KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fit‑13 ta’ Frar 2025 ( 1 )

Kawża C‑635/23

WBS GmbH

Proċedura Kriminali

fil-preżenza ta’:

Generalstaatsanwaltschaft Berlin

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin (il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2014/41/UE – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea – Artikolu 2(c)(ii) – Kunċetti ta’ ‘awtorità emittenti’ u ta’ ‘awtorità kompetenti oħra li qed taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala awtorità ta’ investigazzjoni fi proċedimenti kriminali’ – Ġurisdizzjoni sabiex tordna l-ġbir ta’ provi konformement mad-dritt nazzjonali – Miżuri ta’ tfittxija li jeħtieġu l-awtorizzazzjoni ta’ mħallef inkwirenti – Artikolu 6(1) u (2) – Kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea”

Introduzzjoni

1.

Awtorità amministrattiva, li, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali, ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tordna miżura investigattiva fil-kuntest ta’ proċedura kriminali nazzjonali, tista’ tordna tali miżura fir-rigward ta’ impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor billi toħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“OIE”) taħt id-Direttiva 2014/41/UE dwar l-OIE f’materji kriminali ( 2 ) u, jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet tista’ tinħareġ tali OIE? Din hija, essenzjalment, id-domanda magħmula mill-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja) fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(c)(ii) ta’ din id-direttiva.

2.

Infakkar li l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2014/41 li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “awtorità emittenti” ta’ OIE, jagħmel distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ awtoritajiet: minn naħa, l-awtoritajiet ġudizzjarji, jiġifieri “imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku kompetenti fil-każ kkonċernat”, imsemmija fl-Artikolu 2(c)(i) ta’ din id-direttiva (iktar ’il quddiem “awtorità ġudizzjarja”) u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet mhux ġudizzjarji, jiġifieri “kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kif definita mill-Istat emittenti li, […], qed taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala awtorità ta’ investigazzjoni fi proċedimenti kriminali b’kompetenza li tordna l-ġbir ta’ provi f’konformità mal-liġi nazzjonali”, imsemmija fl-Artikolu 2(c)(ii) ta’ din id-direttiva (iktar ’il quddiem “awtorità mhux ġudizzjarja”).

3.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ talba għall-eżekuzzjoni, fil-Ġermanja, ta’ OIE maħruġa mill-Korupcijas novēršanas un apkarošanas birojs (l-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni, il-Latvja, iktar ’il quddiem il-“KNAB”) fir-rigward tal-impriża WBS GmbH, stabbilita fil-Ġermanja (iktar ’il quddiem l-“OIE inkwistjoni”). Peress li kienet is-suġġett ta’ tfittxija skont din l-OIE, din l-impriża adixxiet lill-qorti tar-rinviju billi sostniet, essenzjalment, li l-provi miġbura b’eżekuzzjoni tal-imsemmija OIE ma jistgħux jiġu ammessi peress li din ma nħarġitx minn “awtorità emittenti” fis-sens tad-Direttiva 2014/41. B’mod iktar preċiż, il-KNAB ma jikkostitwixxix awtorità emittenti minħabba li, minn naħa, dan tal-aħħar ma jaġixxix bħala awtorità ġudizzjarja, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(i) ta’ din id-direttiva, u, min-naħa l-oħra, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(c)(ii) tal-imsemmija direttiva, li jippermettu li jiġi kklassifikat bħala “awtorità kompetenti oħra”, peress li ma huwiex kompetenti biex “[j]ordna l-ġbir ta’ provi f’konformità mal-liġi nazzjonali”, peress li l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ tfittxija fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali hija, fid-dritt Latvjan, irriżervata biss għall-awtoritajiet ġudizzjarji.

4.

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tippreċiża l-limiti tal-kunċett ta’ “awtorità emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2014/41, u li tiċċara d-distinzjoni bejn l- “awtoritajiet ġudizzjarji” u l-“awtoritajiet kompetenti l-oħra”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ( 3 ), fil-kuntest ta’ din il-kawża, hija ġiet mistoqsija, b’mod oriġinali, dwar il-portata tat-tieni kategorija ta’ dawn l-awtoritajiet.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

5.

Skont il-premessi 5, 7 u 11 tad-Direttiva 2014/41:

“(5)

Mill-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet Kwadru [2003/577/ĠAI ( 4 )] u [2008/978/ĠAI ( 5 )] ’l hawn, jidher ċar li l-qafas eżistenti għall-ġbir ta’ provi huwa wisq frammentat u kkumplikat. Għalhekk, huwa meħtieġ approċċ ġdid.

[…]

(7)

Dan l-approċċ il-ġdid għandu jkun ibbażat fuq strument uniku msejjaħ l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew (OIE). L-OIE għandu jinħareġ għall-fini tat-twettiq ta’ miżura investigattiva speċifika waħda jew iżjed fl-Istat li jesegwixxi l-OIE (‘l-Istat ta’ eżekuzzjoni’) bil-ħsieb li jinġabru l-provi. Dan jinkludi l-ksib ta’ provi li jkunu diġà fil-pussess tal-awtorità ta’ eżekuzzjoni.

[…]

(11)

L-OIE għandu jintgħażel fejn l-eżekuzzjoni ta’ miżura investigattiva tidher proporzjonata, adegwata u applikabbli għall-każ inkwistjoni. L-awtorità emittenti għandha għalhekk taċċerta jekk il-provi mfittxija humiex meħtieġa u proporzjonati għall-fini tal-proċedimenti, jekk il-miżura investigattiva magħżula hijiex meħtieġa u proporzjonata għall-ġbir ta’ dawn il-provi, u jekk, permezz tal-ħruġ ta’ OIE, Stat Membru ieħor għandux ikun involut fil-ġbir tal-prova konċernata. L-istess valutazzjoni għandha ssir fil-proċedura ta’ validazzjoni, meta tkun meħtieġa l-validazzjoni ta’ OIE taħt din id-Direttiva. L-eżekuzzjoni ta’ OIE ma għandhiex tiġi rrifjutata għal raġunijiet differenti minn dawk iddikjarati f’din id-Direttiva […].”

6.

L-Artikolu 1 f’din id-direttiva, intitolat “L-ordni ta’ investigazzjoni Ewropew u l-obbligu li jiġi eżegwit”, jipprovdi:

“1.   L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew (OIE) huwa deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa jew validata minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru (‘l-Istat emittenti’) sabiex waħda jew aktar miżuri investigattivi speċifiċi jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor (‘l-Istat ta’ eżekuzzjoni’) bil-ħsieb li jinkisbu provi f’konformità mad-dispożizzjonijiet [tad-directive 2014/41].

L-OIE jista’ jinħareġ ukoll biex jinkisbu provi li jkunu diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżegwixxu kwalunkwe OIE abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u f’konformità ma’ din id-Direttiva.

[…]”

7.

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-punt (c):

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

c)

‘awtorità emittenti’ tfisser:

(i)

imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku kompetenti fil-każ ikkonċernat; jew

(ii)

kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kif definita mill-Istat emittenti li, fil-każ speċifiku, qed taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala awtorità ta’ investigazzjoni fi proċedimenti kriminali b’kompetenza li tordna l-ġbir ta’ provi f’konformità mal-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, qabel ma jintbagħat lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, l-OIE għandu jiġi vvalidat, wara eżami tal-konformità tiegħu mal-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ OIE taħt din id-Direttiva, partikolarment il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1), minn imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku fl-Istat emittenti. Fejn l-OIE jkun ġie validat minn awtorità ġudizzjarja, dik l-awtorità tista’ titqies ukoll bħala awtorità emittenti għall-finijiet ta’ trażmissjoni tal-OIE”.

8.

Skont l-Artikolu 6 tal-istess direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet għall-emissjoni u t-trażmissjoni ta’ OIE”:

“1.   L-awtorità emittenti tista’ toħroġ OIE biss fejn tkun sodisfatta li ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

l-emissjoni tal-OIE tkun meħtieġa u proporzjonata għall-fini tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 4 b’kont meħud tad-drittijiet tal-persuna suspettata jew akkużata; u

b)

il-miżura jew miżuri investigattivi indikati fl-OIE setgħu ġew ordnati taħt l-istess kondizzjonijiet f’każ domestiku simili.

