SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

23 ta’ Jannar 2025 ( *1 )

“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 4 – Sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark tal-Unjoni Ewropea – Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ta’ pożizzjoni li tintmiss li tirrappreżenta inserzjoni sanitarja ċilindrika – Artikolu 7 – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Obbligu li tiġi eżaminata minn qabel ir-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 – Assenza – Regolament (UE) 2017/1001 – Artikolu 72(3) – Setgħa tal-Qorti Ġenerali li tbiddel id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell – Limiti”

Fil-Kawża C‑93/23 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis‑17 ta’ Frar 2023,

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Hanf, T. Klee u E. Markakis, bħala aġenti,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Neoperl AG, stabbilita f’Reinach (l-Isvizzera), irrappreżentata minn C. Mertzlufft-Paufler, M. Nielen u C. Schrempp, Rechtsanwälte,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, I. Jarukaitis, President tar-Raba’ Awla, E. Regan, Z. Csehi u O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Settembru 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑7 ta’ Diċembru 2022, Neoperl vs EUIPO (Rappreżentazzjoni ta’ inserzjoni sanitarja ċilindrika) (T‑487/21, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2022:780), li permezz tagħha din tal-aħħar annullat id-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO tat‑3 ta’ Ġunju 2021 (Każ R 2327/2019-5) dwar ir-reġistrazzjoni bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea ta’ trade mark ta’ pożizzjoni li tintmiss li tirrappreżenta inserzjoni sanitarja ċilindrika (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il‑kuntest ġuridiku

Ir‑Regolament Nru 207/2009

2

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21 u rettifiki fil-ĠU 2016, L 71, p. 322, ĠU 2016, L 110, p. 4 u ĠU 2016, L 267, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 207/2009”), jipprovdi fl-Artikolu 4 tiegħu, intitolat “Sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trademark tal-UE”.

“Trade mark tal-[Unjoni] tista’ tikkonsisti f’sinjali li jistgħu jiġu rappreżentati b’mod grafiku, partikolarment kliem, fosthom ismijiet personali, disinnji, ittri, numri, il-forma ta’ prodotti jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra.”

3

L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “Raġunijiet assoluti għal rifjut”, kien jipprovdi:

“1.   Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

(a)

sinjali li ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4;

(b)

trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv;

(c)

trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ingħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi;

(d)

trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jkunu saru użanza tal-lingwa tal-mument jew tal-prattika bona fide u stabbilita tal-kummerċ;

(e)

sinjali li jikkonsistu esklużivament f’dawn li ġejjin:

(i)

il-forma, jew xi karatteristika oħra, tal-oġġetti li tirriżulta min-natura tal-oġġetti nnifishom;

(ii)

il-forma, jew xi karatteristika oħra, li tkun meħtieġa biex jinkiseb riżultat tekniku;

(iii)

il-forma, jew xi karatteristika oħra, tal-oġġetti li tagħti valur sostanzjali lill-oġġetti;

(f)

trade marks li jmorru kontra l-ordni pubbliku jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità,

(g)

trade marks li huma ta’ natura li tista’ tqarraq bil-pubbliku, per eżempju fir-rigward tax-xorta, tal-kwalità jew l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew is-servizzi,

(h)

trade marks li ma ġewx awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti u li għandhom jiġu miċħuda skont l-Artikolu 6b tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali[, iffirmata f’Pariġi fl‑20 ta’ Marzu 1883, riveduta l-aħħar fi Stokkolma fl‑14 ta’ Lulju 1967 u emendata fit‑28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 11851, p. 305)], iktar ’il quddiem imsejħa l-‘Konvenzjoni ta’ Pariġi’;

(i)

trade marks li jinkludu badges, emblemi jew armi ħlief għal dawk imsemmija fl-Artikolu 6b tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u li huma ta’ interess pubbliku partikolari, sakemm ma jkunx hemm il-kunsens tal-awtorita kompetenti,

(j)

trademarks li huma esklużi mir-reġistrazzjoni, skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali jew ftehimiet internazzjonali li tagħhom l-Unjoni jew l-Istat Membru kkonċernat ikun parti, li jipprevedu l-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet tal-oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi;

(k)

trademarks li huma esklużi mir-reġistrazzjoni skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni jew ftehimiet internazzjonali li tagħhom l-Unjoni tkun parti, li jipprevedu l-protezzjoni ta’ termini tradizzjonali għall-inbid;

(l)

trademarks li huma esklużi mir-reġistrazzjoni skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni jew ftehimiet internazzjonali li tagħhom l-Unjoni tkun parti, li jipprevedu l-protezzjoni ta’ speċjalitajiet tradizzjonali garantiti;

(m)

trademarks li huma magħmulin minn, jew li jirriproduċu, fl-elementi essenzjali tagħhom, denominazzjoni ta’ varjetà ta’ pjanti preċedenti reġistrata skont skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali, jew ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni jew l-Istat Membru kkonċernat ikunu partijiet, li jipprevedu l-protezzjoni ta’ drittijiet fuq varjetà ta’ pjanta, u li huma fir-rigward ta’ varjetajiet ta’ pjanti tal-istess speċi jew speċi relatata mill-qrib.

