KONKLUŻJONJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fid‑9 ta’ Jannar 2025 ( 1 )

Kawża C‑581/23

Beevers Kaas BV

vs

Albert Heijn België NV,

Koninklijke Ahold Delhaize NV,

Albert Heijn BV,

Ahold België BV,

Intervenjent:

B.A. Coöperatieve Zuivelonderneming Cono

(talba għal deċiżjoni preliminari mill-Hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell, Antwerp, il-Belġju))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma – Artikolu 101(3) TFEU – Akkordji vertikali – Regolament (UE) Nru 330/2010 – Eżenzjoni – Artikolu 4(b)(i) – Restrizzjonijiet fundamentali – Eċċezzjonijiet – Konċessjonijiet esklużivi – Kundizzjonijiet – Projbizzjoni ta’ bejgħ attiv fit-territorju esklużivament allokat – Kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela – Kunċett ta’ ‘akkordju’ – Prova ta’ rieda komuni bejn il-fornitur u x-xerrejja tiegħu – Assenza ta’ bejgħ attiv minn xerrejja oħra fit-territorju esklużivament allokat tad-distributur esklużiv”

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mill-Hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell, Antwerp, il-Belġju) tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament tal-Kummissjoni Ewropea (UE) Nru 330/2010 (magħruf ukoll bħala r-“Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategoriji Vertikali”; iktar ’il quddiem “REKV”) ( 2 ). Din saret fil-kuntest ta’ kawża bejn Beevers Kaas BV, minn naħa, u Albert Heijn België NV, Koninklijke Ahold Delhaize NV, Albert Heijn BV u Ahold België BV (kollettivament, iktar ’il quddiem il-“kumpanniji Albert Heijn”), min-naħa l-oħra.

2.

Il-proċeduri jirrigwardaw l-allegat ksur minn dawn tal-aħħar ta’ konċessjoni esklużiva bejn Beevers Kaas u B.A. Coöperatieve Zuivelonderneming Cono (kumpannija kooperattiva ta’ prodotti tal-ħalib; iktar ’il quddiem “Cono”) għad-distribuzzjoni tal-ġobon Beemster ( 3 ) magħruf fil-Belġju u l-Lussemburgu.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

3.

Ir-Regolament Nru 330/2010, li l-qorti tar-rinviju tqis li huwa applikabbli għall-kawża prinċipali, segwa, b’effett mill‑1 ta’ Ġunju 2010, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999 ( 4 ). Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 330/2010, dan ir-regolament skada fil‑31 ta’ Mejju 2022.

4.

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 330/2010 stabbilixxa eżenzjoni mill-Artikolu 101(1) TFUE għal akkordji vertikali li fihom restrizzjonijiet vertikali (iktar ’il quddiem l-“eżenzjoni ġenerali”).

5.

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 330/2010 kien jikkonċerna “restrizzjonijiet fundamentali” li, ħlief għal xi eċċezzjonijiet, ma setgħux jibbenefikaw mill-eżenzjoni ġenerali prevista fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament. L-Artikolu 4 kien jipprovdi:

“L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 ma għandhiex tapplika għal akkordji vertikali li, direttament jew indirettament, waħedhom jew flimkien ma’ fatturi oħra taħt il-kontroll tal-partijiet, ikollhom bħala għan:

[…]

(b)

ir-restrizzjoni tat-territorju li fih, jew tal-klijenti li lilhom, xerrej li jkun parti fl-akkordju jkun jista’ jbiegħ l-oġġetti jew servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt, ħlief:

(i)

ir-restrizzjoni ta’ bejgħ attiv fit-territorju esklużiv jew lil grupp esklużiv ta’ klijenti riżervat għall-fornitur jew allokat mill-fornitur lil xerrej ieħor, fejn din ir-restrizzjoni ma tillimitax il-bejgħ mill-klijenti tax-xerrej,

[…]”

6.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/720 ( 5 ), li segwa r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 330/2010, daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Ġunju 2022 u għandu jiskadi fil‑31 ta’ Mejju 2034, skont l-Artikoli 10 u 11 tiegħu.

7.

Il-Linji Gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar Restrizzjonijiet Vertikali ( 6 ) ġew ippubblikati fl-istess żmien li ġie adottat ir-Regolament Nru 330/2010.

8.

Skont il-paragrafu 25 tal-Linji Gwida tal‑2010:

“[…]

(a)

Ir-[Regolament Nru 330/2010] japplika għal akkordji u prattiċi mifthiema. […] Sabiex ikun hemm akkordju fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 101 [TFUE], hu suffiċjenti li l-partijiet ikunu esprimew l-intenzjoni konġunta tagħhom li jġibu ruħhom b’mod speċifiku fis-suq. Il-forma li biha dik l-intenzjoni hi espressa hi irrilevanti sakemm din tikkostitwixxi espressjoni fidila tal-intenzjoni tal-partijiet. Fil-każ li ma jkun hemm l-ebda akkordju espliċitu li jesprimi rieda komuni, il-Kummissjoni trid tipprova li l-politika unilaterali ta’ parti waħda għandha l-kunsens tal-parti l-oħra. Għal akkordji vertikali, hemm żewġ modi li bihom jista’ jiġi stabbilit kunsens għal politika unilaterali partikolari. L-ewwel nett, il-kunsens jista’ jiġi dedott mill-poteri mogħtija lill-partijiet f’akkordju ġenerali mfassal minn qabel. Jekk il-klawżoli tal-akkordju imfassal minn qabel jipprevedu jew jawtorizzaw parti biex tadotta sussegwentement politika unilaterali speċifika li se torbot lill-parti l-oħra, il-kunsens min-naħa tal-parti l-oħra għal dik il-politika jista’ jiġi stabbilit fuq il-bażi tagħha. […] It-tieni nett, fin-nuqqas ta’ tali kunsens espliċitu, il-Kummissjoni tista’ turi l-esżistenza ta’ kunsens taċitu. Għal dan hu meħtieġ li l-ewwel jintwera li parti tirrikjedi, b’mod espliċitu jew impliċitu, il-koperazzjoni tal-parti l-oħra għall-implimentazzjoni tal-politika unilaterali tagħha u t-tieni li l-parti l-oħra kkonformat ma’ dak ir-rekwiżit billi fil-prattika implimentat dik il-politika unilaterali. […] [Għal] akkordji vertikali, il-kunsens taċitu jista’ jiġi dedott mil-livell ta’ koerċizzjoni eżerċitat minn parti sabiex timponi l-politika unilaterali tagħha fuq il-parti jew il-partijiet l-oħra fl-akkordju flimkien man-numru ta’ distributuri li huma attwalment qegħdin jimplimentaw fil-prattika l-politika unilaterali tal-fornitur. Pereżempju, sistema ta’ monitoraġġ u penalijiet, imwaqqfa minn fornitur sabiex jippenalizza lil dawk id-distributuri li ma jikkomformawx mal-politika unilaterali tiegħu, tindika kunsens taċitu għall-politika unilaterali tal-fornitur jekk din is-sistema tippermetti lill-fornitur jimplimenta fil-prattika l-politika tiegħu. […]”

9.

Il-paragrafu 51 tal-Linji Gwida tal‑2010 jipprovdi li:

“Hemm erba’ eċċezzjonijiet għar-restrizzjoni fundamentali fl-Artikolu 4(b) tar-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija. L-ewwel eċċezzjoni fl-Artikolu 4(b)(i) tippermetti fornitur li jirrestrinġi bejgħ attiv minn parti xerrejja fl-akkordju għal territorju jew grupp ta’ klijenti li kienu allokati esklużivament lil xerrej ieħor jew li l-fornitur irriżerva għalih innifsu. Territorju jew grupp ta’ klijenti huma esklużivament allokati meta l-fornitur jaqbel li jbigħ il-prodott tiegħu lil distributur wieħed biss għad-distribuzzjoni f’territorju partikolari jew lil grupp ta’ klijenti partikolari u d-distributur esklużiv ikun protett kontra bejgħ attiv fit-territorju tiegħu jew lill-grupp ta’ klijenti tiegħu mix-xerrejja l-oħra kollha tal-fornitur fi ħdan l-Unjoni, irrispettivament mill-bejgħ tal-fornitur. Il-fornitur jitħalla jgħaqqad l-allokazzjoni ta’ territorju esklużiv u grupp ta’ klijenti esklużiv billi pereżempju jaħtar distributur esklużiv għal grupp ta’ klijenti partikolari f’ċertu territorju. Tali protezzjoni ta’ territorji jew gruppi ta’ klijenti esklużivament allokati għandha, madankollu, tippermetti bejgħ passiv lil tali territorji jew gruppi ta’ klijenti. Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4(b) tar-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija, il-Kummissjoni tinterpreta bejgħ “attiv” […] kif ġej:

Bejgħ ‘attiv’ ifisser li l-klijenti individwali jiġu kkuntattjati attivament permezz ta’ pereżempju posta diretta, inkluż li jintbagħtu ittri elettroniċi mhux mitluba, jew permezz ta’ żjarat; jew li grupp ta’ klijenti speċifiku jew klijenti f’territorju speċifiku jiġu kkuntattjati attivament permezz ta’ riklami fil-midja, fuq l-internet jew permezz ta’ promozzjonijet mmirati speċifikament lejn dak il-grupp ta’ klijenti jew immirat lejn klijenti f’dak it-territorju. Reklamar jew promozzjoni li jkunu attraenti biss għax-xerrej jekk jilħaq (ukoll) grupp ta’ klijenti speċifiku jew klijenti f’territorju speċifiku, huma kkunsidrati bejgħ attiv lil dak il-grupp ta’ klijenti jew lil klijenti f’dak it-territorju.

