Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
EMILIOU
ippreżentati fit‑18 ta’ April 2024 (1)
Kawża C‑119/23
Virgilijus Valančius
vs
Lietuvos Respublikos Vyriausybė,
fil-preżenza ta’:
Lietuvos Respublikos Seimo kanceliarija,
Lietuvos Respublikos Prezidento kanceliarija,
Saulius Lukas Kalėda
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja)
“Talba għal deċiżjoni preliminari – Proċedura nazzjonali ta’ għażla ta’ kandidat għall-ħatra bħala mħallef tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 19(2) TUE – Artikolu 254 TFUE – Rekwiżit tal-assenza ta’ kull dubju dwar l-indipendenza tal-kandidat – Indipendenza tal-ġudikatura – Grupp ta’ esperti indipendenti – Kriterji ta’ għażla – Lista kklassifikata tal-kandidati”
I. Introduzzjoni
1. Il-ħatra tal-imħallfin tal-Qorti Ġenerali hija rregolata mill-Artikolu 19(2) TUE u l-Artikolu 254 TFUE. Dawn id-dispożizzjonijiet – relattivament qosra u fformulati b’mod simili – jipprovdu, inter alia, li l-imħallfin “jiġu maħtura bi qbil komuni mill-gvernijiet ta’ l-Istati Membri [...] wara konsultazzjoni mal-Kumitat previst bl-Artikolu 255” u “jintgħażlu minn fost persuni li ma jkunx hemm dubbju dwar l-indipendenza tagħhom u li jkollhom il-kapaċità li jeżerċitaw funzjonijiet għolja fil-ġudikatura”.
2. Il-prinċipji stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għall-proċeduri nazzjonali tal-għażla tal-kandidati li għandhom jiġu proposti mill-gvernijiet tal-Istati Membri għall-kariga ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali? Fl-affermattiv, ir-rekwiżit ta’ indipendenza previst minn dawn id-dispożizzjonijiet jimplika ċerti obbligi speċifiċi għall-Istati Membri fir-rigward tal-mod kif għandhom jorganizzaw u jmexxu tali proċeduri? B’mod iktar preċiż, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi lil Stat Membru, li jkun waqqaf grupp ta’ esperti indipendenti sabiex jevalwa l-kandidati u jistabbilixxi lista li tikklassifika dawk li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kompetenza professjonali u ta’ indipendenza, milli jagħżel kandidat minn din il-lista differenti minn dak fl-ewwel pożizzjoni?
3. Dawn huma, essenzjalment, il-kwistjonijiet prinċipali li tqajmu fil-kuntest ta’ din il-proċedura.
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
4. Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/124/UE tal‑25 ta’ Frar 2010 dwar ir-regoli ta’ funzjonament tal-Kumitat previst fl-Artikolu 255 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (2) (iktar ’il quddiem il-“Kumitat tal-Artikolu 255”), dawn ir-regoli jinsabu fl-Anness ta’ din id-deċiżjoni. Il-punti 6 sa 8 tar-regoli huma fformulati kif ġej:
“6. Riferiment quddiem il-kumitat u talba għal informazzjoni addizzjonali
Malli l-gvern ta’ Stat Membru jipproponi kandidat, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jittrasmetti din il-proposta lill-President tal-Kumitat.
Il-Kumitat jista’ jitlob lill-gvern li jkun ippreżenta l-proposta ta’ nomina sabiex jibagħtlu informazzjoni addizzjonali jew elementi oħra li fil-fehma tal-kumitat ikunu meħtieġa għad-deliberazzjonijiet tiegħu.
7. Seduta
Ħlief fil-każ ta’ proposta dwar it-tiġdid ta’ mandat ta’ Mħallef jew ta’ Avukat Ġenerali, il-Kumitat għandu jisma’ lill-kandidat waqt seduta li ma tkunx miftuħa għall-pubbliku.
8. Motivazzjoni u preżentazzjoni tal-opinjoni
L-opinjoni mogħtija mill-Kumitat għandha tkun motivata. Il-motivazzjoni għandha tindika r-raġunijiet essenzjali li fuqhom il-Kumitat ikun ibbaża l-opinjoni tiegħu.
L-opinjoni tal-kumitat għandha tintbagħat lir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri. […]”
B. Id‑dritt nazzjonali
5. L-Artikolu 52(3) tal-Lietuvos Respublikos Vyriausybės įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-Gvern) tad‑19 ta’ Mejju 1994 (3) jipprovdi:
“Il-Gvern jaħtar lill-kandidati għall-imħallfin tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea [(iktar ’il quddiem il-“Qorti Ġenerali”)], wara l-approvazzjoni tal-President tar-Repubblika tal-Litwanja u wara konsultazzjoni mal-Parlament tal-Litwanja skont il-kundizzjonijiet previsti mil-Lietuvos Respublikos Seimo statutas [(l-Istatut tal-Parlament tar-Repubblika tal-Litwanja)].”
6. Il-punti 2 sa 4, 13, 15, 19, 21 u 22 tal-Pretendento į Europos Sąjungos bendrojo teismo teisėjus atrankos tvarkos aprašas (id-Deskrizzjoni tal-proċedura tal-għażla tal-kandidati għall-kariga ta’ mħallef tal-[Qorti Ġenerali]), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, adottata permezz tad-Digriet Nru 1R‑65 tal-Ministru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja tad‑9 ta’ Marzu 2021, jipprovdu:
“2. Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Għażla [(iktar ’il quddiem il-“Grupp ta’ Ħidma”)] huwa stabbilit permezz ta’ digriet tal-Prim Ministru tar-Repubblika tal-Litwanja. Il-Grupp ta’ Ħidma huwa magħmul minn seba’ persuni. Huwa jinkludi l-Ministru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja (kap tal-Grupp ta’ Ħidma) u rappreżentant tal-Parlament tar-Repubblika tal-Litwanja, rappreżentant tal-President tar-Repubblika tal-Litwanja, rappreżentant tal-Kunsill għall-Ġudikatura, rappreżentant tal-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Mykolas Romeris, rappreżentant tal-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Vilnjus u rappreżentant tal-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Vytautas Magnus. Uffiċjal tal-Ministeru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja jinħatar bħala segretarja tal-Grupp ta’ Ħidma.
3. Il-Grupp ta’ Ħidma, fid-dawl tas-sitt kriterji tal-għażla tal-kandidati għall-funzjoni ta’ mħallef tal-[Qorti Ġenerali] stabbiliti fit-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni u speċifikati fis-sitt rapport ta’ attività tal-[Kumitat tal-Artikolu 255] [...] għandu jinforma lill-pubbliku bil-ftuħ tal-proċedura tal-għażla permezz ta’ avviż ippubblikat fuq is-sit internet tal-Ministeru għall-Ġustizzja, fejn jistieden lil dawk li jissodisfaw l-imsemmija kriterji tal-għażla sabiex jippreżentaw fajl ta’ applikazzjoni għall-proċedura tal-għażla […]
4. Il-Grupp ta’ Ħidma għandu jistabbilixxi skadenza ta’ mill-inqas 10 ġranet tax-xogħol biex il-kandidati japplikaw quddiem il-Ministeru għall-Ġustizzja biex jipparteċipaw fil-proċedura tal-għażla. [...]
[…]
13. Il-proċess tal-għażla għandu jinkludi valutazzjoni dwar jekk il-kandidati jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fil-punt 3 tad-deskrizzjoni, abbażi tad-dokumenti pprovduti mill-applikanti, u intervista tal-għażla. […]
15. Fl-istadju tal-għażla, il-kandidati għandhom jiġu evalwati abbażi tas-sitt kriterji stabbiliti fil-punt 3 tad-deskrizzjoni: kapaċità ġuridika; esperjenza professjonali; ħila li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji; ħiliet lingwistiċi; kapaċità li jaħdmu f’tim f’ambjent internazzjonali fejn huma rrappreżentati diversi tradizzjonijiet legali; u garanziji ta’ indipendenza; imparzjalità, probità u integrità.
