Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fit‑8 ta’ Mejju 2025 (1)
Kawża C‑698/23 P
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD)
vs
Il-Parlament Ewropew
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
bl-intervent ta’:
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
Ir-Repubblika Franċiża
Il-Kummissjoni Ewropea
“Appell – Dritt istituzzjonali – Ipproċessar ta’ data personali mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) – Regolament (UE) 2016/794 – Regolament (UE) 2022/991 – Prerogattivi istituzzjonali tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) – Rikors għal annullament – Locus standi – Artikolu 263 TFUE”
1. Dan l-appell jikkonċerna d-digriet tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Settembru 2023, Il‑KEPD vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (2), li ddikjara inammissibbli r-rikors għal annullament imressaq mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) kontra l-Artikoli 74a u 74b tar-Regolament (UE) 2016/794 (3), kif emendat bir-Regolament (UE) 2022/991 (4).
2. Fir-rikors tiegħu lill-Qorti Ġenerali, il-KEPD kien argumenta li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jillegalizzaw retroattivament ċerti prattiki ta’ protezzjoni tad-data tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), li l-KEPD innifsu kien irreaġixxa kontrihom f’deċiżjoni tat‑3 ta’ Jannar 2022.
3. Għall-KEPD, l-effettività tad-deċiżjoni tiegħu tat‑3 ta’ Jannar 2022 kontra l-Europol tkun de facto annullata bis-saħħa tar-riforma tar-Regolament 2016/794 imwettqa bir-Regolament 2022/991. Fil-fehma tiegħu, id-dispożizzjonijiet il-ġodda (5) jiksru l-indipendenza tiegħu u jimminaw is-setgħat tiegħu bħala awtorità superviżorja.
4. Fid-digriet kkontestat hawnhekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-qosor, li l-KEPD:
– ma jgawdix il-leġittimità mogħtija lill-Istati Membri u lil ċerti istituzzjonijiet tal-Unjoni mit-tieni u mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.
– jista’ jikkontesta biss il-validità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati jekk jissodisfa r-rekwiżiti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li ma huwiex il-każ hawnhekk.
I. Il-fatti li wasslu għall-kawża
5. Il-fatti li wasslu għall-kawża huma deskritti fil-punti 2 sa 13 tad-digriet appellat, li minnu ser nittraskrivi dan li ġej:
“2 Wara investigazzjoni ex officio u deċiżjoni ta’ ċanfira tas‑17 ta’ Settembru 2020, il-KEPD adotta, fit‑3 ta’ Jannar 2022, deċiżjoni kontra l-[Europol] skont l-Artikolu 43(3)(e) tar-Regolament Europol inizjali, li tikkonstata li ‘[b]illi tipprovdi għall-ħażna kontinwa ta’ settijiet ta’ data mingħajr kategorizzazzjoni, il-pjan ta’ azzjoni ppreżentat mill-Europol ma [kienx] jirrigwarda l-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni ta’ ċanfira tas‑17 ta’ Settembru 2020’ u li ‘[l]-ipproċessar mill-Europol ta’ settijiet ta’ data mingħajr kategorizzazzjoni […] bl-għan biss li tinkiseb informazzjoni rilevanti skont l-Artikolu 18(3) u (5) u fl-Anness II.B tar-Regolament Europol [inizjali] [(6)], kif ukoll il-prinċipji ta’ minimizzazzjoni tad-data u ta’ limitazzjoni taż-żamma tad-data ([A]rtikolu 28 (1)(c) u (e) tar-Regolament Europol [inizjali]), ma [setax] jeċċedi perijodu massimu ta’ sitt xhur mid-data tal-wasla tal-kontribuzzjoni [oriġinali] tal-Europol]’.
– 3 Sabiex iwettaq dan ir-raġunament, il-KEPD ippreċiża b’mod partikolari li, ‘[f]l-assenza ta’ dispożizzjoni legali espliċita li tistabbilixxi l-perijodu taż-żamma tad-data personali pproċessata għal dan l-għan, […] [kellha] tingħata interpretazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 18(6) tar-Regolament [Europol inizjali]’ [(7)].
– 4 Għalhekk, mid-deċiżjoni tat‑3 ta’ Jannar 2022 jirriżulta li l-KEPD ordna lill-Europol, essenzjalment, li twettaq, għal kull kontribuzzjoni rċevuta mill‑4 ta’ Jannar 2022, il-kategorizzazzjoni tal-persuni kkonċernati fis-sens tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament Europol inizjali f’terminu ta’ sitt xhur mid-data tal-wasla tal-kontribuzzjoni u f’terminu ta’ tnax-il xahar għas-settijiet ta’ data eżistenti fit‑3 ta’ Jannar 2022, termini li warajhom il-Europol kienet obbligata tħassar din id-data.
[…]
– 8 Fit‑8 ta’ Ġunju 2022, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw ir-Regolament Europol emendat. Il-formulazzjoni tal-Artikoli 74a u 74b ġiet ikkonfermata f’dan ir-regolament.
– 9 Dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu, essenzjalment, il-kundizzjonijiet li fihom il-Europol kellha tipproċedi, f’terminu determinat, għall-kategorizzazzjoni tas-settijiet ta’ data fil-pussess tagħha fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Europol emendat u jippreċiżaw il-kundizzjonijiet u l-proċeduri li bihom l-ipproċessar ta’ data personali mhux relatata mal-kategoriji ta’ suġġetti tad-data elenkati fl-Anness II tar-Regolament Europol emendat u li kienet ġiet ittrasferita lil Europol qabel it‑28 ta’ Ġunju 2022 kellu jiġi awtorizzat bħala appoġġ għal investigazzjoni kriminali li tkun għaddejja.
[…]
– 10 Fil‑15 ta’ Ġunju 2022, il-KEPD, peress li qies li l-portata tad-deċiżjoni tiegħu tat‑3 ta’ Jannar 2022 u tal-Artikoli 74a u 74b tar-Regolament Europol emendat ma kinitx l-istess, talab lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jipprovdulu dokumenti li jikkonċernaw l-eżistenza ta’ rabta bejn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Europol emendat u l-eżerċizzju preċedenti tas-setgħat ta’ kontroll tiegħu. Il-Parlament u l-Kunsill wieġbu għal din it-talba permezz ta’ ittri tat‑12 ta’ Lulju u tal‑25 ta’ Lulju 2022 rispettivament.
– 11 Fid-dokument Nru 5370/22 tal-Kunsill tal‑24 ta’ Jannar 2022 dwar it-tħejjija għat-trilogu, huwa ppreċiżat li ‘[i]d-deċiżjoni reċenti tal-[KEPD,] li jista’ jkollha konsegwenzi operattivi għall-azzjoni tal-Europol, tikkonferma l-ħtieġa ta’ adozzjoni rapida tar-Regolament’, li ‘[i]l-Presidenza pproponiet lid-delegazzjonijiet biex jintroduċu Artikolu 74[a] ġdid bl-għan li tiġi ċċarata aktar is-sitwazzjoni tad-data attwalment fil-pussess tal-Europol, b’mod partikolari fil-kuntest tad-deċiżjoni tal-KEPD tat‑3 ta’ Jannar 2022 imsemmija iktar ’il fuq’ u li ‘[b]osta delegazzjonijiet laqgħu b’mod favorevoli l-prinċipji ta’ din il-proposta fil-laqgħa tad‑19 ta’ Jannar [2022,] iżda l-approvazzjoni mill-Kumitat hija neċessarja minħabba l-preżentazzjoni reċenti tiegħu u l-importanza li dan is-suġġett jirrappreżenta wara d-deċiżjoni tal-KEPD’.
