SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

4 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi – Regolament (UE) 2018/848 – Użu ta’ ċerti prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni organika u lista ta’ dawn il-prodotti u sustanzi – Deroga – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165 – Anness II – Kunċetti ta’ ‘trobbija industrijali tal-annimali’ u ta’ ‘trobbija tal-annimali mingħajr art’ – Fiduċja tal-konsumaturi – Benesseri tal-annimali – Rispett tal-ambjent u tal-klima – Kriterji”

Fil-Kawża C‑228/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ April 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ April 2023, fil-proċedura

Association AFAÏA

vs

Institut national de l’origine et de la qualité (INAO),

fil-preżenza ta’:

Ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑21 ta’ Frar 2024,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

Għall-assoċjazzjoni AFAÏA, minn B. Le Bret, R. Rard, avocats, u A. Tricaud, espert,

għall-Gvern Franċiż, minn G. Bain, J.‑L. Carré, B. Fodda u M. de Lisi, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Dawes u B. Hofstötter, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ April 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1165 tal‑15 ta’ Lulju 2021 li jawtorizza ċerti prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni organika u li jistabbilixxi l-listi tagħhom (ĠU 2021, L 253, p. 13 u rettifika fil-ĠU 2023, L 112, p. 50) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165”), adottat għall-finijiet tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU 2018, L 150, p. 1, u r-rettifiki fil-ĠU 2018, L 270. p. 37, fil-ĠU 2019, L 305, p. 59, fil-ĠU 2020, L 439, p. 32, fil-ĠU 2021, L 7, p. 53, fil-ĠU 2021, L 204, p. 47, fil-ĠU 2021, L 318, p. 5 u fil-ĠU 2022, L 321, p. 74) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament 2018/848”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-assoċjazzjoni AFAÏA, li hija sindakat Franċiż ta’ professjonisti li l-għan tiegħu huwa d-difiża tal-interessi kollettivi tal-produtturi ta’ fertilizzanti organiċi, u l-Institut national de l’origine et de la qualité (INAO) li huwa stabbiliment pubbliku amministrattiv Franċiż, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “trobbija industrijali tal-annimali” adottata mill-INAO fil-Gwida għall-Qari għall-Applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat‑28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (ĠU 2007, L 189, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2013, L 68, p. 61 u fil-ĠU 2014, L 300, p. 72 u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal‑5 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU 2008, L 250, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Gwida għall-qari”).

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑Direttiva EEA

3

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2012, L 18, p. 7, u fil-ĠU 2015, L 174, p. 44) kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 (ĠU 2014, L 124, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva EEA”), jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li, qabel ma jingħata l-kunsens għall-iżvilupp, il- proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikattiv fuq l-ambjent minħabba, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokalizzazzjoni tagħhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit li jkun hemm kunsens għall-iżvilupp u valutazzjoni rigward l-effetti tagħhom fuq l-ambjent. Dawk il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.”

4

L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Bla ħsara għall-Artikolu 2(4), il-proġetti mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu soġġetti għall-stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10.”

5

Skont il-kliem tal-punt 17 tal-Anness I tal-imsemmija direttiva:

“Stallazzjoni għat-tkabbir [trobbija] intensiv tat-tjur jew tal-ħnieżer b’iktar minn:

a)

85000 post għall-kapuċċelli, 60000 post għat-tiġieġ;

b)

3000 post għall-ħnieżer ta’ produzzjoni (ta’ iktar minn 30 kg); jew

c)

900 post għall-majjaliet.”.

Ir‑Regolament 2018/848

6

Il-premessi 1, 2, 4, 6, 15, 40, 43, 44, 63 u 123 tar-Regolament 2018/848 jipprovdu:

“(1)

Il-produzzjoni organika hija sistema globali ta’ ġestjoni tal-azjendi agrikoli u l-produzzjoni tal-ikel li tikkombina l-aħjar prattiki ambjentali u tal-azzjonijiet klimatiċi, livell għoli ta’ bijodiversità, il-preservazzjoni ta’ riżorsi naturali u l-applikazzjoni ta’ standards għoljin ta’ trattament xieraq [benesseri] tal-annimali u standards għoljin ta’ produzzjoni f’konformità mad-domanda dejjem tikber minn għadd ta’ konsumaturi għal prodotti li jiġu prodotti minn sustanzi u proċessi naturali. Għaldaqstant, il-produzzjoni organika għandha rwol soċjetali doppju, fejn min-naħa waħda tipprovdi għal suq speċifiku li jirreaġixxi għad-domanda tal-konsumaturi għal prodotti organiċi u min-naħa l-oħra, tforni prodotti disponibbli pubblikament li jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-ambjent u l-benessri tal-annimali, kif ukoll għall-iżvilupp rurali.

(2)

L-osservanza ta’ standards għoljin għas-saħħa, l-ambjent u l-benessri tal-annimali fil-produzzjoni ta’ prodotti organiċi hija marbuta intrinsikament mal-kwalità għolja ta’ dawk il-prodotti. Kif enfasizzat fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni [Ewropea] tat‑28 ta’ Mejju 2009 rigward il-politika dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli, il-produzzjoni organika tifforma parti mill-iskemi tal-kwalità tal-Unjoni [Ewropea] prodotti agrikoli, flimkien mal-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-ispeċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tal‑21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2013, L 55, p. 27, fil-ĠU 2015, L 191, p. 10, fil-ĠU 2019, L 216, p. 40, u fil-ĠU 2023, L 200, p. 50)] u prodotti mir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tat‑13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (ĠU 2013, L 78, p. 23)]. F’dan is-sens, il-produzzjoni organika ssegwi l-istess objettivi inklużi fil-politika agrikola komuni (“PAK”), li huma inerenti għall-iskemi kollha tal-kwalità tal-prodotti agrikoli tal-Unjoni.

[…]

(4)

Barra minn hekk, il-produzzjoni organika hija sistema li tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tar-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali fil-PAK u li tippromwovi produzzjoni agrikola sostenibbli. […]

[…]

(6)

Fid-dawl tal-objettivi tal-politika tal-Unjoni dwar il-produzzjoni organika, jenħtieġ li l-qafas legali stabbilit għall-implimentazzjoni ta’ dik il-politika jkollu l-għan li jiżgura kompetizzjoni ġusta u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern fil-prodotti organiċi, li jżomm u jiġġustifika l-fiduċja tal-konsumatur fil-prodotti bit-tikketta organika, u li jipprovdi kondizzjonijiet li taħthom il-politika tista’ tagħmel progress f’konformità mal-iżviluppi tal-produzzjoni u tas-suq.

[…]

(15)

Proġetti ta’ riċerka wrew li l-fiduċja tal-konsumatur hija kruċjali fis-suq tal-ikel organiku. Fuq perijodu ta’ żmien twil, ir-regoli li mhumiex affidabbli jistgħu jipperikolaw il-fiduċja pubblika u jwasslu għall-falliment tas-suq. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-iżvilupp sostenibbli tal-produzzjoni organika fl-Unjoni jkun ibbażat fuq regoli sodi dwar il-produzzjoni li huma armonizzati fil-livell tal-Unjoni u li jissodisfaw l-aspettattivi tal-operaturi u tal-konsumaturi rigward il-kwalità tal-prodotti organiċi u l-konformità mal-prinċipji u r-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament.

