SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
4 ta’ Ottubru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikoli 20 u 21 TFUE – Artikoli 7 u 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Ċittadin tal-Unjoni li jkun kiseb legalment, huwa u jeżerċita dan id-dritt u huwa u jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, il-bidla f’ismu u fl-identità tal-ġeneru tiegħu – Obbligu tal-Istat Membru ta’ oriġini li jirrikonoxxi u jniżżel fl-att tat-twelid din il-bidla fl-isem u fl-identità tal-ġeneru – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix li jiġu rrikonoxxuti u jitniżżlu dawn il-bidliet, li ġġiegħel lill-persuna kkonċernata tiftaħ proċeduri ġodda, ta’ natura ġudizzjarja, għal bidla fl-identità tal-ġeneru fl-Istat Membru ta’ oriġini – Impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea”
Fil-Kawża C‑4/23 [Mirin] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Judecătoria Sectorului 6 Bucureşti (il-Qorti tal-Ewwel Istanza tas-Sitt Distrett ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Awwissu 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Jannar 2023, fil-proċedura
M.‑A. A.
vs
Direcţia de Evidenţă a Persoanelor Cluj, Serviciul stare civilă,
Direcţia pentru Evidenţa Persoanelor şi Administrarea Bazelor de Date din Ministerul Afacerilor Interne,
Municipiul Cluj‑Napoca,
fil-preżenza ta’:
Asociaţia Accept,
Consiliul Naţional pentru Combaterea Discriminării,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, K. Jürimäe, T. von Danwitz u O. Spineanu‑Matei, Presidenti ta’ Awla, J.‑C. Bonichot, S. Rodin, I. Jarukaitis, A. Kumin, M. L. Arastey Sahún u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: R. Șereș, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑23 ta’ Jannar 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal M.‑A. A., minn R.‑I. Ionescu, avocată, |
|
– |
għall-Municipiul Cluj‑Napoca, minn E. Boc, R. Lăpuşan, A. Roman, A. Roşca u A. Rus, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Asociaţia Accept, minn A.‑M. Baltac, consilier juridic, u R.‑I. Ionescu, avocată, |
|
– |
għall-Gvern Rumen, minn E. Gane u O.‑C. Ichim, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Elleniku, minn T. Papadopoulou, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn Zs. Biró‑Tóth u M. Z. Fehér, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u C. S. Schillemans, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, E. Borawska Kędzierska u A. Siwek‑Ślusarek, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Biolan, H. Krämer u E. Montaguti, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Mejju 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 TUE, tal-Artikoli 18, 20 u 21 TFUE, kif ukoll tal-Artikoli 1, 7, 20, 21 u 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, M.‑A. A., ċittadin Rumen, u, min-naħa l-oħra, id-Direcția de Evidență a Persoanelor Cluj, Serviciul stare civilă (is-Servizz tal-Istatus Ċivili tad-Direttorat tar-Reġistru tal-Persuni ta’ Cluj, ir-Rumanija), id-Direcția pentru Evidența Persoanelor și Administrarea Bazelor de Date din Ministerul Afacerilor Interne (id-Direttorat responsabbli għar-Reġistru tal-Persuni u għall-Ġestjoni tal-Bażi tad-Data tal-Ministeru għall-Intern, ir-Rumanija) u l-Municipiul Cluj‑Napoca (il-Muniċipalità ta’ Cluj‑Napoca, ir-Rumanija), li tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk għandhomx jiġu rrikonoxxuti u jitniżżlu fl-att tat-twelid Rumen ta’ M.‑A. A. l-bidliet fl-isem u fl-identità tal-ġeneru li nkisbu legalment fir-Renju Unit. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
It‑Trattati UE u FUE
|
3 |
Skont l-Artikolu 2 TUE: “L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.” |
|
4 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE jipprovdi: “Fil-kamp ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita.” |
|
5 |
Skont l-Artikolu 20 TFUE: “1. Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni. Kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija ċittadina ta’ l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex. 2. Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet u jintrabtu bid-dmirijiet previsti fit-Trattati. Huma għandhom, fost l-oħrajn:
[…] Dawn id-drittijiet għandhom ikunu eżerċitati skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fit-Trattati u permezz tal-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom.” |
|
6 |
L-Artikolu 21(1) TFUE jipprovdi: “Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq.” |
Il‑Karta
|
7 |
L-Artikolu 1 tal-Karta, intitolat “Id-dinjità tal-bniedem”, jipprevedi: “Id-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli. Hija għandha tkun irrispettata u protetta.” |
|
8 |
L-Artikolu 7 tal-Karta, intitolat “Ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja”, jipprovdi: “Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha.” |
|
9 |
L-Artikolu 20 tal-Karta, intitolat “L-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi”, jipprovdi: “Kull persuna hija ugwali f’għajnejn il-liġi.” |
|
10 |
L-Artikolu 21 tal-Karta, intitolat “Non-diskriminazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali għandha tkun projbita.” |
|
11 |
L-Artikolu 45 tal-Karta, intitolat “Il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza”, huwa fformulat kif ġej: “1. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri. 2. Il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tista’ tingħata, skond it-Trattati, lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru.” |