– 12 Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Lulju 2022, il-KEPD staqsa lill-Europol jekk, fid-dawl tal-Artikoli 74a u 74b tar-Regolament Europol emendat, id-deċiżjoni tiegħu tat‑3 ta’ Jannar 2022 kinitx għadha tiġi implimentata jew jekk il-Europol kinitx tqis li l-imsemmija artikoli kienu ssostitwixxew jew emendaw il-portata ta’ din id-deċiżjoni.
– 13 Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Awwissu 2022, Europol irrispondiet lill-KEPD, essenzjalment, li hija kompliet timplimenta ċerti punti tad-deċiżjoni tat‑3 ta’ Jannar 2022, iżda li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tikkummenta f’dan l-istadju dwar is-sitwazzjoni fit‑3 ta’ Jannar 2023 u dwar is-sottomissjoni ta’ rapporti ta’ implimentazzjoni ġodda skont din id-deċiżjoni. Din l-ittra ssemmi wkoll il-fatt li l-Artikoli 74a u 74b tar-Regolament Europol emendat ma ġewx applikati għal ċerti kontribuzzjonijiet li kienu tħassru”.
II. Il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet ikkontestat
6. Fir-rikors tiegħu ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, il-KEPD talab l-annullament tad-dispożizzjonijiet tranżitorji kkontestati.
7. Fir-risposta tiegħu, il-Parlament talab lill-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors.
8. Min-naħa tiegħu, il-Kunsill qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-appell ibbażata fuq “[…] żewġ motivi […] minn naħa, li r-rikors huwa inammissibbli minħabba li l-KEPD ma jissemmiex fit-tieni u fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jew ukoll abbażi tas-sentenza […] Il‑Parlament vs Il‑Kunsill [(8)] […] u, min-naħa l-oħra, li l-KEPD ma huwiex direttament u individwalment ikkonċernat fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE” (9).
9. Rigward din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-KEPD iddeċieda:
– “prinċipalment, li l-locus standi tiegħu għall-annullament skont l-Artikolu 263 TFUE huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li jkun jista’ jkollu azzjoni ġudizzjarja sabiex jiddefendi l-prerogattivi istituzzjonali tiegħu, b’mod partikolari l-indipendenza tiegħu bħala awtorità superviżorja skont l-Artikolu 8(3) tal-Karta, kif ukoll l-ekwilibriju istituzzjonali bejn ir-rwol ta’ awtoritajiet superviżorji u dak ta’ leġiżlatur. F’dan ir-rigward, huwa jippreċiża li għandu locus standi skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza [Il‑Parlament vs Il‑Kunsill], li għandha tiġi applikata f’dan il-każ b’analoġija, peress li dik is-sentenza turi li l-protezzjoni tal-prerogattivi istituzzjonali tippermetti, eċċezzjonalment, lil istituzzjoni tiddefendi dawn mingħajr ma jkun neċessarju li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà applikabbli għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE” (10).
– “[…] sussidjarjament, il-KEPD isostni li huwa kkonċernat direttament u individwalment mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, li huwa għandu interess ċar u attwali li jiġu annullati […]” (11).
10. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-KEPD għar-raġunijiet li ġejjin:
– L-ewwel, għalkemm il-KEPD huwa korp tal-Unjoni bi status speċjali, ma huwiex elenkat fost ir-rikorrenti msemmija fit-tieni u fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u lanqas fil-lista tal-istituzzjonijiet fl-Artikolu 13(1) TUE.
– It-tieni, fir-rigward tal-invokazzjoni mill-KEPD tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, il-locus standi mogħti lill-Parlament f’dak iż-żmien huwa spjegat mill-ħtieġa li timtela l-lacuna li kienet teżisti dak iż-żmien minħabba n-nuqqas ta’ rimedji kontra atti ta’ istituzzjonijiet oħra li jistgħu jimminaw il-prerogattivi tal-Parlament. Fil-każ tal-KEPD, madankollu, issa jista’ jippreżenta rikors għal annullament abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, peress li huwa korp maħluq bid-dritt sekondarju u jista’ jiġi assimilat ma’ persuna ġuridika.
– It-tielet, il-KEPD, bħala korp tal-Unjoni, jista’ jiġi assimilat ma’ persuna ġuridika fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Bħala tali, huwa għandu d-dritt li jippreżenta rikors għall-annullament tad-dispożizzjonijiet tranżitorji kkontestati, sakemm dawn ikunu jikkonċernawh direttament u individwalment.
– F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni jimmodifikaw is-sistema legali għall-protezzjoni tad-data, li s-superviżjoni tagħha hija r-responsabbiltà tal-KEPD, iżda ma jaffettwawx in-natura jew l-portata tas-setgħat mogħtija lill-appellant mid-dritt tal-Unjoni, u għalhekk ir-rekwiżit tal-impatt dirett ma jiġix issodisfatt.
– Konsegwentement, peress li d-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni ma jaffettwawx direttament is-sitwazzjoni legali tal-KEPD u r-rekwiżiti ta’ inċidenza diretta u ta’ inċidenza individwali tal-att li huwa mitlub l-annullament tiegħu huma kumulattivi, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li r-rikors huwa, parzjalment inammissibbli u parzjalment manifestament inammissibbli.
III. L-appell u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
11. Fl-appell tiegħu, il-KEPD jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla d-digriet ikkontestat.
– tannulla d-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni.
– tikkundanna lill-konvenuti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż.
12. Il-KEPD jibbaża l-appell tiegħu fuq aggravju prinċipali u ieħor sussidjarju:
– Prinċipalment, jiddenunzja ksur tal-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali, fis-sens tas-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, u tad-dritt tiegħu għal rimedju effettiv għall-protezzjoni tal-prerogattiva tal-indipendenza tiegħu.
– Sussidjarjament, huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li l-KEPD ma kienx affettwat direttament mid-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni, fit-termini meħtieġa mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.
13. Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad l-appell.
– tikkundanna lill-KEPD għall-ispejjeż.
14. Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad l-appell, minħabba li huwa manifestament inammissibbli jew, sussidjarjament, manifestament infondat.
– tikkundanna lill-KEPD għall-ispejjeż.
15. Ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub insostenn tal-Parlament u tal-Kunsill.
16. Wara l-preżentata tar-repliki u tal-kontrorepliki rispettivi, saret seduta pubblika fil‑11 ta’ Marzu 2025, li fih dehru l-KEPD, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni.
IV. Evalwazzjoni
A. Aggravju prinċipali
1. Argumenti tal-partijiet
a) Dwar l-ammissibbiltà
17. Il-Kunsill jargumenta li dan il-motiv huwa inammissibbli, peress li l-KEPD illimita ruħu sabiex jirrepeti l-argumenti tal-ewwel istanza u sabiex jesprimi n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mad-digriet appellat, mingħajr ma identifika b’mod ċar l-iżbalji ta’ liġi kkontestati.
18. Il-KEPD jirrispondi li l-appell tiegħu jidentifika speċifikament il-punti inkwistjoni u li, f’dan il-każ, għandu jikkontesta l-interpretazzjoni tad-dritt magħmula mill-Qorti Ġenerali, li l-motivazzjoni tagħha, barra minn hekk, tkun insuffiċjenti.
b) Fuq il-mertu
19. Il-KEPD isostni li l-Qorti Ġenerali kellha tagħtih locus standi sabiex jikkontesta d-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni, indipendentement mir-rekwiżiti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, peress li altrimenti awtorità superviżorja indipendenti, fis-sens tal-Artikolu 8(3) tal-Karta, tiċċaħħad mid-dritt ta’ appell quddiem qorti sabiex tippreserva ekwilibriju istituzzjonali.
