SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla)

13 ta’ Ġunju 2024 ( *1 )

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Liġi li tipprojbixxi l-użu tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku – Għeluq bikri ta’ impjant tal-enerġija bil-faħam – Għoti ta’ kumpens – Deċiżjoni li tiddikjara l-miżura kompatibbli mas-suq intern mingħajr ma tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat – Eżerċizzju tal-kompetenza tal-Kummissjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑40/23 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis‑26 ta’ Jannar 2023,

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn I. Georgiopoulos, B. Stromsky u H. van Vliet, bħala aġenti,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi, irrappreżentat minn M. K. Bulterman, A. Hanje u J. Langer, bħala aġenti,

rikorrent fl-ewwel istanza,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen, N. Wahl, J. Passer (Relatur) u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Frar 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑16 ta’ Novembru 2022, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kummissjoni (T‑469/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata, EU:T:2022:713), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2998 final tat‑12 ta’ Mejju 2020 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.54537 (2020/NN) – Il-Pajjiżi l-Baxxi, Projbizzjoni tal-użu tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku fil-Pajjiżi l-Baxxi (ĠU 2020, C 220, p. 2, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”).

Il‑kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 107(1) u (3)(c) TFUE jipprevedi:

“1.   Ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

[…]

3.   It-tipi ta’ għajnuna li ġejjin jistgħu jkunu kunsidrati bħala kompatibbli mas-suq intern:

[…]

(c)

għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”.

3

L-Artikolu 108(2) u (3) TFUE jipprevedi:

“2.   Jekk, wara li ssejjaħ lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni ssib li miżura ta’ għajnuna mogħtija minn Stat, jew permezz tar-riżorsi ta’ Stat, m’hijiex kompatibbli mas-suq intern skond l-Artikolu 107, jew li dik l-għajnuna tkun applikata b’mod inġust, hija għandha tieħu deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat interessat li jabolixxi dik l-għajnuna jew li jimmodifikaha fit-terminu preskritti mill-Kummissjoni.

[…]

3.   Il-Kummissjoni għandha tiġi informata, fil-ħin sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, dwar kull proġett sabiex tiġi mogħtija jew sabiex tiġi modifikata għajnuna. Jekk tikkunsidra li proġett bħal dak ma jkunx kompatibbli mas-suq intern skond it-termini ta’ l-Artikolu 107, hija għandha mingħajr dewmien tibda l-proċedura prevista fil-paragrafu qabel dan. L-Istat Membru interessat ma jistgħax idaħħal fis-seħħ il-proġetti proposti tiegħu qabel ma dik il-proċedura ikollha deċiżjoni finali.”

4

Il-premessa 7 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9), li hija essenzjalment ifformulata bl-istess mod bħall-premessa 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p.339), tiddikjara:

“Il-perjodu li fih il-Kummissjoni għandha tlesti l-eżami preliminari dwar għajnuna notifikata għandu jkun ta’ xahrejn minn meta tirċievi notifika kompluta jew dikjarazzjoni motivata sew mill-Istat Membru kkonċernat fejn jgħid li jikkunsidra li n-notifika hija kompluta minħabba li l-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-Kummissjoni ma tkunx disponibbli jew diġà tkun ġiet provduta. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, dak l-eżami għandu jintemm b’deċiżjoni.”

5

L-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589, li huwa essenzjalment ifformulat bl-istess mod bħall-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, jipprovdi:

“1.   Il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika hekk kif tirċevieha. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni skont il-paragrafi 2, 3 jew 4 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li l-miżura notifikata ma tikkostitwixxix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni.

3.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li miżura notifikata ma tqajjem l-ebda dubju dwar il-kompatibilità mas-suq intern, safejn tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) [TFUE], hija tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq intern (‘deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet’). Dik id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni fit-[Trattat TFUE] tkun ġiet applikata.

4.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li miżura notifikata tqajjem dubji dwar il-kompatibilità mas-suq intern, hija tiddeċiedi li għandhom jinbdew proċeduri skont l-Artikolu 108(2) [TFUE] (‘deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni’).

