KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
COLLINS
ippreżentati fl‑4 ta’ Ottubru 2024 ( 1 )
Kawża C‑181/23
Il‑Kummissjoni Ewropea
vs
Ir‑Repubblika ta’ Malta
“Nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu taħt l-Artikolu 20 TFUE u l-Artikolu 4(3) TUE — Skema ta’ ċittadinanza b’investiment — Naturalizzazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi bi skambju għal pagamenti jew investimenti ddeterminati minn qabel — Assenza ta’ rabta ġenwina bejn applikanti għal naturalizzazzjoni u Stat Membru”
Fuq il‑portata tar‑rikors
|
1. |
Dan ir-rikors taħt l-Artikolu 258 TFUE jirriżulta mill-adozzjoni u mill-operat tal-iskema tal-Għoti taċ-Ċittadinanza Maltija permezz ta’ Naturalizzazzjoni għal Servizzi Eċċezzjonali b’Investiment Dirett (2020) (iktar ’il quddiem l-“Iskema dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2020”) ( 2 ). Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tfittex li tingħata dikjarazzjoni li, billi stabbilixxiet u operat l-Iskema dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2020, li toffri naturalizzazzjoni bi skambju għal pagamenti jew investimenti ddeterminati minn qabel, lil persuni minkejja l-assenza ta’ rabta ġenwina bejnhom u r-Repubblika ta’ Malta, dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 20 TFUE u l-Artikolu 4(3) TUE. |
|
2. |
Ir-Repubblika ta’ Malta ssostni li r-rikors tal-Kummissjoni huwa infondat, fid-dritt u fil-fatt. Id-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jirregolax il-kundizzjonijiet li taħthom persuni jistgħu jiksbu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru, sakemm dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux ta’ natura li jipperikolaw, b’mod ġenerali u sistematiku, il-valuri u l-għanijiet tal-Unjoni. La d-dritt internazzjonali pubbliku ( 3 ) u lanqas id-dritt tal-Unjoni ma jeżiġu li persuna jkollha “rabta ġenwina minn qabel” ma’ Stat qabel in-naturalizzazzjoni tagħha. Ir-Repubblika ta’ Malta tallega wkoll li l-Kummissjoni ssemplifikat wisq l-Iskema dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2020 sabiex tipprova “twassal” lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti. |
Il‑kuntest ġuridiku – Id‑dritt Malti
L‑Att dwar iċ‑Ċittadinanza Maltija
|
3. |
L-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija jirregola l-kisba, il-privazzjoni u r-rinunzja taċ-ċittadinanza Maltija ( 4 ). L-Artikolu 10 tiegħu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għan-naturalizzazzjoni ordinarja. Skont l-Artikolu 10(1), applikant jista’ jingħata ċertifikat ta’ naturalizzazzjoni bħala ċittadin ta’ Malta jekk jissodisfa lill-Ministru ( 5 ) bil-kundizzjonijiet li ġejjin: “(a) li jkun irrisjeda f’Malta matul il-perjodu ta’ tnax-il xahar minnufih qabel id-data tal-applikazzjoni; u (b) li, matul is-sitt snin minnufih qabel l-imsemmi perjodu ta’ tnax-il xahar, ikun irrisjeda f’Malta għal perjodi li jammontaw b’kollox għal mhux anqas minn erba’ snin; u (ċ) li jkun jaf biżżejjed l-ilsien Malti jew l-ilsien Ingliż; u (d) li jkun ta’ kondotta tajba; u (e) li jkun ċittadin tajjeb ta’ Malta”. |
|
4. |
Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija, jekk il-Ministru jkun jidhirlu xieraq fiċ-ċirkustanzi speċjali ta’ xi każ partikolari, huwa jista’ jippermetti illi perijodi ta’ residenza li jkunu okkorrew qabel is-seba’ snin li jiġu minnufih qabel id-data tal-applikazzjoni jitqiesu fil-kalkolu tas-snin kollha msemmija fil-paragrafu (b). Ir-Regolamenti dwar iċ-Ċittadinanza tal‑1989 (kif emendati) jistabbilixxu regoli ddettaljati għall-applikazzjonijiet għan-naturalizzazzjoni bbażati fuq l-Artikolu 10(1) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija ( 6 ). |
L‑Att tal‑2020 li jemenda l‑Att dwar iċ‑Ċittadinanza Maltija (Emenda Nru 2)
|
5. |
Fit‑28 ta’ Lulju 2020, ir-Repubblika ta’ Malta adottat l-Att tal‑2020 li jemenda l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Emenda Nru 2) (iktar ’il quddiem l-“Att dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2020”) ( 7 ). L-Artikolu 3 ta’ dan l-att issostitwixxa l-Artikolu 10(9) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija bit-test segwenti: “Minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att jew ta’ xi Att ieħor, il-Ministru jista’ jagħti ċertifikat ta’ naturalizzazzjoni bħala ċittadin ta’ Malta lil persuna barranija jew mingħajr stat, li tkun ipprovdiet servizzi eċċezzjonali lir-Repubblika ta’ Malta jew lill-umanità, jew li n-naturalizzazzjoni tagħha hija ta’ interess eċċezzjonali għar-Repubblika ta’ Malta, u li tissodisfa r-rekwiżiti preskritti taħt dan l-Att. Għall-iskopijiet ta’ dan is-subartikolu ‘eċċezzjonali’ tfisser manifestament superjuri, u tirreferi primarjament għal kontribuzzjonijiet minn xjenzati, riċerkaturi, atleti, nies sportivi, artisti, artisti kulturali, investituri u intraprendituri: Iżda l-Ministru għandu wkoll jagħti ċertifikat ta’ naturalizzazzjoni lil dipendenti eliġibbli ta’ persuna barranija jew persuna mingħajr stat li tkun ipprovdiet servizzi eċċezzjonali lir-Repubblika ta’ Malta permezz ta’ investiment: Iżda wkoll li dik il-persuna tagħmel applikazzjoni b’dak il-mod kif jista’ jkun preskritt u bil-ġurament ta’ lealtà f’Malta”. |
|
6. |
Fl‑20 ta’ Novembru 2020, ir-Repubblika ta’ Malta adottat ( 8 ) ir-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Ċittadinanza għal Servizzi Eċċezzjonali tal‑2020 (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal‑2020”) ( 9 ). It-Taqsima III u t-Taqsima IV tar-Regolamenti tal‑2020 jinkludu regoli ddettaljati li jirregolaw l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal naturalizzazzjoni għal servizzi eċċezzjonali skont il-mertu u “permezz ta’ investiment dirett eċċezzjonali fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-Repubblika ta’ Malta” ( 10 ). L-investituri barranin ( 11 ) jistgħu jagħmlu applikazzjoni sabiex jiġu naturalizzati taħt it-tieni kategorija meta jkunu jissodisfaw jew jimpenjaw ruħhom li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
|
7. |
Skont l-Artikolu 19 tar-Regolamenti tal‑2020, in-“numru ta’ ċertifikati ta’ Ċittadinanzi Maltin bin-Naturalizzazzjoni għal Servizzi Eċċezzjonali b’Investiment Dirett mogħti, bl-esklużjoni tad-dipendenti, ma għandux jaqbeż l-erba’ mija (400) fis-sena, u li fi kwalunkwe każ l-ammont totali akkumulat ta’ applikanti magħżula minbarra dipendenti ma għandux jaqbeż l-elf u ħames mija (1,500)”. |
Il‑proċedura prekontenzjuża
|
8. |
Fl‑20 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika ta’ Malta. Hija esprimiet tħassib li l-Programm ta’ Investitur Individwali adottat skont l‑Att dwar iċ‑Ċittadinanza Maltija, kif emendat bl-Att dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2013 u bir‑Regolamenti tal‑2014, kien inkompatibbli maċ-ċittadinanza tal-Unjoni stabbilita bl-Artikolu 20 TFUE u mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE. Fid‑9 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali lir-Repubblika ta’ Malta, li fiha hija osservat li, peress li l-qafas leġiżlattiv rivedut tal-Iskema dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2020 ma biddilx in-natura tranżazzjonali tagħha, hija kienet qiegħda tikser għalhekk l-Artikolu 20 TFUE u l-Artikolu 4(3) TUE. |
|
9. |
Ir-Repubblika ta’ Malta wieġbet għal din l-ittra fis‑6 ta’ Awwissu 2021. Hija ma qablitx mal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Hija sostniet, b’mod partikolari, li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni kienet inkompatibbli mal-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi inkwantu kienet tidħol f’qasam li jaqa’ taħt is-sovranità tal-Istati Membri. |
|
10. |
Fit‑2 ta’ Marzu 2022, ir-Repubblika ta’ Malta ssospendiet l-iskema tagħha ta’ ċittadinanza b’investiment għaċ-ċittadini Russi u Bjelorussi sakemm jingħata avviż ieħor. |
|
11. |
Fis‑6 ta’ April 2022, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika ta’ Malta. Il-Kummissjoni tenniet u żviluppat l-argumenti li hija kienet esponiet fl-ittra ta’ intimazzjoni u fl-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali tagħha. Fir-replika tagħha, ir-Repubblika ta’ Malta ma qablitx mal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u sostniet li l-qafas leġiżlattiv tagħha taċ-ċittadinanza b’investiment kien konformi bis-sħiħ mad-dritt tal-Unjoni. |
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
12. |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fit‑22 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ressqet din il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE, intiż għall-konstatazzjoni li: “bl-istabbiliment u bl-implimentazzjoni ta’ programm istituzzjonalizzat bħall-akkwist tan-nazzjonalità Maltija permezz ta’ naturalizzazzjoni għal servizzi eċċezzjonali permezz ta’ investiment dirett abbażi tal-Artikolu 10(9) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija kif emendat bl-Att tal‑2020 li jemenda l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Emenda Nru 2), u r-Regolamenti dwar l-għoti ta’ ċittadinanza għal servizzi eċċezzjonali, tal‑2020, li joffri naturalizzazzjoni fin-nuqqas ta’ rabta reali tal-applikanti mal-pajjiż, inkambju għal ħlasijiet jew għal investimenti predeterminati, ir-Repubblika ta’ Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 20 TFUE u l-Artikolu 4(3) TUE”. |
|
13. |
Il-Kummissjoni titlob ukoll li r-Repubblika ta’ Malta tiġi kkundannata għall-ispejjeż. |
|
14. |
Fir-risposta tagħha, ippreżentata fis‑27 ta’ Ġunju 2023, ir-Repubblika ta’ Malta titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad dan ir-rikors u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
|
15. |
Wara skambju ġdid ta’ sottomissjonijiet bil-miktub, fis‑17 ta’ Ġunju 2024 inżammet seduta li matulha l-Kummissjoni u r-Repubblika ta’ Malta ppreżentaw sottomissjonijiet orali u wieġbu għal mistoqsijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
Analiżi legali
L‑argumenti tal‑partijiet
|
16. |
Ir-rikors tal-Kummissjoni jikkonsisti f’ilment wieħed, li hija taqsam fi tliet stadji. |
|
17. |
L-ewwel, il-Kummissjoni tosserva li, għalkemm l-Istati Membri huma kompetenti sabiex jadottaw regoli li jirregolaw il-kisba tan-nazzjonalità tagħhom, id-dritt tal-Unjoni jillimita l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza ( 12 ). Il-kunċett ta’ fiduċja reċiproka huwa l-bażi taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. L-osservanza ta’ din il-fiduċja reċiproka tipprekludi lill-Istati Membri milli jadottaw regoli dwar iċ-ċittadinanza li jimminaw l-essenza, il-valur u l-integrità taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija intiża li tkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri ( 13 ). Id-dritt tal-Unjoni jimponi obbligi estensivi fuq l-Istati Membri fir-rigward tat-trattament tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni li jfittxu li jinvokaw id-drittijiet li tagħtihom iċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Peress li l-għoti tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru jwassal awtomatikament għall-kisba taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u għat-tgawdija tad-drittijiet marbuta magħha, il-kundizzjonijiet għall-għoti tagħha tant għandhom impatt dirett fuq Stati Membri oħra u fuq l-Unjoni li ma humiex iktar kwistjoni esklużiva għal dan l-Istat Membru. L-Istati Membri għandhom għalhekk josservaw debitament id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE u l-integrità tal-istatus ta’ ċittadinanza tal-Unjoni maħluq mill-Artikolu 20 TFUE, meta jagħtu n-nazzjonalità tagħhom liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. |
