KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fis‑6 ta’ Frar 2025 ( 1 )
Kawża C‑499/23
Il‑Kummissjoni Ewropea
vs
L‑Ungerija
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Moviment liberu tal-merkanzija – Politika kummerċjali komuni – Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi – Restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni – Prodotti tal-kostruzzjoni u materja prima għall-industrija tal-kostruzzjoni – Sigurtà pubblika”
I. Daħla
|
1. |
Permezz ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat kontra l-Ungerija, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi introduċa proċedura applikabbli għall-esportazzjoni tal-materja prima u tal-materjali tal-kostruzzjoni, dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 35 u 36 TFUE, l-Artikolu 2(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(e) TFUE, kif ukoll taħt l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva (UE) 2015/1535 ( 2 ). |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 2015/1535
|
2. |
L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/1535 jipprovdi: “1. Soġġetti għall-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċement jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam mal-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawk ir-raġunijiet ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz. Fejn ikun xieraq, u għajr jekk ma jkunux diġà bagħtuh b’komunikazzjoni minn qabel, l-Istati Membri għandhom simultanjament jikkomunikaw it-test tad-dispożizzjonijiet bażiċi leġislattivi jew regolatorji interessati prinċipalment u direttament lill-Kummissjoni, jekk it-tagħrif ta’ dan it-test ikun meħtieġ biex jistma l-implikazzjonijiet tal-abozz ta’ regolament tekniku. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-abbozz tar-regolament tekniku mill-ġdid lill-Kummissjoni skont il-kondizzjonijiet fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi ta’ dan il-paragrafu jekk jagħmlu tibdil lill-abbozz li jkollu l-effett li jibdel b’mod sinifikanti l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, iqassru l-iskeda imfassla oriġinarjament għall-implimentazzjoni, iżidu l-ispeċifikazzjonijiet jew il-ħtiġijiet jew jagħmlu lil dawn tal-aħħar iktar stretti. […] Il-Kummissjoni għandha tinnotifika mill-ewwel lill-Istati Membri l-oħra bl-abbozz tar-regolament tekniku u d-dokumenti kollha li jkunu ntbagħtulha; tista’ wkoll tirreferi dan l-abbozz, għal opinjoni, lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva u, fejn xieraq, lill-kumitat responsabbli mill-qasam involut inkwistjoni. […]” |
|
3. |
L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jipprovdi li: “1. L-Istati Membri għandhom jipposponu l-adozzjoni ta’ abozz ta’ regolament tekniku għal tliet xhur mid-data ta’ meta l-Kummissjoni tirċievi l-komunikazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 5(1). […] 7. Il-paragrafi 1 sa 5 m’għandhomx japplikaw fil-każijiet fejn:
Fil-komunikazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 5, l-Istat Membru għandu jagħti r-raġunijiet għall-urġenza tal-miżuri meħuda. Il-Kummissjoni għandha tagħti l-veduti tagħha dwar il-komunikazzjoni malajr kemm jista jkun. Għandha tieħu azzjoni xierqa fil-każijiet fejn din il-proċedura ma tintużax kif suppost. Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm mgħarraf mill-Kummissjoni.” |
2. Ir-Regolament (UE) 2015/479
|
4. |
L-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2015/479 ( 3 ), li jinsab fil-Kapitolu IV tiegħu, intitolat “Dispożizzjonijiet transitorji u finali”, huwa fformulat kif ġej: “Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet oħrajn tal-Unjoni, dan ir-Regolament ma għandux jipprevjeni l-adozzjoni jew l-applikazzjoni minn Stat Membru ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni fuq il-bażi ta’ moralità pubblika, ordni pubbliku jew sigurtà pubblika, jew il-ħarsien tas-saħħa u l-ħajja tal-bnedmin, tal-annimali jew tal-pjanti; il-ħarsien ta’ teżori nazzjonali li jkollhom valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku, jew il-ħarsien ta’ propjetà industrijali jew kummerċjali.” |
B. Id-dritt Ungeriż
1. Id-Digriet Nru 402/2021
|
5. |
L-Artikolu 1 tal-a gazdaság újraindítása érdekében meghozandó, az építőipari ellátásbiztonság szempontjából stratégiai jelentőségű nyersanyagok és termékek kivitelével kapcsolatos regisztrációs eljárásról és egyéb intézkedésekről szóló 402/2021 (VII. 8.) kormányrendelet (id-Digriet Governattiv Nru 402/2021 (VII. 8.), dwar il-Proċeduri ta’ Reġistrazzjoni u Miżuri Oħra li Għandhom Jittieħdu għall-Irkupru Ekonomiku fir-Rigward tal-Esportazzjoni ta’ Materja Prima u ta’ Prodotti ta’ Importanza Strateġika għas-Sigurtà tal-Provvista fis-Settur tal-Kostruzzjoni (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 402/2021”), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data ta’ skadenza tat-terminu għat-tweġiba għall-opinjoni motivata (is‑6 ta’ Ġunju 2022), jipprevedi: “1. Il-materja prima u l-prodotti ta’ importanza strateġika għas-sigurtà tal-provvista fis-settur tal-kostruzzjoni msemmija fl-Anness 1 (iktar ’il quddiem, flimkien, il-‘materjali tal-kostruzzjoni’) jistgħu, bla ħsara għall-eċċezzjoni prevista fil-paragrafu 2
2. Dan id-digriet ma għandux japplika għall-materjali tal-kostruzzjoni li jgħaddu mit-territorju tal-Ungerija fit-tranżitu.” |
|
6. |
