KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fis‑6 ta’ Frar 2025 ( 1 )
Kawża C‑784/23
Voore Mets et
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Direttiva 2009/147/KE – Artikolu 5 – Projbizzjonijiet tal-qtil intenzjonali, tal-qirda jew tal-ħsara intenzjonali tal-bejtiet u tal-bajd u t-tneħħija tal-bejtiet kif ukoll it-tfixkil intenzjonali tal-għasafar – Kunċett ta’ ‘intenzjoni’ – Qtugħ tas-siġar matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni tal-għasafar – Artikolu 2 – Livell tal-ispeċi li jikkorrispondi b’mod partikolari ma’ rekwiżiti ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, fid-dawl tar-rekwiżiti ekonomiċi u rikreazzjonali – Artikolu 9 – Derogi mill-projbizzjonijiet – Prevenzjoni ta’ ħsarat sostanzjali ta’ foresti – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 16 – Libertà ta’ intrapriża – Artikolu 17 – Dritt għall-proprjetà”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Kemm id-Direttiva dwar l-għasafar ( 2 ) kif ukoll id-Direttiva dwar il-habitats ( 3 ) jeżiġu li l-Istati Membri jipprojbixxu ċerti impatti negattivi intenzjonali fuq l-ispeċi protetti, bħall-qtil ta’ kampjuni. Fir-rigward tal-projbizzjonijiet previsti mid-Direttiva dwar il-habitats, il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kunċett ta’ “intenzjoni” bħala li jinkludi l-impatti negattivi li l-awtur tal-att ried jew, tal-inqas, aċċetta l-possibbiltà tagħhom ( 4 ). Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “intenzjoni” tapplika wkoll, f’ċerti Stati Membri, għall-projbizzjonijiet previsti mid-Direttiva dwar l-għasafar ( 5 ). Ir-Repubblika tal-Estonja tirrappreżenta tali interpretazzjoni wkoll fil-proċedura inkwistjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma kkonfermatx espressament din l-interpretazzjoni. |
|
2. |
Madankollu, fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Skydda Skogen, jiena diġà eżaminajt l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “intenzjoni” li jinsab fil-projbizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-għasafar u wissejt kontra t-traspożizzjoni kompleta tal-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar il-habitat għad-Direttiva dwar l-għasafar dwar dan il-punt ( 6 ). Ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja), issa qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara din il-kwistjoni abbażi ta’ tilwima dwar l-ammissibbiltà tal-qtugħ tas-siġar matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni tal-għasafar. Fil-każ ta’ traspożizzjoni diretta tal-ġurisprudenza dwar id-Direttiva dwar il-habitats għad-Direttiva dwar l-għasafar, hija tistaqsi wkoll jekk deroga skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-għasafar tistax tippermetti xogħlijiet. Jekk ebda deroga ma hija applikabbli, hija tixtieq tkun taf jekk il-projbizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-għasafar hekk interpretati humiex kompatibbli mal-libertà ta’ intrapriża u mad-dritt fundamentali għall-proprjetà. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Il‑Konvenzjoni ta’ Berna
|
3. |
Fid-dritt internazzjonali, hija qabel kollox il-Konvenzjoni ta’ Berna dwar il-Ħarsien tal-Ħajja Selvaġġa u l-Ambjenti Naturali tal-Ewropa ( 7 ) li hija rilevanti. Il-Komunità Ekonomika Ewropea rratifikat din il-konvenzjoni fl‑1982 ( 8 ). Fl-Estonja, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Diċembru 1992 ( 9 ). |
|
4. |
L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Berna jinkludi projbizzjonijiet fundamentali fil-qasam tar-regoli tal-protezzjoni tal-ispeċi: “Kull parti kontraenti għandha tieħu l-miżuri leġiżlattivi u amministrattivi xierqa u meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni speċjali tal-ispeċi tal-fawna ferjali kif speċifikati fl-Appendiċi II. Dan li ġej għandu partikolarment ikun ipprojbit għal dawn l-ispeċi:
|
|
5. |
Fl-Artikolu 9(1) tal-imsemmija konvenzjoni huma previsti derogi: “Kull parti kontraenti tista’ tagħmel derogi mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4, 5, 6, 7 u mill-projbizzjoni tal-użu tal-mezzi msemmija fl-Artikolu 8 sa fejn ma jkun hemm l-ebda soluzzjonijiet sodisfaċenti oħrajn u li d-deroga ma tkunx detrimentali għas-sopravivenza tal-popolazzjoni kkonċernata:
|
B. Id‑dritt tal‑Unjoni
1. Id‑Direttiva dwar l‑għasafar
|
6. |
Skont il-premessa 6 tad-Direttiva dwar l-għasafar, il-miżuri ta’ protezzjoni għandhom jiġu adattati għas-sitwazzjoni ta’ kull speċi ta’ għasafar: “Il-miżuri li għandhom jittieħdu għandhom japplikaw għal fatturi varji li jistgħu jaffetwaw in-numru tal-għasafar, prinċipalment rigward ir-riperkussjonijiet tal-attivitajiet tal-bniedem u partikolarment il-qerda u t-tniġġis tal-ambjent naturali tagħhom, qbid u qtil mill-bniedem u l-kummerċ li jirriżulta minn din il-prattika. Is-strettezza ta’ dawn il-miżuri għandhom ikunu adattati għas-sitwazzjoni partikolari tal-ispeċi varji fil-qafas ta’ politika tal-konservazzjoni.” |
|
7. |
Il-premessa 10 tad-Direttiva dwar l-għasafar teżiġi, b’mod partikolari, li ċerti speċi ta’ għasafar jinżammu “f’livell sodisfaċenti”: “Minħabba l-livell għoli tal-popolazzjoni, id-distribuzzjoni ġeografika u r-rata tar-riproduzzjoni tagħhom fil-Komunità kollha, ċerti speċi jistgħu jkunu suġġetti għall-kaċċa, li jikkostitwixxu sfruttar aċċetabbli. Għaldaqstant, ċerti limiti huma stabbiliti u rispettati, kaċċa bħal din għandha tkun kompatibbli mal-manteniment tal-popolazzjoni ta’ dawn l-ispeċi f’livell sodisfaċenti.” |
|
8. |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar l-għasafar jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha: “Din id-Direttiva hija dwar il-konservazzjoni tal-ispeċi kollha tal-għasafar li jinsabu fin-natura fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat. Din tkopri l-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-kontroll ta’ dawn l-ispeċi u tippreskrivi regoli għall-isfruttar tagħhom.” |
|
9. |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar l-għasafar jinkludi l-obbligu bażiku tal-Istati Membri fir-rigward tal-konservazzjoni tal-ispeċi tal-għasafar: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex iżommu jew jadattaw il-popolazzjoni tal-ispeċi kollha msemmija fl-Artikolu 1 fil-livell li jikkorrispondi partikolarment għall-ħtiġiet ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li tittieħed kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet ekonomiċi u rekreazzjonali.” |
|
10. |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar jipprevedi projbizzjonijiet indipendenti miż-żona: “Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 7 u 9, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ġenerali ta’ protezzjoni għall-ispeċi kollha tal-għasafar imsemmija fl-Artikolu 1, li tipprojbixxi partikolarment:
(c) […];
(e) […]” |
|
11. |
Madankollu, l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-għasafar espressament jippermetti l-kaċċa ta’ ċerti speċi ta’ għasafar: “1. Minħabba l-livell tal-popolazzjoni tagħhom, id-distribuzzjoni ġeografika u r-rata tar-riproduttività fil-Komunità, l-ispeċi elenkati fl-Anness II jistgħu jkunu suġġetti għall-kaċċa skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-kaċċa ta’ dawn l-ispeċi ma tfixkilx l-isforzi tal-konservazzjoni fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom. 2. […] 4. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-prattika tal-kaċċa, inkluż il-falkunerija jekk prattikata, kif prattikata bi qbil mal-miżuri nazzjonali fis-seħħ, tikkonforma mal-prinċipji tal-użu bil-għaqal u l-bilanċ ekoloġiku tal-kontroll tal-ispeċi tal-għasafar kkonċernati u li din il-prattika tkun kompatibbli għal dak li jirrigwarda l-popolazzjoni ta’ dawn l-ispeċi, partikolarment l-ispeċi migratorji, mall-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 2. […]” |
|
12. |
L-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-għasafar jippermetti derogi mill-projbizzjonijiet tal-Artikolu 5: “1. L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonjiet tal-Artikoli 5 sa 8, fejn ma hemm ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti għar-raġunijiet li ġejjin:
2. Id-derogi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jispeċifikaw:
|
2. Id‑Direttiva dwar il‑habitats
|
13. |
L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva dwar il-habitats jeżiġi l-istabbiliment ta’ ċerti projbizzjonijiet: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV (a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu:
2. […]” |
|
14. |
L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva dwar il-habitats jinkludi d-derogi għall-Artikolu 12: “Sakemm ma jkunx hemm alternattiva sodisfaċenti u d-deroga mhix ta’ dannu għall-ħarsien tal-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi konċernati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 12, 13, 14 u15 (a) u (b):
|
C. Id‑dritt Estonjan
|
15. |
