SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)
19 ta’ Settembru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2009/103/KE – Artikoli 3 u 13 – Kuntratt ta’ assigurazzjoni konkluż abbażi ta’ dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali dwar is-sewwieq abitwali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddikjara l-infurzabbiltà fil-konfront tal-‘passiġġier vittma’, li huwa wkoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, tan-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni li tirriżulta mid-dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali magħmula minn dan tal-aħħar fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt – Abbuż ta’ dritt – Rikors ippreżentat kontra d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni bl-għan li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tiegħu minħabba d-dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali tiegħu”
Fil-Kawża C‑236/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Marzu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ April 2023, fil-proċedura
Mutuelle assurance des travailleurs mutualistes (Matmut)
vs
TN,
MAAF assurances SA,
Fonds de garantie des assurances obligatoires de dommages (FGAO),
PQ,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal la Mutuelle assurance des travailleurs mutualistes (Matmut), minn F. Rocheteau, avukat, |
|
– |
għal le Fonds de garantie des assurances obligatoires de dommages (FGAO), minn E. Trichet, avukata, |
|
– |
għal TN, minn J.-P. Caston, avukat, |
|
– |
għall-Gvern Franċiż, minn J.-L. Carré, B. Fodda u B. Herbaut, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Goddin u H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ Ġunju 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 u 13 tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU 2009, L 263, p. 11). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, il-Mutuelle assurance des travailleurs mutualistes (Matmut) u, min-naħa l-oħra, TN, il-kumpannija MAAF assurances SA, il-Fonds de garantie des assurances obligatoires de dommages (FGAO) (il-Fond ta’ Garanzija ta’ Assigurazzjonijiet Obbigatorji ta’ Danni, iktar ’il quddiem il-“FGAO”) u PQ dwar l-infurzabbiltà fil-konfront ta’ dan tal-aħħar tan-nullità ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur konkluż bejnu u l-Matmut. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
Il-premessi 1, 2 u 20 tad-Direttiva 2009/103 jistipulaw:
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 jipprovdi li: “Kull Stat Membru għandu, soġġett għall-Artikolu 5, jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni. Il-ħsara koperta u t-termini u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu determinati fuq il-bażi tal-miżuri msemmijin fl-ewwel paragrafu. […] L-assigurazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tkopri b’mod obbligatorju kemm il-ħsara lill-proprjetà kif ukoll id-danni personali.” |
|
5 |
L-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi jew jawtorizza korp bil-kompitu li jipprovdi kumpens, mill-inqas sal-limiti tal-obbligu ta’ assigurazzjoni għal ħsara lill-proprjetà jew danni persunali kkawżati minn vettura li ma tkunx identifikata jew vettura li għaliha l-obbligu ta’ assigurazzjoni msemmi fl-Artikolu 3 ma jkunx ġie sodisfatt. L-ewwel subparagrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jqisu kumpens minn dan il-korp bħala sussidjarju jew mhux sussidjarju u d-dritt li jipprovdu għall-ħlas ta’ pretensjonijiet bejn il-korp u l-persuna jew persuni responsabbli għall-inċident u assiguraturi oħra jew korpi ta’ siġurta soċjali meħtieġa li jikkumpensaw il-vittma fir-rigward tal-istess inċident. Iżda, l-Istati Membri jistgħu ma jħallux il-korp li jagħmel il-ħlas għall-kumpens kondizzjonali fuq il-vittma li tistabbilixxi b’xi mod li l-persuna responsabbli ma tkunx tista’ jew tkun qed tirrifjuta li tħallas.” |
|
6 |
L-Artikolu 12(1) tal-imsemmija direttiva jiddikjara: “Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1), l-assigurazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3 għandha tkopri r-responsabbiltà għal danni personali tal-passiġġieri kollha, minbarra x-xufier, ikkawżati mill-użu ta’ vettura.” |
|
7 |
Skont l-Artikolu 13 tal-istess direttiva: “1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżgura li l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 titqies nulla fir-rigward ta’ pretensjonijiet minn partijiet terzi li kienu vittmi ta’ inċident, fejn dik id-dispożizzjoni statutorja jew klawsola kuntrattwali tkun teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi minn:
