KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fis‑17 ta’ Ottubru 2024 ( 1 )
Kawża C‑452/23
Fastned Deutschland GmbH & Co. KG,
vs
Die Autobahn GmbH des Bundes,
bl-intervent ta’:
Autobahn Tank & Rast GmbH,
Ostdeutsche Autobahntankstellen GmbH
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja))
“Proċedura għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi — Kuntratt ta’ konċessjoni — Direttiva 2014/23/UE — Modifika ta’ konċessjoni matul it-terminu tagħha — Artikolu 43 — Kuntratt pubbliku mogħti inhouse — Telf sussegwenti tal-kundizzjonijiet għal għoti inhouse”
|
1. |
Sa mill‑2014, l-Unjoni Ewropea kellha strument legali ( 2 ) li l-għan tiegħu kien li jtaffi l-impatt ambjentali tat-trasport, billi jnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili. F’dan l-istrument diġà ġie kkontemplat l-iżvilupp ta’ infrastruttura li tforni fjuwils alternattivi (fosthom, l-elettriku) għat-trasport bit-triq. |
|
2. |
Iż-żieda fil-vetturi elettriċi bil-batteriji u plug-in, l-iżvilupp ta’ fjuwils alternattivi u l-preferenza ta’ dawn fuq il-fjuwils fossili ddeterminaw l-approvazzjoni ta’ kuntest ġuridiku ġdid, rifless fir-Regolament (UE) 2023/1804 ( 3 ). |
|
3. |
Il-kawża li tat lok għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-legalità ta’ deċiżjoni meħuda mill-kumpannija inkarigata mill-ġestjoni tal-awtostradi federali Ġermaniżi (Die Autobahn GmbH des Bundes; iktar ’il quddiem “Autobahn des Bundes”) li, mingħajr ma rrikorriet għal proċedura ta’ offerti, estendiet ċerti kuntratti ta’ konċessjoni għal żoni ta’ servizzi ta’ awtostradi sabiex il-konċessjonarji rispettivi jkunu jistgħu jimplimentaw punti ta’ ċċarġjar bl-elettriku hemmhekk. |
|
4. |
Din id-deċiżjoni ġiet ikkontestata minn żewġ kumpanniji ddedikati għall-installazzjoni u t-tħaddim tal-infrastruttura tal-iċċarġjar bl-elettriku tal-vetturi. Fl-opinjoni tagħhom, l-installazzjoni ta’ punti ġodda għall-iċċarġjar bl-elettriku fiż-żoni tas-servizz tal-awtostradi Ġermaniżi ġestiti mill-konċessjonarji attwali għandha tkun miftuħa, u mhux eskluża, mill-kompetizzjoni. |
|
5. |
F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/23/UE ( 4 ) għall-modifiki tal-konċessjonijiet meta dawn il-konċessjonijiet, min-naħa tagħhom, ma ġewx suġġetti għal proċeduri ta’ sejħa għal offerti dak iż-żmien. |
I. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni. Id‑Direttiva 2014/23
|
6. |
L-Artikolu 43 (“Modifika tal-kuntratti matul it-terminu tagħhom”), il-paragrafu 1, ittra (c), jipprovdi li: “1. Il-konċessjonijiet jistgħu jiġu modifikati mingħajr proċedura ġdida tal-għoti ta’ konċessjoni f’konformità ma’ din id-Direttiva fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin: […]
|
B. Id‑dritt nazzjonali
1. Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen ( 5 )
|
7. |
Skont l-Artikolu 132 (“Modifika tal-kuntratti matul it-terminu tagħhom”): “(1) Kwalunkwe modifika sostanzjali ta’ kuntratt pubbliku matul it-terminu tiegħu tkun teħtieġ proċedura ta’ għoti ġdida. Il-modifiki sostanzjali huma dawk li jwasslu sabiex il-kuntratt pubbliku jkun differenti b’mod sinjifikattiv mill-kuntratt pubbliku mogħti inizjalment. […] […] (2) Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, il-modifika ta’ kuntratt pubbliku għandha tkun permessa mingħajr ma ssir proċedura ġdida ta’ akkwist, jekk […]
Fil-każijiet imsemmija fl-ewwel sentenza, il-punti 2 u 3, il-prezz ma jistax jiżdied b’iktar minn 50 % tal-valur tal-kuntratt inizjali […]”. |
|
8. |
L-Artikolu 135 (“Ineffettività”) jindika: “(1) Kuntratt pubbliku jkun ineffettiv mill-bidu meta l-awtorità kontraenti: […]
u l-imsemmi ksur ikun ġie ddikjarat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ appell. (2) L-ineffettività msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tiġi ddikjarata biss jekk tkun ġiet allegata fi proċedura ta’ appell f’perijodu ta’ tletin jum kalendarju mid-data li fiha l-awtorità kontraenti tkun informat lill-offerenti u lill-kandidati kkonċernati bil-konklużjoni tal-kuntratt, iżda mhux iktar tard minn sitt xhur wara l-konklużjoni tiegħu. Jekk l-awtorità kontraenti tkun ippubblikat l-għoti tal-kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-perijodu sabiex tiġi allegata l-ineffettività jiskadi tletin jum kalendarju wara l-pubblikazzjoni tal-avviż tal-għoti tal-kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. […]” |
|
9. |
Skont l-Artikolu 154 (“Dispożizzjonijiet applikabbli oħra”): “Min-naħa l-oħra, għall-għoti ta’ konċessjonijiet, mutatis mutandis, […] għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]” |
2. Schnellladegesetz 2021 ( 6 )
|
10. |
Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(3), id-detentur ta’ konċessjoni għall-operat ta’ servizz awżiljarju ma’ stazzjon ta’ servizz għandu jiġi offrut il-possibbiltà, fuq bażi ekonomikament awtonoma, tal-kostruzzjoni, il-manutenzjoni u l-operat tal-punti tal-iċċarġjar ta’ qawwa għolja pprovduti fl-imsemmi sit, sal-punt li dan ikun meħtieġ u ma jkunx f’kunflitt mal-parti 4 tal-GWB ( 7 ). |
II. Il‑fatti, it‑tilwima u d‑domandi preliminari
|
11. |
Autobahn des Bundes hija kumpannija li topera taħt id-dritt privat, proprjetà inaljenabbli tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Il-Gvern Federali ttrasferixxa lilha, mill‑1 ta’ Jannar 2021, l-ippjanar, il-kostruzzjoni, l-operat, il-manutenzjoni, il-finanzjament u l-ġestjoni tal-awtostradi federali. |
|
12. |
In-network tal-awtostradi federali għandu iktar minn erba’ mitt żona ta’ servizz. Dawn joffru servizzi awżiljarji bħal pompi tal-fjuwil, ipparkjar tal-vetturi, toilets u ristoranti. |
|
13. |
Sa mill‑1951, il-predeċessur legali ta’ Autobahn des Bundes ta l-operat ta’ dawn iż-żoni ta’ servizz lill-kumpannija statali Gesellschaft für Nebenbetriebe der Bundesautobahnen mbH, stabbilita f’dik l-istess sena mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. |
|
14. |
Fl‑1994, Gesellschaft für Nebenbetriebe der Bundesautobahnen ingħatat l-isem ta’ Tank & Rast AG, filwaqt li żammet ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bħala l-uniku azzjonist tagħha. Fl-istess sena, Tank & Rast AG akkwistat il-kumpannija Ostdeutsche Autobahntankstellen GmbH. |
|
15. |
Bejn l‑1996 u l‑1998, il-predeċessur legali ta’ Autobahn des Bundes ikkonkludiet ma’ Tank & Rast AG, mingħajr offerti minn qabel, madwar mitejn u tmenin kuntratt ta’ konċessjoni ta’ żona ta’ servizz, b’tul massimu ta’ erbgħin sena, li għadhom fis-seħħ bħalissa. F’dawk is-snin, Tank & Rast AG kienet għadha kumpannija ta’ proprjetà federali. |
|
16. |
Dawn il-kuntratti:
|
|
17. |
Fl‑1998, infetaħ proċess ta’ privatizzazzjoni għal Tank & Rast AG li fih ipparteċipaw madwar ħamsin kandidat nazzjonali u barrani ( 9 ). |
|
18. |
Il-proċess ta’ privatizzazzjoni ġie konkluż fid‑29 ta’ Ottubru 1998 bix-xiri ta’ Tank & Rast AG minn konsorzju magħmul minn LSG Lufthansa Service Holding AG, Allianz Capital Partners GmbH u tliet fondi ta’ investiment ( 10 ). |
|
19. |
Wara l-privatizzazzjoni ta’ Tank & Rast AG, ġew mogħtija lil Autobahn Tank & Rast u Ostdeutsche Autobahntankstellen ( 11 ), bejn l‑1999 u l‑2019, madwar tmenin kuntratt ieħor ta’ konċessjoni ta’ żoni ta’ servizz, li dsatax minnhom ingħataw, skont dawk il-kumpanniji, permezz ta’ sejħa għal offerti. |
|
