Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)
16 ta’ Mejju 2024 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 45 TFUE – Moviment liberu tal-ħaddiema – Ugwaljanza fit-trattament – Vantaġġi soċjali – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7(2) – Allowance tal-familja – Ħaddiem li jassumi l-kustodja ta’ wild imqiegħed miegħu permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja – Ħaddiem residenti u ħaddiem mhux residenti – Differenza fit-trattament – Assenza ta’ ġustifikazzjoni”
Fil-Kawża C‑27/23 [Hocinx] (i),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Jannar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Jannar 2023, fil-proċedura
FV
vs
Caisse pour l’avenir des enfants,
IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tielet Awla, N. Piçarra, N. Jääskinen (Relatur) u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal FV, minn J.-M. Bauler, avocat,
– għall-Caisse pour l’avenir des enfants, minn A. Rodesch u B. Rodesch, avocats,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Clotuche-Duvieusart u B.-R. Killmann, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Jannar 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1), tal-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif ukoll tal-Artikolu 60 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU 2009, L 284, p. 1).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn FV, ħaddiem fruntalier u l-Caisse pour l’avenir des enfants (il-Fond għall-Futur tal-Ulied, il-Lussemburgu, iktar ’il quddiem iċ-“CAE”) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħti allowance tal-familja lill-wild imqiegħed, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, fid-dar ta’ FV.
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Ir‑Regolament (UE) 2019/1111
3 Skont l-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal‑25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri (ĠU 2019, L 178, p. 1), dan ir-regolament japplika għat-“tqegħid ta’ minuri f’kustodja istituzzjonali jew fil-kura ta’ familja”.
4 Skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament 2019/1111:
“Deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali.”
Ir‑Regolament Nru 492/2011
5 L-Artikolu 7 tar‑Regolament Nru 492/2011 jipprevedi:
“1. Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.
2. Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali.
[...]”
Ir‑Regolament Nru 883/2004
6 Il-premessa 8 tar-Regolament Nru 883/2004 hija fformulata kif ġej:
“Il-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali huwa ta’ importanza partikolari għal ħaddiema li ma humiex residenti fl-Istat Membru fejn jaħdmu, inklużi ħaddiema li jaħdmu bejn il-fruntieri.”
7 L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:
“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:
[...]
(f) ‘ħaddiema bejn il-fruntieri’ tfisser kwalunkwe persuna li twettaq attività bħala impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru u li toqgħod fi Stat Membru ieħor fejn din il-persuna tirritorna, bħala regola, kuljum jew ta’ l-anqas darba fil-ġimgħa;
[...]
(z) ‘benefiċċju marbut mal-familja” tfisser il-benefiċċji kollha in natura jew fi flus maħsuba biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja, minbarra għotjiet ta’ pagamenti għall-manteniment u allowances speċjali marbutin mat-twelid ta’ tarbija u ma’ adozzjoni msemmija fl-Anness I.”
8 L-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament jistipula:
“Dan ir-Regolament għandhu japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru, persuni mingħajr Stat u refuġjati li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom.”
9 Skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan l-istess regolament:
“Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:
[...]
(j) benefiċċji marbuta mal-familja.”
10 L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Trattament ugwali”, jipprevedi:
“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”
Id‑Direttiva 2004/38/KE
11 L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), huwa fformulat kif ġej:
“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:
1. ‘ċittadin ta’ l-Unjoni’ tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru
2. ‘membru tal-familja’ tfisser:
(a) ir-raġel jew martu;
(b) is-sieħeb/sieħba li daħal/daħlet f’kuntratt ta’ unjoni reġistrata maċ-ċittadin/a ta’ l-Unjon, skond il-bażi tal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, jekk il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru ospitanti tikkonsidra bħala ugwali għal żwieġ l-unjonijiet reġistrati u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-leġislazzjoni rilevanti ta’ l-Istat Memrbu ospitanti;
(ċ) id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);
(d) il-qraba diretti dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);
[...]”
Id‑dritt Lussemburgiż
12 Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Lussemburgiż huma l-Artikoli 269 u 270 tal-code de la sécurité sociale (il-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali), fil-verżjoni tagħhom applikabbli mill‑1 ta’ Awwissu 2016, data tad-dħul fis-seħħ tal-loi du 23 juillet 2016, portant modification du code de la sécurité sociale, de la loi modifiée du 4 décembre 1967 concernant l’impôt sur le revenu, et abrogeant la loi modifiée du 21 décembre 2007 concernant le boni pour enfant (il-Liġi tat‑23 ta’ Lulju 2016 li Temenda l-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, il-Liġi Emendata tal‑4 ta’ Diċembru 1967 dwar it-Taxxa fuq id-Dħul u li Tħassar il-Liġi Emendata tal‑21 ta’ Diċembru 2007 dwar il-Benefiċċji għall-Ulied) (Mémorial A 2016, p. 2348, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi”).
