Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RANTOS
ippreżentati fis‑27 ta’ Frar 2025 (1)
Kawża C‑633/23
Electrabel SA,
Fédération Belge des Entreprises Électriques et Gazières ASBL,
Organisatie voor Duurzame Energie Vlaanderen ASBL,
Wind4wallonia 2 SA,
Luminus SA,
EDF Belgium SA,
ActiVent Wallonie SCRL,
Eol’Wapi SA,
Lumiwind SC,
Luminus Wind Together SC
vs
Commission de Régulation de l’Electricité et du Gaz (CREG)
fil-preżenza ta’:
L-Istat Belġjan
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Regolament (UE) 2022/1854 – Intervent ta’ emerġenza biex jindirizza l-prezzijiet għoljin tal-enerġija – Punti 5 u 9 tal-Artikolu 2 – Artikoli 6 sa 8 – Limitu massimu fuq id-dħul mis-suq tal-elettriku – Determinazzjoni tad-‘dħul mis-suq’ – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-użu ta’ preżunzjonijiet inkonfutabbli jew parzjalment konfutabbli li ma jippermettux it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul realment irrealizzat – Effett dirett – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Artikolu 22(2)(c) – Perijodu għall-applikazzjoni tal-Artikoli 6 sa 8 ta’ dan ir-regolament – Stabbiliment ta’ limitu fuq id-dħul applikat għal data qabel dik prevista mill-imsemmi regolament – Prinċipji ta’ supremazija, effettività u kooperazzjoni leali”
I. Introduzzjoni
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 6 sa 8 u 22 tar-Regolament (UE) 2022/1854 (2), moqrija flimkien mal-punti 5 u 9 tal-Artikolu 2 tiegħu, mal-Artikolu 288 TFUE, mal-Artikolu 6 TUE kif ukoll mal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ supremazija, ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni u ta’ kooperazzjoni leali.
2. Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tliet rikorsi għal annullament ippreżentati, rispettivament, minn, l-ewwel, Electrabel SA, it-tieni, Fédération Belge des Entreprises Électriques et Gazières ASBL, Organizatie voor Duurzame Energie Vlaanderen ASBL kif ukoll Wind4Wallonia 2 SA (iktar ’il quddiem, flimkien, “FEBEG et”), u, it-tielet, Luminus SA, EDF Belgium SA, ActiVent Wallonie SCRL, Eol’Wapi SA, Lumiwind SC kif ukoll Luminus Wind Together SC (iktar ’il quddiem, flimkien, “Luminus et”) (iktar ’il quddiem, kollha flimkien, ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”) kontra deċiżjoni tal-Commission de régulation de l’électricité et du gaz (il-Kummissjoni Regolatorja tal-Elettriku u tal-Gass, il-Belġju, iktar ’il quddiem il-“KREG”) li tirrigwarda l-mudell ta’ dikjarazzjoni li għandha tiġi ppreżentata mid-debituri tal-imposta stabbilita fil-kuntest tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq tal-produtturi tal-elettriku (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) (3).
3. B’mod iktar preċiż, il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju) tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni imsemmija qabel, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi, skont ir-Regolament 2022/1854, sistema ta’ limitu fuq id-dħul mis-suq tal-elettriku, ibbażata fuq sett ta’ preżunzjonijiet inkonfutabbli jew konfutabbli, li ma tippermettix li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul li realment jirrealizzaw il-produtturi tal-elettriku u li, barra minn hekk, ġiet applikata f’data qabel dik prevista minn dan ir-regolament.
4. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba, mingħajr preċedent, li tippreċiża l-eventwali marġni ta’ evalwazzjoni mogħtija lill-Istati Membri meta huma jimplimentaw il-miżura tal-limitu fuq id-dħul ta’ ċerti produtturi tal-elettriku stabbilita permezz tar-Regolament 2022/1854 u, jekk ikun il-każ, biex tistabbilixxi l-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi rregolata din il-miżura, b’mod partikolari, minn naħa, il-metodu li fuq il-bażi tiegħu dan id-dħul jiġi stabbilit u, min-naħa l-oħra, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ tali miżura.
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
5. Skont il-premessi 30 u 37 tar-Regolament 2022/1854:
“(30) Il-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq jenħtieġ li jiġi stabbilit fuq id-dħul mis-suq aktar milli fuq id-dħul totali tal-ġenerazzjoni [...]. Irrispettivament mill-forma kuntrattwali ta’ kif iseħħ il-kummerċ tal-elettriku, il-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq jenħtieġ li japplika biss għad-dħul mis-suq realizzat. [...]
[...]
(37) Sabiex jiġi żgurat infurzar effettiv tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq, il-produtturi [...] jenħtieġ li jipprovdu d-data neċessarja lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u, fejn xieraq, lill-operaturi tas-sistema u lill-operaturi nominati tas-suq tal-elettriku. Minħabba l-għadd kbir ta' tranżazzjonijiet individwali li għalihom l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiżguraw l-infurzar tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq, dawk l-awtoritajiet jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jużaw stimi raġonevoli għall-kalkolu tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq”.
6. L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jippreċiża, fil-punti 5 u 9 tiegħu:
“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, [...] japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:
[...]
5) ‘dħul mis-suq’ tfisser introjtu realizzat li produttur jirċievi bi skambju għall-bejgħ u l-konsenja tal-elettriku fl-Unjoni, irrispettivament mill-forma kuntrattwali li biha jsir dan l-iskambju [...];
[...]
9) ‘surplus tad-dħul’ tfisser differenza pożittiva bejn id-dħul mis-suq tal-produtturi għal kull MWh ta’ elettriku u l-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq ta’ EUR 180 għal kull MWh ta’ elettriku previst fl-Artikolu 6(1).”
7. L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Limitu massimu obbligatorju fuq id-dħul mis-suq”, jipprovdi:
“1. Id-dħul mis-suq tal-produtturi miksub mill-ġenerazzjoni tal-elettriku mis-sorsi msemmija fl-Artikolu 7(1) għandu jkun limitat għal massimu ta’ EUR 180 għal kull MWh ta’ elettriku prodott.
[...]
3. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ miżuri effettivi biex jipprevjenu ċ-ċirkomvenzjoni tal-obbligi fuq il-produtturi skont il-paragrafu 2. B’mod partikolari, huma għandhom, b’mod partikolari, jiżguraw li l-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq jiġi applikat b’mod effettiv f’każijiet fejn il-produtturi huma kkontrollati minn, jew huma parzjalment il-proprjetà ta’, impriżi oħra, partikolarment fejn huma jkunu parti minn impriża integrata vertikalment.
[...]
5. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’dan l-Artikolu.”
8. L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Applikazzjoni tal-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq tal-produtturi tal-elettriku”, jipprovdi li:
“1. Il-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq previst fl-Artikolu 6 għandu japplika għad-dħul mis-suq miksub mill-bejgħ tal-elettriku ġġenerat mis-sorsi li ġejjin:
[...]
6. Il-produtturi [...] għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u fejn rilevanti, lill-operaturi tas-sistema u operaturi nominati tas-suq tal-elettriku, id-data kollha neċessarja għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6, inkluż dwar l-elettriku prodott u d-dħul mis-suq relatat, irrispettivament mill-perjodu ta’ żmien tas-suq li fih isseħħ it-tranżazzjoni u minn jekk l-elettriku jiġix innegozjat bilateralment, fi ħdan l-istess impriża jew inkella f’suq ċentralizzat.”
9. L-Artikolu 8 tar-Regolament 2022/1854, intitolat “Miżuri nazzjonali ta’ kriżi”, jipprovdi:
“1. L-Istati Membri jistgħu:
a) iżommu jew jintroduċu miżuri li jillimitaw aktar id-dħul mis-suq tal-produtturi li jiġġeneraw l-elettriku mis-sorsi elenkati fl-Artikolu 7(1), inkluż il-possibbiltà li ssir distinzjoni bejn it-teknoloġiji, [...];
[...]
c) iżommu jew jintroduċu miżuri nazzjonali biex jillimitaw id-dħul mis-suq tal-produtturi li jiġġeneraw l-elettriku minn sorsi mhux imsemmija fl-Artikolu 7(1);
[...]
2. Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom, f’konformità ma’ dan ir-Regolament:
a) ikunu proporzjonati u mhux diskriminatorji;
b) ma jipperikolawx is-sinjali ta’ investiment;
c) jiżguraw li l-investimenti u l-ispejjeż operattivi jkunu koperti;
d) ma jfixklux il-funzjonament tas-swieq tal-operaturi tal-elettriku, u b’mod partikolari, ma jaffettwawx l-ordni tal-mertu u l-formazzjoni tal-prezzijiet fis-suq tal-operaturi;
e) ikunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.”
10. L-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dħul fis-seħħ u applikazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:
“1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. [...] dan ir-Regolament għandu japplika sal‑31 ta’ Diċembru 2023, soġġett għal dan li ġej:
[...]
c) l-Artikoli 6, 7, u 8 għandhom japplikaw mill‑1 ta’ Diċembru 2022 sat‑30 ta’ Ġunju 2023;
[...]”
B. Id‑dritt Belġjan
1. Il‑Liġi dwar l-Elettriku
11. L-Artikolu 22b tal-loi relative à l’organisation du marché de l’électricité, du 29 avril 1999 (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tas-Suq tal-Elettriku, tad‑29 ta’ April 1999) (4), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-loi modifiant la loi relative à l’organisation du marché de l’électricité et introduisant un plafond sur les recettes issues du marché des producteurs d’électricité, du 16 décembre 2022 (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tas-Suq tal-Elettriku u li Tintroduċi Limitu fuq id-Dħul mis-Suq tal-Produtturi tal-Elettriku, tas‑16 ta’ Diċembru 2022 (5), applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Elettriku”), jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, limitu fuq id-dħul mis-suq tal-produtturi tal-elettriku, permezz ta’ imposta favur l-Istat fuq is-surplus tad-dħul irrealizzat bejn l‑1 ta’ Awwissu 2022 u t‑30 ta’ Ġunju 2023.
12. Skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, id-“dħul mis-suq” huwa ddefinit bħala li huwa d-dħul irrealizzat, għal kull tranżazzjoni, mill-produtturi tal-elettriku kkonċernati, bħala korrispettiv għall-bejgħ u l-kunsinna tal-elettriku matul il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu.
13. It-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu 5 jintroduċi sett ta’ preżunzjonijiet għall-iskopijiet tad-determinazzjoni ta’ dan id-dħul, li jvarjaw skont it-tipi differenti ta’ impjanti tal-produzzjoni. B’mod iktar preċiż, il-punti 1 sa 2 ta’ dan is-subparagrafu jistabbilixxu preżunzjonijiet inkonfutabbli applikabbli għall-impjanti nukleari. Il-punti 3 sa 5 tal-imsemmi subparagrafu jistabbilixxu, min-naħa tagħhom, preżunzjonijiet konfutabbli applikabbli, rispettivament: għall-impjanti mhux imsemmija fil-punti 1 u 2 li l-produzzjoni tagħhom hija koperta b’kuntratt ta’ xiri ta’ elettriku (punt 3); għall-impjanti mhux imsemmija fil-punti 1, 2 u 3 li ma jibbenefikawx minn mekkaniżmu ta’ għajnuna għall-produzzjoni, jew li jibbenefikaw minn tali mekkaniżmu li l-ammont tiegħu ma jiddependix fuq l-evoluzzjoni tal-prezz tal-elettriku, jew li l-ammont tiegħu jiddependi fuq l-evoluzzjoni tal-prezz tal-elettriku fuq perijodu ta’ tliet snin (punt 4), kif ukoll għall-impjanti l-oħra kollha li ma humiex imsemmijin fil-punti 1, 2, 3, u 4 (punt 5). Il-punt 6 tal-istess subparagrafu jipprevedi, fl-aħħar nett, il-possibbiltà għall-produtturi koperti mill-preżunzjonijiet konfutabbli li jinsabu fil-punti 3 sa 5 li jikkonfutaw dawn il-preżunzjonijiet billi juru li d-dħul tagħhom irrealizzat fis-suq huwa differenti minn dak stabbilit b’applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet, bil-kundizzjoni li huma jipproduċu din il-prova għall-grupp kollu tal-produzzjoni tagħhom. Dawn l-istess preżunzjonijiet ma jistgħux madankollu jiġu kkonfutati permezz tal-preżunzjonijiet li ġejjin:
“a) il-bejgħ u x-xiri tal-elettriku li jseħħ fi ħdan impriża vertikalment integrata jew bejn impriżi li waħda hija kkontrollata minn jew parzjalment proprjetà tal-oħra, huma meqjusin li ġew konklużi għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu fuq il-bażi ta’ prezz koerenti mal-prezz tas-suq fil-ġurnata tat-tranżazzjoni għall-perijodu tal-kunsinna kkonċernata mit-tranżazzjoni, kif ippubblikat fuq pjattaforma ta’ skambju ta’ blokok ta’ enerġija li topera fil-Belġju;
b) kull volum ta’ elettriku prodott jew mibjugħ, imma mhux mibjugħ f’ġurnata bil-quddiem huwa meqjus mibjugħ bil-prezz ta’ riferiment tas-suq;
c) kull bejgħ ta’ elettriku f’ġurnata bil-quddiem jikkostitwixxi tranżazzjoni ddefinita bid-data ta’ riferiment tagħha, bi prezzha u bil-volum tagħha;
d) il-volum tal-elettriku mibjugħ fis-suq millum għal għada jitqies li kien is-suġġett ta’ tranżazzjoni għal kull perijodu ta’ kunsinna ta’ siegħa”.
14. Skont ir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 6 tal-istess artikolu, il-KREG tiddetermina l-mudell tad-dikjarazzjoni u l-format tad-dokumenti li għandhom jintbagħtu mill-produtturi suġġetti għal-limitu bil-għan li tiġi stabbilita l-imposta dovuta.
2. Id‑deċiżjoni kontenzjuża
15. Id-deċiżjoni kontenzjuża, adottata fit‑28 ta’ Frar 2023 mill-KREG b’applikazzjoni tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 22b(6) tal-Liġi dwar l-Elettriku, tiddetermina l-mudell ta’ dikjarazzjoni u l-format tad-dokumenti li għandhom jintbagħtu mid-debituri tal-imposta stabbilita bl-Artikolu 22b(a) ta’ din il-liġi.
III. Il‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
16. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma jew persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt privat li huma produtturi u fornituri tal-elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija elenkati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament 2022/1854, suġġetti għall-imposta stabbilita mill-Artikolu 22b(1) tal-Liġi dwar l-Elettriku, jew persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt privat li ma humiex produtturi jew fornituri tal-elettriku suġġetti wkoll għal din l-imposta, u kif ukoll federazzjonijiet ta’ impriżi fis-settur tal-produzzjoni u tal-provvista tal-elettriku li jaġixxu għall-benefiċċju tal-membri tagħhom u li l-interess ġuridiku tagħhom huwa stabbilit skont il-Liġi dwar l-Elettriku.
17. Fid‑29 ta’ Marzu 2023, Electrabel kif ukoll FEBEG et, u, fit‑30 ta’ Marzu 2023, Luminus et, adixxew lill-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell), il-qorti tar-rinviju, bi tliet rikorsi intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fid-dawl tax-xebh li hemm bejniethom, din il-qorti għaqqdet dawn it-tliet rikorsi.
18. Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jinvokaw, fl-ewwel lok, motivi ta’ annullament li jirrigwardaw in-natura esklużiva tal-preżunzjonijiet kif stabbiliti fid-deċiżjoni kontenzjuża. Dawn il-partijiet isostnu, essenzjalment, li din id-deċiżjoni tikser il-punti 5 u 9 tal-Artikolu 2, kif ukoll l-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament 2022/1854 inkwantu d-deċiżjoni tobbligahom jiddikjaraw dħul li ma jkunx ġie effettivament irrealizzat, filwaqt li dan ir-regolament jeżiġi d-dikjarazzjoni tad-dħul li jkun ġie rrealizzat realment. Għaldaqstant, dawn ir-rikorrenti jilmentaw fir-rigward tal-KREG talli rriproduċiet fl-imsemmija deċiżjoni s-sistema tas-sitt preżunzjonijiet stabbiliti fil-punti 1 sa 6 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22b(5) tal-Liġi dwar l-Elettriku. Peress li hija bbażata esklużivament fuq preżunzjonijiet li huma inkonfutabbli jew konfutabbli imma li jistgħu jiġu kkonfutati biss taħt ċerti kundizzjonijiet u permezz tal-użu ta’ preżunzjonijiet oħrajn, din is-sistema twassal sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dħul fittizju, minkejja l-fatt li l-limitu stabbilit skont ir-Regolament 2022/1854 japplika għad-dħul effettivament irrealizzat mill-produtturi tal-elettriku. Barra minn hekk, dan ir-regolament jipprevedi li l-limitu japplika “għal kull tranżazzjoni”, filwaqt li, skont il-preżunzjonijiet kollha inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-elettriku jitqies li kien is-suġġett ta’ bejgħ tal-ġurnata bil-prezz tal-elettriku ta’ kull wieħed minn dawn il-jiem fuq il-borża tal-elettriku jekk dan jinbiegħ b’kuntratt ta’ provvista fil-futur, u bejgħ tas-siegħa jekk dan jinbiegħ fis-suq ta’ ġurnata bil-quddiem. L-imsemmija sistema tagħti lok għal imposta f’każ li jinqabeż il-limitu fuq ġurnata jew fuq siegħa tal-perijodu, filwaqt li l-prezz realment miksub huwa prezz medju iktar baxx mil-limitu jew prezz fiss iktar baxx minn dan. L-implimentazzjoni ta’ sistema bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tkunx iġġustifikata u jkollha l-għan li żżid it-taxxa imposta.
19. Min-naħa tagħhom, il-KREG u l-Istat Belġjan jinvokaw, b’mod partikolari, il-premessa 37 tar-Regolament 2022/1854, li tgħid li l-Istati Membri jistgħu jużaw stimi raġonevoli biex jikkalkolaw il-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq. Barra minn hekk, dan ir-regolament ma stabbilixxiex regola speċifika biex jiġi kkalkolat l-ammont tad-dħul. Skonthom, l-użu tal-preżunzjonijiet ma jwassalx biex jiġi ntaxxat dħul teoriku, imma jippermetti li jiġu mtaffijin id-diffikultajiet tekniċi marbutin mad-determinazzjoni preċiża tal-prezz għal kull MWh ta’ elettriku mibjugħ u kkunsinnat matul il-perijodu li fih tapplika l-imposta, filwaqt li jnaqqas il-piż amministrattiv tad-debituri u tal-entitajiet pubbliċi responsabbli biex japplikaw din l-imposta. Għal dak li jikkonċerna n-natura inkonfutabbli tal-preżunzjonijiet li jinsabu fil-punti 1 u 2 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22b tal-Liġi dwar l-Elettriku, din tkun iġġustifikata sa fejn is-sistema tkun ibbażata fuq strateġiji ta’ bejgħ adottati qabel, bi qbil mal-operaturi tal-impjanti nukleari kkonċernati.