20. |
Fit‑28 ta’ April 2022, Autobahn des Bundes ftiehmet ma’ Autobahn Tank & Rast u Ostdeutsche Autobahntankstellen sabiex testendi l-kuntratti ta’ konċessjoni eżistenti, inkluż it-twettiq min-naħa tagħha tal-kostruzzjoni, il-manutenzjoni u l-operat ta’ infrastruttura operattiva għall-iċċarġjar bl-elettriku b’qawwa għolja fiż-żoni tas-servizz korrispondenti. Il-klawżola l-ġdida imponiet l-obbligu li jkun hemm ċertu numru ta’ punti tal-iċċarġjar għal kull sit ( 12 ). |
|
21. |
Autobahn des Bundes ippubblikat il-ftehim ta’ modifika tal-kuntratti fis-Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ Mejju 2022 ( 13 ). |
|
22. |
F’dan l-avviż, Autobahn des Bundes spjegat li l-klawżola addizzjonali l-ġdida għall-kuntratti ta’ konċessjoni ma kinitx suġġetta għal proċedura ta’ sejħa għal offerti; għalhekk, l-estensjoni ngħatat direttament. Ma kien hemm l-ebda modifika sostanzjali tal-kuntratti ta’ konċessjoni eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 132(1) tal-GWB u, anki kieku tali modifika kienet sostanzjali, kienet tkun koperta mill-paragrafu 2 tal-istess artikolu. Id-disponibbiltà ta’ infrastruttura ta’ ċċarġjar ta’ qawwa għolja kienet saret meħtieġa bħala servizz addizzjonali fil-kuntratti ta’ konċessjoni, u ma kinitx prevedibbli fiż-żmien meta ġew konklużi dawn il-kuntratti. |
|
23. |
Fastned Deutschland GmbH & Co KG (iktar ’il quddiem “Fastned”) u Tesla Germany GmbH (iktar ’il quddiem “Tesla”) huma kumpanniji li jinstallaw u joperaw infrastruttura tal-iċċarġjar għal vetturi elettriċi. |
|
24. |
Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Mejju 2022, Fastned u Tesla rrikorrew għand il-Vergabekammer des Bundes (il-Kamra tal-Kontroll għall-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi tal-Federazzjoni, il-Ġermanja) sabiex jitolbu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ appell kontra l-estensjoni tal-kuntratti ta’ konċessjoni. |
|
25. |
Insostenn tat-talba tagħhom, Fastned u Tesla sostnew li, skont l-Artikolu 135(1)(2) tal-GWB, il-ftehim supplimentari kien null, peress li l-kuntratti oriġinali kienu ngħataw mingħajr avviż ta’ sejħa għal offerti minn qabel fil-livell tal-Unjoni. Il-modifika ma setgħetx tkun ibbażata fuq l-Artikolu 132 tal-GWB, li ma huwiex applikabbli, peress li l-konċessjonijiet eżistenti ma ngħatawx fil-qafas ta’ sejħa għal offerti. |
|
26. |
Fil‑15 ta’ Ġunju 2022, il-Kamra tal-Kontroll għall-Għoti tal-Kuntratti Pubbliċi tal-Federazzjoni ċaħdet ir-rikors ( 14 ). |
|
27. |
Kontra din iċ-ċaħda, Fastned u Tesla ( 15 ) ressqu appell quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), li ġie oppost minn Autobahn des Bundes, Autobahn Tank & Rast u Ostdeutsche Autobahntankstellen. |
|
28. |
Skont il-qorti tar-rinviju ( 16 ), il-pożizzjonijiet meħuda quddiemha huma dawn li ġejjin:
|
|
29. |
F’dan il-kuntest, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri, Düsseldorf) għamlet id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja: “L-Artikolu 72(1)(c) tad-[Direttiva 2014/24] għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu wkoll taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-kuntratti pubbliċi li kienu ġew mogħtija preċedentement lil entità inhouse barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, iżda fejn il-kundizzjonijiet għall-għoti inhouse, fil-mument tal-modifika tal-kuntratt, ma humiex iktar issodisfatti?” |
III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
30. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Lulju 2023. |
|
31. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Fastned, Tesla, Autobahn des Bundes, Autobahn Tank & Rast flimkien ma’ Ostdeutsche Autobahntankstellen, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea. Bl-eċċezzjoni ta’ Tesla ( 18 ), kollha pparteċipaw fis-seduta li nżammet fid‑9 ta’ Lulju 2024. |
IV. Analiżi
A. Id‑direttiva applikabbli
|
32. |
Naqbel mal-partijiet kollha u l-intervenjenti fil-proċedura li, minħabba li t-tilwima hija limitata għall-modifika ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2014/23 jipprevali fuq l-Artikolu 72 (“Modifika ta’ kuntratti matul it-terminu tagħhom”) tad-Direttiva 2014/24, li tistaqsi dwaru l-qorti tar-rinviju ( 19 ). |
|
33. |
Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tat-termini analogi ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, il-kunsiderazzjonijiet dwar wieħed minnhom huma trasferibbli għall-ieħor. |
B. Il‑portata tad‑domanda preliminari
|
34. |
Sabiex jiġi ċċarat u ffukat id-dibattitu, inqis li huwa xieraq li jiġi rifless il-kontenut tad-domanda preliminari billi jiġi eżaminat kemm dak li tinkludi kif ukoll dak li ma tinkludix. |
|
35. |
Il-qorti tar-rinviju hija interessata biss fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 72(1)(c) tad-Direttiva 2014/24 sabiex tiddetermina jekk dan jaffettwax kuntratti li fiż-żmien tal-konklużjoni tagħhom ma kinux suġġetti għal din id-direttiva, iżda li l-modifika tagħhom issir wara d-dħul fis-seħħ tagħha. Id-dispożizzjoni korrelattiva tad-Direttiva 2014/23 hija, kif għadni kif indikajt, l-Artikolu 43(1)(c) tagħha. |
|
36. |
Il-premessi adottati mill-qorti tar-rinviju huma:
|
|
37. |
Il-qorti tar-rinviju, madankollu, ma tqajjem ebda dubju dwar in-natura tal-modifiki miżjuda fl‑2022 mal-kuntratti ta’ konċessjoni, fis-sens tal-Artikolu 43(1)(c) tad-Direttiva 2014/23. |
|
38. |
Għall-qorti tar-rinviju, dawn il-modifiki huma, fil-prinċipju, sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 132(1) tal-GWB ( 20 ) iżda, fl-istess ħin, jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-istess punt 3 tal-paragrafu 2 tal-istess artikolu, li jikkorrispondu għal dawk tal-Artikolu 43(1)(c) tad-Direttiva 2014/23, għaliex:
|
|
39. |
Dak li huwa ta’ interess għall-qorti tar-rinviju għalhekk ma huwiex jekk l-emendi, anki jekk sostanzjali, humiex ammissibbli minħabba l-kontenut tagħhom [jiġifieri jekk jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-Artikolu 43(1)(c) tad-Direttiva 2014/23] ( 21 ), iżda minħabba l-oriġini tal-kuntratti ta’ konċessjoni li huma mmodifikati. |
|
40. |
Għalkemm xi wħud mill-partijiet u l-intervenjenti esprimew ir-riżervi tagħhom fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tan-natura tal-modifiki kuntrattwali u, speċifikament, kif dawn jaqgħu taħt l-Artikolu 43(1)(c) tad-Direttiva 2014/23, jiena nemmen li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha żżomm mat-termini stretti tad-domanda preliminari. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, Fastned u Tesla jirrikonoxxu b’mod ċar li din id-domanda ma tkoprix in-natura tal-modifika magħmula ( 22 ). |
|
41. |
Billi nillimita d-domanda, għalhekk, għall-impatt li l-għoti inizjali tal-konċessjoni jista’ jkollu fuq il-modifika sussegwenti tagħha, naħseb li huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn żewġ aspetti, li ser nindirizza separatament:
|
C. L‑applikazzjoni tal‑Artikolu 43(1)(c) tad‑Direttiva 2014/23 għal modifiki ta’ konċessjonijiet mogħtija inizjalment lil entitajiet inhouse
|
42. |
Nixtieq ngħid li, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 43(1)(c) tad-Direttiva 2014/23 ma japplikax għall-modifiki tal-konċessjonijiet mogħtija inhouse sakemm jibqgħu fis-seħħ bħala tali, jiġifieri sakemm ikomplu jippreservaw il-karattru li ġġustifika l-fatt li ma jkunux suġġetti għall-applikazzjoni ta’ dik id-direttiva. |
