Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fl‑10 ta’ April 2025 (1)

Kawża C798/23 [Abbottly] (i)

Minister for Justice

vs

SH

(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Artikolu 4a(1) – Raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal‑mandat ta’ arrest Ewropew – Kunċett ta’ ‘proċess li jirriżulta fid‑deċiżjoni’ – Konverżjoni ta’ piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija f’piena ta’ priġunerija”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l‑proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (2), kif emendata bid‑Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (3).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura relatata mal‑eżekuzzjoni, fl-Irlanda, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra SH sabiex tiġi eżegwita piena ta’ priġunerija fil-Latvja.

3.        Mill-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li l‑awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal‑mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura preventiva li ċċaħħdu l-libertà jekk il-persuna kkonċernata ma dehritx fiżikament fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni, sakemm ma jiġux issodisfatti ċerti ċirkustanzi elenkati f’din id-dispożizzjoni.

4.        Is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk il-kunċett ta’ “proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, ikoprix proċedura li permezz tagħha qorti tista’ tordna, minħabba ksur tal-kundizzjonijiet ta’ piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija imposta preċedentement, il-konverżjoni ta’ din il-piena f’piena ta’ priġunerija għal perijodu ugwali għal nofs il-perijodu tal-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija mhux skontata.

5.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nesponi r-raġunijiet li għalihom ser inqis li din id-domanda għandha tiġi risposta fl-affermattiv.

II.    Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6.        Matul is-sena 2014, SH ġie kkundannat għal żewġ reati kriminali mill-Valmieras rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Valmieras, il-Latvja) u mill-Jēkabpils rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Jēkabpils, il-Latvja), li fihom ġie kkundannat, f’kull każ, għal piena ta’ priġunerija u perijodu ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija. Fis‑27 ta’ Ottubru 2015, dawn il‑kundanni nġabru f’piena ta’ priġunerija ta’ perijodu totali ta’ erba’ snin u disa’ xhur, flimkien ma’ piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija ta’ tliet snin. Skont id-dritt Latvjan, l-eżekuzzjoni ta’ din il‑piena addizzjonali bdiet mill-mument li fih il-piena ta’ priġunerija ġiet skontata minn SH.

7.        SH ma osservax l-obbligu, rikjest bis-saħħa tal-ordni ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija, li jippreżenta ruħu fl-Għassa tal-Pulizija fi żmien tliet ijiem ta’ xogħol wara l-ħelsien tiegħu, minkejja li kien informat preċedentement li, fin-nuqqas li jagħmel dan, kien f’riskju li jiġi kkundannat għal sanzjoni amministrattiva. Konsegwentement, SH ġie misjub ħati ta’ ksur amministrattiv miż-Zemgales rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Zemgale, il-Latvja), fil‑11 u fis‑27 ta’ Mejju 2020, u minħabba f’hekk, ġie kkundannat għal ħlas ta’ żewġ multi.

8.        F’każ ta’ żewġ kundanni minħabba l-ksur tar-regoli tas‑sorveljanza tal-pulizija matul l-istess sena, id-dritt Latvjan jipprevedi l-possibbiltà lill-qorti kompetenti li tissostitwixxi l-piena addizzjonali li ma ġietx eżegwita permezz ta’ priġunerija, b’ġurnata ta’ priġunerija għal jumejn ta’ sorveljanza tal-pulizija li jkun fadal. Din il-konverżjoni ta’ piena ssir għalhekk abbażi ta’ proporzjon fiss u stabbilit minn qabel.

9.        Fix-xahar ta’ Ġunju 2020, il-Pulizija ta’ Jēkabpils (il-Latvja) talbet liż-Zemgales rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Zemgale) tikkonverti l-miżura ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija ta’ SH, għall-perijodu li kien għadu jrid jiġi skontat, fi priġunerija.

10.      Fil‑25 ta’ Ġunju 2020, intbagħtet ċitazzjoni bil-posta rreġistrata fil-post ta’ residenza ta’ SH f’Jēkabpils. Din iċ-ċitazzjoni ma nġabritx u ġiet irritornata fil‑31 ta’ Lulju 2020.

11.      Fid‑19 ta’ Awwissu 2020, saret seduta quddiem iż-Zemgales rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Zemgale), fl-assenza ta’ SH. Fl‑istess jum, din il-qorti tat deċiżjoni li biha ordnat li l-perijodu li kien għadu mhux skontat tal-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija ta’ SH, jiġifieri sentejn u jumejn, għandu jiġi kkonvertit f’piena ta’ priġunerija ta’ sena u jum, skont il-proporzjon previst fl-Artikolu 45(5) tal-Krimināllikums (il-Kodiċi Kriminali) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Kriminali Latvjan”). Din id-deċiżjoni ntbagħtet lil SH, iżda ġiet irritornata mingħajr ma nġabret. L-imsemmija deċiżjoni lanqas ma kienet is-suġġett ta’ appell min-naħa ta’ SH.

12.      Fis‑26 ta’ Frar 2021, inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew kontra SH għall-eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija mogħtija fid‑19 ta’ Awwissu 2020 miż-Zemgales rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Zemgale).

13.      Permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) irrifjutat il-konsenja ta’ SH abbażi tat-traspożizzjoni fid‑dritt Irlandiż tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

14.      Peress li l-High Court (il-Qorti Għolja) ċaħdet lill-Minister for Justice and Equality (il-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza, l‑Irlanda) (iktar ’il quddiem il-“Minister for Justice”) il-possibbiltà li jappella minn din is-sentenza quddiem il-Court of Appeal (il-Qorti tal‑Appell, l-Irlanda), dan tal-aħħar talab li jappella kontra l-imsemmija sentenza quddiem is-Supreme Court (il-Qorti Suprema), u din it-talba ntlaqgħet fid‑19 ta’ Jannar 2023.

15.      Din il-qorti għandha tendenza li tikkunsidra li l-proċedura Latvjana li twassal għall-konverżjoni tal-piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija f’piena ta’ priġunerija hija simili għar-revoka ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena li, kif jirriżulta mis-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2017, Ardic (4), ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Fil-fatt, in-natura koerżiva ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija tista’ tiġi assimilata mal‑modalitajiet li huma imposti b’mod sistematiku fil-qafas tas‑sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena.

16.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li minn din is‑sentenza jirriżulta li l-kunċett ta’ “deċiżjoni”, fis-sens ta’ din id‑dispożizzjoni, ma jkoprix deċiżjoni relatata mal-eżekuzzjoni jew mal‑applikazzjoni ta’ piena ta’ priġunerija mogħtija qabel, bħar-revoka ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni, ħlief meta din id-deċiżjoni għandha l‑għan jew l-effett li timmodifika n-natura jew il-quantum tal-imsemmija piena u l-awtorità li tat din id-deċiżjoni kellha, f’dan ir-rigward, marġni ta’ evalwazzjoni (5).