[…]
19. Fi tmiem il-proċess tal-għażla, kull membru tal-Grupp ta’ Ħidma għandu jagħti lill-kandidat marka ta’ bejn 1 u 10. Il-marka l-iktar baxxa hija ta’ punt 1 u l-ogħla hija ta’ 10 punti. Il-marki individwali assenjati mill-membri tal-Grupp ta’ Ħidma għandhom jingħaddu flimkien. Il-klassifikazzjoni stabbilita abbażi tar-riżultati miksuba għandha ssir bħala lista. Il-lista għandha tinkludi l-kandidati kollha li għalihom il-Grupp ta’ Ħidma jqis li jissodisfaw il-kriterji tal-għażla bħala mħallef tal-[Qorti Ġenerali], irrispettivament min-numru ta’ punti miksuba.
[…]
21. Fi tmiem il-proċedura tal-għażla, il-kap tal-Grupp ta’ Ħidma għandu jissottometti lill-Gvern Litwan abbozz ta’ liġi dwar il-ħatra tal-kandidat ikklassifikat fl-ogħla pożizzjoni għall-ħatra bħala mħallef fil-[Qorti Ġenerali], flimkien mal-minuti tal-laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma inklużi b’anness (il-lista ta’ klassifikazzjoni stabbilita mill-Grupp ta’ Ħidma li tindika n-numru ta’ punti miksuba mill-kandidati) u l-curriculum vitae tal-kandidat ikklassifikat fl-ogħla pożizzjoni.
22. Din hija rakkomandazzjoni dwar il-kandidat ikklassifikat fl-ogħla pożizzjoni għall-kariga ta’ mħallef tal-[Qorti Ġenerali] indirizzata lill-Gvern tal-Litwanja li, skont il-punt 52(3) tal-Liġi dwar il-Gvern, tipproponi kandidat għall-kariga ta’ mħallef fil-[Qorti Ġenerali].”
III. Il‑fatti, il‑proċedura u d‑domandi preliminari
A. Il‑proċedura tal‑għażla inkwistjoni
7. Virgilijus Valančius, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”), inħatar għall-kariga ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ April 2016, wara li ġie ppreżentat bħala kandidat mill-Gvern Litwan. Il-mandat tar-rikorrent skada fil‑31 ta’ Awwissu 2019, iżda huwa kompla jeżerċita l-funzjonijiet ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali wara din id-data, abbażi tal-Artikolu 5 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“Istatut”) (4).
8. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Lulju 2019, il-Gvern Litwan talab li l-President tar-Repubblika tal-Litwanja u l-Parlament Litwan jagħtu l-kunsens tagħhom dwar il-kandidatura ta’ V. Valančius għal mandat ġdid. Wara li din il-ħatra ma rnexxietx, minħabba l-impossibbiltà li jintlaħaq kunsens bejn it-tliet istituzzjonijiet nazzjonali kkonċernati, f’Marzu 2021 ġiet ippubblikata sejħa għal kandidaturi bl-għan li jinħatar kandidat għall-kariga ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali. Fl-istess ħin, il-Grupp ta’ Ħidma ġie stabbilit permezz ta’ Digriet tal-Prim Ministru u r-regoli li abbażi tagħhom kellha tiżvolġi l-proċedura tal-għażla ġew approvati permezz ta’ Digriet tal-Ministru għall-Ġustizzja.
9. Fl‑10 ta’ Mejju 2021, il-Grupp ta’ Ħidma evalwa l-kandidati potenzjali billi ftiehem dwar lista ta’ tmien persuni li nstabu li jissodisfaw il-kriterji ta’ għażla bħala mħallef, imqassma f’ordni dixxendenti permezz ta’ marka (iktar ’il quddiem il-“lista ta’ mertu”). Ir-rikorrent ġie identifikat fil-lista ta’ mertu bħala l-kandidat l-iktar xieraq.
10. Fil‑11 ta’ Mejju 2021, il-Ministeru għall-Ġustizzja ppropona l-kandidatura tar-rikorrent lill-Gvern Litwan.
11. Fis‑6 ta’ April 2022, il-Gvern Litwan ippropona li l-President tar-Repubblika tal-Litwanja u l-Parlament Litwan japprovaw il-kandidatura tal-persuna kklassifikata fit-tieni pożizzjoni fil-lista ta’ mertu. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Mejju 2022, il-Gvern Litwan, fid-dawl tal-qbil espress mill-President tar-Repubblika tal-Litwanja u l-Parlament Litwan, ippropona lil din il-persuna bħala kandidat għall-funzjonijiet ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni ta’ ħatra”).
12. Fil‑5 ta’ Lulju 2022, il-Kumitat tal-Artikolu 255 ta opinjoni sfavorevoli dwar dan il-kandidat.
13. Fl‑14 ta’ Settembru 2022, il-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja talab li l-President tar-Repubblika tal-Litwanja u l-Parlament japprovaw il-proposta ta’ kandidatura tal-persuna fit-tielet pożizzjoni fil-lista ta’ mertu għall-kariga ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali, Saulius Lukas Kalėda. Wara li rċieva l-approvazzjoni taż-żewġ istituzzjonijiet, il-Gvern Litwan iddeċieda li jipproponi lil din il-persuna bħala kandidat (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni ta’ ħatra”) (5).
14. Wara opinjoni favorevoli tal-Kumitat tal-Artikolu 255, fil‑15 ta’ Settembru 2023 S. L. Kalėda nħatar imħallef tal-Qorti Ġenerali mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri u ħa l-ġurament matul is-seduta tal-Qorti Ġenerali tas‑27 ta’ Settembru 2023, meta l-mandat tar-rikorrent bħala mħallef tal-Qorti Ġenerali ntemm.
B. Il‑kawża prinċipali u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
15. Fit‑18 ta’ Mejju 2022, ir-rikorrent ippreżenta rikors għal annullament kontra l-ewwel deċiżjoni ta’ ħatra quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, Vilnjus, il-Litwanja), intiża b’mod partikolari sabiex il-Gvern Litwan jiġi ordnat jiftaħ mill-ġdid il-proċeduri ta’ konsultazzjoni u ta’ proposta ta’ kandidat għall-kariga ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali konformement mal-proċeduri previsti mil-liġi, billi jissottometti għal konsultazzjoni u proposta isem il-kandidat ikklassifikat fl-ogħla pożizzjoni mill-Grupp ta’ Ħidma. F’dan il-kuntest, ir-rikorrent sostna li l-proċedura nazzjonali għall-għażla ta’ kandidat għall-pożizzjoni ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali (iktar ’il quddiem il-“proċedura nazzjonali inkwistjoni”), kif imwettqa, kienet tikser il-prinċipji li jirriżultaw mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(2) TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 254 TFUE. Sussegwentement, ir-rikorrent estenda l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rikors tiegħu sabiex ikopri wkoll it-tieni deċiżjoni ta’ ħatra (6).
16. Peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-dritt tal-Unjoni, il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“(1) L-Artikolu 254 TFUE, li jipprovdi li jistgħu jintgħażlu bħala membri tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea persuni ‘li ma jkunx hemm dubbju dwar l-indipendenza tagħhom u li jkollhom il-kapaċità li jeżerċitaw funzjonijiet għolja fil-ġudikatura’, moqri flimkien mal-Artikolu 19(2) TUE, jeżiġi li Stat Membru jagħżel lil kandidat għall-funzjoni ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea b’mod esklużiv abbażi ta’ kriterji professjonali?
