Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA

ippreżentati fil‑11 ta’ April 2024 (1)

Kawża C187/23 [Albausy] (i)

E. V. G.-T.

blintervent ta’:

P. T.,

F. T.,

G. T.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Lörrach (il-Qorti Distrettwali ta’ Lörrach, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (UE) Nru 650/2012 —Ħruġ taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni — Oppożizzjoni mressqa fil-proċedura għall-ħruġ”






1.        Ir-Regolament (UE) Nru 650/2012 (2) għandu l-għan li jelimina l-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni li jixtiequ jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom f’suċċessjonijiet causa mortis li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali.

2.        B’dan il-għan, ir-Regolament Nru 650/2012 joħloq għas-suq intern Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (3) u jirregola b’mod dettaljat is-sistema tal-ħruġ u l-effetti tiegħu. Permezz ta’ dan iċ-ċertifikat, l-eredi, il-legatarji, l-eżekuturi ta’ testmenti u l-amministraturi patrimonjali jistgħu faċilment juru l-istatus tagħhom, jew id-drittijiet jew setgħat tagħhom, fi kwalunkwe Stat Membru.

3.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari joriġina mill-fatt li l-konjuġi tal-mejjet, li tqis li hija l-benefiċjarja unika ta’ suċċessjoni testamentarja, titlob lill-awtorità nazzjonali kompetenti l-ħruġ ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. Quddiem din l-istess awtorità, u fl-istess proċedura, it-tifel u n-neputijiet tal-mejjet jopponu l-validità tat-testment ippreżentat. Tqum il-kwistjoni dwar kif din l-oppożizzjoni taffettwa l-ħruġ taċ-ċertifikat.

4.        Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrispondiet domandi preliminari oħra li jirrigwardaw dan it-tip ta’ ċertifikat (4), però l-ebda waħda ma kienet tqajjem id-dubji mqajma f’din il-kawża, li għandha tindirizzahom biss jekk tqis ir-rinviju ammissibbli.

I.      Ilkuntest ġuridiku. Iddritt talUnjoni

A.      IrRegolament Nru 650/2012

5.        L-Artikolu 62 (“Ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni”), fil-paragrafu 1 tiegħu, jipprevedi:

“1.      Dan ir-Regolament joħloq Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (iktar ’il quddiem ‘iċ-Ċertifikat’) li għandu jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor u għandu jipproduċi l-effetti elenkati fl-Artikolu 69”.

6.        L-Artikolu 63 (“Fini taċ-Ċertifikat”), jipprovdi:

“1.       Iċ-Ċertifikat hu għall-użu minn werrieta, legatarji li għandhom drittijiet diretti fis-suċċessjoni u eżekuturi ta’ testmenti jew amministraturi tal-patrimonju li, fi Stat Membru ieħor, jkunu jeħtieġu jinvokaw l-istatus tagħhom jew li jeżerċitaw rispettivament id-drittijiet tagħhom bħala werrieta jew legatarji u/jew is-setgħat tagħhom bħala eżekuturi ta’ testmenti jew amministraturi tal-patrimonju.

2.      Iċ-Ċertifikat jista’ jintuża, b’mod partikolari, biex jiġi muri wieħed jew iżjed minn dawn li ġejjin:

a)      l-istatus u/jew id-drittijiet ta’ kull werriet, jew skont il-każ, ta’ kull legatarju msemmi fiċ-Ċertifikat u s-sehem rispettiv tagħhom tal-patrimonju;

b)      l-attribuzzjoni ta’ ass speċifiku jew assi speċifiċi li jagħmlu parti mill-patrimonju għall-werriet(a), jew skont il-każ, għal-legatarju/i msemmi(ja) fiċ-Ċertifikat;

c)      is-setgħat tal-persuna msemmija fiċ-Ċertifikat biex tkun l-eżekutur jew l-amministratur tal-patrimonju”.

7.        Skont l-Artikolu 64 (“Kompetenza biex jinħareġ iċ-Ċertifikat”):

“Iċ-Ċertifikat għandhu jinħareġ fl-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġuriżdizzjoni skont l-Artikolu 4, l-Artikolu 7, l-Artikolu 10 jew l-Artikolu 11. L-awtorità emittenti għandha tkun:

a)      qorti kif definit fl-Artikolu 3(2); jew

b)      awtorità oħra li, skont il-liġi nazzjonali, għandha kompetenza biex tittratta materji ta’ suċċessjoni”.

8.        Fl-Artikolu 65 (“Applikazzjoni għal Ċertifikat”), il-punt l tal-paragrafu 3 jaqra kif ġej:

“L-applikazzjoni għandu jkun fiha l-informazzjoni elenkata hawn isfel, safejn l-applikant ikun jaf b’din l-informazzjoni u safejn hija tkun meħtieġa sabiex l-awtorità emittenti tkun tista’ tiċċertifika l-elementi li l-applikant irid li jiġu ċertifikati, u għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti rilevanti kollha jew fl-oriġinali jew kopji li jissodisfaw il-kondizzjonijiet neċessarji biex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħhom, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 66(2):

[...]

l)      dikjarazzjoni li tgħid li sa fejn jaf l-applikant, ma hemm l-ebda tilwima pendenti rigward l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati”.

9.        L-Artikolu 66 (“Eżami tal-applikazzjoni”) jindika:

“1.      Meta tirċievi l-applikazzjoni l-awtorità emittenti għandha tivverifika l-informazzjoni u d-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti u evidenza oħra pprovduti mill-applikant. Hija għandha twettaq l-inkjesti meħtieġa għal dik il-verifika minn jeddha fejn dan ikun previst jew awtorizzat mil-liġi tagħha proprja jew għandha tistieden lill-applikant jipprovdi kwalunkwe evidenza oħra li hija tqis meħtieġa.

[...]

4.      L-awtorità emittenti għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tinforma lill-benefiċjarji dwar l-applikazzjoni għal Ċertifikat. Hija għandha, jekk ikun meħtieġ għall-istabbiliment tal-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati, tisma’ lil kwalunkwe persuna involuta u kwalunkwe eżekutur jew amministratur u tagħmel avviżi pubbliċi bil-għan li tingħata l-opportunità lil benefiċjarji possibbli biex jinvokaw id-drittijiet tagħhom.

[...]”.

10.      Skont l-Artikolu 67 (“Ħruġ taċ-Ċertifikat”):

“1.      L-awtorità emittenti għandha toħroġ iċ-Ċertifikat mingħajr dewmien f’konformità mal-proċedura stabbilita f’dan il-Kapitolu meta l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati jkunu ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi. Hija għandha tuża l-formola stabbilita skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 81(2).

L-awtorità emittenti ma għandhiex toħroġ iċ-Ċertifikat b’mod partikolari jekk:

a)      l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati jkunu qed jiġu kkontestati; jew

b)      iċ-Ċertifikat ma jkunx konformi ma deċiżjoni li tkopri l-istess elementi.

[...]”.

11.      L-Artikolu 69 (“Effetti taċ-Ċertifikat”) jistabbilixxi:

“1.      Iċ-Ċertifikat għandu jipproduċi l-effetti tiegħu fl-Istati Membri kollha mingħajr il-ħtiega ta’ xi proċedura speċjali.

2.      Għandu jkun preżunt li ċ-Ċertifikat juri b’mod preċiż elementi li jkunu ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi. Il-persuna msemmija fiċ-Ċertifikat bħala l-werrieta, il-legatarju, l-eżekutur tat-testment jew l-amministratur tal-patrimonju għandha titqies li għandha l-istatus imsemmi fiċ-Ċertifikat u/jew li għandha d-drittijiet jew is-setgħat imsemmijin fiċ-Ċertifikat bl-ebda kondizzjoni u/jew restrizzjoni marbuta ma’ dawk id-drittijiet jew setgħat ħlief minn dawk iddikjarati fiċ-Ċertifikat.

3.      Kwalunkwe persuna li, waqt li taġixxi abbażi tal-informazzjoni ċċertifikata f’Ċertifikat, tagħmel ħlas jew tgħaddi proprjetà lil persuna msemmija fiċ-Ċertifikat kif awtorizzata biex taċċetta ħlas jew proprjetà għandha tiġi meqjusa li għamlet tranżazzjoni ma’ persuna li għandha l-awtorità li taċċetta ħlas jew proprjetà, dment li ma tkunx taf li l-kontenut taċ-Ċertifikat mhux preċiż jew ma tkunx taf b’tali impreċizjoni minħabba negliġenza serja.

4.      Fejn persuna msemmija fiċ-Ċertifikat hija awtorizzata tiddisponi minn proprjetà fis-suċċessjoni tiddisponi minn tali proprjetà favur persuna oħra, dik il-persuna l-oħra għandha, jekk taġixxi fuq il-bażi tal-informazzjoni ċċertifikata fiċ-Ċertifikat, titqies li għamlet tranżazzjoni ma’ persuna bl-awtorità li tiddisponi mill-proprjetà kkonċernata, dment li din ma tkunx taf li l-kontenut taċ-Ċertifikat mhux preċiż jew ma tkunx taf b’tali impreċizjoni minħabba negliġenza serja.

