SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

20 ta’ Ġunju 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikoli 10 u 11 – Ġurisdizzjoni fil-każ ta’ tneħħija illegali ta’ wild – Residenza abitwali tal-minuri fi Stat Membru qabel it-tneħħija illegali – Proċedura ta’ ritorn bejn pajjiż terz u Stat Membru – Kunċett ta’ ‘talba għal ritorn’ – Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-aspetti ċivili tal-ħtif internazzjonali tal-minuri”

Fil-Kawża C‑35/23 [Greislzel] ( 1 ),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Jannar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Jannar 2023, fil-proċedura

Missier

vs

Omm,

fil-preżenza ta’:

Minuri L,

Avukata,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, J.-C. Bonichot, S. Rodin u L. S. Rossi (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: N. Mundhenke, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Diċembru 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-missier, minn A. Hamerak u T. von Plehwe, avukati,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann, R. Kanitz u J. Simon, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, M. Kozak u S. Żyrek, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Vollrath u W. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Frar 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn ċittadin Ġermaniż residenti fl-Isvizzera, missier il-minuri L, u omm dan il-minuri dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ dan il-minuri.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980

3

Skont il-preambolu tal-Konvenzjoni dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tal-Minuri, konkluża f’Den Haag fil-25 ta’ Ottubru 1980 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980”), din għandha bħala għan li “tipproteġi lill-minuri, fil-livell internazzjonali, mill-effetti dannużi ta’ tneħħija jew ta’ żamma illegali u li tistabbilixxi proċeduri bl-għan li jiġi ggarantit ir-ritorn immedjat tal-minuri fl-Istat ta’ residenza abitwali tiegħu, kif ukoll li tiżgura l-protezzjoni tad-dritt ta’ aċċess”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi:

“Kull Stat kontraenti għandu jaħtar awtorità ċentrali responsabbli għat-twettiq tal-obbligi imposti fuqu mill-Konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi li:

“Il-persuna, l-istituzzjoni jew il-korp li jsostni li minuri ġie mneħħi jew miżmum bi ksur tad-dritt ta’ kustodja jistgħu jadixxu jew lill-awtorità ċentrali tar-residenza abitwali tal-minuri, jew lil dik ta’ kwalunkwe Stat kontraenti ieħor, għall-assistenza tagħhom sabiex ir-ritorn tal-minuri jiġi żgurat. ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 tal-istess konvenzjoni:

“Meta minuri jkun tneħħa jew inżamm b’mod illeċitu skont l-Artikolu 3 u, fid-data tal-bidu tal-proċedimenti quddiem l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat Kontraenti fejn ikun jinsab il-minuri, ikun għadda perjodu ta’ inqas minn sena mid-data tat-tneħħija jew taż-żamma illeċita, l-awtorità li tkun għandha tordna r-ritorn tal-minuri biex dan isir minnufih. ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7

L-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 jipprovdi:

“Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-artikolu preċedenti, l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat mitlub ma hijiex marbuta li tordna r-ritorn tal-minuri jekk il-persuna, l-istituzzjoni jew l-organu li jopponu għar-ritorn tiegħu jistabbilixxu li:

a)

il-persuna, l-istituzzjoni jew l-organu li jkunu vestiti bil-kura tal-persuna tal-minuri ma kinux effettivament qedin jeżerċitaw id-drittijiet tal-kustodja fiż-żmien meta jkun tneħħa jew inżamm il-minuri, jew kienu taw il-kunsens tagħhom jew sussegwentement baqgħu siekta għat-tneħħija jew għaż-żamma tal-minuri; jew

b)

jkun hemm riskju kbir li r-ritorn tal-minuri se jesponih għal dannu fiżiku jew psikoloġiku, jew inkella jqiegħed lill-minuri f’sitwazzjoni intollerabbli.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8

L-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 jipprovdi:

“[…] [D]in il-[k]onvenzjoni ma tipprekludix li strument internazzjonali ieħor li jorbot lill-Istat ta’ oriġini u lill-Istat rikjest […] jiġi invokat sabiex jinkiseb ir-ritorn ta’ minuri li ttieħed jew inżamm b’mod illegali jew sabiex jiġi organizzat id-dritt ta’ aċċess.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Ir-Regolament Nru 2201/2003

9

Il-premessi 12, 17 u 18 tar-Regolament Nru 2201/2003 huma redatti kif ġej:

“(12)

Ir-raġunijiet ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett ma’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l-minuri jew skond ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità.

[…]

(17)

F’każijiet ta’ tneħħija jew żamma nġusta ta’ minuri, ir-ritorn ta’ l-minuri għandu jinkiseb mingħajr dewmien, u għal dan il-għan għandha tkompli tapplika l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-25 ta’ Ottubru 1980 kif kumplementata mid-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, u partikolarrment l-Artikolu 11. Il-qrati ta’ l-Istati Membri liema jew li minnhom il-minuri ġew imneħħija nġustament jew miżmuma għandhom ikun jistghu jopponu r-ritorn tiegħu f’każijiet speċifici jew skond kif ġustifikati. Madankollu, deċiżjoni bħal din tista’ tiġi sostitwita minn deċiżjoni sussegwenti mill-qorti ta’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri qabel it-tneħħija jew żamma nġusta. Jekk dik is-sentenza tobbliga r-ritorn ta’ l-minuri, ir-ritorn għandu jiġi magħmul mingħajr l-ebda proċedura speċjali neċessarja għar-rikonoxximent u l-enfurzar ta’ dik is-sentenza fl-Istat Membru liema jew f’liema l-minuri ġew imneħħija jew miżmuma.

(18)

Fejn il-qorti ddeċidiet li ma tirritornax il-minuri skond l-Artikolu 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980, hija għandha tinforma l-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni jew awtorità ċentrali fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta. Kemm-il darba l-qorti f’dan l-aħħar Stat Membru ma ħaditx pussess ta’ dan, din il-qorti jew l-awtorità centrali għandha tinnotifika l-partijiet. Din l-obligazzjoni m’għandhiex titħalla topponi l-awtorità ċentrali milli tinnotifika wkoll l-awtoritajiet rilevanti pubbliċi skond il-liġi nazzjonali.”