17.      Issa, din il-qorti tikkonstata li, f’dan il-każ, il-perijodu ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija beda mill-mument li fih il-piena ta’ priġunerija kienet skontata minn SH. Ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni ġudizzjarja li bidlet in-natura u l-quantum tal-piena ta’ priġunerija deċiża preċedentement, peress li f’każ ta’ ksur tal-kundizzjonijiet tat-tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija, il-perijodu tal-priġunerija li jista’ jiġi deċiż huwa stabbilit permezz ta’ kalkolu aritmetiku previst mid-dritt Latvjan. Għalhekk, iż-Zemgales rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Zemgale) kellha tiddeċiedi biss jekk hemmx lok jew le li tiġi imposta piena ta’ priġunerija addizzjonali, peress li l-perijodu tagħha huwa stabbilit mil‑liġi.

18.      Huwa għal din ir-raġuni li l-qorti tar-rinviju qieset, b’mod provviżorju, li ma kienx hemm lok li tiġi rrifjutata l-konsenja minħabba li l-piena ta’ priġunerija deċiża fid‑19 ta’ Awwissu 2020 ma kinitx tikkostitwixxi piena ġdida. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal‑priġunerija wara r-reati kommessi minn SH kienu ċari u verifikabbli, u ma kinux jinvolvu deċiżjoni ġdida u lanqas bidla tan-natura jew tal‑quantum tal-piena inizjali.

19.      Madankollu, din il-qorti għandha ċerti dubji dwar din is‑soluzzjoni.

20.      Fil-fatt, hija tosserva li l-piena inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija differenti minn dik inkwistjoni fis-sentenza Ardic. B’hekk, minkejja li l‑perspettiva ta’ piena ta’ priġunerija ġdida kienet inerenti għall-piena deċiża fl‑2015, is-sentenza mogħtija miż-Zemgales rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Zemgale) mhux sempliċement imponiet fuq il-konvenut li “[j]iskonta, parzjalment jew fl-intier tagħhom, il-pieni li jċaħħdu l‑libertà li ġew inizjalment stabbiliti” (6).

21.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-piena ta’ priġunerija inizjalment imposta fuq il-konvenut ġiet skontata minnu. Għalhekk, huwa ħaseb li l-piena imposta fuqu miż-Zemgales rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Zemgale) kienet implikat bidla fin-natura jew fil‑quantum tal-piena deċiża preċedentement, liema bidla kienet tikkonsisti fil-konverżjoni ta’ piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal‑pulizija f’piena ta’ priġunerija addizzjonali.

22.      Barra minn hekk, iż-Zemgales rajona tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Zemgale) kellha marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-deċiżjoni li tiġi imposta tali piena fuq SH, anki jekk ma kellha l-ebda marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-tul tagħha. Konsegwentement, il-qorti tar‑rinviju tindika li hija ma hijiex f’pożizzjoni li tikkonkludi li r-risposta għad-domanda mqajma fir-rigward tal-interpetazzjoni u tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fiċ-ċirkustanzi tal‑appell imressaq quddiemha, tista’ tingħata b’mod li ma tħalli l-ebda lok għal dubju raġonevoli.

23.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Meta l-konsenja tal-persuna rikjesta tkun mitluba għall-finijiet tal‑eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija imposta fuq din il-persuna bħala riżultat tal-ksur tal-kundizzjonijiet ta’ piena ta’ sorveljanza tal-pulizija imposta preċedentement fuqha, f’ċirkustanzi fejn il‑qorti li tkun imponiet din il-priġunerija kellha diskrezzjoni dwar jekk timponix tali priġunerija (iżda l-ebda diskrezzjoni dwar it-tul ta’ din il-priġunerija fil-każ li tiġi imposta), il-proċedura li twassal għall-impożizzjoni [tal-imsemmija] priġunerija tagħmel parti mill-‘proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni’ għall-finijiet tal-Artikolu 4a(1) tad‑Deċiżjoni Qafas [2002/584]?

2)      Id-deċiżjoni li l-piena ta’ sorveljanza tal-pulizija tiġi kkonvertita f’piena ta’ priġunerija, fiċ-ċirkustanzi stabbiliti fl-ewwel domanda […], kienet waħda li kellha l-għan jew l-effett li timmodifika n-natura u/jew il-quantum tal-piena imposta preċedentement fuq il‑persuna rikjesta u, b’mod partikolari, il-piena ta’ sorveljanza tal‑pulizija li kienet tagħmel parti mill-piena preċedenti tagħha, kienet tali li taqa’ taħt l-eċċezzjoni msemmija fil-punt 77 tas‑sentenza Ardic?”

24.      Il-Minister for Justice, SH, il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub u pparteċipaw fis‑seduta li saret fid‑9 ta’ Jannar 2025.

25.      Peress li l-avukat ta’ SH informa lir-Reġistratur tal-Qorti tal‑Ġustizzja li dan tal-aħħar kien arrestat fil-Latvja, il-Qorti tal‑Ġustizzja, permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ April 2024, bagħtet talba għal informazzjoni lill-qorti tar‑rinviju, intiża sabiex tistabbilixxi jekk risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-talba għal deċiżjoni preliminari kinitx utli sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża prinċipali.

26.      Permezz ta’ risposta tal-10 ta’ Mejju 2024, il-qorti tar-rinviju kkonfermat li SH kien arrestat fil-Latvja u li kien ġie kkonsenjat lill‑awtoritajiet Latvjani b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tas‑17 ta’ Frar 2021, iżda indikat li, inkwantu SH ma kienx ġie ikkonsenjat b’eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil‑kawża prinċipali u li ma kienx, għalhekk, eskluż li l-awtoritajiet Latvjani japplikaw il-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 sabiex jiksbu l-eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija mogħtija kontra SH, risposta għat-talba ta’ deċiżjoni preliminari tibqa’ utli għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali.

III. Analiżi

27.      Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, li, fl-opinjoni tiegħi, għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk l‑Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni”, li jinsab f’din id‑dispożizzjoni, ikopri proċedura li permezz tagħha qorti tista’ tordna, minħabba ksur tal-kundizzjonijiet ta’ piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija imposta preċedentement, il-konverżjoni ta’ din il-piena f’piena ta’ priġunerija għal perijodu ugwali għal nofs il-perijodu tal-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija mhux skontata.

28.      Minkejja li l-Minister for Justice u l-Gvern Rumen jipproponu li din id-domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv, billi essenzjalment jiżviluppaw argument li huwa bbażat fuq is-sentenza Ardic, SH u l-Kummissjoni jissuġġerixxu li r-risposta għal din id‑domanda għandha tingħata fl-affermattiv billi jitbiegħdu minn din is‑sentenza.

29.      Jiena naqbel mal-pożizzjoni difiża minn SH u mill-Kummissjoni.

30.      Qabel ma nesponi r-raġunijiet li għalihom inqis li l-proċedura li wasslet għal deċiżjoni ġudizzjarja li jkun hemm il-konverżjoni ta’ piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija f’piena ta’ priġunerija hija “proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584, huwa importanti li jkun iċċarat f’hiex kienet tikkonsisti din l-ewwel piena u b’liema kundizzjonijiet tista’ tingħata mill-qorti kompetenti.