5.   Id-deċiżjonijiet li imsemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu għandhom jittieħdu fi żmien xahrejn. Dak il-perjodu għandu jibda l-għada tal-wasla ta’ notifika kompluta. In-notifika għandha titqies kompluta jekk, fi żmien xahrejn minn meta tasal, jew meta tasal kull informazzjoni oħra meħtieġa, il-Kummissjoni ma titlob l-ebda informazzjoni oħra. Dak il-perjodu jista’ jiġi estiż bil-kunsens kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Istati Membri kkonċernati. Fejn xieraq, il-Kummissjoni tista’ tiffissa skadenzi iqsar.

6.   Fejn il-Kummissjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni skont il-paragrafi 2, 3 jew 4 fil-perjodu stabbilit fil-paragrafu 5, għandu jitqies li l-għajnuna kienet ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jimplimenta l-miżuri kkonċernati wara li jkun nnotifika lill-Kummissjoni minn qabel, ħlief jekk il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni skont dan l-Artikolu fi żmien 15‑il jum tax-xogħol wara li tirċievi n-notifika.”

6

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589 jipprovdi:

“Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor il-kwistjonijiet rilevanti tal-fatti u tal-liġi, għandha tinkludi valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karatteristiċi tal-għajnuna tal-miżura proposta u għandha tispjega d-dubji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq intern. Id-deċiżjoni għandha tistieden lill-Istat Membru kkonċernat u lil partijiet interessati oħra biex jissottomettu l-kummenti tagħhom f’perjodu stabbilit li normalment m’għandux ikun aktar minn xahar. F’każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni tista’ testendi dan il-perjodu.”

Il‑fatti li wasslu għat‑tilwima

7

Il-fatti li wasslu għat-tilwima ġew spjegati fil-punti 2 sa 18 tas-sentenza appellata u jistgħu jinġabru fil-qosor bil-mod kif ġej.

8

Fis‑27 ta’ Marzu 2019, l-awtoritajiet Olandiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea b’abbozz ta’ liġi dwar il-projbizzjoni tal-użu tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku, skont id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 2015, L 241, p. 1). Dan l-abbozz ta’ liġi, li l-għan tiegħu kien li jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) fil-Pajjiżi l-Baxxi u li kien jipprevedi l-kumpens għall-ħsara kkawżata lil impjant tal-enerġija li jaħdem bil-faħam li, meta mqabbel mal-impjanti l-oħra tal-istess tip, kien affettwat, b’mod sproporzjonat, mill-projbizzjoni tal-użu tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku, ma ġiex innotifikat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

9

Wara n-notifika tal-abbozz ta’ liġi skont id-Direttiva 2015/1535, il-Kummissjoni bdiet, fuq inizjattiva tagħha stess, teżamina l-informazzjoni dwar allegata għajnuna.

10

Fil‑11 ta’ Diċembru 2019, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi adotta l-Wet verbod op kolen bij elektriciteitsproductie (il-Liġi dwar il-Projbizzjoni tal-Faħam għall-Produzzjoni tal-Elettriku, Stb. 2019, Nru 493). L-Artikolu 4 ta’ din il-liġi kien jipprevedi l-possibbiltà li impjant li, meta mqabbel ma’ impjanti oħra, kien affettwat, b’mod sproporzjonat, mill-projbizzjoni tal-użu tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku, jingħata kumpens. F’dan ir-rigward, il-kumpannija Vattenfall NV, operatur ta’ wieħed mill-ħames impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam fil-Pajjiżi l-Baxxi, jiġifieri l-impjant Hemweg 8, ibbenefikat minn kumpens tal-Istat Olandiż fl-ammont ta’ EUR 52.5 miljuni (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”). Fil-fatt, minħabba l-medjokrità tal-karatteristiċi tekniċi ambjentali tiegħu, dan l-impjant, b’kuntrast ma’ erba’ impjanti oħra tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam fil-Pajjiżi l-Baxxi, ġie mċaħħad mill-benefiċċju tal-perijodu ta’ tranżizzjoni previst fl-imsemmija liġi u ġie għalhekk mġiegħel jagħlaq qabel.