10

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Id-definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

7.

il-kliem ‘responsabbilità ta’ l-ġenituri’ għandhom ifissru d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess;

[…]

9.

il-kliem ‘drittijiet ta’ kustodja’ għandhom jinkludu drittijiet u responsabbilitajiet dwar il-kura ta’ l-persuna ta’ l-minuri, u partikolarment id-drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza ta’ l-minuri;

[…]

11.

il-kliem ‘tneħħija nġusta jew iż-żamma’ għandhom ifissru t-tneħħija ta’ l-minuri jew iż-żamma fejn;

(a)

hemm ksur ta’ liġi tad-drittijiet ta’ kustodja akkwistati permezz ta’ sentenza jew b’operat ta’ liġi jew b’xi fteħim li għandu effett legali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma;

u

(b)

iżda, f’dak iż-żmien tat-tneħħija jew iż-żamma, id-drittijiet ta’ kustodja kienu attwalment eżerċitati, konġuntament jew unikament, jew kieku kienu ikunu hekk eżerċitati minħabba t-tneħħija jew iż-żamma. Il-kustodja se tiġi kkunsidrata biex tiġi eżerċitata konġuntament meta, skond sentenza jew b’operat ta’ liġi, wieħed mill-ġenituri li għandu jew għandha r-responsabbilità ma tistax tiddeċiedi dwar il-post ta’ residenza ta’ l-minuri mingħajr il-kunsens ta’ persuna oħra li għandha r-responsabbilità ta’ l-ġenitur.”

11

Ir-Regolament Nru 2201/2003 jinkorpora fih il-Kapitolu II, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni”, li jinkludi, fit-Taqsima 2 tiegħu, intitolata “Ir-Responsabbilità ta’ l-ġenituri”, l-Artikoli 8 sa 15 ta’ dan ir-regolament.

12

L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni ġenerali”, jipprovdi:

“1.   Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess.

2.   Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12.”

13

L-Artikolu 10 tar-regolament, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni f’każijiet ta’ ħtif ta’ minuri”, jipprovdi:

“F’każ ta’ tneħħija jew żamma nġusta ta’ minuri, il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta għandhom iżommu l-ġurisdizzjoni sakemm il-minuri jakkwistaw residenza abitwali fi Stat Membru ieħor u:

(a)

kull persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom drittijiet ta’ kustodja taw il-kunsens tagħhom għat-tneħħija jew żamma;

jew

(b)

il-minuri kellhom residenza f’dak l-Istat Membru l-ieħor għall-perjodu ta’ mill-inqas sena wara li l-persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom drittijiet ta’ kustodja kellhom jew setgħaw kellhom informazzjoni fejn qegħdin il-minuri u l-minuri ġew issistemati fl-ambjent ġdid tagħhom u mill-inqas waħda mill kondizzjonijiet segwenti ġiet milqugħa:

(i)

Fi żmien sena wara li l-pussessur tad-drittijiet ta’ kustodja kellu/ha jew seta’ kellu/ha nformazzjoni dwar fejn kienu l-minuri, ma saret l-ebda talba għar-ritorn ppreżentatquddiem l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn il-minuri ġew imneħħija jew miżmuma;

(ii)

talba għar-ritorn reġistrata mill-pussessur tad-drittijiet ta’ kustodja ġiet irtirata u l-ebda talba ġdida ma ġiet ippreżentata fiż-żmien limitu skond il-paragrafu (i);

(iii)

każ quddiem qorti fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta ġiet magħluq skond l-Artikolu 11(7);

(iv)

sentenza dwar kustodja li ma tikkunsidrax li t-talba tar-ritorn ta’ l-minuri tkun inħarġet mill-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija nġusta jew iż-żamma.”

14

L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Ir-Ritorn ta’ l-minuri”, jipprovdi:

“1.   Fejn persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom id-drittijiet ta’ kustodja japplika ma’ l-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru biex joħroġu sentenza dwar il-bażi ta’ l-Konvenzjoni ta’ [Den Haag tal-1980], ħalli tikseb ir-ritorn ta’ l-minuri li ġew inġustament imneħħija jew miżmuma fi Stat Membru barra dak li huwa l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta, għandhom japplikaw paragrafi 2 sa 8.

[…]

6.   Jekk qorti ħarġet ordni kontra r-ritorn skond l-Artikolu 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980, il qorti għandha immedjatament titrasmetti jew direttament jew mill-awtorità ċentrali tagħha,, kopja ta’ l-ordni ta’ l-qorti dwar l- sabiex ma jsirx ir-ritorn u d-dokumenti rilevanti, u partikolarment traskrizzjoni tas-seduti quddiem il-qorti, lill-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni jew lill-awtorità ċentrali fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta, kif determinati mil-liġi nazzjonali. Il-Qorti għandha tirċievi d-dokumenti kollha msemmija fi żmien xahar mid-data ta’ l-ordni sabiex ma jsirx ir-ritorn.

7.   Kemm-il darba il-qrati fl-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta [ma jkunux diġà ġew aditi minn] wieħed mill-partijiet, il-qorti jew l-awtorità ċentrali li tirċievi l-informazzjoni imsemmija fil-paragrafu 6 għandha tinnotifika lill-partijiet u tistedinhom jagħmlu s-sottomissjonijiet lill-qorti, skond il-liġi nazzjonali, fi żmien tlett xhur tad-data ta’ notifika ħalli l-qorti tkun tista’ teżamina l-kwistjoni ta’ l-kustodja ta’ l-minuri.

Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni li jinstabu f’dan ir-Regolament, il-qorti għandha tagħlaq il-każ jekk ebda sottomissjoni ma tiġi reġistrata mill-qorti fiż-żmien limitu.

8.   Minkejja sentenza biex ma jsirx ir-ritorn skond l-Artikolu 13 ta’ l-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980, kwalunkwe sentenza li tiġi wara li tirrekjedi r-ritorn ta’ l-minuri maħruġa minn qorti li għandha l-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament għandha tkun infurzabbli skond it-Taqsima 4 ta’ l-Kapitolu III li tinstab aktar l-isfel ħalli jiġi tassigurat ir-ritorn ta’ l-minuri.”

