SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

28 ta’ Jannar 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Artikolu 101 TFUE – Direttiva 2014/104/UE – Azzjonijiet għad-danni minħabba l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni – Il-punt 4 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘azzjoni għad-danni’ – Artikolu 3(1) – Dritt għal kumpens sħiħ għad-dannu mġarrab – Trasferiment ta’ krediti għad-danni lil fornitur ta’ servizzi legali – Dritt nazzjonali li jipprekludi r-rikonoxximent tal-locus standi ta’ tali fornitur għall-irkupru kollettiv ta’ dawn il-krediti – Artikolu 4 – Prinċipju ta’ effettività – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Fil-Kawża C‑253/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Dortmund (il-Qorti Reġjonali ta’ Dortmund, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Marzu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ April 2023, fil-proċedura

ASG 2 Ausgleichsgesellschaft für die Sägeindustrie Nordrhein-Westfalen GmbH

vs

Land Nordrhein-Westfalen,

fil-preżenza ta’:

Otto Fuchs Beteiligungen KG,

Bundeskartellamt

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, F. Biltgen, K. Jürimäe (Relatriċi), C. Lycourgos, I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen u D. Gratsias, Presidenti tal-Awla, E. Regan, I. Ziemele, J. Passer, Z. Csehi u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Mejju 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal ASG 2 Ausgleichsgesellschaft für die Sägeindustrie Nordrhein-Westfalen GmbH, minn R. Lahme u A. Ruster, Rechtsanwälte,

għal-Land Nordrhein-Westfalen, minn J. Haereke, D. Hamburger, C. Kusulis, S. O. Nündel, G. Schwendinger, F. Süß u K. Teitscheid, Rechtsanwälte,

għal Otto Fuchs Beteiligungen KG, minn J.-H. Allermann u C. Thiel von Herff, Rechtsanwälte,

għall-Bundeskartellamt, minn J. Nothdurft u K. Ost, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Keidel u G. Meeβen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Settembru 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4(3) TUE u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll tal-punt 4 tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ASG 2 Ausgleichsgesellschaft für die Sägeindustrie Nordrhein-Westfalen GmbH (iktar ’il quddiem “ASG 2”) u l-Land Nordrhein-Westfalen (il-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“Land”) dwar azzjoni kollettiva għad-danni mressqa minn ASG 2 abbażi tad-drittijiet għal kumpens li ġew ittrasferiti minn 32 segerija wara ksur tal-Artikolu 101 TFUE mwettaq mil-Land u minn proprjetarji tal-foresti oħra.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Il‑Karta

3

L-Artikolu 47 tal-Karta intitolat, “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, jipprevedi fl-ewwel paragrafi tiegħu:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.”

Ir‑Regolament (KE) Nru 1/2003

4

Skont il-premessa 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205):

“Fejn, fil-kors tal-proċeduri li jistgħu iwasslu għal ftehim jew il-projbiżjoni ta’ prattiċi, l-impriża toffri l-irbit tal-Kummissjoni [Ewropea] bħal meta trid tilħaq il-kunċerni tagħha, il-kummissjoni għandha tkun kapaċi tadotta deċiżjonijiet li jagħmlu dawk ir-rabtiet vinkolanti fuq l-impriża kunċernata. Deċiżjoni ta’ rabta għandha ssib li ma għadx fadal raġunijiet għal azzjoni mil-Kummissjoni mingħajr ma tikkonkludi jekk kienx hemm jew għadx hemm xi ksur. Deċiżjoni ta’ rabta huma mingħajr preġudizzju għall-qawwa ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati tal-Istati Membri li jagħmlu sejba bħal din u jieħdu deċiżjoni fuq il-każ. Deċiżjoni ta’ rabta ma tkunx xieraqa f’każi fejn il-Kummissjoni qed taħseb li timponi multa.”

5

L-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Rabta”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn il-Kummissjoni qed taħseb li tadotta deċiżjoni li tirrikjedi li ksur jinġieb fit-temm u l-impriża konċernata toffri rabta li tilħaq il-konċerni espressi lilhom mil-Kummissjoni fl-istima preliminari, il-Kummissjoni tista b’deċiżjoni tagħmel dak l-rbit vinkolanti fuq l-impriża. Deċiżjoni bħal din tista tiġi adottata għal perjodu speċifiku u ħa tikkonkludi li ma hemmx aktar raġuni għall-azzjoni mil-Kummissjoni.”

Id‑Direttiva 2014/104

6

Il-premessi 4, 12 u 13 tad-Direttiva 2014/104 jiddikjaraw:

“(4)

Id-dritt fil-liġi tal-Unjoni għall-kumpens għal dannu li jirriżulta minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali u tal-Unjoni jirrikjedi li kull Stat Membru jkollu regoli proċedurali li jiżguraw l-eżerċizzju effettiv ta’ dak id-dritt. Il-ħtieġa għal rimedji proċedurali effettivi tirriżulta wkoll mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif stipulat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-[TUE] u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-[Karta]. L-Istati Membri għandhom jiżguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mil-liġi tal-Unjoni.

[…]

(12)

Din id-Direttiva tafferma mill-ġdid l-acquis communautaire dwar id-dritt għall-kumpens għall-ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-locus standi u d-definizzjoni tad-dannu, kif iddikjarat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u ma tantiċipa l-ebda żvilupp ulterjuri tiegħu. Kull individwu li ġarrab xi ħsara kkawżata minn tali ksur jista’ jagħmel talba għal kumpens għat-telf reali (damnum emergens), għall-profitt li ġie miċħud lil dik il-persuna (telf ta’ profitt jew lucrum cessans), bl-imgħax, irrispettivament minn jekk dawk il-kategoriji ġewx stabbiliti separatament jew flimkien fil-liġi nazzjonali. […]

(13)

Id-dritt għall-kumpens huwa rikonoxxut għal kull persuna fiżika jew ġuridika — għall-konsumaturi, għall-impriżi u għall-awtoritajiet pubbliċi bl-istess mod — irrispettivament jekk teżistix relazzjoni kuntrattwali diretta mal-impriża ħatja tal-ksur, u irrispettivament jekk jinstabx jew le li kien hemm ksur fil-passat minn awtorità tal-kompetizzjoni. Din id-Direttiva ma għandhiex tirrikjedi li l-Istati Membri jintroduċu mekkaniżmi ta’ rimedju kollettiv għall-infurzar tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Mingħajr preġudizzju għall-kumpens għal telf ta’ opportunità, il-kumpens sħiħ skont din id-Direttiva ma għandux iwassal għal kumpens żejjed, sew jekk permezz ta’ ħsara punittiva, multipla jew ħsarat oħra.”

