KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fil‑5 ta’ Settembru 2024 ( 1 )
Kawża C‑217/23 [Laghman] ( i )
Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl
vs
A N
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (Il-Qorti Amministrattiva, l‑Awstrija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika komuni fil-qasam tal-ażil – Direttiva 2011/95/UE – Kundizzjonijiet sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika minn protezzjoni internazzjonali jew mill-protezzjoni sussidjarja – Status ta’ refuġjat – Artikolu 2(d) – Raġunijiet għall-persekuzzjoni – It-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d) – Kunċett ta’ sħubija fi ‘grupp soċjali partikolari’ – Kunċett ta’ ‘identità distinta’ fil-pajjiż ta’ oriġini’ – Perċezzjoni ta’ grupp bħala differenti mis-soċjetà ta’ madwaru – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Applikant għal protezzjoni internazzjonali, membru ta’ familja involuta f’vendetta li tkun għaddejja fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Applikant għal protezzjoni internazzjonali, membru ta’ familja involuta f’vendetta ( 2 ) li tkun għaddejja fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, jista’ jitqies li huwa espost għal att ta’ persekuzzjoni minħabba s-sħubija tiegħu fi “grupp soċjali partikolari” fis-sens tal-Artikolu 2(d) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95/UE ( 3 )? |
|
2. |
It-tweġiba għal din il-mistoqsija ma hijiex mal-ewwel daqstant ovvja. |
|
3. |
Din teżiġi li ssir distinzjoni bejn l-atti u t-theddid serju li jirriżultaw minn vendetta, li hija konformi mal-prinċipji tad-dritt konswetudinarju rrikonoxxuti u ammessi minn ċerti soċjetajiet tradizzjonali u li jesponu ruħhom għalihom, minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni, il-membri ta’ familja minħabba responsabbiltajiet ikkunsidrati bħala mwettqa minn membri oħra ta’ din il-familja, atti u theddid strettament personali li jsegwu motivazzjonijiet oħra, li jirriżultaw minn kriminali komuni jew mill-mafja. Għalkemm il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) ( 4 ) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA) ( 5 ) ħarġu rakkomandazzjonijiet dwar dan is-suġġett, għandu jiġi kkonstatat li l-awtoritajiet nazzjonali jadottaw approċċi differenti sabiex jistabbilixxu s-sħubija ta’ tali applikant f’grupp soċjali partikolari ( 6 ). |
|
4. |
Fil-fatt, fid-dritt tal-Unjoni, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bbażata fuq is-sħubija fi “grupp soċjali partikolari” teżiġi mhux biss li jiġi stabbilit li l-membri tal-grupp jikkondividu karatteristika innata jew karatteristika jew twemmin essenzjali għall-identità jew għall-kuxjenza tagħhom, jew ukoll sfond komuni li ma jistax jinbidel (l-ewwel kundizzjoni ta’ identifikazzjoni stabbilita fl-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95), iżda wkoll li jintwera li l-grupp għandu “identità distinta fil-pajjiż rilevanti, minħabba li [huwa meqjus] bħala differenti mis-soċjeta ta’ madwaru” (it-tieni kundizzjoni ta’ identifikazzjoni stabbilita fit-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10(1)(d) ta’ din id-direttiva). |
|
5. |
Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tippreċiża l-portata tar-raġuni ta’ persekuzzjoni bbażata fuq is-sħubija f’grupp soċjali partikolari fir-rigward ta’ persuni omosesswali u, iktar reċentement, ta’ nisa vittmi ta’ vjolenza domestika jew li jidentifikaw ruħhom ma’ valuri bħall-ugwaljanza bejn is-sessi ( 7 ) din il-kawża tistedinha tagħmel preċiżazzjonijiet addizzjonali dwar it-tieni kundizzjoni ta’ identifikazzjoni, dwar il-perċezzjoni soċjali tal-grupp fil-pajjiż ta’ oriġini fil-kuntest partikolari ta’ vendetta. |
|
6. |
Fl-ewwel stadju tar-raġunament tiegħi, ser nispjega, qabelxejn, li l-kunċett ta’ “soċjeta ta’ madwaru”, imsemmi fit-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95, jirreferi għall-ambjent tal-bniedem u soċjali li fih jevolvi l-grupp ikkonċernat, b’tali mod li l-“identità distinta” tal-grupp tiġi evalwata mhux fid-dawl tal-perċezzjoni iżolata tal-attur tal-persekuzzjoni, iżda tal-perċezzjoni kollettiva ta’ din is-soċjetà. Imbagħad, ser nippreċiża li l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha, fil-kuntest tal-evalwazzjoni individwalizzata tagħha, tieħu inkunsiderazzjoni r-rappreżentazzjoni jew l-immaġni li s-soċjetà ta’ madwaru għandha tal-grupp ikkonċernat u sa fejn l-opinjoni jew il-ġudizzju assoċjat magħha jiddifferenzjawh jew jiddistingwuh mill-bqija ta’ din is-soċjetà. F’dan ir-rigward, l-aġir, l-atti jew il-miżuri adottati minħabba din il-perċezzjoni jistgħu jikkostitwixxu indikazzjonijiet rilevanti sabiex jintwera li l-grupp huwa pperċepit bħala differenti. |
|
7. |
Fit-tieni parti tar-raġunament tiegħi u wara li nqiegħed il-vendetta fis-sistema ġuridika u fit-tradizzjoni li fiha jaqa’ dan il-fenomenu, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, li, skont il-kundizzjonijiet li jipprevalu fil-pajjiż ta’ oriġini, il-membru ta’ familja involuta f’vendetta li tkun għaddejja f’dan il-pajjiż jista’ jitqies li jappartjeni għal “grupp soċjali partikolari”, bħala raġuni ta’ persekuzzjoni li tista’ twassal għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat. |
II. Id‑dritt tal‑Unjoni
|
8. |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Definizzjonijiet” jipprovdi fil-punt (d): “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
|
|
9. |
L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Eżami ta’ fatti u ċirkostanzi”, jipprovdi fil-paragrafu 3 tiegħu: “L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:
[…]” |
|
10. |
L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Raġunijiet għal persekuzzjoni”, jistabbilixxi, fl-ewwel subparagrafu tal-punt (d) tal-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom iqisu l-elementi li ġejjin meta jivvalutaw ir-raġunijiet għal persekuzzjoni: […]
|
III. Il‑fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
11. |
A N, ċittadin Afgan li jappartjeni għall-etniċità Pashtun, ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Awstrija fl‑4 ta’ Novembru 2015. Insostenn ta’ din l-applikazzjoni, A N sostna li huwa espost għal riskju ta’ persekuzzjonijiet fil-każ li jirritorna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, minħabba li l-familja tiegħu hija involuta f’vendetta sa mill-qtil ta’ missieru u ta’ ħuh wara tilwima dwar artijiet mal-kuġini ta’ missieru. |