11

Fit‑12 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kontenzjuża. Fir-rigward tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, hija qieset, fil-punt 48 ta’ din id-deċiżjoni li, “meta titqies l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Olandiżi, ma [setax] jiġi konkluż, b’livell suffiċjenti ta’ ċertezza, li […] [kien] jeżisti dritt għal kumpens fl-ammont ta’ EUR 52.5 miljuni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li “ma [setax] jiġi eskluż li l-miżura inkwistjoni [kienet] tagħti għajnuna mill-Istat lill-impriża kkonċernata” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, il-Kummissjoni qieset, fil-punt 49 tal-imsemmija deċiżjoni, li “ma [kienx meħtieġ] li tinstilet konklużjoni definittiva f’dan il-każ dwar jekk il-miżura [inkwistjoni] [kinitx] tagħti vantaġġ lill-operatur u għalhekk [kinitx] tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li, anki li [kien] hemm għajnuna mill-Istat, [hija] [kienet] tqis li [din] il-miżura [kienet] kompatibbli mas-suq intern” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Kummissjoni kkonkludiet “li l-miżura [inkwistjoni] [kienet] kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) [TFUE]”.

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

12

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Lulju 2020, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fetaħ kawża għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża.

13

Dan l-Istat Membru invoka ħames motivi għal annullament. L-ewwel tliet motivi kienu tqajmu fil-każ fejn, minkejja kliemha, id-Deċiżjoni kontenzjuża kellha tinftiehem fis-sens li timplika l-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat. Ir-raba’ u l-ħames motiv, imqajma kontra din id-deċiżjoni inkwantu hija ma ddeċidietx dwar tali klassifikazzjoni, kienu bbażati, rispettivament, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tiddikjara miżura kompatibbli skont l-Artikolu 107(3) TFUE, mingħajr ma tkun ikklassifikatha, minn qabel, bħala għajnuna mill-Istat, u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

14

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, wara li kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx iddeċidiet, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, il-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni kinitx tikkostitwixxi għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, laqgħet ir-rikors, abbażi tar-raba’ u tal-ħames motiv għal annullament.

It‑talbiet tal‑partijiet

15

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni essenzjalment titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi hija stess it-tilwima u tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu bħala infondat, u

tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż.

16

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Fuq l‑appell

17

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka aggravju uniku li jinqasam fi tnejn, l-ewwel parti bbażata fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3) TFUE u tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589 u t-tieni parti bbażata fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

Fuq l‑ewwel parti tal‑aggravju uniku

L‑argumenti tal‑partijiet

18

Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali, billi ddeċidiet li l-Kummissjoni ma għandhiex kompetenza sabiex tiddeċiedi li miżura hija kompatibbli mas-suq intern mingħajr ma tkun ikkonstatat minn qabel li din il-miżura kienet għajnuna mill-Istat, kisret, minħabba interpretazzjoni letterali restrittiva żżejjed ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-Artikolu 107(3) TFUE u l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589.

19

Il-Kummissjoni ssostni li la l-paragrafu 1 u lanqas il-paragrafu 3 tal-Artikolu 107 TFUE ma jistabbilixxu regoli proċedurali u ma jirrigwardaw is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni fil-qasam tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Dawn għandhom biss l-għan li jipprojbixxu ċerti miżuri u li jippreċiżaw li l-miżuri li jissodisfaw ċerti kriterji huma awtorizzati. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ddikjarat b’mod żbaljat li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jipprojbixxu l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet bħad-Deċiżjoni kontenzjuża. It-terminu “għajnuna” użat fl-Artikolu 107(3) TFUE jintuża f’sens wiesa’ u mhux sabiex jindika għajnuna mill-Istat fis-sens tekniku ta’ dan it-terminu, b’tali mod li ma jistax jiġi eskluż li l-imsemmi terminu jkun jista’ jkopri wkoll miżuri li l-klassifikazzjoni tagħhom bħala għajnuna mill-Istat tibqa’ inċerta. Is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008 British Aggregates vs Il‑Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 113), iċċitata mill-Qorti Ġenerali, ma fiha ebda indikazzjoni dwar dak li l-Kummissjoni għandha tagħmel jekk tkun konvinta mill-kompatibbiltà ta’ miżura iżda tkun għadha ma waslitx għal konklużjoni dwar il-kwistjoni dwar jekk din il-miżura hijiex għajnuna mill-Istat jew le.