7

L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistipula ċerti regoli meħtieġa biex ikun żgurat li kwalunkwe persuna li ġarrbet ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni minn impriża jew minn assoċjazzjoni ta’ impriżi, tista’ b’mod effettiv teżerċita d-dritt li titlob għal kumpens sħiħ għal dik il-ħsara minn dik l-impriża jew assoċjazzjoni. Tistabbilixxi regoli li jrawmu l-kompetizzjoni mhux imxekkla fis-suq intern u li jneħħu l-ostakoli għall-funzjonament tajjeb tagħha billi jiżguraw protezzjoni ekwivalenti fl-Unjoni [Ewropea] kollha għal dawk li jkunu ġarrbu tali ħsara.”

8

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

4)

‘azzjoni għad-danni’ tfisser azzjoni skont il-liġi nazzjonali li permezz tagħha pretensjoni għad-danni titressaq quddiem il-qorti nazzjonali minn parti li allegatament ġarrbet ħsara, minn xi ħadd li jaġixxi f’isem wieħed jew aktar partijiet li allegatament ġarrbu ħsara meta l-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali tipprevedi għal dik il-possibbiltà, jew minn persuna fiżika jew ġuridika li tkun is-suċċessur tad-dritt tal-parti li allegatament ġarrbet il-ħsara, inkluża l-persuna li akkwistat il-pretensjoni;

[…]

12)

‘deċiżjoni finali dwar ksur’ tfisser deċiżjoni dwar ksur li ma tistax jew li warajha ma hemmx aktar dritt ta’ appell bil-mezzi ordinarji;

[…]”

9

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Dritt għal kumpens sħiħ”, jipprevedi fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżgura li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun ġarrbet ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tkun tista’ titlob u tikseb kumpens sħiħ għal dik il-ħsara.”

10

Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/104, intitolat “Prinċipji ta’ effettività u ekwivalenza”:

“F’konformità mal-prinċipju ta’ effettività, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli u l-proċeduri nazzjonali kollha rigward l-eżerċizzju ta’ talbiet għal kumpens għad-danni jkunu mfassla u applikati b’mod li ma jagħmlux prattikament impossibbli jew diffiċli żżejjed l-eżerċizzju tad-dritt tal-Unjoni għal kumpens sħiħ għall-ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni. F’konformità mal-prinċipju tal-ekwivalenza, ir-regoli jew il-proċeduri nazzjonali rigward azzjonijiet għad-danni li jirriżultaw minn ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE ma għandhomx ikunu inqas favorevoli għall-partijiet li allegatament ikunu ġarrbu l-ħsara minn dawk li jirregolaw azzjonijiet simili għal danni li jirriżultaw minn ksur ta’ liġi nazzjonali.”

11

L-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni misjub b’deċiżjoni finali ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew minn qorti tal-appell, jiġi meqjus li hu stabbilit b’mod inkontestabbli għall-finijiet ta’ azzjoni għad-danni mressqa quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom skont l-Artikoli 101 jew 102 TFUE jew taħt il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni.”

Id‑dritt Ġermaniż

12

L-Artikolu 1(1) tal-Gesetz über außergerichtliche Rechtsdienstleistungen (Rechtsdienstleistungsgesetz) (il-Liġi dwar is-Servizzi Legali Extraġudizzjarji), tat‑12 ta’ Diċembru 2007 (BGBl. 2007 I, p. 2840), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ir-“RDG”), jipprovdi:

“Din il-liġi tirregola l-awtorizzazzjoni għall-provvista ta’ servizzi legali extraġudizzjarji fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. L-għan tagħha huwa li tipproteġi lill-partijiet f’kawża, ir-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-ordinament ġuridiku minn servizzi legali li ma jiġux ipprovduti minn persuni kkwalifikati.”

13

L-Artikolu 2 tar-RDG, intitolat “Kunċett ta’ servizz legali”, jipprovdi:

“1)   Jikkostitwixxi servizz legali kull attività fi kwistjonijiet konkreti ta’ ħaddieħor, hekk kif din teħtieġ eżami legali tal-każ partikolari.

2)   Indipendentement mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, jikkostitwixxi servizz legali l-irkupru ta’ krediti ta’ ħaddieħor jew ta’ krediti ittrasferiti għall-finijiet ta’ rkupru f’isem ħaddieħor, meta l-attività ta’ rkupru ta’ krediti tkun tikkostitwixxi attività distinta, inkluż fir-rigward tal-eżami u l-konsulenza legali relatati mal-irkupru (servizz ta’ rkupru). Il-krediti ttrasferiti ma humiex ikkunsidrati, fir-rigward tal-ewwel kreditur, bħala krediti ta’ ħaddieħor.

[…]”

14

Skont l-Artikolu 3 tar-RDG, intitolat “Awtorizzazzjoni għall-provvista ta’ servizzi legali extraġudizzjarji”:

“Il-provvista, b’mod indipendenti, ta’ servizzi legali extraġudizzjarji hija permessa biss sa fejn awtorizzat minn din il-liġi, minn liġijiet oħra jew fuq il-bażi ta’ liġijiet oħra.”

15

L-Artikolu 10 tar-RDG huwa fformulat kif ġej:

“1)   Il-persuni fiżiċi u ġuridiċi kif ukoll il-kumpanniji li ma għandhomx personalità ġuridika, irreġistrati mal-awtorità kompetenti (persuni rreġistrati), jistgħu jipprovdu, fuq il-bażi ta’ għarfien espert partikolari, servizzi legali fl-oqsma li ġejjin:

1. servizzi ta’ rkupru […]

[…]”

16

L-Artikolu 11 tar-RDG, intitolat “Għarfien espert, denominazzjonijiet professjonali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Is-servizzi ta’ rkupru jeħtieġu għarfien espert fl-oqsma ta’ dritt rilevanti għall-attività mitluba, b’mod partikolari dawk tad-dritt ċivili, tad-dritt kummerċjali, tad-dritt dwar it-titoli u tad-dritt tal-kumpanniji, tad-dritt tal-proċedura ċivili, inkluż tad-dritt tal-eżekuzzjoni forzata u tad-dritt tal-insolvenza kif ukoll tad-dritt dwar il-kosti u l-ispejjeż.”