20. Insostenn ta’ din it-talba, il-KEPD irrefera għas-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, li l-Qorti Ġenerali qieset bħala irrilevanti għal raġunijiet li, fl-opinjoni tal-KEPD, huma infondati. Bħall-Parlament fil-każ li ta lok għal dik is-sentenza, il-KEPD bħalissa ma għandu l-ebda rimedju sabiex ikun jista’ jiddefendi l-indipendenza tiegħu, protetta mill-Artikolu 8(3) tal-Karta bħala komponent essenzjali tal-protezzjoni tad-data personali.
21. Għall-KEPD, li wieħed igawdi personalità ġuridika, b’differenza mill-Parlament fil-każ tas-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, ma jistax iċaħħdu mill-possibbiltà li jiddefendi l-indipendenza tiegħu, li hija inevitabbilment kompromessa minħabba n-natura retroattiva tad-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni.
22. Dak li huwa deċiżiv, fl-opinjoni tal-KEPD, huwa li, kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, tiġi ggarantita l-integrità tas-sistema ta’ distribuzzjoni tas-setgħat stabbilita mit-Trattati. Din l-ipoteżi teħtieġ li jkun hemm rimedji aċċessibbli, minbarra lill-istituzzjonijiet, lil korp bħall-KEPD, fl-interess tal-prinċipju tal-bilanċ tas-setgħat.
23. Li l-Qorti Ġenerali naqqset ir-rimedju ta’ kontestazzjoni disponibbli għall-KEPD permezz tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, wassal, skont dan tal-aħħar, għall-ħolqien ta’ lakuna fis-sistema ġurisdizzjonali kollha stabbilita mit-Trattati. Locus standi ġenerali u awtonoma biss tista’ tiżgura d-difiża ġurisdizzjonali tal-prerogattivi tal-KEPD fiċ-ċirkustanzi kollha, mingħajr ma tiddependi fuq konformità ma’ kundizzjonijiet li, bħal dawk tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, iseħħu biss f’każijiet eċċezzjonali ħafna. L-indipendenza tal-KEPD tista’ tiġi affettwata minn miżuri li ma jikkonċernawhx direttament u individwalment, iżda li jkunu kapaċi jinċentivaw riskju ta’ “ubbidjenza mistennija”.
24. Il-KEPD jikkritika wkoll lill-Qorti Ġenerali talli kkonferietlu t-talba ta’ dritt “privileġġjat” sabiex jikkontesta kull leġiżlazzjoni dwar l-ipproċessar ta’ data personali. L-unika intenzjoni tiegħu, għall-kuntrarju, hija li jirrikonoxxi d-dritt tiegħu li jiddefendi l-prerogattiva tal-indipendenza tiegħu, fit-termini tas-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, u f’dan il-punt strett li jopponi l-kontenut ta’ att leġiżlattiv partikolari f’ċirkustanzi speċifiċi ħafna.
25. Il-Parlament u l-Kunsill, b’sostenn mill-Kummissjoni u mill-Gvern Franċiż, jitolbu ċ-ċaħda tal-aggravju prinċipali minħabba li l-KEPD ma jistax jappella għal annullament barra mill-kundizzjonijiet stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.
26. Skont il-Parlament u l-Kunsill, it-termini tal-Artikolu 263 TFUE huma ċari: bir-rieda tal-awturi tat-Trattati, il-KEPD ma jappartjenix għaċ-ċirku ta’ dawk intitolati li jappellaw mingħajr ma jkunu meħtieġa jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tar-raba’ paragrafu ta’ dan l-artikolu.
27. Il-Kunsill jiċħad l-eżistenza tal-lakuna rrappurtata mill-KEPD u jsostni li l-adeżjoni għat-talba tiegħu tippermettilu li potenzjalment jikkontesta kull att leġiżlattiv dwar il-protezzjoni tad-data, li jagħmel diffiċli li l-leġiżlazzjoni tiġi emendata f’dan ir-rigward.
28. Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li jappoġġjaw l-interpretazzjoni tas-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill meħuda mill-Qorti Ġenerali. Huma jenfasizzaw li t-Trattati ma jagħtux lill-KEPD (korp ta’ dritt sekondarju responsabbli għal parti mill-kontroll tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data) prerogattiva paragunabbli ma’ dik diskussa f’dik il-kawża.
29. Il-Kummissjoni targumenta li l-interpretazzjoni sostnuta mill-KEPD tista’ tapplika għall-korpi u għall-organi kollha tal-Unjoni, għad-detriment tal-kundizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Dawn il-kundizzjonijiet, meta jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ma jipprevjenux il-protezzjoni dovuta tad-data personali, li hija r-raġuni aħħarija għall-indipendenza mogħtija lill-KEPD, mingħajr il-ħtieġa li tiġi rikonoxxuta locus standi diretta u ġenerali lil dan tal-aħħar.
30. Fi kwalunkwe każ, il-Parlament isostni li ma kien hemm l-ebda ksur tal-indipendenza tal-KEPD, iżda eżerċizzju leġittimu tas-setgħa leġiżlattiva sabiex jimmodifika l-qafas regolatorju għall-protezzjoni tad-data personali.
2. Analiżi
a) Fuq l-ammissibbiltà
31. Kuntrarjament għall-opinjoni tal-Kunsill, ma nqisx li l-motiv prinċipali għall-appell huwa inammissibbli.
32. Ċertament, appell li sempliċement jirrepeti jew jirriproduċi kelma b’kelma l-motivi u l-argumenti jkunu diġà tressqu quddiem il-Qorti Ġenerali ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 168(1)(d) u l-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (12).
33. Madankollu, skont is-sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, “il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid matul l-appell, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali” (13).
34. Dan huwa l-każ f’din il-kawża. Għalkemm il-KEPD jirrepeti l-argumenti mressqa fl-ewwel istanza sabiex jiġġustifika l-ammissibbiltà tar-rikors tiegħu għal annullament, huwa jagħmel dan bi kritika tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 263 TFUE difiża mill-Qorti Ġenerali. Il-KEPD jidentifika (u jikkritika) il-motivi ta’ dritt tad-digriet appellat, u jindika preċiżament l-argumenti ġuridiċi li jsostnu t-talba tiegħu.
b) Fuq il-mertu
35. Fil-punti 26 sa 35 tad-digriet ikkontestat jidhru r-raġunijiet għalfejn, skont il-Qorti Ġenerali, il-KEPD ma jistax jippreżenta rikors mingħajr ma josserva l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.
36. Il-Qorti Ġenerali tenfasizza li l-KEPD ma huwiex fost l-istituzzjonijiet espressament intitolati, skont l-Artikolu 263 TFUE, a) li jippreżentaw rikorsi dwar in-nuqqas ta’ kompetenza, dwar ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, dwar ksur tat-Trattati jew ta’ xi regola tad-dritt relattiva għall-applikazzjoni tiegħu, jew dwar l-użu skorrett tas-setgħat tagħhom (it-tieni paragrafu); u b) fil-każ ta’ ċerti istituzzjonijiet, li jippreżentaw rikorsi bil-għan li jipproteġu l-prerogattivi tagħhom (it-tielet paragrafu).
37. Il-partijiet mogħtija din is-setgħa huma, speċifikament:
– L-Istati Membri, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jagħtihom locus standi ġenerali.
– Il-Qorti tal-Awdituri, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jistgħu jappellaw sabiex jipproteġu l-prerogattivi tagħhom.
38. Minbarra li ma jinsabx fost il-partijiet imsemmija fit-tieni u fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-KEPD lanqas huwa inkluż fil-lista ta’ istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 13(1) TUE. Bl-eċċezzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni, dawn l-istituzzjonijiet huma l-istess li għalihom it-Trattat FUE irrikonoxxa l-locus standi li hawnhekk jitlob il-KEPD, nieqes minn dik il-lista (14).