L-Estonja ttrasponiet id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva dwar l-għasafar permezz tal-Looduskaitseseadus (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tan-Natura) (iktar ’il quddiem il-“LKS”). Skont il-punt 1 tal-Artikolu 55(61) tal-LKS, il-qerda intenzjonali u l-ħsara lill-bejtiet u l-bajd jew it-tneħħija ta’ bejtiet hija pprojbita u skont il-punt 2 ta’ dan il-paragrafu, it-tfixkil intenzjonali tal-għasafar, speċjalment matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni u ta’ trobbija, huwa pprojbit. Il-punt 4 tal-Artikolu 55(3) u l-Artikolu 55(61) tal-LKS jawtorizzaw il-qtil ta’ kampjuni ta’ speċi ta’ annimali ta’ ċerti kategoriji ta’ protezzjoni, fosthom l-għasafar, kif ukoll it-tfixkil ta’ għasafar jew il-ħsara lill-bejtiet u l-bajd tagħhom f’każijiet eċċezzjonali, jekk dan ikun meħtieġ sabiex tiġi evitata ħsara lill-uċuħ tar-raba’ agrikoli importanti, il-bhejjem, il-fish farms jew assi importanti oħra. |
III. Il‑fatti u t‑talba għal deċiżjoni preliminari
|
16. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari toriġina mir-rikorsi ppreżentati minn żewġ impriżi, OÜ Voore Mets u AS Lemeks Põlva, li lilhom il-Keskkonnaamet (l-Uffiċċju għall-Ambjent) kien ipprojbixxa l-qtugħ tas-siġar f’ċerti biċċiet ta’ art forestali matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni tal-għasafar. |
|
17. |
Voore Mets kellha l-intenzjoni li twettaq tqaċċit totali tas-siġar skont il-komunikazzjoni forestali, jiġifieri qtugħ tas-siġar li, bħala prinċipju, matul is-sena, is-siġar kollha jitqaċċtu miż-żona ta’ art forestali, bl-eċċezzjoni tas-siġar taż-żerriegħa u s-siġar ta’ riżerva meħtieġa sabiex tiġi żgurata d-diversità tal-flora u l-fawna. Lemeks Põlva kellha l-intenzjoni wkoll li twettaq prinċipalment tqaċċit totali tas-siġar, kif ukoll qtugħ tas-siġar tal-kenn f’żona waħda. Qtugħ tas-siġar tal-kenn għandu l-għan li jżid il-valur ekonomiku tal-foresta, li jirregola d-densità u l-kompożizzjoni tagħha, kif ukoll jippermetti l-użu tal-injam tas-siġar li ser jaqgħu fil-futur qrib. Għal dan l-għan, tinqata’ biss parti mis-siġar li tikkorrispondi għall-kwantità stabbilita permezz ta’ ordni tal-ministru kompetenti. |
|
18. |
Fiż-żewġ każijiet, l-Uffiċċju għall-Ambjent, inizjalment, ipprojbixxa provviżorjament ix-xogħlijiet fix-xahar ta’ Mejju 2021, minħabba li kien xjentifikament ipprovat li, f’kull foresta, mill-inqas, ġewwa kull ettaru par għasafar kien jirriproduċi, b’tali mod li t-tkomplija tal-qtugħ tas-siġar kienet tirriskja b’mod reali li tfixkel ir-riproduzzjoni u t-trobbija tal-għasafar u li teqred jew tagħmel ħsara lill-bejtiet. Wara żjarat fuq il-post, huwa ordna s-sospensjoni tal-qtugħ tas-siġar sal‑15 (lil Lemeks Põlva) u sal‑31 ta’ Lulju 2021 (lil Voore Mets) |
|
19. |
Fuq l-art maħduma minn Lemeks Põlva, huwa ċert li t-tektieka (Dendrocopos major, sinonimu: Picoides major) u l-isponsun (Fringilla coelebs), probabbilment il-fjorentin (Parus major) u s-sultan taċ-ċawl (Garrulus glandarius) kif ukoll possibbilment il-vjolin tax-xitwa (Phylloscopus collybita), il-vjolin ħadrani (Phylloscopus sibilatrix), il-bekkafik (Sylvia borin), il-bumistur ewrasjatiku (Troglodytes troglodytes), iż-żiemel (Prunella modularis) u l-pitirross (Erithacus rubecula) irriproduċew. |
|
20. |
Fuq l-art ta’ Voore Mets ġew osservati wkoll għasafar li probabbilment kienu għamlu l-bejta tagħhom f’din iż-żona, jiġifieri l-vjolin ħadrani, il-bumistur ewrasjatiku, il-malvizz iswed (Turdus merula), il-malvizz (Turdus philomelos) u l-isponsun. Barra minn hekk, ġew identifikati żewġ tifqisiet ta’ flieles probabbli: f’kavità ta’ tektieka, instabet bejta tal-bulewż (Sitta europaea) u ġiet osservata l-attività ta’ par bugeddum (Pyrrhula pyrrhula). Fuq l-art ikkonċernata, hemm ħafna siġar vojta li fihom l-għasafar jistgħu jbejtu, li, madankollu, dan ma ġiex osservat matul iż-żjara fuq il-post. Il-qtugħ tas-siġar ġie sospiż fil‑31 ta’ Lulju 2021 sabiex tiġi żgurata wkoll il-protezzjoni ta’ għasafar li jfaqqsu tard, bħall-vjolin ħadrani, il-vjolin pastard (Phylloscopus trochilus) kif ukoll iż-żanżarell sidru aħmar (Ficedula parva) li probabbilment huma preżenti hemmhekk ukoll. |
|
21. |
Għalhekk, Voore Mets ippreżentat rikors għall-kumpens tad-dannu ta’ EUR 2 403.52, filwaqt li Lemeks Põlva ppreżentat rikors intiż sabiex tiġi kkonstatata l-illegalità tal-ordnijiet tal-Uffiċċju għall-Ambjent. |
|
22. |
Fl-ewwel istanza, il-qorti amministrattiva rispettiva qieset it-tieni ordni, jiġifieri s-sospensjoni tal-qtugħ tas-siġar sal‑15 u l‑31 ta’ Lulju 2021, bħala sproporzjonata, iżda fit-tieni istanza r-rikorsi ġew miċħuda fl-intier tagħhom |
|
23. |
Miż-żewġ proċeduri, hemm bħalissa appell ta’ kassazzjoni pendenti quddiem ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema), li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
24. |
OÜ Voore Mets, AS Lemeks Põlva, l-Estonja, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u dehru fis-seduta li saret fil‑11 ta’ Diċembru 2024. |
IV. Evalwazzjoni legali
|
25. |
L-Artikolu 5(a), (b) u (d) tad-Direttiva dwar l-għasafar jeżiġi li l-Istati Membri jipprojbixxu l-qtil jew it-tfixkil tal-għasafar, kif ukoll il-qerda jew il-ħsara tal-bejtiet u tal-bajd, meta dawn jitwettqu “intenzjonalment”. Il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta projbizzjonijiet simili li jinsabu fl-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitats fis-sens li jkopru wkoll l-impatti negattivi li l-awtur tal-att ma għandux bħala għan, iżda jaċċetta l-possibbiltà tagħhom ( 10 ). |
|
26. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija għalhekk intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk il-qtugħ tas-siġar fil-kuntest tal-ġestjoni tal-foresti jaqax taħt il-projbizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, minkejja li ma jsegwix l-għan li jaffettwa l-għasafar (ara, f’dan ir-rigward taħt A). Jekk il-projbizzjonijiet huma applikabbli, ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) tistaqsi jekk id-derogi skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-għasafar jistgħux jawtorizzaw ix-xogħlijiet (ara, f’dan ir-rigward taħt B) u jekk id-drittijiet fundamentali jipprekludux il-projbizzjonijiet (ara, f’dan ir-rigward taħt C). Madankollu, qabel kollox għandha ssir osservazzjoni dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. |
|
27. |
Fil-fatt, Voore Mets u Lemeks Põlva jqisu li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba li l-qorti tar-rinviju tista’ tiddeċiedi l-kawża fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Skydda Skogen ( 11 ). Madankollu, talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fuq id-domandi inkwistjoni ( 12 ). Huwa għalhekk li proposti għal deċiżjoni f’konklużjonijiet ma jistgħux, a fortiori, jikkontestaw l-ammissibbiltà ta’ talba għal deċiżjoni preliminari. |
A. L‑ewwel sat‑tielet domanda – Interpretazzjoni tal‑projbizzjonijiet previsti fl‑Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar
|
28. |
Il-punt tat-tluq tal-ewwel tliet domandi hija l-ġurisprudenza ċċitata fil-bidu tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitats, li tgħid li l-projbizzjonijiet ta’ impatt negattiv intenzjonali fuq l-ispeċi protetti jkopru wkoll l-impatti negattivi li l-awtur tal-att jaċċetta l-possibbiltà tagħhom. Jekk wieħed jittrasponi din il-ġurisprudenza fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar, din id-dispożizzjoni tista’ tipprekludi, b’mod partikolari matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni, il-qtugħ tas-siġar fis-settur forestali. |
|
29. |
Fil-fatt, kif jesponi r-Riigikohus (il-Qorti Suprema) b’mod konvinċenti, “ma jista’ jkun hemm ebda dubju raġonevoli li tqaċċit totali tas-siġar li jseħħ matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni tal-għasafar jikkawża ċertament xi ftit jew wisq il-qerda tal-bejtiet u l-bajd, il-mewt tal-għasafar żgħar li għadhom kif faqqsu u t-tfixkil tal-għasafar jekk ikun hemm raġuni biex wieħed jassumi li l-għasafar qegħdin ibejtu f’numru sinjifikattiv fuq żona ta’ art forestali. Jekk waqt it-tqaċċit totali tas-siġar, b’mod inkonxju jew konxju, tinqata’ siġra tat-tbejjit, dan iwassal inevitabbilment għall-qerda tal-bejta. Anki jekk is-siġra tat-tbejjit ma tinqatax, l-għasafar li jbejtu huma pperikolati mhux biss mill-istorbju iżda wkoll mit-telf tal-habitat attwali tagħhom”. L-Estonja tikkorrobora din l-evalwazzjoni abbażi ta’ studji xjentifiċi u tesponi li anki l-qtugħ tas-siġar tal-kenn jista’ jkollu effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-għasafar li jbejtu, peress li jeżisti riskju li l-għasafar, minħabba s-sempliċi tfixkil, ma jersqux lejn il-bejtiet tagħhom għal tul ta’ ħin, jew saħansitra jabbandunawhom. |
|
30. |
L-ewwel domanda hija għalhekk ibbażata fuq l-ipoteżi li, fir-rigward tal-qtugħ tas-siġar matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni, wieħed ma għandux bħala għan, iżda jaċċetta l-possibbiltà, li għandu impatt negattiv fuq l-għasafar u li dawn l-impatti negattivi għandhom, bħala prinċipju, jiġu pprojbiti skont l-Artikolu 5(a), (b) u (d) tad-Direttiva dwar l-għasafar. Abbażi ta’ din il-premessa, ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) jistaqsi jekk il-portata tal-projbizzjonijiet hijiex tant limitata li dawn japplikaw biss sa fejn huma neċessarji sabiex l-ispeċi kkonċernati jinżammu f’livell li jikkorrispondi b’mod partikolari għar-rekwiżiti ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti ekonomiċi u rikreazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva. It-tieni domanda tippreċiża dan f’dak li jirrigwarda t-tqaċċit totali tas-siġar u t-tielet waħda fir-rigward tal-qtugħ tas-siġar tal-kenn, peress li r-Riigikohus (il-Qorti Suprema) jippreżumi, fiż-żewġ każijiet, li ebda kampjun ta’ speċi ta’ għasafar li jinsabu fi stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli ma jbejjet fiż-żona kkonċernata. |
