Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SPIELMANN
ippreżentati fil‑11 ta’ Marzu 2025 (1)
Kawża C‑448/23
Il‑Kummissjoni Ewropea
vs
Ir‑Repubblika tal‑Polonja
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Obbligi tal-Istati Membri – Twaqqif tar-rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita bil-liġi – Proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin tal-Qorti Kostituzzjonali Pollakka – Prinċipji ta’ awtonomija, ta’ supremazija, ta’ effettività u ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni – Prinċipju tal-effett vinkolanti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali Pollakka”
I. Introduzzjoni
1. Is-supremazija tikkostitwixxi “rekwiżit eżistenzjali” tad-dritt tal-Unjoni, skont l-espressjoni famuża ta’ Pierre Pescatore (2). Matul il-perijodu ta’ wara din l-osservazzjoni, inqala’ sporadikament nuqqas ta’ qbil bejn id-dritt tal-Unjoni u l-ordinamenti ġuridiċi interni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ supremazija. Dawn it-tensjonijiet immanifestaw ruħhom prinċipalment permezz ta’ tentattivi tal-imħallfin kostituzzjonali nazzjonali li jiddefinixxu mill-ġdid il-prinċipju ta’ supremazija meta qiesu li l-interpretazzjoni tiegħu mill-Qorti tal-Ġustizzja kienet twassal għal rinunzja ta’ partijiet ta’ sovranità nazzjonali (3).
2. Quddiem kontestazzjoni tas-supremazija, invokata għall-protezzjoni tal-identità kostituzzjonali nazzjonali, ta’ portata daqstant manifesta bħal dik li tqum f’din il-kawża, l-osservazzjoni ta’ Pierre Pescatore tidher attwali iktar minn qatt qabel.
3. Fil-fatt, il-proċedura ta’ ksur magħmula mill-Kummissjoni Ewropea kontra r-Repubblika tal-Polonja, f’din il-kawża, skont l-Artikolu 258 TFUE, għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, hija bbażata fuq tliet ilmenti: l-ewwel, żewġ sentenzi tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) tal‑14 ta’ Lulju u tas‑7 ta’ Ottubru 2021 iwasslu sabiex dan l-Istat Membru ma jiggarantixxix protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, it-tieni, l-imsemmija sentenzi jwasslu għal ksur serju tal-prinċipji ta’ supremazija, ta’ awtonomija, ta’ effettività u ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll ksur tan-natura vinkolanti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u, it-tielet, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza, ta’ imparzjalità u ta’ stabbiliment minn qabel mil-liġi, kif previsti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.
4. In-nuqqasijiet imputati lir-Repubblika tal-Polonja jikkostitwixxu għalhekk attakk dirett u frontali kontra l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), f’isem il-Konstytucja Rzeczypospolitej Polskiej (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni”), jew saħansitra l-identità kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru. Din il-kawża twassalna lura għall-qalba tad-dibattiti dwar in-natura tat-Trattati tal-Unjoni u l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tagħha. Tistedinna nistaqsu dwar l-interazzjoni kumplessa bejn il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, kif stabbilita fl-Artikolu 4(2) TUE.
5. Aspett ieħor ta’ din il-kawża jistħoqqlu wkoll li jissemma issa: din hija l-ewwel darba li l-Kummissjoni ppreżentat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, abbażi tal-Artikolu 258 TFUE, intiż mhux biss kontra pożizzjoni adottata minn qorti kostituzzjonali nazzjonali, iżda wkoll kontra ġurisprudenza li tikkontesta l-awtorità tal-Qorti tal-Ġustizzja bl-invokazzjoni tal-allegata inkompatibbiltà mal-Kostituzzjoni nazzjonali.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
6. Skont l-Artikolu 4(2) TUE:
“L-Unjoni għandha tirrispetta l-ugwaljanza ta’ l-Istati Membri quddiem it-Trattati kif ukoll l-identità nazzjonali tagħhom, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom, inkluża l-awtonomija lokali u reġjonali. Hija għandha tirrispetta l-funzjonijiet Statali essenzjali tagħhom, inkluż dawk li jassiguraw l-integrità territorjali ta’ l-Istat, iż-żamma ta’ l-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali. B’mod partikolari, is-sigurtà nazzjonali tibqa’ r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru.”
7. L-Artikolu 19(1) TUE jiddisponi:
“Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandha tinkludi l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u l-qrati speċjalizzati. Hija għandha tara li d-dritt ikun rispettat fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati.
L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni.”
8. L-Artikolu 279 TFUE jipprevedi:
“Fil-kawżi miġjuba quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea tista’ tordna kull miżura provviżorja.”
B. Id-dritt Pollakk
9. L-Artikolu 2 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni”) jipprovdi:
“Ir-Repubblika tal-Polonja hija Stat tad-dritt demokratiku, li jwettaq il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali.”
10. L-Artikolu 4(1) tal-Kostituzzjoni jiddisponi li “[f]ir-Repubblika tal-Polonja, is-setgħa suprema tappartjeni lin-Nazzjon.”
11. L-Artikolu 7 tal-Kostituzzjoni jipprovdi li “[l]-awtoritajiet pubbliċi għandhom jaġixxu bis-saħħa ta’ u fil-limiti tad-dritt.”
12. Skont l-Artikolu 8(1) tal-Kostituzzjoni, “[i]l-Kostituzzjoni hija r-regola suprema tar-Repubblika tal-Polonja.”
13. L-Artikolu 90(1) tal-Kostituzzjoni jiddisponi li, “[i]r-Repubblika tal-Polonja tista’ tittrasferixxi, bis-saħħa ta’ trattat, lil organizzazzjoni internazzjonali jew lil organu internazzjonali, il-kompetenzi tal-awtoritajiet pubbliċi fuq ċerti kwistjonijiet.”
14. L-Artikolu 91 tal-Kostituzzjoni jinqara kif ġej:
“1. Wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal tal-Liġijiet tar-Repubblika tal-Polonja, trattat irratifikat jifforma parti integrali mill-ordinament ġuridiku nazzjonali; huwa direttament applikabbli, sakemm l-applikazzjoni tiegħu ma tiddependix fuq il-promulgazzjoni ta’ liġi.
2. Trattat irratifikat bis-saħħa ta’ liġi ta’ awtorizzazzjoni għandu awtorità ogħla minn dik tal-liġi meta din tkun inkompatibbli mat-trattat. […]”
15. Skont l-Artikolu 188 tal-Kostituzzjoni, “[i]t-Trybunał Konstytucyjny [il-Qorti Kostituzzjonali] għandha tiddeċiedi dwar:
1) il-konformità tal-liġijiet u tat-trattati mal-Kostituzzjoni,
2) il-konformità tal-liġijiet mat-trattati rratifikati li r-ratifika tagħhom teħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel minn liġi,
3) il-konformità mal-Kostituzzjoni, mat-trattati rratifikati u mal-liġijiet, tal-atti normattivi maħruġa mill-awtoritajiet ċentrali tal-Istat,
4) il-konformità mal-Kostituzzjoni tal-għanijiet jew tal-attivitajiet tal-partiti politiċi,
5) ir-rikors kostituzzjonali msemmi fl-Artikolu 79(1)”.
16. L-Artikolu 190 tal-Kostituzzjoni jiddisponi:
“1. Is-sentenzi tat-Trybunał Konstytucyjny [il-Qorti Kostituzzjonali] huma obbligatorji erga omnes u definittivi.
2. Is-sentenzi tat-Trybunał Konstytucyjny [il-Qorti Kostituzzjonali] dwar il-kawżi msemmija fl-Artikolu 188 għandhom jiġu ppubblikati mingħajr dewmien fil-pubblikazzjoni uffiċjali fejn l-att normattiv ikun ġie ppubblikat. Jekk l-att ma jkunx ġie ppubblikat, is-sentenza għandha tiġi ppubblikata fid-Dziennik Urzędowy Rzeczypospolitej Polskiej ‘Monitor Polski’ [il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tal-Polonja].
3. Is-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny [il-Qorti Kostituzzjonali] għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha […].
[…]
5. It-Trybunał Konstytucyjny [il-Qorti Kostituzzjonali] għandha tiddeċiedi b’maġġoranza tal-voti.”
17. L-Artikolu 193 tal-Kostituzzjoni jipprevedi li “[k]ull qorti tista’ tindirizza lit-Trybunał Konstytucyjny [il-Qorti Kostituzzjonali] kwistjoni legali dwar il-konformità ta’ att normattiv mal-Kostituzzjoni, mat-Trattati rratifikati jew mal-liġi, meta s-soluzzjoni ta’ kawża li hija adita biha tiddependi mit-tweġiba għal din il-mistoqsija”.
18. L-Artikolu 194(1) tal-Kostituzzjoni jipprovdi li, “[i]t-Trybunał Konstytucyjny [il-Qorti Kostituzzjonali] hija komposta minn ħmistax-il imħallef magħżula individwalment mis-Sejm [il-Parlament, il-Polonja] għal perijodu ta’ disa’ snin minn fost il-persuni li huma distinti għall-għarfien tagħhom tad-dritt. L-elezzjoni mill-ġdid tagħhom fil-qorti ma hijiex awtorizzata”. Barra minn hekk, l-Artikolu 194(2) tal-Kostituzzjoni jipprevedi li, “[i]l-President u l-Viċi President tat-Trybunał Konstytucyjny [il-Qorti Kostituzzjonali] għandhom jinħatru mill-President tar-Repubblika minn fost il-kandidati ppreżentati mill-Assemblea Ġenerali tal-Imħallfin tat-Trybunał Konstytucyjny [il-Qorti Kostituzzjonali]”.
III. Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża
19. Fl‑14 ta’ Lulju u fis‑7 ta’ Ottubru 2021, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tat żewġ sentenzi fuq l-inkompatibbiltà mal-Kostituzzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar b’mod partikolari l-obbligu li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva (iktar ’il quddiem is-“sentenzi kontenzjużi”).
20. B’mod iktar preċiż, fl‑14 ta’ Lulju 2021, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), bħala kulleġġ ġudikanti ta’ ħames imħallfin, tat is-sentenza tagħha fil-Kawża P 7/20 (4). F’din is-sentenza, din il-qorti eżaminat il-kwistjoni legali, imqajma mill-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), dwar il-kompatibbiltà mal-Kostituzzjoni tal-miżuri provviżorji imposti fuq ir-Repubblika tal-Polonja permezz tad-digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (5) u li tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jafdaw lill-Awla Dixxiplinari bil-ġurisdizzjoni fil-kawżi dixxiplinari li jirrigwardaw l-imħallfin.
21. It-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) aċċettat b’mod partikolari li l-miżuri provviżorji imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 279 TFUE, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE, jistgħu jiġu applikati direttament mill-korpi ta’ Stat Membru, b’mod partikolari mill-qrati, iżda biss jekk dawn il-miżuri jkunu koperti mill-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi u josservaw l-identità kostituzzjonali tal-Istat Membru kif ukoll il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità.