(2) Prassi nazzjonali, bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, fejn il-Gvern ta’ Stat Membru, responsabbli għall-proposta ta’ kandidat għall-funzjonijiet ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, jaħtar, sabiex jiżgura t-trasparenza tal-għażla ta’ dan il-kandidat, grupp ta’ evalwazzjoni tal-kandidati kompost minn esperti indipendenti – liema kumitat, abbażi ta’ kriterji ta’ għażla ċari u stabbiliti bil-quddiem u wara intervista mal-kandidati kollha, jistabbilixxi lista ta’ mertu u, kif tipprovdi proċedura stabbilita bil-quddiem, jippreżenta lill-Gvern l-isem tal-kandidat li kiseb l-aħjar evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna l-kapaċitajiet u l-kompetenzi professjonali tiegħu –, iżda l-Gvern jipproponi għall-funzjonijiet ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea mhux lill-kandidat imniżżel l-ewwel fil-lista ta’ mertu iżda lil kandidat ieħor, hija kompatibbli mar-rekwiżit li l-imħallef joffri l-garanziji kollha ta’ indipendenza kif ukoll mal-kundizzjonijiet l-oħra ta’ aċċess għall-funzjonijiet bħala mħallef stabbiliti fl-Artikolu 254 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 19(2) [TUE], bl-għarfien li l-Imħallef innominat b’mod li jista’ jkun illegali jista’ jinfluwenza d-deċiżjonijiet li tadotta l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea?”
17. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ Settembru 2023, tressqet talba għal informazzjoni lill-qorti tar-rinviju, fejn intalbet tippreċiża jekk il-fatt li S. L. Kalėda kien inħatar imħallef tal-Qorti Ġenerali permezz ta’ deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal‑15 ta’ Settembru 2023 kellux effett fuq is-suġġett tal-kawża prinċipali u, jekk ikun il-każ, jekk din il-qorti xtaqitx iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Ottubru 2023, din il-qorti indikat li din il-ħatra ma kellhiex effett fuq is-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali u li hija kellha l-intenzjoni żżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.
18. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati f’din il-proċedura mir-rikorrent, mill-Gvern Ċek, Litwan, Ungeriż, Olandiż, Pollakk u Svediż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-rikorrent, il-Gvern Ċek, l-Irlanda, il-Gvern Litwan u dak Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta li nżammet fis‑16 ta’ Jannar 2024.
IV. Analiżi
19. Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li jistgħu jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 19(2) TUE u l-Artikolu 254 TFUE jipprekludux leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li permezz tagħhom il-gvern ta’ Stat Membru, li jkun waqqaf grupp ta’ esperti indipendenti inkarigat li jevalwa l-kandidati li għandhom jiġu proposti għall-funzjonijiet ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali u li jistabbilixxi lista li tikklassifika l-kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kompetenza professjonali u ta’ indipendenza previsti mit-Trattati tal-Unjoni, jista’ jagħżel kandidat minn din il-lista li ma huwiex il-kandidat ikklassifikat fl-ewwel pożizzjoni.
20. Qabel ma nanalizza l-fondatezza ta’ din id-domanda, ser neżamina ċerti kwistjonijiet proċedurali ta’ natura preliminari.
A. Kwistjonijiet proċedurali: ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari u neċessità li tingħata risposta
21. Diversi argumenti tressqu minn uħud mill-gvernijiet tal-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet, li jikkontestaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u/jew l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari u/jew il-ħtieġa għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. Għalkemm dawn il-partijiet, sa ċertu punt, għaqqdu l-argumenti tagħhom fuq dawn it-tliet domandi, madankollu ser neżaminahom separatament.
1. Ġurisdizzjoni
22. L-ewwel nett, ċerti gvernijiet qiesu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula. Fil-fehma tagħhom, peress li l-proċedura li permezz tagħha gvern jipproponi kandidat hija rregolata biss mid-dritt nazzjonali, id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba ma humiex applikabbli fil-kawża prinċipali. Xi wħud mill-gvernijiet jenfasizzaw ukoll in-natura kumplessa tal-proċedura ta’ ħatra għall-kariga ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali, li tintemm bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni meħuda bi qbil komuni tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li ma hijiex suġġetta għall-istħarriġ tal-legalità tal-Qorti tal-Ġustizzja. Huma jsostnu li, a fortiori, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tkun kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità tal-fażi nazzjonali ta’ din il-proċedura kumplessa.
23. F’dan ir-rigward, nirrileva, qabelxejn, li d-domandi preliminari jirrigwardaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19(2) TUE u l-Artikolu 254 TFUE, kwistjoni li teħtieġ l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni u, bħala tali, taqa’ kompletament taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE (7).
24. Barra minn hekk, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ taħt il-kompetenza tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma obbligati josservaw l-obbligi li jirriżultaw għalihom mid-dritt tal-Unjoni. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, tar-regoli nazzjonali dwar l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ħatra tal-imħallfin u, jekk ikun il-każ, tar-regoli dwar l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali proċeduri ta’ ħatra (8). Jidhirli li tali prinċipju għandu, a fortiori, japplika fir-rigward tar-regoli nazzjonali dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet intiżi li jagħmlu parti — kif ser nispjega iktar ’il quddiem — mill-proċess ta’ ħatra tal-membri tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
25. Barra minn hekk, ma iniex konvint li tista’ tiġi stabbilita analoġija bejn din il-kawża u l-kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont l-Artikolu 263 TFUE, hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-validità tal-atti adottati mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li jaġixxu mhux bħala membri tal-Kunsill, iżda bħala rappreżentanti tal-gvernijiet tagħhom, u b’hekk jeżerċitaw kollettivament il-kompetenzi tal-Istati Membri, bħalma huwa l-każ meta jiddeċiedu li jaħtru membri tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (9).
26. Id-deċiżjonijiet kontenzjużi ma humiex atti ta’ natura intergovernattiva, iżda atti adottati mill-awtoritajiet Litwani abbażi tad-dritt nazzjonali. Dawn l-atti jistgħu jitqiesu, kif isostnu ċerti gvernijiet, bħala li huma atti preliminari fis-sens li huma meqjusa li jikkostitwixxu stadju fi proċedura kumplessa li twassal, fl-aħħar mill-aħħar, għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ natura intergovernattiva. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, għalkemm id-deċiżjonijiet kontenzjużi — li mingħajr dubju jipproduċu ċerti effetti legali — jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju skont id-dritt nazzjonali, in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ att differenti ieħor (id-deċiżjoni ta’ ħatra adottata mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri) huwa manifestament irrilevanti għad-determinazzjoni tal-kapaċità (jew aħjar, id-dover) tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi magħmula skont l-Artikolu 267 TFUE, sa fejn dawn jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
2. Ammissibbiltà
27. It-tieni nett, ċerti gvernijiet sostnew li d-domandi magħmula huma inammissibbli, sa fejn risposta għal dawn id-domandi ma hijiex neċessarja sabiex tiġi riżolta l-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Il-motivazzjoni ta’ din il-pożizzjoni hija doppja: (i) il-qorti tar-rinviju ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti lir-rikorrent il-miżuri mitluba (ordni kontra l-gvern), peress li dan jimplika l-eżerċizzju tal-prerogattivi tal-gvern fil-qasam tal-politika barranija; u (ii) id-domandi huma ipotetiċi sa fejn il-proċedura nazzjonali inkwistjoni — anki jekk jitqies li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni kellhom jitqiesu li huma applikabbli — twettqet, fi kwalunkwe każ, skont dawn id-dispożizzjonijiet.
28. Għandu jitfakkar li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun infetħet il-kawża u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li jmiss, li għandha tiddetermina, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jkun jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda konnessjoni mal-fatti nnifishom jew mal-iskop tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (10).
