KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fis‑6 ta’ Ġunju 2024 (1)
Kawża C‑350/23
Vorstand für den Geschäftsbereich II der Agrarmarkt Austria,
Parti kkonċernata:
TF
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema (l-Awstrija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Politika agrikola komuni – Regolament (KE) Nru 1760/2000 – Artikolu 7 – Reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-ifrat – Deċiżjoni 2001/672/KE – Artikolu 2(2) u (4) – Ċaqliq fis-sajf ta’ bhejjem tal-ifrat lejn mergħat f’żoni muntanjużi – Komunikazzjoni tardiva – Regolament (UE) Nru 1307/2013 – Artikolu 52 – Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014 – Artikolu 53(4) – Rekwiżiti għall-għoti ta’ miżuri ta’ appoġġ akkoppjat għal bhejjem tal-ifrat – Regolament Delegat (UE) Nru 640/2014 – Il‑punti 2, 15, 16 u 18 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) – Artikolu 30(4)(c) – Applikazzjoni għal għajnuna għal bhejjem – Bhejjem iddeterminati – Tnaqqis tal-appoġġ akkoppjat – Artikolu 15(1) – Artikolu 31 – Artikolu 34 – Inammissibbiltà ta’ sanzjonijiet amministrattivi”
I. Introduzzjoni
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija) tirrigwarda rikors ippreżentat minn bidwi kontra l-awtorità kompetenti li, minħabba ksur tar-regoli applikabbli fir-rigward tal-komunikazzjoni, mhux biss naqqset il-ħlas tal-għajnuna mitluba, imsejħa “appoġġ akkoppjat volontarju” (2), għat-trobbija ta’ bhejjem tal-ifrat, iżda imponiet ukoll sanzjoni amministrattiva (3).
2. Il-kawża prinċipali tirrigwarda b’mod partikolari jekk huwiex ammissibbli u proporzjonat li tiġi imposta sanzjoni amministrattiva addizzjonali meta l-komunikazzjoni tardiva allegata kontra l-bidwi, fil-kawża ineżami, dwar iċ-ċaqliq fis-sajf ta’ 12-il bhima tal-ifrat lejn mergħa f’żoni muntanjużi, kienet tikkonċerna bhejjem li mill-bqija kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan l-appoġġ. Barra minn hekk, għandu jiġi ddeterminat jekk il-komunikazzjoni tardiva, li madankollu ġiet irrettifikata iktar tard, tistax twassal għal tnaqqis fid-dritt għall-għoti tal-għajnuna.
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
3. Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni applikabbli fil-kawża ineżami huwa kkostitwit mir-Regolament Nru 1760/2000 dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-ifrat (4), mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/672/KE (5), adottata abbażi tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll mir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 (6), moqri flimkien mar-Regolamenti Delegati (UE) Nru 639/2014 (7) u (UE) Nru 640/2014 (8).
1. Ir‑Regolament Nru 1760/2000 u d‑Deċiżjoni 2001/672
4. L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1760/2000 (9) jiddeskrivi s-sistema għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-ifrat kif ġej:
“Is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:
(a) il-mezzi ta’ identifikazzjoni biex jiġu identifikati l-annimali individwalment;
(b) il-ħażniet ta’ l-informazzjoni kkomputerizzata;
(ċ) il-passaporti tal-bhejjem;
(d) ir-reġistri individwali miżmuma fuq kull impriża.”
5. L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1760/2000 jirregola l-obbligi tal-bdiewa li jżommu bhejjem fil-kuntest tas-sistema għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-ifrat fit-termini li ġejjin:
“1. Bl-eċċezzjoni tat-trasportaturi, kull min iżomm il-bhejjem għandu:
– iżomm reġistru aġġornat,
– jirrapporta lill-awtorità kompetenti l-movimenti kollha lejn u mill-istabbiliment u t-twelid u l-imwiet kollha tal-annimali tal-istabbiliment, flimkien mad-dati ta’ dawn l-avvenimenti, f’perjodu massimu ffissat mill-Istat Membru kkonċernat; dak il-perjodu massimu għandu jkun ta’ mill-inqas tlett ijiem u ma jisboqx sebat ijiem wara li sseħħ waħda minn dawk il-ġrajjiet; l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex jestendu l-perjodu massimu ta’ sebat ijiem.
Sabiex tqis id-diffikultajiet prattiċi f’każijiet eċċezzjonali, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati bi qbil mal-Artikolu 22b biex tiddetermina ċ-ċirkostanzi li fihom l-Istati Membri jistgħu jestendu l-perjodu massimu ta’ sebat ijiem stipulat fit-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu, flimkien mat-tul massimu ta’ dik l-estensjoni, li m’għandhiex taqbeż l‑14-il jum wara l-perjodu ta’ sebat ijiem imsemmi fit-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu.
2. Sabiex tiżgura t-traċċabilità adegwata u effettiva tal-annimali bovini meta jinħarġu għar-ragħi staġjonali, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 22b dwar l-Istati Membri jew parti tal-Istati Membri fejn għandhom japplikaw regoli speċjali għar-ragħi staġjonali, inklużi l-perjodu ta’ żmien, l-obbligi speċifiċi tal-indokraturi, u r-regoli dwar ir-reġistrazzjoni tal-istabbiliment u r-reġistrazzjoni tal-movimenti ta’ dawn l-annimali bovini, inklużi l-miżuri tranżitorji għall-introduzzjoni tagħhom.”
6. Abbażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1760/2000, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni 2001/672, li tistabbilixxi regoli speċjali applikabbli għaċ-ċaqliq lejn mergħat fis-sajf.
7. Il-premessa 3 ta’ din id-deċiżjoni hija fformulata kif ġej:
“Ir-regoli speċjali għandhom ikunu stabbiliti b’tali mod li huwa possibbli li jkun magħruf il-lok ta’ kwalunkwe annimal bovin fi kwalunkwe żmien.” (10)
8. L-Artikolu 2(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2001/672 jipprovdi:
“1. Kull mergħa msemmija f’Artikolu 1 għandha tingħata kodiċi ta’ reġistrazzjoni speċifika li għandha tkun reġistrata fil-bażi ta’ data għall-annimali bovini.
2. Il-persuna responsabbli għall-mergħat tistabbilixxi lista ta’ annimali bovini soġġetti għal moviment imsemmija f’Artikolu 1. Din il-lista għandu jkollha fiha mill-inqas:
– il-kodiċi ta’ reġistrazzjoni tal-mergħa,
u għal kull annimal bovin:
– in-numru individwali ta’ indentifikazzjoni,
– in-numru ta’ identifikazzjni taż-żamma ta' oriġini,
– id-data tal-wasla tal-mergħa,
– id-data stmata tat-tluq mill-mergħa.”
9. L-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni 2001/672, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/300, huwa fformulat kif ġej:
“L-informazzjoni li tinsab fil-lista msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi riportata lill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 fil‑15‑il jum wara d-data ta’ meta l-annimali kienu ttieħdu fil-mergħa.”
10. Skont il-premessa 5 ta’ din l-aħħar deċiżjoni, l-emenda tal-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni 2001/672 kienet ibbażata fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:
“Taħt ċerti kundizzjonijiet, l-annimali, li jiġu spustati minn azjendi differenti għall-istess żona muntanjuża ta’ mergħat għas-sajf, jaslu hemm fuq perjodu ta’ iktar minn sebat ijiem. Sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi bla bżonn, il-limiti ta’ żmien fid-Deċiżjoni 2001/672/KE għandhom għalhekk jiġu adattati sabiex jittieħed kont ta’ dak il-fatt prattiku mingħajr ma tkun kompromessa t-traċċabilità.”
2. Ir‑Regolament Nru 1307/2013
11. Ir-“[r]egoli ġenerali” li jinsabu fl-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1307/2013, li jinsab fil-Kapitolu 1, intitolat “Appoġġ akkoppjat volontarju” ta’ dan ir-regolament, jipprovdu, b’mod partikolari:
“1. L-Istati Membri jistgħu jagħtu appoġġ akkoppjat lill-bdiewa skont il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu […]
[…]
6. L-appoġġ akkoppjat huwa skema li tillimita l-produzzjoni li għandha tieħu l-forma ta’ pagament annwali ibbażat fuq żoni u rendimenti fissi jew fuq numru fiss ta’ annimali […]
[…]
9. Biex jiġi żgurat l-użu effiċjenti u mmirat tal-fondi tal-Unjoni u biex jiġi evitat finanzjament doppju taħt strumenti ta’ appoġġ simili, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta l-atti ddelegati skont l-Artikolu 70 li jistipulaw:
(a) il-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ appoġġ akkoppjat;
[…]”
3. Ir‑Regolament Delegat Nru 639/2014
12. Il-premessa 74 tar-Regolament Delegat Nru 639/2014 tipprovdi:
“B’mod iktar partikolari fir-rigward tal-appoġġ akkoppjat volontarju, hemm bżonn li jiġi speċifikat iktar il-kontenut tal-informazzjoni li trid tiġi notifikata mill-Istati Membri sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta tar-regoli dwar dak l-appoġġ u biex it-tali notifiki jsiru effiċjenti, b’tali mod li l-Kummissjoni tkun tista’ tivverifika li l-Istati Membri jirrispettaw ir-rekwiżiti dwar il-konsistenza u n-nonkumulazzjoni tal-appoġġ kif ukoll il-perċentwali massimi tal-livelli massimi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u l-ammonti totali relatati meta jitfasslu l-miżuri ta’ appoġġ.”
13. L-Artikolu 53(1) u (4) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014, intitolat “Kundizzjonijiet għall-għoti tal-appoġġ”, jipprovdi b’mod partikolari:
“1. L-Istati Membri għandhom jistipulaw kriterji tal-eliġibbiltà għall-miżuri tal-appoġġ akkoppjat f’konformità mal-qafas stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1307/2013 u mal-kundizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament.