31.      F’dan ir-rigward, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 45 tal‑Kodiċi Kriminali Latvjan, intitolat “Tqegħid taħt sorveljanza tal‑pulizija”, li huwa redatt kif ġej (7):

“(1)      It-tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija hija piena addizzjonali li l‑qorti tista’ tagħti, bħala miżura koerżiva, sabiex tissorvelja l-imġieba tal‑persuna meħlusa minn post ta’ priġunerija u tissottomettiha għal restrizzjonijiet preskritti mill-pulizija. […]

(2)      Il-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija hija imposta biss meta tingħata piena ta’ priġunerija, fil-każijiet previsti mit-taqsima speċjali ta’ din il-liġi, għal perijodu minimu ta’ sena u li ma jeċċedix tliet snin.

[…]

(4)      Jekk persuna kkundannata, waqt li tkun tiskonta piena addizzjonali, ikkommettiet reat kriminali ġdid, il-qorti tissostitwixxi l-perijodu mhux skontat tal-piena addizzjonali bi priġunerija u tistabbilixxi l-piena definittiva skont id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 51 u 52 ta’ din il‑liġi.

(5)      Jekk persuna, li t-tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija tagħha ġie deċiż b’sentenza tal-qorti, tikser id-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ tqegħid taħt sorveljanza in mala fede, qorti tista’, fuq talba tal-pulizija, tissostitwixxi l-perijodu mhux skontat ta’ piena addizzjonali bi priġunerija, billi tqis jumejn ta’ tqegħid taħt sorveljanza bħala jum ta’ priġunerija.

(6)      Ksur tad-dispożizzjonijiet tat-tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija jseħħ in mala fede jekk il-persuna tkun is-suġġett ta’ kundanna amministrattiva darbtejn għal tali reat f’perijodu ta’ sena.”

32.      Fil-qafas ta’ din il-kawża, huwa l-Artikolu 45(5) tal-Kodiċi Kriminali Latvjan li għandu rilevanza partikolari, inkwantu jipprevedi l‑possibbiltà għall-qorti kompetenti, fuq talba tal-awtorità tal-pulizija kompetenti, li piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija tiġi kkonvertita f’piena ta’ priġunerija f’każ ta’ ksur, in mala fede, tal-persuna kkundannata tal-kundizzjonijiet li ngħataw ma’ din l-ewwel piena. Din il-konverżjoni għalhekk issir, għall-perijodu tal-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija li għadu mhux skontat, abbażi ta’ proporzjon legali stabbilit ta’ jum ta’ priġunerija għal jumejn ta’ sorveljanza tal‑pulizija li jifdal.

33.      Sabiex jintwera li tali deċiżjoni ta’ konverżjoni ta’ piena taqa’ fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandu qabelxejn jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li din id-deċiżjoni qafas hija maħsuba sabiex, bl-introduzzjoni ta’ sistema ssemplifikata u effettiva għall-konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali, tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan tal-Unjoni li ssir żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja msejsa fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri (8).

34.      Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li, skont il-premessa 6 tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584, huwa kkonkretizzat l-ewwel nett permezz tal-mandat ta’ arrest Ewropew, previst minn din id-deċiżjoni qafas, jikkostitwixxi l-“punt ta’ referenza” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil‑qasam kriminali. Dan il-prinċipju huwa mfisser fl-Artikolu 1(2) tal‑imsemmija deċiżjoni qafas, li jistabbilixxi r-regola li l-Istati Membri huma obbligati jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew abbażi ta’ dan il-prinċipju u skont id-dispożizzjonijiet tal-istess Deċiżjoni Qafas (9).

35.      Minn dan isegwi, minn naħa waħda, li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew biss għar-raġunijiet li jirriżultaw mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, peress li l‑eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni tiegħu, huwa mifhum bħala eċċezzjoni li għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta (10).

36.      B’mod partikolari, l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola li timponi fuq l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tikkonsenja lill-persuna rikjesta lill-Istat Membru emittenti u għandha, għaldaqstant, tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni restrittiva (11).

37.      Mill-kliem stess tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha l-fakultà li tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura preventiva li ċċaħħad il-libertà jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni, ħlief jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew jindika li l‑kundizzjonijiet stabbiliti, rispettivament, f’din id-dispożizzjoni, (a) sa (d), huma ssodisfatti (12).

38.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija dispożizzjoni b’hekk tillimita l-possibbiltà li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew billi telenka, b’mod preċiż u uniformi, il-kundizzjonijiet li fihom ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija wara kawża li fiha l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment ma jistgħux jiġu rrifjutati (13).

39.      Konsegwentement, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija marbuta li tipproċedi bl-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, minkejja l-assenza tal-parti kkonċernata fil-proċeduri li wasslu għad‑deċiżjoni kkonċernata, meta tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ waħda miċ-ċirkustanzi msemmija rispettivament, fil-punti (a), (b), (ċ) u (d) tal‑Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (14).

40.      Fil-fatt, f’kull wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew la tippreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata u lanqas id-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq, kif stabbiliti fl‑Artikolu 47 u fl-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (15).

41.      Qabel ma tintalab tivverifika l-eżistenza ta’ waħda miċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 4a(1)(a), (b), (ċ) jew (d) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha madankollu tistabbilixxi jekk għandhiex quddiemha sitwazzjoni li fiha l‑persuna li l-konsenja tagħha ntalbet dehritx fiżikament fil-“proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

42.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, għandu jinftiehem bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar, indipendentement mill-klassifikazzjonijiet fl-Istati Membri (16). Dan il‑kunċett għandu jinftiehem bħala li jindika l-proċedura li wasslet għad‑deċiżjoni ġudizzjarja li kkundannat b’mod definittiv lill-persuna li ntalbet il-konsenja tagħha fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (17).

43.      Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, fl-ipoteżi fejn il-proċedura tkun inkludiet diversi istanzi li jkunu wasslu għal deċiżjonijiet suċċessivi, li mill-inqas waħda minnhom tkun ingħatat fil-kontumaċja, l-imsemmi kunċett ikopri l-istanza li wasslet għall-aħħar waħda minn dawn id‑deċiżjonijiet, bil-kundizzjoni li l-qorti kkonċernata tkun iddeċidiet b’mod definittiv dwar il-ħtija tal-persuna kkonċernata u tkun ikkundannatha għal piena, bħal miżura li tneħħi l-libertà, wara eżami, fil‑fatt kif ukoll fid-dritt, tal-provi inkriminanti u skaġunanti, li jinkludu, jekk ikun il-każ, it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni individwali tagħha (18).

44.      Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li, minkejja li ma taffettwax id‑dikjarazzjoni ta’ ħtija magħmula minn dawn id-deċiżjonijiet preċedenti, proċedura li twassal għal sentenza li timponi piena globali, li wasslet għal determinazzjoni mill-ġdid tal-livell ta’ pieni li jneħħu l‑libertà deċiżi preċedentement, għandha titqies li taqa’ taħt l‑applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, meta tagħti, għal dan l-għan, marġni ta’ evalwazzjoni lill-awtorità kompetenti u li hija tirriżulta f’deċiżjoni li tiddeċiedi b’mod finali fuq il-piena (19).