|
18. |
It-tieni, il-Kummissjoni tenfasizza li, filwaqt li l-Unjoni hija bbażata fuq l-integrazzjoni tal-Istati Ewropej li jikkondividu ġabra komuni ta’ aspirazzjonijiet u ta’ valuri, dan jeħtieġ li l-popli ta’ kull wieħed minn dawn l-Istati Membri jingħaqdu. Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni timplika għalhekk kemm it-tisħiħ tar-rabtiet bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri u l-Unjoni kif ukoll l-integrazzjoni u l-approfondiment tas-solidarjetà bejn il-popli differenti tal-Ewropa, u b’dan il-mod jingħaqdu f’entità politika waħda bħala atturi kostituttivi tal-Unjoni. In-natura taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, li tinkludi d-drittijiet li persuna tmur fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li tirrisjedi hemmhekk, li tiġi ttrattata b’mod ugwali għaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru u li tivvota u li toħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali tal-Istati Membri ospitanti u fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, issaħħaħ din l-interpretazzjoni. Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u d-drittijiet li jirriżultaw minnha jesprimu għalhekk is-solidarjetà u l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri. L-estensjoni awtomatika u mingħajr kundizzjonijiet ta’ ċerti drittijiet għaċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha hija konformi mal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u hija bbażata fuq komprensjoni kondiviża: li n-“nazzjonalità tirrifletti espressjoni ta’ rabta effettiva bejn [Stat u] iċ-ċittadini tiegħu” ( 14 ). “[Ir-]relazzjoni partikolari ta’ solidarjetà u ta’ lealtà bejn [l-Istat] u ċ-ċittadini tiegħu kif ukoll ir-reċiproċità tad-drittijiet u tad-dmirijiet […] huma l-qafas tar-rabta taċ-ċittadinanza” ( 15 ). |
|
19. |
Meta Stat Membru jistabbilixxi u jopera skema ta’ ċittadinanza b’investiment li tiffaċilita l-għoti sistematiku tan-nazzjonalità tiegħu lil persuni bi skambju għal pagamenti ddeterminati minn qabel filwaqt li ma jeżiġi l-eżistenza ta’ ebda rabta ġenwina bejn dan l-Istat u dawn l-individwi, dan ikun jikkomprometti u jimmina kemm l-essenza kif ukoll l-integrità taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-fiduċja reċiproka li tifforma l-bażi tagħha. Tali skema ta’ ċittadinanza b’investiment hija għalhekk inkompatibbli mal-kunċett ta’ ċittadinanza tal-Unjoni previst fl-Artikolu 20 TFUE u mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE. Minn dan isegwi li l-istabbiliment u l-operat ta’ tali skemi, anki jekk jitqiesu li jkunu fl-interessi (purament finanzjarji) ta’ Stat Membru, huma ta’ detriment għall-għanijiet tal-Unjoni. |
|
20. |
It-tielet, l-Iskema dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2020 tissodisfa l-kriterji ta’ skema illegali ta’ ċittadinanza b’investiment kif deskritta fit-tieni stadju, peress li tippermetti l-għoti sistematiku tan-nazzjonalità bi skambju għall-pagament ta’ somom kbar iddeterminati minn qabel, mingħajr ma teżiġi li l-applikanti juru rabta ġenwina mar-Repubblika ta’ Malta. L-Artikolu 10(1)(a) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija, li jirregola n-naturalizzazzjoni “ordinarja”, jipprevedi li applikant għandu jkun jista’ juri li “jkun irrisjeda f’Malta matul il-perjodu ta’ tnax-il xahar” minnufih qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni. Skont l-Artikolu 10(1)(b) tiegħu, din il-persuna għandha tistabbilixxi perijodi ta’ residenza “li jammontaw b’kollox għal mhux anqas minn erba’ snin” f’perijodu ta’ sitt snin. Dispożizzjonijiet kwalitattivament differenti japplikaw għall-applikanti taħt l-Iskema dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2020. Il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, li din l-iskema tal-aħħar ma tinkludix garanziji suffiċjenti sabiex jiġi żgurat li l-obbligu ta’ residenza jkun iktar minn rekwiżit purament fittizju jew li tkun teżisti xi rabta ġenwina bejn ir-Repubblika ta’ Malta u l-applikanti għan-nazzjonalità Maltija taħt din l-iskema. |
|
21. |
Skont l-Artikolu 16(1)(a) tar-Regolamenti tal‑2020, l-applikant prinċipali u d-dipendenti tiegħu li għandhom mill-inqas 18‑il sena għandhom jipprovdu prova ta’ residenza f’Malta għal perjodu ta’ 36 xahar. L-Artikolu 16(1)(a), moqri flimkien mal-Ewwel Skeda tar-Regolamenti tal‑2020, jistipula li, mal-pagament ta’ EUR 750000 (jiġifieri EUR 150000 addizzjonali), dan il-perjodu ta’ residenza jista’ jitnaqqas għal minimu ta’ 12‑il xahar. Ir-Regolamenti tal‑2020 ma jiddefinixxux il-kunċetti ta’ “residenti” jew ta’ “residenza”. Huma ma jippreskrivu ebda rekwiżit ekwivalenti li tali residenza għandha sseħħ “matul” il-perijodu previst. Peress li ma hemmx regoli li jeħtieġu preżenza fiżika regolari fuq perijodu sinjifikattiv li jkun jista’ jiġi interrott permezz ta’ vjaġġar jew ta’ żjarat qosra barra mill-pajjiż, ir-Regolamenti tal‑2020 ma jinkludu ebda regoli dwar l-assenzi li jistgħu jinterrompu perijodi ta’ residenza. Għalhekk, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 16(1)(a) tar-Regolamenti tal‑2020 sempliċement jeżiġi residenza legali, b’differenza minn preżenza fiżika, f’Malta. |
|
22. |
Il-Kummissjoni tiċħad ukoll l-allegazzjoni tar-Repubblika ta’ Malta fis-sens li din tal-aħħar għandha d-dritt li tagħti ċ-ċittadinanza b’riferiment għal “rabtiet prospettivi” permezz ta’ integrazzjoni u ta’ kontribuzzjoni futuri lil dan l-Istat Membru. Tali approċċ ta’ “ixtri issa – żviluppa rabta iktar tard” huwa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tfakkar li l-benefiċċji taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, inkluż il-moviment liberu, jidħlu fis-seħħ mill-mument li fih jinkiseb dan l-istatus. Ma hemm l-ebda garanzija li ċittadin Malti nnaturalizzat taħt l-Iskema dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2020 ser jibqa’ fir-Repubblika ta’ Malta u jistabbilixxi rabtiet magħha. Huwa jista’ jagħżel li jiċċaqlaq lejn Stat Membru ieħor jew anki li jżomm iċ-ċentru tal-ħajja tiegħu f’pajjiż terz filwaqt li juża d-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-Unjoni mingħajr ma jistabbilixxi rabtiet ma’ ebda Stat Membru. Il-materjal promozzjonali ppubblikat mill-aġenti awtorizzati li jippromwovu l-iskema jirreklama l-possibbiltà li ċittadin innaturalizzat ikun jista’ jistabbilixxi r-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor jew fi Stat assoċjat ma’ Schengen bħala wieħed mill-benefiċċji tal-kisba tan-nazzjonalità Maltija. |
|
23. |
Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tiċħad l-affermazzjoni li dan ir-rikors jikkontesta l-qafas leġiżlattiv nazzjonali kollu għan-naturalizzazzjoni tal-persuni. Il-Kummissjoni ma għandhiex l-intenzjoni li tippreskrivi kif l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw “min huma ċ-ċittadini tagħhom”. Dan ir-rikors huwa limitat għal skema speċifika taċ-ċittadinanza b’investiment li, billi tirrendi ċ-ċittadinanza tal-Unjoni komodità, timmina l-integrità ta’ dan l-istatus b’mod li tikkostitwixxi ksur partikolarment serju tad-dritt tal-Unjoni. |
|
24. |
Il-Kummissjoni tibbaża t-talba tagħha fuq id-dritt tal-Unjoni, fuq ir-rekwiżiti partikolari li joħorġu mill-istatus ta’ ċittadinanza tal-Unjoni u fuq l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali li jeżiġi li l-Istati Membri jastjenu minn kull azzjoni li tista’ tippreġudika t-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni. Filwaqt li r-Repubblika ta’ Malta ma taqbilx li s-sentenza Nottebohm tikkorrobora t-teżi li d-dritt internazzjonali jeżiġi rabta ġenwina bħala kundizzjoni għall-kisba tan-nazzjonalità, dik is-sentenza hija, u għadha, awtorità ċċitata ħafna dwar id-dritt tal-Istati li jirrifjutaw li jirrikonoxxu n-nazzjonalità mogħtija minn Stat ieħor. Skont is-sentenza Micheletti, l-Istati Membri ma jistgħux jirrifjutaw li jirrikonoxxu n-nazzjonalità ta’ ċittadin ta’ Stat Membru. In-natura awtomatika ta’ dan ir-rikonoxximent fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni tipprovdi bażi legali għal kunċett kondiviż komuni tan-nazzjonalità li jimplika l-eżistenza ta’ rabta ġenwina bejn Stat Membru u ċ-ċittadini tiegħu. |
|
25. |
Il-Kummissjoni ssostni li l-qafas legali tal-Iskema dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2020 juri li l-proċess ta’ diliġenza dovuta mwettaq fir-rigward tal-applikanti huwa sabiex jiġi evalwat ir-riskju tagħhom fil-qasam tas-sigurtà jew tar-reputazzjoni u l-portata tal-ġid tagħhom. Ma huwiex intiż għall-verifika tal-eżistenza ta’ rabta ġenwina bejn applikant u r-Repubblika ta’ Malta. L-eżistenza ta’ dan il-proċess ta’ verifika u s-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Ministru ( 16 ) li jirrifjuta li joħroġ ċertifikat ta’ naturalizzazzjoni ma jbiddlux in-natura tranżazzjonali tal-iskema. Ir-Repubblika ta’ Malta ma tikkontestax li, sabiex persuna taqa’ taħt l-Iskema dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2020, il-preżenza fiżika effettiva f’Malta hija meħtieġa darbtejn biss: sabiex tipprovdi data bijometrika biex tikseb permess ta’ residenza u sabiex tieħu ġurament ta’ lealtà. Għaldaqstant, ir-“residenza legali” meħtieġa mill-iskema ma tistax toħloq rabta ġenwina bejn ir-Repubblika ta’ Malta u applikant għaċ-ċittadinanza. |
|
26. |