Madanakollu d-dispożizzjoni jew il-klawsola msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tista’ tiġi invokata kontra persuni li minn jeddhom ikunu daħlu fil-vettura li kkaġunat il-ħsara jew il-korriment, meta l-assiguratur jkun jista’ juri li dawn kienu jafu li l-vettura kienet misruqa. L-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla — fil-każ ta’ inċidenti li jseħħu fit-territorju tagħhom — li ma japplikawx id-dispożizzjoni tal-ewwel subparagrafu jekk u sakemm il-vittma tkun tista’ takkwista kumpens għall-ħsara li tkun saritilha mingħand korp ta’ sigurtà soċjali. 2. Fil-każ ta’ vetturi misruqa jew miksuba bi vjolenza, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li l-korp speċifikat fl-Artikolu 10(1) iħallas kumpens minflok l-assiguratur skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Meta l-vettura tkun normalment ibbażata fi Stat Membru ieħor, dak il-korp ma jkun jista’ jagħmel ebda talba kontra xi korp f’dak l-Istat Membru. L-Istati Membri li, fil-każ ta’ vetturi misruqa jew miksuba bi vjolenza, jipprovdu li l-korp imsemmi fl-Artikolu 10(1) għandu jħallas kumpens, jistgħu jiffissaw fir-rigward ta’ ħsara lil proprjetà eċċess ta’ mhux aktar minn EUR 250 li għandha tagħmel tajjeb għalih il-vittma. 3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kull dispożizzjoni statutorja jew klawżola kuntrattwali f’polza ta’ assigurazzjoni li teskludi passiġġier minn tali kopertura fuq il-bażi li kien jaf jew messu kien jaf li s-sewwieq tal-vettura kien taħt l-influwenza tal-alkoħol jew ta’ droga fil-ħin tal-inċident, għandu jitqies bħala null fir-rigward tat-talbiet ta’ tali passiġġier.” |
Id‑dritt Franċiż
|
8 |
Skont l-Artikolu L. 113-8 tal-code des assurances (il-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet), il-kuntratt ta’ assigurazzjoni huwa null fil-każ ta’ riluttanza jew dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali min-naħa tal-persuna assigurata, meta din ir-riluttanza jew din id-dikjarazzjoni falza tbiddel is-suġġett tar-riskju jew tnaqqas l-opinjoni tal-assiguratur dwarha, minkejja li r-riskju mhux indikat jew żnaturat mill-persuna assigurata ma kellux effett fuq l-inċident. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
9 |
Fil‑5 ta’ Ottubru 2012, PQ iffirma kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur mal-Matmut u ddikjara, waqt din is-sottoskrizzjoni, li huwa kien l-uniku sewwieq tal-vettura assigurata. |
|
10 |
Fit‑28 ta’ Settembru 2013, din il-vettura, misjuqa minn TN, li kien taħt l-influwenza tal-alkoħol, kienet involuta f’inċident tat-traffiku ma’ vettura oħra assigurata mill-MAAF assurances. PQ, li kien passiġġier fl-ewwel vettura, safa midrub f’dan l-inċident. |
|
11 |
Imressaq quddiem it-tribunal correctionnel (il-Qorti Kriminali, Franza), TN kien iddikjarat ħati, b’mod partikolari, ta’ “korriment involontarju permezz ta’ sewqan ta’ vettura tal-art bil-mutur taħt l-influwenza tal-alkoħol b’inkapaċità ta’ iktar minn tliet xhur fuq il-persuna ta’ [PQ]”. |
|
12 |
Waqt is-seduta kriminali quddiem din il-qorti, li matulha ġew eżaminati t-talbiet għal kumpens ċivili ta’ PQ, il-Matmut invokat l-eċċezzjoni ta’ nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni minħabba dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali tal-persuna assigurata dwar l-identità tas-sewwieq abitwali tal-vettura kkonċernata, talbet li tiġi eskluża mill-kawża u talbet it-teħid ta’ responsabbiltà tal-kumpens ta’ PQ mill-FGAO, li, skont il-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet, huwa l-organu responsabbli mill-kumpens tal-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku li l-persuna responsabbli minnhom ma hijiex assigurata. |
|
13 |
Permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2018, it-tribunal correctionnel (il-Qorti Kriminali) iddikjarat in-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni konkluż bejn il-Matmut u PQ minħabba dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali ta’ dan tal-aħħar. Konsegwentement, il-Matmut tneħħiet mill-kawża, TN ġie kkundannat jikkumpensa d-danni subiti mill-vittmi tal-inċident tat-traffiku kkonċernat u din is-sentenza ġiet iddikjarata infurzabbli fil-konfront tal-FGAO. |
|
14 |
Il-FGAO, MAAF assurances u TN appellaw minn din is-sentenza quddiem il-cour d’appel de Lyon (il-Qorti tal-Appell ta’ Lyon, Franza). Permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2020, din il-qorti kkonfermat l-imsemmija sentenza sa fejn iddikjarat in-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni li jorbot lil PQ u l-Matmut. L-imsemmija qorti kkonstatat li, waqt is-sottoskrizzjoni tal-kuntratt ta’ assikurazzjoni ta’ PQ, TN kien il-proprjetarju tal-vettura kkonċernata kif ukoll is-sewwieq abitwali tagħha Għalhekk, din l-istess qorti sostniet li PQ kien għamel dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali dwar l-identità tas-sewwieq abitwali, li kienet biddlet l-opinjoni dwar ir-riskju tal-assiguratur, fid-dawl tal-fatt li TN kien ġie preċedentement kkundannat għal sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol. |
|
15 |
Il-Cour d’appel de Lyon (il-Qorti tal-Appell ta’ Lyon) madankollu ddeċidiet li n-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni inkwistjoni ma tistax tiġi invokata kontra PQ u rrifjutat li tqiegħed lil Matmut barra mill-kawża, minħabba li mis-supremazija tad-dritt tal-Unjoni Ewropea fuq id-dritt nazzjonali jirriżulta li n-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni minħabba dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali tal-persuna assigurata, prevista fl-Artikolu L. 113–8 tal-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet, ma tistax tiġi invokata kontra l-vittmi ta’ inċident tat-traffiku jew l-aventi kawża tagħhom. L-imsemmija qorti ppreċiżat li l-fatt li vittma kienet il-passiġġier tal-vettura li kkawżat l-inċident, id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jew il-proprjetarju ta’ din il-vettura ma jippermettix li tiġi mċaħħda mill-kwalità ta’ terz vittma ta’ inċident. |