[…]”

4

L-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kundizzjonijiet li l-applikazzjonijiet għandhom iħarsu”, jipprovdi fil-paragrafu 1(d) u fil-paragrafu 3 tiegħu:

“1.   Applikazzjoni għal trademark tal-[Unjoni] għandha tikkonsisti f’dawn li ġejjin:

[…]

(d) xbieha tat-trade mark.

[…]

3.   L-applikazzjoni għal trade mark tal-[Unjoni] għandha tħares il-kundizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 162(1)”

Ir‑Regolament (UE) 2017/1001

5

Ir-Regolament Nru 207/2009 tħassar u ġie ssostitwit, b’effett mill‑1 ta’ Ottubru 2017, bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).

6

L-Artikolu 31 tar-Regolament 2017/1001, intitolat “Kundizzjonijiet li l-applikazzjonijiet għandhom iħarsu”, jipprovdu, fil-paragrafu 1(d) tiegħu:

“1.   Applikazzjoni għal trademark tal-[Unjoni] għandha tikkonsisti f’dawn li ġejjin:

[…]

(d)

rappreżentazzjoni tal-marka li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4(b).

[…]

3.   Minbarra l-kondizzjonijiet msemmija fil-paragrafi 1 u 2, applikazzjoni għal trademark tal-UE għandha tikkonforma mal-kondizzjonijiet formali stabbiliti f’dan ir-Regolament u fl-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont dan. Jekk dawk il-kondizzjonijiet jipprevedu li t-trademark tkun rappreżentata b’mod elettroniku, id-Direttur Eżekuttiv jista’ jiddetermina l-formati u d-daqs massimu ta’ dan il-fajl elettroniku.”

7

L-Artikolu 41 tar-Regolament 2017/1001, intitolat “L-eżaminazzjoni tal-kondizzjonijiet tal-preżentata”, jipprovdi fil-paragrafi 1, 2 u 4 tiegħu:

“1.   L-[EUIPO] għandu jeżamina jekk:

[…]

(b)

l-applikazzjoni għal trademark tal-UE tikkonforma mal-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 31(3);

[…]

2.   Meta l-applikazzjoni għal trademark tal-[Unjoni] ma tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1, l-[EUIPO] għandu jitlob lill-applikant sabiex jirrimedja n-nuqqasijiet jew sabiex jagħmel il-ħlas li kellu jagħmel fi żmien xahrejn minn meta tasal in-notifika.

[…]

4.   Jekk in-nuqqasijiet imsemmija fil-paragrafu 1(b) ma jiġux irrimedjati fil-perjodu preskritt, l-[EUIPO] għandu jirrifjuta l-applikazzjoni.”

8

L-Artikolu 71 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Deċiżjonijiet dwar appelli”, jipprovdi:

“1.   Wara li ssir l-eżaminazzjoni tal-permissibilità tal-appell, il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi l-appell. Il-Bord tal-Appell jista’ jew jeżerċita kull poter fil-kompetenza tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni appellata jew jirrinvija l-każ lill-dak id-dipartiment għal prosekuzzjoni ulterjuri.

2.   Jekk il-Bord tal-Appell jirrinvija l-każ għal prosekuzzjoni ulterjuri lid-dipartiment li d-deċiżjoni tiegħu ġiet appellata, dak id-dipartiment huwa marbut bir-ratio decidendi tal-Bord tal-Appell, sa fejn il-fatti jkunu l-istess.

3.   Id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell għandhom jidħlu fis-seħħ biss mid-data tal-iskadenza tal-perijodu msemmi fl-Artikolu 72(5) jew, jekk tkun infetħet kawża quddiem il-Qorti Ġenerali fi żmien dak il-perijodu, mid-data ta’ meta tiġi miċħuda dik il-kawża jew ta’ kwalunkwe appell ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.”

9

Skont l-Artikolu 72 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”:

“1.   Jistgħu jitressqu azzjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell rigward l-appelli.

2.   Il-kawża tista’ tinfetaħ fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, ksur ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, ksur tat-TFUE, ta’ dan ir-Regolament jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter.

3.   Il-Qorti Ġenerali għandu jkollha l-ġurisdizzjoni li tħassar jew tibdel id-deċiżjoni kkontestata.

4.   Il-kawża hija miftuħa għal kull parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ Appell li tkun intlaqtet b’mod żvantaġġuż mid-deċiżjoni.

5.   Il-kawża għandha titressaq quddiem il-Qorti Ġenerali fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

6.   L-[EUIPO] għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jikkonforma mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali jew, fil-każ ta’ appell kontra dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja.”