|
12. |
Għalkemm il-Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (l-Uffiċċju Federali għad-Dritt tal-Barranin u tad-Dritt għall-Ażil, l-Awstrija) ċaħad din l-applikazzjoni permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Ġunju 2017, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija), min-naħa l-oħra, laqgħet ir-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni u, permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2022, iddeċidiet li A N kellu jibbenefika mill-istatus ta’ refuġjat. Din il-qorti rrikonoxxiet l-eżistenza u l-gravità tar-riskji sostnuti mill-persuna kkonċernata minħabba s-sħubija tal-familja tagħha fil-każ ta’ ritorn fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha kif ukoll l-inkapaċità tal-awtoritajiet Afgani li jipproteġuha mir-riskji ġġenerati minn din il-vendetta. Fir-rigward tal-possibbiltajiet ta’ protezzjoni ġewwa l-pajjiż, l-imsemmija qorti, barra minn hekk, ikkunsidrat li, anki jekk jitqies li ma huwiex mhedded f’reġjuni oħra tal-Afganistan, A N jirriskja li ma jkunx jista’ jissodisfa l-bżonnijiet vitali essenzjali u meħtieġa tiegħu. |
|
13. |
L-Uffiċċju Federali għad-Dritt tal-Barranin u tad-Dritt għall-Ażil ippreżenta rikors għal reviżjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju. Huwa sostna li l-imsemmija deċiżjoni kienet ibbażata, b’mod żbaljat, fuq il-premessa li familja tista’ titqies bħala “grupp soċjali partikolari”, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95, mingħajr ma jkun ġie ddeterminat jekk tali familja hijiex ipperċepita bħala differenti mis-soċjetà ta’ madwarha, bi ksur ta’ din dispożizzjoni. |
|
14. |
Skont il-qorti tar-rinviju, il-“kwistjoni ċentrali” sabiex tiġi riżolta l-kawża prinċipali hija dik dwar “jekk il-membri ta’ familja li huma mhedda minn vendetta unikament minħabba s-sħubija tagħhom f’familja li wieħed mill-membri tagħha huwa [jew kien] involut […] f’tilwima li wasslet għall-vendetta, għandhomx jitqiesu bħala grupp soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95. Għal dan l-għan, hija titlob, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkjarifika l-kontenut u l-portata tat-tieni kundizzjoni ta’ identifikazzjoni li minnha tiddependi l-eżistenza ta’ “grupp soċjali partikolari”, prevista fit-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
15. |
Il-qorti tar-rinviju tiddubita li, f’dan il-każ, il-familja ta’ A N tista’ tiġi pperċepita mis-soċjetà ta’ madwarha bħala differenti minħabba l-involviment tagħha f’vendetta, sa fejn din is-soċjetà hija marbuta mat-tradizzjoni Pashtun stabbilita sew, tal-inqas fil-parti l-kbira tat-territorju Afgan, li tirregola ċerti tilwimiet tal-familja permezz tal-vendetta. |
|
16. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
17. |
A N, il-Gvern Awstrijak, Ġermaniż u tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. |
IV. Analiżi
|
18. |
Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li nipproponi li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-membru ta’ familja involuta f’vendetta li tkun għaddejja fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jistax jitqies, skont il-kundizzjonijiet li jipprevalu f’dan il-pajjiż, bħala parti minn “grupp soċjali partikolari”, bħala raġuni ta’ persekuzzjoni li tista’ twassal għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat. |
|
19. |
Għal dan l-għan, din il-qorti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża s-sens u l-portata tat-tieni kundizzjoni ta’ identifikazzjoni tas-sħubija fi “grupp soċjali partikolari”, stabbilita fit-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d) ta’ din id-direttiva. |
|
20. |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(d) tal-imsemmija direttiva, ir-refuġjat huwa, b’mod partikolari, ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tiegħu minħabba biża’ raġonevoli li jiġi ppersegwitat minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, l-opinjonijiet politiċi tiegħu jew is-sħubija tiegħu fi grupp soċjali partikolari, u li ma jistax jew, minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx jitlob il-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż. |
|
21. |
Iċ-ċittadin ikkonċernat għandu għalhekk, minħabba ċirkustanzi eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u minħabba l-aġir tal-atturi tal-persekuzzjonijiet, jiġi kkonfrontat bil-biża’ ġġustifikata ta’ persekuzzjoni eżerċitata fuq il-persuna tiegħu għal mill-inqas waħda mill-ħames raġunijiet elenkati fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2011/95, fosthom is-sħubija tiegħu f’“grupp soċjali partikolari” f’dan il-pajjiż. |
|
22. |
Il-leġiżlatur tal-Unjoni ddefinixxa dan il-kunċett fl-Artikolu 10(1)(d) ta’ din id-direttiva, billi adotta approċċ sinjifikattivament differenti minn dak propost mill-UNHCR ( 8 ). |
|
23. |
L-ewwel nett, il-membri tal-grupp għandhom jikkondividu “karatteristika innata” jew “sfond komuni li ma jistax jinbidel”, jew ukoll “karatteristika jew twemmin li tant huwa fondamentali għall-identità jew il-kuxjenza li persuna m’għandhiex tiġi sfurzata li tirrinunċja għalih”. |
|
24. |
F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat fil-kawża prinċipali li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta. Fil-fatt, il-membri tal-istess familja jikkondividu, minħabba r-rabta ta’ parentela tagħhom, li din ir-rabta tirriżulta minn rabtiet ta’ demm, minn adozzjoni jew minn żwieġ, pereżempju, karatteristika innata, li hija wkoll essenzjali għall-identità u/jew sfond komuni li ma jistax jinbidel ( 9 ). |
|
25. |
Inżid ngħid li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-membri tal-istess familja jistgħu jaqsmu karatteristika komuni supplimentari bħal, pereżempju, karatteristika oħra innata, jew sfond komuni li ma jistax jinbidel, bħal sitwazzjoni tal-familja partikolari ( 10 ). Issa, f’dan il-kuntest, il-fatt li l-membri ta’ familja, u b’mod partikolari l-irġiel u s-subien ta’ din il-familja, jinsabu suġġetti, minħabba l-axxendenza tagħhom, għal vendetta, minħabba li din tgħaddi minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni, f’linja patrilineari, jirrigwarda “sfond komuni li ma jistax jinbidel”. |
