SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
29 ta’ April 2025 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 20 TFUE – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 4(3) TUE – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri – Għoti tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru – Relazzjoni partikolari ta’ solidarjetà u ta’ lealtà – Implimentazzjoni ta’ skema ta’ ċittadinanza b’investiment – Naturalizzazzjoni bi skambju għal pagamenti jew għal investimenti ddeterminati minn qabel – Natura tranżazzjonali tas-sistema ta’ naturalizzazzjoni, li tixbah ‘kummerċjalizzazzjoni’ taċ-ċittadinanza tal-Unjoni”
Fil-Kawża C‑181/23,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fil‑21 ta’ Marzu 2023,
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Ladenburger, E. Montaguti u J. Tomkin, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
Ir‑Repubblika ta’ Malta, irrappreżentata minn A. Buhagiar, bħala aġent, assistita minn D. Sarmiento Ramírez-Escudero, abogado,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, T. von Danwitz, Viċi President, K. Jürimäe, C. Lycourgos, I. Jarukaitis, M. L. Arastey Sahún, S. Rodin (Relatur), A. Kumin, N. Jääskinen u D. Gratsias, Presidenti ta’ Awla, E. Regan, I. Ziemele u J. Passer, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. M. Collins,
Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑17 ta’ Ġunju 2024,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Ottubru 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi stabbilixxiet u implimentat skema istituzzjonalizzata ta’ ċittadinanza b’investiment bħall-Għoti taċ-Ċittadinanza Maltija permezz ta’ Naturalizzazzjoni għal Servizzi Eċċezzjonali b’Investiment Dirett (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020”), ibbażata fuq l-Artikolu 10(9) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kapitolu 188 tal-Liġijiet ta’ Malta), kif emendat bl-Att tal‑2020 li jemenda l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Emenda Nru 2) (Att XXXVIII tal‑2020) (Gazzetta tal-Gvern Nru 20,452 tal‑31 ta’ Lulju 2020, iktar ’il quddiem l-“Att tal‑2020”), u r-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Ċittadinanza għal Servizzi Eċċezzjonali tal‑2020 (Leġiżlazzjoni Sussidjarja 188.06 tal-Liġijiet ta’ Malta) (Gazzetta tal-Gvern Nru 20,524 tal‑20 ta’ Novembru 2020, iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal‑2020”) (iktar ’il quddiem l-“Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija”), li toffri n-naturalizzazzjoni minkejja l-assenza ta’ rabta ġenwina bejn l-applikanti u l-pajjiż bi skambju għal pagamenti jew għal investimenti ddeterminati minn qabel, ir-Repubblika ta’ Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 20 TFUE u l-Artikolu 4(3) TUE. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
It-Trattati UE u FUE
|
2 |
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TUE huwa fformulat kif ġej: “Dan it-Trattat huwa pass ġdid lejn il-ħolqien ta’ għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli ta’ l-Ewropa, li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin”. |
|
3 |
L-Artikolu 2 TUE jipprovdi: “L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel”. |
|
4 |
Skont l-Artikolu 3(2) TUE: “L-Unjoni għandha toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun assigurat flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda l-kontrolli tal-fruntieri esterni, l-asil, l-immigrazzjoni kif ukoll il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha”. |
|
5 |
L-Artikolu 4 TUE jistipula: “[…] 2. L-Unjoni għandha tirrispetta l-ugwaljanza ta’ l-Istati Membri quddiem it-Trattati kif ukoll l-identità nazzjonali tagħhom, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom, inkluża l-awtonomija lokali u reġjonali. Hija għandha tirrispetta l-funzjonijiet Statali essenzjali tagħhom, inkluż dawk li jassiguraw l-integrità territorjali ta’ l-Istat, iż-żamma ta’ l-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali. B’mod partikolari, is-sigurtà nazzjonali tibqa’ r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru. 3. Skond il-prinċipju tal-koperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f’rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati. L-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jassiguraw li l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni jitwettqu. L-Istati Membri għandhom jgħinu lill-Unjoni sabiex twettaq il-kompiti tagħha u joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura li tista’ tqiegħed f’ periklu l-kisba ta’ l-objettivi ta’ l-Unjoni”. |
|
6 |
L-Artikolu 9 TUE jipprevedi: “Fl-attivitajiet kollha tagħha, l-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipju ta’ l-ugwaljanza taċ-ċittadini tagħha, li għandhom jingħataw attenzjoni ndaqs mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tagħha. Kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija ċittadina ta’ l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex”. |
|
7 |
L-Artikolu 10 TUE huwa fformulat kif ġej: “1. Il-funzjonament ta’ l-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva. 2. Fil-livell ta’ l-Unjoni, iċ-ċittadini huma rappreżentati direttament fil-Parlament Ewropew. L-Istati Membri huma rappreżentati fil-Kunsill Ewropew mill-Kap ta’ l-Istat jew tal-Gvern tagħhom u fil-Kunsill mill-gvernijiet tagħhom, li jkunu demokratikament responsabbli kemm lejn il-Parlamenti nazzjonali tagħhom, kif ukoll lejn iċ-ċittadini tagħhom. 3. Kull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika ta’ l-Unjoni. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin. 4. Il-partiti politiċi fil-livell Ewropew jikkontribwixxu għall-formazzjoni ta’ l-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni”. |
|
8 |
L-Artikolu 11 TUE jipprovdi: “1. L-istituzzjonijiet għandhom, permezz ta’ mezzi xierqa, jagħtu liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi l-opportunità li jgħarrfu u jiskambjaw pubblikament l-opinjonijiet tagħhom fl-oqsma ta’ azzjoni kollha ta’ l-Unjoni. […] 4. Ċittadini ta’ l-Unjoni, li l-għadd tagħhom ma jkunx anqas minn miljun, li jkunu ċittadini ta’ għadd sinifikanti mill-Istati Membri, jistgħu jieħdu l-inizjattiva li jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea, fil-qafas tal-kompetenzi mogħtija lilha, sabiex tippreżenta kull proposta xierqa dwar il-kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jikkunsidraw li jkun meħtieġ att legali ta’ l-Unjoni għall-implimentazzjoni tat-Trattati. Il-proċeduri u l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-preżentazzjoni ta’ tali inizjattiva għandhom ikunu stabbiliti skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 24 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea”. |
|
9 |
Skont l-Artikolu 20 TFUE: “1. Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni. Kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija ċittadina ta’ l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex. 2. Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet u jintrabtu bid-dmirijiet previsti fit-Trattati. Huma għandhom, fost l-oħrajn:
Dawn id-drittijiet għandhom ikunu eżerċitati skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fit-Trattati u permezz tal-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom”. |
|
10 |
L-Artikolu 21(1) TFUE jistipula: “Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq”. |
|
11 |
L-Artikolu 22 TFUE jipprevedi: “1. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza għandu jkollu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi, taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li jkollhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat. Dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat skond arranġamenti dettaljati li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew; dawn l-arranġamenti jistgħu jipprovdu għal derogi fejn ikun ġustifikat minħabba fi problemi speċifiċi għal xi Stat Membru. 2. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 223 u għad-dispożizzjonijiet adottati għall-implimentazzjoni tiegħu, kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza, ikollu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi, taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li għandhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat. Dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat skond arranġamenti dettaljati li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew; dawn l-arranġamenti jistgħu jipprovdu għal derogi fejn ikun ġustifikat minħabba fi problemi speċifiċi għal xi Stat Membru”. |
|
12 |
L-Artikolu 23 TFUE huwa fformulat kif ġej: “Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu, fit-territorju ta’ pajjiż terz li fih m’hemmx rappreżentanza ta’ l-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza, ikun intitolat għal protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari ta’ kwalunkwe Stat Membru, taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li jkollhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat. L-Istati Membri għandhom jieħdu d-dispożizzjonijiet meħtieġa u jibdew in-negozjati internazzjonali meħtieġa sabiex jiżguraw din il-protezzjoni. […]” |