29. Ma nara l-ebda element li jista’ jikkonfuta din il-preżunzjoni f’din il-kawża. Fil-fatt, teżisti tilwima reali, pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, li fiha r-rikorrent invoka d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija s-suġġett tad-domandi preliminari (11). Il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokati humiex effettivament applikabbli f’din il-kawża u, jekk ikun il-każ, jekk ġewx osservati huma domandi li jikkonċernaw il-mertu tad-domandi magħmula u, għaldaqstant, ma jistgħux jaffettwaw l-ammissibbiltà ta’ dawn id-domandi (12).
30. L-argument ibbażat fuq allegat nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, mill-qorti tar-rinviju, li tistħarreġ id-deċiżjonijiet kontenzjużi jew li tagħti lir-rikorrent il-forma speċifika ta’ rimedju li qiegħed jitlob, lanqas ma jikkonvinċini iktar. Hija ġurisprudenza stabbilita li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali għandhom jitwieġbu fid-dawl tal-kuntest fattwali u leġiżlattiv li din il-qorti tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu (13). L-ammissibbiltà tar-rikors pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju jew jekk id-deċiżjoni tar-rinviju saritx skont ir-regoli rilevanti li jirregolaw il-proċedura nazzjonali huma kwistjonijiet li jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE (14).
31. Bl-istess mod, il-kwistjoni dwar jekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti applikawx b’mod korrett jew le l-prinċipji li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali inkwistjoni hija, għal darba oħra, kwistjoni li ma għandhiex tiġi evalwata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar dan il-punt u li l-qorti tar-rinviju talbet l-għajnuna tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi f’dan ir-rigward. Dan huwa biżżejjed sabiex it-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi ddikjarata ammissibbli. Fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tippreċiża l-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni inkwistjoni u dik tal-qorti tar-rinviju li tapplika dawn id-dispożizzjonijiet, kif interpretati, għaċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ (15), billi tislet il-konsegwenzi kollha ta’ ksur eventwali tagħhom (16).
3. Fuq il‑ħtieġa li tingħata risposta
32. Fit-tielet lok, ċerti gvernijiet isostnu li, peress li sadanittant S. L. Kalėda beda jaqdi l-funzjonijiet tiegħu, il-proċedura fil-kawża prinċipali tilfet l-iskop tagħha, li jimplika li ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula. Huma jqisu li, anki jekk il-proċedura nazzjonali inkwistjoni kienet ippreġudikat id-drittijiet tar-rikorrent (quod non), ir-rimedju mitlub minnu ma setax iktar jingħata: id-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju ma taffettwax il-validità tad-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li jaħtru lil S. L. Kalėda bħala mħallef tal-Qorti Ġenerali.
33. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżupponi, inter alia, li tilwima tkun pendenti quddiem qorti nazzjonali, li fil-kuntest tagħha din hija mitluba tagħti deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari (17).
34. F’dan il-każ, naqbel mal-opinjoni ta’ dawn il-gvernijiet li, anki jekk id-deċiżjonijiet kontenzjużi kellhom jiġu annullati mill-qorti tar-rinviju, dan ma jkollux effett dirett fuq il-validità tad-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li jaħtru lil S. L. Kalėda bħala mħallef tal-Qorti Ġenerali. F’dan il-kuntest, nirrileva, inċidentalment, li l-fatt li S. L. Kalėda jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fit-Trattati jidher li huwa paċifiku bejn il-partijiet. Bl-istess mod, jidhirli li t-talba tar-rikorrent lill-qorti tar-rinviju sabiex tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura ta’ għażla ta’ kandidat għall-funzjonijiet ta’ mħallef fil-Qorti Ġenerali issa ma għadx għandha skop peress illi l-pożizzjoni li għaliha seħħet il-proċedura ma għadhiex disponibbli.
35. F’dan il-kuntest, jista’ jkun utli li jingħad ukoll, għall-finijiet ta’ kompletezza, li l-verifika finali tal-kwistjoni dwar jekk kandidat partikolari jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ kompetenza u ta’ indipendenza previsti mit-Trattati hija kompitu li jappartjeni lir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri u li din l-evalwazzjoni ma tistax tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju mill-qrati tal-Unjoni jew mill-qrati nazzjonali. Ladarba jinħatar, membru tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma jistax jiġi awtomatikament imċaħħad mill-funzjonijiet tiegħu, minħabba żball (allegat jew effettiv) imwettaq matul il-proċess ta’ għażla fil-livell nazzjonali. Dan imur kontra l-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin (18).
36. Madankollu, dan ma jfissirx li l-iżbalji fil-proċess tal-ħatra ma jistgħux jiġu rrimedjati. L-Artikolu 6 tal-Istatut jipprovdi li “[l]-Imħallfin jistgħu jiġu mneħħija mill-kariga tagħhom jew miċħuda mid-dritt tagħhom għal pensjoni jew minn vantaġġi oħra minflokha, f’każ biss li, fuq ġudizzju unanimu ta’ l-Imħallfin u ta’ l-Avukati Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jkunux iktar fil-pussess tar-rekwiżiti meħtieġa jew ma jissodisfawx iktar l-obbligi tal-kariga tagħhom. [...] Jekk il-persuna kkonċernata tkun membru tal-Qorti Ġenerali jew ta’ qorti speċjalizzata, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi wara konsultazzjoni mal-qorti konċernata” (19).
37. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, fil-każ fejn kwalunkwe element ta’ natura li jqajjem dubju dwar jekk l-evalwazzjoni tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri saritx abbażi ta’ informazzjoni kompleta, korretta u reali jirriżulta wara l-ħatra ta’ mħallef, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ allura tinvestiga din il-kwistjoni u, jekk ikun il-każ, tiddeċiedi li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 6 tal-Istatut. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta applikant ikun intenzjonalment ipprovda informazzjoni qarrieqa u/jew dokumenti ffalsifikati lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew lill-Kumitat tal-Artikolu 255 (20).
38. Huwa importanti wkoll li jiġi nnotat li l-prerogattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistħarreġ, wara l-ħatra, tali kwistjonijiet hija ddefinita mill-obbligu, u mhux minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod kostanti, inkluż f’Simpson (kawża li kienet tirrigwarda żball fil-proċess ta’ ħatra ta’ mħallef tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea ta’ dak iż-żmien), mid-dritt fundamentali għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, jirriżulta li “kull qorti għandha l-obbligu li tivverifika jekk, fil-kompożizzjoni tagħha, hija tikkostitwixxix tali qorti meta jitnissel dubju serju fuq dan il-punt. Din il-verifika hija neċessarja għall-fiduċja li l-qrati ta’ soċjetà demokratika għandhom jispiraw fil-parti f’kawża. F’dan is-sens, tali stħarriġ jikkostitwixxi formalità essenzjali li l-osservanza tagħha taqa’ taħt l-ordni pubbliku u għandha tiġi vverifikata ex officio” (21).
39. Minkejja dak li ntqal iktar ’il fuq, ma jidhirlix li huwa evidenti li l-kawża inkwistjoni tilfet l-iskop tagħha. Fil-fatt, mistoqsija f’dan ir-rigward mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju indikat li l-kawża prinċipali kienet għadha pendenti u li hija kienet tqis li ma kienx hemm lok li jiġi rtirat ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, peress li risposta għal dawn id-domandi baqgħet neċessarja għad-deċiżjoni dwar it-tilwima (22). Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rikorrent indika – mingħajr ma ġie kontradett mill-Gvern Litwan – li, ladarba l-proċedura titkompla wara s-sospensjoni tal-proċedura ordnata mill-qorti tar-rinviju skont l-Artikolu 267 TFUE, huwa jkun jista’ jemenda l-forma tad-digriet mitlub, pereżempju billi jitlob sentenza dikjaratorja, li tista’ tagħtih sodisfazzjon bħala forma ta’ kumpens, jew billi jitlob danni pekunjarji.