45.      B’kuntrast ma’ dan, kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fis-sentenza tagħha Ardic, deċiżjoni relatata mal-eżekuzzjoni jew mal-applikazzjoni ta’ piena ta’ priġunerija mogħtija preċedentement ma tikkostitwixxix “deċiżjoni”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4a(1) ħlief jekk taffettwa d‑dikjarazzjoni ta’ ħtija jew jekk għandha bħala għan jew effett li tibdel jew in-natura, jew il-quantum ta’ din il-piena u li l-awtorità li ppronunzjatha kellhiex, f’dan ir-rigward, marġni ta’ evalwazzjoni (20).

46.      Minn dan isegwi li deċiżjoni li tirrevoka s-sospensjoni tal‑eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, minħabba l-ksur mill-persuna kkonċernata ta’ kundizzjoni oġġettiva li tissuġġetta din is-sospensjoni, bħat-twettiq ta’ reat ġdid matul il-perijodu ta’ prova, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 4a(1) peress li din ma tbiddilx din il-piena fir-rigward kemm tan-natura tagħha kif ukoll tal-quantum tagħha (21).

47.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li, peress li l‑awtorità inkarigata sabiex tiddeċiedi dwar tali revoka ma hijiex mitluba teżamina mill-ġdid il-mertu tal-kawża li tat lok għall-kundanna kriminali, il-fatt li din l-awtorità għandha marġni ta’ evalwazzjoni ma huwiex rilevanti, sakemm din tal-aħħar ma tippermettilhiex li tbiddel il-quantum jew in-natura tal-piena li ċċaħħad il-libertà, kif ġew stabbiliti mid‑deċiżjoni li tikkundanna b’mod definittiv lill-persuna li tagħha qiegħda tintalab il-konsenja (22).

48.      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni ristretta tal‑kunċett ta’ “proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal‑Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Hija rrilevat li tali interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (23). Fil-fatt, bis-saħħa ta’ din il-ġurisprudenza, minn naħa, il-proċeduri dwar il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-pieni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (24), u, min-naħa l-oħra, il-miżuri adottati minn qorti wara li tingħata piena definittiva jew matul l-eżekuzzjoni tagħha jistgħu jitqiesu li huma “pieni”, fis-sens ta’ din il-Konvenzjoni, biss jekk jistgħu jwasslu għal definizzjoni mill-ġdid jew għal tibdil tal-portata tal-piena imposta inizjalment (25).

49.      Kemm il-Minister for Justice kif ukoll il-Gvern Rumen iddefendew l-argument li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi assimilata ma’ dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas‑sentenza Ardic. Jekk jiġi adottat approċċ ieħor twassal, fl-opinjoni tagħhom, sabiex il-forma tipprevali fuq il-mertu, sa fejn id-deċiżjoni li tiġi rrevokata s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija u d‑deċiżjoni li piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija tiġi kkonvertita f’piena ta’ priġunerija jkollhom effett ekwivalenti.

50.      Jiena ma naqbilx ma’ din l-opinjoni. Fil-fatt, jiena inqis, bħal SH u l-Kummissjoni, li għandu jkun hemm distinzjoni bejn is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u dik li wasslet għal din is-sentenza, u dan għar-raġunijiet segwenti.

51.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-protezzjoni ta’ dritt fundamentali bħad-dritt għal smigħ xieraq, għandhom jiġu ttrattati b’attenzjoni l‑argumenti li jimmilitaw favur estensjoni b’analoġija tal-interpretazzjoni ristretta li l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tuża fir-rigward ta’ miżuri li, minkejja li jippreżentaw ċerti effetti komparabbli, huma ta’ natura differenti.

52.      Fil-fatt, jidhirli importanti li jiġi enfasizzat li l-interpretazzjoni ristretta li għandu jingħata l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma għandhiex taħbi l-fatt li d-dritt tal-akkużat li jkun preżenti waqt il-proċess tiegħu jikkostitwixxi element essenzjali tad‑drittijiet tad-difiża u, b’mod iktar ġenerali, huwa ta’ importanza kbira fir-rispett tad-dritt għal smigħ xieraq fi proċeduri kriminali, stabbilit fit‑tieni u fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 47, kif ukoll fl-Artikolu 48 tal‑Karta (26).

53.      F’dan ir-rigward, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti EDB ddeċidiet li kundanna in absentia ta’ persuna, li fir-rigward tagħha ma ġiex stabbilit li hija kienet irrinunzjat għad-dritt tagħha li tidher u li tiddefendi ruħha jew li kellha l-intenzjoni li taħrab mill-ġustizzja, mingħajr il-possibbiltà għaliha, li tikseb sentenza ġdida, wara li tkun instemgħet, fuq il-mertu tal-akkuża, fil-fatt kif ukoll fid-dritt, li hija kienet is-suġġett tagħha, tikkostitwixxi ċaħda flagranti tal-ġustizzja (27).

54.      Barra minn hekk, fir-rigward tal-oriġini u tal-għanijiet tal‑Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni u tippermetti lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni tipproċedi għall‑konsenja tal-persuna kkonċernata minkejja l-assenza tagħha waqt il-proċedura li wasslet għall-kundanna tagħha, filwaqt li jiġu osservati b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħha. B’mod iktar partikolari, kif jirriżulta b’mod espress mill-Artikolu 1  tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, moqri fid-dawl tal-premessi 1, 4, 8 u 15 tagħha, dan l-Artikolu 4a ġie inkluż fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 sabiex jiġi protett id-dritt tal‑akkużat li jidher personalment fil-proċeduri kriminali mmexxija kontrih filwaqt li jittejjeb ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji bejn l-Istati Membri (28). Kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja, il‑leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk iddeċieda li jagħti lil dan id-dritt importanza speċifika (29).

55.      L-effikaċja tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma għandhiex għalhekk tirrelega għat-tieni pożizzjoni l-ħtieġa li jiġu msaħħa d-drittijiet proċedurali tal-persuni li huma s-suġġett ta’ proċedura kriminali.

56.      F’din il-perspettiva, l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi applikat b’mod konformi mat-tieni u mat-tielet paragrafu tal‑Artikolu 47, u mal-Artikolu 48 tal-Karta li, kif indikat fis-Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (30), jikkorrispondu mal-Artikolu 6 tal-KEDB. Għalhekk, il-Qorti tal‑Ġustizzja għandha tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti tat-tieni u tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 47, u tal-Artikolu 48 tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jiksirx dak protett bl-Artikolu 6 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti EDB (31).

57.      Issa, differenti mill-kwistjonijiet dwar il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni jew ta’ applikazzjoni ta’ piena, deċiżjoni ġudizzjarja li twassal għall-kundanna tal-persuna kkonċernata taqa’ taħt l-aspett kriminali tal-Artikolu 6 tal-KEDB (32).

58.      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li l‑garanziji tal-Artikolu 6 tal-KEDB japplikaw mhux biss għad‑dikjarazzjoni ta’ ħtija, iżda wkoll għad-determinazzjoni tal‑piena. B’hekk, l-osservanza tal-korrettezza tal-kawża timplika d-dritt, għall‑persuna kkonċernata, li tattendi għad-dibattiti minħabba l‑konsegwenzi importanti li dawn jista’ jkollhom fuq il-quantum tal‑piena li ser tkun imposta fuqha (33).