22. Issa, din il-qorti qieset li l-miżuri provviżorji, previsti fid-digriet Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-qrati Pollakki u l-proċedura quddiemhom, kienu jiksru l-prinċipju ta’ attribuzzjoni, stabbilit fl-Artikolu 4(1) TUE, kif ukoll l-identità kostituzzjonali Pollakka, iggarantita mill-Artikolu 4(2) TUE, u kienu inkompatibbli mal-prinċipju kostituzzjonali tal-Istat tad-dritt demokratiku stabbilit fl-Artikolu 2 tal-Kostituzzjoni. Għalhekk, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), filwaqt li affermat is-supremazija tal-Kostituzzjoni bħala sors suprem tad-dritt fil-Polonja, ikkonkludiet li, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja imponiet obbligi ultra vires fuq dan l-Istat Membru, billi adottat miżuri provviżorji dwar l-organizzazzjoni u l-ġurisdizzjoni tal-qrati Pollakki u l-proċedura quddiem dawn il-qrati, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 279 TFUE, kienu jmorru kontra l-Artikoli 2 u 7, l-Artikolu 8(1) kif ukoll l-Artikolu 90(1) moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) tal-Kostituzzjoni.
23. Barra minn hekk, fir-rigward tal-effetti tas-sentenza tagħha tal‑14 ta’ Lulju 2021, skont it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), “ir-regoli maħluqa […] mill-Qorti tal-Ġustizzja”, li ġew adottati ultra vires u li kienu kuntrarji għall-Kostituzzjoni, ma kellhomx jibbenefikaw mill-prinċipji ta’ supremazija u ta’ effett dirett tad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li l-imsemmija sentenza kellha effetti ex tunc u kienet indirizzata lid-destinatarji kollha li japplikaw id-dritt tal-Unjoni fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja.
24. Fis‑7 ta’ Ottubru 2021, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), sedenti f’seduta plenarja, tat is-sentenza tagħha fil-Kawża K 3/21 (6), li l-motivazzjoni tagħha ġiet ippubblikata fis‑16 ta’ Novembru 2022 u li d-dispożittiv tagħha jipprovdi:
“1. L-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 1, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) [TUE], sa fejn l-Unjoni Ewropea, stabbilita minn Stati ugwali u sovrani, toħloq ‘għaqda dejjem eqreb fost il-popli ta’ l-Ewropa’, li l-integrazzjoni tagħha, ibbażata fuq id-dritt tal-Unjoni […] u l-interpretazzjoni ta’ dan tal-aħħar mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, qiegħda tidħol fi ‘stadju ġdid’, li fih:
a) il-korpi tal-Unjoni Ewropea jaġixxu barra mil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilhom mir-Repubblika tal-Polonja fit-Trattati;
b) il-Kostituzzjoni ma hijiex ir-regola suprema tar-Repubblika tal-Polonja li tibbenefika minn supremazija ta’ validità u ta’ applikazzjoni;
c) ir-Repubblika tal-Polonja ma tistax tiffunzjona bħala stat sovran u demokratiku,
imur kontra l-Artikolu 2, l-Artikolu 8 u l-Artikolu 90(1) tal-[Kostituzzjoni].
2. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE], sa fejn, sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, jagħti lill-qrati nazzjonali (lill-qrati ordinarji, lill-qrati amministrattivi, lill-qrati militari u lill-Qorti Suprema) kompetenzi sabiex:
a) jeskludu d-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni fil-kuntest tat-teħid ta’ deċiżjoni tagħhom, imur kontra [l-Artikoli 2 u 7], l-Artikolu 8(1), l-Artikolu 90(1) [kif ukoll] l-Artikolu 178(1) tal-Kostituzzjoni;
b) jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq dispożizzjonijiet li, peress li tħassru mill-Parlament u/jew meqjusa kuntrarji għall-Kostituzzjoni mit-Trybunał Konstytucyjny [il-Qorti Kostituzzjonali], ma għadhomx fis-seħħ,
imur kontra [l-Artikoli 2 u 7], l-Artikolu 8(1), l-Artikolu 90(1), l-Artikolu 178(1) [kif ukoll] l-Artikolu 190(1) tal-Kostituzzjoni.
3. [L]-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 2 [TUE], sa fejn, sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni u sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-imħallfin, dawn jagħtu lill-qrati nazzjonali (lill-qrati ordinarji, lill-qrati amministrattivi, lill-qrati militari u lill-Qorti Suprema) kompetenzi sabiex:
a) jistħarrġu l-legalità tal-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin, inkluża l-legalità tal-att li permezz tiegħu l-President tar-Repubblika tal-Polonja jaħtar imħallef,
imorru kontra l-Artikolu 2, l-Artikolu 8(1), l-Artikolu 90(1) u l-Artikolu 179, flimkien mal-punt 17 tal-Artikolu 144(3) tal-Kostituzzjoni;
b) jistħarrġu l-legalità ta’ riżoluzzjoni li permezz tagħha l-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-“KRS”) jippreżenta lill-President tar-Repubblika proposta għall-ħatra ta’ mħallef;
imorru kontra l-Artikolu 2, l-Artikolu 8(1), l-Artikolu 90(1) u l-Artikolu 186(1) tal-Kostituzzjoni;
c) jiddeċiedu dwar in-natura difettuża tal-proċess ta’ ħatra ta’ mħallef u, konsegwentement, jirrifjutaw li jirrikonoxxi l-istatus ta’ mħallef lil persuna maħtura għall-kariga ta’ mħallef skont l-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni,
imorru kontra l-Artikolu 2, l-Artikolu 8(1), l-Artikolu 90(1) u l-Artikolu 179, flimkien mal-punt 17 tal-Artikolu 144(3) tal-Kostituzzjoni”.
25. Fit‑22 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tal-Polonja, skont l-Artikolu 258 TFUE. Hija akkużat [lil dan l-Istat Membru] li naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll il-prinċipji ġenerali ta’ awtonomija, ta’ supremazija, ta’ effettività u ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u li injorat l-effett vinkolanti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja.
26. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ma kinitx tissodisfa r-rekwiżit ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tad-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni qieset, fl-ewwel lok, li, f’Diċembru 2015, tliet imħallfin kienu nħatru bi ksur evidenti u manifest tad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali nazzjonali li jirregolaw il-ħatra tal-imħallfin tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), li wieħed minnhom, jiġifieri l-Imħallef M.M., kompla jeżerċita l-funzjoni tiegħu. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni qieset li l-ħatra tal-Imħallef J.P., f’Diċembru 2016, għall-pożizzjoni ta’ President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) kienet ivvizzjata b’diversi irregolaritajiet serji.
27. Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Frar 2022, ir-Repubblika tal-Polonja wieġbet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni u kkontestat l-argumenti tal-Kummissjoni.
28. Fil‑15 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tal-Polonja opinjoni motivata fejn sostniet li dan l-Istat Membru kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-prinċipji ġenerali ta’ awtonomija, ta’ supremazija, ta’ effettività, ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-effett vinkolanti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja.
29. Fl‑14 ta’ Settembru 2022, ir-Repubblika tal-Polonja wieġbet għall-opinjoni motivata, billi sostniet li l-allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kienet infondata.
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
30. Permezz tar-rikors tagħha tal‑15 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tikkonstata, fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni magħmula mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) fis-sentenzi kontenzjużi tagħha, li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE;
– tikkonstata, fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni magħmula mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) fis-sentenzi kontenzjużi tagħha, li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt il-prinċipji ġenerali ta’ awtonomija, ta’ supremazija, ta’ effettività u ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u naqset milli tosserva l-effett vinkolanti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja;
– tikkonstata, peress li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, minħabba irregolaritajiet fil-proċeduri għall-ħatra ta’ tlieta mill-membri tagħha f’Diċembru 2015 u l-President tagħha f’Diċembru 2016, li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE;
– tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.
31. Fir-risposta tagħha ppreżentata fis‑6 ta’ Ottubru 2023, ir-Repubblika tal-Polonja kienet stiednet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors kollu tal-Kummissjoni bħala infondat u tikkundannaha għall-ispejjeż.
32. Fil-kontroreplika tagħha tal‑31 ta’ Jannar 2024, ir-Repubblika tal-Polonja rtirat l-osservazzjonijiet ippreżentati fir-risposta tagħha u ammettiet b’mod sħiħ l-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni fir-rikors.
33. Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑23 ta’ Ottubru u tas‑7 ta’ Novembru 2023, ir-Renju tal-Belġju u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tħallew jintervjenu fil-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.
V. Evalwazzjoni ġuridika
A. Osservazzjonijiet preliminari
34. Kif ġie rrilevat fil-punt 4 iktar ’il fuq, il-partikolarità ta’ din il-kawża hija marbuta mal-fatt li l-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika tal-Polonja talli ċaħdet b’mod kategoriku s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, sal-punt li tikkontesta l-bażi stess tal-integrazzjoni Ewropea. Fi kliem ieħor, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tinvoka, f’isem l-identità kostituzzjonali tal-ordinament ġuridiku tagħha, il-fakultà li tivverifika direttament il-konformità tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja mal-Kostituzzjoni, billi tikkontesta direttament kemm il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll l-awtorità stess tal-Qorti tal-Ġustizzja. Tali approċċ ma huwiex limitat għal xi nuqqasijiet ta’ qbil marġinali bejn l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u l-ordinament ġuridiku nazzjonali: dan jindirizza l-qalba tal-prinċipju ta’ supremazija, u b’hekk ipoġġi f’dubju l-ġerarkija tar-regoli fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.
35. Din il-kawża turi b’mod ċar l-interazzjoni bejn żewġ prinċipji li, mill-perspettiva tal-qorti nazzjonali, jistgħu jidhru li jinsabu fl-antipodi ta’ xulxin. Minn naħa, is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, prinċipju li huwa ta’ natura “ċentripeta”, tikkostitwixxi l-bażi stess tal-integrazzjoni sovranazzjonali. Min-naħa l-oħra, l-osservanza tal-identità nazzjonali tal-Istati Membri, kunċett b’effett ta’ “ċentrifugu”, previst fl-Artikolu 4(2) TUE, li jirreferi għal “dak li jagħmel Stat innifsu u mhux ieħor, dak li jippermettilu li jiġi rrikonoxxut u distint mill-oħrajn” (7) [traduzzjoni libera].
36. Barra minn hekk, din il-kawża tifforma parti minn dinamika legali usa’: diversi qrati kostituzzjonali jew supremi tal-Istati Membri diġà użaw it-teorija tal-ultra vires jew invokaw l-identità kostituzzjonali tal-ordinament ġuridiku rispettiv tagħhom sabiex jirrelativizzaw, jew saħansitra jikkontestaw, is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni (8). Hawnhekk wieħed jista’ jara “l-lotta tad-dirgħajn” (9) bejn il-gwardjani kostituzzjonali nazzjonali u l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.
37. Ma iniex ser naħbi ċertu tħassib dwar dan il-fenomenu: dan juri Ewropa ġuridika li qed tiffaċċja tensjoni bejn, minn naħa, il-ħtieġa li tinżamm l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, ir-rieda li tiġi protetta s-singularità ta’ diversi identitajiet kostituzzjonali. Din it-tensjoni tirrifletti żviluppi profondi u ta’ tħassib serju ħafna, li jmorru lil hinn mill-uniku qafas tekniku għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
38. F’dan il-kuntest, jidhirli li huwa essenzjali li jiġi enfasizzat, waqt l-eżami tan-nuqqasijiet imputati lir-Repubblika tal-Polonja, li r-rabta delikata bejn il-kunċetti ta’ identità nazzjonali, ta’ identità kostituzzjonali u ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni ma ssirx f’vojt ġuridiku, iżda taqa’ fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Konsegwentement, kull mistoqsija dwar il-portata ta’ din l-interpretazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi testwali u kuntestwali li jimmilitaw favur qari tal-Artikolu 4(2) TUE, previst fid-dawl tal-ambjent normattiv li fih tidħol din il-klawżola. Dan il-punt bla dubju ta’ xejn jikkostitwixxi aspett ċentrali ta’ din il-kawża, li ser jiġi eżaminat iktar fid-dettall waqt l-analiżi tat-tieni lment (10).
