KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fit-3 ta’ April 2025 ( 1 )

Kawża C‑713/23

Jakub Cupriak-Trojan,

Mateusz Trojan

vs

Wojewoda Mazowiecki,

fil-preżenza ta’

Prokurator Prokuratury Okręgowej w Krakowie M. C.,

Prokurator Regionalny w Warszawie

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Żwieġ bejn żewġ ċittadini tal-Unjoni tal-istess sess – Obbligu għall-Istat Membru ta’ oriġini ta’ dawn iċ-ċittadini li jirrikonoxxi u li jittraskrivi l-att ta’ żwieġ stabbilit fi Stat Membru ieħor – Leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali tal-Istat Membru ta’ oriġini li ma taċċettax ir-rikonoxximent u l-iskrizzjoni f’reġistru tal-istat ċivili ta’ att ta’ żwieġ bejn persuni tal-istess sess”

I. Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(2)(a) u tal-Artikolu 21(1) TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 7 u mal-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 2 ), kif ukoll mal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38/KE ( 3 ).

2.

Hija tifforma parti mill-ġurisprudenza attwali tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rikonoxximent ta’ atti jew ta’ deċiżjonijiet li jbiddlu l-identità ta’ ċittadin tal-Unjoni, miksuba fi Stat Membru ospitanti, għall-finijiet tal-iskrizzjoni tagħhom fir-reġistri tal-istat ċivili tal-Istat Membru ta’ oriġini ( 4 ).

3.

Il-Qorti tal-Ġustizzja issa hija mitluba tiddeċiedi jekk testendix għall-atti ta’ żwieġ il-ġurisprudenza tagħha dwar l-iskrizzjoni għall-istat ċivili tal-kunjom jew tal-bidla ta’ identità tal-ġeneru miksuba fi Stat Membru ieħor, b’mod partikolari meta l-Istat Membru ta’ oriġini tal-persuna kkonċernata, li huwa dak tal-post tat-twelid tagħha, ma jirrikonoxxix u saħansitra jipprojbixxi iż-żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess. F’perspettiva iktar ġenerali, hija l-kwistjoni tal-limitu tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam li tqum, peress li r-regoli dwar iż-żwieġ u dwar l-istat ċivili jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri u d-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax din il-kompetenza.

4.

Fl-Istat tad-dritt pożittiv, inqis li r-risposta għandha tiġi kkwalifikata. L-Istat Membru ta’ oriġini ta’ ċittadin tal-Unjoni għandu jirrikonoxxi ż-żwieġ li dan iċ-ċittadin ikun ikkonkluda fi Stat Membru ieħor ma’ persuna tal-istess sess, anki meta l-iskop ma jkunx li jinkiseb mill-ewwel Stat Membru dritt ta’ residenza dderivat, jew karta tal-identità, jew anki passaport. Min-naħa l-oħra, l-obbligu li dan l-att jiġi iskritt f’reġistru tal-istat ċivili għandu jibqa’ fil-kompetenza ta’ kull wieħed mill-Istati Membri. Għaldaqstant, huma għandhom jiddeċiedu jekk tali iskrizzjoni hijiex l-uniku mezz sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 7 tal-Karta, interpretat fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 5 ).

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

5.

L-Artikolu 21(1) TFUE huwa fformulat kif ġej:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u ddispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq.”

6.

Skont l-Artikolu 7 tal-Karta, intitolat “Ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja”:

“Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha.”

B.   Id-dritt Pollakk

7.

L-Artikolu 18 tal-Konstytucja Rzeczypospolitej Polskiej (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja):

“Ir-Repubblika tal-Polonja tħares u tipproteġi ż-żwieġ bħala unjoni tal-mara u tar-raġel, il-familja, il-maternità u l-kwalita ta’ ġenituri.”

8.

L-Artikolu 47 tal-Kostituzzjoni jipprovdi:

“Kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ġuridika tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, tad-dinjità tagħha u tar-reputazzjoni tagħha, u għandha d-dritt li tiddeċiedi dwar il-ħajja personali tagħha.”

9.

L-Artikolu 1(1) tal-ustawa Kodeks rodzinny i opiekuńczy (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Familja u tat-Tutela) ( 6 ), tal‑25 ta’ Frar 1964, fil-verżjoni kkonsolidata ( 7 ) tagħha, kif emendata, jipprevedi:

“Iż-żwieġ jiġi kkuntrattat meta raġel u mara li jkunu preżenti simultanjament jiddikjaraw quddiem il-kap tal-uffiċċju tal-istat ċivili li jingħaqdu permezz tar-rabtiet taż-żwieġ.”

10.

L-Artikolu 3 tal-ustawa Prawo o aktach stanu cywilnego (il-Liġi dwar l-Atti tal-Istat Ċivili) ( 8 ), tat‑28 ta’ Novembru 2014, fil-verżjoni kkonsolidata ( 9 ) tagħha, huwa fformulat kif ġej:

“L-atti tal-istat ċivili jikkostitwixxu l-unika prova tal-fatti li huma kkonstatati fihom; id-distorsjoni tagħhom tista’ tiġi pprovata biss fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja.”

11.

Skont l-Artikolu 104 ta’ din il-liġi:

“1.   Dokument ta’ stat ċivili barrani li jikkostitwixxi l-prova ta’ avveniment u tar-reġistrazzjoni tiegħu jista’ jiġi ttrasferit fir-reġistru tal-istat ċivili permezz ta’ traskrizzjoni.

2.   It-traskrizzjoni tikkonsisti f’riproduzzjoni fidila u letterali tal-kontenut tad-dokument tal-istat ċivili barrani, kemm fil-livell lingwistiku kif ukoll f’dak formali, mingħajr ebda bidla fil-grafika tal-ismijiet u tal-kunjomijiet tal-persuni msemmija fid-dokument tal-istat ċivili barrani.

[…]

5.   It-traskrizzjoni hija obbligatorja meta ċittadin Pollakk imsemmi f’dokument dwar stat ċivili barrani huwa detentur ta’ att ta’ stat ċivili li jattesta avvenimenti preċedenti, stabbilit fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja, u meta l-imsemmi ċittadin jitlob l-eżekuzzjoni ta’ miżura li taqa’ taħt ir-reġistrazzjoni tal-istat ċivili, jew jitlob dokument ta’ identità Pollakk jew numru PESEL [ ( 10 )].

[…]”

12.

L-Artikolu 105(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Il-kontenut tad-dokument tal-istat ċivili barrani għandu jiġi ttrasferit fir-Reġistru tal-Istat Ċivili permezz ta’ att materjali u tekniku; isir riferiment għat-traskrizzjoni fl-att ta’ stat ċivili.”

13.

L-Artikolu 107 tal-Liġi dwar l-Istat Ċivili jipprevedi:

“Il-Kap tal-Uffiċċju tal-Istat Ċivili għandu jirrifjuta li jwettaq it-traskrizzjoni fil-każ fejn:

[…]

3)

din tmur kontra l-prinċipji fundamentali tal-ordinament ġuridiku tar-Repubblika tal-Polonja.”

14.

L-Artikolu 7 tal-ustawa Prawo prywatne międzynarodowe (il-Liġi dwar id-Dritt Internazzjonali Privat) ( 11 ), tal‑4 ta’ Frar 2011, fil-verżjoni kkonsolidata ( 12 ) tagħha, jipprovdi kif ġej:

“Ma tiġix applikata l-liġi barranija fil-każ fejn l-implimentazzjoni tagħha tipproduċi effetti kuntrarji għall-prinċipji fundamentali tal-ordinament ġuridiku tar-Repubblika tal-Polonja.”

15.