59.      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi vverifikat jekk deċiżjoni li tista’, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, tkun meqjusa bħala relatata mal-eżekuzzjoni jew mal-applikazzjoni ta’ piena, tistax fir-realtà tkun assimilata ma’ deċiżjoni li tirriżulta f’dikjarazzjoni ta’ ħtija jew ta’ determinazzjoni ta’ piena, f’liema każ il-garanziji tal-Artikolu 6 tal‑KEDB għandhom jiġu applikati.

60.      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni inkwistjoni f’din il-kawża tirrigwarda piena addizzjonali u ma tikkostitwixxix deċiżjoni relatata mal-eżekuzzjoni jew mal-applikazzjoni ta’ piena ta’ priġunerija preċedentement imposta, differenti mid-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Ardic. B’hekk, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali ma hijiex dik ta’ modalità ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija li tippermetti lill-persuna kkundannata tiskonta tali piena barra mill-ħabs, bl-obbligu li tosserva sensiela ta’ kundizzjonijiet.

61.      Fit-tielet lok, il-proċedura li permezz tagħha l-qorti kompetenti hija adita mill-awtorità tal-pulizija skont l-Artikolu 45(5) tal-Kodiċi Kriminali Latvjan taqa’ fil-qafas tal-fażi ta’ eżekuzzjoni tal-piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija, peress li din il-fażi tibda wara li l-piena ta’ priġunerija tkun ġiet skontata.

62.      Permezz ta’ din il-proċedura, il-qorti kompetenti għandha tiddeċiedi jekk, minħabba ksur mill-persuna kkundannata tal-kundizzjonijiet relatati mal-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija, il-perijodu mhux skontat ta’ din il-piena għandux jiġi ssostitwit b’piena ta’ priġunerija, billi jum ta’ priġunerija jiġi kkunsidrat għal jumejn ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija li jifdal.

63.      Kuntrarjament għall-konklużjoni li għaliha waslet il-Qorti tal‑Ġustizzja fis-sentenza tagħha Ardic, tali deċiżjoni ma għandhiex, fl‑opinjoni tiegħi, tiġi deskritta bħala deċiżjoni relatata mal-eżekuzzjoni jew mal-applikazzjoni tal-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija li, kieku kien il-każ, kienet għalhekk tkun eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

64.      Fil-fatt, il-proċedura li permezz tagħha l-qorti kompetenti tista’ tiddeċiedi li tissostitwixxi l-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija b’piena ta’ priġunerija hija ekwivalenti għall-għoti ta’ piena ġdida li n‑natura tagħha hija differenti minn dik inizjalment mogħtija.

65.      Din il-piena ġdida tista’ tingħata minn din il-qorti jekk hija tqis li l-ksur tal-persuna kkundannata tal-kundizzjonijiet relatati mal-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija jiġġustifika dan. Il-piena ta’ priġunerija mogħtija eventwalment għalhekk ikollha l-għan li tippenalizza mhux il-ksur kriminali inizjali li wassal għall-għoti, bħala piena addizzjonali, tal-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija, iżda l-ksur speċifiku tal-kundizzjonijiet li din l-aħħar piena ġġib magħha. L‑imsemmija qorti għalhekk għandha tiddeċiedi, wara eżami tas‑sitwazzjoni ta’ din il-persuna, jekk tali ksur jiġġustifikax jew le t‑trasformazzjoni ta’ sempliċi sorveljanza tal-pulizija f’priġunerija.

66.      Għalhekk, jiena nqis li d-deċiżjoni ta’ konverżjoni ta’ piena inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija relatata iktar mal-kategorija tad‑deċiżjonijiet li jwasslu għal dikjarazzjoni ta’ ħtija jew tad-determinazzjoni ta’ piena milli ma’ dik ta’ deċiżjonijiet relatati mal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena. Tali deċiżjoni għandha għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

67.      Konsegwentement, hemm lok, fl-opinjoni tiegħi, li jiġi kkunsidrat li l-proċedura li wasslet lill-qorti kompetenti tikkonverti, skont l‑Artikolu 45(5) tal-Kodiċi Kriminali Latvjan, il-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija f’piena ta’ priġunerija għandha tiġi assimilata ma’ proċedura li wasslet għad-deċiżjoni ġudizzjarja li kkundannat b’mod definittiv lill-persuna li ntalbet il-konsenja tagħha fil-kuntest tal‑eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (34). Minn dan jirriżulta li l‑kunċett ta’ “proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni”, li jinsab fl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ikopri proċedura bħal dik li wasslet għal deċiżjoni ta’ konverżjoni tal-piena inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

68.      Huwa veru li, kif il-Qorti EDB indikat diversi drabi, id-distinzjoni bejn miżura li tikkostitwixxi piena u miżura relatata mal-eżekuzzjoni jew mal-applikazzjoni ta’ piena ma hijiex dejjem ċara fil-prattika (35). Is‑sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija eżempju ċar peress li, kif indikajt preċedentement, id-deċiżjoni tal-qorti kompetenti tidħol fil‑qafas tal-fażi ta’ eżekuzzjoni tal-piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija.

69.      Minkejja dan, anki jekk id-deċiżjoni ta’ konverżjoni ta’ piena inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba n-natura ibrida tagħha, tiġi analizzata bħala li tikkostitwixxi modalità ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li din id-deċiżjoni għandha l-effett li tibdel in-natura stess ta’ din il-piena u, min-naħa l-oħra, li l-qorti li ddeċidiet dwarha bbenefikat minn marġni ta’ evalwazzjoni sabiex tiddeċiedi dwar din il-bidla. Skont il‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta dawn iż-żewġ kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti jista’ jiġi kkunsidrat li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha quddiemha “deċiżjoni”, fis-sens tal‑Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (36). Din il-konstatazzjoni ssaħħaħ, fl-opinjoni tiegħi, l-idea li applikazzjoni analoga għall‑konklużjoni li għaliha waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Ardic għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi eskluża.

70.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, minkejja li l-ksur ta’ ċerti kundizzjonijiet iġib miegħu r-ritorn fil-ħabs kemm fis-sitwazzjoni inkwistjoni f’din is-sentenza kif ukoll f’dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, xorta hemm diversi differenzi bejn dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet.

71.      B’hekk, fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas‑sentenza Ardic, hija l-piena ta’ priġunerija deċiża inizjalment li għandha tiġi eżegwita minħabba r-revoka tas-sospensjoni (37), peress li din il-piena ma nbidlitx f’dak li jirrigwarda n-natura jew il-livell tagħha (38). Din ir-revoka terġa’ tattiva għalhekk piena li kienet ġiet definittivament stabbilita fil-mument tal-kundanna, anki jekk kienet sussegwentement sospiża taħt ċerti kundizzjonijiet (39). Min-naħa l-oħra, fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ksur tal-kundizzjonijiet relatati mal‑piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija jagħti lok, jekk il-qorti kompetenti tiddeċiedi b’dan il-mod, għall-għoti ta’ piena ta’ priġunerija ġdida li tissostitwixxi l-piena addizzjonali mogħtija inizjalment. Għalhekk ma hijiex il-piena inizjali ta’ priġunerija, li ġiet skontata fl-intier tagħha, li hija attivata mill-ġdid. Il-bażi tal-priġunerija ma huwiex ir-reat inizjali, iżda l-ksur repetut tal-kundizzjonijiet tas‑sorveljanza tal-pulizija, liema ksur jikkostitwixxi, fid-dritt Latvjan, ksur amministrattiv.