20

Fir-rigward tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589, l-użu tal-espressjoni “safejn tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) [TFUE]” lanqas ma jfisser li l-kompatibbiltà ta’ miżura tista’ tiġi eżaminata biss meta din il-miżura tkun ġiet ikklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, peress li l-kelma “safejn” għandha tinftiehem, fis-sens ordinarju tagħha, bħala ekwivalenti għall-frażi “sal-punt” u tali konġunzjoni ta’ subordinazzjoni għandha tinqara b’rabta mal-proposta prinċipali li tipprevedi li l-Kummissjoni għandha “tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq intern”. L-unika konstatazzjoni meħtieġa sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tieħu deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet tirrigwarda l-fatt li l-miżura ma tkunx tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

21

Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament 2015/1589, minkejja li jinkludu t-terminu “għajnuna mill-Istat”, jippermettu lill-Istati Membri jew lill-Kummissjoni jsegwu l-proċedura prevista f’dan ir-regolament ukoll fir-rigward ta’ miżuri li ma jkunx ġie stabbilit li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Dan jgħodd ukoll, pereżempju, għall-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament li jipprevedi n-notifika mill-Istati Membri ta’ kull pjan ta’ għajnuna ġdida mill-Istat.

22

Il-Kummissjoni tqis, barra minn hekk, li l-interpretazzjoni hekk adottata mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589 toħloq intopp, billi żżomm lill-Kummissjoni milli tieħu kwalunkwe deċiżjoni fi tmiem l-eżami preliminari tagħha. Fil-fatt, f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ, il-Kummissjoni tinżamm milli tadotta kwalunkwe deċiżjoni peress li hija la tkun f’pożizzjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, abbażi tal-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament, f’sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern, u lanqas li tikkonstata, abbażi tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament, li din il-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna, f’sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm biżżejjed ċertezza dwar id-dritt tal-benefiċjarju tal-imsemmija miżura li jiġi kkumpensat.

23

Huwa b’mod żbaljat li, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċċitat is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, EU:C:2011:341), sabiex issostni li l-Artikolu 4(3) tal-istess regolament jistabbilixxi lista eżawrjenti tad-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni tista’ tadotta fi tmiem l-eżami preliminari. Fil-fatt, din is-sentenza ma fiha ebda interpretazzjoni definittiva f’dan is-sens iżda tikkonferma, għall-kuntrarju, li l-Kummissjoni ma setgħetx, f’dan il-każ, tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali bil-għan biss li tistabbilixxi li l-miżura inkwistjoni kienet għajnuna mill-Istat, f’sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern.

24

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva li l-Artikolu 4(6) tar-Regolament 2015/1589 jipprevedi li, meta hija ma tkunx ħadet deċiżjoni fit-terminu previst, miżura titqies li hija awtorizzata, anki jekk ma jkunx intwera minn qabel li din il-miżura kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tkun f’pożizzjoni, skont l-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament, li tkun tista’ tiddeċiedi li miżura hija kompatibbli mas-suq intern mingħajr ma turi dan minn qabel.

25

Bl-istess mod, billi jipprevedi li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tinkludi “valutazzjoni preliminari” intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżura għandhiex in-natura ta’ għajnuna, l-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament jikkonferma li fil-mument li fih il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar il-mod li bih hija ttemm il-proċedura ta’ eżami preliminari, huwa tabilħaqq possibbli li hija ma tkunx ħadet pożizzjoni definittiva dwar jekk teżistix għajnuna jew le.