L-Artikolu 3 ta’ dan id-digriet jipprovdi: “1. Malli jirċievi l-komunikazzjoni, il-Ministru għandu jivverifika jekk din tkunx konformi mar-rekwiżiti formali previsti fl-Artikolu 2. […] 2. Jekk il-komunikazzjoni tkun konformi mar-rekwiżiti formali previsti fl-Artikolu 2, il-Ministru għandu jibgħat il-komunikazzjonijiet, flimkien mal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(b), jekk ikun il-każ, lill-Kummissarju tal-Gvern inkarigat mill-koordinazzjoni tal-miżuri fil-qasam tal-ekonomija tal-kostruzzjoni (iktar ’il quddiem il-‘Kummissarju tal-Gvern’), li għandu jeżamina, f’konsultazzjoni mal-ministri kkonċernati, jekk il-bejgħ jew l-esportazzjoni tal-materjali tal-kostruzzjoni barra mill-pajjiż jostakolawx b’mod sinjifikattiv jew jirrendux impossibbli l-kostruzzjoni, l-operat, il-manutenzjoni jew l-iżvilupp ta’ infrastrutturi kritiċi, u b’hekk jipperikolaw is-servizzi pubbliċi jew jippreżentaw riskju għas-sigurtà tal-provvista fis-settur tal-kostruzzjoni. 3. F’terminu ta’ 7 ijiem ta’ xogħol li jibdew jiddekorru mit-trażmissjoni tal-komunikazzjoni, il-Kummissarju tal-Gvern għandu jinforma bil-miktub lill-Ministru bl-eżistenza taċ-ċirkustanzi msemmija fil-paragrafu 2, bil-pożizzjoni tiegħu dwar iċ-ċirkustanzi msemmija fil-paragrafu 2 u, jekk l-imsemmija ċirkustanzi jkunu jeżistu, huwa għandu jinforma wkoll lill-Ministru inkarigat mis-sorveljanza tal-beni tal-Istat bil-proposta tiegħu dwar l-eżerċizzju tad-dritt ta’ prelazzjoni u ta’ xiri; il-Ministru għandu jeżerċita d-dritt ta’ prelazzjoni u ta’ xiri tal-Istat Ungeriż skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 5. 4. Mhux iktar tard minn 10 ijiem ta’ xogħol wara li jirċievi l-komunikazzjoni, il-Ministru:
4a. Il-komunikazzjoni u l-konferma ta’ rċevuta għandhom jakkumpanjaw il-kunsinna u għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-operatur tat-trasport jew tal-organizzatur mill-komunikant. […]” |
|
7. |
Skont l-Artikolu 6/A tal-imsemmi digriet: “Jekk il-komunikant ma jkunx osserva l-obbligu ta’ komunikazzjoni previst minn dan id-digriet jew ma jkollux il-konferma ta’ rċevuta, il-pulizija u l-awtorità tat-taxxa u doganali tal-Istat għandhom jimponulu multa amministrattiva li tkun tista’ tammonta sa erbgħin fil-mija tal-valur mingħajr VAT tal-materjal tal-kostruzzjoni mhux ikkomunikat jew li ma jkollux konferma ta’ rċevuta.” |
|
8. |
L-Artikolu 9 tal-istess digriet huwa fformulat kif ġej: “1. Dan id-digriet — bla ħsara għall-eċċezzjoni prevista fil-paragrafu 2 — għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu. 2. L-Artikolu 10 għandu jidħol fis-seħħ fil-ħmistax‑il jum ta’ wara l-pubblikazzjoni ta’ dan id-digriet.” |
|
9. |
L-Artikolu 11 tad-Digriet Nru 402/2021 jipprevedi: “L-obbligu ta’ komunikazzjoni msemmi fl-Artikolu 2 għandu japplika għall-esportazzjonijiet sussegwenti għall-ħames jum ta’ xogħol wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet.” |
|
10. |
L-Artikolu 12 ta’ dan id-digriet jipprovdi: “L-abbozz ta’ dan id-digriet kien is-suġġett ta’ komunikazzjoni minn qabel konformement mal-Artikoli 5 sa 7 tad-Direttiva [2015/1535] […]”. |
2. Id-Deċiżjoni Governattiva Nru 1459/2021
|
11. |
Il-punt 2 tal-az építésgazdasági intézkedések összehangolásáért felelős kormánybiztos kinevezéséről és feladatairól szóló 1459/2021. (VII. 14.) kormányhatározat (id-Deċiżjoni Governattiva Nru 1459/2021 (VII. 14.) dwar il-ħatra u l-funzjonijiet tal-Kummissarju tal-Gvern inkarigat mill-koordinazzjoni tal-miżuri fil-qasam tal-ekonomija tal-kostruzzjoni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Governattiva Nru 1459/2021”), jipprevedi: “Il-Kummissarju tal-Gvern:
[…]” |
III. Il‑fatti li wasslu għall-kawża
A. Il-proċedura prekontenzjuża
|
12. |
Fit‑30 ta’ Ġunju 2021, fil-kuntest tal-proċedura ta’ komunikazzjoni prevista mid-Direttiva 2015/1535, l-awtoritajiet Ungeriżi kkomunikaw lill-Kummissjoni abbozz ta’ Digriet Governattiv dwar Miżuri li Għandhom Jittieħdu għall-Irkupru Ekonomiku fir-Rigward tal-Esportazzjoni ta’ Materja Prima u ta’ Prodotti ta’ Importanza Strateġika għas-Sigurtà tal-Provvista fis-Settur tal-Kostruzzjoni (iktar ’il quddiem l-“abbozz ikkomunikat”). Fit‑8 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet Ungeriżi sabiex hija tkun tista’ tevalwa l-abbozz ikkomunikat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni. |
|
13. |
Fl-istess jum, id-Digriet Nru 402/2021 ġie ppubblikat fil-Magyar Közlöny. Il-formulazzjoni tiegħu ma kinitx identika għal dik tal-abbozz ikkomunikat. Fis‑16 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni talbet mingħand l-awtoritajiet Ungeriżi informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni ta’ dan id-digriet. Fit‑22 ta’ Lulju 2021, dawn l-awtoritajiet informaw lill-Kummissjoni li d-Digriet Nru 402/2021 kien differenti mill-abbozz ikkomunikat fir-rigward tal-portata u tal-kontenut tiegħu. |
|
14. |
Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Ungeriżi li kemm in-nuqqas ta’ komunikazzjoni kif ukoll il-ksur tal-obbligu ta’ posponiment tal-adozzjoni, konformement mal-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2015/1535, kienu jikkostitwixxu difett proċedurali sostanzjali li jirrendi inapplikabbli d-dispożizzjonijiet tar-regolamenti tekniċi. |
|
15. |
Permezz ta’ tweġiba tat‑2 ta’ Settembru 2021, l-awtoritajiet Ungeriżi ġġustifikaw il-promulgazzjoni mingħajr komunikazzjoni minn qabel tad-Digriet Nru 402/2021 permezz ta’ sitwazzjoni ta’ urġenza u spjegaw li s-sitwazzjoni tal-pandemija u n-nuqqas madwar id-dinja kollha ta’ materja prima kienu affettwaw serjament ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fl-Ungerija. Huma enfasizzaw li dan id-digriet kien intiż sabiex jiżgura li l-ħażniet ta’ materjali u ta’ prodotti essenzjali għas-sigurtà tal-provvista fis-settur tal-kostruzzjoni jkunu disponibbli fl-Ungerija u li l-ħtiġijiet interni jkunu jistgħu jiġu ssodisfatti sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-infrastrutturi kritiċi. |
|
16. |
