Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

29 ta’ Lulju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Agrikola Komuni – Regolament (UE) 2016/1012 – Annimali ta’ razza pura għat-tnissil – Proċedura għall-akkreditazzjoni ta’ soċjetajiet tat-tnissil – Proċedura għall-approvazzjoni tal-programmi tat-tnissil – Possibbiltà li tiġi rrifjutata l-approvazzjoni ta’ programm tat-tnissil addizzjonali għall-istess razza, fir-rigward tal-istess territorju, jekk din l-approvazzjoni tista’ tikkomprometti programm ta’ tnissil li diġà jeżisti – Dritt tal-persuni li jrabbu l-annimali ta’ razza pura li jagħżlu bejn id-diversi programmi tat-tnissil li jeżistu”

Fil-Kawża C‑286/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Braşov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ April 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Mejju 2023, fil-proċedura

Asociaţia Crescătorilor de Vaci “Bălţată Românească” Tip Simmental

vs

Genetica din Transilvania Cooperativă Agricolă,

Agenţia Naţională pentru Zootehnie “Prof. dr. G. K. Constantinescu”,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, P. G. Xuereb (Relatur) u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Asociaţia Crescătorilor de Vaci “Bălţată Românească” Tip Simmental, minn N.‑G. Comşa-Fulga, avocată,

–        għall-Genetica din Transilvania Cooperativă Agricolă, minn A.‑A. Arseni, D. Dobrev u L. Dobrinescu, avocaţi,

–        għall-Gvern Rumen, minn E. Gane u L. Ghiţă, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Radu Bouyon, B. Rechena u F. Thiran, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3)(b), tal-Artikoli 8, 10 u 13, kif ukoll tal-punt A(4) tal-Parti 1 tal-Anness I u tal-punt B(2)(a) tal-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi għat-tnissil, kummerċ u dħul fl-Unjoni ta’ annimali ta’ razza pura għat-tnissil, ħnieżer tat-tnissil ibridi u tal-prodotti ġerminali tagħhom u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 652/2014, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE u 90/425/KEE u jħassar ċerti atti fil-qasam tat-tnissil tal-annimali (“ir-Regolament dwar it-Tnissil tal-Annimali”) (ĠU 2016, L 171, p. 66), moqrija fid-dawl tal-premessi 21 u 24 ta’ dan ir-regolament.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, l-Asociaţia Crescătorilor de Vaci “Bălţată Românească” Tip Simmental, assoċjazzjoni ta’ persuni li jrabbu l-bhejjem tal-ifrat “Bălțată Românească” tat-tip Simmental (iktar ’il quddiem l-“Assoċjazzjoni BR”), u, min-naħa l-oħra, l-Agenția Națională pentru Zootehnie “Prof. dr. G. K. Constantinescu” (l-Aġenzija Nazzjonali għaż-Żooteknika “Prof. dr. G. K. Constantinescu, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem l-“Aġenzija għaż-Żooteknika”) u l-Genetica din Transilvania Cooperativă Agricolă, kooperattiva agrikola “Ġenetika ta’ Transilvania” (iktar ’il quddiem il-“GT”), dwar l-għoti lil din tal-aħħar tal-akkreditazzjoni bħala soċjetà tat-tnissil sabiex twettaq programm tat-tnissil għar-razza ta’ bhejjem tal-ifrat “Bălțată Românească”.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-premessi 1, 20, 21, 24, 31, 32 u 34 tar-Regolament 2016/1012 jiddikjaraw:

“(1)      It-tnissil ta’ annimali tal-ispeċi bovina, porċina, ovina, kaprina u ekwina, f’termini ekonomiċi u soċjali, tokkupa post strateġiku fl-agrikoltura fl-Unjoni [Ewropea] u tikkontribwixxi għall-wirt kulturali tal-Unjoni. Din l-attività agrikola, li tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-ikel fl-Unjoni, hija għajn ta’ dħul għall-komunità agrikola. It-tnissil ta’ annimali ta’ dawk l-ispeċi jiġipromoss billi jiġi nkuraġġit l-użu ta’ annimali ta’ razza pura għat-tnissil jew ħnieżer tat-tnissil ibridi ta’ kwalità ġenetika għolja reġistrata.

[…]

(20)      Il-programmi ta’ tnissil fuq annimali ta’ razza pura għat-tnissil jitwettqu bl-għan ġenerali li jitjiebu, b’mod sostenibbli l-karatteristiċi, tal-produzzjoni u tan-nonproduzzjoni tal-annimali ta’ razza jew biex tiġi preservata razza. Dawk il-programmi ta’ tnissil għandhom ikopru numru kbir biżżejjed ta’ annimali ta’ razza pura għat-tnissil miżmuma minn nissiela li, permezz tat-tnisssil u tal-għażla jippromwovu u jiżviluppaw karatteristiċi mixtieqa f’dawk l-annimali jew jiggarantixxu l-preservazzjoni tar-razza, skont l-objettivi li huma aċċettati komunement min-nissiela parteċipanti. […] It-tnissil tal-annimali (annimali ta’ razza pura jew ibridi) li jieħdu sehem fi programm ta’ tnissil jiddaħħlu fi ktieb jew reġistru tat-tnissil, inkluż informazzjoni dwar l-axxendenti tagħhom, u, skont l-objettivi tat-tnissil stabbiliti fil-programm ta’ tnissil, isirilhom kontroll tal-prestazzjoni jew kwalunkwe evalwazzjoni oħra li jirriżulta fir-reġistrar tad-data dwar il-karatteristiċi b’rabta mal-objettivi ta’ dak il-programm ta’ tnissil. […]

