KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fis‑16 ta’ Jannar 2025 ( 1 )

Kawża C‑600/23

Royal Football Club Seraing

vs

Fédération Internationale de Football Association (FIFA),

Union Royale Belge des Sociétés de Football Association ASBL (URBSFA),

Union européenne des Sociétés de Football Association (UEFA),

parti oħra fil-kawża:

Doyen Sports Investment Ltd

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Rimedji ġudizzjarji – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Artikolu 47 tal-Karta – Statuti tal-FIFA – Court of Arbitration for Sport (Tribunal tal-Arbitraġġ għall-Isport) – Il‑konformità ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ mad-dritt tal-Unjoni mistħarrġa minn qorti ta’ Stat terz – Regoli nazzjonali li jagħtu l-istatus ta’ res judicata

I. Introduzzjoni

1.

“Tajjeb jew ħażin, ftit hemm passjonijiet li huma kondiviżi daqshekk fil-fond u fil-wisa’ mad-dinja kollha daqs il-passjoni għall-isport. Is-simboliżmu tiegħu ħafna drabi huwa tal-iskantament. Joħroġ l-iktar kwalitajiet nobbli tal-bniedem (l-isportività tajba, it-tfittxija tal-eċċellenza, is-sens ta’ komunità) u l-iktar baxxi (imbrolji u vjolenza tal-folla). Huwa wkoll attività internazzjonali kbira ta’ negozju. Il-kapaċità tiegħu li jimmotiva popolazzjonijiet kbar ma hijiex inqas minn favoluża, b’tali mod li naturalment jeżerċita attrazzjoni qawwija fuq dawk li jużaw il-maġija tiegħu għall-finijiet tagħhom stess. L-attrazzjoni għall-influwenza politika u għall-flus tħabbat il-qalb ġewwa l-libsa formali b’forza daqshekk primordjali daqs ħolm ta’ glorja li jonfoħ il-kit tal-ġerrej fit-tul. […] U fil-qalba tal-kwistjoni tal-kontroll hija dik tal-ogħla awtorità li tistabbilixxi standards u li ssolvi t-tilwim. ( 2 )”

2.

Dan il-kliem jgħodd għal-lum daqs kemm kien jgħodd fl‑1993 meta ġie ippubblikat għall-ewwel darba. F’dan il-każ, il-kwistjoni tirrigwarda l-istħarriġ: b’mod iktar preċiż, ir-relazzjoni bejn is-sistema ta’ soluzzjoni tat-tilwim tal-Fédération Internationale de Football Association (FIFA) quddiem il-Court of Arbitration for Sport (it-Tribunal tal-Arbitraġġ għall-Isport (iktar ’il quddiem il-“CAS”)) u l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont id-dritt tal-Unjoni.

II. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali

A.   Il‑protagonisti

3.

Ir-rikorrenti, Royal Football Club Seraing, li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha f’Seraing (il-Belġju), hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru rregolata mid-dritt Belġjan li tiġġestixxi l-klabb tal-futbol Seraing, affiljata mal-Union Royale Belge des Sociétés de Football Association ASBL (l-Assoċjazzjoni Rjali Belġjana tal-Futbol; iktar ’il quddiem l-“URBSFA”).

4.

Kif ġie spjegat mill-qorti tar-rinviju, matul l-istaġun 2013/14, il-klabb ittieħed minn maniġment ġdid bl-“ambizzjoni li l-klabb […] jerġa’ lura mal-elite Belġjan jew saħansitra internazzjonali”. Għadu “qed jevolvi għalissa fl-ewwel Diviżjoni tal-Amateurs, u għalhekk fuq l-għatba tal-futbol professjonali li jaspira leġittimament li jitla’ malajr kemm jista’ jkun, li jfisser li jkun jista’ jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fuq il-pjan sportiv u finanzjarju”.

5.

Bħala terz fil-proċeduri insostenn tar-rikorrent, Doyen Sports Investment Limited (iktar ’il quddiem “Doyen Sports”) hija kumpannija privata inkorporata taħt id-dritt Malti li għandha s-sede tagħha f’Ta’ Sliema, Malta. Hija tiffoka l-attività kummerċjali tagħha fuq l-għoti ta’ assistenza finanzjarja lill-klabbs tal-futbol fl-Ewropa ( 3 ).

6.

L-ewwel konvenuta, il-FIFA, hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru rregolata mid-dritt Svizzeru li għandha s-sede tagħha f’Zurich (l-Isvizzera). Dan huwa grupp ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali responsabbli għall-organizzazzjoni u l-kontroll tal-futbol fil-pajjiżi rispettivi tagħhom.

7.

It-tieni konvenuta, l-Union européenne des sociétés de football Association (UEFA), hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru rregolata mid-dritt Svizzeru li għandha s-sede tagħha f’Nyon (l-Isvizzera) u li tiġbor fi ħdanha l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-kontinent tal-Ewropa.

8.

It-tielet konvenuta, l-URBSFA, li s-sede tagħha tinsab fi Brussell (il-Belġju), hija assoċjazzjoni Belġjana mingħajr skop ta’ lukru li hi membru kemm tal-UEFA kif ukoll tal-FIFA.

B.   Ir‑regoli tal‑FIFA fil‑qalba tat‑tilwima

9.

Ir-“Regolamenti dwar l-Istatus u t-Trasferiment tal-Plejers” tal-FIFA (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti STP”) ( 4 ) jistabbilixxu regoli globali u vinkolanti dwar l-istatus tal-plejers u l-eliġibbiltà tagħhom għall-parteċipazzjoni fil-futbol organizzat. Uħud mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regolamenti huma direttament vinkolanti għall-assoċjazzjonijiet nazzjonali; oħrajn għandhom jiġu inklużi minn kull assoċjazzjoni fir-regolamenti tagħhom proprji.

10.

Fis‑26 ta’ Settembru 2014, stqarrija għall-istampa tal-FIFA ħabbret li, “sabiex tiġi protetta l-integrità tal-logħba u l-plejers, il-Kumitat Eżekuttiv ħa d-deċiżjoni ta’ prinċipju ġenerali li l-proprjetà ta’ terzi fuq id-drittijiet ekonomiċi tal-plejers (iktar ’il quddiem it-“TPO”) hija pprojbita b’perijodu tranżitorju” ( 5 ).

11.

Permezz ta’ ċirkulari tat‑22 ta’ Diċembru 2014 indirizzata lill-membri tagħha, il-FIFA informat lill-assoċjazzjonijiet nazzjonali, u għalhekk lill-URBSFA, li, matul il-laqgħat tagħha tat‑18 u tad‑19 ta’ Diċembru 2014, il-Kumitat Eżekuttiv tagħha kien approva “dispożizzjonijiet ġodda li għandhom jiġu inklużi fir-regolamenti [STP] dwar il-proprjetà ta’ terzi fuq id-drittijiet ekonomiċi tal-plejers u l-influwenza ta’ terzi fuq il-klabbs”, bil-preċiżazzjoni li dawn jidħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2015 u li għandhom jiġu inklużi fil-lista ta’ dispożizzjonijiet vinkolanti fil-livell nazzjonali.

12.

Skont ir-regoli l-ġodda, (i) il-konklużjoni ta’ ftehimiet ġodda li jmorru kontra l-projbizzjoni tat-TPO ġiet kompletament ipprojbita mill‑1 ta’ Mejju 2015; (ii) il-kuntratti kienu għadhom jistgħu jiġu konklużi u jidħlu fis-seħħ bejn l‑1 ta’ Jannar u t‑30 ta’ April 2015, iżda kienu validi biss għal sena mid-data tal-iffirmar tagħhom; (iii) il-kuntratti konklużi u li daħlu fis-seħħ qabel l‑1 ta’ Jannar 2015 għandhom jibqgħu fis-seħħ sad-data tal-iskadenza tagħhom, iżda ma jistgħux jiġu estiżi lil hinn minn din id-data.

13.

Terz, skont dawn ir-regoli, huwa “kull parti oħra minbarra l-plejer li qiegħed jiġi ttrasferit, iż-żewġ klabbs li jittrasferixxu l-plejer minn wieħed għall-ieħor, jew kull klabb preċedenti, li miegħu kien irreġistrat il-plejer” ( 6 ).

C.   Kuntratti ta’ terzi inkwistjoni

14.

Fit‑30 ta’ Jannar 2015, Royal Football Club Seraing ikkonkludiet ftehim ma’ Doyen Sports li t-tul ta’ żmien kuntrattwali tiegħu kien stabbilit sal‑1 ta’ Lulju 2018. Dan il-ftehim kien jipprevedi l-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ finanzjament speċifiċi futuri għal kwalunkwe plejer tal-applikant magħżul bi ftehim komuni bejn iż-żewġ partijiet u kien jirregola t-trasferiment tad-drittijiet ekonomiċi ta’ tliet plejers indikati b’isimhom. Doyen Sports saret proprjetarja ta’ 30 % “tal-valur finanzjarju li jirriżulta mid-drittijiet federattivi” ta’ dawk il-plejers, billi Royal Football Club Seraing hija pprojbita milli tittrasferixxi s-sehem tagħha mid-drittijiet ekonomiċi ta’ dawn il-plejers “b’mod indipendenti u awtonomu” lil terz.

15.

Fis‑7 ta’ Lulju 2015, Royal Football Club Seraing u Doyen Sports ikkonkludew it-tieni ftehim, li kien simili għal dak tat‑30 ta’ Jannar 2015, sabiex jiġu ttrasferiti 25 % tad-drittijiet ekonomiċi ta’ plejer ġdid imsemmi b’ismu.

D.   Id‑deċiżjoni ta’ arbitraġġ

16.

Fl‑4 ta’ Settembru 2015, il-Kumitat Dixxiplinari tal-FIFA sab lil Royal Football Club Seraing ħatja li kisret ir-regoli tal-FIFA msemmija iktar ’il fuq talli kkonkludiet iż-żewġ ftehimiet u pprojbixxietha milli tirreġistra plejers għal erba’ perijodi ta’ reġistrazzjoni (sentejn) u ordnalha tħallas multa ta’ 150000 frank Svizzeru (CHF).

17.

Fis‑7 ta’ Jannar 2016, il-Kumitat tal-Appell tal-FIFA ċaħad l-appell ippreżentat minn Royal Football Club Seraing kontra din id-deċiżjoni.

18.

Fid‑9 ta’ Marzu 2016, Royal Football Club Seraing ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni tas‑7 ta’ Jannar 2016 quddiem il-CAS, skont ir-regoli dwar l-arbitraġġ tal-Istatuti tal-FIFA ( 7 ).

19.

F’deċiżjoni datata d‑9 ta’ Marzu 2017, il-CAS ikkunsidra li l-liġi applikabbli kienet ikkostitwita mir-regolamenti tal-FIFA u mid-dritt Svizzeru, inkluża l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Trattati dwar il-moviment liberu u l-kompetizzjoni ( 8 ).

20.

Il-CAS ikkonkluda li d-dispożizzjonijiet il-ġodda tar-Regolamenti STP huma leġittimi. Fir-rigward tad-deċiżjoni dixxiplinari tal-FIFA, il-CAS naqqas il-projbizzjoni fuq ir-reġistrazzjoni tal-plejers għal tliet perijodi u kkonferma l-multa.

21.