|
13 |
L-Artikolu 24 TFUE jipprovdi: “Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta’ regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri u l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-preżentazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini skond l-Artikolu 11 [TUE], inkluż in-numru minimu ta’ Stati Membri li minnhom iridu jiġu ċ-ċittadini li jippreżentawha. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu jkollu d-dritt li jressaq petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 227. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni jista’ jressaq rikors quddiem l-Ombudsman stabbilit skond l-Artikolu 228. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni jista’ jikteb lil kull waħda mill-istituzzjonijiet, korpi u organi imsemmija f’dan l-Artikolu jew fl-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea b’waħda mil-lingwi msemmija fl-Artikolu 55 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u jkollu tweġiba bl-istess lingwa”. |
Id-Dikjarazzjoni Nru 2
|
14 |
Id-Dikjarazzjoni Nru 2 dwar in-Nazzjonalità ta’ Stat Membru, annessa mill-Istati Membri mal-Att Finali tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (ĠU 1992, C 191, p. 98, iktar ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni Nru 2”), hija fformulata kif ġej: “Il-Konferenza tiddikjara illi, kull fejn fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea hemm riferiment għaċ-ċittadini tal-Istati Membri, il-kwistjoni jekk persuna jkollhiex in-nazzjonalità ta’ Stat Membru partikolari għandha tiġi riżolta biss b’riferiment għad-dritt nazzjonali tal-Istat ikkonċernat. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
Id-deċiżjoni ta’ Edinburgh
|
15 |
Skont it-Taqsima A tad-deċiżjoni meħuda mill-kapijiet tal-Istat u tal-Gvernijiet li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill Ewropew ta’ Edinburgh fil‑11 u fit‑12 ta’ Diċembru 1992 dwar ċerti kwistjonijiet imqajma mid-Danimarka dwar it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (ĠU 1992, C 348, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ Edinburgh”): “Id-dispożizzjonijiet tat-Tieni Parti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jagħtu liċ-ċittadini tal-Istati Membri drittijiet u protezzjonijiet addizzjonali, kif previst f’din il-parti. Huma ma jissostitwixxu bl-ebda mod iċ-ċittadinanza nazzjonali. Il-kwistjoni dwar jekk persuna jkollhiex in-nazzjonalità ta’ Stat Membru jew le għandha tiġi deċiża biss b’riferiment għad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
Id-dritt Malti
|
16 |
L-Artikolu 10 tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għan-naturalizzazzjoni ordinarja, jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li applikant jista’ jinħariġlu ċertifikat ta’ naturalizzazzjoni bħala ċittadin Malti jekk juri lill-Ministru:
|
|
17 |
Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) ta’ dan l-att, il-Ministru jista’, jekk ikun jidhirlu xieraq fiċ-ċirkustanzi speċjali ta’ xi każ partikolari, jippermetti illi perijodi ta’ residenza li jkunu okkorrew qabel is-seba’ snin li jiġu minnufih qabel id-data tal-applikazzjoni jitqiesu fil-kalkolu tas-snin kollha msemmija fil-paragrafu (b) ta’ dan l-Artikolu 10(1). |
|
18 |
Fil‑15 ta’ Novembru 2013, ir-Repubblika ta’ Malta adottat l-Att Nru XV tal‑2013: Att tal‑2013 li jemenda l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kapitolu 188 tal-Liġijiet ta’ Malta) (Gazzetta tal-Gvern Nru 19,166 tal‑15 ta’ Novembru 2013, iktar ’il quddiem l-“emenda tal-2013”). B’mod parallel mal-proċedura prevista fl-Artikolu 10(1) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija, l-emenda tal‑2013 fetħet il-possibbiltà għal applikant li jingħata ċertifikat ta’ naturalizzazzjoni permezz ta’ parteċipazzjoni fi “programm tal-investitur individwali”, irregolat minn kundizzjonijiet u proċeduri separati. |
|
19 |
L-iskema għall-investitur individwali kienet inizjalment prevista mir-Regolamenti dwar il-Programm tal-Investitur Individwali tar-Repubblika ta’ Malta tal‑2014 (Leġiżlazzjoni Sussidjarja 188.03 tal-Liġijiet ta’ Malta) (Gazzetta tal-Gvern Nru 19,205 tal‑4 ta’ Frar 2014, iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal‑2014”). Skont l-emenda tal‑2013 u r-Regolamenti tal‑2014 (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal-2014”), in-numru ta’ applikanti prinċipali magħżula, minbarra persuni dipendenti, ma setax jaqbeż l‑1 800 għall-perijodu kollu tal-iskema. |
|
20 |
Fit‑28 ta’ Lulju 2020, ir-Repubblika ta’ Malta adottat l-Att tal‑2020. |
|
21 |
Wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-att, l-Artikolu 10(9) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija issa jipprovdi: “Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att jew ta’ xi Att ieħor, il-Ministru jista’ jagħti ċertifikat ta’ naturalizzazzjoni bħala ċittadin ta’ Malta lil persuna barranija jew mingħajr stat, li tkun ipprovdiet servizzi eċċezzjonali lir-Repubblika ta’ Malta jew lill-umanità, jew li n-naturalizzazzjoni tagħha hija ta’ interess eċċezzjonali għar-Repubblika ta’ Malta, u li tissodisfa r-rekwiżiti preskritti taħt dan l-Att. Għall-iskopijiet ta’ dan is-subartikolu ‘eċċezzjonali’ tfisser manifestament superjuri, u tirreferi primarjament għal kontribuzzjonijiet minn xjenzati, riċerkaturi, atleti, nies sportivi, artisti, artisti kulturali, investituri u intraprendituri: Iżda l-Ministru għandu wkoll jagħti ċertifikat ta’ naturalizzazzjoni lil dipendenti eliġibbli ta’ persuna barranija jew persuna mingħajr stat li tkun ipprovdiet servizzi eċċezzjonali lir-Repubblika ta’ Malta permezz ta’ investiment: Iżda wkoll li dik il-persuna tagħmel applikazzjoni b’dak il-mod kif jista’ jkun preskritt u bil-ġurament ta’ lealtà f’Malta”. |
|
22 |
L-Artikolu 9 tal-Att tal‑2020, li minnu jirriżulta l-Artikolu 27 tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija, jipprevedi, bħala dispożizzjoni tranżitorja, li l-Att tal‑2020 ma japplikax għall-applikazzjonijiet għall-għoti taċ-ċittadinanza Maltija permezz ta’ naturalizzazzjoni ppreżentati qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu. |
|
23 |
Fl‑20 ta’ Novembru 2020, ir-Repubblika ta’ Malta adottat ir-Regolamenti tal‑2020 kif ukoll ir-regolamenti li jistabbilixxu l-aġenziji liċenzjati sabiex jamministraw l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020. |
|
24 |
Skont l-Artikolu 15(3), l-Artikolu 16(1)(a), (b) u (d) u (7) tar-Regolamenti tal‑2020, kif ukoll l-ewwel anness ta’ dawn ir-regolamenti, l-investituri barranin jistgħu japplikaw għan-naturalizzazzjoni għal servizzi eċċezzjonali b’investiment dirett meta jissodisfaw jew jimpenjaw ruħhom li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
|
25 |
Skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolamenti tal‑2020 u l-punt 1(b) tal-ewwel anness tagħhom, l-applikazzjonijiet jistgħu jkopru wkoll membri tal-familja ta’ applikant. Għandhom isiru ħlasijiet addizzjonali għal dan l-għan, li l-ammont tagħhom ġie stabbilit għal EUR 50000 għall-konjuġi u għal kull tifel jew tifla. |
|
26 |
Skont l-Artikolu 19 ta’ dawn ir-regolamenti: “In-numru ta’ ċertifikati ta’ Ċittadinanzi Maltin bin-Naturalizzazzjoni għal Servizzi Eċċezzjonali b’Investiment Dirett mogħti, bl-esklużjoni tad-dipendenti, ma għandux jaqbeż l-erba’ mija (400) fis-sena, u li fi kwalunkwe każ l-ammont totali akkumulat ta’ applikanti magħżula minbarra dipendenti ma għandux jaqbeż l-elf u ħames mija (1,500)”. |
|
27 |
L-Artikolu 31(1) tal-imsemmija regolamenti ħassar ir-Regolamenti tal‑2014 filwaqt li, madankollu, ħallihom fis-seħħ sakemm jintlaħaq in-numru massimu ta’ applikazzjonijiet, stabbilit mill-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal‑2014 għal 1800, bl-esklużjoni tal-persuni dipendenti. |
Il-proċedura prekontenzjuża
|
28 |
L-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2014 kienet tippermetti liċ-ċittadini barranin jiksbu n-nazzjonalità Maltija bi skambju għal pagamenti u għal investimenti ddeterminati minn qabel stabbiliti fir-Regolamenti tal‑2014. Konformement ma’ dawn ir-regolamenti, ġie inkarigat konċessjonarju sabiex ifassal, jimplimenta, jamministra, jopera u jippromwovi din l-iskema. |
|
29 |
Wara li saret taf b’din l-iskema, il-Kummissjoni bdiet djalogu mar-Repubblika ta’ Malta dwar ir-riperkussjonijiet tagħha fuq l-Unjoni u fuq l-Istati Membri l-oħra. |
|
30 |
Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ April 2020, il-Kummissjoni indikat lir-Repubblika ta’ Malta li l-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment, bħall-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2014, li jwasslu għall-“bejgħ” taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, setgħu jitqiesu li jisfruttaw it-twettiq komuni li hija ċ-ċittadinanza tal-Unjoni bi ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejnha u l-Istati Membri. |
|
31 |
Bejn April u Ottubru 2020, ir-Repubblika ta’ Malta pprovdiet preċiżazzjonijiet addizzjonali dwar il-funzjonament tal-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2014 u informat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tirrevedi l-qafas legali eżistenti. |
