SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
14 ta’ Novembru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Rimedji ġudizzjarji – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita bil-liġi – Regoli nazzjonali li jirregolaw l-attribuzzjoni każwali tal-kawżi lill-imħallfin ta’ qorti u l-bidla tal-kulleġġi ġudikanti – Dispożizzjoni li tipprojbixxi l-invokazzjoni tal-ksur ta’ dawn ir-regoli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ appell”
Fil-Kawża C‑197/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ April 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura
S. S.A.
vs
C. sp. z o.o.,
fil-preżenza ta’:
Prokurator Prokuratury Regionalnej w Warszawie
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tat-Tielet Awla li qiegħed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, S. Rodin u O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: M. Siekierzyńska, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Marzu 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal C. sp. z o.o., minn M. Mioduszewski, Z. Ochońska-Borowska u J. Sroczyński, radcowie prawni, |
|
– |
għall-Prokurator Prokuratury Regionalnej w Warszawie, minn M. Dejak, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann, P. Stancanelli u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ Ġunju 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 6(1) sa (3), u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn S. S.A. u C. sp. z o.o. dwar ir-regolarità ta’ primjums irċevuti minn C. fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ ftehim qafas kummerċjali. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
L-Artikolu 2 TUE jipprevedi: “L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.” |
|
4 |
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni.” |
|
5 |
Skont l-Artikolu 47 tal-Karta: “Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu. Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. […] […]” |
Id‑dritt nazzjonali
Il‑Kodiċi tal‑Proċedura Ċivili
|
6 |
L-Artikolu 47(1) tal-ustawa Kodeks postępowania cywilnego (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) tas‑17 ta’ Novembru 1964 (Dz. U. tal‑1964 Nru 43, pożizzjoni 296), fil-verżjoni kkonsolidata tiegħu (Dz. U. tal‑2019, pożizzjoni 1460) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Ċivili”), jipprovdi: “Fl-ewwel istanza, il-qorti għandha tkun adita bil-kawżi f’kulleġġ ġudikanti b’imħallef wieħed, sakemm ma huwiex previst mod ieħor permezz ta’ dispożizzjoni speċifika.” |
|
7 |
Skont l-Artikolu 379(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili: “Il-proċedura hija nulla […] jekk il-kompożizzjoni tal-qorti adita hija kuntrarja għad-dispożizzjonijiet statutorji jew jekk imħallef eskluż permezz tal-operat tal-liġi pparteċipa fl-eżami tal-kawża.” |
|
8 |
L-Artikolu 386(2) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi: “Meta l-proċedura tiġi ddikjarata nulla, il-qorti tat-tieni istanza għandha tannulla s-sentenza appellata, tannulla l-proċedura sa fejn din hija affettwata min-nullità, u tibgħat il-kawża lura lill-qorti fl-ewwel istanza.” |
Il‑Liġi dwar l‑Organizzazzjoni tal‑Qrati Ordinarji
|
9 |
L-ustawa Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji) tas‑27 ta’ Lulju 2001 (Dz. U. Nru 98, pożizzjoni 1070), fil-verżjoni kkonsolidata tagħha (Dz. U tal‑2019, pożizzjoni 52), kif emendata bl-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych, ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra) tal‑20 ta’ Diċembru 2019 (Dz. U. tal‑2020, pożizzjoni 190) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji” u l-“Liġi tal‑20 ta’ Diċembru 2019”, rispettivament), tipprovdi, fl-Artikolu 45 tagħha: “1. Imħallef jew imħallef bi prova jista’ jiġi ssostitwit fil-funzjonijiet tiegħu minn imħallef jew imħallef bi prova tal-istess qorti, jew minn imħallef innominat skont l-Artikolu 77(1) jew (8). 2. Din is-sostituzzjoni indikata fil-paragrafu 1 tista’ tkun ir-riżultat ta’ miżura li ttieħdet mill-President tad-Diviżjoni jew mill-President tal-qorti, miksuba fuq talba tal-imħallef jew imħallef bi prova, jew ex officio, sabiex jiġi żgurat l-iżvolġiment tajjeb tal-proċeduri.” |
|
10 |
Skont l-Artikolu 47a tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji: “1. Il-kawżi għandhom ikunu assenjati lil imħallfin u lil imħallfin bi prova b’mod każwali skont il-kategoriji speċifiċi ta’ kawżi, sakemm il-kawża ma tkunx assenjata lil imħallef tal-għassa 2. Il-kawżi fi ħdan il-kategoriji speċifiċi għandhom jinqasmu b’mod ugwali, sakemm is-sehem ma jitnaqqasx minħabba l-pożizzjoni okkupata, l-attribuzzjoni tal-kawżi f’kategorija oħra jew għal raġunijiet oħra previsti mil-liġi.” |
|
11 |