39. Il-KEPD huwa korp tal-Unjoni stabbilit minn dispożizzjoni tad-dritt sekondarju (15). Bħala tali, u skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jitqies integrat fil-kunċett ta’ “istituzzjonijiet”: skont l-Artikolu 13(1) TUE, dan il-kunċett jirreferi għal lista preċiża ta’ entitajiet li ma tinkludix il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni (16).
40. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, in fine, “il-legalità ta’ l-atti ta’ korpi jew organi ta’ l-Unjoni maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi” hija suġġetta għall-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, tali korpi u organi ma humiex fost is-suġġetti intitolati li jitolbu l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt it-tieni u t-tielet paragrafu tal-istess Artikolu 263 TFUE.
41. Din hija esklużjoni intenzjonata, peress li, kif tfakkar ġustament il-Qorti Ġenerali, l-inklużjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni fost ir-rikorrenti msemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE turi li, “anki jekk ir-redatturi tat-Trattat ħadu inkunsiderazzjoni suġġetti oħra minbarra l-istituzzjonijiet fil-lista ta’ persuni awtorizzati sabiex jiddefendu l-prerogattivi tagħhom skont din id-dispożizzjoni, huma għażlu li ma jinkludux il-KEPD” (17)
42. Il-KEPD huwa awtorità indipendenti li għandha tissorvelja, skont l-Artikolu 16(2) TFUE, li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni nnifisha jikkonformaw mar-regoli tal-Unjoni f’din il-kwistjoni (18). Din iċ-ċirkustanza tagħmel lill-KEPD korp tal-Unjoni indipendenti, iżda mhux istituzzjoni tal-Unjoni.
43. Il-KEPD ma adixxiex il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jikkontesta d-dispożizzjonijiet il-ġodda, kif kien ikun meħtieġ kieku kien istituzzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 51(b) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżerva għall-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar ir-rikorsi msemmija fl-Artikolu 263 TFUE mressqa, b’mod partikolari, minn istituzzjoni tal-Unjoni kontra att leġiżlattiv. Dan il-mod ta’ kif jaġixxi jiżvela li l-KEPD innifsu ma qiesx lilu nnifsu bħala istituzzjoni tal-Unjoni.
44. Dak li jikkontesta l-KEPD huma, pjuttost, l-argumenti tal-Qorti Ġenerali sabiex tiċħad l-applikazzjoni analoga tas-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, li huma żviluppati fil-punti 38 sa 55 tad-digriet ikkontestat.
45. Il-KEPD għalhekk jidher li jaċċetta, mill-inqas impliċitament, li t-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, iwasslu għas-soluzzjoni preżunta fid-digriet appellat. Madankollu, huwa jqis li, fir-rigward tan-natura letterali ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, għandhom jipprevalu l-kunsiderazzjonijiet li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, sabiex tirrikonoxxi l-locus standi tal-Parlament kif diskuss dakinhar.
46. Madankollu, jiena naqbel mal-opinjoni tal-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt.
47. Il-qari tas-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill iwassal lill-Qorti Ġenerali sabiex “tfakkar” li, fiha, “il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li t-test tal-Artikolu 173 tat-Trattat KEE ma kien joffri lill-Parlament ebda possibbiltà li jikkontesta, quddiem il-qrati tal-Unjoni, l-atti adottati mill-istituzzjonijiet l-oħra li jistgħu jippreġudikaw il-prerogattivi tiegħu stess u hija għażlet li timla din il-lakuna billi tirrikorri għall-prinċipju ġenerali tal-ekwilibriju istituzzjonali” (19).
48. Fis-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li:
– Il-prerogattivi tal-Parlament “jikkostitwixxu wieħed mill-elementi tal-bilanċ istituzzjonali maħluqa mit-Trattati [li] waqqfu sistema ta’ tqassim tal-kompetenzi fost il-varji istituzzjonijiet tal-[Unjoni], li tassenja lil kull isitituzzjoni r-rwol tagħha fl-istruttura istituzzjonali tal-[Unjoni] u t-twettiq tad-dmirijiet mogħtija lilhom” (20).
– Kien meħtieġ li “tiżgura ż-żamma tal-bilanċ istituzzjonali u, konsegwentement, l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ l-osservanza tal-prerogattivi tal-Parlament, meta tintalab tagħmel hekk minn din ta’ l-aħħar, permezz ta’ rimedju ġuridiku adatt għall-għanijiet li l-Parlament irid jilħaq” (21).
– Fl-interess ta’ dan l-obbligu, kienet ir-responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja stess li “tiżgura li d-dispożizzjonijet tat-Trattati li jirrigwardaw il-bilanċ istituzzjonali jiġu applikati kompletament u li l-prerogattivi tal-Parlament, bħal dawk ta’ l-istituzzjonijiet l-oħra, ma jiġux imminati mingħajr ma l-Parlament ikollu rimedju legali, fost dawk previsti fit-Trattati, li jkun jista’ jiġi eżercizzat b’ċertezza u b’mod effettiv” (22).
– “In-nuqqas, fit-Trattati, ta’ kull dispożizzjoni li tipprevedi d-dritt ta’ rikors għal annullament lill-Parlament jista’ tikkostitwixxi lakuna proċedurali, iżda ma jistax jipprevali fuq l-interess fondamentali marbut maż-żamma u l-osservanza tal-bilanċ istituzzjonali pprovdut fit-Trattati kostituttivi tal-Komunitajiet Ewropej” (23).
49. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li “rikors għal annullament imressaq mill-Parlament kontra att tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni huwa ammissibbli, bil-kundizzjoni li l-imsemmi rikors ikun intiż biss biex jissalvagwarda l-prerogattivi tiegħu u li jkun ibbażat biss fuq argumenti li jirrigwardaw il-ksur tagħhom” (24).
50. Iċ-ċirkostanzi tal-KEPD huma differenti ħafna minn dawk li kieku kienu jeżistu, fir-rigward tal-Parlament, fiż-żmien tas-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill.
51. L-ewwel, is-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill tirreferi għall-bilanċ istituzzjonali fir-rigward tat-tqassim tal-kompetenzi “fost il-varji istituzzjonijiet tal-[Unjoni]”. Il-KEPD ma huwiex istituzzjoni tal-Unjoni, kif diġà spjegajt.
52. It-tieni, fix-xenarju kkontemplat mis-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, il-Parlament kellu biss mezzi proċedurali disponibbli “ineffettivi jew inċerti” sabiex jiddefendi l-prerogattivi tiegħu. Hawnhekk, għall-kuntrarju, il-KEPD għandu għad-dispożizzjoni tiegħu, attwalment, rimedju ta’ rikors effettiv u ċert. Il-KEPD jafferma (25) li jinsab f’pożizzjoni li jagħti prova li jissodisfa r-rekwiżiti għal-locus standi meħtieġ skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (26).
53. Bl-ammissjoni ta’ din il-possibbiltà, preċiżament għal din il-kawża, il-KEPD fil-biċċa l-kbira jirrendi ineffettiv l-ewwel aggravju tiegħu, fir-rigward tal-applikazzjoni tat-teorija li tinsab fis-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill. Din tal-aħħar, nerġa’ nirrepeti, kellha bħala l-punt tat-tluq li l-Parlament ma kellux rimedji effettivi u ċerti.
54. Fid-dawl ta’ dan, ma huwiex importanti jekk hemmx sitwazzjonijiet oħra jew le li fihom, anki jekk il-prerogattivi tiegħu jiġu affettwati, il-KEPD ma jkunx intitolat li jaċċessa l-Qorti tal-Ġustizzja permezz tar-raba paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (27). Jistgħu jinqalgħu ipoteżijiet bħal dawk indikati mill-KEPD, iżda dak li huwa importanti biss hawnhekk huwa biss il-każ speċifiku u reali imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali. Huwa biss fir-rigward ta’ dan il-każ li huwa meħtieġ li jiġi ċċarat jekk il-KEPD jissodisfax ir-rekwiżiti sabiex jikkontesta d-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni.