10

L-Artikolu 94 tal-istess regolament, intitolat “Deċiżjonijiet u komunikazzjonijiet tal-[EUIPO]”, jipprevedi:

“1.   Id-deċiżjonijiet tal-[EUIPO] għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. Huma għandhom ikunu msejsa biss fuq raġunijiet jew provi li fuqhom il-partijiet ikkonċernati jkunu ngħataw l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom. […]

[…]”

11

L-Artikolu 95 tar-Regolament 2017/1001, intitolat “L-eżami tal-fatti mill-Uffiċċju fuq inizzjattiva tiegħu stess”, jipprovdi:

“1.   Fi proċedimenti quddiemu l-[EUIPO] għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizzjattiva tiegħu stess;

[…]”

12

L-Artikolu 159 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kompetenza”, jipprevedi:

“Dawn li ġejjin huma kompetenti sabiex jieħdu deċiżjonijiet marbuta mal-proċeduri li jinsabu f’dan ir-Regolament:

(a) l-eżaminaturi;

(b) id-Diviżjonijiet tal-Oppożizzjoni;

(ċ) dipartiment inkarigat bir-Reġistru;

(d) id-Diviżjonijiet tal-Kanċellazzjoni;

(e) il-Bordijiet tal-Appell;

(f) kwalunkwe unità jew persuna oħra maħtura mid-Direttur Eżekuttiv għal dak il-għan.”

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

13

Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 2 sa 11 tas-sentenza appellata u jistgħu, għall-għanijiet ta’ din il-proċedura, jinġabru fil-qosor kif ġej.

14

Fl‑1 ta’ Settembru 2016, Neoperl ippreżentat lill-EUIPO applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, skont ir-Regolament Nru 207/2009, għas-sinjal segwenti:

Image

15

F’din l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, is-sinjal inkwistjoni kien ikklassifikat bħala “trade mark ta’ pożizzjoni li tintmiss” u kien deskritt kif ġej:

“It-trade mark hija trade mark ta’ pożizzjoni li tintmiss. Il-protezzjoni hija mitluba għal struttura, li hija disposta għal tarf ta’ element sanitarju ċilindriku li għandu jiddaħħal, intiż għall-fluss tal-ilma, orjentata lejn l-estern u li taqbeż bażi mhux elastika, fejn din l-istruttura ssir permezz ta’ paletti ċirkolari, konċentriċi u elastiċi ta’ ftit millimetri għolja fuq il-wiċċ kollu tat-tarf, peress li l-paletti elastiċi jkunu deformabbli billi tagħfas saba kontra l-bażi u b’mod parallel mal-bażi. L-ebda protezzjoni ma hija mitluba għall-bqija tal-kontorn tal-element li għandu jiddaħħal, bit-tikek fir-rappreżentazzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16

Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 11 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Elementi sanitarji li jiddaħħlu, b’mod partikolari regolaturi bil-ġett u formaturi bil-ġett”.

17

L-imsemmija applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat lok għal oġġezzjonijiet minħabba raġunijiet formali għal rifjut ta’ reġistrazzjoni previsti fl-Artikolu 26(1)(d) tar-Regolament Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 31(1)(d) tar-Regolament 2017/1001], moqri flimkien mar-Regola 9(3)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat‑13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189) (li sar l-Artikolu 41(2) tar-Regolament 2017/1001), peress li, “b’mod ġenerali, it-trade marks li jintmissu […] ma humiex aċċettati mill-[EUIPO]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant ġie ssuġġerit li Neoperl tikklassifika mill-ġdid it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni bħala “trade mark ta’ pożizzjoni”.

18

Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Diċembru 2016, Neoperl irrifjutat li tikklassifika mill-ġdid it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u insistiet, f’dan ir-rigward, bix-xewqa tagħha li żżomm il-klassifikazzjoni bħala “trade mark ta’ pożizzjoni li tintmiss” kif ukoll id-deskrizzjoni li takkumpanjaha, li tinsab fil-punt 15 tas-sentenza preżenti.

19

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Ottubru 2019, l-eżaminatriċi ċaħdet l-istess applikazzjoni għal reġistrazzjoni abbażi tal-Artikolu 41(4) tar-Regolament 2017/1001, moqri flimkien, b’mod partikolari, mal-Artikolu 4 u mal-Artikolu 31(3) ta’ dan ir-regolament, għal raġunijiet formali, sa fejn, essenzjalment, l-applikazzjoni, li kienet tirrigwarda r-reġistrazzjoni ta’ trade mark li tintmiss, ma kinitx preċiża biżżejjed fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

20

Fis‑16 ta’ Ottubru 2019, Neoperl appellat quddiem l-EUIPO mid-deċiżjoni tal-eżaminatriċi.

21

Permezz ta’ komunikazzjoni tar-relatur tat‑3 ta’ Awwissu 2020, il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO indika lil Neoperl li, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea tas-sinjal inkwistjoni tissodisfax jew le r-rekwiżiti tal-Artikolu 31 tar-Regolament 2017/1001, huwa kien iqis li r-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament kienet rilevanti fil-każ ineżami u li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

22

Fit‑3 ta’ Marzu 2021, Neoperl ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-komunikazzjoni tat‑3 ta’ Awwissu 2020.

23

Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO qies li s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea kien nieqes minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 u ċaħad l-appell.