L-Artikolu 47b ta’ din il-liġi jipprevedi: “1. Bidla fil-kompożizzjoni tal-qorti tista’ biss issir fejn huwa impossibbli għall-qorti sabiex tieħu konjizzjoni u tiddetermina l-kawża fil-kompożizzjoni kurrenti tagħha jew fejn hemm ostakolu rimanenti għall-qorti sabiex tieħu konjizzjoni u tiddetermina l-kawża fil-kompożizzjoni kurrenti tagħha. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47a għandhom japplikaw mutatis mutandis. 2. Jekk huwa neċessarju li jittieħdu miżuri f’kawża, b’mod partikolari fejn dan huwa meħtieġ permezz ta’ dispożizzjonijiet separati jew iġġustifikati għal raġunijiet tal-iżvolġiment korrett tal-proċedura, u fejn il-kulleġġ ġudikanti li lilu ġiet assenjata l-kawża ma jistax jagħmel dan, għandhom jittieħdu miżuri mill-kulleġġ innominat skont il-pjan ta’ sostituzzjoni u, jekk il-miżuri ma humiex koperti mill-pjan ta’ sostituzzjoni, mill-kulleġġ innominat skont l-Artikolu 47a. 3. Deċiżjonijiet fil-każijiet indikati fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jittieħdu mill-President tal-qorti jew minn imħallef awtorizzat minnu.” |
|
12 |
Il-Liġi tal‑20 ta’ Diċembru 2019 żiedet paragrafu 4 mal-Artikolu 55 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, li huwa redatt kif ġej: “L-imħallfin jistgħu jagħtu sentenza fil-każijiet kollha fil-post li fih ġew assenjati u wkoll fil-qrati l-oħrajn fil-każijiet iddefiniti bil-liġi (ġurisdizzjoni tal-imħallef). Id-dispożizzjonijiet relatati mal-assenjazzjoni tal-kawżi u man-nomina u l-bidla tal-kulleġġ ġudikanti ma għandhomx jillimitaw il-ġurisdizzjoni tal-imħallef u ma jistgħux jiffurmaw il-bażi li fuqha jiġi ddeterminat li kulleġġ imur kontra l-liġi, li qorti hija komposta b’mod mhux xieraq jew li persuna li tifforma parti minn din il-qorti ma hijiex awtorizzata jew kompetenti sabiex tagħti sentenza.” |
|
13 |
Konformement mal-Artikolu 8 tal-Liġi tal‑20 ta’ Diċembru 2019, l-Artikolu 55(4) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji għandu japplika wkoll għal kawżi li introdotti jew magħluqa qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi tal‑20 ta’ Diċembru 2019. |
Ir‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qrati Ordinarji
|
14 |
Ir-Rozporządzenie Ministra Sprawiedliwości Regulamin urzędowania sądów powszechnych (Ir-Regolament tal-Ministru għall-Ġustizzja li Jistabbilixxi Regoli tal-Proċedura tal-Qrati Ordinarji) tat‑23 ta’ Diċembru 2015 (Dz. U. tal‑2015, pożizzjoni 2316) (iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-Proċedura tal-Qrati Ordinarji”), applikabbli fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, kien jipprevedi, fl-Artikolu 43(1) tiegħu: “Il-kawżi għandhom jiġu assenjati lil imħallfin relaturi (imħallfin u mħallfin bi prova) b’mod każwali, skont id-distribuzzjoni ta’ attivitajiet stabbilita, minn għodda tal-informatika fuq il-bażi ta’ ġeneratur tan-numri każwali, b’mod separat għal kull reġistru, lista jew makkinarju li jirreġistra ieħor, sakemm id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ma jipprevedux għal regoli ta’ assenjazzjoni oħrajn. […]” |
|
15 |
L-Artikolu 52b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qrati Ordinarji kien jipprovdi: “1. Il-lista ta’ sostituzzjoni turi s-sostituti (imħallfin, imħallfin bi prova u ġurati) għal kull jum ta’ xogħol. 2. Il-lista tas-servizz tal-għassa tindika l-imħallfin u mħallfin bi prova li jkunu tal-għassa għal kull jum. 3. It-tabelli ta’ sostituzzjoni u ta’ servizz tal-għassa għandhom jiddeterminaw in-numru ta’ [mħallfin u mħallfin bi prova] sostituti u tal-għassa permezz ta’ perijodu ta’ żmien, permezz ta’ diviżjoni jew permezz ta’ tip ta’ kawżi assenjati lill-[imħallfin u mħallfin bi prova] sostituti u tal-għassa, kif ukoll l-ordni li biha s-sostituzzjonijiet għandhom isiru, u l-kawżi assenjati lill-[imħallfin u mħallfin bi prova] tal-għassa fejn iktar minn wieħed [imħallef u mħallef bi prova] huma sostituti u tal-għassa. […]” |
|
16 |
Skont l-Artikolu 52c tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qrati Ordinarji: “1. Fil-każ tal-assenza tal-imħallef relatur fis-seduta, il-President tad-Diviżjoni għandu jikkanċella s-seduta jekk huwa possibbli li l-persuni kkonċernati jiġu informati, sakemm l-iżvolġiment korrett tal-proċedura ma jeżiġix b’mod ċar li għandha tinżamm is-seduta. 2. Il-kawża li fir-rigward tagħha ma ġietx ikkanċellata s-seduta għandha tingħata konjizzjoni mill-imħallef sostitut kif previst fil-pjan ta’ sostituzzjoni għall-jum inkwistjoni. Jekk is-sostitut ma jkunx jista’ jagħmel preparazzjonijiet adegwati jew jekk l-eżami tal-kawża minn dan is-sostitut jeħtieġ li parti sostanzjali tal-proċedura tinfetaħ mill-ġdid, il-President tad-Diviżjoni għandu jordna li s-seduta tkun ikkanċellata. […] […]” |
Il‑Liġi dwar il‑Ġlieda kontra l‑Kompetizzjoni Żleali
|
17 |