20. B’mod preliminari, il-qorti tar-rinviju tindika li l-fatt li l-illegalitajiet ikkontestati f’dan il-każ joħorġu mill-applikazzjoni tal-punti 1 sa 6 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(b)(5) tal-Liġi dwar l-Elettriku ma jaffettwax il-kompetenza tagħha biex tieħu konjizzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża. Skont l-imsemmija qorti tar-rinviju, il-preżunzjonijiet stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet u li fuq il-bażi tagħhom il-KREG stabbilixxiet, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-mudell tagħha għad-dikjarazzjoni tad-dħul, li jikkostitwixxi l-istadju ta’ qabel l-iffissar tal-imposta dovuta minn kull debitur, huma bbażati fuq sett jew kaskata ta’ preżunzjonijiet li minnhom id-debitur ma jista’ qatt jaħrab kompletament, b’mod li huwa ma jistax jiddikjara d-dħul reali li huwa jkun effettivament irrealizza. Din il-qorti tirrileva li, f’dan il-każ, ma ġietx murija impossibbiltà teknika ġenerali sabiex jiġi stabbilit id-dħul reali. Għaldaqstant, għalkemm id-diffikultajiet tekniċi jistgħu, sa ċertu punt, jiġġustifikaw l-użu ta’ preżunzjonijiet, madankollu dawn ma jiġġustifikawx in-natura inkonfutabbli tagħhom.
21. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tirrileva possibbiltà ta’ kontradizzjoni fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2022/1854, għal dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-limitu tad-dħul mis-suq. Hija tikkunsidra fil-fatt li, a priori, għalkemm il-punti 5 u 9 tal-Artikolu 2, kif ukoll l-Artikoli 6 u 7 ta’ dan ir-regolament, moqrija fid-dawl tal-premessa 30 tiegħu, itendu li jindikaw li l-kalkolu tas-surplus tad-dħul isir fuq il-bażi tad-dħul realment miksub mill-produtturi, il-premessa 37 tal-imsemmi regolament tirrikonoxxi lill-Istati Membri l-fakultà li jużaw stimi raġonevoli biex jikkalkolaw il-limitu fuq id-dħul. L-istess qorti tindika li ma hijiex konvinta, prima facie, li din il-fakultà msemmija li tippermetti lill-Istati Membri li jużaw stimi, tawtorizzahom jipprevedu sistema bbażata biss fuq preżunzjonijiet inkonfutabbli jew fuq preżunzjonijiet parzjalment konfutabbli imma b’mod li tħalli jeżistu l-elementi teoretikament predeterminati mill-Istat Membru, indipendentement mid-dħul realment miksub.
22. Fit-tieni lok, għal dak li jikkonċerna l-perijodu kopert mid-deċiżjoni kontenzjuża, Electrabel kif ukoll FEBEG et isostnu, essenzjalment, li, inkwantu din id-deċiżjoni tiffissa mudell ta’ dikjarazzjoni għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Awwissu u l‑31 ta’ Diċembru 2022, filwaqt li, skont ir-Regolament 2022/1854, il-perijodu tal-limitu jibda fl‑1 ta’ Diċembru 2022 u li l-Istati Membri ma humiex awtorizzati jistabbilixxu imposta fuq is-surplus tad-dħul b’mod retroattiv, l-imsemmija deċiżjoni tikser, b’mod partikolari, l-Artikoli 6 sa 8, 20 u 22 ta’ dan ir-regolament, l-Artikolu 288 TFUE, il-prinċipji tas-supremazija u tal-effettività tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.
23. Min-naħa tagħhom, il-KREG u l-Istat Belġjan jaffermaw li l-leġiżlatur Belġjan seta’, għall-kuntarju, jaġixxi b’dan il-mod għal dak li jirrigwarda l-perijodu msemmi qabel, u dan fuq il-bażi tal-kompetenza fiskali ġenerali tiegħu. L-Istat Belġjan jagħmel riferiment, b’mod partikolari, għall-Artikolu 8(1) tar-Regolament 2022/1854, li jgħid li l-Istati Membri jistgħu “iżommu jew jintroduċu miżuri li jillimitaw aktar id-dħul mis-suq”.
24. Skont il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlatur Belġjan ma ġġustifikax ir-raġuni li wasslitu jiffissa d-data tad-dħul fis-seħħ tal-imposta inkwistjoni fil-kawża prinċipali f’data differenti minn dik prevista mir-Regolament 2022/1854, u llimita ruħu sempliċiment biex jindika li s-sistema implimentata ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività fil-qasam fiskali, mingħajr ma ppreċiża jekk din l-imposta tikkostitwixxix miżura nazzjonali indipendenti mid-dritt tal-Unjoni għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Awwissu u t‑30 ta’ Novembru 2022. Għaldaqstant, din il-qorti tikkunsidra li l-Artikolu 22(2) ta’ dan ir-regolament jista’ jipprekludi l-miżuri nazzjonali li jiżguraw l-implimentazzjoni tas-sistema li huwa jipprevedi b’effett minn data qabel dik stabbilita f’din id-dispożizzjoni, fid-dawl tal-prinċipji tas-supremazija u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll ta’ kooperazzjoni leali. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament ma huwiex nieqes mill-ambigwità fir-rigward tal-punt dwar jekk il-fakultà offruta minn din id-dispożizzjoni lill-Istati Membri tinkludix ukoll dik li jimplimentaw sistema ta’ stabbiliment ta’ limitu qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament.
25. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikoli 6, 7 u 8 tar-[Regolament 2022/1854], moqrija flimkien mal-punti 5 u 9 tal-Artikolu 2 fid-dawl tal-premessi kollha tiegħu, u flimkien, b’mod partikolari, mal-Artikolu 288 TFUE u l-Artikolu 6 TUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali, bħal dawk tal-Artikolu 22b, b’mod partikolari s-subparagrafu 2 tal-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, tal-[Liġi dwar l-Elettriku], li jipprevedu li l-limitu previst fl-Artikolu 6 [ta’ dan i]r-Regolament jirriżulta f’imposta fuq l-eċċess ta’ dħul tal-produtturi ta’ elettriku, meta n-natura eċċessiva tad-dħul meta mqabbel mal-limitu ffissat huwa stabbilit minn dħul mis-suq iddeterminat, għal ċerti installazzjonijiet, minn preżunzjonijiet inkonfutabbli li jikkalkolaw dħul teoretiku (ara l-punti 1 u 2 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22b(5) tal-Liġi dwar l-Elettriku), b’tali mod li d-debituri tal-imposta jiġu preklużi milli jiddikjaraw u jiġu evalwati fuq id-dħul reali tagħhom?
2) L-Artikoli 6, 7 u 8 tar-Regolament 2022/1854, moqrija flimkien mal-punti 5 u 9 tal-Artikolu 2 u fid-dawl tal-premessi kollha tiegħu, u flimkien, b’mod partikolari, mal-Artikolu 288 TFUE u l-Artikolu 6 TUE, kif ukoll mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali, bħal dawk tal-Artikolu 22b, b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, tal-Liġi dwar l-Elettriku, li jipprevedu li l-limitu previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament isarraf f’imposta fuq l-eċċess ta’ dħul tal-produtturi ta’ elettriku, meta n-natura eċċessiva tad-dħul meta mqabbel mal-limitu ffissat huwa stabbilit minn dħul mis-suq iddeterminat, għal ċerti installazzjonijiet (ara l-punti 3, 4, 5 u 6 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22b(5)), minn preżunzjonijiet ippreżentati bħala konfutabbli iżda li jistgħu jinqalbu, minn naħa, biss permezz tal-ġustifikazzjoni tad-dħul reali tagħhom għall-installazzjonijiet kollha tagħhom, inklużi l-installazzjonijiet tagħhom mhux suġġetti għall-kamp ta’ applikazzjoni ta[l-imsemmi] regolament, u, min-naħa l-oħra, biss dejjem permezz tar-rikors għal ċerti preżunzjonijiet, b’tali mod li b’hekk id-debituri tal-imposta jiġu preklużi milli jiddikjaraw u jiġu evalwati fuq id-dħul reali tagħhom?
3) L-Artikolu 6, 7 u 8 u 22 tar-Regolament 2022/1854, moqrija flimkien mal-prinċipji ta’ supremazija u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni u mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (il-punt 3 tal-Artikolu 4 TUE), flimkien, b’mod partikolari, mal-Artikolu 288 TFUE, kif ukoll fid-dawl tal-premessi tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali adottati wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament, bħall-Artikolu 22b(1) tal-Liġi dwar l-Elettriku, introdott permezz tal-Liġi tas‑16 ta’ Diċembru 2022, u li jipprevedu l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ limitu tad-dħul mis-suq miksub mill-produtturi ta’ elettriku minn data li tipproċedi l‑1 ta’ Diċembru 2022, bħad-data tal‑1 ta’ Awwissu 2022?”
26. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn Electrabel, FEBEG et, Luminus et, mill-KREG, mill-Gvern Belġjan u mill-Gvern Grieg kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.
IV. Analiżi
A. Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda preliminari
27. Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament 2022/1854, b’mod partikolari l-Artikoli 6 sa 8 tiegħu, moqrija flimkien mal-punti 5 u 9 tal-Artikolu 2 fid-dawl tal-premessi kollha tiegħu, u flimkien mal-Artikolu 288 TFUE u l-Artikolu 6 TUE kif ukoll mal-prinċipji ta’ proporzjonalità jipprekludux miżura nazzjonali li tistabbilixxi sistema ta’ kalkolu tad-dħul mis-suq, li għalih japplika l-limitu (previst fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament), fuq il-bażi ta’ preżunzjonijiet li huma jew inkonfutabbli (l-ewwel domanda) jew ukoll parzjalment konfutabbli (it-tieni domanda), li jipprekludu għaldaqstant lid-debituri tal-imposta milli jiġu evalwati fuq id-dħul reali tagħhom.
28. Inkwantu l-ewwel żewġ domandi jirrigwardaw l-istess dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “dħul mis-suq” miksub mill-produtturi tal-elettriku suġġett għal-limitu u, b’mod iktar preċiż, id-determinazzjoni tal-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biex jiġi kkalkolat dan id-dħul, jeħtieġ li dawn jiġu ttrattati flimkien.