15

L-Artikolu 60 tar-regolament imsemmi, intitolat “Ir-Relazzjonijiet ma’ ċerti konvenzjonijiet multilaterali”, jipprovdi:

“Fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, dan ir-Regolament għandu jieħu preċedenza fuq il-konvenzjonijiet li ġejjin dement li jkunu jikkonċernaw kwistjonijiet li huma rregolati minn dan ir-Regolament:

[…]

(e) il-Konvenzjoni ta’ [Den Haag tal-1980].”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

L twieldet fl-Isvizzera f’Novembru 2014 u għandha ċittadinanza doppja Ġermaniża u Pollakka. Missierha, ta’ nazzjonalità Ġermaniża, ilu jgħix fl-Isvizzera minn Ġunju 2013 għal raġunijiet professjonali, filwaqt li ommha, ta’ nazzjonalità Pollakka, għexet ma’ bintha minn Jannar 2015 sa April 2016 fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja), il-belt li żżewġu fiha l-ġenituri ta’ L.

17

Minn Jannar 2015 sa April 2016, il-missier kien iżur lill-omm u lil L fil-Ġermanja regolarment.

18

F’Mejju 2015, l-Uffiċċju Svizzeru għall-Migrazzjoni aċċetta l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja mressqa mill-missier, li abbażi tagħha l-omm kisbet permess ta’ residenza temporanja fl-Isvizzera, validu sal-31 ta’ Diċembru 2019.

19

Fid-9 ta’ April 2016, l-omm u L marru jgħixu l-Polonja. L-omm għalhekk għamlet dikjarazzjoni ta’ tluq tal-familja kollha minn Frankfurt am Main, fejn indikat l-indirizz tal-missier fl-Isvizzera. Matul is-sajf tal-2016, l-omm applikat għal impjiegi fl-Isvizzera. Hija ilha taħdem fil-Polonja minn Novembru 2016.

20

Inizjalment, il-missier żar lil martu u lil bintu fil-Polonja. Madankollu, minn April 2017, l-omm irrifjutat lill-missier l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess tiegħu għat-tifla tagħhom. Hija rreġistrat lil din tal-aħħar f’kindergarten fil-Polonja, mingħajr il-kunsens tal-missier. Fl-aħħar ta’ Mejju 2017, l-omm informat lill-missier li hija baqgħet il-Polonja mat-tifla tagħha.

21

Fis-7 ta’ Lulju 2017, il-missier ressaq talba għar-ritorn tal-minuri lejn l-Isvizzera permezz tal-awtorità ċentrali Svizzera, jiġifieri l-Uffiċċju Federali tal-Ġustizzja f’Bern, skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

22

Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2017, is-Sąd Rejonowy dla Krakowa‑Nowej Huty w Krakowie (il-Qorti Distrettwali ta’ Krakow Nowa Huta, fi Krakow, il-Polonja) ċaħdet din it-talba, għar-raġuni li l-missier kien ta l-kunsens tiegħu għal żmien indeterminat għat-trasferiment tal-omm u tat-tifla tagħhom fil-Polonja. Barra minn hekk, din il-qorti qieset li kien jeżisti riskju serju għall-interess superjuri tal-minuri, fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 fil-każ ta’ ritorn tagħha, peress li l-missier irrikonoxxa li uża, darba waħda biss, il-vjolenza fil-konfront tal-omm.

23

L-appell ippreżentat mill-missier kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud mis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Krakow, il-Polonja) fis-17 ta’ April 2018.

24

Fis-27 ta’ Settembru 2017, l-omm bdiet proċedura ta’ divorzju fil-Polonja. F’Ottubru 2017, hija għamlet ukoll dikjarazzjoni tat-tluq ta’ L quddiem il-komun ta’ X fl-Isvizzera.

25

Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2018, is-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Krakow) tat provviżorjament lill-omm il-kustodja ta’ L u rregolat l-obbligu ta’ manteniment tal-missier. Il-qorti tar-rinviju tindika li, matul l-2022, il-missier żar lill-minuri fil-Polonja bis-saħħa ta’ deċiżjoni ġudizzjarja meħuda f’dan l-Istat Membru.

26

Il-missier ma kompliex it-tieni talba għar-ritorn tal-minuri skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 li huwa kien ressaq fid-29 ta’ Ġunju 2018 quddiem il-Bundesamt für Justiz (l-Uffiċċju Federali tal-Ġustizzja) f’Bonn (il-Ġermanja).

27

Permezz ta’ rikors tat-12 ta’ Lulju 2018, ippreżentat quddiem l-Amtsgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Distrettwali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), il-missier talab l-għoti tal-kustodja esklużiva tal-minuri, id-dritt li tiġi ddeterminata r-residenza tiegħu kif ukoll ir-ritorn tal-minuri għandu, fl-Isvizzera, sa mid-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni.

28

Il-missier sostna li l-ġenituri tal-minuri ftiehmu, matul l-2015, li jgħixu fil-futur ma’ L fl-Isvizzera. Matul April 2016, l-omm iddeċidiet li tingħaqad, għal perijodu limitat, mal-ġenituri tagħha fil-Polonja. Il-missier wera l-kunsens tiegħu għal dan, sakemm din ir-residenza tkun limitata għal sentejn jew tliet snin. Ġie miftiehem li l-minuri jattendi kindergarten fl-Isvizzera mhux iktar tard minn Novembru 2017.

29

L-omm opponiet it-talba. Hija sostniet li l-missier ta l-kunsens tiegħu għaċ-ċaqliq fil-Polonja u kkontribwixxa għall-kisba tal-passaport Pollakk f’dan il-pajjiż. Min-naħa l-oħra, la kien hemm ftehim dwar ċaqliq għal perijodu limitat fil-Polonja u lanqas, ftehim dwar ċaqliq fl-Isvizzera.

30

Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2019, l-Amtsgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Distrettwali ta’ Frankfurt am Main) ċaħdet it-talba tal-missier intiża biex tingħatalu l-kustodja esklużiva tal-minuri, għar-raġuni li din il-qorti ma kellhiex ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tiddeċiedi dwarha.

31

Il-missier ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) billi sostna, essenzjalment, li l-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi tirriżulta mill-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 2201/2003, moqri flimkien mal-paragrafu 7 ta’ dan l-artikolu, kif ukoll mill-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament.