(21)      Id-dritt ta’ rikonoxximent bħala soċjetà tat-tnissil jew entità tat-tnissil li tissodisfa l-kriterji stabbiliti għandu jkun prinċipju fundamentali tal-liġi tal-Unjoni dwar it-tnissil ta’ annimali u tas-suq intern. Il-protezzjoni tal-attività ekonomika ta’ soċjetà tat-tnissil eżistenti rikonoxxuta m’għandhiex tiġġustifika r-rifjut min-naħa tal-awtorità kompetenti li tirrikonoxxi soċjetà tat-tnissil oħra għall-istess razza jew il-ksur tal-prinċipji li jirregolaw is-suq intern. L-istess jgħodd għall-approvazzjoni ta’ programm ta’ tnissil ieħor, jew għall-approvazzjoni tal-estensjoni ġeografika ta’ programm eżistenti ta’ tnissil, li jitwettaq fuq l-istess razza jewfuq annimali għat-tnissil tal-istess razza li jistgħu jintgħażlu minn fost il-popolazzjoni tat-tnissil tas-soċjetà tat-tnissil li diġà qed twettaq programm ta’ tnissil għaldik r-razza. Madankollu, meta fi Stat Membru soċjetà tat-tnissil rikonoxxuta, waħda jew iktar diġà qed twettaq programm ta’ tnissil approvat għal razza speċifika, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha, f’ċerti każijiet speċifiċi, titħalla tirrifjuta milli tapprova programm ta’ tnissil ieħor għall-istess razza, anke jekk dak il-programm ta’ tnissil jissodisfa r-rekwiżiti kollha meħtieġa għall-approvazzjoni. Raġuni waħda għar-rifjut tista’ tkun li l-approvazzjoni ta’ programm ta’ tnissil ieħor għall-istess razza jikkomprometti l-preservazzjoni ta’ dik ir-razza jew id-diversità ġenetika fi ħdan dik ir-razza f’dak l-Istat Membru. B’mod partikolari, il-preservazzjoni ta’ dik ir-razza tista’ tiġi kompromessa bħala riżultat tal-frammentazzjoni tal-popolazzjoni tat-tnissil li possibilment twassal għal livell ogħla ta’ tnissil bejn annimali tal-istess demm, għal żieda fl-inċidenza ta’ difetti ġenetiċi osservati, għal telf fil-potenzjal tal-għażla jew aċċess imnaqqas tan-nissiela għal annimali ta’ razza pura għat-tnissil jew għall-prodotti ġerminali tagħhom. Raġuni oħra għar-rifjut tista’ tkun marbuta mal-inkonsistenzi fil-karatteristiċi definiti tar-razza jew fl-objettivi prinċipali ta’ dawk il-programmi ta’ tnissil. Fil-fatt, indipendentement mill-għan tal-programm ta’ tnissil, jiġifieri l-preservazzjoni tar-razza jew it-titjib tar-razza, l-awtorità kompetenti għandha tkun tista’ tirrifjuta l-approvazzjoni ta’ programm ta’ tnissil ieħor għall-istess razza meta d-differenzi bejn l-objettivi ewlenin taż-żewġ programmi ta’ tnissil jew bejn l-elementi essenzjali tal-karatteristiċi tar-razza definiti f’dawk il-programmi ta’ tnissil, jistgħu jirriżultaw f’telf ta’ effiċjenza f’termini ta’ progress ġenetiku għal dawk l-objettivi jew dawk il-karatteristiċi jew kwalunkwe karatteristiċi korrelatati, jew meta skambju ta’ annimali bejn iż-żewġ popolazzjonijiet ta’ tnissil ikollu riskju ta’ għażla jew ta’ tnissil żejda ta’ dawk il-karatteristiċi essenzjali għall-popolazzjoni inizjali ta’ tnissil. Fl-aħħar nett, fil-każ ta’ razza fil-periklu jew razza awtoktona li mhux komuni li tinstab f’territorju wieħed jew aktar tal-Unjoni, awtorità kompetenti għandha wkoll titħalla tirrifjuta l-approvazzjoni ta’ programm ta’ tnissil ieħor għall-istess razza għar-raġuni li dak il-programm ta’ tnissil ieħor jista’ jostakola l-implimentazzjoni effettiva tal-programm ta’ tnissil eżistenti, b’mod partikolari minħabba nuqqas ta’ koordinazzjon, u skambju ta’ informazzjoni ġenealoġika u żooteknika li jirriżultaw f’nuqqas ta’ benefiċċji minn evalwazzjoni komuni tad-data miġbura dwar dik ir-razza. F’każ ta’ rifjut tal-approvazzjoni ta’ programm ta’ tnissil, l-awtorità kompetenti għandha dejjem tipprovdi spjegazzjoni raġunata lill-applikanti u tagħtihom id-dritt li jappellaw kontra dak ir-rifjut.

[…]

(24)      L-assoċjazzjonijiet tan-nissiela, l-organizzazzjonijiet tat-tnissil, inklużi l-organizzazzjonijiet tat-tnissil li huma mpriżi privati, jew il-korpi pubbliċi, għandhom jiġu rikonoxxuti biss bħala soċjetajiet tat-tnissil meta jkollhom nissiela li jieħdu sehem fil-programmi ta’ tnissil tagħhom u meta huma jiżguraw li dawk in-nissiela jkollhom il-libertà fl-għażla u fit-tnissil tal-annimali ta’ razza pura għat-tnissil tagħhom, id-dritt li jiddaħħlu frieħ li jitnisslu minn dawk l-annimali fil-kotba tat-tnissil tagħhom u l-possibilità ta’ sjieda ta’ dawk l-annimali.

[…]

(31)      Il-kooperazzjoni transkonfinali bejn is-soċjetajiet tat-tnissil u bejn l-entitajiet tat-tnissil li jkunu jixtiequ jidħlu fiha għandha tiġi ffaċilitata, filwaqt li tiġi żgurata l-intraprenditorija libera u l-eliminazzjoni ta’ ostakoli għall-moviment liberu tal-annimali għat-tnissil u l-prodotti ġerminali tagħhom.

(32)      Billi awtorità kompetenti jista’ jkollha tapprova diversi programmi ta’ tnissil li jitwettqu minn soċjetà tat-tnissil jew entità tat-tnissil rikonoxxuta minnha u billi awtorità kompetenti jista’ jkollha tapprova l-estensjoni fit-territorji tagħha ta’ programmi ta’ tnissil li jitwettqu minn soċjetà tat-tnissil jew entità tat-tnissil rikonoxxuti fi Stat Membru ieħor, ir-rikonoxximent tas-soċjetà tat-tnissil jew tal-entità tat-tnissil għandu jkun separat mill-approvazzjoni tal-programmi ta’ tnissil tagħha. Madankollu, meta tevalwa applikazzjoni għar-rikonoxximent bħala soċjetà tat-tnissil jew entità tat-tnissil, l-awtorità kompetenti għandha wkoll tingħata applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ mill-inqas programm ta’ tnissil wieħed.

[…]

(34)      Huwa meħtieġ li tkun iċċarata r-relazzjoni bejn nissiela u soċjetajiet tat-tnissil b’mod partikolari biex ikun żgurat id-dritt tagħhom li jieħdu sehem fil-programm ta’ tnissil fit-territorju ġeografiku li jkunu ġew approvati għaliha u, meta tkun prevista s-sħubija, li jkun żgurat li dawk in-nissiela għandhom id-dritt li jkunu membri. Is-soċjetajiet tat-tnissil għandu jkollhom regoli fis-seħħ biex jiġi riżolt it-tilwim ma’ nissiela li jieħdu sehem fi programm ta’ tnissil tagħhom u biex jiżguraw li dawk in-nissiela jkunu ttrattati b’mod ugwali. Huma għandhom ukoll jistabbilixxu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom stess kif ukoll dawk tan-nissiela li jieħdu sehem fil-programmi ta’ tnissil tagħhom.”

4        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett u Ambitu”, jiddisponi, fil-paragrafu 1(b) tiegħu:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi:

[…]

(b)      regoli għar-rikonoxximent ta’ soċjetajiet tat-tnissil u entitajiet tat-tnissil u għall-approvazzjoni tal-programmi ta’ tnissil tagħhom”.

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-punti 5, 8, 9, 12 u 26 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(5)      ‘soċjetà tat-tnissil’ tfisser kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ nissiela, organizzazzjoni tat-tnissil jew korp pubbliku, minbarra l-awtoritajiet kompetenti, li jkunu rikonoxxuti mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 4(3) biex iwettqu programm ta’ tnissil fuq annimali ta’ razza pura għat-tnissil imdaħħlin fil-ktieb/kotba tat-tnissil li huma jżommu jew jistabbilixxu;

[…]

(8)      ‘awtoritajiet kompetenti’ tfisser l-awtoritajiet ta’ Stat Membru li huma responsabbliskont dan ir-Regolament, għal:

(a)      ir-rikonoxximent ta’ soċjetajiet tat-tnissil u entitajiet tat-tnissil u l-approvazzjoni tal-programmi ta’ tnissil li huma jwettqu fuq annimali għat-tnissil;

[…]

(9)      ‘annimal ta’ razza pura għat-tnissil’ tfisser annimal li jkun imdaħħal jew reġistrat u eliġibbli għal dħul fit-taqsima ewlenija ta’ ktieb tat-tnissil;

[…]

(12)      ‘ktieb tat-tnissil’ tfisser:

(a)      kull ktieb tal-merħla u kull reġistru għaż-żwiemel tar-razza, fajl jew midjum ta’ data li jinżamm minn soċjetà tat-tnissil li jikkonsisti fit-taqsima ewlenija u, fejn is-soċjetà tat-tnissil tiddeċiedi hekk, taqsima supplimentari waħda jew aktar għal annimali tal-istess speċi li ma jkunux eliġibbli għal dħul fit-taqsima ewlenija;

[…]

(26)      ‘programm ta’ tnissil’ tfisser sett ta’ azzjonijiet sistematiċi, inkluż ir-reġistrar, l-għażla, it-tnissil u l-iskambju ta’ annimali għat-tnissil u tal-prodotti ġerminali tagħhom, imfassla u implimentati biex jippreservaw jew itejbu l-karatteristiċi fenotipiċi u/jew ġenotipiċi mixtieqa fil-popolazzjoni tat-tnissil fil-mira.”