Skont l-Artikolu 1138 tal-ustawa Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) ( 13 ), tas‑17 ta’ Novembru 1964, fil-verżjoni kkonsolidata ( 14 ) tagħha:

“Id-dokumenti pubbliċi barranin għandhom l-istess saħħa probatorja bħad-dokumenti pubbliċi Pollakki. […]”

III. Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16.

Jakub Cupriak-Trojan, ta’ nazzjonalità Pollakka u ta’ nazzjonalità Ġermaniża, u Mateusz Trojan, ta’ nazzjonalità Pollakka, iżżewġu f’Berlin (il-Ġermanja) fis‑6 ta’ Ġunju 2018 u attwalment jirrisjedu fil-Polonja ( 15 ). Sussegwentement għaż-żwieġ tagħhom, J. Cupriak-Trojan iddeċieda li jżid ma’ kunjomu ta’ twelid, konformement mal-liġi Ġermaniża, il-kunjom ta’ twelid tal-konjuġi tiegħu ( 16 ). Mid-deċiżjoni tal-Kierownik Urzędu Stanu Cywilnego m.st. Warszawy (il-Kap tal-Uffiċċju tal-Istat Ċivili ta’ Varsavja, il-Polonja), meħuda fuq it-talba ta’ J. Cupriak-Trojan, kunjomu ta’ twelid huwa identiku fil-Polonja.

17.

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Awwissu 2019, il-Kap tal-Uffiċċju tal-Istat Ċivili ta’ Varsavja, li jżomm l-atti ta’ twelid tagħhom, ċaħad it-talba ta’ J. Cupriak-Trojan u ta’ M. Trojan għall-finijiet tat-traskrizzjoni tal-att ta’ żwieġ Ġermaniż tagħhom għar-raġuni li d-dritt Pollakk ma jipprevedix iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess. Huwa qies li t-traskrizzjoni ta’ tali att tikser il-prinċipji fundamentali tal-ordinament ġuridiku Pollakk.

18.

Il-Wojewoda Mazowiecki (il-Provinċja ta’ Mazowsze, il-Polonja), li quddiemha tressqet azzjoni amministrattiva ta’ J. Cupriak-Trojan u ta’ M. Trojan, ikkonfermat din id-deċiżjoni billi kkonstatat ukoll kontradizzjoni bejn il-forma Ġermaniża tal-att taż-żwieġ u l-ekwivalenti Pollakka tagħha. Hija kkunsidrat, minn naħa, li, fil-każ ta’ traskrizzjoni ta’ att ta’ żwieġ Ġermaniż, il-Kap tal-Uffiċċju tal-Istat Ċivili għandu jittraskrivi l-ismijiet u l-kunjomijiet taż-żewġt irġiel, li wieħed minnhom jissemma taħt it-taqsima “mara”. Min-naħa l-oħra, fil-Polonja, peress li ż-żwieġ jista’ jiġi konkluż biss bejn raġel u mara, ikun illegali li żewġ irġiel jiġu iskritti għall-istat ċivili bħala konjuġi.

19.

Permezz ta’ sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2020, il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Varsavja, il-Polonja) ċaħdet l-azzjoni ġudizzjarja ppreżentata minn J. Cupriak-Trojan u M. Trojan għar-raġuni, b’mod partikolari, li la l-Kostituzzjoni u lanqas il-liġijiet Pollakki ma jipprevedu li jistgħu jeżistu flimkien fl-ordni pubbliku nazzjonali żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess u dawk bejn persuni ta’ sess differenti. Għalhekk, l-effetti tat-traskrizzjoni ta’ att ta’ żwieġ barrani bejn persuni tal-istess sess jiksru l-prinċipji fundamentali tal-ordinament ġuridiku Pollakk, fis-sens tal-Artikolu 107(3) tal-Liġi dwar l-Atti tal-Istat Ċivili. Din il-qorti qieset ukoll li r-rifjut ta’ traskrizzjoni ma jiksirx l-Artikoli 8 u 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 17 ), moqrija flimkien mal-Artikolu 12 tagħha u mal-Artikolu 21(1) TFUE, peress li t-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna kwistjoni ta’ stat ċivili mingħajr rabta mad-dritt ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru.

20.

J. Cupriak-Trojan u M. Trojan ippreżentaw appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), il-qorti tar-rinviju, li fil-kuntest tiegħu huma ressqu talba għal rinviju preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 21(1) tal-Karta kif ukoll tal-Artikolu 21 TFUE. Filwaqt li tikkonstata l-bżonnijiet espressi mir-rikorrenti, ċittadini tal-Unjoni, fir-rigward tal-intenzjoni tagħhom li jiċċaqilqu u li jirrisjedu fil-Polonja billi jużaw l-istat ċivili li jirriżulta miż-żwieġ tagħhom fil-Ġermanja, inkluż il-bdil tal-kunjom sussegwenti għal wieħed minnhom, kif ukoll l-assenza ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tat-traskrizzjoni ta’ att ta’ żwieġ, din il-qorti għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(2)(a) u tal-Artikolu 21(1) TFUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 21(1) tal-Karta. L-imsemmija qorti tippreċiża li, wara li tkun ħadet konjizzjoni tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija jkollha teżamina jekk l-assenza ta’ dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni Pollakka li jipprevedu l-possibbiltà li jiġi rreġistrat żwieġ ta’ persuni tal-istess sess teskludix l-obbligu li jiġu rrikonoxxuti ċerti effetti tal-konklużjoni ta’ tali żwieġ.

21.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(2)(a) u tal-Artikolu 21(1) TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 7 u mal-Artikolu 21(1) tal-[Karta], kif ukoll mal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva [2004/38], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li tiegħu ċittadin tal-Unjoni Ewropea għandu n-nazzjonalità, li jkun daħal fi żwieġ ma’ ċittadin ieħor ieħor tal-Unjoni (persuna tal-istess sess) f’wieħed mill-Istati Membri, konformement mal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat, jistgħu jirrifjutaw li jirrikonoxxu u li jinkludu dan l-att taż-żwieġ permezz tat-traskrizzjoni tiegħu fir-reġistru nazzjonali tal-istat ċivili, billi jipprekludu lil dawn il-persuni milli jirrisjedu fl-imsemmi Stat taħt l-istat ċivili u taħt l-istess kunjom, minħabba li d-dritt tal-Istat ospitanti ( 18 ) ma jipprevedix iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess?”

22.

J. Cupriak-Trojan u M. Trojan, il-Provinċja ta’ Mazowsze, il-Prokurator Regionalny w Warszawie (il-Prosekutur Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), il-Prokurator Prokuratury Okręgowej w Warszawie (il-Prosekutur tad-Distrett ta’ Varsavja, il-Polonja), il-Gvern Pollakk, Ġermaniż, Spanjol, Ungeriż u Olandiż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

23.

Waqt is-seduta li nżammet fit‑3 ta’ Diċembru 2024, dawn il-partijiet, bl-eċċezzjoni tal-Provinċja ta’ Mazowsze, ippreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom u wieġbu għall-mistoqsijiet għal tweġiba orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

IV. Analiżi

24.

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 20 u l-Artikolu 21(1) TFUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta ( 19 ), għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni jew il-prassi ta’ Stat Membru li la tippermetti li jiġi rrikonoxxut iż-żwieġ ta’ ċittadin tal-Unjoni, konkluż legalment fi Stat Membru ieħor waqt l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tiegħu, u lanqas li l-att ta’ żwieġ tiegħu jiġi traskritt f’reġistru tal-istat ċivili, għar-raġuni li ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess ma huwiex previst fl-ewwel Stat Membru.

25.

It-tilwima tirrigwarda r-rikonoxximent mill-awtoritajiet kompetenti fil-Polonja ta’ żwieġ konkluż fil-Ġermanja bejn żewġ ċittadini Pollakki li wieħed minnhom huwa wkoll ċittadin Ġermaniż, sabiex l-att ta’ żwieġ jiġi traskritt f’reġistru tal-istat ċivili Pollakk.