L’ustawa o zwalczeniu nieuczciwej konkurencji (il-Liġi dwar il-Ġlieda kontra l-Kompetizzjoni Żleali) tas‑16 ta’ April 1993 (test ikkonsolidat, Dz.) U. tal‑2022, pożizzjoni 1233) tipprovdi, fil-punt (4) tal-Artikolu 15(1) tagħha: “Jikkostitwixxi att ta’ kompetizzjoni żleali l-ostakolu għall-aċċess għas-suq ta’ imprendituri oħra, b’mod partikolari permezz […] tal-ġbir ta’ spejjeż li ma humiex il-marġni kummerċjali għall-aċċettazzjoni ta’ merkanzija għall-bejgħ.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
18 |
Fis‑27 ta’ April 2018, S. adixxa lis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) b’tilwima fil-qasam kummerċjali. Bħala ċessjonarja ta’ kreditu kontra C., kumpannija attiva fil-qasam tal-bejgħ bl-imnut, hija titlob il-kundanna ta’ dan tal-aħħar għall-ħlas ta’ somma ta’ 4572648 zloty Pollakk (PLN) (madwar EUR 1045000) li tikkorrispondi għal primjums fi flus kontanti fuq id-dħul mill-bejgħ magħmul f’sena finanzjarja partikolari (marġni ta’ arretrati) li allegatament C. irċieva b’mod irregolari fil-kuntest ta’ ftehim qafas kummerċjali konkluż maċ-ċedent u li jirrigwarda l-kunsinna ta’ merkanzija bl-għan tal-bejgħ mill-ġdid tagħha. Skont S., il-ġbir ta’ dawn il-primjums kien kuntrarju għall-punt 4 tal-Artikolu 15(1) tal-Liġi dwar il-Ġlieda Kontra l-Kompetizzjoni Żleali, peress li dawn kienu jikkostitwixxu “spejjeż li ma humiex il-marġni kummerċjali għall-aċċettazzjoni ta’ merkanzija għall-bejgħ”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
19 |
Din il-kawża ġiet assenjata lis-sittax-il sezzjoni kummerċjali ta’ dik il-qorti u, b’applikazzjoni tas-sistema ta’ attribuzzjoni każwali tal-kawżi, lill-Imħallef E. T., Viċi Presidenta ta’ din is-sezzjoni, b’kulleġġ ġudikanti ta’ Imħallef uniku. |
|
20 |
Fil‑25 ta’ Marzu 2019, il-jum tas-seduta fl-imsemmija kawża, peress li l-Imħallef E. T. kienet assenti minħabba leave mogħti fuq talba tagħha, il-Presidenta tas-sittax-il sezzjoni kummerċjali tal-imsemmija qorti ħatret lil J. K., Imħallef tal-għassa ta’ dakinhar, sabiex iżomm is-seduta, u għalhekk il-kawża ġiet assenjata lilu. |
|
21 |
Permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2019, mogħtija mill-Imħallef J. K. f’kulleġġ ġudikanti b’Imħallef uniku tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja), it-talba ta’ S. ġiet miċħuda. |
|
22 |
Din tal-aħħar appellat fis‑27 ta’ Ottubru 2019 quddiem is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja), li hija l-qorti tar-rinviju. |
|
23 |
Fil-kuntest ta’ dan l-appell, S. invokat l-invalidità tal-proċedura quddiem il-qorti tal-ewwel istanza abbażi tal-punt 4 tal-Artikolu 379 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, għar-raġuni li l-kulleġġ ġudikanti kien kuntrarju għal-liġi, minħabba l-ksur tal-prinċipju ta’ kompożizzjoni kostanti tal-kulleġġ ġudikanti, peress li s-seduta kienet inżammet, u s-sentenza mogħtija, minn Imħallef differenti minn dak li lilu kienet ġiet inizjalment assenjata l-kawża. |
|
24 |
Wara li wettqet diversi miżuri istruttorji jew ta’ verifika sabiex tistħarreġ ir-regolarità tal-proċedura quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, il-qorti tar-rinviju kisbet il-konvinzjoni li s-sostituzzjoni tal-Imħallef E. T. bl-Imħallef J. K. seħħet f’kundizzjonijiet li jiksru l-prinċipju ta’ kompożizzjoni kostanti tal-kulleġġ ġudikanti stabbilit mil-liġi nazzjonali. Fil-fatt, dik il-qorti tqis li r-raġuni għas-sostituzzjoni tal-Imħallef E. T. hija kuntrarja għall-Artikolu 47b tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji. Hija tirrileva wkoll li l-formalitajiet li kellhom isiru ma’ tali sostituzzjoni mhux kollha twettqu, li wassalha sabiex tissuspetta li l-qorti tal-ewwel istanza kienet emendat ċerti dokumenti sabiex tipprova tirrimedja tali irregolaritajiet a posteriori. |
|
25 |
Il-qorti tar-rinviju tinjora r-raġunijiet għal din is-sostituzzjoni, li hija tqis bħala irregolari, filwaqt li tirrileva li l-użu ta’ tali proċess jista’ jwassal għat-trasferiment tal-għoti ta’ numru kunsiderevolment kbir ta’ kawżi minn imħallef għal ieħor. |
|
26 |
Hija tenfasizza wkoll li, “teoretikament”, ma jistax jiġi eskluż li l-kompożizzjoni ta’ kulleġġ ġudikanti b’Imħallef uniku tista’ tiġi mibdula deliberatament f’kawżi sensittivi permezz ta’ proċess li jikkonsisti, għall-Imħallef li lilu tkun inizjalment ġiet assenjata kawża b’mod każwali, fl-iffissar ta’ seduta f’data li fiha huwa ser ikun fuq leave fuq talba tiegħu, u l-assenza tiegħu fid-data tas-seduta tintuża sabiex tikkawża s-sostituzzjoni tiegħu mill-Imħallef li jidher, f’din id-data, fit-tabella ta’ sostituzzjoni jew tal-għassa, li ismu jista’ jkun magħruf minn qabel. |
|
27 |