6        Il-Kapitolu II tal-istess regolament, intitolat “Ir-rikonoxximent ta’ soċjetajiet tat-tnissil u entitajiet tat-tnissil fl-Istati Membri u l-approvazzjoni tal-programmi ta’ tnissil”, jinkludi l-Artikoli 4 sa 12.

7        L-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/1012, intitolat “Ir-rikonoxximent ta’ soċjetajiet tat-tnissil u entitajiet tat-tnissil”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fir-rigward ta’ annimali għat-tnissil ta’ razza pura, assoċjazzjonijiet tan-nissiela, organizzazzjonijiet jew korpi pubbliċi tat-tnissil jistgħu japplikaw lill-awtoritajiet kompetenti għar-rikonoxximent bħala soċjetà tat-tnissil.

[…]

3.      L-awtoritajiet kompetenti għandhom jevalwaw l-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1. Huma għandhom jirrikonoxxu bħala soċjetà tat-tnissil kwalunkwe applikant imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, u bħala entità tat-tnissil kwalunkwe applikant msemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 li jikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)      ikollu l-uffiċċju ewlieni tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru fejn tkun tinsab l-awtorità kompetenti;

(b)      juri fl-applikazzjoni tiegħu li huwa jkunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Parti 1 tal-Anness I għall-programmi ta’ tnissil tagħhom fir-rigward ta’ liema jkun biħsiebu japplika għal approvazzjoni skont l-Artikolu 8(3) […];

(c)      l-applikazzjoni tagħhom ikun fiha, fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawk il-programmi ta’ tnissil ippjanati, abbozz tal-programm ta’ tnissil li għandu jinkludi t-tagħrif stipulat fil-Parti 2 tal-Anness I […];

(d)      meta jressaq l-applikazzjoni tiegħu imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, huwa jressaq applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ mill-inqas wieħed minn dawk il-programmi ta’ tnissil ippjanati skont l-Artikolu 8(2).”

8        Skont l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Approvazzjoni ta’ programmi ta’ tnissil imwettqin minn soċjetajiet tat-tnissil u entitajiet tat-tnissil”:

“1.      Soċjetà tat-tnissil jew entità tat-tnissil għandha tressaq l-applikazzjonijiet tagħha għall- approvazzjoni tal-programm ta’ tnissil tagħha lill-awtorità kompetenti li tkun irrikonoxxiet lil dik is-soċjetà tat-tnissil jew entità tat-tnissil f’konformita’ mal-Artikolu 4(3).

[…]

3.      L-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandha tevalwa dawn il-programmi ta’ tnissil u tapprovahom, bil-kundizzjoni li:

(a)      jinkludu wieħed jew aktar mill-għanijiet li ġejjin:

(i)      fil-każ ta’ annimali ta’ razza pura għat-tnissil:

–        it-titjib tar-razza;

–        il-preservazzjoni tar-razza;

–        […]

[…]

(b)      jiddeskrivu fid-dettall l-objettivi ta’ għażla u trobbija;

(c)      jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Parti 2 tal-Anness I […]

[…]

5.      Meta, għal mill-anqas 24 xahar, ma jkunx hemm nissiela li jkollhom stabbilimenti bl-annimali għat-tnissil, li jinsabu f’parti partikolari tat-territorju ġeografiku li qegħdin jieħdu sehem fi programm ta’ tnissil approvat skont il-paragrafu 3, l-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 tista’ teħtieġ li s-soċjetà tat-tnissil jew l-entità tat-tnissil ikkonċernati jaġġustaw t-territorju ġeografiku tal-programm ta’ tnissil tagħhom sabiex ma jinkludix dik il-parti partikolari.”

9        L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, intitolat “Derogi għall-Artikolu 8(3) dwar l-approvazzjoni ta’ programmi ta’ tnissil”, jiddisponi:

“1.      B’deroga mill-Artikolu 8(3), l-awtorità kompetenti li tkun irrikonoxxiet soċjetà tat- tnissil skont l-Artikolu 4(3) tista’ tirrifjuta li tapprova programm ta’ tnissil ta’ dik is-soċjetà tat-tnissil li jkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Parti 2 tal-Anness I, […], għar-raġuni li dak il-programm ta’ tnissil jikkomprometti programm ta’ tnissil imwettaq minn soċjetà tat-tnissil oħra għall-istess razza li diġà ġie approvat minn dak l-Istat Membru f’dak li jirrigwarda mill-inqas waħda minn dawn li ġejjin:

(a)      l-elementi essenzjali tal-karatteristiċi tat-tnissil jew l-objettivi ewlenin ta’ dak il-programm ta’ tnissil;

(b)      il-preservazzjoni ta’ dik ir-razza jew tad-diversità ġenetika fi ħdan dik ir-razza; jew

(c)      meta l-għan ta’ dak il-programm ta’ tnissil tkun il-preservazzjoni ta’ dik ir-razza, l-implimentazzjoni effettiva tal-programm ta’ tnissil:

(i)      fil-każ ta’ razza fil-periklu; jew

(ii)      fil-każ ta’ razez awtoktoni li mhux komuni li jinstabu f’wieħed jew aktar mit-territorji tal-Unjoni.

2.      Għall-fini tal-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha tqis kif imiss il-kriterji li ġejjin:

(a)      l-għadd ta’ programmi ta’ tnissil diġà approvati għal dik ir-razza f’dak l-Istat Membru;

(b)      id-daqs tal-popolazzjoni għat-tnissil koperti minn dawk il-programmi ta’ tnissil;

(c)      l-input ġenetiku possibbli minn programmi ta’ tnissil imwettqa minn soċjetajiet tat-tnissil oħra għall-istess razza fi Stati Membri oħra jew minn korpi tat-tnissil f’pajjiżi terzi.”

10      L-Artikolu 13 tal-istess regolament, intitolat “Id-drittijiet tan-nissiela li jipparetċipaw fi programmi ta’ tnissil approvati skont l-Artikolu 8(3) […]”, jipprovdi:

“1.      In-nissiela għandu jkollhom id-dritt li jieħdu sehem fi programm ta’ tnissil approvat skont l-Artikolu 8(3), […] sakemm:

(a)      l-annimali għat-tnissil tagħhom jinsabu fit-territorju ġeografiku ta’ dak il-programm ta’ tnissil;

(b)      l-annimali għat-tnissil tagħhom jappartjenu, fil-każ ta’ annimali ta’ razza pura għat-tnissil, għal dik ir-razza, jew fil-każ ta’ ħnieżer tat-tnissil ibridi, għar-razza, linja jew inkroċju, koperti minn dak il-programm ta’ tnissil.

2.      In-nissiela li jieħdu sehem fi programm ta’ tnissil approvat skont l-Artikolu 8(3) […] għandu jkollhom id-dritt:

(a)      li l-annimali ta’ razza pura għat-tnissil tagħhom jiddaħħlu fit-taqsima ewlenija tal-ktieb tat-tnissil stabbilit għar-razza mis-soċjetà tat-tnissil skont l-Artikoli 18 u 20;

[…]

3.      Minbarra d-drittijiet stipulati fil-paragrafi 1 u 2, meta r-regoli tas-soċjetà jew entità tat-tnissil jipprovdu għal sħubija, in-nissiela msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkollhom ukoll id-dritt:

(a)      li jkunu membri ta’ dik is-soċjetà tat-tnissil jew entità tat-tnissil;

(b)      li jipparteċipaw fid-definizzjoni u l-iżvilupp tal-programm ta’ tnissil skont ir-regoli ta’ proċedura msemmija fil-Punt B(1)(b) tal-Parti 1 tal-Anness I.”