Il‑Ftehim dwar il‑ħruġ
|
12 |
Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7), adottat fis‑17 ta’ Ottubru 2019 u li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 2020 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-ħruġ”), ġie approvat f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (KEEA) bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat‑30 ta’ Jannar 2020 (ĠU 2020, L 29, p. 1). |
|
13 |
Ir-raba’, is-sitt u t-tmien paragrafu tal-preambolu ta’ dan il-ftehim jipprovdu: “Filwaqt li jfakkru li, skont l-Artikolu 50 TUE flimkien mal-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom, u soġġett għall-arranġamenti stabbiliti f’dan il-Ftehim, id-dritt tal-Unjoni u tal-Euratom jieqaf japplika fl-intier tiegħu għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, […] Filwaqt li jirrikonoxxu li jeħtieġ li tiġi pprovduta protezzjoni reċiproka għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għal dawk tar-Renju Unit, kif ukoll għall-membri tal-familji rispettivi tagħhom, fejn huma eżerċitaw drittijiet ta’ moviment liberu qabel id-data stabbilita f’dan il-Ftehim, u li jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom taħt dan il-Ftehim ikunu infurzabbli u bbażati fuq il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni; […] […] Filwaqt li jikkunsidraw li huwa fl-interess kemm tal-Unjoni kif ukoll tar-Renju Unit li jiġi stabbilit perjodu ta’ tranżizzjoni jew ta’ implimentazzjoni li matulu […] id-dritt tal-Unjoni, inklużi l-ftehimiet internazzjonali, jenħtieġ li jkunu applikabbli għar-Renju Unit u fih, u, bħala regola ġenerali, bl-istess effett fir-rigward tal-Istati Membri, sabiex jiġi evitat tħarbit fil-perjodu li matulu se jiġu nnegozjati l-ftehim(iet) jew ir-relazzjonijiet futuri.” |
|
14 |
L-Artikolu 126 tal-imsemmi ftehim, intitolat “Perjodu ta’ tranżizzjoni”, jipprevedi: “Għandu jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni jew ta’ implimentazzjoni, li għandu jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u jintemm fil‑31 ta’ Diċembru 2020.” |
|
15 |
L-Artikolu 127 tal-istess ftehim, intitolat “Ambitu tat-tranżizzjoni”, jipprovdi: “1. Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dan il-Ftehim, id-dritt tal-Unjoni għandu jkun applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni. […] 3. Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, id-dritt tal-Unjoni applikabbli taħt il-paragrafu 1 għandu jipproduċi fir-rigward tar-Renju Unit u fir-Renju Unit l-istess effetti legali bħal dawk li jipproduċi fl-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u għandu jiġi interpretat u applikat f’konformità mal-istess metodi u prinċipji ġenerali bħal dawk applikabbli fil-Unjoni. […] 6. Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dan il-Ftehim, matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, kwalunkwe referenza għall-Istati Membri fid-dritt applikabbli tal-Unjoni skont il-paragrafu 1, inkluż kif implimentat u applikat mill-Istati Membri, għandha tinftiehem li tinkludi lir-Renju Unit. […]” |
|
16 |
Skont l-Artikolu 185 tal-Ftehim dwar il-ħruġ, dan tal-aħħar daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 2020. |
Id‑dritt Rumen
|
17 |
L-Artikolu 9 tal-Legea nr. 119/1996 cu privire la actele de stare civilă (il-Liġi Nru 119/1996 dwar l-Atti tal-Istatus Ċivili) tas‑16 ta’ Ottubru 1996, kif ippubblikata mill-ġdid (Monitorul Oficial al României, Taqsima I, Nru 339, tat‑18 ta’ Mejju 2012), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 119/1996”), huwa fformulat kif ġej: “Meta l-uffiċjal tal-istatus ċivili jew il-persuna responsabbli għall-istatus ċivili jirrifjutaw li jfasslu att jew li jinkludu indikazzjoni li taqa’ taħt id-dmirijiet tagħhom, il-persuna li ma tkunx issodisfatta tista’ tressaq kawża quddiem il-qorti kompetenti, f’konformità mal-liġi.” |
|
18 |
L-Artikolu 41(1) sa (3) ta’ din il-liġi jipprovdi: “1. L-atti tal-istatus ċivili taċ-ċittadini Rumeni, maħruġa mill-awtoritajiet barranin, għandhom valur probatorju fil-pajjiż biss kemm‑il darba jkunu insinwati fir-reġistri Rumeni tal-istatus ċivili. 2. Iċ-ċittadin Rumen huwa obbligat, fi żmien sitt xhur mir-reġistrazzjoni tal-att jew mill-avveniment ta’ status ċivili li jkun seħħ quddiem l-awtoritajiet barranin jew mid-data li fiha tkun inkisbet jew tkun ġiet irkuprata ċ-ċittadinanza Rumena, jitlob lis-servizz pubbliku lokali tar-Reġistru tal-Persuni jew lill-Kunsill Lokali tal-Unità Amministrattiva Territorjali kompetenti jew lir-rappreżentanzi diplomatiċi jew konsulari tar-Rumanija sabiex jiġu insinwati ċ-ċertifikati jew l-estratti ta’ status ċivili. 3. Ir-reġistrazzjoni taċ-ċertifikati/estratti/estratti multilingwi ta’ status ċivili ssir barra mill-pajjiż bil-ftehim tal-kapijiet tar-rappreżentanzi diplomatiċi jew konsulari u, ġewwa l-pajjiż, bil-ftehim tal-Kunsill Lokali tal-Unità Amministrattiva Territorjali tal-post li fih ikun iddomiċiljat/li fih kien iddomiċiljat l-aħħar fir-Rumanija d-detentur jew l-applikant, skont il-każ, u bl-approvazzjoni tal-Kap tas-Servizz Pubbliku Komunitarju Distrettwali tar-Reġistru tal-Persuni/tas-Servizz Pubbliku Komunitarju Lokali tar-Reġistru tal-Persuni tad-Distrett ta’ Bukarest, u għandhom jingħataw ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tagħhom.” |
|
19 |