B. Eżami tal-fondatezza tar-rikors
39. Għandu jitfakkar li r-Repubblika tal-Polonja tammetti kompletament in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati li hija akkużata bih mill-Kummissjoni. Madankollu, nixtieq infakkar li, għalkemm il-fatti li fuqhom huma bbażati n-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu allegati f’dan ir-rikors jistgħu jitqiesu li huma aċċettati, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkonstata jekk dawn in-nuqqasijiet jeżistux jew le, u dan anki sa fejn l-Istat ikkonċernat ma jikkontestahomx (11).
1. Fuq l-ewwel ilment
a) L-argumenti tal-partijiet
40. Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tal-Belġju u mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, tikkritika lir-Repubblika tal-Polonja li naqset milli twettaq l-obbligu, impost fuq l-Istati Membri mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.
41. B’mod partikolari, fis-sentenza tagħha tas‑7 ta’ Ottubru 2021, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), tikkritika l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 19(1) TUE bħala inkompatibbli mal-Kostituzzjoni. Hija tikkontesta b’mod partikolari l-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali sabiex jistħarrġu l-legalità tal-proċeduri ta’ ħatra tal-imħallfin, jevalwaw ir-riżoluzzjonijiet tal-KRS u jiddikjaraw ċerti ħatriet irregolari, fatt li, fil-fehma tagħha, imur kontra r-rekwiżit ta’ “qorti stabbilita bil-liġi” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, ibbażat speċifikament fuq evalwazzjoni tal-legalità tal-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin.
42. Fis-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) qieset li l-miżuri provviżorji meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 279 TFUE, permezz tad-digriet tagħha Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja li jikkonsistu fis-sospensjoni tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtu lill-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) il-kompetenza sabiex tiddeċiedi dwar il-kawżi dixxiplinari dwar l-imħallfin, ġew adottati ultra vires sa fejn dawn la josservaw l-identità kostituzzjonali tal-Istat Membru u lanqas il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità.
43. Il-Kummissjoni tfakkar li, skont l-Artikolu 190(1) tal-Kostituzzjoni, is-sentenzi tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) għandhom effett erga omnes, u b’hekk jamplifikaw l-impatt tagħhom fuq il-qrati nazzjonali kollha.
44. Kif diġà indikajt (12) ir-Repubblika tal-Polonja ma tikkontestax iktar l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u taqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni.
b) Analiżi
1) Il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja
45. Qabelxejn infakkar li, fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li, peress li din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri kollha l-obbligu li jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fis-sens b’mod partikolari tal-Artikolu 47 tal-Karta, din l-aħħar dispożizzjoni għandha tittieħed debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (13).
46. Barra minn hekk, l-Artikolu 19 TUE jikkonkretizza l-valur tal-Istat tad-dritt iddikjarat fl-Artikolu 2 TUE, u jagħti lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja l-kompitu li jiggarantixxu l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja li l-partijiet fil-kawża jisiltu minn dan id-dritt. Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita sew, sabiex din il-protezzjoni tkun iggarantita, kull Stat Membru għandu, bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jiżgura li l-istanzi li huma msejħa, bħala “qorti jew tribunal” fis-sens iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, sabiex jiddeċiedu dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt u li għalhekk jaqgħu taħt is-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji tiegħu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fosthom, b’mod partikolari, dak tal-indipendenza (14).
47. Fl-aħħar nett, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma obbligati josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni (15).
2) Applikazzjoni għal dan il-każ ineżami
48. Fis-sentenzi kontenzjużi, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tat interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni li titbiegħed fundamentalment mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fir-rigward tal-portata tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Din il-konfrontazzjoni tidher fi tliet aspetti.
49. Fl-ewwel lok, fis-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tiċħad l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors) (16). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, fost l-oħrajn u essenzjalment, li fl-assenza ta’ qorti nazzjonali kompetenti sabiex tistħarreġ ir-riżoluzzjonijiet tal-KRS, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kellu jiġi interpretat bħala li jimponi fuq in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja) li ma tapplikax il-leġiżlazzjoni nazzjonali li ċċaħħadha, bi ksur tal-imsemmija dispożizzjoni, mill-ġurisdizzjoni li hija kellha sa dak iż-żmien sabiex tiddeċiedi dwar dawn ir-riżoluzzjonijiet (17).
50. Issa, mill-punt 2(b) tad-dispożittiv tas-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021, moqri flimkien mat-Taqsimiet 6.2, 6.4, 6.5 u 8.3 tal-motivazzjoni tas-sentenza, jirriżulta li l-ġurisdizzjoni bbażata fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja – tmur kontra l-Artikoli 2 u 7, l-Artikolu 8(1), l-Artikolu 90(1), l-Artikolu 178(1) u l-Artikolu 190(1) tal-Kostituzzjoni. Bl-istess mod, il-punt 3(b) tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza jeskludi l-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali, minkejja li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi evalwata l-legalità tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS li jipproponu l-ħatra ta’ kandidati għal funzjonijiet ġudizzjarji. Fl-aħħar nett, fit-Taqsimiet 6.2, 6.4, 6.5 u 8.5, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tirrepeti r-rifjut tagħha li taċċetta l-effetti li jirriżultaw mill-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, adottata fis-sentenza A.B. et.
51. Fit-tieni lok, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tiċħad l-istħarriġ tar-regolarità tal-proċeduri ta’ ħatra tal-imħallfin, kif stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. B’mod partikolari, fil-punti 3(a) u (c) tad-dispożittiv tas-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021, u fit-Taqsimiet 6.4 u 8.4 tal-motivazzjoni, hija tiddikjara li l-ġurisdizzjoni, li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li tawtorizza lill-qrati nazzjonali jivverifikaw il-legalità tal-ħatriet ġudizzjarji, tmur kontra l-Kostituzzjoni.
52. It-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tikkontesta għalhekk l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinsab fis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (18). Skont din l-interpretazzjoni, il-verifika tar-regolarità tal-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallef għall-Awla Straordinarja tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tagħmel parti integrali mir-rekwiżit ta’ “qorti indipendenti u imparzjali stabbilita bil-liġi”, kif impost mid-dritt tal-Unjoni. Il-qrati nazzjonali għalhekk għandhom raġun jeżaminaw, bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, il-legalità tal-proċedura ta’ ħatra tal-imħallef li jkun ta d-deċiżjoni kkontestata u jiddikjarawha bħala ineżistenti, meta tali konsegwenza tkun indispensabbli fid-dawl tas-sitwazzjoni proċedurali inkwistjoni sabiex tiġi ggarantita s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni (19). Issa, għat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), tali verifika twassal, de facto, sabiex l-imħallfin ikkonċernati jiġu skwalifikati, “li l-kapaċità tagħhom li jagħtu sentenzi tikkostitwixxi kemm id-dritt fundamentali tagħhom kif ukoll id-dmir tagħhom” (20).
53. Fit-tielet lok, fis-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji, skont l-Artikolu 279 TFUE. Hija tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja aġixxiet ultra vires billi ordnat, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, miżuri provviżorji intiżi sabiex jippreżervaw l-indipendenza tal-qrati Pollakki.
54. Issa, dawn il-miżuri provviżorji, bħas-sospensjoni tal-kompetenza tal-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) sabiex tiddeċiedi dwar kawżi dixxiplinari, kienu intiżi biex jiggarantixxu l-effett sħiħ tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Billi tqiegħed fid-dubju l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mill-Artikolu 279 TFUE, sabiex tordna miżuri provviżorji intiżi li jippreżervaw id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva quddiem qorti indipendenti imparzjali stabbilita bil-liġi, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tippreġudika d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Din il-pożizzjoni tal-imsemmija qorti, li tipprojbixxi li jiġi rrikonoxxut l-effett vinkolanti tal-miżuri provviżorji ordnati mill-Qorti tal-Ġustizzja, tikkostitwixxi għalhekk ksur flagranti tal-obbligi li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.
55. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, l-ewwel, billi ċaħdet l-obbligu għal qorti nazzjonali li ma tapplikax bidliet għall-ordinament ġuridiku nazzjonali, kemm jekk dawn ikunu ta’ oriġini leġiżlattiva jew inkella kostituzzjonali, fil-każ ta’ ksur ipprovat tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, it-tieni, billi ċaħdet l-istħarriġ ġudizzjarju tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS dwar il-ħatra tal-imħallfin, kif stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, u t-tielet, billi kkontestat il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-adozzjoni tal-miżuri provviżorji, ir-Repubblika tal-Polonja naqset mill-obbligu tagħha, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.
56. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-ewwel ilment tal-Kummissjoni huwa fondat.
2. Fuq it-tieni lment
a) Argumenti tal-partijiet
57. Il-Kummissjoni ssostni li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), fis-sentenzi kontenzjużi, tat interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni li tmur kontra l-prinċipji fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri s-supremazija, l-awtonomija, l-effettività u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll l-effett vinkolanti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod partikolari, mill-motivazzjoni tas-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021 jirriżulta li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li tippermetti lill-qrati nazzjonali kompetenti jwettqu stħarriġ ġudizzjarju effettiv tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS, u li jiddeċiedu tilwim abbażi ta’ dispożizzjonijiet imħassra mil-leġiżlatur jew iddikjarati mhux kostituzzjonali, kif ukoll li jwettqu evalwazzjoni tar-regolarità tal-ħatra ta’ mħallef sabiex jiġi ggarantit lill-partijiet dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tqieset mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) bħala ultra vires u li tippreġudika b’mod illeġittimu l-identità kostituzzjonali Pollakka.
58. Is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021 tafferma wkoll, bi ksur tal-prinċipju tal-effett vinkolanti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE, kif stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja, hija nieqsa minn effetti legali fl-ordinament ġuridiku Pollakk. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiċħad l-invokazzjoni tal-“identità kostituzzjonali” mir-Repubblika tal-Polonja, filwaqt li tfakkar li, minkejja li l-Unjoni tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, din ma tistax tiġġustifika ksur tal-valuri fundamentali tal-Unjoni, bħall-Istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura.
59. Fir-rigward tas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni ssostni li d-dikjarazzjoni, mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), li mhux biss il-miżuri provviżorji ordnati mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tagħha Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja iżda wkoll kull miżura provviżorja futura li tittieħed abbażi tal-Artikolu 279 TFUE dwar is-sistema ġudizzjarja Pollakka ma hijiex kostituzzjonali, ikollha l-konsegwenza li ċċaħħad lil dawn il-miżuri minn kull effett legali vinkolanti fil-Polonja u għalhekk tikser il-prinċipji ta’ supremazija u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-prinċipju tan-natura vinkolanti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja.
60. Ir-Repubblika tal-Polonja taqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni u żżid li l-effettività tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tvarja minn Stat Membru għal ieħor u li t-twettiq tal-għanijiet tat-Trattati ma huwiex possibbli mingħajr l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni.
b) Analiżi
1) Ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja
61. Fil-linji li ġejjin, beħsiebni nfakkar il-prinċipji li joħorġu mill-ġurisprudenza dwar il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u l-kunċett ta’ “identità nazzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE.