|
26. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-membri ta’ familja involuta f’vendetta li tkun għaddejja fil-pajjiż ta’ oriġini, u b’mod partikolari l-irġiel u s-subien ta’ din tal-aħħar, jissodisfaw mingħajr diffikultà l-ewwel kundizzjoni ta’ identifikazzjoni ta’ “grupp soċjali partikolari”, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95. |
|
27. |
It-tieni nett, dan il-grupp għandu jkollu l-“identità distinta” tiegħu fil-pajjiż ikkonċernat “minħabba li [huwa meqjus] bħala differenti mis-soċjeta ta’ madwaru”. |
|
28. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-“identità distinta” tal-grupp tikkostitwixxix kundizzjoni li għandha tiġi evalwata b’mod distint u awtonomu mill-perċezzjoni tas-soċjetà ta’ madwaru. Fil-fatt, hija tenfasizza li l-użu tal-frażi “da” fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tat-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95 jista’ jkollu sens differenti minn sempliċi sens ta’ kawżalità ( 11 ). Jekk ikun il-każ, hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tat-tieni domanda tagħha, tippreċiża l-elementi li fuqhom għandha tiġi evalwata l-“identità distinta” ta’ grupp. |
|
29. |
Id-dubji ta’ din il-qorti jidhirli li jistgħu jitwarrbu faċilment. |
|
30. |
Fil-fatt, minn naħa, minn perspettiva testwali, mid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tad-dispożizzjoni inkwistjoni, bħall-verżjoni Ingliża (“because”), dik Franċiża (“parce que”), jew ukoll dik Taljana (“perché”), jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni tabilħaqq esprima relazzjoni ta’ kawżalità bejn il-kunċett ta’ “identità distinta” u dak ta’ “soċjeta ta’ madwaru”. L-“identità distinta” tal-grupp “fil-pajjiż rilevanti” tirriżulta mill-fatt li dan il-grupp “[huwa meqjus] bħala differenti mis-soċjeta ta’ madwaru”. |
|
31. |
Min-naħa l-oħra, mill-istruttura tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jiddistingwi, fl-ewwel inċiż ta’ din id-dispożizzjoni, l-“identità individwali” tal-membru tal-grupp ikkonċernat, sa fejn din tirrigwarda b’mod partikolari l-karatteristiċi fiżiċi, kulturali jew reliġjużi li huwa għandu flimkien mal-membri kollha ta’ dan il-grupp u, fit-tieni inċiż tagħha, l-“identità kollettiva” jew l-“identità soċjali” tal-grupp, sa fejn din tirrigwarda l-mod kif dan il-grupp huwa pperċepit mill-membri l-oħra tas-soċjetà. Li jiġi kkunsidrat li l-“identità distinta” tal-grupp fil-pajjiż inkwistjoni hija differenti mill-perċezzjoni li għandha s-soċjetà ta’ madwaru jinjora għalhekk id-distinzjoni li dan il-leġiżlatur xtaq jagħmel bejn l-elementi individwali u l-elementi soċjali tal-identità tal-membri tal-grupp ikkonċernat. |
|
32. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-“identità distinta” tal-grupp, imsemmija fit-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95, tikkostitwixxi, konsegwentement, kundizzjoni li għandha tiġi evalwata mhux b’mod distint u awtonomu meta mqabbel mal-perċezzjoni tas-soċjetà ta’ madwaru, iżda b’rabta magħha ( 12 ). |
|
33. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari. |
|
34. |
Issa, għandhom jiġu eżaminati t-tielet u r-raba’ domanda preliminari, li permezz tagħhom il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-mod kif għandu jiġi evalwat jekk grupp “[huwiex meqjus] bħala differenti mis-soċjeta ta’ madwaru.” |
|
35. |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kunċett ta’ “soċjetà ta’ madwaru”, dan jikkostitwixxi l-qafas ta’ referenza sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “identità distinta” tal-grupp. It-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95 jirreferi manifestament għal spazju kollettiv, jiġifieri għall-ambjent tal-bniedem u soċjali li fih il-membri ta’ dan il-grupp jevolvu. Konsegwentement, il-perċezzjoni tas-soċjetà tal-madwar hija perċezzjoni kollettiva u, sabiex nirrispondi lill-qorti tar-rinviju, naqbel mal-opinjoni tal-Gvern Awstrijak fl-osservazzjonijiet tiegħu, li ma tistax tiġi konfuża mal-perċezzjoni iżolata tal-attur tal-persekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, jew saħansitra mal-perspettiva biss tal-madwar immedjat tal-persuna kkonċernata. |
|
36. |
Il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-portata ġeografika ta’ din is-“soċjetà”, iżda l-leġiżlatur tal-Unjoni jippreċiżaha espressament billi jsemmi s-soċjetà “ta’ madwaru”. Din is-soċjetà tikkorrispondi għalhekk għall-ambjent li fih jevolvu l-membri tal-grupp ikkonċernat. Dan l-ambjent huwa kkostitwit minn strutturi u jħaddan regoli morali, kulturali, soċjali, ekonomiċi, politiċi, reliġjużi u ġuridiċi speċifiċi, li l-funzjonament tagħhom għandu jinftiehem għall-finijiet tal-evalwazzjoni individwali tal-applikazzjoni. Fil-fehma tiegħi, ma hemmx lok li din il-portata ġeografika tiġi ppreċiżata iktar, ħlief sabiex jiġi ddeterminat perimetru bi ksur tal-organizzazzjoni soċjopolitika tal-imsemmija soċjetà u tar-realtajiet tagħha, kemm jekk ikunu kulturali, etniċi, lingwistiċi kif ukoll reliġjużi. Kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja f’ġurisprudenza stabbilita, hija l-awtorità nazzjonali kompetenti li għandha tiddetermina s-“soċjetà ta’ madwaru” li hija rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ grupp soċjali partikolari, peress li din is-soċjetà tista’ tikkoinċidi mal-pajjiż ta’ oriġini kollu tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali jew tkun iktar limitata, pereżempju għal parti mit-territorju jew mill-popolazzjoni ta’ dan il-pajjiż terz ( 13 ). B’hekk, grupp soċjali identifikat bħala grupp li għandu “identità distinta” f’pajjiż partikolari, fis-sens tat-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95, mhux neċessarjament jitqies bħala “grupp soċjali” f’pajjiżi oħra. |
|
37. |
Fit-tieni lok, ir-rikonoxximent ta’ “identità distinta” tal-grupp fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant jimplika li dan il-grupp jiġi “[meqjus]” bħala “differenti” mis-soċjetà ta’ madwaru. |
|
38. |