Skont l-Artikolu 43 tal-imsemmija liġi: “Fl-atti tat-twelid u, jekk ikun il-każ, fl-atti taż-żwieġ jew tal-mewt, il-bidliet fl-istatus ċivili tal-persuna għandhom jiġu rreġistrati fil-każijiet li ġejjin: […] f) bidla fl-isem; […] i) bidla fis-sess, wara li d-deċiżjoni tal-qorti tkun saret finali […]”. |
|
20 |
L-Artikolu 57(1) tal-istess liġi jipprevedi: “L-atti tal-istatus ċivili u d-dettalji ddokumentati fihom jistgħu jiġu annullati, issupplimentati jew emendati biss permezz ta’ deċiżjoni legali finali.” |
|
21 |
L-Artikolu 4(2) tal-Ordonanța Guvernului nr. 41/2003 privind dobândirea și schimbarea pe cale administrativă a numelor persoanelor fizice (id-Digriet tal-Gvern Nru 41/2003 dwar l-Akkwist u l-Bidla b’Mezzi Amministrattivi tal-Ismijiet tal-Persuni Fiżiċi) tat‑30 ta’ Jannar 2003 (Monitorul Oficial al României, Taqsima I, Nru 68 tat‑2 ta’ Frar 2003), kien jipprovdi: “It-talbiet għal bidla fl-isem għandhom jitqiesu fondati fil-każijiet li ġejjin: […]
[…]”. |
|
22 |
L-Artikolu 131(2) tal-Metodologie cu privire la aplicarea unitară a dispozițiilor în materie de stare civilă (il-Metodoloġija għall-Applikazzjoni Uniformi tad-Dispożizzjonijiet tal-Istatus Ċivili), approvata mill-Hotărârea Guvernului nr. 64/2011 (id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 64/2011), tas‑26 ta’ Jannar 2011 (Monitorul Oficial al României, Taqsima I, Nru 151 tat‑2 ta’ Marzu 2011), huwa fformulat kif ġej: “In-[numru ta’ identità personali] għandu jiġi assenjat fuq il-bażi tad-data mdaħħla fl-att tat-twelid dwar is-sess u d-data tat-twelid.” |
|
23 |
Skont l-Artikolu 19(1)(i) tal-Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 97/2005 privind evidența, domiciliul, reședința și actele de identitate ale cetățenilor români (id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 97/2005 dwar ir-Reġistru tal-Persuni, id-Domiċilju, ir-Residenza u d-Dokumenti tal-Identità ta’ Ċittadini Rumeni) tal‑14 ta’ Lulju 2005, kif ippubblikat mill-ġdid fil-Monitorul Oficial al României, Taqsima I, Nru 719 tat‑12 ta’ Ottubru 2011), is-Servizz Pubbliku responsabbli għar-Reġistru tal-Persuni għandu joħroġ karta tal-identità ġdida fil-każ ta’ bdil fis-sess. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
24 |
M‑A. A. hija persuna mwielda fl‑24 ta’ Awwissu 1992 fi Cluj‑Napoca. fil-județul Cluj (id-Dipartiment ta’ Cluj, ir-Rumanija), u meta twieldet ġiet irreġistrata bħala persuna tas-sess femminili. Iċ-ċertifikat tat-twelid Rumen tagħha fih għalhekk isem ta’ tifla, jidentifikaha bħala tifla u jagħtiha numru tal-identità personali li wkoll jidentifikaha bħala tifla. |
|
25 |
Wara li, fl‑2008, M.‑A. A. mar jgħix mal-ġenituri tiegħu fir-Renju Unit, fil‑21 ta’ April 2016 huwa kiseb iċ-ċittadinanza Brittanika permezz ta’ naturalizzazzjoni. |
|
26 |
Fis‑27 ta’ Frar 2017, M.‑A. A. bidel, fir-Renju Unit, ismu u t-titolu ċivili tiegħu, minn dawk ta’ mara għal dawk ta’ raġel, skont il-proċedura tad-Deed Poll li tagħmilha possibbli għaċ-ċittadini Brittaniċi li jbiddlu kunjomhom jew isimhom b’sempliċi dikjarazzjoni. Sussegwentement, huwa bidel ċerti dokumenti uffiċjali maħruġa mill-awtoritajiet Brittaniċi, jiġifieri l-liċenzja tas-sewqan u l-passaport tiegħu, li nħarġu bl-isem il-ġdid tiegħu. |
|
27 |
Fid‑29 ta’ Ġunju 2020, M.‑A. A. kiseb fir-Renju Unit Gender Recognition Certificate (Ċertifikat ta’ Identità tal-Ġeneru), liema att jikkonferma l-identità tal-ġeneru maskili tiegħu. |
|
28 |
Fix-xahar ta’ Mejju 2021, M.‑A. A. talab, abbażi tad-dikjarazzjoni magħmula fil-kuntest tal-proċedura Deed Poll u taċ-Ċertifikat ta’ Identità tal-Ġeneru, lis-Servizz tal-Istatus Ċivili tad-Direttorat tar-Reġistru tal-Persuni ta’ Cluj sabiex iniżżel fl-att tat-twelid tiegħu l-bidliet fl-isem, fil-ġeneru u fin-numru tal-identità personali tiegħu sabiex dawn ikunu jaqblu mas-sess maskili kif ukoll sabiex joħroġlu ċertifikat tat-twelid ġdid li jinkludi dawn il-bidliet ġodda. |
|
29 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Ġunju 2021, l-awtoritajiet Rumeni ċaħdu t-talba ta’ M.‑A. A. minħabba li, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 43(i) tal-Liġi Nru 119/1996, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2)(l) tad-Digriet tal-Gvern Nru 41/2003, il-bdil fl-identità tal-ġeneru ta’ persuna jista’ jitniżżel fl-att tat-twelid tagħha biss kemm‑il darba dan ikun ġie approvat minn deċiżjoni ġudizzjarja li tkun saret definittiva. |
|
30 |
Fl‑14 ta’ Settembru 2021, M.‑A. A. ppreżenta rikors quddiem il-Judecătoria Sectorului 6 Bucureşti (il-Qorti tal-Ewwel Istanza tas-Sitt Distrett ta’ Bukarest, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju, kontra s-Servizz tal-Istatus Ċivili tad-Direttorat tar-Reġistru tal-Persuni, id-Direttorat responsabbli għar-Reġistru tal-Persuni u għall-Ġestjoni tal-Bażi tad-Data tal-Ministeru għall-Intern, kif ukoll il-Muniċipalità ta’ Cluj‑Napoca, intiż sabiex dawn l-awtoritajiet jiġu ordnati jniżżlu fl-att tat-twelid tiegħu l-bidliet f’ismu, fil-ġeneru tiegħu u fin-numru tal-identità personali tiegħu sabiex dawn ikunu jaqblu mas-sess maskili, u sabiex jinħariġlu ċertifikat tat-twelid ġdid b’dawn il-bidliet il-ġodda. |
|
31 |