40. Għalhekk, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta kemm mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-partijiet fil-kawża prinċipali, inqis li risposta għad-domandi magħmula tibqa’ neċessarja għall-qorti tar-rinviju sabiex tkun tista’ ssolvi t-tilwima pendenti quddiemha.
B. Fuq il‑mertu
41. Il-proċess u r-rekwiżiti għall-ħatra tal-imħallfin tal-Qorti Ġenerali huma rregolati mill-Artikolu 19(2) TUE u l-Artikolu 254 TFUE. Dawn id-dispożizzjonijiet, redatti f’termini simili, jipprevedu li l-imħallfin tal-Qorti Ġenerali għandhom b’mod partikolari: (i) “jintgħażlu minn fost persuni li ma jkunx hemm dubbju dwar l-indipendenza tagħhom u li jkollhom il-kapaċità li jeżerċitaw funzjonijiet għolja fil-ġudikatura”, u (ii) “maħtura bi qbil komuni mill-gvernijiet ta’ l-Istati Membri”, wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Artikolu 255.
42. L-ewwel kwistjoni li tinsab fil-qalba ta’ din il-kawża hija dik dwar jekk ir-rekwiżit, skont dawn id-dispożizzjonijiet, li l-imħallfin tal-Qorti Ġenerali jintgħażlu minn fost persuni li ma jkunx hemm dubju dwar l-indipendenza tagħhom (iktar ’il quddiem ir-“rekwiżit ta’ indipendenza”) joħloqx xi obbligu għall-Istati Membri fir-rigward tal-proċedura tal-għażla tal-kandidati li għandhom jipproponu għal tali pożizzjonijiet.
43. Il-biċċa l-kbira tal-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet esprimew opinjoni negattiva f’dan ir-rigward. Huma jinsistu fuq il-fatt li l-Artikolu 19(2) TUE u l-Artikolu 254 TFUE jikkonċernaw il-proċedura li permezz tagħha l-kandidati jinħatru mħallfin, jiġifieri l-proċedura li tiżvolġi wara li Stat Membru jkun ippropona kandidat. Min-naħa l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet ma fihom ebda regola speċifika dwar il-mod li bih l-Istati Membri jagħżlu l-kandidati. Għaldaqstant, dawn il-gvernijiet jikkunsidraw li l-proċedura ta’ għażla tal-kandidati taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, li għandhom f’dan ir-rigward setgħa diskrezzjonali illimitata.
44. Fil-paġni li ġejjin, ser nispjega r-raġunijiet għaliex ma naqbilx ma’ din il-pożizzjoni. Madankollu, qabel ma nindirizza dawn l-argumenti, imiss xi rimarki preliminari dwar il-kunċett ta’ “indipendenza tal-ġudikatura”, u dak li dan jimplika f’sitwazzjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
1. Kunċett uniku ta’ indipendenza tal‑ġudikatura
45. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b’mod konsistenti li l-Artikolu 19 TUE jikkonkretizza l-valur essenzjali tal-istat tad-dritt skont l-Artikolu 2 TUE (23), billi jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u lill-qrati nazzjonali r-responsabbiltà li jiżguraw l-istħarriġ ġudizzjarju fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (24). Id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv minn tribunal indipendenti – li issa huwa stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta – ġie rreferit mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li jifforma parti mill-“essenza tal-istat tad-dritt” (25). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-garanzija ta’ indipendenza – li tinkludi żewġ aspetti, l-indipendenza stricto sensu u l-imparzjalità (26) – hija inerenti għall-kompitu li tittieħed deċiżjoni u, għalhekk, hija imposta kemm fuq il-livell tal-Unjoni (fir-rigward tal-membri tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea) kif ukoll fuq il-livell tal-Istati Membri (għall-membri tal-qrati nazzjonali li jistgħu jiddeċiedu fuq kwistjonijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni) (27).
46. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-garanzija ta’ indipendenza tippreżupponi l-eżistenza ta’ regoli li jirregolaw l-amministrazzjoni tal-ġustizzja bħal li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ l-individwi, dwar l-impermeabbiltà ta’ korp ġudizzjarju fir-rigward ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tiegħu fir-rigward tal-interessi inkwistjoni (28).
47. B’mod iktar preċiż, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li għandhom jeżistu żewġ settijiet ta’ regoli. Sett ta’ regoli — li jista’ jitqies li huwa ta’ natura ex ante — għandu l-għan li jiżgura li persuni li huma u li jidhru indipendenti biss ikunu jistgħu jinħatru mħallfin. Fost dawn ir-regoli hemm il-kundizzjonijiet sostantivi u r-regoli proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ħatra (29). Sett ieħor ta’ regoli — li jista’ jitqies li huwa ta’ natura ex post — għandu l-għan li jiżgura li l-persuni maħtura bħala mħallfin jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji, b’tali mod li ma jkun jista’ jinħoloq ebda dubju oġġettivament iġġustifikat dwar l-indipendenza tagħhom. Dawn ir-regoli jinkludu, inter alia, dawk li jistabbilixxu l-kawżi ta’ astensjoni, ta’ rikuża u ta’ revoka tal-membri tal-ġudikatura (30) kif ukoll aspetti oħra tal-attività tal-imħallfin (31).
48. Għalhekk, jirriżulta expressis verbis mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq li, fid-dritt tal-Unjoni, jeżisti biss kunċett uniku ta’ “indipendenza tal-ġudikatura” (32), li japplika bl-istess mod għall-qrati tal-Unjoni u għall-qrati nazzjonali. Għal dan l-għan, is-sistemi legali rispettivi għandu jkollhom inter alia regoli li jirregolaw il-ħatra tal-imħallfin, li jirriżultaw mil-leġiżlatur (33) u fformulati b’mod suffiċjentement ċar, preċiż u komplet (34), ta’ natura li tippreżerva l-indipendenza reali u apparenti tal-imħallfin (35).
49. Wara li saret din il-preċiżazzjoni, il-kwistjoni li għandha tiġi eżaminata hija dik dwar jekk u, jekk ikun il-każ, kif il-prinċipji spjegati iktar ’il fuq jistgħu jiġu applikati f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
2. Il‑proċedura ta’ għażla tal‑kandidati għall‑kariga ta’ mħallef tal‑Qorti Ġenerali
50. F’dan l-istadju, għandi ndur lura għall-oġġezzjonijiet, li għalihom sar riferiment fil-punt 43 iktar ’il fuq, imqajma minn ċerti gvernijiet dwar l-applikabbiltà tal-prinċipji li jirriżultaw mill-Artikolu 19(2) TUE u l-Artikolu 254 TFUE tal-proċedura nazzjonali inkwistjoni.
51. Ċertament, din il-proċedura u d-deċiżjonijiet li adotta l-Gvern Litwan fi tmiem din il-proċedura ma jikkonċernawx, jekk jittieħdu waħedhom, il-ħatra ta’ mħallef, peress li dawn iwasslu biss għall-għażla ta’ kandidat għal din il-funzjoni. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan l-element ma għandu l-ebda importanza f’dan il-kuntest. Fil-fatt, jidhirli li l-argumenti mressqa minn ċerti gvernijiet f’dan ir-rigward huma estremament formalistiċi.
52. Il-proċeduri nazzjonali għall-għażla tal-kandidati u d-deċiżjonijiet li jikkonkludu dawn il-proċeduri huma parti integrali mill-proċess globali li jwassal għall-ħatra tal-imħallfin tal-Qorti Ġenerali. Dan il-proċess jikkonsisti fi tliet stadji distinti: wieħed isir fil-livell nazzjonali (għall-għażla tal-kandidat), l-ieħor fil-livell tal-Unjoni (quddiem il-Kumitat tal-Artikolu 255 (36)) u l-ieħor fil-livell intergovernattiv (meta r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri jadottaw deċiżjoni).
