SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
24 ta’ Lulju 2023 ( *1 ) ( i )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 325(1) TFUE – Konvenzjoni ‘PIF’ – Artikolu 2(1) – Obbligu tal-ġlieda permezz ta’ miżuri dissważivi u effettivi kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Obbligu li jiġu previsti sanzjonijiet kriminali – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Frodi serja tal-VAT – Terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali – Sentenza ta’ Qorti Kostituzzjonali li invalidat dispożizzjoni nazzjonali li tirregola r-raġunijiet għall-interruzzjoni ta’ dan it-terminu – Riskju sistemiku ta’ impunità – Protezzjoni tad-drittijiet fundamentali – Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege – Rekwiżiti ta’ prevedibbiltà u ta’ preċiżjoni tal-liġi kriminali – Prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iżjed favorevoli (lex mitior) – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Standard nazzjonali tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali – Obbligu għall-qrati ta’ Stat Membru li jħallu mhux applikati sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali u/jew tal-qorti suprema ta’ dan l-Istat Membru fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dritt tal-Unjoni – Responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn is-sentenzi – Prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni”
Fil-Kawża C‑107/23 PPU [Lin] ( ii ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Brașov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Frar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura kriminali kontra
C.I.,
C.O.,
K.A.,
L.N.,
S.P.,
fil-preżenza ta’:
Statul român
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Prechal, C. Lycourgos (Relatur), E. Regan, P. G. Xuereb, L. S. Rossi u D. Gratsias, Presidenti ta’ Awla, J.-C. Bonichot, S. Rodin, F. Biltgen, N. Piçarra, N. Jääskinen, J. Passer u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: R. Şereş, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ Mejju 2023,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal C.I., minn C.-I. Gliga, avocat, |
|
– |
għal C.O., minn M. Gornoviceanu, avocată, |
|
– |
għal L.N., minn C.-I. Gliga, avocat, |
|
– |
għal S.P., minn H. Crişan, avocat, |
|
– |
għall-Gvern Rumen, minn L.-E. Baţagoi, M. Chicu, E. Gane u O.-C. Ichim, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz, F. Blanc, I. V. Rogalski, F. Ronkes Agerbeek u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑29 ta’ Ġunju 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 4(3), tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-Artikolu 325(1) TFUE, tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni li saret fuq il-bażi ta’ l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata fi Brussell fis‑26 ta’ Lulju 1995 u annessa mal-Att tal-Kunsill tas‑26 ta’ Lulju 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 8, p. 57, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni PIF”), tal-Artikoli 2 u 12 tad-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU 2017, L 198, p. 29, iktar ’il quddiem id-“Direttiva PIF”), tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU 2007, L 142M, p. 825), kif ukoll tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni. |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikorsi straordinarji ppreżentati minn C.I., C.O., K.A., L.N. u S.P. (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rikorrenti fil-kawżi prinċipali”), intiżi għall-annullament tal-kundanna finali tagħha għal pieni ta’ priġunerija għal fatti kklassifikati bħala frodi fiskali u grupp ta’ kriminalità organizzata. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Il‑Konvenzjoni PIF
|
3 |
L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni PIF, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jipprevedi: “1. Għall-għanijiet ta’ din il-Konvenzjoni, frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej tikkonsisti fir-: […]
2. Soġġett għall-Artikolu 2 (2), kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa u xierqa biex jittrasponu minn paragrafu fil-liġi kriminali tagħhom b’dak il-mod li l-kondotta msemmija hemm tikkostitiwxxi reati kriminali. 3) Bla ħsara għall-Artikolu 2 (2), kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa biex jassigura li l-preparazzjoni maħsuba jew forniment ta’ stqarrijiet u dokumenti foloz, mhux korretti jew mhux kompluti li għandhom l-effett deskritt f’paragrafu 1 tikkostitiwxxi reat kriminali jekk mhux diġal punit bħala reat prinċipali jew bħala parteċipazzjoni f’instigazzjoni ta’, jew attentat biex twettaq, frodi kif definit f’paragrafu 1. […]” |
|
4 |
L-Artikolu 2 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Penalitajiet”, jipprevedi: “1. Kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa biex jassigura li l-kondotta msemmija fl-Artikolu 1, u parteċipazzjoni f’instigazzjoni jew attentat tal-kondotta msemmija fl-Artikolu 1(1), huma puniti b’penalitajiet kriminali effettivi, proporzjonati u disważivi, inklużi, għal inqas f’każi ta’ frodi serja, penalitajiet li jinvolvu depravazzjoni ta’ libertà li tista’ tagħti lok għal estradizzjoni, u jinftiehem li frodi serja titqies frodi li tinvolvi ammont minimu li għandu jkun stabbilit f’kull Stat Membru. Dan l-ammont minimu ma jistax ikun stabbilit għas-somma li taqbeż 50000 [EUR]. 2) Madankollu, f’każijiet ta’ frodi minima li tinvolvi ammont totali ta’ inqas minn 4000 [EUR] u tinvolvi ċirkostanzi partikolarment serji taħt il-liġijiet tagħhom, Stat Membru jista’ jipprovdi penalitajiet ta’ tip differenti minn dawk stabbiliti f’paragrafu 1. […]” |
Id‑Direttiva PIF
|
5 |
L-Artikolu 16 tad-Direttiva PIF, intitolat “Sostituzzjoni tal-Konvenzjoni [PIF]”, jispeċifika: “Il-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropea tas‑26 ta’ Lulju 1995, inklużi l-protokolli tagħha tas‑27 ta’ Settembru 1996, tad‑29 ta’ Novembru 1996 u tad‑19 ta’ Ġunju 1997 hija sostitwita b’din id-Direttiva għall-Istati Membri marbutin biha, b’effett mis‑6 ta’ Lulju 2019. Għall-Istati Membri marbutin b’din id-Direttiva, ir-referenzi għall-Konvenzjoni għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva.” |
Id‑dritt Rumen
Il‑Kostituzzjoni Rumena
|
6 |
Il-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-iżjed favorevoli (lex mitior) huwa stabbilit fl-Artikolu 15(2) tal-Constituția României (il-Kostituzzjoni Rumena), skont liema “l-liġi għandha taġixxi biss għall-futur, bl-eċċezzjoni tal-iktar liġi kriminali jew amministrattiva favorevoli”. |
|
7 |
L-Artikolu 147(1) u (4) tal-Kostituzzjoni Rumena jgħid: “1. Id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet u tad-digrieti fis-seħħ, kif ukoll dawk tar-regolamenti, li huma kkunsidrati antikostituzzjonali ma jibqgħux jipproduċu l-effetti legali tagħhom 45 jum wara l-pubblikazzjoni tas-sentenza tal-Curtea Constituțională [(il-Qorti Kostituzzjonali)], sakemm, matul dan il-perjodu, il-Parlament jew il-Gvern, skont il-każ, ma jarmonizzax id-dispożizzjonijiet antikostituzzjonali ma’ dawk tal-Kostituzzjoni. Matul dan il-perijodu, id-dispożizzjonijiet meqjusa bħala antikostituzzjonali huma awtomatikament sospiżi. […] 4) Id-deċiżjonijiet tal-Curtea Constituțională [(il-Qorti Kostituzzjonali)] għandhom jiġu ppubblikati fil-Monitorul Oficial al României. Ġeneralment ikunu obbligatorji b’mod ġenerali mid-data tal-pubblikazzjoni tagħhom u jkollhom biss effetti ex nunc.” |
Il‑Leġiżlazzjoni Kriminali Rumena
|
8 |
Ir-reat ta’ frodi fiskali huwa stabbilit kif ġej fl-Artikolu 9 tal-Legea nr. 241/2005 pentru prevenirea și combaterea evaziunii fiscale (il-Liġi Nru 241/2005 għall-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Frodi Fiskali) tal‑15 ta’ Lulju 2005 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 672 tas‑27 ta’ Lulju 2005) fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali: “1. Jikkostitwixxu r-reat ta’ frodi fiskali u huma ssanzjonati b’piena ta’ bejn sentejn u tmien snin ta’ priġunerija u bi projbizzjoni ta’ drittijiet jew ta’ multa l-fatti li ġejjin imwettqa bl-għan li wieħed jevadi obbligi fiskali: […]
[…] 2) Jekk il-fatti previsti fil-paragrafu 1 jiġġeneraw dannu ta’ iżjed minn EUR 100000, fil-valur tal-kambju fil-munita nazzjonali, il-piena minima u l-piena massima jiżdiedu b’ħames snin. 3) Jekk il-fatti previsti fil-paragrafu 1 jiġġeneraw dannu superjuri għal EUR 500000 fil-valur tal-kambju fil-munita nazzjonali, il-piena minima u l-piena massima jiżdiedu b’seba’ snin.” |
|
9 |
Fl‑1 ta’ Frar 2014 daħlet fis-seħħ il-Legea Nru 286/2009 privind Codul penal (il-Liġi Nru 286/2009 dwar il-Kodiċi Kriminali) tas‑17 ta’ Lulju 2009 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 510 tal‑24 ta’ Lulju 2009, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Kriminali”). |
|
10 |
Skont l-Artikolu 154(1)(b) tal-Kodiċi Kriminali, it-terminu ta’ preskrizzjoni ġenerali għar-reati kriminali li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma akkużati bihom huwa ta’ għaxar snin. |
|
11 |
Qabel id-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Kriminali, id-dispożizzjoni li tirregola l-interruzzjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni fil-qasam kriminali kienet tipprevedi dan li ġej: “Kwalunkwe att imwettaq f’kawża li, konformement mal-liġi, għandu jiġi kkomunikat lill-persuna ssuspettata jew akkużata matul il-proċedura kriminali jinterrompi t-terminu tal-preskrizzjoni previst fl-Artikolu 122.” |
|
12 |
Fil-verżjoni inizjali tiegħu, l-Artikolu 155(1) tal-Kodiċi Kriminali kien jipprovdi: “Kwalunkwe att ta’ proċedura mwettaq f’kawża jinterrompi t-terminu tal-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali.” |
|
13 |
