ta’ natura li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet hekk estiż u lanqas dispożizzjoni legali li kienet tippermetti li jintemm imblokk eventwali fil-proċess ta’ ħatra tal-membri l-ġodda tal-Ispettorat. Għalhekk, l-estensjoni tal-mandati tal-membri preċedenti tal-Ispettorat kienet tidher, fil-prattika, li setgħet tibqa’ għaddejja mingħajr limitazzjoni ratione temporis.
F’dan il-kuntest, huma biss l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu jekk jawtorizzawx jew le l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-membri ta’ korp ġudizzjarju, li jkun kompetenti sabiex iwettaq kontroll tal-attività tal-membri tal-ġudikatura u jipproponi l-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari fil-konfront tagħhom, lil hinn mit-tul legali tal-mandati ta’ dawn il-membri sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonament ta’ dan il-korp. Madankollu, meta jagħżlu tali estensjoni tal-mandati, dawn l-Istati Membri għandhom l-obbligu jiżguraw li l-eżerċizzju tal-funzjonijiet wara l-iskadenza tal-mandat ikun ibbażat fuq bażi legali espliċita fid-dritt intern, li tkun tinkludi regoli ċari u preċiżi ta’ natura li jirregolaw dan l-eżerċizzju. Huma għandhom jiżguraw ukoll li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li għalihom ikun suġġett tali eżerċizzju jitfasslu b’mod li jippermettu lill-membri kkonċernati ta’ tali korp ġudizzjarju jaġixxu, fit-twettiq tal-missjonijiet tagħhom, b’mod oġġettiv u imparzjali. Għaldaqstant, għalkemm, f’ċerti ċirkustanzi, l-estensjoni tal-mandati tkun tista’ tirriżulta neċessarja, fid-dawl tal-importanza tal-funzjonijiet eżerċitati mill-korp ġudizzjarju kkonċernat, huwa biss b’mod eċċezzjonali u bil-kundizzjoni li din l-estensjoni tiġi rregolata minn regoli ċari u preċiżi li jkunu jeskludu, fil-prattika, il-possibbiltà li din tkun illimitata ratione temporis, li l-imsemmija estensjoni tista’ tkun possibbli.
Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-iżvelar, lil korp ġudizzjarju, ta’ data personali li tkun protetta mis-sigriet bankarju u li tkun tikkonċerna lil membri tal-ġudikatura kif ukoll lill-membri tal-familja tagħhom, bil-għan li jiġu vverifikati d-dikjarazzjonijiet ta’ dawn il-membri tal-ġudikatura relatati mal-patrimonju tagħhom kif ukoll ma’ dak tal-membri tal-familja tagħhom, fejn dawn id-dikjarazzjonijiet ikunu s-suġġett ta’ pubblikazzjoni, jikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-GDPR.
Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li għalkemm il-promulgazzjoni ta’ regoli applikabbli għall-istatus tal-membri tal-ġudikatura u għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, xorta jibqa’ l-fatt li pproċessar ta’ data li huwa intiż li jwettaq kontroll tal-integrità tal-membri tal-ġudikatura kif ukoll li jivverifika l-eżistenza ta’ eventwali kunflitti ta’ interessi ma jaqax taħt l-eċċezzjonijiet għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR ( 6 ), sa fejn din ma tkunx attività intiża li tħares is-sigurtà nazzjonali u lanqas attività li tkun tista’ tiġi kklassifikata fl-istess kategorija. Fil-fatt, l-iżvelar lil korp ġudizzjarju ta’ data personali protetta mis-sigriet bankarju u relatata ma’ membri tal-ġudikatura kif ukoll mal-membri tal-familja tagħhom jikkostitwixxi tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ din id-data personali favur dan il-korp.
Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “kontrollur” u ta’ “awtorità ta’ kontroll”, fis-sens tal-GDPR ( 7 ).
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “kontrollur”, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma taqax taħt dan il-kunċett qorti li jkollha ġurisdizzjoni sabiex tawtorizza, fuq talba ta’ korp ġudizzjarju ieħor, l-iżvelar minn bank lil dan il-korp ta’ data relatata mal-kontijiet bankarji tal-membri tal-ġudikatura kif ukoll tal-membri tal-familja tagħhom.
Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-Ispettorat kien kompetenti sabiex iwettaq, b’mod partikolari, kontrolli li jirrigwardaw l-integrità u l-assenza ta’ kunflitti ta’ interess min-naħa tal-membri tal-ġudikatura kif ukoll id-dikjarazzjonijiet patrimonjali tagħhom. Għal dan il-għan, din il-leġiżlazzjoni kienet tagħti lill-Ispettorat, minn naħa, il-possibbiltà jitlob l-aċċess għad-data relatata mal-kontijiet bankarji tal-membri tal-ġudikatura kif ukoll tal-membri tal-familja tagħhom u, min-naħa l-oħra, is-setgħa li jitlob awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel għall-finijiet tal-aċċess għall-imsemmija data, meta s-suġġetti tad-data ma jkunux taw kunsens għal tali aċċess. Il-qorti adita b’talba għal awtorizzazzjoni ta’ żvelar għandha għaldaqstant tintervjeni biss fuq talba tal-Ispettorat u għandha sempliċement tistħarreġ jekk il-kundizzjonijiet ta’ legalità stabbiliti minn dan id-dritt ikunux issodisfatti. Bl-istess mod, ma kinitx din il-qorti iżda l-Ispettorat li kellu jiddetermina, skont ir-regoli nazzjonali applikabbli, il-persuni li huwa kien ikollu l-intenzjoni jkollu aċċess għad-data tagħhom għall-finijiet tal-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu u li fir-rigward tagħhom huwa jkun ser iressaq talba għal awtorizzazzjoni quddiem l-imsemmija qorti. Għalhekk, anki jekk il-qorti kellha teżamina jekk u sa fejn il-kundizzjonijiet ta’ legalità tal-ipproċessar ikunux issodisfatti f’każ partikolari, hija ma kinitx tiddetermina fuq inizjattiva tagħha stess la l-iskop tal-ipproċessar u lanqas il-persuni u d-data kkonċernata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kinitx din il-qorti li tkun responsabbli għall-ipproċessar iżda l-korp kompetenti għat-twettiq tal-iskopijiet li jkollhom jintlaħqu.
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “awtorità ta’ kontroll”, qorti kompetenti sabiex tawtorizza l-iżvelar ta’ data personali lil korp ġudizzjarju ieħor ma taqax, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, taħt dan il-kunċett meta din il-qorti ma tkunx inkarigata mill-Istat Membru li taqa’ taħtu sabiex tissorvelja l-applikazzjoni tal-GDPR sabiex tipproteġi, b’mod partikolari, il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom.
Fl-aħħar lok, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li qorti li jkollha ġurisdizzjoni sabiex tawtorizza l-iżvelar ta’ data personali lil korp ġudizzjarju ieħor ma hijiex obbligata, meta hija ma tkunx adita b’rikors ippreżentat kontra kontrollur ( 8 ), tiżgura ex officio l-protezzjoni tal-persuni li d-data tagħhom tkun kkonċernata fir-rigward tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament relatati mas-sigurtà tad-data personali. L-istess japplika fil-każ fejn dan il-korp ikun wettaq, fil-passat, ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li qorti nazzjonali li ma tkunx adita b’rikors ippreżentat kontra awtorità ta’ kontroll jew kontra kontrollur ( 9 ) ma hijiex obbligata, fl-assenza ta’ regoli li jkunu jagħtuha espliċitament setgħat ta’ kontroll, tiżgura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet sostantivi tal-GDPR. Sabiex jiżguraw l-effettività ta’ tali rikors, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ruħhom li l-modalitajiet konkreti għall-eżerċizzju tar-rimedji ġudizzjarji previsti mill-GDPR ikunu jissodisfaw effettivament ir-rekwiżiti li jkunu jirriżultaw mid-dritt għal rimedju effettiv ( 10 ). Sabiex jagħmlu dan, il-kontrollur, jiġifieri l-korp ġudizzjarju kompetenti li lilu jkun ingħata l-aċċess għad-data personali, għandu jipprovdi lill-persuni li d-data tagħhom tkun kkonċernata, l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 14 tal-GDPR ( 11 ), peress li din l-informazzjoni tkun neċessarja sabiex l-imsemmija persuni jkunu jistgħu jeżerċitaw, jekk ikun il-każ, id-dritt tagħhom ta’ oppożizzjoni għall-ipproċessar tad-data personali tagħhom ( 12 ) kif ukoll id-dritt tagħhom għal azzjoni legali fil-każ ta’ dannu mġarrab ( 13 ).
( 1 ) Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”).
( 2 ) B’applikazzjoni tal-punt 12 tal-Artikolu 62(6) taż-Zakon za kreditnite institutsii (il-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu) (DV Nru 59 tal‑21 ta’ Lulju 2006).
( 3 ) Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).
( 4 ) Kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.
( 5 ) Artikoli 47 u 48 tal-Karta.
( 6 ) U b’mod partikolari tal-eċċezzjoni prevista fil-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR li jipprovdi li dan ir-regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq “matul attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni”. Din l-eċċezzjoni hija intiża li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-awtoritajiet tal-Istat fil-kuntest ta’ attività intiża li tħares is-sigurtà nazzjonali jew ta’ attività li tkun tista’ tiġi kklassifikata fl-istess kategorija.
( 7 ) Fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 51(1) tal-GDPR.
( 8 ) Skont l-Artikolu 79(1) tal-GDPR.
( 9 ) Artikolu 78(1) u Artikolu 79(1) tal-GDPR.
( 10 ) Artikolu 47 tal-Karta.
( 11 ) B’mod iktar preċiż, fil-paragrafi 1 u 2 ta’ din id-dispożizzjoni.
( 12 ) Artikolu 21 tal-GDPR.
( 13 ) Artikoli 79 u 82 tal-GDPR.