SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
11 ta’ April 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Neċessità tal-interpretazzjoni mitluba sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha – Indipendenza tal-imħallfin – Kundizzjonijiet għall-ħatra tal-imħallfin ordinarji – Possibbiltà li titqiegħed inkwistjoni deċiżjoni jew sentenza definittiva ta’ kundanna kriminali fl-istadju ta’ proċedura għall-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni jew ta’ din is-sentenza – Inammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari”
Fil-Kawżi magħquda C‑114/23 [Sapira] i, C‑115/23 [Jurckow] i, C‑132/23 [Kosieski] i u C‑160/23 [Oczka] ( i ),
li għandhom bħala suġġett erba’ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑18 ta’ Frar 2023 (C‑114/23 u C‑115/23), tas‑6 ta’ Marzu 2023 (C‑132/23) u tal‑14 ta’ Marzu 2023 (C‑160/23), li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Frar 2023 (C‑114/23 u C‑115/23), fis‑6 ta’ Marzu 2023 (C‑132/23) u fil‑15 ta’ Marzu 2023 (C‑160/23), fil-proċeduri kriminali kontra
KB (C‑114/23),
RZ (C‑115/23),
AN (C‑132/23),
CG (C‑160/23),
fil-preżenza ta’:
Prokuratura Rejonowa Warszawa Ochota (C‑114/23 u C‑160/23),
Prokuratura Okręgowa w Warszawie (C‑115/23 u C‑132/23),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tielet Awla, N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Prokuratura Okręgowa w Warszawie, minn A. Bortkiewicz, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ irrevokabbiltà tad-deċiżjonijiet definittivi, ta’ proporzjonalità u ta’ awtonomija proċedurali. |
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni ta’ erba’ deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi li kkundannaw lil KB, lil RZ, lil AN u lil CG għal sanzjonijiet kriminali. |
Il‑kuntest ġuridiku
3 |
L-Artikolu 9(1) u (2) tal-ustawa – Kodeks karny wykonawczy (il-Liġi li Tistabbilixxi Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni ta’ Pieni) tas‑6 ta’ Ġunju 1997 (Dz. U. tal‑2023, pożizzjoni 127, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni ta’ Pieni”) jiddisponi: “1. Il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tibda mingħajr dewmien wara li s-sentenza ssir eżekuttiva. 2. Sentenza mogħtija jew digriet mogħti skont l-Artikolu 420 tal-ustawa – Kodeks postępowania karnego [(il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) tas‑6 ta’ Ġunju 1997 (Dz. U. tal‑2022, pożizzjoni 1375)], dwar konfiska jew provi materjali, isiru eżekuttivi fil-mument meta jsiru definittivi, sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor.” |
4 |
Skont l-Artikolu 13(1) tal-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni ta’ Pieni: “L-awtorità ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni u kull persuna direttament affettwata mid-deċiżjoni jistgħu jitolbu lill-qorti li tkun tat id-deċiżjoni li tneħħi d-dubji dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni jew l-ilmenti relatati mal-kalkolu tal-piena. Id-digriet tal-qorti jista’ jiġi appellat.” |
5 |
L-Artikolu 15(1) ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej: “Il-qorti għandha tinterrompi l-proċedura ta’ eżekuzzjoni fil-każ ta’ preskrizzjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena, tal-mewt tal-persuna kkundannata jew ta’ kwalunkwe raġuni oħra li teskludi din il-proċedura.” |
Il‑proċeduri fil‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari
6 |
Permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Diċembru 2022 tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), KB ġiet ikkundannata għal piena sospiża ta’ xahrejn priġunerija kif ukoll għal multa talli insultat pubblikament lill-President tar-Repubblika tal-Polonja fl‑1 u fit‑2 ta’ Marzu 2022, permezz tan-network soċjali Twitter (Kawża C‑114/23). |
7 |
Permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2022 ta’ dik il-qorti, RZ ġie kkundannat għal piena sospiża ta’ sena priġunerija u għal multa talli wassal lil persuna oħra sabiex tiddisponi b’mod sfavorevoli mill-beni tagħha stess, sabiex jikseb vantaġġ finanzjarju (Kawża C‑115/23). |
8 |
Permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Frar 2023 tal-imsemmija qorti, AN ġie kkundannat għal piena globali ta’ ħdax‑il xahar restrizzjoni tal-libertà għal żewġ reati ta’ frodi informatika (Kawża C‑132/23). |
9 |
Dawn it-tliet sentenzi ngħataw b’kulleġġ ġudikanti ta’ mħallef uniku mill-Imħallfin LM, fil-Kawżi C‑114/23 u C‑132/23, u OP, fil-Kawża C‑115/23. Huma saru definittivi mingħajr ma ġew ikkontestati. |
10 |
CG, min-naħa tagħha, ġiet ikkundannata, permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ Diċembru 2022 tas-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja) għal piena ta’ tmien snin priġunerija talli ttrattat ħażin fiżikament u psikoloġikament tarbija (Kawża C‑160/23). Dik is-sentenza, mogħtija minn kulleġġ kompost minn tliet imħallfin li jiddeċiedu fl-appell, jiġifieri JL, KS u MP, ukoll saret definittiva. |