55. Fil-qosor, jiena tal-fehma li l-KEPD huwa nieqes mil-locus standi previst fit-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jwassal għaċ-ċaħda tal-aggravju prinċipali tiegħu.
B. Aggravju sussidjarju
1. Argumenti tal-partijiet
a) Fuq l-ammissibbilità
56. Il-Kunsill iqis li dan il-motiv huwa wkoll inammissibbli, għall-istess raġunijiet li għandhom iwasslu għall-inammissibbiltà tal-motiv prinċipali.
b) Fuq il-mertu
57. Il-KEPD jibda billi jiddenunzja n-nuqqas ta’ ċarezza tal-punti 76 u 77 tad-digriet ikkontestat, fejn jingħad li d-deċiżjoni tat‑3 ta’ Jannar 2022 “hija deċiżjoni amministrattiva li ma jistax ikollha effett fuq atti leġiżlattivi bħar-[REM] u lanqas taffettwa l-kontenut tiegħu” u li, “minkejja li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jemendaw il-kuntest ġuridiku applikabbli, li l-KEPD huwa inkarigat li jeżerċita superviżjoni fir-rigward tal-osservanza tiegħu, u minkejja li dawn ma għandhomx kompletament l-istess portata bħal dik tad-deċiżjoni tat‑3 ta’ Jannar 2022, dawn madankollu ma jaffettwawx is-sitwazzjoni legali tiegħu”.
58. Skont il-KEPD, dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom żewġ difetti. Minn naħa waħda, ma jinnotawx li l-eżerċizzju tas-setgħat tal-KEPD jeħtieġ ċertezza legali u li dawn is-setgħat ġew imħassra bl-adozzjoni ta’ miżuri retroattivi. Min-naħa l-oħra, ma jirrikonoxxux li d-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni huma intiżi sabiex jinnewtralizzaw l-effetti kontinwi ta’ deċiżjoni speċifika u, għalhekk, huma indirizzati lill-KEPD u lill-Europol.
59. Għall-KEPD, hija preċiżament in-natura retroattiva tad-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni li tpoġġi fid-dubju l-indipendenza tiegħu, li bl-ebda mod ma tiġi affettwata kieku l-emenda leġiżlattiva tiġi applikata fil-futur.
60. Il-KEPD iżid li dawk id-dispożizzjonijiet jaffettwawh ukoll b’mod partikolari fl-eżerċizzju tal-funzjoni ta’ kontroll tiegħu fil-portata tal-protezzjoni tad-data. Hawnhekk tinsab fil-perikolu d-data personali li l-protezzjoni tagħha hija kompromessa minn dispożizzjonijiet tranżitorji li, għall-istess raġuni, neċessarjament jikkonċernaw lill-KEPD innifsu.
61. Il-Parlament u l-Kunsill, b’sostenn mill-Kummissjoni u mill-Gvern Franċiż, essenzjalment jaqblu mal-argumenti tal-Qorti Ġenerali.
62. B’mod partikolari, il-Parlament jargumenta li, jekk jiġi aċċettat li kwalunkwe modifika ta’ dispożizzjonijiet diġà applikati mill-KEPD taffettwah direttament, ikun rikonoxxut bħala appellant privileġġat, bi ksur tal-Artikolu 263 TFUE. Fuq l-istess linja, il-Gvern Franċiż iwissi li dan ineħħi kull sens tal-kriterju ta’ inċidenza diretta.
2. Analiżi
a) Fuq l-ammissibbiltà
63. Ir-raġunijiet li tajt għaċ-ċaħda tal-inammissibbiltà tal-aggravju prinċipali difiża mill-Kunsill jistgħu jiġu estiżi għall-aggravju sussidjarju.
b) Fuq il-mertu
64. Kemm il-Qorti Ġenerali kif ukoll l-istituzzjonijiet li qiegħdin jidhru f’dawn il-proċeduri jaqblu li l-KEPD ma jgawdix mil-locus standi mogħtija mit-tieni u mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (locus standi privileġġjat). Huma jaqblu wkoll li l-locus standi tal-KEPD huwa suġġett għall-konformità mal-kundizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Sa dan il-punt, naqbel mal-evalwazzjonijiet tagħhom.
65. Ma naqbilx, madankollu, li l-KEPD ma jikkonformax, f’dan il-każ, mal-kundizzjonijiet meħtieġa mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.
66. Apparti l-locus standi privileġġjat li l-KEPD jaspira għaliha, nemmen li n-natura tal-funzjonijiet ta’ kontroll tar-regolamenti dwar il-protezzjoni tad-data, fdati f’idejn dan il-korp, għandha tiskoraġġixxi interpretazzjoni eċċessivament rigoruża tal-locus standi ordinarja tiegħu għall-aċċess għall-ġurisdizzjoni.
67. Għalkemm preċedentement iddikjarajt li l-KEPD ma għandux l-istatus ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, issa għandi nenfasizza li huwa jwettaq funzjoni importanti, minquxa fit-Trattat FUE, li jiżgura li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni jikkonformaw mar-regoli dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali. L-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet, fl-aspett tagħhom ta’ kontestazzjoni quddiem il-Qrati tal-Unjoni, ma għandux jiġi mminat mingħajr raġunijiet validi ħafna.
68. Għar-raġunijiet li ser nispjega hawn taħt, nifhem li anki interpretazzjoni restrittiva tar-rekwiżiti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, tippermetti li l-KEPD jingħata l-locus standi li ġiet miċħuda lilu fid-digriet appellat.
69. Is-soluzzjoni li nipproponi ma timplikax li jiġi ppreġudikat il-mertu tar-rikors għal annullament. Fil-fażi tal-eżami tal-ammissibbiltà ta’ appell, ma huwiex meħtieġ li tiġi antiċipata s-soluzzjoni sostantiva: huwa biżżejjed li jiġi vverifikat jekk l-appellant ippreżentax b’mod rilevanti r-raġunijiet għalfejn id-dispożizzjoni kkontestata tipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni legali tiegħu (28).
70. Il-Qorti Ġenerali eskludiet li d-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni jaffettwaw lill-KEPD direttament, kif meħtieġ fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Minn naħa waħda, minħabba l-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet kienu emendaw ir-regolamenti li l-KEPD huwa responsabbli sabiex jissorvelja, iżda mhux is-setgħat tiegħu stess (29). Min-naħa l-oħra, għaliex tali dispożizzjonijiet iħallu “ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Europol” (30).
71. L-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali meta stabbilixxiet il-kriterji sabiex tiddetermina jekk hemmx “inċidenza diretta”, fil-prinċipju, huwa korrett. Il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet li, sabiex tiġi kkontestata miżura speċifika, huma meħtieġa żewġ kundizzjonijiet kumulattivi “[…] jiġifieri li din il-miżura, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna u, min-naħa l-oħra, ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji inkarigati mill-implimentazzjoni tagħha, peress li din għandha natura purament awtomatika u tirriżulta unikament mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra” (31).
72. Madankollu, fl-evalwazzjoni ta’ jekk id-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni jaffettwawx is-sitwazzjoni legali tal-KEPD f’dan il-każ, jiena nemmen li l-Qorti Ġenerali fil-fatt qiegħda tiddeċiedi fuq xi ħaġa li tikkonċerna, mhux l-ammissibbiltà, iżda l-mertu tar-rikors: il-kunsiderazzjonijiet ewlenin tagħha jikkonċernaw l-effetti possibbli tad-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni fuq l-indipendenza tal-KEPD. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali teskludi li n-natura (allegata) retroattiva tad-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni tista’ tikkomprometti l-indipendenza tal-KEPD.
