KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKATA ĠENERALI
MEDINA
ippreżentati fit‑12 ta’ Diċembru 2024 ( 1 )
Kawża C‑662/23 [Zimir] ( i )
Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid
vs
X
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Direttiva 2013/32/UE – Il-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) – Proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali – Użu mill-awtorità nazzjonali tas-setgħa tagħha sabiex testendi t-terminu ta’ eżami ta’ sitt xhur b’terminu li ma jaqbiżx disa’ xhur oħra – Għadd kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali simultanjament – Bir-riżultat li jsir diffiċli ħafna fil-prattika li l-proċedura tiġi ffinalizzata fit-terminu ta’ sitt xhur – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi oħra”
|
1. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari ineżami tikkonċerna d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri meta jaffaċċjaw għadd kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali simultanjament. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri ( 2 ), li skontu l-Istati Membri jistgħu jestendu t-terminu ta’ sitt xhur stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(3) ta’ din id-direttiva għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. Din l-estensjoni hija permessa meta għadd kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi japplikaw simultanjament għal protezzjoni internazzjonali, li fil-prattika jagħmel il-finalizzazzjoni tal-proċedura diffiċli ħafna f’dan it-terminu ta’ sitt xhur. |
|
2. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-proċeduri bejn is-Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”) u X, ċittadin ta’ pajjiż terz, dwar in-nuqqas minn din l-awtorità li tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza temporanja għall-ażil fit-terminu ta’ sitt xhur. |
|
3. |
Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf kif għandha tiġi interpretata l-formulazzjoni “għadd kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi japplikaw simultanjament għall-protezzjoni internazzjonali”, fis-sens tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri, kif din hija relatata mal-espressjoni “bir-riżultat li jsir diffiċli ħafna fil-prattika li l-proċedura tiġi ffinalizzata fil-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur” li tinsab fiha wkoll, u jekk ċirkustanzi oħra jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha. |
I. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
|
4. |
Il-premessa 18 tad-Direttiva dwar il-proċeduri tipprevedi: “Huwa fl-interessi ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li deċiżjoni tittieħed malajr kemm jista’ jkun dwar l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut”. |
|
5. |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-proċeduri, intitolat “Awtoritajiet responsabbli”, jipprevedi, fil-paragrafu 1: “L-Istati Membri għandhom jinnominaw, għall-proċeduri kollha, awtorità determinanti li tkun responsabbli li tagħmel eżami adegwat ta’ applikazzjonijiet skont din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali awtorità tkun ipprovduta b’mezzi xierqa, inkluż biżżejjed persunal kompetenti, biex iwettaq il-kompiti tiegħu skont din id-Direttiva.” |
|
6. |
L-Artikolu 31 ta’ din id-direttiva, intitolat “Proċedura ta’ eżami”, jipprevedi kif ġej fil-paragrafi 1 sa 5: “1. L-Istati Membri għandhom jipproċessaw l-applikazzjonijet għall-protezzjoni internazzjonali fi proċedura ta’ eżami b’konformità mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tkun konkluża mill-aktar fis possibbli, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u komplet. 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tkun konkluża fi żmien sitt xhur mill-preżentata tal-applikazzjoni. Fejn applikazzjoni tkun suġġetta għall-proċedura stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 604/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013 L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50)], il-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur għandu jibda japplika mill-mument li l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tagħha jiġi determinat f’konformità ma’ dak ir-Regolament, l-applikant ikun fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru u l-awtorità responsabbli tkun ħadet responsabbiltà tiegħu. L-Istati Membri jistgħu jestendu l-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur stabbilit f’dan il-paragrafu għal perjodu li ma jaqbiżx disa’ xhur oħra, meta:
Permezz ta’ eċċezzjoni, l-Istati Membri jistgħu, f’ċirkostanzi ġustifikati kif xieraq, jaqbżu l-limiti taż-żmien stabbiliti li jinsabu f’dan il-paragrafu b’massimu ta’ tliet xhur meta dan ikun meħtieġ sabiex jiġi żgurat eżami adegwat u sħiħ tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. 4. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 13 u 18 tad-Direttiva 2011/95/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9)], l-Istati Membri jistgħu jippostponu l-konklużjoni tal-proċedura ta’ eżami meta l-awtorità determinanti ma tkunx tista’ tiġi mistennija li tiddeċiedi fil-limit ta’ żmien stipulati fil-paragrafu 3 minħabba sitwazzjoni inċerta fil-pajjiż ta’ oriġini li tkun mistennija li tkun waħda temporanja. […] […] 5. Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri għandhom jikkonkludu l-proċedura ta’ eżami f’limitu ta’ żmien massimu ta’ 21 xahar minn meta ssir l-applikazzjoni.” |
B. Id‑dritt tal‑Pajjiżi l‑Baxxi
|
7. |
L-Artikolu 42 tal-Vreemdelingenwet 2000 (il-Liġi tal‑2000 dwar il-Barranin) tat‑23 ta’ Novembru 2000 ( 3 ), jipprevedi: “1. Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-għoti ta’ permess ta’ residenza temporanja msemmi fl-Artikolu 28 jew għal permess ta’ residenza għal żmien indeterminat imsemmi fl-Artikolu 33 għandha tiġi adottata fi żmien sitt xhur minn meta tasal l-applikazzjoni. […]; 4. It-terminu msemmi fil-paragrafu 1 jista’ jiġi estiż b’terminu massimu ta’ disa’ xhur fejn:
|
|
8. |
Fil‑21 ta’ Settembru 2022, is-Segretarju tal-Istat adotta l-Besluit houdende wijziging van de Vreemdelingencirculaire 2000 (id-Digriet li Jemenda ċ-Ċirkulari tal‑2000 dwar il-Barranin; iktar ’il quddiem il-“WBV 2022/22”). Fuq il-bażi tal-WBV 2022/22, fis-seħħ mis‑27 ta’ Settembru 2022, is-Segretarju tal-Istat estenda b’disa’ xhur it-terminu statutorju ta’ sitt xhur għall-għoti ta’ permessi ta’ residenza temporanja għall-ażil. Il-WBV 2022/22 japplika għat-talbiet kollha li għalihom it-terminu statutorju ta’ deċiżjoni kien għadu ma skadiex fis‑27 ta’ Settembru 2022 u ġie adottat fuq il-bażi tal-ewwel parti u tal-punt (b) tal-Artikolu 42(4) tal-Liġi tal‑2000 dwar il-Barranin, li jittrasponu fid-dritt Olandiż il-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri. |
II. Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
9. |
Fl‑10 ta’ April 2022, X, ċittadin Tork, ippreżenta applikazzjoni għall-ażil fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
|
10. |
F’Settembru 2022, is-Segretarju tal-Istat estenda b’disa’ xhur it-terminu statutorju ta’ sitt xhur għall-għoti ta’ permessi ta’ residenza temporanja għall-ażil. |
|
11. |
Peress li s-Segretarju tal-Istat ma ddeċidiex dwar l-applikazzjoni għall-ażil fi żmien sitt xhur mill-preżentazzjoni tagħha abbażi tal-WBV 2022/22, fit‑13 ta’ Ottubru 2022, X innotifika lil din l-awtorità b’avviż ta’ inadempjenza talli ma adottatx deċiżjoni fit-terminu stabbilit. Is-Segretarju tal-Istat sussegwentement naqas milli jieħu deċiżjoni fi żmien ġimgħatejn, Għaldaqstant, X ippreżenta rikors quddiem ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) kontra n-nuuqas li tittieħed deċiżjoni fi żmien xieraq. |
|
12. |
Permezz ta’ sentenza tas‑6 ta’ Jannar 2023, din il-qorti ddikjarat ir-rikors ta’ X fondat u ddeċidiet li s-Segretarju tal-Istat ma kienx legalment estenda t-terminu ta’ deċiżjoni tal-applikazzjonijiet għall-ażil fuq il-bażi tal-WBV 2022/22. Permezz ta’ din is-sentenza, din il-qorti ordnat ukoll lis-Segretarju tal-Istat jipproċedi għall-ewwel seduta f’terminu ta’ tmien ġimgħat mid-data tas-sentenza u jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni ta’ X fi żmien tmien ġimgħat minn din is-seduta inizjali. Hija għaldaqstant ordnat lis-Segretarju tal-Istat jadotta deċiżjoni oħra f’terminu ta’ 16‑il ġimgħa, li fin-nuqqas tagħha tiġi imposta sanzjoni li tkun tikkonsisti f’multa għal kull jum ta’ dewmien ( 4 ). |
|
13. |