[…]

(40)

Peress li l-produzzjoni tal-bhejjem naturalment tinvolvi l-ġestjoni ta’ art agrikola, fejn jintuża demel bħala nutrijent għall-produzzjoni tal-għelejjel, il-produzzjoni tal-bhejjem fejn ma hemmx art [tal-annimali mingħajr art] agrikola jenħtieġ li tiġi pprojbita, ħlief fil-każ tat-trobbija tan-naħal. […]

[…]

(43)

Il-ġestjoni tas-saħħa tal-annimali jenħtieġ li tkun primarjament ibbażata fuq il-prevenzjoni tal-mard. Barra minn hekk jenħtieġ li jiġu applikati miżuri speċifiċi ta’ tindif u diżinfezzjoni. Jenħtieġ li l-użu preventiv ta’ prodotti mediċinali allopatiċi kimikament sintesizzati, inkluż l-antibijotiċi, ma jkunx permess fil-produzzjoni organika. F’każ ta’ mard jew korriment ta’ annimal li jkun jirrikjedi trattament immedjat, l-użu ta’ dawn il-prodotti jenħtieġ li jkun limitat għall-minimu meħtieġ biex jerġa’ jiġi stabbilit il-benessri tal-annimal. […]

(44)

Jenħtieġ li l-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni u l-prattiki tat-trobbija organiċi jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-imġiba tal-annimali u jenħtieġ li jiżguraw livell għoli ta’ trattament xieraq [benesseri] tal-annimali, li ċerti aspetti tagħhom jenħtieġ li jmur lil hinn mill-istandards tal-Unjoni dwar it-trattament xieraq tal-annimali applikabbli għall-produzzjoni tal-bhejjem inġenerali. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-bhejjem jenħtieġ li jkollhom aċċess permanenti għal spazji fil-beraħ fejn ikunu jistgħu jagħmlu eżerċizzju fiżiku. Kwalunkwe tbatija, uġigħ jew diffikultà fiżika jenħtieġ li jiġu evitati, jew li jkunu limitati kemm jista’ jkun fl-istadji kollha tal-ħajja tal-annimali. Jenħtieġ li l-irbit u l-mutilazzjoni, bħall-qtugħ tad-denb għan-nagħaġ, it-tqasqis tal-munqar fl-ewwel tlett ijiem tal-ħajja u t-tneħħija tal-qrun, ikunu possibbli biss jekk awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti, u biss taħt ċerti kondizzjonijiet.

[…]

(63)

L-użu fil-produzzjoni organika ta’ ċerti prodotti jew sustanzi bħala sustanzi attivi għall-użu fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jaqgħu fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1)], il-fertilizzanti, il-kondizzjonaturi tal-ħamrija, in-nutrijenti, il-komponenti mhux organiċi tan-nutrizzjoni tal-annimali ta’ oriġini diversi, l-addittivi tal-għalf, l-għajnuniet għall-ipproċessar u l-prodotti għat-tindif u d-diżinfettazzjoni jenħtieġ li jiġu limitati għall-minimu u jkunu soġġetti għall-kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f’dan ir-Regolament […].

[…]

(123)

[…] l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, [li huma] b’mod partikolari l-kompetizzjoni ġusta u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti organiċi, kif ukoll l-iżgurar tal-fiduċja tal-konsumatur f’dawk il-prodotti u fil-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea, […].”.

7

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2018/848 jipprevedi li “produzzjoni organika” tfisser “l-użu, inkluż waqt il-perijodu ta’ konverżjoni msemmi fl-Artikolu 10, ta’ metodi ta’ produzzjoni li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament fl-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-preparazzjoni u tad-distribuzzjoni”.

8

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament isemmi, fost l-għanijiet ġenerali tal-produzzjoni organika dawk li:

“(a)

tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent u l-klima;

(b)

iżżomm il-fertilità fit-tul tal-ħamrija;

(c)

tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ bijodiversità;

(d)

tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għal ambjent mhux tossiku;

(e)

tikkontribwixxi għal standards għoljin dwar it-trattament xieraq [benesseri] tal-annimali u, b’mod partikolari, għall-indirizzar tal-ħtiġijiet ta’ mġiba speċifiċi skont l-ispeċi tal-annimali;

[…]”.

9

Skont il-kliem tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Prinċipji ġenerali”:

“Il-produzzjoni organika hija sistema ta’ ġestjoni sostenibbli li hija bbażata fuq il-prinċipji ġenerali li ġejjin:

(a)

ir-rispett għas-sistemi u ċ-ċikli tan-natura u s-sosteniment u t-titjib tal-kundizzjoni tal-ħamrija, tal-ilma u tal-arja, tas-saħħa tal-pjanti u tal-annimali, u tal-bilanċ bejniethom;

[…]

(d)

il-produzzjoni ta’ varjetà kbira ta’ ikel u prodotti agrikoli u tal-akkwakultura oħrajn ta’ kwalità għolja li jirrispondu għad-domanda tal-konsumaturi għal oġġetti prodotti li huma manifatturati bl-użu ta’ proċessi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, lis-saħħa tal-bniedem, lis-saħħa tal-pjanti jew lis-saħħa u l-benessri tal-annimali;

(e)

l-iżgurar tal-integrità tal-produzzjoni organika fl-istadji kollha tal-produzzjoni, il-preparazzjoni u d-distribuzzjoni tal-ikel u l-għalf;

[…]

(g)

ir-restrizzjoni tal-użu ta’ inputs esterni; fejn jkunu meħtieġa inputs esterni jew meta l-prattiki u l-metodi ta’ ġestjoni adatti msemmija fil-punt (f) ma jkunux jeżistu, dawk l-inputs esterni għandhom jiġu limitati għal:

(i)

inputs mill-produzzjoni organika; […]

(ii)

sustanzi naturali jew sustanzi dderivati b’mod naturali;

[…]

[…]

(j)

l-osservanza ta’ livell għoli ta’ trattament xieraq [benesseri] tal-annimali filwaqt li jiġu rispettati l-ħtiġijiet speċifiċi tal-ispeċijiet.”.

10

L-Artikolu 6 tal-istess regolament jipprovdi:

“Fir-rigward tal-attivitajiet agrikoli u tal-akkwakultura, il-produzzjoni organika għandha, b’mod partikolari, tkun ibbażata fuq il-prinċipji speċifiċi li ġejjin:

(a)

iż-żamma u t-titjib tal-ħajja tal-ħamrija u l-fertilità naturali tal-ħamrija, l-istabbiltà tal-ħamrija u ż-żamma tal-ilma mill-ħamrija u l-bijodiversità tal-ħamrija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-telf ta’ materja organika fil-ħamrija, il-kompressjoni u l-erożjoni tal-ħamrija, u l-kisba tan-nutriment tal-pjanti primarjament permezz tal-ekosistema tal-ħamrija;

(b)

il-limitazzjoni tal-użu ta’ riżorsi mhux rinnovabbli u l-inputs esterni għal-livell minimu possibbli;

[…]

(k)

il-prattika tal-produzzjoni [trobbija] tal-bhejjem adattata għall-post u relatata mal-art;

(l)

l-applikazzjoni ta’ prattiki ta’ trobbija tal-annimali li jtejbu s-sistema ta’ immunità u jsaħħu d-difiżi naturali kontra l-mard, li jinkludu l-eżerċizzju regolari u l-aċċess għal żoni fil-beraħ u l-mergħat;

[…]”.