Fl-aħħar, il-qorti tar-rinviju tiċċita riżoluzzjonijiet tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) li skonthom il-kompożizzjoni ta’ kulleġġ ġudikanti bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-assenjazzjoni tal-kawżi kif ukoll il-ħatra u l-bidla tal-kulleġġi ġudikanti tista’ tikkostitwixxi raġuni għall-applikazzjoni tas-sanzjoni ta’ nullità tal-proċedura prevista fl-Artikolu 379(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. |
|
28 |
Hija tirrileva madankollu li kull stħarriġ f’dan ir-rigward fil-kuntest ta’ appell huwa pprojbit minħabba l-introduzzjoni tal-Artikolu 55(4) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji. |
|
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja u l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
|
30 |
Il-Prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Varsavja (iktar ’il quddiem il-“Prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali”) jsostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, peress li mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li t-tilwima fil-kawża prinċipali għandha rabta mad-dritt tal-Unjoni. Flimkien mal-konvenuta fil-kawża prinċipali, huma jqisu li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jirregolaw l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja ta’ Stat Membru f’dak li jikkonċerna l-modalitajiet ta’ assenjazzjoni tal-kawżi u ta’ bidla fil-kompożizzjoni ta’ kulleġġ ġudikanti, fir-rigward tad-determinazzjoni, b’mod partikolari, ta’ jekk il-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwiex ta’ natura li jwassal għan-nullità tal-proċedura skont il-punt 4 tal-Artikolu 379 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Skont il-Prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali, tali kwistjonijiet, bħal kull kwistjoni dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-korpi tal-Istat, jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tiegħu. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jilħqu għan, jiġifieri l-istabbiliment ta’ dispożizzjonijiet li jiggarantixxu protezzjoni ġudizzjarja effettiva, mingħajr dan madankollu ma jkun jista’ jiġi dedott minn regoli dwar ċerta organizzazzjoni tal-proċedura. |
|
31 |
F’dan ir-rigward, sakemm, permezz ta’ dawn l-argumenti, il-Prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali u l-konvenuta fil-kawża prinċipali huma intiżi fir-realtà li jikkontestaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari, għandu jitfakkar li, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ fil-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma obbligati josservaw l-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Asociaţia Forumul Judecătorilor din România,C‑216/21, EU:C:2023:628, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li din id-dispożizzjoni tkopri l-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, indipendentement mis-sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri jimplimentaw dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa intiż, b’mod partikolari, li japplika fir-rigward ta’ kull qorti nazzjonali li tista’ tiddeċiedi, bħala qorti, dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li għalhekk jaqgħu taħt l-oqsma koperti minn dan id-dritt (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
Issa, ma hemmx dubju li dan huwa l-każ f’din il-kawża, peress li, bħalma rrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tagħha, kemm il-qorti tal-ewwel istanza, li r-regolarità tal-kompożizzjoni tagħha hija kkontestata quddiem il-qorti tar-rinviju, kif ukoll din tal-aħħar, li lilha d-dritt nazzjonali jipprojbixxi l-istħarriġ ta’ din ir-regolarità, jistgħu jintalbu jiddeċiedu dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, dawn il-qrati għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. |
|
35 |
Barra minn hekk, il-Prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali u l-Kummissjoni jsostnu li mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jsegwix li t-tilwima fil-kawża prinċipali tagħmel parti minn implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta u li, għaldaqstant, l-Artikolu 47 tagħha huwa inapplikabbli. |
|
36 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tinterpreta d-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema),C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Fir-rigward tal-Karta, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, għal dak li jirrigwarda l-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, liema dispożizzjoni tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea huma intiżi li japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minnhom (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema),C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 78 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