11 |
Is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja), li hija l-qorti tar-rinviju, għandha tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni tal-erba’ deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi msemmija fil-punti 6 sa 10 ta’ din is-sentenza. |
12 |
Dik il-qorti tenfasizza li kemm l-imħallfin uniċi tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja), LM u OP, kif ukoll it-tliet imħallfin tas-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja), JL, KS u MP (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“imħallfin inkwistjoni”), inħatru permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tar-Repubblika tal-Polonja fuq proposta tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, il-Polonja), bil-kompożizzjoni tagħha li tirriżulta mill-ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 3). Issa, huwa stabbilit li dan il-korp ma huwiex indipendenti. |
13 |
Minn dan isegwi li qorti komposta minn imħallef maħtur fuq proposta tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, bil-kompożizzjoni li tirriżulta mil-liġi msemmija fil-punt preċedenti, ma hijiex komposta b’mod regolari u ma tistax titqies li hija qorti indipendenti u imparzjali, fis-sens, b’mod partikolari, tal-Artikolu 47 tal-Karta. |
14 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tesponi, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑160/23, li, permezz ta’ diversi sentenzi, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) diġà rrevokat sentenzi mogħtija fl-appell minn kulleġġ ġudikanti tas-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja) li kien jagħmel parti minnha l-Imħallef JL, fost oħrajn f’kawża fejn kien sedenti mal-Imħallfin KS u MP. Is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) għalhekk enfasizzat iċ-ċirkustanzi madwar il-ħatra tal-Imħallef JL, ir-rabtiet tiegħu mas-setgħat politiċi kif ukoll l-attività tiegħu bħala Uffiċjal Dixxiplinari tal-Imħallfin tal-Qrati Ordinarji. L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw għall-Imħallef KS. Fir-rigward tal-Imħallef MP, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ħadet inkunsiderazzjoni l-irregolarità tal-ħatra tiegħu u tal-eżerċizzju tal-attività tiegħu fi ħdan il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, li ppreġudika l-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin. |
15 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li d-dritt Pollakk, interpretat fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jippermetti lill-qrati li jiddeċiedu dwar il-mertu fil-qasam kriminali jeżaminaw eċċezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, li tista’ titqajjem mill-akkużat, mill-partijiet l-oħra fil-proċess u mill-Imħallef stess. F’dan il-każ, madankollu, l-ebda eċċezzjoni f’dan is-sens ma tqajmet fil-kuntest tal-erba’ proċeduri kriminali li taw lok għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi li huma s-suġġett tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni fil-kawża prinċipali u l-imħallfin inkwistjoni ma eżaminawx l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti. |
16 |
F’dan il-kuntest, dik il-qorti tqis li huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk, skont id-dritt tal-Unjoni, l-osservanza tal-imsemmija rekwiżiti tistax tiġi vverifikata, jekk ikun meħtieġ ex officio, fi stadju ulterjuri, b’mod partikolari matul proċedura ta’ eżekuzzjoni ġudizzjarja. L-imsemmija qorti tqis li dan għandu jkun il-każ. |
17 |
F’dan il-każ, l-istess qorti għandha għalhekk tikkonstata l-ineżistenza tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi li huma s-suġġett tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni li hija adita bihom, minħabba l-irregolarità tal-kundizzjonijiet tal-ħatriet tal-imħallfin inkwistjoni. Hija għandha għalhekk ittemm dawn il-proċeduri u r-responsabbiltà kriminali ta’ KB, RZ, AN u CG għandha tkun suġġetta għal deċiżjonijiet ġudizzjarji ġodda. |
18 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
Fuq it‑tqħaqqid tal‑Kawżi C‑114/23, C‑115/23, C‑132/23 u C‑160/23
19 |
Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑4 u tat‑18 ta’ April 2023, il-Kawżi C‑114/23, C‑115/23, C‑132/23 u C‑160/23 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura kif ukoll tas-sentenza. |
Fuq it‑talbiet għall‑applikazzjoni tal‑proċedura mħaffa għal deċiżjoni preliminari
20 |