Nirrileva, qabelxejn, li l-leġiżlatur tal-Unjoni jirreferi għall-kunċett ta’ “perċezzjoni soċjali”, li huwa kunċett differenti minn dak ta’ “aġir soċjali”. Fil-fatt, il-“perċezzjoni” hija l-kapaċità li tippermetti lil organu li jiggwida l-azzjonijiet tiegħu u li jkun jaf l-ambjent tiegħu abbażi tal-informazzjoni pprovduta mis-sensi tiegħu ( 14 ). Il-kunċett ta’ “perċezzjoni soċjali” għalhekk ikopri, skont is-sens komuni tiegħu, il-proċess mentali li permezz tiegħu l-individwi jorganizzaw u jinterpretaw l-impressjonijiet tagħhom sabiex jagħtu sens lill-ambjent tagħhom, u dan indipendentement mill-azzjonijiet li dawn tal-aħħar jistgħu jieħdu ( 15 ). |
|
39. |
Il-kunċett ta’ “differenza” ( 16 ) huwa, min-naħa tiegħu, iddefinit bħala “karattru (differenza) jew assjem ta’ karattri (id-differenza) li jiddistingwu ħaġa minn oħra, esseri minn ieħor” ( 17 ). Għalhekk id-differenza tipprekludi x-xebh ma’ ħaddieħor. Id-differenza tippreżumi, evidentement, l-alterità tal-persuni jew tal-elementi li bejniethom hija stabbilita jew ikkonstatata ( 18 ). It-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95 la jispeċifika n-natura ta’ din id-differenza, peress li din tista’ għalhekk tinsab f’numru ta’ attributi tal-membri tal-grupp ikkonċernat, u lanqas l-importanza tagħha, b’tali mod li d-“differenza” li l-leġiżlatur tal-Unjoni jirreferi għaliha ma tirrigwardax neċessarjament skala ta’ valuri. |
|
40. |
Minn dawn l-elementi niddeduċi li, fil-kuntest tat-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95, il-kundizzjoni dwar l-“identità distinta” ta’ grupp tippreżupponi li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni individwali tal-applikazzjoni, l-awtorità nazzjonali kompetenti tevalwa sa fejn is-soċjetà tal-madwar għandha rappreżentazzjoni jew immaġni tal-grupp ikkonċernat li magħha huma assoċjati opinjoni jew ġudizzju li jiddifferenzjaw jew jiddistingwu lil dan il-grupp mill-bqija tas-soċjetà. |
|
41. |
Din l-evalwazzjoni għandha ssir fid-dawl tal-informazzjoni kollha li hija għandha skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95. Il-perċezzjoni soċjali hija suġġettiva u tiddependi fuq bosta fatturi relatati kemm mal-karatteristiċi tal-grupp ikkonċernat (bħall-apparenza tiegħu, l-attributi fiżiċi tiegħu, il-ġeneru tiegħu, l-oriġini soċjali tiegħu jew ir-rwoli soċjali tiegħu, l-aġir tiegħu, l-attitudnijiet tiegħu, l-opinjonijiet tiegħu, flimkien mal-kapaċitajiet tiegħu, eċċ.) kif ukoll mar-regoli li jirregolaw is-soċjetà ta’ referenza (kemm jekk huma regoli morali, soċjali jew ġuridiċi, kif ukoll regoli kulturali, ekonomiċi, politiċi jew reliġjużi), u l-kombinazzjoni tagħhom f’mument partikolari. Huwa mifhum li l-istess kwalitajiet jew l-istess attributi jistgħu joħolqu impressjonijiet differenti skont iċ-ċirkustanzi u skont l-ambjent li fihom jevolvi l-grupp ta’ persuni kkonċernat ( 19 ). |
|
42. |
Għalkemm, għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jeħtieġx li jintwera li l-grupp huwa ttrattat, iżda biss li huwa pperċepit b’mod differenti mis-soċjetà ta’ madwaru, l-aġir kollu, l-atti kollha jew il-miżuri kollha adottati minħabba l-perċezzjoni soċjali tal-grupp jistgħu madankollu jikkostitwixxu indikazzjonijiet utli sabiex tintwera l-“identità distinta” ta’ dan il-grupp fil-pajjiż ta’ oriġini. Dan huwa s-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija tikkunsidra, fil-fatt, li, għalkemm is-“sħubija fi grupp soċjali partikolari għandha tiġi kkonstatata indipendentement mill-atti ta’ persekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 9 tad-[Direttiva 2011/95], li l-membri ta’ dan il-grupp jistgħu jkunu vittmi tagħhom fil-pajjiż ta’ oriġini” ( 20 ), il-“fatt li diskriminazzjoni jew persekuzzjoni mġarrba minn persuni li għandhom karatteristika komuni tista’ tikkostitwixxi fattur rilevanti meta […] hemm lok li jiġi evalwat jekk il-grupp inkwistjoni jidhirx bħala distint fir-rigward tar-regoli soċjali, morali jew ġuridiċi tal-pajjiż ta’ oriġini inkwistjoni” ( 21 ). |
|
43. |
Peress li l-ugwaljanza hija r-regola u n-nondiskriminazzjoni l-prinċipju, id-differenza tista’ għalhekk tirriżulta fi ksur tal-ugwaljanza u fl-adozzjoni ta’ atti, ta’ miżuri jew ta’ prattiki diskriminatorji fir-rigward tal-grupp. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li, skont iċ-ċirkustanzi prevalenti fil-pajjiż ta’ oriġini, in-nisa jistgħu jiġu pperċepiti b’mod differenti mis-soċjetà ta’ madwarhom u jiġu rrikonoxxuti b’“identità distinta” f’din is-soċjetà minħabba, b’mod partikolari, regoli soċjali, morali jew ġuridiċi li joperaw fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom ( 22 ). Fis-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, X et ( 23 ), barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni kriminali li tirrigwarda speċifikament il-persuni omosesswali tippermetti li jiġi kkonstatat li dawn il-persuni jikkostitwixxu grupp apparti li huwa pperċepit mis-soċjetà ta’ madwaru bħala li huwa differenti ( 24 ). Bl-istess mod, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jikkonstataw il-fatt li grupp ikkonċernat huwa pperċepit b’mod differenti minħabba miżuri ta’ stigmatizzazzjoni jew anki ta’ ostraciżmu diretti kontra l-membri tiegħu, pereżempju l-miżuri ta’ stigmatizzazzjoni tan-nisa żgħażagħ li jirrifjutaw li jissottomettu ruħhom għall-exxissjoni femminili f’komunità fejn tali prattika hija n-norma. Għall-kuntrarju, ma naħsibx li huwa neċessarju li jiġi stabbilit li l-membri tal-grupp ikkonċernat jitwarrbu jew jiġu ostraċizzati mis-soċjetà ta’ madwaru peress li l-kunċett ta’ “differenza” ma jimplikax li dan il-grupp jitpoġġa f’kuntrast mas-soċjetà li fiha jevolvi ( 25 ). |
|
44. |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar is-sħubija f’grupp soċjali partikolari tal-membri ta’ familja mhedda b’vendetta. Fil-fatt, dawn tal-aħħar ma jiġux ipperċepiti b’mo d differenti mis-soċjetà ta’ madwarhom, minn naħa, peress li huwa biss l-attur tal-persekuzzjoni – jiġifieri l-familja “li tagħmel il-vendetta” – kif ukoll il-qraba u l-konoxxenzi tal-familja fil-mira li jkollhom għarfien tal-vendetta imposta fuqha u, min-naħa l-oħra, peress li dan ikun konformi mat-tradizzjoni tal-“Pashtuni” segwita fir-reġjun ta’ oriġini tal-persuna kkonċernata, li tipproċedi għas-soluzzjoni tat-tilwim permezz tal-vendetta. Fi kliem ieħor, il-vendetta tkun mekkaniżmu għas-soluzzjoni ta’ kunflitti ċentrali u mifruxa fis-sistema ġuridika tradizzjonali tal-“Pashtuni”. |