Ir-Repubblika ta’ Malta tosserva l-ewwel li, minn żmien il-qedem, l-Istati fittxew li jattiraw il-ġid u l-prosperità billi jinkoraġġixxu influss ta’ individwi b’valur nett għoli permezz tal-għoti taċ-ċittadinanza jew l-ekwivalenti tagħha. Is-setgħa li tingħata ċ-ċittadinanza tinsab fil-qalba nnifisha tas-sovranità nazzjonali. Hija marbuta mill-qrib mal-kunċett u mal-iżvilupp tal-identità nazzjonali ta’ Stat Membru li l-Artikolu 4(2) TUE jeżiġi li l-Unjoni għandha tipproteġi. Ir-Repubblika ta’ Malta tirrikonoxxi li l-eżistenza ta’ “rabta ġenwina minn qabel” hija bażi leġittima li fuqha l-Istati jistgħu jiddeċiedu li jirrikonoxxu r-rabtiet ta’ individwu mal-komunità politika tagħhom. Madankollu, huwa f’idejn l-istituzzjonijiet demokratiċi ta’ kull Stat Membru li jagħmlu din l-għażla permezz ta’ deċiżjonijiet politiċi u sovrani, spiss ibbażati fuq kunsiderazzjonijiet ta’ ekwità u ta’ ġustizzja morali. Għalhekk, Stat Membru jgawdi minn setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa meta jiddeċiedi liema rabtiet ikunu suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw li individwu jiġi mistieden isir membru tal-entità politika tiegħu. It-Trattati u x-xogħol preparatorju tagħhom ma jobbligawx lill-Istati Membri jirrikjedu li persuna jkollha “rabta ġenwina minn qabel” ma’ Stat Membru qabel in-naturalizzazzjoni tagħha. Ir-Repubblika ta’ Malta ssostni wkoll li dan ir-rekwiżit ma jeżistix fid-dritt internazzjonali u li s-sentenza Nottebohm, li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqha, kienet is-suġġett ta’ kritika estensiva u debitament iġġustifikata. |
|
27. |
Għal dawn ir-raġunijiet, ir-Repubblika ta’ Malta ssostni li huwa biss meta l-politika ta’ naturalizzazzjoni ta’ Stat Membru twassal, b’mod ġenerali u sistematiku, għal ksur serju tal-valuri u tal-għanijiet tal-Unjoni kif iddefiniti fit-Trattati u fil-leġiżlazzjoni, li din il-politika tista’, b’mod plawżibbli, tikkostitwixxi ksur ta’ dawn ir-regoli u valuri. Dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Ir-rikors tal-Kummissjoni huwa mingħajr preċedent. Huwa intiż li jipprekludi lil Stat Membru milli jimplimenta għażliet politiċi li huwa jkun għamel b’mod leġittimu f’qasam ta’ kompetenza nazzjonali kif irrikonoxxut mill-Artikolu 9 TUE u mill-Artikolu 20(1) TFUE. Ir-rikors jikkontesta wkoll il-legalità ta’ qafas leġiżlattiv nazzjonali kollu li jirregola n-naturalizzazzjoni tal-persuni. Ir-Repubblika ta’ Malta żżid li l-interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 20 TFUE u tal-Artikolu 4(3) TUE li ssostni l-Kummissjoni ser ikollha impatt immedjat fuq l-oqsfa leġiżlattivi li jirregolaw in-nazzjonalità fl-Istati Membri kollha, b’mod partikolari dawk li fihom in-naturalizzazzjoni tingħata b’mod diskrezzjonali. Inevitabbilment ser jibda jkun hemm obbligi ta’ rappurtaġġ, li ser iwasslu lill-Kummissjoni, bħala gwardjana tat-Trattati, tirrevedi l-politiki, il-liġijiet u l-prassi tal-Istati Membri fil-qasam tan-naturalizzazzjoni fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Dan l-iżvilupp ser iħeġġeġ lill-Istati Membri jqajmu dubji dwar il-liġi u l-prassi ta’ Stati Membri oħra f’dan il-qasam u, eventwalment, jikkontestawhom. Tali skrutinju jista’ jiġi ġġustifikat biss meta jintwera b’mod ċar, permezz ta’ provi xierqa, li r-regoli ta’ Stat Membru jikkostitwixxu, b’mod ġenerali u sistematiku, riskju reali għall-valuri u għall-għanijiet tal-Unjoni. |
|
28. |
Ir-Repubblika ta’ Malta żżid ukoll li l-motiv uniku tal-Kummissjoni jissemplifika wisq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja billi jfittex li jassimila l-privazzjoni tan-nazzjonalità mal-kisba tagħha. Il-privazzjoni tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru għal individwu jċaħħad lil tali persuna miċ-ċittadinanza tal-Unjoni u mid-drittijiet kollha marbuta magħha. Skont id-dritt tal-Unjoni, l-azzjoni tal-Istati Membri li tista’ tirriżulta fiċ-ċaħda de iure jew de facto tad-drittijiet u tad-dmirijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni għandha tkun suġġetta għal sorveljanza prudenti u stretta. B’kuntrast ma’ dan, il-kisba tan-nazzjonalità testendi, pjuttost milli tnaqqas, il-firxa ta’ drittijiet u ta’ dmirijiet ta’ persuna. Il-kisba tan-nazzjonalità għandha għalhekk tiġi eżaminata b’riferiment għal standard differenti. L-aspett li l-Kummissjoni naqset milli tifhem din id-differenza fundamentali wassalha sabiex issostni interpretazzjoni tat-Trattati li tkun twassal għal indħil sproporzjonat tal-iskrutinju tal-Unjoni f’qasam ta’ kompetenza nazzjonali li huwa marbut mill-qrib mal-prerogattivi sovrani tal-Istati Membri. |
|
29. |
Ir-Repubblika ta’ Malta ssostni li l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni tal-Iskema dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2020 bħala mezz ta’ aċċess “awtomatiku u mingħajr kundizzjonijiet” għan-nazzjonalità Maltija, li tipprevedi l-“għoti sistematiku tan-nazzjonalità bi skambju għal pagamenti ddeterminati minn qabel”, fl-“interessi purament baġitarji” tar-Repubblika ta’ Malta, hija semplifikazzjoni eċċessiva, infondata fid-dritt u fil-fatt. Filwaqt li investiment inizjali jiskatta l-aċċess għall-iskema, din ma toperax b’mod “awtomatiku u mingħajr kundizzjonijiet”, iżda tagħti importanza kbira lill-impatt ta’ kull applikazzjoni fuq “is-sigurtà, ir-reputazzjoni, l-effetti sistemiċi, il-konformità u kriterji oħra”. Rata ta’ rifjut ta’ madwar terz tal-applikazzjonijiet ammissibbli kollha hija prova suffiċjenti tal-assenza ta’ awtomatiċità. L-għoti tan-nazzjonalità lanqas ma huwa l-konsegwenza diretta ta’ tranżazzjoni finanzjarja, peress li l-applikanti għandhom jagħtu impenji fit-tul u jibqgħu suġġetti għal proċeduri ta’ reviżjoni fit-tul wara n-naturalizzazzjoni. Għaldaqstant, ir-Repubblika ta’ Malta ssostni li l-Iskema dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2020 hija skema ta’ naturalizzazzjoni leġittima, soda, amministrata professjonalment u effikaċi, li l-operat tagħha ma jippreġudikax l-għanijiet tal-Unjoni. L-Iskema dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2020 hija trasparenti, immonitorjata bir-reqqa u għandha impatt dirett u pożittiv fuq is-soċjetà Maltija. Ir-Repubblika ta’ Malta tiċħad il-karatterizzazzjoni mill-Kummissjoni tal-iskema bħala approċċ ta’ “ixtri issa – żviluppa rabta iktar tard”. Il-kandidati magħżula jirriflettu varjetà ta’ rabtiet mal-komunità Maltija, li jikkonsistu f’rabtiet minn qabel, rabtiet preżenti u rabtiet prospettivi li jevolvu maż-żmien. |
|
30. |
Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika ta’ Malta ssostni li, li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tilqa’ l-motiv tal-Kummissjoni, hija tkun obbligata tħassar qafas sħiħ ta’ leġiżlazzjoni u ta’ strumenti statutorji, mhux limitat għal dispożizzjoni waħda jew għal sett speċifiku ta’ regoli dwar in-nazzjonalità. Billi tikkontesta l-qafas legali sħiħ ta’ Stat Membru li jirregola l-aċċess għan-nazzjonalità, il-Kummissjoni qiegħda tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja taġixxi bħala “leġiżlatur indirett”, billi teżerċita veto fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali adottata f’qasam li huwa rriżervat għall-Istati Membri. Iktar ma tkun wiesgħa l-portata tal-istħarriġ mogħtija f’qasam ta’ kompetenza nazzjonali esklużiva, iktar ikun għoli r-riskju li l-eżerċizzju tiegħu jeċċedi l-kompetenza tal-Unjoni f’qasam partikolarment sensittiv. Għal din ir-raġuni, ir-Repubblika ta’ Malta ssostni li huwa biss ksur sinjifikattiv tal-valuri u/jew tal-għanijiet tal-Unjoni li jista’ jiġġustifika intervent mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-aħħar nett, u kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-Repubblika ta’ Malta tenfasizza li l-Unjoni hija komunità politika u mhux “entità politika waħda”. |
Evalwazzjoni
Ammissibbiltà
|
31. |
Filwaqt li r-Repubblika ta’ Malta ma toġġezzjonax b’mod espliċitu għall-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, hija tagħmel riferiment għal differenzi bejn l-argumenti li l-Kummissjoni qajmet matul il-fażi prekontenzjuża tal-proċedura u dawk li hija qiegħda tfittex li tinvoka issa. Ir-Repubblika ta’ Malta ssostni li numru ta’ argumenti tal-Kummissjoni fir-replika huma differenti minn dawk tar-rikors. Hija toġġezzjona wkoll għal li l-Kummissjoni tissottometti l-“Passport Papers” ( 17 ) bħala prova, peress li dawn jikkonċernaw l-operat tal-Iskema dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2014, u mhux tal‑2020, li hija inkwistjoni f’din il-proċedura. |
|
32. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tqis ex officio jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 258 TFUE għal rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi humiex issodisfatti ( 18 ). Peress li l-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors tqajmet matul is-seduta u l-Kummissjoni kellha l-opportunità li twieġeb għal mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja dwarha, huwa xieraq li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina din il-kwistjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita, is-suġġett ta’ rikors taħt l-Artikolu 258 TFUE għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jiġi ddeterminat mill-opinjoni motivata tal-Kummissjoni. Dan id-dokument għandu jinkludi dikjarazzjoni koerenti u ddettaljata tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-Istat Membru li lilu tiġi indirizzata l-opinjoni motivata naqas milli jwettaq obbligu taħt it-Trattat. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirriżulta minn dan għandu jkun ibbażat fuq l-istess raġunijiet u motivi bħal dawk esposti fl-opinjoni motivata, u l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax teżamina lment li ma jkunx jinsab fiha ( 19 ). Ir-rikors preżenti għandu portata inqas wiesgħa mill-ilment fl-opinjoni motivata tas‑6 ta’ April 2022, peress li din tal-aħħar kienet tirrigwarda l-Iskemi dwar iċ-Ċittadinanza kemm tal‑2014 kif ukoll tal‑2020. Bla ħsara għal din ir-riżerva, li ma tqajjimx tħassib ( 20 ), ir-rikors huwa bbażat fuq l-istess raġunijiet u motivi bħal dawk fl-opinjoni motivata. Kemm l-opinjoni motivata kif ukoll ir-rikors jidentifikaw ksur tal-Artikolu 20 TFUE u tal-Artikolu 4(3) TUE minħabba leġiżlazzjoni li r-Repubblika ta’ Malta introduċiet li toffri n-naturalizzazzjoni lil persuni bi skambju għal pagamenti jew investimenti ddeterminati minn qabel mingħajr ma teżiġi l-eżistenza ta’ rabta ġenwina bejn dan l-Istat Membru u dawn l-individwi. |
|
33. |
Fir-rigward tad-differenzi allegati bejn ir-rikors u r-replika, hija ġurisprudenza stabbilita li parti ma tistax tbiddel is-suġġett tal-kawża fil-mori tal-kawża, u li l-fondatezza tar-rikors għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tat-talbiet fir-rikors ( 21 ). Madankollu, il-Kummissjoni tista’ twieġeb għall-argumenti li r-Repubblika ta’ Malta qajmet fir-risposta tagħha, sakemm, bħal f’dan il-każ, il-portata tal-proċedura ma tinbidilx. |
|
34. |
Għalhekk nagħti parir lill-Qorti tal-Ġustizzja li kemm dan ir-rikors kif ukoll l-argumenti mqajma fir-replika huma ammissibbli. |
|
35. |
Fir-rigward tal-inklużjoni tal-hekk imsejħa “Passport Papers” bħala provi, il-Kummissjoni ma tikkontestax li dawn jikkonċernaw l-operat tal-Iskema dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2014 li hija irrilevanti ratione materiae għal dan ir-rikors. Kuntrarjament għal dak li jidher li ssostni l-Kummissjoni, il-kontenut ta’ dawn id-dokumenti għalhekk ma jista’ jiġi invokat bl-ebda mod sabiex wieħed jasal għal konklużjonijiet dwar il-legalità tal-Iskema dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2020. |