32

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva, fl-ewwel lok, li, fid-data tal-preżentata tar-rikors tal-missier fl-ewwel istanza, jiġifieri fit-12 ta’ Lulju 2018, L kien abitwalment jirrisjedi fil-Polonja, b’tali mod li l-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi ma tistax tkun ibbażata fuq l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003.

33

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati li tirriżulta, skont il-missier, mill-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 2201/2003, il-qorti tar-rinviju tqis li dawn l-artikoli għandhom jiġu interpretati flimkien u tfakkar li l-imsemmija artikoli japplikaw biss fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri. Huwa għalhekk li din tqis li, fil-proċedura ta’ ritorn mibdija fuq talba tal-missier fis-7 ta’ Lulju 2017 permezz tal-Uffiċċju Federali tal-Ġustizzja f’Bern, li kien intiż biex jikseb ir-ritorn tal-minuri fl-Isvizzera, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003, dwar l-implimentazzjoni ta’ proċeduri taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, ma japplikawx, peress li l-Konfederazzjoni Svizzera ma hijiex marbuta bir-Regolament Nru 2201/2003.

34

Konsegwentement, skont il-qorti tar-rinviju, wara ċ-ċaħda tat-talba għal ritorn, il-qorti Pollakka ma kellha ebda raġuni għalfejn tipproċedi konformement mal-Artikolu 11(6) u (7) ta’ dan ir-regolament u li tinforma lill-qrati jew lill-awtorità ċentrali Ġermaniżi bid-deċiżjoni ta’ żamma. Il-qorti tar-rinviju żżid li t-tieni talba għal ritorn, li l-missier ressaq quddiem l-Uffiċċju Federali tal-Ġustizzja f’Bonn ftit qabel it-tressiq tat-talba tiegħu għall-kustodja esklużiva li wasslet għal din il-proċedura, ma tistax isservi bħala bażi għaż-żamma tal-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament, peress li l-missier ma kompliex din it-talba għal ritorn.

35

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tqis li, sa fejn l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 huwa applikabbli f’din il-kawża, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 10(b)(i) ta’ dan ir-regolament, li jipprevedi ż-żamma tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li fih il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali tiegħu, ma humiex, bħala prinċipju, issodisfatti. Fil-fatt, filwaqt li l-missier isostni li l-minuri tneħħa illegalment mill-Polonja f’Mejju 2017, it-talba tiegħu dwar id-dritt ta’ kustodja tressqet biss fit-12 ta’ Lulju 2018, b’tali mod li t-terminu ta’ sena previst fl-Artikolu 10(b)(i) tal-imsemmi regolament ma ġiex osservat. Madankollu, dan it-terminu jista’ jiġi osservat jekk jibda jiddekorri mid-data li fiha dan il-minuri kellu jattendi, skont missieru, kindergarten fl-Isvizzera, jiġifieri minn Novembru 2017.

36

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-espożizzjoni tal-fatti ppreżentati mill-missier f’dan ir-rigward fil-kuntest ta’ din il-proċedura hija differenti minn dik li huwa ppreżenta matul il-proċedura mibdija skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk il-missier huwiex prekluż milli jippreżenta fatti ġodda fir-rigward tad-data eżatta tat-tneħħija illegali u jekk ir-regoli fil-qasam tal-oneru tal-prova applikabbli fil-proċeduri mressqa taħt din il-konvenzjoni jistgħux jiġu trasposti għal din il-proċedura. Il-qorti tar-rinviju tidher li tqis li hija ma hijiex marbuta bid-deċiżjoni dwar it-talba għal ritorn mogħtija abbażi tal-imsemmija konvenzjoni u li hija għandha tevalwa l-kontradizzjonijiet fl-espożizzjoni tal-fatti tal-missier.

37

Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tosserva li, fil-każ ta’ rifjut tar-ritorn tal-minuri skont l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, ir-regoli tal-Artikolu 11(6) sa (8) tar-Regolament Nru 2201/2003 jħeġġu li tinbeda proċedura dwar il-kustodja tal-minuri quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali tiegħu. Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostni l-missier, il-qorti tar-rinviju tqis li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu 11 tippreżupponi imperattivament l-implimentazzjoni ta’ proċedura abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 bejn żewġ Stati Membri marbuta bir-Regolament Nru 2201/2003, li ma huwiex il-każ hawnhekk.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“Il-mekkaniżmu regolamentari previst fl-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament [Nru 2201/2003] sa fejn huwa limitat għal proċeduri fil-kuntest ta’ relazzjonijiet bejn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea?

Konkretament:

1.

L-Artikolu 10 tar-Regolament [Nru 2201/2003] japplika, bil-konsegwenza li tinżamm il-ġurisdizzjoni tal-qrati fl-Istat [Membru] ta’ residenza preċedenti, fil-każ fejn il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru tal-Unjoni (il-Ġermanja) qabel it-tneħħija tiegħu u li l-proċeduri ta’ ritorn taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag [tal-1980] żvolġew bejn Stat Membru tal-Unjoni (il-Polonja) u Stat terz (l-Isvizzera), u li f’dawn il-proċeduri, ir-ritorn tal-wild ġie rrifjutat?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

2.

Fil-kuntest tal-Artikolu 10(b)(i) tar-Regolament [Nru 2201/2003], liema huma r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex tiġi stabbilita ż-żamma tal-ġurisdizzjoni [tal-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti tal-wild]?

3.

L-Artikolu 11(6) sa (8) tar-Regolament [Nru 2201/2003] japplika wkoll fil-każ ta’ implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ ritorn skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag [tal-1980] fil-kuntest ta’ relazzjonijiet bejn Stat terz u Stat Membru tal-Unjoni, bħala Stat ta’ refuġju, sa fejn il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru tal-Unjoni ieħor qabel it-tneħħija?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

39

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Minn din il-perspettiva, huwa l-obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (sentenza tat-30 ta’ Jannar 2024, Direktor na Glavna direktsia Natsionalna politsia pri MVR – Sofia, C‑118/22, EU:C:2024:97, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan il-każ, l-ewwel domanda toriġina mill-fatt li, skont il-qorti tar-rinviju, l-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 hija suġġetta għall-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ ritorn tal-minuri, mibdija bis-saħħa tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, bejn żewġ Stati Membri, kif din il-proċedura hija kkompletata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament. Issa, sa fejn il-missier, qabel it-tilwima f’din il-kawża, beda proċedura għar-ritorn tal-minuri permezz tal-awtorità ċentrali tal-Konfederazzjoni Svizzera, pajjiż terz li fir-rigward tiegħu huwa paċifiku li dan ma huwiex marbut bir-Regolament Nru 2201/2003, il-qorti tar-rinviju tqis li la d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu 11 u lanqas, konsegwentement, dawk tal-Artikolu 10 tiegħu ma huma applikabbli fil-kawża prinċipali.