26.

Peress li huma legalment miżżewġin fi Stat Membru differenti minn dak li stabbilixxa l-att ta’ twelid tagħhom, huma jistgħu jinvokaw drittijiet relatati mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni ( 20 ), inkluż fir-rigward tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom ( 21 ).

27.

Fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-istat tal-persuni, li jaqgħu taħt ir-regoli dwar iż-żwieġ, huwa materja li taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, u d-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax din il-kompetenza. Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, kull Stat Membru għandu jirrispetta d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà rrikonoxxuta lil kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq u li jirrisjedi fit-territorju tal-Istati Membri, filwaqt li jirrikonoxxi, għal dan l-għan, l-istat tal-persuni stabbiliti fi Stat Membru ieħor konformement mad-dritt tiegħu ( 22 ).

28.

Skont dawn il-prinċipji, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat fuq żewġ livelli differenti, fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu fil-qasam tal-istat ċivili, skont jekk dan jikkonċernax l-identità ta’ ċittadin tal-Unjoni, li huwa jkun kiseb, jew rabtiet li huwa seta’ jistabbilixxi, fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu.

29.

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-każ ta’ żwieġ ( 23 ) jew ta’ stabbiliment ta’ filjazzjoni ( 24 ), li r-rabtiet li jirriżultaw minn atti ta’ żwieġ jew ta’ twelid stabbiliti fi Stat Membru kellhom jiġu rrikonoxxuti biss għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet li l-persuni kkonċernati jisiltu mid-dritt tal-Unjoni ( 25 ), mingħajr obbligu għall-Istati Membri l-oħra li dan ir-rikonoxximent jipproduċi effetti fil-qasam tal-istat ċivili ( 26 ).

30.

Min-naħa l-oħra, meta d-deċiżjoni jew l-att legalment stabbiliti fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini kienu jirrigwardaw elementi ta’ identifikazzjoni taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat irreġistrati fl-att ta’ twelid tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rifjut ta’ Stat Membru li jirrikonoxxi u li jirreġistra f’reġistru tal-istatus ċivili l-kunjom jew l-isem, jew ukoll il-bdil tal-identità ta’ ġeneru miksuba minn ċittadin ta’ dan l-Istat Membru jista’ jostakola l-eżerċizzju tad-dritt, stabbilit fl-Artikolu 21 TFUE, ta’ moviment u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri ( 27 ).

31.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija bbażata essenzjalment fuq il-konstatazzjoni li, “il-ġeneru, bħall-isem, jiddefinixxi l-identità u l-istatus personali ta’ persuna”, u li, għaldaqstant, ir-rifjut fi Stat Membru li jirrikonoxxi l-bidliet tagħhom miksuba minn ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru ieħor huwa ta’ natura li joħloq għal dan iċ-ċittadin inkonvenjenzi serji ta’ natura amministrattiva, professjonali u privata, fis-sens tal-ġurisprudenza tiegħu ( 28 ).

32.

B’estensjoni ta’ din il-ġurisprudenza, inqis li l-assenza ta’ kwalunkwe rikonoxximent fi Stat Membru tar-rabta matrimonjali stabbilita bejn żewġ persuni tal-istess sess irreġistrata fi Stat Membru ieħor toħloq restrizzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt li jirriżulta mill-Artikolu 21(1) TFUE. Din ir-restrizzjoni tiġġustifika l-limitazzjoni stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam ta’ stat personali, anki jekk, fil-fehma tiegħi, għandhom jiġu eżerċitati drittijiet li, kuntrarjament għall-kawżi li taw lok għas-sentenzi Coman u Pancharevo, ma humiex ikkonkretizzati fid-Direttiva 2004/38 ( 29 ). Iċ-ċittadini tal-Unjoni, bħal J. Cupriak-Trojan u M. Trojan li s-sitwazzjoni tagħhom taqa’ taħt l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 30 ), għandhom ikunu jistgħu jirrisjedu u jiċċaqalqu liberament fit-territorju tal-Istati Membri kif ukoll waqt ir-ritorn tagħhom fl-Istat Membru ta’ oriġini ( 31 ) tagħhom filwaqt li jiġu rikonoxxuti bħala persuni miżżewġa.

33.

Fil-fatt, f’din is-sitwazzjoni, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja ggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta huwa wkoll fundamentali.

34.

Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-dritt iggarantit fl-Artikolu 7 tagħha għandu l-istess sens u l-istess portata bħal dak iggarantit fl-Artikolu 8 tal-KEDB.

35.

Issa, fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ibbażata fuq dan l-Artikolu 8, minbarra dik imfakkra fis-sentenza Coman ( 32 ), għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza tagħha tat‑12 ta’ Diċembru 2023, Przybyszewska et vs Il‑Polonja ( 33 ), din il-qorti ddeċidiet, billi ħadet inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-ġurisprudenza tagħha kif iċċarata u kkonsolidata fis-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2023, Fedotova et vs Ir‑Russja ( 34 ), li r-Repubblika tal-Polonja kienet marret lil hinn mill-marġni ta’ evalwazzjoni tagħha u kienet naqset milli twettaq l-obbligu pożittiv tagħha li tiżgura li r-rikorrenti jkollhom kuntest legali speċifiku li jiggarantixxi r-rikonoxximent u l-protezzjoni tal-unjonijiet ta’ persuni tal-istess sess. L-imsemmija qorti kkonkludiet li dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li minħabba fih kien impossibbli għar-rikorrenti li jirregolaw ċerti aspetti fundamentali tal-ħajja tagħhom, jikkostitwixxi ksur tad-dritt tagħhom għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħhom ( 35 ). Insostenn ta’ din id-deċiżjoni, hija fakkret li:

hija kienet ikkonfermat diversi drabi li l-Artikolu 8 tal-KEDB kien applikabbli kemm fl-aspetti tiegħu ta’ “ħajja privata” kif ukoll ta’ “ħajja tal-familja” f’kawżi li jikkonċernaw l-allegata assenza ta’ rikonoxximent ġuridiku u/jew ta’ protezzjoni ta’ koppji tal-istess sess ( 36 );

hija kienet iddeċidiet li l-indisponibbiltà ta’ sistema legali ta’ rikonoxximent u ta’ protezzjoni tal-koppji tal-istess sess taffettwa kemm l-identità personali kif ukoll l-identità soċjali tar-rikorrenti bħala persuni tal-istess sess li jixtiequ li r-relazzjonijiet ta’ koppji tagħhom ikunu leġittimati u protetti mil-liġi ( 37 ), u

l-Artikolu 8 tal-KEDB jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw ir-rikonoxximent u l-protezzjoni ġuridika ta’ koppji tal-istess sess billi jistabbilixxu “kunest legali speċifiku” ( 38 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

36.

Minn dan jirriżulta li, ġewwa l-Unjoni, huma l-Istati Membri, meta ma jipprevedux, jew saħansitra jipprojbixxu, fid-dritt nazzjonali tagħhom l-istituzzjoni taż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess, li għandhom jistabbilixxu proċeduri adegwati sabiex jiġu rrikonoxxuti r-rabtiet hekk stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali obbligu ta’ rikonoxximent ma jiksirx l-identità nazzjonali u lanqas ma jhedded l-ordni pubbliku tal-Istat Membru kkonċernat ( 39 ).

37.