Fuq il‑mertu
– Rimarki preliminari
|
36. |
F’dan ir-rikors, il-Kummissjoni qiegħda titlob konstatazzjoni li, billi adottat u operat l-Artikolu 10(9) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2020 u r-Regolamenti tal‑2020, ir-Repubblika ta’ Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 20(1) TFUE u l-Artikolu 4(3) TUE. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel tali konstatazzjoni, ir-Repubblika ta’ Malta tkun meħtieġa tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 22 ). Minn dan isegwi li, kuntrarjament għas-sottomissjonijiet tar-Repubblika ta’ Malta, din il-proċedura ma tippreġudikax il-legalità tal-qafas leġiżlattiv sħiħ ta’ dan l-Istat Membru dwar in-naturalizzazzjoni ( 23 ). Ir-rikors tal-Kummissjoni lanqas ma huwa sforz min-naħa ta’ dik l-istituzzjoni, bl-assistenza diretta jew indiretta tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tilleġiżla fil-qasam taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. |
|
37. |
Ir-Repubblika ta’ Malta taċċetta li Stat Membru li jkun adotta politika ta’ naturalizzazzjoni li teskludi individwi ta’ razza jew oriġini etnika partikolari jkun qiegħed jikser, b’mod partikolari, l-Artikolu 20 TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 2 TUE. Peress li l-Kummissjoni ma hijiex qiegħda tallega li l-Iskema dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2020 topera b’mod diskriminatorju abbażi ta’ razza, ta’ oriġini etnika jew b’xi mod ieħor, ma huwiex meħtieġ li din is-sottomissjoni tingħata iktar attenzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 24 ). Ir-Repubblika ta’ Malta ssostni wkoll li hija għamlet sforzi kunsiderevoli u investiet riżorsi sinjifikattivi sabiex topera l-proċess ta’ diliġenza dovut f’diversi livelli sabiex tiżgura li l-Iskema dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2020 tosserva u ssaħħaħ, b’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-oqsma tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni u t-terroriżmu. Peress li r-rikors tal-Kummissjoni ma huwa bbażat fuq ebda nuqqas mir-Repubblika ta’ Malta li tikkonforma ruħha ma’ din il-leġiżlazzjoni, jew fil-fatt ma’ kwalunkwe leġiżlazzjoni tal-Unjoni, din is-sottomissjoni hija wkoll irrilevanti. |
|
38. |
Fil-kuntest tal-proċedura taħt l-Artikolu 258 TFUE għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni għandha tipprova li Stat Membru ma ssodisfax obbligu li jkun vinkolanti fuqu fid-dritt tal-Unjoni u ma tista’ tibbaża ruħha fuq ebda preżunzjoni sabiex tagħmel dan ( 25 ). |
|
39. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE jeżiġi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiggarantixxu l-applikazzjoni u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni. Nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ġenerali ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE jeżisti biss sa fejn dan in-nuqqas jikkonsisti f’aġir distint mill-ksur ta’ obbligu speċifiku li għandu dan l-Istat Membru ( 26 ). |
|
40. |
Dan ir-rikors huwa intiż għall-konstatazzjoni li, billi stabbilixxiet u operat l-Iskema dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2020, li toffri naturalizzazzjoni lil persuni li ma għandhomx rabta ġenwina mar-Repubblika ta’ Malta, bi skambju għal pagamenti jew investimenti ddeterminati minn qabel, dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 20(1) TFUE u l-Artikolu 4(3) TUE. Bħalma ġie kkonfermat waqt is-seduta, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-Iskema dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2020 topera b’tali mod li timponi obbligi u dmirijiet fuq Stati Membri oħra bi ksur tal-Artikolu 4(3) TUE tirriżulta minn, u ssegwi bħala konsegwenza ta’, l-allegazzjoni tagħha li r-Repubblika ta’ Malta qiegħda tikser l-Artikolu 20 TFUE. Fl-assenza ta’ prova ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirregolaw iċ-ċittadinanza ma hemm, għalhekk, ebda bażi, fid-dritt jew fil-fatt, għall-konstatazzjoni li r-Repubblika ta’ Malta qiegħda tikser id-dmir ta’ kooperazzjoni leali. Bħalma tafferma l-ġurisprudenza, l-allegat ksur tal-Artikolu 4(3) TUE jagħmel riferiment għal aġir li ma huwiex distint minn ksur ta’ obbligu speċifiku bbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE. Għalhekk nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ma hijiex mitluba teżamina l-allegazzjoni li r-Repubblika ta’ Malta naqset milli tosserva l-Artikolu 4(3) TUE b’mod separat minn dik imressqa taħt l-Artikolu 20 TFUE. |
– Ir‑rekwiżit ta’ “rabta ġenwina” taħt id‑dritt tal-Unjoni u internazzjonali dwar in‑nazzjonalità
|
41. |
Mis-sottomissjonijiet bil-miktub u orali tal-partijiet huwa evidenti li l-kontenut tal-Iskema dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2020 u l-mod kif topera ma humiex ikkontestati bejniethom. B’mod partikolari, ir-Repubblika ta’ Malta ma tikkontestax li hija toffri n-naturalizzazzjoni lil persuni bi skambju għal pagamenti ddeterminati minn qabel, suġġett għall-osservanza minnhom ta’ ċerti rekwiżiti ( 27 ). Matul is-seduta, ir-Repubblika ta’ Malta kkonfermat li, bi skambju għall-pagament ta’ kontribuzzjoni finanzjarja speċifika, sena waħda ta’ residenza legali f’dan l-Istat Membru hija biżżejjed għall-finijiet tan-naturalizzazzjoni. Il-Kummissjoni kkonfermat fis-sottomissjonijiet orali tagħha li l-ilment uniku tagħha huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ rekwiżit taħt id-dritt tal-Unjoni – u, sa ċertu punt, id-dritt internazzjonali – li, sabiex tiġi ppreżervata l-integrità taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, għandu jkun hemm “rabta ġenwina” bejn Stat Membru u ċ-ċittadini tiegħu. Fil-kuntest ta’ dawn is-sottomissjonijiet, il-Kummissjoni affermat ukoll li jekk ir-rikors tagħha jintlaqax jew le jiddependi mill-fondatezza ta’ din il-premessa. |
|
42. |
L-Artikolu 20(1) TFUE jistabbilixxi ċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 9 TUE u l-Artikolu 20(1) TFUE, kwalunkwe persuna li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru hija ċittadina tal-Unjoni. L-Artikolu 9 TUE jipprevedi wkoll li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex. L-istatus ta’ ċittadinanza tal-Unjoni huwa marbut b’mod inseparabbli mal-pussess tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru u jiddependi kompletament minnu. Il-kisba tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru twassal għall-kisba awtomatika u mingħajr kundizzjonijiet taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. It-telf tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru għandu bħala konsegwenza li l-persuna kkonċernata titlef awtomatikament l-istatus tagħha bħala ċittadina tal-Unjoni ( 28 ). In-nazzjonalità ta’ Stat Membru hija kundizzjoni sine qua non, jew “kundizzjoni essenzjali”, sabiex persuna tkun ċittadina tal-Unjoni. |
|
43. |
Sa mis-sentenza Grzelczyk ( 29 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat ripetutament li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija “intiża sabiex tkun l-istat fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri” ( 30 ). Fil-prattika dan ifisser li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni tagħti firxa ta’ drittijiet lil dawk li jkunu detenturi tagħha. Dawn jinkludu d-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri ( 31 ) u d-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat ( 32 ). Kull ċittadin tal-Unjoni jista’ jinvoka wkoll il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità stabbilita fl-Artikolu 18 TFUE fis-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni ( 33 ). L-istatus fundamentali taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-obbligi u d-dmirijiet korrispondenti li din timponi fuq l-Istati Membri ma jeżentawx l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet milli jkun suġġett għal ċerti kundizzjonijiet ( 34 ). |
|
44. |
Peress li t-tgawdija taċ-ċittadinanza tal-Unjoni tiddependi kompletament mill-eżistenza tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru, hija ġurisprudenza stabbilita li huwa għal kull Stat Membru, li jaġixxi fil-kuntest tal-kompetenza esklużiva tiegħu ( 35 ) u b’osservanza tad-dritt internazzjonali ( 36 ), li għandu jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom in-nazzjonalità tiegħu tista’ tinkiseb u tintilef ( 37 ). Bħalma indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza Préfet du Gers ( 38 ), l-Istati Membri setgħu jiddeċiedu li jikkondividu l-kompetenzi tagħhom u li jagħtu lill-Unjoni s-setgħa li tiddetermina min jista’ jsir ċittadin tal-Unjoni. Huma għażlu li ma jagħmlux dan. |
|
45. |
Id-Dikjarazzjoni Nru 2 dwar in-Nazzjonalità ta’ Stat Membru, annessa mal-Att Finali tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ( 39 ), tirrifletti wkoll il-portata tal-prerogattivi tal-Istati Membri f’dan il-qasam. Bħalma rajna, il-kisba tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru twassal awtomatikament għall-kisba taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, li l-Istati Membri l-oħra kollha huma obbligati, bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jirrikonoxxu. Id-Dikjarazzjoni Nru 2 tagħmilha ċara li “[…] kull fejn fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea hemm riferiment għal ċittadini tal-Istati Membri, il-kwistjoni jekk individwu jkollux in-nazzjonalità ta’ Stat Membru għandha tiġi riżolta biss b’riferiment għad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Id-Dikjarazzjoni Nru 2 tirrifletti għalhekk il-perspettiva tal-Istati Membri li l-kunċetti rispettivi tagħhom ta’ nazzjonalità jirrigwardaw l-essenza nnifisha tas-sovranità u tal-identità nazzjonali tagħhom, li ma għandhomx l-intenzjoni li jikkondividu. |
|
46. |
It-Trattati jinkludu diversi riferimenti għall-popli tal-Ewropa, għall-popli tal-Unjoni, għall-popli tal-Istati Membri u għall-popli Ewropej. Barra minn hekk, iċ-ċittadini tal-Unjoni huma atturi kostituttivi tal-Unjoni f’entità politika waħda ( 40 ), kif inhu muri, b’mod partikolari, mid-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew ( 41 ). Dan ma jnaqqas assolutament xejn mill-fatt li l-Istati Membri ddeċidew li huwa l-kompitu tagħhom biss li jiddeterminaw min għandu d-dritt li jkun wieħed miċ-ċittadini tagħhom u, bħala konsegwenza, min ikun ċittadin tal-Unjoni. L-“entità politika waħda” li tirriżulta mill-ħolqien taċ-ċittadinanza tal-Unjoni għalhekk ma timponix obbligi fuq l-Istati Membri fir-rigward tat-termini u tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom huma jagħtu n-nazzjonalità. |
|
47. |