11      L-Artikolu 18(2) tar-Regolament 2016/1012 jipprevedi:

“Is-soċjetajiet tat-tnissil m’għandhomx jirrifjutaw id-dħul fit-taqsima ewlenija tal-kotba tat-tnissil tagħhom ta’ annimal ta’ razza pura tat-tnissil minħabba li jkun diġà mdaħħal fit-taqsima ewlenija ta’ ktieb tat-tnissil tal-istess razza […]”

12      L-Anness I ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ir-rikonoxximent ta’ soċjetajiet tat-tnissil u entitajiet tat-tnissil u l-approvazzjoni ta’ programmi ta’ tnissil imsemmija fil-Kapitolu II”, jinkludi tliet partijiet.

13      Il-Parti 1 ta’ dan l-anness, intitolata “Rekwiżiti għar-rikonoxximent ta’ soċjetajiet tat-tnissil u ta’ entitajiet tat-tnissil kif imsemmi fl-Artikolu 4(3)(b)”, tipprevedi:

“A.      Assoċjazzjonijiet tan-nissiela, organizzazzjonijiet tat-tnissil, azjendi privati li joperaw f’sistemi ta’ produzzjoni magħluqa u entitajiet pubbliċi għandu:

[…]

4.      jkollhom, fir-rigward ta’ kull programm ta’ tnissil għadd kbir biżżejjed ta’ annimali għat-tnissil fit-territorji ġeografiċi li għandhom jiġu koperti mill-programmi ta’ tnissil;

[…]

B.      Barra mir-rekwiżiti msemmija fil-punt A:

1.      l-assoċjazzjonijiet tan-nissiela, l-organizzazzjonijiet tat-tnissil u l-entitajiet pubbliċi

(a)      għandu jkollhom numru biżżejjed ta’ nissiela li jipparteċipaw f’kull wieħed mill-programmi ta’ tnissil tagħhom;

(b)      għandhom ikunu adottaw regoli ta’ proċedura:

(i)      biex tiġi regolata s-soluzzjoni għat-tilwim ma’ nissiela li jieħdu sehem fi programmi ta’ tnissil tagħhom;

(ii)      biex ikun żgurat it-trattament ugwali tan-nissiela li jipparteċipaw fil-programmi ta’ tnissil tagħhom;

(iii)      li jistipulaw id-drittijiet u l-obbligi tan-nissiela parteċipanti fil-programmi ta’ tnissil u tas-soċjetà tat-tnissil jew tal-entità tat-tnissil;

(iv)      li jistipulaw d-drittijiet u l-obbligi ta’ nissiela membri fejn is-sħubija tan-nissiela hija prevista;

2.      xejn fir-regoli ta’ proċedura msemmija fil-punt 1(b) m’għandu jipprevjeni lin-nissiela milli jipparteċipaw fil-programmi ta’ tnissil li:

(a)      jeżerċitaw il-liberta’ tal-għażla fl-għażla u fit-tnissil tal-annimali għat-tnissil tagħhom;

[…]”

14      Skont il-Parti 2 tal-imsemmi anness, intitolata “Rekwiżiti għall-approvazzjoni ta’ programmi ta’ tnissil imwettqin minn soċjetajiet tat-tnissil u entitajiet tat-tnissil kif imsemmi fl-Artikoli 8(3) […]”:

“1.      Il-programm tat-tnissil imsemmi fl-Artikolu 8(3) […] għandu jinkludi:

(a)      informazzjoni dwar l-għan tiegħu, li għandha tkun il-preservazzjoni tar-razza, it-titjib tar-razza, il-linja jew l-inkroċju, il-ħolqien ta’ razza, linja jew inkroċju ġodda, jew ir-rikostruzzjoni ta’ razza, jew taħlita ta’ dawn;

[…]

2.      Il-programm ta’ tnissil għandu jkopri kampjun kbir biżżejjed ta’ annimali għat-tnissil u għadd biżżejjed ta’ nissiela fi ħdan it-territorju ġeografiku fejn dan jitwettaq jew fejn hu previst li jitwettaq.”

 Iddritt Rumen

15      Il-Legea zootehniei nr.°32/2019 (il-Liġi dwar it-Trobbija Nru 32/2019) tas‑16 ta’ Jannar 2019 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 53 tal‑21 ta’ Jannar 2019), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, tipprevedi, fl-Artikolu 7 tagħha:

“Is-soċjetajiet tat-tnissil/operazzjonijiet tat-tnissil u l-assoċjazzjonijiet/organizzazzjonijiet ta’ dawk li jrabbu l-annimali huma akkredikati mill-Ministeru għall-Agrikoltura u għall-Iżvilupp Rurali, permezz tal-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam taż-żooteknika, bħala msieħba fit-tfassil tal-politiki, tal-istrateġiji, tal-programmi tat-trobbija u tal-politiki fil-qasam tal-prodotti.”

16      Skont l-Artikolu 21 ta’ din il-liġi:

“L-organizzazzjoni u l-iżvolġiment tal-attività tat-tnissil u tat-tgħammir tal-annimali għandhom isiru skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u dik nazzjonali.”

17      L-Artikolu 24 tal-imsemmija liġi jiddisponi:

“1.      L-akkreditazzjoni tas-soċjetajiet tat-tnissil, tal-operazzjonijiet tat-tnissil u l-approvazzjoni tal-programmi tat-tnissil għandhom isiru mill-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam taż-żooteknika, f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

2.      L-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam taż-żooteknika għandha tevalwa u tapprova l-programmi tat-tnissil ippreżentati minn soċjetà tat-tnissil/operazzjonijiet tat-tnissil biss sakemm:

(a)      jinkludu wieħed jew iktar mill-għanijiet li ġejjin:

1.      it-titjib tar-razza, tal-linja jew tal-inkroċjar tar-razez;

2.      il-preżervazzjoni tar-razza/linja;

[…]

3.      L-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam taż-żooteknika li tkun akkrediat operazzjoni tat-tnissil tista’ tirrifjuta li tapprova programm tat-tnissil għar-raġuni li l-imsemmi programm tat-tnissil jikkomprometti programm tat-tnissil imwettaq minn operazzjoni oħra tat-tnissil għall-istess razza u li diġà ġie approvat, fir-rigward ta’ mill-inqas wieħed minn dawn l-elementi li ġejjin:

(a)      l-elementi essenzjali tal-karatteristiċi tar-razza jew l-għanijiet ewlenin tal-imsemmi programm tat-tnissil;

(b)      il-preżervazzjoni tar-razza jew tad-diversità ġenetika fi ħdan din ir-razza;

(c)      fil-każ ta’ razza fil-perikolu jew fil-każ ta’ razza indiġena li ma hijiex komuni.

4.      Għall-finijiet tal-paragrafu 3, l-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam taż-żooteknika għandha tqis kif xieraq il-kriterji li ġejjin:

(a)      in-numru ta’ programmi tat-tnissil diġà approvati għar-razza kkonċernata;

(b)      id-daqs tal-popolazzjonijiet għat-tnissil ikkonċernati minn dawn il-programmi tat-tnissil.”

18      L-Hotărârea Guvernului nr. 1188/2014 privind organizarea și funcționarea Agenției Naționale pentru Zootehnie “Prof. dr. G. K. Constantinescu” (id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 1188/2014 dwar l-Organizzazzjoni u l-Funzjonament tal-Aġenzija Nazzjonali għaż-Żooteknika “Prof. dr. G. K. Constantinescu”) tad‑29 ta’ Diċembru 2014 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 21 tat‑12 ta’ Jannar 2015), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, kienet tipprevedi, fl-Artikolu 1(1) tagħha:

“L-[Aġenzija għaż-Żooteknika], maħluqa skont l-Artikolu 8 tal-[Legea nr.°139/2014 privind unele măsuri pentru reorganizarea Ministerului agriculturii și Dezvoltării Rurale, precum și a unor structuri aflate în subea acestuia (il-Liġi Nru 139/2014 dwar Ċerti Miżuri ta’ Riorganizzazzjoni tal-Ministeru għall-Agrikoltura u għall-Iżvilupp Rurali, kif ukoll ta’ Ċerti Strutturi li Huma Subordinati Għalih) tal‑15 ta’ Ottubru 2014 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 758 tal‑20 ta’ Ottubru 2014), kif emendata sussegwentement, hija korp speċjalizzat tal-amministrazzjoni pubblika ċentrali, b’personalità ġuridika, iffinanzjata kollha kemm hi mill-baġit tal-Istat, suġġetta għall-Ministeru għal-Agrikoltura u għall-Iżvilupp Rurali.”