Dan l-Artikolu 155(1) ġie emendat kif ġej mill-Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 71/2022 pentru modificarea articolului 155 alineatul (1) din Legea nr. 286/2009 privind Codul penal (Digriet b’Urġenza tal-Gvern Nru 71/2022 li jemenda l-Artikolu 155(1) tal-Liġi Nru 286/2009 dwar il-Kodiċi Kriminali) tat‑30 ta’ Mejju 2022 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 531 tat‑30 ta’ Mejju 2022, iktar ’il quddiem l-“OUG Nru 71/2022”): “Kwalunkwe att ta’ proċedura mwettaq f’kawża li, konformement mal-liġi, għandu jiġi kkomunikat lill-persuna ssuspettata jew lill-persuna akkużata jinterrompi t-terminu tal-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali.” |
|
14 |
Il-portata tal-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iżjed favorevoli (lex mitior), li hija stabbilita fl-Artikolu 15(2) tal-Kostituzzjoni Rumena, hija speċifikata fl-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi Kriminali, skont liema: “F’każ li mit-twettiq tal-att kriminali sakemm tingħata s-sentenza finali jkun hemm fis-seħħ liġi kriminali waħda jew iktar, għandha tapplika l-iktar liġi favorevoli.” |
|
15 |
L-Artikolu 426 tal-Legea nr. 135/2010 privind Codul de procedură penală (il-Liġi Nru 135/2010 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) tal‑1 ta’ Lulju 2010 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 486 tal‑15 ta’ Lulju 2010), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, intitolat “Il-każijiet ta’ ftuħ għal rikors straordinarju għal annullament”, jipprevedi, fil-punt (b) tiegħu: “Jista’ jiġi ppreżentat rikors straordinarju għal annullament kontra s-sentenzi finali fi proċeduri kriminali fil-każijiet li ġejjin: […]
[…]” |
Il‑Leġiżlazzjoni dwar is‑sistema dixxiplinari tal‑Imħallfin
|
16 |
L-Artikolu 99 tal-Legea nr. 303/2004 privind statutul judecătorilor și procurorilor (il-Liġi Nru 303/2004 dwar l-Istatus tal-Imħallfin u tal-Prokuraturi) tat‑28 ta’ Ġunju 2004 (ippubblikata mill-ġdid fil-Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 826 tat‑13 ta’ Settembru 2005), kien jipprevedi: “Jikkostitwixxu ksur dixxiplinari: […]
[…]” |
|
17 |
L-Artikolu 271 tal-Legea nr. 303/2022 privind statutul judecătorilor și procurorilor (il-Liġi Nru 303/2022 dwar l-Istatus tal-Imħallfin u tal-Prokuraturi) tal‑15 ta’ Novembru 2022 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 1102 tas‑16 ta’ Novembru 2022), jipprevedi: “Jikkostitwixxu ksur dixxiplinari: […]
|
|
18 |
L-Artikolu 272(1) u (2) ta’ din il-liġi jispeċifika: “1. Imħallef jew prosekutur għandu jitqies li aġixxa b’mala fide jekk jikser intenzjonalment ir-regoli tad-dritt sostantiv jew proċedurali bil-għan li jikkawża jew li jaċċetta li jikkawża dannu lil persuna oħra. 2) Imħallef jew prosekutur iwettaq negliġenza gravi meta jikser b’mod żbaljat, gravi, indubitabbli u mhux skużabbli r-regoli tad-dritt sostantiv jew proċedurali.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
19 |
Matul is-sena 2010, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali naqsu, totalment jew parzjalment, milli jindikaw fid-dokumenti tat-taxxa tagħhom it-tranżazzjonijiet kummerċjali u d-dħul relatat mal-bejgħ, lil benefiċjarji interni, ta’ diżil akkwistat taħt is-sistema ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa, b’dannu għalhekk għall-baġit tal-Istat, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u d-dazji tas-sisa fuq id-diżil. |
|
20 |
Permezz tas-sentenza kriminali Nru 285/AP tat‑30 ta’ Ġunju 2020, il-Curtea de Apel Brașov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju, ordnat il-kundanna jew il-konferma tal-kundanna tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mogħtija mit-Tribunalul Brașov (il-Qorti tal-Kontea ta’ Brașov, ir-Rumanija) fis-sentenza kriminali tagħha Nru 38/S tat‑13 ta’ Marzu 2018, għal pieni ta’ priġunerija għat-twettiq tar-reat ta’ frodi fiskali, previst fl-Artikolu 9(1)(b) u (c) u fl-Artikolu 9(3) tal-Liġi Nru 241/2005 intiżi għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-frodi fiskali, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, kif ukoll tar-reat ta’ grupp ta’ kriminalità organizzata, previst fid-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 7 u tal-punt (16) tal-Artikolu 2(b) tal-Legea nr. 39/2003 privind prevenirea și combaterea criminalității organizate (il-Liġi Nru 39/2003 dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità Organizzata) tal‑21 ta’ Jannar 2003 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 50 tad‑29 ta’ Jannar 2003), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 5 tal-Kodiċi Kriminali. |
|
21 |
Żewġ rikorrenti fil-kawża prinċipali, K.A. u S.P., kienu mċaħħda mil-libertà fil-mument tal-preżentata ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, b’eżekuzzjoni tas-sentenza Nru 285/AP tat‑30 ta’ Ġunju 2020 tal-Curtea de Apel Brașov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov). |
|
22 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew ikkundannati wkoll għall-ħlas ta’ dannu fiskali, li jinkludi somom dovuti bħala VAT, f’ammont totali ta’ 13964482 lei Rumen (RON) (madwar EUR 3240000). |
|
23 |
Fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju ssemmi ġurisprudenza nazzjonali dwar il-verżjoni inizjali tal-Artikolu 155(1) tal-Kodiċi Kriminali, li jista’ jkollha effett determinanti fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrenti rikorrenti fil-kawża prinċipali. |
|
24 |
B’mod iżjed speċifiku, dik il-qorti tindika, l-ewwel, li l-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), permezz tas-sentenza tagħha Nru 297 tas‑26 ta’ April 2018, ippubblikata fil‑25 ta’ Ġunju 2018 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Nru 297/2018 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali)”) laqgħet eċċezzjoni ta’ inkostituzzjonalità li tirrigwarda din id-dispożizzjoni sa fejn din kienet tipprevedi l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali bit-twettiq ta’ “kwalunkwe att ta’ proċedura”. |
|
25 |
Il-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) irrilevat b’mod partikolari li l-imsemmija dispożizzjoni kienet nieqsa minn prevedibbiltà u li din kienet tikser il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li l-espressjoni “kwalunkwe att ta’ proċedura” kienet tkopri wkoll l-atti li ma kinux ikkomunikati lill-persuna ssuspettata jew lill-persuna akkużata, u b’dan il-mod tkun prekluża milli jkollha għarfien taċ-ċirkustanza li kien beda jiddekorri terminu ġdid ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tagħha. |
|
26 |
Hija kkonstatat ukoll li d-dispożizzjoni leġiżlattiva preċedenti kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ prevedibbiltà imposti mid-dispożizzjonijiet Kostituzzjonali rilevanti, għaliex din kienet tipprevedi li huwa biss it-twettiq ta’ att li, konformement mal-liġi, kellu jiġi kkomunikat lill-persuna ssuspettata jew lill-persuna akkużata li seta’ jinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali. |
|
27 |
It-tieni, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jsegwi li, għal diversi snin, il-leġiżlatur nazzjonali ma aġixxiex wara s-sentenza Nru 297/2018 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), sabiex jissostitwixxi d-dispożizzjoni, meqjusa bħala inkostituzzjonali, tal-Artikolu 155(1) tal-Kodiċi Kriminali. |
|
28 |
It-tielet, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li il-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), permezz tas-sentenza Nru 358 tagħha tas‑26 ta’ Mejju 2022, ippubblikata fid‑9 ta’ Ġunju 2022 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Nru 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali)”), laqgħet eċċezzjoni ġdida ta’ inkostituzzjonalità li tirrigwarda l-Artikolu 155(1) tal-Kodiċi Kriminali. F’dik is-sentenza, il-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) iċċarat li s-sentenza tagħha Nru 297/2018 kellha n-natura ġuridika ta’ sentenza ta’ inkostituzzjonalità “sempliċi”. Filwaqt li enfasizzat l-assenza ta’ intervent tal-leġiżlatur sa minn dik is-sentenza Nru 297/2018 kif ukoll li l-fatt li l-effett ikkombinat ta’ din is-sentenza tal-aħħar u ta’ din l-assenza ta’ intervent kien ta lok għal sitwazzjoni ġdida nieqsa minn ċarezza u prevedibbiltà dwar ir-regoli applikabbli għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali, liema sitwazzjoni hija tradotta fi prassi ġuridika mhux uniformi, il-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) speċifikat li, bejn id-data ta’ pubblikazzjoni tal-imsemmija sentenza Nru 297/2018 u d-dħul fis-seħħ ta’ att normattiv li jiddetermina r-regola applikabbli, “id-dritt pożittiv [Rumen] ma [kien jinkludi] ebda każ li jippermetti l-interruzzjoni tat-terminu tal-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali”. |
|
29 |
Barra minn hekk, il-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) indikat li s-sentenza Nru 297/2018 tagħha ma kellhiex bħala għan it-tneħħija tat-termini tal-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali jew tat-twaqqif tal-interruzzjoni ta’ dawn it-termini, iżda li l-Artikolu 155(1) tal-Kodiċi Kriminali jsir konformi mar-rekwiżiti kostituzzjonali. |
|
30 |
Ir-raba’, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jsegwi li, fit‑30 ta’ Mejju 2022, jiġifieri wara li ngħatat is-sentenza Nru 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) iżda qabel ġiet ippubblikata, il-Gvern Rumen, li aġixxa bħala leġiżlatur delegat, adotta l-OUG Nru 71/2022, li daħlet fis-seħħ fl-istess jum, li permezz tagħha l-Artikolu 155(1) tal-Kodiċi Kriminali ġie emendat fis-sens li t-terminu t ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali huwa interrott bi kwalunkwe att ta’ proċedura li għandu jiġi kkomunikat lill-persuna ssuspettata jew lill-persuna akkużata. |
|
31 |
Il-ħames, il-qorti tar-rinviju tindika li, permezz tas-sentenza Nru 67/2022 tagħha tal‑25 ta’ Ottubru 2022, ippubblikata fit‑28 ta’ Novembru 2022, l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) speċifikat li, fid-dritt Rumen, ir-regoli dwar l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali jaqgħu taħt id-dritt kriminali sostantiv u li, konsegwentement, dawn huma suġġetti għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-liġi kriminali, bla ħsara għall-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iżjed favorevoli (lex mitior), kif iggarantit, b’mod partikolari, fl-Artikolu 15(2) tal-Kostituzzjoni Rumena. |