72.      Ma huwiex ikkontestat li l-piena addizzjonali li ġiet deċiża fil-bidu għalhekk tibdel in-natura tagħha. B’mod partikolari, jidhirli importanti li jiġi enfasizzat li l-konverżjoni ta’ piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal‑pulizija f’piena ta’ priġunerija twassal għal bidla ta’ miżura li l-għan tagħha kien jidher prinċipalment preventiv (40) f’miżura li għandha għan repressiv. Fil-fatt, is-sorveljanza tal-pulizija wara l-ħruġ mill-ħabs ma għandhiex tali għan, iżda hija intiża sabiex tevita r-riskju ta’ reċedività u tgħin lill-persuna meħlusa terġa’ tintegra fis-soċjetà filwaqt li jiġi żgurat li ġġib ruħha b’mod korrett.

73.      F’dan ir-rigward, nirrileva li l-Qorti EDB diġà ddeċidiet li miżura ta’ sorveljanza speċjali mill-pulizija “ma għandhiex titqabbel ma’ piena għaliex hija intiża sabiex tipprevedi milli jitwettqu atti kriminali; il‑proċedura relatata magħha għalhekk ma tirrigwardax il-‘mertu’ta’ ‘akkuża fi kwistjoni kriminali’, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB” (41).

74.      Barra minn hekk, il-Qorti EDB iddeċidiet, fir-rigward ta’ miżura ta’ tqegħid ta’ persuna taħt sorveljanza amministrattiva, b’rabta ma’ kundanna kriminali u insegwitu għaliha, li tali miżura ma tikkostitwixxix “piena”, fis‑sens tal-Artikolu 7(1) tal-KEDB, inkwantu l-għan prinċipali ta’ din il‑miżura kien li jipprevjeni r-reċedività, li jagħtiha natura preventiva iktar milli repressiva (42).

75.      Inżid li, minkejja li t-tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija huwa kklassifikat bħala “piena addizzjonali” fid-dritt Latvjan, dan bl-ebda mod ma jeskludi li jista’ jitqies bħala miżura preventiva. F’dan ir-rigward, il‑Qorti EDB diġà indikat li “l-istess tip ta’ miżura tista’ tkun ikklassifikata bħala piena addizzjonali fi Stat u bħala miżura preventiva f’oħra” (43).

76.      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, f’dan il-każ, il-qorti kompetenti għandha, fil-qafas ta’ proċedura ġudizzjarja distinta minn dik li wasslet għall-kundanna inizjali, marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-konverżjoni eventwali tal-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal‑pulizija f’piena ta’ priġunerija. Differenti mill-kawża li wasslet għas‑sentenza Ardic, li fiha s-setgħa li kellha l-awtorità ġudizzjarja fir‑rigward tar-revoka tas-sospensjoni ma kinitx relatata mad‑determinazzjoni tal-piena, iżda mal-eżekuzzjoni tagħha (44), il-marġni ta’ evalwazzjoni li għandha l-qorti kompetenti f’din il-kawża tirrigwarda l-punt dwar jekk il-ksur tal-kundizzjonijiet relatati mal-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija huwiex suffiċjentement serju sabiex jiġġustifika l-konverżjoni ta’ din il-piena f’priġunerija. Dan iwassal sabiex jiġi stabbilit jekk għandhiex tingħata piena ġdida li hija ta’ natura differenti. B’mod partikolari, dan il-marġni ta’ evalwazzjoni jista’ jippermetti lil din il-qorti tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni jew il‑personalità tal-persuna kkonċernata, jew inkella ċirkustanzi li jippermettu li jiġi spjegat il-ksur minn din il-persuna tal-kundizzjonijiet relatati mal-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija (45).

77.      Ċertament, din il-possibbiltà ta’ konverżjoni ta’ piena hija prevista fil-liġi, li tistabbilixxi l-quantum tal-piena ta’ priġunerija li l-qorti kompetenti tista’ tiddeċiedi, abbażi ta’ proporzjon legali stabbilit ta’ jum ta’ priġunerija għal jumejn ta’ sorveljanza tal-pulizija li jifdal. Xorta jibqa’ l-fatt li din il-qorti għandha marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-deċiżjoni stess li twettaq din il-konverżjoni.

78.      Dejjem mill-perspettiva tal-marġni ta’ evalwazzjoni li għandha l‑qorti kompetenti, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil‑kontumaċja), li l‑kunċett ta’ “proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni”, li jinsab fl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jirreferi għal sentenza li timponi piena globali, peress li l-proċedura li wasslet għal din is-sentenza tinkludi marġni ta’ evalwazzjoni għad-determinazzjoni tal-livell ta’ din il-piena globali (46). Kif korrettament enfasizza SH waqt is-seduta, ikun paradossali li tinstab soluzzjoni differenti meta, bħal f’din il-kawża, il-marġni ta’ evalwazzjoni li għandha l-qorti kompetenti tirrigwarda n-natura stess tal‑piena li l-persuna kkonċernata jkollha tiskonta fi tmiem il-proċedura inkwistjoni, jiġifieri jew iż-żamma tas-sorveljanza tal-pulizija għall‑perijodu li jkun fadal li jiġi skontat, jew il-konverżjoni ta’ din is‑sorveljanza f’piena ġdida ta’ priġunerija abbażi tal-quantum iddefinit mil-liġi.

79.      Element ieħor jiddistingwi s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali minn dik inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Ardic. Fil-fatt, f’din tal-aħħar, hija s-sentenza inizjali ta’ kundanna li tikkostitwixxi s-sentenza ta’ eżekuzzjoni abbażi tal-mandat ta’ arrest Ewropew. B’hekk, ir-revoka tas-sospensjoni ma timplikax deċiżjoni ġdida relatata mad-determinazzjoni tal-piena li tikkostitwixxi l-bażi tal‑mandat ta’ arrest Ewropew (47). Hija differenti s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali fejn id-deċiżjoni l-ġdida li tagħti piena ta’ priġunerija minflok il-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija li ġiet iddeterminata għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew u li tikkostitwixxi l-bażi tiegħu (48).

80.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, nikkunsidra li, mill-mument fejn deċiżjoni ġudizzjarja ma hijiex limitata għall-eżekuzzjoni jew għall‑applikazzjoni ta’ piena imposta preċedentement, iżda tibdel in‑natura jew il-quantum ta’ din il-piena, peress li l-qorti kompetenti kellha marġni ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward, tali deċiżjoni għandha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 sabiex l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun tista’ tivverifika l-eżistenza eventwali ta’ waħda miċ-ċirkustanzi msemmija fil‑punti (a), (b), (ċ) jew (d) ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan il-każ, il-“proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4a(1) u li impona l‑piena ta’ priġunerija, u għalhekk dak li wassal għad-deċiżjoni ta’ konverżjoni ta’ piena tad‑19 ta’ Awwissu 2020.