Madankollu, dan l-obbligu ta’ rikonoxximent taż-żwieġ skont id-dritt tal-Unjoni għandu jkollu bħala effett, fuq l-istess bażi, jiġifieri b’mod partikolari l-Artikolu 21 TFUE, li jimponi fuq l-Istat Membru ta’ oriġini li jirreġistra f’reġistru tal-istat ċivili att ta’ żwieġ miksub legalment miċ-ċittadin(i) tiegħu fi Stat Membru ieħor, minkejja li ebda dispożizzjoni nazzjonali ma tippermetti dan, jew saħansitra meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprojbixxi dan, f’kundizzjonijiet ekwivalenti ( 40 )?

38.

Infakkar li, fl-istat attwali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligi tal-Istati Membri fil-qasam tal-istat ċivili jirrigwardaw biss id-determinazzjoni tal-identità ta’ ċittadin tal-Unjoni ( 41 ).

39.

Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li konfużjonijiet u inkonvenjenzi jistgħu joħolqu diverġenza bejn żewġ kunjomijiet jew ismijiet miġjuba mill-istess persuna jew żewġ identitajiet ta’ ġeneru rreġistrati peress li diversi azzjonijiet tal-ħajja ta’ kulljum, fil-qasam kemm pubbliku kif ukoll privat, jeżiġu li tiġi prodotta l-prova tal-identità tagħha stess ( 42 ) u, fir-rigward ta’ familja, il-prova tan-natura tar-rabtiet eżistenti bejn il-membri differenti tagħha ( 43 ). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet billi ħadet inkunsiderazzjoni riskju konkret, inerenti għad-differenza tal-elementi essenzjali għall-identifikazzjoni ta’ persuna, li għandu jitneħħa kull dubju fir-rigward tal-identità tagħha kif ukoll tal-awtentiċità tad-dokumenti li hija tippreżenta jew il-veraċità tal-informazzjoni li tinsab fiha. Dawn il-kunsiderazzjonijiet kienu kkunsidrati wkoll fil-każ ta’ bidla tal-kunjom tal-konjuġi wara żwieġ konkluż legalment minn ċittadini tal-Unjoni fi Stat Membru li ma huwiex dak tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom ( 44 ), li ma huwiex irrikonoxxut minnu. Għalhekk, f’każ ta’ bdil ta’ kunjom ta’ wieħed jew taż-żewġ konjuġi, ma jista’ jkun hemm ebda diffikultà oħra, billi dan il-kunjom ġdid għandu jiġi rrikonoxxut f’kull wieħed mill-Istati Membri ( 45 ).

40.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tal-kwalità ta’ persuna miżżewġa, din ma tistax tirriżulta waqt passi li joħolqu drittijiet minħabba s-sempliċi fatt li jintuża kunjom komuni, sa fejn dan ikun il-każ. Konsegwentement, taħt liema kundizzjonijiet, skont id-dritt tal-Unjoni, l-iskrizzjoni taż-żwieġ f’reġistru tal-istat ċivili ta’ Stat Membru għandha tiġi imposta fuqu, filwaqt li l-leġiżlazzjoni tiegħu la tipprevedi l-konklużjoni fit-territorju tiegħu ta’ żwieġ bejn persuni tal-istess sess u lanqas ir-reġistrazzjoni tiegħu meta dan ikun ġie konkluż fi Stat Membru ieħor, irrispettivament minn jekk waħda mill-persuni miżżewġin tkun jew ma tkunx ċittadina tal-ewwel Stat Membru ( 46 )?

41.

Il-ġustifikazzjoni tal-kwalità ta’ “persuna miżżewġa” tippermetti liċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati, b’mod partikolari waqt ir-ritorn tagħhom fl-Istati Membri ta’ oriġini tagħhom ( 47 ), li jibbenefikaw mill-effett utli tad-drittijiet li jisiltu mill-Artikolu 21(1) TFUE ( 48 ). Għalhekk, hemm lok, fil-fehma tiegħi, li jiġi stabbilit minn qabel il-kuntest li fih l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-istat ċivili għandu jiġi evalwat.

42.

Fir-rigward tad-drittijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari d-Direttiva 2004/38 ( 49 ), għandu jiġi enfasizzat li ċ-ċittadin tal-Unjoni ma għandux għalfejn jiġġustifika l-kwalità tiegħu ta’ “persuna miżżewġa” sabiex jiċċaqlaq liberament fit-territorju tal-Istati Membri ( 50 ). Huwa biss id-dritt ta’ residenza tal-konjuġi inkwantu membru tal-familja ( 51 ) li jirriskja li jiġi ostakolat min-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ din il-kwalità ( 52 ). Issa, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fis-sentenza Coman, li ebda obbligu fil-qasam tal-istat tal-persuni ma seta’ jiġi impost fuq l-Istat Membru ta’ residenza ( 53 ). Din id-deċiżjoni, li kienet tikkonċerna konjuġi, ċittadin ta’ pajjiż terz, hija trasponibbli fil-każ ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru ospitanti. Konsegwentement, f’dan il-kuntest, l-għażla tal-metodu ta’ reġistrazzjoni tal-att ta’ żwieġ barrani għall-finijiet tal-awtorizzazzjoni ta’ residenza taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri.

43.

Fir-rigward tad-dritt tal-persuni tal-istess sess miżżewġin li jgħixu ħajja tal-familja mingħajr ma jkunu kkonfrontati b’ostakoli amministrattivi ( 54 ), nenfasizza li d-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda konkretament l-eżerċizzju minn ċittadini nazzjonali ta’ drittijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, it-talba ta’ J. Cupriak-Trojan u ta’ M. Trojan sabiex l-att taż-żwieġ tagħhom jiġi traskritt fir-reġistri tal-istat ċivili hija intiża sabiex tkun tista’ tiġġustifika l-kwalità tagħhom ta’ “konjuġi” speċjalment fil-Polonja ( 55 ).

44.

Fil-fatt, minkejja li, skont il-leġiżlazzjoni Pollakka applikabbli, it-traskrizzjoni tal-att ta’ żwieġ barrani ma hijiex obbligatorja fil-każ ta’ twettiq ta’ formalitajiet amministrattivi tal-ħajja ta’ kuljum ( 56 ) u li dan l-att, eżentat minn kull legalizzazzjoni jekk ikun ġie stabbilit fi Stat Membru, għandu jipproduċi effetti probatorji ekwivalenti għal dawk tal-atti Pollakki ( 57 ), dawn ir-regoli ma humiex, fil-prattika, applikati mill-awtoritajiet kompetenti. Barra minn hekk il-Gvern Pollakk irrikonoxxa fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu kkompletati waqt is-seduta li t-traskrizzjoni tal-att ta’ żwieġ hija l-uniku mezz kif jingħelbu d-diffikultajiet invokati mill-persuni tal-istess sess miżżewġin barra mill-pajjiż, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom.

45.

Fl-assenza ta’ soluzzjonijiet alternattivi fil-Polonja, bħall-kunsinna ta’ kull dokument uffiċjali ( 58 ) ieħor li jista’ jiġi rrikonoxxut mid-dipartimenti amministrattivi Pollakki, l-obbligu li l-att ta’ żwieġ barrani jiġi traskritt f’reġistru tal-istat ċivili huwa għalhekk impost fuq dan l-Istat Membru.

46.

Madankollu, minħabba dan il-kuntest partikolari u, a fortiori, fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 ( 59 ), l-obbligu ta’ iskrizzjoni f’reġistru tal-istat ċivili ta’ att ta’ żwieġ stabbilit fi Stat Membru ma jistax, fil-fehma tiegħi, jiġi impost fuq kull Stat Membru ieħor jekk iż-żwieġ jipproduċi l-effetti tiegħu mingħajr ma jkun neċessarju li titwettaq din il-formalità.

47.

Barra minn hekk, id-deċiżjoni li kull Stat Membru għandu li jiddefinixxi l-mezzi xierqa sabiex jiġi ggarantit id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja ta’ koppji tal-istess sess hija konkordanti mal-portata tad-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 8 tal-KEDB, kif iddefinita mill-Qorti EDB.