[…]”

B.   Id‑dritt Belġjan

10.

L-Artikolu VI.104 tal-Wetboek van economisch recht (il-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku, iktar ’il quddiem il-“WER”) tat-28 ta’ Frar 2013 jipprovdi:

“Kull att kuntrarju għall-prattika onesta tas-suq li permezz tiegħu impriża taffettwa jew tista’ taffettwa ħażin l-interessi professjonali ta’ impriża waħda jew iktar għandu jkun ipprojbit.”

II. Il-fatti li wasslu għat-tilwima mertu tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11.

Beevers Kaas, l-appellanti fil-kawża prinċipali, hija d-distributur esklużiv tal-ġobon Beemster fil-Belġju, li hija tixtri mingħand il-produttur Cono, kumpannija stabbilita fl-Olanda.

12.

Mill‑1 ta’ Jannar 1993, kien hemm konċessjoni esklużiva bejn Cono u Beevers Kaas għad-distribuzzjoni tal-ġobon Beemster fil-Belġju u fil-Lussemburgu (iktar ’il quddiem il-“konċessjoni esklużiva”).

13.

Il-kumpanniji Albert Heijn huma attivi fis-settur tas-supermarkits fil-Belġju u fl-Olanda. Huma xerrejja ( 7 ) tal-ġobon Beemster prodott minn Cono għal swieq barra mill-Belġju u l-Lussemburgu.

14.

Beevers Kaas takkuża lill-kumpanniji Albert Heijn li kisru prattika onesta tas-suq billi wettqu attivitajiet fil-Belġju li għandhom l-effett dirett jew indirett li jiksru d-drittijiet ta’ esklużività ta’ Beevers Kaas taħt il-konċessjoni esklużiva, minkejja li kienu jaf li Cono hija marbuta b’dan il-ftehim.

15.

Skont il-kumpanniji Albert Heijn, Beevers Kaas u Cono qegħdin jippruvaw jimponu fuqhom projbizzjoni attiva tal-bejgħ, li hija pprojbita. Huma jqisu li l-konċessjoni esklużiva ma teħtieġx li Cono tipproteġi lil Beevers Kaas minn bejgħ attiv minn xerrejja oħra u li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stretti tad-dritt tal-kompetizzjoni sabiex projbizzjoni ta’ bejgħ mill-ġdid tkun iġġustifikata.

16.

Permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2021, il-President tal-onderemingsrechtbank Antwerpen (il-Qorti tan-Negozju, Antwerp, il-Belġju) ċaħad bħala infondata l-azzjoni ppreżentata minn Beevers Kaas minħabba li “minn ebda dispożizzjoni kuntrattwali jew leġiżlattiva ma jirriżulta li l-impriżi huma pprojbiti milli jiksbu provvisti direttament, fl-Olanda, mingħand Cono u milli jqassmuhom fil-Belġju”. B’mod partikolari, il-president ta’ din il-qorti enfasizza l-fatt li l-konċessjoni esklużiva tipprovdi biss li Cono ma setgħetx tbigħ hija stess lil distributuri Belġjani. L-interpretazzjoni ta’ Beevers Kaas tkun tfisser li l-impriżi kollha, kull fejn ikunu stabbiliti, għandhom jikkonformaw ma’ dan il-ftehim u joqogħdu lura milli jbigħu l-ġobon ta’ Cono fil-Belġju. Bl-istess mod, Beevers Kaas ma tgawdi l-ebda protezzjoni kuntrattwali fit-territorju esklużiv tagħha fil-Belġju kontra bejgħ attiv minn xerrejja oħra li jiksbu l-provvisti tagħhom mingħand Cono.

17.

Beevers Kaas ippreżentat appell minn din is-sentenza quddiem il-Hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell, Antwerp, il-Belġju), li hija l-qorti tar-rinviju.

18.

Quddiem din il-qorti, il-partijiet ma humiex qed jaqblu dwar jekk il-konċessjoni esklużiva tikkonformax mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010 u, b’mod partikolari, mal-kundizzjoni magħrufa bħala l-“kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela”. Taħt din il-kundizzjoni l-fornitur huwa meħtieġ li jipproteġi lid-distributur esklużiv tiegħu minn bejgħ attiv fit-territorju esklużiv mid-distributuri/xerrejja l-oħra kollha tiegħu fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

19.

Permezz ta’ sentenza provviżorja tas‑27 ta’ April 2022, il-qorti tar-rinviju iddeċidiet il-kawża dwar il-kontenut u l-portata tal-konċessjoni esklużiva favur Beevers Kaas. Hija ddeċidiet li Beevers Kaas kienet uriet li l-kumpanniji Albert Heijn kienu, tal-inqas taċitament, aċċettaw il-projbizzjoni tal-bejgħ attiv. Madankollu, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, Beevers Kaas għandha turi wkoll li d-distributuri/xerrejja kollha minbarra l-kumpanniji Albert Heijn aċċettaw tali projbizzjoni.

20.

Il-qorti tar-rinviju taqbel mal-osservazzjoni magħmula mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni Belġjana (iktar ’il quddiem l-“ANK”), mitluba minn dik il-qorti sabiex tintervjeni bħala amicus curiae, li skontha l-kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela għandha tiġi ssodisfatta sabiex il-projbizzjoni attiva tal-bejgħ tkun leġittima. Din il-kundizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-kunċett ta’ “akkordju” fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu IV.1 tal-WER.

21.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tinnota li r-Regolament Nru 330/2010 u l-Linji Gwida tal‑2010 ma jispeċifikawx kif il-fornitur għandu jipproteġi lid-distributuri esklużivi tiegħu minn bejgħ attiv fit-territorju esklużiv mix-xerrejja l-oħra tal-fornitur. B’mod partikolari, dawn ma jindikawx kif il-fornitur għandu jikkomunika l-projbizzjoni tal-bejgħ attiv lix-xerrejja l-oħra tiegħu, jew kif dawn ix-xerrejja għandhom jaċċettaw tali projbizzjoni.

22.

F’dan il-każ, ma teżisti ebda prova tal-aċċettazzjoni espressa tal-projbizzjoni tal-bejgħ attiv mix-xerrejja l-oħra kollha ta’ Cono. L-ANK tqis li l-qorti tar-rinviju tista’ tiddeduċi kunsens taċitu għal din il-projbizzjoni mis-sempliċi fatt li, fil-preżent, ebda wieħed minn dawn ix-xerrejja ma biegħ prodotti mixtrija mingħand Cono fil-Belġju. Beevers Kaas taqbel ma’ din l-interpretazzjoni u għalhekk tqis li ppruvat b’mod suffiċjenti li x-xerrejja kollha ta’ Cono aċċettaw il-projbizzjoni tal-bejgħ attiv.

23.

Min-naħa l-oħra, il-kumpanniji Albert Heijn iqisu li, sabiex ikun hemm kunsens taċitu, Beevers Kaas għandha turi li l-istrateġija ta’ Cono, jiġifieri li l-ebda prodott Beemster mixtri fl-Olanda ma jista’ jinbiegħ b’mod attiv fil-Belġju, ġiet ikkomunikata lix-xerrejja kollha tagħha.

24.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell, Antwerp) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)

Il-kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela prevista fl-Artikolu 4(b)(i) tar-[Regolament Nru 330/2010] tista’ titqies bħala ssodisfatta, u l-fornitur li jissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra [ta’ dan ir-regolament] jista’ għalhekk validament jipprojbixxi l-bejgħ attiv ta’ wieħed mix-xerrejja tiegħu f’territorju li għalih kien ġie esklużivament allokat xerrej ieħor, abbażi biss tal-konstatazzjoni li x-xerrejja l-oħra ma jwettqux bejgħ attiv f’dan it-territorju? […] [L]-eżistenza ta’ ftehim rigward il-projbizzjoni ta’ bejgħ attiv bejn xerrejja oħra u fornitur hija pprovata b’mod suffiċjenti abbażi biss li jiġi stabbilit li x-xerrejja l-oħra ma jwettqux bejgħ attiv fit-territorju esklużivament allokat?

(2)

Il-kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela prevista fl-Artikolu 4(b)(i) tar-[Regolament Nru 330/2010] tista’ titqies bħala ssodisfatta, u l-fornitur li jissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra [ta’ dan ir-regolament] jista’ għalhekk validament jipprojbixxi l-bejgħ attiv ta’ wieħed mix-xerrejja tiegħu f’territorju li għalih kien ġie esklużivament allokat xerrej ieħor, meta l-fornitur jirċievi l-aċċettazzjoni tax-xerrejja l-oħra tiegħu biss jekk u meta jimpenjaw ruħhom li jwettqu bejgħ attiv fit-territorju esklużivament allokat? Jew bil-kontra, huwa meħtieġ li din l-aċċettazzjoni tkun inkisbet minn kull xerrej tal-fornitur, irrispettivament minn jekk dan ix-xerrej kienx impenja ruħu li jwettaq bejgħ attiv fit-territorju esklużivament allokat?”

III. Il-proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

25.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Beevers Kaas, il-kumpanniji Albert Heijn, Cono, il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni. Fis‑16 ta’ Ottubru 2024 saret seduta, li fiha kienu rrappreżentati dawn il-partijiet.

IV. Evalwazzjoni

A.   L‑ewwel domanda preliminari

26.