2.   Il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu vvalutati mill-awtorità emittenti f’kull każ.

3.   Fejn l-awtorità ta’ eżekuzzjoni jkollha raġuni għalxiex temmen li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma ġewx sodisfatti, hija tista’ tikkonsulta lill-awtorità emittenti dwar l-importanza li l-OIE jiġi eżegwit. Wara dik il-konsultazzjoni, l-awtorità emittenti tista’ tiddeċiedi li tirtira l-OIE”.

9.

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/41, intitolat “Rikonoxximent u eżekuzzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.   L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tirrikonoxxi OIE, mibgħut f’konformità ma’ din id-Direttiva, mingħajr il-ħtieġa ta’ kwalunkwe formalità ulterjuri, u tiżgura l-eżekuzzjoni tiegħu bl-istess mod u taħt l-istess modalitajiet bħallikieku l-miżura investigattiva konċernata ġiet ordnata minn awtorità tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, sakemm dik l-awtorità ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet sabiex ma jingħatax ir-rikonoxximent jew ma ssirx l-eżekuzzjoni jew waħda mir-raġunijiet għal posponiment previsti f’din id-Direttiva.

2.   L-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tikkonforma mal-formalitajiet u l-proċeduri espressament indikati mill-awtorità emittenti sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’din id-Direttiva u sakemm dawn il-formalitajiet u proċeduri ma jmorrux kontra l-prinċipji fundamentali ta’ dritt tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

3.   Fejn awtorità ta’ eżekuzzjoni tirċievi OIE li ma jkunx inħareġ minn awtorità emittenti kif speċifikat fl-Artikolu 2(c), l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tibgħat lura l-OIE lill-Istat emittenti.”

Id‑dritt Latvjan

10.

Il-kuntest ġuridiku Latvjan għall-adozzjoni ta’ OIE huwa rregolat mill-Artikoli 8871 sa 8873 tal-Kriminālprocesa likums (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), tal‑11 ta’ Mejju 2005 ( 6 ). Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 8871 ta’ dan il-kodiċi, meta jkun neċessarju, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, li jitwettaq att proċedurali fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea qabel ma jinbdew il-prosekuzzjonijiet, il-persuna responsabbli għall-proċeduri, meta tistabbilixxi OIE, għandha tevalwa l-proporzjonalità u n-neċessità tagħha meta mqabbla mar-reat li jkun qed jiġi investigat, u wara dan il-prosekutur inkarigat mit-tmexxija tal-investigazzjoni jivverifika wkoll il-konformità tal-att proċedurali mitlub mill-Istat Membru tal-Unjoni mar-rekwiżiti tal-liġi u jevalwa n-neċessità u l-proporzjonalità tiegħu meta mqabbel mar-reat li jkun qed jiġi investigat. Qabel ma tiġi stabbilita OIE, il-persuna responsabbli għall-proċedura għandha tieħu l-miżuri kollha li jkunu meħtieġa jekk l-att proċedurali jiġi eżegwit fil-Latvja.

11.

It-tfittxijiet huma rregolati mill-Artikoli 179 sa 185 tal-imsemmi kodiċi. L-Artikolu 179(1) tiegħu jiddefinixxi t-tfittxija bħala miżura investigattiva li għandha bħala għan l-investigazzjoni forzata ta’ bini, ta’ art, ta’ vettura jew ta’ individwu għall-finijiet li jiġi llokalizzat u maqbud l-oġġett imfittex meta jkunu jeżistu motivi raġonevoli sabiex wieħed jaħseb li dan jinsab fuq il-postijiet tat-tfittxija.

12.

L-Artikolu 180(1) tal-istess kodiċi jipprovdi li t-tfittxija għandha ssir wara deċiżjoni ta’ mħallef inkwirenti jew ta’ qorti. L-imħallef inkwirenti għandu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq proposta ppreżentata mill-persuna responsabbli għall-proċedura u d-dokumenti annessi magħha.

Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13.

Fil‑5 ta’ April 2019, il-KNAB beda proċeduri kriminali għal frodi fuq skala kbira, misapproprjazzjoni ta’ ħaġa ta’ ħaddieħor fuq skala kbira kif ukoll għal falsifikazzjoni u użu ta’ dokumenti foloz kontra ċerti membri tal-persunal li jaħdmu għal fondazzjoni stabbilita f’Riga (il-Latvja). Fil-kuntest tal-investigazzjoni tiegħu, il-KNAB qies neċessarju li jwettaq tfittxija ta’ bini kummerċjali li jinsab f’Berlin (il-Ġermanja) tal-impriżi FF GmbH u WBS GmbH u talab lill-imħallef inkwirenti tar-Rīgas pilsētas Vidzemes priekšpilsētas tiesa (il-Qorti tal-Belt ta’ Riga, Distrett Suburban ta’ Vidzeme, il-Latvja) jawtorizza dawn il-miżuri ta’ investigazzjoni, konformement mal-Artikoli 179 u 180 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Latvjan.

14.

Permezz ta’ digrieti tal‑24 ta’ April 2019, dan l-imħallef laqa’ t-talba tal-KNAB, għar-raġuni, minn naħa, li kien raġonevoli li wieħed jaħseb li dan il-bini kien fih dokumenti, mezzi ta’ data u oġġetti utli għall-proċedura u, min-naħa l-oħra, li t-tfittxijiet, li s-suġġett tagħhom kien jikkonsisti fil-lokalizzazzjoni u fl-iffriżar ta’ dawn id-dokumenti, mezzi u oġġetti, kienu neċessarji u proporzjonati.

15.

Fil‑25 ta’ April 2019, il-KNAB, bħala “awtorità kompetenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41, ħareġ l-OIE inkwistjoni, li permezz tagħha huwa talab lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tipproċedi bis-smigħ ta’ żewġ xhieda kif ukoll bl-eżekuzzjoni tad-digrieti ta’ tfittxija msemmija iktar ’il fuq. Il-Latvijas Republikas Ģenerālprokuratūra (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Latvja, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Latvja”) ivvalida din l-OIE u għalhekk bagħatha lill-iStaatsanwaltschaft Berlin (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Berlin, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Berlin”).

16.

Adita mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Berlin, l-Amtsgericht Berlin-Tiergarten (il-Qorti Distrettwali ta’ Berlin-Tiergarten, il-Ġermanja) ordnat it-tfittxija tal-bini kummerċjali tal-impriżi FF u WBS. Dawn it-tfittxijiet saru fit‑13 ta’ Mejju 2019 u wasslu għall-iffriżar ta’ diversi provi.

17.

Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, WBS adixxiet lill-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, i), il-qorti tar-rinviju, b’talba intiża, b’mod partikolari, sabiex din il-qorti tikkonstata li t-trasferiment lir-Repubblika tal-Latvja tal-provi miġbura b’eżekuzzjoni tal-OIE inkwistjoni fil-Ġermanja ma jistax jiġi aċċettat.

18.

B’appoġġ għat-talba tagħha, WBS invokat, b’mod partikolari, is-sentenza Spetsializirana prokuratura li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li OIE li tirrigwarda miżura investigattiva li l-adozzjoni tagħha hija rriżervata biss għall-qrati skont id-dritt tal-Istat emittenti tista’ tinħareġ biss minn qorti. Issa, f’dan il-każ, l-OIE inkwistjoni nħarġet mill-KNAB, li ma jikkostitwixxix qorti, filwaqt li, skont id-dritt Latvjan, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ tfittxija li wasslu għall-iffriżar ta’ provi fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali hija rriżervata għall-qrati biss. F’dan il-kuntest, il-validazzjoni ta’ din l-OIE mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Latvja saret skont OIE adottata minn awtorità li ma għandhiex ġurisdizzjoni.

19.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Berlin talab lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Latvja, jekk ikun il-każ, jekk l-OIE inkwistjoni setgħetx tinħareġ mill-ġdid, iżda din id-darba, minn qorti. Dan tal-aħħar wieġeb fin-negattiv għar-raġuni li, fid-dritt Latvjan, ma kienet teżisti ebda bażi legali għal dan l-għan. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju ordnat is-sospensjoni tat-trasferiment tal-provi miġbura.

20.

Qabel ma tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tal-miżura ta’ koperazzjoni ġudizzjarja, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk, kif issostni WBS, il-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza Spetsializirana prokuratura għandhomx japplikaw fil-kawża prinċipali, li jista’ jwassalha sabiex tikkonkludi li t-trasferiment tal-provi b’eżekuzzjoni tal-OIE inkwistjoni ma għandhiex tiġi aċċettata ( 7 ) jew jekk, kif isostni l-KNAB, il-validazzjoni minn qabel tal-miżuri investigattivi minn qorti tal-Istat emittenti, konformement mal-obbligi ta’ verifika u ta’ ġustifikazzjoni prevista mid-Direttiva 2014/41, tkunx suffiċjenti għall-finijiet tat-trasferiment ta’ dawn il-provi.