13 L-Artikolu 269(1) tal-Kodiċi intitolat “Kundizzjonijiet għall-għoti”, jipprovdi:
“Allowance għall-futur tal-ulied, iktar ’il quddiem ‘allowance tal-familja’ hija stabbilita.
Jagħti dritt għall-allowance tal-familja:
a) kull wild, li jirrisjedi fil-fatt u b’mod kontinwu fil-Lussemburgu u li għandu d-domiċilju legali tiegħu hemmhekk;
b) il-membri tal-familja tagħhom kif iddefiniti fl-Artikolu 270 ta’ kull persuna suġġetta għal-leġiżlazzjoni Lussemburgiża u li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamenti Ewropej jew ta’ strument ieħor bilaterali jew multilaterali konkluż mil-Lussemburgu fil-qasam tas-sigurtà soċjali u li jipprovdi għall-ħlas ta’ allowances tal-familja skont il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż tal-impjieg. Il-membri tal-familja għandhom jirrisjedu f’pajjiż kopert mir-regolamenti jew mill-istrumenti inkwistjoni.”
14 L-Artikolu 270 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:
“Għall-applikazzjoni tal-punt (b) tal-Artikolu 269(1), jitqiesu bħala membri tal-familja ta’ persuna u jagħtu dritt għall-allowance tal-familja, l-ulied imwielda fiż-żwieġ, l-ulied imwielda barra ż-żwieġ u l-ulied adottivi ta’ din il-persuna.”
15 L-Artikolu 273(4) tal-istess kodiċi jippreċiża, għal dak li jirrigwarda ulied residenti:
“Fil-każ ta’ tqegħid ta’ wild b’deċiżjoni ġudizzjarja, l-allowance tal-familja titħallas lill-persuna fiżika jew ġuridika fdata bil-kustodja tal-wild u li magħha l-wild għandu d-domiċilju legali u r-residenza effettiva u kontinwa tiegħu.”
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
16 FV, li jaħdem fil-Lussemburgu u jirrisjedi fil-Belġju, jibbenefika mill-istatus ta’ ħaddiem fruntalier u jiddependi b’hekk mill-iskema Lussemburgiża għall-allowances tal-familja. Sa mis‑26 ta’ Diċembru 2005, il-wild FW tqiegħed fid-dar ta’ FV permezz ta’ deċiżjoni mogħtija minn qorti Belġjana.
17 Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Frar 2017, il-bord tat-tmexxija taċ-CAE neħħa lil FV, b’effett retroattiv għall‑1 ta’ Awwissu 2016, il-benefiċċju tal-allowances tal-familja miġbura fir-rigward tal-wild FW għar-raġuni li dan il-wild, peress li ma kellux rabta ta’ filjazzjoni ma’ FV, ma għandux il-kwalità ta’ “membru tal-familja”, fis-sens tal-Artikolu 270 tal-kodiċi.
18 Il-Kunsill Arbitrali tas-Sigurtà Soċjali (il-Lussemburgu) biddel din id-deċiżjoni u bagħat l-kawża lura quddiem iċ-CAE.
19 Fis‑27 ta’ Jannar 2022, il-conseil supérieur de la sécurité sociale (il-Kunsill Superjuri tas-Sigurtà Soċjali, il-Lussemburgu) madankollu kkonferma, permezz ta’ bidla, id-deċiżjoni taċ-CAE tas‑7 ta’ Frar 2017. FV appella fil-kassazzjoni quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), li hija l-qorti tar-rinviju.
20 Din il-qorti tispjega li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, wild residenti għandu dritt dirett għall-ħlas tal-benefiċċji tal-familja. Mill-banda l-oħra, fir-rigward tal-wild mhux residenti, tali dritt huwa previst biss bħala dritt derivat għall-“membri tal-familja” tal-ħaddiem fruntalier, li ma jinkludux l-ulied imqiegħda permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja fid-dar ta’ tali ħaddiem.
21 Filwaqt li tirreferi għas-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier) (C‑802/18, EU:C:2020:269), l-imsemmija qorti tistaqsi jekk din id-differenza fit-trattament hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, minn din is-sentenza jirriżulta li, il-kliem “wild ta’ ħaddiem fruntalier” li jista’ jibbenefika indirettament minn vantaġġi soċjali, għandhom jinkludu wkoll wild li għandu rabta familjari mal-konjuġi jew is-sieħeb jew is-sieħba rreġistrata tal-ħaddiem ikkonċernat meta dan tal-aħħar jipprovdi għall-manteniment ta’ dan il-wild.