Il-qorti tar-rinviju talbet li dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari jkunu suġġetti għall-proċedura mħaffa għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talbiet tagħha, hija sostniet li l-kawżi prinċipali jaqgħu taħt id-dritt kriminali, li dawn il-kawżi jirrigwardaw id-drittijiet fundamentali u li huwa ta’ interess ġenerali li l-awturi tar-reati jinżammu kriminalment responsabbli mingħajr dewmien. |
21 |
L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li l-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, fuq it-talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, u wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jkun suġġett għal proċedura mħaffa, meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien. |
22 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, tali proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż li jwieġeb għal sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
23 |
F’dan il-każ, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fl‑4 u fit‑18 ta’ April 2023, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatriċi u l-Avukata Ġenerali, li ma kienx hemm lok li jintlaqgħu t-talbiet imsemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju ma ressqitx motivi speċifiċi dwar iċ-ċirkustanzi tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni fil-kawżi prinċipali li kienu jeħtieġu li tingħata deċiżjoni fi żmien qasir dwar it-talbiet għal deċiżjoni preliminari. Barra minn hekk, il-fatt li l-kawżi prinċipali jaqgħu taħt id-dritt kriminali ma jiġġustifikax, fih innifsu, il-proċedura mħaffa tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 26). Fl-aħħar nett, is-sempliċi interess tal-partijiet fil-kawża, ċertament leġittimu, li jiddeterminaw malajr kemm jista’ jkun il-portata tad-drittijiet li huma jisiltu mid-dritt tal-Unjoni ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ċirkustanza eċċezzjonali (sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Phoenix Contact,C‑44/21, EU:C:2022:309, punt 16). |
Fuq it‑talba għal informazzjoni fil‑Kawża C‑160/23
24 |
Wara talba għal informazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, indirizzata fl‑4 ta’ April 2023 lill-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar b’mod partikolari pprovdiet preċiżazzjonijiet dwar ir-rwol tagħha fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni. Dik il-qorti esponiet li, fir-rigward ta’ sentenzi definittivi mogħtija fil-kawżi kriminali mill-kulleġġi ġudikanti tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja), hija għandha ġurisdizzjoni sabiex tadotta l-miżuri previsti mill-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni ta’ Pieni. Dawn huma miżuri bħal, l-ewwel nett, l-ordni tal-eżekuzzjoni tal-piena, it-tieni nett, il-priġunerija tal-persuna kkundannata, permezz tal-pulizija, f’ħabs sabiex hemmhekk tiskonta l-piena mogħtija, it-tielet nett, l-eżekuzzjoni ta’ tali sentenza sa fejn tobbliga lill-persuna kkundannata tħallas l-ispejjeż legali lit-Teżor Pubbliku, ir-raba’ nett, l-eżami, jekk ikun il-każ, ta’ talba għad-differiment tal-eżekuzzjoni ta’ priġunerija u, il-ħames nett, il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest għall-finijiet tat-tfittxija tal-persuna kkundannata fil-każ li din il-persuna taħrab. |
Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
25 |
Il-Gvern Pollakk isostni, essenzjalment, li l-problemi relatati mal-organizzazzjoni ġudizzjarja tal-Istati Membri jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva ta’ dawn tal-aħħar u mhux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni. |
26 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’, ċertament, taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni u li jista’ jkun hekk, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ regoli nazzjonali dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ħatra tal-imħallfin u, jekk ikun il-każ, ta’ regoli relatati mal-istħarriġ ġudizzjarju applikabbli fil-kuntest ta’ tali proċeduri ta’ ħatra (sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
Barra minn hekk, mill-formulazzjonijiet tad-domandi preliminari jirriżulta b’mod ċar li dawn ma jirrigwardawx l-interpretazzjoni tad-dritt Pollakk iżda jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni msemmija fihom. |
28 |
Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-talbiet għal deċiżjoni preliminari. |
Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talbiet għal deċiżjoni preliminari
29 |
Il-Prokuratura Okręgowa w Warszawie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) u l-Gvern Pollakk jikkontestaw l-ammissibbiltà ta’ dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari minħabba, essenzjalment, li risposta għad-domandi preliminari ma hijiex neċessarja. |
30 |