[…]
4.[(11)] Fejn il-miżura tal-appoġġ akkoppjat tkun tikkonċerna annimali bovini […], l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu bħala kundizzjoni għall-eliġibbiltà għall-appoġġ, ir-rekwiżiti li l-annimali jiġu identifikati u rreġistrati previsti fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 […].
Madankollu, mingħajr preġudizzju għal kundizzjonijiet oħra ta’ eliġibbiltà, annimal għandu jitqies ukoll eliġibbli għall-appoġġ meta r-rekwiżiti tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni msemmijin fl-ewwel sottoparagrafu jiġu ssodisfati sa data li għandha tiġi stabbilita mill-Istat Membru u li ma għandhiex tkun iktar tard:
(a) mill-ewwel jum tal-perjodu taż-żamma tal-annimal, meta jiġi applikat perjodu taż-żamma;
(b) minn data magħżula abbażi ta' kriterji oġġettivi u konsistenti mal-miżura korrispondenti nnotifikata skont l-Anness I, meta ma jiġi applikat l-ebda perjodu taż-żamma.
Sal‑15 ta’ Settembru 2015, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-dati msemmija fit-tieni sottoparagrafu.”
4. Ir‑Regolament Delegat Nru 640/2014
14. Il-premessi 27, 28, 30 u 31 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 jipprovdu b’mod partikolari:
“(27) Għandhom jiġu stabbiliti penali amministrattivi għall-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali u miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali filwaqt li jitqiesu l-prinċipji ta’ dissważjoni u proporzjonalità u l-problemi speċjali marbuta mal-każijiet ta’ ċirkostanzi naturali [...]
(28) Sa fejn huma kkonċernati l-applikazzjonijiet għall-għajnuna taħt l-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali jew it-talbiet għall-pagament li jaqgħu taħt il-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali, in-nuqqasijiet ta’ konformità jwasslu għall-ineliġibbiltà tal-annimal ikkonċernat […]
[…]
(30) Il-possibbiltà li jsiru korrezzjonijiet bla ma jwasslu għall-penali amministrattivi pprovduta għall-applikazzjoni għall-għajnuna u t-talba għall-pagament għandha tapplika wkoll fir-rigward ta’ dejta żbaljata li tinsab fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata fir-rigward ta’ annimali bovini li għalihom it-tali nuqqasijiet ta’ konformità jikkostitwixxu ksur ta’ kriterju tal-eliġibbiltà, sakemm il-benefiċjarju ma jkunx ġie mgħarraf bl-intenzjoni tal-awtorità kompetenti li twettaq verifika fuq il-post jew l-awtorità ma tkunx għada għarrfet lill-benefiċjarju dwar xi nuqqas ta’ konformità fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament.
(31) Rifjuti u rtirar tal-appoġġ u penali amministrattivi għandhom jiġu stabbiliti għal miżuri ta’ għajnuna għall-iżvilupp rurali wara li jiġi kkunsidrat il-prinċipji ta’ dissważjoni u proporzjonalità. Ir-rifjut u l-irtirar tal-appoġġ għandhom ikunu kklassifikati abbażi tas-severità, il-firxa, it-tul ta’ żmien u r-ripetizzjoni tan-nuqqas ta’ konformità li jkun instab. […] Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità serju jew fil-każ li l-benefiċjarju jkun ipprovda evidenza falza sabiex ikun jista’ jirċievi l-appoġġ, l-appoġġ għandu jkun irrifjutat u tiġi imposta penali amministrattiva […]”
15. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 jipprevedi, b’mod partikolari, id-definizzjonijiet li ġejjin:
“[…]
(2) ‘nuqqas ta’ konformità’ tfisser:
(a) għall-kriterji ta’ eliġibbiltà, l-impenji jew obbligi oħra relatati mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna jew l-appoġġ imsemmi fl-Artikolu 67(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, kwalunkwe nuqqas ta’ ħarsien ta’ dawn il-kriterji ta’ eliġibbiltà, impenji jew obbligi oħra;
[…]
(13) ‘skema ta’ għajnuna għall-annimali’ tfisser miżura ta’ appoġġ akkoppjat u volontarju prevista fil-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fejn il-pagament annwali li għandu jingħata fi ħdan limiti kwantitattivi ddefiniti huwa bbażat fuq għadd fiss ta’ annimali;
[…]
(15) ‘applikazzjoni ta’ għajnuna għall-bhejjem’ tfisser l-applikazzjonijiet għall-pagamenti tal-għajnuna fejn il-pagament annwali li għandu jingħata fi ħdan limiti kwantitattivi ddefiniti huwa bbażat fuq għadd fiss ta’ annimali taħt l-appoġġ akkoppjat u volontarju previst fil-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;
(16) ‘annimali ddikjarati’ tfisser l-annimali soġġetti għal għajnuna għall-bhejjem taħt l-iskema ta’ għajnuna għall-annimali jew soġġetti għal talba għall-pagament għal miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali;
[…]
(18) ‘annimal determinat’ tfisser:
(a) għal skema ta’ għajnuna għall-annimali, annimal li fil-każ tiegħu jkunu ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha stipulati fir-regoli għall-għoti tal-għajnuna; jew
(b) għal miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali, annimal identifikat permezz ta’ verifiki amministrattivi jew verifiki fuq il-post; […]”
16. L-Artikolu 15 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, intitolat “Eċċezzjonijiet mill-applikazzjoni tal-penali amministrattivi”, jipprevedi:
“1. Il-penali amministrattivi previsti f’dan il-Kapitolu ma għandhomx japplikaw fir-rigward tal-parti tal-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament li dwarhom il-benefiċjarju jinforma lill-awtorità kompetenti bil-miktub li l-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament hija inkorretta jew saret inkorretta minn meta ġiet ippreżentata, sakemm il-benefiċjarju ma jkunx ġie infurmat bl-intenzjoni tal-awtorità kompetenti li twettaq verifika fuq il-post u li l-awtorità ma tkunx diġà infurmat lill-benefiċjarju b’xi nuqqasijiet ta’ konformità fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament.
2. L-informazzjoni mogħtija mill-benefiċjarju kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkollha l-effett li l-applikazzjoni għall-għajnuna tiġi aġġustata għas-sitwazzjoni attwali.”
17. L-Artikolu 30 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, intitolat “Bażi tal-kalkolu”, jipprovdi b’mod partikolari:
“[…]
2. L-annimali preżenti fl-impriża agrikola għandhom jiġu kkunsidrati biss bħala stabbiliti jekk ikunu identifikati fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew fit-talba għall-pagament.
[…]
4.[(12)] Fejn jinstabu każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni għall-annimali bovini, għandhom japplikaw dawn li ġejjin:
[…]
(c) meta n-nuqqas ta’ konformità li jinstab jirrigwarda entrati żbaljati fir-reġistru, fil-passaporti tal-bhejjem jew fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata għall-annimali, iżda ma jkunx rilevanti għall-verifika tar-rispett tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 53(4) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014 fil-qafas tal-iskema ta’ għajnuna jew tal-miżura ta’ appoġġ ikkonċernati, l-annimal ikkonċernat għandu jitqies biss bħala mhux stabbilit jekk jinstabu entrati żbaljati bħal dawn f’minn tal-inqas żewġ verifiki f’perjodu ta’ 24 xahar. Fil-każijiet l-oħra kollha, l-annimali kkonċernati għandhom jitqiesu bħala mhux stabbiliti wara l-ewwel sejba.
[…]
L-entrati fis-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini u n-notifiki li jintbagħtulha jistgħu jiġu aġġustati fi kwalunkwe ħin f’każijiet ta’ żbalji evidenti rikonoxxuti mill-awtorità kompetenti.
[…]”
18. L-Artikolu 31 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 jirregola l-“Penali amministrattivi fir-rigward tal-annimali ddikjarati taħt l-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali jew miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali”.
19. L-Artikolu 34 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, intitolat “Emendi u aġġustamenti tal-entrati fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata għall-annimali”, jipprevedi:
“Fir-rigward tal-annimali ddikjarati, l-Artikolu 15 għandu japplika għal żbalji u għal ommissjonijiet b’rabta mal-entrati fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata għall-annimali li jsiru mill-waqt meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għall-għajnuna jew it-talba għall-pagament.”
B. Id‑dritt nazzjonali
1. Il‑Liġi dwar l-Organizzazzjoni tas-Suq tal‑2007
20. L-Artikolu 8(1) tal-Marktordnungsgesetz 2007 (13) (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tas-Suq tal‑2007, iktar ’il quddiem il-“MOG 2007”), intitolat “Ħlasijiet diretti”, huwa fformulat kif ġej:
“Il-ħlasijiet ta’ pagamenti diretti skont l-Artikolu 1(a) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 [...] għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji li ġejjin:
[...]
6. Għar-ragħa fuq il-muntanji jingħata appoġġ akkoppjat b’mod konformi mal-Artikolu 8f skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, ir-riżorsi disponibbli għall-pagament akkoppjat huma stabbiliti għal 2.1 % tal-limitu massimu nazzjonali.
[...]”
21. L-Artikolu 8f(1) tal-MOG 2007, intitolat “Appoġġ akkoppjat volontarju”, jipprovdi b’mod partikolari:
“L-appoġġ akkoppjat previst fil-punt 6 tal-Artikolu 8(1) għandu jingħata għal bhejjem tal-ifrat, ovini u kaprini għal kull unità mċaqalqa ta’ bhejjem adulti […] li jikkonsmaw għalf oħxon [...]”