17

L-Artikolu 12 tar-RDG jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi legali u jipprevedi awtorizzazzjoni regolatorja sabiex jiġu rregolati d-dettalji, b’mod partikolari, il-prova tal-għarfien espert teoretiku msemmi fl-Artikolu 10 ta’ din il-liġi.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

18

Fil‑31 ta’ Marzu 2020, ASG 2 ippreżentat quddiem il-Landgericht Dortmund (il-Qorti Reġjonali ta’ Dortmund, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, azzjoni kollettiva għad-danni kontra l-Land fir-rigward tad-dannu kkawżat minn akkordju, abbażi tad-drittijiet li ttrasferewlha 32 segerija stabbiliti fil-Ġermanja, fil-Belġju u fil-Lussemburgu (iktar ’il quddiem is-“segeriji kkonċernati”).

19

Il-Land ġie akkużat li, tal-inqas matul il-perijodu mit‑28 ta’ Ġunju 2005 sat‑30 ta’ Ġunju 2019, uniformizza l-prezzijiet tal-virguni koniferi (iktar ’il quddiem l-“injam tond”) għalih innifsu kif ukoll għal proprjetarji tal-foresti oħra stabbiliti f’dan il-Land, bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE (iktar ’il quddiem l-“akkordju inkwistjoni”).

20

Il-Bundeskartellamt (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni, il-Ġermanja) investigat din il-prattika u adottat, fl‑2009, deċiżjoni ta’ impenji bbażata fuq l-Artikolu 32b tal-Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen (il-Liġi kontra r-Restrizzjonijiet għall-Kompetizzjoni u fuq l-Artikolu 101 TFUE, fir-rigward tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen kif ukoll tal-Länder l-oħra involuti b’mod simili fil-kummerċjalizzazzjoni tal-injam tond (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ impenji tal‑2009”)

21

Is-segeriji kkonċernati għandhom l-intenzjoni li jiksbu mingħand il-Land kumpens għad-dannu li huma jqisu li ġarrbu tul l-akkordju inkwistjoni minħabba l-prezzijiet allegatament eċċessivi li bihom xtraw l-injam tond li ġej minn dan il-Land, minħabba dan l-akkordju.

22

Għal dan l-għan, kull waħda mis-segeriji kkonċernati ttrasferixxiet lil ASG 2 id-dritt tagħha għal kumpens għad-dannu kkawżat lilha mill-akkordju inkwistjoni. ASG 2, li għandha, bħala “fornitur ta’ servizzi legali”, fis-sens tar-RDG, awtorizzazzjoni skont din il-liġi, titlob għalhekk, quddiem il-qorti tar-rinviju, b’mod kollettiv, il-kumpens għal dan id-dannu f’isimha stess u bi spejjeż tagħha stess, iżda għall-benefiċċju taċ-ċedenti, inkambju għal ħlas fil-każ ta’ eżitu pożittiv.

23

Il-kreditu għal kumpens għad-dannu kkawżat mill-akkordju inkwistjoni kien jirrigwarda diversi mijiet ta’ eluf ta’ euro ta’ xiri ta’ injam tond mis-segeriji kkonċernati. Għal kull wieħed minnhom, l-ammont ta’ dan ix-xiri jammonta għal diversi eluf, jew saħansitra għexieren ta’ eluf ta’ tranżazzjonijiet.

24

Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Land jikkontesta kemm il-fondatezza tar-rikors kif ukoll il-locus standi ta’ ASG 2. F’dan l-aħħar rigward, huwa jsostni li s-segeriji kkonċernati ttrasferew id-drittijiet tagħhom għal kumpens lil ASG 2 bi ksur tar-RDG, b’tali mod li dawn it-trasferimenti huma nulli. Fil-fatt, l-awtorizzazzjoni li għandha ASG 2 abbażi tar-RDG ma tawtorizzahiex tirkupra l-krediti li jirriżultaw minn danni li jirriżultaw minn allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

25

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fid-dritt Ġermaniż, fil-qasam ta’ danni tal-massa jew ta’ danni minuri ta’ numru kbir ta’ persuni, ir-rikorsi tal-partijiet fil-kawża jistgħu jinġabru flimkien permezz ta’ mekkaniżmu ta’ trasferiment ta’ kreditu (“Abtretungsmodell”), ikklassifikat ukoll bħala “azzjoni kollettiva għall-irkupru” (“Sammelklage-Inkasso”) (iktar ’il quddiem l-“azzjoni kollettiva għall-irkupru”). F’dan il-kuntest, il-persuni allegatament leżi jittrasferixxu l-krediti allegati tagħhom lil fornitur ta’ servizzi legali li jkun irċieva l-awtorizzazzjoni prevista mir-RDG, li tawtorizzah, bħala prinċipju, li jieħu passi għall-irkupru ta’ dawn il-krediti kollettivi f’ismu u bi spejjeż tiegħu stess għan-nom taċ-ċedenti, inkambju għal kummissjoni f’każ ta’ suċċess.

26

Skont il-qorti tar-rinviju, din il-prattika ġiet aċċettata mill-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) għal tipi differenti ta’ azzjonijiet għad-danni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kawżi dwar il-kiri ta’ proprjetà immobbli jew tal-kumpens tal-passiġġieri tal-ajru. Għall-kuntrarju, qrati inferjuri jinterpretaw ir-RDG fis-sens li l-azzjoni kollettiva għall-irkupru ma hijiex ammessa fil-qasam tal-kumpens għad-dannu kkawżat minn ksur preżunt tad-dritt tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari fil-każ ta’ azzjoni msejħa “stand-alone”, jiġifieri azzjoni għad-danni li ma ssegwix deċiżjoni definittiva u vinkolanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-istabbiliment tal-fatti, ta’ awtorità tal-kompetizzjoni li tikkonstata tali ksur (iktar ’il quddiem “azzjoni għad-danni awtonoma”). Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) għad ma kellhiex l-opportunità li tiddeċiedi din il-kwistjoni.

27

Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, id-dritt Ġermaniż ma joffri ebda rimedju legali ekwivalenti għall-azzjoni kollettiva għall-irkupru li jippermetti li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tad-dritt għal kumpens fil-kawżi dwar akkordji.

28

Għaldaqstant, l-effettività tad-dritt għal kumpens għad-dannu kkawżat minn akkordju ma hijiex iggarantita, b’mod partikolari fir-rigward tad-danni minuri li jikkonċernaw numru kbir ta’ persuni leżi. Fil-fatt, f’każ bħal dan, l-ammont individwali tad-dannu jkun tant żgħir li jinkoraġġixxi lill-partijiet fil-kawża jirrinunzjaw li jinvokaw id-dritt għal kumpens mogħti lilhom mid-dritt tal-Unjoni.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-azzjoni kollettiva għall-irkupru tikkostitwixxi l-unika possibbiltà ekonomikament razzjonali u prattikabbli sabiex jintalab tali kumpens. Madankollu, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li, skont id-dispożizzjonijiet tar-RDG, kif interpretati minn ċerti qrati nazzjonali, hija għandha tikkunsidra ċ-ċessjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala nulli, b’tali mod li r-rikors li hija adita bih għandu jiġi miċħud.