|
32 |
Konsegwentement, l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) iddeċidiet li kundanna finali tista’, bħala prinċipju, tkun is-suġġett ta’ rikors straordinarju għal annullament ibbażat fuq l-effetti tas-sentenzi Nri 297/2018 u 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) bħala liġi kriminali iżjed favorevoli (lex mitior). Tali possibbiltà tkun madankollu eskluża meta l-qorti tal-appell tkun diġà eżaminat il-kwistjoni tal-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali matul il-proċedura li tat lok għal din il-kundanna finali. |
|
33 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw quddiem il-Curtea de Apel Brașov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov) rikorsi straordinarji għal annullament kontra s-sentenza Nru 285/AP tat‑30 ta’ Ġunju 2020 ta’ dik il-qorti. Huma jitolbu, abbażi tal-Artikolu 426(b) tal-Liġi Nru 135/2010 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-annullament tal-kundanna kriminali tagħhom, għar-raġuni li huma ġew ikkundannati filwaqt li kienu jeżistu provi tal-eżistenza ta’ raġuni għall-għeluq tal-proċedura kriminali, jiġifieri l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tagħhom. |
|
34 |
Insostenn tar-rikors tagħhom, dawn ir-rikorrenti jinvokaw, abbażi tal-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iżjed favorevoli (lex mitior), il-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tagħhom wara s-sentenzi Nri 297/2018 u 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali). |
|
35 |
L-imsemmija rikorrenti jargumentaw, essenzjalment, li, bejn id-data ta’ pubblikazzjoni tas-sentenza Nru 297/2018 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), jiġifieri l‑25 ta’ Ġunju 2018, u dik tal-pubblikazzjoni tas-sentenza Nru 358/2022 ta’ din tal-aħħar, jiġifieri d‑9 ta’ Ġunju 2022, id-dritt Rumen ma kien jipprevedi ebda raġuni għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali. |
|
36 |
Issa, il-fatt li, fil-perijodu ta’ bejn dawn iż-żewġ dati, id-dritt pożittiv ma kien jipprevedi ebda raġuni għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali jikkostitwixxi, fih innifsu, liġi kriminali iżjed favorevoli li għandha tiġi applikata għalihom konformement mal-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iżjed favorevoli (lex mitior), li huwa b’mod partikolari stabbilit fil-Kostituzzjoni Rumena. |
|
37 |
Li kieku kellha tiġi adottata tali interpretazzjoni, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, fid-dawl tad-data tat-twettiq tal-fatti inkriminati, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin, previst fl-Artikolu 154(1)(b) tal-Kodiċi Kriminali, kien, f’dan il-każ, ikun skada qabel id-deċiżjoni ta’ kundanna tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma tkun saret finali, li jkun iwassal għall-għeluq tal-proċedura kriminali u għall-impossibbiltà li dawn tal-aħħar jiġu kkundannati. |
|
38 |
Dik il-qorti tagħmel riferiment għal diversi motivi li jistgħu jeskludu l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iżjed favorevoli (lex mitior), kif iggarantit mill-Kostituzzjoni Rumena, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
39 |
L-imsemmija qorti tirrileva, b’mod partikolari, li s-sitwazzjoni ġuridika kkaratterizzata mill-assenza ta’ raġuni għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni fil-qasam kriminali, li jeċċepixxu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma tirriżultax minn att li jirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur, iżda minn sentenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) li ddikjarat bħala inkostituzzjonali l-verżjoni inizjali tal-Artikolu 155(1) tal-Kodiċi Kriminali. Issa, il-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iżjed favorevoli (lex mitior) huwa applikabbli biss fil-każ ta’ suċċessjoni fiż-żmien ta’ liġijiet adottati mil-leġiżlatur. |
|
40 |
Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-interpretazzjoni difiża mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, sa fejn din ikollha bħala effett li jiġu eżonerati mir-responsabbiltà kriminali tagħhom għal reati ta’ frodi fiskali li tista’ taffettwa l-baġit tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħha. Tali interpretazzjoni, li tista’ tapplika f’numru kunsiderevoli ta’ kawżi kriminali, tkun ta’ natura li tippreġudika, b’mod partikolari, l-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 325(1) TFUE, l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, l-Artikoli 1, 3 u 4 tad-Deċiżjoni 2006/928, l-Artikolu 2 u l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva PIF kif ukoll id-Direttiva 2006/112. |
|
41 |
F’dan ir-rigward, dik il-qorti tirrileva li, bla ħsara għall-indikazzjonijiet limitati li hija għandha, l-effetti tas-sentenzi Nri 297/2018 u 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) dwar il-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali jistgħu jikkonċernaw numru kunsiderevoli ta’ kawżi. Il-qrati nazzjonali kienu favur il-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali, inkluż fil-kuntest ta’ rikorsi straordinarji għal annullament bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea semmiet, fir-rapport tagħha tat‑22 ta’ Novembru 2022 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-Progress fir-Rumanija skont il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (COM(2022) 664 final), il-preokkupazzjonijiet tagħha dwar l-effett ta’ din il-ġurisprudenza fuq kawżi kriminali pendenti importanti. |
|
42 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li hija jaf ikollha, jekk jirriżulta li interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni ma hijiex possibbli fid-dawl tal-motivi mqajma quddiemha, tħalli mhux applikati s-soluzzjonijiet ġurisprudenzjali adottati mill-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) u/jew mill-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) f’deċiżjonijiet fuq appelli fl-interess tal-liġi. |
|
43 |
Issa, il-qorti tar-rinviju tirrileva li s-sistema dixxiplinari ġdida, prevista fl-Artikoli 271 u 272 tal-Liġi Nru 303/2022 dwar l-istatus tal-imħallfin u tal-prokuraturi, tippermetti li jiġu ssanzjonati l-imħallfin li, b’mod konxju u, għaldaqstant, “b’mala fede”, jew b’negliġenza gravi, fis-sens ta’ dawn l-artikoli, ikunu marru kontra s-sentenzi tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) jew tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) li tiddeċiedi fuq appelli fl-interess tal-liġi. |
|
44 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Brașov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
45 |
Permezz ta’ komunikazzjoni tal‑24 ta’ Marzu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, il-qorti tar-rinviju semmiet diversi sentenzi, mogħtija bejn il‑15 ta’ Diċembru 2022 u t‑8 ta’ Marzu 2023, li permezz tagħhom il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija) u l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) laqgħu rikorsi straordinarji għal annullament, bħala konsegwenza tal-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tal-persuni kkonċernati. |
|
46 |
Barra minn hekk, f’din il-komunikazzjoni, il-qorti tar-rinviju enfasizzat li l-appell fil-kassazzjoni huwa l-unika azzjoni li tippermetti, jekk ikun il-każ, li tiġi kkontestata deċiżjoni ġudizzjarja finali abbażi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni kif ikun interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-risposti tagħha għad-domandi preliminari. Madankollu, it-terminu ta’ 30 jum min-notifika tad-deċiżjoni tal-qorti tal-appell li matulu għandu jiġi ppreżentat appell fil-kassazzjoni huwa ta’ ostakolu għall-preżentata ta’ tali appell, peress li, fid-data meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq dik it-talba għal deċiżjoni preliminari, dan it-terminu jkun skada fil-maġġoranza tal-kawżi kkonċernati. |
|
47 |
Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika li, konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, sabiex jiġu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali nazzjonali, kif ukoll sabiex jiġu żgurati l-ugwaljanza fit-trattament u n-nondiskriminazzjoni tal-partijiet fil-kawża prinċipali fil-konfront tal-partijiet f’kawża li jinsabu f’sitwazzjonijiet simili, fil-każ ta’ appell fil-kassazzjoni ppreżentat kontra d-deċiżjonijiet ġudizzjarji finali mogħtija sadanittant f’kawżi simili, il-qrati nazzjonali huma obbligati jiddeċiedu li [l-imsemmi terminu] jibda jiddekorri mid-data tal-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja” li tiddeċiedi fuq din it-talba għal deċiżjoni preliminari. |
Fuq il‑proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari
|
48 |
Filwaqt li għamel użu mis-setgħa mogħtija lilu fl-Artikolu 107(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja stieden lir-Raba’ Awla, magħżula konformement mal-Artikolu 108(1) ta’ dan ir-regolament, teżamina n-neċessità li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
|
49 |
Mill-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura jsegwi li jistgħu biss ikunu suġġetti għall-proċedura b’urġenza r-rinviji għal deċiżjoni preliminari li jqajmu kwistjoni waħda jew iktar dwar wieħed mill-oqsma msemmija fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, peress li dan it-titolu huwa ddedikat għall-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. |
|
50 |
F’dan il-każ, id-domandi preliminari jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, li ġiet stabbilita abbażi tal-Artikolu K.3 UE. Dan l-artikolu tal-aħħar sar l-Artikolu 31 UE, li d-dispożizzjonijiet tiegħu ġew irrepetuti fl-Artikoli 82, 83 u 85 TFUE, li jaqgħu taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE. |
|
51 |
Minn dan isegwi li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jqajjem kwistjonijiet li jirrigwardaw wieħed mill-oqsma koperti f’dan it-Titolu V u li, għaldaqstant, jista’ jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza. |