5.      Iċ-Ċertifikat għandu jikkostitwixxi dokument validu għar-reġistrazzjoni ta’ proprjetà tas-suċċessjoni fir-reġistru rilevanti ta’ Stat Membru, mingħajr preġudizzju għall-punti (k) u (l) tal-Artikolu 1(2)”.

B.      IrRegolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014 (5)

12.      L-Artikolu 1(5) jipprovdi:

“Il-formola li trid tintuża għaċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni msemmi fl-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tkun kif stabbilit fl-Anness 5 bħala l-Formola V”.

13.      Fl-aħħar parti tal-Formola V tal-Anness 5 hemm indikat li l-awtorità se tiċċertifika “li, fil-mument tal-istabbiliment taċ-ċertifikat, l-ebda wieħed mill-elementi inklużi fih ma kienu kkontestati mill-benefiċjarji”.

II.    Ilfatti, ilproċedura u ddomandi preliminari

14.      P. T., ċittadin Franċiż u li kellu l-aħħar domiċilju fil-Ġermanja, miet fil‑15 ta’ Settembru 2021.

15.      Fit‑23 ta’ Novembru 2021, E.V.G.-T., mart P. T. fl-epoka tal-mewt tiegħu, talbet lill-Amtsgericht Lörrach (il-Qorti Distrettwali ta’ Lörrach, il-Ġermanja) Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni li fih kellha tidher bħala eredi unika (6).

16.      Għal dan il-għan hija ppreżentat testment, iffirmat bl-idejn miż-żewġ konjuġi, bil-kontenut segwenti:

“Testment konġunt

Aħna, il-konjuġi E. G.‑T., imwielda fi [...] u P. T., imwieled fi [...], it-tnejn residenti [...], niddikjaraw is-segwenti:

1)      Ma aħniex marbutin b’dispożizzjonijiet preċedenti fil-qasam tal-liġi tas-suċċessjoni u ma adottajna ebda dispożizzjoni tas-suċċessjoni. Bħala miżura ta’ prekawzjoni, nirrevokaw id-dispożizzjonijiet kollha li setgħu kienu adottati minna preċedentement unilateralment jew konġuntivament.

2)      Ninnominaw lil xulxin l-uniċi eredi ta’ xulxin. Din in-nomina ta’ eredi hija reċiproka u għandha effett vinkolanti. Barra minn hekk, il-konjuġi superstiti ma huwiex marbut b’din id-dispożizzjoni. Huwa liberu li jorganizza s-suċċessjoni proprja tiegħu, anki qabel il-mewt tal-konjuġi predefunt, però fil-każ biss li jsir il-konjuġi superstiti.

3)      Aħna t-tnejn nirrisjedu fil-Ġermanja u rridu li tapplika l-liġi tas-suċċessjoni Ġermaniża, li nistabbilixxu bħala l-liġi applikabbli fil-kuntest tal-għażla tal-liġi, sa fejn dan ikun ammissibbli. Din id-dispożizzjoni hija reċiproka.

R., fit‑23 ta’ Lulju 2020. E. G.-T. Din hija wkoll il-volontà tiegħi. P. T.”

17.      Huwa paċifiku li jeżisti testment iktar antik, miktub bl-idejn u ffirmat mit-testatur, li kien jipprovdi:

“Jien, P. M. J. T., imwieled fi [...] f’ A., u residenti fi [...] Spanja, nirrevoka d-dispożizzjonijiet testamentarji preċedenti kollha. Niddelega l-kwota disponibbli tal-eredità tiegħi liż-żewġ neputijiet tiegħi, ulied P., N. A. J. T., imwieled fi [...], u J  N. J. T., imwieled fi [...]. Din għandha tinqasam f’partijiet ugwali bejniethom. Ninnomina lit-tifel tiegħi P., u lilu biss, sabiex jorganizza l-funeral tiegħi b’quddiesa Gregorjana u d-difna tiegħi fi [...] Spanja. Magħmul f’A., fil‑31 ta’ Mejju 2001. Dan huwa t-testment tiegħi. P. T.”

18.      E.V.G.-T. tqis ruħha l-unika eredi ta’ P. T. abbażi tat-testment tat‑23 ta’ Lulju 2020. Għall-kuntrarju, it-tifel u n-neputijiet ta’ P. T. jargumentaw li dan it-testment ma huwiex validu, peress li t-testatur ma kienx kapaċi jagħmlu meta ġie redatt u l-firma ma hijiex tiegħu.

19.      Skont il-qorti tar-rinviju, it-testatur kien għadu kapaċi jagħmel testment (7), u li f’dak ippreżentat hemm il-firma tiegħu (8).

20.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Lörrach (il-Qorti Distrettwali ta’ Lörrach) tqis li l-ħruġ taċ-ċertifikat jiddependi mill-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012, u għalhekk issospendiet il-proċedura (9) u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari:

“1)      Il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament [Nru 650/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll kontestazzjonijiet imqajma fil-proċedura għall-ħruġ taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni stess, li ma jistgħux jiġu eżaminati mill-qorti, u li għalhekk ma jkoprix biss kontestazzjonijiet imqajma fi proċeduri differenti?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: Il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ma jistax jinħareġ anki jekk il-kontestazzjonijiet ikunu tqajmu fi proċedura għall-ħruġ ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni iżda jkunu diġà ġew eżaminati fil-proċedura għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ wirt taħt id-dritt Ġermaniż?

3)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: Il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-kontestazzjonijiet kollha, anki jekk ma jkunux ġew issostanzjati u ma tkun ġiet prodotta ebda prova formali tal-fatti invokati?

4)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: B’liema forma għandha l-qorti tagħti r-raġunijiet li wassluha sabiex tiċħad il-kontestazzjonijiet u toħroġ iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni?”

III. Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

21.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Marzu 2023.

22.      Ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub il-Gvern Ġermaniż u dak Spanjol, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea. Dawn kollha, flimkien ma’ E.V.G.-T., dehru fis-seduta li nżammet fil‑31 ta’ Jannar 2024.

IV.    Analiżi

23.      Il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-funzjoni tal-awtorità li toħroġ Ċertifikati Ewropej tas-Suċċessjoni, u dwar il-portata tal-kompetenzi ta’ din l-awtorità, fil-kuntest tal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 650/2012.

A.      Ammissibbiltà tar-rinviju preliminari

24.      Il-Gvern Spanjol isostni li r-rinviju ma huwiex ammissibbli, peress li l-ħruġ ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ma jimplikax l-eżerċizzju ta’ funzjoni ġudizzjarja, kif jeħtieġ l-Artikolu 267 TFUE (10).

25.      L-ammissibbiltà ta’ talba għal deċiżjoni preliminari tiddependi fuq jekk issirx minn “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, li jaġixxu preċiżament fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħhom (11).

26.      Sabiex jiġi stabbilit jekk korp partikolari jissodisfax din il-kundizzjoni doppja, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina, fost fatturi oħra, “n-natura speċifika tal-funzjonijiet li huwa jkun jeżerċita fil-kuntest legali partikolari li fih huwa jkun intalab jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi vverifikat jekk kawża hijiex pendenti quddiem tali organu u jekk dan tal-aħħar huwiex mitlub li jiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedura maħsuba sabiex twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja” (12).

27.      Fl-assenza ta’ dawn ir-rekwiżiti, il-korp tar-rinviju ma jistax jiġi kkunsidrat li jeżerċita funzjoni ġudizzjarja, anki jekk jissodisfa l-bqija ta’ dak stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (13).

28.      L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tista’ tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-indikazzjonijiet li r-Regolament Nru 650/2012 jagħti dwar iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni u l-attività involuta fil-ħruġ tiegħu. Minn dawn l-indikazzjonijiet jista’ jiġi dedott, għar-raġunijiet li ser nispjega iktar ’il quddiem, li l-awtorità li toħroġ ċertifikat b’applikazzjoni tal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 650/2012 ma tadottax, anki jekk tkun qorti, deċiżjoni fi tmiem ta’ proċedura li tiġi konkluża b’deċiżjoni ġudizzjarja.

1.      Skop u effetti taċĊertifikat Ewropew tasSuċċessjoni

29.      Ir-Regolament Nru 650/2012 joħloq Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni u jagħtih sistema uniformi u awtonoma fir-rigward ta’ ċertifikati nazzjonali simili. Din is-sistema hija differenti wkoll minn dik prevista mir-Regolament stess għar-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u atti awtentiċi (14).

30.      Iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jservi lil dawk li, bħala eredi, legatarji, eżekuturi ta’ testmenti jew amministraturi patrimonjali, jeħtieġu li jinvokaw, fi Stat Membru ieħor, dan l-istatus, jew jeżerċitaw id-drittijiet jew is-setgħat tagħhom bħala tali (15). Madankollu, l-użu tiegħu ma huwiex obbligatorju (16).