30

Madankollu, hija tqajjem il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix tali interpretazzjoni tar-RDG, sa fejn, billi tipprekludi lill-persuni leżi mill-akkordju inkwistjoni milli jirrikorru għall-azzjoni kollettiva għall-irkupru, din l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tista’ tkun inkompatibbli kemm mad-Direttiva 2014/104 kif ukoll mal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni u mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

31

L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali inkompatibbiltà tistax tiġi dedotta minn qari flimkien tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/104, li, fil-fehma tagħha, jistabbilixxi d-dritt, stabbilit minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-persuni leżi minn akkordju li jiksbu l-kumpens sħiħ għad-dannu kkawżat minnu, u tal-punt 4 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, din l-aħħar dispożizzjoni tirrigwarda espressament l-azzjoni kollettiva għall-irkupru, peress li l-kunċett ta’ “azzjoni għad-danni”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, ikopri l-azzjoni mressqa minn “persuna fiżika jew ġuridika li tkun is-suċċessur tad-dritt tal-parti li allegatament ġarrbet il-ħsara, inkluża l-persuna li akkwistat il-pretensjoni”.

32

It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tiddubita li l-impossibbiltà għall-persuni leżi li jirrikorru għall-azzjoni kollettiva għall-irkupru li tirriżulta mill-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali msemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza hija kompatibbli mal-Artikolu 4(3) TUE u mal-Artikolu 101 TFUE. Fil-fehma tagħha, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/104, kull persuna tista’ titlob kumpens sħiħ għad-dannu li hija tkun ġarrbet minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Għalhekk, jinħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw l-effettività tad-dritt għall-kumpens għal dan id-dannu billi ma jagħmlux l-eżerċizzju tiegħu impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Dan jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-interess pubbliku li jikkonsisti fil-garanzija ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni.

33

It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-impossibbiltà għall-persuni leżi li jirrikorru għall-azzjoni kollettiva għall-irkupru li tirriżulta mill-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali msemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza tippreġudikax id-dritt ta’ dawn il-persuni għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, mill-Artikolu 6(3) TUE, kif ukoll mill-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950. Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża li hija adita biha, li tirrigwarda danni tal-massa jew danni minuri ta’ numru kbir ta’ persuni, il-persuni leżi jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jirrikorru għall-uniku rimedju legali effettiv previst mid-dritt nazzjonali sabiex jinvokaw id-dritt tagħhom għal kumpens.

34

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, fl-aħħar nett, li, kieku kellu jiġi konkluż li d-dritt nazzjonali ma huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, ma jkunx possibbli għaliha li tipproċedi għal interpretazzjoni konformi tiegħu, sa fejn tali interpretazzjoni tkun contra legem.

35

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landgericht Dortmund (il-Qorti Reġjonali ta’ Dortmund) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 4(3) TUE, l-Artikolu 47 tal-[Karta], u l-punt 4 tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(1) tad-[Direttiva 2014/104], għandu jiġi interpretat b’tali mod li jipprekludi interpretazzjoni u applikazzjoni tad-dritt ta’ Stat Membru li jipprevjeni lil persuna li setgħet ġarrbet ħsara bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE, ibbażat fuq l-Artikolu 9 tad-[Direttiva 2014/104] jew id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponuh u jagħtuh effett vinkolanti, milli jeżerċita l-pretensjonijiet tiegħu, b’mod partikolari f’każijiet ta’ ħsara tal-massa jew ħsara mifruxa, lil fornitur ta’ servizzi legali awtorizzat fuq bażi fiduċjarja sabiex dan il-fornitur ikun jista’ jiġi magħqud ma’ pretensjonijiet ta’ partijiet oħra li allegatament sofrew dannu permezz ta’ azzjoni ta’ segwitu, jekk ma jeżistux għażliet oħra legali jew kuntrattwali ekwivalenti sabiex talbiet għad-danni jiġu miġbura flimkien, b’mod partikolari għaliex ma jwasslux għal sentenzi ta’ kundanna jew ma humiex prattikabbli għal raġunijiet proċedurali oħra, jew huma oġġettivament irraġonevoli għal raġunijiet ekonomiċi, u għalhekk b’mod partikolari l-prosekuzzjoni ta’ danni minuri tkun prattikament impossibbli jew għall-inqas eċċessivament diffiċli?

2)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat b’dan il-mod fi kwalunkwe każ jekk it-talbiet għad-danni inkwistjoni jkunu saru mingħajr deċiżjoni minn qabel mill-Kummissjoni Ewropea jew mill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-ksur allegat li jkollha effett vinkolanti fis-sens tad-dispożizzjonijiet nazzjonali bbażati fuq l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/104 ([…] ‘azzjoni awtonoma’), jekk ma jeżistux għażliet legali jew kuntrattwali ekwivalenti oħra sabiex talbiet għad-danni jiġu miġbura flimkien għall-prosekuzzjoni ċivili għar-raġunijiet diġà msemmija fl-ewwel domanda, u b’mod partikolari, jekk ma jkun hemm l-ebda prosekuzzjoni għal ksur tal-Artikolu 101 TFUE, jiġifieri la permezz ta’ ‘infurzar pubbliku’ u lanqas permezz ta’ ‘infurzar privat’?

3)

Fil-każ li għall-inqas waħda miż-żewġ domandi tingħata risposta fl-affermattiv, l-istandards korrispondenti tad-dritt Ġermaniż għandhom, fil-każ li tiġi eskluża interpretazzjoni konformi mad-dritt Ewropew, jibqgħu mhux applikati, bil-konsegwenza li l-assenjazzjonijiet ikunu effettivi għall-inqas minn din il-perspettiva u l-infurzar effettiv tal-liġi jsir possibbli?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ammissibbiltà tal‑ewwel domanda

36

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-punt 4 tal-Artikolu 2, mal-Artikolu 3(1), mal-Artikolu 4 u mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/104, kif ukoll mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-effett li tipprekludi lill-persuni allegatament leżi minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni milli jittrasferixxu d-drittijiet tagħhom għal kumpens lil fornitur ta’ servizzi legali sabiex dan jinvokahom, b’mod kollettiv, fil-kuntest ta’ azzjoni msejħa “follow-on”, jiġifieri azzjoni għad-danni wara deċiżjoni definittiva ta’ awtorità tal-kompetizzjoni li tikkonstata tali ksur (iktar ’il quddiem “azzjoni għad-danni konsekuttiva”).