|
52 |
Fir-rigward tal-kriterju dwar l-urġenza, minn ġurisprudenza stabbilita joħroġ li dan il-kriterju jkun issodisfatt meta l-persuna kkonċernata fit-tilwima fil-kawża prinċipali tkun, fid-data tat-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari, imċaħħda mil-libertà u ż-żamma tagħha f’detenzjoni tiddependi mis-soluzzjoni ta’ dik it-tilwima (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, MV (Kumulu ta’ sentenzi, C‑583/22 PPU, EU:C:2023:5, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
53 |
F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew ikkundannati għal pieni ta’ priġunerija u li tnejn minnhom, K.A. u S.P., qegħdin bħalissa jiskontaw il-piena rispettiva tagħhom. |
|
54 |
Bi tweġiba għat-talba għal kjarifiki li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet lill-qorti tar-rinviju fil‑15 ta’ Marzu 2023, din tal-aħħar speċifikat, minn naħa, li dawn iż-żewġ rikorrenti fil-kawża prinċipali bħalissa qegħdin il-ħabs b’eżekuzzjoni tas-sentenza kriminali tagħha Nru 285/AP tat‑30 ta’ Ġunju 2020 u, min-naħa l-oħra, li d-detenzjoni tagħhom tintemm jekk hija tiddeċiedi li tilqa’ r-rikorsi straordinarji għal annullament li huma ppreżentaw quddiemha kontra l-kundanna tagħhom. |
|
55 |
Barra minn hekk, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn dik il-qorti jsegwi li l-eżitu tar-rikorsi straordinarji għal annullament ippreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jiddependi mir-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula. |
|
56 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’applikazzjoni tal-Artikolu 108(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fit‑23 ta’ Marzu 2023, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jinstema’ ex officio bil-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. |
|
57 |
Barra minn hekk, dik l-awla ddeċidiet, abbażi tal-Artikolu 113(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat din il-kawża lura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tal-għoti tagħha lill-Awla Manja. |
Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
|
58 |
L.N. u C.I. sostnew li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli fit-totalità tagħha. L.N. argumenta b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, li d-Deċiżjoni 2006/928 u d-Direttiva PIF ma kinux rilevanti fiċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
|
59 |
Il-Gvern Rumen jistaqsi, barra minn hekk, dwar in-natura ipotetika tat-tielet domanda magħmula. |
|
60 |
Fl-aħħar, C.O., C.I. u l-Gvern Rumen eċċepixxew l-inammissibbiltà tat-talba msemmija fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, għar-raġuni li, fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju ma hijiex adita b’appell fil-kassazzjoni iżda b’rikorsi straordinarji għal annullament. |
|
61 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tiddeċiedi (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2023, Mercedes-Benz Group (Responsabbiltà tal-manifatturi ta’ vetturi li għandhom apparat ta’ manipulazzjoni), C‑100/21, EU:C:2023:229, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
62 |
Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2023, Mercedes-Benz Group (Responsabbiltà tal-manifatturi ta’ vetturi li għandhom apparat ta’ manipulazzjoni), C‑100/21, EU:C:2023:229, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
63 |
F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tat-tliet domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel, li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba minn dik il-qorti tista’ twassal lil din tal-aħħar sabiex tħalli mhux applikati s-sentenzi Nri 297/2018 u 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) u/jew is-sentenza Nru 67/2022 tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja), li ġew invokati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sabiex tiġi kkonstatata l-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tagħhom. Għaldaqstant, dawn id-domandi ma humiex ipotetiċi. |
|
64 |
Dan ingħad, it-tieni, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva PIF, li l-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 12 tagħha fl-ewwel domanda preliminari tagħha, din id-direttiva tissostitwixxi l-Konvenzjoni PIF mis‑6 ta’ Lulju 2019. Issa, il-fatti li taw lok għat-tilwima fil-kawża prinċipali twettqu matul is-sena 2010. Għaldaqstant, l-imsemmija direttiva manifestament ma hijiex applikabbli għal din it-tilwima, b’tali mod li l-interpretazzjoni tagħha ma tidhirx neċessarja għas-soluzzjoni ta’ din tal-aħħar. |
|
65 |
Min-naħa l-oħra, sa fejn, skont l-informazzjoni li nġiebet għall-għarfien tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxux korruzzjoni, huwa manifest li l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/928 barra minn hekk ma hijiex rilevanti għall-finijiet tar-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari. |
|
66 |
F’dak li jirrigwarda, it-tielet, id-dispożizzjonijiet l-oħrajn tad-dritt tal-Unjoni msemmija mit-tliet domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, huwa biżżejjed, min-naħa l-oħra, li jitfakkar li, meta ma jkunx manifestament evidenti li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-eċċezzjoni bbażata fuq l-inapplikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali ma hijiex relatata mal-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda taqa’ taħt il-mertu tad-domandi (sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Dobersberger, C‑16/18, EU:C:2019:1110, punt 21, u tas‑27 ta’ April 2023, M.D. (Projbizzjoni ta’ dħul fl-Ungerija), C‑528/21, EU:C:2023:341, punt 52). |
|
67 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-talba msemmija fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, din hija intiża, skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dritt tal-Unjoni jeżiġix li t-terminu ta’ 30 jum previst sabiex jiġi ppreżentat appell fil-kassazzjoni jibda jiddekorri fid-data meta l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti s-sentenza tagħha f’din il-kawża. |
|
68 |
Issa, fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju ma hijiex adita b’appell fil-kassazzjoni, iżda b’rikorsi straordinarji għal annullament, bħalma rrilevaw C.O., C.I. u l-Gvern Rumen. |
|
69 |
Konsegwentement, id-domanda msemmija fil-punt 47 ta’ din is-sentenza tikkonċerna problema ta’ natura ipotetika, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, u għandha, għaldaqstant, tiġi ddikjarata bħala inammissibbli. |
|
70 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli, bl-eċċezzjoni, minn naħa, tal-ewwel u tat-tieni domanda, sa fejn dawn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva PIF u tad-Deċiżjoni 2006/928, kif ukoll, min-naħa l-oħra, tad-domanda msemmija fil-punt 47 ta’ din is-sentenza. |
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda
|
71 |
L-ewwel u t-tieni domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 4(3) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-Artikolu 325(1) TFUE, tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF kif ukoll tad-Direttiva 2006/112. |
|
72 |
Madankollu, mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li d-dubji tal-qorti tar-rinviju li wasslu għal dawn id-domandi jirrigwardaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni, minn naħa, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiġġieldu effettivament kontra l-preġudizzju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, tal-garanziji li joħorġu mill-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege. |
|
73 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-ewwel u t-tieni domanda jiġu eżaminati biss fid-dawl tal-Artikolu 325(1) TFUE, tal-Artikolu 49(1) tal-Karta u tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF. |
|
74 |
Minn dan isegwi li, permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-qrati ta’ Stat Membru huma obbligati jħallu mhux applikati, minn naħa, sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru li jinvalidaw id-dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li tirregola r-raġunijiet għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni fil-qasam kriminali, minħabba ksur tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, fir-rekwiżiti tagħhom dwar il-prevedibbiltà u l-preċiżjoni tal-liġi kriminali, kif ukoll, min-naħa l-oħra, sentenza tal-qorti suprema tal-imsemmi Stat Membru, li minnha jsegwi li r-regoli li jirregolaw dawn ir-raġunijiet għal interruzzjoni, bħal dawk li joħorġu minn din il-ġurisprudenza kostituzzjonali, jistgħu jiġu applikati retroattivament bħala liġi kriminali iżjed favorevoli (lex mitior) sabiex jiġu kkontestati kundanni finali, fid-dawl tal-fatt li dawk is-sentenzi għandhom bħala konsegwenza li numru kunsiderevoli ta’ kawżi kriminali, inklużi kawżi dwar reati ta’ frodi serja li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, ser jingħalqu minħabba l-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali. |
|
75 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-portata eżatta tar-regoli li jirregolaw, fir-Rumanija, l-interruzzjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni fil-qasam kriminali fil-perijodu bejn il‑25 ta’ Ġunju 2018, data tal-pubblikazzjoni tas-sentenza Nru 297/2018 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), u t‑30 ta’ Mejju 2022, data tad-dħul fis-seħħ tal-OUG Nru 71/2022, ġiet diskussa mill-partijiet kemm fil-kuntest tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom kif ukoll matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
76 |
Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (sentenzi tal‑31 ta’ Jannar 2023, Puig Gordi et, C‑158/21, EU:C:2023:57, punt 61, kif ukoll tal‑21 ta’ Marzu 2023, Mercedes-Benz Group (Responsabbiltà tal-manifatturi ta’ vetturi li għandhom apparat ta’ manipulazzjoni), C‑100/21, EU:C:2023:229, punt 59). |
|
77 |