|
31. |
Ir-risposta għal dawn id-domandi tiddependi mill-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “intenzjoni” li huwa marbut mal-impatti negattivi li għandhom jiġu pprojbiti skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar. Hemm indizji li jindikaw li dawn il-projbizzjonijiet huma intiżi sabiex ikopru l-impatti negattivi li l-awtur tal-att sempliċement jaċċetta bħala possibbiltà (ara, f’dan ir-rigward, taħt 1). Madankollu, hemm raġunijiet sodi sabiex din l-interpretazzjoni tiġi miċħuda (ara, f’dan ir-rigward, taħt 2). Huwa għalhekk li diġà argumentajt favur ir-restrizzjoni ta’ din l-interpretazzjoni msemmija mir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) (ara, f’dan ir-rigward, taħt 3). Il-limitazzjoni tal-projbizzjonijiet li nipproponi hija inkluża, tal-inqas, fit-test tal-projbizzjoni ta’ tfixkil (ara, f’dan ir-rigward, taħt 4). L-iżviluppi li seħħew fil-frattemp ma jikkontestawx essenzjalment il-fehma tiegħi (ara, f’dan ir-rigward, taħt 5). Fl-aħħar mill-aħħar, għandu jsir ukoll kumment dwar il-motivazzjoni xjentifika tal-konstatazzjonijiet neċessarji (ara, f’dan ir-rigward, taħt 6). |
1. Indizji ta’ interpretazzjoni wiesgħa tal‑kunċett ta’ intenzjoni fis‑sens tal‑Artikolu 5 tad‑Direttiva dwar l‑għasafar
|
32. |
L-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ intenzjoni sostnuta mill-Kummissjoni u, b’restrizzjonijiet, mill-Estonja tista’ tkun ibbażata fuq il-ġurisprudenza dwar id-Direttiva dwar il-habitats, peress li s-sistema ta’ protezzjoni tad-Direttiva dwar l-għasafar għandha tiġi interpretata, bħala prinċipju, b’mod simili ( 13 ). Kif diġà indikajt, l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitats jipprevedi projbizzjonijiet simili ta’ impatti negattivi intenzjonali. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-intenzjoni hija ssodisfatta meta jiġi stabbilit li l-awtur tal-att ried jew, tal-inqas, aċċetta l-possibbiltà tal-qtil ta’ kampjun ta’ speċi ta’ annimal protett ( 14 ) u t-tfixkil ta’ din l-ispeċi jew il-qerda tal-bajd tagħhom ( 15 ). |
|
33. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ttrasponiet b’mod impliċitu din il-ġurisprudenza għad-Direttiva dwar l-għasafar fis-sentenza dwar il-foresta ta’ Białowieża. Din il-kawża kienet tikkonċerna l-qtugħ u t-tneħħija tas-siġar li sofrew ħsara, mejta jew li qegħdin imutu, li fiha ġie identifikat pjan ta’ ġestjoni taż-żona ta’ protezzjoni kkonċernata bħala perikolu potenzjali għal ċerti speċi ta’ għasafar li huma partikolarment protetti fiha ( 16 ). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat din il-miżura bħala qerda jew ħsara intenzjonali lill-bejtiet u l-bajd kif ukoll bħala t-tneħħija tal-bejtiet (Artikolu 5(b) tad-Direttiva dwar l-għasafar) u bħala tfixkil intenzjonali, b’mod partikolari matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni u tkabbir (Artikolu 5(d)) ( 17 ), minkejja li dawn l-impatti negattivi ma kinux l-għan tal-miżuri. |
|
34. |
Skont il-Kummissjoni, l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ intenzjoni tista’ tkun ibbażata wkoll fuq il-Konvenzjoni ta’ Berna, li l-Unjoni timplimenta permezz tad-Direttiva dwar l-għasafar ( 18 ) u għalhekk għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tagħha ( 19 ). Din il-konvenzjoni tipprevedi, fl-Artikolu 6 tagħha, projbizzjonijiet simili għal dawk tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar u tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitats, li jkopru wkoll impatti negattivi intenzjonali ( 20 ). Il-Kumitat Permanenti ta’ din il-konvenzjoni ddeċieda li l-ħsara jew il-qerda intenzjonali taż-żoni tar-riproduzzjoni jew tal-postijiet ta’ mistrieħ għandhom jinkludu wkoll atti li ma twettqux bl-intenzjoni li ssirilhom ħsara jew li jinqerdu, iżda bl-għarfien li dan x’aktarx jirriżulta mill-att ( 21 ). |
|
35. |
Konsegwentement, il-projbizzjonijiet tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar japplikaw fi Stati Membri differenti għall-impatti negattivi fuq l-għasafar li ma humiex l-għan tal-attività inkwistjoni, iżda li huma aċċettati bħala possibbiltà ( 22 ). |
2. Raġunijiet għal interpretazzjoni iktar restrittiva tal‑kunċett ta’ intenzjoni fis‑sens tal‑Artikolu 5 tad‑Direttiva dwar l‑għasafar
|
36. |
Madankollu, fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Skydda Skogen ( 23 ), wissejt kontra t-traspożizzjoni mingħajr restrizzjoni tal-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ intenzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitats fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar. Ċertament, fis-sentenza li ssegwi l-konklużjonijiet tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx fuq dan il-punt, iżda, f’dan ir-rigward, indirizzat esklużivament l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitats ( 24 ). Madankollu, din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq dawn il-konklużjonijiet u ż-żewġ impriżi kkonċernati fil-kawżi prinċipali jipproponu li jiġu segwiti. |
|
37. |
L-opinjoni tiegħi hija essenzjalment ibbażata fuq il-fatt li interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ intenzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar ikollha effetti li jmorru ferm lil hinn minn dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitats (ara, f’dan ir-rigward, il-punt a). Ir-regola ta’ projbizzjoni hekk mifhuma lanqas ma hija neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva dwar l-għasafar (ara, f’dan ir-rigward, il-punt b). Għaldaqstant, dan iwassal għal kontradizzjonijiet strutturali fis-sistema tad-Direttiva dwar l-għasafar (ara, f’dan ir-rigward, il-punt c). |
a) Konsegwenzi tal‑interpretazzjoni wiesgħa tal‑kunċett ta’ intenzjoni
|
38. |
Il-protezzjoni tal-ispeċi permezz tad-Direttiva dwar il-habitats hija limitata għal numru żgħir ta’ speċi, li ġeneralment ( 25 ) ikunu rari ħafna. Peress li dawn l-ispeċi huma rari, huwa neċessarju li jiġi protett strettament kull wieħed mill-kampjuni, kundizzjoni li l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitats jesprimi b’mod ċar permezz tal-kunċett tas-sistema ta’ protezzjoni stretta ( 26 ). Fl-istess waqt, ir-rarità ta’ dawn l-ispeċi madankollu timplika wkoll li kunflitti fir-rigward tagħhom ma humiex frekwenti ħafna ( 27 ). |
|
39. |
B’kuntrast ma’ dan, il-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar japplikaw għall-għasafar Ewropej kollha, jiġifieri anki għall-ispeċi komuni, li l-preżenza tagħhom hija kważi kullimkien. Huwa wkoll diffiċli li jiġi affermat li impatti negattivi fuq dawn l-ispeċi ma tiġix aċċettata mis-soċjetajiet moderni. Pjuttost, huwa magħruf li jinħolqu riskji sinjifikattivi għal tali speċi ( 28 ) minħabba diversi attivitajiet tal-bniedem, bħall-kostruzzjoni ta’ bini ( 29 ) jew it-traffiku fit-toroq ( 30 ). Voore Mets tenfasizza wkoll it-telf li jġarrbu l-qtates domestiċi u l-agrikoltura. |
|
40. |
Jekk il-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar diġà japplikaw mingħajr restrizzjoni fil-każ fejn tali impatti negattivi huma sempliċement aċċettati, minn dan jirriżultaw kunflitti sinjifikattivi mad-drittijiet fundamentali li r-Riigikohus (il-Qorti Suprema) isemmi fis-sitt u fis-seba’ domanda ( 31 ). |
b) Neċessità tas‑sistema ta’ projbizzjoni sabiex jintlaħqu l‑għanijiet tad‑Direttiva dwar l‑għasafar
|
41. |
Il-leġiżlatur għalhekk diġà ppreċiża, waqt l-adozzjoni tad-Direttiva dwar l-għasafar, li din ma hijiex intiża sabiex tipproteġi b’mod inkundizzjonat kull għasfur individwali. Għall-kuntrarju, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva, il-popolazzjonijiet tal-ispeċi ta’ għasafar għandhom jinżammu jew jinġiebu fil-livell li jikkorrispondi partikolarment għall-ħtiġiet ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet ekonomiċi u rikreazzjonali ( 32 ). Ċertament, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward, bla ħsara għal regoli speċifiċi ( 33 ). Madankollu, il-premessi 3, 5, 7 u 8 tad-Direttiva u, fuq kollox, il-premessa 10 tagħha juru li dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala “livell suffiċjenti” ( 34 ) tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kollha tal-għasafar selvaġġi ( 35 ). Minkejja r-rekwiżiti kulturali, ekonomiċi u rikreazzjonali, il-livell ta’ speċi jista’ jkun “suffiċjenti” biss jekk jiżgura ż-żamma tal-popolazzjonijiet fil-firxa naturali tagħhom ( 36 ). |
|
42. |
Madankollu, in-natura suffiċjenti tal-konservazzjoni tal-ispeċi komuni ġeneralment ma teħtieġx projbizzjonijiet li japplikaw meta impatt negattiv jiġi sempliċement aċċettat. Anki jekk jiġi preżunt li ċerti speċi jiddependu fuq tali projbizzjonijiet, dan ma japplikax għall-ispeċi komuni li huma daqstant frekwenti preċiżament għaliex l-attivitajiet umani ma jipperikolawx is-sopravivenza tagħhom, tal-inqas sal-lum ( 37 ). |
|
43. |