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010 għandux jiġi interpretat fis-sens li – f’sitwazzjoni fejn fornitur ikun alloka territorju esklużiv lil distributur partikolari – is-sempliċi konstatazzjoni li x-xerrejja l-oħra tiegħu (jiġifieri, xerrejja li ma jgawdux minn tali arranġament esklużiv speċifiku) ma jwettqux bejgħ attiv f’dak it-territorju hijiex biżżejjed biex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ftehim bejn dak il-fornitur u dawk ix-xerrejja l-oħra dwar il-projbizzjoni tal-bejgħ attiv f’dak it-territorju.

1. Jekk il-kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela tifformax parti mill-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010

27.

Fl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tinvoka l-kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi evalwat jekk elementi fl-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010 jippermettux lill-Qorti tal-Ġustizzja tasal għall-konklużjoni – għall-ewwel darba fil-ġurisprudenza tagħha – li dan l-artikolu fih kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela, minkejja l-fatt li dan l-artikolu ma jirreferix espliċitament għal tali kundizzjoni.

28.

Għandu jiġi mfakkar li, sabiex tiġi ddeterminata l-portata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, fl-istess ħin, it-termini, il-kuntest u l-għanijiet tagħha ( 8 ).

29.

Huwa xieraq li wieħed jibda mill-kuntest tal-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010.

30.

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprevedi, taħt ċerti kundizzjonijiet, eżenzjoni ta’ kategorija tal-akkordji vertikali mill-projbizzjoni fl-Artikolu 101(1) TFUE, u b’hekk joħloq port sigur għal dawn l-akkordji.

31.

Fl-istess ħin, dan jeskludi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija ċerti tipi ta’ akkordji vertikali, li, irrispettivament mis-sehem mis-suq tal-impriżi kkonċernati, fihom ċerti tipi ta’ restrizzjonijiet serji għall-kompetizzjoni. Dawn huma akkordji li fihom restrizzjonijiet fundamentali kif previst fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

32.

Għalhekk, skont l-Artikolu 4(b) tar-Regolament Nru 330/2010, l-eżenzjoni ta’ kategorija prevista ma tapplikax għal akkordji vertikali li, direttament jew indirettament, għandhom bħala għan ir-restrizzjoni tat-territorju li fih, jew il-klijenti li lilhom, xerrej li jkun parti fl-akkordju jkun jista’ jbigħ l-oġġetti jew servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt, mingħajr preġudizzju għal restrizzjoni dwar il-post ta’ stabbiliment.

33.

L-Artikolu 4(b) tar-Regolament Nru 330/2010 madankollu jipprevedi erba’ eċċezzjonijiet. Ir-restrizzjonijiet koperti minn dawn l-eċċezzjonijiet ma humiex ikkunsidrati minn tali regolament bħala restrizzjonijiet fundamentali u, għalhekk, ma jwasslux għal ċaħda tal-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija għall-akkordju inkwistjoni. Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni tippermetti li erba’ tipi ta’ restrizzjonijiet jibqgħu jiġu koperti mill-eżenzjoni ta’ kategorija.

34.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li dan l-artikolu jipprovdi għal erba’ eċċezzjonijiet (għal eċċezzjoni), u eċċezzjonijiet għar-regola għandhom jiġu interpretati b’mod strett ( 9 ).

35.

Dan iwassalni għall-għan tal-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010. L-għan tiegħu, li jirriżulta mill-kliem użat, kien li jeżenta r-restrizzjonijiet ta’ bejgħ attiv fit-territorju esklużiv ta’ distributur/xerrej (iktar ’il quddiem il-“projbizzjoni ta’ bejgħ attiv” ( 10 )), fejn tali restrizzjonijiet jinsabu fi ftehim vinkolanti bejn il-fornitur u x-xerrejja l-oħra tiegħu ( 11 ).

36.

Għalhekk, f’dan il-każ, l-eċċezzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni tippermetti – sakemm jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet taħt din id-dispożizzjoni – lill-fornitur (Cono) li jalloka territorju esklużivament lil wieħed mid-distributuri/xerrejja tiegħu (Beevers Kaas) u, fl-istess ħin, jirrestrinġi l-bejgħ attiv tax-xerrejja l-oħra tiegħu f’dak it-territorju.

37.

Fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010, kif diġà osservajt iktar ’il fuq ( 12 ) u kif ġie wkoll spjegat tajjeb fir-Rapport tal-Espert dwar l-Istħarriġ tar-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija Vertikali ( 13 ), il-kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela – jiġifieri, “kundizzjoni li tippermetti li restrizzjoni tal-bejgħ attiv tibbenefika mill-eżenzjoni ta’ kategorija”, li timpatta r-relazzjoni bejn il-fornitur (Cono) u d-distributuri/xerrejja f’dan il-każ, ma hijiex riflessa b’mod espliċitu fl-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament [Nru] 330/2010, iżda [hija] marbuta fil-punt 51 tal-Linji Gwida [2010] mal-kunċett ta’ ‘allokazzjoni esklużiva’”. Minn dan isegwi li għandu jiġi vverifikat jekk din il-kundizzjoni tifformax parti mill-Artikolu 4(b)(i) u għalhekk tikkostitwixxix kundizzjoni li għandha tiġi ssodisfatta sabiex dan l-artikolu jsir applikabbli f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali.

38.

Jekk jiġi stabbilit li dan huwa l-każ, allura l-kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela tkun tfisser li l-għoti ta’ esklużività territorjali lil distributur/xerrej speċifiku (Beevers Kaas) u l-applikazzjoni tal-projbizzjoni tal-bejgħ attiv lix-xerrejja l-oħra kollha tkun akkumpanjata minn obbligu għall-fornitur (Cono) li jipproteġi d-drittijiet ta’ distribuzzjoni esklużiva ta’ tali xerrej fil-konfront tax-xerrejja l-oħra kollha tiegħu.

39.

Il-kunċett ta’ “distribuzzjoni esklużiva” jindika sitwazzjoni fejn territorju (jew grupp ta’ klijenti) huwa “allokat esklużivament”, jiġifieri, meta l-fornitur jaqbel li jbigħ il-prodott tiegħu lil xerrej wieħed biss għad-distribuzzjoni f’territorju partikolari (jew lil grupp ta’ klijenti partikolari) ( 14 ).

40.

L-ewwel, fil-fehma tiegħi, jirriżulta impliċitament ( 15 ) mill-kliem tal-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010, u b’mod partikolari mit-termini “territorju esklużiv”, li fornitur jista’ jalloka territorju esklużiv lil wieħed mix-xerrejja tiegħu. Id-denominazzjoni ta’ territorju esklużiv tfisser neċessarjament li xerrej speċifiku biss jingħata d-dritt li jqassam il-prodott f’dak it-territorju partikolari. Sabiex l-esklużività tkun effettiva, it-tgawdija tad-dritt mogħti lil tali xerrej għandha tkun protetta minn dannu potenzjali. Għalhekk, jekk fornitur jiddeċiedi li jagħmel użu mill-eċċezzjoni mir-restrizzjonijiet fundamentali, dan il-fornitur għandu obbligu korrispondenti li jiżgura l-effettività ta’ din l-allokazzjoni esklużiva ta’ territorju, inkluż billi jipproteġi lil dan ix-xerrej kontra bejgħ attiv f’dak it-territorju mix-xerrejja l-oħra kollha tal-fornitur.

41.

Tabilħaqq, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, il-possibbiltà għal fornitur li jalloka, fuq bażi esklużiva, territorju partikolari lil wieħed mid-distributuri/xerrejja tiegħu tiġi mċaħħda minn kull effettività li kieku d-distributur/xerrej esklużiv ma jkunx protett minn bejgħ attiv f’dak it-territorju mix-xerrejja l-oħra tal-fornitur ( 16 ). F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti ddeċidiet li, meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tkun miftuħa għal numru ta’ interpretazzjonijiet, għandha tingħata preferenza lil dik l-interpretazzjoni li tiżgura li d-dispożizzjoni żżomm l-effettività tagħha ( 17 ).

42.

It-tieni, mill-kliem tal-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010 jirriżulta b’mod espliċitu li fornitur jista’ jirrestrinġi l-bejgħ attiv minn xerrejja oħra fit-territorju esklużiv. Din il-possibbiltà tiġi mċaħħda mill-essenza tagħha u ma tkun xejn ħlief kliem fieragħ li kieku ma tkunx akkumpanjata minn obbligu fuq il-fornitur li jiggarantixxi li r-restrizzjoni tal-bejgħ attiv tiġi effettivament osservata minn dawn ix-xerrejja l-oħra. Fl-istess ħin, għandu jiġi nnotat li tali obbligu jirriżulta biss jekk fornitur ikun intenda jagħmel użu mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(b)(i), u fil-fatt hekk għamel.

43.

Minn dan isegwi li billi jippermetti restrizzjonijiet fuq bejgħ attiv f’“territorju esklużiv”, ir-Regolament Nru 330/2010 jinkludi l-kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela fis-sistema tal-Artikolu 4(b)(i) ta’ dan ir-regolament.

44.

Il-premessa 5 tar-Regolament Nru 330/2010 tispjega li “l-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija stabbilita b’dan ir-Regolament għandu jkun limitat għall-akkordji vertikali li fir-rigward tagħhom wieħed jista’ jassumi b’ċertezza suffiċjenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-[TFUE].”

45.

Il-premessi 6 u 7 ta’ dan ir-regolament jispjegaw li ċerti tipi ta’ akkordji vertikali jistgħu jtejbu l-effiċjenza ekonomika, iwasslu għal tnaqqis fl-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u għall-ottimizzar tal-livelli tal-bejgħ u tal-investimenti. Minn dawn il-premessi jirriżulta li tali effetti li jsaħħu l-effiċjenza jistgħu jegħlbu kwalunkwe effetti antikompetittivi, sakemm ir-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament jiġu ssodisfatti.