|
32 |
Fl‑20 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika ta’ Malta. F’din l-ittra, hija tenniet it-tħassib tagħha dwar l-inkompatibbiltà ta’ skema ta’ ċittadinanza b’investiment, bħall-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2014, mal-Artikolu 20 TFUE u mal-Artikolu 4(3) TUE. |
|
33 |
Fit-tweġiba tagħha tat‑18 ta’ Diċembru 2020 għal din l-ittra ta’ intimazzjoni, ir-Repubblika ta’ Malta informat lill-Kummissjoni li hija kienet wettqet reviżjoni tal-qafas leġiżlattiv nazzjonali applikabbli għall-għoti tan-nazzjonalità Maltija. Għalhekk, hija ppreċiżat li, wara l-adozzjoni tal-Att tal‑2020, id-dispożizzjonijiet li jippermettu l-għoti tan-nazzjonalità Maltija abbażi tar-Regolamenti tal‑2014 ma kinux għadhom fis-seħħ. Madankollu, hija ppreċiżat li, fid-dawl tal-aspettattivi leġittimi u tal-impenji diġà meħuda, dawn id-dispożizzjonijiet kienu ser jibqgħu fis-seħħ u applikabbli għall-applikazzjonijiet irċevuti sal‑15 ta’ Awwissu 2020. |
|
34 |
Fid‑9 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali lir-Repubblika ta’ Malta, li fiha indikat li l-emendi introdotti permezz tal-Att tal‑2020 u tar-Regolamenti tal‑2020 ma kinux jirrimedjaw in-natura tranżazzjonali tal-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2014 u li l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020 kienet ukoll meqjusa li tmur kontra l-Artikolu 20 TFUE u l-Artikolu 4(3) TUE. |
|
35 |
Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Awwissu 2021, ir-Repubblika ta’ Malta wieġbet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali billi esprimiet in-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-Kummissjoni. Dan l-Istat Membru sostna, b’mod partikolari, li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni kienet inkompatibbli mal-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi, inkwantu din il-pożizzjoni kienet twassal għal indħil f’qasam li jaqa’ taħt is-sovranità tal-Istati Membri. |
|
36 |
Fit‑2 ta’ Marzu 2022, ir-Repubblika ta’ Malta ssospendiet, sakemm jingħata avviż ieħor, l-iskema tagħha ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020 għaċ-ċittadini Russi u Bjelorussi, filwaqt li żammitha fis-seħħ għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi oħra, minbarra ċ-ċittadini Afgani, Nord Koreani, Iranjani, Kongoliżi, Somali, Sudaniżi, tas-Sudan t’Isfel, Sirjani, Venezweljani u Jemeniti. |
|
37 |
Fit‑28 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni adottat ir-Rakkomandazzjoni dwar passi immedjati fil-kuntest tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna fir-rigward ta’ skemi ta’ ċittadinanza b’investiment u skemi ta’ residenza b’investiment (C(2022) 2028 final). F’din ir-rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni tenniet l-opinjoni tagħha li l-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment ibbażati fuq l-għoti tan-naturalizzazzjoni bi skambju għal pagamenti jew għal investimenti ddeterminati minn qabel huma kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni, u stiednet lil kull Stat Membru li jimplimenta tali skemi jirtirahom. |
|
38 |
Fis‑6 ta’ April 2022, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika ta’ Malta li fiha kkonfermat il-pożizzjoni tagħha li l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2014 u l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020 huma kuntrarji għall-Artikolu 20 TFUE u għall-Artikolu 4(3) TUE, u stiednet lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn minn meta jirċieviha. |
|
39 |
Fit-tweġiba tagħha tas‑6 ta’ Ġunju 2022 għall-opinjoni motivata, ir-Repubblika ta’ Malta esprimiet, għal darba oħra, in-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni. |
|
40 |
Peress li qieset li l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2014 u l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020 implimentata mir-Repubblika ta’ Malta huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni bdiet din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, filwaqt li ppreċiżat li din il-proċedura tirrigwarda biss din l-iskema tal-aħħar. Madankollu, il-Kummissjoni żżid li d-dispożizzjonijiet tal-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2014 li jiksru d-dritt tal-Unjoni ġew, essenzjalment, irriprodotti fil-qafas ġuridiku li jirregola l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020, b’tali mod li dik l-istituzzjoni tagħmel riferiment, fl-eżami tagħha ta’ din l-iskema tal-aħħar, għal elementi fattwali li kienu diġà preżenti fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2014. |
Fuq ir-rikors
|
41 |
Ir-rikors huwa bbażat fuq motiv wieħed, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 20 TFUE u tal-Artikolu 4(3) TUE. |
L-argumenti tal-partijiet
|
42 |
Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm id-definizzjoni tal-kundizzjonijiet għall-għoti u għat-telf tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru taqa’ taħt il-kompetenza ta’ kull Stat Membru, din il-kompetenza għandha tiġi eżerċitata b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni. Peress li l-għoti tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru jwassal awtomatikament għall-għoti tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, kull Stat Membru, meta jeżerċita din il-kompetenza esklużiva, huwa obbligat li la jikkomprometti u lanqas jipperikola l-essenza, il-valur u l-integrità taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, sabiex tiġi ppreżervata l-fiduċja reċiproka li fuqha huwa bbażat dan l-istatus. Dawn ir-rekwiżiti jirriżultaw mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, u mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, previst fl-Artikolu 20 TFUE. |
|
43 |
F’dan ir-rigward, in-nazzjonalità ta’ Stat Membru hija l-unika kundizzjoni meħtieġa sabiex wieħed ikun ċittadin tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 20 TFUE. Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ġġib magħha drittijiet mogħtija direttament mis-sistema ġuridika tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Unjoni u d-dritt li ma ssirx diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità. Barra minn hekk, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tinkludi komponent ċiviku qawwi u tinkludi drittijiet politiċi fundamentali għall-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-Unjoni, imsemmija fl-Artikolu 10(3) TUE, kif ukoll id-dritt taċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jibbenefikaw mill-protezzjoni konsolari ta’ Stati Membri oħra f’pajjiż terz fejn dan l-Istat Membru ma jkunx irrappreżentat. Bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni għandu jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri. |
|
44 |
Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika ta’ Malta fir-risposta tagħha, dan ir-rikors bl-ebda mod ma jqiegħed inkwistjoni parti sħiħa tal-qafas leġiżlattiv nazzjonali li jirregola n-naturalizzazzjoni tal-persuni, peress li dan ir-rikors huwa limitat, skont il-Kummissjoni, għal skema speċifika ta’ għoti tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru lil investituri li, billi twettaq kummerċjalizzazzjoni taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, tippreġudika l-integrità ta’ dan l-istatus b’mod li jikkostitwixxi ksur partikolarment serju tad-dritt tal-Unjoni. |
|
45 |
Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tar-Repubblika ta’ Malta li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tistħarreġ l-eżerċizzju tal-kompetenzi nazzjonali fil-qasam tal-għoti tan-nazzjonalità tagħha biss sa fejn dawn jikkostitwixxu ksur serju tal-valuri jew tal-għanijiet tal-Unjoni, b’mod ġenerali u sistematiku, ma hijiex sostnuta mit-Trattati jew mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
46 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li skema ta’ ċittadinanza b’investiment, li tinvolvi l-għoti sistematiku tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru bi skambju għal pagamenti jew għal investimenti ddeterminati minn qabel u fl-assenza ta’ rekwiżit ta’ rabta ġenwina bejn l-Istat u l-applikanti, tikkomprometti u tipperikola l-essenza u l-integrità taċ-ċittadinanza tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 20 TFUE, u tikser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE. |
|
47 |
L-ewwel, l-Unjoni ma hijiex ibbażata biss fuq l-integrazzjoni ta’ grupp ta’ Stati Ewropej li jikkondividu numru ta’ valuri komuni, iżda wkoll fuq it-tqarrib tal-popli ta’ kull wieħed minn dawn l-Istati, aspett li ġie enfasizzat mit-Trattat ta’ Lisbona. |
|
48 |
Għalhekk, minn naħa, id-dispożizzjonijiet dwar il-prinċipji demokratiċi, inklużi minn dan it-trattat fit-Titolu II tat-Trattat UE, jikkonfermaw ir-rwol ċentrali taċ-ċittadini tal-Unjoni, li ma hijiex biss Unjoni ekonomika, iżda wkoll Unjoni politika. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet dwar l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li jinsabu fit-Titolu III tat-Trattat UE, ifakkru li l-valuri promossi, l-għanijiet imfittxija u l-interessi moqdija mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma kemm dawk taċ-ċittadini tal-Unjoni kif ukoll dawk tal-Istati Membri. |