19      L-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni tal-gvern kien jiddisponi, fil-punti (a) u (i):

“Skont il-qasam tal-attività tagħha, fil-kundizzjonijiet previsti mil-liġi, l-[Aġenzija għaż-Żooteknika]:

(a)      għandha takkredita s-soċjetajiet tat-tnissil u l-istabbilimenti tat-tnissil għall-finijiet tat-twettiq ta’ programm tat-tnissil b’annimali għat-tnissil ta’ razza pura rreġistrati fil-ktieb ġenealoġiku jew fil-kotba ġenealoġiċi jew f’programm tat-tnissil bil-ħnieżer ibridi għat-tnissil irreġistrati fir-reġistru ġenealoġiku jew fir-reġistri ġenealoġiċi ġestiti jew stabbiliti minnha;

[…]

(i)      għandha tapprova l-programmi tat-tnissil bl-annimali għat-tnissil implimentati minn soċjetajiet tat-tnissil u stabbilimenti tat-tnissil akkreditati”.

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

20      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Novembru 2020, l-Aġenzija għaż-Żooteknika tat lill-GT l-akkreditazzjoni bħala soċjetà tat-tnissil, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2016/1012, bl-għan li twettaq programm tat-tnissil b’annimali għat-tnissil tar-razza pura ta’ bhejjem tal-ifrat “Bălțată Românească” (iktar ’il quddiem il-“programm tat-tnissil tal-GT”). Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Diċembru 2020 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien mad-deċiżjoni tal‑24 ta’ Novembru 2020, id-“deċiżjonijiet inkwistjoni”), din l-aġenzija approvat dan il-programm.

21      L-Assoċjazzjoni BR, fil-kwalità tagħha bħala soċjetà tat-tnissil akkreditata mill-Aġenzija għaż-Żooteknika, li l-programm tagħha tat-tnissil għall-istess razza ta’ bhejjem tal-ifrat “Bălțată Românească”, li kien ġie approvat fl‑2011, kien għadu għaddej, ippreżentat rikors kontra d-deċiżjonijiet inkwistjoni quddiem il-Curtea de Apel Braşov (il-Qorti tal-Appell ta’ Braşov, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju.

22      Insostenn tar-rikors tagħha, din l-assoċjazzjoni sostniet, essenzjalment, li l-programm tat-tnissil tal-GT li kien jirrigwarda l-istess razza ta’ annimali għat-tnissil, l-istess żona ġeografika, jiġifieri, it-territorju tar-Rumanija, u li kien isegwi l-istess għan intiż għat-titjib tar-razza kkonċernata bħall-programm tat-tnissil tagħha seta’ jikkomprometti dan il-programm tal-aħħar sa fejn l-approvazzjoni tiegħu kienet twassal għall-irtirar ta’ numru kbir ta’ persuni li jrabbu l-annimali mill-programm tat-tnissil tal-imsemmija assoċjazzjoni u kkawżat dannu finanzjarju kbir.

23      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża qabel kollox li, f’dan il-każ, skont il-konklużjoni ta’ rapport ta’ espert maħruġ mis-servizz intern tal-Aġenzija għaż-Żooteknika, “il-programm tat-tnissil [tal-GT] jikkomprometti l-programm tat-tnissil tal-[Assoċjazzjoni BR], minħabba l-frammentazzjoni tal-popolazzjoni li hija s-suġġett tat-tnissil, li, iktar ma tkun żgħira, iktar twassal għad-dehra tal-konsangwinità, li għandha l-effett li tnaqqas il-progress ġenetiku; li ż-żewġ programmi ma humiex identiċi, li fil-biċċa l-kbira huma mwettqa fl-istess żona ġeografika tar-Rumanija u li hemm trikkib, iżda li l-eżistenza ta’ programm wieħed ta’ trobbija għall-istess razza hija iktar effettiva mill-koeżistenza ta’ diversi programmi ta’ dan it-tip”.

24      Hija tirrileva wkoll li talba intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet inkwistjoni tressqet mill-Assoċjazzjoni BR quddiem l-Awla tal-Kwistjonijiet Amministrattivi u Fiskali ta’ din il-qorti u li din it-talba ġiet miċħuda, permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Ġunju 2021, għar-raġuni li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ din l-assoċjazzjoni, minn naħa, il-proċeduri għall-akkreditazzjoni ta’ soċjetà tat-tnissil u għall-approvazzjoni tal-programm(i) tat-tnissil tiegħu ma jitwettqux b’mod konkomitanti, peress li t-tieni waħda minn dawn il-proċeduri trid issir, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament 2016/1012, wara l-ewwel waħda, u, min-naħa l-oħra, il-programm tat-tnissil tal-GT kien debitament issodisfa r-rekwiżit, previst fil-punt A(4) tal-Parti 1 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, dwar l-eżistenza ta’ numru suffiċjentement kbir ta’ annimali għat-tnissil fiż-żona ġeografika koperta minn dan il-programm, li, f’dan il-każ, ikun stabbilit mill-fatt li l-GT kienet ikkomunikat lill-Aġenzija għaż-Żooteknika lista ta’ annimali li dawk il-persuni rispettivi li jrabbuhom kienu talbu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-programm tat-tnissil tagħha. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-appell ippreżentat mill-imsemmija assoċjazzjoni kontra dik id-deċiżjoni quddiem l-Înalta Curte de Casație şi Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija) ġie miċħud minn din tal-aħħar permezz ta’ sentenza tal‑5 ta’ April 2022.

25      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, f’kawża simili għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Awla tal-Kwistjonijiet Amministrattivi u Fiskali ta’ dik il-qorti adottat approċċ oppost, billi laqgħet it-talbiet li permezz tagħhom l-istess assoċjazzjoni kkontestat l-akkreditazzjoni mogħtija lil assoċjazzjoni oħra ta’ persuni li jrabbu l-bhejjem tal-ifrat bħala soċjetà tat-tnissil, kif ukoll l-approvazzjoni tal-programm tat-tnissil ta’ din tal-aħħar. Appell quddiem l-Înalta Curte de Casație şi Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) huwa attwalment pendenti f’din il-kawża.

26      Fid-dawl tal-elementi preċedenti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, dwar il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-akkreditazzjoni tas-soċjetajiet tat-tnissil. Hija tistaqsi, b’mod partikolari, jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament 2016/1012, moqrija fid-dawl tal-premessa 21 u tal-punt A(4) tal-Parti 1 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li entità tista’ tiġi akkreditata bħala soċjetà tat-tnissil jekk, fil-mument tat-talba għall-akkreditazzjoni, hija ssegwi biss il-proġett li tinkludi fil-programm tat-tnissil tagħha, bl-iffirmar ta’ applikazzjonijiet jew ta’ impenji għal dan l-għan, il-persuni li jrabbu l-annimali li diġà jipparteċipaw fi programm tat-tnissil ieħor approvat, imwettaq minn soċjetà oħra tat-tnissil, jew fis-sens li l-akkreditazzjoni tista’ tinkiseb biss jekk dawn il-persuni li jrabbu l-annimali effettivament jagħmlu parti mill-“portafoll” tal-entità li titlob l-akkreditazzjoni fid-data tat-talba għall-akkreditazzjoni.