Fi spirtu ta’ rispett u ta’ fiduċja reċiproċi, l-Istati Membri aċċettaw, mingħajr kundizzjonijiet, li jikkonformaw ruħhom mad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri l-oħra dwar jekk individwu jkollux in-nazzjonalità ta’ Stat Membru u, għaldaqstant, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, indipendentement mir-relazzjoni partikolari bejn din il-persuna u dan l-Istat Membru. L-Artikolu 9 TUE, l-Artikolu 20(1) TFUE u d-Dikjarazzjoni Nru 2 ma jippermettu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew lill-Istati Membri l-oħra jintroduċu ebda kundizzjoni għar-rikonoxximent tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor. |
|
48. |
Fis-sentenza Micheletti ( 42 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tal-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali previsti mit-Trattat KE, il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ma tistax tirrestrinġi l-effetti tal-għoti tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor billi timponi xi kundizzjoni addizzjonali għar-rikonoxximent ta’ din in-nazzjonalità ( 43 ). Għalkemm dik is-sentenza tippreċedi l-istabbiliment taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rriproduċiet dan il-prinċipju, b’mod partikolari, fis-sentenza Zhu u Chen ( 44 ), fil-kuntest taċ-ċittadinanza tal-Unjoni ( 45 ). Minn dan isegwi li l-Unjoni, l-istituzzjonijiet tagħha u l-Istati Membri tagħha għandhom, bħala prinċipju, josservaw ir-regoli kollha tal-Istati Membri l-oħra dwar il-kundizzjonijiet għall-kisba u għat-telf tan-nazzjonalità. Is-sistema ta’ rikonoxximent reċiproku obbligatorju li din il-ġurisprudenza tipprevedi għandha bħala konsegwenza li l-Istati Membri ma humiex obbligati li jkollhom kunċett kondiviż ta’ dak li jikkostitwixxi n-nazzjonalità, u li r-regoli tal-għoti tagħha jistgħu jkunu differenti. |
|
49. |
Għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix il-kundizzjonijiet għall-kisba u għat-telf tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru ( 46 ), u huma għandhom jaċċettaw ir-regoli tal-oħrajn għal dan il-għan, ġie deċiż li l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma għandhiex tikser id-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar ( 47 ). L-eżerċizzju tal-prerogattiva sovrana ta’ Stat Membru li jagħti jew li jirtira ċ-ċittadinanza ma huwiex mingħajr limitu, u kemm id-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-dritt internazzjonali jistgħu, bħala prinċipju, jirrestrinġu l-eżerċizzju tagħha ( 48 ). Kuntrarjament għas-sottomissjonijiet tar-Repubblika ta’ Malta, kull istanza ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, tkun xi tkun, tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors skont l-Artikolu 258 TFUE għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. L-użu ta’ dik il-proċedura ma huwiex irriżervat għall-prosekuzzjoni ta’ dawk li jistgħu jiġu deskritti bħala istanzi ta’ ksur serju ( 49 ). |
|
50. |
Minbarra dan ir-rikors, m’inix konxju ta’ xi kawża li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat ir-regoli ta’ Stat Membru dwar il-kisba tan-nazzjonalità fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, b’riferiment għaċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Il-fatt li d-dritt tal-Unjoni ma jistax jagħti dritt lil persuna li ssir ċittadina ta’ Stat Membru jidher li jispjega dan l-istat ta’ fatt. Fis-sentenza Micheletti, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx ir-regoli Taljani dwar in-naturalizzazzjoni fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, iżda pjuttost il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ regoli Spanjoli li ppruvaw jirrestrinġu l-effett tad-dritt Taljan fi Spanja. Fis-sentenza Zhu u Chen ( 50 ), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kwistjoni tal-abbuż ta’ liġi jew tal-abbuż ta’ drittijiet fil-kuntest tal-kisba taċ-ċittadinanza tal-Unjoni ( 51 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-allegazzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit li ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jiġi prekluż milli jinvoka d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqalqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, meta tali persuna tkun organizzat l-affarijiet b’tali mod li tiżgura li l-wild tagħhom jikseb in-nazzjonalità ta’ Stat Membru u għalhekk iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u d-drittijiet li jirriżultaw minnha. Fiċ-ċaħda tat-talba ta’ dan il-gvern, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-ebda waħda mill-partijiet li kienet ippreżentat osservazzjonijiet fil-kawża ma poġġiet f’dubju l-legalità ta’, jew il-fatt li, il-wild inkwistjoni kien kiseb in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ( 52 ). |
|
51. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-individwi għandhom josservaw il-prinċipju ġenerali tad-dritt li wieħed ma jistax jinvoka d-dritt tal-Unjoni għal għanijiet abbużivi jew frawdolenti ( 53 ). Il-legalità tal-għoti jew tal-kisba taċ-ċittadinanza tal-Unjoni tista’ għalhekk, bħala prinċipju, tiġi eżaminata fid-dawl ta’ dan il-kunċett. Dan ir-rikors jallega nuqqas mir-Repubblika ta’ Malta li twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 20 TFUE. Ma huwiex allegat li dan l-Istat Membru abbuża l-liġi jew abbuża d-drittijiet mogħtija lilu. Konsegwentement, l-applikazzjoni potenzjali ta’ din id-duttrina ma tqumx f’din il-proċedura. |
|
52. |
Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija iktar numeruża dwar il-kwistjoni tal-irtirar jew it-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Filwaqt li l-kompetenza sabiex tingħata n-nazzjonalità hija rriżervata għall-Istati Membri u ċ-ċittadinanza tal-Unjoni tiddependi mill-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-użu tal-prerogattiva sabiex tiġi rtirata ċ-ċittadinanza nazzjonali, u għalhekk tal-Unjoni, huwa suġġett għal ċertu numru ta’ restrizzjonijiet identifikabbli. Karatteristika importanti ta’ din il-ġurisprudenza hija li tinvolvi l-eżerċizzju ta’ prerogattivi sovrani ta’ Stati Membri fil-konfront taċ-ċittadini tagħhom stess u mhux taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra jew ta’ pajjiżi terzi. Minħabba t-tħassib li l-irtirar taċ-ċittadinanza nazzjonali, li jwassal għat-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jista’ jirrendi l-individwi apolidi u jċaħħadhom mid-drittijiet mogħtija mit-Trattati u mill-Karta, id-dritt tal-Unjoni jiggarantixxi standard minimu ta’ protezzjoni legali lill-persuni li jsibu ruħhom f’ċirkustanzi bħal dawn. Dan jirriżulta f’sitwazzjoni fejn ma jistax jiġi stabbilit parallel eżatt bejn l-għoti u l-irtirar tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru, bil-konsegwenza li d-dritt tal-Unjoni jimponi rekwiżiti differenti fuq l-Istati Membri taħt kull waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet. Għal dawn ir-raġunijiet, naqbel mas-sottomissjoni tar-Repubblika ta’ Malta li r-revoka tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru ma tistax tiġi assimilata mal-kisba tagħha. |
|
53. |
Dan jidher fis-sentenza Rottmann ( 54 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minkejja l-fatt li l-kundizzjonijiet għall-kisba u għat-telf tan-nazzjonalità jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tal-Istati Membri, id-dritt tal-Unjoni japplika f’ċirkustanzi meta individwu jkun jista’ jitlef iċ-ċittadinanza tiegħu tal-Unjoni u d-drittijiet marbuta magħha. Meta l-eżerċizzju mill-Istati Membri tas-setgħat tagħhom f’dan il-qasam jaffettwa d-drittijiet li d-dritt tal-Unjoni jagħti u jipproteġi, dan jista’ jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju fir-rigward ta’ dawn id-drittijiet. Stat Membru jista’ jirtira n-nazzjonalità tiegħu minn individwu meta din tkun inkisbet b’mod frawdolenti, minkejja li l-persuna kkonċernata titlef, b’dan il-mod, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u tkun tista’ ssir apolidi ( 55 ), sakemm il-prinċipju ta’ proporzjonalità jiġi osservat ( 56 ). L-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju tista’ teżiġi li l-persuna kkonċernata tingħata terminu raġonevoli qabel it-telf tan-nazzjonalità tagħha sabiex tkun tista’ tipprova tirkupra n-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor ( 57 ). |
|
54. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fis-sentenza Tjebbes ( 58 ), li Stat Membru jista’ leġittimament iqis in-nazzjonalità bħala l-espressjoni ta’ rabta ġenwina ma’ dan l-Istat Membru. Stat Membru jista’ għalhekk jistabbilixxi li l-assenza, jew it-telf, ta’ rabta ġenwina bejnu u individwu twassal għat-telf tan-nazzjonalità tiegħu, bil-kundizzjoni li japplika l-prinċipju ta’ proporzjonalità f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi ta’ dan it-telf għall-persuna kkonċernata ( 59 ) mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, it-telf ex lege tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru jkun inkompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità jekk ir-regoli nazzjonali rilevanti ma jkunux jippermettu eżami individwali tal-konsegwenzi ta’ dan it-telf għall-persuni kkonċernati ( 60 ). |
|
55. |
Minn dan isegwi li filwaqt li Stat Membru jista’, konformement mal-leġiżlazzjoni tiegħu fil-qasam tan-nazzjonalità, jeżiġi l-prova ta’ rabta ġenwina, kif iddefinita konformement magħha, jew “[i]r-relazzjoni partikolari ta’ solidarjetà u ta’ lealtà bejnu u bejn iċ-ċittadini tiegħu” ( 61 ) – id-dritt tal-Unjoni ma jiddefinixxix u, a fortiori, ma jeżiġix, l-eżistenza ta’ tali rabta sabiex tinkiseb jew tinżamm din in-nazzjonalità ( 62 ). Id-dritt tal-Unjoni jaċċetta tali rekwiżit taħt id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru biss fil-kuntest tal-irtirar jew tar-revoka tan-nazzjonalità bil-kundizzjoni li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jiġi osservat u li jingħataw ċerti garanziji proċedurali lill-persuna affettwata ( 63 ). |
|
56. |
Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ “rabta ġenwina” fid-dritt internazzjonali, huwa minnu, bħalma tosserva l-Kummissjoni ( 64 ), li, fis-sentenza Nottebohm, il-QIĠ iddeċidiet li Stat jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi n-nazzjonalità mogħtija minn Stat ieħor, fl-assenza ta’ rabta ġenwina jew ta’ konnessjoni bejn dan l-individwu u n-nazzjonalità li huwa jinvoka. Is-sentenza tal-QIĠ sempliċement tippermetti lill-Istati jirrifjutaw ir-rikonoxximent tan-nazzjonalità mogħtija fl-assenza ta’ rabta ġenwina bejn persuna u l-Istat li tiegħu hija tallega li tkun ċittadina. Hija ma tobbligax lill-Istati jeżiġu l-eżistenza ta’ tali rabta jew bejniethom u ċ-ċittadini tagħhom stess jew bejn Stati oħra u ċ-ċittadini tagħhom ( 65 ). Għall-finijiet ta’ dan ir-rikors, għandu jiġi enfasizzat li l-QIĠ ma ddefinixxietx il-kunċett ta’ “rabta ġenwina” fid-dritt internazzjonali, u lanqas a fortiori eżiġiet li l-Istati jagħtu n-nazzjonalità b’riferiment għaliha. Għall-kuntrarju: il-QIĠ ddeċidiet li “huwa kull Stat sovran li għandu jirregola, permezz tal-leġiżlazzjoni tiegħu stess, ir-regoli dwar il-kisba tan-nazzjonalità tiegħu […]” ( 66 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Mis-sentenza Nottebohm isegwi li, għall-inqas fil-fehma tal-QIĠ, ir-regoli għall-għoti tan-nazzjonalità huma kwistjoni għall-Istati individwali. |