|
16 |
Il-Matmut ippreżentat appell quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), li hija l-qorti tar-rinviju, mis-sentenza tal-cour d’appel de Lyon (il-Qorti tal-Appell ta’ Lyon), fejn sostniet li din tal-aħħar iddikjarat b’mod żbaljat li n-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni fil-kawża prinċipali ma setgħetx tiġi invokata kontra PQ. |
|
17 |
Il-qorti tar-rinviju tfakkar li, skont l-Artikolu L. 113-8 tal-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet, kuntratt ta’ assigurazzjoni huwa null fil-każ ta’ riluttanza jew dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali min-naħa tal-persuna assigurata, meta din ir-riluttanza jew din id-dikjarazzjoni falza tbiddel is-suġġett tar-riskju jew tnaqqas l-opinjoni tal-assiguratur dwarha, minkejja li r-riskju mhux indikat jew żnaturat mill-persuna assigurata ma kellux effett fuq l-inċident. |
|
18 |
F’dan ir-rigward, din il-qorti tosserva li, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, in-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni tidħol fis-seħħ fid-data tad-dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali. Konsegwentement, meta tali dikjarazzjoni ssir fil-mument tas-sottoskrizzjoni tal-kuntratt, in-nullità teqred retroattivament dan tal-aħħar, li għalhekk jitqies li qatt ma eżista. |
|
19 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, sa sentenza tad‑29 ta’ Awwissu 2019, li mmarkat bidla fil-ġurisprudenza tagħha, hija qieset li n-nullità ta’ kuntratt li tirriżulta mid-dikjarazzjoni falza tal-persuna assigurat kienet infurzabbli kontra l-vittma. Minn dik is-sentenza, hija ddeċidiet, essenzjalment, li mill-Artikolu L. 113–8 tal-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet, interpretat fid-dawl tal-Artikoli 3 u 13 tad-Direttiva 2009/103, jista’ jiġi dedott li n-nullità stabbilita minn din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata kontra l-vittmi ta’ inċident tat-traffiku jew l-aventi kawża tagħhom u li l-FGAO ma tistax tintalab tikkumpensa lill-vittma f’tali każ. |
|
20 |
Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li, sabiex il-Kodiċi ta’ Assigurazzjonijiet jkun konformi mad-dritt tal-Unjoni, il-leġiżlatur Franċiż, fl-2019, introduċa l-Artikolu L. 211‑7‑1 f’dan il-kodiċi, li jipprovdi, minn naħa, li n-nullità ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur ma tistax tiġi invokata kontra l-vittmi tad-danni li jirriżultaw minn inċident tat-traffiku, jew kontra l-aventi kawża tagħhom, u, f’tali każ, l-assiguratur li jiggarantixxi r-responsabbiltà ċivili minħabba l-vettura involuta huwa obbligat li jikkumpensahom u, min-naħa l-oħra, l-assiguratur huwa ssurrogat fid-drittijiet li għandu l-kreditur tal-kumpens kontra l-persuna responsabbli għall-inċident, sal-ammont tas-somom li huwa ħallas. |
|
21 |
Madankollu, l-imsemmija qorti tirrileva li, għalkemm mill-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur jirriżulta, essenzjalment, li l-fatt li passiġġier ta’ vettura li huwa vittma ta’ inċident tat-traffiku huwa wkoll il-persuna li hija koperta mill-assigurazzjoni tal-vettura involuta f’dan l-inċident ma jippermettix li jiġi miċħuda lilu l-kwalità ta’ terz vittma, il-kawża prinċipali tqajjem il-kwistjoni dwar jekk in-nullità ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni tistax tiġi invokata kontra l-passiġġier vittma meta dan jkun ukoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni u l-awtur tad-dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali li wasslet għan-nullità ta’ dan il-kuntratt. |
|
22 |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk, fl-ipoteżi fejn in-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni tiġi ddikjarata li ma tistax tiġi infurzata kontra l-vittma, detentriċi tal-polza ta’ assigurazzjoni, l-assiguratur jistax, mingħajr ma jikser id-dritt tal-Unjoni, jitħalla jippreżenta rikors kontra din il-vittma, ibbażat fuq in-nuqqas intenzjonali tagħha mwettaq waqt il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, sabiex jikseb ir-rimbors tas-somom kollha li huwa ħallasha b’eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt. |
|
23 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont il-ġurisprudenza nazzjonali f’dan il-qasam, il-persuna li tissottoskrivi kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur li tkun għamlet dikjarazzjonijiet foloz volontarjament tista’ tiġi stabbilita mill-assiguratur, u li, fil-każ ta’ annullament ta’ dan il-kuntratt minħabba dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali, is-sottoskritt huwa obbligat li jirrimborsa lill-assiguratur il-kumpens li dan ħallas lill-vittma tal-inċident tat-traffiku. |
|
24 |
Min-naħa l-oħra, fl-ipoteżi fejn in-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni tkun infurzabbli kontra l-vittma, detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li l-FGAO tieħu r-responsabbiltà għall-kumpens li għandu jitħallas lill-vittma. |