29. Qabel nipproċedi bl-eżami ta’ dawn iż-żewġ domandi, jidhirli li jkun xieraq li jitfakkar fil-qosor il-qafas ġenerali stabbilit mir-Regolament 2022/1854 kif ukoll li tiġi ċċarata l-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-istabbiliment tal-limitu, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, għandhomx effett dirett.
1. Osservazzjonijiet preliminari
a) Fuq il‑qafas ġenerali stabbilit mir‑Regolament 2022/1854
30. B’mod preliminari, infakkar li r-Regolament 2022/1854 jikkostitwixxi intervent ta’ emerġenza sabiex jindirizza ż-żieda fil-prezzijiet tal-elettriku fil-kuntest tal-kriżi tal-enerġija li seħħet wara l-gwerra ta’ aggressjoni magħmula mir-Russja kontra l-Ukraina, u għaldaqstant, it-tfixkil kbir fis-suq tal-enerġija marbut mad-diffikultajiet serji ta’ provvista li rriżultaw minnha. Permezz ta’ dan l-intervent, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried joħloq qafas armonizzat sabiex jerġa’ jqassam is-surplus tad-dħul sabiex itaffi t-tħassib li jirrigwarda d-distorsjonijiet kbar bejn il-produtturi li jistgħu jippreġudikaw is-suq tal-enerġija. Adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 122 TFUE, dan ir-regolament ma huwiex intiż li jistabbilixxi miżuri permanenti fuq is-suq imma inizjattivi eċċezzjonali, immirati u limitati fiż-żmien, intiżi li jindirizzaw sitwazzjoni partikolari fis-suq.
31. Nirrileva wkoll li r-regolament imsemmi ma jagħmilx armonizzazzjoni eżawrjenti imma jikkostitwixxi strument ta’ koordinazzjoni tal-miżuri differenti meħudin mill-Istati Membri fil-kuntest tal-kriżi tal-enerġija. Għalkemm l-Istati Membri għandhom marġni ta’ manuvra għall-implimentazzjoni tiegħu (6), dan jibqa’ madankollu limitat mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tal-istess regolament li l-Istati Membri huma obbligati josservaw meta jadottaw il-miżuri msemmija qabel (7).
32. Barra minn hekk, nikkonstata li għalkemm ir-Regolament 2022/1854 jipprovdi indikazzjonijiet ġenerali sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minnu, xorta waħda jibqa’ l-fatt li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tiegħu ma tistabbilixxi metodoloġija speċifika u vinkolanti li l-Istati Membri jkunu obbligati jsegwu fir-rigward tal-mod li bih għandhom jiġu stabbiliti l-limitu u d-dħul li huwa suġġett għall-imsemmi limitu. Jeħtieġ li jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li għalkemm l-Artikolu 6(5) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li “[l]-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni” ta’ dan l-Artikolu 6, hija madankollu ma stabbilixxietx tali gwida.
b) Fuq l‑effett dirett tad‑dispożizzjonijiet tar‑Regolament 2022/1854 dwar l‑iffissar tal‑limitu fuq id‑dħul
33. Nosserva, mill-ewwel, li għalkemm il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix espressament lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2022/1854 dwar l-iffissar tal-limitu fuq id-dħul, u b’mod partikolari tal-Artikolu 6(1) tiegħu, hija tipprevedi madankollu, permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, l-Artikolu 288 TFUE (8). F’dan il-kuntest, nipproponi li tiġi eżaminata, fil-qosor, din il-problema qabel ma nkompli bl-analiżi fil-mertu tad-domandi magħmula.
34. Jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 288 TFUE, regolament huwa fil-prinċipju direttament applikabbli fl-elementi kollha tiegħu, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li ċerti dispożizzjonijiet ta’ regolament jistgħu jeħtieġu, għall-implimentazzjoni tagħhom, l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni (9). Barra minn hekk, għalkemm id-dispożizzjonijiet ta’ regolament huma ġeneralment mogħnija bl-effett dirett, ma huwiex eskluż li ċerti dispożizzjonijiet ma jkollhomx dan l-effett dirett, meta dawn ma jkunux suffiċjentement ċari, preċiżi u inkundizzjonati (10).
35. Għalkemm ma huwiex ikkontestat f’dan il-każ, kif tfakkar fil-punti 30 u 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li, fid-dawl tal-bażi legali li fuqha ġie adottat ir-Regolament 2022/1854, jiġifieri l-Artikolu 122 TFUE, dan ir-regolament ma jwassalx għal armonizzazzjoni eżawrjenti fil-qasam fiskali imma għal koordinazzjoni tal-miżuri differenti meħudin fuq livell nazzjonali u li l-Istati Membri għandhom, biex jagħmlu dan, ċertu marġni ta’ evalwazzjoni biex jimplimentaw l-imsemmi regolament, dan il-fatt ma jistax, minnu nnifsu, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Gvern Belġjan u l-KREG, iċaħħad lil dan tal-aħħar mill-effett dirett. Fil-fatt, anki jekk l-Istati Membri, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-istess regolament, ingħataw ċertu marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-miżuri speċifiċi li huma jistgħu jimplimentaw, dan jista’ jiġi eżerċitat biss fil-limiti tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-eżerċizzju ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni ma jippermettilhomx li jadottaw atti li jistgħu jbiddlu l-portata tar-Regolament 2022/1854 u ma jistax iwassal għall-adozzjoni ta’ miżura li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.
36. Wara li dan ġie ppreċiżat, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2022/1854 jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sabiex din id-dispożizzjoni tkun tista’ titqies bħala li għandha effett dirett, jiġifieri li hija suffiċjentement ċara, preċiża u inkundizzjonata. Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa l-każ hawnhekk, inkwantu d-dispożizzjoni tintroduċi obbligu inkundizzjonat biex jiġi stabbilit limitu fuq id-dħul mis-suq (11) billi tidentifika bi preċiżjoni u mingħajr ambigwità, minn naħa, kategorija speċifika ta’ persuni suġġetti għal-limitu billi tagħmel riferiment għall-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament li fih lista ddettaljata tas-sorsi ta’ enerġija suġġetti għal-limitu u, min-naħa l-oħra, l-ammont massimu tal-limitu kkonċernat (12).
2. Fuq il-mertu
37. Jeħtieġ li jitfakkar li, permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mar-Regolament 2022/1854 ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, bil-għan li tiddetermina d-dħul li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-limitu ffissat minn dan ir-regolament, tistabbilixxi preżunzjonijiet li, skont din il-qorti, huma inkonfutabbli jew diffiċilment konfutabbli.
38. L-ewwel nett, nosserva li, minkejja l-assenza ta’ metodoloġija speċifika biex jiġi kkalkolat l-ammont tas-surplus tad-dħul suġġett għal-limitu, jirriżulta mill-formulazzjoni stess tar-Regolament 2022/1854 li l-limitu stabbilit mill-Istati Membri skont dan ir-regolament ma jistax, bħala prinċipju, japplika għad-dħul teoriku li ma jikkorrispondix għar-realtà tas-suq imma għandu jirrifletti r-realtà tad-dħul irrealizzat mill-produtturi kkonċernati.
39. Dan joħroġ b’mod ċar mill-Artikoli 6 sa 8 ta’ dan ir-regolament li jipprevedu li l-limitu obbligatorju japplika għad-dħul miksub mis-suq, li jinsab iddefinit fil-punt 5 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament bħala “introjtu realizzat li produttur jirċievi bi skambju għall-bejgħ u l-konsenja tal-elettriku fl-Unjoni”. Il-punt 9 ta’ dan l-artikolu jżid li s-surplus tad-dħul tfisser id-differenza pożittiva bejn id-dħul mis-suq tal-produtturi u l-limitu massimu previst fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament. Barra minn hekk, il-premessa 30 tal-istess regolament tindika li l-limitu għandu jiġi stabbilit fuq id-dħul mis-suq aktar milli fuq id-dħul totali tal-ġenerazzjoni u li l-limitu fuq id-dħul miksub mis-suq għandu japplika biss għad-dħul mis-suq realizzat.
40. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq itendu li jindikaw li l-kalkolu tas-surplus tad-dħul għandu jsir fuq il-bażi tad-dħul realment miksub mill-produtturi, il-premessa 37 tar-Regolament 2022/1854 tagħti lill-Istati Membri l-fakultà li jirrikorru għal stimi raġonevoli biex jikkalkolaw l-ammont tal-limitu, mingħajr madankollu ma tiddefinixxi jew tippreċiża x’wieħed għandu jifhem bi “stimi raġonevoli”.
41. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk l-użu tal-preżunzjonijiet biex jiġi stmat l-ammont tad-dħul miksub mis-suq jistax ikun iġġustifikat fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament 2022/1854.
42. Infakkar, fl-ewwel lok, il-qafas speċifiku li fih jaqa’ l-obbligu tal-iffissar tal-limitu fuq id-dħul li ġie implimentat, fejn l-għan ta’ dan ir-regolament kien li jintervjeni b’emerġenza biex itaffi l-effetti tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija, ħaġa li nneċessitat implimentazzjoni malajr tal-limitu, sabiex id-dħul straordinarju rrealizzat minn ċerti produtturi jkun jista’ jerġa’ jitqassam għall-benefiċċju tal-konsumaturi affettwati mill-kriżi tal-enerġija. Issa, għandu jiġi rrikonoxxut li, f’tali kuntest, l-użu ta’ stimi raġonevoli, inkluż fil-forma ta’ preżunzjonijiet, biex jiġu implimentati immedjatament miżuri temporanji jista’ jikkostitwixxi mezz effikaċi u, f’diversi każijiet, neċessarju biex jiġu applikati l-miżuri li huma ta’ natura urġenti u għaldaqstant jiggarantixxi l-effikaċità tal-miżura ta’ ffissar ta’ limitu.