F’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda, b’mod iktar preċiż, l-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi kkonstatat li t-tilwima li hija fl-oriġini tal-proċedura fil-kawża prinċipali ma għandhiex rabta ma’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, it-talba għall-kundanna tal-konvenuta fil-kawża prinċipali hija bbażata esklużivament fuq dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma pprovdiet ebda informazzjoni li tindika li t-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni li hija implimentata fuq livell nazzjonali. |
|
39 |
Għaldaqstant, bħala tali, l-Artikolu 47 tal-Karta ma huwiex applikabbli fit-tilwima fil-kawża prinċipali. |
|
40 |
Madankollu, peress li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jobbliga lill-Istati Membri kollha jistabbilixxu r-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fis-sens b’mod partikolari tal-Artikolu 47 tal-Karta, din id-dispożizzjoni tal-aħħar, għalkemm ma hijiex applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, għandha tittieħed debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
Barra minn hekk, il-Prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali jsostni li deċiżjoni preliminari ma hijiex neċessarja sabiex tippermetti lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi fit-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, din il-qorti taqbeż il-kompetenzi tagħha jekk tistħarreġ ir-regolarità tal-kompożizzjoni tal-qorti tal-ewwel istanza. Min-naħa tagħha, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ssostni li d-domandi magħmula huma tant ġenerali li risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tippermetti li jitneħħew id-dubji dwar il-problema legali li tikkonċerna r-relazzjoni bejn ir-regoli dwar l-assenjazzjoni ta’ kawża lil Imħallef u n-nullità tal-proċedura fl-ewwel istanza fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
|
42 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda preċiżament il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix il-projbizzjoni magħmula lill-qorti tar-rinviju milli tistħarreġ ir-regolarità tal-kompożizzjoni tal-qorti tal-ewwel istanza, li teżiġi l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt, b’mod partikolari, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, b’tali mod li l-eżami tal-oġġezzjoni li l-qorti tar-rinviju teċċedi l-kompetenzi tagħha jikkoinċidi ma’ dik tad-domandi preliminari. |
|
43 |
Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-qafas regolatorju u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiċħad domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2024, INGSTEEL,C‑547/22, EU:C:2024:478, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
Issa, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ssemmi li t-tip ta’ irregolaritajiet ikkonċernati fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali jinvolvi riskju ta’ manipulazzjoni tal-assenjazzjoni f’kawżi sensittivi u li hija prekluża minn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali milli tislet il-konsegwenzi ta’ tali irregolaritajiet, peress li hija tqis li hija affaċċjata, f’dawn iċ-ċirkustanzi, bil-kwistjoni dwar jekk din id-dispożizzjoni għandhiex titħalla mhux applikata, konformement mal-obbligu tagħha, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li twarrab ir-regoli tad-dritt nazzjonali kuntrarji għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. |
|
45 |
Permezz ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju turi b’mod suffiċjenti fid-dritt li d-deċiżjoni preliminari mitluba hija “meħtieġa” sabiex hija tkun tista’ “tagħti s-sentenza” fil-kawża li hija adita biha, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. |
|
46 |
Fl-aħħar nett, bħalma jsostni l-Prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju ma tesponix ir-raġunijiet li għalihom hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 6(1) u (3) TUE. |
|
47 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi argumenti suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jinftiehmu r-raġunijiet għat-talba għal interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u li, fid-dawl tal-punt 34 ta’ din is-sentenza, id-domandi preliminari huma ammissibbli sa fejn dawn jirrigwardaw din id-dispożizzjoni. Issa, din id-dispożizzjoni, li tikkonkretizza l-valur tal-Istat tad-dritt iddikjarat fl-Artikolu 2 TUE, tagħti lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja r-responsabbiltà li jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja li l-partijiet f’kawża jisiltu minn dan id-dritt (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, bħalma qieset l-Avukata Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tagħha, l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandha ssir fid-dawl tal-Artikolu 2 TUE. |
|