22 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament iggarantit mill-Artikolu 45 TFUE u mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament [Nru 492/2011] kif ukoll mill-Artikolu 67 tar-Regolament [Nru 883/2004] u mill-Artikolu 60 tar-Regolament [Nru 987/2009] jipprekludi dispożizzjonijiet ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħhom il-ħaddiema fruntalieri ma jkunux jistgħu jirċievu allowance tal-familja, marbuta mal-eżerċizzju, minn dawn tal-aħħar, ta’ attività bħala persuni impjegati f’dan l-Istat Membru, fir-rigward tat-tfal li jitqiegħdu magħhom permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, anki jekk it-tfal kollha li jkunu ġew suġġetti għal deċiżjoni ġudizzjarja ta’ tqegħid u li jirrisjedu fl-imsemmi Stat Membru għandhom id-dritt li jirċievu din l-allowance li tingħata lill-persuna fiżika jew ġuridika li tkun fdata bil-kustodja tal-minuri u li magħha l-minuri jkollu d-domiċilju legali u r-residenza effettiva u kontinwa tiegħu? Ir-risposta għal din id-domanda tista’ tkun affettwata mill-fatt li l-ħaddiem fruntalier imantni lil dan il-minuri?”
Fuq id‑domanda preliminari
23 Permezz tal-unika domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha ħaddiem mhux residenti ma jistax jirċievi allowance tal-familja marbuta mal-eżerċizzju li din il-persuna twettaq, ta’ attività bħala persuna impjegata f’dan l-Istat Membru fir-rigward ta’ wild li jkun tqiegħed miegħu permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja u li tiegħu għandu l-kustodja, filwaqt li l-wild li jkun suġġett għal tqegħid fil-kura ġudizzjarja u residenti fl-imsemmi Stat Membru għandu d-dritt jirċievi din l-allowance, imħallsa lill-persuna fiżika jew ġuridika fdata bil-kustodja ta’ dan il-wild, u jekk il-fatt li l-ħaddiem mhux residenti imantni lill-wild imqiegħed miegħu għandux effett fuq ir-risposta għal din id-domanda.
24 Preliminarjament, għandu jiġi osservat li din il-kawża tirrigwarda biss il-kwistjoni dwar jekk Stat Membru jistax japplika kundizzjonijiet ta’ għoti differenti fir-rigward ta’ ħaddiem residenti u ta’ ħaddiem mhux residenti f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ allowance bħall-allowance tal-familja inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
25 F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda preliminari ma tistax tinftiehem fid-dawl tal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 u tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 987/2009, peress li dawn id-dispożizzjonijiet ma jirrigwardawx is-sitwazzjoni tal-ħaddiem innifsu, iżda dik tal-membri tal-familja ta’ dan tal-aħħar li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor.
26 Dan premess, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li, fir-rigward tal-Artikolu 45(2) TFUE, din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-moviment liberu tal-ħaddiema jimplika t-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni, ibbażata fuq in-nazzjonalità, bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri, f’dak li jirrigwarda l-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet tax-xogħol l-oħra. L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 jikkostitwixxi, min-naħa tiegħu, l-espressjoni partikolari, fil-qasam speċifiku tal-għoti ta’ vantaġġi soċjali, tar-regola ta’ trattament ugwali hekk stabbilita, peress li din id-dispożizzjoni tippreċiża li l-ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru jibbenefika, fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra li tagħhom huwa m’għandux in-nazzjonalità, mill-istess vantaġġi soċjali u fiskali bħall-ħaddiema nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld, C‑181/19, EU:C:2020:794, punti 44 u 78, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Chief Appeals Officer et, C‑488/21, EU:C:2023:1013, punt 49).
27 Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi, minn naħa, li peress li l-allowance tal-familja inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija marbuta mal-eżerċizzju ta’ attività bħala persuna impjegata minn ħaddiem fruntalier, hija tikkostitwixxi vantaġġ soċjali, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011. Min-naħa l-oħra, din l-allowance tikkostitwixxi wkoll benefiċċju tas-sigurtà soċjali, li jaqa’ taħt il-benefiċċji tal-familja msemmija fl-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament Nru 883/2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier), C‑802/18, EU:C:2020:269, punti 31 u 40).
28 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 45(2) TFUE u fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjonijiet diretti, ibbażati fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll il-forom kollha indiretti ta’ diskriminazzjoni li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier), C‑802/18, EU:C:2020:269, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).