1. L‑esklużjoni, b’mod ġenerali, tal‑għoti inhouse mill‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2014/23
|
43. |
Id-Direttiva 2014/23 tiddefinixxi l-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha fit-Titolu I. Imdaħħal fit-Taqsima II (“Esklużjonijiet”) tal-Kapitolu I ta’ dak it-Titolu, l-Artikolu 17 ( 24 ) jistabbilixxi li konċessjonijiet mogħtija taħt il-kundizzjonijiet li jistipula ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ( 25 ). |
|
44. |
Il-premessa 45 tad-Direttiva 2014/23 tispjega li din tispeċifika “f’liema każijiet kuntratti konklużi fis-settur pubbliku mhumiex soġġetti għall-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva”. Barra minn dan, la din il-premessa u lanqas l-Artikolu 17 ma jagħmlu distinzjoni skont jekk ir-regoli li l-applikazzjoni tagħhom hija eskluża jirregolawx l-għoti, l-eżekuzzjoni, il-modifika jew it-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ konċessjoni ( 26 ). |
|
45. |
L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/23 jawtorizza lill-Istati Membri jħallu “operazzjoni interna” bejn entitajiet tas-settur pubbliku barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ( 27 ). Għalhekk jirrispetta l-libertà ta’ dawn l-Istati li jeżerċitaw il-funzjonijiet fil-ġurisdizzjoni tagħhom permezz tal-mezzi strumentali tagħhom stess, mingħajr ma jirrikorru għas-suq ( 28 ). |
|
46. |
Ma jkunx komprensibbli li din il-libertà tkun limitata biss għall-għoti inizjali ta’ konċessjoni li l-awtorità kontraenti tagħmel favur l-entità legali li tikkontrolla. Meta tinħoloq il-ħtieġa li tiġi mmodifikata sostanzjalment il-konċessjoni fdata lir-riżorsi proprji tal-awtorità kontraenti u miżmuma favur tagħhom, bħala prinċipju, jeżistu l-istess raġunijiet li ġġustifikaw l-għoti inizjali inhouse. |
|
47. |
Madankollu, meta teżerċita l-għażla inhouse, kemm għall-għoti inizjali tal-konċessjoni jew għall-modifiki sostanzjali sussegwenti tagħha, l-awtorità kontraenti tkun loġikament suġġetta għall-kundizzjonijiet ( 29 ) u l-limiti ( 30 ) li japplikaw għal dan it-tip ta’ setgħat. B’mod partikolari, jekk ikollha l-għan li tintroduċi modifika sostanzjali li tikkonsisti f’bidla ta’ konċessjonarju, għandha tissodisfa r-rekwiżiti sabiex tippermetti rikors għall-mezzi tagħha stess (jew kooperazzjoni orizzontali). Jekk dan ma jkunx il-każ, għandha ssir sejħa għal offerti. |
|
48. |
Fil-fatt, jekk il-modifika sostanzjali taqa’ fuq elementi suġġettivi li, wara li jkunu għamlu possibbli l-għoti inhouse, ma jibqgħux jiġġustifikaw għoti ta’ dan it-tip, il-konċessjoni tgħaddi għas-sistema regolatorja normali. Bidla b’dawn il-karatteristiċi (is-sostituzzjoni tal-offerent inizjali b’ieħor li ma jkunx taħt il-kontroll tal-awtorità kontraenti) teħtieġ sejħa għall-offerti skont id-Direttiva 2014/23, peress li s-sitwazzjoni ma tibqax eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ( 31 ). |
|
49. |
Minkejja li nirrikonoxxi n-natura speċjali taċ-ċirkustanzi sottostanti, nemmen li s-sentenza Comune di Lerici ssostni dak li ngħid jien meta tipprovdi li l-modifika ta’ kuntratt inizjalment mogħti (mingħajr sejħa għal offerti) lil entità inhouse “ma tistax […] taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 72 tad-Direttiva 2014/24” ( 32 ) u, imbagħad, turi l-analiżi ta’ din il-modifika fl-Artikolu 12 tal-istess direttiva (simili għall-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/23) ( 33 ). |
|
50. |
F’dan it-tieni pass, il-Qorti tal-Ġustizzja:
|
2. L‑esklużjoni, b’mod partikolari, tal‑modifiki tal‑konċessjonijiet meta dawn, min‑naħa tagħhom, oriġinarjament ma kinux jaqgħu fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2014/23: l‑Artikolu 43(1)(c)
|
51. |
L-eżami tal-Artikolu 43(1)(c) tad-Direttiva 2014/23, li jindirizza speċifikament is-sistema legali tal-modifiki tal-konċessjonijiet matul it-terminu tagħhom, ma jbiddilx l-opinjoni li esprimejt. |
|
52. |
Litteralment, id-dispożizzjoni ma tipprovdi ebda indikazzjoni dwar il-konċessjonijiet li tapplika għalihom. Dan in-nuqqas ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi argumentat li l-Artikolu 43(1)(c) tad-Direttiva 2014/23 jaffettwa, madankollu, il-konċessjonijiet esklużi minn din id-direttiva. Fi kliem ieħor, id-dispożizzjoni ma għandhiex kamp ta’ applikazzjoni tagħha stess u indipendenti, differenti minn dak ġenerali li tindika din id-direttiva. |
|
53. |
L-interpretazzjoni kuntestwali tad-dispożizzjoni tikkorrobora li hija limitata għall-modifiki introdotti fil-konċessjonijiet li, dak iż-żmien, kienu ngħataw permezz ta’ proċedura ta’ għoti miftuħa għall-kompetizzjoni. Dan huwa dedott minn paragrafi oħra tal-Artikolu 43, b’mod partikolari:
|
|
54. |
Kif diġà għidt, is-sentenza Comune di Lerici twassal sabiex l-Artikolu 72 tad-Direttiva 2014/24 ma jiġix applikat kollu kemm hu għall-kuntratti inizjalment mogħtija lir-riżorsi proprji. Dan huwa dedott mill-paragrafu 1(d)(ii), u l-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, li huma identiċi għall-paragrafi korrispondenti tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2014/23. |
3. Konklużjoni intermedjarja
|
55. |
Minn dak li ġie spjegat, joħorġu żewġ konsegwenzi rilevanti għal din il-kawża, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 43(1)(c) tad-Direttiva 2014/23:
|
D. Legalità tal‑għoti inizjali (u tal‑atti sussegwenti qabel il‑modifika) bħala kundizzjoni għall‑applikazzjoni tal‑Artikolu 43(1)(c) tad‑Direttiva 2014/23
|
56. |
Fastned u, b’ċerti sfumaturi, il-Kummissjoni ( 34 ) jargumentaw li l-applikazzjoni tal-Artikolu 43(1)(c) tad-Direttiva 2014/23 hija suġġetta għas-suppożizzjoni, li ma hijiex espressa, li l-għoti inizjali ( 35 ) tal-konċessjoni kien konformi mal-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi fis-seħħ fiż-żmien li saret. |
|
57. |
L-argument tagħhom jiffoka fuq id-difiża tal-prinċipji gwida tal-kuntratti pubbliċi. Fl-opinjoni tagħhom, meta għotja tkun illegali ab origine, l-awtorizzazzjoni ta’ bidla sussegwenti (sostanzjali) fil-konċessjoni, mingħajr sejħa għal offerti, hija ekwivalenti għall-perpetwazzjoni tal-ksur inizjali ta’ dawn il-prinċipji. |
|
58. |
Huma jsostnu, madankollu, u tennew dan waqt is-seduta, li l-konstatazzjoni tal-ksur inizjali tal-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi ma taffettwax il-validità tal-konċessjonijiet attwali ( 36 ), iżda biss il-modifika sussegwenti tagħhom, li tkun teħtieġ li tinbeda proċedura ta’ għoti ( 37 ). |
|
59. |
Ma naħsibx li din l-interpretazzjoni (iktar ’il quddiem it-“teżi ta’ Fastned u l-Kummissjoni”) hija sostanzjalment korretta. |
|
60. |
L-ewwel, it-teżi ta’ Fastned u l-Kummissjoni ma hijiex appoġġjata b’mod ċar mid-Direttiva 2014/23. Minn perspettiva letterali, l-Artikolu 43(1)(c) tagħha ma jinkludix ir-rekwiżit ta’ regolarità tal-għoti inizjali, jew ta’ kwalunkwe att ieħor qabel il-modifika tal-kuntratt. L-ammissibbilità ta’ modifika sostanzjali mingħajr sejħa għal offerti hija evalwata, skont id-dispożizzjoni, billi jittieħdu bħala referenzi:
|
|
61. |