Fit‑23 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Ungerija. Hija lmentat li dan l-Istat Membru kien naqas, billi adotta d-Digriet Nru 402/2021 u l-emendi sussegwenti tiegħu kif ukoll id-Deċiżjoni Governattiva Nru 1459/2021, milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 35 u 36 TFUE, l-Artikolu 2(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(e) TFUE, kif ukoll taħt l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2015/1535. |
|
17. |
Fit-tweġiba tagħha għal din l-intimazzjoni, permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Novembru 2021, l-Ungerija kkontestat dawn l-ilmenti. |
|
18. |
Billi ma kinitx konvinta mill-argumenti mressqa mill-Gvern Ungeriż, il-Kummissjoni bagħtet, fis‑6 ta’ April 2022, opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru, li fiha tenniet l-ilmenti kkonċernati. |
|
19. |
Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Ġunju 2022, l-Ungerija wieġbet għall-opinjoni motivata, billi allegat li n-nuqqasijiet li ġiet ikkritikata għalihom ma kinux fondati. |
B. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
20. |
Peress li l-Kummissjoni qieset li t-tweġiba tal-Ungerija tat‑13 ta’ Ġunju 2022 ma kinitx suffiċjenti, hija ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors, li ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Awwissu 2023. |
|
21. |
L-Ungerija u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet orali waqt is-seduta li nżammet fis‑6 ta’ Novembru 2024. |
IV. Analiżi
|
22. |
Peress li l-leġiżlazzjoni Ungeriża li tintroduċi proċedura applikabbli għall-esportazzjoni tal-materja prima u tal-materjali tal-kostruzzjoni tista’ taffettwa kemm l-esportazzjonijiet bejn Stati Membri kif ukoll l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi, din il-kawża tikkonċerna kemm il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-suq intern kif ukoll dik fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni. |
A. Il-ksur tal-Artikoli 35 u 36 TFUE (l-ewwel ilment)
1. L-argumenti tal-partijiet
|
23. |
Skont il-Kummissjoni, id-Digriet Nru 402/2021 jikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fis-sens tal-Artikolu 35 TFUE, minkejja l-argumenti mressqa mill-Gvern Ungeriż li (i) il-proċedura ta’ reġistrazzjoni tlestiet f’terminu massimu ta’ jumejn ta’ xogħol; (ii) l-Istat Ungeriż ma jeżerċitax id-dritt tiegħu ta’ prelazzjoni jew ta’ xiri, u (iii) l-awtoritajiet kompetenti ma japplikawx is-sanzjonijiet previsti fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ komunikazzjoni. Din l-istituzzjoni tenfasizza li d-Digriet Nru 402/2021 jistabbilixxi, de jure, differenza fit-trattament bejn il-kummerċ intern u l-kummerċ ta’ esportazzjoni tal-Ungerija u li miżura nazzjonali ma tevitax il-projbizzjoni prevista fl-Artikoli 34 u 35 TFUE minħabba s-sempliċi fatt li l-ostakolu maħluq minn dan l-Istat Membru huwa dgħajjef. Hija tafferma, barra minn hekk, li miżura tista’ titqies bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva anki jekk ikollha importanza ekonomika relattivament żgħira jew jekk tkun taffettwa biss l-importazzjonijiet/l-esportazzjonijiet jew lill-operaturi ekonomiċi b’mod limitat. |
|
24. |
F’dak li jirrigwarda ġustifikazzjoni possibbli tad-Digriet Nru 402/2021 skont l-Artikolu 36 TFUE, il-Kummissjoni tenfasizza li peress li l-kunċetti ta’ “ordni pubbliku” u ta’ “sigurtà” għandhom jiġu interpretati b’mod strett, dawn jistgħu jiġu invokati biss fil-każ ta’ theddida reali u suffiċjentement gravi, li tkun taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà. Din l-istituzzjoni tfakkar li tali raġuni għandha tkun marbuta ma’ ċirkustanzi oġġettivi, li jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sigurtà pubblika, u ma hijiex applikabbli b’mod ġenerali. |
|
25. |
Il-Kummissjoni tfakkar li miżura restrittiva tista’ tiġi kkunsidrata bħala adegwata sabiex tiggarantixxi l-kisba tal-għan imfittex biss jekk din verament tkun tirrifletti l-intenzjoni li dan jinkiseb b’mod koerenti u sistematiku. Din l-istituzzjoni tosserva, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Digriet Nru 402/2021, li l-miżura inkwistjoni f’dan il-każ madankollu la hija limitata għall-materjali tal-kostruzzjoni li fir-rigward tagħhom ġie identifikat riskju ta’ provvista (riskju ta’ nuqqas) u lanqas għall-materjali li huma effettivament neċessarji għal kull infrastruttura kritika. |
|
26. |
Skont il-Kummissjoni, il-Gvern Ungeriż ma pprovax li d-Digriet Nru 402/2021 huwa adegwat sabiex jiggarantixxi l-kisba tal-għan ta’ interess ġenerali allegat. |
|
27. |
Il-Kummissjoni tfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-mezzi magħżula mill-Istati Membri jkunu limitati għal dak li huwa jkun effettivament xieraq u neċessarju sabiex jinkiseb l-għan leġittimu segwit u li, konformement ma’ dan il-prinċipju, sistema ta’ kontroll ex ante, iġġustifikata u xierqa, għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji u magħrufa minn qabel mill-impriżi kkonċernati, b’mod li jiġi limitat l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex din ma tkunx tista’ tintuża b’mod arbitrarju. |
|
28. |
Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-argumenti tal-Gvern Ungeriż ma jipprovdux elementi li jippermettu li jiġi stabbilit li l-miżuri imposti mid-Digriet Nru 402/2021 huma proporzjonati u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex. |
|
29. |
Il-Gvern Ungeriż isostni li d-Digriet Nru 402/2021 ma jikkostitwixxix miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva u għalhekk ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 35 TFUE. L-għan ta’ dan id-digriet huwa li jippermetti lill-awtoritajiet Ungeriżi, billi jimponu obbligu ta’ komunikazzjoni, jikkontrollaw b’mod effettiv il-ħażniet ta’ prodotti ta’ importanza strateġika għall-infrastruttura kritika u li jiġbru informazzjoni dwar l-istat tal-ħażniet u tal-kunsinni. Permezz ta’ tali komunikazzjoni, dawn l-awtoritajiet ikollhom stampa kompleta, f’ħin reali, tal-evoluzzjoni tal-ħażniet tal-prodotti tal-kostruzzjoni ta’ importanza strateġika u, għaldaqstant, ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jevitaw sitwazzjoni kritika. |