31.      Sabiex jissodisfa din il-ħtieġa, iċ-ċertifikat jipproduċi l-effetti li ġejjin, identiċi fl-Unjoni kollha (17):

–      Iservi bħala prova (18) tal-elementi li jinkludi (19). Permezz tal-preżentazzjoni taċ-ċertifikat, id-detentur tiegħu jista’ jinvoka d-drittijiet jew setgħat tiegħu fi kwalunkwe Stat Membru, mingħajr il-possibbiltà li jintalab prova addizzjonali. Huwa preżunt li l-istatus indikat fiċ-ċertifikat, kif ukoll id-drittijiet jew is-setgħat espressi fih, huma tali u kif jinsabu fih (20).

–      Jipproteġi lil terzi persuni li jagħmlu tranżazzjonijiet mal-persuni indikati fiċ-ċertifikat u li, abbażi tal-informazzjoni kkonstatata fih, jagħmlu ħlas, jgħaddu proprjetà, jakkwistaw jew jirċievu proprjetà tas-suċċessjoni, “dment li ma [jkunux jafu] li l-kontenut taċ-Ċertifikat mhux preċiż jew ma [jkunux jafu] b’tali impreċizjoni minħabba negliġenza serja” (21).

–      Huwa validu għar-reġistrazzjoni tal-proprjetà tas-suċċessjoni, bil-limiti li jindika r-Regolament Nru 650/2012 stess u li interpretat il-Qorti tal-Ġustizzja (22).

32.      Iċ-ċertifikat ma għandux, fih innifsu, konsegwenzi oħra: b’mod partikolari, ma għandux l-effettività legali vinkolanti ta’ deċiżjoni ġudizzjarja (23). Il-premessa 71 tar-Regolament Nru 650/2012 tiċċara wkoll li ma jgħoddx bħala titolu eżekuttiv.

33.      L-assenza ta’ effettività legali vinkolanti tidher ukoll fis-sistema ta’ ċirkolazzjoni taċ-ċertifikat fi Stati Membri oħra minbarra dak emittenti. Il-Kapitolu VI tar-Regolament Nru 650/2012 ma jistabbilixxix li jista’ jew għandu jiġi “rrikonoxxut” (24). Skont l-Artikolu 69(1) “għandu jipproduċi l-effetti tiegħu” mingħajr ebda proċedura (25). Litteralment, ma hemm ebda raġuni ta’ oppożizzjoni għal din iċ-ċirkolazzjoni (26).

2.      Attività talawtorità li toħroġ iċċertifikat filkuntest talArtikolu 67 tarRegolament Nru 650/2012.

34.      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012, l-awtorità għandha toħroġ iċ-ċertifikat mingħajr dewmien “meta l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati jkunu ġew stabbiliti [...]”. Il-ħruġ iseħħ wara l-eżami (tal-applikazzjoni) li r-Regolament jistabbilixxi fl-Artikolu 66.

35.      Skont din l-aħħar dispożizzjoni, l-awtorità għandha tivverifika l-informazzjoni u d-dikjarazzjonijiet, kif ukoll id-dokumenti u provi oħra prodotti mill-applikant għaċ-ċertifikat (27).

36.      Għal dan il-għan, l-istess Artikolu 66: i) jirreferi għas-setgħat li għandha din l-awtorità, mogħtija mill-ordinament legali tagħha stess (28); ii) jagħtiha oħrajn (29); u iii) jimponilha direttament l-obbligu li tieħu passi li jirrendu pubblika (limitatament għal ċerti destinatarji) l-applikazzjoni għaċ-ċertifikat (30).

37.      B’rabta ma’ dan l-obbligu, l-awtorità għandha “tisma’ lil kwalunkwe persuna involuta u kwalunkwe eżekutur jew amministratur u tagħmel avviżi pubbliċi bil-għan li tingħata l-opportunità lil benefiċjarji possibbli biex jinvokaw id-drittijiet tagħhom”, jekk tqis li dan huwa neċessarju sabiex tikkonferma aspetti li ċ-ċertifikazzjoni tagħhom hija mitluba (31).

38.      Jekk, fit-tmiem tal-eżami ta’ dawn l-elementi kollha, l-awtorità tikkunsidra li l-elementi li ser jiġu inklużi fiċ-ċertifikat ġew stabbiliti, hija għandha toħorġu “mingħajr dewmien”, skont l-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012.

39.      Għall-kuntrarju, jekk l-awtorità emittenti jkollha dubji dwar dawn l-elementi, hija ma għandhiex toħroġ iċ-ċertifikat. Il-kontenut tiegħu ma jkunx ġie stabbilit, u għalhekk ma jkunx jista’ jipproduċi l-effetti previsti fl-Artikolu 69 tar-Regolament. Skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012, dan lanqas għandu jinħareġ jekk l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati jkunu qed jiġu kkontestati (32).

40.      Il-funzjoni tal-awtorità emittenti ma hijiex sempliċement passiva: ma tikkonsistix fil-ġbir ta’ dikjarazzjonijiet ta’ fatti jew espressjonijiet ta’ volontà għal trasferiment mekkaniku f’formola ad hoc. Hija għandha l-obbligu li tikkonferma r-realtà tal-affermazzjonijiet tal-applikant, fid-dawl tal-provi li dan jipproduċi, u jekk ikun il-każ, ta’ informazzjoni oħra li din l-awtorità stess tiġbor jew li tiġi kkomunikata lilha minn persuni oħra interessati fis-suċċessjoni (33).

41.      Mill-banda l-oħra, ma hijiex l-awtorità mitluba ċ-ċertifikat li tiddeċiedi jew tiddetermina d-drittijiet jew setgħat tal-applikanti, jew tal-persuni interessati fis-suċċessjoni, sabiex issolvi l-eventwali tilwim ta’ bejniethom rigward aspetti sostantivi.

42.      Dan peress li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI (“Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni”) tar-Regolament Nru 650/2012 ma jagħtux din il-kompetenza (34) lill-awtoritajiet emittenti nazzjonali taċ-ċertifikat. Fil-kuntest tal-Artikolu 67, ma jistax jitqies li l-ordinamenti legali nazzjonali għandhom il-possibbiltà li, billi jikkumplimentaw dan ir-regolament, jagħtu lil dawn l-awtoritajiet il-funzjoni ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim. Din l-attribuzzjoni, mingħajr l-akkumpanjament tar-regoli proċedurali, tkun inkoerenti mal-volontà li tinħoloq sistema awtonoma u uniformi permezz tal-ħruġ taċ-ċertifikat (35).

43.      Kieku l-awtorità emittenti kellha din il-kompetenza (li tiddeċiedi dwar tilwim), l-attività tagħha tagħti lok għal “deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) u tal-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 650/2012. Madankollu, fuq disinn tal-leġiżlatur tal-Unjoni, iċ-ċertifikat ma għandux il-konsegwenzi legali vinkolanti li huma tipiċi għal deċiżjoni ġudizzjarja.

3.      Paragun ma’ ċertifikati previsti fi strumenti oħra għallkooperazzjoni ġudizzjarja

44.      Iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ma huwiex komparabbli maċ-ċertifikati previsti fi strumenti oħra għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili jew kummerċjali, li fir-rigward tagħhom saru u ġew riżolti rinviji oħra għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ladarba ġew esklużi d-dubji dwar l-ammissibbiltà tagħhom.

45.      Fir-rigward tat-titolu eżekuttiv Ewropew (36), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja bħala titolu eżekuttiv Ewropew jidher, [...] mhux bħala proċedura distinta mill-proċedura ġudizzjarja preċedenti, iżda bħala l-aħħar fażi ta’ din, neċessarju sabiex tiżgura l-effettività sħiħa tagħha, li tippermetti lill-kreditur li jipproċedi għall-irkupru tad-debitu tiegħu” (37).

46.      Iċ-ċertifikazzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja bħala titolu eżekuttiv Ewropew tikkostitwixxi, għalhekk, att ta’ natura ġudizzjarja, u l-qorti nazzjonali responsabbli minnha “għandha s-setgħa li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja” (38).

47.      L-istess japplika għaċ-ċertifikat previst mill-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 (39) li jiżgura ċ-ċirkolazzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja ta’ Stat Membru fi Stati oħrajn. Il-funzjoni tal-korp li joħorġu “tagħmel parti mill-kontinwità tal-proċedura ġudizzjarja preċedenti, billi tiżgura l-effikaċja sħiħa tagħha, sa fejn, fl-assenza ta’ ċertifikazzjoni, deċiżjoni ma tkunx tista’ tiċċirkola liberament fiż-żona ġudizzjarja Ewropea” (40).

48.      Il-proċedura intiża għall-ħruġ ta’ ċertifikat skont l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandha natura ġudizzjarja, b’tali mod li qorti nazzjonali adita fil-kuntest ta’ tali proċedura għandha s-setgħa li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari (41).

49.      Għall-kuntrarju, il-ħruġ taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, kif spjegajt, ma jinkludix eżerċizzju ta’ setgħa ġudizzjarja u lanqas jirriżulta f’deċiżjoni ta’ din in-natura (ġudizzjarja) b’effett legali vinkolanti.