62. Sa mis-sentenza International Handelsgesellschaft (21)li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja affermat is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni (dak iż-żmien, id-dritt Komunitarju) fuq id-dritt nazzjonali, inkluż fuq id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali nazzjonali, sas-sentenzi iktar reċenti, b’mod partikolari is-sentenza Euro Box Promotion et u s-sentenza RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ Qorti Kostituzzjonali) (22), il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħti tweġibiet ċari għall-mistoqsijiet imqajma minn din il-kawża dwar kontestazzjoni tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, meta dan imur kontra, skont qorti kostituzzjonali nazzjonali, l-identità kostituzzjonali ta’ Stat Membru. Fil-fatt, l-impossibbiltà, għal Stat Membru, li jagħti preċedenza lill-identità nazzjonali – jew saħansitra kostituzzjonali – tiegħu fuq id-dritt tal-Unjoni li għandu effett dirett tirriżulta minn numru ta’ prinċipji ġenerali inerenti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ supremazija. Dawn il-prinċipji, li joriġinaw b’mod partikolari min-natura awtonoma tad-dritt tal-Unjoni, jinkludu, fost l-oħrajn, l-ugwaljanza tal-Istati Membri (23), il-prinċipju ta’ lealtà u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.
63. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1964, Costa vs ENEL (6/64, EU:C:1964:66, p. 1159 u 1160), li mill-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt Komunitarju jirriżulta li, billi oriġina minn sors awtonomu, id-dritt maħluq mit-Trattat ma jistax, minħabba n-natura speċifika oriġinali tiegħu, jiġi kkontestat ġudizzjarjament ma’ test intern ikun liema jkun, mingħajr ma jitlef in-natura tiegħu stess tal-Unjoni u mingħajr ma titqiegħed fid-dubju l-bażi legali tal-Unjoni stess. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat f’din is-sentenza li l-forza eżekuttiva tad-dritt Komunitarju ma tistax tvarja minn Stat Membru għal ieħor skont il-liġijiet interni sussegwenti, mingħajr ma jiġi pperikolat it-twettiq tal-għanijiet tat-Trattat KEE u mingħajr ma tiġi pprovokata diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità pprojbita minn dan it-trattat (24).
64. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, peress li hija għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tipprovdi l-interpretazzjoni definittiva tad-dritt tal-Unjoni, għandha, fl-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni, tippreċiża l-portata tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan id-dritt, b’tali mod li din il-portata ma tistax tiddependi mill-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u lanqas mill-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni adottata minn qorti nazzjonali li ma tikkorrispondix ma’ dik tal-Qorti tal-Ġustizzja (25).
65. Għaldaqstant, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, u hija biss, li għandha s-setgħa li tiddeċiedi b’mod definittiv kunflitt bejn id-dritt tal-Unjoni u l-identità kostituzzjonali ta’ Stat Membru.
66. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet espliċitament li, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ supremazija, l-użu minn Stat Membru ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, anki jekk ta’ natura kostituzzjonali, ma jistax jippreġudika l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni. Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita sew, l-effetti marbuta mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni huma imposti fuq il-korpi kollha ta’ Stat Membru, mingħajr, b’mod partikolari, ma d-dispożizzjonijiet interni, inklużi ta’ natura kostituzzjonali, jistgħu jostakolaw dan il-prinċipju (26). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret repetutament li l-osservanza tal-obbligu li tiġi applikata b’mod sħiħ kull dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett għandha titqies li hija indispensabbli sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha, li teskludi l-possibbiltà li tiġi invokata, kontra l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, miżura unilaterali, tkun xi tkun (27). L-imsemmi obbligu ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jikkostitwixxi wkoll l-espressjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 TUE, li jimponi li ma tiġi applikata ebda dispożizzjoni nazzjonali, anki jekk sussegwenti, li tmur kontra regola tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett (28).
67. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Artikolu 4(2) TUE la għandu l-għan u lanqas l-effett li jawtorizza qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru, bi ksur tal-obbligi li jirriżultaw b’mod partikolari mill-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 4 TUE, kif ukoll mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE imposti fuqha, li teskludi l-applikazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, minħabba li din ir-regola tikser l-identità nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat kif iddefinita mill-qorti kostituzzjonali nazzjonali (29).
68. B’mod partikolari, ma jistax jiġi validament sostnut li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-osservanza ta’ valuri u ta’ prinċipji bħall-Istat tad-dritt, il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u l-indipendenza tal-ġustizzja, stabbiliti fl-Artikolu 2 u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jistgħu jaffettwaw l-identità nazzjonali ta’ Stat Membru, fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE. Għaldaqstant, din l-aħħar dispożizzjoni, li għandha tinqara fid-dawl tad-dispożizzjonijiet, tal-istess grad bħalha, stabbiliti minn dan l-Artikolu 2 u minn dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1), ma tistax teżenta lill-Istati Membri mill-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw minnhom (30).
69. Għalhekk, anki jekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni tosserva l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali fundamentali tagħhom, b’tali mod li dawn l-Istati għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiżguraw l-obbligu tagħhom tal-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt, minn dan bl-ebda mod ma jirriżulta li dan l-obbligu ta’ riżultat jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor. Fil-fatt, filwaqt li għandhom identitajiet nazzjonali distinti, inerenti fl-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali tagħhom, li l-Unjoni tosserva, l-Istati Membri jaderixxu mal-kunċett ta’ “Stat tad-dritt” li huma jikkondividu, bħala valur komuni għat-tradizzjonijiet kostituzzjonali tagħhom stess, u li huma impenjaw ruħhom li josservaw b’mod kontinwu (31).
2) Applikazzjoni għall-każ ineżami
70. Fl-ewwel lok, mis-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021 jirriżulta, qabelxejn, li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif ukoll l-Artikolu 2 TUE, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja – b’mod partikolari fis-sentenzi A.B. et u W.Ż. – huma inkompatibbli mal-Kostituzzjoni.
71. F’diversi siltiet tas-sentenza tagħha tas‑7 ta’ Ottubru 2021, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tikklassifika, essenzjalment, bħala ultra vires u bħala li tippreġudika l-identità kostituzzjonali Pollakka, il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-qrati nazzjonali kompetenti jistgħu, sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jistħarrġu r-riżoluzzjonijiet tal-KRS u, jekk ikun neċessarju, ma japplikawx dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji għall-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jew saħansitra jeżaminaw ir-regolarità tal-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallef (32).
72. It-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tressaq b’mod partikolari żewġ tipi ta’ argumenti f’dan ir-rigward. Minn naħa, hija tqis li l-kompetenza rrikonoxxuta lill-qrati nazzjonali sabiex jivverifikaw ir-regolarità tal-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin tirrestrinġi l-prerogattiva kostituzzjonali tal-President tar-Repubblika tal-Polonja li jaħtar imħallef fuq proposta tal-KRS. Min-naħa l-oħra, hija tqis li l-applikazzjoni, mill-qrati Pollakki, tar-rekwiżit ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tqiegħed fid-dubju l-legalità tal-atti ta’ ħatra maħruġa mill-President tar-Repubblika tal-Polonja u għalhekk tikser id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 179 u tal-punt 17 tal-Artikolu 144(3) tal-Kostituzzjoni, li jipprojbixxu t-tneħħija jew l-istħarriġ tal-imħallfin ladarba l-ħatra tagħhom tkun ġiet deċiża.
73. Kif juru l-punti 2 u 3 tad-dispożittiv tas-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021, din id-dikjarazzjoni ta’ antikostituzzjonalità tal-Artikolu 2 u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE tikkostitwixxi kontestazzjoni diretta tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu regoli fundamentali tat-Trattati, li huma essenzjali għall-Istat tad-dritt, li huma komuni għall-Istati Membri kollha.
74. Sussegwentement, l-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni adottata mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ma tippreġudikax biss it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – kif ġie stabbilit fil-kuntest tal-ewwel ilment – iżda tmur lil hinn: hija għandha l-intenzjoni li ċċaħħad din id-dispożizzjoni, deskritta mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) bħala l-bażi ta’ “regoli mfassla mill-ġdid fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja”, minn kull effett ġuridiku fit-territorju Pollakk. Dan jirriżulta b’mod ċar mit-Taqsima 10 tal-motivazzjoni tas-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021, fejn it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tordna lill-korpi tal-awtoritajiet pubbliċi Pollakki, b’mod partikolari lill-qrati, jastjenu milli japplikaw dawn ir-regoli, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Filwaqt li tibbaża ruħha fuq in-natura obbligatorja erga omnes u definittiva tas-sentenzi tagħha, iggarantit mill-Artikolu 190(1) tal-Kostituzzjoni, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tiddeċiedi li kull korp pubbliku, inkluż il-leġiżlatur, il-qrati ordinarji u amministrattivi, kif ukoll is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), għandhom jimplimentaw is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021.
75. Konsegwentement, l-imsemmija sentenza, li tikkostitwixxi ribelljoni mingħajr preċedent, tipprojbixxi lill-korpi pubbliċi Pollakki kollha, inklużi l-qrati li jistgħu japplikaw id-dritt tal-Unjoni, milli jikkonformaw ruħhom mal-obbligi li jirriżultaw mis-supremazija, mill-awtonomija u mill-effettività tad-dritt tal-Unjoni intiż li jiżgura l-effett sħiħ tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 TUE. Għalhekk, is-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021 tikser ukoll l-effett vinkolanti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, komponent essenzjali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.
76. Fl-aħħar nett, il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021 ma jistax, fil-fehma tiegħi, jiġi interpretat b’mod ieħor ħlief bħala kontestazzjoni diretta tal-validità tal-ewwel u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1 TUE kif ukoll tal-Artikolu 4(3) TUE, li huma fost id-dispożizzjonijiet l-iktar fundamentali tat-Trattat UE. Skont it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), din il-kontestazzjoni hija ġġustifikata mill-fatt li l-Unjoni għamlet pass ġdid li fih il-korpi tal-Unjoni jaġixxu ultra vires, li l-Kostituzzjoni ma għadhiex ir-regola suprema fil-Polonja, u li minn dan jirriżulta li dan l-Istat Membru ma jistax iktar jiffunzjona bħala Stat sovran u demokratiku. Kif ġie rrilevat mill-Kummissjoni, din hija affermazzjoni ta’ tħassib serju ħafna min-naħa tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) li tikkontesta l-impenn tar-Repubblika tal-Polonja li taċċetta l-konsegwenzi legali li jirriżultaw mill-adeżjoni tagħha mal-Unjoni.
77. Fit-tieni lok, fis-sentenza tagħha tal‑14 ta’ Lulju 2021, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tikkontesta l-portata vinkolanti tal-miżuri provviżorji adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 279 TFUE. B’mod iktar preċiż, din il-qorti tqis li tali miżuri, meta jirrigwardaw l-organizzazzjoni, il-kompetenzi u l-funzjonament tal-qrati Pollakki, kif ukoll il-proċeduri interni applikabbli għalihom, jiksru l-prinċipju ta’ attribuzzjoni u l-identità kostituzzjonali Pollakka (33). Hija ssostni wkoll li dawn il-miżuri, fosthom id-digriet Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja jmorru lil hinn mil-limiti tad-dritt tal-Unjoni u jiksru l-ordni kostituzzjonali Pollakk.