Is-Segretarju tal-Istat appella minn din is-sentenza quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), li huwa l-qorti tar-rinviju. Insostenn ta’ dan l-appell, huwa jsostni li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel parti u tal-punt (b) tal-Artikolu 42(4) tal-Liġi tal‑2000 dwar il-Barranin kif ukoll tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, ma hija meħtieġa ebda żieda rapida (“spike”) fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati simultanjament. L-awtorità nazzjonali tista’ wkoll testendi t-terminu ta’ deċiżjoni fil-każ ta’ żieda progressiva fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil, u flimkien ma’ ċirkustanzi oħra, sabiex jiġi żgurat eżami adegwat u sħiħ tal-applikazzjonijiet għall-ażil, kif meħtieġ mill-Artikolu 31(2) tad-Direttiva dwar il-proċeduri. Is-Segretarju tal-Istat isostni, barra minn hekk, li huwa jista’ jieħu inkunsiderazzjoni xogħol lura eżistenti fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil meta jkun qiegħed iqis jekk hemmx lok li jiġi estiż it-terminu għal deċiżjoni, peress li dan ix-xogħol lura jieħu mill-kapaċità deċiżjonali u jikkontribwixxi sabiex jagħmel diffiċli ħafna, fil-prattika, il-finalizzazzjoni diliġenti tal-proċedura fi żmien sitt xhur mill-preżentazzjoni tal-applikazzjoni. |
|
14. |
B’mod parallel, wara s-sentenza tar-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag), is-Segretarju tal-Istat, fl‑14 ta’ April 2023, ħa deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-ażil, li permezz tagħha huwa ħareġ lill-barrani permess ta’ residenza temporanja għall-ażil. |
|
15. |
Skont il-qorti tar-rinviju, is-Segretarju tal-Istat madankollu jżomm interess fl-appell tiegħu, peress li huwa intiż li jikkontesta s-sentenza tas‑6 ta’ Jannar 2023, li permezz tagħha ġie deċiż li huwa ma kienx estenda b’mod legali t-terminu sabiex jiddeċiedi dwar applikazzjoni għall-ażil fuq il-bażi tal-WBV 2022/22. |
|
16. |
Is-Segretarju tal-Istat jargumenta quddiem il-qorti tar-rinviju li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, u l-punt (b) tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jeżiġux li l-awtorità nazzjonali tieħu deċiżjoni fi żmien it-terminu ta’ deċiżjoni meta żieda rapida jew “spike” fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati simultanjament tkun tali li tipprevjeni lill-awtorità nazzjonali milli tagħmel dan b’mod diliġenti. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tirrileva li t-terminu “simultanjament” fi ħdan it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni, kieku kellu jiġi interpretat b’mod wiesa’, ikun ifisser “f’terminu qasir”, peress li applikazzjonijiet għall-ażil rari jiġu ppreżentati simultanjament. Madankollu, skont din il-qorti, jibqa’ neċessarju li jiġi ddeterminat limitu ta’ żmien li matulu jqumu tali żieda jew “spike”. Barra minn hekk, fid-dawl tad-dewmien fl-identifikazzjoni ta’ tali żidiet jew “spikes”, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-effett prattiku ta’ din id-dispożizzjoni jkun iqum biss jekk ikun għadda ftit taż-żmien. |
|
17. |
Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk id-Direttiva dwar il-proċeduri tippermettix li jiġi estiż it-terminu ta’ teħid ta’ deċiżjoni meta l-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil jiżdied biss progressivament. Dan peress li f’tali każ is-Segretarju tal-Istat ikollu ħafna żmien u possibbiltà li jżid il-kapaċità deċiżjonali. Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għan tad-Direttiva dwar il-proċeduri, li hija intiża sabiex l-awtorità determinanti tieħu deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil fl-iqsar żmien possibbli, għalkemm b’mod diliġenti. |
|
18. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
19. |
X, il-Gvern taċ-Ċekja, ta’ Franza, tal-Ungerija u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-partijiet, bl-eċċezzjoni tal-Gvern taċ-Ċekja u dak tal-Ungerija, ippreżentaw it-trattazzjonijiet tagħhom waqt is-seduta tat‑23 ta’ Ottubru 2024. |
III. Evalwazzjoni
|
20. |
Skont il-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, għandhom jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi sabiex it-terminu ta’ deċiżjoni jkun jista’ jiġi estiż b’disa’ xhur addizzjonali: (a) “għadd kbir” ta’ applikazzjonijiet għandhom ikunu (b) ippreżentati “simultanjament”, c) “bir-riżultat” li jsir diffiċli ħafna fil-prattika li l-proċedura tiġi ffinalizzata fit-terminu ta’ sitt xhur. Filwaqt li l-ewwel żewġ kundizzjonijiet huma awtonomi, it-tielet waħda hija konsegwenza tal-ewwel tnejn ( 5 ). |
|
21. |
Fid-dawl ta’ din l-istruttura, id-domandi tal-qorti tar-rinviju jistgħu jinġabru f’żewġ gruppi:
|
|
22. |
Qabel ma nqis dawn id-domandi, ser neżamina fil-qosor il-kwistjoni ta’ ammissibbiltà mqajma quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
A. Ammissibbiltà
|
23. |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Franċiż qajjem il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tad-domandi billi sostna, essenzjalment, li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma għadx għandha skop, peress li X kien diġà ngħata permess ta’ residenza temporanja għall-ażil. Madankollu, waqt is-seduta, dan il-gvern irtira l-oġġezzjoni tiegħu. |
|
24. |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula minn qorti nazzjonali jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut, mill-Qorti tal-Ġustizzja, li tiddeċiedi dwar talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 6 ). |
|
25. |
Il-ġustifikazzjoni għal rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex li dan jippermetti l-għoti ta’ opinjonijiet konsultattivi fuq domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda pjuttost minħabba li dan ikun neċessarju għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima. Kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu adita biha ( 7 ). |
|
26. |
B’mod partikolari, il-ġurisprudenza teħtieġ tilwima ġenwina dwar il-liġi u dwar l-applikazzjoni tagħha bejn il-partijiet fil-kawża ( 8 ). Dak li huwa importanti huwa li l-qorti tar-rinviju teżerċita funzjoni ġudizzjarja u li hija tqis li interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja sabiex hija tkun tista’ tagħti sentenza. |
|
27. |
Fil-kawża ineżami, huwa paċifiku li teżisti tilwima ġenwina fil-kawża prinċipali, peress li din tirrigwarda l-legalità ta’ estensjoni tat-terminu sabiex tingħata deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-ażil, li kienet is-suġġett tas-sentenza tar-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag). Barra minn hekk, is-Segretarju tal-Istat ġie kkundannat iħallas sanzjoni għal kull jum li nqabeż dan it-terminu, b’tali mod li l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu interess li jirċievi sentenza dwar din il-kwistjoni speċifika. Waqt is-seduta, X indika li kellu interess finanzjarju fis-sentenza tal-qorti tar-rinviju, peress li huwa jista’ jiġi mġiegħel iħallas lura s-somma ta’ EUR 1800 li huwa rċieva wara s-sentenza tar-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) li kkundannat lis-Segretarju tal-Istat jieħu deċiżjoni f’ċertu terminu u jħallas sanzjoni fil-każ ta’ dewmien. X spjega, waqt is-seduta, li huwa jkollu jirrimborsa dan l-ammont jekk il-qorti tar-rinviju tiddeċiedi li l-estensjoni tat-terminu fuq il-bażi tal-WBV 2022/22 kienet legali. Minn dan isegwi li l-qorti tar-rinviju hija mitluba tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ din l-estensjoni, li hija kwistjoni ta’ liġi li tinvolvi kwistjoni ġenwina ta’ importanza prattika kunsiderevoli u li tat lok għal tilwima reali ( 9 ). |
|
28. |
Għalhekk inqis li, skont il-preżunzjoni ta’ rilevanza, interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja sabiex tippermetti lill-qorti tar-rinviju tagħti sentenza. |
B. L‑ewwel u t‑tieni domanda
|
29. |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li nipproponi li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-termini “simultanjament” u “għadd kbir” ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu estensjoni tat-tul tal-proċedura għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali mill-awtoritajiet nazzjonali għal disa’ xhur oħra fil-każ ta’ żieda progressiva fl-għadd ta’ dawn l-applikazzjonijiet u jekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, it-terminu li matulu għandha sseħħ żieda fl-għadd ta’ applikazzjonijiet huwiex limitat. |
1. Il‑kunċetti ta’ “simultanjament” u ta’ “għadd kbir” ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fis‑sens tal-punt (b) tat‑tielet subparagrafu tal‑Artikolu 31(3) tad‑Direttiva dwar il‑proċeduri
|
30. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhiex tiġi kkunsidrata biss il-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti ( 10 ). |
a) Interpretazzjoni testwali
|
31. |
Kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, it-terminu “simultanjament” huwa sinonimu mal-espressjonijiet “fl-istess ħin”, “b’mod konkomitanti” jew “fl-istess mument”. B’mod partikolari, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, din il-qorti tirreferi għat-tifsira tat-terminu “tegelijk” bl-Olandiż, li jfisser letteralment “fl-istess ħin”. Bħala tali, dan it-terminu jinkludi, skont il-qorti tar-rinviju, limitu ratione temporis strett, li huwa kkorroborat minn verżjonijiet lingwistiċi oħra ( 11 ). Madankollu, fil-fehma tiegħi, tali interpretazzjoni ma tikkostitwixxix fiha nnifisha indizju ta’ terminu speċifiku li matulu għandha sseħħ iż-żieda fl-għadd ta’ applikazzjonijiet. |
|
32. |
Fir-rigward tal-formulazzjoni “għadd kbir”, nirrileva li dan it-terminu ma huwiex iddefinit fl-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri. Il-verżjonijiet lingwistiċi differenti jużaw termini ekwivalenti jew simili ( 12 ). Għaldaqstant, mill-formulazzjoni letterali tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri ma jirriżultax jekk din tirreferix għal għadd assolut jew relattiv, kif aċċertat mill-qorti tar-rinviju. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fir-regolament adottat reċentement li jħassar id-Direttiva dwar il-proċeduri ( 13 ), il-leġiżlatur jirreferi għal “għadd sproporzjonat ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi li jagħmlu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-istess perjodu ta’ żmien” ( 14 ). |
|
33. |
Jekk it-terminu “għadd kbir” jinftiehem bħala “għadd sproporzjonat”, dan ikun ifisser li l-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil ikun ibbilanċjat jew le fi proporzjon raġonevoli ma’ dak li huwa normali jew mistenni. Madankollu, filwaqt li dan ir-raġunament jista’ jkun rilevanti għall-interpretazzjoni tar-regolament il-ġdid, id-Direttiva dwar il-proċeduri ma tirreferix għall-kunċett ta’ “sproporzjonat” jew għall-idea ġenerali ta’ proporzjonalità. |
|
34. |
Għalhekk, peress li interpretazzjoni testwali ta’ din id-dispożizzjoni ma tagħtix tweġiba determinanti għal kif għandhom jiġu interpretati t-termini “simultanjament” u “għadd kbir” fis-sens tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, issa ser nindirizza l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni. |
b) Interpretazzjoni kuntestwali
1) Deroga mir‑regola ġenerali ta’ sitt xhur
|
35. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri jikkostitwixxix eċċezzjoni li tippermetti lill-Istati Membri jwarrbu r-regola tas-sitt xhur prevista fl-ewwel subparagrafu – li tista’ titqies bħala r-regola ġenerali – u jekk dan għandux jiġi interpretat b’mod strett bħala tali ( 15 ) jew jekk dan it-tielet subparagrafu jiddeskrivix pjuttost sitwazzjonijiet li fihom tapplika regola ġdida, aspett li jagħmlu lex specialis. Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern ta’ Franza u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi sostnew li t-terminu ta’ disa’ xhur kien jikkostitwixxi regola awtonoma, distinta minn dik ta’ sitt xhur, filwaqt li X sostna li din kienet deroga li kellha tiġi interpretata b’mod strett. Il-Kummissjoni sostniet li hemm żewġ termini paralleli, jiġifieri t-terminu ta’ 6 xhur previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(3) ta’ din id-direttiva u t-terminu ta’ 15‑il xahar li jirriżulta mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tagħha. |
|
36. |
F’dan ir-rigward, nirrileva li l-Kapitolu II tad-Direttiva dwar il-proċeduri, intitolat “Prinċipji u garanziji bażiċi”, u l-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, intitolat “Proċeduri ta’ prima istanza”, jiddefinixxu d-drittijiet u l-obbligi tal-applikant fil-kuntest tal-proċedura ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni fl-ewwel istanza. L-Artikolu 31(1) u (2) jistabbilixxi qafas li jistabbilixxi standards proċedurali fir-rigward tal-kwalità u tal-iskeda tal-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet. |
|
37. |
B’mod partikolari, l-Artikolu 31(2) tad-Direttiva dwar il-proċeduri jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tiġi ffinalizzata malajr kemm jista’ jkun, bla ħsara għal eżami adegwat u komplet. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi obbligu li jsir dan l-eżami fi żmien xieraq. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(3) ta’ din id-direttiva jikkonkretizza dan l-obbligu billi jistabbilixxi terminu ta’ sitt xhur mill-preżentazzjoni tal-applikazzjoni sabiex l-awtorità nazzjonali tagħmel tali eżami (iktar ’il quddiem ir-“regola ġenerali tat-terminu ta’ sitt xhur”). |
|
38. |
It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri jiddeskrivi tliet sitwazzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jestendu dan it-terminu ta’ sitt xhur b’terminu li ma jeċċedix disa’ xhur oħra. Moqrija flimkien, huwa ċar li l-punti (a), (b) u (c) ta’ dan is-subparagrafu jikkostitwixxu derogi mill-applikazzjoni ta’ din ir-regola ġenerali li tkopri sitwazzjonijiet individwali (punti (a) u (c)) u sitwazzjonijiet ġenerali (punt (b)), li huma ta’ natura eċċezzjonali. Il-punt (b) ta’ dan it-tielet subparagrafu jinkludi riferiment espliċitu għaċ-ċirkustanzi li fihom għadd kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni apolidi japplikaw simultanjament għall-protezzjoni internazzjonali, bir-riżultat li jsir diffiċli ħafna fil-prattika li l-proċedura tiġi ffinalizzata fit-terminu ta’ sitt xhur. |
|
39. |
Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li l-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jidderogaw mir-regola ġenerali tat-terminu ta’ sitt xhur li jikkonċerna t-tul massimu tat-terminu ta’ deċiżjoni biss meta l-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti. F’ċirkustanzi speċifiċi – fejn għadd kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi japplikaw simultanjament għal protezzjoni internazzjonali, bir-riżultat li jsir diffiċli ħafna fil-prattika li l-proċedura tiġi ffinalizzata fit-terminu ta’ sitt xhur – l-Istati Membri jistgħu jestendu dan it-terminu ta’ sitt xhur. Kull interpretazzjoni oħra tkun tippreġudika l-effett utli tal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 31(2) ta’ din id-direttiva, li jeżiġi eżami fi żmien xieraq tal-applikazzjonijiet, u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tal-imsemmija direttiva, li jistabbilixxi r-regola ġenerali tat-terminu ta’ sitt xhur. |
|
40. |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata minn dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva dwar il-proċeduri, li jippermettu estensjonijiet differenti tat-termini fiċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq, jiġifieri, meta l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ta’ għadd kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni apolidi jagħmlu, fil-prattika, diffiċli ħafna l-osservanza tat-terminu stabbilit minn din id-direttiva ( 16 ). Din hija kkorroborata wkoll mill-proposta inizjali tal-Kummissjoni tal‑2009 ( 17 )u mill-proposta emendata tagħha tal‑2011 ( 18 ), li skonthom hija kellha l-intenzjoni tintroduċi “terminu ġenerali” jew “proċedura standard tal-ażil” ta’ sitt xhur. B’mod partikolari, il-memorandum ta’ spjegazzjoni għall-proposta emendata jipprevedi li “[proċedura] ta’ asil standard ta’ mhux aktar minn sitt xhur tibqa’ għan importanti tal-proposta” ( 19 ). Barra minn hekk, l-ispjegazzjoni dwar l-artikoli tal-proposta emendata tindika li, għalkemm “il-paragrafu 3 żamm l-iskadenza ġeneral ta’ sitt xhur għall-konklużjoni tal-proċedura fi prim’ istanza”, “iddaħħlu żewġ eċċezzjonijiet addizzjonali, prinċiplament meta għadd kbir ta’ applikanti jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom simultanjament u meta l-awtorità determinanti ma tkunx f’pożizzjoni li tirrispetta l-iskadenza minħabba nuqqas min-naħa tal-applikant li jikkonforma mal-obbligi tiegħu/tagħha” ( 20 ). |
|
41. |
L-argumenti l-oħra mressqa mill-Kummissjoni f’din il-kawża ma humiex, fil-fehma tiegħi, ta’ natura li jinvalidaw il-konklużjoni li l-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri jikkostitwixxi deroga mill-applikazzjoni tar-regola ġenerali tas-sitt xhur. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, filwaqt li l-Ispjegazzjoni dettaljata tal-proposta emendata ( 21 ) tirreferi għal “żewġ eċċezzjonijiet addizzjonali”, it-terminu “eċċezzjoni” ma jintużax fit-test innifsu tal-proposta. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-koleġiżlatur ma jużax it-termini “eċċezzjoni” fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, filwaqt li r-raba’ subparagrafu juża dan it-terminu b’mod espliċitu. |
|
42. |