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

24

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Awwissu 2021, Neoperl ippreżentat azzjoni għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

25

Insostenn tar-rikorsi tagħha, Neoperl invokat żewġ motivi. Permezz tal-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, Neoperl sostniet, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell ma kienx ħa inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-karatteristiċi partikolari tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Minn dan Neoperl ikkonkludiet li, għall-kuntrarju ta’ dak li sostna l-Bord tal-Appell, l-imsemmi sinjal għandu karattru distintiv.

26

Permezz tat-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001, Neoperl sostniet, essenzjalment, li, għalkemm il-Bord tal-Appell kien allega li l-impressjoni li tintmiss prodotta mis-sinjal inkwistjoni kienet biss ftit differenti minn dik prodotta minn struttura mhux elastika tradizzjonali, huwa ma kienx ipproduċa provi suffiċjenti sabiex isostni din l-affermazzjoni, minkejja l-obbligu tiegħu li jwettaq eżami ex officio ta’ tali fatti matul l-eżami tar-raġunijiet assoluti għal rifjut.

27

Fil-punti 14 sa 17 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fformulat osservazzjonijiet preliminari dwar id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kawża.

28

Wara li rrilevat li d-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea tas-sinjal inkwistjoni, jiġifieri l‑1 ta’ Settembru 2016, kienet determinanti għall-identifikazzjoni tad-dritt sostantiv applikabbli għall-finijiet tal-eżami tal-eżistenza ta’ raġunijiet assoluti għal rifjut, il-Qorti Ġenerali qieset li t-tilwima kienet irregolata mid-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 207/2009, għalhekk, skont il-każ, kif dawn id-dispożizzjonijiet sostantivi kienu jirriżultaw mill-emendi magħmula bir-Regolament 2015/2424.

29

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/2424 kien jipprevedi li dan ir-regolament jidħol fis-seħħ fit‑23 ta’ Marzu 2016, iżda li ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009, li fosthom hemm l-Artikolu 4 u l-Artikolu 26(3) tiegħu, kellhom japplikaw biss mill‑1 ta’ Ottubru 2017.

30

Il-Qorti Ġenerali qieset li, konsegwentement, fil-każ ineżami, fir-rigward tar-regoli sostantivi, l-Artikolu 4 u l-Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 207/2009, fil-verżjoni tagħhom applikabbli qabel l-emenda magħmula bir-Regolament 2015/2424, kif ukoll l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009, kienu applikabbli. Hija żiedet tgħid li, madankollu, fir-rigward ta’ dan l-artikolu tal-aħħar, l-applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 207/2009 ma kinitx twassal għal riżultat differenti għall-eżami tar-rikors ippreżentat quddiemha, peress li l-emendi magħmula mir-Regolament 2015/2424 ma kinux jikkonċernaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009, li huma l-uniċi dispożizzjonijiet rilevanti f’dan il-każ. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali qieset li, fil-każ ineżami, fir-rigward tar-regoli sostantivi, ir-riferimenti magħmula mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kontenzjuża u minn Neoperl fir-rikors għall-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 kellhom jinftiehmu, fir-realtà, bħala li jirreferu għall-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tal-aħħar għandhom kontenut identiku.

31

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, sa fejn ir-regoli proċedurali kienu ġeneralment meqjusa applikabbli fid-data li fiha dawn jidħlu fis-seħħ, it-tilwima kienet irregolata mid-dispożizzjonijiet proċedurali tar-Regolament 2017/1001, peress li dan tal-aħħar kien fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

32

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-rikors, il-Qorti Ġenerali bdiet billi fakkret, essenzjalment, fil-punti 20 sa 22 tas-sentenza appellata, li l-eżaminatriċi kienet ċaħdet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea tas-sinjal inkwistjoni abbażi tal-Artikolu 41(4) tar-Regolament 2017/1001 u li l-Bord tal-Appell kien iddeċieda li jeżamina biss ir-raġuni assoluta għal rifjut ta’ reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li tindika li l-kwistjoni dwar jekk is-sinjal inkwistjoni kellux barra minn hekk jiġi rrifjutat għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 41(4) tar-Regolament 2017/1001, moqri flimkien mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar, wara emenda, l-Artikolu 4 tar-Regolament 2017/1001), jew skont l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 kienet irrilevanti, inkwantu kien suffiċjenti li raġuni għal rifjut imsemmija f’dan l-Artikolu 7(1) kienet tipprekludi din ir-reġistrazzjoni.

33

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 20 sa 49 tas-sentenza appellata, qajmet ex officio l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi.