41

F’tali ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar iż-żamma tal-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi bħala qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-minuri immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali tiegħu.

42

Minn dan isegwi li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(b)(i) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tibqax applikabbli għas-sempliċi raġuni li awtorità ċentrali ta’ pajjiż terz tkun intalbet sabiex timplimenta proċedura ta’ ritorn tal-minuri abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, u li din il-proċedura falliet.

43

Mingħajr ma jqiegħed inkwistjoni l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda, il-Gvern Pollakk isostni li dan l-Artikolu 10 ma huwiex applikabbli għall-kawża prinċipali sa fejn qorti Pollakka ċaħdet it-talba ta’ missier L sabiex jiġi ordnat ir-ritorn tal-minuri tiegħu, abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, billi ddeċidiet li ma kienx hemm tneħħija jew żamma illegali ta’ dan il-minuri.

44

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif ikkonfermat mill-Artikolu 11(8) tar-Regolament Nru 2201/2003, id-deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru li tirrifjuta li tilqa’ talba għal ritorn, abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, ma teskludix li qorti ta’ Stat Membru ieħor tista’ tqis li għandha ġurisdizzjoni abbażi tal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament.

45

Abbażi ta’ din il-preċiżazzjoni, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri hija attribwita lill-qrati tal-Istat Membru fejn il-minuri jkollu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument meta l-qorti tiġi adita. Fil-fatt, minħabba l-prossimità ġeografika tagħhom, dawn il-qrati ġeneralment ikunu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwaw il-miżuri li għandhom jiġu adottati fl-interess tal-minuri (sentenza tal-14 ta’ Lulju 2022, CC (Trasferiment tar-residenza abitwali tal-minuri lejn Stat terz), C‑572/21, EU:C:2022:562, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Madankollu, skont l-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament, din il-ġurisdizzjoni ġenerali hija applikabbli “bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9, 10 u 12” tal-imsemmi regolament.

47

L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi li l-qrati tal-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali tiegħu għandhom iżommu l-ġurisdizzjoni sakemm il-minuri jikseb residenza abitwali fi Stat Membru ieħor.

48

It-trasferiment tal-ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor huwa suġġett għall-kundizzjoni, prevista fil-punt (a) ta’ dan l-Artikolu 10, li persuna li jkollha d-dritt ta’ kustodja tkun tat il-kunsens tagħha għal din it-tneħħija jew żamma, jew għal dawk, previsti fil-punt (b) tal-imsemmi Artikolu 10. Skont dan il-punt (b), huwa meħtieġ, l-ewwel nett, li l-minuri jkun irrisjeda f’dan l-Istat Membru għal perijodu ta’ mill-inqas sena wara li l-persuna, l-istituzzjoni jew kull organu ieħor li għandhom id-dritt ta’ kustodja kienu jafu jew kellhom ikunu jafu fejn kien jinsab il-minuri, it-tieni nett, li l-minuri jkun integra ruħu fl-ambjent il-ġdid tiegħu u, it-tielet nett, li huwa jissodisfa waħda mill-erba’ kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti fil-punti (i) sa (iv) ta’ din id-dispożizzjoni. Il-kundizzjoni stabbilita fil-punt (i) tagħha tipprovdi li fi żmien sena wara li l-pussessur tad-drittijiet ta’ kustodja kellu/ha jew seta’ kellu/ha informazzjoni dwar fejn kien jinsab il-minuri, “ma saret l-ebda talba għar-ritorn ppreżentatquddiem l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn il-minuri ġew imneħħija jew miżmuma”.

49

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, fejn persuna li għandha d-dritt ta’ kustodja tapplika mal-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru biex jiddeċiedu dwar il-bażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, bil-għan li tikseb ir-ritorn ta’ minuri li tneħħa jew inżamm inġustament fi Stat Membru barra dak li huwa l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma inġusta, għandhom japplikaw il-paragrafi 2 sa 8 tal-Artikolu 11.

50

Mill-kliem ta’ dan l-Artikolu 11 jirriżulta b’mod ċar li din id-dispożizzjoni tapplika biss meta proċedura ta’ ritorn ta’ minuri mneħħi jew miżmum illegalment tkun inbdiet skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 bejn Stati Membri.

51

Madankollu, xejn fil-formulazzjoni u lanqas fl-istruttura tal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament jew fl-għanijiet imfittxija minnu ma jippermetti li jiġi sostnut li r-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fl-imsemmi Artikolu 10 li tikkonsisti, bħala prinċipju, fiż-żamma tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li fih il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali tiegħu ssir inapplikabbli għar-raġuni li nbdiet proċedura ta’ ritorn, mingħajr suċċess, bis-saħħa tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 bejn l-awtoritajiet ċentrali jew ġudizzjarji ta’ pajjiż terz u ta’ Stat Membru.

52

Fil-fatt, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li r-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 hija bbażata fuq “tneħħija jew żamma nġusta [illegali] ta’ minuri”, mifhuma bħala, skont l-Artikolu 2(11) ta’ dan ir-regolament, bħala tneħħija jew żamma mwettqa bi ksur ta’ dritt ta’ kustodja li jirriżulta minn deċiżjoni ġudizzjarja, mill-operat tal-liġi jew minn ftehim fis-seħħ bis-saħħa tal-liġi tal-Istat Membru fejn il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel din it-tneħħija u bil-kundizzjoni li d-dritt ta’ kustodja kien effettivament eżerċitat, waħdu jew konġuntament, fil-mument tat-tneħħija jew taż-żamma, jew kien ikun kieku dawn l-avvenimenti ma seħħewx (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Awwissu 2021, A, C‑262/21 PPU, EU:C:2021:640, punt 44).