M.‑A. A. qiegħed, fost l-oħrajn, jitlob lill-qorti tar-rinviju tordna lill-imsemmija awtoritajiet, b’applikazzjoni diretta tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tad-dritt ta’ kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, jaġġornaw l-att tat-twelid tiegħu bi qbil ma’ ismu u mal-identità tal-ġeneru tiegħu li huwa kiseb legalment fir-Renju Unit, sabiex huwa jkun jista’ jeżerċita dan id-dritt mingħajr ebda xkiel u dan billi jkollu dokument tal-ivvjaġġar li jaqbel mal-identità tal-ġeneru maskili tiegħu. Fil-fehma ta’ M.‑A. A., il-fatt li huwa obbligat jiftaħ proċeduri ġodda, ta’ natura ġudizzjarja, fir-Rumanija, sabiex jikseb l-approvazzjoni tal-bidla fl-identità tal-ġeneru, jesponih għar-riskju li jikseb soluzzjoni kuntrarja għal dik adottata mill-awtoritajiet Brittaniċi. Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fis-sentenza tagħha tad‑19 ta’ Jannar 2021, X u Y vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2021:0119JUD000214516), sabet li dawn il-proċeduri huma nieqsa miċ-ċarezza u mill-prevedibbiltà. |
|
32 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li l-fondatezza tal-pretensjonijiet ta’ M.‑A. A. u, għaldaqstant, is-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, jiddependu mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 2 TUE, tal-Artikoli 18, 20 u 21 TFUE, kif ukoll tal-Artikoli 1, 7, 20, 21 u 45 tal-Karta. Hija tistaqsi, b’mod iktar preċiż, jekk l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u d-dritt li wieħed jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-persuna kkonċernata tiftaħ proċeduri ġodda quddiem il-qrati nazzjonali għal bidla fl-identità tal-ġeneru tagħha, minkejja li din tal-aħħar tkun diġà temmet b’suċċess proċeduri f’dan is-sens fi Stat Membru ieħor li hija jkollha wkoll iċ-ċittadinanza tiegħu. |
|
33 |
Filwaqt li tirreferi għall-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam, b’mod partikolari għas-sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C‑148/02, EU:C:2003:539), tal‑14 ta’ Ottubru 2008, Grunkin u Paul (C‑353/06, EU:C:2008:559), tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Freitag (C‑541/15, EU:C:2017:432), kif ukoll tal‑14 ta’ Diċembru 2021, Stolichna obshtina, rayonPancharevo (C‑490/20, EU:C:2021:1008), il-qorti tar-rinviju tqis li r-risposta għal din id-domanda ma tirriżultax minn din il-ġurisprudenza biċ-ċarezza meħtieġa. |
|
34 |
Barra minn hekk, kemm‑il darba kellha tingħata risposta fl-affermattiv għall-imsemmija domanda, dik il-qorti tistaqsi wkoll dwar l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fuq is-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Hija tosserva, b’mod partikolari, li, f’dan il-każ, il-proċeduri għal bidla fl-identità tal-ġeneru nfetħu fir-Renju Unit qabel il-ħruġ ta’ dan l-Istat mill-Unjoni u ġew fi tmiemhom wara dan il-ħruġ, jiġifieri matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni. Għandu għalhekk jiġi ddeterminat jekk, fit-tali ċirkustanzi, ir-Rumanija hijiex obbligata tirrikonoxxi l-effetti legali ta’ dawn il-proċeduri għal bidla fl-identità tal-ġeneru li saru fir-Renju Unit. |
|
35 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Judecătoria Sectorului 6 Bucureşti (il-Qorti tal-Ewwel Istanza tas-Sitt Distrett ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
|
36 |
Il-Gvern Rumen iqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba li M.‑A. A. adixxa lill-awtoritajiet kompetenti Rumeni bit-talba tiegħu, intiża sabiex jitniżżlu fl-att tat-twelid tiegħu l-bidliet fl-isem u fl-identità tal-ġeneru, li nkisbu legalment fir-Renju Unit fis-snin 2017 u 2020, f’Mejju 2021, jiġifieri wara tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni stabbilit, skont l-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-ħruġ, fil‑31 ta’ Diċembru 2020. |
|
37 |
B’hekk, fil-fehma ta’ dan il-gvern, fid-data li fiha ġew aditi dawn l-awtoritajiet, ir-Renju Unit kellu l-kwalità ta’ Stat terz fir-rigward tal-Unjoni, b’mod li ċ-ċittadini tal-Unjoni u ċ-ċittadini tar-Renju Unit ma setgħux iktar jinvokaw id-drittijiet tagħhom taħt l-Ftehim dwar il-ħruġ. Filwaqt li jirreferi għas-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Runevič‑Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291, punti 55 u 56), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni għall-effetti preżenti ta’ sitwazzjonijiet li jkunu ġew fis-seħħ qabel is-sħubija ta’ Stat Membru mal-Unjoni, l-imsemmi gvern isostni li, mutatis mutandis, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu applikati iktar, wara l-ħruġ ta’ Stat mill-Unjoni, għall-effetti preżenti ta’ sitwazzjonijiet li jkunu ġew fis-seħħ meta dan tal-aħħar ikun għadu membru tal-Unjoni. Dan il-każ jikkonċerna għalhekk, fil-fehma tal-Gvern Rumen, sitwazzjoni purament interna. |
|
38 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha terfa’ r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sa fejn id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland,C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland,C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
40 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, fosthom l-Artikolu 21(1) TFUE, fil-kuntest ta’ kawża li fiha persuna ċittadina tar-Rumanija, il-pajjiż li twieldet fih, u tar-Renju Unit, il-pajjiż li ilha tirrisjedi fih sa mill‑2008, qiegħda titlob lill-awtoritajiet kompetenti Rumeni jaġġornaw iċ-ċertifikat tat-twelid tagħha sabiex dan tal-aħħar ikun jaqbel mal-isem ġdid tagħha u mal-identità tal-ġeneru ġdida tagħha, li nkisbu legalment fir-Renju Unit qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni, jiġifieri l‑31 ta’ Diċembru 2020. |
|