Meta l-popolazzjonijiet ta’ ċerti speċi iktar frekwenti jonqsu minkejja dan, jibda jkun ta’ spiss iktar importanti li l-habitats tagħhom jiġu kkonservati u amministrati b’mod xieraq. Fil-fatt, tali tnaqqis ġeneralment jirriżulta minn bidliet fl-użu mill-bniedem ta’ dawn il-habitats. Id-Direttiva dwar l-għasafar diġà tinkludi din l-idea, peress li l-Artikolu 3 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipproteġu l-habitat tal-ispeċi kollha tal-għasafar ( 38 ). L-Artikolu 4(7) u l-Artikolu 5(5) tar-Regolament dwar ir-restawr ( 39 ) issa jispeċifika dan l-obbligu. |
|
44. |
Għall-kuntrarju, il-projbizzjonijiet tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar huma intiżi prinċipalment sabiex jipproteġu kampjuni individwali u l-iktar l-iktar għandhom l-effett li indirettament jipproteġu l-habitats. Il-fatt li jiġu applikati l-projbizzjonijiet previsti fiha sa minn meta jiġu aċċettati dawn l-impatti negattivi msemmija f’din id-dispożizzjoni, ikun ħafna drabi inqas xieraq li jiġu kkonservati dawn il-habitats u għaldaqstant, dan lanqas ma huwa l-mezz l-inqas restrittiv ( 40 ). |
|
45. |
Konsegwentement, kuntrarjament għall-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitats, l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar ma jeżiġix sistema ta’ protezzjoni stretta, iżda regola ġenerali intiża sabiex tipproteġi l-għasafar Ewropej kollha. Skont il-premessa 6 tad-Direttiva dwar l-għasafar, din għandha tiġi adattata għas-sitwazzjoni ta’ speċi ta’ għasafar individwali. |
c) Kontradizzjonijiet strutturali fis‑sistema tad‑Direttiva dwar l‑għasafar
|
46. |
Dan huwa akkumpanjat minn differenza kunċettwali oħra bejn is-sistemi ta’ protezzjoni previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar u fl-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitats. Peress li l-Artikolu 5 japplika għall-ispeċi kollha ta’ għasafar Ewropej, ma teżisti l-ebda possibbiltà li ċerti speċi jiġu esklużi totalment minn din ir-regola ta’ protezzjoni. B’kuntrast ma’ dan, l-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar il-habitats jippermetti li jiġi emendat l-Anness IV tagħha, li jelenka l-ispeċi protetti skont l-Artikolu 12. |
|
47. |
Barra minn hekk, l-interpretazzjoni wiesgħa mingħajr restrizzjoni tal-kunċett ta’ intenzjoni u tal-protezzjoni stretta tal-għasafar Ewropej li tirriżulta minnha twassal għal kontradizzjoni ta’ evalwazzjoni fi ħdan id-Direttiva dwar l-għasafar. Fil-fatt, l-Artikolu 7 jawtorizza, b’deroga mill-projbizzjonijiet tal-qtil u tal-qbid ta’ għasafar, il-kaċċa ta’ ċerti speċi ta’ għasafar elenkati fl-Anness II li huma barra minn hekk suġġetti għall-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5. Madankollu, ma narax għalfejn l-impatt negattiv immirat fuq dawn l-ispeċi permezz tal-kaċċa, jiġifieri, essenzjalment, attività ta’ rikreazzjoni ta’ importanza ekonomika żgħira ħafna, għandu jiġi pprivileġġat meta mqabbel mal-attivitajiet tal-bniedem l-oħra kollha li għalihom ma humiex intenzjonati impatti negattivi fuq dawn l-ispeċi, iżda l-possibbiltà tagħhom hija sempliċement aċċettata. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li dawn l-attivitajiet l-oħra huma parzjalment ta’ importanza essenzjali għas-soċjetà tagħna. Wieħed jaħseb biss fil-kostruzzjoni ta’ toroq, bini jew turbini eoliċi. |
|
48. |
Bl-istess mod, id-deroga prevista fl-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-għasafar tista’ tikkoreġi l-interpretazzjoni wiesgħa mingħajr limitu tal-Artikolu 5 biss b’mod limitat ħafna, billi tibbilanċja l-interessi involuti. Filwaqt li l-Artikolu 16(1)(c) tad-Direttiva dwar il-habitats jippermetti derogi għal numru kbir ta’ raġunijiet ta’ interess pubbliku li jieħu preċedenza, id-derogi previsti fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar huma fformulati b’mod ħafna iktar speċifiku. |
|
49. |
Kif juru r-raba’ u l-ħames domanda tar-Riigikohus (il-Qorti Suprema), ċertament ma huwiex totalment eskluż li l-isfruttament ekonomiku tal-foresti jaqa’, tal-inqas, taħt it-tielet inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva dwar l-għasafar, li jawtorizza miżuri intiżi sabiex tiġi evitata ħsara serja lill-foresti. Madankollu, tali interpretazzjoni diffiċilment tista’ tiġi rrikonċiljata mal-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li, bħala eċċezzjoni, l-Artikolu 9 għandu, bħala prinċipju, jiġi interpretat b’mod strett ( 41 ). |
|
50. |
Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni sadanittant iddeċieda li l-proġetti għall-użu ta’ enerġija rinnovabbli jservu s-saħħa u s-sigurtà pubblika fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva dwar l-għasafar ( 42 ). Huwa ċar li tali proġetti huma ta’ interess pubbliku kbir, iżda, anki jekk il-kunċetti ta’ “saħħa pubblika” u ta’ “sigurtà pubblika” jiġu interpretati b’mod ġeneruż, dawn diffiċilment jistgħu jkunu marbuta ma’ dawn l-għanijiet. Dan l-intervent leġiżlattiv jenfasizza għalhekk li d-derogi tal-Artikolu 9 huma fformulati b’mod restrittiv wisq sabiex jagħtu lok suffiċjenti għal interessi pubbliċi importanti. |
3. Interpretazzjoni konformi mad‑drittijiet fundamentali tal‑Artikolu 5 tad‑Direttiva dwar l‑għasafar
|
51. |
Għar-raġunijiet kollha li għadni kif esponejt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tittrasponi mingħajr restrizzjoni l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ intenzjoni mogħtija fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva dwar il-habitats għall-kunċett ta’ intenzjoni li jinsab fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar ( 43 ). |
|
52. |
Madankollu, il-konstatazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq fis-sentenza dwar il-foresta ta’ Białowieża ( 44 ) jipprekludu li l-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar jiġu estiżi biss għall-impatti negattivi fuq l-għasafar intenzjonali. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja fiha wriet li jista’ jkun hemm każijiet li fihom hija tapplika wkoll din id-dispożizzjoni għall-impatti negattivi li l-awtur tal-att sempliċement jaċċetta l-possibbiltà tagħhom. Din l-applikazzjoni hija xierqa meta jkunu involuti speċi rari jew mhedda. Fir-rigward ta’ dawn l-ispeċi, il-projbizzjonijiet fil-prattika jibqgħu limitati fil-portata tagħhom, peress li rarament japplikaw. Fl-istess ħin, dawn jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi ( 45 ). |
|
53. |
Bilanċ ġust li jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, bejn l-attivitajiet ikkonċernati u l-għanijiet tad-Direttiva jinkludi l-inklużjoni tal-impatti negattivi aċċettati f’dawn il-projbizzjonijiet biss sa fejn dan huwa neċessarju fid-dawl tal-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar l-għasafar. Għaldaqstant, għandu jiġi ammess li din l-interpretazzjoni hija iktar ikkumplikata fl-applikazzjoni, peress li timplika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi ta’ għasafar. Fi kwalunkwe każ, hija tikkorrispondi finalment għall-applikazzjoni wiesgħa tal-projbizzjonijiet li jinsabu fl-imsemmija sentenza dwar il-foresta ta’ Białowieża, peress li din tikkonċerna speċi ta’ għasafar rari ħafna f’żona indikata għall-protezzjoni speċifika tagħhom ( 46 ). |
|
54. |
Din l-interpretazzjoni tneħħi wkoll il-kontradizzjoni ta’ evalwazzjoni msemmija mal-leġiżlazzjoni dwar il-kaċċa ( 47 ). Fil-fatt, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar, il-kaċċa hija awtorizzata biss abbażi tal-livell tal-popolazzjoni tal-ispeċi kkonċernati, il-firxa ġeografika tagħhom u r-rata ta’ riproduzzjoni tal-ispeċi kkonċernati. Barra minn hekk, l-Artikolu 7(4) jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li l-kaċċa tkun konformi mal-Artikolu 2. Għaldaqstant, dawn ma humiex speċi rari li jeħtieġu protezzjoni fid-dawl ta’ interpretazzjoni wiesgħa tal-projbizzjonijiet ta’ impatt negattiv intenzjonali. |
|
55. |
Għaldaqstant, il-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar jikkonċernaw biss impatt negattiv li l-awtur sempliċement jaċċetta l-possibbiltà tiegħu jekk dan jikkonċerna speċi ta’ għasafar partikolarment rari jew mhedda. Fil-fatt, f’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet hija neċessarja sabiex, fis-sens tal-Artikolu 2, l-ispeċi ta’ għasafar ikkonċernati jinżammu jew jinġiebu, għal livell li jikkorrispondi b’mod partikolari għar-rekwiżiti ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti ekonomiċi u rikreazzjonali ( 48 ). |
4. Fuq il‑projbizzjoni ta’ tfixkil prevista fl‑Artikolu 5(d) tad‑Direttiva dwar l‑għasafar
|
56. |
L-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ impatt negattiv intenzjonali li għadu kif ġie żviluppat jipprekludi qabel kollox applikazzjoni eċċessiva tal-projbizzjonijiet ta’ qtil intenzjonali kif ukoll ta’ qerda jew ta’ ħsara intenzjonali tal-bejtiet u l-bajd tagħhom skont l-Artikolu 5(a) u (b) tad-Direttiva dwar l-għasafar. |
|
57. |
Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ tfixkil intenzjonali prevista fl-Artikolu 5(d) tad-Direttiva dwar l-għasafar, tali limitazzjoni hija diġà espressament prevista fil-formulazzjoni tiegħu. Skont din id-dispożizzjoni, il-projbizzjoni ta’ tfixkil tal-ispeċi ta’ għasafar, b’mod partikolari matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni u ta’ trobbija, tapplika (biss) sa fejn dan it-tfixkil ikollu effett sinjifikattiv fuq l-għanijiet tad-Direttiva. Għaldaqstant, it-tfixkil għandu jiġi pprojbit biss jekk ikollu effett sinjifikattiv fuq l-għan li l-popolazzjonijiet tal-ispeċi tal-għasafar jinżammu jew jinġiebu f’dan il-livell u, għaldaqstant, b’mod partikolari jekk dan jaffettwa l-għasafar rari jew mhedda waqt ir-riproduzzjoni jew it-trobbija ( 49 ). |
|
58. |
Wieħed jista’ jislet argument a contrario minn din id-dispożizzjoni peress li ma hijiex espressa limitazzjoni f’dan is-sens f’dak li jirrigwarda l-projbizzjonijiet l-oħra. Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrifjutat li tapplika l-projbizzjonijiet fl-intier tagħhom, inklużi għalhekk il-projbizzjonijiet ta’ impatti negattivi intenzjonali fuq l-ispeċi ta’ għasafar mhedda biss ( 50 ). |
|
59. |
Madankollu, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar proposta fil-kawża ineżami ma hijiex intiża sabiex teskludi ċerti speċi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jew sabiex tnaqqas il-portata tal-projbizzjonijiet għall-ispeċi kollha. Għall-kuntrarju, il-projbizzjonijiet ta’ impatt negattiv intenzjonali għandhom jibbenefikaw mingħajr restrizzjoni lill-ispeċi kollha. |
|
60. |
Għall-kuntrarju, il-proposta ta’ interpretazzjoni tiegħi tirriproduċi t-tfakkira tal-għanijiet tad-Direttiva dwar l-għasafar, li tinsab fil-projbizzjoni ta’ tfixkil. Hija intiża li tevita kull limitazzjoni tad-drittijiet fundamentali li ma hijiex neċessarja għal dawn l-għanijiet. Dan ikun f’riskju jekk il-projbizzjonijiet jiġu estiżi mingħajr ebda restrizzjoni għal impatti negattivi fuq l-għasafar li ma humiex intenzjonali, iżda sempliċement aċċettati, minkejja li tali applikazzjoni ma hijiex neċessarja għall-konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernati. |
5. Żviluppi reċenti
|
61. |
Sa mill-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Skydda Skogen, kien hemm żviluppi oħra li madankollu ma jwasslux għal evalwazzjoni ġdida tas-sitwazzjoni legali. |
|
62. |
Sentenza sussegwenti mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Polonja tista’ tinftiehem fis-sens ta’ traspożizzjoni tal-kunċett ta’ intenzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitats fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar. Il-Qorti tal-Ġustizzja ttenni l-konstatazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ intenzjoni li jinsab fl-Artikolu 12 u sussegwentement tikkonstata ksur taż-żewġ dispożizzjonijiet ( 51 ). Iżda din il-konstatazzjoni tista’ tkun limitata wkoll għall-fatt li d-deroga wiesgħa tad-dritt nazzjonali għall-projbizzjonijiet li għandhom jiġu adottati abbażi taż-żewġ dispożizzjonijiet tikkostitwixxi ksur, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-kunċett ta’ intenzjoni huwiex issodisfatt jew le. Fil-fatt, id-deroga nazzjonali kienet tapplika għal kull “ġestjoni tal-foresti eżegwita konformement mar-rekwiżiti ta’ prattika tajba fil-qasam ta’ ġestjoni tal-foresti” ( 52 ) u għalhekk kienet ukoll potenzjalment tippermetti impatti negattivi intenzjonali fuq l-għasafar. |
|
63. |
Huwa iktar importanti li l-leġiżlatur tal-Unjoni, meta jadotta regoli intiżi li jiffaċilitaw l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti ta’ użu ta’ enerġija rinnovabbli, bħall-enerġija eolika, jidher ukoll li huwa bbażat fuq paralleliżmu bejn l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-habitats u l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar u, għaldaqstant, b’mod partikolari fuq trasferiment tal-kunċett ta’ intenzjoni. Diġà semmejt il-preżunzjoni li dawn il-proġetti jservu għas-saħħa u għas-sigurtà pubbliċi fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva dwar l-għasafar ( 53 ). Hija tinkludi preżunzjoni addizzjonali li tali proġetti jaqgħu taħt interess pubbliku superjuri, fis-sens tal-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar il-habitats, kif ukoll eżenzjonijiet oħra sabiex jiġġustifikaw miżuri li jiksru l-projbizzjonijiet ta’ protezzjoni tal-ispeċi. Barra minn hekk, tali proġetti huma, taħt ċerti kundizzjonijiet, eżentati mir-rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-ispeċi previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar ( 54 ). Il-premessa 37 tad-Direttiva 2023/2413 tispjega din ir-regola tal-aħħar bil-fatt li l-qtil jew it-tfixkil okkażjonali tal-għasafar minn installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli ma għandhomx jitqiesu bħala intenzjonali meta jittieħdu u jiġu mmonitorjati miżuri preventivi xierqa. |
|
64. |
Madankollu, dawn ir-regoli kumplessi ħafna ma jkunux neċessarji jekk il-projbizzjonijiet tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar ikunu intiżi biss għal atti li għandhom l-għan li jkollhom impatt negattiv fuq l-għasafar. Il-proġetti għall-użu tal-enerġija rinnovabbli jistgħu jipperikolaw l-għasafar, iżda l-għan tagħhom ma huwiex tali riskju, iżda minħabba fihom, l-iktar l-iktar din il-possibbiltà hija aċċettata. |
|
65. |
Madankollu, l-importanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet lanqas ma għandha tiġi eżaġerata. F’dik is-sentenza, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma ddeċidiex espressament li l-kunċett ta’ intenzjoni fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar huwa diġà ssodisfatt meta l-impatti negattivi pprojbiti jiġu sempliċement aċċettati. Għall-kuntrarju, ir-regoli l-ġodda huma l-ewwel u qabel kollox tweġiba għall-biża’ li l-protezzjoni tal-ispeċi, abbażi ta’ interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ intenzjoni, tista’ b’mod eċċessiv tostakola l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli. |
|
66. |
Barra minn hekk, id-derogi maħluqa ġodda jibqgħalhom kamp ta’ applikazzjoni jekk, kif nipproponi, l-applikazzjoni tal-kunċett wiesgħa ta’ intenzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-għasafar tiddependi mill-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi. Fil-fatt, tal-inqas fir-rigward tal-ispeċi mhedda, il-projbizzjonijiet japplikaw ukoll, bla ħsara għal regoli speċjali applikabbli għall-enerġija rinnovabbli, meta l-impatt negattiv jiġi sempliċement aċċettat. |
|
67. |
Għaldaqstant, l-iżviluppi li seħħew fil-frattemp ma jipprekludux interpretazzjoni tal-kunċett ta’ intenzjoni fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar li skontu impatt negattiv li l-awtur tal-att jaċċetta l-possibbiltà tiegħu huwa pprojbit biss jekk jikkonċerna speċi ta’ għasafar partikolarment rari jew mhedda. |
6. Ġustifikazzjoni xjentifika tal‑konstatazzjonijiet meħtieġa
|
68. |
It-tieni u t-tielet domanda jirrigwardaw, fost l-oħrajn, il-mod li bih għandha tiġi kkonstatata t-theddida li l-miżura inkwistjoni toħloq għall-għasafar. Għandu jiġi ddeterminat jekk huwiex biżżejjed, sabiex il-projbizzjonijiet tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar japplikaw għall-qtugħ tas-siġar, li jiġi preżunt, abbażi ta’ data xjentifika u tal-osservazzjoni ta’ għasafar individwali, li fil-foresta inkwistjoni jbejtu madwar għaxar pari ta’ għasafar għal kull ettaru, mingħajr ma jkun hemm raġuni li wieħed jassumi li fiż-żona tal-qtugħ tas-siġar ibejtu kampjuni ta’ speċi ta’ għasafar li jinsabu fi stat sfavorevoli. |
|
69. |
Skont l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar proposta hawnhekk u l-informazzjoni pprovduta dwar il-preżenza tal-għasafar ikkonċernati, jidher improbabbli li din il-parti tad-domandi tkun neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali. |
|
70. |
Għalhekk huwa biss għall-finijiet ta’ kompletezza li għandu jiġi osservat li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu l-konstatazzjonijiet neċessarji sabiex jiddeterminaw jekk il-projbizzjonijiet jipprekludux attività abbażi tal-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli ( 55 ). |
|
71. |
Dan jimplika b’mod partikolari li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeterminaw, abbażi ta’ din l-informazzjoni ( 56 ), il-“livell suffiċjenti” tal-ispeċi kkonċernata li għandu jiġi żgurat. Madankollu, huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll studji xjentifiċi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk speċi partikolari għandhiex tiġi protetta fil-kuntest ta’ ċerti attivitajiet, meta l-impatti negattivi jiġu sempliċement aċċettati. |
|
72. |
Peress li l-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar huwa intiż, skont l-Artikolu 4(1) tiegħu, sabiex jelenka speċi partikolarment rari jew partikolarment mhedda, il-fatt li tali speċi tkun affettwata mir-riskju aċċettat jikkostitwixxi indizju tan-neċessità li jiġu applikati l-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5. Madankollu, tali indizju jista’ jiġi invalidat abbażi tal-aħjar informazzjoni xjentifika disponibbli. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż a priori li ż-żanżarell sidru aħmar imsemmi fil-kuntest tad-digriet fir-rigward ta’ Voore Mets ma jeħtieġx, tal-inqas fl-Estonja, protezzjoni partikolari, kif sostniet Voore Mets waqt is-seduta billi invokat il-kriterji tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura u tar-Riżorsi Naturali (IUCN), minkejja li huwa inkluż fl-Anness I. |