|
25 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikoli 3 u 13 tad-[Direttiva 2009/103] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li n-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur tiġi ddikjarata eżegwibbli kontra l-passiġġier vittma meta huwa jkun ukoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni li jkun wettaq intenzjonalment dikjarazzjoni falza fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt li tkun wasslet għal din in-nullità?” |
Fuq id‑domanda preliminari
|
26 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li jkollha quddiemha. Minn din il-perspettiva, jekk ikun il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tirriformula d-domandi magħmulin lilha. Il-fatt li qorti nazzjonali għamlet, fuq livell formali, domanda preliminari billi rriferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jostakolax li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lil dik il-qorti l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, irrispettivament jekk irriferietx għalihom fid-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2024, Direcţia pentru Evidenţa Persoanelor şi Administrarea Bazelor de Date, C‑491/21, EU:C:2024:143, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
27 |
F’dan il-każ, b’kunsiderazzjoni tal-indikazzjonijiet kollha tal-qorti tar-rinviju kif ukoll tal-osservazzjonijiet ppreżentati minn TN, il-Matmut, l-FGAO, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni Ewropea, hemm lok, sabiex jingħataw elementi ta’ interpretazzjoni utili lil qorti tar-rinviju, li tiġi rriformulata d-domanda magħmula. |
|
28 |
Għalhekk, għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/103 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti, minn naħa, li tiġi invokata kontra l-passiġġier ta’ vettura involuta f’inċident tat-traffiku, li huwa vittma ta’ dan l-inċident, meta dan tal-aħħar ikun ukoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, in-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tal-vetturi bil-mutur li tirriżulta minn dikjarazzjoni falza ta’ dan id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni magħmula waqt il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, fir-rigward tal-identità tas-sewwieq abitwali tal-vettura kkonċernata u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-assiguratur, fl-ipoteżi fejn tali nullità ma tistax effettivament tiġi invokata kontra tali passiġġier vittma, li jikseb ir-rimbors tas-somom kollha li huwa ħallas lil dan il-passiġġier b’eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni permezz ta’ rikors ippreżentat kontra dan tal-aħħar, ibbażat fuq in-nuqqas intenzjonali mwettaq minnu waqt il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt. |
|
29 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif tindika l-premessa 1 tad-Direttiva 2009/103, din tikkodifika id-Direttiva 72/166, it-Tieni Direttiva 84/5, it-Tielet Direttiva 90/232, id-Direttiva 2000/26 u d-Direttiva 2005/14. Dawn id-direttivi ddefinixxew, progressivament, l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-assigurazzjoni obbligatorja. Huma kienu intiżi, minn naħa, li jiżguraw il-moviment liberu kemm tal-vetturi normalment ibbażati fit-territorju tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-persuni li jinsabu abbord dawn il-vetturi u, min-naħa l-oħra,;li jiggarantixxu li l-vittmi tal-inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi jibbenefikaw minn trattament paragunabbli, ikun fejn ikun il-post fit-territorju tal-Unjoni fejn iseħħ l-inċident (digriet tat‑13 ta’ Ottubru 2021, Liberty Seguros, C‑375/20, EU:C:2021:861, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
30 |
Barra minn hekk, mill-premessi 2 u 20 tad-Direttiva 2009/103 jirriżulta li din għandha l-istess għanijiet bħal dawk imfittxija mill-imsemmija direttivi (digriet tat‑13 ta’ Ottubru 2021, Liberty Seguros, C‑375/20, EU:C:2021:861, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Jirriżulta mill-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja li dan l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi ġie mfittex u msaħħaħ b’mod kostanti mil-leġiżlatur tal-Unjoni (digriet tat‑13 ta’ Ottubru 2021, Liberty Seguros, C‑375/20, EU:C:2021:861, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, kull Stat Membru għandu, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, jieħu l-miżuri xierqa kollha sabiex ir-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi li abitwalment jinsabu fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni. |
|
33 |
F’dan ir-rigward, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva, kumpannija tal-assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur ma tistax tirrifjuta li tikkumpensa lit-terzi vittmi tal-inċident ikkawżat mill-vettura assigurata, billi tieħu vantaġġ mid-dispożizzjonijiet legali jew minn klawżoli kuntrattwali inklużi f’polza ta’ assigurazzjoni li teskludi mill-koperatura tal-assigurazzjoni r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur id-danni kkawżati minn terzi vittmi minħabba l-użu jew is-sewqan tal-vettura assigurata minn persuni mhux awtorizzati isuqu din il-vettura, minn persuni li ma għandhomx liċenzja tas-sewqan jew minn persuni li ma humiex konformi mal-obbligi legali ta’ natura teknika dwar l-istat u s-sigurtà tal-imsemmija vettura (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑13 ta’ Ottubru 2021, Liberty Seguros, C‑375/20, EU:C:2021:861, punti 58 u 59 kif ukoll tal-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