Fil-fehma tiegħi, dispożizzjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala deroga mingħajr ma tinkludi t-terminu “deroga”. Għandu jiġi rrilevat li, billi tirreferi għal-“limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur stabbilit f’dan il-paragrafu” u għat-terminu “oħra” ( 22 ), ir-regola fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri tirreferi espliċitament għar-regola ġenerali tat-terminu ta’ sitt xhur stabbilita fl-ewwel subparagrafu. Għalhekk, huwa ċar li l-estensjoni ta’ disa’ xhur ma hijiex regola awtonoma, iżda hija pjuttost estensjoni u għalhekk deroga mir-regola ġenerali tat-terminu ta’ sitt xhur ( 23 ). F’dan ir-rigward, insostni li d-derogi jippreżentaw ruħhom f’forom differenti, bħal dispożizzjonijiet li jirrestrinġu l-libertajiet fundamentali ( 24 ) jew dispożizzjonijiet li jittrattaw każijiet ta’ forza maġġuri jew każijiet ta’ tbatija ( 25 ). Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jindirizza sitwazzjonijiet ta’ kriżi u ta’ forza maġġuri fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-ażil, li jipprovdi inter alia għal regoli speċifiċi li jidderogaw minn dawk stabbiliti f’regolamenti, bħar-Regolament il-ġdid dwar il-proċeduri tal-ażil ( 26 ). Fl-aħħar, il-formulazzjoni tal-Artikolu 31(3), (4) u (5) tad-Direttiva dwar il-proċeduri turi li t-termini għall-eżami għandhom natura kumulattiva u ma jistgħux jaqbżu l‑21 xahar. |
|
43. |
Għalhekk jiena tal-fehma li l-possibbiltà li l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jiġi estiż skont il-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri tikkostitwixxi deroga mill-applikazzjoni tar-regola tas-sitt xhur u għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. Barra minn hekk, id-derogi għandhom jingħataw interpretazzjoni li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom għal dak li jkun strettament neċessarju sabiex jiġu ssalvagwardjati l-interessi li dawn id-derogi jipproteġu ( 27 ). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, li jistabbilixxi r-regola ġenerali tat-terminu ta’ sitt xhur sabiex tingħata deċiżjoni dwar applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva dwar il-proċeduri, jagħti lil individwu d-dritt li l-applikazzjoni tiegħu tiġi evalwata f’terminu ta’ sitt xhur. Għalhekk, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jinkludi d-dritt li kull persuna jkollha l-kawżi tagħha ttrattati f’terminu raġonevoli ( 28 ). Dan id-dritt jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet biss meta ċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri jkunu ssodisfatti. |
|
44. |
Madankollu, it-termini tad-deroga prevista fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri ma għandhomx jiġu interpretati b’mod tant restrittiv li jċaħħdu l-eċċezzjoni mill-effetti tagħha ( 29 ). Konsegwentement, l-effett utli tad-deroga inkwistjoni għandu jiġi ppreżervat preċiżament sabiex l-Istat Membru jkun jista’ jikseb riljiev mill-għadd kbir ta’ applikazzjonijiet u jevalwa b’diliġenza l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. |
2) Fuq l‑effett utli tad‑deroga skont il‑punt (b) tat‑tielet subparagrafu tal‑Artikolu 31(3) tad‑Direttiva dwar il‑proċeduri
|
45. |
Peress li, fil-prattika, l-applikazzjonijiet għall-ażil rarament jiġu ppreżentati eżattament fl-istess ħin, it-terminu “simultanjament” għandu jinftiehem bħala li jfisser “f’terminu qasir”. Dan jista’ jfisser li l-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri jista’ jiġi applikat ukoll fil-każ ta’ kumulu ta’ applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati fuq ċertu terminu, anki jekk qasir. Minn dan isegwi li, għalkemm ma huwiex neċessarju li jkun meħtieġ li l-applikazzjonijiet kollha jsiru eżattament fl-istess ħin, it-terminu “simultanjament” jimplika b’mod ċar li tali applikazzjonijiet għandhom isiru f’terminu qasir. |
|
46. |
F’dak li jirrigwarda l-formulazzjoni “għadd kbir”, insostni li għandu jkun hemm skema ta’ data li turi żieda qawwija fi żmien qasir jew kwantitajiet kumulattivi ta’ applikazzjonijiet ġodda li jiżdiedu b’rata kunsiderevoli. Għaldaqstant, sabiex tiġi ddeterminata l-applikabbiltà tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, l-amministrazzjoni għandha twettaq eżami tal-għadd ta’ applikazzjonijiet ibbażat fuq mudell ta’ tkabbir. |
|
47. |
F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta minn rapport tal-Kunsill Ewropew għar-Refuġjati u l-Eżiljati, “l-ammont ta’ każijiet tal-ażil f’pajjiżi individwali jista’ jvarja b’mod sinjifikattiv fi żmien relattivament qasir u x-xogħol lura tal-kawżi pendenti jista’ jiżdied jew jonqos b’mod esponenzjali minn sena għall-oħra” ( 30 ). Kif irrileva X, minħabba l-fatt li l-miżuri baġitarji jiddependu mid-definizzjoni tagħhom fuq evalwazzjonijiet u previżjonijiet, l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati jikkontrollaw u jagħmlu previżjonijiet ta’ fluttwazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-ażil sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-proċeduri. Kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-applikazzjoni tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri timplika paragun ma’ fluss abitwali u mistenni ta’ refuġjati. Fil-fehma tiegħi, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jipparagunaw dan il-fluss ma’ dak li jikkostitwixxi “għadd kbir” skont dawn l-awtoritajiet. Dan il-paragun jinvolvi l-analiżi ta’ data statistika u ta’ skemi attwali u storiċi. |
|
48. |
Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li l-formulazzjoni “għadd kbir” ta’ applikazzjonijiet ippreżentati “simultanjament” timplika żieda sinjifikattiva tagħhom meta pparagunati max-xejriet regolari fi Stat Membru partikolari. Pereżempju, fil-każ ta’ tkabbir esponenzjali, ikun hemm żieda rapida u aċċellerata fil-kwantità ta’ applikazzjonijiet. F’każ bħal dan, huwa ċar li dan ikun jaqa’ taħt “għadd kbir” fis-sens tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri. Tali interpretazzjoni hija konformi mal-għan tad-dispożizzjoni sa fejn, jekk l-għadd ta’ applikazzjonijiet jibqa’ jiżdied b’rata għolja, l-awtorità nazzjonali tista’ tiġi affaċċjata bi problema ta’ kapaċità deċiżjonali matul is-sitt xhur tat-terminu ta’ evalwazzjoni, bir-riżultat li t-termini jkollhom bżonn jiġu estiżi. |
|
49. |
Għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni tipprekludi żieda kostanti jew progressiva fl-applikazzjonijiet. Anki jekk it-terminu “simultanjament” jista’ jiġi interpretat b’mod ftit iktar ġenerali mis-sens letterali tiegħu, jibqa’ l-fatt li dan it-terminu ma jistax jeċċedi terminu qasir ta’ żmien, peress li, f’dan il-każ, is-sitwazzjoni li din id-dispożizzjoni hija intiża li tirregola tkun inqabżet. It-terminu “simultanjament” ifisser li jkun hemm l-ogħla livell ta’ applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati fi żmien qasir. Għalhekk ma jidhirx li l-għan tad-deroga huwa li din tiġi applikata għal żieda progressiva fl-applikazzjonijiet matul ċertu terminu. |
|
50. |
Kull interpretazzjoni oħra tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri tkun iċċaħħad il-formulazzjoni “għadd kbir” ta’ applikazzjonijiet ippreżentati “simultanjament” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minn kwalunkwe tifsira jew effett, peress li żieda normali tkun timplika ċerta prevedibbiltà u ma tkunx tikkorrispondi mal-għan tad-dispożizzjoni, li huwa li tinħoloq deroga fil-każ ta’ ċirkustanzi speċifiċi. |
|
51. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-deroga prevista fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri tikkostitwixxi wkoll deroga mill-obbligu stabbilit fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva sabiex jiġi żgurat li l-għadd tal-persunal ikun suffiċjenti. Għalhekk, jista’ jiġi argumentat li, sabiex tapplika din id-deroga, iċ-ċirkustanzi speċifiċi għandhom jiġu ddefiniti b’tali mod li l-għadd ta’ applikazzjonijiet irid ikun imprevedibbli għall-awtorità nazzjonali. Madankollu, fil-fehma tiegħi, peress li l-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri ma jimponix espliċitament il-kundizzjoni li ż-żieda fl-għadd ta’ applikazzjonijiet simultanji għandha tkun imprevedibbli, il-prevedibbiltà taż-żieda ma għandhiex tkun parti minn dak li jinftiehem bħala “għadd kbir” ta’ applikazzjonijiet “simultanji”. |
|
52. |
Għalhekk, meta l-għadd ta’ applikazzjonijiet jiżdied b’mod konsistenti maż-żmien, pereżempju fil-każ ta’ tkabbir lineari, din id-dispożizzjoni ma għandhiex tapplika. Għall-kuntrarju, meta l-kurva li tkun tirrappreżenta l-għadd ta’ dawn l-applikazzjonijiet tiżdied b’rata mgħaġġla jew bi spike, is-sitwazzjoni tista’ taqa’ taħt il-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri ( 31 ). |
|
53. |