|
49 |
It-tieni, il-Kummissjoni tirrileva li, bħalma jsegwi mill-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB) tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 172), iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u d-drittijiet li jirriżultaw minn dan l-istatus huma fost id-dispożizzjonijiet l-iktar fundamentali tat-Trattati, li jidħlu fil-qafas ta’ sistema speċifika għall-Unjoni u li huma strutturati b’mod li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-proċess ta’ integrazzjoni li hija r-raġuni eżistenzjali tal-Unjoni stess. Għalhekk, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u d-drittijiet li jirriżultaw minn dan l-istatus għandhom jitqiesu li huma espressjoni tas-solidarjetà u tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri. |
|
50 |
Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-fiduċja reċiproka, il-Kummissjoni ssostni li, billi jaqblu li jagħtu d-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni u li jestendu din is-solidarjetà għal oħrajn, l-Istati Membri jibbażaw ruħhom fuq kunċett fundamentali komuni tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru, li din tirrifletti l-manifestazzjoni ta’ rabta effettiva bejn Stat Membru u ċ-ċittadini tiegħu. Fil-fatt, mill‑1980, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li r-relazzjoni partikolari ta’ solidarjetà u ta’ lealtà bejn Stat Membru u ċ-ċittadini tiegħu kif ukoll ir-reċiproċità tad-drittijiet u tad-dmirijiet huma l-bażi tar-rabta ta’ nazzjonalità. |
|
51 |
Il-Kummissjoni żżid li l-kunsens ta’ kull Stat Membru għall-estensjoni awtomatika u mingħajr kundizzjoni ta’ ċerti drittijiet għaċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra kollha, konformement mal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, huwa bbażat fuq il-premessa li dawn l-Istati Membri l-oħra jagħtu n-nazzjonalità biss abbażi ta’ rabta ġenwina mal-applikant ikkonċernat. Issa, tali kunsens mingħajr kundizzjoni jiġi kompromess jekk l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jafdaw il-fatt li deċiżjonijiet dwar l-għoti tan-nazzjonalità jkunu bbażati fuq dan il-kunċett komuni ta’ “nazzjonalità ta’ Stat Membru”. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li mis-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 1992, Micheletti et (C‑369/90, EU:C:1992:295), isegwi li jeżisti, bejn l-Istati Membri, obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet fil-qasam tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru. |
|
52 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istabbiliment ta’ skema ta’ ċittadinanza b’investiment ta’ natura tranżazzjonali, li tippermetti l-għoti sistematiku, bi skambju għal pagamenti jew għal investimenti ddeterminati minn qabel, tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru lil applikanti li ma jkollhomx rabta ġenwina ma’ Stat Membru u li, minħabba f’hekk, ma jappartjenux manifestament għall-kategorija ta’ persuni li l-awturi tat-Trattati kienu pprevedew li jibbenefikaw miċ-ċittadinanza tal-Unjoni, huwa f’kontradizzjoni mal-essenza stess tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. |
|
53 |
It-tielet, il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 4(3) TUE, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, jinkludi kemm obbligu “pożittiv” li tiġi ffaċilitata l-missjoni tal-Unjoni, kif ukoll obbligu “negattiv” li wieħed jastjeni milli jieħu miżuri li jkunu jistgħu jipperikolaw l-għanijiet tal-Unjoni. Issa, l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta’ skema ta’ ċittadinanza b’investiment li tippermetti l-għoti sistematiku tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru abbażi ta’ pagamenti jew ta’ investimenti ddeterminati minn qabel, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi stabbilita rabta ġenwina mal-Istat Membru li jagħti din in-nazzjonalità, jipperikolaw l-integrità tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni kif ukoll il-fiduċja reċiproka li fuqha huwa bbażat dan l-istatus u d-drittijiet marbuta miegħu. |
|
54 |
Fir-rigward tal-iffissar ta’ livell minimu operattiv u funzjonali sabiex jiġi deċiż x’jikkostitwixxi “rabta ġenwina” għall-finijiet tal-għoti tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni tqis li r-residenza effettiva tikkostitwixxi wieħed mill-mezzi sabiex tiġi stabbilita tali rabta. Madankollu, ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tippreskrivi l-fatturi ta’ konnessjoni li għandhom jiġu pprivileġġati mill-Istati Membri għall-għoti tan-nazzjonalità tagħhom. |
|
55 |
Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020, li tippermetti l-għoti sistematiku tan-nazzjonalità Maltija bi skambju għal pagamenti jew għal investimenti sostanzjali ddeterminati minn qabel u li hija għalhekk ta’ natura tranżazzjonali, tikkostitwixxi skema illegali ta’ ċittadinanza b’investiment. |
|
56 |
L-ewwel, ir-rekwiżit ta’ residenza legali impost mill-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020 huwa insuffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-eżistenza ta’ rabta ġenwina mar-Repubblika ta’ Malta. |
|
57 |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li d-dokumenti u l-posta elettronika miksuba mill-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia u kkomunikati lill-midja fil-kuntest tal-proġett imsejjaħ “Passport Papers” (iktar ’il quddiem il-“Passport Papers”) juru l-assenza ta’ rekwiżit ta’ residenza effettiva fl-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2014. Dawn id-dokumenti ma jikkostitwixxux prova tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, iżda huma intiżi biss li jikkorroboraw l-argument tal-Kummissjoni li n-nuqqasijiet maġġuri fil-qafas leġiżlattiv Malti jwasslu għall-għoti sistematiku taċ-ċittadinanza tal-Unjoni lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jkunux ipprovaw li jissodisfaw rekwiżit ta’ residenza effettiva minn qabel f’Malta. |
|
58 |
Barra minn hekk, qabelxejn, ma ġiex ikkontestat, matul il-fażi prekontenzjuża tal-proċedura, li ma huwiex neċessarju li tiġi stabbilita preżenza reali sinjifikattiva fit-territorju Malti. Sussegwentement, l-assenza ta’ ħtieġa li tiġi pprovata preżenza fiżika għal perijodu sinjifikattiv fil-kuntest tal-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020 hija sostnuta minn paragun tar-rekwiżiti imposti minn din l-iskema ma’ dawk applikabbli għan-naturalizzazzjonijiet “ordinarji”, previsti fl-Artikolu 10(1) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija, liema dispożizzjoni tal-aħħar timponi residenza f’Malta “matul” perijodu speċifikat, mingħajr ma tinkludi regoli dwar l-assenzi li jkunu jistgħu jinterrompu l-perijodi ta’ residenza. Barra minn hekk, matul din il-fażi prekontenzjuża, ir-Repubblika ta’ Malta ma kinitx f’pożizzjoni li tikkomunika informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet għal ċittadinanza miċħuda jew irtirati minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ residenza. Fl-aħħar nett, in-natura teoretika tar-rekwiżit ta’ residenza hija riflessa wkoll fir-regoli li jippermettu li t-tul ta’ tliet snin ta’ residenza meħtieġ jitnaqqas għal minimu ta’ tnax-il xahar, permezz tal-ħlas ta’ somma addizzjonali ta’ EUR 150000. |
|
59 |
It-tieni, ir-“rabta ġenwina” għandha tkun teżisti fil-mument tal-għoti tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru. F’dan ir-rigward, minn naħa, sistema li tipprevedi l-possibbiltà li tingħata n-naturalizzazzjoni permezz tal-ħolqien ta’ tali rabta wara dan l-għoti ma hijiex konformi mal-għan li tissaħħaħ is-solidarjetà bejn il-popli tal-Unjoni permezz tal-eżistenza ta’ rabta ġenwina ma’ Stat Membru tal-Unjoni. Skema ta’ ċittadinanza b’investiment bħal dik inkwistjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors hija manifestament differenti, fuq dan il-livell, minn skema intiża li tinkoraġġixxi ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex imorru jaħdmu u jirrisjedu fi Stat Membru. |
|
60 |
Mill-banda l-oħra, peress li l-vantaġġi mogħtija miċ-ċittadinanza tal-Unjoni ikollhom effett mill-mument tal-għoti ta’ dan l-istatus, ma teżisti ebda garanzija li ċittadin Malti reċentement naturalizzat jiddeċiedi li jibqa’ Malta sabiex jiżviluppa “rabta ġenwina futura”, minflok ma jmur fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew ma jirrisjedi f’pajjiż terz filwaqt li jagħmel użu mid-drittijiet mogħtija miċ-ċittadinanza tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li l-materjal promozzjonali ppubblikat mill-aġenti liċenzjati tal-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020 jippreżenta l-possibbiltà għal ċittadin naturalizzat li jistabbilixxi r-residenza tiegħu b’mod partikolari fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż assoċjat maż-żona Schengen bħala wieħed mill-“vantaġġi” tan-nazzjonalità Maltija. |
|
61 |