26

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-loġika u l-konsegwenzi tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikoli 107 sa 109 TFUE u fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2015/1589, b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu, li huma intiżi li jsibu t-triq tan-nofs bejn, minn naħa, il-ħtieġa għall-Istati Membri u għall-partijiet ikkonċernati li jingħataw kjarifika dwar il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jiksbu awtorizzazzjoni ta’ din il-miżura kemm jista’ jkun malajr. Effettivament, jeżistu sitwazzjonijiet li fihom ikun iktar faċli li jiġi evalwat jekk miżura hijiex kompatibbli mas-suq intern milli li jiġi ddeterminat jekk dik il-miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Billi tiddeċiedi, f’tali sitwazzjonijiet, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet mingħajr ma tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni tkun qiegħda tikkonforma mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. F’dan ir-rigward, tista’ tinstilet analoġija mal-approċċ adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer (C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punti 5152).

27

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-eżami preliminari ma huwiex intiż sabiex jippermetti lill-Kummissjoni tagħti opinjoni eżawrjenti u definittiva dwar il-konformità tal-miżura kkonċernata mat-Trattat, iżda jippermettilha biss tifforma “opinjoni preliminari”, u li din l-opinjoni għandha prinċipalment tirrigwarda l-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern, indipendentement minn jekk tiġix ikklassifikata bħala għajnuna mill-Istat jew le (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz,120/73, EU:C:1973:152, punt 3).

28

Il-Gvern Olandiż jikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni u jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel parti tal-aggravju uniku.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

29

Din il-parti tal-aggravju uniku essenzjalment tqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali, permezz tas-sentenza appellata, żbaljatx meta ddeċidiet li l-Artikolu 107(3) TFUE u l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589 jobbligaw lill-Kummissjoni tikklassifika miżura bħala għajnuna mill-Istat qabel ma tiddeċiedi li din il-miżura hija kompatibbli mas-suq intern.

30

Il-Qorti Ġenerali, wara li, fil-punti 51 u 52 tas-sentenza appellata, fakkret il-kliem tal-Artikolu 107(1) u (3)(c) TFUE, fissret, fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, li l-użu tat-terminu “għajnuna” fl-Artikolu 107(3) TFUE jimplika li l-kompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali mas-suq intern tista’ tiġi eżaminata biss wara li din il-miżura tkun ġiet ikklassifikata bħala għajnuna mill-Istat.

31

Fil-punt 54 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet tgħid, hija u tirreferi għas-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 113), li hija ġurisprudenza stabbilita li, meta l-Kummissjoni ma tkunx konvinta, fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari, li miżura tal-Istat ma tkunx tikkostitwixxi “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE jew, kemm‑il darba kellha tiġi kklassifikata bħala għajnuna, ma tkunx kompatibbli mat-Trattat, jew meta dan l-eżami ma jkunx ippermettielha tegħleb kull diffikultà mqajma bl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura kkunsidrata, din l-istituzzjoni għandha l-obbligu li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE mingħajr ma tgawdi minn marġni ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward.

32

Fil-punt 55 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, li hija biss miżura li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, jiġifieri miżura kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, li tista’ titqies mill-Kummissjoni bħala kompatibbli mas-suq intern.

33

Fil-punti 56 sa 60 tas-sentenza appellata, hija fissret li din il-konklużjoni hija kkorroborata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589 li, moqrija fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punti 4344), jistabbilixxu lista eżawrjenti tad-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni tista’ tadotta fi tmiem l-eżami preliminari, deċiżjonijiet li fosthom ma hemmx deċiżjoni li tiddikjara l-miżura eżaminata kompatibbli mas-suq intern mingħajr ma l-Kummissjoni tkun iddeċidiet minn qabel dwar il-klassifikazzjoni ta’ din il-miżura bħala għajnuna mill-Istat.