27      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-approvazzjoni tal-programmi tat-tnissil. F’dan ir-rigward, billi tibbaża ruħha fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tar-Regolament 2016/1012, moqrija fid-dawl tal-premessa 24 u tal-punt B(2)(a) tal-Parti 1 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, hija tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk il-persuni li jrabbu l-annimali ta’ razza pura humiex liberi li jagħżlu li jitilqu minn programm tat-tnissil diġà approvat sabiex jipparteċipaw fi programm tat-tnissil ieħor li qiegħed fil-proċess ta’ approvazzjoni. Fil-każ fejn teżisti din il-libertà, ikun hemm lok li jiġi ddeterminat sa fejn din tista’ tkun possibbilment limitata min-neċessità, prevista fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament 2016/1012, moqri fid-dawl tal-premessa 21 ta’ dan ir-regolament, li ma jiġix kompromess programm tat-tnissil li jkun diġà għaddej.

28      Fit-tieni lok, dik il-qorti tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-espressjoni “tista’ tirrifjuta”, użata f’dan l-Artikolu 10(1). Hija tistaqsi, b’mod partikolari, jekk din l-espressjoni tagħtix x’jifhem li l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha ċertu marġni ta’ evalwazzjoni għall-finijiet tal-approvazzjoni tal-programmi tat-tnissil, jew jekk din l-awtorità hijiex obbligata tirrifjuta li tapprova programm tat-tnissil ġdid jekk dan jista’ jikkomprometti programm li diġà jeżisti.

29      Fit-tielet u fl-aħħar lok, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar il-possibbiltà tal-koeżistenza ta’ diversi programmi tat-tnissil għall-istess razza ta’ annimali għat-tnissil u għall-istess żona ġeografika, u li jsegwu għanijiet simili, intiżi għat-titjib tar-razza kkonċernata.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Brașov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament [2016/1012], ikkunsidrat flimkien mal-punt A(4) tal-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament 2016/1012 u mal-premessa 24 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li soċjetà tat-tnissil tista’ tiġi rrikonoxxuta anki jekk għandha biss l-għan li tattira, billi tiffirma applikazzjonijiet jew impenji f’dan ir-rigward, nissiela li huma diġà rreġistrati fi programm ieħor tat-tnissil approvat minn soċjetà oħra jew huwa meħtieġ li, fid-data li fiha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għar-rikonoxximent, dawk in-nissiela jkunu effettivament parti mill-portafoll tas-soċjetà li tapplika għar-rikonoxximent?

2)      L-Artikolu 13 kif ukoll il-punt B(2)(a) tal-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament 2016/1012, ikkunsidrati flimkien mal-premessa 24 ta’ dan ir-regolament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li n-nissiela huma rrikonoxxuti b’libertà ta’ għażla bejn programmi ta’ titjib tar-razza li fihom jirreġistraw l-annimali ta’ razza pura għat-tnissil tagħhom, u, fl-affermattiv, din il-libertà tista’ tkun limitata mill-ħtieġa li ma jiġix affettwat jew kompromess programm tat-tnissil li fih dawn in-nissiela diġà jkunu qed jipparteċipaw billi jittrasferixxu jew iwegħdu li jittrasferixxu għal programm tat-tnissil ieħor li għandu jkun approvat?

3)      L-Artikolu 10(1) tar-Regolament 2016/1012 ikkunsidrat flimkien mal-premessa 21 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ li tinstab l-eżistenza ta’ wieħed mill-każijiet previsti fl-Artikolu 10(1)(a) sa (c), l-awtorità kompetenti li rrikonoxxiet is-soċjetà tat-tnissil hija obbligata li tirrifjuta l-approvazzjoni tal-programm tat-tnissil li jirriskja li jikkomprometti programm ieħor bħal dan taħt dawk l-aspetti jew l-użu tal-espressjoni ‘[…] tista’ tirrifjuta […]’ tfisser li tagħti lill-awtorità marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward?

4)      L-Artikolu 8 u l-Artikolu 10 tar-Regolament 2016/1012, ikkunsidrati flimkien mal-premessa 21 tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li fis-sitwazzjoni fejn Stat Membru diġà qed iwettaq programm tat-tnissil bl-għan ewlieni li tittejjeb ir-razza, huwa permess li jiġi approvat programm ġdid tat-tnissil għall-istess razza, fl-istess Stat (għall-istess territorju ġeografiku), li għandu wkoll bħala l-għan ewlieni t-titjib tar-razza, li fih jistgħu jintgħażlu l-annimali għat-tnissil mill-programm tat-tnissil li diġà għaddej?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

31      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament 2016/1012, moqri flimkien mal-Parti 1 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament u fid-dawl tal-premessa 24 tal-imsemmi regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-għoti ta’ akkreditazzjoni bħala soċjetà tat-tnissil lil applikant li, sabiex jistabbilixxi li huwa għandu popolazzjoni ta’ annimali għat-tnissil suffiċjentement kbira u numru suffiċjentement għoli ta’ persuni li jrabbu l-annimali, jinvoka impenji ta’ parteċipazzjoni ffirmati minn persuni li jrabbu l-annimali li huma diġà rreġistrati fi programm tat-tnissil ma’ soċjetà tat-tnissil akkreditata oħra.

 Fuq lammissibbiltà

32      Il-Gvern Rumen isostni, prinċipalment, li l-ewwel domanda hija inammissibbli, għar-raġuni, essenzjalment, li risposta għal din id-domanda ma hijiex neċessarja sabiex tiġi riżolta t-tilwima fil-kawża prinċipali. Skont dan il-gvern, il-qorti tar-rinviju hija mitluba biss twettaq verifiki ta’ natura fattwali u għandha, barra minn hekk, l-informazzjoni rilevanti sabiex tevalwa l-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti mir-Regolament 2016/1012 fir-rigward tan-numru ta’ persuni li jrabbu l-annimali u ta’ annimali meħtieġa għall-akkreditazzjoni ta’ soċjetà tat-tnissil. Barra minn hekk, din id-domanda hija superfluwa meta mqabbla mat-tielet u mar-raba’ domanda preliminari.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex hija tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (sentenza tat‑18 ta’ April 2024, Girelli Alcool, C‑509/22, EU:C:2024:341, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑18 ta’ April 2024, Girelli Alcool, C‑509/22, EU:C:2024:341, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament 2016/1012 u hija intiża sabiex tiċċara r-rekwiżiti ta’ prova meħtieġa għall-finijiet tal-għoti ta’ akkreditazzjoni bħala soċjetà tat-tnissil.

36      F’dan ir-rigward, l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni tidher li għandha rabta mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, li tikkonċerna l-akkreditazzjoni tal-GT bħala soċjetà tat-tnissil skont dan ir-regolament. Id-domanda magħmula hija intiża preċiżament sabiex tiċċara r-rekwiżiti stabbiliti mill-imsemmi regolament. Barra minn hekk, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma jirriżulta li l-problema hija ta’ natura ipotetika. Minbarra dan, it-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tirrispondi għad-domanda magħmula. Fl-aħħar nett, il-fatt li din l-istess domanda hija superfluwa meta mqabbla ma’ domandi oħra magħmula fl-istess talba għal deċiżjoni preliminari huwa irrilevanti għall-ammissibbiltà tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-preżunzjoni ta’ rilevanza mfakkra fil-punt 34 ta’ din is-sentenza ma tistax tiġi kkontestata.

37      Minn dan isegwi li l-ewwel domanda hija ammissibbli.

 Fuq ilmertu

38      Għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll l-għanjiet u l-iskop li jfittex li jilħaq l-att li minnu hija tagħmel parti. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tiżvela elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, Inditex, C‑361/22, EU:C:2024:17, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2016/1012, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu l-akkreditazzjoni bħala soċjetà tat-tnissil lill-applikanti meta jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fil-punti (a) sa (d) ta’ din id-dispożizzjoni.

40      L-Artikolu 4(3)(b) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-applikazzjoni għal akkreditazzjoni għandha tipproduċi l-prova li l-applikant jissodisfa r-rekwiżiti previsti fil-Parti 1 tal-Anness I tal-imsemmi regolament, għall-programmi tat-tnissil li għalihom dan l-applikant għandu l-intenzjoni li jitlob l-approvazzjoni.