34

F’dan ir-rigward, fil-punt 24 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qabelxejn fakkret li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm ċerti raġunijiet jistgħu, jew saħansitra għandhom, jitqajmu ex officio, raġuni li tirrigwarda l-legalità fil-mertu tad-deċiżjoni kontenzjuża tista’ tiġi eżaminata mill-qorti tal-Unjoni biss jekk titqajjem mir-rikorrent, quod non fil-każ ineżami. Il-Qorti Ġenerali żiedet tgħid, fil-punt 25 tas-sentenza appellata, li, skont din il-ġurisprudenza, għalkemm għandha tagħti deċiżjoni biss fuq it-talbiet tal-partijiet, li huma responsabbli għad-delimitazzjoni tal-portata tal-kawża, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tkun marbuta biss mill-argumenti mqajma minnhom insostenn tal‑pretensjonijiet tagħhom, għax inkella jkollha, skont il-każ, tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati. Fil-punt 26 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dan il-possibbiltà u, skont il-każ, l-obbligu tal-qorti tal-Unjoni li tqajjem ex officio ċerti motivi ta’ legalità sostantiva. Fil-punt 27 tas-sentenza appellata, peress li l-motiv ibbażat fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi kien ta’ ordni pubbliku, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li hija kellha teżaminah ex officio. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li hija tkun qiegħda tonqos il-funzjoni tagħha ta’ imħallef tal-legalità jekk ma tirrilevax, anki fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni mill-partijiet fuq dan il-punt, li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ittieħdet abbażi ta’ regola li ma tistax tiġi applikata għall-każ ineżami u jekk, sussegwentement, kellha tiddeċiedi l-kawża quddiemha billi tapplika hija stess tali regola.

35

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali b’mod impliċitu kkonstatat, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell kien kiser il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 billi qies li dan kien naqas b’mod żbaljat milli jeżamina qabel l-eżami tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament jekk is-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, fosthom dik li jista’ jiġi rrappreżentat grafikament u jekk kellux, konsegwentement, jiġi rrifjutat ir-reġistrazzjoni konformement ma’ dan l-Artikolu 7(1)(a). Fil-fatt, peress li, skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, ma jistgħux jiġu rreġistrati t-“trade marks” li ma humiex ta’ karattru distintiv, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, li l-karattru distintiv ta’ sinjal ma jistax jiġi evalwat, għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, ħlief ladarba jiġi kkonstatat li dan jikkostitwixxi trade mark, fis-sens tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, jiġifieri mill-mument li fih jkun ġie kkonstatat li seta’ jiġi rrappreżentat grafikament.

36

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 50 sa 61 tas-sentenza appellata, jekk, fil-każ ineżami, is-sinjal inkwistjoni kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009 u, konsegwentement, jekk ir-raġuni assoluta għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 setgħetx tapplika.

37

F’dawn ir-rigward, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-impressjoni li tintmiss prodotta mis-sinjal inkwistjoni ma kinitx tirriżulta b’mod preċiż u komplet mir-rappreżentazzjoni grafika ta’ dan is-sinjal fiha nnifisha, iżda, l-iktar l-iktar, mid-deskrizzjoni li takkumpanjah. Għaldaqstant, skont il-Qorti Ġenerali, mhux biss din id-deskrizzjoni ma kinitx tikkontribwixxi sabiex tippreċiża s-suġġett u l-portata tal-protezzjoni mitluba skont id-dritt tat-trade marks, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda setgħet tqajjem, għall-kuntrarju, dubji f’dak li jirrigwarda s-suġġett u l-portata ta’ din ir-rappreżentazzjoni grafika sa fejn din kienet tipprova twessa’ s-suġġett tal-protezzjoni mitluba. Konsegwentement, fil-punt 58 tas-sentenza appellata il-Qorti Ġenerali qieset li s-sinjal inkwistjoni ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009 u, li r-reġistrazzjoni tiegħu tmur kontra r-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(a) ta’ dan ir-regolament.

38

Fil-punt 60 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dan li l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 ma setax japplika għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea tas-sinjal inkwistjoni u li, għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma setax japplika legalment din id-dispożizzjoni sabiex jadotta d-deċiżjoni kontenzjuża.

39

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża.

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet tal‑appellanti

40

Permezz ta’ att ippreżentat fl-istess data bħall-appell preżenti, l-EUIPO talab, abbażi tal-Artikolu 170a(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-appell tiegħu jiġi ammess, konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

41

Permezz ta’ digriet tal‑11 ta’ Lulju 2023, EUIPO vs Neoperl (C‑93/23 P, EU:C:2023:601), l-appell ġie ammess.

42

L-EUIPO jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiċħad ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni kontenzjuża u

tikkundanna lil kull parti għall-ispejjeż tagħha.

43

Neoperl titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tilqa’ l-appell sa fejn huwa intiż għall-annullament tas-sentenza appellata u tiċħad il-kumplament tiegħu;

tiddikjara l-annullament tas-sentenza appellata abbażi tal-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-motiv tagħha bbażat fuq il-ksur, mill-EUIPO, tal-Artikolu 71(1) tar-Regolament 2017/1001, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, u mal-Artikolu 94(1) tar-Regolament 2017/1001;

tirrinvija l-proċedura quddiem l-EUIPO sabiex jeżamina għall-ewwel darba l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu, u

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

Fuq l‑appell

44

L-EUIPO iqajjem aggravju uniku insostenn tal-appell tiegħu.

L‑argumenti tal‑partijiet

45

Insostenn tal-appell tiegħu, l-EUIPO jqajjem aggravju uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 72(3) tar-Regolament 2017/1001. Dan l-aggravju uniku huwa maqsum f’żewġ partijiet.