2. Ir‑Regolament tal‑2015 dwar il‑Pagamenti Diretti
22. L-Artikolu 13 tad-Direktzahlungs-Verordnung 2015 (14) (ir-Regolament tal‑2015 dwar il-Pagamenti Diretti), intitolat “Appoġġ akkoppjat volontarju”, huwa fformulat kif ġej:
“1. L-appoġġ akkoppjat volontarju jista’ jingħata biss għal bhejjem tal-ifrat, ovini u kaprini mċaqalqa lejn mergħat f’żoni muntanjużi li ġew identifikati u rreġistrati skont ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 […]. Madankollu, bhima titqies ukoll eliġibbli għall-appoġġ jekk l-informazzjoni msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tkun ġiet ikkomunikata fl-ewwel jum li fih il-bhima rispettiva tkun ġiet imċaqalqa lejn mergħa tal-muntanji.
2. Il-bdiewa għandhom japplikaw għal appoġġ akkoppjat volontarju billi jissottomettu l-‘applikazzjoni multipla: żoni’ u l-lista ta’ bhejjem imċaqalqa lejn mergħa f’żoni muntanjużi skont l-Artikolu 22(5) tal-Horizontale GAP-Verordnung (ir-‘Regolament Orizzontali tal-PAK’) kif ukoll għall-bhejjem tal-ifrat, flimkien mal-informazzjoni mid-database elettronika għall-bhejjem tal-ifrat fir-rigward tal-komunikazzjonijiet tal-mergħa f’żoni muntanjużi/ir-ragħa skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/672/KE li tistabbilixxi regoli speċjali applikabbli għall-movimenti ta’ annimali bovini meta mqegħda jirgħu fis-sajf fl-oqsma tal-muntanji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 341).
3. L-għadd rilevanti li għandu jitqies għall-għoti ta’ appoġġ akkoppjat volontarju għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-bhejjem imċaqalqa lejn mergħa f’żoni muntanjużi tal-bidwi rispettiv sad-data finali tal‑15 ta’ Lulju.
4. Il-bhejjem għandhom jiġu mċaqalqa lejn mergħa f’żoni muntanjużi għal mill-inqas 60 jum. Il-perijodu taċ-ċaqliq lejn mergħa f’żoni muntanjużi għandu jibda fid-data taċ-ċaqliq, iżda mhux iktar minn ħmistax‑il jum qabel ma ssir il-komunikazzjoni taċ-ċaqliq lejn mergħat f’żoni muntanjużi/mergħat għall-bhejjem tal-ifrat jew il-lista ta’ ragħha f’żoni muntanjużi [...]”
3. Ir‑Regolament Orizzontali tal-PAK
23. L-Artikolu 21 tar-Regolament Orizzontali tal-PAK(15), intitolat “Sottomissjoni”, jipprovdi, b’mod partikolari:
“1. L-applikazzjoni unika (l-applikazzjoni multipla: żoni) imsemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 640/2014 għandha tiġi sottomessa sa mhux iktar mill‑15 ta’ Mejju ta’ kull sena ta’ applikazzjoni rispettiva skont l-Artikolu 3(1).
1b. Fir-rigward tas-sena tal-applikazzjoni tal‑2020, b’deroga mill-paragrafu 1, l-applikazzjoni unika għandha tiġi sottomessa sa mhux iktar tard mill‑15 ta’ Ġunju 2020. Għas-sena tal-applikazzjoni tal‑2020, l-emendi msemmija fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 [(16)] jistgħu jiġu kkomunikati sat‑30 ta’ Ġunju 2020.”
24. L-Artikolu 22 tar-Regolament Orizzontali tal-PAK, intitolat “Applikazzjoni unika”, jipprovdi, b’mod partikolari:
“1. L-applikazzjoni unika għandha ssir mil-bdiewa kollha li japplikaw għal pagamenti diretti jew [...] b’mod konformi mar-regoli skont l-Artikolu 21 [...]
[...]
5. Fil-każ ta’ ċaqliq ta’ bhejjem lejn mergħat lejn żoni muntanjużi u mergħat komuni, il-lista ta’ ragħha f’żoni muntanjużi għandha tiġi ppreżentata sa mhux iktar tard mill‑15 ta’ Lulju tas-sena li fiha ssir l-applikazzjoni.”
4. Ir‑Regolament tal‑2008 dwar l-Identifikazzjoni tal-Bhejjem tal-Ifrat
25. L-Artikolu 6 tar-Rinderkennzeichnungs-Verordnung 2008 (17) (ir-Regolament tal‑2008 dwar l-Identifikazzjoni tal-Bhejjem tal-Ifrat) jipprovdi, b’mod partikolari:
“1. Għandhom jiġu kkomunikati, f’terminu ta’ sebat ijiem:
[…]
(2) Il-movimenti ta’ bhejjem bejn l-azjendi agrikoli ta’ bdiewa li jinsabu f’muniċipalitajiet differenti bl-indikazzjoni tad-data addizzjonali meħtieġa għall-passaport tal-bhima.
1a. Il-komunikazzjoni tas-segwenti għandha ssir fi żmien 15-il jum:
(1) iċ-ċaqliq lejn mergħat f’żoni muntanjużi jew mergħat jekk ikun hemm taħlit ta’ bhejjem tal-ifrat ta’ diversi bdiewa [...]”
III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
26. Għas-sena 2020, TF ippreżenta applikazzjoni unika (applikazzjoni multipla: żoni) fejn talab, fost l-oħrajn, l-għoti ta’ appoġġ akkoppjat għall-bhejjem tal-ifrat imċaqalqa lejn mergħat f’żoni muntanjużi (mergħat).
27. Fit‑28 ta’ Mejju 2020, TF ordna ċ-ċaqliq ta’ żewġ baqriet u żewġ bhejjem tal-ifrat oħra lejn mergħat f’żoni muntanjużi. Skont l-Artikolu 6(1a) tar-Regolament tal‑2008 dwar l-Identifikazzjoni tal-Bhejjem tal-Ifrat, huwa għamel komunikazzjoni fit-termini stabbiliti fl‑1 ta’ Ġunju 2020 lill-konvenuta, l-Agrarmarkt Austria (AMA), bħala l-awtorità kompetenti. Huwa kkomunika wkoll fit-termini, fl‑1 ta’ Lulju 2020, it-twelid ta’ għoġol fuq mergħa f’żona muntanjuża.
28. Mid‑9 ta’ Mejju 2020, flimkien ma’ bhejjem tal-ifrat ta’ bdiewa oħra, tnax-il bhima tal-ifrat oħra kienu ġew imċaqalqa minn TF, lejn mergħa f’żona muntanjuża indikata bin-numru ta’ reġistrazzjoni tagħha. Madankollu, il-komunikazzjoni bil-miktub relatata ma saritx qabel il‑15 ta’ Ġunju 2020. Hija kienet tinkludi n-numri ta’ identifikazzjoni individwali tal-bhejjem imċaqalqa u tal-azjenda agrikola ta’ TF, kif ukoll il-mument previst tat-tneħħija mill-mergħa ta’ żona muntanjuża fil‑31 ta’ Ottubru 2020.
29. B’deċiżjoni tal‑11 ta’ Jannar 2021, l-AMA tat lil TF pagamenti diretti ta’ EUR 17 086.71 għall‑2020. Dawn il-pagamenti kienu jikkonsistu fi primjum bażiku (EUR 11 735.71), primjum għall-ekoloġizzazzjoni (EUR 5 231.56) u appoġġ akkoppjat (EUR 119.44). Fir-rigward tal-applikazzjoni għall-għoti ta’ appoġġ akkoppjat, l-AMA indikat li l-kundizzjoni dwar it-tul tar-ragħa ta’ 60 jum kienet issodisfatta għall-bhejjem tal-ifrat kollha mċaqalqa ta’ TF. Madankollu, komunikazzjoni fil-ħin, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 760/2000, kienet saret biss għall-bhejjem imċaqalqa fit‑28 ta’ Mejju 2020 u għall-għoġol imwieled fl‑1 ta’ Lulju 2020. F’dak li jikkonċerna t-tnax-il bhima tal-ifrat l-oħra mċaqalqa fid‑9 ta’ Mejju 2020, il-komunikazzjoni kienet saret biss wara l-iskadenza tat-terminu għal komunikazzjoni ta’ ħmistax-il jum previst fl-Artikolu 6(1a) tar-Regolament tal‑2008 dwar l-Identifikazzjoni tal-Bhejjem tal-Ifrat. Għalhekk, skont l-Artikoli 30 u 31 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, it-tnax-il bhima li kienu s-suġġett ta’ irregolaritajiet kellhom jitnaqqsu min-numru tal-bhejjem tal-ifrat li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna. Minn dan irriżulta tnaqqis ta’ 100 % għal dawn it-tnax-il bhima, b’mod li ebda appoġġ akkoppjat ma seta’ jingħata f’dan ir-rigward fl‑2020. Barra minn hekk, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) ta’ dan ir-regolament, l-AMA imponiet sanzjoni fl-ammont ta’ EUR 235.60, li kellha titnaqqas mill-pagamenti tat-tliet snin kalendarji sussegwenti.
30. Permezz ta’ rikors ippreżentat fid‑9 ta’ Frar 2021 quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija), TF ikkontesta r-rifjut tal-għoti tal-appoġġ akkoppjat u l-impożizzjoni ta’ sanzjoni. Huwa sostna li terz, mingħajr l-għarfien tiegħu, kien għamel il-komunikazzjoni dwar iċ-ċaqliq tal-bhejjem tal-ifrat lejn mergħat f’żoni muntanjużi tardivament.
31. Fis‑16 ta’ Novembru 2021, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) laqgħet ir-rikors. Hija ħassret kemm it-tnaqqis tal-appoġġ akkoppjat kif ukoll is-sanzjoni amministrattiva u ordnat lill-AMA twettaq kalkolu ġdid u tiddeċiedi mill-ġdid dwar l-applikazzjoni għall-għajnuna ta’ TF. Hija awtorizzat ukoll l-appell għal reviżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema).