F’dan il-każ, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, mis-sentenzi Nri 297/2018 u 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), imqassra fil-punti 23 sa 29 ta’ din is-sentenza, isegwi li, fil-perijodu bejn il‑25 ta’ Ġunju 2018 u t‑30 ta’ Mejju 2022, id-dritt Rumen ma kien jipprevedi ebda raġuni għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali. Għaldaqstant, għall-finijiet tar-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda, għandu jitqies li dan kien l-istat tad-dritt Rumen f’dan il-perijodu. |
|
78 |
Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, ir-risposta għal dawn id-domandi għandha tingħata wkoll abbażi tal-interpretazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju tas-sentenza Nru 67/2022 tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja), skont liema l-interpretazzjoni, minn din tal-aħħar, tal-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iżjed favorevoli (lex mitior) tippermetti li l-effetti tal-assenza ta’ raġunijiet għall-interruzzjoni ta’ dan it-terminu fid-dritt Rumen ikunu retroattivi għal atti ta’ proċedura li seħħew qabel il‑25 ta’ Ġunju 2018, jiġifieri d-data ta’ pubblikazzjoni tas-sentenza Nru 297/2018 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali). |
Fuq il‑ksur tal‑obbligu tal‑ġlieda kontra l‑frodi li taffettwa l‑interessi finanzjarji tal‑Unjoni permezz ta’ miżuri dissważivi u effettivi
|
79 |
Sa fejn mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda, b’mod partikolari, fatti li jikkostitwixxu frodi serja tal-VAT, għandu jitfakkar li huma l-Istati Membri li għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw il-ġbir effettiv u sħiħ tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, li huwa d-dħul mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi għall-bażi armonizzata tal-VAT (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 182 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
80 |
F’dan ir-rigward, it-twaqqif ta’ sanzjonijiet kriminali sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-ġbir korrett ta’ dan id-dħul, jaqa’ taħt kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 4(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 43). |
|
81 |
F’dan il-każ, meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, is-sistema tal-preskrizzjoni applikabbli għar-reati kriminali li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma kinitx is-suġġett ta’ armonizzazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li seħħet biss sussegwentement, b’mod parzjali, permezz tal-adozzjoni tad-Direttiva PIF (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 44), li, bħalma diġà ġie rrilevat fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, ma hijiex applikabbli għat-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
82 |
Għaldaqstant, l-adozzjoni ta’ regoli li jirregolaw il-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali għal reati li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kienet taqa’, fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Madankollu, dawn l-Istati huma obbligati, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, josservaw l-obbligi li joħorġu, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u BĊE vs Il‑Latvja, C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 57, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 216). |
|
83 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 325(1) TFUE jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiġġieldu l-frodi u kull attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz ta’ miżuri dissważivi u effettivi (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 181 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
84 |
Għalkemm l-Istati Membri għandhom libertà ta’ għażla f’dak li jirrigwarda s-sanzjonijiet applikabbli, li jistgħu jieħdu l-forma ta’ sanzjonijiet amministrattivi, ta’ sanzjonijiet kriminali jew taħlita tat-tnejn, dawn għandhom madankollu jiżguraw, konformement mal-Artikolu 325(1) TFUE, li l-każijiet ta’ frodi serja jew ta’ attività illegali serja oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu punibbli b’sanzjonijiet kriminali ta’ natura effettiva u dissważiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 191, kif ukoll tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Ġlieda kontra l-Frodi u s-Sotto-evalwazzjoni), C‑213/19, EU:C:2022:167, punt 219). |
|
85 |
Fit-tieni lok, l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex l-aġir li jikkostitwixxi frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inkluża l-frodi għall-VAT, ikunu punibbli b’sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi, li jinkludu, għall-inqas fil-każijiet ta’ frodi serja, jiġifieri dawk li jirrigwardaw ammont minimu li ma jistax jiġi stabbilit mill-Istati Membri f’iżjed minn EUR 50000, pieni li jċaħħdu l-libertà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2018, Scialdone, C‑574/15, EU:C:2018:295, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
86 |
F’dan ir-rigward, dawn l-Istati għandhom jiżguraw li r-regoli ta’ preskrizzjoni previsti fid-dritt nazzjonali jippermettu repressjoni effettiva tal-ksur marbut ma’ tali frodi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 36). |
|
87 |
F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, bħal dawk imqassra fil-punti 23 sa 32 ta’ din is-sentenza, isegwi li, minn naħa, skont is-sentenzi Nri 297/2018 u 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), fil-perijodu bejn il‑25 ta’ Ġunju 2018, data tal-pubblikazzjoni ta’ din is-sentenza Nru 297/2018, u t‑30 ta’ Mejju 2022, data tad-dħul fis-seħħ tal-OUG Nru 71/2022, id-dritt Rumen ma kien jipprevedi ebda każ li jippermetti l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali, u li, min-naħa l-oħra, skont is-sentenza Nru 67/2022 tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja), din il-ġurisprudenza Kostituzzjonali tista’ tiġi invokata bħala liġi kriminali iżjed favorevoli (lex mitior), u dan, inkluż sabiex jiġu kkontestati kundanni finali. |
|
88 |
F’dak li jirrigwarda l-effetti konkreti li jistgħu jkunu marbuta mal-imsemmija ġurisprudenza, il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni, bħala liġi kriminali iżjed favorevoli (lex mitior) tar-regola li tirriżulta mis-sentenzi Nri 297/2018 u 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), skont liema, fil-perijodu msemmi fil-punt preċedenti, id-dritt Rumen ma kienx jipprevedi raġuni għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali, ikollha bħala konsegwenza li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin, previst għar-reati inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikun skada qabel il-kundanna tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali tkun saret finali, li jkun iwassal għall-għeluq tal-proċedura kriminali u l-impossibbiltà li dawn tal-aħħar jiġu kkundannati. |
|
89 |
Il-qorti tar-rinviju enfasizzat ukoll li s-sentenzi Nri 297/2018 u 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) jistgħu jaffettwaw “numru kunsiderevoli ta’ kawżi”, inklużi kawżi magħluqa bl-għoti ta’ kundanni finali, li jkunu jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ rikorsi straordinarji bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
90 |
Barra minn hekk, għalkemm, bħalma ġie rrilevat fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, id-Deċiżjoni 2006/928 ma hijiex applikabbli bħala tali għal reati ta’ frodi fiskali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, xorta jibqa’ l-fatt li d-data ppreżentata mill-Kummissjoni fir-rapport tagħha tat‑22 ta’ Novembru 2022 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-Progress fir-Rumanija skont il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (COM(2022) 664 final), b’implimentazzjoni tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, tikkonferma l-eżistenza tar-riskju li diversi każijiet ta’ frodi serja li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma jkunux jistgħu jiġu ssanzjonati iżjed minħabba l-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali relatata magħhom. Fil-fatt, minn dan ir-rapport, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, isegwi li s-sentenzi Nri 297/2018 u 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) jkunu jistgħu jwasslu“għall-għeluq tal-proċedura kriminali u għat-tneħħija tar-responsabbiltà kriminali f’numru kbir ta’ kawżi” u li s-sitwazzjoni maħluqa tinkludi r-“riskju li eluf ta’ akkużati ma jinżammux responsabbli kriminalment”. |
|
91 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jista’ jiġi dedott li s-sitwazzjoni ġuridika li tirriżulta mill-applikazzjoni tas-sentenzi Nri 297/2018 u 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) kif ukoll mis-sentenza Nru 67/2022 tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) twassal għal riskju sistemiku ta’ impunità għar-reati ta’ frodi serja li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-kawżi li l-kumplessità tagħhom titlob investigazzjoni itwal min-naħa tal-awtoritajiet kriminali. |
|
92 |
Issa, l-eżistenza ta’ tali riskju sistemiku ta’ impunità jikkostitwixxi każ ta’ inkompatibbiltà mar-rekwiżiti tal-Artikolu 325(1) TFUE u tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, kif imfakkra fil-punti 83 sa 86 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 203). |
|
93 |
F’dan ir-rigward, hija primarjament ir-responsabbiltà tal-leġiżlatur nazzjonali li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jissodisfa dawn ir-rekwiżiti, b’mod partikolari billi jadotta d-dispożizzjonijiet neċessarji u, jekk ikun il-każ, billi jemenda d-dispożizzjonijiet eżistenti sabiex jiżgura li s-sistema applikabbli għall-prosekuzzjoni u għas-sanzjoni tar-reati ta’ frodi serja li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inklużi r-regoli li jirregolaw il-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali, tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 325(1) TFUE u tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF. Din is-sistema għandha tinftiehem b’tali mod li ma jkollhiex, għal raġunijiet inerenti fiha, riskju sistemiku ta’ impunità tal-fatti li jikkostitwixxu tali reati, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni akkużati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 41, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 193). |