48.

Fis-sentenza Przybyszewska et vs Il‑Polonja, fir-rigward tal-obbligu li jiġi stabbilit “kuntest legali speċifiku” ( 60 ), il-Qorti EDB għamlet il-preċiżazzjonijiet li ġejjin:

sal-lum, l-Artikoli 8, 12 u 14 tal-KEDB ma ġewx interpretati bħala li jimponu fuq l-Istati partijiet obbligu pożittiv li jqiegħdu ż-żwieġ għad-dispożizzjoni tal-koppji tal-istess sess ( 61 );

il-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Istati partijiet hija kunsiderevolment imnaqqsa meta jkollha tingħata lill-koppji tal-istess sess il-possibbiltà ta’ rikonoxximent u ta’ protezzjoni ġuridiċi. Hija iktar wiesgħa għall-“għażla tal-mezzi” sabiex jiġu ssodisfatti l-obbligi pożittivi inerenti għall-Artikolu 8 tal-KEDB ( 62 ), u

peress li l-KEDB ma għandhiex l-għan li tiggarantixxi drittijiet teoretiċi jew illużorji, iżda drittijiet prattiċi u effettivi, huwa importanti li l-protezzjoni mogħtija mill-Istati partijiet lill-koppji tal-istess sess tkun adegwata. F’dan is-sens, il-Qorti EDB tindika li hija diġà setgħet tagħmel riferiment f’ċerti sentenzi għal kwistjonijiet, b’mod partikolari materjali (manteniment, fiskali jew tas-suċċessjoni) jew ġuridiċi (drittijiet u dmirijiet ta’ assistenza reċiproka), relatati ma’ ħajja ta’ koppja li jkun ta’ vantaġġ għalihom li jiġu rregolati fil-kuntest ta’ dispożizzjoni legali miftuħa għall-koppji tal-istess sess ( 63 ).

49.

Fir-rigward tal-assenza, fid-dritt Pollakk, ta’ kwalunkwe possibbiltà ta’ rikonoxximent ġuridiku u ta’ protezzjoni ta’ koppji tal-istess sess, ikkonstatata mill-Qorti EDB ( 64 ), din irrilevat li, minkejja ċerti żviluppi pożittivi tal-ġurisprudenza f’dan il-qasam, is-sħab tal-istess sess ma jkunux fil-pożizzjoni li jirregolaw aspetti fundamentali tal-ħajja tagħhom, bħal dawk relatati mal-proprjetà, mal-manteniment, mat-tassazzjoni u mad-drittijiet fil-qasam tas-suċċessjoni, bħala koppja uffiċjalment irrikonoxxuta. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, huma ma jistgħux jinvokaw l-eżistenza tar-relazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi. Il-Qorti EDB iddeċidiet li, konformement mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà li fuqu hija bbażata l-KEDB, ma huwiex il-kompitu tagħha li tiddetermina hija stess il-qafas ġuridiku li għandu jiġi applikat għall-koppji tal-istess sess ( 65 ).

50.

Preċiżament, fir-rigward tar-reġistrazzjoni taż-żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess ikkuntrattati barra mill-pajjiż, il-Qorti EDB irrilevat, fis-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2017, Orlandi et vs L‑Italja ( 66 ), l-assenza ta’ kunsens fl-Ewropa, li jikkonferma li l-Istati għandhom bħala prinċipju jibbenefikaw minn marġni ta’ evalwazzjoni wiesgħa fir-rigward tad-deċiżjoni dwar jekk jirreġistrawx jew le, bħala żwiġijiet, dawk li kienu ġew ikkuntrattati barra mill-pajjiż ( 67 ).

51.

F’din is-sentenza Orlandi et vs L‑Italja, il-Qorti EDB ikkonkludiet, fil-paragrafu 210, li l-Istat Taljan ma setax raġonevolment jinjora s-sitwazzjoni tar-rikorrenti – li kienu persuni tal-istess sess miżżewġin skont il-liġi ta’ Stat barrani –, li kienet tikkorrispondi għal ħajja tal-familja fis-sens tal-Artikolu 8 tal-KEDB, u jastjeni milli joffrilhom mezz sabiex jipproteġu r-relazzjoni tagħhom. Peress li, sas-sena 2016, l-awtoritajiet Taljani kienu astjenew milli jirrikonoxxu din is-sitwazzjoni u milli joffru l-inqas forma ta’ protezzjoni għall-unjoni tar-rikorrenti, il-Qorti EDB ikkonkludiet li l-Istat Taljan ma applikax ekwilibriju ġust bejn l-interessi kompetituri inkwistjoni ( 68 ). Il-Qorti EDB kkunsidrat li dan l-Istat ma kienx ta lir-rikorrenti kuntest legali speċifiku li jista’ jirrikonoxxi u li jipproteġi l-unjonijiet tagħhom bejn persuni tal-istess stess, bi ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB. L-obbligu li kellu l-Istat ma kienx ġie estiż għall-obbligu li jirreġistra ż-żwieġ ikkuntrattat barra mill-pajjiż bħala żwieġ fl-Italja, peress li dan il-pajjiż ma jirrikonoxxix iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess.

52.

Fl-istess sens, reċentement ħafna, fis-sentenza Formela et vs Il‑Polonja, il-Qorti EDB ikkonkludiet li, billi rrifjutaw li jirreġistraw iż-żwiġijiet tar-rikorrenti taħt kwalunkwe forma li tkun u billi ma żgurawx li huma jkollhom kuntest legali speċifiku li jipprevedi r-rikonoxximent u l-protezzjoni tal-unjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet Pollakki ħallewhom f’lakuna legali u ma ssodisfawx il-ħtiġijiet essenzjali ta’ rikonoxximent u ta’ protezzjoni tal-koppji tal-istess sess li jinsabu f’relazzjoni stabbli u serja ( 69 ).

53.

Konsegwentement, ir-rekwiżit speċifiku ta’ traskrizzjoni jew, b’mod iktar ġenerali, ta’ iskrizzjoni tal-att taż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess stabbilit fi Stat Membru f’reġistru tal-istat ċivili tal-Istat Membru ta’ oriġini tal-persuna jew persuni kkonċernati ma jidhirlix li jista’ jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 70 ), sabiex tingħata protezzjoni iktar wiesgħa minn dik misluta mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB. Għalhekk inqis li għandu japplika l-prinċipju stabbilit minnha. Minn dan niddeduċi li kull Stat Membru huwa kompetenti sabiex jiddefinixxi l-modalitajiet adegwati sabiex jiżgura lill-koppji tal-istess sess rikonoxximent uffiċjali li jagħtihom eżistenza u leġittimità fil-konfront tad-dinja esterna, sabiex nuża t-termini tas-sentenza Przybyszewska et vs Il‑Polonja ( 71 ), mingħajr ma jkun obbligat li jagħmel iskrizzjoni f’reġistru tal-istat ċivili tal-atti ta’ żwieġ bejn persuni tal-istess sess jekk tali żwiġijiet ma jkunux previsti fid-dritt ta’ dan l-Istat Membru.

54.

Għalhekk, f’dan il-każ, it-traskrizzjoni tal-att ta’ żwieġ Ġermaniż fir-reġistri tal-istat ċivili Pollakk tapplika skont partikolaritajiet nazzjonali, hekk kif dan jirriżulta minn osservazzjonijiet tal-Gvern Pollakk ( 72 ). Madankollu, li jiġi ammess li jista’ jintuża kunjom ta’ użu komuni għaż-żewġ konjuġi jista’ jkun ukoll, f’ċerti sitwazzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum, mezz kif jiġi ssodisfatt dan ir-rekwiżit li jiġi organizzat ir-reklamar taż-żwieġ fir-rigward ta’ terzi. L-istess japplika għall-possibbiltà li jiġi prodott fi Stat Membru l-att ta’ żwieġ stabbilit fi Stat Membru ieħor, tradott u eżentat mil-leġiżlazzjoni, minħabba l-valur probatorju li huwa rrikonoxxut lilu skont id-dritt tal-Unjoni ( 73 ).