73. Fl-opinjoni tiegħi, l-unika responsabbiltà tal-Qorti Ġenerali f’dan l-istadju proċedurali kienet li tiddetermina jekk il-KEPD kienx stabbilixxa b’mod rilevanti (jiġifieri, raġonevoli u plawżibbli) ir-raġunijiet għalfejn dawk id-dispożizzjonijiet setgħu jipproduċu dan l-effett.
74. Isseħħ sitwazzjoni simili fit-tieni wieħed mir-rekwiżiti msemmija: il-Qorti Ġenerali tassumi li d-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni jagħtu lill-Europol setgħa diskrezzjonali sabiex tiddeċiedi. “jekk tipproċedix jew le bl-ipproċessar ta’ ċerta data”, li juri li “id-dispożizzjonijiet ikkontestati […] ma humiex ta’ natura purament awtomatika” (32).
75. Il-Qorti Ġenerali tiċħad l-ilment tal-KEPD (fir-rigward tal-konsegwenzi tal-eżerċizzju ta’ dik is-setgħa diskrezzjonali fir-rigward tad-deċiżjoni tiegħu tat‑3 ta’ Jannar 2022), fejn tgħid li “d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jipprekludux lill-KEPD milli jeżerċita, kif jidhirlu, il-kompetenzi tiegħu” (33).
76. Din l-aħħar evalwazzjoni, madankollu, tiffaċċja żewġ oġġezzjonijiet:
– Minn naħa waħda, li tagħlaq, għal darba oħra, id-dibattitu ta’ mertu billi tippreġudika, fil-fażi ta’ evalwazzjoni tal-ammissibbiltà, l-effetti legali kkawżati mid-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni fuq is-sitwazzjoni ta’ min jixtieq jikkontestahom (34). Din tagħlqu wkoll billi ssemmi l-possibbiltà teoretika li l-Europol taġixxi b’mod speċifiku meta, fil-fatt, ir-risposta mogħtija mill-Europol lill-KEPD fit‑22 ta’ Awwissu 2022 (35) uriet li, mill-inqas, il-Europol ma kinitx għadha qiegħda japplika parti mid-deċiżjoni tal-KEPD tat‑3 ta’ Jannar 2022.
– Min-naħa l-oħra, iċċaqlaq il-problema għar-reazzjoni possibbli tal-KEPD kontra d-deċiżjonijiet (futuri) tal-Europol, meta l-fattur deċiżiv għas-soluzzjoni tat-tilwima kien li jiġi ċċarat jekk id-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni kinux sovraimposti, waħedhom u fuq bażi ad hoc, fuq deċiżjonijiet individwali adottati qabel mill-KEPD u diretti kontra ċertu aġir, anki fil-passat, tal-Europol. F’kundizzjonijiet simili, kien jista’ jiġi difiż li s-“setgħa diskrezzjonali” mogħtija kienet tippermetti, eo ipso, lill-Europol ma tikkonformax mad-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni tal-KEPD tat‑3 ta’ Jannar 2022.
77. Irrispettivament minn dak li ntqal hawn fuq, ma tantx ninsab ċert li r-rekwiżit tas-setgħa diskrezzjonali japplika, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, għall-aġir tal-Europol. Jekk, kif nifhem jien, id-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni jaffettwaw lill-KEPD b’mod dirett u, kif ser naraw, b’mod individwali wkoll, dan huwa għaliex jipproduċu effetti legali f’deċiżjoni speċifika tal-KEPD u, sa dak il-punt, huma indirizzati lill-KEPD. Il-KEPD ma kellu ebda marġni ta’ manuvra fir-rigward tas-suġġett ta’ dik id-deċiżjoni, peress li, bħala riżultat tad-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni, l-azzjonijiet tiegħu kellhom jiġu aġġustati, b’mod imperattiv, għal dak li jirriżulta minn tali dispożizzjonijiet.
78. Mill-preżentazzjoni tal-fatti mill-KEPD u r-rendikont fattwali li jinsab fid-digriet appellat, huwa dedott, fil-fehma tiegħi, li d-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni affettwaw direttament lill-KEPD. Li għamlu dan bi ksur tas-setgħat tagħhom, jew li mminaw l-indipendenza tiegħu, hija xi ħaġa li, nerġa’ nirrepeti, tikkostitwixxi l-problema ta’ mertu li l-KEPD ressaq quddiem il-Qorti Ġenerali.
79. Il-kuntrast bejn il-kontenut tad-deċiżjoni tal-KEPD tat‑3 ta’ Jannar 2022 u dak tad-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni juri li kien, mill-inqas, leġittimu li jiġi argumentat li, permezz tar-Regolament tal-Europol emendat, il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li “jikkoreġi” deċiżjoni tal-KEPD, li kienet saret definittiva (ma kinitx ġiet appellata mill-Europol).
80. Fil-fatt:
– Minn naħa waħda, il-KEPD kien ħeġġeġ lill-Europol sabiex tikkategorizza, fi żmien tnax-il xahar, is-settijiet tad-data fil-pussess tagħha mit‑3 ta’ Jannar 2022.
– Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni: a) estendew sa tmintax-il xahar, li jistgħu jiġu estiżi, il-perijodu disponibbli għall-Europol sabiex tikkategorizza d-data fil-pussess tagħha fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ tagħhom, jiġifieri fit‑28 ta’ Ġunju 2022; u b) speċifikaw il-kundizzjonijiet u l-proċeduri li taħthom, b’appoġġ għal investigazzjoni kriminali għaddejja, jiġi awtorizzat l-ipproċessar ta’ data personali li ma tikkonċernax il-kategoriji ta’ suġġetti tad-data elenkati fl-Anness II tar-REI u li kienu ġew ipprovduti lill-Europol qabel it‑28 ta’ Ġunju 2022.
81. Il-KEPD jieħu ħsieb li jiżgura li ma jixtieqx locus standi sabiex jappella kontra kwalunkwe emenda tal-qafas regolatorju li fih jaqa’ l-kontenut tal-funzjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, huwa ma jsib l-ebda diffikultà jammetti, bħalma għamel waqt is-seduta, li ma jkollu xejn kontra r-regolament il-ġdid li kieku jiġi applikat biss għall-futur.
82. Huwa jippreċiża, madankollu, li, f’dan il-każ, l-emenda taffettwah sal-punt li tbiddel il-kontenut ta’ deċiżjoni preċedenti tiegħu, diġà definittiva, adottata skont ir-regolamenti attwali, u b’hekk tiġġenera riskju ta’ ubbidjenza mistennija li tista’ tpoġġi f’dubju l-indipendenza tiegħu.
83. Jista’ jiġi argumentat, kif jagħmel il-Parlament, jekk id-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni għandhomx effett retroattiv. Huwa dibattibbli wkoll li, anki jekk wieħed jassumi r-retroattività tagħhom, dawn jikkompromettu b’mod negattiv l-indipendenza tal-KEPD. B’mod ġenerali, naħseb li, meta s-setgħa leġiżlattiva temenda l-kontenut materjali tad-dispożizzjonijiet li korp amministrattiv għandu japplika, din ma tippreġudikax l-indipendenza tal-imsemmi korp (36).
84. Madankollu, ninsisti li din hija l-kwistjoni ta’ mertu mqajma mill-KEPD fir-rikors tiegħu għal annullament, li ma tistax tiġi evitata billi tiġi miċħuda minn qabel. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tantiċipa r-raġunijiet tal-mertu tagħha dwar it-talba sostantiva tal-KEPD, bħala l-bażi għad-deċiżjoni li tiċħad ir-rikors ta’ annullament.