Fil‑15 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrenti ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tad‑9 ta’ Marzu 2017 quddiem it-Tribunal fédéral (il-Qorti Suprema Federali, l-Isvizzera). Din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Frar 2018.

E.   Tilwim li wassal għall‑kawża prinċipali

22.

Fit‑3 ta’ April 2015, Doyen Sports fetħet kawża kontra l-FIFA, l-UEFA u l-URBSFA quddiem it-Tribunal de commerce francophone de Bruxelles (il-Qorti Kummerċjali ta’ Brussell (bil-lingwa Franċiża), il-Belġju), li fiha Royal Football Club Seraing ingħaqdet fit‑8 ta’ Lulju 2015.

23.

Ir-rikorrenti talbet, fost l-oħrajn, lill-Qorti Ġenerali tikkonstata l-illegalità, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, ta’ projbizzjoni totali tal-prattiki esklużi mir-regoli l-ġodda tar-Regolamenti STP (imsejħa TPO jew “investiment ta’ terz”). B’mod iktar speċifiku, hija ssostni li din il-projbizzjoni tmur kontra l-moviment liberu tal-kapital, id-dritt għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, id-dritt tal-moviment liberu tal-ħaddiema u d-dritt tal-kompetizzjoni.

24.

Barra minn hekk, hija talbet, skont l-Artikolu 1382 ta’ dak li kien il-Kodiċi Ċivili Belġjan, is-somma provviżorja ta’ EUR 500000 bħala kumpens għad-dannu mġarrab minħabba l-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda tar-Regolamenti STP.

25.

Permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2016, it-Tribunal de commerce francophone de Bruxelles (il-Qorti Kummerċjali ta’ Brussell (bil-lingwa Franċiża)) iddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet tar-rikorrenti. Fid‑19 ta’ Diċembru 2016, Royal Football Club Seraing appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell, Brussell, il-Belġju) ( 9 ).

26.

Fl-appell, Royal Football Club Seraing ipprovat tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-FIFA, tal-UEFA u tal-URBSFA fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali. Hija sostniet li t-tliet konvenuti kisru d-dritt tal-Unjoni billi pprekludewha milli tikkonkludi ftehimiet imsejħa “ta’ investiment ta’ terz” jew ta’ “proprjetà ta’ terz”, li dan il-ksur tad-dritt tal-Unjoni jċaħħadha minn mezz ta’ finanzjament jew ta’ żvilupp u li l-miżuri dixxiplinari kellhom konsegwenzi dannużi.

27.

L-appellanti talbet lill-Cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell, Brussell) tikkonstata l-illegalità tal-Artikoli 18a u 18b tar-Regolamenti STP sa fejn dawn jiksru d-dritt tal-Unjoni u l-KEDB, li, fil-fehma tagħha, jagħti lok għar-responsabbiltà tal-FIFA.

28.

Id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tal-CAS u s-sentenza tat-Tribunal fédérale (il-Qorti Suprema Federali) li ċaħdet l-azzjoni għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni mir-rikorrenti, imsemmija fil-punti 19 sa 21 iktar ’il fuq) ingħataw it-tnejn waqt li din il-proċedura ta’ appell kienet pendenti. Dan influwenza s-sentenza tal-Cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell, Brussell) bil-mod kif ġej.

29.

Il-Cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell, Brussell) iddeċidiet, fit‑12 ta’ Diċembru 2019, li mid-dritt nazzjonali jirriżulta li deċiżjoni ta’ arbitraġġ għandha l-awtorità ta’ res judicata mid-data tal-għoti tagħha mingħajr il-bżonn għal proċedura ta’ exequatur minn qabel. Hija qieset li d-deċiżjoni tal-CAS kienet definittiva u saret res judicata wara ċ-ċaħda tar-rikors għal annullament mit-Tribunal fédéral (il-Qorti Suprema Federali) fl‑20 ta’ Frar 2018.

30.

Kif ġie spjegat fid-digriet tar-rinviju, skont l-Artikolu 22(1) tal- Loi portant le Code de droit international privé (il-Liġi dwar il-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat), kull deċiżjoni barranija li hija eżegwibbli fl-Istat fejn ingħatat hija rrikonoxxuta de jure fil-Belġju mingħajr ebda ħtieġa ta’ proċedura. Il-Cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell, Brussell) b’hekk rabtet is-saħħa ta’ res judicata mas-sentenza tal‑20 ta’ Frar 2018 tat-Tribunal fédérale (il-Qorti Suprema Federali), sabiex b’hekk ipprekludiet lir-rikorrenti milli tikkontesta quddiem il-Cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell, Brussell) il-validità tad-deċiżjoni tal-CAS.

31.

Din id-deċiżjoni tiddeċiedi, fost l-oħrajn, il-kwistjoni kontenzjuża tal-kompatibbiltà tar-regoli l-ġodda tar-Regolamenti STP mad-dritt tal-Unjoni. Il-konsegwenza hi li l-Cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell, Brussell) hija prekluża milli tiddeċiedi dwar l-eventwali ksur tad-dritt tal-Unjoni, u għalhekk ukoll milli tagħmel dawn id-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

32.

Il-Cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell, Brussell) ċaħdet, bħala inammissibbli jew infondati, l-aggravji bbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u tad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB. Hija ddeċidiet ukoll li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-miżuri dixxiplinari dedotta min-natura forzata tal-arbitraġġ ma kinitx fondata, peress li l-ġurisdizzjoni tal-CAS ma kienet ġiet ikkontestata minn ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura ta’ arbitraġġ.

33.

Permezz tas-sentenza tagħha mogħtija fit‑12 ta’ Diċembru 2019, il-Cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell, Brussell) b’hekk ċaħdet l-appell mis-sentenza tat-Tribunal de Commerce Francophone de Bruxelles (il-Qorti Kummerċjali ta’ Brussell (bil-lingwa Franċiża)) tas‑17 ta’ Novembru 2016 u ddeċidiet li t-talbiet imressqa minn Royal Football Club Seraing ma kinux fondati.

34.

Royal Football Club Seraing appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju).

III. Id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja

35.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 267 TFUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [(iktar ’il quddiem il-‘Karta’)], jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali bħall-Artikoli 24 u 171(3)(9) tal-Code judiciaire belge (il-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan), intiżi li jistabbilixxu l-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata, għal deċiżjoni ta’ arbitraġġ li l-konformità tagħha mad-dritt tal-Unjoni ġiet mistħarrġa minn qorti ta’ Stat li ma huwiex Stat Membru tal-Unjoni, liema qorti ma tistax tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari?

(2)

L-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 267 TFUE u mal-Artikolu 47 tal-[Karta], jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tagħti saħħa probatorja fir-rigward ta’ terzi, bla ħsara għall-prova kuntrarja li huma għandhom l-oneru jipproduċu, għal deċiżjoni ta’ arbitraġġ li l-konformità tagħha mad-dritt tal-Unjoni ġiet mistħarrġa minn qorti ta’ Stat li ma huwiex Stat Membru tal-Unjoni, liema qorti ma tistax tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari?”

36.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Royal Football Club Seraing, Doyen Sports, il-FIFA, l-URBSFA, l-UEFA, il-Gvern Belġjan, Ġermaniż, Franċiż u Litwan kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea.

37.

Saret seduta fl‑1 ta’ Ottubru 2024, li matulha Royal Football Club Seraing, Doyen Sports, il-FIFA, l-URBSFA, l-UEFA, il-Gvern Belġjan, Grieg, Franċiż, Litwan u Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet orali.

IV. Analiżi

38.

Tajjeb jew ħażin (biex inkompli mal-ispirtu tal-kwotazzjoni tal-ftuħ) ( 10 ), l-isport illum huwa organizzat bħala sistema awtonoma li fiha l-organizzazzjonijiet sportivi, xi drabi influwenti u sinjuri ħafna, jeżerċitaw setgħat regolatorji ( 11 ). Dan huwa ċertament il-każ fil-qasam tal-futbol, bil-FIFA bħala l-korp regolatorju prinċipali tagħha. Biex jipparteċipaw, il-klabbs u l-atleti jridu jsegwu r-regoli maħruġa mill-FIFA.

39.

Fl-istess ħin, l-isport huwa attività ekonomika. Għaldaqstant, il-prattika tal-isport hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għal din l-attività ekonomika ( 12 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-isport kien suġġett għar-regoli tal-moviment liberu, għad-dritt tal-kompetizzjoni u għall-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom, speċifikament, il-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni ( 13 ).

40.

L-Istatuti tal-FIFA jeżiġu li kull tilwima li tista’ tinqala’ dwar ir-regoli sportivi tagħha għandha tiġi solvuta permezz tas-sistema tagħha ta’ soluzzjoni tat-tilwim, li tinnomina lill-CAS bħala korp tal-appell esklużiv u obbligatorju.

41.

Madankollu, meta regola tal-FIFA, jew deċiżjoni bbażata fuq tali regola, tikser potenzjalment id-dritt ta’ individwu bbażat fuq id-dritt tal-Unjoni, is-sistema kostituzzjonali tal-Unjoni tagħti lil dan l-individwu d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, espressa llum fl-Artikolu 47 tal-Karta.

42.

Skont l-Artikolu 19(1) TUE, li l-qorti tar-rinviju talbet l-interpretazzjoni tiegħu, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw li s-suġġetti tad-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw effettivament minn dan id-dritt fundamentali ( 14 ). Dan ifisser li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna li tallega li d-dritt tagħha bbażat fuq l-Unjoni nkiser jkollha aċċess ( 15 ) għal qorti indipendenti stabbilita minn qabel bil-liġi ( 16 ), u bis-setgħa li tagħmel rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE ( 17 ).

43.

Il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet ibbażati fuq l-Unjoni li hija allegatament miksura mir-regoli tal-FIFA, li ġew ikkonfermati mid-deċiżjoni tal-CAS bħala validi, għandha għalhekk tiġi żgurata minn qorti li tissodisfa d-definizzjoni ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

44.

Il-CAS, jew il-Qorti Federali Svizzera li għandha ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ is-sentenzi tiegħu, ma humiex tali qrati. Għalhekk, l-evalwazzjoni tagħhom tal-kompatibbiltà tar-regoli tal-FIFA mad-drittijiet ibbażati fuq l-Unjoni ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva fid-dritt tal-Unjoni.

45.

Dan iwassalna għal din il-kawża. Din toriġina minn kawża li tressqet quddiem “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

46.

Quddiem il-qrati Belġjani, il-partijiet sostnew li l-projbizzjoni imposta fuq it-TPO mill-FIFA pprekludithom milli jgawdu d-drittijiet li jagħtihom id-dritt tal-Unjoni. Għalhekk huma talbu dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà ta’ dawn ir-regoli tal-FIFA mad-dritt tal-Unjoni, fatt li fil-frattemp CAS kien ikkonferma bħala validi, u talbu l-kumpens għad-dannu kkawżat b’dan.

47.

Sa dan il-punt, kollox sew. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jista’ jiġi konkluż li l-partijiet kellhom aċċess għal qorti li għandha s-setgħa tar-rinviju. Madankollu, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jista’ minkejja dan jinkiser peress li l-qrati kompetenti ġew preklużi milli jipprovdu rimedju effettiv minħabba regola tad-dritt intern (Belġjan) li tgħid li d-deċiżjonijiet tal-CAS, ikkonfermati mill-Qorti Federali Svizzera, igawdu mill-forza ta’ res judicata. Din ir-regola, qiegħed jingħad, tipprekludihom, f’dan il-każ, milli jistħarrġu l-kompatibbiltà tar-regoli tal-FIFA mad-dritt tal-Unjoni.