B’deroga minn dan l-ewwel subparagrafu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/103 jipprevedi li ċerti vittmi jistgħu ma jiġux ikkumpensati mill-kumpannija tal-assigurazzjoni, fid-dawl tas-sitwazzjoni li ħolqu huma stess, jiġifieri fil-każijiet fejn il-vettura li kkawżat id-dannu kienet użata jew misjuqa minn persuni li ma kinux la espressament u lanqas impliċitament awtorizzati u fejn it-terzi vittmi volontarjament ħadu posthom f’din il-vettura, bl-għarfien li din kienet misruqa (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑13 ta’ Ottubru 2021, Liberty Seguros, C‑375/20, EU:C:2021:861, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
Jirriżulta mill-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva li, mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tal-istess direttiva, l-assigurazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva tkopri r-responsabbiltà għal danni fiżiċi tal-passiġġieri kollha, minbarra x-xufier, ikkawżati mill-użu ta’ vettura. |
|
36 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet li l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi jipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali tillimita indebitament l-kunċett ta’ passiġġier kopert mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mil-użu tal-vetturi bil-mutur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Delgado Mendes, C‑503/16, EU:C:2017:681, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Fil-fatt, għal dak li jirrigwarda l-kwalità ta’ vittma ta’ inċident tat-traffiku, ta’ detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni u ta’ proprjetarju tal-vettura involuta f’dan l-inċident, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-għan jimponi li s-sitwazzjoni legali ta’ propjetarju ta’ vettura, li kien abbord ta’ din tal-aħħar fil-mument tal-imsemmi inċident bħala passiġġier, tiġi assimilata ma’ dik ta’ kwalunkwe “passiġġier vittma” ieħor tal-imsemmi inċident (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Delgado Mendes, C‑503/16, EU:C:2017:681, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li l-imsemmi għan jimponi li s-sitwazzjoni legali tal-persuna li hija assigurata għas-sewqan tal-vettura, iżda li hija wkoll passiġġiera ta’ din il-vettura fil-mument tal-istess inċident, tiġi assimilata ma’ dik ta’ kwalunkwe “passiġġier vittma” ieħor ta’ dan l-inċident u li, għaldaqstant, il-fatt li persuna tkun assigurata għas-sewqan tal-vettura li kkawżat l-imsemmi inċident ma jippermettix li tiġi eskluża din il-persuna mill-kunċett ta’ “terzi vittmi”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/103, peress li kienet passiġġiera, u mhux sewwieqa ta’ din il-vettura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Delgado Mendes, C‑503/16, EU:C:2017:681, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Għalhekk, il-fatt li passiġġier waqt inċident tat-traffiku huwa ukoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni ma jippermettix li tiġi eskluża din il-persuna mill-kunċett ta’ “terzi vittmi”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/103 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Delgado Mendes, C‑503/16, EU:C:2017:681, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
40 |
Il-fatt li l-passiġġier huwa wkoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni ma jistax jiġġustifika trattament differenti, fid-dawl tal-istess għan ta’ protezzjoni mfittex minn din id-direttiva, kif imsemmi fil-punt 31 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Delgado Mendes, C‑503/16, EU:C:2017:681, punt 45). |
|
41 |
L-istess japplika fir-rigward tal-fatt li d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni ma huwiex is-sewwieq abitwali tal-vettura involuta f’inċident tat-traffiku (sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Fidelidade-Companhia de Seguros, C‑287/16, EU:C:2017:575, punt 28). |
|
42 |
Minn dan isegwi li, fil-każ preżenti, il-fatt li, fil-mument li fih seħħ l-inċident tat-traffiku, PQ, id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, kien passiġġier tal-vettura kkonċernata ma jaffettwax il-kwalità tiegħu ta’ “terz vittma” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/103. |
|
43 |
Fir-rigward tal-infurzabbiltà fil-konfront ta’ PQ tan-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili tal-vetturi bil-mutur li tirriżulta mid-dikjarazzjoni falza tiegħu magħmula waqt il-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt fir-rigward tal-identità tas-sewwieq abitwali tal-vettura kkonċernata, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 34 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-leġiżlatur ippreveda fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/103 deroga waħda biss mill-obbligu tal-kumpanniji ta’ assigurazzjoni li jikkumpensaw lit-terzi vittmi ta’ inċident tat-traffiku. |