21.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea li tikkonċerna miżura li, skont id-dritt tal-Istat emittenti tista’ tiġi adottata biss minn qorti, tista’ tinħareġ minn awtorità kompetenti oħra, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali, li taġixxi b’kollaborazzjoni ma’ awtorità mhux ġudizzjarja ta’ validazzjoni, f’sitwazzjoni fejn qorti tal-Istat emittenti tkun preċedentement adottat ordni ta’ investigazzjoni u b’hekk tkun issodisfatt l-obbligi ta’ stħarriġ u ta’ motivazzjoni previsti fid-Direttiva 2014/41?”

22.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn WBS, mill-Gvern Ġermaniż, Estonjan, Latvjan, Pollakk u Portugiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Bl-eċċezzjoni tal-Gvern Estonjan u dak Portugiż, dawn il-partijiet, kif ukoll il-Gvern Svediż esprimew ruħhom, barra minn hekk, waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fit‑13 ta’ Novembru 2024.

Analiżi

23.

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41 għandux jiġi interpretat fis-sens li awtorità mhux ġudizzjarja li toħroġ, konformement mad-dritt nazzjonali tagħha, miżuri investigattivi speċifiċi, li, qabel ma jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor, jiġu vvalidati minn awtorità ġudizzjarja, tistax tiġi kklassifikata bħala “awtorità emittenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, filwaqt li l-adozzjoni ta’ tali miżuri investigattivi fil-kuntest ta’ proċedura purament interna taqax taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-awtoritajiet ġudizzjarji.

24.

Fil-fehma tiegħi, din id-domanda għandha tingħata risposta fl-affermattiv għar-raġunijiet li ser nispjega iktar ’il quddiem.

Osservazzjonijiet preliminari

25.

Qabelxejn, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2014/41 issostitwixxiet il-qafas frammentarju u kumpless preċedenti fil-qasam tal-ġbir ta’ provi fil-kawżi li għandhom dimensjoni transkonfinali bl-introduzzjoni ta’ sistema ssemplifikata u iktar effettiva bbażata fuq strument uniku, jiġifieri l-OIE. Din is-sistema hija intiża sabiex tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bl-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, billi tibbaża ruħha fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jeżisti bejn l-Istati Membri ( 8 ). Għalhekk, l-OIE hija strument li jaqa’ taħt il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali msemmija fl-Artikolu 82(1) TFUE, li hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Dan il-prinċipju, li jikkostitwixxi l-“pedament” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, huwa min-naħa tiegħu bbażat fuq il-fiduċja reċiproka u fuq il-preżunzjoni konfutabbli li l-Istati Membri l-oħra josservaw id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali ( 9 ).

26.

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/41 jiddefinixxi l-“Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew” bħala “deċiżjoni ġudizzjarja” maħruġa jew ivvalidata minn awtorità ġudizzjarja tal-Istat emittenti sabiex tiġi eżegwita miżura investigattiva speċifika waħda jew iktar fl-Istat ta’ eżekuzzjoni sabiex jinkisbu provi, inklużi dawk li diġà jinsabu fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru ( 10 ).

27.

Skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2014/41, l-Istati Membri għandhom jeżegwixxu OIE abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Bis-saħħa tal-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tirrikonoxxi OIE, mingħajr ma tkun meħtieġa ebda formalità oħra, u għandha tiżgura li din tiġi eżegwita bl-istess mod u skont l-istess modalitajiet bħallikieku l-miżura investigattiva kkonċernata kienet ġiet ordnata minn awtorità tal-Istat ta’ eżekuzzjoni. Skont din l-istess dispożizzjoni, din l-awtorità tista’ tiddeċiedi li ma teżegwixxix OIE billi tinvoka waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew waħda mir-raġunijiet għal posponiment previsti mill-istess direttiva. Barra minn hekk, l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2014/41 jipprevedi li, meta awtorità ta’ eżekuzzjoni tirċievi OIE li ma tkunx inħarġet minn awtorità emittenti, fis-sens tal-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tibgħat lura din id-deċiżjoni lill-Istat emittenti ( 11 ).

28.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2014/41 jiddefinixxi, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “awtorità emittenti”. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li tali awtorità tista’ tkun, skont il-punt (i) tagħha, “imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku fil-każ ikkonċernat” ( 12 ) jew, skont l-ewwel sentenza tal-punt (ii) tagħha, li l-interpretazzjoni tagħha hija s-suġġett ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, “kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kif definita mill-Istat emittenti li, fil-każ speċifiku, qed taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala awtorità ta’ investigazzjoni fi proċedimenti kriminali b’kompetenza li tordna l-ġbir ta’ provi f’konformità mal-liġi nazzjonali” ( 13 ).

29.

Barra minn hekk, mit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(c)(ii) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li, meta OIE tinħareġ minn awtorità mhux ġudizzjarja, qabel ma tiġi trażmessa lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, din id-deċiżjoni għandha tiġi vvalidata minn awtorità ġudizzjarja, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(i) tal-istess direttiva, li hija obbligata teżamina l-konformità tal-imsemmija deċiżjoni mal-kundizzjonijiet għall-ħruġ previsti mid-Direttiva 2014/41, b’mod partikolari l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(1) tagħha ( 14 ). Fl-aħħar nett, it-tielet sentenza tal-istess dispożizzjoni tipprevedi li l-awtorità ġudizzjarja li tkun ivvalidat tali OIE “tista’ titqies ukoll” bħala awtorità emittenti għall-finijiet tat-trażmissjoni tal-OIE.

30.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li awtorità mhux ġudizzjarja, bħal awtorità amministrattiva, tista’, bħala prinċipju, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “awtorità emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41, fil-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiġifieri, minn naħa, li hija tkun kompetenti sabiex taġixxi fil-kwalità ta’ awtorità inkarigata mill-investigazzjonijiet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali ( 15 ) u, min-naħa l-oħra, li l-OIE tagħha tiġi vvalidata minn awtorità ġudizzjarja qabel ma tiġi trażmessa lill-Istat ta’ eżekuzzjoni ( 16 ).

31.

F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-KNAB, li ma huwiex awtorità ġudizzjarja, aġixxa, bis-saħħa tad-dritt Latvjan, bħala awtorità inkarigata mill-investigazzjoni fil-kuntest tal-proċedura kriminali ( 17 ). Bl-istess mod, qabel it-trażmissjoni tagħha lill-Istat ta’ eżekuzzjoni, l-OIE inkwistjoni ġiet ivvalidata mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Latvja, li l-kwalità tiegħu ta’ “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(i) ta’ din id-direttiva, ma tqajjem ebda dubju dwar huwiex “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(i) ta’ din id-direttiva ( 18 ).

32.

Min-naħa l-oħra, id-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw, essenzjalment, il-punt dwar jekk il-KNAB jissodisfax il-kundizzjoni, prevista fl-Artikolu 2(c)(ii) tal-imsemmija direttiva, u msemmija fil-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li jkun awtorità “b’kompetenza li tordna l-ġbir ta’ provi f’konformità mal-liġi nazzjonali”. sa fejn, bis-saħħa tad-dritt Latvjan ( 19 ) fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali nazzjonali, il-miżuri ta’ investigazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri t-tfittxijiet, minkejja li huma bbażati fuq proposta tal-awtorità investigattiva kompetenti, bħall-KNAB, għandhom jitwettqu fuq deċiżjoni ta’ mħallef inkwirenti jew ta’ qorti u għalhekk jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-awtoritajiet ġudizzjarji.

33.

Din il-kwistjoni tqum, skont il-qorti tar-rinviju, a fortiori, peress li, fis-sentenza Spetsializirana prokuratura l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li prosekutur ikun kompetenti sabiex joħroġ OIE intiża biex tinkiseb data dwar it-traffiku u data dwar il-lokalizzazzjoni marbuta mat-telekomunikazzjonijiet, meta, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali, l-adozzjoni ta’ miżura investigattiva intiża sabiex jinkiseb aċċess għal tali data tkun taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti.

34.

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti, u, b’mod partikolari, l-oriġini ta’ din il-leġiżlazzjoni ( 20 ).

Fuq l-interpretazzjoni letterali

35.