48.

Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jipprekludi tali regola?

49.

It-tweġiba jidhirli li hija sempliċiment iva.

50.

Madankollu, l-osservazzjonijiet bil-miktub u d-dibattiti waqt is-seduta qajmu kwistjoni iktar ġenerali: id-dritt tal-Unjoni jeżiġi rimedju speċifiku suffiċjenti sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva meta d-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ fl-isport ikunu kkonċernati? Għalhekk ser nindirizza wkoll fil-qosor dan id-dibattitu.

51.

L-istruttura tal-analiżi tiegħi hija kif ġej. L-ewwel ser nispjega l-organizzazzjoni tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim tal-FIFA (Taqsima A). Imbagħad ser nagħti fehmti dwar il-mod kif għandha tingħata risposta għaż-żewġ domandi preliminari (Taqsimiet B u C), b’enfasi fuq l-ewwel domanda.

A.   Fuq il-CAS skont l-Istatuti tal-FIFA

52.

Fl‑1981, Juan Antonio Samaranch, li kien dak iż-żmien il-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (iktar ’il quddiem il-“KOI”), ressaq l-idea ta’ ġurisdizzjoni speċifika għall-isports. Il-CAS beda jopera fl‑1984, wara li l-KOI rratifika l-istatuti tiegħu. Il-President tal-IOC Samaranch kien qed jittama li l-CAS isir il-“qorti suprema tal-isport mondjali” ( 18 ). Is-sit internet tal-CAS, li jippreżenta din l-istorja, jgħid li “l-ġurisdizzjoni tal-CAS fl-ebda każ ma għandha tiġi imposta fuq l-atleti jew il-federazzjonijiet, iżda għandha tibqa’ liberament għad-dispożizzjoni tal-partijiet” ( 19 ).

53.

Għall-ewwel, il-biċċa l-kbira tal-organizzazzjonijiet sportivi, inkluża l-FIFA, ma għamlux użu mill-CAS ( 20 ). Madankollu, mill‑1984 ’l hawn, l-affarijiet inbidlu ħafna.

54.

Studjużi tad-dritt tal-Unjoni jirrakkontaw l-istorja tat-trasformazzjoni sinjifikattiva tal-CAS wara s-sentenza Bosman tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sena 1995 ( 21 ). L-għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ tal-CAS wara 1995 sploda. Għalhekk, minkejja l-eżitazzjonijiet inizjali, il-FIFA inkludiet fl-Istatuti tagħha klawżola ta’ arbitraġġ li tindika lill-CAS bħala l-forum kompetenti għal tali tilwim. Għall-ewwel, il-ġurisdizzjoni tal-CAS għat-tilwim fil-qasam tal-futbol kienet fakultattiva ( 22 ).

55.

Madankollu, illum il-ġurnata l-ġurisdizzjoni tal-CAS fil-futbol, kif prevista mill-istatuti tal-FIFA, hija esklużiva u obbligatorja

56.

L-Artikolu 57 tal-Istatuti tal-FIFA jirrikonoxxi l-ġurisdizzjoni tal-CAS sabiex isolvi t-tilwim bejn il-FIFA, l-assoċjazzjonijiet membri tagħha, il-konfederazzjonijiet, il-kampjonati, il-klabbs, il-plejers, l-uffiċjali, l-intermedjarji u l-aġenti awtorizzati.

57.

Appell, li ma għandux effett sospensiv, jista’ jiġi ppreżentat quddiem il-CAS mid-deċiżjonijiet definittivi mogħtija mill-korpi tal-FIFA kif ukoll mid-deċiżjonijiet mogħtija minn konfederazzjonijiet, assoċjazzjonijiet membri jew kampjonati ( 23 ). Huma għandhom jiġu ppreżentati quddiem il-CAS fi żmien 21 jum min-notifika tad-deċiżjoni appellata u jistgħu jsiru biss wara li jkunu ġew eżawriti l-mezzi interni l-oħra kollha ( 24 ).

58.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 59 tal-Istatuti tal-FIFA jipprovdi:

“1.   Il-konfederazzjonijiet, l-assoċjazzjonijiet membri u l-kampjonati jaqblu li jirrikonoxxu lill-CAS bħala awtorità ġudizzjarja indipendenti u li jiżguraw li l-membri, il-plejers affiljati tagħhom u l-membri tal-persunal tagħhom jirrispettaw id-deċiżjonijiet adottati mill-CAS. L-istess obbligu japplika għall-intermedjarji u l-aġenti tal-logħob awtorizzati.

2.   L-użu ta’ qrati ordinarji huwa pprojbit, sakemm ir-regolamenti tal-FIFA ma jipprovdix għal dan speċifikament. L-użu tal-qrati ordinarji għat-tipi kollha ta’ miżuri provviżorji huwa pprojbit ukoll.

3.   L-assoċjazzjonijiet għandhom idaħħlu klawżola fl-istatuti jew fir-regolamenti tagħhom li tistipula li huwa pprojbit li jinfetħu kawżi fil-qrati ordinarji għal tilwim f’assoċjazzjoni jew tilwim li jikkonċerna l-kampjonati, il-membri tal-kampjonati, il-klabbs, il-membri tal-klabbs, il-plejers, l-uffiċjali u l-uffiċjali oħra tal-assoċjazzjoni, ħlief jekk ir-regolamenti tal-FIFA jew dispożizzjonijiet legali vinkolanti jipprovdu speċifikament għal jew jistipulaw l-użu tal-qrati ordinarji. Minflok l-użu tal-qrati ordinarji, għandu jiġi previst l-arbitraġġ. Dan it-tilwim għandu jitressaq quddiem tribunal ta’ arbitraġġ indipendenti, debitament ikkostitwit, irrikonoxxut mir-regoli tal-assoċjazzjoni jew tal-konfederazzjoni jew lill-CAS.

L-assoċjazzjonijiet għandhom jiżguraw ukoll li din l-istipulazzjoni tiġi implimentata fl-assoċjazzjoni, jekk meħtieġ billi jiġi impost obbligu vinkolanti fuq il-membri tagħha. L-assoċjazzjonijiet għandhom jimponu sanzjonijiet fuq kull parti li ma tikkonformax ma’ dan l-obbligu u għandhom jiżguraw li kull rikors kontra dawn is-sanzjonijiet ikun ukoll strettament suġġett għall-arbitraġġ, u mhux għall-qrati ordinarji.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

59.

Għalhekk, kif inhu l-każ ukoll għas-sistema ta’ arbitraġġ tal-Unjoni Internazzjonali tal-Pattinaġġ (iktar ’il quddiem l-“ISU”) ( 25 ), it-tressiq ta’ tilwima dwar il-futbol skont ir-regoli tal-FIFA quddiem il-CAS huwa obbligatorju u l-ġurisdizzjoni tiegħu hija esklużiva. Fil-fatt, billi invokat din il-ġurisdizzjoni esklużiva, il-FIFA opponiet il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-ewwel istanza fil-kawża prinċipali ( 26 ).

60.

L-unika qorti ordinarja awtorizzata li tistħarreġ id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ deċiża mill-CAS hija l-Qorti Federali Svizzera. Madankollu, ir-raġunijiet għall-istħarriġ tad-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ minn din il-qorti huma limitati ( 27 ). Fil-kawża Semenya vs L-Isvizzera, il-Qorti EDB qieset li l-istħarriġ ta’ deċiżjoni tal-CAS mill-Qorti Federali Svizzera kien tant limitat li ma kinitx f’pożizzjoni li tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ( 28 ).

B.   L-ewwel domanda

61.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil deċiżjoni ta’ arbitraġġ is-saħħa ta’ res judicata, meta l-istħarriġ tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni jkun twettaq minn qorti ta’ pajjiż terz ( 29 ).

62.

Din ma hijiex l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tipprovdi interpretazzjoni tar-relazzjoni bejn l-arbitraġġ u d-dritt tal-Unjoni u l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ. Għal din ir-raġuni, il-parteċipanti fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kollha pprovaw isibu r-risposti li għandhom jingħataw f’din il-kawża minn linja jew oħra tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-arbitraġġ. Għalhekk, minn naħa, huma ddiskutew il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Nordsee ( 30 ) u Eco Swiss ( 31 ), u, min-naħa l-oħra, is-sentenza fil-kawża Achmea ( 32 ).

63.

Wara li nanalizza sa fejn dawn iż-żewġ linji ta’ ġurisprudenza jistgħu jew ma jistgħux ikunu rilevanti għas-sistema ta’ arbitraġġ tal-FIFA (Subtaqsimiet 1 u 2), ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiżviluppa interpretazzjoni speċifika adattata għall-arbitraġġ obbligatorju, bħal dik magħmula mill-CAS fis-sistema ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim tal-FIFA. Fil-fehma tiegħi, din is-soluzzjoni diġà ġiet issuġġerita fil-kuntest tas-sentenza International Skating Union ( 33 ) (Subtaqsima 3).

1. Fuq l‑applikabbiltà tal‑ġurisprudenza Nordsee/Eco Swiss

64.

Il-FIFA, il-UEFA u l-Gvern Belġjan, Franċiż u Litwan kollha sostnew, b’xi mod jew ieħor ( 34 ), li d-deċiżjonijiet tal-CAS li jikkonfermaw il-validità tar-regoli tal-FIFA jistgħu jiġu mistħarrġa mill-qrati nazzjonali fir-rigward tal-ordni pubbliku tal-Unjoni, skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Eco Swiss.

65.

Infakkar li din il-linja ġurisprudenzjali bdiet bis-sentenza Nordsee, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li tribunal ta’ arbitraġġ li jiddeċiedi fil-qasam tal-arbitraġġ kummerċjali, volontarjament konkluż mill-partijiet, ma huwiex “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE ( 35 ).

66.

Anki fl-ipoteżi fejn tali tribunal ta’ arbitraġġ jista’ jkun obbligat japplika d-dritt tal-Unjoni mingħajr il-possibbiltà ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma sabet l-ebda problema għaliex id-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ tiegħu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ fil-kuntest ta’ proċeduri differenti quddiem il-qrati tal-Istati Membri skont id-dritt nazzjonali ( 36 ). B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ ma humiex eżegwibbli fihom innifishom, iżda għandhom l-ewwel jiksbu l-exequatur ta’ qorti “ordinarja”. Fil-kuntest ta’ tali proċedura, dawn il-qrati nazzjonali jkollhom għalhekk il-possibbiltà, jew obbligu, li jirreferu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

67.

It-tilwima fil-kawża Eco Swiss inħolqot minn tali proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ quddiem il-qorti nazzjonali. Fis-sentenza Eco Swiss il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-portata limitata tal-istħarriġ ġudizzjarju tista’ tkun fl-interess ta’ proċedura ta’ arbitraġġ effikaċi ( 37 ). Għalhekk, regola nazzjonali li tillimita l-istħarriġ ġudizzjarju għall-kwistjonijiet ta’ ordni pubbliku tqieset aċċettabbli mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni. Fl-istess kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-ordni pubbliku tal-Unjoni llum jinkludi l-Artikoli 101 u 102 TFUE ( 38 ).

68.