It-teżi ta’ Fastned u l-Kummissjoni lanqas ma hija sostnuta mill-istorja leġiżlattiva ( 38 ). Għall-kuntrarju, meta mqabbla mal-leġiżlazzjoni preċedenti, dik attwali għandha portata usa’ f’dak li jirrigwarda l-bidliet kuntrattwali kkontemplati. Il-kundizzjonijiet tagħhom għall-implimentazzjoni tagħhom huma iktar flessibbli ( 39 ). |
|
62. |
Mill-perspettiva kuntestwali, ir-rekwiżit tar-regolarità tal-għoti inizjali, bħala kundizzjoni inevitabbli tal-modifika sussegwenti mingħajr sejħa għal offerti, ma jidher fl-ebda waħda mill-każijiet l-oħra previsti mill-Artikolu 43 tad-Direttiva 2014/23 ( 40 ). |
|
63. |
It-teżi ta’ Fastned u l-Kummissjoni ma hijiex konformi ma’ regola li għandha bħala presuppożizzjoni konċessjoni kontinwa u li, meta jitqies il-futur, għandha t-tendenza li tippermetti li l-eżekuzzjoni tagħha tittawwal. Ma jidhirx koerenti li jiġi ffaċilitat l-aġġustament ta’ konċessjoni sabiex tkun tista’ tkompli tiġi eżegwita u, fl-istess ħin, il-benefiċċju tal-flessibbiltà jiġi suġġett għal avveniment fil-passat li, kieku seta’ jipprevjeni l-kuntratt milli jkun fis-seħħ dak iż-żmien, ma kienx jimpedixxih. |
|
64. |
L-Artikolu 43(1)(c) tad-Direttiva 2014/23 huwa bbażat fuq konċessjoni fis-seħħ, li l-legalità tagħha: i) jew tirriżulta mill-fatt li l-għoti tagħha sar skont il-liġi; ii) jew ma kinitx appellata fil-limitu ta’ żmien skont is-sistema tal-appelli; iii) jew ġiet appellata, iżda r-riżultat ta’ dan l-appell ma ġegħelx li l-konċessjoni nnifisha tiġi tterminata. |
|
65. |
Fl-opinjoni tiegħi, ma jagħmilx sens li din id-dispożizzjoni tiġi marbuta ma’ għan ta’ sanzjoni ( 41 ) meta, fir-realtà, hija regola abilitanti: f’ċerti marġini, tippermetti li fil-konċessjoni jiġu introdotti modifiki li, inkella, kienu jkunu possibbli biss permezz ta’ sejħa għal offerti. |
|
66. |
Qari sanzjonanti tad-dispożizzjoni dwar il-modifiki tal-konċessjonijiet ( 42 ) ikun ifisser, minbarra l-introduzzjoni ta’ korp estern għad-Direttiva 2014/23, li tinbidel indirettament is-sistema ta’ appelli li tirreferi għaliha din l-istess direttiva u li ser nindirizza iktar ’il quddiem. |
|
67. |
Finalment, mill-perspettiva tal-prinċipji materjali ta’ gwida tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi ( 43 ), dak tal-ftuħ tal-konċessjonijiet għall-kompetizzjoni jista’, fil-fatt, jiġi kkunsidrat f’din it-tip ta’ sitwazzjoni, kif enfasizzat mir-Regolament 2023/1804 (inapplikabbli ratione temporis għal din il-kawża) fil-premessa 32 tiegħu ( 44 ). |
|
68. |
Madankollu, sabiex tiġi permessa l-kompetizzjoni, ma huwiex essenzjali li tiġi ddikjarata n-nullità tal-modifika sostanzjali magħmula: wisq inqas jekk il-qorti tar-rinviju tistabbilixxi li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 43(1)(c) tad-Direttiva 2014/23. Ir-riżultat jista’ jinkiseb permezz ta’ metodi oħra ( 45 ): pereżempju, billi lill-konċessjonarji attwali tiġi assenjata s-sjieda tal-funzjonijiet rikonoxxuti minn Schnellladegesetz 2021, filwaqt li jintalbu, min-naħa tagħhom, joffru lill-operaturi tal-iċċarġjar (bħal Fastned) sabiex jieħdu f’idejhom, wara sejħa għal offerti, il-provvista ta’ dak is-servizz awżiljarju fiż-żoni tas-servizz tagħhom ( 46 ). |
|
69. |
It-teżi ta’ Fastnet u l-Kummissjoni taffaċċja, ukoll, żewġ oġġezzjonijiet li jeħtieġu analiżi usa’: dik li tikkonċerna ċ-ċertezza legali u dik li tenfasizza l-applikazzjoni tad-Direttivi dwar ir-rimedji. |
1. Iċ‑ċertezza legali
|
70. |
Fin-nuqqas ta’ indikazzjoni fl-Artikolu 43(1)(c) tad-Direttiva 2014/23 li ma jħalli ebda dubju dwar intenzjoni differenti tal-leġiżlatur, fil-fehma tiegħi, ir-raġunijiet ta’ ċertezza legali jimpedixxu li tiġi aċċettata t-teżi ta’ Fastned u l-Kummissjoni. |
|
71. |
Fil-fatt, ma tantx huwa kompatibbli maċ-ċertezza legali li tiġi kkontestata l-legalità ta’ għoti inizjali fuq il-bażi ta’ fatt futur u inċert, bħall-ħtieġa li l-kuntratt jiġi adattat minħabba ċirkustanzi sussegwenti li, fiż-żmien ta’ din l-għoti, ma kinux prevedibbli minn awtorità kontraenti diliġenti. |
|
72. |
Iċ-ċertezza legali teħtieġ, b’mod ġenerali, “li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli fuq l-individwi u l-impriżi” ( 47 ). F’dak li jirrigwarda t-termini ta’ dekadenza għall-preżentata ta’ rikors, “sabiex jissodisfaw il-funzjoni tagħhom li jiżguraw iċ-ċertezza legali, dawn għandhom jiġu stabbiliti minn qabel” u “jkunu suffiċjentement prevedibbli” ( 48 ). Dawn il-karatteristiċi ma jissodisfawx, bħala definizzjoni, it-termini ta’ dekadenza għal azzjoni ta’ verifika tal-irregolarità ta’ kuntratt li jibdew jiddekorru meta jseħħ avveniment futur u inċert, lil hinn mir-rieda tal-partijiet kontraenti. |
|
73. |
L-Artikolu 43(1)(c) tad-Direttiva 2014/23 ma japplikax għall-kuntratti mogħtija qabel it‑18 ta’ April 2016 ( 49 ). Li tiġi aċċettata t-teżi ta’ Fastned u l-Kummissjoni jkun ifisser l-ammissjoni li r-regolarità tal-konċessjonijiet qabel id-Direttiva 2014/23 tista’ tiġi kkontestata ( 50 ), fejn ikun biżżejjed li l-modifika (sostanzjali) tagħhom issir wara dik id-data ( 51 ). |
|
74. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li d-dritt tal-Unjoni ma jobbligax lil Stat Membru jintervjeni, fuq talba ta’ individwu, f’relazzjonijiet ġuridiċi eżistenti, dejjiema jew stabbiliti għal perijodu indefinit, anki jekk dawn ikunu nħolqu b’mod mhux konformi ma’ ċerta direttiva, meta jkunu ġew stabbiliti qabel t-terminu tad-dekadenza għat-traspożizzjoni ta’ dik id-direttiva ( 52 ). |
|
75. |
Hija fakkret ukoll, f’ġurisprudenza stabbilita, li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li regola legali ġdida tiġi applikata retroattivament, jiġifieri, għal sitwazzjoni kkonsolidata qabel id-dħul fis-seħħ tagħha ( 53 ). |
|
76. |
Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali wkoll, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li regolament nazzjonali li jippermetti li jinbdew proċeduri għall-kontroll tal-legalità ta’ modifiki ta’ kuntratti pubbliċi ma huwiex aċċettabbli meta t-terminu ta’ dekadenza stabbilit fir-regolamenti li taħtu jkunu saru dawk il-modifiki jkun diġà skada ( 54 ). |
|
77. |
F’termini taċ-ċertezza legali għall-awtorità kontraenti u għall-offerent rebbieħ ta’ konċessjoni li għadha għaddejja, id-dikjarazzjonijiet fis-sentenza Hungeod (relatati mal-ftuħ mill-ġdid permezz ta’ liġi tal-perijodi ta’ appell stabbiliti minn liġi oħra preċedenti u li kienu diġà skadew) jistgħu jiġu estrapolati għal kawżi bħal dik inkwistjoni. F’dawn it-tipi ta’ każijiet, l-effett materjali tal-ftuħ mill-ġdid tat-termini tad-dekadenza skaduti huwa marbut ma’ ċirkustanzi li awtorità kontraenti diliġenti ma setgħetx tipprevedi meta għamlet is-sejħa għal offerti (iżda li iktar tard jagħmlu l-adattament ta’ dan il-kuntratt meħtieġ). |
|
78. |
Fastned tipprova tiċħad it-teżi taċ-ċertezza legali ( 55 ) billi targumenta li, fil-kuntest ta’ appell kontra l-modifika tal-konċessjoni, il-konstatazzjoni, inċidentalment, li l-għoti inizjali kiser ir-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi ma kienx ikollha l-għan ta’ dikjarazzjoni ta’ ineffettività tal-konċessjoni jew l-impożizzjoni ta’ multa ( 56 ). Hija żżid li dan l-appell ma jaffettwax l-obbligi kuntrattwali li jkunu għadhom iridu jiġu mwettqa, iżda biss is-sempliċi modifika tal-kuntratt ( 57 ). |
|
79. |