|
94 |
Issa, sitwazzjoni ġuridika li fiha l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirregola l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tkun ġiet invalidata, u, għaldaqstant, imċaħħda minn effett mill-Qorti Kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru, mingħajr il-leġiżlatur nazzjonali ma jkun irrimedja din is-sitwazzjoni għal perijodu ta’ kważi erba’ snin, hija inkompatibbli mal-obbligu, imfakkar fil-punti 83 sa 86 ta’ din is-sentenza, li jiżgura li l-każijiet ta’ frodi serja li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, imwettqa fit-territorju nazzjonali, tkun punibbli b’sanzjonijiet kriminali ta’ natura effettiva u dissważiva. Fil-fatt, tali sitwazzjoni, li taffettwa dispożizzjoni ta’ portata ġenerali li kienet applikabbli għal kull proċedura kriminali u li n-nuqqas ta’ sostituzzjoni tagħha wara d-dikjarazzjoni ta’ inkostituzzjonalità tagħha la kienet prevedibbli mill-awtoritajiet inkarigati mill-akkużi u lanqas mill-qrati kriminali, tinkludi r-riskju intrinsiku li diversi każijiet ta’ frodi serja li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma jkunux jistgħu jiġu ssanzjonati minħabba l-iskadenza ta’ dan it-terminu, b’mod partikolari fil-kawżi li l-kumplessità tagħhom titlob investigazzjoni itwal min-naħa tal-awtoritajiet kriminali. |
Fuq l‑obbligi imposti fuq il‑qrati nazzjonali
|
95 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jimponi fuq il-qorti nazzjonali responsabbli sabiex tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni l-obbligu, jekk ma tkunx tista’ tipproċedi għal interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, li tiżgura l-effett sħiħ tar-rekwiżiti ta’ dan id-dritt fil-kawża li tkun adita biha billi, jekk ikun hemm bżonn, tħalli mhux applikata, ex officio, kull leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali, anki jekk sussegwenti, li tkun kuntrarja għal dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tneħħija minn qabel ta’ din il-leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali b’mezzi leġiżlattivi jew bi kwalunkwe proċess kostituzzjonali ieħor (sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, EU:C:1978:49, punt 24; tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 61 u 62, kif ukoll tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ Qorti Kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 53). |
|
96 |
F’dan il-każ, l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF huma fformulati f’termini ċari u preċiżi u ma huma suġġetti għall-ebda kundizzjoni, biex għalhekk għandhom effett dirett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 253 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
97 |
Għaldaqstant, bħala prinċipju huwa l-obbligu tal-qrati nazzjonali li jagħtu effett sħiħ lill-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 325(1) TFUE u mill-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF kif ukoll li jħallu mhux applikati dispożizzjonijiet interni li, fil-kuntest ta’ proċedura li tikkonċerna frodi serja li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jipprevjenu l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi u dissważivi għall-ġlieda kontra tali reati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 194 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
98 |
Għalhekk jidher li, bħala prinċipju, il-qrati nazzjonali huma obbligati, konformement ma’ dan l-Artikolu 325(1) u ma’ dan l-Artikolu 2(1), li jħallu mhux applikati s-sentenzi Nri 297/2018 u 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), li minnhom jirriżulta li, fil-perijodu bejn il‑25 ta’ Ġunju 2018, data tal-pubblikazzjoni ta’ din is-sentenza Nru 297/2018, u t‑30 ta’ Mejju 2022, data tad-dħul fis-seħħ tal-OUG Nru 71/2022, id-dritt Rumen ma kien jipprevedi ebda raġuni għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali, sa fejn dawn is-sentenzi għandhom bħala effett li jwasslu għall-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali f’numru kbir ta’ każijiet ta’ frodi serja li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u, għaldaqstant, bħalma ġie kkonstatat fil-punt 91 ta’ din is-sentenza, li joħolqu riskju sistemiku ta’ impunità għal tali reati. |
|
99 |
Bl-istess mod, il-qrati nazzjonali huma obbligati, bħala prinċipju, konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, li jħallu s-sentenza Nru 67/2022 tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) mhux applikata, sa fejn dik is-sentenza tippermetti li tiġi invokata l-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali, abbażi tal-effetti tas-sentenzi Nri 297/2018 u 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) bħala liġi kriminali iżjed favorevoli (lex mitior), f’każijiet ta’ frodi serja li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u, għaldaqstant, iżżid ir-riskju sistemiku ta’ impunità għal tali reati. |
|
100 |
Madankollu, għandu jiġi vverifikat ukoll jekk l-obbligu li jitħallew mhux applikati tali sentenzi jippreġudikax, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. |
|
101 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, bħalma jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita sew, l-obbligu li jiġi żgurat ġbir effettiv tar-riżorsi tal-Unjoni ma jeħlisx lill-qrati nazzjonali mir-rispett neċessarju tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta u mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, peress li l-proċeduri kriminali miftuħa għal reati fil-qasam tal-VAT jikkostitwixxu implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2019, Dzivev et, C‑310/16, EU:C:2019:30, punt 33, kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 204). |
|
102 |
F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-ġurisprudenza nazzjonali rilevanti fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, imqassra fil-punti 23 sa 32 ta’ din is-sentenza, hija bbażata fuq żewġ prinċipji distinti, jiġifieri, minn naħa, fir-rigward tas-sentenzi Nri 297/2018 u 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, fir-rekwiżiti tiegħu dwar il-prevedibbiltà u l-preċiżjoni tal-liġi kriminali, kif ukoll, min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-sentenza Nru 67/2022 tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja), il-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iżjed favorevoli (lex mitior), inkluż għal kundanni finali mogħtija wara l‑25 ta’ Ġunju 2018. |
|
103 |
Fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege u l-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iżjed favorevoli (lex mitior) huma stabbiliti fl-Artikolu 49(1) tal-Karta. |
|
104 |
Skont il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, id-dispożizzjonijiet kriminali għandhom, b’mod partikolari, jiżguraw l-aċċessibbiltà u l-prevedibbiltà fir-rigward kemm tad-definizzjoni tar-reat kif ukoll tad-determinazzjoni tal-piena (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 55, kif ukoll tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Prokuratura Rejonowa w Słupsku, C‑634/18, EU:C:2020:455, punt 48). |
|
105 |
Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli, li huwa inerenti fl-imsemmi prinċipju, jimplika li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar ir-reati u l-pieni li jirreprimuh. Din il-kundizzjoni tkun issodisfatta meta l-persuna fil-kawża tkun tista’ tkun taf, mill-formulazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti u, jekk meħtieġ, bl-għajnuna tal-interpretazzjoni li hija mogħtija għaliha mill-qrati, liema atti u ommissjonijiet jagħtu lok għar-responsabbiltà kriminali tiegħu (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 56, kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Prokuratura Rejonowa w Słupsku, C‑634/18, EU:C:2020:455, punt 49). |
|
106 |
Fl-aħħar, konformement mal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, il-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iżjed favorevoli (lex mitior) jeżiġi li, jekk, wara t-twettiq ta’ reat, il-liġi tipprevedi piena eħfef, hija din li għandha tiġi applikata. |
|
107 |
Qabelxejn, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju tal-aħħar timplika suċċessjoni ta’ sistemi legali fiż-żmien u hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li din is-suċċessjoni tirrifletti, fi ħdan l-ordinament ġuridiku kkonċernat, bidla fil-pożizzjoni jew f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni kriminali tal-fatti li jistgħu jikkostitwixxu reat jew f’dak li jirrigwarda l-piena li għandha tiġi applikata għal tali reat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Clergeau et, C‑115/17, EU:C:2018:651, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
108 |
Sussegwentement, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li r-regoli li jirregolaw il-preskrizzjoni fil-qasam kriminali ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2015, Taricco et, C‑105/14, EU:C:2015:555, punti 54 sa 57). |
|
109 |
Konsegwentement, l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li jħallu mhux applikati s-sentenzi Nri 297/2018 u 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) kif ukoll is-sentenza Nru 67/2022 tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja), ma huwiex ta’ natura li jippreġudika la l-prinċipju ta’ prevedibbiltà, ta’ preċiżjoni u ta’ nuqqas ta’ retroattività tar-reati u tal-pieni, u lanqas il-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iżjed favorevoli (lex mitior), kif huma ggarantiti fl-Artikolu 49(1) tal-Karta. |
|
110 |