|
45. |
Dawn l-argumenti ma jikkonvinċunix, għaliex, minħabba dan l-approċċ, hemm ir-riskju li jiġi eskluż ir-rikonoxximent tas-sħubija f’grupp soċjali partikolari ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali għas-sempliċi raġuni li l-kodiċi jew il-prattika tradizzjonali li għalihom huma suġġetti jkunu mifruxa fil-pajjiż tagħhom jew fir-reġjun ta’ oriġini tagħhom ( 26 ). |
|
46. |
Tali kunsiderazzjoni teħtieġ evidentement li ssir evalwazzjoni individwali tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li toriġina minn membru tal-familja mhedda, konformement mal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95 ( 27 ). |
|
47. |
F’dan il-kuntest, huwa essenzjali li l-vendetta titqiegħed fis-sistema ġuridika u fit-tradizzjoni tagħha u li tiġi distinta mill-kriminalità komuni jew mill-kriminalità organizzata. |
|
48. |
Il-vendetta, li tfisser “teħid (jew teħid mill-ġdid) tad-demm” jew “tpattija”, hija ddefinita bħala fenomenu sekulari rregolat minn dritt konswetudinarju rrikonoxxut u aċċettat minn ċerti soċjetajiet tradizzjonali bħala dritt koeżistenti b’mod parallel mas-sistema ġuridika fis-seħħ ( 28 ). Għalhekk, huwa rrikonoxxut li l-vendetta tagħmel parti integrali tal-liġijiet konswetudinarji tal-Pashtun li jgħixu fiż-żoni rurali tal-Afganistan (il-“Pashtunwali”) ( 29 ) iżda wkoll is-soċjetajiet li jgħixu fir-reġjuni muntanjużi tat-Tramuntana tal-Albanija (il-“Kanun”) ( 30 ) jew fix-Xlokk tat-Turkija. Fir-rapport ta’ informazzjoni tagħha dwar l-Afganistan ippubblikat fix-xahar ta’ Mejju 2024, l-EUAA tiddistingwi l-vendetta mis-sempliċi tilwima dwar l-artijiet li minnha hija tista’ toriġina ( 31 ). Fil-fatt, il-vendetta teżiġi metodu ta’ soluzzjoni tat-tilwim li jaqa’ fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva, li permezz tagħha l-kastig ta’ qtil jew ta’ insult ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istat, iżda tal-familja, tal-klann, tat-tribù jew tal-grupp etniku tal-parti offiża ( 32 ). Il-vendetta tista’ tissodisfa regoli stretti peress li tista’ tiddefinixxi r-reati kkonċernati u l-kategoriji tal-vittmi li ssir tpattija għalihom. Il-livell li bih din timponi t-tpattija permezz tat-twettiq ta’ atti ta’ vjolenza jew le jvarja skont il-kodiċijiet, skont ir-reġjuni jew it-tribujiet li għalihom dawn tal-aħħar japplikaw u skont l-oriġini tal-vendetta. B’hekk, skont il-“Pashtunwali”, it-twettiq tat-tpattija ma huwiex biss dritt, iżda wkoll dmir, obbligu soċjali, li n-nuqqas ta’ twettiq tiegħu jista’ jwassal, għal min jaħarbu, jirrifjutah jew li jittraskurah, għad-diżunur u saħansitra li jsofri ħsara fuq il-persuna tiegħu. Id-dritt ta’ tpattija jista’ jiġi trażmess minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni ( 33 ). Tradizzjonalment, jiġi eżerċitat fuq kull membru maskili tal-familja f’nisel patrilineari, filwaqt li jitqiesu l-istatus tiegħu u r-responsabbiltajiet li jassumi fi ħdanha ( 34 ). F’dan il-kuntest, il-persekuzzjoni ta’ raġel u ta’ ibnu sa mill-bidu ta’ żgħożitu, għar-raġuni li dan tal-aħħar jappartjeni lill-istess familja tan-nannu tiegħu minn missieru, hija arbitrarja fil-fehma tiegħi daqs il-persekuzzjoni għal raġunijiet marbuta mar-razza jew mar-reliġjon. |
|
49. |
Fl-aħħar nett, vendetta tista’, minħabba prinċipji tad-dritt konswetudinarju li jirregolawha, timplika għall-familja fil-mira miżuri ta’ iżolament jew ta’ konfinament volontarji, li t-tul u l-gravità tagħhom ivarjaw skont il-każijiet ( 35 ). Fl-aktar sitwazzjonijiet serji, dawn il-miżuri jistgħu jirriżultaw li l-iżgħar tfal, speċjalment is-subien, jinħarġu mill-iskola, u jinqata’ d-dħul tal-familja ( 36 ), peress li kull għajnuna mogħtija lill-familja tista’ titqies bħala insult lill-familja l-oħra, bir-riskju li dan iwassal għal vendetta. |
|
50. |
Minn dan jirriżulta li, anki fil-kuntest ta’ soċjetà fejn il-vendetta tikkostitwixxi mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni ta’ kunflitti li għadhom mifruxa, xejn ma jeskludi li, minħabba regoli soċjali u morali li fuqhom hija bbażata din is-soċjetà, il-membri ta’ familja involuta f’vendetta, b’mod partikolari l-membri ta’ sess maskili, jistgħu jiġu pperċepiti b’mod differenti mill-imsemmija soċjetà jew għaliex huma mġiegħla jingħalqu u jiżolaw ruħhom mill-istess soċjetà sabiex jaħarbu t-tpattija, jew għaliex jirrifjutaw li jsalvaw l-unur u r-reputazzjoni tal-familja billi jeżerċitaw dritt ta’ tpattija li dan id-dritt konswetudinarju jobbligahom jeżerċitaw. Barra minn hekk, ċerti awtoritajiet nazzjonali għandhom databases li jirreferu għall-vendetti li għadhom għaddejjin kif ukoll il-familji involuti, u dan juri l-viżibbiltà ta’ dan il-grupp fis-soċjetà ( 37 ). Jingħad ukoll li ċerti pajjiżi adottaw leġiżlazzjonijiet kriminali partikolari billi rrikonoxxew in-natura aggravanti ta’ qtil imwettaq b’rabta ma’ vendetta u jippruvaw, barra minn hekk, irażżnu dan il-fenomenu permezz ta’ miżuri ta’ prevenzjoni u permezz tat-twaqqif ta’ kumitati ta’ rikonċiljazzjoni tal-familji f’tilwim. |
|
51. |
Bla ħsara għal evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari, ma nara l-ebda raġuni li tipprekludi lil awtorità nazzjonali kompetenti milli tikkunsidra li membru, b’mod partikolari ta’ sess maskili, ta’ familja involuta f’vendetta li tkun għaddejja fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jappartjeni lil grupp li għandu l-“identità distinta” tiegħu f’dan il-pajjiż, minħabba regoli li għalihom dan tal-aħħar ikun suġġett skont kodiċi konswetudinarju. Kuntrarjament għat-tħassib li l-Kummissjoni tesponi fl-osservazzjonijiet tagħha, ma naħsibx li tali grupp soċjali huwa identifikat mill-att ta’ persekuzzjoni li għalih ikun espost il-membru tal-familja fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu ( 38 ). |
|
52. |
Fil-fatt, dan il-grupp soċjali huwa identifikat bl-applikazzjoni, fir-rigward tiegħu, ta’ dritt konswetudinarju ġġustifikat minn rabtiet tad-demm u li jimplika mhux biss l-issuġġettar tal-membri ta’ dan il-grupp għal regoli partikolari li jirregolaw il-ħajja tagħhom fis-soċjetà, iżda wkoll l-espożizzjoni tagħhom għal riskju ta’ theddid serju kontra l-persuna tagħhom ( 39 ). |
|
53. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, naħseb li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, skont kundizzjonijiet li jipprevalu fil-pajjiż ta’ oriġini, il-membru ta’ familja involuta f’vendetta għaddejja f’dan il-pajjiż jista’ jitqies li jappartjeni għal “grupp soċjali partikolari”, bħala raġuni għal persekuzzjoni li tista’ twassal għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat. |
|
54. |
Ir-rikonoxximent ta’ dan l-istatus ser jeħtieġ ukoll li jiġi stabbilit li l-atti li għalihom din il-persuna tirriskja li tkun esposta fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha jkunu r-riżultat ta’ atturi mhux statali, fis-sens tal-Artikolu 6(c) tad-Direttiva 2011/95, li jimplika li jintwera li l-atturi tal-protezzjoni, imsemmija fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, fosthom b’mod partikolari l-Istat, ma jistgħux jew ma jridux jagħtu protezzjoni effettiva kontra dawn l-atti ( 40 ). |
|
55. |
Barra minn hekk, ir-rikonoxximent tal-imsemmi status jippreżumi, konformement mal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 6(c) u mal-Artikolu 7(1) tagħha u fid-dawl tal-premessa 29 ta’ din id-direttiva, li tiġi stabbilita rabta jew bejn ir-raġuni ta’ persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1)(d) tal-imsemmija direttiva u l-atti ta’ persekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 9(1) u (2) tagħha, jew inkella bejn din ir-raġuni ta’ persekuzzjoni u l-assenza ta’ protezzjoni kontra tali atti ta’ persekuzzjoni mwettqa minn atturi mhux statali ( 41 ). |
|
56. |
Fl-aħħar nett, ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat ser jeħtieġ li jiġi żgurat li ma jkun hemm ebda raġuni ta’ esklużjoni indirizzata lill-persuna kkonċernata. |
V. Konklużjoni
|
57. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija) kif ġej: L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il‑Franċiż.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.
( 2 ) Skont id-dizzjunarju La Langue française il-kelma “vendetta” hija mislufa mit-Taljan “vendetta”, mil-Latin “vindicta”, u għandha żewġ tifsiriet. Tirreferi kemm għall-animożità ereditarja u qattiela bejn żewġ familji, tipika tar-reġjuni Mediterranji u Balkaniċi, immotivata mix-xewqa ta’ tpattija għal offiżi jew għal delitti mwettqa bejn dawn il-familji, kif ukoll it-tfittxija ta’ tpattija individwali jew kollettiva bl-għan li tissewwa inġustizzja mġarrba jew dannu subit.
( 3 ) Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).
( 4 ) Ara l-pożizzjoni tal-UNHCR dwar l-applikazzjonijiet għal status ta’ rifuġjat skont il-Konvenzjoni (dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951, li daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954, Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 2545, 1954, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”), ibbażati fuq biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba s-sħubija ta’ individwu f’familja jew f’klann involut f’vendetta, tas‑17 ta’ Marzu 2006 (iktar ’il quddiem il-“pożizzjoni tal-UNHCR dwar is-sħubija ta’ individwu f’familja jew f’klann involut f’vendetta”).
( 5 ) Ara EUAA, Country guidance: Afghanistan, Mejju 2024, punt 3.18, intitolat “Individwi involuti f’vendetti u tilwim dwar l-artijiet”.
( 6 ) Ara, bħala eżempju ta’ deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għall-istatus ta’ refuġjat u li tagħti l-protezzjoni sussidjarja, id-deċiżjoni tal-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki, il-Finlandja), tat‑3 ta’ Settembru 2013 (Hehao 13/1012/3); deċiżjonijiet tal-Qorti Nazzjonali tad-Dritt għall-Ażil (Franza), tas‑17 ta’ Diċembru 2009, T. (641626/09000446), u tal‑21 ta’ Diċembru 2009, K. (644277/09003107). Ara, fir-rigward tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, is-sentenzi tal-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju), tad‑9 ta’ Jannar 2014, X, X u X/I (Nru 116642), u tas‑26 ta’ Awwissu 2021, X/V (Mru 259620), u s-sentenzi tal-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (il-Qorti Superjuri (l-Awla tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil)), ir-Renju Unit]), EH (blood feuds) Albania CG [2012] UKUT 00348 (IAC), tas‑16 ta’ Ottubru 2012 (b’mod partikolari l-punti 6 u 7), u Mohammed [N], tal‑25 ta’ Settembru 2020 (PA/04415/2019).
( 7 ) Ara, rispettivament, is-sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2013, X et (C‑199/12 sa C‑201/12, EU:C:2013:720); tas‑16 ta’ Jannar 2024, Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Nisa vittmi ta’ vjolenza domestika) (C‑621/21, EU:C:2024:47), u tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Nisa li jidentifikaw ruħhom mal-valur tal-ugwaljanza bejn is-sessi) (C‑646/21, EU:C:2024:487).
( 8 ) Fil-fatt, għalkemm, fid-dritt tal-Unjoni, żewġ kundizzjonijiet ta’ identifikazzjoni għandhom neċessarjament jiġu ssodisfatti, min-naħa l-oħra, waħda biss minn dawn il-kundizzjonijiet hija biżżejjed skont il-prinċipji gwida dwar il-protezzjoni internazzjonali Nru 2: “Is-sħubija fi grupp soċjali partikolari” fil-kuntest tal-Artikolu 1A(2) tal-Konvenzjoni ta’ [Genève] u/jew il-Protokoll tagħha tal‑1967 dwar l-Istatus tar-Refuġjati, tat‑8 ta’ Lulju 2008 (punti 11 sa 13). Fir-rigward tad-duttrina, ara Goodwin-Gill, G. S., u McAdam, J., The Refugee in International Law it-tielet edizzjoni, Oxford University Press, Oxford, 2007, p. 73; Hathaway, J. C., u Foster, M., “Membership of a Particular Social Group: Discussion Paper no 4 Advanced Refugee Law Workshop International Association of Refugee Law Judges Auckland, New Zeland”, International Journal of Refugee Law Vol. 15, Nru 3, Oxford University Press, Oxford, 2003, p. 477 sa 491; Aleinikoff, T. A., “Protected characterstics and social perceptions: an analysis of the meaning of ‘membership of a particular social group’, Refugee Protection in International Law: UNHCR’s Global Consultations on International Protection Cambridge University Press, Cambridge, 2003, p. 263 sa 311, u T. D. Parish, “Membership in a Particular Social Group under the Refugee Act of 1980: Social Identity and the Legal Concept of the Refugee”, Columbia Law Review Association, Columbia Law Review Association, New York Nru. 4, 1992, p. 923 sa 953.