11

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament 2018/848 jistipula:

“Għall-finijiet u l-użi msemmija fl-Artikolu 24 u l-Artikolu 25 u fl-Anness II, fil-produzzjoni organika jistgħu jintużaw biss il-prodotti u s-sustanzi li jkunu ġew awtorizzati skont dawk id-dispożizzjonijiet, dment li l-użu tagħhom fil-produzzjoni mhux organika jkun ġie awtorizzat ukoll f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u, fejn applikabbli, f’konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali bbażati fuq il-liġi tal-Unjoni”.

12

Skont il-kliem tal-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-regolament:

“L-operaturi li jipproduċu l-pjanti jew il-prodotti tal-pjanti għandhom jikkonformaw, b’mod partikolari, mar-regoli dettaljati stabbiliti fil-Parti I tal-Anness II.”

13

L-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament, intitolat “Awtorizzazzjoni ta’ prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni organika”, jipprovdi:

“1.   Il-Kummissjoni tista’ tawtorizza ċerti prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni organika, u għandha tinkludi kwalunkwe prodott u sustanza hekk awtorizzati fil-listi restrittivi, għall-finijiet li ġejjin:

[…]

(b)

bħala fertilizzanti, kondizzjonaturi tal-ħamrija u nutrijenti;

[…]”.

14

L-Anness II tal-istess regolament jinkludi l-Parti I, intitolata “Regoli għall-produzzjoni tal-pjanti”, li tipprevedi:

“[…]

1.9.2.

Il-fertilità u l-attività bijoloġika tal-ħamrija għandhom jinżammu u jiżdiedu:

[…]

(c)

fil-każijiet kollha, bl-applikazzjoni tad-demel tal-bhejjem jew materjal organiku, it-tnejn preferibbilment ikkompostjati, minn produzzjoni organika.

[…]

1.9.3.

Fejn ma jistgħux jintlaħqu l-bżonnijiet nutrizzjonali tal-pjanti bil-miżuri previsti fil-punti 1.9.1 u 1.9.2, għandhom jintużaw biss fertilizzanti u tejjieba [kondizzjonaturi] tal-ħamrija li jkunu ġew awtorizzati skont l-Artikolu 24 għall-użu fil-produzzjoni organika, u dan biss sa fejn ikun neċessarju. […]”.

Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165

15

L-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165 jipprevedi:

“Għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament [2018/848], il-prodotti u s-sustanzi elenkati fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament biss jistgħu jintużaw fil-produzzjoni organika bħala fertilizzanti, kondizzjonaturi tal-ħamrija u nutrijenti għan-nutrizzjoni tal-pjanti […], diment li dawn ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni. […]”.

16

L-Anness II ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni jipprevedi:

“Il-fertilizzanti, il-kondizzjonaturi tal-ħamrija u n-nutrijenti […] elenkati f’dan l-Anness jistgħu jintużaw fil-produzzjoni organika, diment li jkunu konformi

mal-leġiżlazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni u nazzjonali dwar il-prodotti fertilizzanti, b’mod partikolari, fejn applikabbli, ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 2003 dwar il-fertilizzanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 467)] u r-Regolament (UE) 2019/1009 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 u (KE) Nru 1107/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 (ĠU 2019, L 170, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2019, p. 129, fil-ĠU 2022, L 161, p. 121, fil-ĠU 2022, L 266, p. 22, u fil-ĠU L 2023/90030)]; u

mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (ĠU 2009, L 300, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2023, L 92, p. 32)] u r-Regolament (UE) Nru 142/2011 [tal‑25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva [ĠU 2011. L 54, p. 1)], b’mod partikolari l-Annessi V u XI.

F’konformità mal-punt 1.9.6 tal-Parti I tal-Anness II tar-Regolament [2018/848], il-preparazzjonijiet ta’ mikroorganiżmi jistgħu jintużaw biex itejbu l-kundizzjoni ġenerali tal-ħamrija jew biex itejbu d-disponibbiltà tan-nutrijenti fl-art jew fl-għelejjel.

Dawn jistgħu jintużaw biss skont l-ispeċifikazzjonijiet u r-restrizzjonijiet tal-użu ta’ dawk il-leġiżlazzjonijiet rispettivi tal-Unjoni u nazzjonali. Kundizzjonijiet aktar restrittivi għall-użu fil-produzzjoni organika huma speċifikati fil-kolonna tal-lemin tat-tabelli.

Isem

Prodotti komposti jew prodotti li fihom biss il-materjali mniżżlin hawn taħt

Deskrizzjoni, kundizzjonijiet u limiti speċifiċi

Demel tal-irziezet

prodott li jinkludi taħlita ta’ ħmieġ tal-annimali u materjal magħmul mill-ħxejjex (il-mifrex u l-materjal tal-għalf).

hija pprojbita l-oriġini mill-agrikultura industrijali [li joriġinaw minn trobbija industrijali tal-annimali pprojbita]

Demel tal-irziezet niexef u demel tat-tjur diżidratat

hija pprojbita l-oriġini mill-agrikultura industrijali

Ħmieġ kompost tal-annimali, inkluż demel tat-tjur u demel kompost tal-irziezet

hija pprojbita l-oriġini mill-agrikultura industrijali

Ħmieġ likwidu tal-annimali

użu wara fermentazzjoni kkontrollata u/jew dilwizzjoni xierqa

hija pprojbita l-oriġini mill-agrikultura industrijali


[…]”.

Il‑fatti tal‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

17

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-INAO, fix-xahar ta’ Jannar 2020, emenda l-Gwida għall-qari tiegħu. F’dak il-kuntest, huwa interpreta l-projbizzjoni, stipulata fl-Anness I tar-Regolament Nru 889/2008 u li issa tinsab fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165, tal-użu fuq art organika ta’ fertilizzanti u ta’ kondizzjonaturi tal-ħamrija ta’ oriġini annimali “li joriġinaw minn trobbija industrijali tal-annimali” bħala li teskludi d-demel “li ġej minn annimali li jitrabbew f’sistemi b’paviment f’għamla ta’ gradilja u/jew kompletament bi gradilji u li jaqbeż il-limiti ddefiniti fl-Anness I tad-Direttiva 2011/92/UE” u dak “li ġej minn annimali li jitrabbew f’gaġeġ u li” jaqbeż l-istess limiti.

18

Quddiem il-Conseil d’État (Franza), li hija l-qorti tar-rinviju, l-assoċjazzjoni AFAÏA talbet l-annullament tad-deċiżjoni tal‑4 ta’ Frar 2020 li permezz tagħha l-INAO ċaħad it-talba tagħha għal emenda tal-Gwida għall-qari sa fejn din tiddefinixxi l-kunċett ta’ “trobbija industrijali tal-annimali”, użat fiha, u li l-INAO jiġi ordnat kemm li jemenda din il-gwida kif indikat fi żmien xahar min-notifika tad-deċiżjoni ta’ dik il-qorti kif ukoll li jakkumpanja l-emendi inkwistjoni b’miżuri ta’ pubbliċità ta’ natura li juru li l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett li kienet tinsab fl-imsemmija gwida ma għadhiex fis-seħħ.