Dak li huwa u dak li ma huwiex ordni pubbliku tal-Unjoni għadu ma ġiex spjegat b’mod ġenerali ( 39 ). Pjuttost, il-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet għal din il-mistoqsija fuq il-bażi ta’ każ b’każ ( 40 ) Madankollu, interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett ma hijiex neċessarja f’din il-kawża. Dak li huwa importanti huwa li, fil-qasam tal-arbitraġġ kummerċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ tista’ tkun limitata ( 41 ).

69.

Sa fejn il-linja ġurisprudenzjali preċedenti hija applikabbli għall-arbitraġġ tal-CAS skont l-Istatuti tal-FIFA?

70.

Fil-fehma tiegħi, hemm żewġ raġunijiet prinċipali li jiddistingwuh mill-arbitraġġ kummerċjali.

71.

L-ewwel waħda tinsab fin-natura volontarja tal-arbitraġġ kummerċjali kuntrarjament għan-natura obbligatorja tar-regoli ta’ arbitraġġ tal-FIFA.

72.

Karatteristika essenzjali tal-arbitraġġ kummerċjali, li kien inkwistjoni fil-linja ġurisprudenzjali tas-sentenza Eco Swiss hija l-aċċettazzjoni libera tal-klawżola ta’ arbitraġġ miż-żewġ partijiet ( 42 ). Meta jagħżlu volontarjament dan l-arbitraġġ, il-partijiet għandhom l-intenzjoni li jeskludu l-intervent ta’ qrati ordinarji u possibbilment l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli ta’ sistema legali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni din in-natura u dan l-għan tal-arbitraġġ fil-qasam kummerċjali u għalhekk ikkonkludiet li l-istħarriġ ġudizzjarju tas-sentenzi li jirriżultaw minnu jista’ jkun limitat għal kwistjonijiet ta’ ordni pubbliku. Il-ħtieġa li tiġi vverifikata l-konformità ta’ sentenza mal-ordni pubbliku teżisti għaliex dawn ir-regoli jistgħu jkunu ta’ interess pubbliku tali li l-applikazzjoni tagħhom ma tistax tiġi eskluża mir-rieda tal-partijiet.

73.

Għall-kuntrarju, kif sostna l-Gvern Olandiż waqt is-seduta, ir-regoli tal-FIFA huma obbligatorji u r-rieda libera tal-partijiet li jressqu kawża quddiem il-CAS ma hijiex ovvja ( 43 ).

74.

Fis-sentenza Mutu u Pechstein, il-Qorti EDB eżaminat preċiżament din il-kwistjoni meta analizzat id-differenzi bejn l-arbitraġġ kummerċjali u r-regoli ta’ arbitraġġ obbligatorju tal-ISU ( 44 ). L-atturi tal-isport ma jistgħux jagħżlu li jissottomettu t-tilwim tagħhom, fejn huma jikkontestaw ir-regoli jew id-deċiżjonijiet tal-FIFA, lil xi sistema oħra ta’ ġudizzju, iżda lill-proċeduri dixxiplinari interni tal-FIFA, u sussegwentement lill-CAS. In-nuqqas ta’ aċċettazzjoni tal-kompetenza obbligatorja tal-CAS jipprekludi lill-plejers milli jilagħbu ( 45 ) u lill-klabbs milli jikkompetu.

75.

Għaldaqstant, għall-plejers u l-klabbs, il-ġurisdizzjoni tal-CAS hija obbligatorja u ma hijiex magħżula bir-rieda ħielsa tagħhom ( 46 ). Għalhekk, hija ma tirriflettix l-għażla tagħhom stess li jeskludu l-aċċess għal qorti u li jipprekludu l-applikabbiltà ta’ ċerti regoli tad-dritt għat-tilwima ta’ bejniethom. Fil-fehma tiegħi, dan għandu konsegwenzi fuq il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li l-qrati nazzjonali għandhom ikunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni (ara t-Taqsima IV.B.3 (b) iktar ’l isfel).

76.

It-tieni differenza bejn l-arbitraġġ kummerċjali u s-sistema ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim prevista mill-Istatuti tal-FIFA hija l-awtosuffiċjenza ta’ din is-sistema tal-aħħar fil-qasam tal-eżekuzzjoni.

77.

Jekk waħda mill-partijiet f’arbitraġġ kummerċjali tirrifjuta li teżegwixxi deċiżjoni ta’ arbitraġġ, il-parti l-oħra jkollha tirrikorri għand il-qrati ordinarji sabiex teżegwixxiha. Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Nordsee (ara l-punti 65 u 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet), meta l-eżekuzzjoni tkun meħtieġa fi ħdan l-Unjoni Ewropea, qorti ta’ Stat Membru jkollha l-possibbiltà li tistħarreġ il-konformità tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ mad-dritt tal-Unjoni u li, jekk ikun il-każ, tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

78.

B’kuntrast, jekk parti tirrifjuta li timplimenta deċiżjoni tal-CAS għaliex tqis li din tkun tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, hija ma tistax sempliċement tirrifjuta li tikkonforma ruħha ma’ tali deċiżjoni u l-FIFA lanqas ma għandha bżonn tibda proċedura ta’ eżekuzzjoni quddiem il-qorti nazzjonali. Il-FIFA tista’ teżegwixxi d-deċiżjoni waħedha. Fil-fatt, f’dan il-każ, hija setgħet teżegwixxi l-penalitajiet u l-projbizzjoni tar-reġistrazzjoni tal-plejers mingħajr ma tirrikorri għal qorti ( 47 ).

79.

F’tali sistema ta’ awtoeżekuzzjoni, ma tantx huwa probabbli li l-kwistjoni tal-kompatibbiltà tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ mad-dritt tal-Unjoni tasal għand “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni.

80.

Huwa għalhekk possibbli li rimedji ġudizzjarji li tqiesu li huma suffiċjenti sabiex jiggarantixxu protezzjoni ġudizzjarja effettiva u uniformità tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-arbitraġġ kummerċjali ma jkunux suffiċjenti għas-sistema tal-arbitraġġ obbligatorju awtonomu inkwistjoni f’dan il-każ (ara, ukoll, il-punti 111 sa 114 iktar ’l isfel).

81.

Għal dawn iż-żewġ raġunijiet, inqis li r-regoli mfassla għall-arbitraġġ kummerċjali fil-linja ġurisprudenzjali tas-sentenzi Nordsee u Eco Swiss ma humiex applikabbli għas-sistema ta’ arbitraġġ obbligatorju tal-FIFA mill-CAS.

2. Fuq l‑applikabbiltà tal‑ġurisprudenza Achmea

82.

Royal Football Club Seraing u Doyen Sports invokaw is-sentenza Achmea biex isostnu li d-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ mogħtija mill-CAS għandhom ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju reali minn qorti nazzjonali, li għandha tkun tista’ tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

83.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni bbażat ruħha wkoll fuq is-sentenza Achmea biex issostni li l-qrati nazzjonali għandhom ikunu f’pożizzjoni li jistħarrġu, inter alia, l-arbitrabbiltà ta’ tilwima.

84.

Bħala tfakkira, fis-sentenza Achmea l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-possibbiltà li jiġi rriferit għal arbitraġġ tilwim li jinvolvi Stati Membri abbażi ta’ trattati bilaterali ta’ investiment (TBI). Permezz ta’ tali ftehimiet, l-Istati Membri qablu li jeskludu l-ġurisdizzjoni tal-qrati tagħhom stess fit-tilwim bejn investituri u l-Istati, anki jekk tali tilwim jista’ jirrigwarda l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fi kliem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri b’hekk eskludew kompletament l-eventwali ksur tad-dritt tal-Unjoni mis-“sistema ta’ rimedji ġudizzjarji li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi fuqhom li jistabbilixxu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni” ( 48 ).

85.

Nifhem li r-raġunament wara s-sentenza Achmea jistrieħ primarjament fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka ( 49 ). L-aċċettazzjoni ta’ ċertu tilwim mill-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri mhux biss ma tiżgurax protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iżda tibgħat ukoll messaġġ żbaljat: li dawn il-qrati jistgħu ma jkunux indipendenti u imparzjali biżżejjed biex jiddeċiedu tilwim imressaq minn investituri kontra l-Istati Membri.

86.

L-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tiddependi ħafna fuq il-fiduċja reċiproka fil-qrati tal-Istati Membri. Għal din ir-raġuni, u sabiex tiġi ggarantita l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni permezz tal-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari ( 50 ), klawżoli ta’ arbitraġġ fit-TBI bejn l-Istati Membri tqiesu li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni.

87.

Din l-interpretazzjoni tas-sentenza Achmea hija kkorroborata mill-fatt li, kuntrarjament għall-arbitraġġ kummerċjali, fis-sentenza Achmea l-Qorti tal-Ġustizzja ma ndirizzatx il-kwistjoni dwar jekk stħarriġ sussegwenti mill-qrati nazzjonali tad-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ abbażi tat-TBI jistax jirrimedja l-assenza ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 51 ). Hija sempliċement ikkunsidrat bħala inaċċettabbli sistema ġenerali li teskludi l-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali. Għalhekk, l-argumenti ta’ Royal Football Club Seraing u ta’ Doyen Sports dwar in-neċessità ta’ stħarriġ ġudizzjarju reali ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ (ara l-punt 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet) ma jistgħux ikunu bbażati fuq is-sentenza Achmea.

88.

Bl-istess mod, fis-sentenza PL Holdings il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-invalidità ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija skont TBI ma tistax tiġi rrimedjata billi jiġi ddefinit mill-ġdid il-proċess ta’ arbitraġġ bħala arbitraġġ volontarju ad hoc, jew sempliċement għaliex l-Istat Membru ma kkontestax il-validità tal-klawżola ta’ arbitraġġ abbażi ta’ TBI fil-kuntest ta’ proċedura ta’ arbitraġġ konkreta ( 52 ).

89.

Ir-regoli Belġjani applikabbli għall-kawża inkwistjoni, flimkien mal-ġurisdizzjoni obbligatorja tal-CAS skont l-Istatuti tal-FIFA, iwasslu sabiex jiġu esklużi, b’mod simili, il-qrati nazzjonali milli jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni lill-individwi. Madankollu, ma naħsibx li dan huwa biżżejjed sabiex is-sistema ta’ arbitraġġ tal-FIFA titqabbel mat-tip ta’ ġurisdizzjoni ta’ arbitraġġ inkwistjoni fil-kawża Achmea. Barra minn hekk, lanqas ma nsib l-istess raġunament ibbażat fuq il-fiduċja reċiproka applikabbli għal kawża preżenti.

90.

Hemm tliet raġunijiet għal din id-distinzjoni. L-ewwel, din il-kawża ma tpoġġix fid-dubju l-prinċipju ta’ konformità tas-sistema ta’ arbitraġġ tal-FIFA mad-dritt tal-Unjoni ( 53 ). Il-maġġoranza tal-parteċipanti f’din il-proċedura fil-fatt jaqblu dwar l-utilità tal-arbitraġġ fil-qasam tal-isport. Bl-istess mod, il-Parlament Ewropew adotta, fl‑2012, riżoluzzjoni dwar id-Dimensjoni Ewropea fl-Isport, li fiha rrikonoxxa l-“leġittimità tal-ġuriżdizzjonijiet sportivi għar-riżoluzzjoni tat-tilwimiet fil-qasam tal-isport, sakemm dawn ikunu jirrispettaw id-dritt fundamentali taċ-ċittadini ta’ smigħ ġust” ( 54 ).