( 9 ) Din il-pożizzjoni hija kondiviża mill-EUAA fil-Guide sur l’appartenance à un certain groupe social (Gwida fuq is-sħubija fi grupp soċjali partikolari) tagħha, Marzu 2020, p. 13, kif ukoll mill-UNHCR fil-pożizzjoni tiegħu dwar l-sħubija ta’ individwu f’familja jew fi klann involut f’vendetta, punt 18.
( 10 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Nisa li jidentifikaw ruħhom mal-valur tal-ugwaljanza bejn is-sessi) (C‑646/21, EU:C:2024:487, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 11 ) Il-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża taqra kif ġej: “die Gruppe in dem betreffenden Land eine deutlich abgegrenzte Identität hat, da sie von der sie umgebenden Gesellschaft als andersartig betrachtet wird” (korsiv miżjud minni).
( 12 ) Ara, f’dan ir-rigward, EUAA, Guide sur l’appartenance à un certain groupe social (Gwida fuq is-sħubija fi grupp soċjali partikolari) Marzu 2020, b’mod partikolari l-parti intitolata “Analyse juridque” (“Analiżi legali”), Titolu C, dwar l-“identità distinta”, p. 14.
( 13 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Nisa li jidentifikaw ruħhom mal-valur tal-ugwaljanza bejn is-sessi) (C‑646/21, EU:C:2024:487, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 14 ) Ara Bonnet, C., “Les trois étapes de la perception”, Le cerveau et la pensée: le ouvel âge des sciences cognitives, Éditions Sciences Humaines, Auxerre, 2014, p. 213 sa 221.
( 15 ) Ara Girandola, F., Demarque, C., u Lo Monaco, G., “La perception sociale: formation d’impression, stéréotypes, préjugés et discrimination”, Psychologie sociale, Armand Colin, Pariġi, 2019, p. 198 sa 219.
( 16 ) Il-kelma “differenza” ma tintużax fil-verżjoni fil-lingwa Ġermaniża tat-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95, li fiha huwa indikat li l-grupp jitqies mis-soċjetà ta’ madwaru bħala li ma huwiex tal-istess ġeneru/ma huwiex tal-istess natura (“von der sie umgebenden Gesellschaft als andersartig betrachtet wird”), li jwassal għal differenza.
( 17 ) Ara d-dizzjunarju Le Robert.
( 18 ) Skont id-dizzjunarju Tréżor de la langue française, il-kelma “autre” [ħaddieħor] “[p]ermet de distinguer, de différencier, par rapport à une première partie donnée ou connue […] servant de point de référence, une ou plusieurs personnes, un ou plusieurs éléments à l’intérieur d’une seconde partie” (“tippermetti d-distinzjoni, bejn, fir-rigward tal-ewwel parti partikolari jew magħrufa […] li sservi bħala punt ta’ referenza, persuna waħda jew iktar, element wieħed jew iktar ġewwa t-tieni parti”) (traduzzjoni libera).
( 19 ) Għandu jiġi ppreċiżat li l-persekuzzjoni tista’ wkoll, skont il-każ, tinftiehem mill-perspettiva ta’ raġuni oħra għal persekuzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2011/95, bħar-reliġjon jew l-opinjonijiet politiċi.
( 20 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2024, Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Nisa vittmi ta’ vjolenza domestika (C‑621/21, EU:C:2024:47, punt 55).
( 21 ) Ara s‑sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2024, Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Nisa vittmi ta’ vjolenza domestika (C‑621/21, EU:C:2024:47, punt 56).
( 22 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2024, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Nisa li jidentifikaw ruħhom mal-valur tal-ugwaljanza bejn is-sessi) (C‑646/21, EU:C:2024:487, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 23 ) C‑199/12 sa C‑201/12, EU:C:2013:720.
( 24 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, X et (C‑199/12 sa C‑201/12, EU:C:2013:720, punt 48).
( 25 ) Goodwin-Gill, G. S., u McAdam, J., op. cit., p. 85.
( 26 ) Qiegħed naħseb, pereżempju, fin-nisa u fil-bniet li huma suġġetti għal mutilazzjoni ġenitali femminili, li huma prattiki mifruxa ħafna f’ċerti pajjiżi jew reġjuni.
( 27 ) Għal eżempju ta’ evalwazzjoni każ b’każ quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ara d-deċiżjoni ta’ inammissibbiltà tal‑20 ta’ Settembru 2007, Elezaj vs L‑Isvezja (CE:ECHR:2007:0920DEC001765405), dwar il-legalità tat-tkeċċija mill-awtoritajiet Svediżi ta’ ċittadini Albaniżi involuti f’vendetta tal-familja li l-oriġini tagħha tmur lura għas-snin 1950.
( 28 ) Ara Rouland, N., Aux confins du droit: anthropologie juridique de la modernité Éditions Odile Jacob, Pariġi, 1991, b’mod partikolari l-parti intitolata “Le corset du droit de la vengeance ”, p. 84 et seq.
( 29 ) Ara, b’mod partikolari, Acheson, B., The Pashtun Tribes in Afganistan, Pen and Sword Books, Barnsley, 2023, u EUAA, Rapport d’information sur les pays d’origine: Afghanistan – Individus ciblés par les normes sociétales et juridiques (Rapport ta’ informazzjoni dwar il-pajjiżi ta’ oriġini: Afganistan – Individwi li huma fil-mira tar-reġoli tas-soċjetà u dawk ġuridiċi) Diċembru 2017, punt 7 “Vendettas et meurtres commis par vengeance ” (Vendetti u qtil mwettqa għat-tpattija).
( 30 ) Ara, pereżempju, EUAA, Country of Origin Information Report: Albania — Country focus, Novembru 2016, punt 5.3.3; L-Uffiċċju Franċiż għall-Protezzjoni tar-Refuġjati u tal-Persuni Mingħajr Stat (OFPRA), Rapport tal-missjoni fir-Repubblika tal-Albanija mit‑3 sat‑13 ta’ Lulju 2013, 2014 punt 1, u Gjeloshaj Hysaj, K., “La “reprise du sang” chez les Albanais: comment sortir du Moyen-Âge”, Confluences Méditerranée, Vol. 3, p. 62, L’Harmattan, Pariġi.