Fit-tieni lok, huwa importanti li jitfakkar li, meta, bħal f’dan il-każ, qorti ta’ Stat Membru tkun imsejħa tivverifika l-konformità mad-drittijiet fundamentali ta’ dispożizzjoni jew ta’ miżura nazzjonali li, f’sitwazzjoni li fiha l-azzjoni tal-Istati Membri ma tkunx iddeterminata kompletament mid-dritt tal-Unjoni, timplimenta dan id-dritt fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, jibqa’ possibbli għall-awtoritajiet u għall-qrati nazzjonali li japplikaw standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, sakemm din l-applikazzjoni ma tikkompromettix il-livell ta’ protezzjoni previst mill-Karta, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas is-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 29; tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 47, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 211). |
|
111 |
F’dan il-każ, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, is-sentenzi Nri 297/2018 u 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) kif ukoll is-sentenza Nru 67/2022 tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) huma bbażati fuq il-premessa li, fid-dritt Rumen, ir-regoli dwar l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali jaqgħu taħt id-dritt kriminali u, konsegwentement, huma suġġetti għall-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege kif ukoll għall-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iżjed favorevoli (lex mitior), kif inhuma ggarantiti mill-Kostituzzjoni Rumena. Dawn il-prinċipji għandhom, għaldaqstant, jitqiesu bħala standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, fis-sens tal-punt preċedenti. |
|
112 |
Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 108 u 109 ta’ din is-sentenza jsegwi li dawn l-istandards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ma humiex ta’ natura, f’kawżi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkompromettu l-livell ta’ protezzjoni previst mill-Karta, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
113 |
F’dan ir-rigward, għandha titfakkar l-importanza, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, li għandu l-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, fir-rekwiżiti tiegħu dwar il-prevedibbiltà, il-preċiżjoni u n-nuqqas ta’ retroattività tal-liġi kriminali applikabbli (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 51). |
|
114 |
Dawn ir-rekwiżiti ta’ prevedibbiltà, ta’ preċiżjoni u ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-liġi kriminali jikkostitwixxu espressjoni partikolari tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fil-fatt, dan il-prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni jeżiġi, minn naħa, li r-regoli tad-dritt ikunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-partijiet fil-kawża, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli. L-imsemmi prinċipju jikkostitwixxi element essenzjali tal-Istat tad-dritt, li huwa identifikat fl-Artikolu 2 TUE kemm bħala valur fundamentali tal-Unjoni kif ukoll bħala valur komuni għall-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punti 161 u 162, kif ukoll tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punti 136 u 223). |
|
115 |
F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, meta ddeċidiet, inizjalment, li l-leġiżlatur Rumen kien kiser il-prinċipju Kostituzzjonali ta’ prevedibbiltà u ta’ preċiżjoni tal-liġi kriminali meta ppermetta li atti ta’ proċedura jinterrompu t-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali, minkejja li dawn l-atti ma kinux ikkomunikati lill-persuna ssuspettata jew lill-persuna akkużata, il-Qorti Kostituzzjonali Rumena applikat standard nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li jikkompleta l-protezzjoni kontra l-arbitrarjetà fil-qasam kriminali kif offruta mid-dritt tal-Unjoni, skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Hija applikat ukoll tali standard nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali meta, sussegwentement, ikkonstatat, essenzjalment, li l-assenza ta’ intervent mil-leġiżlatur Rumen sabiex tiġi ssostitwita d-dispożizzjoni tal-Kodiċi Kriminali dwar l-interruzzjoni ta’ dan it-terminu ddikjarata inkostituzzjonali kienet tat lok għal sitwazzjoni ġdida nieqsa minn ċarezza u prevedibbiltà, bi ksur ta’ dan il-prinċipju Kostituzzjonali. |
|
116 |
Huwa fid-dawl tal-importanza ta’ din il-protezzjoni kontra l-arbitrarju, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, fil-punti 58 sa 62 tas-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936), li standard nazzjonali ta’ protezzjoni intiż sabiex jiġu stabbiliti r-rekwiżiti ta’ prevedibbiltà, ta’ preċiżjoni u ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-liġi kriminali, inkluża tas-sistema ta’ preskrizzjoni dwar ir-reati kriminali, seta’ jkun ta’ ostakolu għall-obbligu li, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, kien jaqa’ fuq il-qrati nazzjonali skont l-Artikolu 325(1) u (2) TFUE, li jħallu mhux applikati dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-preskrizzjoni fil-qasam kriminali, u dan, anki jekk l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali tkun ta’ natura li tipprekludi l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali effettivi u dissważivi f’numru kunsiderevoli ta’ każijiet ta’ frodi serja li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. |
|
117 |
Kien rilevanti wkoll, f’dan ir-rigward, il-fatt li s-sistema tal-preskrizzjoni applikabbli għar-reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li kienet inkwistjoni f’dik il-kawża, ma kinitx, bħal f’din il-kawża, is-suġġett ta’ armonizzazzjoni sħiħa, bħalma ġie rrilevat fil-punt 81 ta’ din is-sentenza. |
|
118 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 113 sa 117 ta’ din is-sentenza u bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936), għandu, għaldaqstant, jiġi konkluż li, fil-kuntest ta’ kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qrati Rumeni ma humiex obbligati jħallu mhux applikata l-ġurisprudenza nazzjonali msemmija fil-punt 111 ta’ din is-sentenza, konformement mal-Artikolu 325(1) TFUE u mal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, minkejja l-eżistenza ta’ riskju sistemiku ta’ impunità tar-reati ta’ frodi serja li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, sa fejn is-sentenzi msemmija f’dan il-punt 111 huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege kif protett fid-dritt nazzjonali, fir-rekwiżiti tiegħu dwar il-prevedibbiltà u l-preċiżjoni tal-liġi kriminali, inkluża s-sistema ta’ preskrizzjoni dwar ir-reati kriminali. |
|
119 |
Madankollu mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jsegwi li s-sentenza Nru 67/2022 tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) hija bbażata wkoll fuq il-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iżjed favorevoli (lex mitior) li toħroġ mis-sentenzi Nri 297/2018 u 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali). Skont l-interpretazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju tas-sentenza Nru 67/2022 tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja), din tal-aħħar ikkonstatat li dan il-prinċipju jippermetti li jsiru retroattivi l-effetti tal-assenza ta’ raġunijiet għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali fid-dritt Rumen li joħorġu minn dawn iż-żewġ sentenzi tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) għal atti ta’ proċedura li seħħew qabel il‑25 ta’ Ġunju 2018, jiġifieri d-data ta’ pubblikazzjoni tas-sentenza Nru 297/2018 ta’ din il-qorti tal-aħħar. |
|
120 |
Issa, l-applikazzjoni ta’ standard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar il-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iżjed favorevoli (lex mitior) għandha tiġi distinta minn dik tal-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936). |
|
121 |
F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li l-applikazzjoni ta’ dan l-ewwel standard nazzjonali ta’ protezzjoni tista’ taggrava r-riskju sistemiku li reati ta’ frodi serja li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jevitaw kull sanzjoni kriminali, bi ksur tal-Artikolu 325(1) TFUE u tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF. |
|
122 |
Fil-fatt, kuntrarjament għall-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar il-prevedibbiltà tal-liġi kriminali, li, skont il-qorti tar-rinviju, sempliċement jinnewtralizza l-effett sospensiv ta’ atti ta’ proċedura li seħħew fil-perijodu bejn il‑25 ta’ Ġunju 2018, data tal-pubblikazzjoni tas-sentenza Nru 297/2018 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), u t‑30 ta’ Mejju 2022, data tad-dħul fis-seħħ tal-OUG Nru 71/2002, l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar il-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iżjed favorevoli (lex mitior) jippermetti, għall-inqas f’ċerti każijiet, li jiġi nnewtralizzat l-effett sospensiv ta’ atti ta’ proċedura li seħħew qabel il‑25 ta’ Ġunju 2018 innifsu iżda wara d-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Kriminali fl‑1 ta’ Frar 2014, jiġifieri għal perijodu ta’ iżjed minn erba’ snin. |
|
123 |
F’tali ċirkustanzi, fid-dawl tal-ibbilanċjar neċessarju ta’ dan l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni tal-aħħar mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 325(1) TFUE u tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, l-applikazzjoni, minn qorti nazzjonali, tal-imsemmi standard, sabiex tiġi kkontestata l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali permezz ta’ atti ta’ proċedura li seħħew qabel il‑25 ta’ Ġunju 2018, data tal-pubblikazzjoni tas-sentenza Nru 297/2018 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), għandha titqies bħala li hija ta’ natura li tikkomprometti s-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 110 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 212). |
|
124 |