Nista’ naqbel li, bħala prinċipju, ir-rekwiżiti taż-żamma taċ-ċertezza legali (inerenti f’sitwazzjonijiet diġà kkonsolidati mil-liġi) huma inqas jekk l-għan ma jkunx li tiġi ddikjarata direttament konċessjoni ineffettiva, iżda biss li jiġu ddikjarati ineffettivi l-klawżoli li mmodifikawha sabiex tkun adattata għaċ-ċirkustanzi l-ġodda ( 58 ). |
|
80. |
Madankollu, dan ma jfissirx li f’din it-tieni ipoteżi (kontestazzjoni tal-legalità tal-konċessjoni oriġinali, b’mod inċidentali) iċ-ċertezza legali ma hijiex fir-riskju. Meta l-modifika tkun dovuta għal ċirkustanzi inizjalment imprevedibbli u tkun essenzjali sabiex tinżamm il-kontinwità tal-konċessjoni mingħajr ma jinbidel il-bilanċ finanzjarju tagħha, ma jistax jiġi eskluż li, fil-fatt, is-suċċess tal-kontestazzjoni magħmula b’mod inċidentali jwassal għat-terminazzjoni tal-kuntratt. |
|
81. |
F’din is-sitwazzjoni, l-attakk tal-modifika fuq il-bażi tal-illegalità allegata tal-għoti inizjali huwa ekwivalenti għall-ftuħ mill-ġdid ta’ dibattitu dwar sitwazzjoni li, preċiżament għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, diġà kienet tgawdi minn protezzjoni (paċi legali) inkontestabbli. Dan jagħti lok għal tip ta’ theddida permanenti fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-konċessjoni, anki jekk, minħabba l-mogħdija taż-żmien, l-ineffettività ta’ din l-istess konċessjoni ma tistax tibqa’ tiġi ddikjarata b’mod prinċipali. |
|
82. |
Iċ-ċertezza legali ma hijiex limitata għaċ-ċertezza dwar meta u sa meta jkun mistenni appell immirat lejn l-annullament tal-konċessjoni. Din tinkludi wkoll iċ-ċertezza li ma jkunx hemm espożizzjoni sine die għal attakki bbażati fuq argumenti dwar l-għoti inizjali li, kieku tressqu fil-ħin, setgħu kkawżaw riżultati negattivi għall-konċessjonanti u l-konċessjonarji. |
2. Id‑Direttivi dwar ir‑rimedji
|
83. |
It-teżi ta’ Fastned u l-Kummissjoni tmur kontra wkoll id-Direttivi dwar ir-rimedji. Jekk tiġi aċċettata, l-operaturi legali interessati jkollhom, mhux biss mekkaniżmu sabiex jikkontestaw il-validità tal-klawżoli tal-modifiki tal-konċessjoni bħala tali, iżda wkoll sabiex il-qorti tkun tista’ teskludi tard il-legalità tal-għoti inizjali, fl-okkażjoni ta’ dik il-modifika ( 59 ). |
|
84. |
Permezz tad-Direttivi dwar ir-rimedji, il-leġiżlatur Ewropew jistabbilixxi l-qafas minimu komuni li fih il-qrati nazzjonali jeżaminaw il-legalità tal-atti adottati għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku (jew konċessjoni) u jaslu għal konklużjonijiet dwar l-illegalità kkonstatata. |
|
85. |
Fil-formulazzjoni attwali tagħhom, id-Direttivi dwar ir-rimedji ma jobbligawx lill-Istati Membri jipprovdu għal mekkaniżmu bħal dak sostnut mit-teżi ta’ Fastned u l-Kummissjoni. Din il-lakuna hija argument addizzjonali sabiex tiġi ddubitata l-fondatezza ta’ tali teżi: dan speċjalment minħabba li l-leġiżlatur ma naqasx milli jiżgura r-relazzjoni bejn dawn id-Direttivi u d-Direttiva 2014/23, kif muri mit-Titolu IV ta’ din tal-aħħar. |
|
86. |
Fid-Direttivi dwar ir-rimedji, il-garanzija proċedurali tal-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi tiddependi fuq ir-reazzjoni tal-operaturi ekonomiċi direttament affettwati mill-ksur ta’ dawn l-istess regoli ( 60 ). Dan huwa dedott mill-Artikolu 1(3) tagħhom. L-Istati Membri ma humiex obbligati li jagħtu aċċess lil atturi oħra għar-rimedji quddiem il-qrati ( 61 ). |
|
87. |
Għal raġunijiet ta’ effiċjenza u ta’ ċertezza legali, id-Direttivi dwar ir-rimedji jeħtieġu li r-reazzjoni tal-operaturi affettwati tkun rapida. Skont l-Artikolu 1(1) tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni, jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponuha, jistgħu jiġu appellati “b’mod effettiv” u “malajr kemm jista’ jkun”. Dan l-obbligu jikkorrispondi għall-iffissar ta’ termini (raġonevoli) għall-preżentata ta’ rikorsi ( 62 ). |
|
88. |
It-teżi ta’ Fastned u l-Kummissjoni ma ssegwix din l-iskema: għall-kuntrarju, hija timplika li d-deċiżjoni adottata fil-proċedura ta’ għoti tista’, fil-mertu, tiġi kkontestata minn operaturi ekonomiċi li la pparteċipaw f’din il-proċedura u lanqas ġarrbu dannu, bħala tali, għal ksur allegat li jkun sar dak iż-żmien. |
|
89. |
Kieku t-teżi ta’ Fastned u l-Kummissjoni kellha tiġi milqugħa, kwalunkwe operatur ekonomiku interessat fil-ftehim supplimentari għall-konċessjoni inizjali jista’ jappellah billi jitlob lill-qorti sabiex teżamina, anki jekk b’mod inċidentali, il-legalità tal-għoti inizjali ( 63 ). Din il-possibbiltà, għalhekk, tkun indipendenti mil-leġittimità li jiġi attivat kontroll ġudizzjarju dirett u jekk l-iskadenzi għal dan il-għan ikunux skadew jew le ( 64 ). Dan ikun ifisser li jerġa’ jitqajjem difett attribwit lill-għotja inizjali li, mill-perspettiva tad-Direttivi dwar ir-rimedji, għandu jitqies li ġie kkoreġut. |
|
90. |
It-teżi ta’ Fastned u l-Kummissjoni għalhekk tippermetti li tiġi kkontestata l-legalità tal-għoti inizjali ta’ konċessjoni attwali, minkejja l-fatt li, kif diġà indikajt ( 65 ), ma ġie ppreżentat ebda appell kontra l-ksur (allegat) imwettaq; jew ġie ppreżentat appell u sussegwentement miċħud; jew, ladarba l-ksur ġie ppruvat, l-awtorità kompetenti sabiex issolvi l-appell ma ordnatx li l-kuntratt jiġi tterminat ( 66 ). |
|
91. |
Ma nemminx, għalhekk, li din it-teżi hija konsistenti mal-kontenut tad-Direttivi dwar ir-rimedji u lanqas li l-appell għall-prinċipji li jirregolaw il-kuntratti pubbliċi huwa biżżejjed sabiex tiġi aċċettata:
|
3. It‑tieni konklużjoni intermedjarja
|
92. |
Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jwassluni sabiex insostni li l-applikabbiltà tal-Artikolu 43(1)(c) tad-Direttiva 2014/23 għall-modifika sostanzjali ta’ konċessjoni ma hijiex suġġetta għal kemm ikun regolari l-għoti inizjali tagħha. |
|
93. |
Din id-dikjarazzjoni ma tipprevjenix lill-operaturi ekonomiċi li għandhom interess li jikkontestaw il-modifika tal-kuntratt milli jkunu intitolati jappellawha, jekk iqisu li, minħabba li tkun sostanzjali, ma humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet li, skont l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2014/23, jippermettu li titwettaq mingħajr ma tinbeda proċedura ta’ għoti ġdida. Għal dawn il-finijiet, ma huwiex possibbli li jkun meħtieġ li jkunu pparteċipaw fil-proċedura inizjali tal-għoti ( 67 ). |
V. Konklużjoni
|
94. |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għall-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) fit-termini li ġejjin: “L-Artikolu 43(1)(c) tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li: ma japplikax għal modifiki sostanzjali ta’ konċessjonijiet mogħtija inhouse sakemm jibqgħu fis-seħħ bħala tali, jiġifieri, sakemm dawn il-konċessjonijiet jibqgħu jżommu l-karattru li jiġġustifika l-esklużjoni tagħhom mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/23. japplika, għall-kuntrarju, għall-modifiki sostanzjali tal-konċessjonijiet imsemmija qabel, jekk dawn il-modifiki jkunu ġew introdotti wara t-telf f’daqqa tal-kundizzjonijiet għal għoti inhouse, wara s-sostituzzjoni tad-destinatarju inizjali b’ieħor li ma jkunx taħt il-kontroll tal-awtorità kontraenti. L-applikabbiltà tal-Artikolu 43(1)(c) tad-Direttiva 2014/23 għall-modifika sostanzjali ta’ konċessjoni ma hijiex suġġetta għar-regolarità tal-għoti inizjali tagħha”. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi (ĠU 2014, L 307, p. 1).