41      Skont il-punt A(4) tal-Parti 1 tal-Anness I tal-istess regolament, l-applikant għandu jkollu popolazzjoni ta’ annimali għat-tnissil suffiċjentement kbira fiż-żoni ġeografiċi li għandhom ikunu koperti minn kull programm tat-tnissil. Barra minn hekk, skont il-punt B(2)(a) tal-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament 2016/1012, l-applikant għandu jkollu numru suffiċjentement għoli ta’ persuni li jrabbu l-annimali li jipparteċipaw f’kull wieħed mill-programmi tat-tnissil tiegħu. Għandu jitfakkar, f’dan il-kuntest, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dawn ir-rekwiżiti humiex issodisfatti jew le f’kull każ partikolari.

42      Għaldaqstant, il-formulazzjoni tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2016/1012 ma tipprekludix li l-prova dwar id-disponibbiltà ta’ popolazzjoni tal-annimali għat-tnissil suffiċjentement kbira u ta’ numru suffiċjentement għoli ta’ persuni li jrabbu l-annimali hija bbażata fuq impenji ta’ parteċipazzjoni ffirmati minn persuni li jrabbu l-annimali li huma diġà rreġistrati fi programm tat-tnissil ma’ soċjetà tat-tnissil akkreditata oħra, u għalhekk ma jkunux aderixxew formalment bħala membri mas-soċjetà li qiegħda tressaq l-applikazzjoni.

43      Fir-rigward tal-kuntest li fih tidħol din id-dispożizzjoni, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 24 tar-Regolament 2016/1012, l-applikanti għandhom jiġu akkreditati biss bħala soċjetajiet tat-tnissil “meta jkollhom nissiela li jieħdu sehem fil-programmi ta’ tnissil tagħhom”. Madankollu, mill-Artikolu 8(5) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li huwa possibbli li jitwettaq programm tat-tnissil approvat mill-awtorità nazzjonali kompetenti għal mill-inqas 24 xahar mingħajr ma ebda annimal jipparteċipa fih.

44      Barra minn hekk, mill-premessa 34, mill-Artikolu 13(3) u mill-punt B(1)(b)(iv) tal-Parti 1 tal-Anness I tal-imsemmi regolament jirriżulta wkoll li l-parteċipazzjoni tal-persuni li jrabbu l-annimali ma teħtieġx neċessarjament l-adeżjoni tagħhom, bħala membri, ma’ soċjetà tat-tnissil, b’tali mod li l-appartenenza formali għal tali soċjetà ma tistax tkun determinanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-osservanza, minn tali soċjetà, tal-kundizzjonijiet għall-akkreditazzjoni previsti mill-imsemmi regolament.

45      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat ukoll li mill-premessa 32 tar-Regolament 2016/1012 jirriżulta li l-akkreditazzjoni tas-soċjetà tat-tnissil għandha tiġi sseparata mill-approvazzjoni tal-programm jew tal-programmi tat-tnissil tagħha.

46      Fir-rigward tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mir-Regolament 2016/1012, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-premessa 1 tiegħu, dan huwa intiż sabiex jiffavorixxi t-trobbija, b’mod partikolari, tal-bhejjem tal-ifrat billi jinkoraġġixxi, għal dan l-għan, l-użu ta’ annimali għat-tnissil ta’ razza pura. Barra minn hekk, skont l-ewwel u t-tieni sentenza tal-premessa 21 ta’ dan ir-regolament, id-dritt li tinkiseb akkreditazzjoni bħala soċjetà tat-tnissil jew operazzjoni tat-tnissil li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti għandu jkun prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni dwar it-trobbija tal-annimali u dwar is-suq intern. Il-protezzjoni tal-attività ekonomika ta’ soċjetà tat-tnissil li diġà ġiet akkreditata la għandha tiġġustifika r-rifjut mill-awtorità kompetenti li takkredita soċjetà tat-tnissil oħra għall-istess razza u lanqas il-ksur tal-prinċipji li jirregolaw is-suq intern. Mill-premessa 31 tal-imsemmi regolament jirriżulta wkoll li dan huwa intiż sabiex jiżgura l-libertà ta’ intrapriża u t-tneħħija tal-ostakoli għall-moviment liberu tal-annimali għat-tnissil u tal-prodotti ġerminali tagħhom.

47      Il-kisba tal-għanijiet li titħeġġeġ it-trobbija u li tiġi żviluppata l-kummerċjalizzazzjoni tal-bhejjem tal-ifrat fil-kummerċ intra-Komunitarju tippreżumi għalhekk l-eżistenza, fl-Istati Membri differenti, ta’ numru suffiċjenti ta’ soċjetajiet tat-tnissil. F’dan il-kuntest, ir-Regolament 2016/1012 huwa favur l-akkreditazzjoni ta’ soċjetajiet tat-tnissil ġodda (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2004, Zuchtverband für Ponys, C‑216/02, EU:C:2004:703, punti 32 u 33).

48      Għalhekk, jekk applikazzjoni għal akkreditazzjoni tista’ tiġi rrifjutata għas-sempliċi raġuni li hija bbażata fuq impenji ta’ parteċipazzjoni ffirmati minn persuni li jrabbu l-annimali li huma diġà rreġistrati fi programm tat-tnissil għall-istess razza ma’ soċjetà oħra tat-tnissil li hija diġà akkreditata, it-twettiq tal-għanijiet imsemmija fil-premessi 1, 21 u 31 tar-Regolament 2016/1012 jista’ jiġi kompromess.

49      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament 2016/1012, moqri flimkien mal-Parti 1 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament u fid-dawl tal-premessa 24 tal-imsemmi regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-għoti ta’ akkreditazzjoni bħala soċjetà tat-tnissil lil applikant li, sabiex jistabbilixxi li huwa għandu popolazzjoni ta’ annimali għat-tnissil suffiċjentement kbira u numru suffiċjentement għoli ta’ persuni li jrabbu l-annimali, jinvoka impenji ta’ parteċipazzjoni ffirmati minn persuni li jrabbu l-annimali li huma diġà rreġistrati fi programm tat-tnissil ma’ soċjetà tat-tnissil akkreditata oħra.

 Fuq ittieni sarraba’ domanda

50      Permezz tat-tieni sar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10 tar-Regolament 2016/1012, moqri flimkien mal-Artikolu 13 u mal-punt B(2)(a) tal-Parti 1 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, kif ukoll fid-dawl tal-premessi 21 u 24 tal-imsemmi regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, meta programm tat-tnissil li għandu bħala għan prinċipali t-titjib ta’ razza ta’ annimali partikolari jkun għaddej fi Stat Membru, l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat tista’ tapprova programm tat-tnissil ġdid ippreżentat minn soċjetà oħra tat-tnissil, li jirrigwarda l-istess razza ta’ annimali, li jikkonċerna l-istess żona ġeografika, li jsegwi l-istess għan, u li fil-kuntest tiegħu ntgħażlu annimali għat-tnissil minn fost il-popolazzjoni għat-tnissil tal-programm tat-tnissil li jkun diġà għaddej, u, min-naħa l-oħra, meta din l-approvazzjoni tista’ tikkomprometti element wieħed jew iktar mill-elementi msemmija fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament 2016/1012, din l-istess awtorità għandha l-obbligu, u mhux il-possibbiltà, li tirrifjuta l-approvazzjoni tal-programm tat-tnissil il-ġdid.

 Fuq lammissibbiltà

51      Il-Gvern Rumen isostni li t-tieni domanda hija inammissibbli peress li risposta għal din id-domanda ma hijiex neċessarja għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali u peress li l-imsemmija domanda hija superfluwa meta mqabbla mat-tielet u mar-raba’ domanda.

52      Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li l-preżunzjoni ta’ rilevanza tat-tieni domanda ma tistax tiġi kkontestata. Għalhekk, din id-domanda hija ammissibbli.