19

L-INAO jsostni li huwa silet, fil-Gwida għall-qari, il-konsegwenzi tal-bidla fit-terminoloġija magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-verżjoni Franċiża tar-Regolamenti Nru 834/2007 u Nru 889/2008, imħassra mir-Regolament 2018/848, sa fejn fihom dan il-leġislatur issostitwixxa l-kunċett ta’ “trobbija industrijali tal-annimali” bil-kunċett ta’ “trobbija tal-annimali mingħajr art” li kien jinsab fir-regolament preċedenti għar-Regolamenti Nru 834/2007 u Nru 889/2008. Billi interpretaw il-kunċett ta’ “trobbija industrijali tal-annimali” bħala li jirreferi għall-kundizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni tal-annimali, kemm f’termini ta’ libertà ta’ ċaqliq u ta’ aċċess għal spazji esterni kif ukoll f’termini ta’ densità ta’ popolazzjoni, u billi segwew it-tifsira attwalment aċċettata ta’ dan il-kunċett, jiġifieri bħala li jirreferi għall-mekkanizzazzjoni tal-proċessi u għan-natura massiva tal-produzzjoni, l-awtoritajiet Franċiżi riedu jeskludu l-azjendi li d-daqs u l-kundizzjonijiet tat-trobbija tagħhom ma humiex kompatibbli mal-għanijiet tar-Regolament 2018/848, li jinkludu l-benesseri tal-annimali u l-fiduċja tal-konsumaturi fil-katina ta’ produzzjoni tal-agrikoltura organika.

20

Il-Qorti tar-rinviju tosserva li mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament 2018/848 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165 jirriżulta li, għall-produzzjoni organika tal-pjanti, id-demel tal-annimali użati għall-finijiet ta’ fertilizzazzjoni tal-ħamrija għandu huwa wkoll, bħala prinċipju, joriġina mill-produzzjoni organika, iżda li meta dan ma jippermettix li jiġu koperti l-ħtiġijiet nutrizzjonali tal-pjanti, u biss sa fejn ikun neċessarju, jistgħu jintużaw fertilizzanti u kondizzjonaturi tal-ħamrija awtorizzati fl-agrikoltura organika, kif iddefiniti fl-Anness II ta’ dan ir-regolament ta’ Implimentazzjoni.

21

Minn dawn id-dispożizzjonijiet allegatament jirriżulta wkoll li, fil-qasam tal-produzzjoni organika tal-annimali, il-produzzjoni mingħajr art hija pprojbita, il-gaġeġ, kaxxi u pjattaformi ċatti b’paviment f’għamla ta’ gradilja ma jistgħu jintużaw għall-ebda speċi ta’ bhejjem, u l-bini għall-akkomodazzjoni tal-annimali għandu, fir-rigward tal-annimali tal-ifrat, tan-nagħaġ u tal-ħnieżer, ikollu żona għall-irqad jew għall-mistrieħ solida mingħajr paviment f’għamla ta’ gradilja u, fir-rigward tat-tjur, għandu jkollu minn tal-inqas terz minnu b’superfiċi solida, mhux magħmula minn paviment f’għamla ta’ gradilja jew minn grilji, u, għat-tiġieġ tal-bajd, għandu jkollu parti suffiċjenti ta’ superfiċi intiża għall-ġbir tal-eskrementi. Għaldaqstant, dawn l-elementi ma humiex biżżejjed sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kunċett ta’ “trobbija industrijali tal-annimali”, li jinsab fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165, għandux jiġi assimilat mal-kunċett ta’ “trobbija tal-annimali mingħajr art” u jekk, fin-nuqqas ta’ dan, dan jinkludix neċessarjament, lil hinn minn ċertu numru ta’ annimali, l-użu ta’ sistemi magħmula kompletament minn paviment f’għamla ta’ gradilja, minn grilji jew minn gaġeġ.

22

Il-Qorti tar-rinviju tosserva li l-kunċett ta’ “trobbija industrijali tal-annimali”, użat fil-verżjoni Franċiża tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165, la huwa ddefinit minn dan ir-regolament, la mir-Regolament 2018/848, u lanqas mir-regolamenti preċedenti li kienu jużaw dan il-kunċett. Għalkemm l-imsemmi kunċett jinsab fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, xi verżjonijiet jinkludu l-kunċett ta’ “trobbija tal-annimali mingħajr art”, kunċett li lanqas ma huwa ddefinit f’dan ir-regolament jew fl-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni.

23

Barra minn hekk, dik il-qorti tippreċiża li min-nota tal-grupp ta’ esperti mlaqqa’ mill-Kummissjoni fix-xahar ta’ Mejju 2021 sabiex tiġi identifikata l-portata tal-kunċett ta’ “trobbija industrijali tal-annimali” jirriżulta li, fejn ma tkunx tista’ tingħata definizzjoni preċiża tiegħu, l-implementazzjoni ta’ dan il-kunċett għandha ssir abbażi ta’ sensiela ta’ indizji.

24

Il-Qorti tar-rinviju tosserva wkoll li d-differenza msemmija iktar ’il fuq bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165 kienet diġà teżisti bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament Nru 889/2008 u li l-kunċett ta’ “trobbija industrijali tal-annimali” jiġi interpretat b’mod differenti skont l-Istati Membri.

25

Huwa f’dan il-kuntest li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni [2021/1165] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ agrikoltura industrijali [trobbija industrijali tal-annimali], li jinsab f’dan l-anness, huwa ekwivalenti għal dak ta’ agrikoltura intensiva [trobbija tal-annimali mingħajr art]?

2)

Jekk il-kunċett ta’ agrikoltura industrijali huwa differenti mill-kunċett ta’ agrikoltura intensiva, liema kriterji għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk agrikoltura [trobbija tal-annimali] għandhiex tiġi kklassifikata bħala industrijali fis-sens tal-Anness II tar-Regolament [ta’ Implimentazzjoni 2021/1165]?”.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

26

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet paragrafu tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165 għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’dak li jirrigwarda l-preparazzjonijiet ta’ mikroorganiżmi li jistgħu jintużaw sabiex itejbu l-istat ġenerali tal-ħamrija jew id-disponibbiltà ta’ nutrijenti fl-art jew fl-uċuħ tar-raba’, l-espressjoni “hija pprojbita l-oriġini mill-agrikultura industrijali [li joriġinaw minn trobbija industrijali tal-annimali pprojbita]”, użata fit-tabella li tinsab f’dan l-anness, hija ekwivalenti għal projbizzjoni biss tal-preparazzjonijiet li joriġinaw minn trobbija tal-annimali “mingħajr art”.

27

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni ġie adottat abbażi tar-Regolament 2018/848, li l-Artikolu 12 tiegħu jipprevedi li l-operaturi li jipproduċu pjanti jew prodotti tal-pjanti għandhom jikkonformaw ruħhom b’mod partikolari mar-regoli ddettaljati li jinsabu fil-Parti I tal-Anness II ta’ dan ir-regolament.

28

Il-punt 1.9.1 ta’ din il-Parti I jipprevedi, għall-ġestjoni u l-fertilizzazzjoni tal-ħamrija, fil-produzzjoni organika tal-pjanti għandhom jintużaw prattiki ta’ ħdim tal-ħamrija u ta’ kultivazzjoni li jżommu jew iżidu l-massa organika fil-ħamrija, itejbu l-istabbiltà u l-bijodiversità tal-ħamrija, u jevitaw it-trassis u l-erożjoni tal-ħamrija. Konformement mal-punt 1.9.2(c) tal-imsemmija Parti I, il-fertilità u l-attività bijoloġika tal-ħamrija għandhom jinżammu u jiżdiedu, bħala prinċipju, bl-applikazzjoni tad-demel mit-trobbija tal-annimali jew materjal organiku, it-tnejn preferibbilment ikkompostjati, li joriġinaw minn produzzjoni organika.