( 3 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Settembru 2023dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi, u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE (ĠU 2023, L 234, p. 1). Inapplikabbli ratione temporis għal din il-kawża.
( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifika fil‑ĠU 2018, L 82, p. 17 u fil‑ĠU 2015, L 114,p. 24).
( 5 ) Liġi kontra prattiċi restrittivi tal-kompetizzjoni (BGBl 2016 I, pp. 203 et seq.) (iktar ’il quddiem il-“GWB”).
( 6 ) Gesetz über die Bereitstellung flächendeckender Schnellladeinfrastruktur für reine Batterieelektrofahrzeuge (Schnellladegesetz) (il-Liġi Federali dwar l-Iċċarġjar b’Qawwa Għolja) (BGBl 2021 I, pp. 2141 et seq.) (iktar ’il quddiem, “Schnellladegesetz 2021”).
( 7 ) Dan it-titolu jinkludi r-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u konċessjonijiet.
( 8 ) Il-mudell tal-kuntratt ta’ konċessjoni ġie ppubblikat fil-parti uffiċjali tal-Verkehrsblatt, il-bulettin uffiċjali tal-Ministeru Federali għat-Trasport u għall-Infrastruttura Diġitali, tal‑1997, bin-Nru 226, p. 825 et seq.
( 9 ) Fil-punti 15 u 16 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Autobahn Tank & Rast GmbH tindika li l-operazzjoni ta’ privatizzazzjoni ġiet ippubbliċizzata permezz ta’ gazzetti Ġermaniżi, l-aġenzija France-Presse u l-gazzetta Financial Times.
( 10 ) Il-kumpanniji li jiffurmaw il-konsorzju nnotifikaw il-proġett ta’ akkwist lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej. Fis‑7 ta’ Diċembru 1998, il-Kummissjoni ddikjarat, skont l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31), li ma opponietx l-operazzjoni, peress li qieset li din kienet kompatibbli mas-suq komuni (Kawża Nru IV/M.1361).
( 11 ) Skont id-digriet tar-rinviju (punt 4), “bħala riżultat tal-bidliet fl-isem korporattiv, Tank & Rast AG tat lok” għall-konċessjonarji attwali taż-żoni tas-servizz, jiġifieri, Autobahn Tank & Rast u Ostdeutsche Autobahntankstellen.
( 12 ) L-estensjoni tal-kuntratti kienet skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(3) tas-Schnellladegesetz 2021, applikabbli għall-vetturi elettriċi fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU 2018, L 151, p. 1).
( 13 ) Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, S 89/2022, 06/05/2022, numru tas-sejħa għal offerti 2022/S 089‑245969.
( 14 ) Hija nnotat li l-Artikolu 132 tal-GWB huwa applikabbli għall-konċessjonijiet inkwistjoni u li l-modifika introdotta mill-ftehim supplimentari tat‑28 ta’ April 2022 ma hijiex materjali fis-sens tal-Artikolu 132(1) tal-GWB. Is-servizzi awżiljarji jservu sabiex jagħtu l-fjuwil lill-utenti tal-awtostrada, li, mill-inqas mil-lat funzjonali, jinkludi wkoll ir-riforniment tal-elettriku. Fi kwalunkwe każ, din il-modifika hija permissibbli taħt l-Artikolu 132(2), l-ewwel sentenza, il-punt 3 tal-GWB, peress li fl‑1998 il-ħtieġa ta’ infrastruttura ta’ ċċarġjar ta’ qawwa għolja ma kinitx prevedibbli.
( 15 ) Ara, iktar ’il quddiem, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 dwar l-irtirar sussegwenti ta’ Tesla.
( 16 ) Il-punti 10 u 11 tad-digriet tar-rinviju.
( 17 ) Sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022 (C‑719/20, EU:C:2022:372; iktar ’il quddiem is-“sentenza Comune di Lerici”). Fiha, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil‑ĠU 2023, L, u fil‑ĠU 2015, L 275,p. 68).
( 18 ) Fil‑5 ta’ Lulju 2024, il-Qorti tal-Ġustizzja rċeviet ittra li tinformaha bl-irtirar ta’ Tesla mill-kawża nazzjonali.
( 19 ) Hemm qbil li, mil-lat temporali, ir-regola li tapplika għall-modifika tal-kuntratt hija dik li tkun fis-seħħ fiż-żmien meta titwettaq. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ċċarat dan il-punt fis-sentenza tagħha tat‑2 ta’ Settembru 2021, Sisal et (C‑721/19 u C‑722/19, EU:C:2021:672), punt 28.
( 20 ) Il-punt 18 tad-digriet tar-rinviju. Fil-punt 20, il-qorti tar-rinviju ttenni l-istess dikjarazzjoni fir-rigward tan-natura sostanzjali tal-modifiki introdotti mill-ftehimiet supplimentari għall-kuntratti ta’ konċessjoni. Tidher li ma taqbilx, għalhekk, mal-premessa aċċettata mill-Kamra tal-Kontroll għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tal-Federazzjoni, fid-deċiżjoni tagħha tal‑15 ta’ Ġunju 2022.
( 21 ) F’xenarju ta’ żmien differenti minn dak inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju tkun obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni l-qafas legali l-ġdid dwar l-implimentazzjoni tal-infrastruttura tal-iċċarġjar, jiġifieri r-Regolament 2023/1804. Il-premessa 32 tagħha tgħid li “l-Istati Membri jenħtieġ li jfittxu, sa fejn ikun possibbli u f’konformità mad-[Direttiva 2014/23], li jaġġudikaw b’mod kompetittiv konċessjonijiet ġodda speċifikament għall-istazzjonijiet tal-irriċarġjar fuq jew maġenb iż-żoni ta’ mistrieħ eżistenti fuq l-awtostradi sabiex […] jippermettu parteċipanti ġodda fis-suq”.
( 22 ) Ara l-punt 15 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Fastned u l-punt 16 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Tesla.: “Da es für den Fall, dass der Gerichtshof vorliegend Art. 43 Abs. 1 lit. c RL 2014/23/EU für anwendbar halten sollte, für die Entscheidung des Rechtsstreits auf die Auslegung von dessen Tatbestandsmerkmalen ankommt, bittet die ASt. zu 2. [Tesla] den Gerichtshof […] trotz fehlender Vorlage um weitergehende Auslegungshinweise” (enfasi miżjuda). Id-dibattitu dwar dawn il-kwistjonijiet seħħ quddiem il-qorti tar-rinviju, li, madankollu, ma tidhirx li għandha dubji dwarhom u, fi kwalunkwe każ, ma tistaqsix lill-Qorti tal-Ġustizzja dwarhom.