78. It-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tibbaża l-pożizzjoni tagħha fuq is-supremazija tal-Kostituzzjoni bħala regola suprema tal-ordinament ġuridiku intern, billi tikkunsidra li d-digriet Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja li jissospendi l-kompetenza tal-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma jistax jipprevali. Fil-fehma tagħha, li jiġi aċċettat li l-miżuri provviżorji tal-Qorti tal-Ġustizzja, maħruġa bl-għan li tiġi ppreżervata l-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura, jorbtu lill-awtoritajiet nazzjonali, iwassal sabiex jiġi żnaturat kemm il-prinċipju kostituzzjonali Pollakk tal-Istat tad-dritt demokratiku, stabbilit fl-Artikolu 2 tal-Kostituzzjoni, kif ukoll it-tqassim tal-kompetenzi li jirriżulta mill-prinċipju ta’ attribuzzjoni previst mit-Trattati tal-Unjoni.
79. Barra minn hekk, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tikkritika lill-Qorti tal-Ġustizzja li timponi regoli allegatament “maħluqa” minn din tal-aħħar, meqjusa inkompatibbli mal-Kostituzzjoni. Minn dan hija tiddeduċi li, fir-rigward ta’ dawn ir-regoli meqjusa bħala adottati ultra vires, il-prinċipju ta’ supremazija u l-effett dirett tad-dritt tal-Unjoni ma jibqgħux japplikaw. Filwaqt li tiddikjara n-natura definittiva, universalment vinkolanti u b’effett ex tunc tas-sentenzi tagħha, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tordna lill-korpi pubbliċi Pollakki kollha sabiex jastjenu milli japplikaw il-miżuri provviżorji u, b’mod iktar wiesa’, kull regola tal-Unjoni li tmur lil hinn, fil-fehma tagħha, mill-kompetenza mogħtija mit-Trattati.
80. Ma’ dan jiżdied li, fis-sentenza tagħha tal‑14 ta’ Lulju 2021, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ma tikkontestax biss l-awtorità u n-natura vinkolanti tal-miżuri provviżorji ordnati mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tagħha Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, iżda wkoll dawk ta’ kull miżura provviżorja futura li tittieħed skont l-Artikolu 279 TFUE fir-rigward tas-sistema ġudizzjarja Pollakka. B’dan il-mod, din il-qorti tikkontesta d-dispożizzjonijiet stess tat-Trattati li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża dawn il-miżuri, jiġifieri l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 279 TFUE.
81. F’dan ir-rigward, nixtieq infakkar li n-natura kostituzzjonali tad-dispożizzjonijiet interni, invokati mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), fl-ebda każ ma tista’ tiġġustifika t-tfixkil tal-prinċipji ta’ supremazija, ta’ effett dirett u ta’ natura vinkolanti tad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, l-invokazzjoni ta’ dawn ir-regoli kostituzzjonali kif ukoll l-argument li l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tagħhom, sabiex jiġu evitati r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 2 TUE, mill-Artikolu 4(3) TUE u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll mill-Artikolu 279 TFUE tibqa’ inkompatibbli mal-unità, mal-awtonomija u mal-effettività tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.
82. Din l-aħħar osservazzjoni, dwar l-invokazzjoni mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni twassalni, fit-tielet lok, sabiex napprofondixxi l-analiżi tar-raġunament tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), fis-sentenzi kontenzjużi, li hija bbażata b’mod partikolari fuq l-osservanza neċessarja tal-identità kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Polonja fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE.
83. Ninnota li, fis-sentenzi kontenzjużi, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), filwaqt li tirreferi għall-Artikolu 4(2) TUE, tinvoka l-“identità kostituzzjonali” tar-Repubblika tal-Polonja sabiex tikkonkludi li ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni huma inkompatibbli ma’ dan il-prinċipju. Fi kliem ieħor, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tinvoka l-“identità kostituzzjonali” filwaqt li tibbaża ruħha fuq dispożizzjoni tat-Trattat dwar l-identità “nazzjonali”. Fir-rigward tar-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ kunċetti, inqis li, minkejja li mingħajr dubju għandhom punti ta’ sovrappożizzjoni, il-kunċett ta’ identità nazzjonali jidher li jinkludi iktar, sa fejn ma huwiex limitat biss għall-elementi fformalizzati fit-testi kostituzzjonali. Għall-kuntrarju, il-kunċett ta’ identità kostituzzjonali huwa kkaratterizzat minn portata iktar ristretta, sa fejn huwa limitat għall-prinċipji u valuri stabbiliti mill-Kostituzzjoni ta’ Stat Membru.
84. Jiena tal-fehma li din il-kwistjoni, dwar l-identità kostituzzjonali, jistħoqqilha li tiġi indirizzata, mingħajr madankollu ma wieħed imur lil hinn mill-kuntest ta’ din il-kawża u mingħajr ma tinbena teorija ġenerali, u dan iktar u iktar peress li din il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata każ b’każ taħt il-kontroll attent u esklużiv tal-Qorti tal-Ġustizzja.
85. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li mill-interpretazzjoni u mill-applikazzjoni sistematiċi tal-klawżola dwar l-identità nazzjonali, kif prevista fl-Artikolu 4(2) TUE, bl-ebda mod ma jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tipperċepiha bħala fattur li jista’ jillimita l-prinċipju invjolabbli ta’ supremazija. Wieħed mill-oqsma fejn l-użu tal-“identità nazzjonali” jidher b’mod notevoli fil-ġurisprudenza jikkonċerna b’mod partikolari l-eżami ta’ miżuri nazzjonali li jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertajiet fundamentali tas-suq intern. Fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi, l-osservanza tal-identità nazzjonali ġie invokat kemm bħala bażi awtonoma ta’ deroga kif ukoll bħala regola ta’ interpretazzjoni tal-ġustifikazzjonijiet eżistenti, bħal, pereżempju, l-ordni pubbliku (34).
86. Ser nillimita ruħi, fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet, li nippreżenta sinteżi qasira misluta minn xi eżempji ġurisprudenzjali.
87. Fl-ewwel funzjoni tiegħu, l-Artikolu 4(2) TUE jintuża bħala għodda li tippermetti li tiġi identifikata raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika deroga mill-applikazzjoni ta’ libertà fundamentali. Pereżempju, u f’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja vverifikat jekk regoli nazzjonali li kellhom l-għan li jippreżervaw lingwa uffiċjali setgħux jiġġustifikaw deroga (35). It-tieni eżempju ta’ applikazzjoni jikkonċerna r-restrizzjonijiet għad-dritt tal-moviment liberu tal-persuni bbażati fuq leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-possibbiltà li jsir riferiment għal titoli ta’ nobbiltà fl-għoti ta’ isem (36). It-tielet eżempju jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju tad-dinjità tal-bniedem, stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Liġi Fundamentali Ġermaniża (Grundgesetz), jistax jiġġustifika limitazzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (37).
88. Fit-tieni funzjoni tiegħu, l-Artikolu 4(2) TUE huwa utilizzat bħala parametru ta’ interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju f’kuntest marbut mal-istrutturi fundamentali jew mal-funzjonijiet essenzjali tal-Istati Membri (38).
89. Madankollu, u huwa f’dan li jinsab l-element essenzjali tal-analiżi, il-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) TUE ma tippermettix, kif issuġġerit mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), li l-identità nazzjonali titqies bħala element li jista’ jostakola l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta’ supremazija. Kif jirriżulta mill-analiżi preċedenti, l-oppożizzjoni bejn is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni u l-identità nazzjonali tal-Istati Membri tidher, fir-realtà, bħala psewdokunflitt, peress li dawn iż-żewġ kunċetti jissodisfaw funzjonijiet distinti fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.
90. Fit-tieni lok, inqis li huwa neċessarju li jitfakkar li l-Artikolu 4(2) TUE ma jistax jitqies li jikser l-Artikolu 2 TUE u l-valuri fundamentali li huma stabbiliti fih (39). Kif ġie enfasizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja, “filwaqt li għandhom identitajiet nazzjonali separati, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom, li l-Unjoni tirrispetta, l-Istati Membri jaderixxi għal kunċett ta’ ‘Stat tad-dritt’ li huma jikkondividu, inkwantu valur komuni għat-tradizzjonijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom, u li huma impenjaw ruħhom li jirrispettaw b’mod kontinwu” (40). Minn dan isegwi li l-identità kostituzzjonali ta’ Stat Membru ma tistax tipprevali fuq il-pedamenti demokratiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, u lanqas fuq il-valuri komuni stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE (41). Approċċ ta’ ġeometrija varjabbli għall-Istat tad-dritt ma jistax ikun aċċettabbli meta jiġi applikat id-dritt tal-Unjoni. Kif ġie enfasizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk qorti kostituzzjonali ta’ Stat Membru tqis li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kif interpretata minnha, tikser l-obbligu li tiġi osservata l-identità nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, din il-qorti kostituzzjonali għandha tissospendi l-proċeduri quddiemha u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE, sabiex tevalwa l-validità ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-Artikolu 4(2) TUE (42).
91. Fl-aħħar mill-aħħar, u bir-riskju li nirrepeti ruħi, il-kwistjoni ċentrali mqajma minn din il-kawża tikkonċerna l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ supremazija mill-Qorti tal-Ġustizzja, kemm jekk titqajjem impliċitament jew direttament mill-qorti kostituzzjonali meta tikkontesta lill-Qorti tal-Ġustizzja l-awtorità li tiddeċiedi fl-aħħar istanza f’każ ta’ kunflitt bejn id-dritt tal-Unjoni u l-identità kostituzzjonali ta’ Stat Membru. It-tweġiba għal din il-mistoqsija tista’ tingħata biss b’riferiment għal konstatazzjoni fundamentali: il-kwalità ta’ membru tal-Unjoni hija suġġetta għall-adeżjoni “[għal] struttura legali li hija bbażata fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jikkondividi mal-Istati Membri l-oħra kollha, u jirrikonoxxi li dawn jikkondividu miegħu, il-valuri komuni li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE, li fuqhom hija bbażata l-Unjoni” (43).
92. Ċertament, Stat ma jistax jiġi mġiegħel jaderixxi mal-Unjoni kontra r-rieda tiegħu (44). Madankollu, peress li jagħmel l-għażla sovrana li jaderixxi magħha, għandu josserva r-“regoli tal-logħba”, konformement mal-Artikolu 49 TUE, li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li josservaw il-valuri tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħhom – valuri li huma aċċettaw liberament u b’għarfien sħiħ tal-fatti (45). Jew inkella, kif fakkret is-seduta plenarja, l-iktar formazzjoni solenni tal-Qorti tal-Ġustizzja, “l-osservanza minn Stat Membru tal-valuri li jinsabu fl-Artikolu 2 TUE tikkostitwixxi kundizzjoni għat-tgawdija tad-drittijiet kollha li joħorġu mill-applikazzjoni tat-Trattati għal dan l-Istat Membru […] Fil-fatt, l-osservanza ta’ dawn il-valuri ma għandhiex tiġi ridotta għal obbligu li għandu jiġi osservat minn Stat kandidat sabiex jaderixxi mal-Unjoni u li huwa jista’ ma jkomplix josserva wara l-adeżjoni tiegħu”(46).