50.      Is-sitwazzjoni ma tinbidilx meta ċ-ċertifikat jinkludi fil-paragrafi tiegħu l-kontenut ta’ deċiżjoni ġudizzjarja (preċedenti) dwar il-mertu tas-suċċessjoni. Anki f’dan il-każ, iċ-ċertifikat ma huwiex fażi oħra tal-proċedura ġudizzjarja li fiha ngħatat id-deċiżjoni dwar il-mertu.

51.      Finalment, iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ma huwiex id-dokument li permezz tiegħu tiġi trażmessa d-deċiżjoni tal-qrati ta’ Stat Membru, bħal passaport għaċ-ċirkolazzjoni fi Stati Membri oħra, għall-finijiet tar-rikonoxximent u jekk ikun il-każ, għall-eżekuzzjoni tagħha. Għal dan il-għan, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda l-attestazzjoni tal-Artikolu 46(3)(b) tar-Regolament Nru 650/2012, flimkien ma’ formola ad hoc (il-formola I, stabbilita fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014) (42).

52.      Fil-qosor, iċ-ċertifikat għandu effetti fl-Istati Membri l-oħra minbarra dak emittenti mingħajr il-ħtieġa ta’ ebda proċedura, u mingħajr il-possibbiltà ta’ oppożizzjoni jew kontroll. Jekk jinkludi d-deċiżjoni mogħtija f’tilwima, din id-deċiżjoni tibbenefika, permezz taċ-ċertifikat, minn sistema ta’ rikonoxximent mhux biss differenti minn dik prevista fil-Kapitolu IV, iżda wkoll ipprivileġġjata, li l-eżistenza parallela tagħha ma hija mħabbra mkien u lanqas għandha tiġi ġġustifikata (43).

4.      Effett talkaratteristiċi taċĊertifikat Ewropew tasSuċċessjoni fuq lammissibbiltà tarrinviju għal deċiżjoni preliminari

53.      L-awtorità li, skont l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 650/2012, toħroġ ċertifikat, tikkonstata ċerti elementi partikolari dwar is-suċċessjoni, ladarba twettaq l-eżami li jimponi fuqha l-Artikolu 66 tal-istess strument.

54.      Il-konvinzjoni tal-awtorità emittenti hija bbażata fuq ir-realtà tal-informazzjoni li jiddikjara l-applikant u fuq il-korrispondenza tagħha mal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni. Però din l-awtorità, kif diġà esponejt, ma għandhiex is-setgħa, f’dan il-kuntest, ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim li jqum fir-rigward tal-mertu tas-suċċessjoni (44).

55.      Ladarba l-awtorità emittenti taċ-ċertifikat ma tistax tagħti drittijiet jew setgħat fi proċedura li twassal għal deċiżjoni li għandha effett legali vinkolanti, hija ma teżerċitax, f’dan il-qasam, funzjonijiet ġudizzjarji (45).

56.      Mingħajr preġudizzju għall-preċedenti, kif jindika l-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 650/2012, il-korp emittenti taċ-ċertifikat jista’ jkun “qorti” fis-sens tal-Artikolu 3(2) u kif ukoll awtorità oħra li, skont id-dritt nazzjonali, għandha kompetenza biex tittratta materji ta’ suċċessjoni (46).

57.      Il-fatt li l-awtorità emittenti taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni tkun, eventwalment, qorti, ma jagħtix lil din tal-aħħar setgħat ġudizzjarji meta toħorġu. Korp ġudizzjarju ta’ Stat Membru jista’ jwettaq, fil-kuntest tal-funzjonijiet strettament ġudizzjarji tiegħu, oħrajn ta’ natura mhux ġudizzjarja. Fil-kuntest ta’ dawn tal-aħħar huwa ma jistax iressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja talbiet għal deċiżjoni preliminari (47).

58.      Ir-riferiment għal din l-awtorità “oħra” jidhirli li jindika li l-ħruġ taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (skont l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 650/2012) ma jinkludix l-eżerċizzju ta’ setgħa ġudizzjarja. Altrimenti l-indikazzjoni separata ta’ din l-awtorità ma tkunx neċessarja, peress li l-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament diġà jikklassifika bħala qrati l-awtoritajiet li formalment ma għandhomx setgħa ġudizzjarja, meta jwettqu l-funzjonijiet ġudizzjarji (48).

59.      Ma għandux iwassal għal konfużjoni l-fatt li l-Artikolu 64 (“Kompetenza biex jinħareġ iċ-Ċertifikat”) tar-Regolament Nru 650/2012 jirreferi għall-Artikoli 4, 7, 10 u 11 tal-istess test. Ir-riferiment għall-kompetenza ma jiddefinixxix in-natura (ġudizzjarja jew le) tal-intervent tal-awtorità emittenti (49): huwa jiċċara biss minn fejn u mingħand min għandu jintalab iċ-ċertifikat (50).

60.      Fl-aħħar nett, din l-opinjoni hija kkorroborata mis-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2023 (51), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument li n-nutara Spanjoli jeżerċitaw prerogattivi ta’ setgħa pubblika bħala qrati għax joħorġu Ċertifikati Ewropej tas-Suċċessjoni (52).

61.      Fid-dawl tal-preċedenti, nikkunsidra li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi ddikjarat inammissibbli. Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ dan, ser nipproponi risposta għad-domandi preliminari li sarulha.

B.      Lewwel domanda preliminari

62.      Il-qorti tar-rinviju hija interessata fl-interpretazzjoni tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012 sabiex tiddetermina, fil-qosor, jekk dan jirreferix għall-kontestazzjonijiet imqajma fi proċedura differenti minn dik tal-ħruġ taċ-ċertifikat, jew jekk jinkludix ukoll dawk li, fil-kuntest tal-applikazzjoni għaċ-ċertifikat stess, isiru minn persuni interessati fis-suċċessjoni. F’dan l-aħħar każ, tixtieq tkun taf jekk hijiex l-awtorità emittenti li għandha teżamina dawn il-kontestazzjonijiet.

63.      Id-domanda preliminari saret f’tilwima li fiha, kif diġà ngħad, it-tifel u n-neputijiet tat-testatur jopponu element ewlieni tas-suċċessjoni (il-validità tat-testment stess). Fil-fehma tiegħi, din l-oppożizzjoni twassal għall-applikazzjoni tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012 u ma huwiex possibbli li jinħareġ iċ-ċertifikat.

64.      Din l-impossibbiltà hija kkorroborata mill-fatt li fil-formola li għandha tintuża għaċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014, l-awtorità emittenti għandha tikkonstata, b’mod obbligatorju, li ebda wieħed mill-elementi tagħha ma kien ikkontestat.

65.      Nammetti li ma tistax tingħata risposta inekwivoka għall-ewwel domanda preliminari abbażi tal-formulazzjoni tat-test biss, peress li ma jippreċiżax l-istanza li quddiemha għandhom jiġu kkontestati l-aspetti li jridu jiġu ċċertifikati (53) u l-verżjonijiet lingwistiċi jawtorizzaw interpretazzjonijiet differenti:

–      uħud jissuġġerixxu li l-kontestazzjoni (oġġezzjoni) tkun pendenti fil-mument li fih jintalab iċ-ċertifikat, li jindika li dan iseħħ fi proċedura oħra (54);

–      oħrajn jagħtu x’jifhem li l-kontestazzjoni tirriżulta mit-talba għaċ-ċertifikat u fl-istess istanza (55).

66.      L-analiżi sistematika titfa’ iktar dawl. Mill-qari konġunt tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) u tal-Artikolu 65(3)(l) tar-Regolament Nru 650/2012 jista’ jiġi dedott li l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tkopri, qabelxejn, it-tilwim imsemmi fl-Artikolu 65, jiġifieri, tilwim pendenti quddiem istanzi oħra (56).

67.      Huwa tal-istess sens il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1), li jkopri deċiżjonijiet barranin għall-proċedura intiża għall-ħruġ taċ-ċertifikat. Wieħed jista’ raġonevolment iqis li dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jinkludu dawk li jaffettwaw l-elementi proprji taċ-ċertifikat tas-suċċessjoni ulterjuri.

68.      Fid-dawl tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012, nimmilita li nikkunsidra li l-punt (a) tat-tieni subparagrafu għandu jinkludi, wkoll, il-kontestazzjonijiet imqajma quddiem l-awtorità emittenti, peress li, inkella, din tkun tista’ toħroġ iċ-ċertifikat u tinkludi elementi “li ma jkunux ġew stabbiliti”, għall-kuntrarju ta’ dak li teħtieġ din id-dispożizzjoni (57).

69.      Il-paragun tal-formulazzjoni tal-Artikolu 65(3)(l) tar-Regolament Nru 650/2012 (li jirreferi għall-ineżistenza ta’ “ebda tilwima pendenti rigward l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati”) ma’ dik tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) li tuża, b’mod ġenerali, termini iktar wiesgħa, jidhirli li huwa argument addizzjonali f’dan l-istess sens (58).

70.      Anki l-iskop tar-Regolament Nru 650/2012, b’mod ġenerali, u dak taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, b’mod partikolari, isostnu interpretazzjoni tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) li tinkludi l-kontestazzjonijiet imqajma matul il-proċedura intiża għall-ħruġ taċ-ċertifikat.