Il-Kummissjoni żżid li hija ma tikkontestax li l-proċess ta’ naturalizzazzjoni jinkludi l-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ verifika fil-konfront tal-applikanti. Madankollu, mill-qafas leġiżlattiv li jirregola l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020 isegwi li din il-proċedura tikkonsisti fl-evalwazzjoni tar-riskju li l-applikanti jistgħu jippreżentaw fil-qasam tas-sigurtà jew inkella tar-reputazzjoni tagħhom kif ukoll tal-portata tal-ġid tagħhom, u mhux fil-verifika tal-eżistenza ta’ rabta ġenwina bejn tali applikanti u r-Repubblika ta’ Malta. L-eżistenza ta’ dan il-proċess ta’ verifika u s-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Ministru li jirrifjuta li joħroġ ċertifikat ta’ naturalizzazzjoni ma jbiddlux in-natura tranżazzjonali ta’ din l-iskema. |
|
62 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li r-Repubblika ta’ Malta ma tikkontestax il-fatt li, sabiex applikant jaqa’ taħt l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020, il-preżenza fiżika effettiva f’Malta tiegħu hija meħtieġa darbtejn biss, jiġifieri sabiex jipprovdi data bijometrika biex jikseb permess ta’ residenza u sabiex jieħu ġurament ta’ lealtà. Għaldaqstant, ir-residenza legali meħtieġa minn din l-iskema ma tistax toħloq rabta ġenwina bejn ir-Repubblika ta’ Malta u dan l-applikant. |
|
63 |
Bħala difiża, ir-Repubblika ta’ Malta tirrileva, fl-ewwel lok, li l-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-għoti tan-nazzjonalità tagħhom għandha, ċertament, tiġi eżerċitata b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, fl-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni, iżda mingħajr madankollu ma tippreġudika l-obbligu li tiġi rrispettata l-identità nazzjonali tal-Istati Membri. |
|
64 |
Preliminarjament, ir-Repubblika ta’ Malta tosserva li, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tipprova tikkontrolla l-qafas leġiżlattiv kollu li jirregola r-rekwiżiti, il-proċeduri u l-effetti ta’ skema ta’ naturalizzazzjoni ta’ Stat Membru, li jwassal sabiex jiġu kkontestati l-għażliet politiċi ta’ dan l-Istat Membru fil-qasam tan-nazzjonalità. F’dan ir-rigward, iktar ma l-kontroll eżerċitat f’qasam ta’ kompetenza nazzjonali jkun wiesa’, iktar ikun għoli r-riskju li l-Unjoni teċċedi l-kompetenzi tagħha. |
|
65 |
L-ewwel, il-kontroll tal-azzjoni tal-Istati Membri f’sitwazzjonijiet li jixbhu ċaħda de jure jew de facto tad-drittijiet u tad-dmirijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni għandu jsir fid-dawl ta’ kriterju differenti minn dak applikabbli f’sitwazzjonijiet ta’ għoti tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru. Fil-fatt, is-setgħa ta’ attribuzzjoni tan-nazzjonalità hija fil-qalba nnifisha tas-sovranità nazzjonali u hija marbuta mill-qrib mal-kunċett u mal-iżvilupp tal-identità nazzjonali ta’ Stat Membru, li l-Artikolu 4(2) TUE jeżiġi li l-Unjoni għandha tipproteġi. |
|
66 |
Għalhekk, sabiex il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri fil-qasam tal-għoti tan-nazzjonalità ma tiġix mhedda, huwa biss meta l-politika ta’ naturalizzazzjoni ta’ Stat Membru twassal b’mod ġenerali u sistematiku għal ksur serju tal-valuri u tal-għanijiet tal-Unjoni, kif iddefiniti fid-dritt tal-Unjoni, li din il-politika tkun kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni. Skont ir-Repubblika ta’ Malta, din l-interpretazzjoni hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni “huwa intiż” li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri, filwaqt li huwa ppreċiżat li din ma hijiex realtà preżenti, iżda proċess pendenti li, fl-istadju attwali tal-integrazzjoni, jeżisti mill-qrib flimkien man-nazzjonalità tal-Istati Membri. |
|
67 |
It-tieni, l-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni tinvolvi riskji serji. Qabelxejn, din l-interpretazzjoni jkollha effett immedjat fuq l-oqsfa leġiżlattivi li jirregolaw in-nazzjonalità fl-Istati Membri kollha, b’mod partikolari fl-Istati fejn in-naturalizzazzjoni tingħata b’mod diskrezzjonali. Sussegwentement, l-imsemmija interpretazzjoni tkun twassal sabiex tippermetti lill-Kummissjoni, bħala gwardjana tat-Trattati, tikkontrolla fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni l-politiki, il-liġijiet u l-prattiki tal-Istati Membri fil-qasam tan-naturalizzazzjoni. Fl-aħħar nett, tali interpretazzjoni tkun tippermetti lill-Istati Membri jikkontestaw id-dritt u l-prattika tal-Istati Membri l-oħra f’dan il-qasam. |
|
68 |
F’dan ir-rigward, jekk ir-rikors tal-Kummissjoni jintlaqa’, ir-Repubblika ta’ Malta tkun obbligata tħassar grupp ta’ strumenti leġiżlattivi u regolamentari. Għalhekk, billi tikkontesta l-qafas leġiżlattiv sħiħ ta’ Stat Membru li jirregola l-aċċess għan-nazzjonalità, il-Kummissjoni qiegħda tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja taġixxi bħala “leġiżlatur indirett”, billi teżerċita veto fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata f’qasam li jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri. |
|
69 |
Fit-tieni lok, ir-Repubblika ta’ Malta ssostni li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq l-Istati Membri obbligu legali li jeżiġu “rabta ġenwina minn qabel” mal-Istat Membru ta’ naturalizzazzjoni, indipendentement mill-eżistenza ta’ pagamenti jew ta’ impenji oħra min-naħa tal-applikant. Ċertament, l-eżistenza ta’ tali rabta tista’ leġittimament tħeġġeġ lill-Istati jirrikonoxxu li individwu jkun suffiċjentement marbut mal-komunità politika tagħhom. Madankollu, dan ir-riżultat ma jirriżultax minn obbligu taħt id-dritt internazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni, iżda minn deċiżjoni politika u sovrana meħuda mill-istituzzjonijiet demokratiċi tal-Istati Membri. |
|
70 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel, l-obbligu li tiġi rikjesta “rabta ġenwina minn qabel” qabel l-għoti tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru ma jirriżultax mit-Trattati jew mill-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tagħhom. Barra minn hekk, mid-Dikjarazzjoni Nru 2 u mid-deċiżjoni ta’ Edinburgh jirriżulta li l-kwistjoni dwar jekk persuna jkollhiex in-nazzjonalità ta’ Stat Membru għandha tiġi deċiża biss b’riferiment għad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, it-Trattati ma jistabbilixxux l-Unjoni bħala “entità politika waħda”. |
|
71 |
It-tieni, ir-rekwiżit ta’ “rabta ġenwina minn qabel” ma jirriżultax mid-dritt internazzjonali. B’mod partikolari, dan ma jistax jiġi dedott mis-sentenza tas‑6 ta’ April 1955, Nottebohm (Liechtenstein vs Il‑Gwatemala) (QIĠ Ġabra 1955, p. 4), li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqha sabiex issostni obbligu, taħt id-dritt tal-Unjoni, li jimponi l-eżistenza ta’ tali rabta bħala kundizzjoni għall-għoti tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru, liema rekwiżit, barra minn hekk, ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 1992, Micheletti et (C‑369/90, EU:C:1992:295). |
|
72 |
It-tielet, il-Kummissjoni ma tipprovdix livell minimu operattiv u funzjonali ta’ dak li jikkostitwixxi “rabta ġenwina minn qabel”, u ma hijiex ir-Repubblika ta’ Malta li għandha tiddefinixxi tali livell minimu operattiv. |
|
73 |
Fit-tielet lok, ir-Repubblika ta’ Malta ssostni li l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020 tikkostitwixxi skema ta’ naturalizzazzjoni leġittima, solida, effikaċi u ġestita professjonalment, li ma tippreġudikax l-għanijiet tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-preżentazzjoni ta’ din l-iskema mill-Kummissjoni bħala mezz ta’ aċċess awtomatiku u mingħajr kundizzjonijiet għan-nazzjonalità Maltija, li tipprevedi l-għoti sistematiku tan-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru bi skambju għal pagamenti jew għal investimenti ddeterminati minn qabel, fl-interessi purament baġitarji tar-Repubblika ta’ Malta, tikkostitwixxi semplifikazzjoni eċċessiva, kompletament infondata fid-dritt u fil-fatt. |
|
74 |
L-ewwel, ir-Repubblika ta’ Malta dejjem aġixxiet in bona fide u konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, imsemmi fl-Artikolu 4(3) TUE. Dan l-Istat Membru għamel emendi leġiżlattivi wara d-djalogu mibdi mal-Kummissjoni. |
|
75 |
It-tieni, il-Kummissjoni tibbaża l-analiżi tagħha fuq preżentazzjoni żbaljata u distorta tal-qafas leġiżlattiv Malti. Qabelxejn, dan il-qafas leġiżlattiv ma jistabbilixxix skema “tranżazzjonali”, iżda proċedura eżawrjenti, kumplessa u f’diversi stadji, li tinvolvi diversi awtoritajiet pubbliċi sabiex jiġu żgurati garanziji stretti, u li tista’ twassal għal naturalizzazzjoni. |
|
76 |
Sussegwentement, l-imsemmi qafas leġiżlattiv ma jippermettix l-għoti sistematiku tan-nazzjonalità Maltija bi skambju għal ċerti pagamenti, peress li dan huwa qafas diskrezzjonali suġġett għal mekkaniżmi ta’ kontroll stretti. B’mod partikolari, il-proċedura tinkludi ħdax-il stadju proċedurali li l-għan tagħhom huwa li jipprovdu stampa ġenerali tal-applikant, u b’hekk jiffaċilitaw id-deċiżjoni finali u diskrezzjonali tal-Ministru. F’dan ir-rigward, l-osservanza minn applikant tar-rekwiżiti imposti ma tagħtihx dritt awtomatiku li jiġi naturalizzat. |
|
77 |