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tal-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41, imsemmi fil-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni ma tipprevedix li, sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ “awtorità emittenti”, awtorità amministrattiva għandha neċessarjament tkun l-awtorità kompetenti għall-adozzjoni ta’ dawn l-istess miżuri fil-kuntest ta’ proċedura interna.

36.

Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni ma teħtieġx li l-ħruġ ta’ OIE għandu neċessarjament isir mill-awtorità li kienet effettivament kompetenti sabiex tordna l-ksib tal-provi “f’każ domestiku simili”, kif essenzjalment isostnu WBS u l-Kummissjoni, iżda sempliċement tispeċifika li din l-awtorità għandha tkun kompetenti sabiex tordna l-ksib ta’ dawn il-provi “f’konformità mal-liġi nazzjonali”. Fil-fatt, dawn iż-żewġ espressjonijiet ma jistgħux jitqiesu bħala sinonimi, peress li l-kliem “b’kompetenza li tordna l-ġbir ta’ provi f’konformità mal-liġi nazzjonali” ma jagħmel ebda riferiment għal eventwali ekwivalenza ma’ proċedura nazzjonali simili. Barra minn hekk, l-istess dispożizzjoni lanqas ma tipprekludi l-ħruġ ta’ OIE minn awtorità li, skont id-dritt tal-Istat emittenti, għandha l-kompetenza li taġixxi fil-kwalità ta’ awtorità inkarigata mill-investigazzjonijiet, iżda ma hijiex l-awtorità li ordnat din l-istess miżura fil-kuntest ta’ sitwazzjoni interna.

37.

F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, is-sistema stabbilita mid‑Direttiva 2014/41 hija bbażata fuq il-fiduċja reċiproka kif ukoll fuq il-preżunzjoni konfutabbli li l-Istati Membri l-oħra josservaw id-dritt tal-Unjoni. Din hija r-raġuni għaliex l-Artikolu 2(c)(ii) ta’ din id-direttiva jħalli biss lill-Istat emittenti l-possibbiltà li “jiddefinixxi” l-awtoritajiet mhux ġudizzjarji kompetenti u jirreferi espressament għad-dritt nazzjonali għal dan l-għan, filwaqt li jispeċifika l-kundizzjonijiet sostantivi differenti li dan għandu jipprevedi. Għaldaqstant, huwa esklużivament l-Istat emittenti li għandu jiddefinixxi l-awtoritajiet mhux ġudizzjarji li huma kompetenti sabiex joħorġu OIE, sakemm il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(c)(ii) tal-imsemmija direttiva jkunu ssodisfatti. Interpretazzjoni kuntrarja ma tistax tiġi adottata, għaliex inkella din id-dispożizzjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, jiġu mċaħħda minn kull effett utli ( 21 ).

38.

Huwa għalhekk esklużivament fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41, li tfakkru fil-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li għandu jiġi evalwat jekk awtorità amministrattiva, bħall-KNAB, tistax tiġi kklassifikata bħala “awtorità emittenti”, fis-sens ta’ din id-direttiva. Issa, dan jidher li huwa effettivament il-każ f’din il-kawża.

39.

Fil-fatt, minn naħa, il-KNAB għandu mingħajr dubju responsabbiltajiet li jippermettulu jaġixxi bħala “awtorità ta’ investigazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41, peress li, skont id-dritt nazzjonali, huwa jaġixxi bħala “responsabbli għall-proċeduri” matul il-fażi preliminari tal-proċedura kriminali fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kemm fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali li għandhom dimensjoni nazzjonali kif ukoll transkonfinali. F’dan ir-rigward, mill-osservazzjonijiet kemm bil-miktub kif ukoll orali tal-Gvern Latvjan jirriżulta li, skont l-Artikolu 27 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, il-KNAB 1) jorganizza l-iżvolġiment tal-proċeduri kriminali u l-ġestjoni tad-dokumenti relatati magħhom; 2) jieħu deċiżjonijiet dwar id-direzzjoni tal-proċeduri kriminali; 3) jeżerċita huwa stess jew permezz ta’ uffiċjali oħra l-awtorità pubblika fl-istadju rilevanti tal-proċeduri kriminali; 4) jeżiġi li kull persuna tosserva l-obbligi tagħha fil-qasam tal-proċedura kriminali u tar-regoli tal-proċedura; 5) jiżgura li l-persuni involuti fil-proċeduri kriminali jkunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw id-drittijiet previsti mil-liġi.

40.

Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li, skont id-dritt Latvjan, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ investigazzjoni li jistgħu jwasslu għal indħil fil-ħajja ta’ individwu, bħal tfittxijiet, il-KNAB ma jistax jadotta tali miżuri iżda jista’ biss jipproponihom lill-imħallef inkwirenti, li huwa l-unika wieħed kompetenti sabiex jadottahom. Fil-fatt, kif espona l-Gvern Latvjan, id-deċiżjoni tal-imħallef inkwirenti tikkonsisti f’“awtorizzazzjoni” tat-tfittxija proposta mill-KNAB, iktar milli deċiżjoni indipendenti bbażata fuq evalwazzjonijiet awtonomi tal-elementi fattwali tal-investigazzjoni inkwistjoni mill-imħallef inkwirenti. B’mod iktar preċiż, mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Latvjan jirriżulta li, fis-sistema ta’ proċedura kriminali Latvjana, l-imħallef inkwirenti iwettaq stħarriġ prinċipalment tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-proċeduri kriminali u mhux tal-opportunità tad-diversi miżuri ta’ investigazzjoni. Għaldaqstant, dejjem skont dan il-gvern, il-fatt li l- imħallef inkwirenti huwa l-awtorità li tordna t-tfittxija ma jfissirx madankollu li d-dritt nazzjonali jagħtih r-responsabbiltà li jmexxi l-investigazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali minflok il-“persuna responsabbli mill-proċeduri”. Il-KNAB jibqa’ għalhekk il-“persuna responsabbli għall-proċedura” li għandha l-kompitu li tipproponi l-miżuri ta’ investigazzjonijiet u li tevalwa n-neċessità tagħhom sabiex jintlaħaq l-għan ta’ din l-investigazzjoni.

41.

Min-naħa l-oħra, huwa wkoll inkontestabbli li l-kundizzjoni, meħtieġa fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41, li tipprovdi li OIE għandha tiġi vvalidata minn awtorità ġudizzjarja, hija wkoll issodisfatta. Kif jirriżulta mis-sens abitwali tat-terminu “validazzjoni”, dan il-proċess jeżiġi min-naħa tal-awtorità ġudizzjarja li tikkonferma r-regolarità ġuridika ta’ OIE. Fil-fatt, skont id-dritt Latvjan, l-OIE inkwistjoni ġiet ivvalidata mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Latvja, li wara li vverifika li l-provi mfittxija u l-miżuri ta’ investigazzjoni magħżula kienu neċessarji u proporzjonati għall-finijiet tal-investigazzjoni, bagħatha lill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Berlin għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tagħha fil-Ġermanja. Huwa dan l-att ta’ validazzjoni li jikkostitwixxi l-bażi ta’ din l-OIE u li jagħtiha l-klassifikazzjoni ta’ “deċiżjoni ġudizzjarja”, meħtieġa mill-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva. Għalhekk, jidhirli li huwa irrilevanti l-fatt li, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili, dawn il-miżuri investigattivi kellhom jiġu addottati minn awtorità ġudizzjarja, sa fejn il-validazzjoni tal-OIE inkwistjoni mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tippermetti li l-Uffiċċju tal-Prosekutur jiġi assimilat mal-awtur ta’ din id-deċiżjoni ( 22 ). Din hija preċiżament ir-raġuni għaliex it-tielet sentenza tal-Artikolu 2(c)(ii) tal-imsemmija direttiva tipprevedi li, peress li l-ordni ta’ investigazzjoni hija vvalidata minn awtorità ġudizzjarja, din tal-aħħar “tista’” wkoll titqies bħala “awtorità emittenti” għall-finijiet tat-trażmissjoni tal-OIE, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla din il-possibbiltà fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri.

42.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41 ma jipprekludix li awtorità mhux ġudizzjarja li tadotta, konformement mad-dritt nazzjonali tagħha, miżuri investigattivi speċifiċi, li, qabel ma jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor, jiġu vvalidati minn awtorità ġudizzjarja, tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “awtorità emittenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, anki meta l-adozzjoni ta’ tali miżuri investigattivi fil-kuntest ta’ proċedura purament interna tkun taqa’ biss taħt il-ġurisdizzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji.

Fuq l-interpretazzjoni kuntestwali

43.

Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni bl-ebda mod ma hija invalidata mill-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tipprevedi espressament li, fil-kuntest tal-eżerċizzju tagħha ta’ validazzjoni tal-OIE, l-awtorità ġudizzjarja hija obbligata teżamina l-konformità ta’ din id-deċiżjoni mal-kundizzjonijiet għall-ħruġ previsti minn din id-direttiva, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikolu 6(1) tagħha. Issa, ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ma tidher li tipprekludi li awtorità mhux ġudizzjarja, bħall-KNAB, li tadotta miżuri ta’ investigazzjoni vvalidati minn awtorità ġudizzjarja, tista’ tiġi kklassifikata bħala “awtorità emittenti”, meta l-adozzjoni ta’ tali miżuri fil-kuntest ta’ proċedura interna tkun taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji.

44.

Fil-fatt, l-ewwel, skont fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2014/41, moqri flimkien mal-Artikolu 2(c) u mal-premessa 11 ta’ din id-direttiva, il-validazzjoni ta’ OIE, bħall-ħruġ tagħha, hija suġġetta għall-issodisfar ta’ żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, skont dan l-Artikolu 6(1)(a), li l-ħruġ tal-OIE jkun neċessarju u proporzjonat għall-finijiet tal-proċeduri, b’mod partikolari kriminali, imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, fid-dawl tad-drittijiet tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata ( 23 ) u, min-naħa l-oħra, skont l-imsemmi Artikolu 6(1)(b), li l-miżuri investigattivi indikati fl-OIE setgħu ġew ordnati taħt l-istess kundizzjonijiet fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili ( 24 ). Bis-saħħa tal-Artikolu 6(2) tal-istess direttiva, f’kull każ, l-osservanza ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet hija vverifikata mill-awtorità emittenti.

45.

Għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet ma jispeċifikawx kif u f’liema stadju tal-proċeduri kriminali l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2014/41, għandhom jiġu ssodisfatti, peress li dawn ir-regoli jaqgħu neċessarjament taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istat emittenti, minn qari flimkien tal-Artikolu 2(c)(ii), tal-Artikolu 6(1) u (2) u tal-premessa 11 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet għandha tiġi vverifikata kemm mill-awtorità mhux ġudizzjarja, fl-istadju tat-tfassil tal-OIE u b’mod partikolari tal-proposta tal-miżuri investigattivi speċifiċi, kif ukoll mill-awtorità ġudizzjarja, fl-istadju tal-validazzjoni tal-OIE. Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li l-OIE għandha tiġi “vvalidata” minn awtorità ġudizzjarja, peress li t-terminu “validazzjoni” jimplika neċessarjament il-konferma tal-ewwel verifika mwettqa min-naħa tal-awtorità mhux ġudizzjarja. Issa, din il-konstatazzjoni timmilita favur interpretazzjoni li, meta teżisti tali validazzjoni, l-imsemmija direttiva ma teżiġix li l-awtorità emittenti tkun ukoll kompetenti sabiex tordna l-miżuri kkonċernati fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali. Fil-fatt, l-OIE għandha tinftiehem bħala li tirreferi għall-att fil-forma li jieħu waqt l-eżekuzzjoni tiegħu, jiġifieri wara l-validazzjoni tiegħu mill-awtorità ġudizzjarja, għaliex qabel dan l-istadju, hija ma tipproduċix effetti legali u ma tistax tiġi trażmessa ( 25 ).

46.

F’dan il-każ, ma hemm ebda raġuni biex jiġi kkunsidrat li dawn il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/41 ma humiex issodisfatti fil-kawża prinċipali.

47.

Fil-fatt, fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, imsemmija fl-Artikolu 6(1)(a) ta’ din id-direttiva, li tirrigwarda, minn naħa, in-neċessità u l-proporzjonalità mal-għanijiet tal-proċeduri, għandu jiġi kkonstatat, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Latvjan, li l-KNAB ġabar qabel il-ħruġ tal-OIE inkwistjoni l-awtorizzazzjonijiet ġudizzjarji neċessarji quddiem il-qorti Latvjana għall-miżuri ta’ tfittxija msemmija fid-deċiżjoni ta’ investigazzjoni. Min-naħa l-oħra, dwar il-kunsiderazzjoni tad-drittijiet tal-persuna suspettata jew akkużata ebda element tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jitqies li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-OIE inkwistjoni ma kienx f’pożizzjoni li jiżgura tali rispett tad-drittijiet fundamentali. Għall-kuntrarju, jidher li, fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali ekwivalenti, din l-OEI kienet is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju doppju, inizjalment, mill-imħallef inkwirenti, u sussegwentement, mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Latvja, u li dan l-istħarriġ kien ibbażat fuq l-elementi kollha pprovduti mill-awtorità mhux ġudizzjarja.

48.

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, imsemmija fl‑Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2014/41, mill-elementi tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-istess miżuri investigattivi indikati fl-OIE inkwistjoni setgħu jiġu ordnati fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili, sa fejn il-KNAB seta’ jipproponi dawn l-istess miżuri sabiex dawn jiġu adottati mill-imħallef inkwirenti. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, bl-użu tal-kliem “taħt l-istess kondizzjonijiet” u “f’każ domestiku simili”, l-Artikolu 6(1)(b) ta’ din id-direttiva jissuġġetta d-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet preċiżi meħtieġa għall-ħruġ ta’ OIE għad-dritt tal-Istat emittenti biss ( 26 ). Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tevita evażjoni tar-regoli u tal-garanziji previsti mid-dritt tal-Istat emittenti ( 27 ). Issa, ebda riskju ta’ tali evażjoni ma jista’ jirriżulta mill-fatt li l-adozzjoni tal-OIE tittieħed minn awtorità mhux ġudizzjarja, meta din sussegwentement tiġi vvalidata minn awtorità ġudizzjarja.

49.

It-tieni, lil hinn mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2014/41, l-awtorità emittenti għandha tipprovdi ġustifikazzjonijiet addizzjonali fil-kuntest ta’ ċerti miżuri investigattivi speċifiċi. Għalhekk, l-Artikolu 26(5) ta’ din id-direttiva jeżiġi, fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji u dwar kontijiet finanzjarji oħra, li l-awtorità emittenti tindika r-raġunijiet li għalihom hija tqis li l-informazzjoni mitluba tista’ tkun importanti għall-finijiet tal-proċeduri kriminali kkonċernati. Barra minn hekk, l-Artikolu 27(4) u l-Artikolu 28(3) tal-imsemmija direttiva jipprevedu wkoll, fir-rigward, rispettivament, tal-informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet bankarji u tranżazzjonijiet finanzjarji oħra u miżuri investigattivi li jimplikaw il-ksib ta’ provi f’ħin reali, b’mod kontinwu u matul perijodu determinat, li din l-awtorità tindika r-raġunijiet li għalihom hija tqis li l-informazzjoni mitluba hija rilevanti għall-finijiet tal-proċedura kriminali kkonċernata ( 28 ). Issa, dawn il-ġustifikazzjonijiet addizzjonali jistgħu jiġu pprovduti minn awtorità mhux ġudizzjarja, indipendentement mill-fatt li, jekk ikun il-każ, fil-kuntest ta’ proċedura interna, id-deċiżjonijiet li jordnaw il-produzzjoni ta’ din l-informazzjoni jkunu jaqgħu taħt awtorità ġudizzjarja.

50.

It-tielet, l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2014/41, moqri fid-dawl tal-premessa 22 ta’ din tal-aħħar, jipprevedi obbligu ġenerali għall-Istati Membri li jiżguraw li rimedji ġudizzjarji tal-inqas ekwivalenti għal dawk disponibbli fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili jkunu applikabbli għall-miżuri investigattivi indikati f’OIE. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 14(3) ta’ din id-direttiva, l-awtorità emittenti għandha tiżgura li l-persuni kkonċernati minn tali deċiżjoni jkollhom informazzjoni suffiċjenti dwar ir-rimedji u t-termini għall-preżentata ta’ rikors previsti mid-dritt nazzjonali, sabiex jiġi ggarantit l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju tagħhom ( 29 ). Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 14(7) tal-imsemmija direttiva, l-Istat emittenti għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ OIE ikun ġie ikkontestat b’suċċess skont id-dritt nazzjonali tiegħu. Għalhekk, bla ħsara għar-regoli proċedurali nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, matul il-proċeduri kriminali fl-Istat emittenti, id-drittijiet tad-difiża u l-ekwità tal-proċedura jiġu rrispettati fl-evalwazzjoni tal-provi miksuba permezz ta’ OIE ( 30 ). Issa, fil-fehma tiegħi, dawn l-obbligi ta’ informazzjoni u r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jistgħu jiġu żgurati wkoll minn awtorità mhux ġudizzjarja, taħt il-kontroll ta’ awtorità ġudizzjarja, indipendentement mill-fatt dwar jekk tal-ewwel tistax tordna miżuri investigattivi ekwivalenti fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili.