55.

Jidhirli li distinzjoni bejn l-obbligu ta’ rikonoxximent ta’ żwieġ bejn persuni tal-istess sess legalment konkluż fl-Istat Membru ospitanti, minn naħa, u l-obbligu ta’ iskrizzjoni tal-att ta’ żwieġ f’reġistru tal-istat ċivili tal-Istat Membru ta’ oriġini, min-naħa l-oħra, tippermetti li tiġi adottata interpretazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE fl-osservanza stretta tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. Fuq din il-bażi, din id-distinzjoni hija koerenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-atti tal-istat ċivili stabbiliti fi Stat Membru, li jikkonċernaw koppji tal-istess sess jew uliedhom, li għandhom jipproduċu l-effetti tagħhom fi Stat Membru ieħor li ma għandux tali sitwazzjonijiet legali.

56.

Soluzzjoni kuntrarja tista’ tkun ibbażata biss fuq l-affermazzjoni li d-dritt tal-Unjoni jirrikonoxxi libertà ta’ moviment u ta’ residenza liċ-ċittadini tal-Unjoni, li tista’ tiġi eżerċitata mingħajr limitu fil-qasam tal-istat tal-persuni, minbarra dik tal-abbuż ta’ dritt. Issa, b’mod partikolari, fil-qasam taż-żwieġ, tqum il-kwistjoni dwar jekk din tapplikax fis-sitwazzjonijiet li fihom ir-rifjut tar-reġistrazzjoni tal-att ta’ żwieġ barrani jkun ibbażat fuq raġunijiet oħra għajr l-assenza ta’ differenza tas-sess tal-konjuġi ( 74 ).

57.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tgħaddi, fil-qasam tal-istat ċivili, minn approċċ tal-prinċipju ta’ moviment liberu taċ-ċittadin tal-Unjoni limitat għall-identità tiegħu għal approċċ ibbażat biss fuq id-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja tiegħu. Dan id-dritt isir prinċipju li jinsab fid-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza u li huwa sseparat minn kull dritt idderivat ( 75 ), flimkien, jekk ikun il-każ, mal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali.

58.

Nosserva, minn naħa, li, anki f’sitwazzjoni li fiha l-aħjar interessi tal-wild kellhom jipprevalu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx azzjoni f’dan is-sens ( 76 ).

59.

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, fil-qasam ta’ filjazzjoni, il-Kummissjoni fasslet proposta għal regolament ( 77 ) intiż li jimponi fuq l-Istati Membri li jirrikonoxxu l-filjazzjoni ta’ wild kif stabbilita fi Stat Membru ieħor għal finijiet nazzjonali differenti mill-eżerċizzju ta’ drittijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu.

60.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-iskrizzjoni ta’ att ta’ żwieġ konkluż fi Stat Membru bejn żewġ persuni tal-istess sess li tal-inqas waħda minnhom tkun ċittadina tal-Unjoni, f’reġistru tal-istat ċivili ta’ Stat Membru ieħor li ma jirrikonoxxix tali żwieġ, ma tistax tintalab skont id-dritt tal-Unjoni, sakemm dan ma jkunx l-uniku mezz sabiex tiġi ġġustifikata l-kwalità tagħha ta’ persuna miżżewġa. Fi kliem ieħor, l-obbligu ta’ iskrizzjoni f’reġistru tal-istat ċivili marbut mal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza impost fuq l-Istati Membri għandu, fil-fehma tiegħi, jibqa’ limitat għall-każijiet fejn jeżisti dubju dwar l-identità tal-persuna taċ-ċittadin tal-Unjoni u li dan jista’ jitneħħa biss b’dan il-mezz.

V. Konklużjoni

61.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja) kif ġej:

L-Artikolu 20 u l-Artikolu 21(1) TFUE, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li tiegħu ċittadin tal-Unjoni jkollu n-nazzjonalità li ma tippermettix li jiġi traskritt f’reġistru tal-istat ċivili l-att ta’ żwieġ tiegħu ma’ persuna tal-istess sess, stabbilit legalment fi Stat Membru ieħor, matul l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tiegħu, meta jkunu jeżistu mezzi oħra fl-ewwel Stat Membru sabiex jiġi żgurat lill-persuni tal-istess sess rikonoxximent taż-żwieġ tagħhom fir-rigward ta’ terzi.

Min-naħa l-oħra, dawn jipprekludu leġiżlazzjoni jew il-prassi ta’ Stat Membru li tiegħu ċittadin tal-Unjoni jkollu n-nazzjonalità li ma tippermettix li jiġi rrikonoxxut, bi kwalunkwe mezz jew dokument li jiġġustifika rabta matrimonjali u l-kunjom magħżul mill-persuni miżżewġin, iż-żwieġ tiegħu konkluż legalment fi Stat Membru ieħor ma’ persuna tal-istess sess, matul l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tiegħu, għar-raġuni li l-ewwel Stat Membru ma jipprevedix tali żwieġ.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

( 4 ) Fis-sens li l-Istat Membru ta’ oriġini huwa dak li ċ-ċittadin tal-Unjoni tiegħu għandu n-nazzjonalità. Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza Coman”, EU:C:2018:385, punt 31).

( 5 ) Iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”.

( 6 ) Dz. U. tal‑1964, Nru 9, pożizzjoni 59.

( 7 ) Dz. U. tal‑2020, pożizzjoni 1359.

( 8 ) Dz. U. tal‑2014, pożizzjoni 1741.

( 9 ) Dż. U. tal‑2023, pożizzjoni 1378, iktar ’il quddiem il- “Liġi dwar l-Atti tal-Istat Ċivili”.

( 10 ) Numru ta’ identifikazzjoni ta’ persuni fiżiċi ta’ nazzjonalità Pollakka.

( 11 ) Dz U. tal‑2011, Nru 80, pożizzjoni 432.

( 12 ) Dz U. tal‑2023, pożizzjoni 503.

( 13 ) Dz. U. tal‑1964, Nru 43, pożizzjoni 296.

( 14 ) Dz. U. tal‑2023, pożizzjoni 1550, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”.

( 15 ) Għalkemm il-qorti tar-rinviju tindika li huma jirrisjedu fil-Ġermanja, ir-rikorrenti, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom u waqt is-seduta, ippreċiżaw li dan ma għadux il-każ. Huma jgħixu u jaħdmu attwalment fil-Polonja, u dan sa mix-xahar ta’ Diċembru 2021.

( 16 ) Matul is-seduta, J. Cupriak-Trojan u l-Gvern Ġermaniż indikaw li, fil-Ġermanja, huwa kunjom normali li l-konjuġi jista’ juża bħala riżultat taż-żwieġ tiegħu, filwaqt li, fil-Polonja, dan jikkonsisti fi bdil tal-kunjom ta’ twelid, jew identiku għal dak tal-konjuġi, jew permezz ta’ żieda ta’ kelma komuni, kif il-Gvern Pollakk ikkonferma.

( 17 ) Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-“KEDB”.

( 18 ) Fid-dawl tad-definizzjoni tal-espressjoni “Stat Membru ospitanti” li tinsab fil-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, jiġifieri “l-Istat Membru li jmur fih ċittadin ta’ l-Unjoni sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u residenza”, u tal-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, dan huwa l-Istat Membru ta’ oriġini.