29 Fir-rigward ta’ dan il-prinċipju li fuqu huwa bbażat il-moviment liberu tal-ħaddiema, il-Qorti tal-Ġustizzja diġa ddeċidiet li huwa b’mod partikolari bl-għan li tiġi ggarantita bl-aħjar mod possibbli l-ugwaljanza fit-trattament tal-persuni kollha impjegati fit-territorju ta’ Stat Membru li, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 8 ta’ dan ir-regolament, il-persuna li teżerċita b’mod partikolari attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru hija suġġetta, bħala regola ġenerali, għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru u għandha, skont dan l-artikolu, tibbenefika mill-istess benefiċċji bħaċ-ċittadini tal-istess Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Indiċjar tal-benefiċċji tal-familja) (C‑328/20, EU:C:2022:468, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).
30 Issa, kif tfakkar fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 jesprimi dan l-istess prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi jipprevedi li l-ħaddiem ta’ Stat Membru ieħor għandu jibbenefika mill-istess vantaġġi soċjali bħall-ħaddiema residenti.
31 Peress li l-ħaddiema fruntalieri jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-politika soċjali tal-Istat Membru ospitanti fid-dawl tal-kontribuzzjonijiet fiskali u soċjali li huma jħallsu f’dan l-Istat, bis-saħħa tal-attività mħallsa li huma jeżerċitaw hemmhekk, huma għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-benefiċċji tal-familja kif ukoll mill-vantaġġi soċjali u fiskali taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-ħaddiema nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, C‑542/09, EU:C:2012:346, punt 66; tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Indiċjar tal-benefiċċji tal-familja), C‑328/20, EU:C:2022:468, punt 109, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Chief Appeals Officer et, C‑488/21, EU:C:2023:1013, punt 71).
32 F’dan il-każ, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, il-ħaddiema mhux residenti ma jibbenefikawx taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-ħaddiema residenti mill-allowance tal-familja inkwistjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-ulied imqiegħda fid-dar ta’ tali ħaddiema sa fejn, b’differenza minn ħaddiem residenti, ħaddiem fruntalier ma jirċevix din l-allowance għal wild li jitqiegħed fid-dar tiegħu u li tiegħu huwa għandu l-kustodja.
33 Fil-fatt, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, skont l-Artikolu 269(1)(a) tal-Kodiċi, l-ulied kollha li jirrisjedu effettivament u b’mod kontinwu fil-Lussemburgu u li għandhom hemmhekk id-domiċilju legali tagħhom jagħtu dritt għall-allowance tal-familja. Fir-rigward ta’ ulied imqiegħda permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, l-Artikolu 273(4) ta’ dan il-kodiċi jippreċiża li dan il-benefiċċju jitħallas, fil-każ ta’ tali tqegħid, lill-persuna fiżika jew ġuridika fdata bil-kustodja tal-wild u li magħha dan il-wild għandu d-domiċilju legali u r-residenza effettiva u kontinwa tiegħu.
34 Minn naħa l-oħra, skont l-Artikolu 269(1)(b) u l-Artikolu 270 tal-Kodiċi, jagħtu dritt għall-allowance tal-familja lil ħaddiem fruntalier biss l-ulied ikkunsidrati, permezz ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, bħala membri tal-familja ta’ dan il-ħaddiem, jiġifieri l-ulied imwielda fiż-żwieġ, l-ulied imwielda barra miż-żwieġ u l-ulied adottivi ta’ din il-persuna.
35 F’dawn iċ-ċirkustanzi, wild, li jitqiegħed fid-dar ta’ ħaddiem li jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u li għandu d-domiċilju legali tiegħu kif ukoll ir-residenza effettiva u kontinwa tiegħu ma’ dan il-ħaddiem, ma jistax jingħata benefiċċju tal-familja li jikkostitwixxi, għall-ħaddiem fruntalier, “vantaġġ soċjali”, filwaqt li l-ulied imqiegħda li għandhom id-domiċilju legali tagħhom kif ukoll ir-residenza effettiva u kontinwa tagħhom mal-ħaddiema ċittadini tal-Istat Membru ospitanti, jistgħu, min-naħa l-oħra, jitolbu dan. Tali differenza fit-trattament, li tista’ tkun ta’ detriment għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra sa fejn il-persuni mhux residenti huma ħafna drabi persuni li ma humiex ċittadini, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità.
36 Il-fatt li d-deċiżjoni ta’ tqiegħed tingħata minn qorti ta’ Stat Membru ieħor li ma huwiex l-Istat Membru ospitanti tal-ħaddiem ikkonċernat ma jistax ikollu effett fuq tali konklużjoni.