85. In-natura ad hoc tad-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni tippermetti wkoll li jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ inċidenza individwali, aspett li, minkejja li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwaru, hija meħtieġa risposta fir-rigward tiegħu f’din il-kawża (37).
86. L-inċidenza individwali hija evidenti, fil-fehma tiegħi, bis-sempliċi rendikont taċ-ċirkostanzi tal-proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-approvazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali elenkathom fil-punti 5 sa 11 tad-digriet appellat.
87. F’dawk il-punti jista’ jinqara kif il-proċedura leġiżlattiva bdiet qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni tal-KEPD tat‑3 ta’ Jannar 2022; b’mod speċifiku, fid‑9 ta’ Diċembru 2020 bi proposta sabiex jiġi emendat ir-REI, ippreżentat mill-Kummissjoni. Fl-Opinjoni 4/2021 (38), il-KEPD innifsu kien favur din il-proposta, b’xi riżervi.
88. Huwa sinjifikattiv li, ftit wara li ġiet adottata d-deċiżjoni tal-KEPD tat‑3 ta’ Jannar 2022, fl‑1 ta’ Frar 2022, wara l-aħħar negozjati ta’ trilogu, ġew miżjuda d-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni. Kollox iwassal sabiex wieħed jaħseb li l-oriġini ta’ din l-inkorporazzjoni huwa d-dokument tal-Kunsill Nru 5370/22 tal‑24 ta’ Jannar 2022 dwar it-tħejjija għat-trilogu (39). Dan jiddikjara li:
– “[i]d-deċiżjoni reċenti tal-[KEPD,] li jista’ jkollha konsegwenzi operattivi għall-azzjoni tal-Europol, tikkonferma l-ħtieġa ta’ adozzjoni rapida tar-Regolament”;
– “[i]l-Presidenza pproponiet lid-delegazzjonijiet biex jintroduċu Artikolu 74[a] ġdid bl-għan li tiġi ċċarata aktar is-sitwazzjoni tad-data attwalment fil-pussess tal-Europol, b’mod partikolari fil-kuntest tad-deċiżjoni tal-KEPD tat‑3 ta’ Jannar 2022 imsemmija iktar ’il fuq”; u
– “[b]osta delegazzjonijiet laqgħu b’mod favorevoli l-prinċipji ta’ din il-proposta fil-laqgħa tad‑19 ta’ Jannar [2022,] iżda l-approvazzjoni mill-Kumitat hija neċessarja minħabba l-preżentazzjoni reċenti tiegħu u l-importanza li dan is-suġġett jirrappreżenta wara d-deċiżjoni tal-KEPD” (40).
89. Huwa diffiċli li jiġi miċħud li d-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni jikkostitwixxu risposta għall-miżura tad-deċiżjoni tal-KEPD tat‑3 ta’ Jannar 2022 u, għalhekk, huma maħsuba għall-KEPD b’mod individwali. Dawn huma regoli li, iffaċċjati bl-isfida maħluqa minn dik id-deċiżjoni tal-KEPD, li ma setgħetx tiġi attakkata minħabba li kienet definittiva, jippruvaw jegħlbu l-kontenut tagħha u l-konsegwenzi tagħha.
90. Ma narax kif, f’din is-sitwazzjoni, jista’ jiġi aċċettat li l-KEPD ma huwiex affettwat direttament u individwalment mid-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni, meta dawn huma speċifikament intiżi sabiex jikkontrobattu deċiżjoni individwali adottata mill-KEPD innifsu u diġà definittiva.
91. Il-KEPD għandu jiżgura u jissorvelja l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/1725 (41) “u ta’ kwalunkwe att ieħor tal-Unjoni relatat mal-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali minn istituzzjoni jew minn korp tal-Unjoni” (42).
92. Jekk, fl-eżerċizzju ta’ dik il-kompetenza, il-KEPD jimponi ċerta azzjoni individwali fuq korp tal-Unjoni u fir-rigward ta’ dik id-deċiżjoni (li ssir definittiva) tiġi approvata, sussegwentement, regola speċifikament immirata sabiex tinnewtralizzaha, nemmen li l-KEPD għandu jingħata l-possibbiltà li jirrikorri għall-qrati tal-Unjoni sabiex jiġġudikaw il-validità tar-regola (il-ġdida).
93. Fil-qosor, inqis li, mingħajr preġudizzju għall-mertu tad-domanda magħmula mill-KEPD quddiem il-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-validità tad-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni, dawn tal-aħħar jikkonċernawh b’mod suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-locus standi miċħud lilu mid-digriet appellat.
C. Deċiżjoni definittiva tal-kawża
94. Skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-approvazzjoni tal-appell ser tinvolvi l-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, u l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ jew issolvi b’mod definittiv il-kawża hija stess, meta l-istat tagħha jippermetti dan, jew tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi dwarha.
95. Il-KEPD jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja ssolvi b’mod definittiv il-kwistjoni tal-mertu mqajma fl-ewwel istanza.
96. Fil-fehma tiegħi, l-istat tal-kawża ma jippermettix li tingħata deċiżjoni definittiva mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, dan huwa rrikonoxxut mill-KEPD innifsu, li jitlob li tingħata “sentenza definittiva wara li l-partijiet kollha jkunu ingħataw l-opportunità li jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar kull aspett tal-każ” (43).
97. Id-dibattitu fl-ewwel istanza ffoka fuq l-ammissibbiltà tal-appell imressaq mill-KEPD kontra d-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni. U għalkemm din il-kwistjoni ġiet solvuta, kif għadni kif spjegajt, bl-antiċipazzjoni tas-sentenza ta’ ċerti punti tal-kwistjoni ta’ mertu, din tal-aħħar ma kinitx is-suġġett ta’ dibattitu komprensiv, iżda wieħed sempliċement strumentali, għall-iskop uniku li jiġi deċiż il-locus standi tal-KEPD ikkontestat mill-Parlament u mill-Kunsill. Huwa għalhekk xieraq li l-kawża terġa’ tintbagħat lura lill-Qorti Ġenerali sabiex tiġi deċiża wara d-dibattitu kontradittorju xieraq.
D. Spejjeż
98. Skont l-Artikolu 184 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, u kif mitlub mill-KEPD, il-Parlament u l-Kunsill għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż f’dan il-każ, u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħhom stess.
V. Konklużjoni
99. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:
– tilqa’ l-appell,
– tħassar id-digriet tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Settembru 2023, Il‑KEPD vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑578/22, EU:T:2023:522),
– b’mod konformi mal‑Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali għad-deċiżjoni dwar il-mertu,
– tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż,
– tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż tagħhom stess.
1 Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
2 Kawża T‑578/22, EU:T:2023:522. Iktar ’il quddiem, id-“digriet appellat”.
3 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU 2016, L 135, p. 53). Iktar ’il quddiem ir-“Regolament Europol inizjali jew REI”.
4 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2022 fir-rigward tal-kooperazzjoni tal-Europol ma’ partijiet privati, tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Europol b’appoġġ għal investigazzjonijiet kriminali, u tar-rwol tal-Europol fir-riċerka u fl-innovazzjoni (ĠU 2022, L 169, p. 1). Minn issa ’l quddiem, ser nirreferi għall-verżjoni tal-REI li tirriżulta minn din l-emenda bħala r-“Regolament Europol modifikat jew REM”.