93. F’din il-perspettiva, l-Artikolu 4(2) TUE ma jikkostitwixxix ostakolu, iżda jitlob li jkun hemm djalogu bejn l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Mhux talli ma jimponix uniformità riġida, iżda talli jippermetti l-bini ta’ proġett Ewropew li ma huwiex piramida fissa u monolitika, iżda network sottili u dinamiku, fejn ir-rikonoxximent tal-ispeċifiċitajiet nazzjonali jsaħħaħ il-koeżjoni ġenerali (47). Madankollu, sabiex tiġi żgurata s-saħħa li tgħaqqad id-dritt tal-Unjoni, huwa essenzjali li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha, b’mod definittiv, l-“aħħar kelma”.
94. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li d-dikjarazzjoni, mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), tal-inkompatibbiltà tal-Artikolu 2, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 279 TFUE mal-Kostituzzjoni tirrappreżenta ksur manifest, ngħid ukoll wieħed mill-iktar diretti, għall-prinċipji fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Dawn il-pożizzjonijiet jinjoraw mhux biss l-awtorità tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda wkoll il-valuri u l-obbligi kollha li t-Trattati jimponu fuq l-Istati Membri. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni adottata mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tippreġudika serjament is-supremazija, l-awtonomija, l-uniformità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni.
95. Għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li t-tieni lment tal-Kummissjoni huwa fondat.
3. Fuq it-tielet ilment
a) Argumenti tal-partijiet
96. Permezz tat-tielet ilment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika tal-Polonja talli ma osservatx ir-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta. Dawn ir-rekwiżiti jikkonċernaw l-indipendenza, l-imparzjalità u l-legalità tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali).
97. B’mod partikolari, hija tqis li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ma għadhiex tissodisfa dawn il-garanziji minħabba irregolaritajiet li seħħew waqt il-ħatra ta’ mħallfin f’Diċembru 2015 u l-elezzjoni tal-President tagħha f’Diċembru 2016. F’Diċembru 2015, it-tmien leġiżlatura tal-Parlament eleġġiet tliet persuni (M.M., H.C. u L.M.) sabiex jissostitwixxu mħallfin li l-mandat tagħhom kien skada, filwaqt li s-seba’ leġiżlatura kienet diġà eleġġiet tliet Imħallfin oħra (R.H., A.J. u K.Ś.) għal dawn l-istess karigi f’Ottubru 2015. It-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), fis-sentenzi tagħha tat‑3 u tad‑9 ta’ Diċembru 2015, iddeċidiet li l-elezzjoni tat-tliet imħallfin mit-tmien leġiżlatura kienet tmur kontra l-Kostituzzjoni. Madankollu, it-tliet imħallfin eletti illegalment ħadu ġurament u tħallew jieħdu l-kariga, filwaqt li l-imħallfin eletti legalment ma setgħux jibdew jaqdu l-kariga tagħhom.
98. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li l-proċedura ta’ selezzjoni tal-kandidati għall-pożizzjoni ta’ President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), li wasslet għall-ħatra ta’ J.P. f’Diċembru 2016, kienet ivvizzjata b’irregolaritajiet serji.
99. Ir-Repubblika tal-Polonja, filwaqt li taqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni, tippreċiża li n-natura irregolari tal-kompożizzjoni tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) hija r-raġuni prinċipali sabiex tpoġġi fid-dubju l-validità tas-sentenzi tagħha.
b) Analiżi
1) Il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja
100. Skont ġurisprudenza stabbilita, kull qorti nazzjonali li tista’ tiddeċiedi dwar kwistjonijiet relatati mad-dritt tal-Unjoni għandu jkollha l-garanziji neċessarji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, u għandha tiġi stabbilita mil-liġi (48). Dawn ir-rekwiżiti jirriżultaw mill-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jipprovdi li kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi.
101. Hija ġurisprudenza stabbilita li r-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jeħtieġu l-eżistenza ta’ regoli, fosthom, b’mod partikolari, dawk li jikkonċernaw il-kompożizzjoni tal-istanza u l-ħatra tal-membri tagħha, li jippermettu li jitneħħa kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-imsemmija istanza fir-rigward ta’ elementi esterni u tan-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi li jkollha quddiemha. (49).
102. Barra minn hekk, ir-rekwiżit dwar il-“qorti […] stabbilita minn qabel bil-liġi” għandu l-għan li jevita li l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja titħalla għad-diskrezzjoni tas-setgħa eżekuttiva u li jiżgura li dan il-qasam ikun irregolat minn liġi adottata mill-poter leġiżlattiv b’mod konformi mar-regoli li jirregolaw l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħha. Din l-espressjoni tirrifletti, b’mod partikolari, il-prinċipju tal-Istat tad-dritt u tikkonċerna mhux biss il-bażi legali tal-eżistenza stess tal-qorti, iżda wkoll il-kompożizzjoni tas-sede f’kull kawża kif ukoll kull dispożizzjoni oħra tad-dritt intern li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jirrendi irregolari l-parteċipazzjoni ta’ mħallef wieħed jew iktar fl-eżami tal-kawża, li jinkludi, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membri tal-qorti kkonċernata (50).
103. Fir-rigward ta’ ksur ta’ dan ir-rekwiżit, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, filwaqt li ispirat ruħha, fuq dan il-livell, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li irregolarità mwettqa waqt il-ħatra tal-imħallfin fi ħdan is-sistema ġudizzjarja kkonċernata twassal għal ksur tar-rekwiżit li qorti tkun stabbilita bil-liġi, b’mod partikolari meta din l-irregolarità tkun ta’ natura u ta’ gravità tali li toħloq riskju reali li fergħat oħra tal-poter, b’mod partikolari l-eżekuttiv, ikunu jistgħu jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali indebita li tipperikola l-integrità tar-riżultat li jwassal għalih il-proċess ta’ ħatra u b’hekk toħloq dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membru jew tal-membri tal-ġudikatura kkonċernati. Dan huwa l-każ meta jkunu inkwistjoni regoli fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-istabbiliment u mill-funzjonament ta’ din is-sistema ġudizzjarja (51). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ippreċiżat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li huwa biss il-ksur li jolqot ir-regoli fundamentali tal-proċedura ta’ ħatra u ta’ dħul fil-kariga tal-imħallfin li jista’ jwassal għal ksur tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) (52).
2) Applikazzjoni għall-każ ineżami
i) Fir-rigward tal-ħatra ta’ mħallfin fit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) bi ksur allegat tal-Kostituzzjoni
104. Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) hija “qorti jew tribunal” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, sa fejn hija tista’ tiddeċiedi dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni u mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (53). Din il-konklużjoni hija, fost l-oħrajn, ikkonfermata mis-sentenzi kontenzjużi, imsemmija fl-ewwel u fit-tieni lment ta’ dan ir-rikors (54).
105. F’dan il-każ, fit‑2 ta’ Diċembru 2015, il-Parlament tar-Repubblika tal-Polonja (it-tmien leġiżlatura) ħatar tliet persuni (M.M., H.C. u L.M.) fit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) sabiex jimlew pożizzjonijiet li saru vakanti fis‑6 ta’ Novembru 2015. Madankollu, il-Parlament preċedenti (is-seba’ leġiżlatura) kien diġà adotta, fit‑8 ta’ Ottubru 2015, riżoluzzjonijiet dwar l-elezzjoni ta’ tliet Imħallfin oħra (R.H., A.J. u K.Ś.) għal dawn l-istess funzjonijiet.
106. Fis-sentenza tagħha tat‑3 ta’ Diċembru 2015, K 34/15 (55), it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ikkonfermat, fost l-oħrajn, li s-seba’ leġiżlatura tal-Parlament kienet intitolata taħtar tliet imħallfin sabiex jissostitwixxu l-imħallfin li l-mandat tagħhom intemm fis-6 ta’ Novembru 2015. Barra minn hekk, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) irrilevat l-obbligu tal-President tar-Repubblika tal-Polonja li jieħu l-ġurament tat-tliet persuni eletti mis-seba’ leġiżlatura tal-Parlament (R.H., A.J. u K.Ś.) sabiex jissostitwixxi l-imħallfin li l-mandat tagħhom kien intemm fis‑6 ta’ Novembru 2015. Barra minn hekk, fid‑9 ta’ Diċembru 2015, permezz tas-sentenza tagħha K 35/15 (56) it-Trybunał Konstytucyjnym (il-Qorti Kostituzzjonali) invalidat l-Artikolu 137a de l’ustawa o Trybunale Konstytucyjnym (il-Liġi dwar il-Qorti Kostituzzjonali), tal‑25 ta’ Ġunju 2015 (57) kif emendata bl-ustawa o zmianie ustawy z dnia 25 czerwca 2015 r. o Trybunale Konstytucyjnym (ustawa zmieniająca) (il-Liġi li temenda l-Liġi tal‑25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Qorti Kostituzzjonali), tad‑19 ta’ Novembru 2015, li bis-saħħa tagħha, fil-każ tal-imħallfin tat-Trybunał Konstytucyjnym (il-Qorti Kostituzzjonali) li l-mandat tagħhom skada fl-2015, it-terminu għall-preżentazzjoni ta’ kandidatura kien ta’ sebat ijiem mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni. L-antikostituzzjonalità kienet tikkonċerna l-elezzjoni għal karigi ta’ mħallfin fit-Trybunał Konstytucyjnym (il-Qorti Kostituzzjonali) biex jissostitwixxu l-imħallfin li l-mandat tagħhom kien skada fis‑6 ta’ Novembru 2015.
107. Minkejja l-konstatazzjoni tal-irregolarità tal-ħatra mwettqa f’Diċembru 2015, it-tliet maġistrati kkonċernati ħadu l-ġurament quddiem il-President tar-Repubblika tal-Polonja, u fl‑20 ta’ Diċembru 2016, l-Imħallef J.P., “Imħallef li jeżerċita l-funzjonijiet ta’ President” wara l-irtirar tal-President A.R., awtorizzahom jippresjiedu. Min-naħa tagħhom, it-tliet imħallfin eletti f’Ottubru 2015 qatt ma setgħu jibdew jaqdu l-kariga tagħhom, peress li ebda ġurament ma ngħata fil-konfront tagħhom.
108. Kif ġie rrilevat mill-Kummissjoni, il-ħatra u l-assunzjoni tal-kariga fi ħdan it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tat-tliet imħallfin imsemmija iktar ’il fuq jikkostitwixxu ksur manifest tal-prinċipju kostituzzjonali dwar il-ħatra tal-imħallfin fit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), li jagħmel parti integrali mill-organizzazzjoni u mill-funzjonament tal-Istat Pollakk. Il-Kummissjoni tindika wkoll, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-Repubblika tal-Polonja, li, mill-iskadenza tat-terminu għat-tweġiba għall-opinjoni motivata tal-Kummissjoni tal‑15 ta’ Lulju 2022 (jiġifieri l‑15 ta’ Settembru 2022) sal-lum, l-ebda waħda miż-żewġ sentenzi tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tat‑3 u tad‑9 ta’ Diċembru 2015 ma ġiet implimentata, u l-Imħallef M.M. għadu sedenti fit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali).