71.      Iċ-ċertifikat jinħoloq bil-għan li jippromwovi r-riżoluzzjoni ta’ “suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali [...] b’mod rapidu, mingħajr xkiel u effettiv” (59). B’dan il-mod, jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni ta’ “ostakoli għall-moviment liberu ta’ persuni li llum il-ġurnata jiġu affaċċjati b’diffikultajiet biex jimplimentaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni li għandha implikazzjonijiet transkonfinali” (60).

72.      Sabiex jilħaq dawn l-għanijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni jagħti liċ-ċertifikat l-effetti legali deskritti preċedentement, li japplikaw fi Stati Membri oħra minbarra dak emittenti mingħajr issuġġettar għal xi proċedura jew kontroll.

73.      Fl-opinjoni tiegħi, in-natura ta’ dawn l-effetti, li ma humiex marbutin biss mal-iffaċilitar lill-persuni direttament interessati ta’ azzjonijiet dwar suċċessjoni transkonfinali, iżda wkoll mal-protezzjoni ta’ terzi u ċ-ċertezza tat-tranżazzjonijiet legali fl-Unjoni kollha, tipprekludi interpretazzjoni tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012 li tillimitah għat-tilwim pendenti fil-kuntest tal-proċedura miftuħa għall-ħruġ taċ-ċertifikat.

74.      Għaldaqstant, il-kwistjoni ma hijiex dwar il-possibbiltà li l-awtorità mitluba tapplika l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 650/2012 tistax teżamina l-kontestazzjonijiet imqajma minn benefiċjarji eventwali oħra tas-suċċessjoni (61), iżda, pjuttost, dwar x’għandha tagħmel meta dawn il-kontestazzjonijiet ikunu ta’ natura li, fir-realtà, jikkontestaw elementi essenzjali tas-suċċessjoni (bħal f’dan il-każ, fejn eredi eventwali oħra jikkontestaw il-validità tat-testment olografiku li fuqu hija bbażata l-applikazzjoni għaċ-ċertifikat).

75.      Diġà esponejt li, f’din l-ipoteżi, l-awtorità nazzjonali, sempliċement, ma tistax toħroġ iċ-ċertifikat (62). Insostni li l-istess soluzzjoni tirriżulta mill-kontenut tal-Formola V prevista fl-Anness 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014, li fiha l-awtorità emittenti għandha tiddikjara li ebda wieħed mill-elementi taċ-ċertifikat ma kien ikkontestat.

76.      L-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 650/2012 jipprovdi li, fil-kuntest tal-verifiki previsti għall-ħruġ taċ-ċertifikat, l-awtorità emittenti li hija mitluba toħorġu ser tinforma lill-persuni partikolari dwar l-applikazzjoni, u tismagħhom, jekk tqis li huwa neċessarju sabiex tistabbilixxi dak li għandu jiġi ċċertifikat minnha.

77.      Jekk l-għażla li tisma’ lil dawn il-persuni interessati tirriżulta fiċ-ċaħda min-naħa tagħhom (bħal f’dan il-każ) tal-validità ta’ element bażiku taċ-ċertifikat, l-awtorità emittenti ma tkunx tista’ tipproċedi bil-ħruġ tiegħu. Loġikament, u kif ser nispjega fl-analiżi tat-tielet domanda preliminari, din iċ-ċaħda għandu jkollha ċerta bażi sabiex tipproduċi l-effett ta’ ostakolu previst fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012 (63).

C.      Ittieni domanda preliminari

78.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-awtorità emittenti tistax toħroġ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni “anki jekk il-kontestazzjonijiet ikunu tqajmu fi proċedura għall-ħruġ ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni iżda jkunu diġà ġew eżaminati fil-proċedura għall-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ wirt taħt id-dritt Ġermaniż?”.

79.      Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta toħroġ mill-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012, li jipprojbixxi l-ħruġ ta’ ċertifikat jekk “ma jkunx konformi ma deċiżjoni li tkopri l-istess elementi [li ser ikunu ċċertifikati]”.

80.      Skont din id-dispożizzjoni, l-awtorità kompetenti tiċħad it-talba għal ċertifikat jekk fih ikollha tinkludi dikjarazzjonijiet inkompatibbli ma’ dak deċiż jew iddikjarat f’deċiżjoni preċedenti. Għall-kuntrarju, jekk ma jkunx hemm din l-inkompatibbiltà, id-deċiżjoni preċedenti ma tkunx ta’ ostakolu għall-ħruġ taċ-ċertifikat (64).

81.      Fid-dawl tal-kontenut ċar tar-regola, kif ukoll il-pożizzjoni sistematika tagħha, id-“deċiżjoni” li għaliha jirreferi l-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012 hija att li l-kontenut tiegħu huwa impost, b’mod forzat, fuq dik l-awtorità (65). Fi kliem ieħor, l-awtorità emittenti ma tistax tmur kontra l-elementi, relatati mal-kontenut taċ-ċertifikat, li diġà ġew deċiżi f’deċiżjoni preċedenti li taffettwa dawn l-istess elementi.

82.      Id-deċiżjoni li għaliha tirreferi din id-dispożizzjoni tipprevali, konsegwentement, fuq il-ġudizzju tal-awtorità emittenti fir-rigward tal-aspetti li għandha tinkludi fiċ-ċertifikat.

83.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni jsostnu li d-deċiżjoni msemmija fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012 għandha tkun finali skont id-dritt nazzjonali (66).

84.      Il-ħtieġa ta’ natura definittiva ma tirriżultax espressament mill-imsemmija dispożizzjoni. Madankollu, naħseb li tista’ tiġi dedotta minn fatturi oħra:

–      mill-punt (a) tal-istess artikolu, li jipprojbixxi l-ħruġ taċ-ċertifikat dwar elementi li huma kkontestati; u

–      mir-rekwiżit previst fl-Artikolu 65(3)(l) li jiġi ddikjarat, fl-applikazzjoni għaċ-ċertifikat, li ma hemmx tilwim pendenti dwar aspetti li hija mitluba ċ-ċertifikazzjoni tagħhom.

85.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, f’din il-kawża, il-proċedura għall-ħruġ taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni tistax tirriżulta f’“deċiżjoni” skont il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012 (67).

D.      Ittielet domanda preliminari

86.      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun affermattiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk hux kull kontestazzjoni, inkluż dik mhux sostanzjata, tiġġustifika r-rifjut li jinħareġ iċ-ċertifikat fid-dawl tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012.

87.      Din l-aħħar dispożizzjoni hija siekta fir-rigward tan-natura ta’ dawk il-kontestazzjonijiet. Għalhekk, jiġi dedott, li bħala prinċipju, l-awtorità emittenti għandha tevalwa kull kontestazzjoni tal-elementi taċ-ċertifikat min-naħa tal-persuni interessati jew benefiċjarji tas-suċċessjoni.

88.      Issa, jekk il-kontestazzjoni ma tkunx ibbażata fuq ebda bażi serja u għalhekk hija nieqsa minn kwalunkwe saħħa ta’ konvinzjoni skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, huwa diffiċli li din tipprekludi lill-awtorità emittenti milli tistabbilixxi l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati, fis-sens tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012.

89.      Ir-rifjut li jinħareġ id-dokument minħabba kontestazzjoni, mingħajr ebda argument minimu, ta’ element essenzjali taċ-ċertifikat, jista’ jfixkel il-proċedura mingħajr raġuni reali, u jċaħħad indebitament lill-eredi, legatarji, eżekuturi ta’ testmenti jew amministraturi patrimonjali minn strument effikaċi fir-riżoluzzjoni ta’ suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali.

90.      Mill-banda l-oħra, il-kontestazzjoni tista’ tkun xierqa sabiex tissuġġerixxi lil din l-awtorità r-rilevanza ta’ investigazzjonijiet ulterjuri, skont l-Artikolu 66(1) tal-istess regolament, għar-ratifika tal-informazzjoni u dikjarazzjonijiet tal-applikant. Jekk dan huwiex il-każ, jista’ jiġi kkonstatat biss fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ individwali.

E.      Irraba’ domanda preliminari

91.      Il-qorti tar-rinviju tagħmel ir-raba’ domanda preliminari tagħha fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun negattiva. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, b’konformità ma’ dak li nipproponi, tagħti risposta affermattiva lill-ewwel domanda, ma jkunx hemm lok li tagħti deċiżjoni fuq ir-raba’ waħda. Ser nindirizza, fi kwalunkwe każ, l-analiżi ta’ din tal-aħħar.

92.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf b’liema forma għandha tagħti r-raġunijiet li jwassluha tiċħad il-kontestazzjonijiet u toħroġ iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.

93.      Infakkar li l-awtorità emittenti għandha tuża b’mod obbligatorju l-Formola V prevista fl-Anness 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014 (68). L-użu ta’ din il-formola jippermetti li ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni maħruġ fi Stat Membru jkun identifikat immedjatament bħala tali f’kull Stat Membru ieħor.