53

Din id-definizzjoni tat-tneħħija jew taż-żamma illegali ta’ minuri b’hekk sempliċement tirreferi għal ksur tad-dritt ta’ kustodja ta’ wieħed mid-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri skont id-dritt tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-minuri immedjatament qabel din it-tneħħija jew din iż-żamma. Għaldaqstant, hija ma tiddependix mill-impenn, neċessarjament sussegwenti u eventwali, mid-detentur tad-dritt ta’ kustodja ta’ proċedura għar-ritorn tal-minuri, ibbażata fuq il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

54

Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan imfittex mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 li jikkonsisti f’li jiġi evitat li jingħata vantaġġ proċedurali lill-awtur tal-ħtif illegali tal-minuri li jirriżulta mill-fatt li l-qrati tal-Istat Membru li fih dan il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel dan il-ħtif jitilfu awtomatikament il-ġurisdizzjoni tagħhom għas-sempliċi raġuni li dan il-minuri issa jirrisjedi b’mod abitwali mal-awtur ta’ dan il-ħtif fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2023, TT (Tneħħija illegali tal-minuri), C‑87/22, EU:C:2023:571, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Fit-tieni lok, filwaqt li, sabiex titwaqqaf il-ġurisdizzjoni tal-qrati tar-residenza abitwali preċedenti tal-minuri, l-Artikolu 10(b) jirreferi għan-nuqqas ta’ kull talba għar-ritorn quddiem l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-minuri tneħħa jew inżamm illegalment, din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma tispeċifika li tali talba għandha tkun ġiet ippreżentata skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u lanqas ma teskludi li din setgħet ġiet ippreżentata permezz ta’ awtorità ċentrali ta’ pajjiż terz.

56

Min-naħa l-oħra, il-premessa li tibbaża ruħha fuqha l-qorti tar-rinviju twassal biex tobbliga lid-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri, li d-dritt ta’ kustodja tiegħu nkiser fis-sens tal-Artikolu 2(11) ta’ dan ir-regolament, jinvoka d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 sabiex jitlob ir-ritorn tal-minuri kkonċernat.

57

Issa, minn naħa, għandu jitfakkar li dawn id-dispożizzjonijiet ma jiħdux preċedenza, skont l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 2201/2003, fuq id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri fl-oqsma rregolati minn dan tal-aħħar. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2023, TT (Tneħħija illegali tal-minuri), C‑87/22, EU:C:2023:571, punt 58).

58

Min-naħa l-oħra, l-allegazzjoni tal-eżistenza ta’ obbligu li jiġu invokati d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 sabiex jintalab ir-ritorn ta’ minuri li huwa s-suġġett ta’ ħtif internazzjonali diġà ġiet miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, C.E. u N.E. (C‑325/18 PPU u C‑375/18 PPU, EU:C:2018:739, punti 4951). Kif jirriżulta mill-Artikolu 34 ta’ din il-konvenzjoni, proċedura ta’ ritorn tista’, fil-fatt, tkun ibbażata fuq regoli oħra jew fuq dispożizzjonijiet oħra ta’ ftehim, b’mod partikolari dawk bilaterali. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll, fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, li l-persuna li fiha tkun vestita r-responsabbiltà tal-ġenituri tista’ titlob ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 2201/2003, ta’ deċiżjoni dwar l-awtorità tal-ġenituri u dwar ir-ritorn ta’ minuri, adottata minn qorti li jkollha ġurisdizzjoni skont it-Taqsima 2 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, anki jekk ma tkunx ippreżentat talba għal ritorn abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

59

Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li l-ġenitur li jkun inkiser id-dritt ta’ kustodja tiegħu jkun beda, mingħajr suċċess, proċedura skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 fir-rigward tar-ritorn tal-minuri mneħħi jew miżmum illegalment permezz tal-awtorità ċentrali ta’ pajjiż terz u sussegwentement mibgħut lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, huwa irrilevanti għall-applikazzjoni, għal tali sitwazzjoni, tar-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003.

60

Fit-tielet lok, kuntrarjament għal dak li ssostni l-qorti tar-rinviju, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2021, MCP (C‑603/20 PPU, EU:C:2021:231), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament ma japplikax għal sitwazzjoni li fiha minuri jkun kiseb, fid-data tal-preżentata tat-talba dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, ir-residenza abitwali tiegħu f’pajjiż terz wara ħtif lejn dan il-pajjiż, hija irrilevanti għall-interpretazzjoni preċedenti. Fil-fatt, huwa paċifiku, fil-kawża prinċipali, li t-tneħħija allegatament illegali seħħet bejn żewġ Stati Membri, sitwazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

61

Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż, ma jistax jiġi aċċettat, fis-silenzju tar-Regolament Nru 2201/2003, li l-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, prevista fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, hija suġġetta għall-applikazzjoni ta’ regoli proċedurali, bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 11(6) u (7) tal-imsemmi regolament, li għandhom prinċipalment l-għan li jirregolaw it-trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar deċiżjoni ta’ żamma, adottata skont l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, li għandha tiġi kkomunikata lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni tal-Istat Membru li fih il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali u li tiddetermina l-modalitajiet ta’ notifika ta’ din l-informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Jannar 2015, RG, C‑498/14 PPU, EU:C:2015:3, punt 46).

62

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(b)(i) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tieqafx milli tkun applikabbli għas-sempliċi raġuni li awtorità ċentrali ta’ pajjiż terz tkun intalbet biex timplimenta proċedura ta’ ritorn ta’ minuri taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u li din il-proċedura falliet.

Fuq it-tieni domanda

63

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod ġenerali, liema huma l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex tiġi kkonstatata ż-żamma tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li fih il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali tiegħu.