|
30. |
Il-Gvern Ungeriż iqis li l-effettività tad-dispożizzjonijiet previsti mid-Digriet Nru 402/2021 hija murija mill-fatt li, sa mid-dħul fis-seħħ tagħhom, qatt ma kien hemm sitwazzjoni li fiha, minħabba nuqqas ta’ materja prima jew ta’ prodott kopert minn dan id-digriet, l-awtoritajiet Ungeriżi kellhom jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ prelazzjoni jew ta’ xiri. Filwaqt li jenfasizza li dawn id-dispożizzjonijiet ma jimponux obbligu ta’ dritt sostantiv fuq l-operaturi, dan il-gvern jirrileva li l-proċedura ta’ reġistrazzjoni titwettaq dejjem f’terminu massimu ta’ jumejn ta’ xogħol u li s-sanzjonijiet previsti fil-każ ta’ nuqqas ta’ komunikazzjoni ma humiex applikati mill-awtoritajiet kompetenti. |
|
31. |
Skont il-Gvern Ungeriż, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hija prevista eċċezzjoni għall-projbizzjoni tal-Artikolu 35 TFUE għar-restrizzjonijiet li l-effetti tagħhom jitqiesu bħala wisq aleatorji jew wisq indiretti sabiex dawn jkunu jistgħu jitqiesu bħala restrizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 35 TFUE. |
|
32. |
Fir-rigward tal-effetti reali tad-dispożizzjonijiet previsti mid-Digriet Nru 402/2021, il-Gvern Ungeriż jirrileva li l-eżami tad-data tal-Központi Statisztikai Hivatal (l-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika, l-Ungerija) ma jippermettix li jiġi konkluż li kien hemm tnaqqis ġenerali tad-dħul mill-bejgħ mill-esportazzjoni għall-firxa ta’ prodotti kkonċernata. |
|
33. |
Barra minn hekk, il-Gvern Ungeriż iqis li d-Digriet Nru 402/2021 huwa intiż sabiex l-Ungerija tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2008/114/KE ( 4 ) u li fi kwalunkwe każ dan huwa ġġustifikat minn raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, fis-sens tal-Artikolu 36 TFUE. Huwa jżid li dan id-digriet jikkontribwixxi għall-irkupru tal-ekonomija billi jindirizza t-tnaqqis fil-produzzjoni tal-materjali tal-kostruzzjoni, in-nuqqasijiet ta’ provvista u ż-żidiet fil-prezzijiet dovuti għall-epidemija tal-coronavirus, u l-protezzjoni tal-interessi soċjali bħall-kostruzzjoni kif ukoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ akkomodazzjoni, il-provvista ta’ akkomodazzjoni u l-possibbiltà għaż-żgħażagħ li jibdew familja. |
2. Analiżi
a) Miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l‑esportazzjoni skont l‑Artikolu 35 TFUE
|
34. |
Skont l-Artikolu 35 TFUE, ir-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni, kif ukoll il-miżuri kollha li għandhom effett ekwivalenti, huma pprojbiti bejn l-Istati Membri. |
|
35. |
Il-formulazzjoni tal-Artikolu 35 TFUE hija kważi identika għal dik tal-Artikolu 34 TFUE. L-għan imfittex minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huwa l-istess, jiġifieri li jiġi żgurat il-moviment liberu tal-merkanzija f’suq intern, jiġifieri żona mingħajr fruntieri interni ( 5 ). |
|
36. |
Madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 35 TFUE huwa iktar ristrett minn dak tal-Artikolu 34 TFUE, minħabba d-differenza fil-loġika tas-sistemi ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni. F’dak li jirrigwarda l-importazzjonijiet, kważi kull regola nazzjonali li tikkonċerna l-merkanzija hija, tal-inqas, potenzjalment kapaċi li tostakola l-kummerċ fis-suq intern, peress li l-fatt li importatur għandu, bħala prinċipju, jikkonforma ruħu mhux biss mal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ oriġini iżda wkoll ma’ dik tal-Istat ta’ destinazzjoni. Fi kliem ieħor, l-ostakolu huwa dovut għall-koeżistenza ta’ żewġ sistemi leġiżlattivi differenti. |
|
37. |
Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-esportazzjonijiet, tapplika sistema leġiżlattiva waħda, jiġifieri dik tal-Istat ta’ oriġini. F’tali sitwazzjoni, ikun eċċessiv li jitqies li kull regola nazzjonali dwar il-produzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni jew il-bejgħ ta’ merkanzija jista’ jkollha effett fuq l-esportazzjonijiet. Din hija r-raġuni għaliex restrizzjoni fuq l-esportazzjoni li tkun taqa’ taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 35 TFUE tkun tista’ tirriżulta minn regoli ġenerali biss jekk dawn x’aktarx ikollhom effetti mhux biss fuq il-produzzjoni u d-distribuzzjoni b’mod ġenerali, iżda wkoll preċiżament fuq l-esportazzjoni ( 6 ). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tuża formoli iktar ristretti meta jkollha tiddetermina jekk miżura tkunx tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-esportazzjoni ( 7 ). |
|
38. |
Kuntrarjament għal dak li donnha timplika l-Kummissjoni ( 8 ) u għall-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 34 TFUE, ( 9 ) il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ddefinixxiet il-“miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva”, skont l-Artikolu 35 TFUE. Madankollu, anki fl-assenza ta’ definizzjoni astratta, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat bħala “miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, il-miżuri nazzjonali applikabbli għall-operaturi kollha li joperaw fit-territorju nazzjonali li fil-fatt jaffettwaw iktar il-ħruġ tal-prodotti mis-suq tal-Istat Membru ta’ esportazzjoni milli l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti fis-suq nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru ( 10 ). |
|
39. |
Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 34 u 35 TFUE jipprekludu l-applikazzjoni, fir-relazzjonijiet fi ħdan l-Unjoni, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun iżżomm ir-rekwiżit, anki jekk purament formali, ta’ liċenzji ta’ importazzjoni jew ta’ esportazzjoni jew kwalunkwe proċess ieħor simili ( 11 ) u li l-impożizzjoni ta’ kwalunkwe formalità speċjali fuq l-esportazzjoni, bid-dewmien li din tkun twassal għalih u bl-effett dissważiv li din tkun tinvolvi fir-rigward tal-esportaturi, tikkostitwixxi ostakolu għall-kummerċ ( 12 ). |
|
40. |
F’dan il-kuntest ġurisprudenzjali, huwa impossibbli li ma jiġix irrikonoxxut li l-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu miżuri li għandhom effett ekwivalenti. |
b) Ġustifikazzjoni skont l‑Artikolu 36 TFUE
|
41. |
Restrizzjoni li tkun taqa’ taħt l-Artikolu 35 TFUE tista’ tiġi ġġustifikata biss bil-kundizzjoni, fl-ewwel lok, li din tkun iddettata minn waħda mill-kunsiderazzjonijiet ġenerali mhux ekonomiċi stabbiliti fl-Artikolu 36 TFUE jew minn waħda mir-raġunijiet prevalenti ta’ interess ġenerali ( 13 ), kif żviluppati, b’mod suċċessiv, mill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tal-ġurisprudenza tagħha u, fit-tieni lok, li din tkun tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, fatt li jimplika li din ir-restrizzjoni tkun adegwata sabiex tiggarantixxi, b’mod koerenti u sistematiku, il-kisba tal-għan imfittex u li ma tmurx lil hinn minn dak li jkun neċessarju sabiex dan jintlaħaq. |
1) Fuq l‑identifikazzjoni ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali
|
42. |
Ir-raġunijiet invokati bħala ġustifikazzjoni mill-Ungerija jirrigwardaw is-sigurtà pubblika, imsemmija fl-Artikolu 36 TFUE. |
|
43. |
Sa fejn l-Ungerija tinvoka d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/114, għandu jiġi kkonstatat li din id-direttiva hija irrilevanti f’dan il-każ. Minn naħa, l-imsemmija direttiva tirrigwarda s-setturi tal-enerġija u tat-trasport ( 14 ). Issa, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Digriet Nru 402/2021 huwa kunsiderevolment usa’, peress li jkopri mhux biss il-manutenzjoni tal-infrastruttura kritika, iżda wkoll il-kostruzzjoni, l-operat, il-manutenzjoni u l-iżvilupp ta’ infrastrutturi kritiċi. Għaldaqstant, dan id-digriet ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/114. |
|
44. |
Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2008/114 sempliċement tistabbilixxi proċedura ta’ identifikazzjoni u ta’ indikazzjoni tal-infrastruttura kritika tal-Unjoni ( 15 ). |
|
45. |
L-unika ħaġa li tista’ tittieħed mid-Direttiva 2008/114 hija l-ovvju: il-leġiżlatur tal-Unjoni ( 16 ) jqis li l-infrastruttura kritika hija ta’ importanza sinjifikattiva fi ħdan l-Unjoni. Din ma għandhiex tkun sorpriża. |
|
46. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika jistgħu jiġu invokati biss fil-każ ta’ theddida reali u suffiċjentement serja, li tkun taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà ( 17 ). Fir-rigward speċifikament ta’ għan marbut mas-sigurtà tal-provvista, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li tali għan jista’ jiġi invokat biss fil-każ ta’ theddida reali u suffiċjentement serja, li tkun taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà ( 18 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-għan li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista favur is-settur tal-kostruzzjoni, b’mod partikolari fil-livell lokali, fir-rigward ta’ ċerti materji primi bażiċi, jiġifieri ż-żrar, ir-ramel u t-tafal, li jirriżultaw minn attività ta’ estrazzjoni minerarja, jaqa’, bħall-għan marbut mas-sigurtà tal-provvista tas-setturi taż-żejt, tat-telekomunikazzjonijiet u tal-enerġija, taħt “interess fundamentali tas-soċjetà” ( 19 ). |
|
47. |
Konsegwentement, nipproponi li tiġi eskluża s-sigurtà tal-provvista tal-infrastrutturi kritiċi bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali relatata mas-sigurtà pubblika. |
|
48. |
Għall-kuntrarju, bħala prinċipju, nifhem l-argument tal-Ungerija li d-Digriet Nru 402/2021 isegwi interessi soċjali bħall-kostruzzjoni ta’ akkomodazzjoni ( 20 ). Madankollu, inqis li l-Ungerija ma pprovdietx biżżejjed evidenza sabiex tistabbilixxi tali konstatazzjoni. Invokata b’mod astratt, nibża’ li r-rabta bejn ir-restrizzjoni u l-ġustifikazzjoni kif imressqa hija wisq dgħajfa. |
2) Fuq in-natura xierqa
|
49. |
L-analiżi li ġejja qiegħda ssir fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li teżisti raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika l-ostakolu inkwistjoni. |
|
50. |
Għandu jiġi mistoqsi jekk id-Digriet Nru 402/2021 huwiex adegwat ( 21 ) sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-infrastrutturi kritiċi fis-settur tal-kostruzzjoni. Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, leġiżlazzjoni nazzjonali tkun adegwata sabiex tiġi żgurata l-kisba tal-għan imfittex biss jekk fil-verità din tkun tissodisfa x-xewqa li dan jintlaħaq b’mod konsistenti u sistematiku ( 22 ). |
|
51. |
Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, inqis li d-Digriet Nru 402/2021 ma huwiex adegwat sabiex jiggarantixxi l-kisba tal-għan imfittex. |
|
52. |
Fl-ewwel lok, id-Digriet Nru 402/2021 jillimita ruħu għall-esportazzjonijiet. Għall-kuntrarju, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet fis-suq nazzjonali, ma huwa impost l-ebda obbligu ta’ komunikazzjoni fuq l-operaturi. Ma hemm previst l-ebda dritt ta’ prelazzjoni jew ta’ xiri għall-awtoritajiet nazzjonali. Għaldaqstant hemm nuqqas ta’ konsistenza fis-sistema stabbilita minn dan id-digriet. |
|
53. |