|
73. |
Dawn l-obbligi ta’ verifika jaqgħu fuq l-Istati Membri. Għall-kuntrarju, l-individwi ma jistgħux jintalbu li jorjentaw b’mod sħiħ l-aġir tagħhom fuq l-aħjar informazzjoni xjentifika dwar il-protezzjoni tal-għasafar. Pjuttost, huma jistgħu jassumu li, bħala prinċipju, huma jistgħu jeżerċitaw attivitajiet permessi, sakemm huma juru d-diliġenza meħtieġa għal dan l-għan. Madankollu, anki l-individwi għandhom josservaw twissijiet u istruzzjonijiet maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti abbażi tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ riskji inkompatibbli mal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar ( 57 ). |
|
74. |
Is-sistema ta’ kontroll tal-qtugħ tas-siġar matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni, kif ipprattikat skont l-informazzjoni pprovduta mill-Estonja, tidher li taqbel ma’ dan l-approċċ. Inizjalment, wara li rriżulta li l-popolazzjonijiet ta’ għasafar f’dan l-Istat Membru kienu naqsu, b’mod partikolari f’popolazzjonijiet forestali antiki, l-Uffiċċju għall-Ambjent, abbażi tat-tipi ta’ habitats u tal-età ta’ kull popolazzjoni, iddetermina r-riskji għall-għasafar u qasam, fuq din il-bażi, iż-żoni forestali kollha fi tliet klassijiet ta’ riskju. Huwa ppubblika din l-informazzjoni fuq l-internet sabiex is-sidien tal-foresti jkunu jistgħu jikkunsidrawha fl-ippjanar tagħhom. Fi stadju sussegwenti, wara n-notifika tal-qtugħ tas-siġar, l-Uffiċċju għall-Ambjent jeżamina s-sitwazzjoni fuq il-post u jipprojbixxi x-xogħlijiet meta dawn jinvolvu riskji partikolari għall-għasafar. Waqt is-seduta, l-Estonja spjegat li, fuq din il-bażi, wara 2500 żjara ta’ verifika, 32 każ ta’ qtugħ ta’ siġar ġew ipprojbiti fl‑2023. |
7. Konklużjoni intermedja
|
75. |
Fil-qosor, għandu għalhekk jiġi kkonstatat, li l-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar jinkludu impatt negattiv biss li l-awtur tal-att jaċċetta l-possibbiltà tiegħu jekk dan jikkonċerna speċi ta’ għasafar partikolarment rari jew, fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli, partikolarment mhedda. Fil-fatt, f’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet hija neċessarja sabiex l-ispeċi ta’ għasafar ikkonċernata tinżamm jew tinġieb, fis-sens tal-Artikolu 2, f’livell li jikkorrispondi b’mod partikolari għar-rekwiżiti ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti ekonomiċi u rikreazzjonali. |
|
76. |
Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jingħad ukoll li, skont l-Artikolu 193 TFUE u l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-għasafar, l-Istati Membri huma naturalment liberi li jadottaw miżuri iktar stretti sabiex jipproteġu l-għasafar ( 58 ). |
B. Ir‑raba’ u l‑ħames domanda – Ġustifikazzjoni tad‑derogi taħt l‑Artikolu 9 tad‑Direttiva dwar l‑għasafar abbażi tal‑proprjetà
|
77. |
Permezz tar-raba’ u tal-ħames domanda tagħha, ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) tistaqsi jekk it-tielet inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva dwar l-għasafar, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tagħha, jippermettix derogi mill-projbizzjonijiet tal-Artikolu 5 fir-rigward tat-tqaċċit totali tas-siġar jew tal-qtugħ tas-siġar tal-kenn sabiex jiġi evitat dannu sinjifikattiv għall-proprjetà tal-artijiet forestali. |
|
78. |
Dawn id-domandi huma manifestament magħmula fil-każ li l-qtugħ tas-siġar ippjanat fil-kawżi prinċipali jaqa’ taħt il-projbizzjonijiet ta’ qtil intenzjonali ta’ għasafar skont l-Artikolu 5(a) tad-Direttiva dwar l-għasafar, ta’ qerda jew ta’ ħsara intenzjonali tal-bejtiet fis-sens tal-Artikolu 5(b) u ta’ tfixkil intenzjonali tal-għasafar imsemmi fl-Artikolu 5(d). Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 li qed nipproponi hawnhekk, l-applikazzjoni ta’ dawn il-projbizzjonijiet abbażi tal-informazzjoni disponibbli dwar l-ispeċi ta’ għasafar ikkonċernati tidher improbabbli, b’tali mod li ma jkunx neċessarju li tingħata risposta għal dawn id-domandi. |
|
79. |
Għall-kuntrarju, l-argument tal-Kummissjoni li d-domandi huma ipotetiċi minħabba li Voore Mets u Lemeks Põlva ma talbux deroga mill-projbizzjonijiet tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar ma huwiex konvinċenti. Fil-fatt, id-dritt nazzjonali jiddetermina jekk tali talba kinitx neċessarja jew jekk l-awtorità pubblika kellhiex teżamina ex officio l-possibbiltà ta’ deroga. |
|
80. |
Fi kwalunkwe każ, huwa utli li tiġi eżaminata l-applikabbiltà tad-deroga. Fil-fatt, jidher li din ftit li xejn hija ta’ natura li tevita l-konsegwenzi irraġonevoli ta’ interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ intenzjoni. |
|
81. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà spjegat li, għalkemm l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-għasafar jippermetti deroga wiesgħa mis-sistema ġenerali ta’ protezzjoni, huwa jipprevedi biss applikazzjoni konkreta u mmirata sabiex jiġu ssodisfatti rekwiżiti preċiżi u sitwazzjonijiet speċifiċi ( 59 ). Hija ddeċidiet ukoll li, bħala eċċezzjoni, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett u li l-oneru tal-prova tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet meħtieġa għandu, għal kull deroga, jaqa’ fuq l-awtorità li tieħu d-deċiżjoni dwarha ( 60 ). |
|
82. |
Ir-rekwiżiti addizzjonali tal-Artikolu 9(2), enfasizzati mill-Estonja, jenfasizzaw in-natura eċċezzjonali ta’ deroga. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, id-deroga għandha b’mod partikolari tipprovdi indikazzjonijiet dwar l-ispeċi ta’ għasafar ikkonċernati u dwar iċ-ċirkustanzi iktar iddettaljati li fihom deroga hija possibbli. Huwa meħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti l-kontrolli meħtieġa u korp awtorizzat li jiddikjara li l-kundizzjonijiet meħtieġa huma ssodisfatti u li jiddeċiedi liema mezzi, arranġamenti jew metodi jistgħu jintużaw, f’liema kuntest u minn min. |
|
83. |
Anki jekk jitqies li fl-Estonja jeżistu l-kundizzjonijiet legali neċessarji sabiex tingħata deroga mill-qtugħ tas-siġar, it-tielet inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva dwar l-għasafar jippermetti lil dan l-Istat Membru li jidderoga mill-Artikolu 5 sabiex jipprevjeni ħsara serja lill-uċuħ tar-raba’, lill-bhejjem, lill-foresti, liż-żoni tas-sajd u lill-ilmijiet, bil-kundizzjoni li ma jkunx hemm soluzzjoni sodisfaċenti oħra. |
|
84. |
Il-protezzjoni tal-foresti ma hijiex marbuta biss mal-habitat tal-foresti u mal-funzjonijiet ekoloġiċi tiegħu, iżda tinkludi l-valur tiegħu bħala assi ekonomiku. Fil-fatt, it-tielet inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva dwar l-għasafar jawtorizza wkoll miżuri intiżi sabiex jipproteġu l-uċuħ tar-raba’, il-bhejjem u ż-żoni tas-sajd. Dawn l-oġġetti protetti ma humiex ta’ natura primarjament ekoloġika, iżda huma kkaratterizzati mill-isfruttament ekonomiku tagħhom. |
|
85. |
Kif tesponi ġustament ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema), il-funzjoni ekonomika tal-protezzjoni tal-foresti tidher b’mod iktar ċar fil-Konvenzjoni ta’ Berna. It-tieni inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tal-Konvenzjoni jippermetti derogi mill-projbizzjonijiet intiżi sabiex jipprevjenu ħsara serja lill-uċuħ tar-raba’, lill-bhejjem, lill-foresti, lis-sajd, lill-ilmijiet u lil proprjetà oħra. Għalhekk, fil-Konvenzjoni, il-protezzjoni tal-foresta hija biss eżempju ta’ protezzjoni tal-proprjetà. Bħala parti integrali tal-proprjetà, il-foresta għandha qabelxejn funzjoni ekonomika. |
|
86. |
Għall-kuntrarju, il-protezzjoni tal-foresta bħala habitat huwa meqjus bħala l-iskop primarju ta’ protezzjoni taħt ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva dwar l-għasafar, li jawtorizza derogi mill-protezzjoni tal-flora u tal-fawna. |
|
87. |
Madankollu, it-tielet inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva dwar l-għasafar ma huwiex intiż sabiex direttament jippermetti jew jippromwovi l-isfruttament ekonomiku tal-imsemmija assi protetti, inklużi għalhekk il-foresti. Għall-kuntrarju, huma awtorizzati miżuri intiżi sabiex jipprevjenu ħsara serja, li għalhekk għandhom jilħqu ċertu livell ( 61 ). Lemeks Põlva tiċċita, bħala eżempju, infezzjoni kkawżati mill-ħanfusa tal-ambrożja. |
|
88. |
B’kuntrast ma’ dan, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-interess tal-impriżi kkonċernati li jaqtgħu s-siġar matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni jinsab prinċipalment fil-possibbiltà li jużaw ir-riżorsi tagħhom b’mod effikaċi wkoll matul dan il-perijodu. Madankollu, il-konsegwenzi ta’ limitazzjoni ratione temporis tal-isfruttament ekonomiku ta’ foresta jew ta’ miżuri ta’ manutenzjoni mhux urġenti, bħall-qtugħ tas-siġar tal-kenn, bilkemm jistgħu jitqiesu, skont interpretazzjoni stretta ta’ din id-dispożizzjoni, bħala ħsarat sinjifikattivi għall-foresta. |
|
89. |
Anki f’termini ta’ daqs, id-dannu ta’ EUR 2 403.52 invokat minn Voore Mets jinsab f’qafas trasparenti ħafna. Konsegwentement, jekk dan l-interess huwa leġittimu, dan ma jistax jipprevali awtomatikament fuq il-protezzjoni tal-għasafar. Fil-fatt, fil-kawża ineżami, kważi kull restrizzjoni fuq l-isfruttament ekonomiku tal-assi protetti msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva dwar l-għasafar tikkostitwixxi preġudizzju suffiċjenti sabiex wieħed jibbenefika mid-deroga. Id-deroga għalhekk issir ir-regola. |