Fuq l-interpretazzjoni teleoloġika

51.

F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, l-għan imfittex permezz tad-Direttiva 2014/41, jidhirli li l-interpretazzjoni proposta fil-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet hija, barra minn hekk, ta’ natura li tiżgura t-twettiq sħiħ ta’ dan tal-aħħar, kif imfakkar fil-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ sistema ssemplifikata u iktar effikaċi bbażata fuq l-OIE, sabiex tiġi ffaċilitata u mħaffa l-kooperazzjoni ġudizzjarja u b’hekk tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan li jkun hemm spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja abbażi tal-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku ( 31 ).

52.

F’dan ir-rigward, l-għan ta’ kooperazzjoni ssemplifikata u effikaċi bejn l-Istati Membri jippreżumi identifikazzjoni sempliċi u inekwivoka tal-awtorità li ħarġet OIE sabiex jiġi ddeterminat jekk tali deċiżjoni għandhiex, jew le, tkun is-suġġett ta’ validazzjoni minn awtorità ġudizzjarja skont l-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41. Interpretazzjoni li tibbaża ruħa biss fuq il-konstatazzjoni li, meta awtorità mhux ġudizzjarja tkun ġiet “iddefinita” mill-Istat emittenti bħala kompetenti sabiex taġixxi bħala awtorità inkarigata mill-investigazzjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(ii) ta’ din id-direttiva, hija ta’ natura li tippermetti li jiġi ddeterminat, mingħajr ekwivoku, jekk awtorità taqax taħt il-punt (ii) ta’ din id-dispożizzjoni, abbażi biss tal-għażla magħmula mill-Istat emittenti u mhux fuq in-natura tal-provi kkonċernati. Fil-fatt, interpretazzjoni kuntrarja, minn naħa, twassal għal “frammentazzjoni” tas-sistema, sa fejn “awtoritajiet emittenti” differenti jistgħu jkunu kompetenti fil-kuntest tal-istess investigazzjoni waħda, skont in-natura tad-diversi miżuri investigattivi u tad-dritt proċedurali applikabbli għalihom fil-kuntest ta’ proċedura interna, u min-naħa l-oħra, sors ta’ inċertezza legali u jirriskja li jikkomplika s-sistema ta’ implimentazzjoni tal-OIE, u b’hekk jikkomprometti l-istabbiliment ta’ sistema ssemplifikata u effiċjenti ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f’materji kriminali ( 32 ).

53.

Sussegwentement, għal dan l-għan, għandu jitfakkar li l-premessa 10 tad-Direttiva 2014/41 tidentifika lill-awtorità emittenti bħala li hija “fl-aħjar pożizzjoni li tiddeċiedi, abbażi tal-għarfien tagħha tad-dettalji tal-investigazzjoni kkonċernata, liema miżura investigattiva għandha tintuża” ( 33 ). Għalhekk, ma hemmx dubju li, meta Stat Membru jagħżel li jattribwixxi kompetenzi lil awtorità mhux ġudizzjarja sabiex hija tkun tista’ taġixxi bħala awtorità inkarigata mill-investigazzjonijiet, din l-awtorità hija “fl-aħjar pożizzjoni”, fil-kuntest partikolari tal-organizzazzjoni interna tal-proċedura kriminali, sabiex ikollha għarfien aħjar tal-elementi differenti tal-investigazzjoni li jippermettulha tadotta l-miżuri ta’ investigazzjoni l-iktar adattati għall-finijiet ta’ din l-investigazzjoni u tirreaġixxi malajr għad-diversi sitwazzjonijiet proċedurali li jistgħu jinqalgħu. F’din is-sitwazzjoni, ma jistax jiġi sostnut, kif tagħmel WBS, li l-adozzjoni tal-OIE tkun ħafna iktar effettiva jew iktar sempliċi li kieku l-imħallef inkwirenti, bħala l-awtorità emittenti, kien adotta huwa stess l-OIE inkwistjoni, skont l-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41. Bħala eżempju, meta OIE hija kkontestata minn parti interessata fl-Istat ta’ eżekuzzjoni fir-rigward tar-raġunijiet sostantivi għall-ħruġ ta’ din l-OIE, l-awtorità mhux ġudizzjarja inkarigata mill-investigazzjoni għandha tkun tista’ tirċievi l-informazzjoni dwar il-kontestazzjoni, u dan ikun iktar effettiv, meta mqabbla ma’ sitwazzjoni fejn din it-trażmissjoni titwettaq permezz ta’ awtorità oħra li ma tkunx dik li tmexxi l-investigazzjoni ( 34 ). Bl-istess mod, fejn l-eżekuzzjoni ta’ OIE tinvolvi spejjeż eċċezzjonalment għoljin għall-Istat ta’ eżekuzzjoni, li jirriżultaw b’mod partikolari minn opinjonijiet kumplessi maħruġa minn esperti, operazzjonijiet estensivi tal-pulizija jew attivitajiet ta’ sorveljanza fuq perijodu twil ta’ żmien, il-kwistjoni tal-ispejjeż tista’ tkun is-suġġett ta’ konsultazzjonijiet bejn l-Istat emittenti u l-Istat ta’ eżekuzzjoni. Fil-kuntest ta’ dan it-tip ta’ konsultazzjonijiet, l-awtorità mhux ġudizzjarja inkarigata mill-investigazzjoni hija ċertament fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa l-utilità taż-żamma u tal-portata ta’ OIE, b’mod partikolari skont il-progress imwettaq fil-kuntest tal-investigazzjoni ( 35 ).

54.

Fl-aħħar nett, f’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, f’ċerti Stati Membri, l-imħallef inkwirenti ma għandux rwol ċentrali fil-proċedura ta’ investigazzjoni, peress li dan jintervjeni biss b’mod speċifiku sabiex jawtorizza ċerti miżuri investigattivi mitluba mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ( 36 ). Minħabba f’hekk, din il-qorti jkollha biss il-proċess tal-proċedura fil-mument meta hija tagħti d-deċiżjoni tagħha u għalhekk ikollha biss għarfien limitat tal-investigazzjoni. Fil-fatt, din il-qorti la tista’ tiffamiljarizza ruħha mal-oqsma tal-investigazzjoni li ma humiex ikkonċernati mid-deċiżjoni tagħha u lanqas mal-iżviluppi li jseħħu wara l-adozzjoni ta’ din tal-aħħar. Il-fatt li jkun meħtieġ li l-imsemmija qorti tkun l-awtorità emittenti tal-OIE jwassal għal tnaqqis fir-ritmu tal-proċess ta’ assistenza ġudizzjarja, b’mod partikolari, fil-każ ta’ talba tal-awtorità ta’ eżekuzzjoni fformulata skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2014/41. Kif tirrileva ġustament il-qorti tar-rinviju, jekk hija biss il-qorti istruttorja li titqies bħala “awtorità emittenti” u l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tiġi għandha b’talba għal kjarifika skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, il-qorti istruttorja tkun obbligata titlob lill-awtorità mhux ġudizzjarja li tmexxi l-investigazzjoni l-komunikazzjoni tal-proċess u jkollha wkoll tiffamiljarizza ruħha (mill-ġdid) mal-investigazzjoni kif ukoll l-istat ta’ progress tagħha. Tista’ tirriżulta wkoll kumplessifikazzjoni f’sitwazzjonijiet fejn, bħal f’dan il-każ, il-miżuri investigattivi ma jaqgħux esklużivament taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati u jistgħu jiġu adottati minn awtoritajiet oħra, b’tali mod li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni li tirrigwarda l-istess kawża tista’ tiġi adita b’żewġ Ordnijiet ta’ Investigazzjoni Ewropej maħruġa minn żewġ interlokuturi differenti.

Fuq l-oriġini tad-Direttiva 2014/41

55.