5 Dawn huma żewġ dispożizzjonijiet tranżitorji (l-Artikoli 74a u 74b; iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni”) li għandhom x’jaqsmu rispettivament, safejn aħna kkonċernati hawnhekk, mal-ipproċessar ta’ data personali b’appoġġ għal investigazzjoni kriminali speċifika li għaddejja u mal-ipproċessar ta’ data personali miżmuma mill-Europol.
6 L-Artikolu 18 (“Għanijiet tal-attivitajiet tal-ipproċessar tal-informazzjoni”) tar-REI stabbilixxa fil-paragrafi 3 u 5 tiegħu:
“3. L-ipproċessar għall-fini ta’ analiżi operattivi kif imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 2 għandu jitwettaq permezz ta’ proġetti ta’ analiżi operattiva, li fir-rigward tagħhom għandhom japplikaw il-garanziji speċifiċi li ġejjin:
(a) għal kull proġett ta’ analiżi operazzjonali, id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddefinixxi l-iskop speċifiku, il-kategoriji ta’ data personali u l-kategoriji tas-suġġetti tad-data, il-parteċipanti, it-tul ta’ żmien tal-ħażna u l-kondizzjonijiet għal aċċess, trasferiment u użu tad-data kkonċernata, u għandu jinforma lill-Bord ta’ Amministrazzjoni u lill-KEPD;
(b) id-data personali tista’ tinġabar u tiġi pproċessata biss għall-finijiet tal-proġett ta’ analiżi operazzjonali speċifikat. Fejn jibda jidher li d-data personali tista’ tkun rilevanti għal proġett ta’ analiżi operazzjonali ieħor, aktar proċessar ta’ dik id-data personali għandu jkun permess biss sakemm tali proċessar ulterjuri jkun meħtieġ u proporzjonat u d-data personali tkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) li japplikaw għall-proġett ta’ analiżi ieħor;
(c) il-persunal awtorizzat biss jista’ jaċċessa u jipproċessa d-data fir-rigward tal-proġett rilevanti.
[…]
5. Il-kategoriji ta’ data personali u l-kategoriji ta’ suġġetti tad-data li d-data tagħhom tista’ tinġabar u tiġi pproċessata għal kull skop speċifiku msemmi fil-paragrafu 2 jinsabu elenkati fl-Anness II”.
7 L-Artikolu 18(6) tar-REI pprovda: “Il-Europol tista’ temporanjament tipproċessa d-data bil-għan li tiddetermina jekk tali data hijiex rilevanti għall-kompiti tagħha u, jekk ikun hekk, għal liema mill-finijiet imsemmija fil-paragrafu 2. Il-Bord ta’ Amministrazzjoni, li jaġixxi fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv u wara konsultazzjoni mal-KEPD, għandu jkompli jispeċifika l-kondizzjonijiet relatati mal-ipproċessar tat-tali data, partikolarment fir-rigward tal-aċċess għad-data u l-użu tagħha, kif ukoll il-limiti ta’ żmien għall-ħażna u t-tħassir tad-data li ma jistgħux jaqbżu s-sitt xhur, wara li jittieħed kont dovut tal-prinċipji msemmijin fl-Artikolu 2”.
8 Sentenza interlokutorja tat‑22 ta’ Mejju 1990, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑70/88, EU:C:1990:217; iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill”).
9 Punt 23 tad-digriet appellat.
10 Punt 21 tad-digriet appellat.
11 Punt 22 tad-digriet appellat.
12 Sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑475/19 P u C‑688/19 P, EU:C:2020:1036; iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni”), punt 33, invokata mill-Kunsill.
13 Loc. ult. cit., bil-ġurisprudenza ċċitata.
14 Dan huwa ddikjarat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 27 tad-digriet appellat.
15 L-Artikolu 41(1) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102, rettifika fil-ĠU 2013, L 298, p. 50).
16 Punt 29 tad-digriet appellat, li jikkwota s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, L‑Italja u Comune di Milano vs Il‑Kunsill u Il‑Parlament (Sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini) (C‑106/19 u C‑232/19, EU:C:2022:568), punti 113 u 116.
17 Punt 32 tad-digriet appellat.
18 Il-punt 33 tad-digriet appellat jipprovdi dan li ġej: “l-istatus tal-KEPD bħala awtorità indipendenti ta’ superviżjoni jissemma fl-Artikolu 16(2) TFUE, li jipprovdi li l-osservanza tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni għandha tkun suġġetta għas-superviżjoni ta’ awtoritajiet indipendenti, u fl-Artikolu 8(3) tal-Karta, li jipprevedi li l-osservanza tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali għandha tkun suġġetta għas-superviżjoni ta’ awtorità indipendenti”.
19 L-Artikolu 41 tad-digriet appellat. Is-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill irrikonoxxiet (punt 16) li jistgħu jirriżultaw “ineffettivi jew inċerti” l-varji rimedji fid-dritt li, fis-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (302/87, EU:C:1988:461), kienu meqjusa suffiċjenti sabiex jissuġġettaw l-atti tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, adottati bi ksur tal-prerogattivi tal-Parlament, għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja.
20 Sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, punt 21.
21 Sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, punt 23.
22 Sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, punt 25.
23 Sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, punt 26.
24 Sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, punt 27. Enfasi miżjuda minni.
25 Punt 30 tal-appell tiegħu.
26 Huwa irrilevanti, minn din il-perspettiva, li, għall-KEPD, il-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti hija konsegwenza taċ-ċirkustanzi “eċċezzjonali ħafna” tal-każ preżenti.
27 Punti 32 u 33 tal-appell tiegħu.
28 Sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873), punt 47: “fil-fatt, sa fejn il-kundizzjoni dwar l-inċidenza diretta teżiġi li l-att ikkontestat jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent, il-qorti tal-Unjoni hija obbligata tivverifika jekk dan tal-aħħar esponiex b’mod rilevanti r-raġunijiet għaliex id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tqiegħdu f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata u, għaldaqstant, tista’ tipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni legali tiegħu”. Enfasi miżjuda minni.
29 Punt 74 tad-digriet appellat.
30 Punt 78 tad-digriet appellat.
31 Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑348/20 P, EU:C:2022:548), punti 43 u 44 u l-ġurisprudenza ċċitata.
32 Punti 80 u 82 tad-digriet appellat.
33 Punt 83 tad-digriet appellat.
34 Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑348/20 P, EU:C:2022:548), punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata.
35 Punt 13 tad-digriet appellat.
36 Fis-seduta kien hemm dibattitu estensiv dwar din il-kwistjoni li, fl-opinjoni tiegħi, tikkorrispondi għall-proċedura sostantiva tat-talbiet tal-KEPD u mhux għall-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tal-appell.
37 Anki jekk il-Qorti Ġenerali eskludiet l-eżistenza ta’ inċidenza diretta, id-deċiżjoni tagħha li tiċħad l-appell tal-KEPD tista’, fl-aħħar mill-aħħar, tkun iġġustifikata għal raġunijiet legali oħra; b’mod partikolari, jekk ir-rekwiżit tal-inċidenza individwali ma jiġix issodisfatt. Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873), punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata; u s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Venezuela vs Il‑Kunsill (Inċidenza ta’ Stat terz) (C‑872/19 P, EU:C:2021:507), punti 86 u 87.
38 Opinjoni tal-KEPD tat‑8 ta’ Marzu 2021 dwar il-proposta ta’ emenda tar-Regolament tal-Europol, disponibbli fuq https://www.edps.europa.eu/data-protection/our-work/publications/opinions/edps-opinion-proposal-amendment-europol-regulation_en.
39 Disponibbli fuq https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-5370-2022-INIT/fr/pdf.
40 Punt 11 tad-digriet appellat.
41 Regolament (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39).
42 Artikolu 52(3) tar-Regolament 2018/1725.
43 Punt 68, in fine, tal-appell tiegħu.