46.

Fl-aħħar, il-premessa 10 tar-Regolament Nru 330/2010 tippreċiża, b’mod partikolari, li “[d]an ir-Regolament ma għandux jeżenta akkordji vertikali li jkunu jinkludu restrizzjonijiet li x’aktarx iwasslu għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni u jikkawżaw dannu lill-konsumaturi jew mhumiex indispensabbli biex jinkisbu l-effetti li jsaħħu l-effiċjenza.”

47.

Minn dan isegwi li akkordji bħal dawk fil-kawża preżenti jistgħu, bħala prinċipju, jiġu kkunsidrati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 101(3) TFUE. Madankollu, sabiex l-eċċezzjoni taħt l-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010 tipproduċi l-effetti li jsaħħu l-effiċjenza, il-kundizzjonijiet ta’ din l-eċċezzjoni għandhom jiġu ssodisfatti u implimentati b’mod effettiv mill-partijiet ikkonċernati. Fi kliem ieħor, akkordju speċifiku jew prattika miftiehma tkun eżentata mill-projbizzjoni ġenerali biss meta l-kundizzjonijiet preskritti minn dan ir-regolament jiġu implimentati b’mod effettiv u jkunu jistgħu jipproduċu tali effetti li jtejbu l-effiċjenza. Meta applikata għall-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(b)(i), ikun possibbli li jintlaħaq dan l-għan biss meta l-esklużività u l-projbizzjoni tal-bejgħ attiv jiġu kkombinati ma’ protezzjoni effettiva tal-esklużività mogħtija mill-fornitur.

48.

Meta jitqies l-għan tal-eżenzjoni ta’ kategorija prevista mir-Regolament Nru 330/2010, kif indikat fil-premessi tiegħu, ir-raġuni li l-kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela hija kundizzjoni hija li l-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010 huwa applikabbli biss għal konċessjonijiet esklużivi li ġenwinament jinkoraġġixxu lid-distributur esklużiv biex jinvesti fl-attivitajiet ta’ bejgħ tiegħu fit-territorju esklużiv ( 18 ).

49.

F’sitwazzjoni bħal din, sabiex jiġi ggarantit dan l-istimulant, huwa meħtieġ li l-fornitur jillimita effettivament il-bejgħ attiv fit-territorju esklużiv mix-xerrejja l-oħra kollha fiż-ŻEE ( 19 ).

50.

L-interpretazzjoni ta’ hawn fuq tal-kliem tar-Regolament Nru 330/2010 ġiet inkluża fil-Linji Gwida tal‑2010 tal-Kummissjoni, li akkumpanjaw dan ir-regolament. F’dan ir-rigward, infakkar li, filwaqt li bħala ‘soft law’ ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni hija l-awtur ta’ dan ir-regolament u għalhekk il-linji gwida li jakkumpanjawh huma, bħala prinċipju, għodda rilevanti għall-interpretazzjoni korretta ta’ dak li l-leġiżlatur (f’dan il-każ, il-Kummissjoni) ried li jfisser. Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-passat, invokat l-istess linji gwida insostenn tal-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 101(1) TFUE ( 20 ). Dan il-qari tal-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010 – fid-dawl tal-linji gwida li jakkumpanjawh – huwa konformi mal-għanijiet ta’ dan ir-regolament, li, flimkien mal-linji gwida, huwa intiż li jiżgura ċ-ċertezza legali u l-applikazzjoni uniformi tal-liġi tal-kompetizzjoni fl-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 101 TFUE.

51.

Tabilħaqq, il-paragrafu 51 tal-Linji Gwida tal‑2010 jispjega li “[t]erritorju jew grupp ta’ klijenti huma esklużivament allokati meta l-fornitur jaqbel li jbigħ il-prodott tiegħu lil distributur wieħed biss għad-distribuzzjoni f’territorju partikolari jew lil grupp ta’ klijenti partikolari u d-distributur esklużiv ikun protett kontra bejgħ attiv fit-territorju tiegħu jew lill-grupp ta’ klijenti tiegħu mix-xerrejja l-oħra kollha tal-fornitur fi ħdan l-Unjoni [Ewropea], irrispettivament mill-bejgħ tal-fornitur” (enfasi miżjuda). Minn dan isegwi li l-ispjegazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fil-linji gwida tagħha torbot l-esklużività u r-restrizzjoni tal-bejgħ attiv mal-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet li jirriżultaw minn dawn l-arranġamenti.

52.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela tifforma parti integrali mis-sistema tal-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010 u li, f’dan il-kuntest, il-Linji Gwida tal‑2010 għandhom l-għan li jiċċaraw kif il-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni għandhom jiġu applikati fil-prattika.

53.

Inqis li l-interpretazzjoni ta’ hawn fuq hija kkonfermata mir-regolament il-ġdid, jiġifieri r-Regolament tal-Kummissjoni 2022/720, li ssostitwixxa r-Regolament Nru 330/2010 u, kif spjegat fil-premessa 2 tar-Regolament 2022/720, huwa bbażat fuq l-esperjenza ġeneralment pożittiva tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 330/2010.

54.

Kif spjegat il-Kummissjoni waqt is-seduta, ir-Regolament 2022/720, peress li ġie adottat bil-għan li jiċċara ċerti elementi, minn issa ’l quddiem jistabbilixxi b’mod espliċitu definizzjoni ta’ “sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva”. Għalhekk, sabiex jiġu spjegati aħjar ir-regoli u biex tiġi pprovduta ċertezza legali għall-operaturi li jiddependu fuq ir-regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija vertikali, ir-regolament il-ġdid jinkludi – fid-definizzjoni ta’ sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva – il-kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela. Fi kliem ieħor, dan ir-regolament issa jinkludi definizzjoni espliċita tal-kundizzjonijiet relatati ma’ din is-sistema ta’ distribuzzjoni, li, fil-fehma tiegħi, ir-regolament preċedenti kien jipprevedi b’mod impliċitu. Ir-regolament il-ġdid ifittex b’mod ċar li jorbot il-kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela mal-esklużività ( 21 ).

55.

F’dan ir-rigward, il-Linji Gwida tal‑2022 dwar Restrizzjonijiet Vertikali ( 22 ) jispjegaw li “[s]abiex jiġu ppreservati l-inċentivi ta’ investiment tagħhom, il-fornitur jeħtieġlu jipproteġi lid-distributuri esklużivi minn bejgħ attiv, inkluż minn reklamar online mmirat, fit-territorju esklużiv tagħhom jew lill-grupp esklużiv ta’ klijenti tagħhom mix-xerrejja l-oħrajn kollha tal-fornitur.”

2. Kif tista’ tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela?

56.

Mill-analiżi ta’ hawn fuq jirriżulta li sabiex il-kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela tiġi ssodisfatta f’dan il-każ, għandu l-ewwel jintwera li kien hemm jew jeżisti ftehim bejn il-fornitur (Cono) u x-xerrejja kollha tiegħu. Tabilħaqq mill-loġika tar-reġim ta’ eżenzjoni taħt l-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010 jirriżulta li l-eċċezzjoni mir-“restrizzjonijiet li jneħħu l-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija - restrizzjonijiet fundamentali” issir applikabbli biss fejn partijiet (il-fornitur u x-xerrejja tiegħu) jkunu qablu li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet ipprovduti f’dak l-artikolu.

57.

Jidhirli li, fl-ispirtu tal-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010, l-iktar mod ovvju ta’ kif tintwera l-konformità mal-kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela jkun l-inserzjoni ta’ klawżola espliċita fl-akkordji vinkolanti bil-miktub bejn il-fornitur u x-xerrejja l-oħra kollha tiegħu fejn jaqblu li jirrestrinġu l-bejgħ attiv ( 23 ). Soluzzjoni bħal din tkun l-iktar waħda preferibbli fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. F’dan ir-rigward, ninnota li, fil-kawża prinċipali, diġà ġie deċiż, permezz ta’ sentenza li saret definittiva, li l-esklużività mogħtija lil Beevers Kaas neċessarjament timplika obbligu għal Cono li tipproteġi lil Beevers Kaas minn bejgħ attiv mix-xerrejja l-oħra kollha fil-Belġju u l-Lussemburgu ( 24 ).

58.

Peress li l-kawża prinċipali tidher li la għandha klawżoli espliċiti ( 25 ) bħal dawn u lanqas ftehim bil-miktub, il-kwistjonijiet prinċipali li għandhom jiġu indirizzati f’dan il-każ huma (i) il-klassifikazzjoni ġuridika tar-relazzjoni bejn il-fornitur (Cono) u x-xerrejja l-oħra tiegħu; u (ii) l-identifikazzjoni tal-konsegwenzi, li għandhom jinsiltu minn din ir-relazzjoni.

59.

Minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni fir-Regolament Nru 330/2010 dwar kif għandha tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela, b’mod partikolari, sabiex jintwera li l-partijiet qablu mal-kundizzjonijiet sottostanti għal din il-kundizzjoni, għandu jsir riferiment għall-kunċett ta’ akkordju fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.

60.

Minn dan isegwi – kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju – li għandu jiġi eżaminat jekk kienx jeżisti, b’mod parallel mal-konċessjoni esklużiva bejn Cono u Beevers Kaas, akkordju, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – bejn il-fornitur Cono u x-xerrejja l-oħra tiegħu dwar projbizzjoni tal-bejgħ attiv fit-territorju esklużivament allokat lil Beevers Kaas.