53. Kull wieħed minn dawn it-tliet stadji jirrappreżenta fażi neċessarja tal-proċess. B’mod partikolari, ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri jistgħu jieħdu deċiżjoni dwar il-ħatra ta’ membru tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss jekk tkun ġiet ippreżentata proposta formali għal dan l-għan minn gvern nazzjonali (u jekk il-persuna kkonċernata tkun instemgħet mill-Kumitat tal-Artikolu 255).
54. Fil-fehma tiegħi, ma hemm l-ebda dubju li — fid-dawl tas-silenzju tat-Trattati fuq dan il-punt — l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-mod kif il-proċedura tal-għażla tal-kandidati tagħhom hija organizzata, strutturata u ġestita. Huma jistgħu jistabbilixxu proċedura standard li tkun applikabbli fil-każijiet kollha ta’ ħatriet simili jew, min-naħa l-oħra, jużaw kull darba li tintuża proċedura ad hoc. Dawn il-proċeduri jistgħu jkunu relattivament sempliċi, jew jikkonsistu fi stadji proċedurali differenti, pereżempju billi jinvolvu istituzzjonijiet u/jew korpi differenti fil-proċess tal-għażla.
55. F’dan ir-rigward, inqis għalhekk bħala pjuttost raġonevoli l-approċċ tal-Kumitat tal-Artikolu 255 li sostna li l-eżistenza ta’ “proċedura nazzjonali ta’ għażla miftuħa, trasparenti u rigoruża” huwa element li jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod pożittiv meta jiġi evalwat kemm hu adatt il-kandidat, filwaqt li l-assenza ta’ tali proċedura ma tistax fiha nnifisha tikkostitwixxi motiv sabiex il-kandidat jitqies li ma huwiex adatt għall-kariga (37).
56. F’dan ir-rigward, jista’ jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni (inklużi l-Artikoli 2 u 19 TUE) ma tobbliga lill-Istati Membri jadottaw mudell kostituzzjonali speċifiku li jirregola r-relazzjoni u l-interazzjoni bejn id-diversi fergħat tal-Istat, b’mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni u d-delimitazzjoni tal-kompetenzi tagħhom (38). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali fundamentali tagħhom, li jimplika li dawn l-Istati għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-istat tad-dritt (39).
57. Għalhekk, fir-rigward tal-ħatra tal-imħallfin nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, bħala prinċipju, is-sempliċi fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet inkwistjoni mill-President (40), mill-Prim Ministru (41) jew mill-korpi leġiżlattivi (42) tal-Istat, jew wara konsultazzjoni magħhom, ma jikkostitwixxix, fih innifsu, element li jista’ jqiegħed f’dubju l-indipendenza tal-imħallfin fir-rigward ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-intervent ta’ korpi konsultattivi, pereżempju komposti minn imħallfin oħra, bil-kundizzjoni li dawn il-korpi jkunu huma stess suffiċjentement indipendenti, jista’ jikkontribwixxi sabiex dan il-proċess isir iktar oġġettiv, billi tiġi rregolata l-marġni ta’ manuvra li għandhom l-istituzzjonijiet l-oħra involuti f’dan il-proċess. Madankollu, l-involviment ta’ dawn il-korpi ma jistax jitqies bħala neċessarju (43). Lanqas ma huwa problematiku fih innifsu li l-istituzzjoni li għandha s-setgħa deċiżjonali jkollha ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tagħżel il-kandidati li għandhom jinħatru (44).
58. Dan kollu premess, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat b’mod kostanti li l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandhom l-Istati Membri sabiex jistrutturaw ir-relazzjoni bejn is-setgħat pubbliċi, li jiddefinixxi l-arkitettura ġudizzjarja tagħhom stess u — l-aħħar imma mhux l-inqas — li jirregolaw il-proċess ta’ ħatra fir-rigward tal-imħallfin nazzjonali, ma jeżentahomx milli josservaw id-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-Istati Membri huma obbligati josservaw ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati, li jirriżulta mill-Artikoli 2 u 19 TUE (45). Fil-fatt, kif iddikjarat fil-punt 24 iktar ’il fuq, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ taħt il-kompetenza tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma obbligati josservaw l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.
59. Dawn il-prinċipji għandhom neċessarjament japplikaw fir-rigward tal-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin tal-Qorti Ġenerali u għal kull wieħed mit-tliet stadji tiegħu. Jidhirli li huwa artifiċjali u irraġonevoli li jiġi sostnut li l-ewwel stadju ta’ dan il-proċess, minkejja n-natura essenzjali tiegħu u r-rwol determinanti li għandha d-deċiżjoni meħuda fi tmiem din il-proċedura, għandu jitqies bħala “żona mingħajr dritt tal-Unjoni” (46). Fil-fatt, ma hijiex kumbinazzjoni li, fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-indipendenza tal-ġudikatura, il-Qorti tal-Ġustizzja spiss tirreferi għall-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin (47), li jiena nifhem bħala li jinkludi l-istadji proċedurali differenti kollha li, fl-aħħar mill-aħħar, iwasslu għall-ħatra formali tal-imħallfin.
60. Min-naħa l-oħra, madankollu, huwa ugwalment ċar għalija li kull stadju ma jistax jitqies waħdu: li jimporta verament huwa kif il-proċess sħiħ, kompost minn varji stadji, jista’ jiġi pperċepit mill-pubbliku (48).
61. F’dan il-kuntest, jiena tal-fehma li Stat Membru ma jistax jitqies li huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni jekk il-proċedura nazzjonali tal-għażla tal-kandidati għall-pożizzjoni ta’ membru tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif maħsuba mil-leġiżlatur nazzjonali jew sempliċement kif applikata fil-prattika mill-awtoritajiet kompetenti (49), tista’ tippreġudika l-integrità tal-proċess globali ta’ ħatra u, konsegwentement, ir-riżultat tiegħu (50). Dan huwa l-każ jekk, minkejja l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw, minn naħa, iż-żewġ fażijiet l-oħra tal-proċess ta’ ħatra (51) u, min-naħa l-oħra, aspetti oħra tal-attività ġudizzjarja sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju tagħha ħielsa minn kull influwenza esterna (52), il-proċedura tal-għażla tal-kandidati hija tali li tista’ tqajjem dubji ġġustifikati dwar l-indipendenza tal-persuna magħżula.
62. Biex jingħataw xi eżempji estremi: dan ikun il-każ, pereżempju, ta’ sejħa għall-applikazzjonijiet li telenka l-affiljazzjoni ma’ partit politiku speċifiku bħala kundizzjoni li għandha tiġi ssodisfatta mill-kandidati, jew ta’ deċiżjoni li tagħżel kandidat li jkun iddikjara b’mod apert (fl-istampa, quddiem korp jew kumitat pubbliku, eċċ.) li huwa jaġixxi fl-interess tal-istat ta’ oriġini tiegħu jew skont l-istruzzjonijiet tal-istituzzjoni li tkun għażiltu.
63. Għaldaqstant, lanqas ma nista’ naqbel mal-argument imressaq minn ċerti gvernijiet li d-deċiżjoni li jiġi ddeterminat jekk kandidat partikolari jissodisfax ir-rekwiżiti previsti mit-Trattati huwa kompitu li jappartjeni biss lill-Kumitat tal-Artikolu 255.
64. Ma hemmx għalfejn jingħad li l-Kumitat tal-Artikolu 255 huwa intiż li jkollu rwol kruċjali f’dan ir-rigward. Fil-fatt, il-verifika ta’ “l-idoneità tal-kandidati sabiex jaqdu d-dmirijiet ta’ Imħallef u ta’ Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali” tikkostitwixxi l-vera raġuni għall-eżistenza ta’ tali kumitat. Huwa wkoll pjuttost ċar, fil-fehma tiegħi, li t-twaqqif tal-Kumitat tal-Artikolu 255, li l-għeruq tiegħu jmorru lura għall-“Kumitat Konsultattiv” maħsub fl-hekk imsejjaħ Rapport Dovut ta’ Jannar (53) u fir-Rapport Finali tal-Grupp ta’ Diskussjoni dwar il-Funzjonament tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ Marzu 2003 (54) – ma kienx intiż sabiex jirrappreżenta sempliċi eżerċizzju pro forma, iżda sabiex effettivament “jgħolli l-livell” għall-Istati Membri (55).