( 19 ) Filwaqt li nirreferi għas-sentenza Coman (punti 17 u 28), nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-eżami tagħha għall-eżistenza ta’ ostakolu għall-eżerċizzju mill-persuni kkonċernati tad-dritt għall-moviment liberu u għar-residenza fir-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħhom iktar milli għall-eżistenza ta’ diskriminazzjoni.

( 20 ) Minħabba kull waħda min-nazzjonalitajiet tagħhom, huma jgawdu, skont l-Artikolu 20(1) TFUE, mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Mirin (C‑4/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza Mirin”, EU:C:2024:845, punti 5051 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Il-fatt li persuni ċittadini ta’ Stat Membru jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li tiegħu għandhom ukoll in-nazzjonalità huwa irrilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Freitag (C‑541/15, EU:C:2017:432, punt 34).

( 21 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mirin (punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Ara s-sentenza Coman (punti 36 sa 38) u, fl-istess sens, is-sentenza Mirin (punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Ara s-sentenza Coman (punt 45).

( 24 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2021, Stolichna obshtina, rayon “Pancharevo” (C‑490/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza Pancharevo, EU:C:2021:1008, punti 4546).

( 25 ) Fis-sentenza Coman, din kienet tirrigwarda r-rikonoxximent ta’ żwieġ bejn persuni tal-istess sess għall-finijiet ta’ għoti lill-konjuġi, ċittadin ta’ pajjiż terz, ta’ dritt ta’ residenza dderivat (punti 45 u 46), ibbażat fuq l-Artikolu 21 TFUE (punt 23) u mogħti skont kundizzjonijiet analogi għal dawk previsti mid-Direttiva 2004/38 (punt 25). Fis-sentenza Pancharevo, kien inkwistjoni r-rikonoxximent ta’ rabta ta’ filjazzjoni stabbilita fir-rigward ta’ żewġ ommijiet, ċittadini tal-Unjoni, fl-att ta’ twelid tal-wild tagħhom għall-finijiet tal-kisba ta’ karta ta’ identità jew ta’ passaport (ara l-punti 46, 49, 56 u 57).

( 26 ) Fis-sentenza Pancharevo, il-Qorti tal-Ġustizzja qajmet il-prinċipju tar-rikonoxximent minn kull Stat Membru tal-att ta’ twelid stabbilit fi Stat Membru ieħor, iżda biss għall-finijiet tal-ħruġ ta’ karta tal-identità jew ta’ passaport. Minn dan ma ġie dedott l-ebda obbligu fil-qasam tal-istat ċivili nazzjonali, u dan anki jekk il-wild ikun ċittadin tal-Istat Membru kkonċernat (punti 45 u 50). Ara wkoll, għall-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza għall-każ ta’ rifjut mill-awtoritajiet Pollakki li joħorġu dokument tal-ivvjaġġar għal wild Pollakk li l-att ta’ twelid tiegħu maħruġ mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru jindika bħala l-ġenituri tiegħu żewġ persuni tal-istess sess, minħabba l-impossibbiltà ta’ traskrizzjoni minn qabel ta’ dan l-att, id-digriet tal‑24 ta’ Ġunju 2022, Rzecznik Praw Obywatelskich (C‑2/21, EU:C:2022:502, punti 43, 4452).

( 27 ) Ara s-sentenza Mirin (punti 54, 55 u 57).

( 28 ) Ara s-sentenza Mirin (punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 ) Ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 30 ) Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 31 ) Ara s-sentenza Pancharevo (punt 47).

( 32 ) Ara l-punt 50.

( 33 ) CE:ECHR:2023:1212JUD001145417, iktar ’il quddiem is-“sentenza Przybyszewska et vs Il‑Polonja”, mogħtija mill-ewwel sezzjoni, komposta minn seba’ mħallfin. Il-kawża li tat lok għal din is-sentenza, li toriġina mill-għażla ta’ żwieġ ta’ koppji tal-istess sess (punti 4 u 106), tirrigwarda l-assenza, fid-dritt Pollakk, ta’ kull possibbiltà ta’ rikonoxximent ġuridiku u ta’ protezzjoni tar-relazzjoni tal-koppji tal-istess sess (punt 107). Ara, ukoll fl-istess sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Formela et vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2024:0919JUD005882812), iktar ’il quddiem is-“sentenza Formela et vs Il‑Polonja”, mogħtija mill-istess sezzjoni komposta minn tliet imħallfin. Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, ir-rikorsi ta’ żewġ koppji tal-istess sess kellhom bħala suġġett l-assenza ta’ rikonoxximent tar-relazzjonijiet tagħhom bħala koppji fil-Polonja u taż-żwiġijiet tagħhom ikkuntrattati barra mill-pajjiż (punt 10).

( 34 ) CE:ECHR:2023:0117JUD004079210.

( 35 ) Ara s-sentenza Przybyszewska et vs Il‑Polonja (punti 123 u 124).

( 36 ) Ara s-sentenza Przybyszewska et vs Il‑Polonja (punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 37 ) Ara s-sentenza Przybyszewska et vs Il‑Polonja (punt39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 ) Ara s-sentenza Przybyszewska et vs Il‑Polonja (punti 98 u 103 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 39 ) Ara s-sentenza Coman (punt 46).

( 40 ) Approssimazzjoni tas-sentenza Mirin (punt 57).

( 41 ) Ara l-punti 30 u 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 42 ) Ara s-sentenza Mirin (punti 54 sa 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 43 ) Ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Sayn-Wittgenstein (C‑208/09, EU:C:2010:806, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Freitag (C‑541/15, EU:C:2017:432, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 44 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 76). F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-kawża prinċipali, infakkar li l-Gvern Pollakk spjega waqt is-seduta li, fid-dritt nazzjonali, il-konjuġi għandhom il-possibbiltà li jbiddlu l-kunjom billi jissostitwixxu l-kunjom ta’ wieħed minnhom mal-kunjom mat-twelid tagħhom jew billi jżiduh ma’ dan il-kunjom. Skont il-Gvern Ġermaniż, l-istess possibbiltà teżisti fid-dritt nazzjonali, iżda biss bħala użanza. Il-kunjom mat-twelid ma jinbidilx. Ara, ukoll, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 45 ) Ara l-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għalhekk, il-bidla miksuba minn J. Cupriak-Trojan fil-Polonja għandha tipproduċi l-istess effetti fil-Ġermanja.

( 46 ) Waqt is-seduta, il-Gvern Pollakk spjega li l-att ta’ żwieġ bejn ċittadini ta’ Stati Membri oħra li fihom iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess huwa ammess ma jistax jiġi rreġistrat fil-Polonja, filwaqt li t-traskrizzjoni ta’ tali att hija possibbli għal persuni ta’ sess differenti.

( 47 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Coman (punti 24, 32, 40 u 53).

( 48 ) Ara l-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 49 ) Ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 50 ) Ara l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/38. F’dan ir-rigward, il-Gvern Pollakk ippreċiża waqt is-seduta li ż-żwieġ la jissemma fil-passaport u lanqas fil-karta ta’ identità nazzjonali. Barra minn hekk, nosserva li, f’dan il-każ, fir-rigward ta’ ċittadini nazzjonali, maġġorenni, li jkollhom dokumenti tal-ivvjaġġar li ma jostakolawx il-libertà ta’ moviment tagħhom, ebda dritt ibbażat fuq id-Direttiva 2004/38 f’dan ir-rigward ma huwa invokat. Dan għandu jiġi pparagunat mas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fis-sentenzi Coman u Pancharevo. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 51 ) Ara s-sentenza Coman (punti 33 sa 35).

( 52 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 73). Għandu jiġi nnotat li dan ma huwiex il-każ għal J. Cupriak-Trojan u għal M. Trojan, li jgħixu fil-Polonja. Bħala ċittadini tal-Unjoni, il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza għal kull wieħed minnhom ma hijiex kompromessa fl-Istat ta’ oriġini tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 37), kif ukoll id-digriet tal‑24 ta’ Ġunju 2022, Rzecznik Praw Obywatelskich (C‑2/21, EU:C:2022:502, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata)).