37

Otto Fuchs Beteiligungen, il-Land u l-Kummissjoni jqisu li din id-domanda hija inammissibbli. Ir-rikors fil-kawża prinċipali għandu jiġi analizzat bħala azzjoni għad-danni mhux konsekuttiva, iżda awtonoma.

38

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, id-domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrigwarda interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tissodisfa bżonn oġġettiv għad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu (sentenzi tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES, C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punt 81, kif ukoll tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 65).

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet it-tilwima, u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja eventwali, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jkunu dwar l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 27, kif ukoll tad‑19 ta’ Settembru 2024, Booking.com u Booking.com (Deutschland), C‑264/23, EU:C:2024:764, punt 34).

40

Minn dan isegwi li peress li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 28, kif ukoll tad‑19 ta’ Settembru 2024, Booking.com u Booking.com (Deutschland), C‑264/23, EU:C:2024:764, punt 35).

41

Issa, f’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-ewwel domanda, sa fejn tirrigwarda l-ipoteżi ta’ azzjoni għad-danni konsekuttiva, manifestament ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

42

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tindika li hija adita b’azzjoni għad-danni mressqa minn ASG 2 bl-għan tal-kumpens għad-dannu allegatament imġarrab mis-segeriji kkonċernati minħabba l-akkordju inkwistjoni. Din il-qorti tippreċiża li, fil-kawża prinċipali, ma teżisti ebda deċiżjoni oħra ħlief id-deċiżjoni tal‑2009.

43

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-deċiżjoni ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 32b tal-Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen (il-Liġi kontra r-Restrizzjonijiet tal-Kompetizzjoni), li l-formulazzjoni tiegħu tikkorrispondi għal dik tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, kif ikkonfermat l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

44

Deċiżjoni ta’ impenji adottata abbażi tal-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament ma tinkludix konstatazzjoni definittiva dwar ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE.

45

L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 13 tiegħu, jipprevedi fil-fatt li, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni hija meħlusa mill-obbligu li tikklassifika u li tikkonstata ksur, peress li r-rwol tagħha huwa limitat għall-eżami, u għall‑aċċettazzjoni eventwali, ta’ impenji proposti mill-impriżi kkonċernati, fid‑dawl kemm tal-problemi li hija identifikat fl-evalwazzjoni preliminari tagħha kif ukoll tal-għanijiet tagħha. L-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-impenji, għalhekk, tagħlaq il-proċedura ta’ ksur fir-rigward ta’ dawn l-impriżi peress li tippermettilhom jevitaw il-konstatazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u l‑possibbiltà li tiġi imposta multa (ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Alrosa, C‑441/07 P, EU:C:2010:377, punti 4048).

46

Fir-rigward tad-deċiżjoni tal‑2009, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, f’din id-deċiżjoni, l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni ffissat, għal-Land, limiti ta’ kooperazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni tal-injam tond kif ukoll miżuri intiżi sabiex jirrestrinġu l-pożizzjoni tal-Land fis-suq ikkonċernat.

47

Għaldaqstant, id-deċiżjoni tal‑2009 ma tistax titqies li hija deċiżjoni definittiva ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li tikkonstata ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/104, moqri flimkien mal-punt 12 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. L-azzjoni ta’ ASG 2 li tat lok għall-kawża prinċipali ma tistax, għaldaqstant, titqies bħala azzjoni għad-danni konsekuttiva.

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel domanda hija inammissibbli.

Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda

49

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-punt 4 tal-Artikolu 2, mal-Artikolu 3(1) u mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/104, kif ukoll mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-effett li tipprekludi lill-persuni allegatament leżi minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni milli jittrasferixxu d-drittijiet tagħhom għal kumpens lil fornitur ta’ servizzi legali sabiex dan jinvokahom, b’mod kollettiv, fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni awtonoma.

50

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, din il-qorti tistaqsi jekk għandhiex tħalli mhux applikati d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, fil-każ li interpretazzjoni tagħha konformi mad-dritt tal-Unjoni ma tkunx possibbli.

Fuq l‑ammissibbiltà

51

Otto Fuchs Beteiligungen u l-Land jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-tieni u tat-tielet domanda preliminari.

52

Fl-ewwel lok, huma jallegaw li t-tieni domanda hija ipotetika jew mhux neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali u li la din id-domanda u lanqas it-tielet domanda ma jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

53

Madankollu, mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju tissodisfa manifestament bżonn oġġettiv inerenti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

54

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punt 49 ta’ din is-sentenza jipprekludux l-interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-effett li tipprekludi lill-persuni leżi mill-akkordju inkwistjoni milli jirrikorru għall-azzjoni kollettiva għall-irkupru. Fl-affermattiv, hija tistaqsi dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn tali inkompatibbiltà, fil-każ li ma jkunx possibbli li d-dispożizzjonijiet tar-RDG jiġu interpretati b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni.

55

Fit-tieni lok, Otto Fuchs Beteiligungen u l-Land isostnu, essenzjalment, li l-qorti tar-rinviju bbażat id-domandi tagħha fuq premessi żbaljati. B’mod partikolari, din il-qorti qieset b’mod żbaljat, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet tar-RDG għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu ex officio l-azzjoni kollettiva għall-irkupru fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, li, fin-nuqqas tal-possibbiltà, għall-persuni leżi minn akkordju, li jirrikorru għal din l-azzjoni kollettiva, ikun prattikament impossibbli jew, fi kwalunkwe każ, eċċessivament diffiċli għalihom li jeżerċitaw id-dritt għal kumpens mogħti lilhom mid-dritt tal-Unjoni, sa fejn id-dritt Ġermaniż ma joffri ebda alternattiva daqstant effikaċi li tippermetti lil dawn il-persuni jinvokaw dan id-dritt għal kumpens.

56

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jsiru mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li dik il-qorti tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2023, EDP–Energias de Portugal et, C‑331/21, EU:C:2023:812, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57

Peress li hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest leġiżlattiv li fih jaqgħu d-domandi preliminari, kif iddefinit mid-deċiżjoni tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2024, S. (Bidla fil-kulleġġ ġudikanti)),C‑197/23, EU:C:2024:956, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-preżunzjoni ta’ rilevanza, imfakkra fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, li jibbenefikaw minnha dawn id-domandi ma tistax tiġi kkonfutata bis-sempliċi fatt li waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali tikkontesta ċerti fatti li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza tagħhom u li minnhom tiddependi d-definizzjoni tas-suġġett tal-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2016, Breitsamer und Ulrich, C‑113/15, EU:C:2016:718, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58

Issa, il-premessi msemmija fil-punt 55 ta’ din is-sentenza huma bbażati fuq evalwazzjoni, mill-qorti tar-rinviju, tal-kuntest nazzjonali li fih taqa’ l-kawża prinċipali. Din l-evalwazzjoni taqa’ esklużivament taħt il-kompetenza ta’ din il-qorti u ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza tagħha.