34

Il-Kummissjoni ssostni li l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 107(3) TFUE adottata mill-Qorti Ġenerali hija restrittiva żżejjed. Hija ssostni, qabelxejn, li t-terminu “għajnuna” huwa użat fl-Artikolu 107(3) TFUE fis-sens ġenerali tiegħu, u mhux fis-sens tekniku sabiex jindika l-għajnuna mill-Istat.

35

Madankollu, għandu jiġi osservat li għalkemm, effettivament, il-kelma “għajnuna” hija użata fl-Artikolu 107(1) TFUE skont is-sens ordinarju tagħha fil-lingwaġġ ta’ kuljum, flimkien mat-termini l-oħra użati f’din id-dispożizzjoni, fl-Artikolu 107(3) TFUE, mill-banda l-oħra, hija użata sabiex tindika l-għajnuna mill-Istat biss. Fil-fatt, mill-Artikolu 107(1) TFUE, moqri kollu kemm hu, jirriżulta li huma biss il-miżuri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirriżultaw minn dan il-paragrafu 1, u li, konsegwentement, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li huma, ħlief għad-derogi previsti fit-Trattat, inkompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant, l-Artikolu 107(3) TFUE, li, b’deroga minn din id-dispożizzjoni, jelenka l-miżuri li jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern, jista’ jikkonċerna biss l-għajnuna mill-Istat.

36

Huwa għalhekk żbaljat li l-Kummissjoni ssostni li l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 107(3) TFUE, adottata mill-Qorti Ġenerali, hija żbaljata.

37

Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li, kif proprju ssostni l-Kummissjoni, l-Artikolu 107 TFUE la jistabbilixxi regoli tal-proċedura u lanqas jirrigwarda direttament is-setgħat ta’ din tal-aħħar, jibqa’ l-fatt li, kif ġie rrilevat fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-paragrafu 1 tal-imsemmija dispożizzjoni tikkostitwixxi prerekwiżit għall-possibbiltà li tiġi applikata d-deroga prevista fil-paragrafu 3 ta’ din tal-aħħar. Għalhekk, l-Unjoni Ewropea ngħatatilha l-kompetenza li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-miżuri li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u mhux il-kompetenza li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ miżuri li ma jkunx ġie ddeterminat li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. L-Artikoli 108 u 109 TFUE jafdaw l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza lill-Kummissjoni u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jaġixxu taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja. Issa, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jaġixxu biss fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilhom (sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Kummissjoni vs McBride et, C‑361/14 P, EU:C:2016:434, punt 36).

38

Fir-rigward tar-riferiment li l-Kummissjoni għamlet għas-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz (120/73, EU:C:1973:152, punt 3), il-Qorti tal-Ġustizzja ma qalitx, għall-kuntrarju ta’ dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, li l-opinjoni mfassla fil-kuntest tal-eżami preliminari ta’ miżura tista’, jekk ikun il-każ, tinjora l-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tal-miżura eżaminata bħala għajnuna mill-Istat. Fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, fejn, barra minn hekk, in-natura ta’ għajnuna mill-Istat tal-miżuri nnotifikati ma kinitx dubjuża, id-domanda magħmula kienet dik dwar l-obbligu tal-Kummissjoni li tikkonkludi l-eżami preliminari permezz ta’ deċiżjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għalkemm huwa fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba li l-Kummissjoni tinforma lill-Istat Membru, meta hija tqis, fi tmiem dan l-eżami, li “l-għajnuna” hija konformi mat-Trattat KE, hija ma hijiex, madankollu, obbligata tieħu deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 189 KE (li wara emenda sar l-Artikolu 288 TFUE), peress li l-Artikolu 93 KE (li wara emenda sar l-Artikolu 108 TFUE) jeħtieġ li deċiżjoni bħal din tittieħed biss fi tmiem il-proċedura kontradittorja (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz, 120/73, EU:C:1973:152, punti 56). Għandu jiġi osservat, a propożitu, li din il-possibbiltà li ma tiġix adottata deċiżjoni spiċċat bir-Regolament Nru 659/1999, li l-Artikolu 4(1) tiegħu, moqri fid-dawl tal-premessa 7 ta’ dan ir-regolament, ippreċiża li l-eżami preliminari kellu issa, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, jingħalaq b’deċiżjoni.