65. Minkejja dan, il-fatt jibqa’ li l-Kumitat tal-Artikolu 255 huwa sempliċement korp konsultattiv li jagħti opinjoni mhux vinkolanti dwar il-kwistjoni. Ir-rwol tiegħu ma jistax jiġi interpretat bħala l-uniku korp inkarigat b’li jivverifika l-kompetenzi professjonali u l-indipendenza tal-kandidati. Għar-raġunijiet esposti hawn fuq, fil-fehma tiegħi, huma l-atturi istituzzjonali kollha involuti fil-proċess (awtoritajiet nazzjonali, il-Kumitat tal-Artikolu 255 u rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri), li kull wieħed minnhom jaġixxi fil-qafas tal-kompetenzi tiegħu u fl-istadju rilevanti tal-proċess, sabiex jiżgura l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti.
66. Huwa għalhekk fid-dawl tal-prinċipji preċedenti li ser nindirizza issa d-domandi magħmula mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus), kif ifformulati mill-ġdid fil-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
3. Il‑proċedura nazzjonali inkwistjoni
67. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sabiex tingħata risposta għad-domandi li jqumu f’dan il-każ, il-kwistjoni prinċipali hija dwar jekk il-proċedura nazzjonali inkwistjoni, kif imfassla u/jew applikata mill-awtoritajiet Litwani, hijiex ta’ natura li tippreġudika l-integrità tal-proċess ta’ ħatra tal-imħallef tal-Qorti Ġenerali inkwistjoni.
68. Din l-evalwazzjoni għandha ssir, bħala prinċipju, mill-qorti tar-rinviju, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Madankollu, sabiex tingħata assistenza lil din il-qorti, ser nindika li ma nara ebda punt ta’ liġi jew ta’ fatt, ta’ natura sistematika jew ċirkustanzjali (56), li, fih innifsu jew eżaminat flimkien ma’ oħrajn(57), jista’ jqajjem dubji oġġettivament iġġustifikati, f’moħħ l-individwi, dwar l-indipendenza tal-kandidat propost mill-Gvern Litwan għall-funzjonijiet ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali.
69. L-ewwel nett, jidher li huwa importanti li jiġi enfasizzat – qabel kollox – li l-persuni kollha li kienu inklużi fil-lista kklassifikata stabbilita mill-Grupp ta’ Ħidma kienu tqiesu, minn dan il-korp, bħala li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kompetenza u ta’ indipendenza previsti mit-Trattati tal-Unjoni (58). Barra minn hekk, kif indikat iktar ’il fuq, nifhem li ma hemm l-ebda dubju li S. L. Kalėda effettivament issodisfa dawn ir-rekwiżiti fil-kawża prinċipali.
70. It-tieni nett, nifhem ukoll li, fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali inkwistjoni, il-Gvern Litwan bl-ebda mod ma injora l-kuntest ġuridiku li huwa stess stabbilixxa u li huwa kien obbligat li josserva (59). B’mod partikolari, skont il-liġi nazzjonali applikabbli, il-Grupp ta’ Ħidma jidher li huwa korp konsultattiv u r-rakkomandazzjoni tiegħu dwar il-ħatra tal-kandidat fl-ogħla pożizzjoni ma tidhirx li torbot lill-Gvern Litwan.
71. It-tielet nett, l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, inkluż l-Artikolu 19 TFUE u l-Artikolu 254 TFU, ma timponi fuq il-gvernijiet li jipproponu lill-kandidat li, fil-fehma tagħhom, ikun “l-aħjar” għall-pożizzjoni. Għall-ħatra ta’ mħallef fil-Qorti Ġenerali, it-Trattati tal-UE jirrikjedu biss li l-kandidati jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet ta’ kompetenza u ta’ indipendenza stabbiliti fihom. Peress li l-gvern inkwistjoni jqis li d-diversi kandidati jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti, huwa għandu setgħa diskrezzjonali sabiex jipproponi il-kandidat li huwa jagħżel.
72. F’dan ir-rigward, inżid ngħid li, waqt l-għażla tal-kandidati, il-gvernijiet ċertament ma humiex preklużi milli jirrikorru għal kriterji ta’ għażla addizzjonali, sakemm dawn il-kriterji jkunu kompatibbli ma’ dawk ta’ kompetenza u ta’ indipendenza kif previsti mit-Trattati. Pereżempju, ma nsibx oġġezzjonabbli li gvern jista’ jkun ukoll jixtieq jikkunsidra kunsiderazzjonijiet relatati mas-sess jew mal-bilanċ ġeografiku (60). Fl-istess vena, jiena tal-fehma li l-kriterji previsti mil-leġiżlazzjoni Litwana rilevanti (kompetenza legali, esperjenza professjonali, kapaċità għall-funzjonijiet ġudizzjarji, kompetenzi lingwistiċi, kapaċità li jaħdmu f’ambjent internazzjonali li fih huma rrappreżentati diversi tradizzjonijiet legali u garanziji ta’ indipendenza, imparzjalità, probità u integrità (61)) huma perfettament kompatibbli ma’ dawk tat-Trattati.
73. Dan premess, infakkar, fl-aħħar iżda mhux l-inqas, li, skont il-ġurisprudenza kemm tal-Qorti tal-Ġustizzja (62) kif ukoll tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (63), mhux kull irregolarità li tista’ titwettaq matul il-proċess ta’ ħatra ta’ mħallef neċessarjament tpoġġi f’dubju l-indipendenza ta’ dan l-imħallef. Kollox jiddependi min-natura tal-irregolarità u miċ-ċirkustanzi li fihom tkun twettqet (64). Ikun hemm dubji serji, b’mod partikolari, meta din l-irregolarità tkun ta’ natura u gravità tali li toħloq riskju reali li fergħat oħra tal-Istat (b’mod partikolari l-poter eżekuttiv) — jew, inżid, kull persuna fiżika jew ġuridika pubblika jew privata oħra — tista’ teżerċita influwenza indebita fuq dan l-imħallef. Min-naħa l-oħra, l-irregolaritajiet minuri normalment ma jqajmux kwistjonijiet ta’ indipendenza tal-imħallfin inkwistjoni.
74. Għaldaqstant, jidhirli li ebda element fost dawk imsemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari jew fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tal-partijiet ma jista’ jikkontesta, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, l-indipendenza tal-kandidat magħżul mill-Gvern Litwan (65). B’mod partikolari, ma nara xejn li jista’ jwassal li osservatur oġġettiv iqis li din il-persuna tista’, pereżempju, tqis ruħha li tinsab f’sitwazzjoni ta’ subordinazzjoni jew ta’ dipendenza (66) fir-rigward ta’ awtorità nazzjonali jew tkun, fi kwalunkwe każ, inklinata li tissottometti ruħha għal ċerta influwenza esterna (67), diretta jew indiretta (68), meta hija teżerċita l-funzjoni ġudizzjarja tagħha fil-Qorti Ġenerali.
75. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-leġiżlazzjoni jew il-prassi nazzjonali inkwistjoni, kif prevista mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali rilevanti (u, sa fejn jista’ nara, kif effettivament applikata fil-proċedura nazzjonali inkwistjoni), hija kompatibbli mal-Artikolu 19(2) TUE u l-Artikolu 254 TFUE.