32. Insostenn tad-deċiżjoni tagħha, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) osservat, essenzjalment, li l-ksur tal-obbligu ta’ komunikazzjoni ċertament iwassal, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, għal tnaqqis tal-għajnuna kif ukoll għal sanzjoni. Madankollu, skont l-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, ma hemmx lok li tiġi imposta sanzjoni amministrattiva meta l-benefiċjarju jinforma bil-miktub lill-awtorità kompetenti li l-applikazzjoni għall-għajnuna jew għall-pagament kienet jew saret żbaljata. Komunikazzjoni tardiva skont ir-Regolament tal‑2008 dwar l-Identifikazzjoni tal-Bhejjem tal-Ifrat tikkostitwixxi wkoll komunikazzjoni bil-miktub dwar l-irregolarità tal-applikazzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta wkoll mill-prinċipju ta’ proporzjonalità. Peress li l-irregolarità ma ġietx identifikata fil-kuntest ta’ kontroll fuq il-post, peress li tali irregolarità ma ġietx imħabbra lil TF u peress li kien huwa stess li żvela din l-irregolarità fil-komunikazzjoni tardiva tiegħu, l-applikazzjoni ta’ sanzjoni ma kinitx indispensabbli sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tad-dritt tal-Unjoni.
33. Adita b’appell għal reviżjoni ippreżentat mill-AMA, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema) ixxaqleb lejn li tikkonferma d-deċiżjoni tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), tal-inqas f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 u l-inammissibbiltà tal-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva (18). Madankollu, peress li l-kwistjonijiet ġuridiċi rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima għadhom ma ġewx iċċarati b’ċarezza suffiċjenti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija ddeċidiet, skont l-Artikolu 267 TFUE, li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1. Fil-każ ta’ applikazzjoni għal appoġġ għall-annimali fis-sens tal-punt 15 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2[(1)] tar-[Regolament Delegat Nru 640/2014], introdotta għas-sena 2020 għall-għoti ta’ appoġġ akkoppjat, li għaliha tintuża fis-sens tal-Artikolu 21(4) tar-[Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014] l-informazzjoni fid-database elettronika għall-bhejjem tal-ifrat, tikkostitwixxi, fil-każ ta’ applikazzjoni ppreżentata wara l-iskadenza tat-terminu ta’ 15‑il jum wara li l-annimali (baqar) ikunu ġew imċaqalqa lejn mergħa, skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 2(2) tad-[Deċiżjoni 2001/672], moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) tar-[Regolament Nru 1760/2000], entrata żbaljata fid-database elettronika għall-bhejjem tal-ifrat, konformement mal-Artikolu 30(4)(c) tar-[Regolament Delegat Nru 640/2014] li ma hijiex deċiżiva għall-verifika tal-konformità mal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà, bl-eċċezzjoni tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 53(4) tar-[Regolament Delegat Nru 639/2014], taħt l-iskema ta’ appoġġ jew miżura ta’ appoġġ inkwistjoni, sabiex l-annimali kkonċernati jitqiesu mhux determinati biss jekk din l-entrata żbaljata tiġi osservata matul mill-inqas żewġ kontrolli f’perijodu ta’ erbgħa u għoxrin xahar?
2. Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:
Is-sanzjonijiet amministrattivi previsti fil-Kapitolu IV tar-Regolament Delegat [Nru] 640/2014 japplikaw fis-sens tal-Artikoli 15(1) u 34 tar-Regolament Delegat [Nru] 640/2014 għall-applikazzjoni għal appoġġ akkoppjat imsemmija fl-ewwel domanda, meta l-bidwi jkun indirizza lill-awtorità kompetenti komunikazzjoni bil-miktub skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 2001/672, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament [Nru] 1760/2000, dwar iċ-ċaqliq ta’ annimali għall-mergħa, bil-komunikazzjoni tindika d-dewmien fir-rigward tat-terminu ta’ 15-il jum taħt dawn id-dispożizzjonijiet, sakemm l-awtorità kompetenti ma tkunx informat minn qabel lill-applikant bl-intenzjoni li twettaq kontroll fuq il-post u ma tkunx informatu diġà dwar ksur fir-rigward tal-applikazzjoni għal għajnuna?”
34. Fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-AMA, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub dwar dawn id-domandi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma żżommx seduta għas-sottomissjonijiet orali skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.
IV. Evalwazzjoni
35. Bl-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ksur mill-bidwi applikant tal-obbligu li jikkomunika fil-ħin iċ-ċaqliq fis-sajf ta’ bhejjem tal-ifrat lejn mergħat f’żoni muntanjużi li jkunu s-suġġett tal-applikazzjoni tiegħu għall-għoti ta’ appoġġ akkoppjat iwassalx sabiex dawn il-bhejjem jitqiesu li ma humiex “iddeterminati” fit-tifsira tal-punt 18 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) moqri flimkien mal-Artikolu 30(4)(c) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 u, għaldaqstant, li ma humiex eliġibbli għall-għajnuna, anki jekk il-komunikazzjoni tkun ġiet irrettifikata u l-bhejjem jissodisfaw ir-rekwiżiti l-oħra għal tali appoġġ (ara f’dan ir-rigward taħt il-punt A).
36. Fil-każ li l-bhejjem la jkunu “ddeterminati” u lanqas eliġibbli għall-għajnuna, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, jekk l-awtorità kompetenti tistax timponi sanzjoni amministrattiva (pekunjarja) lil hinn mit-tnaqqis tal-appoġġ akkoppjat (ara f’dan ir-rigward taħt il-punt B).
A. L‑ewwel domanda: eliġibbiltà għall‑għajnuna tal‑bhejjem tal‑ifrat li kienu s‑suġġett ta’ komunikazzjoni tardiva taċ‑ċaqliq tagħhom lejn mergħat f’żoni muntanjużi
37. Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jista’ jkun sorprendenti li l-bhejjem tal-ifrat li ċ-ċaqliq tagħhom lejn mergħat f’żoni muntanjużi ma ġiex ikkomunikat fil-ħin lill-awtorità kompetenti, iżda ġie kkomunikat sussegwentement, u li mill-bqija jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ appoġġ akkoppjat, ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-għajnuna. Madankollu, kif ser nuri iktar ’il quddiem, il-formulazzjoni ċara tar-regoli applikabbli fil-qasam tal-għajnuna tirrikjedi dan (ara f’dan ir-rigward taħt il-punt 1). Din il-konklużjoni hija, fil-fehma tiegħi, iġġustifikata wkoll fid-dawl tal-istruttura (ara f’dan ir-rigward taħt il-punt 2) u tal-għanijiet (ara f’dan ir-rigward taħt il-punt 3) ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
1. Ksur tal‑obbligu ta’ komunikazzjoni
38. Huwa paċifiku li l-moviment tat-tnax-il bhima tal-ifrat diġà mċaqalqa lejn mergħat f’żoni muntanjużi fid‑9 ta’ Mejju 2020 ġie kkomunikat biss wara l-iskadenza tat-terminu ta’ ħmistax-il jum previst fl-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni 2001/672. Huwa wkoll paċifiku li dawn il-bhejjem tal-ifrat kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħra għall-għoti ta’ appoġġ akkoppjat, b’mod partikolari t-tul ta’ 60 jum fuq dawn il-mergħat, konformement mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament tal‑2014 dwar il-Pagamenti Diretti, mingħajr ma kienu tħabbru jew saru kontrolli fuq il-post f’dan ir-rigward.
39. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, minkejja l-komunikazzjoni tardiva, dawn il-bhejjem jistgħux jitqiesu bħala bhejjem “iddeterminati” u għalhekk eliġibbli għall-għajnuna fis-sens tad-definizzjoni fil-punt 18 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) moqri flimkien mal-Artikolu 30(4)(c) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014.
40. Skont il-formulazzjoni ċara ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, dan ma huwiex il-każ.
41. Skont il-punt 18 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, jista’ jitqies biss bħala “annimal ddeterminat” dak l-annimal li jissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti għall-għoti tal-għajnuna.
42. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014 jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu r-rekwiżiti għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni tal-bhejjem skont ir-Regolament Nru 1760/2000 bħala kundizzjoni għall-eliġibbiltà għall-għajnuna għall-bhejjem tal-ifrat. L-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal‑2015 dwar il-Pagamenti Diretti għalhekk jipprovdi li appoġġ akkoppjat volontarju jista’ jingħata biss għal dawk il-bhejjem tal-ifrat imċaqalqa lejn mergħat f’żoni muntanjużi li jkunu identifikati u rreġistrati skont ir-Regolament Nru 1760/2000. Madankollu, skont il-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni, dan ikun il-każ biss, konformement mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, jekk iċ-ċaqliq fis-sajf ta’ bhejjem tal-ifrat lejn mergħat f’żoni muntanjużi jkun ġie kkomunikat fit-terminu stabbilit fid-database elettronika għall-bhejjem tal-ifrat, konformement mal-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni 2001/672, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1a) tar-Regolament tal‑2008 dwar l-Identifikazzjoni tal-Bhejjem tal-Ifrat.
43. Barra minn hekk, skont il-punt 2(a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, kull nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji ta’ eliġibbiltà marbuta mar-rekwiżiti għall-għoti tal-għajnuna jew tal-appoġġ għandu jitqies bħala ksur. In-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna (19) tar-reġistrazzjoni regolari, inkluża l-komunikazzjoni fit-termini previsti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1760/2000, jikkostitwixxi tali ksur. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, skont l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 2001/672, il-lista tal-bhejjem tal-ifrat li għandha tiġi stabbilita għal kull bhima tal-ifrat għandha tinkludi, b’mod partikolari, id-“data tal-wasla tal-mergħa”.