|
44 |
Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li din id-deroga għandha tiġi interpretata b’mod strett (digriet tat‑13 ta’ Ottubru 2021, Liberty Seguros, C‑375/20, EU:C:2021:861, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
45 |
Kull interpretazzjoni oħra tippermetti lill-Istati Membri jillimitaw il-kumpens lil terzi vittmi ta’ inċident tat-traffiku għal ċerti ċirkustanzi, ħaġa li d-Direttiva 2009/103 hija intiża preċiżament li tevita (digriet tat‑13 ta’ Ottubru 2021, Liberty Seguros, C‑375/20, EU:C:2021:861, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
46 |
Għalhekk, l-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li dispożizzjoni legali jew klawżola kuntrattwali li tinsab f’polza ta’ assigurazzjoni, li teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi minn persuni li la huma espressament u lanqas impliċitament awtorizzati, tista’ tiġi invokata kontra terzi vittmi ta’ inċident tat-traffiku biss fil-każijiet fejn il-vettura li kkawżat id-dannu tkun intużat jew misjuqa minn tali persuni u fejn it-terzi vittmi volontarjament ikunu ħadu posthom f’din il-vettura filwaqt li jkunu jafu li kienet misruqa (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑13 ta’ Ottubru 2021, Liberty Seguros, C‑375/20, EU:C:2021:861, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
Minn dan isegwi li l-fatt li kumpannija ta’ assigurazzjoni kkonkludiet kuntratt ta’ assigurazzjoni abbażi ta’ ommissjonijiet jew ta’ dikjarazzjonijiet foloz min-naħa tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni ma jistax jippermetti lil din il-kumpannija tinvoka dispożizzjonijiet legali jew klawżola kuntrattwali li jipprevedu n-nullità tal-kuntratt sabiex topponi din in-nullità kontra terz vittma sabiex teżonera ruħha mill-obbligu tagħha li jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 li tikkumpensa lil dan tal-aħħar għad-dannu subit minħabba inċident ikkawżat mill-vettura assigurata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Fidelidade-Companhia de Seguros, C‑287/16, EU:C:2017:575, punt 27). |
|
48 |
Din l-interpretazzjoni ma tistax titqiegħed fid-dubju mill-possibbiltà li jitħallas kumpens lill-vittma mill-FGAO. Fil-fatt, l-intervent tal-organu msemmi fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2009/103 ġie mfassal bħala miżura tal-aħħar rikors, prevista biss fil-każ fejn id-danni ġew ikkawżati minn vettura li għaliha ma ġiex issodisfatt l-obbligu tal-assigurazzjoni msemmi fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, jiġifieri vettura li għaliha ma jeżistix kuntratt ta’ assigurazzjoni (digriet tat‑13 ta’ Ottubru 2021, Liberty Seguros, C‑375/20, EU:C:2021:861, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
49 |
F’dan il-każ, madankollu għandu jiġi rrilevat li, b’differenza għall-kawżi li taw lok għas-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Fidelidade-Companhia de Seguros (C‑287/16, EU:C:2017:575), u d-digriet tat‑13 ta’ Ottubru 2021, Liberty Seguros (C‑375/20, EU:C:2021:861), f’dan il-każ, PQ ma huwiex biss il-“passiġġier vittma” tal-inċident tat-traffiku fil-kawża prinċipali li jfittex li jiġi kkumpensat, iżda huwa wkoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni u fl-istess waqt l-awtur ta’ dikjarazzjoni falza b’mod intenzjonali li wasslet għan-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni. |
|
50 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2009/103 ma tinkludix dispożizzjonijiet li jirregolaw l-eventwali abbuż tad-dritt imwettaq mid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni. |
|
51 |
Madankollu, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, jeżisti, fid-dritt tal-Unjoni, prinċipju ġenerali tad-dritt li jgħid li l-individwi ma jistgħux jinvokaw ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni b’mod frawdolenti jew abbużiv (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et, C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, EU:C:2023:1014, punt 281 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
52 |
L-osservanza ta’ dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt hija meħtieġa mill-individwi. Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tistax tiġi estiża sabiex tkopri l-operazzjonijiet li jitwettqu bil-għan li jibbenefikaw b’mod frawdolenti jew abbużiv mill-vantaġġi previsti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et, C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, EU:C:2023:1014, punt 282 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
53 |
Għalhekk, minn dan il-prinċipju jirriżulta li Stat Membru għandu jirrifjuta, anki fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu tali rifjut, il-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni meta dawn ma jkunux invokati minn persuna sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, iżda bil-għan li jinkiseb benefiċċju mogħti lil din il-persuna mid-dritt tal-Unjoni, minkejja li r-rekwiżiti oġġettivi meħtieġa sabiex jinkiseb il-benefiċċju mfittex, previsti mid-dritt tal-Unjoni, huma biss formalment issodisfatti (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et, C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, EU:C:2023:1014, punt 283 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