46

Permezz tal-ewwel parti tal-aggravju uniku, l-EUIPO jikkritika lill-Qorti Ġenerali li marret lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħha stabbiliti fl-Artikolu 72(3) tar-Regolament 2017/1001 billi eżaminat, ex officio u kuntrarjament għall-konklużjonijiet ta’ Neoperl, l-applikabbiltà tar-raġuni assoluta għal rifjut li tinsab fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament tal-aħħar. B’mod partikolari, l-EUIPO jqis li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, li l-kwistjoni dwar jekk is-sinjal inkwistjoni kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009, fosthom dik li jista’ jiġi rrappreżentat grafikament, kienet “kwistjoni preliminari” li r-riżoluzzjoni tagħha kienet neċessarja sabiex jitwettaq l-eżami tal-motivi tar-rikors ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament u tal-Artikolu 95(1) tar-Regolament 2017/1001.

47

Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, l-EUIPO jikkritika lill-Qorti Ġenerali li marret lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħha stabbiliti fl-Artikolu 72(3) tar-Regolament 2017/1001 meta ddeċidiet hija stess fuq ir-rekwiżiti sostantivi ta’ din ir-raġuni assoluta għal rifjut li jinsabu fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, li kienu tħallew espliċitament mhux eżaminati mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kontenzjuża, u minflok dan, annullat u biddlet, fil-fatt, fil-punti 50 sa 58 tas-sentenza appellata, id-deċiżjoni kontenzjuża, filwaqt li kkonfermat il-fondatezza tad-dispożittiv ta’ din tal-aħħar.

48

Permezz ta’ din il-bidla illegali tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali, qabelxejn, marret kontra l-ġurisprudenza oriġinali li għandu l-Bord tal-Appell sabiex jeżamina l-appell ippreżentat quddiemu, hekk kif ġiet stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Sussegwentement, hija kkompromettiet is-setgħa oriġinali speċifika tal-Bord tal-Appell li ma jillimitax ruħu għall-istħarriġ tad-deċiżjoni tal-eżaminatriċi (it-tieni ipoteżi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 71(1) tar-Regolament 2017/1001), iżda wkoll, skont il-każ, li jeżerċita l-kompetenzi tal-eżaminatriċi (l-ewwel ipoteżi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 71(1) tar-Regolament 2017/1001), li tinkludi b’mod partikolari l-possibbiltà li titwettaq analiżi iktar fil-fond jew iktar kompleta tal-fatti li jkunu għadhom ma ġewx evalwati mill-eżaminatriċi. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ppreġudikat il-protezzjoni ġuridika ggarantita mil-leġiżlatur tal-Unjoni lir-rikorrenti fl-ewwel istanza.

49

Fi kwalunkwe każ, is-sentenza appellata hija vvizzjata b’“inkoerenza interna” li allegatament tagħmel impossibbli l-eżekuzzjoni tagħha mill-EUIPO. Din l-inkoerenza tidher li hija bbażata fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali la rriformat formalment id-deċiżjoni kontenzjuża u lanqas ma ċaħdet ir-rikors, u dan minkejja l-fatt li, billi ssostitwixxiet il-bażi legali ta’ din id-deċiżjoni, hija kkonfermat preċiżament il-fondatezza tad-dispożittiv tagħha.

50

Fir-risposta tagħha, Neoperl ma tikkontestax il-fondatezza tal-aggravju uniku mqajjem mill-EUIPO, ibbażat fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 72(3) tar-Regolament 2017/1001. Fil-fatt, bħall-EUIPO, Neoperl tqis li l-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti tal-ġurisprudenza tagħha stabbiliti f’din id-dispożizzjoni billi qieset li kellha kompetenza sostantiva sabiex twettaq hija stess, għall-ewwel darba, eżami tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, u sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu minflok il-Bord tal-Appell. Neoperl taqbel ukoll mal-argumenti tal-EUIPO dwar il-preġudizzju għall-protezzjoni ġuridika ggarantita mil-leġiżlatur tal-Unjoni, billi tqis li l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali stabbiliti fil-punti 47 sa 58 tas-sentenza appellata jikkawżawlha preġudizzju għad-dritt tagħha għal smigħ. Konsegwentement, hemm lok li s-sentenza appellata tiġi annullata u li l-kawża tintbagħat lura quddiem l-EUIPO sabiex huwa stess iwettaq eżami komplet tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

51

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-Artikolu 7(1)(a) u l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, Neoperl tqis li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat essenzjalment, fis-sentenza appellata, li ordni kellu jiġi osservat fil-kuntest tal-eżami ta’ dawn ir-raġunijiet assoluti għal rifjut, b’tali mod li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-ewwel dispożizzjoni kellhom jiġu eżaminati minn qabel.