81.      Konsegwentement, il-persuna kkonċernata għandha, fl-istadju tal‑proċedura li għandha bħala għan li tingħata deċiżjoni dwar l-eventwali konverżjoni ta’ piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija f’piena ta’ priġunerija, tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tagħha ta’ difiża b’mod sħiħ sabiex targumenta, b’mod effettiv, il-punt tagħha u teżerċita b’hekk influwenza fuq id-deċiżjoni finali li tista’ tinvolvi t-tneħħija ta’ libertà individwali tagħha (49). B’mod partikolari, din il-persuna għandha tkun tista’ ssostni l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li jistgħu jwasslu lill‑qorti kompetenti li tiddeċiedi li ma tipproċedix b’tali konverżjoni ta’ piena.

82.      Il-fatt li deċiżjoni ta’ konverżjoni ta’ piena tkun prevedibbli, skont l-Artikolu 45(5) u (6) tal-Kodiċi Kriminali Latvjan, mill-mument tal‑impożizzjoni tal-piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal‑pulizija, f’każ ta’ ksur tal-kundizzjonijiet relatati ma’ din il-piena huwa, fl-opinjoni tiegħi, irrilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ “proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad‑Deċiżjoni Qafas 2002/584. Fil-fatt, tali natura prevedibbli hija konformi mal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla peona sine lege. Hija karatteristika ta’ kwalunkwe piena li għandha bażi legali li tkun prevedibbli f’każ ta’ twettiq ta’ reat. Dan ma jipprekludix li l-persuna li tista’ tiġi kkundannata għal tali piena għandha tkun tista’ tinfluwenza d‑deċiżjoni tal-qorti billi tidher fiżikament fil-proċess tagħha.

83.      Dak li huwa importanti, fid-dawl ta’ din il-kwalifikazzjoni, huwa li l-proċedura relatata mal-konverżjoni ta’ piena tkun tista’ twassal għal priġunerija li, minkejja li l-possibbiltà tagħha kienet prevedibbli f’każ ta’ ksur tal-kundizzjonijiet relatati mal-piena ta’ sorveljanza tal-pulizija, ma tkunx tagħmel parti, bħala tali, mill-kundanna inizjali u tirrikjedi għalhekk l-għoti ta’ kundanna ġdida li tissostitwixxi l-ewwel waħda.

IV.    Konklużjoni

84.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill‑Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) bil-mod segwenti:

L-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal‑Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009, moqri fid-dawl tal‑Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-kunċett ta’ “proċess li jirriżulta fid-deċiżjoni”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, ikopri proċedura li permezz tagħha qorti tista’ tordna, minħabba ksur tal-kundizzjonijiet ta’ piena addizzjonali ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija imposta preċedentement, il-konverżjoni ta’ din il‑piena f’piena ta’ priġunerija għal perijodu ugwali għal nofs il-perijodu tal-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija mhux skontata.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil‑proċedura.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.


3      ĠU 2009, L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”.


4      C‑571/17 PPU, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ardic”, EU:C:2017:1026.


5      Ara s-sentenza Ardic (punt 77).


6      Ara s-sentenza Ardic (punt 80).


7      Dan l-artikolu tħassar bil-Liġi tat‑8 ta’ Lulju 2011, li daħal fis-seħħ skont id‑dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ din il-liġi, fl-1 ta’ Jannar 2015. Il-piena ta’ tqegħid taħt sorveljanza tal-pulizija ġiet issostitwita b’dik ta’ sorveljanza taħt probation.


8      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, GN (Raġuni ta’ rifjut ibbażata fuq l-aħjar interessi tal-wild) (C‑261/22, EU:C:2023:1017, punt 35 u l‑ġurisprudenza ċċitata).


9      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, GN (Raġuni ta’ rifjut ibbażata fuq l-aħjar interessi tal-wild) (C‑261/22, EU:C:2023:1017, punt 36 u l‑ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2023, G. K. et (Prosekutur Pubbliku Ewropew) (C‑281/22, EU:C:2023:1018, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, GN (Raġuni ta’ rifjut ibbażata fuq l-aħjar interessi tal-wild) (C‑261/22, EU:C:2023:1017, punt 37 u l‑ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil-kontumaċja) (C‑396/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil-kontumaċja)”, EU:C:2023:1029, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2023, Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni) (C‑514/21 u C‑515/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni)”, EU:C:2023:235, punt 55), kif ukoll id‑digriet tal‑20 ta’ Settembru 2024, Anacco (C‑504/24 PPU, iktar ’il quddiem id‑“digriet Anacco”, EU:C:2024:779, punt 42).


12      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas‑sospensjoni) (punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll id-digriet Anacco (punt 43).


13      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas‑sospensjoni) (punti 49 u 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil-kontumaċja) (punt 37 u l‑ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll id-digriet Anacco (punt 44).


14      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Hamburg (C‑416/20 PPU, EU:C:2020:1042, punt 41), u Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil-kontumaċja) (punt 40 u l‑ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll id-digriet Anacco (punt 45).


15      Iktar ’il quddiem il-“Karta”. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni) (punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, li daħħlet l‑Artikolu 4a(1) fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, hija intiża sabiex tirrimedja għad‑diffikultajiet tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna kkonċernata fil-kawża tagħha li huma riżultat tal-eżistenza, fl-Istati Membri, ta’ differenzi fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Għal dan il-għan, din id-deċiżjoni qafas tfittex armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fil-każ ta’ kundanna in absentia, li tirrifletti l-kunsens milħuq mill-Istati Membri kollha dwar il-portata li għandha tingħata, taħt id-dritt tal‑Unjoni, lid-drittijiet proċedurali li jgawdu persuni kkundannati in absentia li jkunu suġġetti għal mandat ta’ arrest Ewropew: ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 62), kif ukoll id-digriet Anacco (punt 58).


16      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil‑kontumaċja) (punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil-kontumaċja) (C‑397/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza LM”, EU:C:2023:1030, punt 43 u l‑ġurisprudenza ċċitata).


17      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil‑kontumaċja) (punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll LM (punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil‑kontumaċja) (punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil‑kontumaċja) (punti 29 u 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


20      Ara s-sentenza Ardic (punti 77 u 88). Ara, ukoll, is-sentenza Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni) (punt 53).


21      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas‑sospensjoni) (punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’din is-sentenza, il-Qorti tal‑Ġustizzja spjegat li, meta s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija tiġi rrevokata, minħabba kundanna kriminali ġdida, u meta jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din il-piena, din il-kundanna kriminali, mogħtija fil-kontumaċja, tikkostitwixxi “deċiżjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Dan ma huwiex il-każ tad-deċiżjoni li tirrevoka s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal‑piena msemmija (punt 68).


22      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas‑sospensjoni) (punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      Iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”.