61.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħmilha ċara, b’mod partikolari, li “sabiex jikkostitwixxi akkordju fis-sens tal-Artikolu [101(1) TFUE], huwa biżżejjed li att jew imġiba apparentament unilaterali jkunu l-espressjoni tal-qbil tal-volontajiet ta’ minn ta’ l-anqas żewġ partijiet peress illi l-forma li fiha jkun espress dan il-qbil mhix determinanti fiha nfisha” ( 26 ).

62.

Barra minn hekk, din il-ġurisprudenza tirrileva li “l-volontà tal-partijiet tista’ tirriżulta kemm minn klawżoli tal-kuntratt ta’ konċessjoni in kwistjoni u kemm mill-imġiba tal-partijiet u, b’mod partikolari, mill-eżistenza eventwali ta’ kunsens taċitu min-naħa tal-konċessjonarji għas-sejħa tal-manifattur” ( 27 ). Dan ir-raġunament huwa applikabbli wkoll għar-relazzjoni bejn fornitur u d-distributuri/xerrejja tiegħu, bħal dik fil-kawża prinċipali.

63.

Skont il-ġurisprudenza fil-kawża Bayer ( 28 ), tali akkordju ma jistax ikun ibbażat fuq dik li hija biss l-espressjoni ta’ politika unilaterali ta’ waħda mill-partijiet kontraenti, li tista’ tiġi implimentata mingħajr l-assistenza ta’ ħaddieħor. Sabiex akkordju fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE jkun jista’ jitqies li ġie konkluż b’kunsens taċitu, “jeħtieġ li l-manifestazzjoni tax-xewqa ta’ waħda mill-partijiet kontraenti li tilħaq għan antikompetittiv tikkostitwixxi stedina lill-parti l-oħra, kemm jekk espressa u kemm jekk impliċita, biex twettaq dak l-għan b’mod konġunt” ( 29 ).

64.

Sabiex jiġi rrikonoxxut li kien hemm akkordju għall-finijiet tal-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010 u l-eċċezzjoni tiegħu, huwa xieraq li tiġi invokata din il-ġurisprudenza, li timplika li jeħtieġ li jiġu stabbiliti (i) stedina mill-fornitur biex jagħmel użu minn dik l-eċċezzjoni u (ii) tal-inqas kunsens taċitu ta’ dik l-istedina mix-xerrejja tiegħu.

65.

Il-ġurisprudenza rilevanti hija riflessa wkoll fil-Linji Gwida tal-Kummissjoni tal‑2010 ( 30 ). Minn dawn il-linji gwida jirriżulta li, fil-każ li ma jkun hemm l-ebda akkordju espliċitu li jesprimi rieda komuni, irid jintwera li l-politika unilaterali ta’ parti waħda jkollha l-kunsens tal-parti l-oħra. Ikun hemm kunsens taċitu fejn parti tirrikjedi, b’mod espliċitu jew impliċitu, il-koperazzjoni tal-parti l-oħra għall-implimentazzjoni tal-politika unilaterali tagħha u l-parti l-oħra sussegwentement tikkonforma billi fil-prattika timplimenta dik il-politika.

66.

Is-sentenza reċenti fil-kawża Super Bock ( 31 ) tiċċara u tikkodifika din il-ġurisprudenza. Minn din is-sentenza jista’ jiġi dedott li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela (jiġifieri, biex jiġi stabbilit li kien hemm akkordju bejn il-fornitur u x-xerrejja l-oħra tiegħu), għandu jiġi eżaminat jekk kienx hemm rieda komuni min-naħa tal-partijiet, li tista’ tirriżulta kemm mill-klawżoli tal-kuntratt ta’ distribuzzjoni kif ukoll mill-imġieba tal-partijiet u, b’mod partikolari, mill-eventwali eżistenza ta’ kunsens, espliċitu jew taċitu, min-naħa tad-distributuri ( 32 ).

67.

Din is-sentenza ( 33 ) – mogħtija f’każ fejn fornitur impona ċerti restrizzjonijiet fuq id-distributuri tiegħu, b’mod partikolari, prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid – tagħmilha ċara li “sabiex ikun hemm ‘ftehim’ fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, huwa biżżejjed li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew ir-rieda komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod speċifiku”.

68.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar f’din is-sentenza ( 34 ) li “ftehim ma jistax ikun ibbażat fuq l-espressjoni ta’ politika purament unilaterali ta’ parti għal kuntratt ta’ distribuzzjoni”.

69.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva fl-istess sentenza ( 35 ) li “att, jew imġiba, apparentement unilaterali jikkostitwixxi ftehim, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, meta dan ikun l-espressjoni tar-rieda konkordanti ta’ minn tal-inqas żewġ partijiet, peress li l-forma li fiha tiġi espressa din ir-rieda ma hijiex, fiha nfisha, determinanti”.

70.

Għalhekk, din ir-rieda konkordanti tal-partijiet tista’ tirriżulta “minn klawżoli tal-kuntratt ta’ distribuzzjoni inkwistjoni […] u, b’mod partikolari, mill-eventwali eżistenza ta’ kunsens, espliċitu jew taċitu, min-naħa tad-distributuri għal stedina biex josservaw [ir-rekwiżit ikkonċernat]” ( 36 ).

71.

Minn dan isegwi li, sabiex jintwera li l-kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela fir-rigward tad-distributuri/xerrejja l-oħra ta’ Cono ġiet issodisfatta fil-kawża prinċipali, hemm diversi alternattivi sabiex jintwera li l-kundizzjonijiet taħt l-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010 huma ssodisfatti.

72.

L-ewwel, il-projbizzjoni tal-bejgħ attiv tista’ tiġi espressament prevista fil-kuntratt ta’ distribuzzjoni konkluż ma’ kull distributur/xerrej, li ma jidhirx li huwa l-każ fil-kawża prinċipali.

73.

It-tieni, kunsens espliċitu minn xerrejja għajr Beevers Kaas jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jiġi dedott mill-poteri mogħtija lill-partijiet f’akkordju konkluż minnhom ( 37 ). Dan ikun il-każ jekk l-akkordji konklużi bejn Cono u x-xerrejja l-oħra tagħha jagħtu lil Cono s-setgħa li timponi projbizzjonijiet ta’ bejgħ attiv fir-rigward tat-territorji li hija allokat, jew li talloka, esklużivament lil xerrej jew xerrejja speċifiċi.

74.

It-tielet, wieħed jista’ jistrieħ fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif riflessa fil-punt 25 tal-Linji Gwida tal‑2010, sabiex jiġi sostnut li, fin-nuqqas ta’ kunsens espliċitu, għandha tiġi ppruvata l-eżistenza ta’ kunsens taċitu. Sabiex iseħħ dan, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit, minn naħa, li parti tirrikjedi, b’mod espliċitu jew impliċitu, il-kooperazzjoni tal-parti l-oħra għall-implimentazzjoni tal-politika unilaterali tagħha u, min-naħa l-oħra, li l-parti l-oħra tikkonforma ma’ dak ir-rekwiżit billi fil-prattika timplimenta tali politika unilaterali.

75.

Barra minn hekk, il-punt 57 tas-sentenza fil-kawża Super Bock iqajjem element rilevanti ieħor, sa fejn “l-eżistenza ta’ ‘ftehim’, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, […] tista’ tiġi stabbilita, mhux biss permezz ta’ provi diretti, iżda wkoll abbażi ta’ koinċidenzi u indizji konkordanti, dejjem sakemm minnhom jista’ jiġi inferit li fornitur stieden lid-distributuri tiegħu sabiex isegwu [rekwiżit partikolari] u sakemm dawn tal-aħħar osservaw, fil-prattika, [dak ir-rekwiżit] indikat mill-fornitur” (enfasi miżjuda).

76.

Minn dan isegwi li huwa xieraq, f’dan il-każ – fejn kundizzjonijiet kuntrattwali diretti jew espliċiti jew provi diretti tal-akkordju bejn Cono u x-xerrejja tagħha jidhru li huma assenti – li jiġi eżaminat x’jista’ jikkostitwixxi l-“koinċidenzi u indizji konkordanti” li jagħmluha possibbli li jiġi dedott, fil-każ ta’ projbizzjoni attiva tal-bejgħ f’territorju esklużiv, li l-fornitur (Cono) stieden lid-distributuri/xerrejja l-oħra tiegħu biex isegwu tali projbizzjoni u li dawn tal-aħħar, fil-prattika, ikkonformaw ma’ tali projbizzjoni.

77.

Għalhekk, il-qorti tar-rinviju ser ikollha teżamina l-fatti relatati ma’ żewġ elementi, li huma konnessi u kumulattivi, sa fejn, jekk dawn l-elementi jkunu preżenti, flimkien juru l-preżenza ta’ konkordanza ta’ rieda u, konsegwentement, ta’ akkordju fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.

78.

L-ewwel element huwa “l-istedina”, jiġifieri jekk il-fornitur (Cono) stidinx espressament jew impliċitament lix-xerrejja l-oħra biex jastjenu milli jwettqu bejgħ attiv fit-territorju esklużiv. Tali stedina tista’ tieħu forom differenti. Pereżempju, din setgħet titwettaq permezz ta’ komunikazzjoni speċifika lil dawk ix-xerrejja l-oħra (permezz ta’ posta elettronika, ittri, klawżoli f’kuntratti, avviżi formali, miżuri ta’ ritaljazzjoni jew azzjonijiet oħra simili), li biha Cono stidnithom jirrispettaw it-territorju esklużiv u l-projbizzjoni tal-bejgħ attiv taħt piena ta’ miżuri ta’ ritaljazzjoni. Stedina tista’ ssir ukoll b’mod ieħor, jiġifieri, permezz tal-inklużjoni ta’ aċċenn jew kundizzjonijiet speċifiċi fit-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali tal-fornitur, li jistgħu, pereżempju, jiġu mehmuża mal-fattura mibgħuta lid-distributuri/xerrejja tiegħu jew ikunu disponibbli bi kwalunkwe mod ieħor.