Fir-raba’ lok, l-interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika hija kkorroborata minn l-oriġini tad-Direttiva 2014/41. Infakkar li, fil-kuntest tat-tħejjija tal-abbozz leġiżlattiv wara l-proposta inizjali tad-Direttiva ppreżentat minn seba’ Stati Membri ( 37 ) l-Kunsill kien ikkonstata li diversi Stati Membri kienu opponew id-dispożizzjoni li tintroduċi l-obbligu li jiġu rrikonoxxuti l-OIE maħruġa minn awtoritajiet mhux ġudizzjarji, iżda li, “fid-dawl tal-bażi legali magħżula għal din il-proposta”, intlaħaq kompromess abbażi tal-introduzzjoni ta’ proċedura ta’ validazzjoni obbligatorja fir-rigward tal-konformità tal-OIE mal-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ OIE, meta dan jinħareġ minn awtorità kompetenti li ma hijiex imħallef, prosekutur jew maġistrat inkwirenti ( 38 ). Minn dan isegwi li din l-għażla saret fl-interess tar-rispett tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri u tad-diversità tas-sistemi nazzjonali, u b’mod partikolari tal-fatt li, f’ċerti Stati Membri, l-investigazzjoni preliminari ma titmexxiex mill-qrati iżda mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jew mill-awtoritajiet amministrattivi ( 39 ).

56.

Fid-dawl tar-raġunijiet kollha preċedenti, inqis li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41 ma jipprekludix li awtorità mhux ġudizzjarja li tadotta, konformement mad-dritt nazzjonali tagħha, miżuri investigattivi speċifiċi tista’ tiġi kklassifikata bħala “awtorità emittenti” ta’ OIE, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, anki meta l-adozzjoni ta’ tali miżuri investigattivi fil-kuntest ta’ proċedura interna taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-awtoritajiet ġudizzjarji, sakemm dawn il-miżuri ta’ investigazzjoni jkunu vvalidati qabel il-ħruġ tal-OIE minn awtorità ġudizzjarja li tkun ivverifikat li l-kundizzjonijiet kollha għall-ħruġ u għat-trażmissjoni previsti minn din id-direttiva huma ssodisfatti.

Fuq il-portata tas-sentenza Spetsializirana prokuratura

57.

Fil-ħames u l-aħħar lok, nirrileva li, kuntrarjament għal dak li jsostnu, essenzjalment, WBS u l-Kummissjoni, din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mis-sentenza Spetsializirana prokuratura li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li prosekutur ikun kompetenti sabiex joħroġ, OIE intiża sabiex tinkiseb data dwar it-traffiku u data dwar il-lokalizzazzjoni marbuta mat-telekomunikazzjonijiet, meta, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili, l-adozzjoni ta’ miżura investigattiva intiża għall-aċċess għal tali data taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti.

58.

Qabelxejn, kif tosserva ġustament il-qorti tar-rinviju, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, l-awtorità li ħarġet l-OIE kienet “awtorità emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41, jiġifieri l-Uffiċċju tal-Prosekutur Bulgaru, filwaqt li, f’din il-kawża, l-awtorità emittenti hija “awtorità kompetenti oħra”, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(ii) ta’ din id-direttiva. Din id-distinzjoni timplika li l-portata tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fil-punti 29 u 30 tal-imsemmija sentenza, li permezz tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat il-formulazzjoni tal-Artikolu 2(c)(i) tal-imsemmija direttiva, huwa loġikament limitat għall-awtoritajiet ġudizzjarji u li dawn il-prinċipji ma jistgħux jiġu trasposti għall-awtoritajiet mhux ġudizzjarji. Fi kliem ieħor, l-istess sentenza teżiġi paralleliżmu bejn l-awtorità kompetenti għall-adozzjoni tal-OIE u l-awtorità kompetenti għall-adozzjoni tal-istess miżuri ta’ investigazzjoni fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali, iżda biss meta dawn iż-żewġ awtoritajiet ikunu awtoritajiet ġudizzjarji.

59.

Sussegwentement, bħall-qorti tar-rinviju, nosserva li din il-kawża hija differenti minn dik li tat lok għas-sentenza Spetsializirana prokuratura sa fejn il-miżura ta’ tfittxija inkwistjoni, li l-adozzjoni tagħha hija rriżervata biss għall-qrati skont id-dritt Latvjan, kienet, qabel il-ħruġ tagħha, awtorizzata minn imħallef inkwirenti u, sussegwentement, ivvalidata mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali ta’ dan l-Istat Membru, li qiesha neċessarja u proporzjonata. Min-naħa l-oħra, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Spetsializirana prokuratura, il-prosekutur Bulgaru kien ħareġ, bħala awtorità emittenti, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41, erba’ ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropej dwar il-ġbir ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni marbuta mat-telekomunikazzjonijiet, mingħajr ma talab minn qabel l-intervent ta’ qorti Bulgara, filwaqt li, fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili, il-prosekutur Bulgaru seta’ jordna tali miżuri biss bl-awtorizzazzjoni ta’ tali qorti. Għaldaqstant, dan il-fatt iwassal sabiex il-motivi adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 32 sa 38 ta’ din is-sentenza, iddedikati għall-analiżi tal-kuntest u tal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva, ma humiex applikabbli, u lanqas rilevanti f’dak li jirrigwarda din il-kawża.

60.

Fil-fatt, fir-rigward, minn naħa waħda, tal-analiżi kuntestwali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 32 sa 35 tas-sentenza Spetsializirana prokuratura dwar l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2014/41, għandu jiġi rrilevat, kif sar fil-punti 44 sa 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-kundizzjonijiet imsemmija minn din id-dispożizzjoni ma jidhrux li huma rilevanti f’din il-kawża. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-KNAB, li aġixxa bħala “responsabbli għall-proċedura ta’ investigazzjoni”, u peress li għalhekk huwa l-awtorità kompetenti sabiex jordna l-miżura investigattiva skont id-dritt nazzjonali, issodisfa l-obbligi ta’ verifika, dwar in-neċessità u l-proporzjonalità ta’ din il-miżura, previsti fl-Artikolu 6(1)(a) ta’ din id-direttiva, sa fejn l-imħallef inkwirenti kompetenti ppreċiża fid-deċiżjoni tiegħu li t-tfittxijiet li għandhom jitwettqu f’Berlin kienu neċessarji u proporzjonati. Għalhekk, b’differenza mill-kawża li tat lok għas-sentenza Spetsializirana prokuratura, f’dan il-każ, ma kienx hemm lok li jiġu ssodisfatti rekwiżiti partikolari fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tal-istess miżura mill-awtorità stess. Barra minn hekk, il-KNAB ħareġ l-OIE inkwistjoni f’kundizzjonijiet li fihom miżura investigattiva setgħet tiġi ordnata fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali simili, peress li l-imħallef inkwirenti intervjena sabiex jawtorizza l-miżura ta’ tfittxija qabel il-ħruġ ta’ din l-OIE.

61.

Min-naħa l-oħra, ma jistgħux ikunu rilevanti l-insenjamenti misluta mill-analiżi tal-għanijiet tad-Direttiva 2014/41, fil-punti 36 sa 38 tas-sentenza Spetsializirana prokuratura li wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonkludi, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(c)(i) ta’ din id-direttiva, u lanqas distinzjoni eventwali bejn l-awtorità emittenti tal-OIE u l-awtorità li hija kompetenti sabiex tordna miżuri investigattivi fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri kriminali tirriskja li tikkomplika s-sistema ta’ kooperazzjoni u, b’dan il-mod, tikkomprometti l-istabbiliment ta’ sistema ssemplifikata u effikaċi. Bil-maqlub, kif ġie rrilevat fil-punti 52 sa 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(c)(ii) tal-imsemmija direttiva, ir-rekwiżit li l-awtorità emittenti tal-OIE għandha neċessarjament tkun l-awtorità kompetenti sabiex tordna l-miżura investigattiva inkwistjoni skont id-dritt nazzjonali jista’, meta din l-awtorità tkun awtorità mhux ġudizzjarja, jagħti lok għal kumplessifikazzjoni ta’ din is-sistema ta’ kooperazzjoni.

Konklużjoni

62.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja) kif ġej:

L-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix li awtorità mhux ġudizzjarja li tadotta, konformement mad-dritt nazzjonali tagħha, miżuri investigattivi speċifiċi tista’ tiġi kklassifikata bħala “awtorità emittenti” ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, anki meta l-adozzjoni ta’ tali miżuri ta’ investigazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura interna taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-awtoritajiet ġudizzjarji, sakemm dawn il-miżuri ta’ investigazzjonijiet jiġu vvalidati qabel il-ħruġ tal-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea minn awtorità ġudizzjarja li tkun ivverifikat li l-kundizzjonijiet kollha għall-ħruġ u għat-trażmissjoni previsti minn din id-direttiva huma ssodisfatti.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2014, L 130, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 143, p. 16).