41 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li ċittadin ta’ Stat Membru li, fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, ikun eżerċita l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tiegħu fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, jista’ jinvoka d-drittijiet relatati ma’ din il-kwalità, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikolu 21(1) TFUE, inkluż, jekk ikun il-każ, fir-rigward tal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2021, Stolichna obshtina, rayonPancharevo, C‑490/20, EU:C:2021:1008, punt 42, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
42 |
F’dan il-każ, il-bidliet relatati mal-istatus ċivili ta’ M.‑A. A. seħħew fir-Renju Unit; l-isem inbidel meta dan l-Istat kien għadu Stat Membru tal-Unjoni u l-identità tal-ġeneru nbidlet matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni. |
|
43 |
Fit-tieni lok, għalkemm fl‑1 ta’ Frar 2020, id-data li fiha daħal fis-seħħ il-Ftehim dwar il-ħruġ, ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni u sar għalhekk Stat terz, dan il-ftehim, madankollu, jipprevedi, fl-Artikolu 162 tiegħu, perijodu ta’ tranżizzjoni bejn id-data li fiha daħal fis-seħħ l-imsemmi ftehim, jiġifieri l‑1 ta’ Frar 2020, u l‑31 ta’ Diċembru 2020. Skont l-Artikolu 127(6) tal-istess ftehim, ir-Renju Unit għandu jitqies, matul dan il-perijodu, b’mod partikolari għall-finijiet tar-regoli dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu tal-persuni, bħala “Stat Membru”, u mhux bħala Stat terz, u dan filwaqt li l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 127 jippreċiża wkoll li d-dritt tal-Unjoni kien japplika għar-Renju Unit matul l-imsemmi perijodu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland,C‑709/20, EU:C:2021:602, punti 47 u 48, kif ukoll tal‑14 ta’ Marzu 2024, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Sentenza tal-Qorti Suprema), C‑516/22, EU:C:2024:231, punt 53). |
|
44 |
Għalhekk, kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 44 sa 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, sa fejn M.‑A. A., fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, qiegħed jitlob fl-Istat Membru ta’ oriġini li jiġu rrikonoxxuti l-bidliet f’ismu u fl-identità tal-ġeneru tiegħu li nkisbu, huwa u jeżerċita l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fir-Renju Unit, qabel il-ħruġ ta’ dan l-Istat Membru mill-Unjoni u qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni, rispettivament, huwa jista’ jinvoka, fir-rigward tal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, drittijiet relatati ma’ din il-kwalità, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikoli 20 u 21 TFUE, u dan ukoll wara tmiem dan il-perijodu. |
|
45 |
Għaldaqstant, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi ekwiparata ma’ sitwazzjoni purament interna għas-sempliċi raġuni li M.‑A. A. adixxa lill-awtoritajiet kompetenti Rumeni b’talba sabiex jitniżżlu fl-att tat-twelid tiegħu l-bidliet f’ismu u fl-identità tal-ġeneru tiegħu wara l‑31 ta’ Diċembru 2020, id-data stabbilita mill-Ftehim dwar il-ħruġ bħala tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni. |
|
46 |
Konsegwentement, din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq id‑domandi preliminari
|
47 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 20 u l-Artikolu 21(1) TFUE, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7 u 45 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tippermettix li jiġu rrikonoxxuti u li jitniżżlu fl-att tat-twelid ta’ ċittadin ta’ dan l-Istat Membru l-bidliet fl-isem u fl-identità tal-ġeneru li jkunu nkisbu minnu legalment fi Stat Membru ieħor huwa u jeżerċita l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tiegħu, bil-konsegwenza li jkun imġiegħel jiftaħ proċeduri ġodda, ta’ natura ġudizzjarja, għal bdil fl-identità tal-ġeneru f’dan l-Istat Membru tal-ewwel, liema proċeduri jinjoraw dawn il-bidliet li jkunu diġà nkisbu f’dan l-Istat Membru l-ieħor. |
|
48 |
Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf ukoll jekk il-fatt li l-Istat li fih ikunu nkisbu legalment il-bidliet fl-isem u fl-identità tal-ġeneru, f’dan il-każ ir-Renju Unit, issa ma jkunx għadu Stat Membru tal-Unjoni, għandux xi impatt fuq ir-risposta għal din id-domanda. |
|
49 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li mill-kunsiderazzjonijiet imfissra fil-kuntest tal-punti 41 sa 45 ta’ din is-sentenza, dwar l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, jirriżulta li l-fatt li r-Renju Unit ma għadux Stat Membru tal-Unjoni ma għandu ebda impatt fuq ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari, sa fejn is-sitwazzjoni ta’ M.‑A. A. taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20 u tal-Artikolu 21(1) TFUE. |
|
50 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitfakkar li, bħala ċittadin Rumen, M.‑A. A. igawdi, skont l-Artikolu 20(1) TFUE, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. |
|
51 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa maħsub sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 30, kif ukoll tal‑14 ta’ Diċembru 2021, Stolichna obshtina, rayon Pancharevo, C‑490/20, EU:C:2021:1008, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
52 |