79.

Nemmen li hawnhekk huwa possibbli li jsir parallel mal-punt 52 tas-sentenza fil-kawża Super Bock, iċċitata iktar ’il fuq, li jista’ jimplika li l-fornitur għandu jinforma b’mod proattiv u ċar lid-distributuri/xerrejja tiegħu dwar l-użu tiegħu tas-sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva u ta’ projbizzjoni ta’ bejgħ attiv u jissorvelja l-konformità tagħhom ma’ dik is-sistema ( 38 ). Pereżempju, il-fornitur għandu jinforma lix-xerrejja kollha tiegħu fiż-żmien meta ngħatat l-esklużività kif ukoll mal-ħatra ta’ kull distributur/xerrej ġdid, u għandu jagħmilha ċara li kull wieħed minnhom huwa meħtieġ li jikkonforma ma’ din is-sistema.

80.

Minn dan isegwi li, sabiex jiġi stabbilit li kien hemm “stedina”, l-evalwazzjoni tkun meħtieġa turi l-intenzjoni ċara ta’ Cono li tipproteġi lil Beevers Kaas fit-territorju esklużiv u tkun meħtieġa tindika x’imġiba speċifika Cono kienet tistenna mix-xerrejja l-oħra tagħha.

81.

It-tieni element huwa “l-kunsens” jew l-approvazzjoni mix-xerrejja l-oħra ta’ din il-projbizzjoni tal-bejgħ attiv. Dan jista’ jirriżulta wkoll minn diversi elementi, bħal rikonoxximent espliċitu ta’ dik il-projbizzjoni (permezz ta’ skambju ta’ ittri, noti interni fil-kuntest ta’ negozjati kuntrattwali) jew forma impliċita ta’ rikonoxximent. Rikonoxximent impliċitu jista’ jkun espress, pereżempju, permezz tal-waqfien jew l-assenza ta’ bejgħ attiv mix-xerrejja l-oħra fit-territorju esklużiv, jew l-abbandun tar-rieda tax-xerrejja li jipproċedu b’tali bejgħ wara notifika mill-fornitur. Dan jista’ jintwera wkoll permezz ta’ nuqqas minn tali xerrejja li jikkontestaw il-projbizzjoni tal-bejgħ attiv f’dak it-territorju jew l-aċċettazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali, li jirreferu għal tali projbizzjoni.

82.

Sabiex jiġi stabbilit rikonoxximent impliċitu, il-“koinċidenzi u indizji konkordanti” elenkati hawn fuq jeħtieġ juru b’mod ċar ir-rieda tad-distributuri/xerrejja l-oħra li jaċċettaw l-istedina tal-fornitur biex jirrispettaw is-sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva u biex jikkonformaw magħha. Dan ikun il-każ f’sitwazzjoni fejn id-distributuri/xerrejja jkunu infurmati, iżda jagħżlu li ma joġġezzjonawx għal dik is-sistema u jaċċettawha.

83.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li xi xerrej ieħor (ħlief għall-kumpanniji Albert Heijn) kiser jew ikkontesta l-projbizzjoni tal-bejgħ attiv. Il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi jekk dan il-fatt fih innifsu huwiex biżżejjed sabiex juri l-eżistenza ta’ kunsens tax-xerrejja l-oħra għall-eventwali stedina ta’ Cono.

84.

F’dan ir-rigward, kif irrilevat il-Kummissjoni, il-fatt – li jirriżulta mill-atti tal-Qorti tal-Ġustizzja – li l-ebda xerrej ieħor ta’ Cono ma kien involut f’bejgħ attiv tal-ġobon Beemster fil-Belġju huwa fattur rilevanti, li l-qorti tar-rinviju jaf tqis fl-evalwazzjoni tagħha, bħala wieħed mill-koinċidenzi u indizji.

85.

Madankollu, tali ċirkustanza ma hijiex fiha nnifisha biżżejjed jew neċessarja għal dan il-għan ( 39 ). Għall-finijiet li jiġi stabbilit li kien hemm akkordju fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, ma huwiex biżżejjed li jkun hemm inattività min-naħa tax-xerrejja l-oħra. Anzi, trid tintwera r-rieda tagħhom li jaqblu. F’dan ir-rigward, il-kwistjoni dwar jekk distributur/xerrej huwiex effettivament kapaċi jidħol fis-suq tat-territorju esklużiv jista’ jifforma parti mill-evalwazzjoni.

86.

Jista’, pereżempju, jiġi evalwat jekk ix-xerrejja l-oħra tal-fornitur ilmentawx jew ikkontestawx il-projbizzjoni tal-bejgħ attiv fit-territorju esklużiv ( 40 ) u jekk, bħala riżultat, biddlux l-imġiba tagħhom. Madankollu, anki jekk xerrej wieħed jew iktar kienu lmentaw jew ikkontestaw din il-projbizzjoni, dan il-fattur ma jkunx, fih innifsu, indikattiv tal-assenza ta’ kunsens taċitu, jekk huma madankollu baqgħu josservaw il-projbizzjoni tal-bejgħ attiv ( 41 ).

87.

Fi kliem ieħor, nikkunsidra li s-sempliċi nuqqas ta’ bejgħ mix-xerrejja l-oħra fit-territorju esklużiv ma huwiex biżżejjed biex juri l-eżistenza ta’ kunsens minn dawn ix-xerrejja għal stedina minn Cono.

88.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela hija ssodisfatta jekk jista’ jiġi ppruvat li kien hemm akkordju bejn il-fornitur u x-xerrejja l-oħra tiegħu, jiġifieri, l-ewwel, li l-fornitur stieden espliċitament jew impliċitament lil dawk ix-xerrejja l-oħra biex jaċċettaw il-projbizzjoni tal-bejgħ attiv fit-territorju esklużiv u, it-tieni, li x-xerrejja l-oħra jkunu, tal-inqas taċitament, esprimew ir-rieda tagħhom li josservaw dik il-projbizzjoni, li għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ koinċidenzi jew indizji konkordanti.

3. Risposta għall‑ewwel domanda preliminari

89.

Minn dan isegwi li l-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela tifforma parti integrali minn dan l-artikolu u s-sempliċi konstatazzjoni li xerrejja oħra ma jwettqux bejgħ attiv fit-territorju allokat esklużivament lil xerrej partikolari ma jistax ikun biżżejjed biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ akkordju bejn fornitur u x-xerrejja tiegħu dwar projbizzjoni tal-bejgħ attiv f’dak it-territorju. Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali akkordju, huwa meħtieġ, l-ewwel, li l-fornitur ikun stieden espliċitament jew impliċitament lil dawk ix-xerrejja l-oħra biex iġibu ruħhom b’ċertu mod definit b’mod ċar fis-suq, jiġifieri li ma jwettqux bejgħ attiv fit-territorju esklużiv u, it-tieni, li x-xerrejja jkunu, tal-inqas taċitament, esprimew ir-rieda tagħhom li josservaw dik il-projbizzjoni, li għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ koinċidenzi jew indizji konkordanti.

B.   It‑tieni domanda preliminari

1. Eżaminazzjoni tat-tieni domanda preliminari

90.

It-tieni domanda tqajjem il-kwistjoni tal-mument rilevanti meta trid isseħħ l-approvazzjoni tax-xerrejja l-oħra, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ akkordju fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk huwiex biżżejjed li l-fornitur juri li x-xerrejja l-oħra tiegħu aċċettaw il-projbizzjoni tal-bejgħ attiv biss jekk u meta dawn ix-xerrejja juru intenzjoni li attivament jbigħu fit-territorju esklużiv.

91.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din id-domanda tqum f’kuntest fejn jidher li, minbarra l-kumpanniji Albert Heijn, id-distributuri/xerrejja ta’ Cono qatt ma kienu lesti li jwettqu bejgħ attiv fil-Belġju. Il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta jekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010, huwiex biżżejjed li Cono tipproteġi lil Beevers Kaas minn bejgħ attiv minn dawn id-distributuri/xerrejja jekk u sal-punt li huma lesti li jagħmlu dan fil-futur, jew jekk dik il-protezzjoni għandhiex tiġi żgurata mill-mument meta Cono daħlet f’akkordju ma’ dawn id-distributuri/xerrejja l-oħra.

92.

Kif spjegat fil-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela teħtieġ li d-distributur esklużiv ikun protett minn bejgħ attiv fit-territorju tiegħu mix-xerrejja l-oħra kollha tal-fornitur fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

93.

Mir-risposta li qiegħed nipproponi għall-ewwel domanda jirriżulta li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta biss sal-punt li x-xerrejja l-oħra jagħtu l-kunsens tagħhom, b’mod espliċitu jew taċitu, għall-projbizzjoni tal-bejgħ attiv fit-territorju esklużiv. Għal raġunijiet ta’ prevedibbiltà u fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandu jkun hemm konkomitenza temporali suffiċjenti bejn iż-żmien meta l-fornitur jifformula l-projbizzjoni tal-bejgħ attiv u ż-żmien meta x-xerrejja l-oħra jagħtu l-kunsens tagħhom għaliha.