59

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u bla ħsara għal tali verifika mill-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2018, Altiner u Ravn, C‑230/17, EU:C:2018:497, punt 23), għandu jiġi kkonstatat li t-tieni u t-tielet domanda huma ammissibbli.

Fuq il‑mertu

60

L-Artikolu 101(1) TFUE jipproduċi effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u joħloq drittijiet għall-partijiet fil-kawża li l-qrati nazzjonali għandhom jipproteġu (sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 1974, BRT u Société belge des auteurs, compositeurs et éditeurs, 127/73, EU:C:1974:6, punt 16, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

F’dan ir-rigward, l-effettività sħiħa tal-Artikolu 101 TFUE u, b’mod partikolari, l-effett utli tal-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 tiegħu jitqiegħdu inkwistjoni jekk ma jkunx possibbli għal kull persuna li titlob kumpens għad-dannu kkawżat lilha minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 26, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Minn dan isegwi li kull persuna għandha d-dritt li titlob kumpens għal dannu mġarrab meta jkun hemm rabta kawżali bejn dawn id-dannu u tali ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 61, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Id-dritt ta’ kull persuna li titlob kumpens għal tali dannu jsaħħaħ in-natura operattiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u huwa ta’ natura li jiskoraġġixxi aġir, ta’ spiss moħbi, li jista’ joħloq restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni, b’tali mod li jikkontribwixxu għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Kif jirriżulta mill-premessa 12 tad-Direttiva 2014/104, dan id-dritt għal kumpens għad-dannu kkawżat minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ġie kkodifikat fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull persuna fiżika jew ġuridika li tkun ġarrbet tali dannu tkun tista’ titlob u tikseb kumpens sħiħ għal dan id-dannu.

65

Il-premessa 4 tal-imsemmija direttiva tesponi li l-imsemmi dritt għal kumpens jeżiġi li kull Stat Membru jkollu regoli proċedurali li jiggarantixxu l-eżerċizzju effettiv tal-istess dritt. Skont din il-premessa, in-neċessità ta’ rimedji proċedurali effettivi tirriżulta wkoll mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkorrispondi għall-obbligu, previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jiġu stabbiliti r-rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata din il-protezzjoni fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 44, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 47).

66

F’dan ir-rigward, kif jipprevedi l-Artikolu 1(1), id-Direttiva 2014/104 tistabbilixxi ċerti regoli dwar l-azzjonijiet għad-danni li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies neċessarji sabiex kull persuna li tkun ġarrbet dannu kkawżat minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tkun tista’ effettivament teżerċita d-dritt tagħha li titlob kumpens sħiħ għal dan id-dannu mingħand din l-impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi.

67

F’dan il-kuntest, il-punt 4 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “azzjoni għad-danni” bħala l-azzjoni mressqa skont id-dritt nazzjonali li permezz tagħha talba għad-danni titressaq quddiem qorti nazzjonali minn parti allegatament leża, minn persuna li taġixxi f’isem parti waħda jew iktar allegatament leżi, meta din il-possibbiltà tkun prevista fid-dritt nazzjonali, jew minn persuna fiżika jew ġuridika li tkun is-suċċessur tad-dritt tal-parti allegatament leża, inkluża l-persuna li akkwistat il-pretensjoni.

68

Għalhekk, l-imsemmija direttiva tipprevedi l-possibbiltà li azzjoni għad-danni titressaq jew direttament mill-persuna fiżika jew ġuridika li tibbenefika mid-dritt għal kumpens mogħti mid-dritt tal-Unjoni, jew minn terz li lilha ġie ttrasferit id-dritt tal-parti allegatament leża li titlob kumpens.

69

Madankollu, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 100 u 101 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-punt 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/104 ma jinkludi ebda obbligu għall-Istati Membri li jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ azzjoni kollettiva għall-irkupru bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali u lanqas ma jirregola l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-validità ta’ trasferiment mill-persuna leża, fil-perspettiva ta’ tali azzjoni kollettiva, tad-dritt tagħha għal kumpens għad-dannu kkawżat minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

70

Minn dan isegwi li kemm l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ azzjoni kollettiva għad-danni kif ukoll il-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-validità ta’ trasferiment tad-dritt għal kumpens għad-dannu allegatament marbut ma’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni lil persuna fiżika jew ġuridika bl-għan tat-tressiq, minn din tal-aħħar, ta’ tali azzjoni kollettiva quddiem qorti nazzjonali jaqgħu taħt il-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ dan id-dritt għal kumpens, li ma humiex irregolati mid-Direttiva 2014/104.

71

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt li jintalab kumpens għad-dannu li jirriżulta mill-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 29, kif ukoll tat‑28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

Il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza huma riflessi, fil-qasam kopert mid-Direttiva 2014/104, fl-Artikolu 4 tagħha, li jirriproduċi, essenzjalment, il-kliem li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, għall-finijiet tal-eżami tat-tieni u tat-tielet domanda, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-prinċipju ta’ effettività, li huwa l-uniku wieħed imsemmi mill-qorti tar-rinviju.

73

Skont din id-dispożizzjoni, f’konformità mal-prinċipju ta’ effettività, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli u l-proċeduri nazzjonali kollha li jirrigwardaw l-eżerċizzju tad-dritt li jintalab kumpens għad-danni jkunu mfassla u applikati b’tali mod li ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt, mogħti mill-Unjoni, għal kumpens sħiħ għad-dannu ikkawżat minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni.

74

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, li r-regoli nazzjonali applikabbli fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni ma għandhomx jippreġudikaw l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE u għandhom jiġu adattati għall-partikolaritajiet tal-kawżi li jaqgħu f’dan il-qasam, li jeħtieġu, bħala prinċipju, it-twettiq ta’ analiżi fattwali u ekonomika kumplessa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Repsol Comercial de Productos Petrolíferos, C‑25/21, EU:C:2023:298, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75

Barra minn hekk, għalkemm, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet individwali dderivati mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom madankollu r-responsabbiltà li jiżguraw, f’kull każ, ir-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-imsemmija drittijiet kif iggarantit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata). Kif ġie rrilevat fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, il-premessa 4 tad-Direttiva 2014/104 tagħmel riferiment għad-dritt għal tali protezzjoni.