Finalment, meta nitkellmu dwar żieda jew tkabbir fl-għadd ta’ applikazzjonijiet, il-kwistjoni li tqum tirrigwarda t-terminu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx għadd kbir ta’ applikazzjonijiet simultanji fis-sens tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tipprevedi terminu speċifiku, peress li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk ikunx seħħ tkabbir sinjifikattiv. Madankollu, għalkemm l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fl-applikazzjoni tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, l-għan ta’ din id-direttiva huwa li jiġi żgurat ċertu livell ta’ uniformità fl-Unjoni Ewropea fil-mod kif l-applikazzjonijiet għall-ażil jiġu pproċessati. Billi timponi standards proċedurali vinkolanti dwar kemm l-applikazzjonijiet għall-ażil għandhom jiġu ttrattati malajr, din id-direttiva toħloq standard proċedurali komuni għall-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li applikanti għall-ażil madwar l-Unjoni ma jkunux suġġetti għal termini ta’ stennija varjabbli ħafna ( 32 ). |
|
54. |
Fil-kuntest ta’ direttiva li tipprevedi termini speċifiċi għall-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari l-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri li jipprevedi terminu ta’ sitt xhur bħala prinċipju sabiex tingħata deċiżjoni dwar tali applikazzjonijiet, interpretazzjoni f’termini ta’ trimestri u ta’ sitt xhur donnha tagħmel iktar sens minn dik f’termini ta’ snin. Madankollu, kif irrilevat iktar ’il fuq, id-Direttiva dwar il-proċeduri u, b’mod partikolari, it-terminu “simultanjament”, ma jindikawx it-tul tat-terminu li għandu jservi bħala terminu jew riferiment sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm għadd kbir ta’ applikazzjonijiet simultanji, u lanqas ma jista’ jkun hemm xi terminu massimu li matulu sseħħ iż-żieda fir-rata tal-għadd ta’ applikazzjonijiet sabiex issir tali konstatazzjoni. Minn dan isegwi li l-awtoritajiet jew il-qrati nazzjonali għandhom jiffavorixxu applikazzjoni konformi mal-għan tad-Direttiva dwar il-proċeduri, li tipprevedi l-finalizzazzjoni f’waqtha tal-proċedura ta’ eżami ( 33 ). |
c) Interpretazzjoni teleoloġika
|
55. |
L-interpretazzjoni kuntestwali msemmija iktar ’il fuq tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, li tippermetti li jittieħed inkunsiderazzjoni ċertu terminu u teskludi s-sitwazzjonijiet ta’ tkabbir progressiv jew kostanti fl-għadd tal-applikazzjonijiet, hija konformi mal-interpretazzjoni teleoloġika tad-Direttiva dwar il-proċeduri. |
|
56. |
B’mod partikolari, l-għan ta’ din id-direttiva huwa li tiżgura evalwazzjoni sħiħa u effikaċi tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ( 34 ). F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-Direttiva dwar il-proċeduri hija intiża li tiżgura aċċess effettiv, faċli u rapidu għall-proċedura tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali, inkluż sa mill-fażi ta’ meta tiġi ppreżentat l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ( 35 ). Għal dan l-għan, l-Artikolu 31(2) tad-Direttiva dwar il-proċeduri jipprevedi li l-proċedura ta’ eżami għandha titlesta “mill-aktar fis possibbli, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u komplet”, li jfisser li l-proċedura għandha tkun f’waqtha, kompleta u xierqa ( 36 ). Kif irrilevat iktar ’il fuq, l-għan tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri huwa li jipprovdi deroga mit-terminu ta’ sitt xhur previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(3) ta’ din id-direttiva fil-każ ta’ ċirkustanzi partikolari, jiġifieri, meta għadd kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi japplikaw simultanjament għal protezzjoni internazzjonali, li fil-prattika jagħmel il-finalizzazzjoni tal-proċedura diffiċli ħafna fit-terminu ta’ sitt xhur ( 37 ). B’mod partikolari, kif spjegat hawn fuq, il-proċedura standard tal-ażil b’tul massimu ta’ sitt xhur kienet ir-raġuni wara l-leġiżlazzjoni introdotta fl‑2009 ( 38 ). |
|
57. |
Konsegwentement, il-kunċetti ta’ “għadd kbir” u ta’ “simultanjament” għandhom jiġu interpretati billi jittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-għan tal-Artikolu 31 tad-Direttiva dwar il-proċeduri, li huwa ż-żieda fl-effikaċja tal-eżami tal-applikazzjonijiet u l-provvista ta’ aċċess iktar rapidu għall-protezzjoni tar-refuġjati u tal-persuni li għandhom bżonn protezzjoni sussidjarja. L-għan li tittieħed id-deċiżjoni malajr kemm jista’ jkun huwa manifestament inkompatibbli ma’ interpretazzjoni wiesgħa ta’ dawn il-kunċetti. It-twettiq tal-għanijiet imsemmija iktar ’il fuq u l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni jkunu serjament kompromessi jekk Stat Membru jkun jista’ japplika d-deroga inkwistjoni fil-każ ta’ żieda progressiva fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil fuq terminu relattivament twil. |
|
58. |
F’din il-perspettiva, il-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, li jipprevedi l-possibbiltà li t-termini ta’ eżami jiġu estiżi f’ċerti ċirkustanzi, għandu jiġi bbilanċjat mal-obbligi previsti fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva. Madankollu, it-terminu stabbilit mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, li joħloq dritt għal individwu li l-applikazzjoni tiegħu tiġi eżaminata f’terminu ta’ sitt xhur, ma jistax jiġi eċċessivament kompromess sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, l-għan tad-Direttiva dwar il-proċeduri jinkludi l-iżgurar li l-Istati Membri jipproċessaw l-applikazzjonijiet għall-ażil b’mod effikaċi u mingħajr dewmien indebitu. Fi kliem ieħor, id-dritt għal proċess deċiżjonali rapidu u effikaċi huwa fuq l-istess livell tar-rekwiżiti kwalitattivi li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-proċeduri. |
|
59. |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kunċett ta’ “għadd kbir” jistax jiddependi mill-kapaċità u mir-riżorsi tal-Istat Membru, fil-fehma tal-Kummissjoni dan il-kunċett jista’ jiġi evalwat b’mod numeriku, billi jsir riferiment għal żieda purament numerika fl-applikazzjonijiet li ma tvarjax skont il-kapaċitajiet ta’ amministrazzjoni jew ta’ pproċessar ta’ Stat Membru. Għall-kuntrarju, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u dak ta’ Franza sostnew, waqt is-seduta, li dan l-għadd jista’ jiġi ddeterminat billi kull Stat Membru jitħalla jieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità u r-riżorsi tiegħu stess. Fil-fehma tiegħi, fid-dawl tal-fatt li d-derogi għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv u li l-approċċ ibbażat fuq il-kapaċitajiet jista’ jagħti lok għal approċċi diverġenti fil-mod kif l-Istati Membri japplikaw il-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, l-għadd ta’ applikazzjonijiet għandu jiġi evalwat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-għadd reali ta’ applikazzjonijiet matul terminu partikolari u billi dan jiġi pparagunat ma’ data storika. Kif diġà ssuġġerejt, l-użu tad-data minn perijodi preċedenti jista’ jipprovdi standard iktar koerenti u oġġettiv għal dak li jikkostitwixxi “għadd kbir” ta’ applikazzjonijiet. Filwaqt li l-kapaċità u r-riżorsi jista’ jkollhom rwol fl-evalwazzjoni tal-kapaċità ġenerali ta’ Stat Membru li jipproċessa l-applikazzjonijiet għall-ażil, dawn ma jistgħux ikunu fattur sabiex jiġi ddeterminat jekk l-għadd ta’ applikazzjonijiet huwiex “kbir”. |
|
60. |
Fl-aħħar, l-għan tal-estensjoni tat-termini prevista fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri huwa sabiex l-Istati Membri jevitaw il-ħolqien ta’ xogħol lura. Meta din id-dispożizzjoni tiġi skattata, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jitolbu miżuri provviżorji fl-estensjoni tat-termini, iżda meta l-għadd ta’ applikazzjonijiet jibqa’ dejjem għoli – kif huwa l-każ fil-Pajjiżi l-Baxxi sa mill‑2021, kif spjega l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi matul is-seduta – l-awtoritajiet nazzjonali għandhom isibu mezzi oħra sabiex jittrattaw din il-problema. Kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, Stat Membru jista’ jinvoka din id-dispożizzjoni biss jekk dan ikun strettament neċessarju sabiex iżid ir-riżorsi tiegħu. Fil-qosor, il-kunċett ta’ “għadd kbir” ta’ applikazzjonijiet “simultanji”, fis-sens tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ sitt xhur għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jista’ jiġi estiż b’disa’ xhur biss jekk iż-żieda fl-għadd ta’ applikazzjonijiet fi Stat Membru partikolari jseħħ b’ritmu għoli, li jagħti lok għal “spike” f’dan l-għadd li, fid-dawl tan-natura derogatorja ta’ din id-dispożizzjoni, tipprekludi żieda progressiva fuq terminu twil ta’ żmien. |
2. Applikazzjoni għall‑kawża ineżami
|
61. |
Hija naturalment ir-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi l-fatti fil-kawża prinċipali. Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju inkludiet tabelli li jindikaw l-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati fl‑2021 u l‑2022 ( 39 ). Dawn iċ-ċifri huma meħuda mis-sit tas-Segretarju tal-Istat u jirriflettu l-varjazzjonijiet fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil kif ukoll il-fluttwazzjonijiet fil-kapaċità deċiżjonali. |
|