29

Dan espost, hekk kif jirriżulta mill-punt 1.9.3 ta’ din l-istess Parti I, meta l-miżuri previsti f’dawn il-punti 1.9.1 u 1.9.2, ma jippermettux li jintlaħqu l-bżonnijiet nutrizzjonali tal-pjanti, għandhom jintużaw biss fertilizzanti u kondizzjonaturi tal-ħamrija li jkunu ġew awtorizzati konformement mal-Artikolu 24 tar-Regolament 2018/848 għall-użu fil-produzzjoni organika, u dan biss sa fejn ikun neċessarju.

30

Skont l-Artikolu 24(1)(b) ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza l-użu ta’ ċerti prodotti u ta’ ċerti sustanzi fil-produzzjoni organika u, sussegwentement, tinkludi dawn il-prodotti u sustanzi awtorizzati f’listi limitattivi, bħala fertilizzanti, kondizzjonaturi tal-ħamrija u nutrijenti.

31

Dawn il-fertilizzanti, kondizzjonaturi tal-ħamrija u nutrijenti huma s-suġġett tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165, li jipprevedi, fit-tieni paragrafu tiegħu, li, konformement mal-punt 1.9.6 tal-Parti I tal-Anness II tar-Regolament 2018/848, il-preparazzjonijiet ta’ mikroorganiżmi jistgħu jintużaw sabiex itejbu l-istat ġenerali tal-ħamrija jew id-disponibbiltà ta’ nutrijenti fil-ħamrija jew fl-uċuħ tar-raba’.

32

Skont it-tielet paragrafu ta’ dan l-anness, dawn il-preparazzjonijiet jistgħu jintużaw biss konformement mal-ispeċifikazzjonijiet u mar-restrizzjonijiet tal-użu previsti, rispettivament, mill-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u tal-Unjoni. Kundizzjonijiet iktar restrittivi għall-użu fil-kuntest tal-produzzjoni organika huma speċifikati fil-kolonna tal-lemin tat-tabella li tinsab f’dan il-paragrafu.

33

Din it-tabella tispeċifika li, fil-produzzjoni organika “l-oriġini mill-agrikultura industrijali [mit-trobbija industrijali tal-annimali]” hija pprojbita għall-prodotti bħalma huma d-demel tal-irziezet, id-demel tal-irziezet niexef u d-demel tat-tjur diżidratat, l-eskrementi komposti tal-annimali, inkluż demel tat-tjur u demel kompost tal-irziezet u l-eskrementi likwidi tal-annimali.

34

Għalhekk, mill-qari flimkien tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tar-Regolament 2018/848 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165 jirriżulta li l-operaturi li jipproduċu pjanti jew prodotti tal-pjanti fi produzzjoni organika jistgħu, b’deroga u biss sa fejn ikun neċessarju, jużaw ċerti prodotti u sustanzi li joriġinaw minn produzzjoni mhux organika awtorizzati mill-Kummissjoni, fosthom dawk imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza bil-kundizzjoni li dawn tal-aħħar ma joriġinawx minn “trobbija industrijali tal-annimali”.

35

Id-dubji tal-qorti tar-rinviju huma spjegati, b’mod partikolari, mill-fatt li l-espressjoni “trobbija industrijali tal-annimali” kif ukoll l-espressjoni “trobbija tal-annimali mingħajr art” huma t-tnejn preżenti fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament 2018/848 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165, u li dawn intużaw b’mod alternattiv jew suċċessiv fir-regolamenti preċedenti għalihom.

36

Għandu jiġi osservat li, fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165, l-Anness II tiegħu juża l-istess espressjoni waħda, jiġifieri “Provenance d’élevages industriels interdite”. Il-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta’ dan l-anness, bħall-verżjoni Ġermaniża, Estonjana, Griega, Ingliża, Taljana jew Rumena, jużaw ukoll l-istess espressjoni waħda (rispettivament, “Erzeugnis darf nicht aus industrieller Tierhaltung stammen”, “tööstuslikust tootmisest pärit toote kasutamine on keelatud “, “η προέλευση από εντατικοποιημένη εκτροφή απαγορεύεται”, “factory farming origin forbidden”,“proibiti se proveniente da allevamenti industriali” u “proveniența din ferme industriale este interzisă”), li s-sens tagħhom jikkorrispondi għal dak tal-espressjoni użata fil-verżjoni Franċiża, jew l-espressjonijiet simili ta’ “trobbija intensiva tal-annimali” jew ta’ “trobbija ta’ annimali fuq skala kbira”, fil-verżjoni Bulgara, Spanjola jew Ċeka (rispettivament, “забранен е произходът от интензивни животновъдни стопанства”, “Prohibida la procedencia de ganaderías intensivas” u “Nesmí pocházet z velkochovu”).

37

Tliet verżjonijiet lingwistiċi ta’ dan l-anness, jiġifieri l-verżjoni Daniża, Olandiża u Portugiża, jużaw madankollu l-kunċetti distinti ta’ “trobbija tal-annimali mingħajr art” jew “bla art” (rispettivament, “ikke fra jordløst husdyrbrug”, “Het product mag niet afkomstig zijn van niet-grondgebonden veehouderij” u “Proibidos os produtos provenientes das explorações pecuárias ‘sem terra’”).

38

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li peress li l-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta’ att tal-Unjoni għandhom, bħala prinċipju, jingħataw l-istess valur, fil-każ ta’ diverġenzi bejn dawn il-verżjonijiet, id-dispożizzjoni kkonċernata għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Saint-Louis Sucre (Rikonoxximent ta’ organizzazzjoni ta’ produtturi), C‑183/22, EU:C:2023:486, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jitqies il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, EU:C:1984:11, punt 11, u tat‑30 ta’ Marzu 2023, Hauptpersonalrat der Lehrerinnen und Lehrer, C‑34/21, EU:C:2023:270, punt 40).

40

Fil-fatt, approċċ fundamentalment differenti jista’ jkun sors ta’ differenzi bejn l-Istati Membri li jistgħu jfixklu l-funzjonament tas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2021, Visma Enterprise, C‑306/20, EU:C:2021:935, punt 38).

41

F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, speċifikament, li, fid-dawl tal-verżjonijiet, ukoll diverġenti, tad-dispożizzjonijiet applikabbli preċedentement għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165, ċerti Stati Membri jassimilaw il-kunċett ta’ “trobbija industrijali tal-annimali” għal dak ta’ “trobbija tal-annimali mingħajr art”, filwaqt li Stati Membri oħra jagħmlu distinzjoni bejn iż-żewġ kunċetti u jiddefinixxu l-kunċett ta’ “trobbija industrijali tal-annimali” b’riferiment għal rekwiżiti tekniċi u għal limiti fil-qasam ta’ numru ta’ annimali, li huma varjabbli, jew saħansitra b’riferiment għal rekwiżiti f’termini ta’ għalf. Issa, tali diverġenzi jistgħu joħolqu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, u jippreġudikaw it-twettiq tal-għanijiet tal-politika tal-Unjoni kemm fil-qasam tal-produzzjoni organika kif ukoll fil-qasam tal-ambjent.