44. L-Artikolu 30(4)(c) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 ukoll iservi ta’ bażi għal din l-interpretazzjoni. Skont din id-dispożizzjoni, l-entrati żbaljati fir-reġistru, fil-passaporti għall-bhejjem jew fid-database elettronika għall-bhejjem jikkostitwixxu ksur tar-regoli tas-sistema ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-ifrat. Il-premessa 11 tar-Regolament 2016/1393 (20), li tispjega din id-dispożizzjoni (emendata), issemmi espressament, bħala eżempji ta’ entrati żbaljati, dawk dwar is-sess, ir-razza, il-kulur jew id-data. Il-klassifikazzjoni ta’ komunikazzjonijiet tardivi u entrati żbaljati bħala ksur fis-sens tal-punt 2(a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 ma tfissirx, madankollu, li dawn għandhom jiġu ttrattati b’mod kompletament ugwali fir-rigward tal-konsegwenzi legali tagħhom – b’mod partikolari l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi (ara l-punti 47 et seq. iktar ’il quddiem).
45. Għalhekk, il-bhejjem li l-komunikazzjoni fir-rigward tagħhom tkun saret tard – bi ksur tal-obbligu ta’ komunikazzjoni – għandhom jitqiesu, fis-sens tal-punt 18 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, bħala mhux iddeterminati u għalhekk bħala mhux eliġibbli għall-għajnuna.
46. Fid-dawl tad-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju fir-rigward ta’ din l-interpretazzjoni, ser neżamina issa jekk din hijiex ikkonfermata mill-kuntest leġiżlattiv, b’mod partikolari fid-dawl tad-dispożizzjonijiet derogatorji previsti. Għal dan l-għan, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-Artikolu 30(4)(c) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014.
2. Assenza ta’ rilevanza jew regolarizzazzjoni tal‑ksur tal‑obbligu ta’ komunikazzjoni?
47. Il-bhejjem ikkomunikati tardivament jistgħu madankollu, b’mod eċċezzjonali, jitqiesu bħala “iddeterminati” u, għaldaqstant, eliġibbli għall-għajnuna jekk komunikazzjoni tardiva, bi ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1760/2000, moqri flimkien mal-Artikolu 2(2) u (4) tad-Deċiżjoni 2001/672, tkun totalment assimilata ma’ entrata inkorretta fis-sens tal-Artikolu 30(4)(c) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014.
48. Fil-fatt, skont l-Artikolu 30(4)(c) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, l-entrati inkorretti fir-reġistru, fil-passaporti tal-bhejjem jew fid-database elettronika għall-bhejjem, li madankollu ma jkunux rilevanti sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà taħt l-iskema ta’ għajnuna jew skont il-miżura ta’ appoġġ kkonċernata, għandhom bħala konsegwenza li l-bhima kkonċernata titqies li ma hijiex iddeterminata biss jekk tali entrati żbaljati jiġu kkonstatati matul mill-inqas żewġ kontrolli mwettqa f’perijodu ta’ 24 xahar.
49. Ksur li jirriżulta minn entrata (sostantivament) inkorretta fis-sens tal-Artikolu 30(4)(c) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 jista’ għalhekk jiġi kkoreġut sussegwentement mill-applikant, bla ħsara għall-osservanza tal-kriterji l-oħra ta’ eliġibbiltà, sakemm dan in-nuqqas ta’ osservanza ma jiġix ikkonstatat matul il-perijodu msemmi iktar ’il fuq matul mill-inqas żewġ kontrolli.
50. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk komunikazzjoni tardiva taċ-ċaqliq tal-bhejjem tal-ifrat li jissodisfaw il-kriterji l-oħra ta’ eliġibbiltà tistax tiġi korretta taħt l-istess kundizzjonijiet bħal entrata żbaljata oħra.
51. Jista’ jimmilita favur tali interpretazzjoni l-fatt li l-komunikazzjoni tardiva, iżda sostantivament korretta, ta’ bhima tikkostitwixxi ksur inqas serju mill-entrata żbaljata, jiġifieri sostantivament inkorretta, tas-sess, tar-razza jew tal-kulur ta’ bhima msemmija fil-premessa 11 tar-Regolament 2016/1393 (21). Barra minn hekk, kif ġie espost fil-punt 44 iktar ’il fuq, entrata żbaljata tista’ tikkonċerna wkoll data. B’kuntrast ma’ dan, il-premessa 11 ma tispeċifikax jekk tali data tistax tkun ukoll dik dwar il-moviment tal-bhejjem tal-ifrat lejn post ieħor. Kif diġà semmejt fil-punt 43, madankollu, il-lista ta’ data li għandha tiġi nnotifikata għal kull bhima tal-ifrat, prevista fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 2001/672, għandha tinkludi wkoll id-“data tal-wasla tal-mergħa”.
52. Kif issostni wkoll il-Kummissjoni, ma jidhirlix madankollu li huwa possibbli li jiġu assimilati b’mod kompletament legali entrata sostantivament żbaljata fir-rigward tal-bhejjem u l-komunikazzjoni tardiva tal-moviment tagħhom fil-kuntest tal-Artikolu 30(4)(c) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014. Dan jirriżulta wkoll mis-sens u mill-għan tal-obbligu u tat-terminu ta’ komunikazzjoni, li huwa intiż li jiżgura traċċabbiltà sħiħa tal-post ta’ residenza tal-bhejjem ikkonċernati (ara, f’iktar dettall, il-punti 58 et seq. iktar ’il quddiem).
53. Minn naħa, id-dewmien, jiġifieri għal mument in-nuqqas totali ta’ komunikazzjoni tal-movimenti ta’ bhejjem lejn post ieħor ta’ waqfien, ma huwiex awtomatikament paragunabbli ma’ entrata li tkun saret fil-ħin, iżda li tkun sostantivament żbaljata. L-istess japplika, bħala prinċipju, għall-entrata żbaljata ta’ data, pereżempju d-data eżatta tat-twelid ta’ għoġol, iktar u iktar peress li din ma tikkonċernax neċessarjament il-post fejn tinsab il-bhima u lanqas ma tqiegħed f’dubju l-kontroll effettiv tagħha. Għalkemm l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 2001/672 jippreskrivi d-“data tal-wasla tal-mergħa” bħala data li għandha tkun is-suġġett ta’ komunikazzjoni għal kull bhima tal-ifrat, minn dan, bħala prinċipju, ma jirriżulta xejn iktar. Fil-fatt, kuntrarjament għall-entrata fil-ħin, iżda żbaljata, ta’ tali data, komunikazzjoni tardiva tal-moviment ta’ bhima tal-ifrat wara l-iskadenza tat-terminu ta’ komunikazzjoni ma tinkludi ebda entrata tad-data u tal-post tal-wasla fir-reġistru li tiggarantixxi t-traċċabbiltà meħtieġa mill-premessa 3 tad-Deċiżjoni 2001/672 (22).
54. Min-naħa l-oħra, komunikazzjoni tardiva tirrimedja biss għall-futur nuqqas li, minn perspettiva ratione temporis u fid-dawl tar-rekwiżit ta’ traċċabbiltà permanenti tal-post tal-waqfien tal-bhima kkonċernata, ma jkunx għadu jista’ jiġi fir-realtà kkoreġut. Fil-fatt, hija ma tistax tbiddel retroattivament l-impossibbiltà għall-awtoritajiet kompetenti li jkunu jafu jew jistabbilixxu l-post ta’ waqfien korrett tal-bhima mill-mument tal-moviment tagħha sa din il-komunikazzjoni, minkejja li huma kellhom ikunu f’pożizzjoni li jagħmlu dan mal-iskadenza tat-terminu għall-komunikazzjoni. Tali nuqqas huwa għalhekk ukoll ta’ natura li jaffettwa l-kontroll effettiv tat-tul minimu ta’ ragħa ta’ din il-bhima f’post partikolari.
55. B’hekk, il-fatt li t-tnax-il bhima kkonċernati u l-azjenda agrikola ta’ TF kienu jissodisfaw il-kriterji l-oħra kollha ta’ eliġibbiltà, bl-eċċezzjoni tal-komunikazzjoni fil-ħin tal-moviment tagħhom, ma jbiddel xejn mill-fatt li l-post tal-waqfien tagħhom mid-data tal-ksur tal-obbligu u tat-terminu ta’ komunikazzjoni ma setax jiġi stabbilit u vverifikat mill-awtoritajiet, meta dan kien neċessarju. Kif juru l-premessa 30 u l-Artikolu 34 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, f’tali każ, il-leġiżlatur tal-Unjoni jirrinunzja biss għal sanzjoni amministrattiva u mhux għat-tnaqqis tal-appoġġ akkoppjat; huwa biss għal dan l-għan li entrata żbaljata u nuqqas ta’ entrata huma ttrattati bl-istess mod (ara f’iktar dettall, il-punti 69 et seq. iktar ’il quddiem).
56. Il-ksur tal-obbligu u tat-terminu ta’ komunikazzjoni għalhekk ma jistax jiġi assimilat ma’ “entrata inkorretta” fis-sens tal-Artikolu 30(4)(c) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, li tkun għadha tista’ tiġi kkoreġuta sussegwentement. Konsegwentement, il-bhejjem ikkonċernati għandhom jiġu kkunsidrati bħala mhux iddeterminati fis-sens tal-punt 18 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament.