76

F’dan il-każ, u kif jirriżulta mill-punti 28 sa 33 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità mal-prinċipju ta’ effettività kif ukoll mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ ġurisprudenza nazzjonali li tinterpreta r-RDG fis-sens li tipprekludi lill-persuni leżi minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni milli jirrikorru għall-azzjoni kollettiva għall-irkupru.

77

F’dan ir-rigward, din il-qorti tindika, minn naħa, li din l-azzjoni hija l-uniku rimedju legali li jippermetti lil dawn il-persuni jinvokaw effettivament, b’mod kollettiv, id-dritt tagħhom għal kumpens. Min-naħa l-oħra, minkejja li l-imsemmija persuni għandhom il-possibbiltà li jressqu azzjoni għad-danni f’isimhom u għan-nom tagħhom stess, tali possibbiltà madankollu ma tippermettilhomx li jeżerċitaw l-imsemmi dritt b’mod effettiv. Fil-fatt, fid-dawl tan-natura partikolarment kumplessa, twila u għalja ta’ azzjoni individwali fil-qasam ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-persuni leżi għandhom it-tendenza li jirrinunzjaw milli jressqu tali azzjoni individwali, b’mod partikolari meta jkunu involuti danni minuri.

78

Il-partijiet kollha fil-kawża prinċipali, bl-eċċezzjoni ta’ ASG 2, u l-partijiet ikkonċernati l-oħra msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea madankollu pproduċew, fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, ċertu numru ta’ elementi intiżi sabiex jiċċaraw l-affermazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari.

79

Għalhekk, l-ewwel nett, dawn il-partijiet u partijiet kkonċernati jikkontestaw l-affermazzjoni tal-qorti tar-rinviju li d-dritt nazzjonali jeskludi ex officio li l-persuni leżi minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jistgħu jirrikorru għall-azzjoni kollettiva għall-irkupru. Din tal-aħħar tqieset biss li ma kinitx xierqa fil-kuntest ta’ kawżi partikolari fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, li fihom l-użu tal-imsemmija azzjoni kien iwassal fil-fatt għal ksur tad-dispożizzjonijiet tar-RDG li jipprojbixxu l-intervent tal-fornitur ta’ servizzi legali f’każ ta’ kunflitt ta’ interessi.

80

It-tieni nett, hemm lok li tiġi kkwalifikata l-konstatazzjoni li d-dritt nazzjonali ma joffri ebda alternattiva għall-istess azzjoni li tippermetti lill-persuni leżi jinvokaw, b’mod kollettiv, id-dritt tagħhom għal kumpens. Iċ-ċessjoni ta’ krediti fil-forma ta’ fatturazzjoni vera, jiġifieri mhux biss trasferiment fiduċjarju, iżda trasferiment sħiħ tal-kreditu lil terz permezz ta’ ħlas immedjat ta’ korrispettiv finanzjarju minn din il-persuna liċ-ċedent, kif ukoll il-litisconsortium, li jikkonsisti f’rikors komuni għal diversi rikorrenti li jippermettilhom, b’mod partikolari, li jwettqu evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet konġunti sabiex jiġi stabbilit l-ammont tad-dannu rispettiv tagħhom, jikkostitwixxu, f’dan ir-rigward, alternattivi possibbli u ammessi mill-prattika ġudizzjarja Ġermaniża fil-kontenzjuż li jaqa’ taħt id-dritt tal-kompetizzjoni.

81

It-tielet nett, il-kunsiderazzjoni tal-qorti tar-rinviju li l-partijiet leżi jkunu inklinati jirrinunzjaw għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal kumpens jekk huma jkunu jistgħu jinvokawh biss fil-kuntest ta’ azzjoni individwali hija kkontestata, f’din il-kawża, mill-ammont tal-pretensjonijiet individwali tas-segeriji kkonċernati li jwassal sabiex tiġi rrelativizzata l-inerzja li dawn tal-aħħar jistgħu juru fir-rigward ta’ tali tip ta’ azzjoni.

82

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tikkonsisti fl-esklużjoni, fil-kontenzjuż li jaqa’ taħt id-dritt tal-kompetizzjoni, tal-azzjoni kollettiva għall-irkupru għandhiex l-effett li tirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens li d-dritt tal-Unjoni jagħti lill-persuni leżi minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u li ċċaħħadhom minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

83

Madankollu, għal dan l-għan, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha relatati mal-modalitajiet previsti mid-dritt nazzjonali għall-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens għad-dannu li jirriżulta minn tali ksur (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Cogeco Communications, C‑637/17, EU:C:2019:263, punt 45).

84

Huwa biss fil-każ li, fi tmiem din il-verifika, il-qorti tar-rinviju jkollha tikkonkludi, minn naħa, li ebda wieħed mill-mekkaniżmi kollettivi alternattivi għall-azzjoni kollettiva għall-irkupru li huma previsti mid-dritt nazzjonali ma jippermetti li jiġi invokat, b’mod effettiv, id-dritt tal-persuni jew tal-grupp ta’ persuni li jitolbu li jiksbu kumpens għad-dannu allegatament ikkawżat minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, is-segeriji kkonċernati u, min-naħa l-oħra, li l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ azzjoni individwali previsti mid-dritt nazzjonali jirrendu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għal kumpens u b’hekk jippreġudikaw id-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li din il-qorti jkollha tikkonkludi li d-dritt nazzjonali, interpretat fis-sens li jeskludi tali azzjoni għall-irkupru, ma jissodisfax ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni stabbiliti fil-punti 71 sa 75 ta’ din is-sentenza.

85

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, ċertament, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tal-kawżi li jaqgħu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni u b’mod iktar partikolari taċ-ċirkustanza, imfakkra fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, li l-preżentata tal-azzjonijiet għad-danni għal ksur ta’ dan id-dritt teħtieġ, bħala prinċipju, analiżi fattwali u ekonomika kumplessa, l-eżistenza, fid-dritt nazzjonali, ta’ mekkaniżmi li jippermettu li jinġabru flimkien il-pretensjonijiet individwali tista’ tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens mill-persuni leżi. B’mod partikolari, tali mekkaniżmi jistgħu jiffaċilitaw l-eżerċizzju tal-azzjonijiet għad-danni awtonomi, li insostenn tagħhom ma teżisti ebda konstatazzjoni definittiva ta’ ksur minn awtorità tal-kompetizzjoni.