Għalhekk, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Varsavja jallega, essenzjalment, li s-suġġett tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni fil-kawżi prinċipali huwa li tiġi applikata deċiżjoni ġudizzjarja definittiva mogħtija fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali u mhux li tiġi deċiża tilwima sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-mertu. Il-qorti tar-rinviju, bħala qorti tal-eżekuzzjoni, hija marbuta bil-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi eżekuttivi u ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-validità tagħhom. |
31 |
Min-naħa tiegħu, il-Gvern Pollakk isostni, essenzjalment, li d-domandi preliminari huma ipotetiċi. It-talbiet għal deċiżjoni preliminari ma juru l-ebda tħassib partikolari dwar l-indipendenza tal-qrati li taw id-deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. Id-dubji tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw biss il-fatt li l-imħallfin inkwistjoni nħatru fuq proposta ta’ korp li nofs il-membri tiegħu kienu ġew eletti mill-awtorità leġiżlattiva. Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali ħatra ma hijiex, fiha nnifisha, ta’ natura li tistabbilixxi ksur tad-dritt għal qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita bil-liġi. |
32 |
Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat repetutament li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom għas-soluzzjoni tat-tilwim li huma mitluba jiddeċiedu u li l-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma tkunx tirrigwarda l-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
33 |
Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu adita biha (sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
34 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżumi, b’mod partikolari, li kawża hija effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma għandhom jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza dwar id-deċiżjoni preliminari (sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
35 |
F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li din hija mitluba tiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji definittivi ta’ kundanna kriminali, li ma jistgħux jiġu appellati iktar. Skont dik il-qorti, il-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti li taw dawn id-deċiżjonijiet setgħet tiġi mistħarrġa matul il-proċedura kriminali prinċipali, li hija, skont il-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, distinta mill-proċedura ta’ eżekuzzjoni. |
36 |
Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju, tali stħarriġ jidher li huwa eskluż fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet. Għalhekk, dik il-qorti ma ssemmi l-ebda dispożizzjoni tad-dritt proċedurali Pollakk li tagħtiha l-ġurisdizzjoni sabiex twettaq eżami tal-konformità, b’mod partikolari mad-dritt tal-Unjoni, tal-istess deċiżjonijiet. Barra minn hekk, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-imsemmija qorti bi tweġiba għat-talba għal informazzjoni msemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, il-kompetenzi tagħha huma, fl-istadju tal-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjonijiet, limitati għall-adozzjoni tal-miżuri previsti mill-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni ta’ Pieni. |
37 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ma jidhirx li l-qorti tar-rinviju għandha ġurisdizzjoni, skont ir-regoli tad-dritt Pollakk, sabiex tevalwa l-legalità, fid-dawl, b’mod partikolari, tad-dritt tal-Unjoni, tal-kulleġġi ġudikanti li taw id-deċiżjonijiet u s-sentenza definittivi ta’ kundanna kriminali li huma s-suġġett tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni li hija adita bihom. |
38 |
Għalhekk, id-domandi magħmula f’dawn il-kawżi magħquda jirrigwardaw intrinsikament stadju preċedenti għal dawn il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni, li ngħalqu definittivament u li huwa distint mill-imsemmija proċeduri ta’ eżekuzzjoni. Għaldaqstant, dawn ma jikkorrispondux għal bżonn inerenti għas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali, iżda huma intiżi sabiex tinkiseb mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ġenerali li ma hijiex konnessa mill-ħtiġijiet ta’ dawn il-kawżi (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 78 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
Minn dan isegwi li dawn id-domandi jmorru lil hinn mill-kuntest tal-missjoni ġudizzjarja li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 79 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma inammissibbli. |
Fuq l‑ispejjeż
41 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑18 ta’ Frar 2023 (C‑114/23 u C‑115/23), tas‑6 ta’ Marzu 2023 (C‑132/23) u tal‑14 ta’ Marzu 2023 (C‑160/23), huma inammissibbli. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.