 Fuq ilmertu

53      Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, għalkemm, skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament 2016/1012, l-awtorità kompetenti għandha tapprova l-programmi tat-tnissil ippreżentati lilha, sakemm il-kundizzjonijiet elenkati fil-punti (a) sa (c) ta’ dan il-paragrafu jkunu ssodisfatti, l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament madankollu jipprevedi deroga f’dan ir-rigward, billi jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-awtorità kompetenti li akkreditat soċjetà tat-tnissil tista’ tirrifjuta li tapprova programm tat-tnissil ta’ din is-soċjetà minħabba li dan il-programm ikun jikkomprometti programm tat-tnissil mwettaq minn soċjetà oħra tat-tnissil għall-istess razza u li diġà ġie approvat fl-Istat Membru inkwistjoni, fir-rigward ta’ mill-inqas wieħed mill-elementi msemmija fil-punti (a) sa (c) ta’ dan l-Artikolu 10(1).

54      L-Artikolu 10(2) tar-Regolament 2016/1012 jelenka l-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni minn din l-awtorità sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ tali riskju, fosthom dawk li jirrigwardaw, minn naħa, in-numru ta’ programmi tat-tnissil diġà approvati għall-istess razza fl-Istat Membru kkonċernat, u, min-naħa l-oħra, id-daqs tal-popolazzjonijiet għat-tnissil ikkonċernati minn dawn il-programmi tat-tnissil.

55      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat, madankollu, li l-premessa 21 tar-Regolament 2016/1012 tipprevedi espliċitament il-possibbiltà li jiġi approvat “programm ta’ tnissil ieħor” li jirrigwarda l-istess razza ta’ annimali, li jikkonċerna l-istess żona ġeografika u li jsegwi l-istess għan bħal dawk ta’ programm tat-tnissil li diġà jeżisti. Minn din l-istess premessa jirriżulta wkoll li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jippermetti li tali programm addizzjonali jkun jista’ jiġi previst b’annimali għat-tnissil “li jistgħu jintgħażlu minn fost il-popolazzjoni tat-tnissil tas-soċjetà tat-tnissil li diġà qed twettaq programm ta’ tnissil [għall-istess razza]”.

56      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament jippreċiża, fil-paragrafu 2 tiegħu, li “[i]s-soċjetajiet tat-tnissil m’għandhomx jirrifjutaw id-dħul fit-taqsima ewlenija tal-kotba tat-tnissil tagħhom ta’ annimal ta’ razza pura tat-tnissil minħabba li jkun diġà mdaħħal fit-taqsima ewlenija ta’ ktieb tat-tnissil tal-istess razza”.

57      Barra minn hekk, mill-Artikolu 13(1) tal-istess regolament jirriżulta mingħajr ekwivoku li l-persuni li jrabbu l-annimali għandhom id-dritt li jipparteċipaw fi programm tat-tnissil approvat, sakemm jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fil-punti (a) u (b) ta’ din id-dispożizzjoni.

58      Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament 2016/1012 jikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali msemmija fl-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament, li skontha l-awtorità kompetenti għandha tapprova l-programmi tat-tnissil ippreżentati lilha, sakemm dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet elenkati fil-punti (a) sa (c) ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett sabiex ir-regoli ġenerali ma jitilfux is-sustanza tagħhom (sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem), C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Barra minn hekk, l-Artikolu 10(1) tal-imsemmi regolament juża l-espressjoni “tista’ tirrifjuta”. Barra minn hekk, il-premessa 21 tal-istess regolament tkopri r-rifjut ta’ approvazzjoni ta’ programm tat-tnissil ġdid f’termini limitattivi, peress li, skont il-formulazzjoni tagħha, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru “għandha, f’ċerti każijiet speċifiċi, titħalla tirrifjuta milli tapprova programm ta’ tnissil ieħor”.

60      Minn dan isegwi li r-Regolament 2016/1012 jagħti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri marġni ta’ evalwazzjoni li jippermettilhom jirrifjutaw li japprovaw programm tat-tnissil ġdid, anki jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Anness I ta’ dan ir-regolament, meta tali programm jirriskja li jikkomprometti programm tat-tnissil li diġà jeżisti, fir-rigward ta’ element wieħed jew iktar mill-elementi elenkati b’mod eżawrjenti fil-punti (a) sa (c) ta’ dan l-Artikolu 10(1), li hija ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju. Minbarra dawn iċ-ċirkustanzi, konformement mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament 2016/1012, l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati japprovaw il-programmi tat-tnissil ippreżentati lilhom, sakemm dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet elenkati fil-punti (a) sa (c) ta’ dan l-Artikolu 8(3).

61      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni sar-raba’ domanda hija li l-Artikolu 10 tar-Regolament 2016/1012, moqri flimkien mal-Artikolu 13 u mal-punt B(2)(a) tal-Parti 1 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, kif ukoll fid-dawl tal-premessi 21 u 24 tal-imsemmi regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, meta programm tat-tnissil li għandu bħala għan prinċipali t-titjib ta’ razza ta’ annimali partikolari jkun għaddej fi Stat Membru, l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat tista’ tapprova programm tat-tnissil ġdid ippreżentat minn soċjetà oħra tat-tnissil, li jirrigwarda l-istess razza ta’ annimali, li jikkonċerna l-istess żona ġeografika, li jsegwi l-istess għan, u li fil-kuntest tiegħu ntgħażlu annimali għat-tnissil minn fost il-popolazzjoni għat-tnissil tal-programm tat-tnissil li jkun diġà għaddej, u, min-naħa l-oħra, meta din l-approvazzjoni tista’ tikkomprometti element wieħed jew iktar mill-elementi msemmija fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament 2016/1012, din l-istess awtorità għandha l-possibbiltà li tirrifjuta l-approvazzjoni tal-programm tat-tnissil il-ġdid.

 Fuq lispejjeż

62      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi għat-tnissil, kummerċ u dħul fl-Unjoni ta’ annimali ta’ razza pura għat-tnissil, ħnieżer tat-tnissil ibridi u tal-prodotti ġerminali tagħhom u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 652/2014, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE u 90/425/KEE u jħassar ċerti atti fil-qasam tat-tnissil tal-annimali (“ir-Regolament dwar it-Tnissil tal-Annimali”), moqri flimkien mal-Parti 1 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament u fid-dawl tal-premessa 24 tal-imsemmi regolament,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix l-għoti ta’ akkreditazzjoni bħala soċjetà tat-tnissil lil applikant li, sabiex jistabbilixxi li huwa għandu popolazzjoni ta’ annimali għat-tnissil suffiċjentement kbira u numru suffiċjentement għoli ta’ persuni li jrabbu l-annimali, jinvoka impenji ta’ parteċipazzjoni ffirmati minn persuni li jrabbu l-annimali li huma diġà rreġistrati fi programm tat-tnissil ma’ soċjetà tat-tnissil akkreditata oħra.

2)      L-Artikolu 10 tar-Regolament 2016/1012, moqri flimkien mal-Artikolu 13 u mal-punt B(2)(a) tal-Parti 1 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament kif ukoll fid-dawl tal-premessi 21 u 24 tal-imsemmi regolament,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

minn naħa, meta programm tat-tnissil li għandu bħala għan prinċipali t-titjib ta’ razza ta’ annimali partikolari jkun għaddej fi Stat Membru, l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat tista’ tapprova programm tat-tnissil ġdid ippreżentat minn soċjetà oħra tat-tnissil, li jirrigwarda l-istess razza ta’ annimali, li jikkonċerna l-istess żona ġeografika, li jsegwi l-istess għan, u li fil-kuntest tiegħu ntgħażlu annimali għat-tnissil minn fost il-popolazzjoni għat-tnissil tal-programm tat-tnissil li jkun diġà għaddej, u, min-naħa l-oħra, meta din l-approvazzjoni tista’ tikkomprometti element wieħed jew iktar mill-elementi msemmija fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament 2016/1012, din l-istess awtorità għandha l-possibbiltà li tirrifjuta l-approvazzjoni tal-programm tat-tnissil il-ġdid.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.