Fl-aħħar nett, l-istess qafas leġiżlattiv huwa bbażat fuq diversi rabtiet, retrospettivi, preżenti u prospettivi, li jevolvu maż-żmien. Għalhekk, huwa meħtieġ perijodu minn qabel ta’ residenza legali ta’ tliet snin jew ta’ sena, skont il-portata tal-investiment, li huwa konformi mal-prassi internazzjonali fil-qasam ta’ residenza u ta’ ċittadinanza b’investiment. Barra minn hekk, il-prassi amministrattiva fil-qasam tan-naturalizzazzjoni “ordinarja”, skont l-Artikolu 10(1) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija, hija li l-preżenza fiżika hija meħtieġa biss għal intervalli ta’ żmien speċifiċi. Barra minn hekk, id-dritt tal-immigrazzjoni jipprovdi diversi eżempji li fihom miżuri ta’ integrazzjoni għandhom jiġu żviluppati fi stadju ulterjuri, kemm fil-proċeduri ta’ residenza kif ukoll ta’ naturalizzazzjoni, fin-nuqqas ta’ rabtiet minn qabel mal-Istat ospitanti. |
|
78 |
Dan l-Istat Membru jopponi wkoll li l-Kummissjoni tintroduċi l-Passport Papers bħala provi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li dawn id-dokumenti jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2014 u mhux dik tal-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020, li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
79 |
Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 9 TUE u l-Artikolu 20(1) TFUE, kwalunkwe persuna li jkollha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru hija ċittadina tal-Unjoni. Skont dawn l-istess dispożizzjonijiet, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex. |
|
80 |
Barra minn hekk, id-Dikjarazzjoni Nru 2 u d-deċiżjoni ta’ Edinburgh jistipulaw li l-kwistjoni dwar jekk persuna jkollhiex in-nazzjonalità ta’ Stat Membru għandha tiġi deċiża biss b’riferiment għad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. |
|
81 |
Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm id-definizzjoni tal-kundizzjonijiet għall-għoti u għat-telf tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru taqa’, konformement mad-dritt internazzjonali, taħt il-kompetenza ta’ kull Stat Membru, din il-kompetenza għandha tiġi eżerċitata b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tas‑7 ta’ Lulju 1992, Micheletti et, C‑369/90,EU:C:1992:295, punt 10; tat‑2 ta’ Marzu 2010, Rottmann,C‑135/08, EU:C:2010:104, punt 45; u tal‑5 ta’ Settembru 2023, Udlændinge- og Integrationsministeriet (Telf tan-nazzjonalità Daniża), C‑689/21, EU:C:2023:626, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
82 |
F’dan ir-rigward, hemm lok, qabelxejn, li jiġi miċħud l-argument, ifformulat preliminarjament mir-Repubblika ta’ Malta, li l-eżami tal-proċeduri għall-għoti tan-nazzjonalità tal-Istati Membri għandu, b’differenza mill-eżami tas-sitwazzjonijiet ta’ telf jew ta’ rtirar ta’ din in-nazzjonalità, li jinvolvu ċ-ċaħda tad-drittijiet li persuna tislet mid-dritt tal-Unjoni, ikun limitat għall-konstatazzjoni ta’ ksur sinjifikattiv tal-valuri jew tal-għanijiet tal-Unjoni, li jkunu ta’ natura ġenerali u sistematika. |
|
83 |
Fil-fatt, la t-test tat-Trattati u lanqas l-istruttura tagħhom ma jippermettu li tiġi dedotta minnhom rieda min-naħa tal-awturi tagħhom li jipprevedu, fir-rigward tal-għoti tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru, eċċezzjoni għall-obbligu li jiġi osservat id-dritt tal-Unjoni li jeżiġi li huwa biss tali ksur sinjifikattiv tal-valuri u tal-għanijiet tal-Unjoni li jistgħu jwasslu għal ksur tad-dritt tal-Unjoni fl-eżerċizzju mill-Istati Membri tal-kompetenza tagħhom f’dan il-qasam. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali eċċezzjoni ma tistax tiġi aċċettata peress li tkun simili għal limitazzjoni tal-effetti marbuta mas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li tagħmel parti mill-karatteristiċi essenzjali tiegħu u, għaldaqstant, mill-qafas kostituzzjonali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB) tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 166). |
|
84 |
Fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 20 TFUE u tal-Artikolu 4(3) TUE, għandu jiġi osservat, qabelxejn, li, skont il-kliem stess tal-Artikolu 3(2) TUE, l-Unjoni għandha toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fih jiġi żgurat il-moviment liberu tal-persuni, li jsir possibbli bl-eżistenza ta’ miżuri xierqa fil-qasam tal-kontroll tal-fruntieri esterni, tal-ażil, tal-immigrazzjoni kif ukoll tal-prevenzjoni tal-kriminalità u tal-ġlieda kontriha. |
|
85 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li huwa bbażat fuq l-ewwel wieħed minn dawn il-prinċipji, għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, peress li jippermettu l-ħolqien u ż-żamma ta’ dan l-ispazju mingħajr fruntieri interni (Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB) tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 191, u sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Alchaster, C‑202/24, EU:C:2024:649, punt 63). |
|
86 |
Jagħmel parti mit-twettiq ta’ din iż-żona mingħajr fruntieri interni d-dritt, mogħti direttament lil kull ċittadin tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 20(2)(a) u tal-Artikolu 21(1) TFUE, li wieħed jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46) hija intiża, skont ġurisprudenza stabbilita, li tiffaċilita l-eżerċizzju tiegħu (sentenzi tat‑12 ta’ Marzu 2014, O. u B., C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 35; tat‑18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et, C‑202/13, EU:C:2014:2450, punt 31; u tat‑22 ta’ Frar 2024, Direcţia pentru Evidenţa Persoanelor şi Administrarea Bazelor de Date, C‑491/21, EU:C:2024:143, punt 37). |
|
87 |
Barra minn hekk, dan id-dritt huwa espress b’mod speċifiku fl‑Artikolu 45 TFUE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, fl‑Artikolu 49 TFUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment u fl‑Artikolu 56 TFUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, MH u ILA (Drittijiet għall-pensjoni fil-każ ta’ falliment), C‑168/20, EU:C:2021:907, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
88 |
Sussegwentement, iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom drittijiet politiċi li jiżguraw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja demokratika tal-Unjoni, imsemmija fl-Artikoli 10 u 11 TUE u kkonkretizzati fl-Artikoli 20, 22 u 24 TFUE. Dawn jirrigwardaw, b’mod partikolari, id-dritt li tiġi ppreżentata inizjattiva taċ-ċittadini, id-dritt li jiġu indirizzati petizzjonijiet lill-Parlament, id-dritt li wieħed jirrikorri għand l-Ombudsman, id-dritt li wieħed jindirizza lill-istituzzjonijiet u lill-korpi konsultattivi tal-Unjoni f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, kif ukoll id-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament kif ukoll fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn jirrisjedu ċ-ċittadini, taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat. |
|
89 |
F’dan ir-rigward, billi jeżerċitaw id-drittijiet politiċi mogħtija lilhom mill-Artikoli 10 u 11 TUE, iċ-ċittadini tal-Unjoni jipparteċipaw direttament fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Fil-fatt, il-funzjonament tagħha huwa bbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva, li tikkonkretizza l-valur ta’ demokrazija li jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 2 TUE, wieħed mill-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il‑Kummissjoni, C‑418/18 P, EU:C:2019:1113, punt 65; tad‑19 ta’ Novembru 2024, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (Eliġibbiltà u kwalità ta’ membru ta’ partit politiku), C‑808/21, EU:C:2024:962, punti 114 u 115, kif ukoll tad‑19 ta’ Novembru 2024, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Eliġibbiltà u kwalità ta’ membru ta’ partit politiku), C‑814/21, EU:C:2024:963, punti 112 u 113). Minn dan jirriżulta li l-eżerċizzju mill-Istati Membri tal-kompetenza tagħhom sabiex jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-għoti tan-nazzjonalità tagħhom jinfluwenza l-funzjonament tal-Unjoni bħala ordinament ġuridiku komuni. |
|
90 |
Fl-aħħar nett, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tagħti wkoll lil kull ċittadin ta’ Stat Membru, f’pajjiż terz fejn dan l-Istat Membru ma jkunx irrappreżentat, id-dritt, stabbilit fl-Artikolu 20(2)(c) TFUE u kkonkretizzat fl-Artikolu 23 TFUE, għall-protezzjoni tal-awtoritajiet diplomatiċi u konsolari tal-Istati Membri l-oħra, taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tagħhom. |
|
91 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn id-diversi drittijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni huma fost id-dispożizzjonijiet fundamentali tat-Trattati li, billi jidħlu fil-qafas ta’ sistema speċifika għall-Unjoni, huma strutturati b’mod li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-proċess ta’ integrazzjoni li huwa r-raġuni eżistenzjali tal-Unjoni stess u għalhekk jagħmlu parti integrali mill-qafas kostituzzjonali tagħha (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB) tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 172). |
|
92 |
Bl-istess mod, fid-dawl kemm tal-portata tad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, esposti fil-punti 86 sa 90 ta’ din is-sentenza, kif ukoll taċ-ċirkustanza li dan l-istatus jirriżulta awtomatikament mill-kwalità ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni jikkostitwixxi l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31; tat‑18 ta’ Jannar 2022, Wiener Landesregierung (Revoka ta’ assigurazzjoni ta’ naturalizzazzjoni), C‑118/20, EU:C:2022:34, punti 38 u 58, kif ukoll tal‑5 ta’ Settembru 2023, Udlændinge- og Integrationsministeriet (Telf tan-nazzjonalità Daniża), C‑689/21, EU:C:2023:626, punti 29 u 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