39

Fir-rigward tal-kritika magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet li jinsabu fil-punti 56 sa 60 tas-sentenza appellata, li jirrigwardaw l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589, għandu jiġi rrilevat li dawn id-dikjarazzjonijiet huma fformulati mill-Qorti Ġenerali biss għal finijiet ta’ kompletezza, insostenn tal-konklużjoni tagħha mfissra, abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, fil-punt 55 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, din il-kritika hija ineffettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il‑Parlament, C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punti 5960).

40

Fi kwalunkwe każ, l-espressjoni “safejn tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) [TFUE]”, li tinsab fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589, għandha tiġi interpretata skont it-tifsira, korrettament adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 53 sa 55 tas-sentenza appellata, tal-Artikolu 107(1) u (3) TFUE. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, test tad-dritt sekondarju għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 174, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

Fir-rigward tal-kritika tal-Kummissjoni fir-rigward tar-riferimenti tal-Qorti Ġenerali għas-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni (C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 113), kif ukoll tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punti 4344), għandu jiġi rrilevat li, għalkemm huwa minnu li dawn is-sentenzi ma kinux jirrigwardaw speċifikament il-kwistjoni tal-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ miżura li l-Kummissjoni ma tkunx iddeterminat in-natura tagħha ta’ għajnuna mill-Istat, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-imsemmija sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod konsistenti mal-kliem tal-Artikolu 107 TFUE, aċċettat in-natura preliminari tad-determinazzjoni tan-natura ta’ għajnuna mill-Istat ta’ miżura vis-à-vis l-eżami dwar jekk din il-miżura hijiex kompatibbli mas-suq intern.

42

Għandu jingħad ukoll, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, f’sentenzi oħra, li l-“Kummissjoni hija obbligata tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali jekk, wara l-eżami preliminari msemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589, hija […] jkollha dubji dwar il-klassifikazzjoni stess ta’ ‘għajnuna’, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tal-miżura” (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑562/19 P, EU:C:2021:201, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑174/19 P u C‑175/19 P, EU:C:2021:801, punti 65 sa 67, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

Min-naħa l-oħra, hija ddeċidiet li l-“kwistjoni dwar jekk miżura għandhiex tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat issir qabel dik li tikkonsisti fil-verifika, jekk ikun il-każ, ta’ jekk għajnuna inkompatibbli fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE hijiex madankollu neċessarja għat-twettiq tal-missjoni imposta fuq il-benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni, skont l-Artikolu 106(2)” (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Viasat Broadcasting UK,C-445/19, EU:C:2020:952, punt 35).

44

Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li l-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali tqegħedha f’intopp, billi żżommha, f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ, milli tadotta kwalunkwe deċiżjoni fi tmiem l-eżami preliminari, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, bħalma proprju għamel ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li dan l-intopp jirriżulta biss mill-pożizzjoni żbaljata li tgħid li l-Kummissjoni hija kompetenti sabiex tikkonkludi li ma hemmx dubju dwar il-kompatibbiltà ta’ miżura li hija ma tkunx ikklassifikat bħala għajnuna mill-Istat u għalhekk, bħala korollarju, hija inkompetenti sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali f’tali sitwazzjoni. Ladarba din il-pożizzjoni titwarrab, l-intopp jingħeleb u jkun hemm lok li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, konformement mal-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2015/1589 u mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 42 ta’ din is-sentenza.