62. |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fuq il-bażi taċ-ċifri eżistenti dwar l-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil bejn l‑2014 u l‑2022, kif ukoll dwar il-kapaċità deċiżjonali, jekk il-Pajjiżi l-Baxxi ġewx ikkonfrontati b’żieda f’daqqa jew, għall-kuntrarju, progressiva fl-għadd ta’ applikazzjonijiet. |
|
63. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-WBV 2022/22 ġie adottat fil‑21 ta’ Settembru 2022 u daħal fis-seħħ fis‑27 ta’ Settembru 2022 ( 40 ). Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata t-tendenza f’dak il-mument sabiex jiġi ddeterminat jekk seħħewx tkabbir jew żieda rapidi fl-għadd ta’ applikazzjonijiet, kif deskritt iktar ’il fuq, matul terminu limitat qabel l-adozzjoni ta’ dan l-att u sabiex ir-rata ta’ dan it-tkabbir tiġi pparagunata mat-tkabbir li l-awtoritajiet kellhom raġonevolment jipprevedu waqt l-ippjanar tar-riżorsi tagħhom għall‑2022 sabiex jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-proċeduri. |
|
64. |
Fil-kawża ineżami, il-qorti tar-rinviju tindika li l-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati fis-sena kien is-segwenti:
|
|
65. |
Fil-fehma tiegħi, dawn iċ-ċifri juru li r-rata ta’ tkabbir għall-perijodu mill‑2018 sal‑2020 kienet negattiva. Din ir-rata ta’ tkabbir żdiedet b’mod sinjifikattiv fl‑2021 (iktar minn 90 % meta pparagunata mas-sena ta’ qabel, li x’aktarx kienet dovuta għall-pandemija tal-COVID‑19), u tkompliet b’mod iktar kostanti fl‑2022 (iktar minn 30 %). Li kieku r-rata ta’ tkabbir tal‑2021 kompliet fl‑2022, l-għadd mistenni ta’ applikazzjonijiet għall‑2022 kien ikun ta’ madwar 70000, iżda minflok ir-rata ta’ tkabbir naqset, u minħabba f’hekk l-għadd ta’ applikazzjonijiet kien ta’ 47991. Madankollu, il-WBV 2022/22 ġie adottat fil‑21 ta’ Settembru 2022, jiġifieri sena wara żieda qawwija fir-rata ta’ tkabbir, u inizjalment baqa’ fis-seħħ għal sitt xhur. Għalhekk jidher li ż-żieda qawwija seħħet iktar kmieni, u mhux fl‑2022, meta dan id-digriet ġie adottat. |
|
66. |
Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina d-data statistika rilevanti kollha dwar l-applikazzjonijiet għall-ażil sabiex tiddetermina jekk dan it-tkabbir jirrappreżentax żieda qawwija u jekk dan seħħx f’terminu limitat. |
C. Il‑tielet domanda
|
67. |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex diffiċli ħafna fil-prattika li l-proċedura tiġi ffinalizzata fit-terminu ta’ sitt xhur imsemmi fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri – parzjalment fid-dawl tal-Artikolu 4(1) tagħha – jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li ma jistgħux jiġu rrintraċċati għaż-żieda fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, bħall-fatt li l-awtorità determinanti jkollha taffaċċja xogħol lura preeżistenti li kien hemm qabel iż-żieda fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jew nuqqas ta’ kapaċità ta’ persunal. |
1. Il‑kunċett ta’ “diffiċli ħafna fil‑prattika li l‑proċedura tiġi ffinalizzata fit‑terminu ta’ sitt xhur” fis‑sens tal‑punt (b) tat‑tielet subparagrafu tal‑Artikolu 31(3) tad‑Direttiva dwar il‑proċeduri
|
68. |
Fid-dawl tal-obbligu li jsir eżami adegwat u komplet previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, il-formulazzjoni “diffiċli ħafna fil-prattika li l-proċedura tiġi ffinalizzata fil-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur”, fis-sens tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, għandha timplika evalwazzjoni oġġettiva tal-kapaċità deċiżjonali tal-awtoritajiet nazzjonali. B’mod partikolari, meta awtorità nazzjonali tinvoka din id-dispożizzjoni, hija għandha tkun f’pożizzjoni li turi, permezz ta’ analiżi kwalitattiva, li hemm impossibbiltà oġġettiva li l-proċedura tiġi ffinalizzata fit-terminu ta’ sitt xhur. Fi kliem ieħor, impressjoni suġġettiva ma hijiex suffiċjenti u għandu jkun hemm prova ta’ diffikultajiet oġġettivi minħabba kapaċità deċiżjonali insuffiċjenti meta pparagunata ma’ li seta’ jkun mistenni skont il-previżjonijiet. |
|
69. |
Din l-evalwazzjoni timplika li l-qorti nazzjonali għandha teżamina jekk intweriex oġġettivament li t-terminu ta’ sitt xhur ma jistax jintlaħaq, li jfisser li l-kapaċità deċiżjonali tal-awtorità nazzjonali u l-previżjonijiet tagħha għall-perijodu kkonċernat jenħtieġ li jiġu evalwati. Huwa biss meta din il-konstatazzjoni fattwali tkun saret li l-qorti nazzjonali tista’ tistabbilixxi r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati d-diffikultajiet inkwistjoni, li ser neżamina fit-taqsima li ġejja. |
|
70. |
F’dan ir-rigward, xejn mill-proċess tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jindika jekk, fil‑21 ta’ Settembru 2022, fil-mument tal-adozzjoni tal-WBV 2022/22, kienx jeżisti xi xogħol lura importanti. Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-argument tas-Segretarju tal-Istat li ċirkustanzi, bħax-xogħol lura preeżistenti li ltaqgħet miegħu l-awtorità nazzjonali, li jimponi restrizzjonijiet fuq il-kapaċità deċiżjonali tiegħu u jikkontribwixxi sabiex jagħmel diffiċli ħafna, fil-prattika, li l-proċedura tiġi ffinalizzata bir-reqqa f’terminu ta’ sitt xhur, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk din l-awtorità tistax testendi dan it-terminu. Madankollu, peress li xejn fil-proċess ma jissuġġerixxi li tali ċirkustanzi ġew stabbiliti, il-qorti tar-rinviju għandha tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk, fil-mument tal-adozzjoni tal-WBV 2022/22, kienx jeżisti xogħol lura reali. |
|
71. |
Għaldaqstant, fid-dawl tan-natura kumulattiva tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri u tar-rabta kawżali meħtieġa bejn l-ewwel żewġ kundizzjonijiet u t-tielet kundizzjoni, it-tielet domanda tkun tqum biss fil-każ li l-qorti tar-rinviju tikkonstata li, fil‑21 ta’ Settembru 2022, jidher li kien hemm “għadd kbir” ta’ applikazzjonijiet ippreżentati “simultanjament”, li fil-prattika jagħmel diffiċli ħafna li l-proċedura tiġi ffinalizzata bir-reqqa fi żmien sitt xhur. Il-kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk il-qorti tar-rinviju tistax tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra minbarra ż-żieda f’dawn l-applikazzjonijiet, li essenzjalment ifisser jekk ir-rabta bejn l-ewwel żewġ kundizzjonijiet u t-tielet waħda hijiex ta’ natura esklużiva jew le. |
2. L‑esklużività tar‑rabta kawżali
|
72. |
Fil-kawża A u S ( 41 ), dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ refuġjati minuri skont l-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86/KE ( 42 ), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ma jiddependix biss mis-sitwazzjonijiet inkwistjoni, iżda wkoll fuq kemm ikollhom xogħol l-awtoritajiet kompetenti kif ukoll fuq l-għażliet politiċi li jkunu saru mill-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-persunal imqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet u l-każijiet li għandhom jiġu ttrattati bi prijorità. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, diġà ddeċidiet li d-diffikultajiet prattiċi li jiltaqgħu magħhom l-awtoritajiet nazzjonali sabiex josservaw it-termini, bħat-terminu ta’ sitt xhur inkwistjoni, huma ta’ spiss multifattorjali. Iktar reċentement, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Istati Membri ma jistgħux jinvokaw ċirkustanzi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom, bħal emendi leġiżlattivi, sabiex jiġġustifikaw nuqqas ta’ osservanza mar-rekwiżit li tiġi pproċessata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’terminu raġonevoli ( 43 ). |
|
73. |
Madankollu, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, l-awtorità nazzjonali għandha turi li l-impossibbiltà li jiġi osservat it-terminu ta’ sitt xhur hija, b’mod ċert u inekwivoku, dovuta għaż-żieda simultanja fl-għadd ta’ applikazzjonijiet ġodda. Il-formulazzjoni u l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni jipprekludu interpretazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni raġunijiet oħra li jkunu wasslu għall-assenza ta’ deċiżjoni fit-terminu stabbilit. F’dan ir-rigward, nirrileva li t-tliet derogi kollha previsti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri huma kollha skattati minn avvenimenti li ma humiex marbuta ma’ kwistjonijiet ta’ ġestjoni interna tal-amministrazzjoni nazzjonali kompetenti. Dawn l-avvenimenti jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “avvenimenti esterni”, filwaqt li jiġi speċifikat li l-ebda waħda mill-problemi li jippermettu estensjoni tat-terminu ta’ sitt xhur ma hija attribwibbli għal diffikultajiet ta’ ġestjoni ( 44 ). Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta tad-deroga stabbilita f’din id-dispożizzjoni u mill-fatt li l-Istati Membri jistgħu jinvokaw din id-deroga biss meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fiha jkunu ssodisfatti. |
|
74. |