|
90. |
Barra minn hekk, deroga skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-għasafar hija ammissibbli biss jekk ma jkunx hemm soluzzjoni sodisfaċenti oħra. Madankollu, il-qtugħ tas-siġar inkwistjoni jista’ wkoll isir barra mill-perijodu ta’ riproduzzjoni. Huwa allegat li preċiżament il-qtugħ tas-siġar fix-xitwa huwa saħansitra partikolarment vantaġġuż. Is-Staatsforste des Freistaats Bayern (l-Uffiċċju tal-Foresti tal-Istat Ħieles ta’ Bayern, il-Ġermanja) isemmi bħala raġunijiet għal din il-protezzjoni l-protezzjoni tal-ħamrija, proporzjon iktar baxx ta’ ilma tal-injam, riskju inqas ta’ infestazzjoni minn insetti jew fungi kif ukoll is-sigurtà tax-xogħol fil-foresta tal-weraq wesgħin, peress li l-ebda weraq ma jipprekludi l-vista tal-għalla tal-għasafar ( 62 ). U jekk jiġi organizzat il-ħsad tal-injam b’tali mod li stokk suffiċjenti jinħasad fix-xitwa sabiex tiġi ssodisfatta d-domanda fis-sena ta’ wara, lanqas ma huwa neċessarju, kuntrarjament għal dak li jsostnu ż-żewġ impriżi, li jiġi importat injam matul is-sajf. |
|
91. |
Madankollu, interpretazzjoni ħafna iktar ġeneruża tal-kundizzjonijiet ta’ deroga tkun meħtieġa jekk il-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar japplikaw ukoll fil-każ li jiġi aċċettat l-impatt negattiv fuq l-ispeċi li ma jeħtiġux tali protezzjoni. Fil-fatt, l-interess leġittimu fil-protezzjoni ta’ dawn l-għasafar mill-imsemmija projbizzjonijiet huwa dgħajjef ħafna, filwaqt li l-kawżi prinċipali juru li r-restrizzjonijiet huma tal-inqas sensittivi għall-impriżi kkonċernati. |
C. Is‑sitta u s‑seba’ domanda – Kompatibbiltà tar‑regolament ta’ projbizzjoni mad‑drittijiet fundamentali
|
92. |
Fil-każ li, anki jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-għasafar, l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar ma jippermettix tqaċċit totali tas-siġar jew qtugħ tas-siġar tal-kenn matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni u ta’ trobbija tal-għasafar, minkejja li l-qtugħ tal-injam ma jaffettwax speċi ta’ għasafar li jinsabu fi stat sfavorevoli, ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) tixtieq tkun taf jekk tali leġiżlazzjoni hijiex konformi mal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Dawn id-drittijiet fundamentali jipproteġu l-libertà ta’ intrapriża u l-proprjetà. |
|
93. |
Skont il-formulazzjoni stess tad-domandi, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għal dawn id-domandi jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tadotta l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar ( 63 ) proposta hawnhekk jew, fin-nuqqas ta’ dan, tinterpreta b’mod ġeneruż it-tielet inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva dwar l-għasafar ( 64 ). |
|
94. |
Madankollu, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonstata li l-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar japplikaw għall-ispeċi kollha ta’ għasafar Ewropej meta l-impatt negattiv ikun sempliċement aċċettat, u li, fl-istess ħin, id-deroga prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) ma tippermettix il-qtugħ tas-siġar matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni tal-għasafar, tqum effettivament il-kwistjoni dwar jekk dawn ir-regoli humiex kompatibbli mal-imsemmija drittijiet fundamentali. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Kunsill u l-Kummissjoni, din hija determinanti għas-soluzzjoni tal-kawża. |
|
95. |
Fil-fatt, il-projbizzjoni tal-qtugħ tas-siġar matul il-perijodu ta’ riproduzzjoni tal-għasafar tirrestrinġi kemm il-libertà ta’ intrapriża kif ukoll l-użu tal-proprjetà fuq il-foresta kkonċernata. Voore Mets u Lemeks Põlva jsostnu wkoll li, minħabba dawn ir-restrizzjonijiet, huma għandhom temporanjament ikeċċu parti mill-ħaddiema tagħhom. |
|
96. |
Ċertament, l-Artikolu 52(1) tal-Karta jaċċetta restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet stabbiliti minnha, sakemm dawn ir-restrizzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, jirrispettaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet u li, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ oħrajn. Għaldaqstant, dawn ir-restrizzjonijiet ma għandhomx, fid-dawl tal-għan imfittex, iwasslu għal intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet fundamentali kkonċernati ( 65 ). |
|
97. |
Il-protezzjoni tal-ambjent ( 66 ) u għalhekk ukoll il-protezzjoni tal-għasafar ( 67 ) hija f’dan is-sens għanijiet ta’ interess ġenerali. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li l-għasafar selvaġġi jagħmlu parti mill-patrimonju komuni tal-Istati Membri ( 68 ). |
|
98. |
Madankollu, huwa dubjuż kemm il-protezzjoni tal-għasafar tista’ effettivament tiġġustifika r-restrizzjoni tal-imsemmija drittijiet fundamentali permezz ta’ interpretazzjoni wiesgħa tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar u permezz ta’ interpretazzjoni stretta tad-derogi previsti fl-Artikolu 9. |
|
99. |
Ċertament, din l-interpretazzjoni tkun adattata għall-promozzjoni tal-protezzjoni tal-għasafar. Lanqas ma hemm indikazzjonijiet ta’ miżuri inqas restrittivi li jippermettu li jintlaħaq livell simili ta’ protezzjoni. |
|
100. |
Madankollu, il-livell ta’ protezzjoni hekk milħuq huwa ogħla mill-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tad-Direttiva dwar l-għasafar. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar l-għasafar, l-Istati Membri huma obbligati jġibu u jżommu l-ispeċi ta’ għasafar f’livell biss jekk, fid-dawl tar-rekwiżiti ekonomiċi u rikreattivi, jissodisfaw ir-rekwiżiti ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali. |
|
101. |
Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li d-drittijiet fundamentali jiġu ristretti bl-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-għasafar għal speċi li jinsabu f’dan il-livell anki fl-assenza ta’ dawn il-projbizzjonijiet. Għaldaqstant, din ir-restrizzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mill-għan tad-Direttiva dwar l-għasafar. Għall-kuntrarju, din tiġi evitata bl-interpretazzjoni konformi mad-drittijiet fundamentali li nipproponi. |
V. Konklużjoni
|
102. |
Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari kif ġej: Il-projbizzjonijiet fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/147/KE dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi jkopru impatt negattiv biss mill-awtur tal-att jekk dan ikun jikkonċerna speċi ta’ għasafar partikolarment rari jew, fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku disponibbli, partikolarment mhedda. Fil-fatt, f’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet hija neċessarja sabiex l-ispeċi ta’ għasafar ikkonċernata tinżamm jew tinġieb għal livell li jikkorrispondi b’mod partikolari għar-rekwiżiti ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, fis-sens tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti ekonomiċi u rikreazzjonali. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7), fil-verżjoni tar-Regolament (UE) 2019/1010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar l-allinjament tal-obbligi ta’ rapportar fil-qasam tal-leġislazzjoni relatata mal-ambjent u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 166/2006 u (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 2002/49/KE, 2004/35/KE, 2007/2/KE, 2009/147/KE u 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 u (KE) Nru 2173/2005, u d-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE (ĠU 2019, L 170, p. 115).
( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 193).
( 4 ) Sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Lontra) (C‑221/04, EU:C:2006:329, punt 71), tal‑10 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja (Kyparissia) (C‑504/14, EU:C:2016:847, punt 159), u tal‑4 ta’ Marzu 2021, Föreningen Skydda Skogen (C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2021:166, punt 51).
( 5 ) Ara l-Artikolu 44 tal-Bundesnaturschutzgesetzes Ġermaniż (l-Att Federali dwar il-Konservazzjoni tan-Natura), li jimplimenta l-projbizzjonijiet mingħajr il-karatteristika tal-intenzjoni, il-parir tal-Conseil d’État Franċiż (il-Kunsill tal-Istat) tad‑9 ta’ Diċembru 2022 (463563, FR:CESEC:2022:463563.20221209) dwar proġett tal-enerġija mir-riħ u d-digriet tal-Bundesverwaltungsgerichts Awstrijaka (il-Qorti Amministrattiva Federali) tal‑15 ta’ Frar 2024 (W104 2227635-1/149Z) dwar talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑131/24, VIRUS, dwar proġett ta’ kostruzzjoni ta’ toroq.
( 6 ) Konklużjonijiet fil-Kawżi magħquda C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2020:699, punti 79 sa 90.
( 7 ) Konvenzjoni dwar il-Ħarsien tal-Ħajja Selvaġġa u l-Ambjenti Naturali tal-Ewropa miftuħa għall-firem fid‑19 ta’ Settembru 1979 f’Berna (ĠU 1982, L 38, p. 3).
( 8 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 82/72/KEE tat‑3 ta’ Diċembru 1981 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 14, p. 280, rettifika fil-ĠU 2018, L 311, p. 38).
( 9 ) https://www.coe.int/en/web/conventions/cets-number-/-abridged-title-known?module=signatures-by-treaty&treatynum=104.