64

Mill-motivazzjoni u miċ-ċirkustanzi fattwali esposti fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din id-domanda tirrigwarda b’mod iktar preċiż żewġ punti relatati, b’mod partikolari, mal-kunċett ta’ “talba għal ritorn”, kif imsemmi fl-Artikolu 10(b)(i) ta’ dan ir-regolament. Minn naħa, il-qorti tar-rinviju tqis li t-talba għal ritorn imressqa mill-missier ta’ L, fis-7 ta’ Lulju 2017, ma tikkostitwixxix “talba għar-ritorn”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 10(b)(i), għar-raġuni li hija kienet intiża biex tikseb ir-ritorn tal-minuri f’pajjiż terz, jiġifieri l-Konfederazzjoni Svizzera. Min-naħa l-oħra, din il-qorti tqis li t-talba għal kustodja mressqa mill-missier, fit-12 ta’ Lulju 2018, tista’ titqabbel ma’ “talba għar-ritorn”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 10(b)(i). Madankollu, hija tirrileva li din it-talba ġiet ippreżentata wara t-terminu ta’ sena stabbilit minn din id-dispożizzjoni jekk id-dies a quo ta’ dan it-terminu kellu jkun identiku għal dak li kien applikabbli fil-kuntest tat-talba għal ritorn imressqa fis-7 ta’ Lulju 2017 fir-rigward tat-talbiet tal-missier. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-kwistjoni jekk id-detentur tad-dritt ta’ kustodja għandux il-possibbiltà li jressaq elementi ġodda meta mqabbla ma’ dawk li huwa sostna fil-kuntest tal-imsemmija proċedura u liema huma, f’dan ir-rigward, ir-regoli dwar l-oneru tal-prova.

65

Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet u fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, hemm lok li tiġi rriformulata t-tieni domanda b’tali mod li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(b)(i) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “talba għar-ritorn”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, talba intiża għar-ritorn tal-minuri fi Stat li ma huwiex l-Istat Membru li fih il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali tiegħu jew talba għall-kustodja ta’ dan il-minuri mressqa quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru. Fil-każ ta’ risposta affermattiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, minn naħa, sabiex jiġi stabbilit li d-detentur tad-dritt ta’ kustodja ppreżenta talba għar-ritorn fit-terminu stabbilit mill-imsemmija dispożizzjoni, dan għandux il-possibbiltà li jipproduċi elementi ġodda meta mqabbla mal-elementi li huwa invoka matul il-proċedura mibdija skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 u, min-naħa l-oħra, jekk ir-regoli fil-qasam tal-oneru tal-prova humiex identiċi għal dawk applikabbli fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

66

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-punt dwar jekk, kif issostni b’mod partikolari l-Kummissjoni, talba għar-ritorn tal-minuri lejn Stat, inkluż lejn pajjiż terz, differenti mill-Istat Membru li fih dan il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali tiegħu, taqax taħt l-Artikolu 10(b)(i) tar-Regolament Nru 2201/2003, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li dan ir-regolament ma jispeċifikax x’għandu jinftiehem b’“talba għar-ritorn”.

67

Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet ta’ interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss kliemha, iżda wkoll il-kuntest li tinsab fih u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li hija tifforma parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2023, TT (Tneħħija illegali tal-minuri), C‑87/22, EU:C:2023:571, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

F’dan ir-rigward, qabel kollox, ma hemm xejn fil-formulazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 li jippermetti li jiġi dedott li l-espressjoni “talba għar-ritorn” tirreferi għal azzjoni differenti minn dik li permezz tagħha persuna titlob li minuri jirritorna fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali tiegħu.

69

Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, għandu jitfakkar li dan l-artikolu jipprevedi regola speċjali ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward tar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament. Dan l-Artikolu 10 jistabbilixxi għalhekk iċ-ċirkustanzi li fihom il-ġurisdizzjoni favur il-qrati tal-Istat Membru li fih il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali tiegħu tinżamm jew, għall-kuntrarju, tiġi ttrasferita lill-qrati tal-Istat Membru li fih il-minuri kiseb residenza abitwali wara tneħħija jew żamma illegali.

70

Għaldaqstant, huwa loġiku u konformi mal-istruttura tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri previsti mir-Regolament Nru 2201/2003 li, minn naħa, it-“talba għar-ritorn”, imsemmija fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, għandha tiġi indirizzata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-minuri tneħħa illegalment u jinsab fiżikament u, min-naħa l-oħra, din l-istess talba hija intiża biex jinkiseb ir-ritorn ta’ dan il-minuri fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija illegali, u li l-qrati tiegħu huma, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba l-prossimità ġeografika tagħhom, ġeneralment fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwaw il-miżuri li għandhom jiġu adottati fl-interess tal-imsemmi minuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2023, TT (Tneħħija illegali tal-minuri), C‑87/22, EU:C:2023:571, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, talba intiża biex il-minuri jittieħed lejn Stat ieħor, li barra minn hekk huwa pajjiż terz, li fit-territorju tiegħu huwa ma rrisjediex b’mod abitwali qabel it-tneħħija illegali tiegħu, ma tissodisfax din il-loġika.

71

Finalment, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan tar-Regolament Nru 2201/2003. Fil-fatt, dan huwa intiż biex jiskoraġġixxi l-ħtif ta’ minuri bejn Stati u, fil-każ ta’ ħtif, biex jinkiseb ir-ritorn immedjat tal-minuri fl-Istat tar-residenza abitwali tiegħu (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, C.E. u N.E., C‑325/18 PPU u C‑375/18 PPU, EU:C:2018:739, punt 47).

72

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 2201/2003 li wieħed mill-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni huwa l-istabbiliment mill-ġdid tal-istatus quo ante, jiġifieri tas-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali tal-minuri. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2023, Rzecznik Praw Dziecka et (Sospensjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn), C‑638/22 PPU, EU:C:2023:103, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

Minkejja li, kif ġie deċiż fil-punti 51 sa 62 ta’ din is-sentenza, il-ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma hijiex suġġetta għall-fatt li proċedura ta’ ritorn tinbeda skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, kif din il-proċedura hija kkompletata, bejn l-Istati Membri, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament, xorta jibqa’ l-fatt li l-istabbiliment mill-ġdid tal-istatus quo ante jikkostitwixxi neċessarjament għan komuni tat-talbiet għal ritorn imsemmija fid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 10 u 11 tal-imsemmi regolament.

74

Għaldaqstant, dawn l-għanijiet kollha jkunu kompromessi jekk “talba għar-ritorn” tinftiehem bħala talba għat-trasferiment tal-minuri lejn Stat li fit-territorju tiegħu dan il-minuri ma kellux ir-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL, C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 38).