94.      L-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 650/2012 jistabbilixxi l-informazzjoni li, imqiegħda fil-paragrafi korrispondenti tal-formola, għandha tidher fiċ-ċertifikat innifsu. Il-kontenut tiegħu jista’ jvarja skont l-għanijiet li għalihom jinħareġ (69).

95.      Il-formola V ma tipprevedix l-indikazzjoni tar-raġunament li abbażi tiegħu l-awtorità emittenti tikkunsidra li dak li hija tiċċertifika ġie stabbilit. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma qiesx essenzjali li ċ-ċertifikat jagħti dan ir-raġunament sabiex jissodisfa l-għan tiegħu (70).

96.      L-eredi, il-legatarju, l-amministratur jew l-eżekutur tal-patrimonju li jinqdew biċ-ċertifikat ma għandhom (u lanqas jistgħu, fir-realtà) (71) jannettu ebda dokument ieħor mal-formola (72).

97.      Din is-sistema hija koerenti mal-attività preċedenti għaċ-ċertifikat, u mal-effetti li dan jipproduċi fil-kuntest tal-ġestjoni ta’ suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali. B’applikazzjoni tal-Artikoli 66 u 67 tar-Regolament Nru 650/2012, l-awtorità emittenti ma tiddeċidix dwar il-mertu tas-suċċessjoni, iżda tadotta deċiżjoni mmotivata li hija tinkludi fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni għar-rikonoxximent tagħha fl-Istati Membri l-oħra (73).

V.      Konklużjoni

98.      Fid-dawl tal-preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara inammissibbli t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Lörrach (il-Qorti Distrettwali ta’ Lörrach, il-Ġermanja).

Sussidjarjament, nipproponi li r-risposta lil din il-qorti tkun f’dan is-sens:

“Il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

L-awtorità li hija mitluba toħroġ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni għandha tevalwa l-kontestazzjonijiet imqajma fil-proċedura għall-ħruġ mill-persuni interessati fis-suċċessjoni, sabiex tistabbilixxi l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati.

Iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ma jistax jinħareġ jekk jinkludi elementi li jirriżultaw li ma humiex konformi ma’ deċiżjoni finali preċedenti.

Iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ma jistax jinħareġ meta fil-proċedura intiża għall-ħruġ tiegħu jiġi kkontestat element ewlieni tas-suċċessjoni stess, bħall-validità ta’ testment, jekk din il-kontestazzjoni tkun minimament fondata skont il-liġi applikabbli.

Fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, l-awtorità emittenti ma hijiex obbligata tagħti r-raġunijiet li wassluha toħorġu”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa isem fittizju. Ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-kawża.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107, rettifika fil-ĠU 2012, L 344, p. 3 u fil-ĠU 2013, L 60, p. 140). Ir-Regolament Nru 650//2012 ma japplikax fl-Irlanda u fid-Danimarka: f’dawn il-konklużjonijiet ir-riferiment għall-“Istati Membri” għandu jinftiehem li jeskludi dawn iż-żewġ pajjiżi.


3      Iktar ’il quddiem, ser nirreferi għalih ukoll bħala ċ-“ċertifikat” meta ma jkunx neċessarju li jiġi distint minn dokumenti oħra li jservu għaċ-ċertifikazzjoni.


4      Sentenzi tal‑1 ta’ Marzu 2018, Mahnkopf (C‑558/16, EU:C:2018:138); tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Oberle (C‑20/17, EU:C:2018:485); tas‑17 ta’ Jannar 2019, Brisch (C‑102/18, EU:C:2019:34); tal‑1 ta’ Lulju 2021, Vorarlberger Landes- und Hypothekenbank (C‑301/20, EU:C:2021:528); tad‑9 ta’ Marzu 2023, Registrų centras (C‑354/21, EU:C:2023:184; iktar ’il quddiem, is-sentenza “Registrų centras”).


5      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) tad‑9 ta’ Diċembru 2014 li jistabbilixxi l-Formoli msemmija fir-Regolament [Nru 650/2012] (ĠU 2014, L 359, p. 30, rettifika fil-ĠU 2016, L 9, p. 14).


6      Waqt is-seduta, ir-rappreżentant ta’ E.V.G.-T. spjega li s-suċċessjoni tinkludi beni immobbli u kontijiet bankarji fil-Ġermanja u fi Stati Membri oħra.


7      Skont il-qorti tar-rinviju, it-tifel u n-neputijiet ta’ P. T. jallegaw biss li t-testatur kien ikun konfuż minn żmien għal żmien, li ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi preżunta l-inkapaċità li jagħmel testment, jew sabiex din il-kontestazzjoni tiġi eżaminata b’investigazzjoni iktar dettaljata. Sabiex isir dan, kellhom jipprovdu informazzjoni konkreta tali li tista’ turi difetti li jippreġudikaw il-volontà sal-punt li t-testatur ma baqax jifhem it-tifsira u l-konsegwenzi ta’ testment.


8      Quddiem il-qorti tar-rinviju ġew ippreżentati diversi firem tat-testatur: waħda biss, tal‑1956 kienet differenti. Dawk kollha sussegwenti għal din is-sena jikkorrispondu għal dik li tinsab fit-testment.


9      Ir-rappreżentant legali ta’ E.V.G.-T. kien iddikjara li jekk tiġi sospiża l-proċedura, huwa kien ser jippreżenta applikazzjoni għal ċertifikat tas-suċċessjoni nazzjonali. Il-kontestazzjonijiet tal-eventwali benefiċjarji l-oħra tas-suċċessjoni jiġu eżaminati mbagħad skont id-dritt nazzjonali. Dan il-fatt jispjega t-tieni domanda tar-rinviju preliminari li, fid-data li fiha ġiet ippreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja, kienet għadha ipotetika. Waqt is-seduta, ġie kkonfermat li din l-applikazzjoni kienet saret, li ebda kontestazzjonijiet ma saru waqt il-proċedura, u li l-ħruġ taċ-ċertifikat nazzjonali seħħ fl‑24 ta’ Lulju 2023.


10      Paragrafu 10 et seq. tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu. Waqt is-seduta, il-Gvern Ġermaniż argumenta li d-domanda hija ammissibbli, filwaqt li enfasizza t-tendenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 267 TFUE. Insostenn tat-teżi tiegħu, huwa bbaża ruħu wkoll fuq is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, RK (Rikonoxximent) (C‑422/20, EU:C:2021:718). Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni indikat li r-risposta tiddependi fuq il-kompetenzi li l-ordinamenti nazzjonali jagħtu lill-awtoritajiet responsabbli mill-ħruġ taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. Ser nesponi l-opinjoni tiegħi dwar dawn il-pożizzjonijiet fil-punti li ġejjin; ara, b’mod partikolari, in-noti ta’ qiegħ il-paġna 17, 23 u 49.


11      Ara l-punt 57 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-qasam tas-suċċessjoni, speċifikament, id-digriet tal‑1 ta’ Settembru 2021, OKR (Domanda preliminari mressqa minn nutar) (C‑387/20, EU:C:2021:751, punt 21).


12      Digriet tal‑1 ta’ Settembru 2021, OKR (Domanda preliminari mressqa minn nutar) (C‑387/20, EU:C:2021:751, punt 23).


13      Ibidem, punt 24, bi kwotazzjonijiet oħra.


14      Sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Oberle (C‑20/17, EU:C:2018:485, punt 46), u Registrų centras, punt 40. Iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni lanqas ma huwa l-istess bħaċ-ċertifikati li, f’regolamenti oħra għall-kooperazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali, jakkumpanjaw id-deċiżjonijiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru għall-finijiet ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni fi Stat ieħor: infra, punti 44 et seq.


15      Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 650/2012.


16      Artikolu 62(2) tar-Regolament Nru 650/2012.


17      Kemm in-natura ta’ dawn l-effetti, kif ukoll l-identiċità tagħhom f’kull Stat Membru, jimponu li tiġi miċħuda l-interpretazzjoni magħmula mill-Kummissjoni waqt is-seduta fir-rigward tal-ammissibbiltà tad-domanda preliminari, li rriproduċejt iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 10. Jekk din tiġi aċċettata jkun ifisser li ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jkollu effetti differenti skont l-Istat Membru emittenti, u li, eventwalment, tali effetti jkunu bħal dawk ta’ deċiżjoni ġudizzjarja. Xejn minn dan ma jsib bażi fir-Regolament Nru 650/2012; anzi, huwa kontradittorju għall-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li joħloq sistema uniformi permezz għaċ-ċertifikat.


18      Artikoli 63 u 69(2) tar-Regolament Nru 650/2012. Il-premessa 71 tiegħu tikklassifika din il-prova bħala “preċiż[a]”; verżjonijiet lingwistiċi oħra jinkludu aġġettiv korrispondenti fl-Artikolu 69(2) ukoll. Ir-Regolament jinkludi regoli dwar ir-rettifika, modifika jew irtirar taċ-ċertifikat, kif ukoll għall-kontestazzjoni tad-deċiżjoni tal-ħruġ tiegħu (jew tan-nuqqas ta’ ħruġ tiegħu). Madankollu, ma jindikax il-mezzi xierqa għall-konfutazzjoni tal-preżunzjoni ta’ eżattezza assoċjata mad-dokument. Ara, iktar ’il quddiem, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 20.