( 31 ) EUAA, Country guidance: Afghanistan op. cit., b’mod partikolari, il-punt 3.18.1, intitolat “Vendettas”: “Pereżempju, il-membri ta’ familja involuta f’vendetta jista’ jkollhom biża’ fondata ta’ persekuzzjoni minħabba s-sħubija tagħhom fi grupp soċjali partikolari, ibbażata fuq il-karatteristiċi inerenti tagħhom (jiġifieri, ikunu membri tal-familja tagħhom) u minħabba l-fatt li l-familji huma magħrufa u jista’ jkollhom identità distinta fis-soċjetà tal-madwar” (traduzzjoni mhux uffiċjali) (p. 90), u l-punt 3.18.2, intitolat “Tilwim dwar artijiet”: “It-tagħrif disponibbli jindika li, f’każijiet ta’ vjolenza kkawżata f’tilwim dwar artijiet, b’mod ġenerali ma teżisti l-ebda konnessjoni ma’ raġuni għal persekuzzjoni fis-sens tal-Konvenzjoni [ta’ Genève]. Dan huwa bla ħsara għall-każijiet individwali li fihom tista’ tiġi stabbilita rabta abbażi ta’ ċirkustanzi oħra (pereżempju, l-etniċità fid-dawl tal-fatt li t-Talibani jibbażaw fuq l-oriġini etnika tal-persuna, peress li t-tilwima dwar l-artijiet tinvolvi vendetta, eċċ.)” (p. 92) (traduzzjoni mhux uffiċjali).
( 32 ) Ara Ellenberger, H.F., “La vendetta”, Rivista internationale de criminologie et de police technique et scientifique Vol. XXXIV, nru 2, Polymedia, Morges, 1981, p. 125 sa 142, b’mod partikolari p. 125.
( 33 ) Ara Acheson B., op. cit., p. 88 sa 93.
( 34 ) Ara Bardhoshi, N., “De l’anthropologie de la vendetta en temps de ‘crise totale’” Vol. 47, nru 2, Presses Universitaires de France, Pariġi, 2017, p. 331 sa 340. Fil-pożizzjoni tiegħu dwar is-sħubija ta’ individwu f’familja jew klann involut f’vendetta, l-UNHCR jenfasizza, madankollu, li, iktar reċentement, “ġie indikat li n-nisa u t-tfal kienu wkoll fil-mira fil-kuntest ta’ vendetti. Huma jistgħu wkoll jinqatlu jew jindarbu f’każ ta’ attakk fuq membri tal-familja maskili” (punt 3) (traduzzjoni mhux uffiċjali).
( 35 ) Ara EUAA, Country of Origin Information Report: Albania – Country focus Novembru 2016, punt 5.3.3, intitolat “Vittmi ta’ vendetti”: “Effett sekondarju tal-vendetti huwa d-destin tal-familji fil-perikolu li jibqgħu iżolati għal perijodu ta’ żmien pjuttost twil biex tiġi evitata l-vjolenza. Dan jaffettwa wkoll lit-tfal, li ma jistgħux imorru l-iskola. Fl‑2013, kien hemm 67 familja iżolata minħabba vendetti u 33 tifel u tifla, il-biċċa l-kbira fir-reġjuni tat-Tramuntana, li ma setgħux imorru l-iskola għal din ir-raġuni.” (traduzzjoni mhux uffiċjali).
( 36 ) Fil-pożizzjoni tiegħu dwar is-sħubija ta’ individwu f’familja jew f’klann involut f’vendetta, l-UNHCR jenfasizza li “t-tfal jistgħu jinżammu d-dar u jiġu mċaħħda mill-iskola għal perijodi twal, peress li l-familji tagħhom jibżgħu li jinqatlu, jiġu attakkati jew maħtufa. B’hekk, anki jekk l-irġiel ta’ età adulta huma l-mira ewlenija ta’ vendetta, membri oħra tal-familja jistgħu wkoll ikunu f’riskju ta’ mewt jew isofru minn ksur tad-drittijiet tal-bniedem” (punt 3) (traduzzjoni mhux uffiċjali). Ara, fl-istess sens, COI Focus – Albania, Blood FEUD in Contemporary Albania: Characterisation, Prevalence and Response by the State, tal-Kummissarju Ġenerali għar-Refuġjati u l-Persuni Mingħajr Stat (il-Belġju), tad‑29 ta’ Ġunju 2017.
( 37 ) Ara, pereżempju, Third Periodic report submitted by Albania under article 19 of the [UN Convention against torture and other cruel, inhuman or degrading treatment or punishment (il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, adottata fi New York mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl‑10 ta’ Diċembru 1984, Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1465, Nru 24841, 1987, p. 85) 19 ta’ Lulju 2021, tal-Kumitat kontra t-Tortura tan-Nazzjonijiet Uniti, li fih il-Gvern Albaniż indika li 75 familja kienu involuti f’vendetta, li wassal għall-konfinament ta’ 159 persuna, li minnhom hemm 25 tifel u tifla (punt 194).
( 38 ) Infakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sħubija f’ċertu grupp soċjali għandha tiġi kkonstatata indipendentement mill-atti ta’ persekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/95, li l-membri tiegħu jistgħu jkunu vittmi fil-pajjiż ta’ oriġini (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2024, Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Nisa vittmi ta’ vjolenza domestika) (C‑621/21, EU:C:2024:47, punt 55).
( 39 ) B’hekk, fil-pożizzjoni tiegħu dwar is-sħubija ta’ individwu f’familja jew f’klann involuti f’vendetta, l-UNHCR jenfasizza li, “[f]il-każijiet ta’ vendetta, individwu ma jiġix abbużat b’mod każwali; għall-kuntrarju, huwa jew hija huma fil-mira jew jappartjenu għal familja partikolari u abbażi ta’ kodiċi stabbilit għal żmien twil. Meta mqabbla ma’ sitwazzjonijiet oħra fejn persuna tibża’ li tiġi aggredita jew saħansitra maqtula, pereżempju, jekk hija għandha tagħti l-flus jew hija ppersegwita mill-Mafja, il-persuni li jibżgħu li jsofru persekuzzjoni fil-kuntest ta’ vendetti ma humiex koperti minħabba l-azzjonijiet tagħhom stess, iżda minħabba r-responsabbiltajiet meqjusa bħala meħuda minn membri oħra tal-familja (ħajjin jew mejtin). Konsegwentement, huma ma humiex sempliċement vittmi ta’ vendetta iżolata, iżda tal-kodiċi li jirregola din it-tradizzjoni ta’ vendetta” (punt 14) (traduzzjoni mhux uffiċjali).
( 40 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2024, Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Nisa vittmi ta’ vjolenza domestika) (C‑621/21, EU:C:2024:47, punti 64 u 65).
( 41 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2024, Intervyuirasht organ na DAB pri MS (Nisa vittmi ta’ vjolenza domestika) (C‑621/21, EU:C:2024:47, punti 66 sa 69).