52

Fir-replika tiegħu, l-EUIPO jikkontesta l-argument ta’ Neoperl dwar l-eżistenza ta’ tali ordni ta’ eżami tar-raġunijiet assoluti għal rifjut previsti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009, billi jsostni, essenzjalment, li mill-formulazzjoni, mill-istruttura u mill-għan ta’ din id-dispożizzjoni ma jistax jiġi dedott li l-eżami u l-applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut prevista fil-punt (b) tagħha jimplikaw neċessarjament minn qabel dawk tar-raġuni għal rifjut prevista fil-punt (a) tal-imsemmija dispożizzjoni.

53

Fil-kontroreplika tagħha, Neoperl tenfasizza li, għalkemm hija tqis, bħalma jagħmel l-EUIPO, li s-sentenza appellata tikser l-Artikolu 72(3) tar-Regolament 2017/1001 u li, għaldaqstant, dan għandu jiġi annullat, hija tqis li l-kawża ma hijiex kompletament fi stat li tiġi deċiża.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

54

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea tas-sinjal inkwistjoni ġiet ippreżentata fl‑1 ta’ Settembru 2016. Konsegwentement, it-tilwima hija rregolata, minn naħa, mid-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament Nru 207/2009 u, min-naħa l-oħra, mid-dispożizzjonijiet proċedurali tar-Regolament 2017/1001 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2024, EUIPO vs Indo European Foods, C‑801/21 P, EU:C:2024:528, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq l‑ewwel parti tal‑aggravju uniku

55

Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jelenka, fil-punti (a) sa (m) tiegħu, ir-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea.

56

Anki jekk applikazzjoni simultanja ta’ diversi minn dawn ir-raġunijiet hija possibbli, ir-raġunijiet assoluti għal rifjut elenkati f’dan l-artikolu huma awtonomi, peress li kull waħda minn dawn ir-raġunijiet hija indipendenti mill-oħrajn u teħtieġ eżami separat (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑8 ta’ April 2003, Linde et (C‑53/01 sa C‑55/01, EU:C:2003:206, punt 67) u tas‑16 ta’ Settembru 2015, Société des Produits Nestlé, C‑215/14, EU:C:2015:604, punt 46).

57

Fil-każ ineżami, minn paragun tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009, li jirreferi għall-kundizzjoni tar-rappreżentazzjoni grafika tas-sinjal inkwistjoni, mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li kien hemm lok li ssir distinzjoni bejn il-kelma “sinjal” u l-kelma “trade mark”. Għaldaqstant, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, billi bbażat ruħha fuq il-punt 46 tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, M vs S. Indeutsch International vs EUIPO — 135 Kirkstall (Rappreżentazzjoni ta’ disinn forma ta’ żigużajg bejn żewġ linji paralleli) (T‑124/20, EU:T:2021:668), li l-karattru distintiv ta’ sinjal jista’ jiġi evalwat biss, għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, ladarba jiġi kkonstatat li dan kien jikkostitwixxi trade mark, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4, jiġifieri mill-mument li fih ġie kkonstatat li dan seta’ jiġi rrappreżentat grafikament.

58

Huwa minnu li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009 u l-punt (a) tal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament jużaw il-kelma “sinjali”, filwaqt li d-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-Artikolu 7(1) jużaw jew din il-kelma jew il-kelma “trade marks”.

59

Madankollu, kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni ried, permezz ta’ din id-distinzjoni fit-terminoloġija, jistabbilixxi, fil-kuntest tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009, ordni ta’ eżami favur ir-raġuni għal rifjut imsemmija fil-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni, huwa kien juża sistematikament it-terminu “trade mark” għar-raġunijiet l-oħra kollha ta’ rifjut, previsti fil-punti (b) sa (m) tagħha. Madankollu, dan ma huwiex il-każ, peress li l-Artikolu 7(1)(e) ta’ dan ir-regolament jirreferi għas-“sinjali”. Dawn iż-żewġ termini għandhom għalhekk jitqiesu li jintużaw b’mod interkambjabbli f’dan l-Artikolu 7(1), b’tali mod li l-użu alternattiv tagħhom għall-punti (a) u (b) ta’ din id-dispożizzjoni ma jistax jirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti prijorità għall-applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut imsemmija f’dan il-punt (a) meta mqabbla ma’ dik tar-raġunijiet assoluti għal rifjut l-oħra, inkluż b’mod partikolari dik imsemmija f’dan il-punt (b).

60

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li minn ebda element ieħor mill-formulazzjoni tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jirriżulta li kwalunkwe ordni għandha tiġi osservata fil-kuntest tal-eżami tar-raġunijiet assoluti għal rifjut previsti fil-punti (a) sa (m) ta’ din id-dispożizzjoni.

61

Għaldaqstant, fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni, il-Bord tal-Appell jista’ jqis iktar xieraq, f’ċerti każijiet, li janalizza, fl-ewwel lok, ir-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 u, f’każijiet oħra, ir-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament, mingħajr ma tali għażla tivvizzja d-deċiżjoni meħuda minn dan il-Bord wara dan l-eżami bi żball ta’ liġi.

62

B’mod partikolari, meta sinjal ma jkunx jista’ jiġi rrappreżentat grafikament, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat, abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament, jekk dan is-sinjal għandux karattru distintiv. Madankollu, l-oppost huwa ugwalment korrett, peress li, meta sinjal ma jkollux karattru distintiv, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, huwa inutli li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk dan jistax jiġi rrappreżentat grafikament.