75

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu, kif issostni l-Kummissjoni, li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 ta’ din il-konvenzjoni jawtorizza lid-detentur tad-dritt ta’ kustodja biex iressaq talba għar-ritorn permezz tal-awtorità ċentrali ta’ kull Parti Kontraenti, il-preambolu tal-imsemmija konvenzjoni jindika madankollu li din tal-aħħar hija intiża biex tipproteġi lill-minuri, fuq livell internazzjonali, mill-effetti dannużi ta’ tneħħija jew ta’ żamma illegali u biex tistabbilixxi proċeduri sabiex jiġi ggarantit ir-ritorn immedjat tal-minuri fl-Istat tar-residenza abitwali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2023, Rzecznik Praw Dziecka et (Sospensjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn), C‑638/22 PPU, EU:C:2023:103, punt 64).

76

Għalhekk, mill-interpretazzjoni litterali, kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 10(b)(i) tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta li l-kunċett ta’ “talba għar-ritorn”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jirreferi għal talba li permezz tagħha persuna titlob li minuri jirritorna fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali tiegħu.

77

Għall-kuntrarju, talba intiża biex il-minuri jingħaqad ma’ wieħed mill-ġenituri tiegħu f’pajjiż terz li fih dan il-minuri ma kellux ir-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel ma tneħħa illegalment ma tikkostitwixxix “talba għar-ritorn”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 10(b)(i).

78

Fit-tieni lok, talba għal kustodja quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali tiegħu ma tistax titqies li hija ekwivalenti għal talba għal ritorn fis-sens tal-Artikolu 10(b)(i) tar-Regolament Nru 2201/2003.

79

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-Artikolu 10(b) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li talba għar-ritorn ta’ minuri u talba għall-attribuzzjoni tal-kustodja ta’ minuri ma humiex interkambjabbli, peress li dawn iż-żewġ talbiet għandhom funzjonijiet differenti. Minn naħa, kuntrarjament għal talba intiża biex tinkiseb il-kustodja ta’ minuri, li teħtieġ eżami fil-fond tat-tilwima fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, talba għar-ritorn hija suġġetta, min-natura tagħha, għal proċedura mħaffa, peress li hija intiża biex tiżgura, kif tiddikjara l-premessa 17 tar-Regolament Nru 2201/2003, ir-ritorn mingħajr dewmien tal-minuri(ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2023, Rzecznik Praw Dziecka et (Sospensjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn), C‑638/22 PPU, EU:C:2023:103, punt 6870). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li deċiżjoni dwar ir-ritorn jew iż-żamma tal-minuri ma tirregolax il-kwistjoni tal-kustodja tiegħu, peress li l-impossibbiltà li wieħed jibbenefika minn proċedura ta’ ritorn hija mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għall-ġenitur li d-dritt ta’ kustodja tiegħu jkun inkiser li jinvoka d-drittijiet tiegħu dwar il-mertu tar-responsabbiltà tal-ġenituri permezz ta’ proċedura mressqa quddiem il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tagħha skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL, C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80

Peress li la talba għar-ritorn ta’ minuri lejn Stat li fit-territorju tiegħu dan il-minuri ma kellux ir-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali tiegħu u lanqas talba għal kustodja mressqa fir-rigward ta’ dan il-minuri ma jistgħu jiġu kklassifikati bħala “talb[iet] għar-ritorn”, fis-sens tal-Artikolu 10(b)(i) tar-Regolament Nru 2201/2003, ma hemmx lok li jiġu eżaminati d-domandi msemmija fl-aħħar sentenza tal-punt 65 ta’ din is-sentenza.

81

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(b)(i) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “talba għar-ritorn”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, la talba intiża għar-ritorn tal-minuri fi Stat li ma huwiex l-Istat Membru li fih dan il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali tiegħu, u lanqas talba għall-kustodja tal-imsemmi minuri mressqa quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru.

Fuq it-tielet domanda

82

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(6) sa (8) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika fl-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ ritorn ta’ minuri bis-saħħa tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 bejn pajjiż terz u Stat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab dan il-minuri wara tneħħija jew żamma illegali, sa fejn dan kellu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru ieħor qabel it-tneħħija tiegħu.

83

Kif ġie ppreċiżat fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan japplika biss flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri.

84

Minn dan isegwi li, kif sostnew ġustament il-Gvern Ġermaniż u dak Pollakk, kif ukoll il-Kummissjoni, l-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ notifika previsti fl-Artikolu 11(6) u (7) tal-imsemmi regolament kif ukoll in-natura eżekuttiva tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 11(8) tal-istess regolament, ma japplikawx fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ritorn tal-minuri li ġiet implimentata bejn awtorità ċentrali ta’ pajjiż terz u l-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih jinsab dan il-minuri wara tneħħija jew żamma illegali.

85

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 11(6) sa (8) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax meta tiġi implimentata proċedura ta’ ritorn ta’ minuri bis-saħħa tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 bejn pajjiż terz u Stat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab dan il-minuri wara tneħħija jew żamma illegali.

Fuq l-ispejjeż

86

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 10(b)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

din id-dispożizzjoni ma tieqafx milli tkun applikabbli għas-sempliċi raġuni li awtorità ċentrali ta’ pajjiż terz tkun intalbet biex timplimenta proċedura ta’ ritorn ta’ minuri taħt il-Konvenzjoni dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tal-Minuri, konkluża f’Den Haag fil-25 ta’ Ottubru 1980 u li din il-proċedura falliet.

 

2)

L-Artikolu 10(b)(i) tar-Regolament Nru 2201/2003

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “talba għar-ritorn” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, la talba intiża għar-ritorn tal-minuri fi Stat li ma huwiex l-Istat Membru li fih dan il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma illegali tiegħu, u lanqas talba għall-kustodja tal-imsemmi minuri mressqa quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru.

 

3)

L-Artikolu 11(6) sa (8) tar-Regolament Nru 2201/2003

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma japplikax meta tiġi implimentata proċedura ta’ ritorn ta’ minuri bis-saħħa tal-Konvenzjoni dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tal-Minuri, konkluża f’Den Haag fil-25 ta’ Ottubru 1980 bejn pajjiż terz u Stat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab dan il-minuri wara tneħħija jew żamma illegali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

( 1 ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.