86

Madankollu, il-kumplessità u l-ispejjeż proċedurali inerenti għal tali azzjonijiet għad-danni ma jippermettux li jiġi konkluż waħedhom li l-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens fil-kuntest ta’ azzjoni individwali jsir prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli, li jkollu l-konsegwenza, fl-assenza ta’ mekkaniżmi ta’ ġbir flimkien tal-pretensjonijiet individwali tal-persuni leżi minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, li jċaħħadhom mid-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-fatt, huwa biss jekk, wara evalwazzjoni tal-elementi legali u fattwali kollha tal-każ, il-qorti tar-rinviju kellha tasal sabiex tidentifika li elementi konkreti tad-dritt nazzjonali jostakolaw l-eżerċizzju ta’ dawn l-azzjonijiet individwali li din tkun tista’, skont il-każ, tasal għal tali konklużjoni.

87

Għandu jingħad ukoll li, kieku din il-qorti kellha tikkonstata li l-mekkaniżmu ta’ azzjoni kollettiva għall-irkupru jikkostitwixxi, fil-kawża prinċipali, l-uniku rimedju proċedurali li jippermetti lis-segeriji kkonċernati jinvokaw b’mod effettiv id-dritt tagħhom għall-kumpens għad-dannu allegatament marbut mal-akkordju inkwistjoni, tali konstatazzjoni tkun bla ħsara għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw, bl-għan ta’ protezzjoni tal-partijiet fil-kawża, l-attività tal-fornituri ta’ tali servizzi ta’ rkupru sabiex, b’mod partikolari, tiġi ggarantita l-kwalità ta’ dawn is-servizzi kif ukoll in-natura oġġettiva u proporzjonata tar-remunerazzjonijiet irċevuti minn tali fornituri, u sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interessi kif ukoll l-aġir proċedurali abbużiv.

88

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-konstatazzjoni eventwali, mill-qorti tar-rinviju, ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, mill-punti 60 u 64 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-dritt għal kumpens sħiħ għad-dannu kkawżat minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, li ġie kkodifikat fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/104, jirriżulta mill-effett dirett irrikonoxxut fl-Artikolu 101(1) TFUE.

89

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-Artikolu 47 tal-Karta huwa suffiċjenti fih innifsu u ma għandux jiġi ppreċiżat mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali sabiex jagħti lill-individwi dritt invokabbli bħala tali (sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 78 u tal‑20 ta’ Frar 2024, X (Assenza ta’ raġunijiet għal xoljiment), C‑715/20, EU:C:2024:139, punt 80 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

90

Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jimponi fuq il-qorti nazzjonali responsabbli sabiex tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt, l-obbligu, jekk ma tkunx tista’ tipproċedi għal interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, li tiżgura l-effett sħiħ ta’ dawn ir-rekwiżiti fil-kawża li jkollha quddiemha billi, jekk ikun hemm bżonn, tħalli mhux applikata, ex officio, kwalunkwe leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali, anki jekk sussegwenti, li tmur kontra dispożizzjoni ta’ dan id-dritt li għandha effett dirett, mingħajr ma titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel ta’ din il-leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali b’mezzi leġiżlattivi jew bi kwalunkwe proċess kostituzzjonali ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 5758, kif ukoll tal‑25 ta’ Jannar 2024, Em akaunt BG, C‑438/22, EU:C:2024:71, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91

Għaldaqstant, fl-ipoteżi msemmija fil-punt 84 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju jkollha qabelxejn tiddetermina, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u billi tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, jekk ikunx possibbli għaliha li tagħti lid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-RDG interpretazzjoni konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr madankollu ma twettaq interpretazzjoni contra legem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks, C‑267/20, EU:C:2022:494, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92

F’dan ir-rigward, kif ġie rrilevat fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, ċerti partijiet għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja indikaw li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinux jeskludu ex officio l-użu tal-mekkaniżmu tal-azzjoni kollettiva għall-irkupru fil-kontenzjuż li jaqa’ taħt id-dritt tal-kompetizzjoni u kienu interpretati minn ċerti qrati nazzjonali bħala li jissuġġettaw l-użu ta’ dan il-mekkaniżmu f’każ konkret għall-osservanza ta’ kundizzjonijiet intiżi sabiex jiggarantixxu l-kwalità tas-servizzi pprovduti, il-livell xieraq tar-remunerazzjoni tal-fornitur tas-servizz kif ukoll l-assenza ta’ kunflitt ta’ interessi fir-rigward ta’ dan tal-aħħar.

93

Huwa biss jekk ebda interpretazzjoni konformi ma tkun tirriżulta possibbli li l-imsemmija dispożizzjonijiet jkollhom jitħallew mhux applikati mill-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export, C‑308/19, EU:C:2021:47, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-punt 4 tal-Artikolu 2, mal-Artikolu 3(1) u mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/104, kif ukoll mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-effett li tipprekludi lill-persuni allegatament leżi minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni milli jittrasferixxu d-drittijiet tagħhom għal kumpens lil fornitur ta’ servizzi legali sabiex dan jinvokahom, b’mod kollettiv, fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni awtonoma, sa fejn

id-dritt nazzjonali ma jipprevedi ebda possibbiltà oħra ta’ ġbir flimkien tal-pretensjonijiet individwali ta’ dawn il-persuni leżi li tkun ta’ natura li tiżgura n-natura effettiva tal-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet għal kumpens, u

l-eżerċizzju ta’ azzjoni għad-danni individwali jirriżulta, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, impossibbli jew eċċessivament diffiċli għall-imsemmija persuni, bil-konsegwenza li jiġu mċaħħda mid-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

Fin-nuqqas tal-possibbiltà ta’ interpretazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jimponu fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li tħalli mhux applikata l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali.

Fuq l-ispejjeż

95

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-punt 4 tal-Artikolu 2, mal-Artikolu 3(1) u mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

jipprekludu l-interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-effett li tipprekludi lill-persuni allegatament leżi minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni milli jittrasferixxu d-drittijiet tagħhom għal kumpens lil fornitur ta’ servizzi legali sabiex dan jinvokahom, b’mod kollettiv, fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni li ma ssegwix deċiżjoni definittiva u vinkolanti, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment tal-fatti, ta’ awtorità ta’ kompetizzjoni li tikkonstata tali ksur, sa fejn

 

id-dritt nazzjonali ma jipprevedi ebda possibbiltà oħra ta’ ġbir flimkien tal-pretensjonijiet individwali ta’ dawn il-persuni leżi li tkun ta’ natura li tiżgura n-natura effettiva tal-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet għal kumpens, u

l-eżerċizzju ta’ azzjoni għad-danni individwali jirriżulta, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, impossibbli jew eċċessivament diffiċli għall-imsemmija persuni, bil-konsegwenza li jiġu mċaħħda mid-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

 

Fin-nuqqas tal-possibbiltà ta’ interpretazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jimponu fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li tħalli mhux applikata l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.