54 |
Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prova ta’ prassi abbużiva teħtieġ, minn naħa, numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx u, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fir-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bil-ħolqien artifiċjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jinkiseb (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et, C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, EU:C:2023:1014, punt 285 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
55 |
Il-verifika tal-eżistenza ta’ prattika abbużiva teżiġi li l-qorti tar-rinviju tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, inkluż dawk li seħħew wara t-tranżazzjoni li hija allegatament abbużiva (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et, C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, EU:C:2023:1014, punt 286 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
56 |
Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, konformement mar-regoli probatorji previsti fid-dritt nazzjonali, sa fejn ma tiġix ippreġudikata l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, jekk l-elementi kostituttivi ta’ prattika abbużiva, kif imfakkra fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, humiex issodisfatti fil-kawża prinċipali. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tkun qiegħda tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’, jekk meħtieġ, tagħmel preċiżjonijiet bil-għan li tiggwida lill-qorti nazzjonali fl-interpretazzjoni tagħha (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et, C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, EU:C:2023:1014, punt 287 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
57 |
F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda, minn naħa, il-punt dwar jekk, f’dan il-każ, l-għan imfittex tad-Direttiva 2009/103 ntlaħaqx, għandu jiġi rrilevat, kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 67 u 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku jidher li ntlaħaq, peress li PQ huwa vittma tal-inċident ikkonċernat li jfittex li jiġi kkumpensat. |
|
58 |
Issa, fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-element suġġettiv li jikkonsisti fir-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, billi jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tiegħu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dikjarazzjoni falza inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha l-għan li tevita li TN ikollu jikkonkludi kuntratt ta’ assigurazzjoni, fid-dawl tal-kundanna preċedenti tiegħu għal sewqan taħt stat alkoħoliku. Issa, din id-dikjarazzjoni falza twettqet minn PQ sabiex tiġi assigurata l-vettura ta’ TN u sabiex jibbenefika minn primjum ta’ assigurazzjoni iktar vantaġġuż minn dak li kien ikun dovut li kieku l-assiguratur kien jaf l-identità tas-sewwieq abitwali ta’ din il-vettura. |
|
59 |
F’dan ir-rigward, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jidhirx, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li PQ kien għamel dikjarazzjonijiet foloz bl-għan essenzjali li jinvoka huwa stess l-Artikoli 3 u 13 tad-Direttiva 2009/103 u li jevita dispożizzjoni nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet legali ta’ nullità ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni. |
|
60 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-elementi li jikkostitwixxu prattika abbużiva, kif imfakkra fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, huma ssodisfatti f’dan il-każ. |
|
61 |
Għalhekk, sa fejn PQ ma kisirx il-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt, għandu jitqies li n-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżulta mid-dikjarazzjoni falza tiegħu magħmula waqt il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, ma tistax tiġi invokata kontrih. |
|
62 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-possibbiltà għall-assiguratur, f’każ bħal dan, li jikseb mingħand PQ ir-rimbors tas-somom kollha li huwa jkun ħallas b’eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni permezz ta’ rikors, ibbażat fuq in-nuqqas intenzjonali mwettaq minn dan tal-aħħar waqt il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, għandu jiġi rrilevat li l-kundizzjonijiet legali ta’ validità ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni kif ukoll dawk dwar l-istabbiliment tar-responsabbiltà tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni minħabba dikjarazzjonijiet foloz fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni ma humiex irregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mid-dritt tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Fidelidade-Companhia de Seguros, C‑287/16, EU:C:2017:575, punt 31). |
|