48 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jitqies li, sa fejn it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 2 TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar din it-talba u li din hija ammissibbli. |
Fuq id‑domandi preliminari
|
49 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-konvenuta fil-kawża prinċipali u l-Prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali jikkontestaw il-preżentazzjoni tad-dritt nazzjonali li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, peress li jqisu li ma hijiex kompluta u imparzjali. |
|
50 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-ġurisprudenza tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), filwaqt li l-qorti tar-rinviju ssemmi deċiżjonijiet li skonthom il-ksur tal-prinċipju ta’ kompożizzjoni kostanti tal-kulleġġi ġudikanti huwa ta’ natura li jwassal għan-nullità tal-proċedura minħabba t-trattament tal-kawża minn kulleġġ ġudikanti li l-kompożizzjoni tiegħu hija kuntrarja għad-dispożizzjonijiet legali, skont il-punt 4 tal-Artikolu 379 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-Prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali jirreferi għal deċiżjonijiet iktar antiki f’sens kuntrarju. Dan tal-aħħar jissottometti wkoll li d-dritt nazzjonali ma jinkludix il-kunċett ta’ “ksur flagranti” tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-assenjazzjoni tal-kawżi u tal-bidla fil-kulleġġ ġudikanti, użat mill-qorti tar-rinviju, li tikkuntrasta dan il-kunċett ma’ dak ta’ “sempliċi ksur” ta’ tali dispożizzjonijiet. |
|
51 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Għaldaqstant, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejnha u l-qrati nazzjonali, il-kuntest leġiżlattiv li jidħlu fih id-domandi preliminari, hekk kif iddefinit mid-deċiżjoni ta’ rinviju (sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, Dexia Nederland,C‑229/19 u C‑289/19, EU:C:2021:68, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
52 |
Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibbaża ruħha fuq l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju li, minn naħa, l-assenza tal-imħallef tal-qorti tal-ewwel istanza li lilu kienet ġiet attribwita l-kawża prinċipali fil-jum ffissat għal seduta minħabba leave mogħti fuq talba tiegħu ma kinitx tikkostitwixxi, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, raġuni sabiex jiġi ssostitwit skont l-Artikolu 47b(1) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tal-punt 4 tal-Artikolu 379 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili għandha, bħala prinċipju, twassal għall-annullament tal-proċedura tal-ewwel istanza minħabba din l-irregolarità, filwaqt li huwa madankollu paċifiku li l-Artikolu 55(4) ta’ din il-liġi jipprekludi li jsir dan. |
|
53 |
Fit-tieni lok, il-konvenuta fil-kawża prinċipali u l-Prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali jsostnu, essenzjalment, li r-regoli tad-dritt nazzjonali dwar l-assenjazzjoni tal-kawżi u t-tibdil tal-kulleġġi ġudikanti huma dispożizzjonijiet ta’ natura amministrattiva li l-għan tagħhom huwa li jiġi żgurat tqassim ġust tal-piż tax-xogħol bejn il-membri ta’ qorti. Min-natura tagħhom, dawn ir-regoli ma jistgħux jagħtu lok għall-eżerċizzju ta’ influwenza esterna. |
|
54 |
Madankollu, għandu jiġi osservat li r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni jikkonċerna mhux biss l-influwenzi indebiti li jistgħu jiġu eżerċitati mill-poter leġiżlattiv u dak eżekuttiv, iżda wkoll dawk li jistgħu joriġinaw minn ħdan il-qorti kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 54). |
|
55 |
Issa, il-qorti tar-rinviju kkonstatat l-eżistenza ta’ riskju serju li ksur tar-regoli nazzjonali dwar l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawżi jista’ jkollu l-għan li jippermetti lil ċertu Mħallef jiddeċiedi f’kawża speċifika jew f’ċertu tip ta’ kawżi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, bħalma rrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tagħha, id-dubji espressi b’dan il-mod mill-qorti tar-rinviju huma biżżejjed sabiex id-domandi dwar l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli jitqiesu li għandhom jiġu evalwati fid-dawl tar-rekwiżiti li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni dwar il-garanzija ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. |
|
56 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 2 TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprekludi f’kull ċirkustanza lill-qorti tal-appell milli tistħarreġ jekk l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawża lill-kulleġġ ġudikanti li ddeċieda fiha fl-ewwel istanza seħħitx bi ksur tar-regoli nazzjonali dwar l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawżi fi ħdan il-qrati. |
|
57 |