Barra minn hekk, l-impossibbiltà li jiġi osservat it-terminu ta’ sitt xhur minħabba ż-żieda simultanja fl-għadd ta’ applikazzjonijiet ġodda għandha sseħħ matul jew ftit qabel it-terminu ta’ sitt xhur li jkun ser jiġi estiż. Stat Membru ma jistax jinvoka żieda qawwija li seħħet ħafna qabel dan it-terminu ta’ sitt xhur. Fi kliem ieħor, xogħol lura minn żieda preċedenti fl-għadd ta’ applikazzjonijiet li seħħew ferm qabel il-preżentata tal-applikazzjoni ma jistgħux jagħtu lok għal estensjoni tat-terminu previst fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri. |
|
75. |
Barra minn hekk, l-ammissjoni ta’ ċirkustanzi oħra fis-sens tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri tkun tippreġudika l-obbligu tal-Istat Membru skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva. L-effett utli tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jippreżupponi li l-awtorità nazzjonali għandha tiżgura li ċerti fluttwazzjonijiet fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għal ażil ikunu jistgħu jiġu rrimedjati u li l-kapaċità deċiżjonali tal-Istat Membru tkun tista’ tlaħħaq magħhom. Fi kliem ieħor, meta l-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil ikun jikkorrispondi għal tendenza normali, l-awtorità nazzjonali hija mistennija torganizza r-riżorsi tagħha u l-kapaċità deċiżjonali tagħha fuq din il-bażi. Madankollu, meta jseħħu ċirkustanzi esterni straordinarji, bħal “għadd kbir” ta’ applikazzjonijiet ippreżentati “simultanjament”, ma jistax jiġi mistenni mill-Istati Membri li jissodisfaw dawn l-obbligi, peress li r-riżorsi normali mistennija jistgħu ma jkunux suffiċjenti. Għalhekk, xogħol lura preeżistenti ma jistax jikkostitwixxi ċirkustanza li tiġġustifika estensjoni skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri. |
|
76. |
Fid-dawl tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, ċirkustanzi li ma jammontawx għal żieda simultanja fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex diffiċli ħafna fil-prattika li l-proċedura tiġi ffinalizzata fit-terminu ta’ sitt xhur. L-impossibbiltà li jiġi osservat it-terminu ta’ sitt xhur li hija dovuta għaż-żieda simultanja fl-għadd ta’ applikazzjonijiet ġodda għandha sseħħ matul jew ftit qabel it-terminu ta’ sitt xhur li ser jiġi estiż. |
IV. Konklużjoni
|
77. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej: Il-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ sitt xhur għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32 jista’ jiġi estiż b’disa’ xhur biss jekk iż-żieda fl-għadd ta’ applikazzjonijiet fi Stat Membru partikolari sseħħ b’rata għolja, li tagħti lok għal żieda rapida (“spike”) f’dan l-għadd, li, fid-dawl tan-natura eċċezzjonali taċ-ċirkustanzi stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, tipprekludi żieda progressiva fl-għadd ta’ applikazzjonijiet fuq terminu twil. Ċirkustanzi li ma jammontawx għal żieda simultanja fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex diffiċli ħafna fil-prattika li l-proċedura tiġi ffinalizzata fit-terminu ta’ sitt xhur. L-impossibbiltà li jiġi osservat it-terminu ta’ sitt xhur minħabba ż-żieda simultanja fl-għadd ta’ applikazzjonijiet ġodda għandha sseħħ matul jew ftit qabel it-terminu ta’ sitt xhur li ser jiġi estiż. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.
( 2 ) Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Proċeduri”).
( 3 ) Stb. 2000, Nru 495.
( 4 ) Is-Segretarju tal-Istat ġie kkundannat iħallas sanzjoni ta’ EUR 100 għal kull jum li fih inqabeż dan it-terminu, sa massimu ta’ EUR 7500.
( 5 ) Din id-dispożizzjoni taqra “waardoor” [bl-Olandiż], “du fait qu[e]” bil-Franċiż u “so dass” bil-Ġermaniż.
( 6 ) Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 20).
( 7 ) Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punti 44 u 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema - Ħatra) (C‑508/19, EU:C:2022:201, punti 60 u 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 8 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine (C‑176/96, EU:C:2000:201, punt 19). Ara, ukoll, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2009, Roda Golf & Beach Resort (C‑14/08, EU:C:2009:395, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 9 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 29).
( 10 ) Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2014, Ben Alaya (C‑491/13, EU:C:2014:2187, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 11 ) Verżjonijiet lingwistiċi oħra jużaw termini ekwivalenti. Ara, inter alia, il-verżjoni lingwistika Franċiża (“simultanément”), Spanjola (“simultáneamente”), Ġermaniża (“gleichzeitig”), Taljana (“contemporaneamente”), Latvjana (“vienlaikus”), Litwana (“vienu metu”), Bulgara (“едновременно”), Portugiża (“simultaneamente”), Rumena (“simultan”), Finlandiża (“samanaikaisesti”), Slovena (“hkrati”), Daniża (“samtidigt”), Svediża (“samtidigt”) u dik Estonjana (“korraga”).
( 12 ) Ara, inter alia, il-verżjoni lingwistika Olandiża (“een groot aantal”), Franċiża (“un grand nombre”), Spanjola (“un gran número”), Ġermaniża (“eine große Anzahl”), Taljana (“un gran numero”), Latvjana (“liels skaits”), Litwana (“daug”), Bulgara (“голям брой”), Portugiża (“um grande número”’), Rumena (“un număr mare”), Finlandiża (“suuria määriä”), Slovena (“veliko državljanov”), Daniża (“et stort antal”), Svediża (“ett stort antal”) u dik Estonjana (“suur hulk”).
( 13 ) Regolament (UE) 2024/1348 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi proċedura komuni tal-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE (ĠU L 2024/1348). Peress li dan ir-regolament daħal fis-seħħ fil‑11 ta’ Ġunju 2024 (id-dispożizzjonijiet tiegħu ser japplikaw mit‑12 ta’ Ġunju 2026), dan ma huwiex rilevanti għall-kawża ineżami. Ara wkoll il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2016 li jistabbilixxi proċedura komuni għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE (COM (2016) 467 final).
( 14 ) Enfasi miżjuda minni. L-Artikolu 35(5) ta’ dan ir-regolament fih tliet raġunijiet differenti sabiex jiġi estiż it-terminu b’sitt xhur addizzjonali (b’kuntrast mad-disa’ xhur skont id-Direttiva dwar il-proċeduri): (a) għadd sproporzjonat ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni apolidi jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-istess terminu, u dan jagħmilha infattibbli li l-proċedura ta’ ammissibbiltà tiġi ffinalizzata fit-termini stabbiliti; (b) ikun hemm kwistjonijiet kumplessi ta’ fatt jew ta’ liġi; u (c) id-dewmien jista’ jiġi attribwit b’mod ċar u esklużivament għan-nuqqas tal-applikant milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament.
( 15 ) Ara, b’mod iktar ġenerali, dwar ir-regola li d-derogi għandhom jiġu interpretati b’mod strett, is-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2005, easyCar (C‑336/03, EU:C:2005:150, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (Miżuri restrittivi għat-tneħħija) (C‑718/19, EU:C:2021:505, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’analoġija, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva dwar il-proċeduri jippreżenta, b’mod ġenerali, deroga mill-obbligu tal-Istati Membri li jeżaminaw fil-mertu l-applikazzjonijiet kollha għal protezzjoni internazzjonali (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Bundesrepublik Deutschland (Wild ta’ refuġjati mwieled barra mill-Istat ospitanti), C‑720/20, EU:C:2022:603, punt 49).
( 16 ) L-Artikolu 6(5) tad-Direttiva dwar il-proċeduri jipprevedi li t-terminu għar-reġistrazzjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil jista’ jiġi estiż meta applikazzjonijiet simultanji għal protezzjoni internazzjonali minn għadd kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni apolidi jagħmluha diffiċli ħafna fil-prattika li jiġi osservat it-terminu ta’ tlett ijiem ta’ xogħol wara li tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 43(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri ma jinkludix it-terminu “simultanjament”, iżda jirreferi għal “numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni apolidi li jippreżentaw applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali fuq il-fruntiera jew f’żona ta’ tranżitu”. Barra minn hekk, l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva jippermetti lill-Istati Membri jipprovdu li l-persunal ta’ awtorità oħra jista’ jiġi temporanjament involut fit-twettiq ta’ intervisti personali meta applikazzjonijiet simultanji għal protezzjoni internazzjonali minn għadd kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni apolidi jagħmluha impossibbli fil-prattika għall-awtorità determinanti li twettaq intervisti fi żmien xieraq fuq il-mertu ta’ kull applikazzjoni.
( 17 ) Proposta għal Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (KUMM (2009) 554 finali).