|
57. |
Ma hemmx diverġenzi sinjifikattivi bejn id-dritt tal-Unjoni u d-dritt internazzjonali dwar il-kwistjoni jekk għandux ikun hemm rabta ġenwina bejn individwu u l-Istat li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza, peress li l-ebda wieħed minnhom ma jimponi tali rekwiżit. Il-kundizzjonijiet għall-għoti tan-nazzjonalità huma kwistjoni għad-dritt nazzjonali ( 67 ), għalkemm tingħata ċerta attenzjoni għar-regoli internazzjonali kontra l-apolidija u jista’ jkun hemm rispett tad-drittijiet tal-bniedem u proċedurali tal-individwi kkonċernati. Fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni, id-Dikjarazzjoni Nru 2 u l-linja ta’ ġurisprudenza Micheletti jipprekludu lill-Istati Membri milli ma jirrikonoxxux l-għoti tan-nazzjonalità minn Stat Membru ieħor, li s-sentenza Nottebohm jidher li tappoġġja ( 68 ). Lanqas ma teżisti bażi loġika għall-affermazzjoni li, peress li l-Istati Membri huma obbligati jirrikonoxxu n-nazzjonalità mogħtija minn Stati Membri oħra, id-dritt tagħhom dwar in-nazzjonalità għandu jinkludi regola partikolari, a fortiori waħda li teżiġi “rabta ġenwina” bħala kundizzjoni sabiex wieħed ikollu din in-nazzjonalità. Dmir taħt id-dritt tal-Unjoni li tiġi rrikonoxxuta n-nazzjonalità mogħtija minn Stati Membri oħra huwa rikonoxximent reċiproku tas-sovranità ta’ kull Stat Membru, u r-rispett tagħha – u mhux mezz sabiex jiġu kompromessi l-kompetenzi esklużivi li jgawdu minnhom l-Istati Membri f’dan il-qasam. Deċiżjoni mod ieħor tkun tfixkel il-bilanċ stabbilit b’attenzjoni kbira bejn iċ-ċittadinanza nazzjonali u dik tal-Unjoni fit-Trattati u tkun tikkostitwixxi tnaqqis kompletament illegali tal-kompetenza tal-Istati Membri f’qasam sensittiv ħafna li huma ddeċidew b’mod ċar li jżommu taħt il-kontroll esklużiv tagħhom. |
|
58. |
Minn dan isegwi li, fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni ma pprovatx li, sabiex iċ-ċittadinanza nazzjonali tingħata legalment, l-Artikolu 20 TFUE jeżiġi l-eżistenza ta’ “rabta ġenwina” jew ta’ “rabta ġenwina minn qabel” bejn Stat Membru u individwu differenti minn dak li jista’ jeżiġi d-dritt intern ta’ Stat Membru. Ir-Repubblika ta’ Malta jista’ jkollha kawża xi twieġeb fir-rigward tat-tieni u tat-tielet stadju tal-kawża tal-Kummissjoni: madankollu, applikazzjoni fidila tal-approċċ fi tliet stadji tal-Kummissjoni tikkonvinċini li ma huwiex neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi lil hinn mid-deċiżjoni dwar l-ewwel stadju. Fl-assenza ta’ prova ta’ xi ksur ieħor tad-dritt tal-Unjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan ir-rikors. |
Fuq l‑ispejjeż
|
59. |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
60. |
F’din il-kawża, il-Kummissjoni u r-Repubblika ta’ Malta talbu, rispettivament, li l-parti l-oħra fil-kawża tiġi ordnata tbati l-ispejjeż. |
|
61. |
Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-Repubblika ta’ Malta. |
Konklużjoni
|
62. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) L-Iskema dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2020 tikkonsisti fl-Att dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2020 u fir-Regolamenti tal‑2020, deskritti fil-punti 5 sa 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 3 ) Iktar ’il quddiem id-“dritt internazzjonali”.
( 4 ) L-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap. 188), l-Att XXX tal‑1965, kif emendat bl-Atti: II tal‑1970, XXXI tal‑1972, LVIII tal‑1974, XXXI tal‑1975, IX tal‑1977, XIII tal‑1983, XXIV tal‑1989, IV tal‑2000 u X tal‑2007; bl-Avviż Legali 410 tal‑2007; u bl-Atti XV tal‑2013, XXIV tal‑2017, u XXVI tal‑2017 u XV u XXXVIII tal‑2020.
( 5 ) L-Artikolu 2(1) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija jipprovdi li “‘il-Ministru’ tfisser il-Ministru għal dak iż-żmien responsabbli għall-ħwejjeġ li għandhom x’jaqsmu maċ-ċittadinanza Maltija, u, safejn tingħata awtorità, tinkludi kull persuna awtorizzata minn dak il-Ministru biex taġixxi f’ismu”.
( 6 ) Leġiżlazzjoni Sussidjarja (L.S.) 188.01 Regolamenti dwar iċ-Ċittadinanza tal‑1 ta’ Awwissu 1989 (Avviż Legali 106 tal‑1989, kif emendat bl-Avviżi Legali 16 tal‑1993, 232 tal‑1997, 26 tal‑2000, 188 u 410 tal‑2007, u 17, 63 tal‑2014; bl-Att XIII tal‑2015, u bl-Avviż Legali 336 tal‑2017 u 214 tal‑2019 u 443 tal‑2020).
( 7 ) Att Nru XXXVIII tal‑2020, ippubblikat fil‑31 ta’ Lulju 2020. Fil‑15 ta’ Novembru 2013, ir-Repubblika ta’ Malta adottat l-Att Nru XV tal‑2013 li jemenda l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap. 188 (15 ta’ Novembru 2013)) (iktar ’il quddiem l-“Att dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2013”). Parallelament mal-proċedura prevista fl-Artikolu 10(1) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija, l-Att dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2013 stabbilixxa metodu iktar mgħaġġel għal naturalizzazzjoni permezz ta’ parteċipazzjoni fi “programm tal-investitur individwali” irregolat minn kundizzjonijiet u proċeduri separati. Ir-Regolamenti dwar il-Programm tal-Investitur Individwali tar-Repubblika ta’ Malta tal‑2014 (Leġiżlazzjoni Sussidjarja 188.03 tal-Liġijiet ta’ Malta), adottati taħt l-Avviż Legali 47 tal‑2014 u ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta fl‑4 ta’ Frar 2014 (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal‑2014”), tħassru fl‑20 ta’ Novembru 2020 permezz tal-Avviż Legali 437 tal‑2020. Limitu ta’ 1800 applikant magħżul (bl-esklużjoni tad-dipendenti) japplika għall-iskema adottata skont l-Att dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2013 u r-Regolamenti tal‑2014 (iktar ’il quddiem l-“Iskema dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2014”). Minkejja x-xebh bejn l-Iskemi dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2014 u tal‑2020 u d-diversi riferimenti fis-sottomissjonijiet bil-miktub għat-tnejn li huma, dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa limitat għall-Iskema dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2020.
( 8 ) Skont l-Artikolu 10(9) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija, kif emendat bl-Att dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2020.
( 9 ) Leġiżlazzjoni Sussidjarja 188.06 tal-Liġijiet ta’ Malta. Ir-Regolamenti tal‑2020 ġew adottati taħt l-Avviż Legali 437 tal‑2020.
( 10 ) Filwaqt li r-Regolamenti tal‑2020 ħassru r-Regolamenti tal‑2014, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(1) tar-Regolamenti tal‑2020 iżomm ir-Regolamenti tal‑2014 fis-seħħ sakemm jintlaħaq in-numru massimu ta’ 1800 applikazzjoni awtorizzata taħt dawn tal-aħħar.
( 11 ) L-applikazzjonijiet jistgħu jinkludu membri “dipendenti” tal-familja ta’ applikant bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li jsir pagament addizzjonali ta’ EUR 50000 għal kull wieħed minnhom. Ara l-Artikolu 16(3) tar-Regolamenti tal‑2020 u l-punt 1(b) tal-Ewwel Skeda ta’ dawn ir-regolamenti.
( 12 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Lulju 1992, Micheletti et (C‑369/90, EU:C:1992:295, punt 10, iktar ’il quddiem is-“sentenza Micheletti”); tal‑20 ta’ Frar 2001, Kaur (C‑192/99, EU:C:2001:106, punt 19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kaur”); tad‑19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 37, iktar ’il quddiem is-“sentenza Zhu u Chen”); tat‑2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104, punti 39, 41 u 45, iktar ’il quddiem is-“sentenza Rottmann”); u tat‑12 ta’ Marzu 2019, Tjebbes et (C‑221/17, EU:C:2019:189, punt 30, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tjebbes”).
( 13 ) Sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C‑413/99, EU:C:2002:493, punt 82).
( 14 ) Sentenza Tjebbes, punt 35.
( 15 ) Sentenza Rottmann, punt 51, u s-sentenza Tjebbes, punt 33. Ara wkoll is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 1980, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (149/79, EU:C:1980:297, punt 10), u Liechtenstein vs Gwatemala, Eċċezzjonijiet (it-Tieni Fażi). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (iktar ’il quddiem il-“QIĠ”) tas‑6 ta’ April 1955, [1955] QIĠ Ġabra 4, 20 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Nottebohm”).
( 16 ) Kif iddefinita fl-Artikolu 2(1) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija.
( 17 ) Ara l-“Passport Papers” ippubblikati mid-Daphne Caruana Galizia Foundation. https://www.daphne.foundation/passport-papers/2021/04/round-up.
( 18 ) Sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija (C‑488/15, EU:C:2017:267, punt 50).
( 19 ) Sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (C‑350/02, EU:C:2004:389, punt 20). L-għan tal-proċedura prekontenzjuża huwa li l-Istat Membru kkonċernat ikollu l-opportunità li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni jew li jippreżenta d-difiża tiegħu fil-konfront tal-ilmenti tal-Kummissjoni b’mod effettiv. Ir-regolarità ta’ din il-proċedura hija essenzjali għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ dan l-Istat Membru u sabiex jiġi żgurat li s-suġġett tal-proċedura kontenzjuża jiġi ddefinit b’mod ċar. Il-proċedura prekontenzjuża għandha għalhekk tliet għanijiet: li tippermetti lil Stat Membru jtemm kwalunkwe ksur, li tippermettilu jeżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu u li tiddefinixxi s-suġġett tal-kawża fid-dawl tal-preżentata ta’ rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovakkja, C‑433/13, EU:C:2015:602, punti 39 u 49).
( 20 ) Ir-rekwiżit li s-suġġett ta’ proċedura taħt l-Artikolu 258 TFUE jkun limitat mill-proċedura prekontenzjuża prevista minnu ma jeżiġix li, f’kull rikors, id-dispożittiv tal-opinjoni motivata u t-talbiet tar-rikors ikunu identiċi, sakemm is-suġġett ta’ dan tal-aħħar la jkun estiż u lanqas mibdul, iżda jkun limitat (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2006, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑177/04, EU:C:2006:173, punt 37).
( 21 ) Sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑543/08, EU:C:2010:669, punt 20). Ara wkoll l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 120(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.
( 22 ) Ara l-Artikolu 260(1) TFUE.
( 23 ) Fil-kuntest ta’ proċedura taħt l-Artikolu 258 TFUE, hija esklużivament il-Kummissjoni, meta tqis li Stat Membru jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu, li għandha tevalwa jekk huwiex xieraq li tieħu azzjoni kontra dan l-Istat, tidentifika d-dispożizzjonijiet li hija tallega li l-Istat kiser u li tagħżel meta ser tibda din il-proċedura (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2016, Il‑Kummissjoni vs Malta, C‑12/14, EU:C:2016:135, punt 24).