63 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam filwaqt li josservaw id-dritt tal-Unjoni u li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kumpens għall-ħsarat li jirriżultaw mill-użu ta’ vetturi ma jistgħux iċaħħdu d-Direttiva 2009/103 mill-effettività tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Fidelidade-Companhia de Seguros, C‑287/16, EU:C:2017:575, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
64 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja, qieset, f’diversi okkażjonijiet, sabiex tiżgura l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi bil-mutur, li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jippreġudikaw dan l-effett utli, sa fejn, billi jeskludu ex officio jew billi jillimitaw b’mod sproporzjonat id-dritt tal-vittma milli tikseb kumpens mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi bil-mutur, dawn jikkompromettu l-possibbiltà li jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċident tat-traffiku, kontinwament imfittex u msaħħaħ mil-leġiżlatur tal-Unjoni (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Van Ameyde España, C‑923/19, EU:C:2021:475, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
65 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 105 u 110 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jitqies li leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-assiguratur, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali u permezz ta’ rikors ippreżentat kontra l-“passiġġier vittma”, li huwa wkoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni u l-awtur tad-dikjarazzjoni falza magħmula fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, li jikseb ir-rimbors tat-“totalità” tas-somom imħallsa lill-imsemmi “passiġġier vittma” b’eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt tista’ ċċaħħad lil din il-persuna, b’mod definittiv u sproporzjonat, mill-protezzjoni li d-Direttiva 2009/103 tagħti lill-vittmi ta’ tali inċidenti u, konsegwentement, li jiġi ppreġudikat id-dritt ta’ dan l-individwu li jiġi kkumpensat mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili tal-vetturi bil-mutur. |
|
66 |
Fid-dawl tal-motivi kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/103 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, ħlief jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata l-eżistenza ta’ abbuż ta’ dritt, leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti, minn naħa, li tiġi invokata kontra l-passiġġier ta’ vettura involuta f’inċident tat-traffiku, li huwa vittma ta’ dan l-inċident, meta dan tal-aħħar ikun ukoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, in-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tal-vetturi bil-mutur li tirriżulta minn dikjarazzjoni falza ta’ dan id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni magħmula waqt il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, fir-rigward tal-identità tas-sewwieq abitwali tal-vettura kkonċernata u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-assiguratur, fl-ipoteżi fejn tali nullità ma tistax effettivament tiġi invokata kontra tali “passiġġier vittma”, li jikseb ir-rimbors tas-somom kollha li huwa ħallas lil dan il-passiġġier b’eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni permezz ta’ rikors ippreżentat kontra dan tal-aħħar, ibbażat fuq in-nuqqas intenzjonali mwettaq minnu waqt il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, peress li tali rimbors jwassal għaċ-ċaħda tal-effettività tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, billi jillimita b’mod sproporzjonat id-dritt tal-vittma milli tikseb kumpens mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi bil-mutur. |
Fuq l‑ispejjeż
|
67 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
jipprekludu, ħlief jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata l-eżistenza ta’ abbuż ta’ dritt, leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti, minn naħa, li tiġi invokata kontra l-passiġġier ta’ vettura involuta f’inċident tat-traffiku, li huwa vittma ta’ dan l-inċident, meta dan tal-aħħar ikun ukoll id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, in-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tal-vetturi bil-mutur li tirriżulta minn dikjarazzjoni falza ta’ dan id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni magħmula waqt il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, fir-rigward tal-identità tas-sewwieq abitwali tal-vettura kkonċernata u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-assiguratur, fl-ipoteżi fejn tali nullità ma tistax effettivament tiġi invokata kontra tali “passiġġier vittma”, li jikseb ir-rimbors tas-somom kollha li huwa ħallas lil dan il-passiġġier b’eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni permezz ta’ rikors ippreżentat kontra dan tal-aħħar, ibbażat fuq in-nuqqas intenzjonali mwettaq minnu waqt il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, peress li tali rimbors jwassal għaċ-ċaħda tal-effettività tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, billi jillimita b’mod sproporzjonat id-dritt tal-vittma milli tikseb kumpens mill-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi bil-mutur. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.