( 18 ) Proposta għal Direttiva UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali (Tfassil mill-ġdid), KUMM (2011) 319 finali), punt 3.1.3 tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni.
( 19 ) Ara l-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-proposta emendata ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18.
( 20 ) Ara l-Anness, Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta emendata li jakkumpanja d-dokument Proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali, p. 11, li jipprevedi:
“Huwa wkoll propost li l-proċess tal-ażil jiġi integrat permezz tal-introduzzjoni ta’ limiti ta’ żmien għall-proċeduri ta’ prim’ istanza. Il-limitu ta’ żmien ġenerali previst ta’ 6 xhur jakkomoda l-emendi leġiżlattivi u/jew il-prattiċi tal-maġġoranza tal-Istati Membri […]. Huwa strumentali fit-titjib tal-effiċjenza tal-eżaminazzjonijiet, tnaqqis tal-ispejjeż, l-iffaċilitar tat-tneħħija tal-persuni li ma ngħatawx ażil u l-iżgurar ta’ aċċess iktar mgħaġġel għall-protezzjoni għar-rifuġjati ġenwini u persuni li għandhom bżonn ta’ protezzjoni sussidjarja. L-emendi jipprovdu wkoll għall-possibbiltà ta’ estensjoni tal-limitu ta’ żmien għal 6 xhur iktar f’każijiet individwali. Sabiex l-Istati Membri jingħataw iktar żmien biex jaddattaw u jerġgħu jorganizzaw il-proċeduri nazzjonali tagħhom skont il-limiti ta’ żmien proposti, il-proposta tipprovdi għall-posponiment tal-iskadenza tat-traspożizzjoni fir-rigward ta’ dawn l-emendi għal 3 snin.”
( 21 ) Ibid.
( 22 ) Filwaqt li l-verżjoni lingwistika Olandiża ma tirreferix għat-terminu “oħra”, għandu jiġi osservat li dan it-terminu jista’ jinsab f’ħafna verżjonijiet lingwistiċi oħra. Ara, inter alia, il-verżjoni lingwistika Bulgara (‘допълнителен’), Spanjola (‘otros’), Ingliża (‘further’), Franċiża (‘supplémentaires’), Ċeka (‘dalších’), Ġermaniża (‘weitere’), Taljana (‘ulteriori’), Latvjana (‘vēl’), Portugiża (‘outros’), Finlandiża (‘enintään’), Daniża (‘yderligere’), Svediża (‘ytterligare’), Slovakka (‘ďalších’) u dik Griega (‘επιπλέον’).
( 23 ) Għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jsostni X, fis-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑808/18, EU:C:2020:1029), il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar in-natura tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri. Ir-riferiment għal din id-dispożizzjoni fil-punt 134 ta’ din is-sentenza jikkostitwixxi biss deskrizzjoni tal-argument tal-Kummissjoni ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża.
( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (Miżuri restrittivi għat-tneħħija) (C‑718/19, EU:C:2021:505, punt 56), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-eċċezzjonijiet u d-derogi għall-moviment liberu tal-persuni għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni stretta.
( 25 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2023, Instituto de Financiamento da Agricultura e Pescas (Miżuri ta’ afforestazzjoni) (C‑213/22, EU:C:2023:904, punt 39). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’UFC - Que choisir u CLCV (C‑407/21, EU:C:2022:690, punt 39).
( 26 ) COM (2020) 613 final.
( 27 ) Sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère (C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 40). Ara wkoll is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 89).
( 28 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punt 45), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-neċessità li jiġi żgurat aċċess effettiv għall-istatus mogħti mill-protezzjoni internazzjonali teżiġi li l-applikazzjoni tiġi eżaminata f’terminu raġonevoli.
( 29 ) Sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Regards Photographiques (C‑145/18, EU:C:2019:668, punti 32). Ara wkoll is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2013, PFC Clinic (C‑91/12, EU:C:2013:198, punt 23).
( 30 ) Ott, J., Asylum authorities: An overview of internal structures and available resources, il-Kunsill Ewropew għar-Refuġjati u l-Eżiljati: Brussell, il-Belġju 2019, p. 34. F’termini ċari, ikun hemm tkabbir esponenzjali meta r-rata ta’ tkabbir ta’ valur tkun proporzjonali għall-valur innifsu, li jwassal għal żieda fil-valur b’fattur kostanti f’kull terminu ugwali. Pereżempju, meta l-valur jirdoppja jew jittriplika f’kull terminu, dan ikun eżempju ta’ tkabbir esponenzjali.
( 31 ) Peress li mhux il-kurvi kollha li jilwu ’l fuq huma esponenzjali, il-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar il-proċeduri jista’ jakkomoda iktar mudelli ta’ tkabbir milli tkabbir esponenzjali biss.
( 32 ) Id-Direttiva dwar il-proċeduri hija parti mis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, li għandha l-għan li tiżgura li l-proċeduri tal-ażil madwar l-Unjoni jitwettqu b’mod simili u konsistenti. Dan jinkludi l-istabbiliment ta’ prinċipji u ta’ termini speċifiċi għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet. Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, il-premessi 12, 18, 19 u 37 tad-Direttiva dwar il-proċeduri. F’dak li jirrigwarda t-termini speċifiċi fir-rigward tal-aċċess għall-proċedura u l-eżami tal-applikazzjonijiet, ara b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 31 tad-Direttiva dwar il-proċeduri.
( 33 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 31(2) tad-Direttiva dwar il-proċeduri, li huwa intiż li jiffavorixxi ċerta uniformità tad-dritt dwar l-ażil fl-Istati Membri tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tat-termini għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil.
( 34 ) Ara l-premessa 11 tad-Direttiva dwar il-proċeduri.
( 35 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Kriminalizzazzjoni tal-għajnuna għall-applikanti għall-ażil) (C‑821/19, EU:C:2021:930, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru ma jistax, mingħajr ma jippreġudika l-effett utli tal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-proċeduri, idewwem b’mod mhux iġġustifikat il-mument meta l-persuna kkonċernata tingħata l-opportunità tippreżenta l-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑808/18, EU:C:2020:1029, punti 103 u 106).
( 36 ) Ara wkoll il-premessa 18 tad-Direttiva dwar il-proċeduri.
( 37 ) Ara l-punti 39 sa 41 iktar ’il fuq.
( 38 ) Ara l-punt 40 iktar ’il fuq. Ara wkoll il-proposta inizjali għal Direttiva dwar il-proċeduri riveduta, li fiha l-Kummissjoni spjegat li l-introduzzjoni ta’ limiti ta’ żmien għat-tlestija tal-proċedura ta’ pproċessar kienet immotivata mill-ħtieġa li “l-proċess tal-ażil jiġi integrat permezz tal-introduzzjoni ta’ limiti ta’ żmien għall-proċeduri ta’ prim’ istanza”. Ġie ddikjarat li “[i]l-limitu ta’ żmien ġenerali previst ta’ 6 xhur jakkomoda l-emendi leġiżlattivi u/jew il-prattiċi tal-maġġoranza tal-Istati Membri, ikkonsultati fil-proċess tal-preparament tal-emendi […] Huwa strumentali fit-titjib tal-effiċjenza tal-eżaminazzjonijiet, tnaqqis tal-ispejjeż, l-iffaċilitar tat-tneħħija tal-persuni li ma ngħatawx ażil u l-iżgurar ta’ aċċess iktar mgħaġġel għall-protezzjoni għar-rifuġjati ġenwini u persuni li għandhom bżonn ta’ protezzjoni sussidjarja.”
( 39 ) Ara l-punti 4 sa 7, “Il-figuri u l-previżjonijiet dwar l-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil fil-Pajjiżi l-Baxxi”.
( 40 ) Skont il-qorti tar-rinviju, is-Segretarju tal-Istat jirreferi għall-“għadd totali ta’ applikazzjonijiet għall-ażil”, li jinkludi l-ewwel applikazzjonijiet għall-ażil, applikazzjonijiet sussegwenti għall-ażil u applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja.
( 41 ) Sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 56).
( 42 ) Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224)
( 43 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, International Protection Appeals Tribunal et (Attentat fil-Pakistan) (C‑756/21, EU:C:2023:523, punt 80).
( 44 ) B’analoġija, fir-rigward tad-distinzjoni bejn avvenimenti “interni” u “esterni” waqt l-identifikazzjoni ta’ ċirkustanzi straordinarji li għalihom it-trasportatur tal-ajru huwa eżentat milli jikkumpensa lill-vjaġġatur, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li avvenimenti “esterni” jirriżultaw minn ċirkustanzi esterni ftit jew wisq frekwenti fil-prattika, li madankollu trasportatur tal-ajru ma jikkontrollax għaliex joriġinaw minn avveniment naturali jew att ta’ terz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, SATA International – Azores Airlines (Ħsara tas-sistema ta’ provvista tal-karburant), C‑308/21, EU:C:2022:533, punti 25 u 26). Ara wkoll is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2023, TAP Portugal (Mewta tal-kopilota) (C‑156/22 sa C‑158/22, EU:C:2023:393, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata), u l-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (EU:C:2023:91).