109. Inqis li huwa utli wkoll li jiġi nnotat li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fis-sentenza tagħha tas‑7 ta’ Awwissu 2021, Xero Flor w Polsce sp. z o.o. vs Il‑Polonja (58) ikkonfermat li din is-sitwazzjoni tikser prinċipju fundamentali li jirregola l-ħatra tal-imħallfin fit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), li jippreġudika d-dritt għal “qorti stabbilita bil-liġi” fis-sens tal-Artikolu 6(1) KEDB. Minn dan isegwi li l-indipendenza u l-imparzjalità tal-qorti kostituzzjonali jirriżultaw serjament kompromessi, minkejja li l-Artikolu 19 TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta jimponu tali garanziji fuq il-qrati nazzjonali.
ii) Fir‑rigward tal‑allegati irregolaritajiet li jivvizzjaw il‑proċedura ta’ ħatra tal-President tat-Trybunał Konstytucyjny (il‑Qorti Kostituzzjonali)
110. Inqis ukoll li irregolaritajiet serji affettwaw ukoll il-proċedura għall-ħatra tal-President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali).
111. B’mod partikolari, qabel l-iskadenza tal-mandat tal-President preċedenti tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) (fid-19 ta’ Diċembru 2016), il-leġiżlatur Pollakk irreveda b’mod estensiv il-proċedura ta’ selezzjoni tal-kandidati. Inħolqot kariga ġdida ta’ “Imħallef li jeżerċita l-funzjonijiet ta’ President” li ma teżistix fil-Kostituzzjoni billi l-Artikolu 194(2) tagħha jaf biss lill-President u lill-Viċi President. Fl‑20 ta’ Diċembru 2016, jiġifieri l-għada tat-tluq tal-President preċedenti tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), il-President tar-Repubblika tal-Polonja ħatar lil J.P. għal din il-pożizzjoni li għadha kif inħolqot. Fl-istess jum, J.P. awtorizzat it-tliet imħallfin maħtura irregolarment sabiex jipparteċipaw u sejħet l-Assemblea Ġenerali. Fost l-erbatax-il imħallef preżenti, tmienja rrifjutaw li jieħdu sehem fil-votazzjoni, u rrikjedew posponiment sabiex tiġi permessa l-preżenza tal-ħmistax-il maġistrat. Din it-talba ġiet miċħuda, u J.P. ġiet eletta bħala President tat-Trybunał Konstytucyjny (il‑Qorti Kostituzzjonali) b’ħames voti biss fuq l-erbatax-il Membru preżenti, fosthom dawk tat-tliet imħallfin li l-ħatra tagħhom kienet diġà kkontestata (59). Fil‑21 ta’ Diċembru 2016, hija nħatret, mill-President tar-Repubblika tal-Polonja, President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali).
112. Din is-suċċessjoni ta’ avvenimenti turi, fil-fehma tiegħi, l-influwenza diretta u konkreta tas-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi fuq il-kompożizzjoni u l-funzjonament tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), li toħloq riskju għoli ta’ ndħil politiku. L-integrità tal-proċess ta’ ħatra, il-fiduċja tal-partijiet f’kawża fl-indipendenza ta’ din il-qorti, u l-osservanza tal-garanziji previsti fl-Artikolu 19 TUE u fl-Artikolu 47 tal-Karta, huma vvizzjati profondament.
113. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat mill-Kummissjoni, kien leġittimu li wieħed jistenna mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) attitudni prudenti sabiex jitneħħew id-dubji li nħolqu minn dawn l-irregolaritajiet. Minflok, M.M. kien sedenti f’kawżi li jikkontestaw direttament il-legalità tal-ħatra tiegħu stess, u b’hekk kiser ir-rekwiżit ta’ imparzjalità (60).
114. Essenzjalment, u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma hemmx dubju li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ma tistax tiġi kklassifikata bħala “qorti stabbilita bil-liġi” indipendenti u imparzjali, kif jeżiġi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, imsaħħaħ mill-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fatt, dan in-nuqqas jimmina l-aspettattivi leġittimi tal-partijiet fil-kawża fil-kapaċità tal-qrati nazzjonali li japplikaw id-dritt tal-Unjoni konformement mal-istandards Ewropej, u b’hekk jikkomprometti l-integrità u l-effikaċja tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.
115. Konsegwentement, u abbażi tal-fatti mhux ikkontestati, inqis li l-proċedura ta’ ħatra tat-tliet imħallfin f’Diċembru 2015 kif ukoll tal-Imħallef J.P. għall-pożizzjoni ta’ President tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) kienet ikkaratterizzata minn diversi irregolaritajiet li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “manifesti u serji”.
116. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligu tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jiġifieri li ma żguratx li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tissodisfa r-rekwiżit ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi.
117. Għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li t-tielet ilment tal-Kummissjoni huwa fondat.
VI. Fuq l-ispejjeż
118. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk ikunu ntalbu.
119. Skont is-soluzzjoni li nipproponi, peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna tar-Repubblika tal-Polonja u billi din tal-aħħar tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, kif mitlub mill-Kummissjoni.
VII. Konklużjoni
120. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:
1) tiddikjara li, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Konstytucja Rzeczypospolitej Polskiej (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja) magħmula mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) fis-sentenzi tagħha tal‑14 ta’ Lulju 2021 u tas‑7 ta’ Ottubru 2021, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE;
2) tiddikjara li, fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja mogħtija mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) fis-sentenzi tagħha tal‑14 ta’ Lulju 2021 u tas‑7 ta’ Ottubru 2021, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt il-prinċipji ġenerali ta’ awtonomija, ta’ supremazija, ta’ effettività u ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u kisret l-effett vinkolanti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja;
3) tiddikjara li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, minħabba irregolaritajiet fil-proċeduri ta’ ħatra ta’ tlieta mill-membri tagħha f’Diċembru 2015 u tal-President tagħha f’Diċembru 2016, u, għaldaqstant, li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE;
4) tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż tagħha u għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 Pescatore, P., L’ordre juridique des Communautés européennes: étude des sources du droit communautaire, Presses universitaires de Liège, Liège, 1973 (it-tieni edizzjoni), p. 227.
3 Ara, inter alia, id-digriet tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja), Nru 24/2017, tas‑26 ta’ Jannar 2017 (IT:COST:2017:24).
4 Dz. U. tal‑2021, pożizzjoni 1309 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021”).
5 C‑791/19 R, iktar ’il quddiem id-“digriet Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja”, EU:C:2020:277.
6 Dz. U. tal‑2021, pożizzjoni 1852 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021”).
7 Levade, A., “Identités constitutionnelles et hiérarchies”, Annuaire international de justice constitutionnelle, Economica, Presses Universitaires d’Aix-Marseille, 2011, p. 455.
8 Ara s-sentenza tal-Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Repubblika Ċeka), Slovenské důchody XVII (Pensjonijiet Slovakki XVII, kawża Holubec), Pl. ÚS 5/12, tal‑31 ta’ Jannar 2012, mogħtija wara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2011, Landtová (C‑399/09, EU:C:2011:415). Ara wkoll is-sentenza tal-Højesteret (il-Qorti Suprema, id-Danimarka), Dansk Industri (DI) acting for Ajos A/S vs The estate left by A, Nru 15/2014, UfR 2017.824 H, tas‑6 ta’ Diċembru 2016, mogħtija wara s-sentenza tad‑19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278). Ara wkoll, fir-rigward tal-Bundesverfassungsgericht (BVerfG) (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja), is-sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 2020, 2 BvR 859/15 et (PSPP), Europäische Grundrechte Zeitschrift, 2020, p. 246, u tal‑21 ta’ Ġunju 2016, 2 BvR 2728/13 et (OMT II), Europäische Grundrechte Zeitschrift, 2016, p. 440. Fir-rigward tal-Conseil constitutionnel (il-Qorti Kostituzzjonali, Franza), il-qorti kostituzzjonali tawtorizza li jiġi vverifikat li liġi ta’ traspożizzjoni li tirriproduċi t-termini eżatti ta’ direttiva ma tikkontradixxix dispożizzjonijiet espressi tal-Kostituzzjoni Franċiża, u lanqas “ir-regoli u l-prinċipji inerenti għall-identità kostituzzjonali ta’ Franza, ħlief jekk il-Kostituzzjoni tkun tat il-kunsens tagħha” (Deċiżjonijiet Nri 2004‑496 (DC), tal‑10 ta’ Ġunju 2004, JORF tat‑22 ta’ Ġunju 2004, p. 11182, test Nru 3, u Nru 2006‑540 (DC), tas‑27 ta’ Lulju 2006, JORF tat‑3 ta’ Awwissu 2006, p. 11541, test Nru 2).
9 Ara, fost oħrajn, Nagy, C. I., “The Rebellion of Constitutional Courts and the Normative Character of European Union Law”, International and Comparative Law Quarterly, 2024, Vol. 73, Nru 1, 2024, p. 65 sa 101. Dan l-awtur jipproponi qari mill-ġdid kritiku u evalwazzjoni tal-fronda (ribelljoni) emerġenti tal-Qrati Kostituzzjonali Ewropej kontra s-supremazija inkundizzjonata tad-dritt tal-Unjoni. L-artikolu jirrifletti wkoll il-kontestazzjoni emerġenti ultra vires, jidentifika l-oriġini u l-iżvilupp tagħha, imbagħad jipproponi analiżi fil-fond u l-mogħdijiet għar-riforma. Dan juri li l-kwistjoni reali ma hijiex tant is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni imma l-“interpretative primacy” fdata lill-Qorti tal-Ġustizzja. L-awtur isostni li r-“ribelljoni” ġiet skattata mill-perċezzjoni li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tilfet in-natura normattiva tagħha, favur natura dejjem iktar politika. Mingħajr ma jikkontesta l-prinċipju ta’ supremazija bħala tali, l-awtur madankollu jikkritika l-interpretazzjoni “estensiva” lil hinn minn dak li kien “ikkontemplat” kostituzzjonalment mill-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, p. 97 sa 101).
10 Ara, b’mod partikolari, il-punti 82 sa 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
11 Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑320/15, EU:C:2017:678, punt 21), u tal‑15 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (C‑575/16, EU:C:2018:186, punt 105).
12 Ara l-punti 32 u 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
13 Ara s-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Repubblika”, EU:C:2021:311, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
14 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et (C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Euro Box Promotion et”, EU:C:2021:1034, punti 220 u 221 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
15 Ara s-sentenzi Repubblika (punt 48), u tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 88).
16 C‑824/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza A.B. et”, EU:C:2021:153.
17 Sentenza A.B. et (punti 149 u 150).
18 C‑487/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza W.Ż.”, EU:C:2021:798.
19 Sentenza W.Ż. (punt 161).
20 Ara t-Taqsima 6.4 tas-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021.
21 Sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 1970 (11/70, EU:C:1970:114).
22 Sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ Qorti Kostituzzjonali) (C‑430/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza RS”, EU:C:2022:99).
23 Dwar ir-relazzjoni bejn il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni u l-prinċipju ta’ ugwaljanza, ara, Kokott, J. u Hummel, D., “Der Vorrang des Unionsrechts als Ausdruck des Gleichheitsprinzips? – Zu einem neuartigen Begründungsansatz der Einschränkung einer Ultra-vires-Kontrolle durch die Gerichte der Mitgliedstaaten”, Europäische Grundrechte-Zeitschrift, 2024, p. 1 sa 7.
24 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li dawn il-karatteristiċi essenzjali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u l-importanza tal-osservanza dovuta lilu ġew ikkonfermati bir-ratifika, mingħajr riżervi, tat-Trattati li jemendaw it-Trattat KEE u, b’mod partikolari, tat-Trattat ta’ Lisbona, kif jirriżulta b’mod partikolari mid-Dikjarazzjoni Nru 17 dwar is-supremazija, annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona, iffirmat fit‑13 ta’ Diċembru 2007. L-istess japplika għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona (ara s-sentenza Euro Box Promotion et,punti 248 u 250).