L-Artikolu 20(2), kif ukoll l-Artikoli 21 u 22 TFUE, jorbtu sensiela ta’ drittijiet ma’ dan l-istatus. Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tagħti, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 20(2)(a) u l-Artikolu 21(1) TFUE, lil kull ċittadin tal-Unjoni d-dritt fundamentali u individwali li wieħed jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, bla ħsara tal-limitazzjonijiet u tal-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat FUE u tal-miżuri adottati għall-finijiet tal-applikazzjoni tagħhom (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques, C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 50, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
53 |
Fid-dritt tal-Unjoni, kif inhu bħalissa, l-istatus tal-persuni, li taħtu jaqgħu r-regoli dwar il-bdil fl-isem u fl-identità tal-ġeneru ta’ persuna, huwa qasam li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri u d-dritt tal-Unjoni ma jaffettwax din il-kompetenza. Issa, kull Stat Membru għandu, huwa u jeżerċita din il-kompetenza, josserva d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà, irrikonoxxuta lil kull ċittadin tal-Unjoni, ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, u dan filwaqt li jiġi rrikonoxxut, għal dan il-għan, l-istatus tal-persuni stabbilit fi Stat Membru ieħor skont id-dritt ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Ġunju 2018, MB (Bdil tal-ġeneru u pensjoni tal-irtirar), C‑451/16, EU:C:2018:492, punt 29, kif ukoll tal‑14 ta’ Diċembru 2021, Stolichna obshtina, rayon Pancharevo, C‑490/20, EU:C:2021:1008, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
54 |
F’dan ir-rigward, sa fejn għandu x’jaqsam ir-rifjut, mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, li jirrikonoxxu l-isem ta’ ċittadin ta’ dan l-Istat, li jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u li jkollu wkoll iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor, kif iddeterminat f’dan l-Istat Membru tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali rifjut jista’ jostakola l-eżerċizzju tad-dritt, stabbilit fl-Artikolu 21 TFUE, li wieħed jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri. Fil-fatt, diverġenza bejn iż-żewġ ismijiet użati fir-rigward tal-istess persuna tista’ twassal għal konfużjoni u inkonvenjenzi, peress li diversi attivitajiet fil-ħajja ta’ kuljum, kemm fil-qasam pubbliku u kemm f’dak privat, jeħtieġu li wieħed jipprova l-identità tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Freitag,C‑541/15, EU:C:2017:432, punti 36 u 37, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
55 |
Tali ostakolu jista’ wkoll jirriżulta mir-rifjut minn dawn l-istess awtoritajiet li jirrikonoxxu l-bidla fl-identità tal-ġeneru li tkun inkisbet skont il-proċeduri previsti għal dan il-għan fl-Istat Membru li fih iċ-ċittadin tal-Unjoni jkun eżerċita l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tiegħu, kemm jekk jinbidel l-isem, bħal f’dan il-każ, u kemm jekk le. Fil-fatt, il-ġeneru, bħall-isem, jiddefinixxi l-identità u l-istatus personali ta’ persuna. Għaldaqstant, ir-rifjut li tinbidel u tiġi rrikonoxxuta l-identità tal-ġeneru li ċittadin ta’ Stat Membru jkun kiseb legalment fi Stat Membru ieħor tista’ tikkawża lil dan tal-aħħar inkonvenjenzi serji fi ħwejjeġ amministrattivi, professjonali u privati, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff,C‑438/14, EU:C:2016:401, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
56 |
B’hekk, għal ċittadin tal-Unjoni li, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, ikun eżerċita l-libertà tiegħu ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor u li, huwa u jirrisjedi f’dan tal-aħħar, ikun bidel ismu u l-identità tal-ġeneru tiegħu skont proċeduri previsti għal dan il-għan f’dan l-Istat Membru ieħor, jeżisti riskju konkret, minħabba l-fatt li jkollu żewġ ismijiet differenti u żewġ identitajiet differenti tal-ġeneru, li jkollu joqgħod ineħħi d-dubji dwar l-identità tiegħu kif ukoll dwar l-awtentiċità tad-dokumenti li huwa jippreżenta jew dwar il-veraċità tal-informazzjoni f’dawn tal-aħħar, ħaġa li tikkostitwixxi ċirkustanza li tista’ tostakola l-eżerċizzju tad-dritt li jirriżulta mill-Artikolu 21 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff, C‑438/14, EU:C:2016:401, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Freitag,C‑541/15, EU:C:2017:432, punt 38). |
|
57 |
Konsegwentement, ir-rifjut, mill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-istatus ċivili ta’ Stat Membru, li jirrikonoxxu u li jniżżlu fir-reġistri tal-istatus ċivili u, b’mod partikolari, fl-att tat-twelid ta’ ċittadin ta’ dan l-Istat Membru l-bidliet fl-isem u fl-identità tal-ġeneru li jkunu nkisbu legalment minn dan tal-aħħar fi Stat Membru ieħor, abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix li jiġu rrikonoxxuti u li jitniżżlu dawn il-bidliet, bil-konsegwenza li l-persuna kkonċernata tiġi mġiegħla tiftaħ proċeduri ġodda, ta’ natura ġudizzjarja, għal bdil fl-identità tal-ġeneru f’dan l-Istat Membru tal-ewwel, liema proċeduri jinjoraw dawn il-bidliet li jkunu diġà nkisbu legalment f’dan l-Istat Membru ieħor, jista’ jirrestrinġi l-eżerċizzju tad-dritt li wieħed jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri. |
|
58 |