57. Id-dispożizzjoni derogatorja li tinsab fl-Artikolu 53(4) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014, li tissemma wkoll fl-Artikolu 30(4)(c) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 (23), ma hijiex rilevanti fil-kawża ineżami. Bħala prinċipju, din id-dispożizzjoni tippermetti li l-Istati Membri jqisu bhima bħala eliġibbli għall-għajnuna anki jekk ir-rekwiżiti għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni jiġu ssodisfatti f’data iktar tard li għandha tiġi ddeterminata minnhom, jiġifieri wara li jkun skada t-terminu għal komunikazzjoni, u jkunu kkomunikaw dik id-data lill-Kummissjoni sal‑15 ta’ Settembru 2015 (24). Madankollu, il-qorti tar-rinviju sempliċement issemmi din id-dispożizzjoni mingħajr ma tippreċiża jekk il-leġiżlatur Awstrijak għamilx użu minnha jew jekk hijiex qiegħda tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tagħha. Madankollu, fl-ipoteżi fejn tali leġiżlazzjoni nazzjonali teżisti, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, ma jistax jiġi eskluż li l-komunikazzjoni tardiva tista’ xorta waħda twassal sabiex tirrimedja l-ksur tal-obbligu ta’ komunikazzjoni.
3. L‑għanijiet tar‑Regolament Nru 1760/2000 u tad‑Deċiżjoni 2001/672 kif ukoll tar‑Regolamenti ta’ Delega Nru 639/2014 u Nru 640/2014
58. L-għanijiet tar-regoli applikabbli jikkonfermaw li, bħala prinċipju, il-bhejjem li fir-rigward tagħhom il-komunikazzjoni tkun saret tardivament la jistgħu jiġu ddeterminati u lanqas ma jistgħu jiġu kkunsidrati li huma eliġibbli għall-għajnuna. Fil-fatt, ir-rekwiżiti stretti dwar il-komunikazzjoni fil-ħin tal-post tal-waqfien tal-bhejjem huma intiżi, minn naħa, li jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u, min-naħa l-oħra, li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
59. Ir-Regolament Nru 1760/2000 huwa intiż sabiex isaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi fil-kwalità tal-laħam taċ-ċanga, sabiex iżomm livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u sabiex itejjeb l-istabbiltà fit-tul tas-suq tal-laħam taċ-ċanga (25). Is-sistema ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni prevista għal dan l-għan hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-ħolqien, mill-Istati Membri, ta’ databases nazzjonali għall-bhejjem tal-ifrat, li jkopru l-identità tal-bhejjem, l-azjendi agrikoli kollha li jinsabu fit-territorju u l-movimenti kollha tal-bhejjem. Din is-sistema għandha tkun kompluta u effettiva biżżejjed sabiex tippermetti lill-awtorità kompetenti tillokalizza bhima tal-ifrat f’kull ħin, tidentifika malajr l-oriġini ta’ bhima f’każ ta’ mard epiżootiku u tieħu immedjatament miżuri ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika (26). Għal dan il-għan, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1760/2000 moqri flimkien mal-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni 2001/672, il-bdiewa għandhom l-obbligu, inter alia, li jikkomunikaw id-dati eżatti ta’ kull moviment lill-awtoritajiet rilevanti (27). L-Artikolu 13 tar-Regolament tal‑2015 dwar il-Pagamenti Diretti, l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Orizzontali tal-PAK kif ukoll l-Artikolu 6 tar-Regolament tal‑2008 dwar l-Identifikazzjoni tal-Bhejjem tal-Ifrat jispeċifikaw dawn ir-rekwiżiti fid-dritt domestiku.
60. Huwa fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1760/2000 huwa maħsub bħala dispożizzjoni obbligatorja billi jiddeskrivi b’mod iddettaljat il-portata tal-obbligu ta’ komunikazzjoni impost fuq il-bdiewa u billi jiddefinixxi preċiżament it-terminu mogħti lilhom sabiex jissodisfaw dan l-obbligu. Minn dan hija ddeduċiet li dan it-terminu għandu jiġi osservat (inkundizzjonalment) mill-bdiewa (28). Finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-inosservanza tat-terminu għall-komunikazzjoni taċ-ċaqliq ta’ bhejjem tal-ifrat fid-datatabase elettronika, previst fit-tieni inċiż tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1760/2000, jimplika li din il-bhima tal-ifrat ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ primjum għall-qatla (29).
61. In-natura imperattiva tal-obbligu li jiġu rrispettati t-termini għall-komunikazzjoni hija għalhekk ibbażata fuq l-għan li tiġi assigurata l-effettività tas-sistema ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-ifrat u, fuq kollox, li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jistabbilixxu f’kull mument il-lokalizzazzjoni ta’ bhima tal-ifrat (30).
62. Barra minn hekk, kif issemma fil-punti 12 u 42 iktar ’il fuq, l-Artikolu 53(1) u (4) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu kriterji ta’ eliġibbiltà konformement mal-qafas stipulat fir-Regolament Nru 1307/2013 u mal-kundizzjonijiet ta’ dan ir-regolament delegat. Fost dawn il-kriterji hemm, fir-rigward tal-miżuri ta’ appoġġ akkoppjat għall-bhejjem tal-ifrat, ir-rekwiżiti fil-qasam tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-bhejjem previsti mir-Regolament Nru 1760/2000. Kif jirriżulta mill-premessa 74 tar-Regolament Delegat Nru 639/2014, dan l-obbligu jaqdi wkoll l-għan, li għandu jiġi mmonitorjat mill-Kummissjoni, li fit-tfassil tal-miżuri ta’ appoġġ l-Istati Membri jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-koerenza u għan-nuqqas ta’ kumulazzjoni tal-finanzjament u jikkonformaw ukoll mal-perċentwali massimi tal-limiti massimi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1307/2013 u t-totali assoċjati. Fi kliem ieħor, għandu jiġi evitat ukoll li l-istess bhima tal-ifrat tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ applikazzjonijiet u ta’ għoti ta’ appoġġ akkoppjat diversi drabi matul is-sena ta’ applikazzjoni (31). Huwa wkoll għal din ir-raġuni li huwa neċessarju li l-identità u l-post ta’ waqfien tal-bhejjem tal-ifrat jkunu identifikabbli f’kull ħin mill-awtoritajiet kompetenti. Dan huwa bla ħsara għal eventwali eċċezzjonijiet li l-Istat Membru jista’ jipprevedi, skont l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014, għall-komunikazzjoni tardiva ta’ avveniment li jikkonċerna lill-bhima (32).
63. Dawn l-għanijiet jeżiġu interpretazzjoni stretta tar-regoli dwar ir-reġistrazzjoni u, għaldaqstant, tat-termini għall-komunikazzjoni fir-rigward tal-bhejjem. Għalhekk ma jkunx għadu possibbli li jiġi rrimedjat ksur tal-obbligu ta’ komunikazzjoni fil-ħin tal-movimenti ta’ annimali lejn post ieħor ta’ waqfien.
64. Konsegwentement, il-bhejjem tal-ifrat li l-komunikazzjoni fir-rigward tagħhom issir tardivament għandhom jiġu kkunsidrati bħala mhux iddeterminati u, bħala prinċipju, ma humiex eliġibbli għall-għajnuna. Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun fin-negattiv u għandha tingħata risposta wkoll għat-tieni domanda preliminari.
B. It‑tieni domanda preliminari: ammissibbiltà ta’ sanzjoni amministrattiva fir‑rigward ta’ bhejjem li l‑komunikazzjoni fir‑rigward tagħhom tkun saret tardivament, iżda li mill‑bqija jkunu eliġibbli
65. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, lil hinn mir-rifjut li jingħata l-appoġġ akkoppjat, l-awtorità kompetenti tistax timponi wkoll sanzjoni amministrattiva (pekunjarja).
66. La l-kundizzjonijiet u lanqas il-kalkolu bħala tali tas-sanzjoni amministrattiva imposta mill-AMA abbażi tal-Artikolu 31 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 ma huma s-suġġett ta’ din il-kawża.
67. Il-qorti tar-rinviju madankollu tesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà tal-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva jew dwar il-proporzjonalità tagħha, fid-dawl tal-komunikazzjoni sussegwenti minn TF tal-moviment tat-tnax-il bhima tal-ifrat lejn il-mergħat f’żoni muntanjużi.
68. Tali inammissibbiltà tista’ tirriżulta minn qari flimkien tal-Artikolu 15(1) u tal-Artikolu 34 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014.
69. Skont l-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament, is-sanzjonijiet amministrattivi ma japplikawx għall-partijiet tal-applikazzjoni għal għajnuna jew għal pagament li fir-rigward tagħhom il-benefiċjarju jinforma bil-miktub lill-awtorità kompetenti li l-applikazzjoni għal għajnuna jew għal pagament hija inkorretta jew saret inkorretta sa mill-preżentazzjoni tagħha, sakemm l-awtorità kompetenti ma tkunx diġà informat lill-benefiċjarju bl-intenzjoni tagħha li twettaq kontroll fuq il-post jew ma tkunx diġà informat lill-benefiċjarju dwar kull ksur b’rabta mal-applikazzjoni għal għajnuna jew għal pagament.
70. L-Artikolu 34 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 jiddikjara l-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament applikabbli, mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna jew għal pagament, għall-iżbalji jew l-ommissjonijiet li jikkonċernaw l-entrati fid-database elettronika għall-bhejjem, sa fejn dawn ikunu bhejjem iddikjarati.
71. Mill-fatti esposti fid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li jirriżulta li t-tnax-il bhima tal-ifrat li l-moviment tagħhom ġie kkomunikat tardivament huma diġà identifikati fl-applikazzjoni unika għall-għoti ta’ appoġġ akkoppjat, jiġifieri li kull waħda minnhom kienet “annimal iddikjarat” fis-sens tal-punt 16 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 (33). Minn dan isegwi li, mid-data tal-preżentazzjoni ta’ din l-applikazzjoni unika, minħabba l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament ordnata fl-Artikolu 34, il-kundizzjonijiet u l-konsegwenzi legali l-oħra tiegħu japplikaw ukoll għan-nuqqasijiet relatati mal-entrati fid-database elettronika għall-bhejjem (34). L-assenza ta’ komunikazzjoni fil-ħin taċ-ċaqliq fis-sajf ta’ bhejjem tal-ifrat lejn mergħat f’żoni muntanjużi, konformement mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1760/2000 moqri flimkien mal-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni 2001/672, tikkostitwixxi mingħajr ebda dubju tali ommissjoni.