19      Bl-ambitu materjali indikat fil-premessa 71 tiegħu.


20      Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 650/2012. Huwa possibbli li jiġi kkontestat ċertifikat minħabba żbalji materjali, jew għaliex jiċċertifika fatti li l-verità tagħhom hija kkontestata, fl-Istat ta’ oriġini tad-dokument, quddiem l-istanzi li r-Regolament stess jindika fl-Artikoli 71 u 72. Din iċ-ċentralizzazzjoni tiżgura l-uniformità tat-trattament ta’ kull Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. Infakkar li huwa stess, bħala tali, ma jiċċirkolax: jinżamm mill-awtorità emittenti, li toħroġ kopji awtentiċi u jekk ikun il-każ tinforma lill-persuni li nħarġulhom dawn il-kopji bin-nuqqas ta’ konformità mal-oriġinal (Artikolu 70(1) u Artikolu 71(3) tar-Regolament Nru 650/2012).


21      Artikolu 69(3) u (4) tar-Regolament Nru 650/2012.


22      Artikolu 69(5); u s-sentenza Registrų centras.


23      L-assenza ta’ din il-karatteristika għandha tkun argument suffiċjenti sabiex tiġi kkontestata l-pożizzjoni tal-Gvern Ġermaniż sostnuta waqt is-seduta, fejn huwa stess ammetta l-ħtieġa, skont l-Artikolu 267 TFUE, li l-azzjoni tal-qorti tar-rinviju għandha twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja.


24      Ara l-Kapitolu IV dwar id-“deċiżjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012. Fl-istrumenti Ewropej għall-kooperazzjoni ġudizzjarja, il-kelma “rikonoxximent” hija rriżervata għall-effetti legali vinkolanti ta’ deċiżjonijiet ta’ natura ġudizzjarja [u fil-qasam speċifiku tal-kriżijiet matrimonjali, għal ċerti dokumenti pubbliċi u ftehimiet: ara l-Kapitolu IV tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal‑25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri (riformulazzjoni) (ĠU 2019, L 178, p. 1); sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2022, Senatsverwaltung für Inneres und Sport (C‑646/20, EU:C:2022:879)].


25      Lanqas ma huwa “aċċettat”, kif meħtieġ skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 650/2012, għad-dokumenti pubbliċi ta’ Stat Membru li s-saħħa probatorja tagħhom tiġi invokata fi Stat Membru ieħor. L-unità tas-sistema u tal-effetti taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni tirrendi mhux neċessarja din l-“aċċettazzjoni”, li tapplika għal strumenti oħra.


26      Lanqas il-kontradizzjoni manifesta mal-ordni pubbliku tal-Istat Membru fejn jiġi ppreżentat iċ-ċertifikat.


27      Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 650/2012. Skont l-Artikoli 65 u 68 ta’ dan ir-regolament, il-verifika tirrigwarda, minn naħa, sempliċi informazzjoni jew fatti relatati mad-deċedut, l-applikant jew benefiċjarji oħra; ara l-punti (e), (f) u (h) tal-Artikolu 68 tal-istess regolament. Elementi oħra taċ-ċertifikat jeħtieġu sillogiżmu, sabiex jiġi vverifikat, pereżempju, li d-dritt jew is-setgħa li jafferma l-applikant huwa, effettivament, il-konsegwenza prevista mil-liġi applikabbli.


28      Artikolu 66(1) u (3) tar-Regolament Nru 650/2012.


29      Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 650/2012.


30      Artikolu 66(4) tar-Regolament Nru 650/2012.


31      Loc. ult. cit. Ir-raġuni u l-iskop ta’ dan is-“smigħ” huma, b’mod ċar, limitati.


32      Dwar it-tifsira tal-kelma “kkontestati” fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012, li tvarja fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti, ara l-punti 62 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


33      Dwar dak li tinvolvi din l-attività, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


34      U lanqas l-apparat proċedurali neċessarju. Qabbel ir-regoli “proċedurali” u l-garanziji “proċesswali” għall-ħruġ taċ-ċertifikat (b’mod partikolari, l-Artikolu 66(4) tar-Regolament Nru 650/2012) ma’ dawk ta’ regolamenti oħra, bħar-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ĠU 2007, L 199, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 141, p. 118), jew ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU 2006, L 399, p. 1).


35      Li huwa dak li jiġġustifika s-sistema attiva ta’ ċirkolazzjoni tiegħu bejn l-Istati Membri.


36      Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati (ĠU 2004, L 143, p. 15).


37      Sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Pebros Servizi (C‑511/14, EU:C:2016:448, punt 29).


38      Loc. ult. cit., punt 30.


39      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni) (ĠU 2012, L 351, p. 1).


40      Sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Gradbeništvo Korana (C‑579/17, EU:C:2019:162, punt 39) u tal‑4 ta’ Settembru 2019, Salvoni (C‑347/18, EU:C:2019:661, punt 30).


41      Sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Gradbeništvo Korana (C‑579/17, EU:C:2019:162, punt 41) u tal‑4 ta’ Settembru 2019, Salvoni (C‑347/18, EU:C:2019:661, punt 31).


42      Skont l-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 650/2012, mhux neċessarju li d-deċiżjoni barranija tkun akkumpanjata mill-attestazzjoni tal-Artikolu 46(3): l-awtorità li tintalab l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni tista’ taċċetta dokumenti oħra u anki tgħaddi mingħajrhom. Fid-dawl tal-informazzjoni li skont il-formola ta’ użu mandatorju għandu jinkludi Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, il-kapaċità tiegħu li jissostitwixxi l-attestazzjoni l-oħra hija improbabbli.


43      Regolamenti li jipprevedu sistema ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet mingħajr proċedura intermedjarja, u mingħajr ma tkun tista’ tiġi kkontestata ċ-ċirkolazzjoni tad-deċiżjoni, jiżguraw l-osservanza tad-dritt ta’ difiża billi jistabbilixxu huma stess garanziji proċesswali minimi, li ma jeżistux fir-Regolament Nru 650/2012 għall-produzzjoni taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni: ara pereżempju, dawk tar-Regolamenti ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


44      Dan ifisser, fir-rigward tal-elementi li hija għandha tiċċertifika jew kwistjonijiet oħra strettament relatati, bħal, f’dan il-każ, l-allegata invalidità tat-testment minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità tat-testatur jew l-iffalsifikar tal-firma tiegħu.


45      Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, WB (C‑658/17, EU:C:2019:444, punt 55): “[…] Sabiex awtorità titqies, fir-rigward tan-natura speċifika tal-attività li hija teżerċita, bħala li teżerċita funzjoni ġudizzjarja, din għandha tingħata d-dritt li tiddeċiedi fuq eventwali tilwima [...]”.


46      L-Istati Membri jistgħu jafdaw il-ħruġ ta’ Ċertifikati Ewropej tas-Suċċessjoni lill-korpi ġudizzjarji ta’ natura ġenerali, u skont id-dispożizzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 72(2) tar-Regolament Nru 650/2012, jiġifieri, permezz ta’ rikors kontra r-rifjut tal-awtorità emittenti li toħroġ ċertifikat skont l-Artikolu 67, il-konklużjoni li dan ir-rifjut ma kienx iġġustifikat. Iċ-ċertifikat maħruġ minn korp ġudizzjarju waqt it-trattazzjoni tar-rikors ma għandux jitħawwad ma’ din id-deċiżjoni.


47      Hekk ikkonfermat il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari magħmul minn korpi ġudizzjarji Awstrijaċi li kienu qegħdin jeżaminaw applikazzjoni għal reġistrazzjoni fir-Reġistru tal-Proprjetà ta’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ beni immobbli, (sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2001, Salzmann (C‑178/99, EU:C:2001:331)) jew jiddeċiedu dwar l-obbligi ta’ pubblikazzjoni tal-kontijiet annwali u tar-rapport annwali (sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2002, Lutz et (C‑182/00, EU:C:2002:19)). Fl-istess sens, fir-rigward tal-attività tal-qrati Taljani dwar il-klassifikazzjoni tal-istatus ta’ assoċazzjoni ta’ kumpannija (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 1995, Job Centre (C‑111/94, EU:C:1995:340)) jew tal-applikazzjoni għal integrazzjoni ta’ kreditu fil-passiv (sentenza tad‑19 ta’ April 2012, Grillo Star Fallimento (C‑443/09, EU:C:2012:213)). Fir-rigward tal-qrati Ġermaniżi, lanqas dawn ma jeżerċitaw funzjoni ġudizzjarja meta jiddeċiedu dwar il-ħatra ta’ likwidatur addizzjonali tal-patrimonju (digriet tat‑12 ta’ Jannar 2010, Amiraike Berlin (C‑497/08, EU:C:2010:5)) jew dwar ir-reġistrazzjoni fir-Reġistru Kummerċjali ta’ trasferiment tas-sede (digriet tal‑10 ta’ Lulju 2001, HSB-Wohnbau (C‑86/00, EU:C:2001:394)).