93 |
Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija għalhekk waħda mill-konkretizzazzjonijiet maġġuri tas-solidarjetà li hija l-bażi stess tal-proċess ta’ integrazzjoni mfakkar fil-punt 91 ta’ din is-sentenza, li konsegwentement tagħmel parti mill-identità tal-Unjoni bħala ordinament ġuridiku speċifiku, aċċettat mill-Istati Membri fuq bażi ta’ reċiproċità (sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1964, Costa, 6/64, EU:C:1964:66, p. 1058 sa 1060), u tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et (C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 246). |
|
94 |
Barra minn hekk, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, kull Stat Membru għandu, b’mod partikolari, jastjeni minn kull miżura li tista’ tipperikola t-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), C‑252/21, EU:C:2023:537, punt 53). |
|
95 |
Għaldaqstant, l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tad-definizzjoni tal-kundizzjonijiet għall-għoti tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru, bħall-kompetenza tagħhom fil-qasam tad-definizzjoni tal-kundizzjonijiet għat-telf tan-nazzjonalità, ma huwiex mingħajr limiti. Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija bbażata fil-fatt fuq il-valuri komuni li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE u fuq il-fiduċja reċiproka li l-Istati Membri għandhom f’xulxin dwar il-fatt li ebda wieħed minnhom ma jeżerċita din il-kompetenza b’mod li jkun inkompatibbli, b’mod manifest, man-natura stess taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. |
|
96 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li l-bażi tar-rabta ta’ nazzjonalità ta’ Stat Membru tinsab fir-relazzjoni partikolari ta’ solidarjetà u ta’ lealtà bejn dan l-Istat u ċ-ċittadini tiegħu kif ukoll fir-reċiproċità ta’ drittijiet u ta’ dmirijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1980, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, 149/79, EU:C:1980:297, punt 10; tat‑3 ta’ Lulju 1986, Lawrie-Blum,66/85, EU:C:1986:284, punt 27; tas‑26 ta’ April 2007, Alevizos,C-392/05, EU:C:2007:251, punt 70; tat‑2 ta’ Marzu 2010, Rottmann, C‑135/08, EU:C:2010:104, punt 51; u tal‑25 ta’ April 2024, Stadt Duisburg (Telf tan-nazzjonalità Ġermaniża), C‑684/22 sa C‑686/22, EU:C:2024:345, punt 37). |
|
97 |
Bl-istess mod, mill-kliem stess tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 20(2) TFUE jsegwi li ċ-ċittadini tal-Unjoni jgawdu minn drittijiet u huma suġġetti għad-dmirijiet previsti mit-Trattati. Konformement mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 20, ir-relazzjoni partikolari ta’ solidarjetà u ta’ lealtà li teżisti bejn kull Stat Membru u ċ-ċittadini tiegħu tikkostitwixxi wkoll il-bażi tad-drittijiet u tal-obbligi li t-Trattati jirriżervaw għaċ-ċittadini tal-Unjoni. |
|
98 |
Fir-rigward tal-istabbiliment ta’ tali relazzjoni partikolari ta’ solidarjetà u ta’ lealtà, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 81 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-definizzjoni tal-kundizzjonijiet għall-għoti tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru ma taqax taħt il-kompetenza tal-Unjoni, iżda taħt dik ta’ kull Stat Membru li għandu marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ fl-għażla tal-kriterji li għandhom jiġu applikati, sakemm dawn il-kriterji jiġu applikati b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni. |
|
99 |
Issa, Stat Membru jikser b’mod manifest ir-rekwiżit ta’ tali relazzjoni partikolari ta’ solidarjetà u ta’ lealtà, ikkaratterizzata mir-reċiproċità ta’ drittijiet u ta’ dmirijiet bejn l-Istat Membru u ċ-ċittadini tiegħu, u b’hekk jikser il-fiduċja reċiproka li fuqha hija bbażata ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, bi ksur tal-Artikolu 20 TFUE u tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, meta jistabbilixxi u jimplimenta skema ta’ naturalizzazzjoni bbażata fuq proċedura tranżazzjonali bejn dan l-istess Stat Membru u l-persuni li jippreżentaw applikazzjoni taħt din l-iskema, li fi tmiemha n-nazzjonalità tal-imsemmi Stat Membru u, għaldaqstant, il-kwalità ta’ ċittadin tal-Unjoni, essenzjalment tingħata bi skambju għal pagamenti jew għal investimenti ddeterminati minn qabel. |
|
100 |
Fil-fatt, tali skema tixbah kummerċjalizzazzjoni tal-għoti tal-istatus ta’ ċittadin ta’ Stat Membru u, b’estensjoni, dik tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, inkompatibbli mal-kunċett ta’ dan l-istatus fundamentali kif jirriżulta mit-Trattati. |
|
101 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Istati Membri huma obbligati li jirrikonoxxu l-effetti marbuta mal-attribuzzjoni lil persuna, minn Stat Membru ieħor, tan-nazzjonalità ta’ dan tal-aħħar fid-dawl tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Lulju 1992, Micheletti et, C‑369/90, EU:C:1992:295, punt 10; tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello,C‑148/02, EU:C:2003:539, punt 28; u tad‑19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen, C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 39). Issa, naturalizzazzjoni tranżazzjonali, li tingħata bi skambju għal pagamenti jew għal investimenti ddeterminati minn qabel, mhux biss hija kuntrarja għall-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, iżda hija wkoll ta’ natura li timmina l-fiduċja reċiproka li fuqha huwa bbażat dan ir-rekwiżit ta’ rikonoxximent, peress li din il-fiduċja tistrieħ fuq il-premessa li l-attribuzzjoni tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru hija bbażata fuq relazzjoni partikolari ta’ solidarjetà u ta’ lealtà li tiġġustifika l-għoti tad-drittijiet li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. |
|
102 |
F’dan il-każ, mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020, imfakkra fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, isegwi li l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex investitur ikun jista’ jitlob in-nazzjonalità Maltija huma, l-ewwel, il-ħlas ta’ kontribuzzjoni ta’ EUR 600000 jew ta’ EUR 750000 lill-Gvern Malti, it-tieni, l-akkwist ta’ proprjetà immobbli residenzjali ta’ valur minimu ta’ EUR 700000 jew, alternattivament, il-kiri ta’ tali proprjetà għal kera annwali ta’ mill-inqas EUR 16000 għal perijodu minimu ta’ 5 snin, it-tielet, donazzjoni ta’ mill-inqas EUR 10000 lil organizzazzjoni jew lil soċjetà mhux governattiva filantropika, kulturali, sportiva, xjentifika, artistika jew ta’ protezzjoni tal-benesseri tal-annimali rreġistrata, jew b’mod ieħor approvata mill-awtoritajiet, ir-raba’, ir-residenza legali f’Malta ta’ perijodu ta’ 36 xahar, filwaqt li huwa ppreċiżat li dan il-perijodu jista’ jitnaqqas għal 12‑il xahar jekk l-applikant jagħmel kontribuzzjoni addizzjonali ta’ EUR 150000 u, il-ħames, il-kisba ta’ validazzjoni tal-eliġibbiltà tiegħu u ta’ awtorizzazzjoni għall-preżentata ta’ applikazzjoni għal naturalizzazzjoni. |
|
103 |
Għalhekk, fl-ewwel lok, l-ewwel tliet kundizzjonijiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020 donnhom jindikaw li pagamenti jew investimenti għal ammonti minimi ddeterminati minn qabel għandhom rwol deċiżiv f’din l-iskema, li jissuġġerixxi li din tal-aħħar hija simili għal kummerċjalizzazzjoni tal-għoti tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru fi tmiem proċedura tranżazzjonali. |
|
104 |
Madankollu, għandu jiġi evalwat jekk tali klassifikazzjoni tistax tiġi kkontestata mill-kundizzjonijiet l-oħra li għalihom huwa suġġett l-għoti tan-nazzjonalità Maltija skont l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020. |
|
105 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kundizzjoni dwar residenza legali ta’ perijodu minimu f’Malta qabel tali għoti, għandu jiġi kkonstatat qabelxejn li l-Kummissjoni ma tistax b’mod utli tinvoka l-Passport Papers sabiex issostni l-argument tagħha li din il-kundizzjoni tirrigwarda esklużivament tali residenza tal-applikant u mhux il-preżenza fiżika tiegħu fit-territorju Malti. Fil-fatt, dawn id-dokumenti jirrigwardaw l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2014, li ma hijiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors. |
|
106 |
Madankollu, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-Repubblika ta’ Malta jsegwi li l-kundizzjoni dwar residenza minn qabel fit-territorju Malti, prevista fil-kuntest tal-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020, tirrigwarda r-residenza legali tal-applikant. Issa, skont l-elementi tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, tali kundizzjoni ma hijiex ekwivalenti għal rekwiżit ta’ residenza effettiva fit-territorju Malti, peress li l-preżenza fiżika tal-applikant fit-territorju hija meħtieġa biss waqt il-ġbir ta’ data bijometrika sabiex jinkiseb il-permess ta’ residenza u għat-teħid tal-ġurament ta’ lealtà. |
|
107 |