Tali restrizzjoni għandha wkoll tiġi kkonstatata fir-rigward tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 45(1) tal-Karta. Fil-fatt, dan id-dritt jikkorrispondi għal dak iggarantit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(2)(a) TFUE u, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(2) TFUE u l-Artikolu 52(2) tal-Karta, għandu jiġi eżerċitat taħt il-kundizzjonijiet u l-limiti ddefiniti mit-trattati u mill-miżuri adottati skont dawn tal-aħħar. Għaldaqstant, kull restrizzjoni mhux iġġustifikata fuq id-drittijiet previsti fl-Artikolu 21(1) TFUE neċessarjament tmur kontra l-Artikolu 45(1) tal-Karta, sa fejn id-dritt ta’ kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, previst fil-Karta, jirrifletti d-dritt mogħti mill-Artikolu 21(1) TFUE (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2024, Direcţia pentru Evidenţa Persoanelor şi Administrarea Bazelor de Date,C‑491/21, EU:C:2024:143, punti 49 u 50). |
|
59 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tirrestrinġi l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, stabbilit fl-Artikolu 21 TFUE, tista’ tiġi ġġustifikata biss kemm‑il darba din tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u tkun approporzjon tal-għan li d-dritt nazzjonali leġittimament ifittex li jilħaq (sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff, C‑438/14, EU:C:2016:401, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
60 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, leġiżlazzjoni nazzjonali li xxekkel persuna transġenera, minħabba n-nuqqas li tiġi rrikonoxxuta l-identità tal-ġeneru tagħha, milli tkun tista’ tissodisfa kundizzjoni li wieħed għandu jissodisfa sabiex ikun jista’ igawdi dritt protett mid-dritt tal-Unjoni, għandha titqies bħala, fil-prinċipju, inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2006, Richards, C‑423/04, EU:C:2006:256, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
61 |
F’dan il-każ, la l-qorti tar-rinviju u lanqas il-Gvern Rumen ma pprovdew informazzjoni dwar l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tfittex li tilħaq, liema leġiżlazzjoni ma tippermettix li jiġu rrikonoxxuti u li jitniżżlu fl-att tat-twelid il-bidliet fl-isem u fl-identità tal-ġeneru li jkunu nkisbu legalment fi Stat Membru ieħor, u li l-persuna kkonċernata tiġi mġiegħla tiftaħ proċeduri ġodda quddiem il-qrati nazzjonali għal bdil fl-identità tal-ġeneru, liema proċeduri jinjoraw dawn il-bidliet li jkunu diġà nkisbu legalment f’dan l-Istat Membru l-ieħor. |
|
62 |
Barra minn hekk, anki jekk jitqies li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tfittex għan leġittimu, din, fi kwalunkwe każ, tista’ titqies bħala ġġustifikata biss kemm‑il darba tkun konformi mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta li l-Qorti tal-Ġustizzja tara li jiġu rrispettati (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2021, Stolichna obshtina, rayon Pancharevo, C‑490/20, EU:C:2021:1008, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata) u, b’mod partikolari, mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata msemmi fl-Artikolu 7 tal-Karta. |
|
63 |
F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 7 ta’ din tal-aħħar għandhom l-istess sens u l-istess portata bħal dawk iggarantiti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2021, Stolichna obshtina, rayon Pancharevo, C‑490/20, EU:C:2021:1008, punt 60), liema dispożizzjoni tal-aħħar tikkostitwixxi livell minimu ta’ protezzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Alchaster, C‑202/24, EU:C:2024:649, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
64 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 8 tal-KEDB jipproteġi l-identità sesswali ta’ persuna bħala element kostituttiv u bħala wieħed mill-aspetti l-iktar intimi tal-ħajja privata tagħha. B’hekk, din id-dispożizzjoni tkopri d-dritt ta’ kull bniedem li jistabbilixxi d-dettalji tal-identità tiegħu bħala essri uman u għalhekk id-dritt tal-persuni transġeneri għall-iżvilupp personali u għall-integrità fiżika u morali, kif ukoll għar-rispett u għar-rikonoxximent tal-identità sesswali tagħhom (il-Qorti EDB, 11 ta’ Lulju 2002, Christine Goodwin vs Ir‑Renju Unit, CE:ECHR:2002:0711JUD002895795, paragrafi 77, 78 u 90; il-Qorti EDB, 12 ta’ Ġunju 2003, Van Kück vs Il-Ġermanja, CE:ECHR:2003:0612JUD003596897, paragrafi 69 sa 75 u 82, kif ukoll il-Qorti EDB, 19 ta’ Jannar 2021, X u Y vs Ir‑Rumanija, CE:ECHR:2021:0119JUD000214516, paragrafi 147 u 165) |
|
65 |
Għal dan il-għan, dan l-Artikolu 8 jimponi fuq l-Istati, minbarra obbligi negattivi bil-għan li l-persuni transsesswali jitħarsu mill-indħil arbitrarju mill-awtoritajiet pubbliċi, obbligi pożittivi, li jobbligawhom jimplimentaw proċeduri effikaċi u aċċessibbli li jiggarantixxu r-rispett effettiv tad-dritt tagħhom għall-identità sesswali. Barra minn hekk, fid-dawl tal-importanza partikolari ta’ dan id-dritt, l-Istati jgawdu biss marġni ta’ evalwazzjoni ristretta f’dan il-qasam (il-Qorti EDB, 19 ta’ Jannar 2021, X u Y vs Ir‑Rumanija, CE:ECHR:2021:0119JUD000214516, paragrafi 146 sa 148, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u l-Qorti EDB, l‑1 ta’ Diċembru 2022, A.D. et vs Il‑Ġeorġja, CE:ECHR:2022:1201JUD005786417, paragrafu 71). |
|
66 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta għalhekk li, bis-saħħa tal-imsemmi Artikolu 8, l-Istati huma obbligati jipprevedu proċeduri ċari u prevedibbli għar-rikonoxximent legali tal-identità tal-ġeneru li jippermettu li jinbidel is-sess, u għalhekk li jinbidel l-isem jew in-numru tal-identità personali, fid-dokumenti uffiċjali, u dan b’mod effiċjenti, trasparenti u aċċessibbli (il-Qorti EDB, 19 ta’ Jannar 2021, X u Y vs Ir‑Rumanija, CE:ECHR:2021:0119JUD000214516, paragrafu 168). |