Għandu jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-istanzi li huma msejħa, bħala “qorti” fis-sens iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, jiddeċiedu dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tiegħu u li għalhekk jaqgħu taħt is-sistema ta’ rimedji tiegħu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fosthom dik tal-indipendenza (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
58 |
Sabiex jiġi ggarantit li tali qorti tkun f’pożizzjoni li toffri din il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, huwa importanti, fl-ewwel lok, li tinżamm l-indipendenza tagħha, bħalma jikkonferma t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jsemmi l-aċċess għal qorti “indipendenti” fost ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
59 |
Dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati, li huwa inerenti fil-kompitu li tittieħed deċiżjoni, jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li għandu importanza kardinali bħala garanti tal-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet f’kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni u mill-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari l-valur tal-Istat tad-dritt (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
60 |
L-imsemmi rekwiżit ta’ indipendenza jinkludi żewġ aspetti. L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jeżiġi li l-istanza kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda rabta ġerarkika jew ta’ subordinazzjoni fil-konfront ta’ ħaddieħor u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors, ikun xi jkun, sabiex b’hekk tkun protetta kontra l-interventi jew il-pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tal-ġudizzju tal-membri tagħha u li jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom. It-tieni aspett, ta’ natura interna, jorbot mal-kunċett ta’ “imparzjalità” u jfittex id-distanza ugwali mill-partijiet fit-tilwima u mill-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima. Dan l-aspett tal-aħħar jeżiġi l-osservanza tal-oġġettività u tal-assenza ta’ kull interess fis-soluzzjoni tat-tilwima lil hinn mill-applikazzjoni stretta tar-regola tad-dritt (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punti 50 u 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
61 |
Bħalma tfakkar fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, għalkemm l-aspett “estern” huwa intiż essenzjalment li jippreżerva l-indipendenza tal-qrati fil-konfront tas-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva konformement mal-prinċipju ta’ separazzjoni tas-setgħat li jikkaratterizza l-funzjonament ta’ Stat tad-dritt, dan huwa intiż ukoll sabiex jipproteġi lill-imħallfin minn influwenzi indebiti li jirriżultaw minn ħdan il-qorti kkonċernata. |
|
62 |
Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-eżerċizzju tal-funzjoni ġudizzjarja għandu jkun protett mhux biss minn kull influwenza diretta, fil-forma ta’ istruzzjonijiet, iżda wkoll mill-forom ta’ influwenza iktar indiretta li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet ġudizzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
63 |
Fit-tieni lok, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jeżiġi wkoll l-eżistenza ta’ qorti “stabbilita minn qabel bil-liġi”, fid-dawl tar-rabtiet indissoċjabbli li jeżistu bejn l-aċċess għal tali qorti u l-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-imħallfin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2024, Hann-Invest et, C‑554/21, C‑622/21 u C‑727/21, EU:C:2024:594, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
64 |
Barra minn hekk, ir-riferiment għal “qorti stabbilita bil-liġi”, li jinsab ukoll fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, jirrifletti b’mod partikolari l-prinċipju tal-Istat tad-dritt u jikkonċerna mhux biss il-bażi legali tal-eżistenza stess tal-qorti, iżda wkoll il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti f’kull kawża kif ukoll kull dispożizzjoni oħra tad-dritt intern li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha jirrendi irregolari l-parteċipazzjoni ta’ mħallef wieħed jew iktar fl-eżami tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
65 |
Barra minn hekk, il-possibbiltà ta’ verifika tal-osservanza ta’ dawn il-garanziji hija neċessarja għall-fiduċja li l-qrati ta’ soċjetà demokratika għandhom jispiraw fil-parti f’kawża. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-istħarriġ tal-osservanza tar-rekwiżit li kull qorti, permezz tal-kompożizzjoni tagħha, tikkostitwixxi qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi, huwa formalità essenzjali li l-osservanza tagħha taqa’ taħt l-ordni pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 46, u tat‑8 ta’ Mejju 2024, Asociația Forumul Judecătorilor din România (Assoċjazzjonijiet tal-Maġistrati), C‑53/23, EU:C:2024:388, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Tali stħarriġ għandu jitwettaq ex officio fil-kuntest tal-eżami ta’ rikors meta jkun hemm dubju serju dwar dan il-punt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Réexamen Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punti 57 u 58). |