( 23 ) Kif jiġri, f’din il-kawża, bil-privatizzazzjoni ta’ Tank & Rast AG fl‑1998. Minn dak iż-żmien ’il quddiem, il-konċessjonijiet mogħtija inhouse għaddew f’idejn kumpanniji privati. Il-Kummissjoni ssostni li, għal din ir-raġuni, l-operazzjoni kienet suġġetta għal obbligu ta’ pubbliċità minn qabel li ma kienx issodisfatt b’mod suffiċjenti.
( 24 ) L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2014/23 jirregola l-kundizzjonijiet li taħthom il-konċessjonijiet mogħtija minn awtorità kontraenti jew entità kontraenti lil persuna ġuridika oħra rregolata mid-dritt privat jew mid-dritt pubbliku ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.
( 25 ) B’mod koerenti ma’ din il-proklamazzjoni, l-Artikoli 46 u 47 tad-Direttiva 2014/23, li jimmodifikaw, rispettivament, id-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246, rettifika fil‑ĠU 2016, L 63, p. 44), u d-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal‑25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 315), jieħdu ħsieb li jadattaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Direttivi, sabiex ma jkopru la l-kuntratti pubbliċi u lanqas il-konċessjonijiet mogħtija inhouse skont id-direttivi “klassiċi” dwar il-kuntratti pubbliċi. Iktar ’il quddiem, ser nirreferi għad-Direttivi 89/665 u 92/13 bħala “Direttivi dwar ir-rimedji”.
( 26 ) L-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/23 f’dan is-sens hija rratifikata mis-sentenza Comune di Lerici. Ara nota ta’ qiegħ il-paġna 32 u l-punti 49 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 27 ) Ara, fir-rigward tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24, li jikkorrispondi mal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/23, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Irgita (C‑285/18, EU:C:2019:829), punti 43 sa 45; u tat‑28 ta’ Mejju 2020, Informatikgesellschaft für Software-Entwicklung (C‑796/18, EU:C:2020:395, punt 33); u d-digriet tas‑6 ta’ Frar 2020, Rieco (C‑89/19 sa C‑91/19, EU:C:2020:87, punt 32).
( 28 ) L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/23: “Din id-Direttiva tirrikonoxxi l-prinċipju ta’ amministrazzjoni ħielsa mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali f’konformità mad-dritt nazzjonali u tal-Unjoni. Dawk l-awtoritajiet huma ħielsa li jiddeċiedi kif l-aħjar imexxu l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet jew il-provvista ta’ servizzi […]”.
( 29 ) Preskritti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/23.
( 30 ) Jiġifieri, fl-osservanza tar-“regoli fundamentali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari l-moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif ukoll tal-prinċipji riżultanti bħalma huma l-ugwaljanza fit-trattament, in-nondiskriminazzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku, il-proporzjonalità u t-trasparenza”: sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Irgita (C‑285/18, EU:C:2019:829), punt 48, digriet tas‑6 ta’ Frar 2020, Rieco (C‑89/19 sa C‑91/19, EU:C:2020:87), punt 37. Ara wkoll is-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Informatikgesellschaft für Software-Entwicklung (C‑796/18, EU:C:2020:395), punti 68 u 69.
( 31 ) Dan intqal mill-Qorti tal-Ġustizzja meta interpretat ir-reġim ta’ qabel id-Direttivi tal-akkwist attwali, fir-rigward ta’ bidliet fl-entitajiet kontraenti, meta b’riżultat ta’ dawn il-bidliet l-awtorità kontraenti ma baqgħetx teżerċita fuq tali entitajiet kontroll simili għal dak fuq is-servizzi tagħha stess. Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ April 2006, ANAV (C‑410/04, EU:C:2006:237), punti 30 sa 32; u tal‑10 ta’ Settembru 2009, Sea (C‑573/07, EU:C:2009:532), punt 53. Din is-soluzzjoni hija riflessa, taħt id-Direttiva 2014/24, fis-sentenza Comune di Lerici.
( 32 ) Is-sentenza Comune di Lerici, punt 43. Il-perspettiva ta’ analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja hija differenti minn dik li nuża jien, peress li, fil-punti 40 sa 41 tas-sentenza, hija tiffoka fuq l-Artikolu 72 tad-Direttiva 2014/24. Madankollu, ir-raġunament sottostanti huwa simili: sabiex tiġi applikata d-dispożizzjoni relatata mal-modifiki tal-kuntratti matul il-validità tagħhom, il-proċedura inizjali tal-għoti kellha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-operaturi ekonomiċi. Fil-punt 43 hija siltet il-konsegwenzi ta’ din il-premessa.
( 33 ) Punti 44 sa 53.
( 34 ) Ara l-punti 37 u 48 sa 50 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Fastned u l-punti 44 et seq. tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.
( 35 ) Fir-realtà, jirreferu wkoll għal-legalità tal-atti wara l-għoti tal-konċessjoni, iżda qabel il-modifika tal-kuntratt. Għall-finijiet ta’ ċarezza, dawn tal-aħħar ninkludihom taħt il-kunċett ta’ “għoti inizjali”.
( 36 ) Osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Fastned, punti 18 u 49.
( 37 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-punti 44, 45 u 47, il-Kummissjoni tillimita din l-impossibbiltà ta’ modifika sostanzjali sussegwenti għas-setgħat suġġetti, minħabba ż-żmien, għal-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi, u mwettqa bi ksur serju tal-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi. F’dawn l-istess osservazzjonijiet, hija tiddeskrivi din l-impossibbiltà, li sservi sabiex tipprevjeni l-estensjoni jew it-titwil tal-illegalità inizjali, bħala sanzjoni. Waqt is-seduta hija indikat, madankollu, li l-klassifikazzjoni ta’ sanzjoni jista’ jkun li ma hijiex l-iktar xierqa.
( 38 ) Il-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi ffokat fuq l-azzjonijiet tal-awtorità kontraenti matul il-fażi ta’ qabel il-konklużjoni tal-kuntratt. Bl-eċċezzjoni li nsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, id-direttivi preċedenti għal dawk li bħalissa huma fis-seħħ ma kkontemplawx il-modifika tal-kuntratti. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet fuq din il-kwistjoni, kemm bi tweġiba għal domandi preliminari kif ukoll fil-kuntest ta’ appelli għal kassazzjoni jew għal nuqqas ta’ konformità: ara, fir-rigward ta’ adattamenti abbażi ta’ ċirkustanzi li seħħew matul it-terminu tal-kuntratt, is-sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 1992, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑24/91, EU:C:1992:134); tat‑28 ta’ Marzu 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑318/94, EU:C:1996:149); tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta (C‑496/99 P, EU:C:2004:236); tad‑19 ta’ Ġunju 2008, pressetext Nachrichtenagentur (C‑454/06, EU:C:2008:351); u tas‑7 ta’ Settembru 2016, Finn Frogne (C‑549/14, EU:C:2016:634). Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, il-Kummissjoni pproponiet li tinkludi r-regolament tal-modifika tal-kuntratti fit-tliet proposti ta’ kuntratti pubbliċi tal‑2011, b’kont meħud tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. La din tal-aħħar u lanqas il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (COM(2011) 897) ma għamlu l-possibbiltà ta’ modifika sostanzjali ta’ konċessjoni suġġetta għal-legalità tal-għoti inizjali.
( 39 ) L-Artikolu 31(4)(a) tad-Direttiva 2004/18 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), huwa l-preċedent tar-regolament attwali. Id-dispożizzjoni ppermettiet biss il-bidla li tikkonsisti fiż-żieda ta’ “xogħlijiet jew servizzi komplementari”. Ir-restrizzjoni ta’ dawk ix-xogħlijiet u servizzi għal dawk li kienu inseparabbli mill-kuntratt oriġinali, jew strettament meħtieġa għat-twettiq tiegħu, ġiet sostitwita bir-rekwiżit, iktar laxk, li l-aġġustament ma jbiddilx in-natura ġenerali tal-konċessjoni.
( 40 ) Lanqas ma jidher fl-Artikolu 72(1)(c) tad-Direttiva 2014/24 jew fl-Artikolu 89(1)(c) tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243, rettifika fil‑ĠU 2023).
( 41 ) Kif għamlet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha: iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 37.