94.

Għal dan il-għan, għandu jiġi ppruvat abbażi tal-provi kollha (kif diskussi fil-punti 76 sa 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet) li kien hemm akkordju fir-rigward tal-projbizzjoni tal-bejgħ attiv. Kif spjegajt fil-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010 jipprevedi eċċezzjoni (għal eċċezzjoni) u, għalhekk, għandu jiġi interpretat b’mod strett. Barra minn hekk, interpretazzjoni wisq klementi tal-kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela u tal-projbizzjonijiet attivi tal-bejgħ ma hijiex iġġustifikata, peress li dak li huwa f’riskju huwa restrizzjoni fundamentali tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

95.

Minn dan isegwi li, sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela, ma huwiex biżżejjed – għall-finijiet li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ akkordju fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE – li l-fornitur ikun jista’ juri li x-xerrejja l-oħra tiegħu taw il-kunsens tagħhom għall-projbizzjoni tal-bejgħ attiv biss jekk u meta jkunu waslu biex iwettqu tali bejgħ fit-territorju esklużiv.

96.

Għalhekk, sakemm il-fornitur ma jkunx kiseb tali kunsens mingħand ix-xerrejja l-oħra, il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010 biex l-akkordju jaqa’ taħt l-eżenzjoni ta’ kategorija ma jkunux issodisfatti.

97.

Fi kliem ieħor, kif irrilevat il-Kummissjoni, dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti biss jekk u mill-mument meta x-xerrejja l-oħra jagħtu l-kunsens tagħhom għall-projbizzjoni tal-bejgħ attiv fit-territorju esklużiv, u mhux matul perijodu preċedenti. Konsegwentement, jekk il-fornitur jikseb tali kunsens biss fil-mument “X”, meta imprenditur ikun se jwettaq bejgħ attiv fit-territorju esklużiv, il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija prevista fir-Regolament Nru 330/2010 ma japplikax matul il-perijodu li jippreċedi l-punt fiż-żmien X.

98.

F’dan ir-rigward, huwa importanti li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-eżistenza ta’ tali kunsens u, min-naħa l-oħra, l-elementi neċessarji sabiex din tiġi ppruvata.

99.

Dan il-punt tal-aħħar huwa kwistjoni ta’ fatt, li għandu jiġi eżaminat fuq bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.

100.

Għaldaqstant, huwa l-fornitur li għandu juri li din il-kundizzjoni tkun issodisfatta fir-rigward tax-xerrejja l-oħra kollha tiegħu, bħala prinċipju, matul il-perijodu kollu li għalih huwa jkun qed jitlob il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija prevista mir-Regolament Nru 330/2010 ( 42 ).

2. Risposta għat‑tieni domanda preliminari

101.

Minn dan isegwi li l-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta fornitur ikun alloka territorju esklużivament lil xerrej partikolari, ma huwiex biżżejjed, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li l-fornitur ikun jista’ juri li x-xerrejja l-oħra tiegħu taw il-kunsens tagħhom għar-restrizzjoni tal-bejgħ attiv fit-territorju allokat esklużivament biss jekk u meta dawn ix-xerrejja jkunu se jwettqu bejgħ attiv f’dak it-territorju. Minflok, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-fornitur għandu juri li l-kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela tkun issodisfatta fir-rigward tax-xerrejja l-oħra kollha tiegħu fiż-ŻEE matul il-perijodu kollu li għalih jitlob il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija previst fir-Regolament Nru 330/2010.

C.   Rimarki finali

102.

Għal raġunijiet ta’ kompletezza, inqis li huwa xieraq li nagħmel ftit osservazzjonijiet finali.

103.

Hija l-qorti tar-rinviju biss li għandha tiddetermina l-klassifikazzjoni ġuridika tal-akkordji inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-kjarifiki kollha preċedenti.

104.

Sussegwentement, jekk il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li l-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010 ma huwiex applikabbli għall-kawża preżenti, hija jkollha tiddetermina jekk il-konċessjoni esklużiva tirrestrinġix il-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u, fl-affermattiv, jekk il-kundizzjonijiet għall-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 101(3) TFUE humiex issodisfatti ( 43 ).

105.

L-ewwel, il-qorti tar-rinviju jkollha twettaq evalwazzjoni individwali tal-akkordju vertikali inkwistjoni sabiex tistabbilixxi jekk jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE u, fl-affermattiv, jekk jirrestrinġix il-kompetizzjoni minħabba l-għan jew minħabba l-effett, f’konformità mal-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 44 ).

106.

It-tieni, f’każ li l-qorti tar-rinviju tikkonkludi li l-akkordju jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, dan l-akkordju jista’ madankollu jkun kompatibbli mal-Artikolu 101 TFUE sakemm il-partijiet juru li jissodisfa l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fl-Artikolu 101(3) TFUE ( 45 ).

107.

Kif irrilevat il-Kummissjoni, il-qorti tar-rinviju mbagħad ikollha tibbilanċja l-aspetti prokompetittivi u antikompetittivi tal-akkordju fil-qafas speċifiku ta’ evalwazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 101(3) TFUE, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.

108.

Il-qorti tar-rinviju jkollha tevalwa b’mod partikolari l-pożizzjoni tal-kompetituri ta’ Cono, il-kapaċità ta’ akkwist, id-dinamika tas-suq, in-natura tal-prodott u l-livell tan-negozju li fih joperaw il-partijiet. Ikollha wkoll tiġġudika jekk il-ftehim li jipprojbixxi lil ċerti distributuri milli jwettqu bejgħ attiv f’territorju allokat esklużivament lil distributur ieħor (Beevers Kaas) jiġġenerax żidiet fl-effiċjenza fis-sens li dawn tal-aħħar iridu jagħmlu investimenti (pereżempju f’tagħmir speċifiku, ħiliet jew know-how) sabiex jiġi żviluppat il-bejgħ tal-prodott imqassam f’dak it-territorju, u jekk il-projbizzjoni ta’ bejgħ attiv minn distributuri oħra f’dak it-territorju hijiex meħtieġa sabiex jiġu stimulati tali investimenti.

V. Konklużjoni

109.

Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell, Antwerp, il-Belġju) kif ġej:

(1)

L-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal‑20 ta’ April 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) [TFUE] għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma

għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela tifforma parti integrali minn dan l-artikolu u s-sempliċi konstatazzjoni li xerrejja oħra ma jwettqux bejgħ attiv fit-territorju allokat esklużivament lil xerrej partikolari ma jistax ikun biżżejjed biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ akkordju bejn fornitur u x-xerrejja tiegħu dwar projbizzjoni tal-bejgħ attiv f’dak it-territorju. Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali akkordju, huwa meħtieġ, l-ewwel, li l-fornitur ikun stieden espliċitament jew impliċitament lil dawk ix-xerrejja l-oħra biex iġibu ruħhom b’ċertu mod definit b’mod ċar fis-suq, jiġifieri li ma jwettqux bejgħ attiv fit-territorju esklużiv u, it-tieni, li x-xerrejja jkunu, tal-inqas taċitament, esprimew ir-rieda tagħhom li josservaw dik il-projbizzjoni, li għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ koinċidenzi jew indizji konkordanti.

(2)

L-Artikolu 4(b)(i) tar-Regolament Nru 330/2010

għandu jiġi interpretat fis-sens li meta fornitur ikun alloka territorju esklużivament lil xerrej partikolari, ma huwiex biżżejjed, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li l-fornitur jkun jista’ juri li x-xerrejja l-oħra tiegħu taw il-kunsens tagħhom għar-restrizzjoni tal-bejgħ attiv fit-territorju allokat esklużivament biss jekk u meta dawn ix-xerrejja jkunu se jwettqu bejgħ attiv f’dak it-territorju. Minflok, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-fornitur għandu juri li l-kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela tkun issodisfatta fir-rigward tax-xerrejja l-oħra kollha tiegħu fiż-ŻEE matul il-perijodu kollu li għalih jitlob il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija previst fir-Regolament Nru 330/2010.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament tal‑20 ta’ April 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) [TFUE] għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU 2010, L 102, p. 1).

( 3 ) Il-ġobon Beemster huwa ġobon iebes magħmul mill-ħalib tal-baqra. It-togħma speċifika tiegħu ġejja mill-ingredjenti tiegħu (ħalib minn ħaxix imkabbar fuq it-tafal tal-baħar f’polder 4 metri taħt il-livell tal-baħar fl-Olanda) u mill-fatt li parti mill-proċess ta’ produzzjoni (it-tħawwid tal-baqta) ssir bl-idejn u l-ġobon jiġi mmaturat f’kundizzjonijiet li jinbidlu.

( 4 ) Regolament tat‑22 ta’ Diċembru 1999 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 364).

( 5 ) Regolament tal‑10 ta’ Mejju 2022 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) [TFUE] għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU 2022, L 134, p. 4, rettifika fil-ĠU 2023, L 90155).

( 6 ) (ĠU 2010, C 130, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal‑2010”).

( 7 ) Fil-prinċipju, “xerrej” joffri l-prodotti tiegħu direttament lill-konsumatur, filwaqt li “distributur” joffri l-prodotti tiegħu lil kumpanniji oħra. Se nuża ż-żewġ termini b’mod interkambjabbli peress li l-kawża preżenti ma tiddependix fuq id-distinzjonijiet bejniethom.