|
66 |
Fil-fatt, protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma tistax tiġi żgurata jekk, fuq talba ta’ parti, jew ex officio meta jkun hemm dubju serju, l-osservanza tar-regoli li jagħtu lil qorti l-kwalità ta’ “qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi” ma setgħetx tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju u ta’ sanzjoni eventwali fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza, inkella tiġi miksura mingħajr ma jkun hemm ebda effett marbut magħha. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-eżistenza nnifisha ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv intiż li jiżgura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt hija inerenti għall-kunċett tal-Istat tad-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Bank Refah Kargaran vs Il‑Kunsill, C‑134/19 P, EU:C:2020:793, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
67 |
Għaldaqstant, jekk Stat Membru jistabbilixxi dispożizzjonijiet legali dwar il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti sedenti f’kull kawża u dwar l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawżi, l-Artikolu 19(2) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 2 TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, jeżiġi li l-osservanza ta’ dawn ir-regoli tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju. |
|
68 |
Minn dan isegwi li għandha titqies li hija inkompatibbli mar-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi lill-qrati tal-appell milli jistħarrġu l-osservanza tar-regoli nazzjonali dwar l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawżi fi ħdan il-qrati jew dwar it-tibdil tal-kulleġġi ġudikanti, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kulleġġ ġudikanti li jkun iddeċieda fl-ewwel istanza jikkostitwixxix qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi, billi tipprojbixxi f’kull ċirkustanza lil dawn il-qrati tal-appell milli jikkonstataw, jekk ikun il-każ, in-nullità tal-proċedura fl-ewwel istanza meta dik il-proċedura tkun ingħalqet permezz ta’ sentenza mogħtija minn kulleġġ ġudikanti li lilu l-kawża tkun ġiet assenjata mill-ġdid jew li jkun ġie mibdul bi ksur ta’ dawn ir-regoli. |
|
69 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, wara l-preżentata ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat kontra r-Repubblika tal-Polonja, fil-kuntest partikolari tal-adozzjoni minn dan l-Istat Membru, b’urġenza, ta’ diversi dispożizzjonijiet ta’ natura proċedurali b’reazzjoni għal sensiela ta’ rinviji għal deċiżjoni preliminari indirizzati minn diversi qrati Pollakki fir-rigward tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ diversi emendi leġiżlattivi li affettwaw l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fil-Polonja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 226 u 227 tas-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-Imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442), li r-regola tad-dritt nazzjonali li tipprekludi b’mod ġenerali tali stħarriġ, jiġifieri l-Artikolu 55(4) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, hija kuntrarja għad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta. Minn dan isegwi li, fit-tilwima fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha tħalli din ir-regola mhux applikata, bħalma rrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 84 tal-konklużjonijiet tagħha. |
|
70 |
Mir-raġunijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għad-domandi preliminari magħmula għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 2 TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprekludi f’kull ċirkustanza lill-qorti tal-appell milli tistħarreġ jekk l-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ kawża lill-kulleġġ ġudikanti li ddeċieda fiha fl-ewwel istanza seħħitx bi ksur tar-regoli nazzjonali dwar l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawżi fi ħdan il-qrati. |
Fuq l‑ispejjeż
|
71 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 2 TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprekludi f’kull ċirkustanza lill-qorti tal-appell milli tistħarreġ jekk l-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ kawża lill-kulleġġ ġudikanti li ddeċieda fiha fl-ewwel istanza seħħitx bi ksur tar-regoli nazzjonali dwar l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawżi fi ħdan il-qrati. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.