91.

Għaldaqstant, kwistjoni ta’ possibbiltà ta’ nuqqas ta’ arbitrabbiltà, kif imqajma mill-Kummissjoni, ma tqumx.

92.

It-tieni, il-ġurisdizzjoni obbligatorja u esklużiva tal-CAS, inkwistjoni f’din il-kawża, la tirriżulta minn ftehim internazzjonali konkluż mill-Istati Membri jew bejniethom, u lanqas mill-eżerċizzju tas-setgħa pubblika ta’ dawn tal-aħħar. Pjuttost, tirriżulta mill-Istatuti tal-FIFA, organizzazzjoni privata. Dawn l-istatuti bl-ebda mod ma jorbtu u lanqas jillimitaw l-Istati Membri sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva permezz tal-ordinamenti ġuridiċi tagħhom. Għalhekk, l-Istati Membri ma aċċettaw l-ebda esklużjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tagħhom.

93.

It-tielet, is-sentenza Achmea tindirizza lill-Istati Membri u titlobhom ineħħu l-konsegwenzi dannużi li klawżoli ta’ arbitraġġ previsti mit-TBI joħolqu għall-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka fil-qrati tagħhom ( 55 ). Dan jista’ jinkiseb b’diversi modi. L-Istati Membri jistgħu jinterpretaw mill-ġdid dawn il-ftehimiet ( 56 ), jirtiraw minnhom ( 57 ), jew ma jagħtu l-ebda effett lid-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ ibbażati fuqhom ( 58 ). Madankollu, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li r-regoli tal-FIFA dwar il-ġurisdizzjoni tas-CAS huma fil-prinċipju inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (li ma hijiex il-kwistjoni mqajma f’din il-kawża), l-uniku mezz għall-Istati Membri li jagħtu effett lil tali konstatazzjoni jkun li l-qrati tagħhom ma jirrikonoxxux dawn id-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ. Kull bidla fis-sistema ta’ arbitraġġ fil-futbol tiddependi inevitabbilment mir-rieda tal-FIFA.

94.

Għalhekk, apparti r-repetizzjoni tal-importanza tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-uniformità tad-dritt tal-Unjoni, is-sentenza Achmea ma jidhirx li żżid valur mal-linja ġurisprudenzjali Eco Swiss għall-kwistjonijiet imqajma minn din il-kawża. F’dan ir-rigward, il-FIFA ġustament irrilevat, matul is-seduta, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlet l-ebda riferiment għas-sentenza Achmea fis-sentenza tagħha International Skating Union meta analizzat l-arbitraġġ sportiv li jinvolvi lill-CAS.

3. Arbitraġġ sportiv obbligatorju li jinvolvi lill‑CAS u protezzjoni ġudizzjarja effettiva

95.

Kif indikajt iktar ’il fuq (ara t-Taqsima IV.B.1), hemm żewġ differenzi importanti bejn l-arbitraġġ kummerċjali u l-arbitraġġ sportiv li jinvolvu lill-CAS: l-ewwel, in-natura obbligatorja u t-tieni, in-natura awtoeżekuttiva tiegħu. Jiena tal-fehma li dawn id-differenzi jeħtieġu evalwazzjoni konkreta fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kemm f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-aċċess għall-qorti kif ukoll il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju.

96.

Din kienet, skont l-interpretazzjoni tiegħi ta’ din is-sentenza, diġà ddikjarata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza International Skating Union ( 59 ). Madankollu, f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx ikkonċernata mis-setgħat jew l-obbligi tal-qrati nazzjonali. Hija kienet ittrattat biss l-impatt tar-regoli tal-ISU fuq il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Madankollu, filwaqt li enfasizzat in-natura obbligatorja u esklużiva tal-ġurisdizzjoni tal-CAS bħala raġuni li rrendiet iktar gravi l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mwettaq mill-ISU ( 60 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li ssuġġerixxiet li tali arbitraġġ kien jeħtieġ approċċ speċifiku.

97.

Waqt is-seduta ta’ din il-kawża, il-Gvern Olandiż ukoll stieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tadotta approċċ speċifiku fir-rigward tal-arbitraġġ obbligatorju, bħalma huwa għall-arbitraġġ sportiv previst mill-Istatuti tal-FIFA. Waħda mir-raġunijiet għalfejn għamel din l-istedina kienet il-ħtieġa li tiġi ppreżervata s-sistema ta’ arbitraġġ kummerċjali kif inhi.

98.

Naqbel ma’ dan. Filwaqt li l-arbitraġġ sportiv obbligatorju jirrikjedi regoli li joffru aċċess aktar ġeneruż għall-ġustizzja u portata usa’ biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, dan għandu jiġi distint mill-arbitraġġ kummerċjali aċċettat b’mod volontarju, li fih id-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ jistgħu jiġu mistħarrġa biss b’mod eċċezzjonali u għal raġunijiet limitati.

99.

Għaldaqstant il-ġurisprudenza Eco Swiss ma għandhiex tiġi trasposta awtomatikament għall-evalwazzjoni tal-arbitraġġ sportiv obbligatorju, bħal dan inkwistjoni. Fil-kunsiderazzjonijiet li ġejjin, ser nittratta l-aċċess għall-qrati (a) u l-portata tal-istħarriġ (b) f’dan il-kuntest.

a) Aċċess għall‑qrati

100.

In-natura awtoeżekuttiva tad-deċiżjonijiet tal-CAS fis-sistema FIFA tnaqqas inevitabbilment u kunsiderevolment il-possibbiltà għall-qrati nazzjonali li jkunu saħansitra aditi b’kawża li tikkonċerna deċiżjoni tal-CAS.

101.

Fil-każ ta’ arbitraġġ kummerċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex għalfejn tiddeċiedi l-kwistjoni tal-aċċess għal qorti, peress li kien preżunt li l-aċċess kien ser ikun, fi kwalunkwe każ, iggarantit fl-istadju tal-eżekuzzjoni.

102.

Madankollu, in-natura awtoeżekuttiva tas-sistema ta’ arbitraġġ tal-FIFA tqajjem il-kwistjoni dwar liema rimedji ġudizzjarji l-Istati Membri għandhom jipprovdu sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva kontra deċiżjoni tal-CAS li potenzjalment tikser id-drittijiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni.

103.

Din il-kwistjoni ġiet diskussa fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet u waqt is-seduta. Pereżempju, il-Kummissjoni qieset li għandu jkun hemm tip ta’ kontestazzjoni diretta li timplika stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni tal-CAS. Dan ifisser li għandu jkun hemm disponibbli azzjoni, li twassal għall-annullament ta’ deċiżjoni u għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-regoli tal-FIFA li huwa kkonstatat li jiksru d-dritt tal-Unjoni. Oħrajn, bħall-FIFA, kienu tal-opinjoni li azzjoni diretta ma hijiex neċessarja. Kontestazzjoni indiretta, bħal azzjoni għad-danni, tkun biżżejjed.

104.

Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat risposta għal din id-dilemma fis-sentenza International Skating Union. L-ewwel, hija kkunsidrat li, f’sitwazzjonijiet fejn l-arbitraġġ huwa impost minn organizzazzjonijiet sportivi fuq il-klabbs u l-plejers, ir-rekwiżit ta’ stħarriġ ġudizzjarju mill-qrati nazzjonali “huwa iktar u iktar meħtieġ” ( 61 ). Barra minn hekk, hija ppreċiżat li l-fatt li persuna għandha dritt titlob danni ma jistax jikkumpensa għall-assenza ta’ rimedju ġudizzjarju li jippermetti lil din il-persuna titlob, quddiem qorti nazzjonali kompetenti, il-waqfien ta’ dan l-aġir jew, meta dan jikkostitwixxi miżura, l-istħarriġ u l-annullament ta’ dan l-att ( 62 ).

105.

Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jeżiġi għalhekk triq ġudizzjarja diretta għall-evalwazzjoni u, jekk ikun meħtieġ, il-prevenzjoni tal-applikazzjoni tar-regoli tal-FIFA li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni. Deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tikkonstata l-konformità tar-regoli tal-FIFA mad-dritt tal-Unjoni ma tistax tipprekludi li qorti nazzjonali tkun tista’ tistħarreġ din il-konformità hija stess, billi tadixxi, jekk ikun meħtieġ, lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

106.

Għaldaqstant, l-għoti tas-saħħa ta’ res judicata lil deċiżjoni ta’ arbitraġġ fir-rigward tal-konklużjoni tagħha li d-dritt tal-Unjoni ma nkisirx imur kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

107.

Regola nazzjonali bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li torbot is-saħħa ta’ res judicata ma’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ tal-CAS għandha għalhekk titwarrab sabiex tagħti l-possibbiltà lil qorti nazzjonali li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fuq ir-regoli tal-FIFA mad-dritt tal-Unjoni ( 63 ).

b) Portata tal‑istħarriġ

108.

Stħarriġ ġudizzjarju limitat fil-kuntest tal-arbitraġġ kummerċjali ma huwiex, fil-fehma tiegħi, suffiċjenti fil-kuntest tas-sistema ta’ arbitraġġ obbligatorju u esklużiv tal-FIFA.

109.

Il-ġurisprudenza Eco Swiss tgħidilna li l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju jista’ jkun limitat għal kwistjonijiet ta’ ordni pubbliku. Anki jekk it-tifsira u l-portata preċiżi tal-ordni pubbliku tal-Unjoni Ewropea ma humiex stabbiliti b’mod ċar, dawn ma jidhrux li jikkonċernaw ir-regoli kollha tad-dritt tal-Unjoni, iżda biss dawk li huma ta’ interess pubbliku superjuri.

110.

Għaldaqstant, stħarriġ ta’ ordni pubbliku ma jikkonċernax neċessarjament kull regola tad-dritt tal-Unjoni li tagħti dritt lil individwu.

111.

Dan huwa aċċettabbli fl-arbitraġġ kummerċjali, peress li l-partijiet eskludew volontarjament l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli ta’ ordinament ġuridiku, iżda ma setgħux jeskludu dawk ta’ ordni pubbliku.

112.

Madankollu, fil-kuntest tal-arbitraġġ obbligatorju, bħall-arbitraġġ tal-CAS skont l-Istatuti tal-FIFA, il-partijiet ma għażlux liberament li jeskludu l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli tal-UE għas-sitwazzjoni tagħhom.

113.

Għaldaqstant, ir-raġunijiet li jiġġustifikaw kamp ta’ applikazzjoni limitat tal-istħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest tal-arbitraġġ kummerċjali ma humiex faċilment applikabbli għall-arbitraġġ obbligatorju.

114.

Qorti nazzjonali għandha għalhekk tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tar-regoli tal-FIFA fid-dawl ta’ kwalunkwe regola u tar-regoli kollha tad-dritt tal-Unjoni, minkejja kull deċiżjoni tal-CAS.

115.

Hija għandha tkun tista’ tagħmel dan l-istħarriġ irrispettivament minn kif każ jasal quddiemha: kemm jekk direttament bħala azzjoni ta’ eżekuzzjoni jew inkella indirettament, bħala inċidentali għal azzjoni differenti (kif inhu l-każ hawnhekk).

116.