Konsegwentement, għandu jitqies li l-qrati nazzjonali ma jistgħux, fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji intiżi li jiġu ssanzjonati fuq il-livell kriminali reati ta’ frodi serja li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, japplikaw l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar il-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iżjed favorevoli (lex mitior) kif imsemmi fil-punt 119 ta’ din is-sentenza, sabiex jikkontestaw l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali permezz ta’atti ta’ proċedura li seħħew qabel il‑25 ta’ Ġunju 2018, data tal-pubblikazzjoni tas-sentenza Nru 297/2018 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali). |
|
125 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 325(1) TFUE u l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qrati ta’ Stat Membru ma humiex obbligati jħallu mhux applikati s-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru li jinvalidaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattiva nazzjonali li tirregola r-raġunijiet għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni fil-qasam kriminali minħabba ksur tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege kif protett fid-dritt nazzjonali, bir-rekwiżiti tiegħu dwar il-prevedibbiltà u l-preċiżjoni tal-liġi kriminali, anki jekk dawn is-sentenzi għandhom bħala konsegwenza li numru kunsiderevoli ta’ kawżi kriminali, inklużi kawżi relatati ma’ reati ta’ frodi serja li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, ser jingħalqu minħabba l-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qrati ta’ dan l-Istat Membru huma obbligati jħallu mhux applikat standard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar il-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iżjed favorevoli (lex mitior) li jippermetti li tiġi kkontestata, inkluż fil-kuntest ta’ rikorsi ppreżentati kontra sentenzi finali, l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali f’tali kawżi permezz ta’ atti ta’ proċedura li seħħew qabel tali konstatazzjoni ta’ invalidità. |
Fuq it‑tielet domanda
|
126 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali skont liema l-qrati ordinarji ta’ Stat Membru huma marbuta bid-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali kif ukoll b’dawk tal-qorti suprema ta’ dan l-Istat Membru u ma jistgħux, għal din ir-raġuni u bir-riskju li tiskatta r-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin ikkonċernati, iħallu mhux applikata ex officio l-ġurisprudenza li tirriżulta minn dawn id-deċiżjonijiet, anki jekk dawn iqisu, fid-dawl ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li din il-ġurisprudenza hija kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni. |
|
127 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, dawn huma madankollu obbligati, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, li josservaw l-obbligi li joħorġu għalihom mid-dritt tal-Unjoni. L-istess japplika fil-qasam tar-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali kif ukoll tal-qorti suprema tal-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 133 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
128 |
Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi l-preeminenza tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dritt tal-Istati Membri. Dan il-prinċipju, għalhekk, jobbliga lill-istanzi kollha tal-Istati Membri jagħtu l-effett sħiħ tagħhom lid-diversi normi tal-Unjoni, u d-dritt tal-Istati Membri ma jistax jaffettwa l-effett irrikonoxxut lil dawn id-diversi normi fit-territorju ta’ dawn l-Istati (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 244 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
129 |
Bħalma tfakkar fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ supremazija jimponi fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni fit-tilwima li tkun adita biha billi tħalli jekk hemm bżonn mhux applikata, ex officio, kull leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali, anki sussegwenti, li hija kuntrarja għal dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija ta’ effett dirett, bħall-Artikolu 325(1) TFUE, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tneħħija minn qabel ta’ din il-leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali b’mezzi leġiżlattivi jew bi kwalunkwe proċess kostituzzjonali ieħor. |
|
130 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tirrileva li hija jaf ikollha, fl-ipoteżi li l-eżistenza ta’ inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tkun tirriżulta mir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda u jekk jirriżulta li interpetazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni ma hijiex possibbli fid-dawl tal-motivi mqajma quddiemha, tħalli mhux applikati s-soluzzjonijiet mogħtija fil-ġurisprudenza nazzjonali msemmija fil-punt 111 ta’ din is-sentenza. |
|
131 |
Issa, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li s-sistema dixxiplinari ġdida, prevista fl-Artikoli 271 u 272 tal-Liġi Nru 303/2022 dwar l-Istatus tal-Imħallfin u tal-Prokuraturi, tippermetti li jiġu ssanzjonati l-imħallfin li, b’mala fede jew b’negliġenza gravi, imorru kontra s-sentenzi tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), jew is-sentenzi tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) li jiddeċiedu fuq appelli fl-interess tal-liġi. |
|
132 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja torbot lill-qorti nazzjonali fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Frar 1977, Benedetti, 52/76, EU:C:1977:16, punt 26, u tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti Kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 74). |
|
133 |
Il-qorti nazzjonali li tkun eżerċitat il-fakultà mogħtija lilha mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandha għalhekk, jekk ikun il-każ, twarrab l-evalwazzjonijiet ta’ qorti nazzjonali superjuri jekk tqis, fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, li dawn ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, jekk ikun meħtieġ billi tħalli mhux applikata r-regola nazzjonali li tobbligaha tikkonforma ruħha mad-deċiżjonijiet ta’ din il-qorti superjuri (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti Kostituzzjonali), C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 75). |
|
134 |
Il-qorti nazzjonali li tkun eżerċitat il-fakultà jew ikkonformat mal-obbligu li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE ma tistax tiġi prekluża milli tagħti, immedjatament, lid-dritt tal-Unjoni applikazzjoni konformi mad-deċiżjoni jew mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bil-konsegwenza li jitnaqqas l-effett utli ta’ dan l-artikolu. Għandu jingħad ukoll li s-setgħa li jsir, fil-mument stess ta’ din l-applikazzjoni, dak kollu li huwa meħtieġ biex titwarrab leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li tista’ eventwalment tikkostitwixxi ostakolu għall-effettività sħiħa tal-istandards tad-dritt tal-Unjoni hija parti integrali tal-kariga ta’ mħallef tal-Unjoni li hija r-responsabbiltà tal-qorti nazzjonali inkarigata biex tapplika, fil-qafas tal-ġurisdizzjoni tagħha, ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 257). |
|
135 |
Issa, leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali skont liema d-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali kif ukoll tal-qorti suprema tal-Istat Membru kkonċernat jorbtu lill-qrati ordinarji, meta dawn tal-aħħar iqisu, fid-dawl ta’ sentenza preliminari mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-ġurisprudenza li tirriżulta minn dawn id-deċiżjonijiet hija kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, hija ta’ natura li tipprekludi lil dawn il-qrati milli jiżguraw l-effett sħiħ tar-rekwiżiti ta’ dan id-dritt, effett ta’ impediment li jista’ jiġi msaħħaħ mill-fatt li l-eventwali nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-ġurisprudenza jista’ jiġi kklassifikat bħala ksur dixxiplinari skont id-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 259). |
|
136 |
F’dak li jirrigwarda, b’mod iżjed preċiż, ir-responsabbiltà dixxiplinari li tista’ tiskatta għall-imħallfin, skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, fil-każ ta’ ksur tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali kif ukoll tal-qorti suprema ta’ dan l-Istat Membru, il-fatt, għal qorti nazzjonali, li teżerċita l-kompiti li huma mogħtija lilha mit-Trattati u li tosserva l-obbligi imposti fuqha skonthom, billi tagħti, konformement mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, effett għal dispożizzjoni ta’ dan id-dritt bħall-Artikolu 325(1) TFUE jew l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, u għall-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat għal dan, ma jistax, mid-definizzjoni tiegħu stess, jiġi stabbilit bħala reat dixxiplinari tal-imħallfin sedenti f’dik il-qorti tal-aħħar mingħajr din id-dispożizzjoni u dan il-prinċipju ma jkunu ipso facto miksura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 260, kif ukoll tat‑13 ta’ Lulju 2023, YP et (Tneħħija ta’ immunità u sospensjoni ta’ mħallef), C‑615/20 u C‑671/20, EU:C:2023:562, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
137 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali skont liema l-qrati nazzjonali ordinarji ta’ Stat Membru huma marbuta bid-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali kif ukoll b’dawk tal-qorti suprema ta’ dan l-Istat Membru u ma jistgħux, għal din ir-raġuni u bir-riskju li tiskatta r-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin ikkonċernati, iħallu mhux applikata ex officio l-ġurisprudenza li tirriżulta minn dawn id-deċiżjonijiet, anki jekk dawn iqisu, fid-dawl ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li din il-ġurisprudenza hija kuntrarja għal dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ta’ effett dirett. |
Fuq l‑ispejjeż
|
138 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.
( i ) Fil-punt 122 ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li li kien tqiegħed online għal-ewwel darba
( ii ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.