72. Il-fatt li, skont il-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 jirreferi biss għall-informazzjoni bil-miktub a posteriori dwar informazzjoni inkorretta jew li saret inkorretta li tinsab fl-applikazzjoni għal għajnuna jew għal pagament huwa għalhekk irrilevanti. Fil-fatt, kif tissuġġerixxi wkoll il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni derogatorja għall-korrezzjoni a posteriori ta’ assenza ta’ entrata ta’ data relatata ma’ bhima fid-database elettronika għall-bhejjem. Dan jinkludi wkoll il-komunikazzjoni tardiva taċ-ċaqliq fis-sajf lejn mergħat ta’ bhejjem tal-ifrat f’żoni muntanjużi.
73. Il-possibbiltà ta’ korrezzjoni prevista fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 teħtieġ ukoll li l-awtorità kompetenti tkun għadha ma nnotifikatx lill-benefiċjarju bl-intenzjoni tagħha li twettaq kontroll fuq il-post jew tkun għadha ma informatux bil-każijiet ta’ ksur fir-rigward tal-applikazzjoni għal għajnuna jew għal pagament. Dan għandu l-għan li jiżgura li l-korrezzjoni a posteriori ssir mill-bdiewa għal raġunijiet awtonomi u volontarji. Huwa paċifiku li tali komunikazzjoni jew informazzjoni amministrattiva, li turi li din il-korrezzjoni ma kinitx volontarja, ma seħħitx fil-kawża ineżami.
74. Minn dan isegwi li, fil-kawża ineżami, skont l-Artikolu 34 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, moqri flimkien mal-Artikolu 15(1) tiegħu, ebda sanzjoni amministrattiva ma tista’ tiġi imposta minħabba l-komunikazzjoni tardiva taċ-ċaqliq tal-bhejjem tal-ifrat ikkonċernati lejn żoni muntanjużi, li iżda tkun ġiet irrettifikata. Il-kwistjoni dwar jekk tali sanzjoni amministrattiva hijiex għalhekk proporzjonata ma għadhiex rilevanti.
75. Din il-konklużjoni ma tikkontradixxix ir-risposta proposta għall-ewwel domanda preliminari.
76. Fil-fatt, minn naħa, il-leġiżlatur tal-Unjoni deliberatament iddeċieda, fl-Artikolu 34 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi previsti fl-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament, l-assenza tal-entrata tad-data relatata ma’ bhima fid-database elettronika għall-bhejjem għandha tiġi assimilata mal-entrati (sostantivament) inkorretti (“żbalji u ommissjonijiet”) u ma għandhomx jiġu ssanzjonati fil-każ ta’ korrezzjoni volontarja iktar tard min-naħa tal-bdiewa. Min-naħa l-oħra, iż-żewġ każijiet jikkostitwixxu ksur tal-kriterji ta’ eliġibbiltà li jwassal, bħala prinċipju, għal tnaqqis tal-appoġġ akkoppjat mitlub; madankollu, dawn ma għandhomx ikunu suġġetti għal sanzjoni amministrattiva.
77. L-idea wara dan kollu hija li l-esklużjoni jew it-tnaqqis tad-dritt għall-appoġġ akkoppjat għall-bhejjem tal-ifrat li l-moviment tagħhom ikun ġie kkomunikat tardivament jagħtu inċentiv suffiċjenti lill-applikanti biex jirrispettaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà applikabbli, inkluż l-obbligu ta’ komunikazzjoni, mingħajr ma tkun meħtieġa sanzjoni amministrattiva addizzjonali. Dan japplika iktar u iktar meta l-komunikazzjoni a posteriori kienet sostantivament korretta (35) u meta l-kriterji l-oħra ta’ eliġibbiltà jkunu ssodisfatti.
V. Konklużjoni
78. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija) kif ġej:
“1. Il-punt 2(a) u l-punt 18 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 30(4)(c) tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ komunikazzjoni tardiva taċ-ċaqliq fis-sajf ta’ bhejjem tal-ifrat lejn mergħat f’żoni muntanjużi bi ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1760/2000, moqri flimkien mal-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni 2001/672, il-bhejjem ikkonċernati la għandhom jitqiesu li huma ddeterminati u lanqas li huma eliġibbli għall-għajnuna.
2. L-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 34 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014 għandhom jiġu interpretati fis-sens li sanzjoni amministrattiva hija inammissibbli jekk tali komunikazzjoni tardiva taċ-ċaqliq fis-sajf lejn mergħat f’żoni muntanjużi ta’ bhejjem tal-ifrat iddikjarati skont il-punt 16 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament delegat jew identifikati fl-applikazzjoni għall-għajnuna u li mill-bqija jkunu eliġibbli għall-għajnuna, tiġi kkorreġuta sussegwentement mill-benefiċjarju; dan japplika biss sakemm l-awtorità kompetenti ma tkunx informat lil dan il-benefiċjarju bl-intenzjoni tagħha li twettaq kontroll fuq il-post jew bi kwalunkwe ksur relatat mal-applikazzjoni għall-għajnuna jew għal pagament.”
1 Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
2 Skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea (https://agriculture.ec.europa.eu/common-agricultural-policy/income-support/additional-optional-schemes/voluntary-coupled-support_de), fil-politika agrikola komuni (PAK), ir-rabta bejn il-ħlasijiet li jappoġġaw id-dħul tal-bdiewa u l-produzzjoni ta’ ċerti prodotti tneħħiet gradwalment (“diżakkoppjat”). Dan għandu l-għan li jevita eċċessi ta’ ċerti prodotti u li jiżgura li l-bdiewa jaġġustaw il-produzzjoni tagħhom skont id-domanda reali tas-suq. Madankollu, tista’ tkun meħtieġa l-għajnuna mmirata f’setturi agrikoli speċifiċi li jgħaddu minn diffikultajiet. L-“appoġġ akkoppjat volontarju” għandu l-għan li jevita li dawn id-diffikultajiet jaggravaw minħabba li dan jista’ jwassal għall-abbandun tal-produzzjoni. Dan jaffettwa wkoll partijiet oħra tal-katina tal-provvista jew swieq relatati li huma affettwati b’mod negattiv. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jkomplu jagħtu appoġġ għad-dħul (akkoppjat) f’ċerti setturi jew għal ċerti prodotti b’mod limitat. Madankollu, tali miżura hija suġġetta għal kundizzjonijiet u għal limiti stretti sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ distorsjoni tas-suq jew tal-kompetizzjoni.
3 Ara wkoll, dwar kawżi simili, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi EP Agrarhandel (C‑554/16, EU:C:2017:956) u Agrárminiszter (Kwota tat-twellid) (C‑538/22, EU:C:2023:938).
4 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 1, p. 248), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 653/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1760/2000 dwar l-identifikazzjoni elettronika tal-annimali bovini u t-tikkettjar taċ-ċanga (ĠU 2014, L 189, p. 33).
5 Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑20 ta’ Awwissu 2001 li tistabbilixxi regoli speċjali applikabbli għall-movimenti ta’ annimali bovini meta mqegħda jirgħu fis-sajf fl-oqsma tal-muntanji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3 Vol. 33, p. 341), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/300/UE tal‑25 ta’ Mejju 2010 [li] temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/672/KE fir-rigward ta’ perjodi ta’ żmien għall-movimenti ta’ annimali bovini lejn il-mergħat għas-sajf (ĠU 2010, L 127, p. 19). Fil-frattemp, din id-deċiżjoni tħassret bl-Artikolu 84 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 tat‑28 ta’ Ġunju 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-istabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri u l-imfaqas, u t-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis (ĠU 2019, L 314, p. 115, rettifiki fil-ĠU 2020, L 191, p. 3, fil-ĠU 2020, L 267, p. 5, fil-ĠU 2023, L 17, p. 101).
6 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 7).
7 Regolament Delegat tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lil bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ĠU 2014, L 181, p. 1).
8 Regolament Delegat tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 181, p. 48), kif emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/723 tas‑16 ta' Frar 2017 (ĠU 2017, L 107, p. 1).
9 L-Artikoli 1 sa 10 tar-Regolament Nru 1760/2000 tħassru permezz tal-Artikolu 278 tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU 2016, L 84, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2017, L 57, p. 65, fil-ĠU 2020, L 84, p. 24, fil-ĠU 2021, L 48, p. 3). Madankollu, konformement mal-Artikolu 271 tar-Regolament 2016/429, moqri flimkien mal-Artikolu 283 tiegħu, dawn ir-regoli jibqgħu japplikaw sa tliet snin mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, jiġifieri mill‑21 ta’ April 2021.
10 Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża EP Agrarhandel (C‑554/16, EU:C:2017:956, punt 55, nota ta’ qiegħ il-paġna 22), diġà indikajt li l-espressjoni “fi kwalunkwe żmien” tinsab fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din il-premessa u li l-assenza tagħha fil-verżjoni Franċiża tidher li tirriżulta minn żball redazzjonali.
11 It-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4 ġie miżjud mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1383 tat‑28 ta’ Mejju 2015 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014 rigward il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà marbuta mar-rekwiżiti tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-annimali għall-appoġġ akkoppjat skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2015, L 214, p. 1).