Kwistjoni tal-aħħar li ma tistax tiġi injorata, u li tqajmet waqt is-seduta, hija l-applikabbiltà tal-Konvenzjoni ta’ New York ( 64 ) li l-Istati Membri kollha huma partijiet fiha ( 65 ). Għalkemm il-Konvenzjoni ta’ New York ma torbotx lill-Unjoni Ewropea, skont il-prinċipju konswetudinarju ta’ bona fide, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ħadet preċedentement inkunsiderazzjoni l-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri ( 66 ).

117.

Il-partijiet kollha waqt is-seduta qablu li l-Konvenzjoni ta’ New York tapplika għad-deċiżjonijiet tal-CAS.

118.

Dan ma huwiex ovvju. Huwa pjuttost possibbli li jiġi konkluż li l-arbitraġġ obbligatorju ma jissodisfax ir-rekwiżit tal-Artikolu II (1) tal-Konvenzjoni ta’ New York ( 67 ). Fi kliem sempliċi, il-partijiet ma “impenjawx ruħhom”, li nifhem li tfisser b’mod liberu u b’mod kunsenswali, li jissottomettu n-nuqqas ta’ qbil kollu tagħhom jew parti minnu għall-arbitraġġ ( 68 ).

119.

Din l-interpretazzjoni tippermetti lill-qrati nazzjonali jinterpretaw il-Konvenzjoni ta’ New York bħala li ma hijiex applikabbli għall-arbitraġġ obbligatorju tal-istess tip tal-arbitraġġ tal-isport tal-FIFA ( 69 ).

120.

Jekk, madankollu, il-Konvenzjoni ta’ New York hija applikabbli, jiena tal-fehma li d-dispożizzjonijiet tagħha ma jmorrux kontra l-interpretazzjoni tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li nipproponi fil-qasam tal-arbitraġġ obbligatorju.

121.

L-Artikolu V (2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ New York jillimita l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ għal kwistjonijiet ta’ ordni pubbliku ( 70 ). Din id-dispożizzjoni ma għandhiex tifsira awtonoma fil-konvenzjoni, iżda hija, pjuttost, suġġetta għad-dritt tal-firmatarji tagħha ( 71 ).

122.

Wieħed mill-modi kif wieħed jikkunsidra l-applikabbiltà possibbli tal-Konvenzjoni ta’ New York huwa għalhekk li jiġi interpretat bħala li jagħmel parti mill-ordni pubbliku, fis-sens ta’ din il-konvenzjoni, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-Unjoni, li, fil-każ ta’ arbitraġġ obbligatorju, jeżiġi stħarriġ ġudizzjarju komplet ( 72 ). Dan il-prinċipju jservi għalhekk bħala bieb għal stħarriġ sħiħ tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni applikabbli.

4. Konklużjoni provviżorja

123.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tespandi s-sentenza tagħha fil-kawża International Skating Union u tiżviluppa approċċ distint għall-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ li jirriżulta mill-arbitraġġ obbligatorju, bħal dak quddiem il-CAS abbażi tal-Istatuti tal-FIFA.

124.

F’dan ir-rigward, jiena tal-fehma li protezzjoni ġudizzjarja effettiva teżiġi li jiġu estiżi kemm l-aċċess għall-qrati nazzjonali kif ukoll is-setgħat ta’ stħarriġ tagħhom fir-rigward tal-arbitraġġ obbligatorju, lil hinn mill-kompetenzi attwali tagħhom fil-qasam tal-arbitraġġ kummerċjali.

125.

L-aċċess dirett sabiex ir-regoli tal-FIFA jiġu kkontestati, minkejja deċiżjoni tal-CAS li tikkonferma l-validità tagħhom, għandu jkun disponibbli għal suġġetti li jiddikjaraw li d-drittijiet tagħhom iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni ġew miksura. Il-portata tal-istħarriġ ma għandhiex tkun limitata għall-ordni pubbliku, iżda għandha tinkludi d-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tad-dritt tal-Unjoni. Dan l-istħarriġ għandu jkun jista’ jiġi eżerċitat fil-proċeduri ġudizzjarji kollha, kemm jekk jinbdew bħala kontestazzjoni diretta tar-regoli tal-FIFA, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ tal-CAS kif ukoll, b’mod inċidentali, fil-kuntest ta’ tip ieħor ta’ proċedura, bħal dik mibdija b’azzjoni għad-danni.

126.

Abbażi ta’ tali approċċ tas-sistema ta’ arbitraġġ obbligatorju tal-FIFA mill-CAS, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju. L-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 267 TFUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 24 u l-Artikolu 171[3](9) tal-Code judiciaire (Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan), li tistabbilixxi l-prinċipju ta’ res judicata għal deċiżjoni ta’ arbitraġġ li l-konformità tagħha mad-dritt tal-Unjoni tkun ġiet mistħarrġa minn qorti ta’ Stat li ma jkunx Stat Membru tal-Unjoni, li ma tkunx awtorizzata tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

C.   It-tieni domanda

127.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, moqri flimkien mal-Artikolu 267 TFUE, jipprekludix regola tad-dritt nazzjonali li tagħti valur probatorju konfutabbli lil deċiżjoni ta’ arbitraġġ fir-rigward ta’ terzi, meta l-istħarriġ tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni jkun twettaq minn qorti ta’ pajjiż terz.

128.

Bl-eċċezzjoni ta’ Royal Football Club Seraing u Doyen Sports, il-parteċipanti kollha jaqblu li r-regoli dwar in-natura probatorja tad-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ ma jaffettwawx b’mod sinjifikattiv il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

129.

Royal Football Club Seraing u Doyen Sports isostnu li r-regoli nazzjonali li jipprovdu li deċiżjoni ta’ arbitraġġ għandha, prima facie, valur probatorju fir-rigward ta’ terzi jirrendu eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, prinċipalment billi jaqilbu r-regoli normalment applikabbli għall-oneru tal-prova.

130.

Għall-kuntrarju, il-FIFA u l-UEFA, sostnuti mill-URBSFA, jisħqu li r-regola tal-valur probatorju hija biss preżunzjoni konfutabbli, u li hemm, barra minn hekk, rimedju taħt id-dritt intern li jippermetti lil qorti nazzjonali tirrifjuta li tirrikonoxxi jew teżegwixxi deċiżjoni ta’ arbitraġġ b’mod konformi mar-rekwiżiti ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

131.

Il-Kummissjoni tqis li r-regoli nazzjonali inkwistjoni ma jikkostitwixxux ksur eċċessiv tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva sa fejn dawn huma applikabbli biss għall-kwistjonijiet ta’ fatt deċiżi permezz tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

132.

Jiena naqbel mal-Kummissjoni.

133.

Huwa importanti li r-regola nazzjonali, kif spjegata mill-qorti tar-rinviju, ma tipprekludix lill-qorti inkwistjoni milli tiżgura l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni, u lanqas il-fakultà tagħha li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari, jekk dan jitqies neċessarju.

134.

Preżunzjoni konfutabbli ta’ valur probatorju ma tipprekludix, fil-fehma tiegħi, lill-qrati nazzjonali milli jwettqu l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 19(1) TUE, peress li huma jibqgħu f’pożizzjoni li jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni, jekk ikun meħtieġ billi jagħmlu rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

135.

Bħala konklużjoni, nipproponi li għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju tingħata r-risposta segwenti. L-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 267 TFUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix regola tad-dritt nazzjonali li tagħti valur probatorju konfutabbli lil deċiżjoni ta’ arbitraġġ fir-rigward ta’ terzi, meta l-istħarriġ tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni jkun twettaq minn qorti ta’ pajjiż terz.

V. Konklużjoni

136.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju):

(1)

L-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 267 TFUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 24 u l-Artikolu 171[3](9) tal-Code judiciaire (Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan), li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ res judicata għal deċiżjoni ta’ arbitraġġ li l-konformità tagħha mad-dritt tal-Unjoni tkun ġiet mistħarrġa minn qorti ta’ Stat li ma jkunx Stat Membru tal-Unjoni, li ma tkunx awtorizzata tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

(2)

L-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 267 TFUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix regola tad-dritt nazzjonali li tagħti valur probatorju konfutabbli lil deċiżjoni ta’ arbitraġġ fir-rigward ta’ terzi, meta l-istħarriġ tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni jkun twettaq minn qorti ta’ pajjiż terz.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Paulsson, J., “Arbitration of international sports disputes”, Arbitration International, Vol. 9(4), 1993, p. 359.

( 3 ) Skont l-istatuti tagħha, hija għandha bħala għan b’mod partikolari: (a) ix-xiri ta’ plejers tal-futbol, kowċis u maniġers; (b) ir-rappreżentazzjoni ta’ plejers tal-futbol, ta’ kowċis u ta’ maniġers; (c) it-trasferiment ta’ plejers, kowċis u maniġers bejn klabbs differenti; (d) ir-rappreżentazzjoni tal-klabbs; (e) li tagħmel profitt mill-klabbs tal-futbol jew li jkollha rwol attiv fil-ġestjoni tagħhom ta’ kuljum, sakemm jikkonformaw mar-regolamenti tal-FIFA u ma’ kwalunkwe regolamenti nazzjonali jew internazzjonali rilevanti oħra, u (f) li tagħti self lill-klabbs tal-futbol.

( 4 ) Disponibbli hawnhekk: https://digitalhub.fifa.com/m/69b5c4c7121b58d2/original/Regulations-on-the-Status-and-Transfer-of-Players-June-2024-edition.pdf.

( 5 ) “Il-plejers għandhom tliet tipi ta’ drittijiet: federattivi; tax-xogħol; u ekonomiċi. […] Id-drittijiet federattivi jaqgħu taħt id-dritt u l-obbligu ta’ plejer li jirreġistra ruħu mal-assoċjazzjoni ta’ tmexxija (pereżempju, il-United States Soccer Federation) tal-pajjiż fejn huwa residenti l-klabb tiegħu. […] It-tieni tip ta’ dritt li għandu l-plejer huwa dak tax-xogħol, li jirreferi għal kuntratt ta’ impjieg. […] It-tielet u l-aħħar dritt ta’ plejer tal-futbol huwa d-dritt ekonomiku tiegħu. […] Filwaqt li d-drittijiet federattivi u tax-xogħol huma esklużivi għall-klabbs u l-plejers, id-drittijiet ekonomiċi tal-plejers ma humiex, u dan ippermetta lil terzi jikkuntrattaw mal-plejers biex jittrasferixxu d-drittijiet ekonomiċi tagħhom sabiex jirċievu il-ħlasijiet tat-trasferiment li l-klabbs iħallsu għall-plejers.” Williams, B., “The fate of third party ownership of professional footballers’ rights: Is a complete prohibition necessary”, Texas Review of Entertainment the Entertainment Sports Law, Vol. 10, 2008, p. 79, p. 83.

( 6 ) Ir-Regolamenti STP, “Definizzjonijiet”, punt 14.

( 7 ) Il-verżjoni tal-Istatuti tal-FIFA applikabbli għal din il-kawża hija mill‑2016 u hija disponibbli hawnhekk: https://www.icsspe.org/system/files/FIFA%20Statutes.pdf. L-Istatuti tal-FIFA ġew emendati fl‑2024 u dik il-verżjoni hija disponibbli hawnhekk: https://digitalhub.fifa.com/m/16d1f7349fa19ade/original/FIFA-Statutes-2024.pdf.