43. Ninnota, fit-tieni lok, li kif ġie rrilevat fil-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għalkemm l-Istati Membri huma obbligati josservaw il-kontenut u l-għanijiet imfittxija mir-Regolament 2022/1854, huma għandhom ċerta marġni ta’ evalwazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-mod li bih jiddeterminaw id-dħul miksub mis-suq. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jagħżlu l-metodi li huma jqisu teknikament u amministrattivament neċessarji u xierqa għall-karatteristiċi speċifiċi tas-suq nazzjonali rispettiv tagħhom sabiex jimplimentaw bl-iktar mod effikaċi u l-iktar mod xieraq il-miżuri eċċezzjonali li huma ta’ natura urġenti. Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni nazzjonali mogħtija lill-istimi inkwistjoni hija irrilevanti u ma għandhiex għaldaqstant tkun ta’ ostakolu biex dawn jieħdu l-forma ta’ preżunzjonijiet, sakemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament.
44. Nirrimarka, fit-tielet lok, li l-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament 2022/1854 hija bbażata, fil-prattika, fuq id-data li l-produtturi huma obbligati jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti sabiex dawn ikunu jistgħu jiffissaw il-limitu u l-ammonti li għandhom jinġabru. Issa, huwa preċiżament minħabba kunsiderazzjonijiet prattiċi marbutin man-numru potenzjalment għoli ta’ tranżazzjonijiet suġġetti għal-limitu u għall-eventwali diffikultà biex jiġi evalwat l-ammont preċiż tad-dħul reali (13) li l-premessa 37 ta’ dan ir-regolament tagħti l-fakultà lill-awtoritajiet tal-Istati Membri li jużaw stimi raġonevoli għall-kalkolu tal-limitu fuq id-dħul miksub mis-suq.
45. Nirrileva, fir-raba’ lok, li l-Istati Membri huma obbligati, skont l-Artikolu 6(2) u (3) tal-imsemmi regolament, jadottaw miżuri effikaċi intiżi li jiggarantixxu l-applikazzjoni effettiva tal-limitu u jipprekludu l-evażjoni tal-limitu fuq id-dħul miksub mis-suq stabbilit mill-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu. Barra minn hekk, huwa ppreċiżat fil-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu li dawn l-Istati “għandhom, b’mod partikolari, jiżguraw li l-limitu massimu fuq id-dħul mis-suq jiġi applikat b’mod effettiv f’każijiet fejn il-produtturi huma kkontrollati minn, jew huma parzjalment il-proprjetà ta’, impriżi oħra, partikolarment fejn huma jkunu parti minn impriża integrata vertikalment”.
46. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Belġjan u tal-KREG, li l-użu ta’ ċerti preżunzjonijiet konfutabbli jidħlu fl-istrateġija “antiabbuż” li l-għan tagħha huwa li tillimita r-riskju ta’ evażjoni tal-limitu u li tiggarantixxi għaldaqstant l-applikazzjoni effettiva tal-miżuri nazzjonali adottati taħt ir-Regolament 2022/1854. Għaldaqstant, meħudin inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet tekniċi, jiġifieri l-impossibbiltà li ssir distinzjoni bejn il-volumi ta’ elettriku skont il-metodu ta’ produzzjoni tagħhom u li jiġi iżolat id-dħul proprju tal-impjanti differenti li jappartjenu lill-istess produttur, il-preżunzjonijiet inkwistjoni kienu neċessarji biex jiġi evitat li l-produtturi tal-elettriku li għandhom diversi impjanti ta’ produzzjoni jkunu jistgħu jallokaw id-dħul li jeċċedi l-limitu għall-impjanti marġinali tagħhom (mhux suġġetti għal-limitu) jew eventwalment jirrikorru għat-tranżazzjonijiet intragrupp (14) sabiex jevitaw l-applikazzjoni tal-limitu (15).
47. Għalkemm, fid-dawl tal-elementi preċedenti, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-użu tal-preżunzjonijiet biex jiġi stabbilit l-ammont tad-dħul suġġett għal-limitu jista’ jkun iġġustifikat fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament 2022/1854, għad hemm bżonn li jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk is-sistema ta’ preżunzjonijiet stabbilita mil-leġiżlazzjoni Belġjana tissodisfax il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament u ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mill-imsemmi regolament.
48. Jidhirli li huwa importanti li jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tas-sistema ta’ preżunzjonijiet stabbilita mil-leġiżlazzjoni Belġjana mal-prinċipji li joħorġu mill-istess regolament teħtieġ analiżi approfondita ta’ numru ta’ elementi fattwali u tekniċi li għandha quddiemha biss il-qorti tar-rinviju u teħtieġ eżami tal-effetti konkreti ta’ din il-leġiżlazzjoni li hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha l-kompetenza li tagħmel. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tipprovdilha indikazzjonijiet f’dan ir-rigward. Fil-fehma tiegħi, fil-kuntest tal-analiżi li l-qorti tar-rinviju ser tkun mitluba tagħmel, il-kriterji segwenti huma rilevanti.
49. Fl-ewwel lok, nirrileva li, kif jirriżulta mill-punti 42 u 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet, skont il-premessa 37 tar-Regolament 2022/1854, l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jirrikorru għal preżunzjonijiet biex jistabbilixxu d-dħul li għalih għandu japplika l-limitu, b’dan li għad irid jiġi vverifikat li dawn il-preżunzjonijiet jippermettu li wieħed jasal għal stima raġonevoli tad-dħul realment irrealizzat minn dawn il-produtturi. Peress li dan il-kunċett ta’ “stima raġonevoli” ma ġiex iddefinit fil-kuntest ta’ dan ir-regolament, jeħtieġ li jsiru xi preċiżazzjonijiet fir-rigward tal-interpretazzjoni tiegħu.
50. Sabiex is-sistema ta’ preżunzjonijiet tkun tista’ tkun konformi ma’ dan il-kunċett, jeħtieġ li l-preżunzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Belġjana jkunu bbażati fuq elementi oġġettivi, bħalma hija d-data tas-suq li tista’ tirrifletti kemm jista’ jkun possibbli eżatt id-dħul reali tal-produtturi kkonċernati. Madankollu jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li, mid-definizzjoni tagħha, stima hija approssimazzjoni ta’ valur partikolari u għaldaqstant mhux dejjem tikkorrispondi għall-valur eżatt. Minn dan isegwi li l-eventwali differenza bejn id-dħul reali u dak preżunt jista’ jiġi aċċettat, mingħajr ma’ dan irendi awtomatikament il-preżunzjonijiet inkwistjoni inkompatibbli mar-Regolament 2022/1854. Madankollu, din id-differenza li, f’dan il-każ, tista’ tkun jew għall-benefiċċju jew għad-detriment tal-produtturi kkonċernati għandha tibqa’ raġonevoli, jiġifieri tkun moderata, u ma twassalx għal evalwazzjoni eċċessiva b’mod sinjifikattiv tad-dħul irrealizzat mill-produtturi inkwistjoni.
51. Minn dan jirriżulta li huwa biss jekk jiġi stabbilit li l-kriterji użati biex jiġu stabbiliti l-preżunzjonijiet inkwistjoni jkunu irraġonevoli, fis-sens li d-data li fuq il-bażi tagħha jkunu ġew stabbiliti dawn il-preżunzjonijiet tkun fundamentalment żbaljata, mhux kompluta u twassal għal dħul fittizju kompletament maqtugħ mir-realtà tas-suq jew de facto għal differenza kunsiderevoli bejn id-dħul stmat u dak effettivament irrealizzat, li sistema ta’ preżunzjonijiet, li ma tippermettix lill-produtturi kkonċernati li jasserixxu d-dħul effettivament irrealizzat tagħhom jew li jkunu jistgħu jirrettifikaw eventwali żbalji sinjifikattivi f’dawn l-istimi, għandha titqies bħala li hija inkompatibbli mar-Regolament 2022/1854. Għalkemm huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tagħmel din l-evalwazzjoni, huwa utli li jiġi nnotat, bħala eżempju, li, fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament, sabiex ikunu kklassifikati bħala “stimi raġonevoli”, il-preżunzjonijiet stabbiliti ma għandhomx iwasslu għall-intaxxar ta’ volum ta’ elettriku li ma jkunx ġie ġġenerat jew għal sitwazzjonijiet li fihom l-elettriku jinbiegħ b’telf.
52. Issa, f’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, għalkemm il-qorti tar-rinviju tidher li taqbel mal-pożizzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jsostnu li l-preżunzjonijiet inkonfutabbli jew parzjalment konfutabbli stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Belġjana ma jippermettux li jiġi żgurat li l-limitu jiġi applikat għad-dħul effettivament irrealizzat, u jwassal għalhekk għar-riskju ta’ evalwazzjoni ta’ dħul differenti b’mod sinjifikattiv mid-dħul reali, xorta waħda jibqa’ l-fatt li r-riskju identifikat huwa ppreżentat b’mod astratt (16).
53. Fit-tieni lok, nirrimarka li għalkemm l-għan marbut mat-tnaqqis tal-piż amministrattiv kif ukoll dak intiż li jevita l-evażjoni tal-limitu jiġġustifikaw, a priori, l-użu ta’ preżunzjonijiet, kif ġie stabbilit fil-punti 44 sa 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet, b’mod partikolari sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva ta’ dan il-limitu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dispożizzjonijiet antiabbuż ma għandhomx, fil-prinċipju, imorru lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija u jistabbilixxu preżunzjoni ġenerali ta’ frodi u ta’ abbuż (17). Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar preċiż, il-preżunzjonijiet inkonfutabbli fil-qasam fiskali, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, għall-kuntrarju ta’ preżunzjoni sempliċi, dispożittiv li jippreżumi l-eżistenza ta’ abbuż jew ta’ aġir frawdolenti għall-unika raġuni li l-kundizzjonijiet li dan jipprevedi huma ssodisfatti, mingħajr ma tingħata l-ebda possibbiltà lill-operatur ekonomiku kkonċernat li jikkonfuta din il-preżunzjoni u li jipprova l-użu reali tal-prodott ikkonċernat, imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa (18).
