Kawża C‑135/23

Gesellschaft für musikalische Aufführungs- und mechanische Vervielfältigungsrechte eV (GEMA)

vs

GL

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Amtsgericht Potsdam)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-20 ta’ Ġunju 2024

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 3(1) – Komunikazzjoni lill-pubbliku – Kunċett – Sempliċi provvista ta’ faċilitajiet – Tqegħid għad-dispożizzjoni f’appartamenti ta’ settijiet tat-televiżjoni mgħammra b’antenna interna li tippermetti li jinqabdu sinjali u t-trażmissjoni ta’ programmi – Natura lukrattiva – Prinċipju ta’ newtralità teknoloġika”

  1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Komunikazzjoni lill-pubbliku – Kunċett – Kriterji ta’ evalwazzjoni

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 3(1))

    (ara l-punti 17 sa 26)

  2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Komunikazzjoni lill-pubbliku – Kunċett – Tqegħid għad-dispożizzjoni, f’appartamenti mogħtija b’kiri, ta’ settijiet tat-televiżjoni mgħammra b’antenna interna li tippermetti li jinqabdu sinjali u t-trażmissjoni ta’ programmi – Inklużjoni – Kundizzjoni – Pubbliku ġdid – Kerrejja għal żmien qasir

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 3(1))

    (ara l-punti 27 sa 46, u d-dispożittiv)

Sunt

Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mill-Amtsgericht Potsdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Potsdam, il-Ġermanja), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” ta’ xogħol protett, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE ( 1 ), fil-kuntest tat-tqegħid għad-dispożizzjoni, mill-operatur ta’ binja ta’ appartamenti, ta’ settijiet tat-televiżjoni mgħammra b’antenna interna li tippermetti li jinqabdu sinjali u t-trażmissjoni ta’ programmi.

Gesellschaft für musikalische Aufführungs- und mechanische Vervielfältigungsrechte eV (GEMA), organu għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-mużika, ressqet talba għad-danni abbażi tad-drittijiet tal-awtur kontra GL, li jopera binja li tinkludi 18-il appartament mogħtija għall-kiri, minħabba li kien iqiegħed għad-dispożizzjoni, fl-appartamenti, dawn is-settijiet tat-televiżjoni.

Sabiex taqta’ din il-kawża, il-qorti tar-rinviju xtaqet tkun taf, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, imsemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 (iktar ‘il quddiem il-“kunċett ta’ ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’”), ikoprix it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ tali settijiet tat-televiżjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” jassoċja żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri att ta’ komunikazzjoni ta’ xogħol u l-komunikazzjoni ta’ dan tal-aħħar lil pubbliku, u jimplika evalwazzjoni individwalizzata. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa, b’mod partikolari, ir-rwol indispensabbli tal-utent sabiex jagħti lill-klijenti tiegħu l-aċċess għal xogħlijiet protetti u n-natura deliberata tal-intervent tiegħu, b’mod partikolari jekk dan ikun ta’ natura lukrattiva, li jippermetti li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-“komunikazzjoni lill-pubbliku” u, min-naħa l-oħra, is-“sempliċi provvista ta’ faċilitajiet” ( 2 ).