45

Fir-rigward tar-riferiment tal-Kummissjoni għall-Artikolu 4(6) tar-Regolament 2015/1589, għandu jiġi rrilevat li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ eżerċizzju mill-Kummissjoni tal-kompetenza deċiżjonali tagħha skont dan l-Artikolu 4. L-imsemmija dispożizzjoni, moqrija fid-dawl, b’mod partikolari, tal-premessa 7 ta’ dan ir-regolament, ma tistax isservi bħala bażi għal kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi li miżura li hija ma tkunx ikklassifikat bħala għajnuna mill-Istat hija kompatibbli mas-suq intern.

46

Fir-rigward tal-fatt li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589 isemmi “valutazzjoni preliminari” tal-miżura, għandu jiġi rrilevat li dan ir-riferiment ma jfissirx, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, li din tal-aħħar tista’ ttemm l-eżami preliminari permezz ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ miżura li hija ma tkunx ikklassifikat bħala għajnuna mill-Istat.

47

Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li jeżistu sitwazzjonijiet li fihom ikun, kemm fid-dawl tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kif ukoll tal-interess tal-partijiet ikkonċernati, iktar opportun li jiġi ddeterminat jekk il-miżura hijiex kompatibbli mas-suq intern milli li jiġi ddeterminat jekk din hijiex għajnuna, għandu jiġi rrilevat li dan il-prinċipju u l-kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità hekk invokati ma jistgħux iqiegħdu f’dubju l-istruttura u l-koerenza tal-Artikolu 107 TFUE li l-portata tiegħu tfakkret fil-punti 35 u 37 ta’ din is-sentenza.

48

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-Kummissjoni tiċċita, b’rabta mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer (C‑23/00 P, EU:C:2002:118), sabiex tiġġustifika li hija tista’ teżamina l-kompatibbiltà ta’ miżura mas-suq intern mingħajr ma tkun iddeterminat li din tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, huwa irrilevanti. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li mill-punt 52 ta’ din is-sentenza jirriżulta li hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tevalwa jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, li r-rikors jiġi miċħud fil-mertu mingħajr ma tiddeċiedi fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenut, il-problema li tqajjem din il-kawża tirrigwarda, min-naħa tagħha, il-kompetenza stess tal-Kummissjoni sabiex tadotta ċerti deċiżjonijiet. Issa, din il-kompetenza tal-Kummissjoni għandha tiġi eżerċitata b’osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati, fatt li, f’dan il-każ, u kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 35 u 37 ta’ din is-sentenza, jeżiġi li din l-istituzzjoni tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat qabel ma tkun tista’, jekk ikun il-każ, teżamina jekk tali għajnuna tistax, minkejja din il-klassifikazzjoni, titqies li hija kompatibbli mas-suq intern.

49

B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax tevita tali obbligu abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet marbuta mal-grad ta’ diffikultà li bih tista’ ssir tali klassifikazzjoni jew li bih jista’ jsir tali eżami ta’ kompatibbiltà f’każ partikolari.

50

Mill-kunsiderazzjonijiet premessi kollha jirriżulta li l-ewwel parti tal-aggravju uniku għandha tiġi miċħuda.

Fuq it‑tieni parti tal‑aggravju uniku

51

Fid-dawl tal-fatt li l-ewwel parti tal-aggravju ġiet miċħuda, ma huwiex meħtieġ li tiġi eżaminata t-tieni parti ta’ dan l-aggravju. Fil-fatt, mill-eżami ta’ din l-ewwel parti u miċ-ċaħda tagħha jirriżulta li, permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, ġustament, annullat id-Deċiżjoni kontenzjuża billi laqgħet il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni. Dan ifisser li l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx, jekk ikun il-każ, twettaq żball ta’ liġi hija u teżamina l-motiv ibbażat fuq il-possibbiltà ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali la tista’ taffettwa, fi kwalunkwe każ, l-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża hekk deċiża mill-Qorti Ġenerali u lanqas, għaldaqstant, l-eżitu ta’ dan l-appell.

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l‑ispejjeż

53

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, li japplikaw għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

54

Peress li l-Kummissjoni ħarġet telliefa, hemm lok, skont it-talbiet tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn dan l-Istat Membru.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.