42

Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi eżaminat jekk il-kunċetti ta’ “trobbija industrijali tal-annimali” u ta’ “trobbija tal-annimali mingħajr art” għandhomx, fid-dawl tat-tifsira normali tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, l-istess tifsira.

43

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li la r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165 u lanqas ebda test ieħor tad-dritt tal-Unjoni ma jiddefinixxi t-termini “trobbija industrijali tal-annimali” jew “trobbija tal-annimali mingħajr art”.

44

Skont is-sens abitwali tagħhom, il-kliem “industrijali” jew “intensiva” jirreferi għal forma ta’ trobbija tal-annimali fuq skala kbira, li hija intiża li tottimizza r-rendiment ta’ din l-attività, b’mod partikolari permezz ta’ żieda fid-densità ta’ annimali fl-azjenda agrikola jew billi, ftit jew wisq, tevita l-ambjent tal-madwar billi dawn l-annimali jiġu kkonfinati. Fihom l-annimali jkunu jinsabu ġeneralment fi stalel u f’kundizzjonijiet maħluqa u kkontrollati b’mod artifiċjali u jitrabbew bl-użu ta’ metodi mmirati li jimmassimizzaw il-produzzjoni fl-iqsar żmien possibbli.

45

Kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-trobbija industrijali tal-annimali teħtieġ, b’mod ġenerali, investimenti sinjifikattivi, l-użu ta’ ikel arrikkit u l-użu tal-antibijotiċi bħala prevenzjoni. Hija kkaratterizzata minn produttività għolja, u tista’ twassal għal tniġġis sinjifikattiv tal-ambjent. Min-naħa l-oħra, il-protezzjoni speċifika tal-benesseri tal-annimali ma hijiex ġeneralment waħda mill-prijoritajiet tagħha.

46

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “trobbija tal-annimali mingħajr art”, għandu jiġi kkonstatat li l-punt 1.1 tal-Parti II tal-Anness II tar-Regolament 2018/848 jindika li l-“produzzjoni tal-bhejjem fejn ma hemmx art [tal-annimali mingħajr art]” hija pprojbita meta l-bidwi li jkun beħsiebu jipproduċi annimali mrobbija b’mod organiku ma jamministrax erja agrikola, u ma jkollux ftehim ta’ kooperazzjoni bil-miktub ma’ bidwi f’dak li jirrigwarda l-użu ta’ unitajiet ta’ produzzjoni organika għal dawn l-annimali Barra minn hekk, l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 889/2008 jispeċifika li l-produzzjoni tal-annimali mingħajr art, fejn l-operatur tal-bhejjem ma jamministrax erja agrikola u/jew ma jkollux ftehim ta’ kooperazzjoni bil-miktub ma’ operatur ieħor konformement mal-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament, hija pprojbita.

47

Skont it-tifsira abitwali tagħha fil-lingwaġġ ta’ kuljum, trobbija “mingħajr art” tikkorrispondi, effettivament, għal metodu ta’ trobbija “industrijali” jew “intensiv” tal-annimali fejn il-provvista tal-għalf ma toriġinax, fil-parti l-kbira tagħha jew totalment, mill-azjenda agrikola fejn isseħħ it-trobbija tal-annimali.

48

Għaldaqstant, għalkemm il-kunċetti ta’ “trobbija industrijali tal-annimali” u ta’ “trobbija tal-annimali mingħajr art” it-tnejn li huma jirreferu kemm għall-mekkanizzazzjoni tal-proċessi ta’ produzzjoni kif ukoll għan-natura massiva ta’ din il-produzzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-assoċjazzjoni AFAÏA, dawn ma għandhomx l-istess tifsira. Kif jirriżulta mill-punti 44 sa 47 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ “trobbija industrijali tal-annimali” huwa kunsiderevolment usa’ minn dak tat-“trobbija tal-annimali mingħajr art” u, għaldaqstant, dawn il-kunċetti għandhom jitqiesu li huma differenti.

49

Għad fadal li jiġu eżaminati l-istruttura ġenerali tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165 u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tagħha jikkostitwixxi element.

50

Fir-rigward tal-istruttura ġenerali ta’ din id-dispożizzjoni, hekk kif ġie osservat fil-punti 27 sa 34 ta’ din is-sentenza, minn qari flimkien tal-Artikolu 12(1), tal-Artikolu 24(1) kif ukoll tal-punt 1.9 tal-Parti I tal-Anness II tar-Regolament 2018/848 jirriżulta li l-operaturi li jipproduċu pjanti jew prodotti tal-pjanti fi produzzjoni organika jistgħu, b’deroga mir-regoli previsti minn dan l-anness, jużaw ċerti prodotti u sustanzi li joriġinaw minn produzzjoni mhux organika li ġew awtorizzati mill-Kummissjoni, u dan biss sa fejn ikun neċessarju.

51

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, dispożizzjonijiet ta’ deroga għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2023, Confédération paysanne et (Mutaġenesi każwali in vitro), C‑688/21, EU:C:2023:75, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Dan jgħodd għad-deroga prevista fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165, li jimplika li l-limiti li dan l-anness jimponi fuq din id-deroga, jiġifieri, b’mod partikolari, il-projbizzjoni tal-użu ta’ preparazzjonijiet “li joriġinaw minn trobbija industrijali tal-annimali”, għandhom, għall-kuntrarju, jiġu interpretati b’mod wiesa’.

53

Issa, l-interpretazzjoni, sostnuta mill-assoċjazzjoni AFAÏA, li tgħid li l-kunċett ta’ “trobbija industrijali tal-annimali” jikkorrispondi biss għall-kunċett ta’ “trobbija tal-annimali mingħajr art”, twassal sabiex id-demel li ġej mit-trobbija “industrijali” tal-annimali kollha minbarra dik “mingħajr art” jiġi awtorizzat għall-finijiet ta’ applikazzjoni fl-agrikoltura organika. Għaldaqstant, din l-interpretazzjoni twassal għal interpretazzjoni wiesgħa tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija deroga u għalhekk tmur kontra l-prinċipju mfakkar fil-punt 51 ta’ din is-sentenza.

54

L-assoċjazzjoni AFAÏA ssostni wkoll li l-produzzjoni organika tal-annimali hija intrinsikament marbuta mal-użu tal-art, u minn dan għandu jiġi dedott, a contrario, li l-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkopri biss il-prodotti li ġejjin minn trobbija tal-annimali “mingħajr art”.

55

Ċertament, konformement mal-approċċ globali li jikkaratterizza l-agrikoltura organika, kif imfakkar, b’mod partikolari, fil-premessa 40 tar-Regolament 2018/848, u kif jirriżulta mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(a) u (d) ta’ dan ir-regolament, il-produzzjoni tal-annimali għandha tkun marbuta mal-art. Madankollu, dan jimplika biss li l-metodu ta’ trobbija tal-annimali “mingħajr art” ma huwiex kompatibbli mal-prinċipji tal-agrikoltura organika u li, għaldaqstant, dan huwa purament u sempliċement ipprojbit f’dan il-kuntest.