|
67 |
Madankollu, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sabet, fis-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2021, X u Y vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2021:0119JUD000214516, paragrafi 157 u 168), li l-proċeduri previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom jitqiesu bħala inkompatibbli mal-Artikolu 8 tal-KEDB, sa fejn dawn il-proċeduri ma jissodisfawx ir-rekwiżiti li din id-dispożizzjoni timponi sabiex tiġi eżaminata talba għal bidla fl-identità tal-ġeneru li tkun tressqet għall-ewwel darba quddiem qorti nazzjonali. |
|
68 |
L-imsemmija proċeduri lanqas ma jistgħu jikkostitwixxu rimedju effikaċi li jippermetti lil ċittadin tal-Unjoni li, huwa u jirrisjedi fi Stat Membru ieħor u, għalhekk, huwa u jeżerċita d-dritt iggarantit fl-Artikolu 21 TFUE u fl-Artikolu 45 tal-Karta, ikun diġà kiseb legalment il-bidla f’ismu u fl-identità tal-ġeneru tiegħu skont il-proċeduri previsti għal dan il-għan f’dan l-Istat Membru, jinvoka b’mod utli d-drittijiet tiegħu taħt dawn l-artikoli, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta, speċjalment meta l-istess proċeduri jesponu lil dan iċ-ċittadin għar-riskju li dawn tal-aħħar iwasslu għal riżultat differenti minn dak adottat mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li jkunu rrikonoxxew legalment din il-bidla fl-isem u fl-identità tal-ġeneru. |
|
69 |
Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita sew, sabiex leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik dwar it-tniżżil, fir-reġistri tal-istatus ċivili, tal-bidliet fl-isem jew fl-identità tal-ġeneru tkun tista’ titqies bħala kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet jew il-proċeduri interni li jagħmluha possibbli li titressaq talba għal tali tniżżil ma jagħmlux impossibbli jew diffiċli ħafna l-implimentazzjoni tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 21 TFUE u, b’mod partikolari, tad-dritt għar-rikonoxximent ta’ dawn il-bidliet. Issa, l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jista’ jiġi kkontestat mis-setgħa ta’ evalwazzjoni li jgawdu l-awtoritajiet kompetenti fil-kuntest tal-proċeduri għar-rikonoxximent u għat-tniżżil tal-isem jew tal-identità tal-ġeneru, li għalihom huma suġġetti l-persuni li jkunu kisbu legalment il-bidla f’dan l-isem jew f’din l-identità fi Stat Membru ieħor. L-eżistenza ta’ tali setgħa ta’ evalwazzjoni tista’ twassal għal diverġenza bejn iż-żewġ ismijiet u ż-żewġ ġeneri rrikonoxxuti lill-istess persuna sabiex tiġi pprovata l-identità tagħha u tista’ twassal ukoll għal inkonvenjenzi serji fi ħwejjeġ amministrattivi, professjonali u privati msemmija fil-punti 54 u 55ta’ din is-sentenza. |
|
70 |
Għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tippermettix li jiġu rreġistrati l-isem u l-identità tal-ġeneru, li jkunu nkisbu legalment fi Stat Membru ieħor, u li ġġiegħel lill-persuna kkonċernata tiftaħ proċeduri ġodda, ta’ natura ġudizzjarja, għal bdil fl-identità tal-ġeneru fl-Istat Membru ta’ oriġini, billi tinjora l-fatt li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun diġà kiseb legalment il-bidliet f’ismu u fl-identità tal-ġeneru tiegħu fl-Istat Membru ta’ residenza tiegħu u kien suġġett għall-proċeduri previsti għal dan il-għan f’dan tal-aħħar, tmur kontra r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 21 TFUE. |
|
71 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 20 u l-Artikolu 21(1) TFUE, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7 u 45 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tippermettix li jiġu rrikonoxxuti u li jitniżżlu fl-att tat-twelid ta’ ċittadin ta’ dan l-Istat Membru l-bidliet fl-isem u fl-identità tal-ġeneru li jkunu nkisbu legalment fi Stat Membru ieħor huwa u jeżerċita l-libertà tiegħu ta’ moviment u ta’ residenza, bil-konsegwenza li jkun imġiegħel jiftaħ proċeduri ġodda, ta’ natura ġudizzjarja, għal bdil fl-identità tal-ġeneru f’dan l-Istat Membru tal-ewwel, liema proċeduri jinjoraw dawn il-bidliet li jkunu diġà nkisbu f’dan l-Istat Membru l-ieħor. F’dan ir-rigward, il-fatt li t-talba sabiex jiġu rrikonoxxuti u jitniżżlu fl-att tat-twelid il-bidliet fl-isem jew fl-identità tal-ġeneru tkun tressqet f’dan l-Istat Membru tal-ewwel f’data li fiha jkun diġà seħħ il-ħruġ mill-Unjoni ta’ Stat Membru ieħor, huwa irrelevanti. |
Fuq l‑ispejjeż
|
72 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 20 u l-Artikolu 21(1) TFUE, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7 u 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tippermettix li jiġu rrikonoxxuti u rreġistrati fl-att tat-twelid ta’ ċittadin ta’ dan l-Istat Membru l-bidliet fl-isem u fl-identità tal-ġeneru li jkunu nkisbu legalment fi Stat Membru ieħor huwa u jeżerċita l-libertà tiegħu ta’ moviment u ta’ residenza, bil-konsegwenza li jkun imġiegħel jiftaħ proċeduri ġodda, ta’ natura ġudizzjarja, għal bdil fl-identità tal-ġeneru f’dan l-Istat Membru tal-ewwel, liema proċeduri jinjoraw dawn il-bidliet li jkunu diġà nkisbu f’dan l-Istat Membru l-ieħor. |
|
F’dan ir-rigward, il-fatt li t-talba sabiex jiġu rrikonoxxuti u jitniżżlu fl-att tat-twelid il-bidliet fl-isem jew fl-identità tal-ġeneru tkun tressqet f’dan l-Istat Membru tal-ewwel f’data li fiha jkun diġà seħħ il-ħruġ mill-Unjoni Ewropea tal-Istat Membru l-ieħor, huwa irrelevanti. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.