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, għalkemm kienet il-qorti nazzjonali li kellha tiddetermina jekk l-operatur tal-binja fil-kawża prinċipali kienx qiegħed iwettaq att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, kienet il-Qorti tal-Ġustizzja li kellha tipprovdilha indikazzjonijiet utli għal dan l-għan sabiex tkun tista’ taqta’ l-kawża quddiemha.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fl-ewwel lok, li l-operatur ta’ binja ta’ appartamenti, billi jgħammar dawn l-appartamenti b’settijiet tat-televiżjoni u b’antenni interni li, mingħajr intervent ieħor, jaqbdu sinjali u jippermettu t-trażmissjoni ta’ programmi, b’mod partikolari ta’ mużika, iwettaq deliberatament intervent sabiex jagħti lill-klijenti tiegħu l-aċċess għal tali programmi, ġewwa appartamenti mogħtija għall-kiri u matul il-perijodu ta’ kiri, mingħajr ma jkun determinanti jekk dawn jużawx din il-possibbiltà jew le. Barra minn hekk, l-intervent ta’ dan l-operatur għandu jitqies li huwa provvista ta’ servizz addizzjonali mwettaq bil-għan li jinsilet ċertu benefiċċju minnu. Għalhekk, l-offerta ta’ tali servizz tippermetti li tiġi stabbilita n-natura lukrattiva tal-komunikazzjoni. F’dan ir-rigward, il-fatt li s-settijiet tat-televiżjoni kienu konnessi ma’ antenna “interna” pjuttost milli ma’ antenna “ċentrali” kien irrilevanti, peress li tali distinzjoni bejn l-antenni ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ix-xogħlijiet protetti jiġux effettivament ikkomunikati lil pubbliku, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-kunċett ta’ “pubbliku” jirreferi għal numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali u jimplika, barra minn hekk, numru pjuttost kbir ta’ persuni. Għalhekk, dan il-kunċett jinkludi ċertu limitu de minimis, li jeskludi minn dan il-kunċett numru żgħir wisq ta’ persuni kkonċernati, jew numru insinjifikanti. Sabiex jiġi ddeterminat dan in-numru, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-numru ta’ persuni li jista’ jkollhom aċċess għall-istess xogħol parallellalment, iżda wkoll suċċessivament. Jekk il-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata li l-appartamenti tal-bini inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu s-suġġett ta’ kiri għal żmien qasir, b’mod partikolari bħala akkomodazzjoni turistika, il-kerrejja tagħhom kellhom jiġu kklassifikati bħala “pubbliku”, peress li dawn jikkostitwixxu flimkien numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali.

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, sabiex jiġi kkwalifikat bħala “komunikazzjoni lill-pubbliku”, xogħol protett għandu jiġi kkomunikat skont mod tekniku speċifiku, differenti minn dawk użati sa dak il-mument jew, fin-nuqqas ta’ dan, għandu jiġi kkomunikat lil “pubbliku ġdid”, jiġifieri pubbliku li ma jkunx diġà ttieħed inkunsiderazzjoni mid-detenturi tad-dritt meta jkunu awtorizzaw il-komunikazzjoni inizjali tax-xogħol tagħhom lill-pubbliku. F’dan ir-rigward, il-kerrejja ta’ appartamenti ta’ binja li hija s-suġġett ta’ kiri għal żmien qasir, b’mod partikolari bħala akkomodazzjoni turistika, jistgħu jikkostitwixxu tali pubbliku “ġdid”, peress li dawn il-persuni, filwaqt li jinsabu ġewwa ż-żona ta’ kopertura tal-imsemmija trażmissjoni, ma jistgħux, mingħajr l-intervent tal-operatur ta’ din il-binja, li permezz tagħha huwa installa, f’dawn l-appartamenti, settijiet tat-televiżjoni mgħammra b’antenni interni, igawdu mix-xogħol trażmess. Min-naħa l-oħra, jekk il-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata li dawn l-appartamenti kienu jinkrew lil kerrejja residenzjali, dawn tal-aħħar ma jkunux jistgħux jitqiesu li huma “pubbliku ġdid”.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri t-tqegħid għad-dispożizzjoni deliberat, mill-operatur ta’ binja ta’ appartamenti mogħtija b’kiri, ta’ settijiet tat-televiżjoni mgħammra b’antenni interni li, mingħajr intervent ieħor, jaqbdu sinjali u jippermettu t-trażmissjoni ta’ programmi, sakemm il-kerrejja ta’ dawn l-appartamenti jkunu jistgħu jitqiesu li huma “pubbliku ġdid”.


( 1 ) Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), l-Istati Membri għandhom jipprevedu għall-awturi d-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, bil-fili jew mingħajr fili, inkluż li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku x-xogħlijiet tagħhom b’mod li l-membri tal-pubbliku jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin li jagħżlu huma b’mod individwali.

( 2 ) Skont il-premessa 27 tad-Direttiva 2001/29 is-“sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi biex tkun tista’ iseħħ jew biex iseħħ komunikazzjoni ma twassalx fiha nfisha għal komunikazzjoni fit-tifsira ta’ din id-Direttiva”.