56

Iktar minn hekk, mill-Artikolu 6(l) tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-agrikoltura organika hija msejsa wkoll fuq l-implimentazzjoni ta’ prattiki ta’ trobbija tal-annimali li jtejbu s-sistema ta’ immunità u jsaħħu d-difiżi naturali tal-annimali kontra l-mard, inkluż l-eżerċizzju regolari u l-aċċess għal żoni fil-beraħ u għal mergħat. Barra minn hekk, l-istess regolament jipprojbixxi l-organiżmi ġenetikament immodifikati fl-għalf u jillimita b’mod konsiderevoli l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

57

Għalhekk ma jistax jiġi affermat li l-agrikoltura organika hija kkaratterizzata biss minn ċertu metodu ta’ ġestjoni tal-artijiet u, għaldaqstant, li r-raġuni għall-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija esklużivament marbuta mal-użu tal-art.

58

Dan il-metodu ta’ agrikoltura huwa, b’mod iktar wiesa’, marbut ma’ metodi ta’ produzzjoni virtużi, hekk kif espost, essenzjalment, fil-premessa 2 tar-Regolament 2018/848, u, b’mod partikolari, mal-kundizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni tal-annimali, kemm f’termini ta’ libertà ta’ ċaqliq u ta’ aċċess għal spazji esterni kif ukoll f’termini ta’ densità ta’ popolazzjoni.

59

Fil-fatt, billi enfasizza f’diversi okkażjonijiet l-impenn tiegħu li jiżgura livell għoli ta’ benesseri tal-annimali fil-kuntest tal-agrikoltura organika, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jenfasizza l-fatt li dan il-metodu ta’ produzzjoni agrikola huwa kkaratterizzat mill-osservanza ta’ standards ogħla fil-qasam tal-benesseri tal-annimali fil-postijiet kollha u fl-istadji kollha ta’ din il-produzzjoni fejn huwa possibbli li dan il-benesseri jtejjeb saħansitra iktar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Œuvre d’assistance aux bêtes d’abattoirs, C‑497/17, EU:C:2019:137, punt 38).

60

Fid-dawl ta’ dawn ir-rekwiżiti, ma jistax jiġi aċċettat li d-demel li ġej mit-trobbija “industrijali” jew “intensiva” tal-annimali jiġi awtorizzat bħala demel tal-agrikoltura organika.

61

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet tar-Regolament 2018/848.

62

Fil-fatt, għandu jiġi osservat li l-produzzjoni organika hija, hekk kif jirriżulta mill-premessa 1 tar-Regolament 2018/848, sistema globali ta’ ġestjoni tal-azjendi agrikoli u l-produzzjoni tal-ikel li tikkombina l-aħjar prattiki ambjentali u tal-azzjonijiet klimatiċi, livell għoli ta’ bijodiversità, il-preservazzjoni ta’ riżorsi naturali u l-applikazzjoni ta’ standards għoljin ta’ benesseri tal-annimali u standards għoljin ta’ produzzjoni f’konformità mad-domanda dejjem tikber minn għadd ta’ konsumaturi għal prodotti li jiġu prodotti minn sustanzi u proċessi naturali.

63

Hekk kif jipprevedi l-Artikolu 4 tar-Regolament 2018/848, dan il-metodu ta’ produzzjoni jirrigwarda, b’mod wiesa’, il-protezzjoni tal-ambjent u tal-klima, livell għoli ta’ bijodiversità kif ukoll il-preservazzjoni tal-fertilità fit-tul tal-ħamrija. Huwa jikkontribwixxi b’mod kunsiderevoli kemm għal ambjent mhux tossiku kif ukoll għal standards għoljin fil-qasam tal-benesseri tal-annimali u, b’mod partikolari, għall-indirizzar tal-ħtiġijiet ta’ mġieba speċifiċi skont l-ispeċi tal-annimali. Huwa jfittex ukoll li jippromwovi ċ-ċirkwiti qosra ta’ distribuzzjoni u l-produzzjonijiet lokali fid-diversi territorji tal-Unjoni, kif ukoll li jinkoraġġixxi l-preservazzjoni ta’ razez rari u indiġeni mhedda bl-estinzjoni.

64

Barra minn hekk huwa importanti li jkun żgurat li l-konsumaturi jkollhom il-garanzija li l-prodotti li jkollhom il-logo organiku tal-Unjoni jkunu effettivament inkisbu fl-osservanza tal-ogħla standards, b’mod partikolari fil-qasam tal-benesseri tal-annimali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, C‑497/17, Œuvre d’assistance aux bêtes d’abattoirs, EU:C:2019:137, punt 51).

65

Hekk kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 52 u 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkunsidrat li l-aspettattivi leġittimi tal-konsumaturi huma ggarantiti jekk id-demel użat fil-agrikoltura organika jkun ġej minn sorsi organiċi jew, meta dan ma jkunux suffiċjenti u biss f’dan il-każ, jekk jintuża demel mhux organiku iżda mingħajr ma dan ikun ġej minn trobbija tal-annimali industrijali.

66

Għalhekk, deroga li tippermetti, b’mod wiesa’, l-użu ta’ prodotti li ġejjin minn trobbija industrijali jew intensiva tal-annimali tkun tmur manifestament kontra dawn l-għanijiet u tkun tikser kemm ir-rekwiżiti ta’ koerenza kif ukoll il-prinċipji etiċi u ambjentali li fuqhom hija bbażata l-agrikoltura organika nnifisha.

67

Għandu jiġi espost ukoll li din l-interpretazzjoni hija wkoll konformi mal-għan imfittex mill-punt 1.9.3 tal-Parti I tal-Anness II tar-Regolament 2018/848, li huwa intiż li jipprovdi lill-bdiewa organiċi alternattiva għad-demel minn trobbija organika tal-annimali meta dan ma jkunx disponibbli, dan biss sa fejn ikun neċessarju u filwaqt li tiġi limitata l-preżenza f’dan id-demel ta’ residwi mhux mixtieqa.

68

Għaldaqstant, għandu jitqies li l-kunċett ta’ “trobbija industrijali tal-annimali” li jinsab fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165 ma jikkorrispondix għal dak ta’ “trobbija tal-annimali mingħajr art” u li l-projbizzjoni li dan l-anness jipprevedi tkopri t-trobbija kollha “industrijali” tal-annimali u mhux biss it-trobbija tal-annimali “mingħajr art”.

69

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li t-tielet paragrafu tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’dak li jirrigwarda l-preparazzjonijiet ta’ mikroorganiżmi li jistgħu jintużaw sabiex itejbu l-istat ġenerali tal-ħamrija jew id-disponibbiltà ta’ nutrijenti fl-art jew fl-uċuħ tar-raba’, l-espressjoni “hija pprojbita l-oriġini mill-agrikultura industrijali [li joriġinaw minn trobbija industrijali tal-annimali pprojbita]”, użata fit-tabella li tinsab f’dan l-anness, ma hijiex ekwivalenti għal projbizzjoni biss tal-preparazzjonijiet li joriġinaw minn trobbija tal-annimali “mingħajr art”, filwaqt li jiġi ppreċiżat li, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, il-fertilizzanti, il-kondizzjonaturi tal-ħamrija u n-nutrijenti li l-użu tagħhom huwa pprojbit mill-imsemmi anness fil-agrikoltura organika huma dawk li jirriżultaw mit-trobbija industrijali tal-annimali u mhux biss dawk li ġejjin mit-trobbija tal-annimali mingħajr art.