24      Iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-“KEDB”.


25      Ara s-sentenza Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni) (punt 58 u l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB iċċitata).


26      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas‑sospensjoni) (punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Ara s-sentenza Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni) (punt 61 u ġurisprudenza tal-Qorti EDB iċċitata).


28      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas‑sospensjoni) (punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll id-digriet Anacco (punt 48).


29      Ara s-sentenza Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni) (punt 64).


30      ĠU 2007, C 303, p. 17.


31      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas‑sospensjoni) (punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll id-digriet Anacco (punt 56).


32      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas‑sospensjoni) (punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek (C‑271/17 PPU, EU:C:2017:629, punt 87 u l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB iċċitata).


34      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil‑kontumaċja) (punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll LM (punt 44 u l‑ġurisprudenza ċċitata).


35      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti EDB tal‑10 ta’ Novembru 2022, Kupinskyy vs L‑Ukraina (CE:ECHR:2022:1110JUD000508418, punt 49 u l‑ġurisprudenza ċċitata). Nirreferi wkoll għas-sentenza tat‑3 ta’ April 2025, Alchaster II (C‑743/24, EU:C:2025:230), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fir-rigward ta’ bidla ta’ sistema ta’ ħelsien ikkundizzjonat li seħħew wara t-twettiq preżunt tar-reat li għalih il-persuna rikjesta qiegħda tiġi akkużata u sabiex tinterpreta t-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, huwa xieraq, sabiex tiddeċiedi fuq il-kwistjoni ta’ jekk miżura tirrigwardax biss il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-piena jew għall-kuntrarju taffettwax il-portata tagħha, li tinvestiga fuq bażi ta’ każ b’każ dak li l-“piena” imposta jew imġarrba effettivament implikat fid-dritt nazzjonali fiż-żmien inkwistjoni jew, fi kliem ieħor, x’kienet in-natura intrinsika tagħha (punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


36      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Ardic (punt 77) u Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni) (punt 53).


37      Ara s-sentenza Ardic, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja indikat li d-deċiżjonijiet ta’ revoka tas-sospensjoni għandhom biss l-effett li l-persuna kkonċernata jkollha, bħala massimu, tiskonta l-kumplament tat-tul tal-piena kif inizjalment ġiet imposta fuqha. Peress li s-sospensjoni hija rrevokata fl-intier tagħha, il-kundanna terġa’ tipproduċi l-effetti kollha tagħha u d-determinazzjoni tal-quantum tal-piena li għad irid jiġi eżegwit titwettaq b’operat purament aritmetiku, billi n-numru ta’ jiem ta’ priġunerija diġà skontati jiġu sempliċement imnaqqsa mill-piena totali kif ippronunzjata fis-sentenza definittiva ta’ kundanna (punt 81).


38      Ara s-sentenza Ardic (punt 82).


39      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Ardic (C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1013, punt 71). B’hekk, f’din is-sitwazzjoni, kienet diġà ngħatat piena ta’ priġunerija u sussegwentement ġiet sospiża għall-perijodu li kien baqa’, b’tali mod li r-revoka ta’ din is-sospensjoni tistabbilixxi mill-ġdid piena ta’ priġunerija mogħtija preċedentement.


40      Din id-dimensjoni preventiva tas-sorveljanza tal-pulizija ġiet enfasizzata minn SH u mill-Kummissjoni waqt is-seduta.


41      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑22 ta’ Frar 1994, Raimondo vs L‑Italja (CE:ECHR:1994:0222JUD001295487, punt 43). Ara, ukoll, is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑23 ta’ Frar 2017, De Tommaso vs L‑Italja (CE:ECHR:2017:0223JUD004339509, punt 143).


42      Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tad‑19 ta’ Jannar 2021, Timofeyev u Postupkin vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2021:0119JUD004543114, punti 70 sa 82).


43      Ara s-sentenzi tal-Qorti EDB tas‑17 ta’ Diċembru 2009, M. vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2009:1217JUD001935904, punt 74), kif ukoll tad‑19 ta’ Jannar 2021, Timofeyev u Postupkin vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2021:0119JUD004543114, punt 75). Kif irrilevat il-Qorti EDB f’dawn iż-żewġ sentenzi, is-“superviżjoni tal-imġieba ta’ individwu wara l-ħelsien tiegħu, pereżempju, hija kkunsidrata bħala piena addizzjonali fl‑Artikoli 131‑36‑1 et seq. tal-Kodiċi Kriminali Franċiż u bħala miżura preventiva fl-Artikoli 215 u 228 tal-Kodiċi Kriminali Taljan”.


44      Ara s-sentenza Ardic, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-qorti kompetenti kellha tiddetermina biss jekk il-fatt li l-persuna kkundannata ma kkonformatx ruħha mal‑kundizzjonijiet li għalihom kienet suġġetta r-revoka tas-sospensjoni tal‑eżekuzzjoni ta’ pieni li jċaħħdu l-libertà jiġġustifikax li l-persuna kkundannata tkun fil-fatt meħtieġa li tiskonta, parzjalment jew fl-intier tagħhom, il-pieni li jċaħħdu l-libertà li ġew inizjalment stabbiliti u li l-eżekuzzjoni tagħhom ġiet, sussegwentement, parzjalment sospiża. Konsegwentement, jekk dik il-qorti kellha, f’dan ir-rigward, marġni ta’ evalwazzjoni, dan il-marġni ma kkonċernax il-livell jew in-natura tal-pieni imposti fuq il-parti kkonċernata, iżda biss il-kwistjoni dwar jekk is-sospensjonijiet kellhomx jiġi rrevokati jew setgħux jinżammu, b’żieda, jekk ikun il-każ, ta’ kundizzjonijiet addizzjonali (punt 80).


45      Ara, b’analoġija, is-sentenza Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Kundanna fil‑kontumaċja) (punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, fir-rigward tal‑Artikolu 6 tal-KEDB, is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑28 ta’ Novembru 2013, Aleksandr Dementyev vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2013:1128JUD004309505, punt 26), u, fir-rigward tal-Artikolu 7 tal-KEDB, is-sentenza tal-Qorti EDB tad‑19 ta’ Jannar 2021, Timofeyev u Postupkin vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2021:0119JUD004543114, punt 79).


46      Ara l-punti 33 u 34 ta’ din is-sentenza.


47      Ara s-sentenza Ardic, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li d-deċiżjonijiet ta’ revoka tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ pieni li jċaħħdu l-libertà ppronunzjati preċedentement, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, ma affettwawx la n-natura u lanqas il-quantum tal-pieni li jċaħħdu l-libertà imposti mis‑sentenzi preċedenti ta’ kundanna definittiva tal-persuna kkonċernata, li jikkostitwixxu l-bażi tal-mandat ta’ arrest Ewropew li tiegħu l-awtoritajiet Ġermaniżi qegħdin jitolbu l-eżekuzzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi (punt 78).


48      Ara s-sentenza Minister for Justice and Equality (Tneħħija tas-sospensjoni) (punt 67).


49      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza LM (punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li r-riżultat li twassal għalih din il-proċedura huwa irrilevanti f’dan il-kuntest.