( 53 ) Ara s-sentenza Coman (punti 45 sa 46). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li r-rikonoxximent ta’ żwieġ bejn persuni tal-istess sess huwa limitat biss għall-finijiet tal-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat lil ċittadin ta’ pajjiż terz.

( 54 ) Ara l-punti 32 u 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 55 ) Ir-rikorrenti sostnew li huma ma jistgħux ikomplu l-ħajja tal-familja tagħhom fil-Polonja taħt l-istess kundizzjonijiet bħal fil-Ġermanja. Huma taw dawn l-eżempji li jikkonċernaw il-Polonja: l-ewwel nett, mill-bidu tax-xahar ta’ Marzu sal-bidu ta’ Settembru 2022, filwaqt li kien jirrisjedi fil-Polonja, J. Cupriak-Trojan kien bla xogħol u ma kienx kopert mill-assigurazzjoni għall-mard pubblika. Matul dan il-perijodu, M. Trojan kien jgħix u jaħdem fil-Polonja. Issa, il-konjuġi li huwa impjegat għandu l-possibbiltà li jipprovdi kopertura ta’ assigurazzjoni għall-mard lill-konjuġi tiegħu li ma huwiex. B’hekk, M. Trojan ma kellux din il-possibbiltà, peress li ż-żwieġ tar-rikorrenti ma għandux effett fil-Polonja, tant li J. Cupriak-Trojan ġie mċaħħad mill-assigurazzjoni għall-mard pubblika matul dan il-perijodu kollu. It-tieni nett, wara ż-żwieġ fil-Ġermanja, J. Cupriak-Trojan talab li l-kliem ta’ kunjomu jiġi aġġornat, fir-reġistru tal-artijiet, għall-proprjetajiet immobiljari li jappartjenu lilu fil-Polonja. Il-qorti kompetenti, għal waħda mill-proprjetajiet immobiljari tiegħu, ċaħdet din it-talba minħabba li l-att ta’ żwieġ bejn persuni tal-istess sess ma kienx aċċettat. Min-naħa l-oħra, qorti oħra laqgħet din it-talba għal tieni proprjetà immobiljara oħra u rreġistrat il-bidla ta’ kunjomu. Ara, ukoll, il-konstatazzjonijiet tal-istess natura tal-Qorti EDB fis-sentenza Przybyszewska et vs Il‑Polonja (punti 102 u 108) u fis-sentenza Formela et vs Il‑Polonja (punt 24).

( 56 ) Ara l-Artikolu 104(5) tal-Liġi dwar l-Atti tal-Istat Ċivili, iċċitat fil-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 57 ) Ara l-Artikolu 1138 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, iċċitat fil-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/1191 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Lulju 2016 dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini permezz tas-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta’ ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU 2016, L 200, p. 1). Ara, ukoll, l-Artikolu 9 u l-Anness IV ta’ dan ir-regolament li jinkludi l-formola standard multilingwi dwar iż-żwieġ. Din il-formola tiffaċilita t-traduzzjoni tad-dokument pubbliku relatat maż-żwieġ. Ara, għal paragun, il-formola B annessa mal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar l-Istat Ċivili (CIEC) Nru 16, dwar il-Ħruġ ta’ Estratti Plurilingwi ta’ Atti tal-Istat Ċivili, iffirmata fi Vjenna fit‑8 ta’ Settembru 1976, li r-Repubblika tal-Polonja aderixxiet magħha.

( 58 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Pancharevo (punt 50).

( 59 ) Ara l-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 60 ) Ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 61 ) Ara s-sentenza Przybyszewska et vs Il‑Polonja (punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 62 ) Ara s-sentenza Przybyszewska et vs Il‑Polonja (punti 100 u 101 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 63 ) Ara s-sentenza Przybyszewska et vs Il‑Polonja (punt 102 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 64 ) Ara s-sentenza Przybyszewska et vs Il‑Polonja (punt 105) kif ukoll is-sentenza Formela et vs Il‑Polonja (punt27).

( 65 ) Ara s-sentenza Przybyszewska et vs Il‑Polonja (punt 114). Fuq il-marġni ta’ evalwazzjoni iktar wiesgħa li l-Istati partijiet għandhom sabiex jiddeterminaw in-natura eżatta tas-sistema legali li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-koppji tal-istess sess, ara s-sentenza Formela et vs Il‑Polonja (punt 28).

( 66 ) CE:ECHR:2017:1214JUD002643112, iktar ’il quddiem is-“sentenza Orlandi et vs L‑Italja” (punt 205). Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, l-ilmenti mqajma skont l-Artikolu 8 tal-KEDB kienu jirrigwardaw prinċipalment ir-rifjut fl-Italja li jiġi rreġistrat iż-żwieġ ikkuntrattat barra mill-pajjiż, kemm jekk bħala żwieġ jew taħt kull forma oħra, li kien iċaħħad lill-persuni kkonċernati minn kull protezzjoni ġuridika jew minn drittijiet konnessi (ara l-punt 191),

( 67 ) Fil-paragrafu 205 tas-sentenza Orlandi et vs L‑Italja, il-Qorti EDB ippreċiżat li, skont l-informazzjoni ta’ dritt komparattiv li hija kellha, limitata għal sebgħa u għoxrin pajjiż li ma jawtorizzawx iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess, tlieta biss minnhom kienu jawtorizzaw ir-reġistrazzjoni tagħhom. Għal iktar dettalji, ta’ Lulju 2015, ara l-istess sentenza Orlandi et vs L‑Italja (punt 113). Għandhom jiġu approssimati punti ta’ liġi komparata dwar ir-rikonoxximent legali ta’ koppji tal-istess sess, mingħajr madankollu preċiżazzjonijiet oħra dwar l-istat ċivili, esposti fis-sentenza tal-Qorti EDB tas‑17 ta’ Jannar 2023, Fedotova et vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2023:0117JUD004079210, punti 65 sa 67), li hemm riferiment għalihom fis-sentenza Przybyszewska et vs Il‑Polonja (punt 31).

( 68 ) Ara, f’dan l-istess sens, is-sentenza Formela et vs Il‑Polonja, li tirrigwarda wkoll l-assenza ta’ rikonoxximent u ta’ reġistrazzjoni ta’ atti ta’ żwiġijiet konklużi barra mill-pajjiż (punti 10, 22, 25 u 29).

( 69 ) Ara s-sentenza Formela et vs Il‑Polonja (punt 26).

( 70 ) Ara l-punti 27 sa 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 71 ) Ara punt 109 in fine.

( 72 ) Ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 73 ) Ara f’dan is-sens, il-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Caisse nationale d’assurance pension (C‑731/21, EU:C:2022:969, punti 39 sa 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 74 ) Bħal, pereżempju, il-kapaċità għaż-żwieġ, ix-xoljiment tal-unjonijiet preċedenti, jew id-differenza fl-età bejn il-persuni miżżewġa, irregolati minn dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali privat.

( 75 ) Ara, f’dan l-istess sens, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Stolichna obshtina, rayon Pancharevo (C‑490/20, EU:C:2021:296, punti 99100).

( 76 ) Ara s-sentenza Pancharevo (punti 45 u 50), u d-digriet tal‑24 ta’ Ġunju 2022, Rzecznik Praw Obywatelskich (C‑2/21, EU:C:2022:502, punti 43, 4452).

( 77 ) Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni, id-dritt applikabbli, ir-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni ta’ strumenti awtentiċi fi kwistjonijiet tal-istat ta’ ġenitur [filjazzjoni] u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tal-Istat ta’ ġenitur (COM(2022) 695 final).