54. Madankollu ma jistax jiġi eskluż li, fid-dawl tan-natura kemm urġenti u fl-istess ħin temporanja tal-miżura eċċezzjonali inkwistjoni u tal-marġni ta’ evalwazzjoni mogħtija lill-Istati Membri fid-determinazzjoni preċiża tad-dħul li għalih japplika l-limitu, l-użu ta’ tali preżunzjonijiet jista’ jkun iġġustifikat. Dan japplika iktar u iktar meta, bħal kif jidher li huwa l-każ hawnhekk, ikun hemm kategorija limitata u partikolari ta’ produtturi li d-dħul tagħhom, minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari tagħhom (19), kien iffissat minn qabel bi qbil mal-awtoritajiet pubbliċi u huwa rregolat minn leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod li l-produtturi inkwistjoni ma jistgħux jevitawh faċilment (20).
55. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li għall-ewwel u għat-tieni domanda tingħata r-risposta li l-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament 2022/1854, moqrijin flimkien mal-punti 5 u 9 tal-Artikolu 2 tiegħu, fid-dawl tal-premessi kollha tiegħu, u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 288 TFUE u mal-Artikolu 6 TUE kif ukoll mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li hija bbażata fuq preżunzjonijiet sabiex jiġi kkalkolat id-dħul tal-produtturi tal-elettriku suġġetti għal-limitu, sakemm tali sistema ta’ preżunzjonijiet tiggarantixxi l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament.
B. Fuq it‑tielet domanda preliminari
56. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament 2022/1854, b’mod partikolari l-Artikoli 6 sa 8 u l-Artikolu 22(2)(c) tiegħu, moqrijin flimkien mal-premessi tiegħu, mal-Artikolu 288 TFUE kif ukoll mal-prinċipji ta’ supremazija, ta’ effettività u ta’ kooperazzjoni leali, jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li ġiet adottata wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, għall-implimentazzjoni tiegħu, u li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-miżura tal-iffissar tal-limitu stabbilit fl-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament għal data qabel dik iffissata mill-istess regolament.
57. F’dan il-każ, din id-domanda saret fid-dawl tal-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-leġiżlazzjoni Belġjana ma jikkorrispondix ma’ dak previst mir-Regolament 2022/1854 li din il-leġiżlazzjoni hija intiża li timplimenta. B’mod iktar preċiż, id-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-imsemmi regolament mad-dritt tal-Unjoni joħorġu mill-fatt li din ġiet adottata fis‑16 ta’ Diċembru 2022, jiġifieri wara l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, imma l-leġiżlatur Belġjan iddeċieda madankollu li japplika l-limitu previst fl-Artikolu 6 tiegħu b’effett mill‑1 ta’ Awwissu 2022, filwaqt li l-Artikolu 22(2)(c) tal-imsemmi regolament kien jipprevedi li l-Artikoli 6 sa 8 tiegħu dwar l-iffissar tal-limitu fuq id-dħul japplikaw mill‑1 ta’ Diċembru 2022 sat‑30 ta’ Ġunju 2023.
58. Għalkemm ma hemmx dubju li matul il-perijodu kopert mir-Regolament 2022/1854, l-Istati Membri huma obbligati josservaw il-kundizzjonijiet li jinsabu msemmija fih, ma jistax jingħad, fil-fehma tiegħi, li barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis espressament previst minn dan ir-regolament, dan jista’ joħloq xi obbligi fuq dawn l-Istati, peress li dawn tal-aħħar jibqgħu liberi, lil hinn minn dan il-perijodu, li jirregolaw is-sitwazzjonijiet legali skont id-dritt nazzjonali tagħhom. Konsegwentement, kull applikazzjoni tal-limitu inkwistjoni qabel l-imsemmi perijodu għandha ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-imsemmi regolament u toħroġ għaldaqstant barra mill-kuntest tad-dritt tal-Unjoni.
59. Għalkemm, ċertament, ir-Regolament 2022/1854 ma jipprevedix espressament li l-limitu fuq is-surplus tad-dħul jista’ jiġi applikat bil-mod li bih ġie applikat mill-Gvern Belġjan (21), minn ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament ma jirriżulta li dan l-istess regolament japplika għal miżura ta’ ffissar ta’ limitu fuq id-dħul imwaqqfa minn leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrigwarda xi perijodu qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament u lanqas a fortiori li tali leġiżlazzjoni għandha tosserva l-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmi regolament. Fil-fatt, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżura ta’ ffissar ta’ limitu tad-dħul miksub mis-suq prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax ikollha l-effett li tipprekludi lill-Istati Membri milli jadottaw, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenza fiskali tagħhom u mingħajr ħsara għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni possibbilment applikabbli, miżuri identiċi għal dawk li jinsabu fir-Regolament 2022/1854, li iżda l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tagħhom ma jikkorrispondix għal dak ta’ dan ir-regolament.
60. Barra minn hekk, il-fatt li l-miżura nazzjonali inkwistjoni ġiet adottata biex jiġi implimentat l-imsemmi regolament u wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, kif tfakkar il-qorti tar-rinviju, ma jwassalx, fil-fehma tiegħi, biex jikkontesta dak li ngħad qabel (22). L-istess japplika għal dak li jirrigwarda l-fatt irrilevat minn din il-qorti li l-miżura ta’ ffissar ta’ limitu inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ta’ natura ibrida, jiġifieri, minn naħa, miżura ta’ implimentazzjoni tar-Regolament 2022/1854 għall-perijodu li jibda mill‑1 ta’ Diċembru 2022 u, min-naħa l-oħra, miżura li tirrifletti l-eżerċizzju, mir-Renju tal-Belġju, ta’ kompetenza speċifika għalih għall-perijodu bejn l‑ta’ Awwissu u t‑30 ta’ Novembru 2022. Fil-fatt, jekk wieħed kellu jikkunsidra li l-Gvern Belġjan adotta, fuq l-istess bażi legali waħda, mhux waħda imma żewġ miżuri li jirrigwardaw rispettivament perijodu differenti, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ma tqumx jew, tal-inqas, tista’ tingħatalha risposta differenti, b’mod li l-possibbiltà li jiġi applikat il-limitu inkwistjoni għal perijodu preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2022/1854 tkun tiddependi għaldaqstant mill-għażla tal-leġiżlatur nazzjonali, ħaġa li, fil-fehma tiegħi, twassal mingħajr ebda dubju għal formaliżmu żejjed.
61. Anki jekk wieħed jippreżumi li l-applikazzjoni ta’ limitu fuq id‑dħul irrealizzat, qabel l‑1 ta’ Diċembru 2022, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ dan ir-regolament, li fuqha minix konvint kif esponejt fil-punti 59 sa 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-pożizzjoni tiegħi tibqa’ l-istess fir-rigward tal-possibbiltà li għandhom l-Istati Membri li jadottaw, wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament, il-miżuri nazzjonali li jimplimentaw il-limitu b’effett minn data qabel dik prevista minn dan l-istess regolament.
62. Infakkar, f’dan ir-rigward, li r-Regolament 2022/1854 ma jagħmilx armonizzazzjoni eżawrjenti imma jikkostitwixxi strument ta’ koordinazzjoni tal-miżuri differenti meħudin mill-Istati Membri fil-kuntest tal-kriżi tal-enerġija, u jagħti għaldaqstant lill-Istati Membri ċerta marġni ta’ evalwazzjoni fl-implimentazzjoni tiegħu. Jeħtieġ li jiġi nnotat, barra minn hekk, li l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament jipprovdi, fil-paragrafu 1(a) tiegħu, li l-Istati Membri jistgħu “[j]żommu jew jintroduċu miżuri li jillimitaw aktar id-dħul mis-suq tal-produtturi li jiġġeneraw l-elettriku” mis-sorsi elenkati fl-Artikolu 7(1) tiegħu, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) ikunu osservati.
63. Skont kif jidher, bl-użu tat-terminu “iżommu”, il-leġiżlatur tal-Unjoni jidher li ried jagħmel riferiment għall-miżuri li kienu diġà implimentati qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament, jiġifieri għall-miżuri li kienu ġew adottati mill-Istati Membri qabel l‑1 ta’ Diċembru 2022 u li dawn l-Istati ngħataw espressament id-dritt li jżommu. Madankollu, mill-formulazzjoni ta’ dan l-istess regolament ma jirriżultax ċar jekk, bil-fatt li jippermetti l-introduzzjoni ta’ miżuri li jillimitaw iktar id-dħul, l-Artikolu 8 tar-Regolament jawtorizzax ukoll applikazzjoni ratione temporis ta’ ffissar ta’ limitu differenti, f’dan il-każ qabel dak iffissat mir-Regolament 2022/1854.
64. Għar-raġunijiet li ġejjin, nikkunsidra madankollu li tali interpretazzjoni hija konformi mal-għanijiet imfittxija mir-Regolament 2022/1854.
65. Fil-fatt, l-ewwel nett, naħseb li l-adozzjoni ta’ soluzzjoni differenti twassal għal sitwazzjoni paradossali, inkwantu l-validità tal-miżuri adottati minn Stati Membri oħra matul il-perijodu ta’ qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament ma tkunx ikkontestata fuq il-bażi tal-Artikolu 8(1)(a) ta’ dan ir-regolament li jawtorizza espressament li jinżammu tali miżuri, filwaqt li l-miżuri implimentati mill-Gvern Belġjan jiġu kkontestati minħabba l-fatt biss li d-data ta’ adozzjoni tagħhom tiġi wara dik tal-imsemmi regolament, minkejja li dawn il-miżuri huma simili għal dawk adottati mill-Istati Membri l-oħra, jirrigwardaw l-istess perijodu ta’ żmien (jiġifieri dak ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tal-istess regolament) u jsegwu l-istess għan ta’ tqassim mill-ġdid tas-surplus tad-dħul għall-benefiċċju tal-konsumaturi affettwati mill-kriżi tal-enerġija (23).