( 10 ) Sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Lontra) (C‑221/04, EU:C:2006:329, punt 71), tal‑10 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja (Kyparissia) (C‑504/14, EU:C:2016:847, punt 159), u tal‑4 ta’ Marzu 2021, Föreningen Skydda Skogen (C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2021:166, punt 51).
( 11 ) Konklużjonijiet fil-Kawżi magħquda C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2020:699.
( 12 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 37).
( 13 ) Sentenza tat‑23 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il-Finlandja (Kaċċa fir-Rebbiegħa għall-Edredun Raġel) (C‑217/19, EU:C:2020:291, punt 84).
( 14 ) Sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Lontra) (C‑221/04, EU:C:2006:329, punt 71), u tal‑10 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja (Kyparissia) (C‑504/14, EU:C:2016:847, punt 159).
( 15 ) Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Föreningen Skydda Skogen (C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2021:166, punt 51).
( 16 ) Sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punti 253 u 254).
( 17 ) Sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 259).
( 18 ) Rapport dwar il-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u tal-abitati naturali (1997‑1998) (Artikolu 9(2)) (ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea), SEC(2001) 515 final.
( 19 ) Fuq il-ftehimiet internazzjonali oħra, ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation (C‑286/90, EU:C:1992:453, punt 9), tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 291), tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 123), u tal‑11 ta’ Lulju 2018, Bosphorus Queen Shipping (C‑15/17, EU:C:2018:557, punt 44).
( 20 ) Iż-żewġ verżjonijiet lingwistiċi awtentiċi jużaw it-termini “intentionelle” (bil-Franċiż) u “deliberate” (bl-Ingliż). Għall-kuntrarju, it-traduzzjoni Ġermaniża mhux vinkolanti tuża kemm it-terminu ta’ intenzjoni (Artikolu 6(a)) kif ukoll – fil-fehma tiegħi b’mod żbaljat – it-terminu “mutwillig” (intenzjonali) (Artikolu 6(b), (c) u (d)).
( 21 ) Paragrafu 3(b) tar-Riżoluzzjoni Nru 1 (1989) tad‑9 ta’ Ġunju 1989. Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Spanja (Lontra) (C‑221/04, EU:C:2005:777, punt 39).
( 22 ) Ara r-referenzi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.
( 23 ) Konklużjonijiet fil-Kawżi magħquda C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2020:699, punti 79 sa 90.
( 24 ) Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Föreningen Skydda Skogen (C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2021:166, punt 48).
( 25 ) Möckel, S., “35 Jahre Europäische Vogelschutzrichtlinie”, Natur und Recht 2014, p. 381 (387), jirreferi, madankollu, ġustament għall-friefet il-lejl mifruxa ħafna, li l-ispeċi kollha tagħhom huma suġġetti għall-protezzjoni stretta tad-Direttiva dwar il-habitats.
( 26 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Spanja (Lontra) (C‑221/04, EU:C:2005:777, punt 50).
( 27 ) Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Föreningen Skydda Skogen et (C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2020:699, punt 80).
( 28 ) Ara, pereżempju, Machtans, C., Wedeles, C., u Bayne, E., “A first estimate for Canada of the number of birds killed by colliding with building Windows”, Avian Conservation and Ecology 8.2 (2013), p. 5.
( 29 ) Ara, pereżempju, Slater, F. M., “An assessment of wildlife road Casualties-the potenzal discrepancy between numbers counted and numbers killed”, Web Ecology 3.1 (2002), p. 33.
( 30 ) Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Föreningen Skydda Skogen et (C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2020:699, punt 81).
( 31 ) Ara iktar ’il quddiem l-punt 92 et seq..
( 32 ) Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Föreningen Skydda Skogen et (C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2020:699, punt 82).
( 33 ) Ara s-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 1987, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (247/85, EU:C:1987:339, punt 8) u Il‑Kummissjoni vs L-Italja (262/85, EU:C:1987:340, punt 8), kif ukoll tad‑19 ta’ Jannar 1994, Association pour la protection des animaux sauvages et (C‑435/92, EU:C:1994:10, punt 20).
( 34 ) Ara s-sentenzi tas‑27 ta’ April 1988, Il‑Kummissjoni vs Franza (252/85, EU:C:1988:202, punt 28), tas‑16 ta’ Ottubru 2003, Ligue pour la protection des oiseaux sauvages et (C‑182/02, EU:C:2003:558, punt 17), u tat‑23 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il-Finlandja (Kaċċa fir-Rebbiegħa għall-Edredun Raġel) (C‑217/19, EU:C:2020:291, punt 68), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża WWF Italia et (C‑60/05, EU:C:2006:116, punt 50) u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑418/04, EU:C:2006:569, punti 111 u 112).
( 35 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Föreningen Skydda Skogen et (C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2020:699, punt 97).
( 36 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Eesti Suurkisjad (C‑629/23, EU:C:2024:1029, punti 70 sa 83).
( 37 ) Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Föreningen Skydda Skogen et (C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2020:699, punt 83).
( 38 ) Sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2002, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda (Willow grouse) (C‑117/00, EU:C:2002:366, punt 15 et seq.).
( 39 ) Regolament (UE) 2024/1991 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ġunju 2024 dwar ir-restawr tan-natura u li jemenda r-Regolament (UE) 2022/869 (ĠU L, 2024/1991, 29.7.2024).
( 40 ) Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Föreningen Skydda Skogen et (C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2020:699, punt 84).
( 41 ) Ara dwar dan iktar ’il quddiem, il-punti 77 et seq..
( 42 ) Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2577 tat‑22 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi qafas biex jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli (ĠU 2022, L 335, p. 36), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/223 tat‑22 ta’ Diċembru 2023 (ĠU L, 2024/223, 10.1.2024) u l-Artikolu 16f tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU 2018, L 328, p. 82, rettifiki fil-ĠU 2020, L 311, p. 11, fil-ĠU 2021, L 224, p. 42, u fil-ĠU 2022, L 41, p. 37), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001, ir-Regolament (UE) 2018/1999 u d-Direttiva 98/70/KE fir-rigward tal-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652 (ĠU L, 2023/2413, 31.10.2023, rettifika fil-ĠU L, 2025/90026, 10.1.2025).
( 43 ) Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Föreningen Skydda Skogen et (C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2020:699, punt 87).
( 44 ) Ara l-punt 33 iktar ’il fuq.
( 45 ) Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Föreningen Skydda Skogen et (C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2020:699, punt 88).
( 46 ) Sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 18).
( 47 ) Ara l-punt 47 iktar ’il fuq.
( 48 ) Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Föreningen Skydda Skogen et (C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2020:699, punt 90).
( 49 ) Għal iktar dettalji, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Föreningen Skydda Skogen et (C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2020:699, punti 96 sa 100).
( 50 ) Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Föreningen Skydda Skogen (C‑473/19 u C‑474/19, EU:C:2021:166, punti 36 u 44).
( 51 ) Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Ġestjoni u Prattika Tajba tal-Foresti) (C‑432/21, EU:C:2023:139, punti 77 sa 79).
( 52 ) Ara r-riproduzzjoni tal-Artikolu 14b(3) tal-Att Pollakk dwar il-Foresti fis-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Ġestjoni u Prattika Tajba tal-Foresti) (C‑432/21, EU:C:2023:139, punt 15).
( 53 ) Ara l-punt 50 iktar ’il fuq.
( 54 ) Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2022/2577 (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42) kif ukoll l-Artikolu 15c(1), l-Artikolu 15e(2) u (4) kif ukoll l-Artikolu 16a(5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2023/2413 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42).
( 55 ) Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 113), tas‑17 ta’ Marzu 2021, One Voice u Ligue pour la protection des oiseaux (C‑900/19, EU:C:2021:211, punt 30), u tad‑29 ta’ Lulju 2024, ASCEL (C‑436/22, EU:C:2024:656, punti 65 u 74).
( 56 ) Ara l-punt 41 iktar ’il fuq.
( 57 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Spanja (Lontra) (C‑221/04, EU:C:2005:777, punt 52).
( 58 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Azienda Agro-Zootecnica Franchini u Eolica di Altamura (C‑2/10, EU:C:2011:502, punti 49 u 50).
( 59 ) Sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 1987, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (247/85, EU:C:1987:339, punt 7), tas‑7 ta’ Marzu 1996, Associazione Italiana per il WWF et (C‑118/94, EU:C:1996:86, punt 21), u tal‑11 ta’ Novembru 2010, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (C‑164/09, EU:C:2010:672, punt 28).
( 60 ) Sentenzi tat‑8 ta’ Ġunju 2006, WWF Italia et (C‑60/05, EU:C:2006:378, punt 34), u tat‑23 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il-Finlandja (Kaċċa fir-Rebbiegħa għall-Edredun Raġel) (C‑217/19, EU:C:2020:291, punt 66).
( 61 ) Sentenza tat‑8 ta’ Lulju 1987, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (247/85, EU:C:1987:339, punt 56).
( 62 ) Bayerische Staatsforste, Je kälter und trockener, desto besser, https://www.baysf.de/de/medienraum/themenspecials/forstwirtschaft-im-winterwald.html.
( 63 ) Ara l-punt 75 iktar ’il fuq.
( 64 ) Ara l-punt 91 iktar ’il fuq.
( 65 ) Sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 1979, Hauer (44/79, EU:C:1979:290, punt 23), tal‑14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match (C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 72), tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising vs Il‑Kummissjoni u BĊE (C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 70).
( 66 ) Sentenzi tal‑15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 114), tat‑13 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑530/11, EU:C:2014:67, punt 70), u tas‑27 ta’ Jannar 2022, Sātiņi‑S (C‑234/20, EU:C:2022:56, punti 64 u 65).
( 67 ) Sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, Ministerstvo životního prostředí (Pappagalli Makawi Blu) (C‑659/20, EU:C:2022:642, punt 64).
( 68 ) Premessa 7 tad-Direttiva dwar l-għasafar kif ukoll is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 1987, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (247/85, EU:C:1987:339, punt 9), tas‑7 ta’ Marzu 1996, Associazione Italiana per il WWF et (C‑118/94, EU:C:1996:86, punt 20), tat‑8 ta’ Ġunju 2006, WWF Italia et (C‑60/05, EU:C:2006:378, punt 24), u tat‑2 ta’ Marzu 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Ġestjoni u Prattika Tajba tal-Foresti) (C‑432/21, EU:C:2023:139, punt 73).