V. Konklużjoni
76. Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja) fis-sens li l-Artikolu 19(2) TUE u l-Artikolu 254 TFUE ma jipprekludux leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li permezz tagħhom il-gvern ta’ Stat Membru, li waqqaf grupp ta’ esperti indipendenti inkarigat li jevalwa l-kandidati li għandhom jiġu proposti għall-funzjonijiet ta’ mħallef tal-Qorti Ġenerali u li jistabbilixxi lista li tikklassifika l-kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kompetenza professjonali u ta’ indipendenza previsti fit-Trattati tal-Unjoni, jista’ jagħżel kandidat minn din il-lista li ma huwiex il-kandidat ikklassifikat fl-ewwel pożizzjoni.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 ĠU 2010, L 50, p. 18.
3 Žin. 1994, Nru 43‑772.
4 Skont din id-dispożizzjoni, “[ħ]lief fejn ikun jgħodd l-Artikolu 6, Imħallef ikompli fil-kariga sakemm is-suċċessur tiegħu jassumi d-doveri tiegħu”.
5 Iż-żewġ deċiżjonijiet ta’ ħatra ser jissejħu iktar ’il quddiem flimkien id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”.
6 Dan huwa dak li afferma r-rikorrent waqt is-seduta f’din il-kawża, mingħajr ma ġie kontradett mill-Gvern Litwan.
7 Ara, b’mod simili, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).
8 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-Imħallfin tal-Qrati Ordinarji fil-Polonja) (C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).
9 Ara, b’mod partikolari, id-digriet tas‑16 ta’ Ġunju 2021, Sharpston vs Il‑Kunsill u Ir‑Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri (C‑685/20 P, EU:C:2021:485, punti 46 u 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
10 Ara, inter alia, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punti 97 u 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).
11 F’dan il-kuntest, ftit li xejn għandi għalfejn nenfasizza li r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati, li jirriżulta inter alia mill-Artikolu 19 TUE u mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), għandu effett dirett, li jimplika li r-rikorrent għandu, bħala prinċipju, id-dritt li jinvokahom sabiex jikkontesta l-legalità tad-deċiżjonijiet kontenzjużi. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u Ħajja Privata tal-Imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).
12 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).
13 Ara, inter alia, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, Volkswagen Group Italia u Volkswagen Aktiengesellschaft (C‑27/22, EU:C:2023:663, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
14 Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 96 u 98).
15 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
16 Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawżi magħquda Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:403, punti 90 u 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).
17 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2023, Towarzystwo Ubezpieczeń Ż (Kuntratti standard ta’ assigurazzjoni qarrieqa) (C‑208/21, EU:C:2023:64, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
18 F’dak li jirrigwarda l-importanza ta’ dan il-prinċipju u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet ammissibbli, ara, inter alia, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata); u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2021:557, punti 156 sa 161).
19 Ara wkoll l-Artikolu 6 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 7 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.
20 Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 6 u 7 tar-regoli ta’ funzjonament tal-Kumitat tal-Artikolu 255 (riprodotti iktar ’il fuq, fil-punt 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
21 Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Review Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX-II u C‑543/18 RX-II, EU:C:2020:232, punt 57). Ara wkoll, iktar reċentement, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u Ħajja Privata tal-Imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 276 u l-ġurisprudenza ċċitata).
22 Ara, iktar ’il fuq, il-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
23 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u Ħajja Privata tal-Imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).
24 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
25 Ibid., punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata.
26 Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A.K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punti 121 u 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27 Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 40 u 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
28 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krajowa Rada Sądownictwa (Żamma ta’ mħallef fil-kariga) (C‑718/21, EU:C:2023:1015, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).
29 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).
30 Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” (C‑216/21, EU:C:2023:628, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 Ara, b’referenzi għall-ġurisprudenza, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” (C‑216/21, EU:C:2023:116, punt 45).
32 Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2021:557, punt 35).
33 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 129).
34 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 136), u tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u Ħajja Privata tal-Imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punti 152 u 154).
35 Dwar l-importanza tal-apparenzi, ara, inter alia, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punti 127 sa 129).
36 Jidhirli li huwa għal kollox evidenti li l-Kumitat tal-Artikolu 255 huwa “korp tal-Unjoni” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni peress li, inter alia, l-istabbiliment tiegħu huwa previst mill-Artikolu 255 TFUE, ir-regoli ta’ funzjonament tiegħu huma stabbiliti f’deċiżjoni tal-Kunsill (ara l-punt 4 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet), u l-ispejjeż sostnuti għall-funzjonament tiegħu jitħallsu mill-Kunsill (u, għaldaqstant, mill-baġit tal-Unjoni).
37 Ara s-Seba’ Rapport ta’ Attività, adottat fil‑25 ta’ Frar 2022, p. 11.
38 Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et (C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 229 u l-ġurisprudenza ċċitata).
39 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u Ħajja Privata tal-Imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 73).
40 Ara inter alia s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata).
41 Ara s-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 70 sa 72).
42 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535, punti 54 sa 56).
43 Ara pereżempju is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 149 u l-ġurisprudenza ċċitata).
44 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 71).
45 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ Qorti Kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
46 Ara b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-Imħallfin tal-Qorti Suprema – Rikors) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 126).
47 Ara, inter alia, is-sentenzi tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 66 u 73); tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 89 u 125); u tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u Ħajja Privata tal-Imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punti 141 u 205).
48 Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet f’Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” (C‑216/21, EU:C:2023:116, punt 52).
49 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 144).
50 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u Ħajja Privata tal-Imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 146).
51 Ovvjament qiegħed nirreferi għall-Artikolu 19(2) TUE u l-Artikoli 253 sa 255 TFUE.
52 Ara, inter alia, l-Artikoli 2 sa 4 u 18 tal-Istatut, l-Artikoli 4 u 5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 16 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.
53 Rapport mill-Grupp ta’ Ħidma dwar il-futur tas-Sistema tal-Qorti tal-Komunitajiet Ewropej, p. 51.
54 Segretarjat tal-Konvenzjoni Ewropea, Rapport Finali tal-Grupp ta’ Diskussjoni dwar il-Funzjonament tal-Qorti tal-Ġustizzja, CONV 636/03, 25 ta’ Marzu, p. 6.
55 Ara, f’dan ir-rigward, id-diversi kontribuzzjonijiet inklużi f’Bobek. M., Selecting Europe's Judges: A Critical Review of the Appointment Procedures to the European Courts, Oxford University Press, 2015.
56 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krajowa Rada Sądownictwa (Żamma ta’ Mħallef fil-Kariga) (C‑718/21, EU:C:2023:1015, punt 77).
57 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 152), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawżi magħquda Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:403, punt 152).
58 Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Review Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 64).
59 Ara, f’dan ir-rigward, ibid., punt 61.
60 Ara, b’analoġija, ibid., punt 66.
61 Dawn il-kriterji jirriflettu dawk li l-Kumitat tal-Artikolu 255 ħabbar pubblikament. Ara, pereżempju, Is-Seba’ Rapport tal-Attività, p. 17 sa 19. Fil-fehma tiegħi, dawn il-kriterji jistgħu jitqiesu li huma komponenti tar-rekwiżiti ta’ kompetenza professjonali u ta’ indipendenza stabbiliti fit-Trattati.
62 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Review Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX-II u C‑543/18 RX-II, EU:C:2020:232, punt 57), u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 130).
63 Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda, (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punti 243 sa 252), u tat‑22 ta’ Lulju 2021, Reczkowicz vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2021:0722JUD004344719, punti 221 sa 224).
64 Dwar din il-kwistjoni, ara, inter alia, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston f’Review Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX-II u C‑543/18 RX-II, EU:C:2019:977, punti 85 u 106 sa 109).
65 Ara, b’mod simili, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 129).
66 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fl-istess kawża (EU:C:2021:289, punt 84).
67 Ara, f’dan is-sens, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2021:557, punti 100, 115 u 129).
68 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u Ħajja Privata tal-Imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).