Fit-tieni lok, id-Digriet Nru 402/2021 ma jistabbilixxix iċ-ċirkustanzi li fihom id-dritt ta’ prelazzjoni li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali jista’ jiġi eżerċitat. Fil-fatt, dan id-digriet sempliċement jipprovdi li, wara l-komunikazzjoni tal-esportazzjonijiet tal-materjali tal-kostruzzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom għaxart ijiem ta’ xogħol sabiex jieħdu deċiżjoni dwar l-eżerċizzju tad-dritt ta’ prelazzjoni u ta’ xiri relatat mal-materjali tal-kostruzzjoni kkomunikati. Għalhekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, in-natura xierqa tal-miżuri previsti mill-imsemmi digriet tkun tiddependi, fil-fatt, fuq l-evoluzzjoni futura taċ-ċirkustanzi fattwali tal-implimentazzjoni tiegħu u fuq il-karatteristiċi proprji ta’ din l-implimentazzjoni. |
|
54. |
Il-Gvern Ungeriż għalhekk ma stabbilixxiex li d-Digriet Nru 402/2021 huwa adegwat sabiex jiggarantixxi l-kisba tal-għan ta’ interess pubbliku invokat. |
3) Fuq in-natura neċessarja
|
55. |
Fir-rigward tan-natura neċessarja tad-Digriet Nru 402/2021 sabiex jinkiseb l-għan inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li huma possibbli miżuri inqas restrittivi, bħall-ġbir ta’ informazzjoni bbażat fuq sempliċi obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ data relatata mat-tranżazzjonijiet li jkunu jirrigwardaw il-materjali tal-kostruzzjoni, akkumpanjat, għall-każijiet ta’ nuqqas possibbli, minn miżuri ddefiniti b’mod iktar ċar. |
B. Il-ksur tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 3(1)(e) TFUE (it‑tieni lment)
1. L-argumenti tal-artijiet
|
56. |
Il-Kummissjoni tqis li r-restrizzjoni prevista mid-Digriet Nru 402/2021 tapplika wkoll għall-esportazzjonijiet mill-Ungerija lejn pajjiżi terzi u tikkostitwixxi miżura li taqa’ taħt il-politika kummerċjali komuni, u hija tallega li dan l-Istat Membru ma kellux jadotta miżuri f’dan il-qasam. Filwaqt li tenfasizza li dan id-digriet ma jimplimentax att adottat mill-Unjoni u li l-Unjoni ma awtorizzatx lill-Ungerija tadotta l-imsemmi digriet, din l-istituzzjoni tqis li l-Ungerija kisret l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(1)(e) TFUE. |
|
57. |
Il-Gvern Ungeriż isostni li d-Digriet Nru 402/2021 ma jmurx kontra l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni. Huwa jsostni li dan id-digriet huwa bbażat fuq raġunijiet ta’ ordni pubbliku li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament 2015/479. |
2. Analiżi
|
58. |
Skont l-Artikolu 2(1) TFUE, meta t-Trattati jagħtu kompetenza esklużiva lill-Unjoni f’qasam speċifiku, l-Unjoni biss tista’ tilleġiżla u tadotta atti legalment vinkolanti, u l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu dan biss jekk jingħataw is-setgħa mill-Unjoni jew sabiex jimplimentaw l-atti tal-Unjoni. L-Artikolu 3(1)(e) TFUE min-naħa tiegħu jipprevedi li l-politika kummerċjali komuni hija waħda minn dawn il-kompetenzi esklużivi. |
|
59. |
Huwa paċifiku li l-Ungerija adottat att legalment vinkolanti f’qasam li jaqa’ taħt il-politika kummerċjali komuni. |
|
60. |
Huwa preċiżament billi eżerċita din il-kompetenza esklużiva fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, sabiex tiġi stabbilita sistema komuni applikabbli għall-esportazzjonijiet (tal-merkanzija), li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta r-Regolament 2015/479 ( 23 ). L-Artikolu 1, li jistabbilixxi l-“prinċipju bażiku” ( 24 ) ta’ dan ir-Regolament, jistipula li “[l]-esportazzjonijiet ta’ prodotti mill-Unjoni lejn pajjiżi terzi għandha tkun ħielsa, jiġifieri, ma għandhiex tkun soġġetta għal restrizzjonijiet kwantitattivi, bl-eċċezzjoni ta’ dawk ir-restrizzjonijiet li huma applikati f’konformità ma’ dan ir-Regolament”. Skont l-Artikolu 10 tiegħu, bla ħsara għal dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni, l-imsemmi regolament ma għandux jipprevjeni l-adozzjoni jew l-applikazzjoni minn Stat Membru ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni ġġustifikati minn raġunijiet ta’ moralità pubblika, ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, jew ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni, tal-annimali jew tal-pjanti, tat-teżori nazzjonali li jkollhom valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku, jew ta’ propjetà industrijali u kummerċjali ( 25 ). |
|
61. |
Il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija kważi identika għal dik tal-Artikolu 36 TFUE. Dan jimplika, fil-fehma tiegħi, li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jestendi l-possibbiltà għal Stat Membru, prevista mid-dritt primarju fl-Artikolu 36 TFUE, li jkun jista’ jirrestrinġi l-esportazzjonijiet fi ħdan is-suq intern ( 26 ) għall-esportazzjonijiet barra minn dan is-suq intern. |
|
62. |
Minn dan isegwi li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 10 tar-Regolament 2015/479 ma humiex issodisfatti. F’dan ir-rigward, nagħmel riferiment għall-analiżi tiegħi fil-kuntest tal-Artikolu 36 TFUE: ma hemm l-ebda raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika r-restrizzjoni inkwistjoni f’dan il-każ ( 27 ). Fi kwalunkwe każ, din ir-restrizzjoni la hija xierqa u lanqas neċessarja. |
|
63. |
Konsegwentement, l-Ungerija aġixxiet f’qasam ta’ kompetenza esklużiva mingħajr ma ngħatat is-setgħa li tagħmel dan mill-Unjoni. |
C. Ksur tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2015/1535 (it-tielet ilment)
1. L-argumenti tal-partijiet
|
64. |
Il-Kummissjoni tikkritika lill-Ungerija talli ma osservatx il-perijodu ta’ sospensjoni ta’ tliet xhur, previst fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2015/1535. Hija tindika li l-awtoritajiet Ungeriżi kkomunikawlha l-abbozz ikkomunikat fit‑30 ta’ Ġunju 2021 u li, għaldaqstant, bl-adozzjoni tad-Digriet Nru 402/2021 fit‑8 ta’ Lulju 2021, jiġifieri qabel l-iskadenza ta’ dan il-perijodu ta’ sospensjoni, fl‑1 ta’ Ottubru 2021, dan l-Istat Membru kiser din id-dispożizzjoni. |
|
65. |