66. It-tieni, tali approċċ iqajjem mistoqsijiet fir-rigward tal-ugwaljanza fit-trattament bejn il-produtturi suġġetti għal-limitu (24), inkwantu l-produtturi jew fornituri tal-elettriku Belġjani (b’mod partikolari l-produtturi inframarġinali) ikollhom il-possibbiltà li jżommu l-profitti żejda ġġenerati qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2022/1854, filwaqt li dawk li joperaw fi Stati Membri oħra jaraw id-dħul tagħhom jiġi ntaxxat fuq il-bażi tal-miżuri għall-istabbiliment tal-limitu stabbiliti mill-Istati Membri rispettivi tagħhom (25).
67. It-tielet, jidhirli diffiċli li wieħed jifhem kif l-applikazzjoni ta’ limitu fuq id-dħul mis-suq u rrealizzat qabel il-perijodu kopert mir-Regolament 2022/1854 jista’ jostakola l-applikazzjoni tal-limitu previst minn dan ir-regolament kif ukoll l-għanijiet l-oħra imfittxija minn dan tal-aħħar u jippreġudika għaldaqstant il-prinċipji kemm ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll ta’ kooperazzjoni leali li fuqhom tistaqsi l-qorti tar-rinviju. Peress li fl-imsemmi regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni jirrikonoxxi huwa stess, minn naħa, li, tal-inqas b’effett mix-xahar ta’ Frar 2022, iż-żidiet fil-prezz ma setgħux ikunu ġġustifikati bil-funzjonament normali tas-suq imma kienu jikkostitwixxu sitwazzjoni eċċezzjonali li fiha l-Istati Membri setgħu jieħdu miżuri straordinarji (26), il-Gvern Belġjan ma jistax jiġi kkritikat li ħa miżuri intiżi, preċiżament, li jirrimedjaw nuqqas tas-suq identifikat mir-Regolament 2022/1854. Barra minn hekk, il-fatt li dan il-Gvern ddeċieda li japplika l-istess sistema ta’ stabbiliment tal-limitu kemm għall-perijodu kopert minn dan ir-regolament kif ukoll għal dak li jiġi qabel, ma jippreġudikax l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni imma, għall-kuntrarju, jikkontribwixxi għat-twettiq tagħhom (27).
68. Barra minn hekk, fil-każ li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kontenzjuża tkun taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-imsemmi regolament, l-analiżi tagħha mill-perspettiva tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-atturi tas-suq, kif invokata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma titlobx, fil-verità, risposta differenti.
69. Fil-fatt, minn naħa, għal dak li jirrigwarda l-aspettattivi leġittimi, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, biex operatur ekonomiku jkun jista’ jingħata l-possibbiltà li jinvokahom, l-awtorità nazzjonali għandha minn qabel tkun tat lok għal aspettattivi fondati fir-rigward tiegħu (28). Madankollu, meta operatur ekonomiku prudenti u avżat ikun f’pożizzjoni li jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura tali li taffettwa l-interessi tiegħu, huwa ma jistax jinvoka l-benefiċċju ta’ tali prinċipju meta din il-miżura tiġi adottata (29).
70. Issa, f’dan il-każ, operatur ekonomiku prudenti u avżat kellu jistenna li l-awtoritajiet nazzjonali jintervjenu biex jirrimedjaw in-nuqqas tas-suq billi jadottaw miżuri urġenti u temporanji intiżi li jindirizzaw iż-żieda imprevedibbli tal-prezzijiet tal-elettriku fis-suq, b’mod li, f’tali kuntest straordinarju, l-awtoritajiet nazzjonali ma setgħux jagħtu lok għal ebda aspettattivi f’’moħħ il-produtturi kkonċernati fir-rigward taż-żamma tad-dħul eċċezzjonali u mhux mistenni (30).
71. Min-naħa l-oħra, għal dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ ċertezza legali, infakkar li dan japplika b’mod partikolarment strett fil-każ ta’ leġiżlazzjoni li tista’ timplika piżijiet finanzjarji, u jipprekludi li l-applikazzjoni ratione temporis ta’ att tal-Unjoni jkollha l-punt tat-tluq tagħha qabel il-pubblikazzjoni tal-istess att (31). B’mod eċċezzjonali, jista’ jkun mod ieħor meta għan ta’ interess ġenerali jeżiġi dan jew meta l-aspettattivi leġittimi tal-partijiet interessati jiġu debitament osservati, kif ukoll sa fejn jirriżulta b’mod ċar mill-kliem, mill-għan jew mill-istruttura tar-regoli kkonċernati, li tali effett għandu jiġi attribwit lilhom (32).
72. Anki jekk jiġi aċċettat li l-Gvern Belġjan ipproċeda b’applikazzjoni retroattiva tal-miżura ta’ stabbiliment tal-limitu fuq id-dħul prevista mir-Regolament 2022/1854, tali approċċ ikun, fil-fehma tiegħi, iġġustifikat f’dan il-każ fid-dawl tal-għan ta’ interess ġenerali li għandha din il-miżura, jiġifieri l-protezzjoni tal-konsumatur permezz ta’ intervent ta’ emerġenza u għal żmien qasir adottat biex jindirizza l-kriżi tal-enerġija (33).
73. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li għat-tielet domanda tingħata r-risposta li l-Artikoli 6 sa 8 u l-Artikolu 22(c) tar-Regolament 2022/1854, moqrijin flimkien mal-premessi ta’ dan tal-aħħar, mal-Artikolu 288 TFUE kif ukoll mal-prinċipji ta’ supremazija, ta’ effettività u ta’ kooperazzjoni leali, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ stabbiliment ta’ limitu fuq id-dħul li l-produtturi tal-elettriku jdaħħlu mis-suq għal perijodu li jiġi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament.
V. Konklużjoni
74. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju) bil-mod kif ġej:
1) L-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 tas‑6 ta’ Ottubru 2022 dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija, moqrijin flimkien mal-punti 5 u 9 tal-Artikolu 2, u fid-dawl tal-premessi kollha ta’ dan ir-regolament, ma’, b’mod partikolari, l-Artikolu 288 TFUE u l-Artikolu 6 TUE kif ukoll mal-prinċipju ta’ proporzjonalità,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li hija bbażata fuq preżunzjonijiet sabiex jiġi kkalkolat id-dħul tal-produtturi tal-elettriku suġġetti għal-limitu, sakemm tali sistema ta’ preżunzjonijiet tiggarantixxi l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tal-imsemmi regolament.
2) L-Artikoli 6 sa 8 u 22(2)(c) tar-Regolament 2022/1854, moqrijin flimkien mal-premessi ta’ dan ir-regolament, mal-Artikolu 288 TFUE u kif ukoll mal-prinċipji ta’ supremazija, ta’ effettività u ta’ kooperazzjoni leali,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ stabbiliment ta’ limitu fuq id-dħul li l-produtturi tal-elettriku jdaħħlu mis-suq għal perijodu li jiġi qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 tas‑6 ta’ Ottubru 2022 dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija (ĠU 2022, L 261 I, p. 1).
3 Deċiżjoni (B)2511 tat-28 ta’ Frar 2023.
4 Moniteur belge tal‑11 ta’ Mejju 1999, p. 16264.
5 Moniteur belge tat‑22 ta’ Diċembru 2022, p. 98819.
6 Kif turi l-eteroġeneità tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tar-Regolament 2022/1854 mill-Istati Membri, u kif jenfasizza r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-rieżami tal-interventi ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija f’konformità mar-Regolament [2022/1854] (COM(2023) 302 finali) (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-Kummissjoni”).
7 Fil-fatt, il-kunsiderazzjoni li l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw l-ammont tal-limitu u d-dħul li għandu jinġabar kif jidhrilhom xieraq u li għandhom, għaldaqstant, is-setgħa diskrezzjonali li tippermettilhom jagħmlu dan, trendi bla skop il-koordinazzjoni mixtieqa u mfittxija mir-Regolament 2022/1854.
8 F’dan ir-rigward, il-Gvern Belġjan jenfasizza li huwa meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet imsemmija, peress li, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li r-Regolament 2022/1854 jipprekludi l-użu ta’ preżunzjonijiet bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tqum allura l-kwistjoni dwar jekk il-qorti tar-rinviju għandhiex tinjora d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati. Dan il-gvern isemmi b’mod partikolari t-tagħlim li joħroġ mis-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 68), li tgħid li qorti nazzjonali ma hijiex obbligata li, fuq il-bażi biss tad-dritt tal-Unjoni, ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-każ li din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma jkollhiex effett dirett.
9 Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑11 ta’ Jannar 2001, Monte Arcosu (C‑403/98, EU:C:2001:6, punti 26 u 28), tat-12 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑541/16, EU:C:2018:251, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll tat-30 ta’ Mejju 2024, Expedia (C‑663/22, EU:C:2024:433, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
10 Ara wkoll, fil-kummentarji, Lenaerts, K., u Van Nuffel, P., EU Constitutional Law, Oxford University Press, Oxford, 2021, Nru 18.013, p. 721 sa 723.
11 Il-kunċett ta’ “dħul mis-suq” huwa, barra minn hekk, iddefinit ukoll b’mod ċar fil-punt 5 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2022/1854.