( 24 ) Ir-Repubblika ta’ Malta ssostni li l-Iskema dwar iċ-Ċittadinanza tal‑2020 tapplika kriterji oġġettivi u trasparenti. L-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità, adottata taħt l-awspiċji tal-Kunsill tal-Ewropa, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Marzu 2000 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità”), jipprovdi li “[i]r-regoli ta’ Stat Parti dwar in-nazzjonalità ma għandhomx jinkludu distinzjonijiet jew xi prassi li jammontaw għal diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-reliġjon, ir-razza, il-kulur jew l-oriġini nazzjonali jew etnika” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
( 25 ) Ara, għal dan l-għan, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 26 ) Sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovenja (Arkivji tal-BĊE) (C‑316/19, EU:C:2020:1030, punti 119 u 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 27 ) Ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 28 ) Sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques (C‑673/20, EU:C:2022:449, punti 46 sa 48 u 57, iktar ’il quddiem is-“sentenza Préfet du Gers”). Il-punt 48 tagħha jgħid li “[p]ermezz tal-Artikolu 9 TUE u permezz tal-Artikolu 20 TFUE, l-awturi tat-Trattati stabbilixxew għalhekk rabta indisoċjabbli u esklużiva bejn il-pussess tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru u l-kisba, iżda wkoll iż‑żamma, tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni”. Wara d-deċiżjoni sovrana tar-Renju Unit li joħorġu mill-Unjoni abbażi tal-Artikolu 50(1) TUE, it-Trattati ma baqgħux japplikaw għar-Renju Unit mid-dħul fis-seħħ, fl‑1 ta’ Frar 2020, tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7). Minn dakinhar, iċ-ċittadini tar-Renju Unit ma għandhomx iktar in-nazzjonalità ta’ Stat Membru u ma għadhomx ċittadini tal-Unjoni. Ara s-sentenza Préfet du Gers, punt 91.
( 29 ) Sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2001, Grzelzyk (C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31). Ara wkoll is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C‑413/99, EU:C:2002:493, punt 82), u tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland (C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 62). Fl-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-KEDB) tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 172), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “[i]l-missjoni li jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni, kif imfakkra fl-Artikolu 3 TUE, hija, min-naħa tagħha, fdata lil sensiela ta’ dispożizzjonijiet fundamentali, bħalma huma dawk li jipprevedu l-libertà ta’ moviment tal-merkanzija, tas-servizzi, tal-kapital u tal-persuni, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja kif ukoll il-politika tal-kompetizzjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet, li jagħmlu parti mill-qafas ta’ sistema partikolari għall-Unjoni, huma strutturati b’mod li jikkontribwixxu, kull waħda fil-qasam speċifiku tagħha u bil-karatteristiċi partikolari tagħha, sabiex jitwettaq il-proċess ta’ integrazzjoni li huwa r-raġuni eżistenzjali tal-Unjoni stess”.
( 30 ) Ara wkoll is-sentenza Tjebbes, punt 31, u s-sentenza Préfet du Gers, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 31 ) Artikolu 20(2)(a) TFUE u Artikolu 21 TFUE. Id-drittijiet li l-Artikolu 21(1) TFUE jagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni huma intiżi, fost l-oħrajn, li jippromwovu l-integrazzjoni progressiva tagħhom fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2017, Lounes, C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 56).
( 32 ) Suġġett għall-kundizzjonijiet u għal-limiti ddefiniti fit-Trattati u fil-miżuri adottati taħthom: Artikolu 20(2)(b) TFUE u Artikolu 22 TFUE. Ara wkoll l-Artikoli 40 u 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).
( 33 ) L-Artikolu 18 TFUE huwa intiż li japplika indipendentement biss għal sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom it-TFUE ma jinkludix regoli speċifiċi dwar in-nondiskriminazzjoni (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punti 63 u 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 34 ) L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), jipprevedi li “[i]ċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur mingħajr xi kondizzjonijiet jew formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi”. B’kuntrast għal dan, skont l-Artikoli 7 u 16 tad-Direttiva 2004/38, id-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru ieħor għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur iżda inqas minn ħames snin huwa suġġett għal kundizzjonijiet addizzjonali. Pereżempju, l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi li ċ-ċittadini tal-Unjoni mhux attivi għandhom ikollhom “biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza […]”. Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland (C‑709/20, EU:C:2021:602, punti 75 sa 79).
( 35 ) Ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kisba jew it-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Ir-Repubblika ta’ Malta osservat matul is-seduta li tali leġiżlazzjoni tista’ tiġi introdotta abbażi tal-Artikolu 352 TFUE.
( 36 ) Fis-sottomissjonijiet kemm bil-miktub kif ukoll orali tagħha, il-Kummissjoni ssostni li ma hijiex qiegħda tibbaża ruħha fuq id-dritt internazzjonali f’din il-proċedura. Din l-affermazzjoni hija kemxejn inkompatibbli mal-invokazzjoni tagħha tas-sentenza Nottebohm insostenn tal-argument tagħha. Fi kwalunkwe każ, id-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-Istati Membri josservaw id-dritt internazzjonali meta jistabbilixxu regoli dwar il-kisba u r-revoka tan-nazzjonalità: Ara s-sentenza Tjebbes, punt 30. Minn dan isegwi li, fl-assenza ta’ kunflitt, l-istandards tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam huma bbażati fuq id-dritt internazzjonali u għandhom josservawh. Ara, madankollu, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Kadi vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P, EU:C:2008:11, punt 24), fejn jindika li “[i]r-relazzjoni bejn il-liġi internazzjonali u s-sistema legali [tal-Unjoni] hija rregolata mis-sistema legali [tal-Unjoni] nnifisha, u l-liġi internazzjonali tista’ tidħol f’dik is-sistema legali biss skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-prinċipji kostituzzjonali tal-[Unjoni]”.
( 37 ) Sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Wiener Landesregierung (Revoka ta’ assigurazzjoni ta’ naturalizzazzjoni) (C‑118/20, EU:C:2022:34, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, iktar ’il quddiem is-“sentenza Wiener Landesregierung”). Ara, b’analoġija, is-sentenza Kaur, punt 25. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dikjarazzjoni unilaterali ta’ Stat Membru, qabel l-adeżjoni tiegħu mal-Komunità Ewropea (KE), intiża li tiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-dispożizzjonijiet Komunitarji, u għalhekk iċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru li jibbenefikaw minn dawn id-dispożizzjonijiet, ma kinitx iċċaħħad liċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru mill-benefiċċju ta’ dawn id-drittijiet, peress li dawn qatt ma kienu bbenefikaw minnhom.
( 38 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Collins fil-kawża Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques (C‑673/20, EU:C:2022:129, punt 22).
( 39 ) ĠU 1992, C 191, p. 98 (iktar ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni Nru 2”), annessa mat-Trattat ta’ Maastricht tal‑1992 li stabbilixxa ċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Id-Dikjarazzjoni Nru 2 kellha l-għan li tiċċara l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għamlu riferiment għall-kunċett ta’ “nazzjonali” u għalhekk għandha tittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tat-TUE (sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2023, Udlændinge- og Integrationsministeriet (Telf ta’ nazzjonalità Daniża), C‑689/21, EU:C:2023:626, punt 27).
( 40 ) Din l-“entità politika waħda” hija limitata mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati u għalhekk ma għandhiex tiġi assimilata ma’ dik ta’ Stat.
( 41 ) Artikolu 20(2)(b) TFUE. Ara wkoll l-Artikoli 9 sa 11 TUE dwar il-Prinċipji Demokratiċi, li jagħmlu riferiment b’mod estensiv għaċ-ċittadini tal-Unjoni.
( 42 ) Punt 10.
( 43 ) Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Micheletti et (C‑369/90, EU:C:1992:47, punti 3 u 4), l-Avukat Ġenerali Tesauro ddikjara li l-kisba u t-telf tan-nazzjonalità hija kwistjoni esklużiva ta’ kull Stat. Il-pussess tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru, irrispettivament minn kif tkun inkisbet, huwa l-uniku prerekwiżit li individwu għandu jissodisfa sabiex jeżerċita d-dritt ta’ stabbiliment, u l-ebda fattur jew kriterju ieħor ma jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni.
( 44 ) Punt 39. Ara wkoll is-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C‑148/02, EU:C:2003:539, punt 28). Fis-sentenza Zhu u Chen, fil-punt 39, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tagħmilx riferiment għal restrizzjoni imposta mil-leġiżlazzjoni, iżda tindika b’mod wiesa’ li Stat Membru ma jistax jirrestrinġi l-effetti tal-għoti tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor billi jimponi kundizzjonijiet addizzjonali għar-rikonoxximent ta’ din tal-aħħar.
( 45 ) Artikoli 17 u 18 KE (li saru l-Artikoli 20 u 21 TFUE).
( 46 ) Il-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi jirregola l-għoti tal-kompetenzi lill-Unjoni: Artikolu 4(1) u Artikolu 5(1) u (2) TUE. Il-kompetenzi kollha li ma ngħatawx lill-Unjoni jibqgħu għand l-Istati Membri. L-Unjoni ma tistax tassumi kompetenzi f’oqsma riżervati esklużivament għall-Istati Membri.
( 47 ) Is-sentenza Rottmann, punti 39 u 41, u s-sentenza Tjebbes, punt 30, japplikaw din il-proposta ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.
( 48 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2021, Stolichna obshtina, rayon Pancharevo (C‑490/20, EU:C:2021:1008, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “id-definizzjoni tal‑kundizzjonijiet ta’ ksib u ta’ telf tan-nazzjonalità taqa’, skont id-dritt internazzjonali, taħt il-kompetenza ta’ kull Stat Membru u li, min-naħa l-oħra, f’sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, ir-regoli nazzjonali kkonċernati għandhom ikunu konformi ma’ dan tal-aħħar”.
( 49 ) L-Artikolu 258 TFUE jippermetti lill-Kummissjoni tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu meta tkun tal-fehma li Stat Membru jkun naqas milli jwettaq obbligu taħt id-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma jimponi fuqha li tiddistingwi skont in-natura u l-gravità tal-ksur allegat. Sentenza tas‑27 ta’ Novembru 1990, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑209/88, EU:C:1990:423, punt 14). Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑19/05, EU:C:2007:606, punt 35).
( 50 ) Sentenza Zhu u Chen, punti 34 sa 40.
( 51 ) Ara, b’analoġija, Sloane, R. D., Breaking the Genuine Link. The Contemporary International Legal Regulation of Nationality, Harvard International Law Review, Vol. 50, Nru 1. L-awtur iqis li s-sentenza Nottebohm tista’ tinqara korrettament bħala deċiżjoni restrittiva li fiha l-QIĠ invokat il-prinċipju ġenerali tal-abbuż ta’ dritt sabiex tipprekludi lil F. Nottebohm milli jevadi l-konsegwenzi tad-dritt tal-gwerra.
( 52 ) Il-prova ta’ prassi abbużiva teħtieġ, l-ewwel, kombinazzjoni ta’ ċirkustanzi oġġettivi li fihom, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet stabbiliti bid-dritt tal-Unjoni, l-għan imfittex minn dawn ir-regoli ma jkunx intlaħaq u, it-tieni, element suġġettiv li jikkonsisti fl-intenzjoni li jinkiseb vantaġġ mir-regoli tal-Unjoni billi jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tiegħu. Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark (C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punti 70 u 97 u l-ġurisprudenza ċċitata) (iktar ’il quddiem is-“sentenza T Danmark”).
( 53 ) Sentenza T Danmark, punti 70 u 71 u l-ġurisprudenza ċċitata. Il-kunċett ta’ abbuż tad-dritt tal-Unjoni jew ta’ abbuż ta’ drittijiet jista’, bħala prinċipju, japplika għall-azzjonijiet tal-individwi u tal-Istati Membri, sakemm jiġu stabbiliti l-kompetenza meħtieġa tal-Unjoni u l-provi neċessarji.
( 54 ) Punti 41, 42, 48, 57 u 58.