( 42 ) Kuntrarjament għal dak li jista’ jidher mal-ewwel daqqa ta’ għajn, l-Artikolu 44 (“Terminazzjoni ta’ konċessjonijiet”) tad-Direttiva 2014/23 ma jistabbilixxix direttament il-konsegwenzi ta’ għoti illegali fuq il-ħajja sussegwenti tal-kuntratt. Dak li jipprovdi huwa li l-awtorità kontraenti għandha tingħata l-possibbiltà li ttemm konċessjoni f’ċerti ċirkustanzi elenkati f’dak l-artikolu.
( 43 ) Se nittratta dawn l-istess prinċipji, mill-perspettiva proċedurali tad-dritt tal-Unjoni, iktar ’il quddiem.
( 44 ) Ara, supra, in-nota 21. Għandu jiġi nnotat, madankollu, li din il-premessa ma kellhiex riflessjoni normattiva fl-artikoli tar-Regolament 2023/1804, kif irratifikat il-Kummissjoni fis-seduta.
( 45 ) Inkluża dak li, kif qalu fis-seduta, Autobahn Tank & Rast u Ostdeutsche Autobahntankstellen użaw fir-rigward taż-żoni tas-servizz li jimmaniġġjaw. Skont dan il-mudell, il-konċessjonarju taż-żona tas-servizz jidħol f’kuntratti ta’ kooperazzjoni ma’ operaturi tal-iċċarġjar (bħalissa erbgħa) li l-għażla tagħhom issir permezz ta’ proċedura kompetittiva. Fil-fatt, kif spjegat fis-seduta, Fastned ġiet mistiedna tipparteċipa f’tali proċedura u fl-aħħar mill-aħħar għażlet li ma tissottomettix offerta.
( 46 ) Dan il-mudell jeżisti bħalissa fi Franza, kif rifless mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni ta’ dan il-pajjiż fl-Opinjoni tagħha 24‑A‑03, tat‑30 ta’ Mejju 2024, dwar is-settur tal-infrastruttura tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi, punti 554 et seq. Il-punt 549 jgħid li, għall-użu ta’ dawn l-infrastrutturi fin-network ta’ awtostradi suġġett għall-konċessjoni, l-operaturi tal-iċċarġjar jew jirrikorru għal proċedura ta’ konsultazzjoni mnedija mill-kumpannija konċessjonarja (każ 1), jew jintgħażlu, mingħajr sejħa pubblika, jew permezz ta’ ftehim li jippermettilhom joperaw il-punti tal-iċċarġjar fiż-żona tas-servizz li tagħha huma sottokonċessjonarji, jew billi jidħlu f’kuntratt ta’ “operatur terzi” mas-sottokonċessjonarju preżenti f’dik iż-żona (każ 2). Fil-punti 595 et seq., l-Awtorità tikkritika l-mudell tal-għażla mingħajr sejħa għal offerti għall-operaturi tan-networks tal-iċċarġjar bl-elettriku fiż-żoni tal-awtostradi. Kritika simili tidher fir-rapport tal‑2023 tal-Monopolkommission Ġermaniża “Energie 2023: Mit Wettbewerb aus der Energiekrise”, punti 314 et seq. F’rapporti preċedenti, il-Monopolkommission kienet diġà rrakkomandat l-aċċess għall-faċilitajiet tal-iċċarġjar tal-elettriku lil operaturi multipli fis-settur.
( 47 ) Fost l-oħrajn, is-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2023, DGRFP Cluj (C‑519/21, EU:C:2023:106), punt 105; u s‑26 ta’ Marzu 2020, Hungeod et (C‑496/18 u C‑497/18, EU:C:2020:240; sentenza “Hungeod”), punt 93, b’referenzi ulterjuri.
( 48 ) Sentenza Hungeod, punt 95, u dawk iċċitati fiha. Fi kwistjonijiet ta’ kuntratti pubbliċi, dan l-għan huwa wkoll espress b’mod speċifiku fid-Direttivi dwar ir-rimedji: ara l-Artikoli 2(a) u 2(c) ta’ dawn id-direttivi u l-premessi 25 u 27 tad-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE u 92/13/KEE fir-rigward tat-titjib fl-effettività ta’ proċeduri ta’ reviżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ĠU 2007, L 335, p. 31, rettifika fil‑ĠU 2022, L 225, p. 5 u fil‑ĠU 2018, L 176,p. 23); u, iktar ’il quddiem, il-punti 87 u 89 sa 91 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 49 ) Skadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/23, skont l-Artikolu 51 tagħha.
( 50 ) Bil-portata li rriproduċejt fil-punt 58, dejjem skont it-teżi ta’ Fastned u l-Kummissjoni.
( 51 ) Iktar ’il fuq, in-nota 19 dwar id-data tal-modifika bħala fattur determinanti tar-reġim legali tagħha.
( 52 ) Sentenzi tal‑24 ta’ Settembru 1998, Tögel (C‑76/97, EU:C:1998:432), punt 54; u tal‑5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑337/98, EU:C:2000:543), punt 38.
( 53 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, VYSOČINA WIND (C‑181/20, EU:C:2022:51), punt 47.
( 54 ) Sentenza Hungeod, b’risposta għall-ewwel, it-tielet u r-raba’ domanda preliminari magħmula f’dik il-kawża.
( 55 ) Il-paragrafi 47 sa 49 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, taċċetta d-diffikultà li tirrappreżenta. Sabiex tindirizzaha, fil-punti 45 u 47 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, hija tirrestrinġi l-każijiet li għalihom tkun tapplika l-interpretazzjoni tagħha: iktar ’il quddiem, nota ta’ qiegħ il-paġna 37.
( 56 ) Il-punt 48. Isir riferiment, speċifikament għas-sentenza Hungeod, kawża li fiha kienu involuti dawn is-sanzjonijiet.
( 57 ) Il-Kummissjoni taqbel ma’ din l-aħħar dikjarazzjoni, kif diġà spjegajt.
( 58 ) B’mod simili għal dak li jiġri bl-azzjoni li ma għandhiex bħala għan id-dikjarazzjoni ta’ ineffettività tal-kuntratt, iżda pjuttost kumpens għad-danni: ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, Idrodinamica Spurgo Velox et (C‑161/13, EU:C:2014:307), punti 45 u 46.
( 59 ) Prosekuzzjoni tard taffaċċja wkoll diffikultajiet prattiċi ta’ kull tip, inerenti għal kwalunkwe skrutinju ta’ deċiżjonijiet adottati bosta deċennji ilu, suġġetti għal reġim legali differenti minn dak attwali u li għandu x’jaqsam ma’ entitajiet li setgħu saħansitra għebu. L-intervenjenti rreferew għal din iċ-ċirkustanza, fir-rigward tal-konċessjoni oriġinali.
( 60 ) Jew fir-reazzjoni tal-Kummissjoni, quddiem ksur serju tad-dritt tal-Unjoni: ara l-Artikolu 3 tad-Direttivi dwar ir-rimedji. Dawn tal-aħħar ma jipprekludux, barra minn hekk, is-sistemi legali nazzjonali milli jespandu ċ-ċirku ta’ nies b’aċċess għar-rimedji.
( 61 ) Il-premessa 122 tad-Direttiva 2014/24 tirrikonoxxi li persuni oħra għandhom ukoll “interess leġittimu, bħala persuni li jħallsu t-taxxa, fi proċeduri ta’ akkwist tajbin”. Dawn il-persuni “għandhom jingħataw possibbiltà, b’mod differenti mis-sistema ta’ reviżjoni skont id-Direttiva 89/665/KEE u mingħajr ma neċessarjament jinvolvi li huma jidhru quddiem qrati u tribunali, li jindikaw ksur possibbli ta’ din id-direttiva lil awtorità jew struttura kompetenti”. Enfasi miżjuda minni.
( 62 ) Sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Alstom Transport (C‑532/20, EU:C:2022:128), punti 21 u 22.
( 63 ) Tiġi inkluża d-deċiżjoni ta’ entità kontraenti li ma tibdiex proċedura ta’ għoti: sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau (C‑26/03, EU:C:2005:5), punti 33, 36 u 37.
( 64 ) Fil-prattika, l-azzjonijiet li dawk interessati fil-konċessjoni inizjali jistgħu jressqu għal ksur tar-regolamenti applikabbli normalment ikunu skadew.
( 65 ) Iktar ’il fuq, punt 64.
( 66 ) Skont id-Direttivi dwar ir-rimedji, in-nuqqas ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi ma huwiex neċessarjament punibbli bl-ineffettività tal-kuntratt konkluż. Nirreferi għall-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża CROSS Zlín (C‑303/22, EU:C:2023:652), punti 78 sa 87.
( 67 ) Sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Sisal et (C‑721/19 u C‑722/19, EU:C:2021:672), punt 3 tad-dispożittiv.