( 8 ) Dawn id-dispożizzjonijiet ġew ikkunsidrati bħala dispożizzjonijiet imperattivi tad-dritt barrani fis-sens tal-Artikolu 19 tal-Loi fédérale du 18 décembre 1987 sur le droit international privé (il-Liġi Federali Svizzera dwar id-Dritt Internazzjonali Privat tat‑18 ta’ Diċembru 1987).

( 9 ) Għaldaqstant, dan l-appell ġie ppreżentat wara li r-rikorrenti ppreżentat appell quddiem il-CAS, iżda qabel ma l-CAS ta d-deċiżjoni tal-arbitraġġ.

( 10 ) Ara wkoll, f’dan ir-rigward, Maduro, M.P., u Weiler, J. H., “‘Integrity’, ‘independence’ and the internal reform of FIFA. A view from the trenches” f’Geeraert, A., u van Ekeren, F. (edituri), Good Governance in Sport - Critical Reflections, Routledge, 2022, pp. 129 sa 136.

( 11 ) F’kawża reċenti, l-Avukat Ġenerali Szpunar iddikjara li: “[…] ikun diffiċli li wieħed jiċħad li xi entitajiet privati jaġixxu b’mod qrib dak ta’ Stat jew minħabba l-poter ekonomiku tagħhom jew minħabba l-mod li bih jippromulgaw ir-‘regoli’ […]”. Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża FIFA (C‑650/22, EU:C:2024:375, punt 33). Dan wasslu sabiex jikkonkludi li l-FIFA hija effettivament suġġetta għar-regoli dwar il-moviment liberu. F’eżempju ieħor tar-rwol tagħha u tas-setgħa regolatorja tagħha bħal Stat, il-FIFA ppubblikat fl‑2017 il-Human Rights Policy tagħha (il-Politika fil-qasam tad-Drittijiet Tal-Bniedem). Għal valutazzjoni tas-suċċess imħallat tagħha, ara Mercado Jaén, P. J., Bistaraki, A., u Schubert, M., “Between rhetoric and reality: Effects of FIFA’s human rights policy on its organisational structures and procedures”, International Journal of Sport Policy and Politics, Vol. 16(3), 2024, p. 499.

( 12 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dan kien il-każ sa mis-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch (36/74, EU:C:1974:140, punt 4). Ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA (C‑650/22, EU:C:2024:824, punt 75), u tal-21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company (C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 83).

( 13 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company (C‑333/21, EU:C:2023:1011, punti 85 sa 88).

( 14 ) Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 34). Ara wkoll is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Kif dejjem iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja mis-sentenza tal‑15 ta’ Mejju 1986, Johnston (222/84, EU:C:1986:206, punti 1819).

( 16 ) Dwar ir-rekwiżit li qorti jew tribunal għandhom ikunu indipendenti, ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531, punti 5758, 71 sa 77); fuq ir-rekwiżit li qorti għandha tiġi stabbilita minn qabel bil-liġi, ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ stħarriġ straordinarju u affarijiet pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 126 sa 130).

( 17 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 51), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq l-Artikolu 47 tal-Karta sabiex tiġġustifika l-eżistenza tad-dmir tal-qrati tal-aħħar istanza biex jimmotivaw id-deċiżjoni tagħhom li ma jagħmlux rinviju. Dan juri li l-Qorti tal-Ġustizzja tara l-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari bħala t-twettiq tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ara wkoll is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, IS (Illegalità tad-digriet tar-rinviju) (C‑564/19, EU:C:2021:949, punt 76), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l‑“limitazzjonijiet għall-eżerċizzju mill-qrati nazzjonali tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilhom mill-Artikolu 267 TFUE għandhom l-effett li jillimitaw il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni”.

( 18 ) McLaren, R.H., “Twenty-five years of the Court of Arbitration for Sport: A look in the rear-view mirror’, Marquette Sports Law Review, Vol. 20, 2010, p. 305, fil-paġna 306.

( 19 ) Disponibbli hawnhekk: https://www.tas-cas.org/en/general-information/history-of-the-cas.html.

( 20 ) Nafziger, J.A.R., “International sports law: A replay of characteristics and trends”, American Journal of International Law, Vol. 86, 1992, p. 489, fil-paġna 508.

( 21 ) Sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463). Ara, f’dan ir-rigward, Duval, A., “The Court of Arbitration for Sport and EU law: Chronicle of an encounter”, Maastricht Journal of European and Comparative Law, Vol. 22(2) 2015, p. 224, fil-paġna 226.

( 22 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (Qorti EDB) spjegat fis-sentenza Mutu u Pechstein li r-regolamenti tal-FIFA tal-2001 ma pprekludewx l-aċċess tal-plejers għall-qrati ordinarji u għalhekk ma jikkostitwixxux arbitraġġ obbligatorju. Il-Qorti EDB, tal-4 ta’ Frar 2019, Mutu u Pechstein vs L-Isvizzera CE:ECHR:2018:1002JUD004057510, punt 116.

( 23 ) Ara l-Artikolu 58(1) tal-Istatuti tal-FIFA. Madankollu, l-istess dispożizzjoni teskludi, fit-tielet subparagrafu tagħha, il-ġurisdizzjoni tal-CAS f’każ ta’ appelli li jirrigwardaw (a) il-ksur tal-liġijiet tal-logħba; (b) sospensjonijiet sa erba’ logħbiet jew sa tliet xhur (bl-eċċezzjoni tad-deċiżjonijiet tad-doping); u (c) deċiżjonijiet li minnhom jista’ jsir appell quddiem tribunal ta’ arbitraġġ indipendenti u debitament ikkostitwit, irrikonoxxut skont l-istatuti ta’ assoċjazzjoni jew konfederazzjoni.

( 24 ) Artikolu 58(1) u (2) tal-Istatuti tal-FIFA.

( 25 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il-Kummissjoni (C‑124/21 P, EU:C:2023:1012, punt 223).

( 26 ) Il-FIFA għamlet l-istess fil-kawża prinċipali li minnha r-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja wassal għas-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, FIFA (C‑650/22, EU:C:2024:824, punt 32).

( 27 ) Dawn ir-raġunijiet huma previsti fl-Artikolu 190 tal-Loi federali sur le droit international privé (il-Liġi Federali Svizzera dwar id-dritt internazzjonali privat), aċċessibbli fis-sit https://www.fedlex.admin.ch/eli/cc/1988/1776_1776_1776/en. Dik il-qorti tista’ tannulla deċiżjoni ta’ arbitraġġ meta tkun kuntrarja għall-ordni pubbliku, kif mifhum fid-dritt Svizzeru.

( 28 ) Il-Qorti EDB, il‑11 ta’ Lulju 2023, Semenya vs L-Isvizzera CE:ECHR:2023:0711JUD001093421, punti 234 sa 240.

( 29 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u waqt is-seduta, il-Gvern Belġjan sostna li l-qorti tar-rinviju ppreżentat b’mod żbaljat id-dritt nazzjonali u li l-liġi inkwistjoni tippermetti effettivament l-istħarriġ ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ meta l-istħarriġ ġudizzjarju jkun ġie eżerċitat minn qorti ta’ pajjiż terz. Inqis li d-domanda magħmula ma tiddependix fuq l-interpretazzjoni korretta tad-dritt Belġjan, iżda fuq dik tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju, ladarba tirċievi r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tapplikaha għall-kawża adita biha u tinterpreta d-dritt nazzjonali rilevanti fid-dawl tagħha.

( 30 ) Sentenza tat‑23 ta’ Marzu 1982, Nordsee (102/81, EU:C:1982:107).

( 31 ) Sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269).

( 32 ) Sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158).

( 33 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il-Kummissjoni (C‑124/21 P, EU:C:2023:1012).

( 34 ) Il-Gvern Franċiż sostna, waqt is-seduta, li l-arbitraġġ tal-CAS jaqa’ sempliċement taħt l-arbitraġġ kummerċjali fis-sens ta’ Eco Swiss. Filwaqt li l-organizzazzjonijiet tal-futbol ma kinux daqshekk espliċiti, huma lkoll argumentaw li d-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ tal-CAS għandhom ikunu suġġetti għal-limitazzjonijiet stabbiliti f’dik is-sentenza.

( 35 ) Sentenza tat‑23 ta’ Marzu 1982, Nordsee (102/81, EU:C:1982:107, punt 13). Għal-letteratura kritika fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni, ara Duval, A., (nota ta’ qiegħ il-paġna 21 iktar ’il fuq), nota ta’ qiegħ il-paġna 31. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li ċerti tribunali ta’ arbitraġġ fil-fatt jissodisfaw dan il-kriterju, fejn dawn ġew stabbiliti mil-liġi, id-deċiżjonijiet tagħhom kienu vinkolanti għall-partijiet u l-ġurisdizzjoni tagħhom ma kinitx tiddependi fuq il-ftehim tagħhom. Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑17 ta’ Ottubru 1989, Handels- og Kontorfunktionærernes Forbund i Danmark (109/88, EU:C:1989:383, punti 7 sa 9); u tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Ascendi Beiras Litoral e Alta, Auto Estradas das Beiras Litoral e Alta (C‑377/13, EU:C:2014:1754, punti 22 sa 35); digriet tat‑13 ta’ Frar 2014, Merck Canada (C‑555/13, EU:C:2014:92, punti 16 sa 18).

( 36 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk spjegat li “l-qrati ordinarji jistgħu jintalbu jeżaminaw [kwistjonijiet tad-dritt tal-Unjoni] jew fil-kuntest tal-kollaborazzjoni tagħhom mat-tribunali arbitrali […] fil-kuntest tal-istħarriġ ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ […] fil-kuntest ta’ proċeduri għall-awtorizzazzjoni tal-eżekuzzjoni, jew permezz ta’ kull rimedju ġudizzjarju ieħor disponibbli taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti”. Sentenza tat‑23 ta’ Marzu 1982, Nordsee (102/81, EU:C:1982:107, punt 14).

( 37 ) Sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269, punt 35).

( 38 ) Sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269, punt 36).

( 39 ) Għal ħarsa ġenerali lejn il-ġurisprudenza dwar l-ordni pubbliku fid-dritt tal-Unjoni, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Real Madrid Club de FútbolC‑633/22, EU:C:2024:127, punti 71 sa 103). Għal kritika bikrija tal-obbligu tal-qrati nazzjonali li jistħarrġu l-ordni pubbliku tal-Unjoni, li l-kontenut tiegħu ma huwiex ċar, ara Prechal, S., u Shelkoplyas, N., “National procedural, public policy and EC law. From Van Schijndel to Eco Swiss and beyond”, European Review of Private Law, Vol. 12(5), 2004, p. 589, fil-paġni 606 sa 608.

( 40 ) Fis-sentenza tagħha tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro (C‑168/05, EU:C:2006:675, punti 3538), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-obbligu ta’ eżami mill-ġdid ex officio tal-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi huma kwistjoni ta’ ordni pubbliku.

( 41 ) Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża PL HoldingsC‑109/20, EU:C:2021:321, punti 43 sa 46.