Barra minn hekk, billi tikkritika lill-Ungerija talli ma kkomunikatilhiex l-abbozz ta’ digriet emendat, peress li l-bidliet magħmula kienu sinjifikattivi meta mqabbla mal-abbozz ikkomunikat, il-Kummissjoni ssostni li dan l-Istat Membru kiser l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/1535. Hija tfakkar li Stat Membru għandu jikkomunika abbozz mill-ġdid jekk jagħmel bidliet sinjifikattivi fih wara l-komunikazzjoni tiegħu u li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, emenda magħmula għandha titqies bħala sinjifikattiva, b’mod partikolari, meta din tqassar l-iskeda ta’ applikazzjoni inizjalment prevista għall-abbozz. |
|
66. |
Il-Gvern Ungeriż isostni li huwa ma kisirx id-Direttiva 2015/1535, peress li l-adozzjoni urġenti tad-Digriet Nru 402/2021 kienet iġġustifikata minn raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, fis-sens tal-Artikolu 6(7)(a) ta’ din id-direttiva, li jippermetti deroga mill-osservanza tal-perijodu ta’ sospensjoni ta’ tliet xhur, previst fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva. Huwa jenfasizza li l-irkupru tat-talba għall-materjali tal-kostruzzjoni wara l-pandemija tal-coronavirus hedded li joħloq nuqqas fl‑2021 u li, għalhekk, kienet meħtieġa azzjoni urġenti sa tiġi evitata sitwazzjoni bħal din. Dan il-gvern jindika li, sa fejn dan id-digriet ma ġiex ikkomunikat lill-Kummissjoni minħabba din l-urġenza, huwa impenja ruħu li ma japplikax sanzjonijiet għall-impriżi li ma josservawx l-obbligu ta’ komunikazzjoni impost mill-imsemmi digriet jew li ma għandhomx il-konferma ta’ rċevuta ta’ din il-komunikazzjoni. |
2. Analiżi
a) Fuq l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2015/1535
|
67. |
Fit‑30 ta’ Ġunju 2021, l-awtoritajiet Ungeriżi kkomunikaw l-abbozz ta’ digriet lill-Kummissjoni, bħala abbozz ta’ regolament tekniku, konformement mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/1535. |
|
68. |
Wara din il-komunikazzjoni, konformement mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2015/1535, beda jiddekorri perijodu ta’ sospensjoni ta’ tliet xhur li matulu l-adozzjoni ta’ dan l-abbozz kellha tiġi sospiża. |
|
69. |
Madankollu, id-Digriet Nru 402/2021 ġie ppubblikat fil-Magyar Közlöny fit‑8 ta’ Lulju 2021, u dan daħal fis-seħħ, skont l-Artikolu 9 tiegħu u bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 10 tiegħu, l-għada ta’ din il-pubblikazzjoni. Minn dan isegwi li dan id-digriet għalhekk ġie adottat ħafna qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ sospensjoni ta’ tliet xhur. |
|
70. |
Skont l-Artikolu 6(7)(a) tad-Direttiva 2015/1535, l-Istati Membri ma humiex obbligati josservaw dan il-perijodu ta’ sospensjoni ta’ tliet xhur meta, għal raġunijiet urġenti marbuta ma’ sitwazzjoni serja u imprevedibbli relatati mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-annimali, mal-preżervazzjoni tal-pjanti jew mas-sigurtà u, għar-regoli dwar is-servizzi, ukoll mal-ordni pubbliku, b’mod partikolari mal-protezzjoni tal-minuri, huma jkollhom iħejju regolamenti tekniċi fi spazju qasir ħafna ta’ żmien sabiex jippromulgahom u jimplimentawhom fil-pront, mingħajr ma tkun possibbli konsultazzjoni. |
|
71. |
Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(7)(a) tad-Direttiva 2015/1535, is-sitwazzjoni inkwistjoni għandha tkun serja u imprevedibbli, u mhux potenzjali. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiċċara li Stat Membru ma jistax jinvoka l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni meta ma tkunx teżisti, f’dan l-Istat Membru, sitwazzjoni koperta minn din id-dispożizzjoni ( 28 ). |
|
72. |
Issa, il-Gvern Ungeriż isemmi biss riskju ta’ nuqqas ta’ materjali tal-kostruzzjoni fl-Ungerija. Konsegwentement, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(7)(a) tad-Direttiva 2015/1535 ma humiex issodisfatti. Minn dan isegwi li d-Digriet Nru 402/2021 ġie adottat qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ sospensjoni ta’ tliet xhur, fatt li jimplika li l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva nkiser. |
b) Fuq l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/1535
|
73. |
Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/1535, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw mill-ġdid l-abbozz tar-regolament tekniku lill-Kummissjoni, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi ta’ dan il-paragrafu jekk jagħmlu tibdil lil dan l-abbozz li jkollu l-effett li jibdel b’mod sinjifikattiv il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, iqassar l-iskeda imfassla oriġinarjament għall-implimentazzjoni tiegħu, iżid speċifikazzjonijiet jew rekwiżit, jew jirrendi dawn tal-aħħar iktar stretti. |
|
74. |
Skont l-Artikolu 3 tal-abbozz innotifikat, id-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom japplikaw mill‑1 ta’ Ottubru 2021. Għall-kuntrarju, skont l-Artikoli 9 u 11 tad-Digriet Nru 402/2012, l-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-esportazzjonijiet għandu japplika għall-esportazzjonijiet mill‑15 ta’ Lulju 2021. |
|
75. |
Tali tnaqqis tat-terminu għall-implimentazzjoni inizjalment previst jikkostitwixxi bidla sinjifikattiva tal-abbozz ikkomunikat, fatt li jwassal għall-obbligu ta’ komunikazzjoni ġdida lill-Kummissjoni ( 29 ). |
|
76. |
Konsegwentement, billi ma kkomunikawx l-abbozz ta’ digriet emendat, l-awtoritajiet Ungeriżi kisru l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2015/1535. |
V. Konklużjoni
|
77. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 2015, L 241, p. 1).
( 3 ) Regolament (UE) 2015/479 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2015 dwar regoli komuni għall-esportazzjoni (ĠU 2015, L 83. p. 34).
( 4 ) Direttiva tal-Kunsill tat‑8 ta’ Diċembru 2008 dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni ta’ l-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom (ĠU 2008, L 345, p. 75).