( 55 ) L-Artikolu 15(2) tal-Istqarrija Universali dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl‑10 ta’ Diċembru 1948, jistipula li “[ħ]add m’ghandu jkun imċahħad ghal xejn b’xejn min-nazzjonalità tieghu”. L-Artikolu 8(2)(b) tal-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija, iffirmata fi New York fit‑30 ta’ Awwissu 1961, li daħlet fis-seħħ fit‑13 ta’ Diċembru 1975, jipprovdi li persuna tista’ tiġi mċaħħda min-nazzjonalità ta’ Stat Kontraenti meta tali nazzjonalità tkun inkisbet b’dikjarazzjoni falza jew bi frodi. L-Artikolu 8(4) jżid li Stat Kontraenti għandu jeżerċita s-setgħa li jċaħħad lil individwu miċ-ċittadinanza tiegħu kif permess mill-Artikolu 8(2)(b) biss skont il-liġi, li għandha tipprovdi lill-persuna kkonċernata d-dritt għal smigħ xieraq minn qorti jew korp indipendenti ieħor. Barra minn hekk, l-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità jipprevedi li “Stat Parti ma jistax jipprevedi fid-dritt intern tiegħu t-telf tan-nazzjonalità tiegħu ex lege jew fuq inizjattiva tal-Istat Parti, ħlief fil-każijiet li ġejjin: […] (b) il-kisba tan-nazzjonalità tal-Istat Parti permezz ta’ mġieba frawdolenti, ta’ informazzjoni falza jew tal-ħabi ta’ xi fatt rilevanti attribwibbli lir-rikorrent” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara wkoll l-Artikolu 18(2)(a) tagħha li jipprovdi li, “fit-teħid tad-deċiżjoni dwar l-għoti jew iż-żamma tan-nazzjonalità f’każijiet ta’ suċċessjoni tal-Istat, kull Stat Parti kkonċernat għandu jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari: […] (a) ir-rabta ġenwina u effettiva tal-persuna kkonċernata mal-Istat […]”.
( 56 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li deċiżjoni ta’ revoka tan-nazzjonalità abbażi ta’ qerq tista’ tiġi ġġustifikata fl-interess ġenerali (sentenza Rottmann, punt 51; sentenza Tjebbes, punt 33; u sentenza Wiener Landesregierung, punt 52).
( 57 ) Kienet il-qorti tar-rinviju li kellha tiddetermina dan.
( 58 ) Punti 35, 40 u 41. Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk l-Artikolu 20 TFUE jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li n-nazzjonalità tiegħu tista’ tintilef ex lege. Fil-każ ta’ persuni li ma jkunux ukoll ċittadini ta’ Stat Membru ieħor, dan it-telf ta’ ċittadinanza tal-Unjoni jseħħ fl-assenza ta’ eżami individwali tal-proporzjonalità ta’ dan it-telf għall-persuna kkonċernata.
( 59 ) U, jekk ikun il-każ, għall-membri tal-familja tagħha (sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2023, Udlændinge- og Integrationsministeriet (Telf tan-nazzjonalità Daniża), C‑689/21, EU:C:2023:626, punt 32). It-telf tan-nazzjonalità għandu jkun konsistenti mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta, b’mod partikolari mad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja stabbilit fl-Artikolu 7 tagħha (sentenza Tjebbes, punt 45; sentenza Wiener Landesregierung, punt 61).
( 60 ) Ara s-sentenza Tjebbes, punt 41, u s-sentenza Wiener Landesregierung, punt 59. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li deċiżjoni ta’ Stat Membru li jirrevoka assigurazzjoni li jagħti n-nazzjonalità, li wasslet għat-telf permanenti taċ-ċittadinanza tal-Unjoni għall-persuna kkonċernata, kienet inkompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità meta r-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni kienu li dan l-individwu kien wettaq reati amministrattivi tat-traffiku punibbli b’sanzjonijiet pekunjarji (sentenza Wiener Landesregierung, punt 74).
( 61 ) Sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Stadt Duisburg (Telf tan-nazzjonalità Ġermaniża) (C‑684/22 sa C‑686/22, EU:C:2024:345, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 62 ) Ara, b’analoġija, l-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità, li jipprovdi li “Stat Parti ma jistax jipprevedi fid-dritt intern tiegħu t-telf tan-nazzjonalità tiegħu ex lege jew fuq inizjattiva tal-Istat Parti, ħlief fil-każijiet li ġejjin: […] (e) nuqqas ta’ rabta ġenwina bejn l-Istat Parti u ċittadin li jirrisjedi abitwalment barra mill-pajjiż” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Konvenzjoni ma tiddefinixxix din ir-“rabta ġenwina”. Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li l-Artikolu 7(1)(e) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità jħalli lil kull Stat Parti l-kompitu li jiddeċiedi x’inhi rabta ġenwina bejnu u ċ-ċittadini tiegħu.
( 63 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ April 2024, Stadt Duisburg (Telf tan-nazzjonalità Ġermaniża) (C‑684/22 sa C‑686/22, EU:C:2024:345, punti 56 sa 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, b’kuntrast għal dan, is-sentenza Préfet de Gers, punt 62, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu li jitwettaq eżami individwali tal-proporzjonalità tal-konsegwenzi tat-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma japplikax għat-telf ta’ dan l-istatus bħala riżultat awtomatiku ta’ deċiżjoni sovrana ta’ ex Stat Membru li joħroġ mill-Unjoni.
( 64 ) Freidrich Nottebohm, ċittadin Ġermaniż, twieled il-Ġermanja fl‑1881. Fl‑1905, huwa stabbilixxa ruħu fil-Gwatemala u fetaħ impriża. Fl‑1939, immedjatament wara l-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija, huwa applika biex isir ċittadin ta’ Liechtenstein. Wara li kiseb passaport ta’ Liechtenstein f’Diċembru 1939, F. Nottebohm ġab viża mill-Konslu Ġenerali tal-Gwatemala f’Zürich. Huwa rritorna lejn il-Gwatemala fil-bidu tas-sena 1940 biex ikompli l-attivitajiet kummerċjali tiegħu. Fl‑1943, F. Nottebohm ġie arrestat mill-awtoritajiet tal-Gwatemala fuq l-inizjattiva tal-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika, ingħata lill-forzi armati ta’ dan tal-aħħar u ġie ddeportat lejn l-Istati Uniti fejn inżamm bħala priġunier mingħajr smigħ għal sentejn u tliet xhur. L-awtoritajiet tal-Gwatemala bdew proċeduri ġudizzjarji kontra F. Nottebohm għall-esproprjazzjoni, mingħajr kumpens, tal-proprjetajiet tiegħu. F’Diċembru 1951, il-Gvern ta’ Liechtenstein beda proċeduri quddiem il-QIĠ għal restituzzjoni u għal kumpens kontra l-Gvern tal-Gwatemala minħabba l-azzjonijiet tiegħu kontra l-persuna u l-proprjetà ta’ F. Nottebohm. Il-Gvern tal-Gwatemala eċċepixxa li din it-talba kienet inammissibbli minħabba, b’mod partikolari, li l-Prinċipat tal-Liechtenstein ma kienx ipprova li F. Nottebohm, “li l-Prinċipat tal-Liechtenstein qiegħed jaġixxi għall-protezzjoni tiegħu”, kien kiseb in-nazzjonalità tal-Liechtenstein b’mod validu skont id-dritt ta’ dan l-Istat. Is-sentenza tal-QIĠ, li hija limitata għall-kwistjoni ta’ ammissibbiltà, teżamina “jekk in-nazzjonalità mogħtija lis-Sur Nottebohm tistax tiġi invokata kontra l-Gwatemala […] fil-proċedura mibdija quddiem il-[QIĠ]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
( 65 ) Ara, b’analoġija, l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità tas‑6 ta’ Novembru 1997, li jipprovdi li “kull Stat għandu jiddetermina permezz tal-leġiżlazzjoni tiegħu min huma ċ-ċittadini tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-Artikolu 3(2) tagħha jipprevedi li “din il-leġiżlazzjoni għandha tiġi aċċettata mill-Istati l-oħra sa fejn tkun konsistenti mal-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli, mad-dritt konswetudinali internazzjonali u mal-prinċipji legali ġeneralment irrikonoxxuti fil-qasam tan-nazzjonalità”. Ara wkoll l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar Ċerti Kwistjonijiet Relatati mal-Kunflitt tal-Liġijiet dwar in-Nazzjonalità (adottata fit‑13 ta’ April 1930, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 1937) 179 LNTS 4137 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar il-Kunflitt tal-Liġijiet dwar in-Nazzjonalità”), li t-test tiegħu huwa kważi identiku għall-Artikolu 3(1) u (2) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità. L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni dwar il-Kunflitt tal-Liġijiet dwar in-Nazzjonalità jipprovdi li “kwalunkwe kwistjoni dwar jekk persuna għandhiex in-nazzjonalità ta’ Stat partikolari għandha tiġi ddeterminata skont id-dritt ta’ dak l-Istat” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ir-riferimenti għad-dritt internazzjonali f’dawn il-konvenzjonijiet huwa kemmxejn ċirkolari. Wieħed jaf jistenna li tali konvenzjonijiet jiddefinixxu jew, tal-inqas, jistipulaw il-kundizzjonijiet minimi li d-dritt internazzjonali jeżiġi meta Stat jagħti n-nazzjonalità lil persuna. Li dawn il-konvenzjonijiet sistematikament evitaw li jistabbilixxu anki standards minimi f’dan il-qasam fil-fehma tiegħi juri intenzjoni ċara li d-definizzjoni tan-nazzjonalità u l-kundizzjonijiet għall-għoti tagħha jitħallew għad-dritt tal-Istati individwali. Minn dan isegwi li, sa llum, id-dritt internazzjonali kellu biss impatt marġinali f’dan il-qasam.
( 66 ) Il-QIĠ kompliet billi kkonstatat li “[…] ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat jekk id-dritt internazzjonali jimponix xi limitazzjonijiet fuq il-libertà deċiżjonali tiegħu f’dan il-qasam. Barra minn hekk, in-nazzjonalità għandha l-iktar effetti immedjati, estensivi u, għal ħafna nies, l-uniċi effetti tagħha, fi ħdan is-sistema legali tal-Istat li jagħtiha. In-nazzjonalità sservi fuq kollox sabiex jiġi ddeterminat li l-persuna li lilha tingħata tgawdi mid-drittijiet u tkun marbuta bl-obbligi li d-dritt tal-Istat inkwistjoni jagħti jew jimponi fuq iċ-ċittadini tiegħu. Dan huwa implikat fil-kunċett usa’ li n-nazzjonalità taqa’ fi ħdan il-kompetenza interna tal-Istat” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
( 67 ) Ma hemmx regoli aċċettati b’mod universali għall-kisba tan-nazzjonalità taħt id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt internazzjonali. Dan huwa l-każ anki jekk l-Istati jaf ta’ spiss jagħtu n-nazzjonalità abbażi ta’ (varjanti ta’) standards jew kunċetti komuni bħall-ius soli jew il-ius sanguinis. Ara, b’analoġija, l-Artikolu 6(1)(a) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità.
( 68 ) Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Micheletti et (C‑369/90, EU:C:1992:47, punt 5), l-Avukat Ġenerali Tesauro ddikjara li huwa “ma kienx tal-fehma li l-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tikkostitwixxi qafas xieraq sabiex jitqajmu l-problemi relatati man-nazzjonalità effettiva, li l-oriġini tagħhom tinsab f’“perijodu romantiku” tar-relazzjonijiet internazzjonali u, b’mod partikolari, fil-kunċett ta’ protezzjoni diplomatika; inqas u inqas għandha rilevanza […] is-sentenza magħrufa sew (u, tajjeb li wieħed jiftakar, kontroversjali) Nottebohm tal-[QIĠ]”.