( 8 ) Sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2005, Jyske Finans (C‑280/04, EU:C:2005:753, punt 34). Fuq dan is-suġġett, ara Lenaerts, K., “Interpretation and the Court of Justice: A basis for comparative reflection”, International Lawyer, 2007, Vol. 41, Nru 4, 2007, p. 1011.

( 9 ) Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Marine Harvest vs Il-Kummissjoni (C‑10/18 P, EU:C:2020:149, punt 58). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535, punt 68).

( 10 ) “Bejgħ attiv” huwa spjegati fil-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Dan għandu jiġi kkuntrastat ma’ “bejgħ passiv”, li jikkostitwixxi reazzjoni għal rikjesti mhux mitluba minn klijenti individwali inkluż il-kunsinna ta’ oġġetti jew servizzi lil klijenti bħal dawn.

( 11 ) Madankollu, din il-projbizzjoni ma għandhiex tillimita l-bejgħ magħmul mill-klijenti tax-xerrej esklużiv fit-territorju esklużiv.

( 12 ) Ara punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 13 ) Kummissjoni Ewropea, Wijckmans, F., u Jaques, S., “Expert report on the review of the Vertical Block Exemption Regulation – Active sales restrictions in different distribution models and combinations of distribution models – Final report”, rapport ippreparat b’kuntrast, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2021, p. 27 (iktar ’il quddiem ir-“Rapport tal-Espert”); enfasi miżjuda).

( 14 ) Ara l-paragrafu 51 tal-Linji Gwida tal‑2010.

( 15 ) Din l-interpretazzjoni tista’ wkoll tiġi dedotta mir-Rapport tal-Espert, nota ta’ qiegħ il-paġna 13, op. cit., paġni 27 u 28.

( 16 ) Fi kliem ieħor, huwa meħtieġ li territorju esklużiv jiġi allokat mhux biss lil distributur/xerrej, bħal Beevers Kaas, iżda wkoll li dan id-distributur/xerrej ikun protett kontra bejgħ attiv f’dak it-territorju minn xerrejja oħra. Mingħajr tali protezzjoni, ikun de facto impossibbli li jiġi allokat territorju esklużiv, peress li, mingħajr projbizzjoni attiva tal-bejgħ applikabbli għax-xerrejja l-oħra u l-osservanza tagħhom ta’ din il-projbizzjoni, ma jkun hemm xejn esklużiv dwar dan it-territorju.

( 17 ) Sentenza tal‑24 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑434/97, EU:C:2000:98, punt 21).

( 18 ) Ara l-paragrafu 164 tal-Linji Gwida tal‑2010: “Id-distribuzzjoni esklużiva tista’ twassal għal effiċjenzi, speċjalment fejn investimenti mid-distributuri jkunu meħtieġa sabiex jipproteġu jew jibnu d-dehra tal-marka. B’mod ġenerali, il-każ għal effiċjenzi hu l-aktar b’saħħtu għal prodotti ġodda, prodotti kumplessi, u prodotti li l-kwalitajiet tagħhom ikunu diffiċli li wieħed jiġġudikahom qabel il-konsum (l-hekk imsejħa prodotti ta’ esperjenza) jew li l-kwalitajiet tagħhom ikunu diffiċli li wieħed jiġġudikahom anke wara l-konsum (l-hekk imsejħa prodotti ta’ fiduċja). […]”.

( 19 ) Nirreferi għax-xerrejja l-oħra kollha “fiż-ŻEE” iktar milli “fl-Unjoni”, billi d-deċiżjoni tar-rinviju tirreferi għal “bejgħ attiv fit-territorju esklużivament allokat mix-xerrejja kollha tagħha fiż-[ŻEE]” (enfasi miżjuda).

( 20 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2023, EDP – Energias de Portugal et (C‑331/21, EU:C:2023:812, punti 82 et seq.). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Coty Germany (C‑230/16, EU:C:2017:603, punt 57) – fir-rigward tal-istess regolament u l-istess linji gwida bħal dawk diskussi hawnhekk – “ma jistax jiġi eskluż li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-kuntest tal-missjoni tagħha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, tapplika l-gwidi u l-evalwazzjonijiet ġuridiċi li jinsabu f’dawn il-linji gwida”. Ara wkoll is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P), EU:C:2005:408, punti 210 et seq.) (il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li avviżi tal-Kummissjoni bħalma huma linji gwida, li huma mmirati lejn operaturi ekonomiċi, huma mfassla biex jipproduċu effetti esterni, huma ta’ applikazzjoni ġenerali u jista’ jkollhom effetti ġuridiċi).

( 21 ) L-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2022/720 jipprovdi li “sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva” tfisser sistema ta’ distribuzzjoni li permezz tagħha l-fornitur jalloka territorju jew grupp ta’ klijenti esklużivament lilu nnifsu jew lil massimu ta’ ħames xerrejja u jirrestrinġi lix-xerrejja l-oħra kollha tiegħu milli jbigħu b’mod attiv fit-territorju esklużiv jew lill-grupp esklużiv ta’ klijenti (enfasi miżjuda).

( 22 ) ĠU 2022, C 248, p. 1, paragrafu 219 (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal‑2022”.

( 23 ) Ara wkoll Wijckmans, F., u Tuytschaever, F., “Active sales restrictions revisited”, European Competition Law Review, Vol. 25(2), 2004, p. 110.

( 24 ) Ara d-digriet tar-rinviju (verżjoni fil-lingwa oriġinali), paġni 19 u 20, punt 2, it-tieni inċiż.

( 25 ) Ir-Rapport tal-Espert, op. cit., paġna 37, jipprovdi eżempju ġenerali tal-klawżola ta’ projbizzjoni tal-bejgħ attiv: “Ix-[xerrej] jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fi ħdan [it-territorji]. Ix-[xerrej] ma għandux jidħol f’bejgħ attiv f’territorji li huma esklużivament riżervati għall-[fornitur], u lanqas f’xi territorju esklużivament allokat lil xerrej ieħor maħtur mill-fornitur”.

( 26 ) Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs Volkswagen (C‑74/04 P, EU:C:2006:460, punt 37).

( 27 ) Ibid., punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 28 ) Sentenza tas‑6 ta’ Jannar 2004, BAI u l-Kummissjoni vs Bayer (C‑2/01 P u C‑3/01 P, EU:C:2004:2, punti 100 sa 102).

( 29 ) Ibid., punt 102.

( 30 ) Ara l-punt 25 tal-Linji Gwida tal‑2010.

( 31 ) Sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Super Bock Bebidas (C‑211/22, EU:C:2023:529; iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Super Bock”.

( 32 ) Ara s-sentenza fil-kawża Super Bock, punti 47 sa 50.

( 33 ) Ibid., punt 47.

( 34 ) Ibid., punt 48.

( 35 ) Ibid., punt 49.

( 36 ) Ibid., punt 50.

( 37 ) Ara l-paragrafu 25(a) tal-Linji Gwida tal‑2010.

( 38 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-fatt li fornitur jibgħat regolarment lid-distributuri listi li jindikaw il-prezzijiet minimi tal-bejgħ mill-ġdid iddeterminati minnu, jitlobhom jikkonformaw ma’ dawn il-prezzijiet, li huwa jissorvelja, taħt piena ta’ miżuri ta’ ritaljazzjoni, u jista’, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-miżuri, japplika marġni ta’ distribuzzjoni negattivi ma jirriflettix iktar imġiba unilaterali jekk id-distributuri jikkonformaw ma’ dawn il-prezzijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża wkoll li l-fatt li dawn il-prezzijiet huma, fil-prattika, applikati mid-distributuri, jew li l-indikazzjoni tagħhom hija mitluba minn dawn tal-aħħar, li, filwaqt li jilmentaw mal-fornitur dwar il-prezzijiet indikati, madankollu ma japplikawx prezzijiet oħra deċiżi minnhom stess, jista’ jirrifletti l-kunsens tad-distributuri għall-iffissar, mill-fornitur, tal-prezzijiet minimi għall-bejgħ mill-ġdid.

( 39 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2011, Activision Blizzard Germany vs Il‑Kummissjoni (C‑260/09 P, EU:C:2011:62, punt 82).

( 40 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 1990, Sandoz Prodotti Farmaceutici vs Il‑Kummissjoni (C‑277/87, EU:C:1990:6, punt 11).

( 41 ) Ara s-sentenza fil-kawża Super Bock (punt 52).

( 42 ) Madankollu, jista’ jiġi rrilevat li skont il-Linji Gwida tal‑2022 (paragrafu 122), “Meta, għal raġunijiet prattiċi u mhux bl-għan ta’ prevenzjoni tal-kummerċ parallel, it-territorju esklużiv jew il-grupp esklużiv ta’ klijenti ma jkunx protett minn bejgħ attiv minn ċerti xerrejja għal perjodu temporanju, pereżempju meta l-fornitur jimmodifika s-sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva u jeħtieġ iż-żmien sabiex jinnegozja mill-ġdid ir-restrizzjonijiet attivi fuq il-bejgħ ma’ ċerti xerrejja, is-sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva xorta tista’ tibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/720”. Minn dan il-paragrafu tal-Linji Gwida tal‑2022 jirriżulta li l-perijodu kkunsidrat huwa limitat għaż-żmien meħtieġ biex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni tal-impożizzjoni parallela.

( 43 ) Ara l-paragrafu 47 tal-Linji Gwidi tal‑2010.

( 44 ) Ara s-sentenza fil-kawża Super Bock, punti 37 sa 42, u s-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2021, Visma Enterprise (C‑306/20, EU:C:2021:935, punti 54 sa 82).

( 45 ) Ara l-Linji Gwida tal‑2022, paragrafi 125 sa 140.