Fuq it‑tieni domanda

70

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet paragrafu tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-projbizzjoni tal-użu, fuq artijiet organiċi, ta’ fertilizzanti u ta’ kondizzjonaturi tal-ħamrija ta’ oriġini annimali “li joriġinaw minn trobbija industrijali tal-annimali” tirrigwarda d-demel li ġej minn annimali li jitrabbew f’sistemi b’paviment f’għamla ta’ gradilja u/jew kompletament bi gradilji u li jaqbeż il-limiti ddefiniti fl-Anness I tad-Direttiva EEA u dak li ġej minn annimali li jitrabbew f’gaġeġ u li jaqbeż l-istess limiti.

71

Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, għalkemm il-kunċett ta’ “trobbija industrijali tal-annimali”, għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-projbizzjoni, għandu, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni awtonoma u uniformi, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk trobbija tal-annimali għandiex tiġi kklassifikata bħala “industrijali” fis-sens tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165 ma humiex is-suġġett ta’ miżuri ġenerali ta’ armonizzazzjoni.

72

Dan espost, mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li hemm lok li tiġi adottata interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “trobbija industrijali tal-annimali” li twassal sabiex jiġi eskluż, bħala alternattivi għad-demel minn trobbija organika tal-annimali, id-demel li ġej minn trobbija tal-annimali fuq skala kbira li jużaw metodi ta’ produzzjoni intensivi.

73

Għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ tali trobbija tal-annimali, l-analiżi tal-kriterji rilevanti għandha tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni globali, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li, bħala regola ġenerali, din l-eżistenza x’aktarx tiġi żvelata minn sensiela ta’ indizji.

74

F’dan ir-rigward, u hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 64, 66 u 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni kriterji bħalma huma s-sistema tat-trobbija tal-annimali, il-mobbiltà tagħhom, id-densità tagħhom kif ukoll id-disponibbiltà tal-artijiet fl-azjenda agrikola, il-produttività u l-impatti ambjentali tagħha.

75

L-istess jgħodd fir-rigward tat-tip ta’ għalf tal-annimali, tas-sistemi ta’ profilassi kif ukoll tal-użu ġeneralizzat kemm ta’ sustanzi intiżi sabiex jistimulaw it-tkabbir jew il-produzzjoni, kif ukoll ta’ ormoni jew ta’ sustanzi analogi bil-għan, b’mod partikolari, li tiġi kkontrollata r-riproduzzjoni. L-użu preventiv tal-antibijotiċi u dak ta’ għalf li fih organiżmi ġenetikament immodifikati, ipprojbiti bir-Regolament 2018/848, jistgħu wkoll jikkostitwixxu kriterji sabiex trobbija tal-annimali tiġi kklassifikata bħala “industrijali”.

76

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-użu ta’ gaġeġ, ta’ kaxxi u ta’ pjattaformi ċatti b’paviment f’għamla ta’ gradilja għat-trobbija tal-annimali hija karatteristika speċifika għat-trobbija industrijali tal-annimali, l-istess bħall-użu ta’ sistemi li jimpedixxu lill-annimali milli jiċċaqalqu f’360 grad jew is-sistemi ta’ trobbija tal-annimali mingħajr art.

77

F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-impatt ambjentali tat-trobbija tal-annimali, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 4 tad-Direttiva EEA jissuġġetta l-proġetti msemmija fl-Anness I ta din id-direttiva, li fosthom hemm ċerti “[s]tallazzjoni għat-tkabbir [trobbija] intensiv tat-tjur jew tal-ħnieżer”, għal stima tal-impatt tagħhom fuq l-ambjent.

78

F’dan ir-rigward, u bi qbil ma dak li espona l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jitqies li l-kriterji minimi previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva EEA, li ċertament jirrigwardaw il-proċeduri ta’ evalwazzjoni ambjentali, jistgħu jservu bħala indizji sabiex tiġi ddeterminata n-natura industrijali ta’ trobbija tal-annimali speċifika.

79

Dan espost, sa fejn dawn il-kriterji jagħmlu riferiment għal kunsiderazzjonijiet kwantitattivi, dawn ma humiex suffiċjenti sabiex installazzjoni tiġi kklassifikata bħala “trobbija industrijali tal-annimali”, b’tali mod li, għal dan l-għan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll kriterji kwalitattivi, bħal dawk imsemmija fil-punti 74 sa 76 ta’ din is-sentenza.

80

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li t-tielet paragrafu tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-projbizzjoni tal-użu, fuq artijiet organiċi, ta’ fertilizzanti u ta’ kondizzjonaturi tal-ħamrija ta’ oriġini annimali “li joriġinaw minn trobbija industrijali tal-annimali” tirrigwarda wkoll id-demel li ġej minn annimali li jitrabbew f’sistemi b’paviment f’għamla ta’ gradilja u/jew kompletament bi gradilji u li jaqbeż il-limiti ddefiniti fl-Anness I tad-Direttiva EEA u dak li ġej minn annimali li jitrabbew f’gaġeġ u li jaqbeż l-istess limiti. Madankollu, għall-finijiet ta’ din il-klassifikazzjoni, għandhom jittieħdu bħala bażi sensiela ta’ indizji relatati, minn tal-inqas, mal-preservazzjoni tal-benesseri tal-annimali, mar-rispett tal-bijodiversità kif ukoll mal-protezzjoni tal-ambjent u tal-klima.

Fuq l‑ispejjeż

81

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

It-tielet paragrafu tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1165 tal‑15 ta’ Lulju 2021 li jawtorizza ċerti prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni organika u li jistabbilixxi l-listi tagħhom, adottat għall-finijiet tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

f’dak li jirrigwarda l-preparazzjonijiet ta’ mikroorganiżmi li jistgħu jintużaw sabiex itejbu l-istat ġenerali tal-ħamrija jew id-disponibbiltà ta’ nutrijenti fl-art jew fl-uċuħ tar-raba’, l-espressjoni “hija pprojbita l-oriġini mill-agrikultura industrijali [li joriġinaw minn trobbija industrijali tal-annimali pprojbita]”, użata fit-tabella li tinsab f’dan l-anness, ma hijiex ekwivalenti għal projbizzjoni biss tal-preparazzjonijiet li joriġinaw minn trobbija tal-annimali “mingħajr art”, filwaqt li jiġi ppreċiżat li, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, il-fertilizzanti, il-kondizzjonaturi tal-ħamrija u n-nutrijenti li l-użu tagħhom huwa pprojbit mill-imsemmi anness fil-agrikoltura organika huma dawk li jirriżultaw mit-trobbija industrijali tal-annimali u mhux biss dawk li ġejjin mit-trobbija tal-annimali mingħajr art.

 

2)

It-tielet paragrafu tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/1165

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-projbizzjoni tal-użu, fuq artijiet organiċi, ta’ fertilizzanti u ta’ kondizzjonaturi tal-ħamrija ta’ oriġini annimali “li joriġinaw minn trobbija industrijali tal-annimali” tirrigwarda wkoll id-demel li ġej minn annimali li jitrabbew f’sistemi b’paviment f’għamla ta’ gradilja u/jew kompletament bi gradilji u li jaqbeż il-limiti ddefiniti fl-Anness I tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014, u dak li ġej minn annimali li jitrabbew f’gaġeġ u li jaqbeż l-istess limiti.

Madankollu, għall-finijiet ta’ din il-klassifikazzjoni, għandhom jittieħdu bħala bażi sensiela ta’ indizji relatati, minn tal-inqas, mal-preservazzjoni tal-benesseri tal-annimali, mar-rispett tal-bijodiversità kif ukoll mal-protezzjoni tal-ambjent u tal-klima.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.