Il-premessa 3 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/841 tad‑19 ta’ Frar 2021 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 640/2014 fir-rigward tar-regoli dwar in-nuqqas ta’ konformità fir-rigward tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni għall-annimali bovini, ovini u kaprini u dwar il-kalkolu tal-livell ta’ penali amministrattivi fir-rigward tal-annimali ddikjarati skont l-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali jew il-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali (ĠU 2021, L 186, p. 12), tipprovdi dan li ġej fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni:
“B’konformità mal-Artikolu 53(4) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 […] meta l-miżura tal-appoġġ akkoppjat tkun tikkonċerna annimali bovini u/jew nagħaġ u mogħoż, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu bħala kundizzjoni għall-eliġibbiltà għall-appoġġ, ir-rekwiżiti għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni tal-annimali previsti fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 jew fir-Regolament (KE) Nru 21/2004 rispettivament. Barra minn hekk, b’konformità ma’ dawk ir-Regolamenti, avvenimenti tal-annimali bħal twelid, imwiet u movimenti għandhom jiġu nnotifikati lill-bażi tad-data kompjuterizzata f’ċerti limiti ta’ żmien. In-nuqqas ta’ rispett ta’ dawk il-limiti ta’ żmien jitqies bħala nuqqas ta’ konformità fir-rigward tal-annimal ikkonċernat. Madankollu, sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità u mingħajr preġudizzju għal kundizzjonijiet oħra ta’ eliġibbiltà stabbiliti mill-Istat Membru, l-annimali bovini, ovini u kaprini jenħtieġ li jitqiesu bħala eliġibbli għall-għajnuna jew għall-appoġġ mingħajr l-applikazzjoni ta’ penali amministrattivi sakemm tkun saret notifika tard ta’ avveniment tal-annimali qabel il-bidu ta’ perjodu ta’ żamma jew qabel data ta’ referenza partikolari, kif stabbilit mill-Istat Membru skont l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014.”
12 Il-premessa 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1393 tal‑4 ta’ Mejju 2016 li jemenda r-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 640/2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU 2016, L 225, p. 41, rettifika fil-ĠU 2016, L 227, p. 5), tispjega l-emenda ta’ din id-dispożizzjoni fit-termini li ġejjin:
“L-Artikolu 53(4) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 […] jistipula li l-Istati Membri jridu jiddefinixxu r-rekwiżit tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-annimali tal-ifrat bħala kundizzjoni ta’ eliġibbiltà, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill […]. L-għan li ssir referenza għal dak ir-Regolament bħala kundizzjoni sistematika ta’ eliġibbiltà huwa li tiġi żgurata identifikazzjoni mingħajr ambigwità tal-annimali eliġibbli għall-għajnuna jew għall-appoġġ. F’dan ir-rigward, fl-Artikolu 30(4)(c) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 640/2014 għandu jiġi ċċarat li l-entrati żbaljati fir-reġistru, fil-passaporti tal-annimali u/jew fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata għall-annimali bovini ta’ elementi bħal pereżempju s-sess, ir-razza, il-kulur jew id-data għandhom jitqiesu bħala nuqqas ta' konformità wara l-ewwel sejba jekk it-tagħrif ikun essenzjali għall-valutazzjoni tal-eliġibbiltà tal-annimali fil-qafas tal-iskema ta’ għajnuna jew tal-miżura ta’ appoġġ ikkonċernati. Inkella, l-annimal ikkonċernat għandu jitqies bħala mhux stabbilit jekk jinstabu entrati żbaljati bħal dawn f'minn tal-inqas żewġ verifiki f’perjodu ta’ 24 xahar.”
13 BGBl. I Nru 55/2007, fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-BGBl. I Nru 46/2018.
14 BGBl. II Nru 368/2014, fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-BGBl. II Nru 57/2018.
15 BGBl. II Nru 100/2015, fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-BGBl. II Nru 165/2020.
16 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas‑17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 227, p. 69), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1804 tat‑28 ta’ Ottubru 2019 (ĠU 2019, L 276, p. 12).
17 BGBl. II Nru 201/2008, fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-BGBl. II Nru 285/2019.
18 Dan huwa inqas ċar fir-rigward tat-“tħassir” tat-tnaqqis tal-appoġġ akkoppjat ordnat fid-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali). L-inammissibbiltà ta’ dan it-tnaqqis tidher ukoll li ġiet dedotta minn din il-qorti mill-Artikolu 15 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, minkejja li din id-dispożizzjoni tipprevedi biss eċċezzjoni għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi. Mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti fid-digriet tar-rinviju dwar ir-relazzjoni bejn iż-żewġ domandi preliminari jirriżulta li l-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema) ma teskludix, fi kwalunkwe każ, li TF ma jistax ikun intitolat għall-għoti ta’ appoġġ akkoppjat għall-bhejjem iddikjarati tardivament.
19 F’dan ir-rigward, il-kunċetti ta’ “kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà” u ta’ “kriterji ta’ eliġibbiltà” għandhom jinftiehmu bħala ekwivalenti. Dan huwa kkonfermat, pereżempju, mill-verżjoni Ingliża (“eligibility conditions” u “eligibility criteria”) kif ukoll mill-verżjoni Franċiża ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (“conditions d’admissibilité” u “conditions d’octroi”).
20 Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.
21 Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq.
22 Ara l-aħħar parti tas-sentenza tal-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2010/300: “il-fatt prattiku mingħajr ma tkun kompromessa t-traċċabilità”.
23 Ara f’dan ir-rigward is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2023, Spanja vs Il‑Kummissjoni (T‑450/21, mhux ippubblikata, EU:T:2023:571, punti 43 et seq.) u l-appell pendenti ppreżentat minn Spanja kontriha fil-Kawża C‑729/23 P.
24 Ara wkoll f’dan ir-rigward il-premessa 3 tar-Regolament Delegat 2021/841 (nota f’qiegħ il-paġna 11 iktar ’il fuq). Skont din id-dispożizzjoni, komunikazzjoni wara l-iskadenza tat-terminu hija ċertament ikkunsidrata bħala ksur fir-rigward tal-bhima kkonċernata. Madankollu, sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità u bla ħsara għal kundizzjonijiet oħra ta’ eliġibbiltà stabbiliti mill-Istat Membru, il-bhejjem tal-ifrat għandhom jitqiesu bħala eliġibbli għall-għajnuna jew għall-appoġġ mingħajr l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi sakemm tkun saret komunikazzjoni tardiva ta’ avveniment tal-bhima qabel il-bidu ta’ perijodu ta’ żamma jew qabel data ta’ riferiment partikolari, kif stabbilit mill-Istat Membru skont l-Artikolu 53(4) tar-Regolament Delegat Nru 639/2014.
25 Ara, b’mod partikolari, il-premessa 7 tar-Regolament Nru 1760/2000.
26 Ara l-premessa 3 tad-Deċiżjoni 2001/672, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2007, Maatschap Schonewille-Prins (C‑45/05, EU:C:2007:296, punt 41), u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża EP Agrarhandel (C‑554/16, EU:C:2017:956, punti 34 u 58).
27 Sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2007, Maatschap Schonewille-Prins (C‑45/05, EU:C:2007:296, punt 35) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża EP Agrarhandel (C‑554/16, EU:C:2017:956, punt 35).
28 Ara f’dan is-sens is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2007, Maatschap Schonewille-Prins (C‑45/05, EU:C:2007:296, punti 35 sa 41, b’mod partikolari l-punti 36 u 38); ara wkoll is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, EP Agrarhandel (C‑554/16, EU:C:2018:406, punt 38).
29 Sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2007, Maatschap Schonewille-Prins (C‑45/05, EU:C:2007:296, punt 43).
30 Dwar in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għal komunikazzjoni fil-kuntest ta’ dispożizzjonijiet komparabbli dwar l-għoti ta’ primjums għall-baqar li jreddgħu, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża EP Agrarhandel (C‑554/16, EU:C:2017:956, punti 71 sa 73).
31 Konsegwentement, id-definizzjonijiet li jinsabu fil-punt 15 tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) (“applikazzjoni ta’ għajnuna għall-bhejjem”), il-punt 16 (“annimali ddikjarati”) u l-punt 18 (“annimal determinat”) tar-Regolament ta’ Delega Nru 640/2014 huma bbażati fuq il-prinċipju li l-appoġġ akkoppjat jista’ jingħata biss għall-bhejjem speċifikament identifikati fl-applikazzjoni korrispondenti.
32 Ara l-punt 57 iktar’ il fuq u l-premessa 3 tar-Regolament ta’ Delega 2021/841 (in-noti ta’ qiegħ il-paġna 11 u 24).
33 Il-formulazzjoni kemxejn differenti “angemeldete Tiere” (annimali rreġistrati) fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tal-Artikolu 34 tar-Regolament ta’ Delega Nru 640/2014 ma tidhirx li hija ta’ importanza f’dan ir-rigward. Dan huwa kkonfermat, pereżempju, mill-verżjonijiet bil-Franċiż u bl-Ingliż, li jużaw b’mod uniformi f’dawn id-dispożizzjonijiet it-termini “animaux déclarés” jew “declared […] animals”.
34 Ara, ukoll, il-premessa 30 tar-Regolament Delegat Nru 640/2014, li jipprovdi li “[l]-possibbiltà li jsiru korrezzjonijiet bla ma jwasslu għall-penali amministrattivi pprovduta għall-applikazzjoni għall-għajnuna u t-talba għall-pagament għandha tapplika wkoll fir-rigward ta’ dejta żbaljata li tinsab fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata fir-rigward ta’ annimali bovini”.
35 Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża EP Agrarhandel (C‑554/16, EU:C:2017:956, punt 94) dwar sitwazzjoni simili ta’ komunikazzjoni tardiva ta’ informazzjoni bl-għan li jinkiseb primjums għall-baqar li jreddgħu.