63

Għaldaqstant, il-fatt li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Bord tal-Appell ma eżaminax minn qabel ir-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 dik li tinsab fl-Artikolu 7(1)(a) ta’ dan ir-regolament ma kinitx tikkostitwixxi nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi.

64

Konsegwentement, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkritikat lill-Bord tal-Appell li ma eżaminax, fid-deċiżjoni kontenzjuża, jekk is-sinjal inkwistjoni setax jikkostitwixxi trade mark u li għalhekk qies li tali eżami kien irrilevanti minħabba li dan is-sinjal kien fi kwalunkwe każ nieqes minn karattru distintiv. Fil-fatt, meta ddeċidiet hekk, il-Qorti Ġenerali ddeterminat ordni li għandha tiġi osservata fil-kuntest tal-eżami tar-raġunijiet assoluti għal rifjut previsti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009, li madankollu bl-ebda mod ma ġie previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

65

Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-aggravju uniku għandha tintlaqa’.

Fuq it‑tieni parti tal‑aggravju uniku

66

Għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li l-Qorti Ġenerali ma indikatx formalment fis-sentenza appellata li hija kienet qiegħda teżerċita s-setgħa tagħha ta’ bidla, b’applikazzjoni tal-Artikolu 72(3) tar-Regolament 2017/1001. B’mod partikolari, fid-dispożittiv tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement annullat id-deċiżjoni kontenzjuża.

67

Madankollu, fil-punti 50 sa 58 tas-sentenza appellata, taħt sottotitolu ppreżentat bħala li jirrigwarda l-fondatezza tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet hija stess fuq ir-rekwiżiti sostantivi tar-raġuni assoluta għal rifjut li jinsabu fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, u kkonstatat, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, li skontha kienet għadha kemm qieset li l-applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut ikkonċernata kellha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, li s-sinjal inkwistjoni ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmija dispożizzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali impliċitament, iżda neċessarjament biddlet id-deċiżjoni kontenzjuża.

68

Ċertament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 72(2) u (3) tar-Regolament 2017/1001, “[i]l-Qorti Ġenerali għandu jkollha l-ġurisdizzjoni li tħassar jew tibdel id-deċiżjoni [ta’ Bord tal-Appell tal-EUIPO]”.

69

Madankollu, din is-setgħa ta’ bidla hekk irrikonoxxuta lill-Qorti Ġenerali permezz tal-Artikolu 72(2) u (3) ma għandhiex l-effett li tagħti lil din il-qorti l-kompetenza li twettaq evalwazzjoni li fuqha l-Bord tal-Appell ikun għadu ma ħax pożizzjoni. L-eżerċizzju tal-imsemmija setgħa ta’ bidla huwa fil-fatt limitat għas-sitwazzjonijiet li fihom il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi hekk kif stabbiliti, id-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jadotta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 72, u tas‑26 ta’ Settembru 2013, Centrotherm Systemtechnik vs centrotherm Clean Solutions, C‑609/11 P, EU:C:2013:592, punt 48).

70

Fil-każ ineżami, il-fatt li l-Bord tal-Appell ma kienx eżamina r-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 kien jeskludi li l-Qorti Ġenerali tista’ tistħarreġ l-evalwazzjoni magħmula minnu u li, konsegwentement, hija tista’ validament tbiddel id-deċiżjoni kontenzjuża f’dan ir-rigward. Fil-fatt, din il-bidla tad-deċiżjoni kontenzjuża twassal sabiex il-Qorti Ġenerali tevalwa għall-ewwel darba fatti jew provi li l-Bord tal-Appell ma kienx eżamina.

71

Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 98 u 99 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tas-setgħa ta’ bidla tagħha jikkostitwixxi ksur manifest tal-qafas istituzzjonali vinkolanti li fih taqa’ s-setgħa ta’ bidla fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, stabbilit fl-Artikolu 72(3) tar-Regolament 2017/1001 li huwa intiż li jiżgura lill-partijiet fil-kawża l-osservanza tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva f’dan il-qasam.

72

Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-aggravju uniku għandha tintlaqa’.

73

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jintlaqa’ l-uniku aggravju kollu kemm hu u, għaldaqstant, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

Fuq ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali

74

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni.

75

Fil-każ ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li t-tilwima ma hijiex fi stat li tiġi deċiża, peress li l-Qorti Ġenerali ma eżaminat ebda wieħed miż-żewġ motivi mqajma minn Neoperl quddiemha, li jeħtieġu li ssir evalwazzjoni tal-fatti.

76

Għaldaqstant, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Fuq l‑ispejjeż

77

Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż relatati mal-appell għandhom jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑7 ta’ Diċembru 2022, Neoperl vs EUIPO (Rappreżentazzjoni ta’ inserzjoni sanitarja ċilindrika) (T‑487/21, EU:T:2022:780), hija annullata.

 

2)

Il-Kawża T‑487/21 hija mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.