12 Jeħtieġ li jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-fatt li r-Regolament 2022/1854 ma jipprevedix xi metodoloġija speċifika u vinkolanti għall-kalkolu tal-limitu u li ċerti wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu jħallu marġni ta’ evalwazzjoni lill-Istati Membri fil-kuntest tal-iffissar ta’ dan il-limitu, inkluż, minn naħa, il-fakultà prevista fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament li jintroduċu miżuri li jillimitaw iktar id-dħul mis-suq u l-possibbiltà li jagħmlu distinzjoni bejn it-teknoloġiji użati mill-produtturi tal-elettriku u, min-naħa l-oħra, il-fakultà li jkunu previsti, fuq il-bażi tal-Artikolu 7(3) sa (5) ta’ dan ir-regolament, derogi addizzjonali skont il-partikolaritajiet tas-suq tal-enerġija nazzjonali tagħhom ma jistax iċaħħad l-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament mill-effett dirett inkwantu dan il-marġni ta’ evalwazzjoni huwa rregolat mill-Artikolu 8(2) tal-istess regolament. L-istess japplika għal dak li jikkonċerna l-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 6 tar-Regolament 2022/1854 li jippermettu lill-Istati Membri li jimplimentaw miżuri effikaċi biex jipprojbixxu kull evażjoni tal-obbligi li jaqgħu fuq il-produtturi tal-elettriku.
13 Kif jirriżulta mir-rapport tal-Kummissjoni, diversi Stati Membri għamlu riferiment għad-diffikultajiet li jirrigwardaw il-ġbir tad-data u l-kalkolu tad-dħul.
14 Il-punt 6 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(5) tal-Liġi dwar l-Elettriku kien jipprevedi żewġ kundizzjonijiet biex il-preżunzjonijiet stabbiliti fil-punti 3 sa 5 jkunu jistgħu jiġu kkonfutati. Skont l-ewwel kundizzjoni, il-produttur ikkonċernat kellu juri d-dħul tiegħu għall-grupp kollu tal-produzzjoni tiegħu. Din il-kundizzjoni ppermettiet għalhekk lill-awtoritajiet Belġjani li jħarsu lejn il-mod li bih il-produtturi allokaw id-dħul tagħhom għad-diversi impjanti ta’ produzzjoni tagħhom u, b’mod, li jevitaw li l-ogħla dħul tagħhom jiġi attribwit lill-impjanti milquta bil-limitu. Skont it-tieni kundizzjoni, f’każ ta’ bejgħ intragrupp, l-elettriku kien meqjus li qiegħed jinbiegħ bi prezz koerenti ma’ dak tas-suq. Tali kundizzjoni kienet intiża li tevita li l-bejgħ tal-elettriku bi prezz artifiċjalment baxx fi ħdan l-istess grupp iwassal biex jeżenta lill-produtturi (li kienu jbiegħu l-elettriku bi prezz inqas mil-limitu) u li s-surplus tad-dħul jirċevuh terzi persuni (fi ħdan l-istess grupp) mhux milquta bl-imposta.
15 Għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li għalkemm ir-rikorrenti jsostnu li r-riskju ta’ frodi msemmi mill-awtoritajiet Belġjani huwa ipotetiku u, fi kwalunkwe każ, irrilevanti biex jiġġustifika l-preżunzjonijiet inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju ma tidhirx li tieħu pożizzjoni konkreta fir-rigward tal-għan ta’ antiabbuż imfittex mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.
16 Il-qorti tar-rinviju ma tiħux pożizzjoni, fil-fatt, fuq il-punt dwar jekk il-kriterji użati biex jiġu stabbiliti l-preżunzjonijiet inkonfutabbli humiex ibbażati fuq stimi raġonevoli tad-dħul, billi qieset li hija tkun tista teżamina dan il-punt biss ladarba tkun ġiet maqtugħa l-kwistjoni tal-legalità stess tas-sistema esklużiva tal-preżunzjonijiet.
17 Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka (C‑6/16, EU:C:2017:641, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
18 Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2022, IlKummissjoni vs Spanja (Obbligu ta’ informazzjoni fil-qasam fiskali) (C‑788/19, EU:C:2022:55, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
19 F’dan il-każ, dan jirrigwarda l-proroga tal-operat ta’ ċerti impjanti nukleari.
20 Jeħtieġ ukoll li jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament 2022/1854, jippermetti, essenzjalment, lill-Istati Membri jagħmlu distinzjoni bejn it-teknoloġiji. Għaldaqstant, dan ir-regolament ma jistax, fi kwalunkwe każ, jipprekludi li, minħabba t-teknoloġija għall-produzzjoni tal-elettriku inkwistjoni, id-dħul suġġett għal-limitu jiġi ddeterminat skont metodoloġiji differenti.
21 F’dan ir-rigward, nippreċiża, kif jirriżulta mix-xogħlijiet preparatorji li jirrigwardaw ir-Regolament 2022/1854, li l-proposta għal regolament magħmula mill-Kummissjoni kienet tipprevedi li l-miżura għall-istabbiliment ta’ limitu prevista fl-Artikolu 6 ta’ din il-proposta tkun tapplika b’effett mill‑1 ta’ Diċembru 2022, filwaqt li ppreċiżat li “[d]an [kien] mingħajr preġudizzju għal applikazzjoni volontarja iktar bikrija mill-Istati Membri”. Madankollu, din l-għażla mħollija lill-Istati Membri li jkunu jistgħu jipproċedu b’applikazzjoni retroattiva ta’ dan ir-regolament ma ġietx adottata fil-verżjoni finali tat-test tar-Regolament.
22 Fil-fatt, inkwantu l-leġiżlazzjoni nazzjonali timplimenta r-Regolament 2022/1854 għall-perijodu espressament previst fl-Artikolu 22 tiegħu u li għaldaqstant ir-Renju tal-Belġju ssodisfa l-obbligu li huwa għandu skont id-dritt tal-Unjoni, il-fatt li dan l-Istat Membru jagħżel li jimplimenta din l-istess miżura ta’ stabbiliment tal-limitu f’data differenti, qabel dik espliċitament prevista minn dan ir-regolament, jaqa’ taħt il-kompetenza nazzjonali tiegħu fil-qasam fiskali.
23 F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, mir-Rapport tal-Kummissjoni, jirriżulta li seba’ Stati Membri, inkluż ir-Renju tal-Belġju, applikaw il-limitu b’mod retroattiv.
24 Dan minkejja l-approċċi differenti segwiti fuq livell nazzjonali fir-rigward tal-modalitajiet ta’ imposta tas-surplus tad-dħul qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2022/1854.
25 L-istess ikun japplika għall-konsumaturi, peress li, fil-każ li r-Renju tal-Belġju kellu jiġi mċaħħad mill-fakultà li japplika l-limitu fuq id-dħul mis-suq qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2022/1854 u fl-assenza ta’ miżuri ekwivalenti ffinanzjati mill-baġit nazzjonali li jistgħu jikkumpensaw l-ammonti miġbura mingħand il-produtturi kkonċernati, il-konsumaturi Belġjani jsibu ruħhom imċaħħdin minn appoġġ ekonomiku rċevut, meta mqabbla mal-konsumaturi li jirrisjedu fl-Istati Membri fejn il-miżura ta’ stabbiliment ta’ limitu kienet tapplika qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament.
26 Ara l-premessa 28 tar-Regolament 2022/1854 kif ukoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat‑8 ta’ Marzu 2022 (COM(2022) 108 finali, b’mod partikolari p. 4), fejn il-Kummissjoni indikat li l-Istati Membri setgħu jadottaw miżuri fiskali temporanji fuq il-profitti eċċezzjonali biex jiffinanzjaw dawn il-miżuri ta’ emerġenza.
27 Iktar u iktar peress li fost l-għanijiet prinċipali mfittxija mir-Regolament 2022/1854 hemm ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jipproċedi b’koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni tal-miżuri meħudin mill-Istati Membri differenti, peress li l-istabbiliment ta’ limiti mhux ikkoordinati fuq id-dħul mis-suq tal-elettriku jista’ jwassal għal distorsjonijiet kbar bejn il-produtturi li jikkompetu ma’ xulxin fuq il-livell tal-Unjoni.
28 Ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑1 ta’ Marzu 2022, Milis Energy et (C‑306/19, C‑512/19, C‑595/19 u C‑608/20 sa C‑611/20, EU:C:2022:164, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-ġurisprudenza tippreċiża b’mod partikolari li l-operaturi ekonomiċi ma humiex iġġustifikati jibbażaw l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti, li tista’ tiġi mibdula fil-kuntest tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali.
29 Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Secab (C‑423/23, EU:C:2025:63, punti 52 u 53).
30 Għalkemm huwa punt li jaqa’ taħt id-dritt nazzjonali li ma għandux jiġi evalwat mill-Qorti tal-Ġustizzja u li hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha l-kompetenza biex teżamina l-fondatezza tiegħu, jidhirli rilevanti wkoll l-argument imressaq mill-Gvern Belġjan u mill-KREG li jgħid li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kontenzjuża tkopri biss id-dħul iġġenerat matul sena fiskali li tkun għadha mhux magħluqa fil-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha, b’mod li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx tikkostitwixxi, mill-aspett fiskali, sitwazzjoni definittiva. Għaldaqstant, jidher li miżura fiskali tista’ tiġi adottata sa tmiem il-perijodu taxxabbli, li jikkorrispondi b’mod ġenerali għas-sena ċivili, għal dak li jikkonċerna d-dħul miksub matul din is-sena taxxabbli, b’mod li huwa possibbli li miżura fiskali adottata f’Diċembru 2022 tikkonċerna d-dħul li jkun sar qabel din id-data, mingħajr ma tkun tista’ tiġi kkwalifikata, skont id-dritt Belġjan, bħala retroattiva. Konsegwentement, il-produtturi ma setgħux raġonevolment jaħsbu li d-dħul lil hinn mil-livell mistenni, miksub matul is-sena 2022, seta’ jitqies bħala definittiv u li huma ma kinux ser jibqgħu jkunu s-suġġett ta’ miżura fiskali, u dan, tal-inqas, sa tmiem is-sena 2022.
31 Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2019, Human Operator (C‑434/17, EU:C:2019:112, punti 35 u 36, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
32 Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Kapniki A. Michailidis (C‑99/22, EU:C:2023:382, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
33 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Citroën Belux (C‑265/12, EU:C:2013:498, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tat‑23 ta’ Jannar 2019, Walbusch Walter Busch (C‑430/17, EU:C:2019:47, punt 42).