37 Fil-fatt, l-awtoritajiet kompetenti Lussemburgiżi huma obbligati jirrikonoxxu deċiżjoni ta’ tqegħid ta’ Stat Membru ieħor u jagħtuha l-istess valur legali bħal deċiżjoni nazzjonali ekwivalenti. Dan jirriżulta minn qari flimkien tal-Artikolu 1(2)(d) u tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament 2019/1111. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet essenzjalment identiċi li jinsabu fl-Artikolu 1(2)(d) u fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63), li kien applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi tat‑23 ta’ Lulju 2016 li emendat il-kodiċi u li tħassar bir-Regolament 2019/1111.
38 Sabiex tiġi ġġustifikata, diskriminazzjoni indiretta msemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza għandha tkun tali li tiggarantixxi t-twettiq ta’ għan leġittimu u ma tistax tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑542/09, EU:C:2012:346, punti 55 u 73, kif ukoll tat‑2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier), C‑802/18, EU:C:2020:269, punti 56 u 58). Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma semmiet ebda għan leġittimu li jista’ jiġġustifika tali diskriminazzjoni indiretta.
39 Għaldaqstant, għandu jitqies li l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 jipprekludu dispożizzjonijiet ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħhom il-ħaddiema mhux residenti ma jistgħux, bid-differenza tal-ħaddiema residenti, jirċievu vantaġġ soċjali, bħall-allowance tal-familja inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-ulied imqiegħda fid-dar tagħhom, li tagħhom għandhom il-kustodja u li għandhom id-domiċilju legali tagħhom kif ukoll ir-residenza effettiva u kontinwa tagħhom magħhom.
40 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-punt dwar jekk il-fatt li l-ħaddiem mhux residenti jipprovdi għall-manteniment tal-wild imqiegħed f’daru u li għandu l-kustodja tiegħu għandux effett fuq ir-risposta għad-domanda magħmula, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, taħt piena ta’ ksur tal-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema fruntalieri, tali ċirkustanza ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-għoti ta’ allowance tal-familja lil tali ħaddiem ħlief jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli tipprevedi tali kundizzjoni għall-għoti ta’ din l-allowance lil ħaddiem residenti investit fil-kustodja ta’ wild imqiegħed miegħu.
41 Fid-dawl tar-raġunijiet premessi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha l-ħaddiem mhux residenti ma jistax jirċievi allowance tal-familja marbuta mal-eżerċizzju li din il-persuna twettaq, ta’ attività bħala persuna impjegata f’dan l-Istat Membru fir-rigward ta’ wild li jkun tqiegħed miegħu permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja u li tiegħu għandu l-kustodja, filwaqt li l-wild li jkun suġġett għal tqegħid fil-kura ġudizzjarja u residenti fl-imsemmi Stat Membru għandu d-dritt jirċievi din l-allowance, imħallsa lill-persuna fiżika jew ġuridika fdata bil-kustodja ta’ dan il-wild. Il-fatt li l-ħaddiem mhux residenti jipprovdi għall-manteniment tal-wild imqiegħed miegħu ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-għoti ta’ allowance tal-familja lil tali ħaddiem għal wild imqiegħed fid-dar tiegħu ħlief jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli tipprevedi tali kundizzjoni għall-għoti ta’ din l-allowance lil ħaddiem residenti li għandu l-kustodja ta’ wild imqiegħed f’daru.
Fuq l‑ispejjeż
42 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 45 TFEU u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
jipprekludu l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha l-ħaddiem mhux residenti ma jistax jirċievi allowance tal-familja marbuta mal-eżerċizzju li din il-persuna twettaq, ta’ attività bħala persuna impjegata f’dan l-Istat Membru fir-rigward ta’ wild li jkun tqiegħed miegħu permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja u li tiegħu għandu l-kustodja, filwaqt li l-wild li jkun suġġett għal tqegħid fil-kura ġudizzjarja u residenti fl-imsemmi Stat Membru għandu d-dritt jirċievi din l-allowance, imħallsa lill-persuna fiżika jew ġuridika fdata bil-kustodja ta’ dan il-wild. Il-fatt li l-ħaddiem mhux residenti jipprovdi għall-manteniment tal-wild imqiegħed miegħu ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-għoti ta’ allowance tal-familja lil tali ħaddiem għal wild imqiegħed fid-dar tiegħu ħlief jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli tipprevedi tali kundizzjoni għall-għoti ta’ din l-allowance lil ħaddiem residenti li għandu l-kustodja ta’ wild imqiegħed f’daru.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
i L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.