25 Ara s-sentenzi RS (punt 52), u tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 79).
26 Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 77).
27 Sentenza Euro Box Promotion et (punt 249).
28 Sentenza Euro Box Promotion et (punt 252).
29 Ara s-sentenza RS (punt 70).
30 Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 72).
31 Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 73).
32 B’mod partikolari, skont it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), “il-ħolqien mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ta’ regola li skont din qorti nazzjonali tista’ twarrab dawn l-emendi leġiżlattivi u tiddeċiedi abbażi tad-dispożizzjonijiet preċedentement applikabbli (imħassra) ma għandha l-ebda bażi legali. Fil-fatt, dan l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jinċentiva lill-qrati nazzjonali, u jippermettilhom japplikaw liġi differenti minn dik adottata mill-parlament skont il-modalitajiet tal-Kostituzzjoni. Din ir-regola hija għalhekk inkompatibbli mal-kriterji ta’ stħarriġ indikati, u b’mod partikolari mal-Artikolu 8(1) tal-Kostituzzjoni” (Taqsima 8.3 tas-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021). It-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet ukoll li “r-regola dedotta mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) u mill-Artikolu 2 TUE, sa fejn, sabiex tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll l-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura, tagħti lill-qrati nazzjonali s-setgħa li jikkonstataw difetti fil-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin u, konsegwentement, li jirrifjutaw li jirrikonoxxu bħala mħallef persuna maħtura għal din il-funzjoni skont l-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni, huwa kuntrarju għall-Artikolu 2, għall-Artikolu 8(1), għall-Artikolu 90(1) u għall-Artikolu 179 moqri flimkien mal-punt 17 tal-Artikolu 144(3) tal-Kostituzzjoni.” (Taqsima 8.4 tas-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2021).
33 Ara t-Taqsimiet 6.8 u 6.10 tas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021.
34 Ara Guastaferro, B., “Beyond the Exceptionalism of Constitutional Conflicts: The Ordinary Functions of the Identity Clause”, Yearbook of European Law, Vol. 31, Nru 1, 2012, p. 290. Ara wkoll, Bay Larsen, L., “Libres réflexions sur l’équilibre entre égalité des citoyens et diversité constitutionnelle dans la jurisprudence de la Cour relative au principe de primauté”, EUnited in Diversity – The Rule of Law and Constitutional Diversity, atti tal-Konferenza internazzjonali li nżammet f’Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi, mill‑31 ta’ Awwissu sal‑1 ta’ Settembru 2003, Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, 2024, p. 109 sa 120, b’mod partikolari p. 115 et seq..
35 Ara s-sentenzi tat‑2 ta’ Lulju 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑473/93, EU:C:1996:263, punt 35); tat‑12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 86); tas‑16 ta’ April 2013, Las (C‑202/11, EU:C:2013:239, punt 26); u tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et (C‑391/20, EU:C:2022:638, punt 68) (ara, b’mod partikolari dwar din l-aħħar sentenza, Lenaerts, K. u Adam, S., “Le dialogue préjudiciel entre la Cour de justice et les juridictions suprêmes et constitutionnelles des États membres”, f’Mortier, R., et (dir.), La Cour de cassation en dialogue / Het Hof van Cassatie in dialoog Larcier‑Intersentia, Brussell, 2024, p. 649).
36 Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff (C‑438/14, EU:C:2016:401, punt 64); ara wkoll, anki qabel ma l-Artikolu 4(2) TUE ġie inkorporat fid-dritt primarju tal-Unjoni, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Sayn-Wittgenstein (C‑208/09, EU:C:2010:806, punt 83), dwar is-suġġett tar-regolamentazzjoni tal-kunjomijiet.
37 Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2004, Omega (C‑36/02, EU:C:2004:614, punt 32).
38 Bħala eżempju, f’kawża dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni kkonċernata għandha tapplika b’mod li ma tiġix ostakolata l-kapaċità tal-forzi armati li jwettqu l-missjonijiet tagħhom (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Ministrstvo za obrambo, C‑742/19, EU:C:2021:597, punti 43 sa 46). Ara wkoll is-sentenzi tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Digibet u Albers (C‑156/13, EU:C:2014:1756, punt 34), u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Remondis (C‑51/15, EU:C:2016:985, punti 40 sa 47), dwar l-użu mill-Qorti tal-Ġustizzja tat-tqassim tal-kompetenzi fi ħdan l-Istati Membri, kif previst mill-Artikolu 4(2) TUE fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u tar-regolamentazzjoni tal-logħob tal-ażżard.
39 Ara wkoll, Zinonos, P., “Le principe de respect des identités nationales comme garantie systémique des noyaux constitutionnels nationaux”, Identité(s) transnationale(s) de l’Union européenne, Bruylant, Brussell, 2023, p. 533; Faraguna, P., “On the Identity Clause and Its Abuses: ‘Back to the Treaty’”, European Public Law, Vol. 27, Nru 3, 2021, p. 429.
40 Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 234).
41 Ara von Bogdandy, A. u Schill, S. W., “Overcoming Absolute Primacy: Respect for National Identity Under the Lisbon Treaty”, Common Market Law Review, Vol. 48, Nru 5, 2011, p. 1430.
42 Ara s-sentenza RS (punt 71).
43 Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il-Kunsill (C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 125), kif ukoll Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 143).
44 Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 65).
45 Dwar l-Artikolu 49 TUE u l-obbligu ta’ nuqqas ta’ regressjoni li jistabbilixxi fir-rigward tal-osservanza tal-valuri tal-Unjoni mill-Istati Membri, ara, fost oħrajn, Fartunova-Michel, M., “Le renvoi préjudiciel et l’article 19 TUE”, Revue des affaires européennes, Nru 1, 2023/1, p. 47 et seq..
46 Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 126), kif ukoll Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 144).
47 Diġà fl-1963, Pierre Pescatore esprima r-rwol kumpless tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, li tgħaqqad il-funzjoni tagħha ta’ “arbitru suprem” fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma’ dik ta’ awtorità attenta għall-interessi leġittimi tal-Istati Membri. Huwa enfasizza li, “[i]l-Qorti tal-Ġustizzja, f’tilwim ta’ dan it-tip, għandha teżerċita kemm, u tirrikonċilja żewġ funzjonijiet: minn naħa, li hija l-gwardjana tal-interessi u l-prerogattivi kollha tal-istituzzjonijiet ċentrali; f’din ir-relazzjoni, bħala Ewropej, nixtiequ li nsibu Qorti tal-Ġustizzja li tkun kuraġġuża u b’saħħitha, li tkun taf timponi l-awtorità Komunitarja fuq Stati li baqgħu sovrani u li, bħala tali, malajr ikunu inklinati jieħdu mill-id ix-xellugija dak li jkunu kkonċedew bl-id il-leminija meta ffirmaw it-Trattati Ewropej. Iżda, fl-istess ħin, dawn l-istess Stati Membri għandhom isibu quddiem l-istess Qorti tal-Ġustizzja garanzija tal-interessi leġittimi tagħhom, garanzija wkoll tar-residwu tagħhom ta’ sovranità, kontra l-ksur minn awtorità ċentrali li tista’ ssir invażiva; f’dan ir-rigward, bħala ċittadini, kull wieħed minna bħala ċittadin ta’ pajjiż membru, nixtiequ nsibu Qorti tal-Ġustizzja mmexxija minn dan l-ispirtu federali li taf tirrikonċilja l-ħtieġa ta’ unità mal-osservanza fil-fond tal-prerogattivi leġittimi li jappartjenu lill-awtoritajiet lokali.” [traduzzjoni libera] (Pescatore, P., “La Cour en tant que juridiction fédérale et constitutionnelle”, Dix ans de jurisprudence de la Cour de justice des Communautés européennes, Rapport général au Congrès européen, Köln, tal‑24 sas‑26 ta’ April 1963, Carl Heymanns Verlag, 1963, p. 520 sa 553, riprodott fi Pescatore, P., Études de droit communautaire européen 1962-2007 : avec une liste bibliographique complémentaire, Collection droit de l’Union européenne – Grands écrits, dirigée par Picod, F., Bruylant, Bruxelles, p. 87 sa 88).
48 Ara s-sentenzi A.B. et (punt 112), u tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596, punti 55 et seq. kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
49 Ara s-sentenzi W.Ż. (punt 128), u Repubblika (punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
50 Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid ta’ Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
51 Ara s-sentenza W.Ż. (punt 130 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll il-punti 152 u 153).
52 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Breian (C‑318/24 PPU, EU:C:2024:658, punt 83), b’riferiment għas-sentenza tal-Awla Manja tal-Qorti EDB, tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punti 246 u 247).
53 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 38 sa 40).
54 Il-Kummissjoni tiċċita wkoll deċiżjonijiet oħra ta’ din il-qorti, kif ukoll is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, RPO (C‑390/15, EU:C:2017:174), li ngħatat fuq rinviju għal deċiżjoni preliminari mit-Trybunał Konstytucyjny (il‑Qorti Kostituzzjonali).
55 Dz. U. tal‑2015, pożizzjoni 2129.
56 Dz. U. tal‑2015, pożizzjoni 2147.
57 Dz. U. tal‑2015, pożizzjoni 1064.
58 CE:ECHR:2021:0507JUD000490718.
59 B’mod iktar preċiż, l-Assemblea Ġenerali tal-Imħallfin tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), fl‑20 ta’ Diċembru 2016, b’sitt voti mill-erbatax-il imħallef preżenti, għażlet żewġ kandidati: J.P. b’ħames voti u M.M., jiġifieri l-imħallef maħtur fit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) fit‑2 ta’ Diċembru 2015 bi ksur tal-Artikolu 194(1) tal-Kostituzzjoni, b’vot wieħed.
60 B’mod partikolari, kif ġie rrilevat mill-Kummissjoni, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet ukoll f’kulleġġi ġudikanti li jinkludu l-Imħallef M.M. f’kawżi li jikkonċernaw direttament il-legalità tal-ħatra tat-tliet imħallfin tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) (fosthom M.M.) fit‑2 ta’ Diċembru 2015, filwaqt li s-seba’ leġiżlatura tal-Parlament kienet diġà eleġġiet imħallfin oħra (ara, pereżempju, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2017, K 1/17, Dz. U. tal‑2017 pożizzjoni 2001, punti 145 sa 159, li fiha t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) eżaminat il-kostituzzjonalità ta’ dispożizzjoni li tippermetti l-assenjazzjoni ta’ kawżi lil imħallfin tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) maħtura b’mod irregolari fit‑2 ta’ Diċembru 2015 f’pożizzjonijiet diġà mimlija. It-talba tar-Rzecznik Praw Obywatelskich (l-Ombudsman Nazzjonali, il-Polonja) intiża sabiex tikseb ir-rikuża f’din il-kawża ta’ M.M. u H.C., membri tal-kulleġġ ġudikanti li jeżamina l-kostituzzjonalità tad-dispożizzjoni li kienet tikkonċerna direttament l-istatus tagħhom, kienet ġiet miċħuda). Ara wkoll, fuq dan il-punt, is-sentenza tal-Qorti EDB tas‑7 ta’ Mejju 2021, Xero Flor sp. z o.o. vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2021:0507JUD000490718, punt 273).