( 5 ) Ara l-Artikolu 26(2) TFUE.
( 6 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, Müller‑Graff, P.-Chr., f’von der Groeben, H., Schwarze, J., Hatje, A. (ed.), “Art. 35 AEUV”Europäisches Unionsrecht (Kommentar), Band 1, Edizzjoni 7, Nomos, Baden‑Baden, 2015, punt 17.
( 7 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża BONVER WIN (C‑311/19, EU:C:2020:640, punt 50).
( 8 ) Ara l-punt 32 tar-rikors tal-Kummissjoni.
( 9 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1974, Dassonville (8/74, EU:C:1974:82, punt 5). Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 34 TFUE jirrigwarda “kwalunkwe miżura nazzjonali li tista’ xxekkel direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni” (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, BP France (C‑624/22, EU:C:2024:640, punt 61)).
( 10 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Hidroelectrica (C‑648/18, EU:C:2020:723, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 11 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1971, International Fruit Company et (51/71 sa 54/71, EU:C:1971:128, punt 9).
( 12 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 1977, Il‑Kummissjoni vs Franza (68/76, EU:C:1977:48, punt 16).
( 13 ) Imsejħa wkoll “raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali” (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Gysbrechts u Santurel Inter (C‑205/07, EU:C:2008:730, punt 45)); “rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali” (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Hidroelectrica (C‑648/18, EU:C:2020:723, punt 34)) jew anki “għan ta’ interess ġenerali” (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2016, New Valmar (C‑15/15, EU:C:2016:464, punt 48)).
( 14 ) Ara l-premessi 5 u 9 tad-Direttiva 2008/114.
( 15 ) Kif ukoll approċċ komuni sabiex tiġi evalwata l-ħtieġa għat-titjib tal-protezzjoni tagħha, sabiex jingħata kontribut għall-protezzjoni tal-individwi.
( 16 ) Barra minn hekk, huwa bbaża ruħu fuq l-Artikolu 352 TFUE, preżumibbilment fin-nuqqas ta’ bażi legali oħra.
( 17 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2000, Église de scientologie (C‑54/99, EU:C:2000:124, punt 17).
( 18 ) Ara s-sentenza reċenti tat‑13 ta’ Lulju 2023, Xella Magyarország (C‑106/22, EU:C:2023:568, punti 66 u 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 19 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Xella Magyarország (C‑106/22, EU:C:2023:568, punti 66, 67 u 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 20 ) Għall-kuntrarju, nipproponi li jiġu miċħuda mill-ewwel ir-raġunijiet ekonomiċi mressqa mill-Ungerija bħall-idea tal-irkupru tal-ekonomija nazzjonali.
( 21 ) Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kultant tuża t-terminu “adatt”. Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑296/12, EU:C:2014:24, punt 33). Xorta waħda ser nuża l-kliem “adegwat” u “xieraq” f’dawn il-konklużjonijiet.
( 22 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2024, Centro di Assistenza Doganale Mellano (C‑503/23, EU:C:2024:933, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 23 ) Essenzjalment, is-sistema komuni applikabbli għall-esportazzjonijiet tmur lura għall‑1969: ir-Regolament 2015/479 ħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1061/2009 tad‑19 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għall-esportazzjoni (ĠU 2009, L 291, p. 1), li min-naħa tiegħu kien ħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2603/69 tal‑20 ta’ Diċembru 1969 li jistabbilixxi regoli komuni għall-esportazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 12).
( 24 ) Ara t-titolu tal-Kapitolu I tar-Regolament 2015/479.
( 25 ) F’dan ir-rigward, nixtieq insemmi li, evidentement, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra l-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 10 tar-Regolament 2015/479 japplika wkoll għall-miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-esportazzjoni. Fil-kawżi Werner u Leifer, li kellhom bħala suġġett l-interpretazzjoni ta’ wieħed mill-prekursuri tar-Regolament 2015/479, jiġifieri r-Regolament 2603/69, qamet il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjoni li kienet tikkorrispondi għall-Artikolu 10 tar-Regolament 2015/479, li l-formulazzjoni tagħha hija identika, kinitx tinkludi wkoll il-miżuri li għandhom effett ekwivalenti. Għall-Qorti tal-Ġustizzja, id-differenza fil-formulazzjoni bejn l-Artikolu 35 TFUE u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2603/69 kienet irrilevanti. Billi ma llimitatx ruħha għal interpretazzjoni letterali u billi eżaminat il-kuntest u l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 2603/69, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li regolament, ibbażat fuq l-Artikolu 207 TFUE u li għandu bħala għan l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ libertà tal-esportazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 1 tiegħu, ma jistax jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu miżuri meħuda mill-Istati Membri li l-effett tagħhom ikun ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva peress li l-applikazzjoni tagħhom tista’ twassal għal projbizzjoni fuq l-esportazzjoni (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Ottubru 1995, Werner (C‑70/94, EU:C:1995:328, punt 22) u Leifer et (C‑83/94, EU:C:1995:329, punt 23)). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Werner (C‑70/94, EU:C:1995:151, punt 31) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Richardt u Les Accessoires Scientifiques (C‑367/89, EU:C:1991:199, punti 19 sa 22).
( 26 ) Bil-kundizzjoni, naturalment, li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni kif ukoll mill-prinċipji l-oħra, bħall-prinċipju ta’ proporzjonalità.
( 27 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li “interpretazzjoni iktar restrittiva [tal-kunċett ta’ sigurtà pubblika] meta jintuża mill-Artikolu [10] tar-Regolament twassal sabiex l-Istati Membri jiġu awtorizzati jirrestrinġu l-moviment tal-merkanzija fi ħdan is-suq intern iktar milli jistgħu fir-rigward tal-pajjiżi terzi”, (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 1995, Werner (C‑70/94, EU:C:1995:328, punt 25)). Madankollu, inqis li, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet jew ta’ argumenti oħra mressqa mill-Ungerija f’din il-kawża, ma hemmx lok li l-kunċett ta’ “sigurtà pubblika” jiġi interpretat b’mod differenti fil-kuntest tal-Artikolu 36 TFUE u f’dak tal-Artikolu 10 tar-Regolament 2015/479.
( 28 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑65/05, EU:C:2006:673, punt 65). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat id-dispożizzjoni identika tal-prekursur tad-Direttiva 2015/1535, jiġifieri l-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8).
( 29 ) Ara, ukoll, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Ivansson et (C‑307/13, EU:C:2014:2058, punt 44).