48      Ara l-premessa 20 tar-Regolament Nru 650/2012 u s-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019, WB (C‑658/17, EU:C:2019:444, punt 53).


49      Fis-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, RK (Rikonoxximent) (C‑422/20, EU:C:2021:718), il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 650/2012 f’każ li l-isfond tiegħu kien l-(in)kompetenza tal-qrati Ġermaniżi sabiex joħorġu dikjarazzjoni ta’ eredi, u forsi Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni wkoll. Waqt is-seduta, il-Gvern Ġermaniż irrefera għall-punt 37 ta’ din is-sentenza sabiex isostni li l-awtorità Ġermaniża li toħroġ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni hija korp ġudizzjarju fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Fl-opinjoni tiegħi, is-sentenza tiċċara biss il-funzjonament ta’ regola prevista sabiex jingħataw deċiżjonijiet dwar is-suċċessjoni, li l-Artikolu 64 tar-Regolament Nru 650/2012 jestendi għall-ħruġ taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni għar-raġunijiet li ser nispjega fin-nota ta’ qiegħ il-paġna li jmiss. F’din is-sentenza ma nsib ebda sostenn għal deduzzjonijiet oħra.


50      L-użu, għall-ħruġ taċ-ċertifikat, tal-istess kriterji ġeografiċi li jispiraw il-ġurisdizzjoni ġudizzjarja internazzjonali jiggarantixxi li l-awtorità emittenti, fil-parti l-kbira tal-każijiet, ikollha tikkonsulta biss il-liġi nazzjonali tagħha waqt il-verifika (legali) tal-elementi li trid tiċċertifika. Ir-regola hija intiża wkoll sabiex tiżgura li, bħala regola ġenerali, ikun hemm awtorità emittenti waħda biss, u għalhekk, Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni wieħed; jekk ikun hemm diversi li, sabiex iservu għanijiet differenti, jinkludu annessi differenti, hija għandha ssib koerenza bejniethom. Tippermetti wkoll il-koinċidenza fl-istess Stat Membru tal-qorti sabiex issolvi kwistjonijiet tal-mertu tas-suċċessjoni, u sabiex isir rikors, fid-dawl tad-deċiżjonijiet adottati f’dan is-sens, kontra d-deċiżjoni tal-ħruġ jew le ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.


51      Kawża NC (Trasferiment ta’ uffiċċju notarili Spanjol) (C‑583/21 sa C‑586/21, EU:C:2023:872).


52      Fil-punt 50 ta’ din is-sentenza huwa indikat li “[i]l-kompetenza tan-nutara Spanjoli sabiex joħorġu [...] iċ-Ċertifikati Ewropej tas-Suċċessjoni, lanqas ma hija ekwivalenti għal eżerċizzju ta’ tali prerogattivi. [...] mill-punt 1 tal-Artikolu 67(1)(a) tal-imsemmi regolament, jirriżulta li l-imsemmija ċertifikati ma jistgħux jinħarġu jekk l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati jiġu kkontestati”.


53      Lanqas tagħmel dan il-formola ta’ użu obbligatorju, ippubblikata bħala Anness 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014 fl‑24 lingwi uffiċjali tal-Unjoni.


54      Hekk, fl-Ispanjol, fil-Ġermaniż u fl-Ingliż: “son objeto de un recurso”, “anhängig sind” u “are being challenged”, rispettivament.


55      Fil-verżjoni Franċiża, “si les éléments à certifier sont contestés”; fil-Portugiż, “forem objeto de contestação”; fit-Taljan, “sono oggetto di contestazione”.


56      Fil-mument li fih jintalab iċ-ċertifikat. B’raġunament analogu, il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jinkludi wkoll it-tilwim li jibda matul l-ipproċessar taċ-ċertifikat.


57      Iċ-ċertifikat hekk maħruġ ikun ivvizzjat bi prekarjat sa mill-ħruġ tiegħu, peress li skont l-Artikolu 71(2) tar-Regolament Nru 650/2012, għandu jkun modifikat jew annullat, inkluż ex officio jekk dan ikun possibbli taħt il-liġi nazzjonali, “fejn ikun ġie stabbilit li ċ-Ċertifikat jew l-elementi individwali tiegħu mhumiex preċiżi”.


58      L-Artikolu 65(3)(l) jaqra “no dispute is pending”, “aucun litige [...] n’est pendant”, “kein Rechtsstreit in Bezug auf den zu bescheinigenden Sachverhalt anhängig ist”, “non vi sono controversie pendenti”; “nu există cauze pendinte referitoare la elementele care urmează să fie atestate”; il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) “the elements to be certified are being challenged”, “si les éléments à certifier sont contestés”, “wenn Einwände gegen den zu bescheinigenden Sachverhalt anhängig sind”, “gli elementi da certificare sono oggetto di contestazione”, “elementele care trebuie certificate fac obiectul unei contestații”.


59      Premessa 67 tar-Regolament Nru 650/2012.


60      Premessa 7 tar-Regolament Nru 650/2012 u s-sentenza Registrų centras, punti 41 u 42.


61      Bil-għan ristrett li tifforma l-konvinzjoni tagħha dwar il-veraċità ta’ dak li ser jiġi ċċertifikat.


62      F’dan is-sens, ara s-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2023, NC (Trasferiment ta’ uffiċċju notarili Spanjol) (C‑583/21 sa C‑586/21, EU:C:2023:872), li l-punt 50 tagħha huwa rriprodott fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


63      Infra, punti 86 et seq.


64      Insostni li l-ħruġ ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni li jirrifletti l-kontenut ta’ deċiżjoni ġudizzjarja preċedenti dwar il-mertu tas-suċċessjoni ma għandux joħloq konfużjoni dwar in-natura tad-dokument: iktar ’il fuq, punti 50 sa 52.


65      Ma hemmx definizzjoni ta’ “deċiżjoni” għall-finijiet tal-Artikolu 67; niddeduċi, għalhekk, li tapplika dik tal-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012.


66      Il-punti 20 u 22 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni (“endgültige”, “bestands- beziehungsweise rechtskräftige[n]”) u l-punt 33 ta’ dawk tal-Gvern Ġermaniż [(“gegen die kein ordentlicher Rechtsbehelf (Artikel 42 EuErbVO) mehr eingelegt werden kann”]. Waqt is-seduta, il-Gvern Spanjol qabel ma’ din l-opinjoni.


67      Skont dak espress mir-rappreżentant ta’ E.V.G.-T. waqt is-seduta, ċertifikat nazzjonali bħal dak maħruġ fil-Ġermanja fl‑24 ta’ Lulju 2023 ma huwiex deċiżjoni finali.


68      Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012 u s-sentenza Registrų centras, punt 46, li tiċċita dik tas‑17 ta’ Jannar 2019, Brisch (C‑102/18, EU:C:2019:34, punt 30).


69      Sentenza Registrų centras, punt 45. Il-formola tikkonsisti f’paġna inizjali u annessi, li huma obbligatorji jew le skont iċ-ċirkustanzi tal-każ u l-iskop li għalih jintalab iċ-ċertifikat. Jintużaw paġni addizzjonali meta l-informazzjoni li għandha tingħata tkun doppja jew multipla għax ikun hemm iktar minn applikant wieħed għaċ-ċertifikat; iktar minn rappreżentant wieħed tal-applikant; iktar minn dispożizzjoni causa mortis waħda; iktar minn reġim matrimonjali wieħed, jew l-ekwivalenti tiegħu, tad-deċedut; jew iktar minn eredi, legatarju, eżekutur ta’ testment jew amministratur patrimonjali wieħed.


70      Ma neskludix li tagħrif dwar ir-riflessjonijiet tal-awtorità emittenti dwar il-provi pprodotti mill-applikant u l-kontestazzjonijiet ta’ persuni oħra, jista’ jkun ta’ interess sabiex isir ir-rikors previst fl-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 650/2012: il-kontestazzjoni tad-deċiżjoni tal-awtorità emittenti (li toħroġ jew ma toħroġx iċ-ċertifikat) hija bbażata, indirettament, fuq l-evalwazzjoni dwar jekk il-kontenut tiegħu kienx stabbilit.


71      Kwalunkwe anness maċ-ċertifikat ifixkel l-apparenza komuni tiegħu, li hija preċiżament, dik li tiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni tiegħu fi Stati Membri differenti.


72      Qabbel dan mal-Artikolu 46(3) tar-Regolament Nru 650/2012. Min jippretendi r-rikonoxximent tad-deċiżjoni ġudizzjarja ta’ Stat Membru fi Stat Membru ieħor għandu neċessarjament jipprovdi kopja awtentika tad-deċiżjoni. Huwa biss b’dan il-mod li huwa possibbli li jinżamm il-kontroll (limitat), li jekk ikun il-każ, jiġġustifika r-rifjut tar-rikonoxximent skont l-Artikolu 40.


73      L-attestazzjoni ta’ deċiżjonijiet hija prevista, kif indikajt, fl-Artikolu 46(3) tar-Regolament Nru 650/2012. L-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014 jinkludi l-formola relattiva.