Din l-analiżi ma tistax tiġi kkontestata mid-dikjarazzjoni tar-Repubblika ta’ Malta li l-applikanti aċċettati kienu fiżikament preżenti matul il-perijodu kollu tar-residenza legali tagħhom, peress li din l-affermazzjoni ma tikkorrispondix għall-qafas ġuridiku deskritt minn dan l-Istat Membru u peress li, barra minn hekk, hija sostnuta biss minn xi eżempji. |
|
108 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-preżenza limitata ħafna fit-territorju Malti li hija meħtieġa taħt l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020, ma jistax jitqies li r-residenza effettiva f’dan it-territorju tqieset mir-Repubblika ta’ Malta bħala li tikkostitwixxi kriterju essenzjali għall-għoti tan-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru taħt din l-iskema, flimkien ma’ dak tal-pagamenti jew tal-investimenti ddeterminati minn qabel imsemmija fil-punt 103 ta’ din is-sentenza. |
|
109 |
Din il-konklużjoni hija kkorroborata, minn naħa, miċ-ċirkustanza li t-tul tal-perijodu ta’ residenza legali qabel l-għoti tan-nazzjonalità Maltija fil-kuntest tal-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020 jista’ jitnaqqas minn tliet snin għal sena permezz ta’ pagament addizzjonali ta’ EUR 150000, b’tali mod li l-kundizzjoni dwar ir-residenza tidher li hija stess hija marbuta mill-qrib man-natura tranżazzjonali tal-għoti tan-nazzjonalità Maltija taħt din l-iskema, bi skambju għal pagamenti jew għal investimenti ddeterminati minn qabel. |
|
110 |
Min-naħa l-oħra, din hija kkorroborata wkoll mill-paragun, magħmul mill-Kummissjoni, tal-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020 mal-proċedura ta’ naturalizzazzjoni “ordinarja”, skont l-Artikolu 10(1) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija, li jeżiġi li l-applikanti jkunu rrisjedew f’Malta “matul” perijodu ta’ tnax-il xahar qabel il-preżentata tal-applikazzjoni għal naturalizzazzjoni, iżda wkoll mill-inqas erba’ snin mis-sitt snin immedjatament qabel dan il-perijodu ta’ tnax-il xahar. |
|
111 |
Fil-fatt, minn dan il-paragun jirriżulta li, meta l-applikazzjoni għall-għoti ta’ nazzjonalità ma tkunx akkumpanjata minn pagamenti jew minn investimenti ddeterminati minn qabel, ir-Repubblika ta’ Malta tqis li hija biss residenza effettiva kunsiderevolment itwal f’Malta li hija ta’ natura li tippermetti li jiġi previst l-għoti tan-nazzjonalità Maltija. |
|
112 |
Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-aħħar kundizzjoni msemmija fil-punt 102 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika ta’ Malta ssostni li l-proċedura ta’ kontroll tal-eliġibbiltà ta’ applikant hija intiża li jitwettqu verifiki dwar dan l-applikant, ir-relazzjonijiet kummerċjali u ta’ impriża tiegħu, l-espożizzjoni politika tiegħu, is-sors tal-ġid tiegħu, ir-reputazzjoni tiegħu, il-kwistjonijiet legali u regolatorji relatati ma’ dan tal-aħħar u l-effett relattiv fuq in-netwerk immedjat tal-imsemmi applikant. |
|
113 |
Issa, għandu jiġi osservat li, skont il-preċiżazzjonijiet ipprovduti mir-Repubblika ta’ Malta, tali verifiki huma intiżi, essenzjalment, li jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020 ma tippreġudikax ċerti għanijiet ta’ interess pubbliku tar-Repubblika ta’ Malta, b’mod partikolari s-sigurtà pubblika u s-sigurtà nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru kif ukoll l-immaġni tagħha fuq livell intern u estern. Min-naħa l-oħra, dawn il-verifiki ma jistgħux iqiegħdu inkwistjoni l-konstatazzjoni li din l-iskema hija simili għal kummerċjalizzazzjoni tal-għoti tan-nazzjonalità Maltija, fi tmiem proċedura tranżazzjonali. |
|
114 |
Fil-fatt, dawn il-verifiki ma humiex intiżi li jiġi evalwat jekk is-sitwazzjoni tal-applikant tiġġustifikax li dan jingħata n-nazzjonalità Maltija, iżda biss sabiex jiġi ddeterminat jekk ċerti riskji debitament identifikati jipprekludux l-għoti ta’ din in-nazzjonalità, minkejja l-fatt li l-applikant ikun lest li jagħmel pagamenti jew investimenti li jippermettu li jiġu ssodisfatti l-ewwel tliet kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 102 ta’ din is-sentenza. Il-funzjoni hekk mogħtija għall-imsemmija verifiki timplika li dawn għandhom l-effett li jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020, mingħajr madankollu ma tiġi kkontestata n-natura tranżazzjonali ta’ din l-iskema. |
|
115 |
Ir-Repubblika ta’ Malta ssostni wkoll li l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020 tieħu inkunsiderazzjoni ċerti fatturi ta’ rabta tal-applikanti, bħall-investimenti fl-ekonomija lokali, l-integrazzjoni ta’ dawn l-applikanti fis-soċjetà permezz tal-investimenti tagħhom, jew anki r-rabtiet futuri bejn l-imsemmija applikanti u r-Repubblika ta’ Malta li jistgħu jiġu żviluppati wara l-għoti ta’ din in-nazzjonalità. |
|
116 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, ebda element tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jitqies li l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020 tipprevedi eżami speċifiku u konkret tar-rilevanza ta’ ċerti investimenti sabiex jiġu stabbiliti r-realtà u l-intensità tar-rabtiet ta’ applikant mar-Repubblika ta’ Malta, jew sabiex jippermettu l-iżvilupp ta’ tali rabtiet ma’ dan l-Istat Membru, distint mill-eżami dwar is-sodisfazzjoni tal-kundizzjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw din l-iskema u mfakkra fil-punt 102 ta’ din is-sentenza. |
|
117 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika ta’ Malta li hija tieħu inkunsiderazzjoni r-rabtiet li jistgħu jiġu żviluppati minn applikant taħt l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020 wara d-deċiżjoni ta’ naturalizzazzjoni, għandu jiġi rrilevat li mill-preċiżazzjonijiet magħmula minn dan l-Istat Membru jsegwi li l-awtoritajiet tiegħu jistgħu jirtiraw in-nazzjonalità Maltija mogħtija fil-kuntest ta’ din l-iskema għal tliet raġunijiet, jiġifieri n-nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu sostantiv previst mil-leġiżlazzjoni applikabbli, l-eżistenza ta’ theddida għas-sigurtà nazzjonali jew l-involviment tal-persuna kkonċernata f’aġir li jippreġudika serjament l-interessi tar-Repubblika ta’ Malta. |
|
118 |
Għaldaqstant, għalkemm, matul il-ħames snin wara d-data tan-naturalizzazzjoni, l-awtoritajiet Maltin jiżguraw, essenzjalment, li l-applikanti jkomplu josservaw il-kundizzjonijiet applikabbli għan-naturalizzazzjoni tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li ma jistax jitqies li l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020 tinkludi kundizzjoni li għandha tiġi ssodisfatta wara d-deċiżjoni ta’ naturalizzazzjoni, li tiżdied mal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 102 ta’ din is-sentenza. |
|
119 |
Fir-raba’ u l-aħħar lok, mis-siltiet mis-siti internet tal-aġenti liċenzjati li jippromwovu l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020, prodotti mill-Kummissjoni bħala anness mar-rikors, isegwi li din l-iskema kienet toffri lill-applikanti potenzjali d-“dritt li jgħixu, li jistudjaw u li jaħdmu f’wieħed mis‑27 pajjiż tal-Unjoni”, kif ukoll iċ-“ċittadinanza ta’ pajjiż tal-[Unjoni] għall-familja kollha tal-applikant, inklużi t-tfal mhux miżżewġa u finanzjarjament dipendenti li għandhom inqas minn 29 sena, kif ukoll il-ġenituri li għandhom iktar minn 55 sena”. Għalkemm ir-Repubblika ta’ Malta ssostni li l-awtoritajiet Maltin ma jistgħux jinżammu responsabbli għall-attivitajiet ta’ terzi privati, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-Istat Membru ma jikkontestax li dawn is-siltiet joriġinaw minn siti internet ta’ aġenti liċenzjati fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020, li għandhom rwol essenzjali f’dan ir-rigward inkwantu l-applikazzjonijiet għal naturalizzazzjoni taħt din l-iskema jistgħu jiġu ppreżentati biss permezz ta’ dawn l-aġenti. |
|
120 |
Għalhekk, l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020 ġiet ippreżentata pubblikament mir-Repubblika ta’ Malta bħala skema ta’ naturalizzazzjoni li toffri prinċipalment il-vantaġġi li jirriżultaw miċ-ċittadinanza tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fl-Istati Membri l-oħra. Tali preżentazzjoni tikkontribwixxi sabiex jiġi stabbilit li, permezz ta’ din l-iskema, dan l-Istat Membru stabbilixxa proċedura tranżazzjonali li tixbah kummerċjalizzazzjoni tal-għoti tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru, billi tisfrutta d-drittijiet marbuta mal-kwalità ta’ ċittadin tal-Unjoni sabiex tippromwovi din il-proċedura. |
|
121 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi stabbilixxiet u implimentat l-iskema istituzzjonalizzata ta’ ċittadinanza b’investiment tal‑2020, ibbażata fuq l-Artikolu 10(9) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija, li tistabbilixxi proċedura tranżazzjonali ta’ naturalizzazzjoni bi skambju għal pagamenti jew għal investimenti ddeterminati minn qabel u li għalhekk tixbah kummerċjalizzazzjoni tal-għoti tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru kif ukoll, b’estensjoni, dik tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, ir-Repubblika ta’ Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 20 TFUE u l-Artikolu 4(3) TUE. |
Fuq l-ispejjeż
|
122 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika ta’ Malta tilfet, din għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.