( 42 ) Sentenza tat‑23 ta’ Marzu 1982, Nordsee (102/81, EU:C:1982:107, punt 11). Ara wkoll is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C-284/16, EU:C:2018:158, punt 55). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn l-arbitraġġ previst mit-trattati bilaterali ta’ investiment u l-arbitraġġ kummerċjali minħabba l-fatt li dan tal-aħħar joriġina mir-rieda espressa liberament tal-partijiet. Ara wkoll is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Ascendi Beiras Litoral e Alta, Auto Estradas das Beiras Litoral e Alta (C‑377/13, EU:C:2014:1754, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, fil-kuntest tal-arbitraġġ kuntrattwali, il-partijiet ma għandhomx l-obbligu, fid-dritt jew fil-fatt, li jirreferu t-tilwim tagħhom għall-arbitraġġ”.

( 43 ) Ara wkoll l-ispjegazzjoni vivaċi mogħtija minn Paulsson: “Tipikament, il-kompetenza esklużiva tal-awtoritajiet sportivi hija prevista mir-regolamenti tal-federazzjonijiet li jagħtu liċenzji għall-kompetizzjoni matul staġun jew ammissjoni għall-parteċipazzjoni f’avvenimenti speċifiċi. Il-federazzjoni inkwistjoni ġeneralment ilha teżisti għal għexieren ta’ snin jekk mhux ġenerazzjonijiet, u żviluppat, mingħajr influwenza esterna, proċedura kemxejn kumplessa u kompletament awtonoma għas-soluzzjoni tat-tilwim. Min-naħa l-oħra, il-parteċipant akkużat spiss ikun ikkonfrontat bil-proċedura bħal turist li jgħaddi minn esperjenza ta’ uragan fil-Fiġi: avveniment iżolat u tal-biża’ f’ħajtu, u li għalih ma jkun ippreparat bl-ebda mod”. Paulsson, J., (nota ta’ qiegħ il-paġna 2 iktar ’il fuq), 361.

( 44 ) Il-Qorti EDB, tal‑4 ta’ Frar 2019, Mutu u Pechstein vs L-Isvizzera CE:ECHR:2018:1002JUD004057510, punti 103 sa 108.

( 45 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il-Kummissjoni (C‑124/21 P, EU:C:2023:1012, punt 223). Il-Qorti EDB, tal‑4 ta’ Frar 2019, Mutu u Pechstein vs L-Isvizzera, CE:ECHR:2018:1002JUD004057510, punt 113.

( 46 ) Fil-fatt, il-Qorti EDB ikkonkludiet li, meta mqabbla mar-regoli tal-ISU, ir-regoli tal-FIFA tal-2001 ma kinux jipprekludu l-aċċess tal-plejers għall-qrati ordinarji u għalhekk ma kinux jikkostitwixxu arbitraġġ obbligatorju. Is-sitwazzjoni hija ċertament differenti fl-Artikolu 59(2) tal-Istatuti tal-FIFA tal-lum, billi hija allinjata mar-regoli tal-ISU. Il-Qorti EDB, tal-4 ta’ Frar 2019, Mutu u Pechstein vs L-Isvizzera, CE:ECHR:2018:1002JUD004057510, punt 116.

( 47 ) Waqt is-seduta, il-FIFA kkonfermat li s-setgħat tagħha huma bbażati fuq l-Artikolu 21 tal-Kodiċi ta’ Dixxiplina tal-FIFA, disponibbli hawnhekk: https://digitalhub.fifa.com/m/59dca8ae619101cf/original/FIFA-Disciplinary-Code-2023.pdf.

( 48 ) Sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 55).

( 49 ) Sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 34). Ara wkoll, Centeno Huerta S., u Kuplewatzky, N., “On Achmea, the autonomy of Union law, mutual trust and what lies ahead”, European Papers, Vol. 4(1), 2019, p. 61, fil-paġni 65 sa 68.

( 50 ) Sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158, punti 3637).

( 51 ) Sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158, punti 205253).

( 52 ) Sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2021, PL Holdings (C‑109/20, EU:C:2021:875, punt 54).

( 53 ) Dan ma jfissirx li l-CAS ma ġiex ikkritikat fil-letteratura. Pereżempju, xi wħud jikkritikaw ir-rekord problematiku tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem: “L-arbitraġġ sportiv mill-CAS, sakemm ikollu l-isem ta’ ‘arbitraġġ’, huwa kapaċi juża l-flessibbiltà tal-arbitraġġ biex jimmanuvra madwar talbiet dwar id-drittijiet tal-bniedem”. Shahlaei, F., “The collision between human rights and arbitration: The game of inconsistencies at the Court of Arbitration for Sport’, Arbitration International, Vol. 40(2), 2024, p. 169, fil-paġna 203. Xi wħud jindikaw b’mod aktar wiesa’ l-perikoli tal-CAS għall-protezzjoni ġudizzjarja. F’dan ir-rigward, ara Anderson, J., “‘Taking sports out of the courts’: Alternative dispute resolution and the international Court of Arbitration for Sport”, Journal of Legal Aspects of Sport, Vol. 10, 2000, p. 123. Fl-aħħar nett, il-CAS ġie kkritikat wkoll għan-nuqqas ta’ impenn xieraq tiegħu fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni. Ara Duval, A., “Towards a transnational Solange: The Court of Arbitration for Sport and EU law” fi Hörnle, T., Möllers, C., u Wagner, G. (edituri), Gerichte und ihre Äquivalente, Nomos, 2020, p. 33.

( 54 ) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat‑2 ta’ Frar 2012 dwar id-dimensjoni Ewropea fl-isport (2011/2087(INI)) (ĠU 2013 C 239E, p. 46). Din l-affermazzjoni wasslet lil Duval sabiex isostni approċċ bħas-sentenza Solange mill-qrati nazzjonali meta jeżaminaw id-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ tal-CAS. Duval, A., (nota ta’ qiegħ il-paġna 53 iktar ’il fuq), p. 42.

( 55 ) Dwar dan l-iżvolġiment, ara Biondi A., u Sangiuolo, G., “Three years after Achmea: What is said, what is unsaid, and what could follow” fi Biondi, A., u Sangiuolo, G. (edituri), The EU and the Rule of Law in International Economic Relations - An Agenda for an Enhanced Dialogue, Edward Elgar, 2021. Dwar il-konsegwenzi quddiem it-tribunali bejn investituri u l-Istati, ara Centeno Huerta, S. u Kuplewatzky, N., (nota ta’ qiegħ il-paġna 49 iktar ’il fuq), p. 68 sa 74.

( 56 ) Sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2003, Budějovický Budvar (C‑216/01, EU:C:2003:618, punt 169).

( 57 ) Sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2003, Budějovický Budvar (C‑216/01, EU:C:2003:618, punt 170). L-Unjoni għamlet dan fir-rigward tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija. Ara Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-irtirar tal-Unjoni mit-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (COM/2023/447 finali), approvata mill-Kunsill fis‑7 ta’ Marzu 2024; Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1638 tat-30 ta’ Mejju 2024 dwar l-irtirar tal-Unjoni mit-Trattat tal-Karta tal-Enerġija ST 6509 2024 INIT (ĠU L 2024, p. 1638).

( 58 ) Kif sar fid-digriet tal‑21 ta’ Settembru 2022, Romatsa et (C‑333/19, EU:C:2022:749, punt 43).

( 59 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Internazzjonali Skating Union vs Il‑Kummissjoni (C‑124/21 P, EU:C:2023:1012).

( 60 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il-Kummissjoni (C‑124/21 P, EU:C:2023:1012, punt 228).

( 61 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il-Kummissjoni (C‑124/21 P, EU:C:2023:1012, punt 193).

( 62 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, International Skating Union vs Il-Kummissjoni (C‑124/21 P, EU:C:2023:1012, punt 201).

( 63 ) Il-FIFA, l-UEFA u l-URBSFA sostnew li Royal Football Club Seraing u Doyen Sports fil-Belġju kellhom diversi rimedji ġudizzjarji, kif jixhdu proċeduri ġudizzjarji oħra mibdija b’mod parallel mal-proċedura prinċipali f’din il-kawża (bħal numru ta’ azzjonijiet quddiem it-Tribunal de première instance de Liège (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Liège, il-Belġju)). Dan l-argument fih innifsu ma jgħid xejn fuq l-inkompatibbiltà tar-regola ta’ res judicata mar-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Kull proċedura prevista mil-liġi nazzjonali għandha tkun effettiva fiha nnifisha. Dan ifisser li ma huwiex biżżejjed li tkun tista’ tinbeda proċedura, iżda wkoll li l-qorti adita jkollha setgħa reali biex tevalwa t-talbiet imressqa u li tiddeċiedi fuq it-talbiet tal-partijiet.

( 64 ) Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet ta’ Arbitraġġ Barranin (New York, l‑10 ta’ Ġunju 1958).

( 65 ) Il-Kummissjoni sostniet, waqt is-seduta, li l-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata tinterpreta d-dritt tal-Unjoni konformement mal-Konvenzjoni ta’ New York, sabiex tevita li tobbliga lill-Istati Membri jiksru l-obbligi internazzjonali tagħhom, u ibbażat ruħha fuq is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et (C‑308/06, EU:C:2008:312).

( 66 ) Sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et (C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 52). Ara wkoll is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2024, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (sentenza tas-Supreme Court) (C‑516/22, EU:C:2024:231, punt 126).

( 67 )

( 68 ) Ara wkoll Born, G. B., International Commercial Arbitration, it-Tielet Edizzjoni, Wolters Kluwer, 2020, p. 275, li jippreżenta leġiżlazzjoni u ġurisprudenza komparattivi (pereżempju, l-Istati Uniti, il-Kanada, ir-Renju Unit, il-Ġappun, Franza u l-Ġermanja) skont approċċ simili għall-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu. Għal argument simili li jgħid li l-Konvenzjoni tapplika biss għall-arbitraġġ aċċettat volontarjament, b’riferiment għall-Artikolu I (2) tal-Konvenzjoni ta’ New York (“It-terminu ‘deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ’ jinkludi mhux biss is-sentenzi mogħtija minn arbitri maħtura għal kull kawża, iżda wkoll dawk mogħtija minn korpi ta’ arbitraġġ permanenti li għalihom il-partijiet ikunu ssottomettew”), ara Wolff, R. New York Convention: Article-by-Article Commentary, Bloomsbury Collections, 2019, p. 37.

( 69 ) Interpretazzjoni (mill-ġdid) ta’ konvenzjoni internazzjonali li torbot lil Stat Membru tqieset bħala possibbiltà li wieħed jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 351 TFUE. Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2003, Budějovický Budvar (C‑216/01, EU:C:2003:618, punt 169).

( 70 ) L-Artikolu V (2)(b) tagħha jipprovdi: “Ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ jistgħu wkoll jiġu rrifjutati jekk l-awtorità kompetenti tal-pajjiż fejn jintalbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ssib li: […] (b) Ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza jmorru kontra l-ordni pubbliku ta’ dak il-pajjiż.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

( 71 ) Issejħet bħala “żiemel sfrattat” fil-letteratura. Chatterjee, C., u Lefcovitch, A., “Recognition and enforcement of arbitral awards: How effective is Article V of the New York Convention of 1958?”, International In-house Counsel Journal, Vol. 9, 2016, p. 1, fil-paġna 10.

( 72 ) Bl-istess mod, l-Avukat Ġenerali Tizzano ppropona li d-dritt għal smigħ xieraq jiġi ddefinit bħala ta’ ordni pubbliku tal-Unjoni. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Mostaza Claro (C‑168/05, EU:C:2006:265, punti 57 sa 61).