( 3 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2020, Staatsanwaltschaft Wien (Ordnijiet ta’ trasferiment iffalsifikati) (C‑584/19, iktar ’il quddiem is-sentenza Staatsanwaltschaft Wien, EU:C:2020:1002); tas‑16 ta’ Diċembru 2021, Spetsializirana prokuratura (Data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni) (C‑724/19, iktar ’il quddiem is-sentenza Spetsializirana prokuratura, EU:C:2021:1020), tat‑2 ta’ Marzu 2023, Staatsanwaltschaft Graz (Dipartiment tal-Affarijiet Fiskali Kriminali ta’ Düsseldorf) (C‑16/22, iktar ’il quddiem is-sentenza Staatsanwaltschaft GrazEU:C:2023:148), u tat‑30 ta’ April 2024, M.N. (EncroChat) (C‑670/22, iktar ’il quddiem is-sentenza EncroChatEU:C:2024:372).

( 4 ) Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill 2003/577/ĠAI tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 185).

( 5 ) Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-Mandat Ewropew għall-Provi sabiex jinkisbu oġġetti, dokumenti u data għall-użu fi proċedimenti f’materji kriminal (ĠU 2008, L 350, p. 72).

( 6 ) Latvijas Vēstnesis, 2005, nru 74.

( 7 ) L-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Berlin ikun għalhekk obbligat jibgħat l-OIE lura lir-Repubblika tal-Latvja, skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2014/41.

( 8 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 5 sa 8, 21 u 38 tad-Direttiva 2014/41 kif ukoll is-sentenzi Staatsanwaltschaft Wien (punt 39), Spetsializirana prokuratura (punt 36), Staatsanwaltschaft Graz (punt 42) u EncroChat (punt 86).

( 9 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 2, 6 u 19 tad-Direttiva 2014/41 u s-sentenzi Staatsanwaltschaft Wien (punt 40), tal‑11 ta’ Novembru 2021, Gavanozov II (C‑852/19, iktar ’il quddiem is-sentenza Gavanozov II, EU:C:2021:902, punt 54) u EncroChat (punt 99).

( 10 ) Ara s-sentenzi Staatsanwaltschaft Wien (punt 41), tat‑2 ta’ Settembru 2021, Finanzamt für Steuerstrafsachen und Steuerfahndung Münster (C‑66/20, EU:C:2021:670, punt 39) u EncroChat (punt 71).

( 11 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Finanzamt für Steuerstrafsachen und Steuerfahndung Münster (C‑66/20, EU:C:2021:670, punt 40).

( 12 ) Dawn l-erba’ awtoritajiet, li huma elenkati b’mod eżawrjenti, huma kklassifikati bħala “awtoritajiet ġudizzjarji”, fis-sens tad-Direttiva 2014/41, peress li jistgħu jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (ara is-sentenza Staatsanwaltschaft Graz (punti 30 sa 32 u 37)).

( 13 ) Ir-riferiment għal “kwalunkwe awtorità […] oħra”, magħmul fl-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41, jindika li kull awtorità minbarra l-awtoritajiet ġudizzjarji msemmija fl-Artikolu 2(c)(i) ta’ din id-direttiva, għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 2(c)(ii) tal-imsemmija direttiva. Għalhekk, din l-espressjoni għandha tinftiehem bħala li tindika kull awtorità li taqa’ taħt is-setgħa eżekuttiva (ara l-Artikolu 4 (b) tal-istess direttiva u s-sentenza Staatsanwaltschaft Graz (punti 34 u 35)).

( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Staatsanwaltschaft Graz (punti 27 u 28).

( 15 ) Ara s-sentenzi Spetsializirana prokuratura (punt 29) u Staatsanwaltschaft Graz (punti 33 u 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenza Staatsanwaltschaft Wien (punt 46). Abbażi tar-rapport tal‑20 ta’ Settembru 2021, tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew (NĠE), disponibbli fuq is-sit internet tiegħu (fl-indirizz li ġej: https://www.ejn-crimjust.europa.eu/ejn/EJN_RegistryDoc/EN/3115/0/0) hemm diversi Stati Membri, minbarra r-Repubblika tal-Latvja, li ħatru awtoritajiet amministrattivi bħala “awtoritajiet emittenti”, b’mod partikolari, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Awstrija, u r-Repubblika tal-Polonja.

( 17 ) Bis-saħħa tal-Artikolu 386(6) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, il-KNAB huwa awtorità investigattiva, li, konformement mal-Artikolu 27 ta’ dan il-kodiċi, tista’ taġixxi bħala “persuna responsabbli tal-proċedura” li tmexxi proċedura kriminali.

( 18 ) Ara l-Artikolu 1(1) tal-prokuratūras likums (il-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur), tad‑19 ta’ Mejju 1994 (Latvijas Vēstnesis, 2004, nru 65). Il-“prosekutur” huwa fost l-“awtoritajiet ġudizzjarji” msemmija fl-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41 li għandhom is-setgħa li jivvalidaw OIE (ara sentenza Staatsanwaltschaft Wien (punt 53)).

( 19 ) Ara l-Artikolu 180(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

( 20 ) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 44), Staatsanwaltschaft Wien (punt 49), tat‑28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem) (C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852, punt 67) u Staatsanwaltschaft Graz (punt 25).

( 21 ) Bħala eżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru li, filwaqt li taqa’ taħt is-setgħa eżekuttiva ta’ dan tal-aħħar u twettaq, skont id-dritt nazzjonali, investigazzjonijiet fiskali kriminali minflok l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “awtorità emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(ii) tal-istess direttiva (ara s-sentenza Staatsanwaltschaft Graz (punt 46)).

( 22 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑10 ta’ Novembru 2016, Özçelik (C‑453/16 PPU, EU:C:2016:860, punt 30), li kienet tikkonċerna l-proċedura ta’ validazzjoni mill-prosekutur ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ mis-servizz tal-pulizija, kif ukoll tad‑9 ta’ Ottubru 2019, NJ (Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna) (C‑489/19 PPU, EU:C:2019:849, punt 46), dwar il-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ ordni ta’ arrest permezz ta’ mandat ta’ arrest maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur tar-Repubblika tal-Awstrija.

( 23 ) Ara s-sentenzi Spetsializirana prokuratura (punt 32) u EncroChat (punt 88).

( 24 ) Ara s-sentenzi Staatsanwaltschaft Wien (punt 57) u EncroChat (punt 87).

( 25 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 2019, NJ (Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna) (C‑489/19 PPU, EU:C:2019:849, punti 4243).

( 26 ) Ara s-sentenza EncroChat (punti 90 sa 93).

( 27 ) Ara s-sentenza EncroChat (punt 97).

( 28 ) Ara s-sentenza Spetsializirana prokuratura (punt 33).

( 29 ) Ara s-sentenza Staatsanwaltschaft Wien (punti 60 u 61).

( 30 ) Ara s-sentenza Staatsanwaltschaft Wien (punt 62).

( 31 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Gavanozov (C‑324/17, EU:C:2019:892, punt 35). Ara wkoll il-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 32 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Staatsanwaltschaft Graz (punti 43 u 45).

( 33 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Spetsializirana prokuratura (punt 37).

( 34 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 22 tad-Direttiva 2014/41.

( 35 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 23 tad-Direttiva 2014/41.

( 36 ) Ara, b’mod partikolari, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u kuntrarjament għal tradizzjonijiet legali oħra, bħal fi Franza, fejn l-imħallef inkwirenti huwa globalment responsabbli għall-investigazzjoni.

( 37 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(a)(ii) tal-inizjattiva tar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Renju tal-Isvezja għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’... dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2010, C 165, p. 22).

( 38 ) Ara rapport ta’ progress tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2010 (1664316868/10 COPEN 260266 EUROJUST 133135 EJN 6768 CODEC 13251369), p. 5.

( 39 ) Ara, f’dan ir-rigward, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll Bachmaier Winter, L. “Further Mutual Assistance: The European Investigation Order”, f’Ambos, K. u Rackow, P. (edituri) The Cambridge Companion to European Criminal Law, Cambridge University Press, 2023, p. 292 sa 293, u Gogorza, A., “Décision d’enquête européenne – La relativité de la notion européenne d’autorité judiciaire”, Droit pénal – Lexis Nexis, 2021, p. 44.