KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fid‑29 ta’ Ġunju 2023 ( 1 )
Kawża C‑107/23 (PPU) [Lin] ( i )
C. I.,
C. O.,
K. A.,
L. N.,
S. P.
vs
Statul român
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Braşov (il-Qorti tal-Appell ta’ Braşov, ir-Rumanija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Frodi tal-VAT — Artikolu 325(1) TFUE — Konvenzjoni PIF — Direttiva (UE) 2017/1371 — Obbligu tal-ġlieda permezz ta’ miżuri dissważivi u effettivi kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Deċiżjoni 2006/928/KE — Mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u għall-verifika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni — Terminu ta’ preskrizzjoni f’materji kriminali — Sentenza li tiddikjara l-antikostituzzjonalità tar-regoli nazzjonali dwar l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni kriminali — Riskju sistemiku ta’ impunità — Protezzjoni tad-drittijiet fundamentali — L-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta — Prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-iktar liġi kriminali favorevoli (lex mitior) — Standard nazzjonali tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali — Obbligu għall-imħallfin nazzjonali li jagħtu effett sħiħ lis-sentenzi tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) — Responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn id-deċiżjonijiet — Setgħa li jitħallew mhux applikati d-deċiżjonijiet tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) li ma jikkonformawx mad-dritt tal-Unjoni — Prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni”
1. |
F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni sabiex tiddeċiedi jekk hija taċċettax jew tiċħadx l-appelli straordinarji għal annullament ippreżentati minn persuni kkundannati għal sentenzi ta’ ħabs minħabba aġir ikklassifikat bħala evażjoni tat-taxxa u li jikkostitwixxi grupp ta’ kriminalità organizzata. |
2. |
It-tilwima tiffoka fuq il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ sistema nazzjonali ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali li, wara l-intervent tal-Curtea Constitutională (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija), ma tikkontemplax, għal ċertu intervall ta’ żmien, il-possibbiltà li jiġu interrotti t-termini ta’ preskrizzjoni. Din is-sistema, skont il-qorti tar-rinviju, tista’ twassal għal impunità ta’ imġiba kriminali għad-detriment tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. |
3. |
Ir-risposta għad-domandi preliminari ser tkun teħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha, għalkemm għadha fi stadju bikri, dwar il-prinċipju ta’ retroattività tal-iktar liġi kriminali favorevoli (lex mitior), protett mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni (iktar ’il quddiem “il-Karta”). |
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Il-Konvenzjoni PIF ( 2 )
4. |
L-Artikolu l(1) tal-Konvenzjoni PIF jipprovdi: “Għall-għanijiet ta’ din il-Konvenzjoni, frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej tikkonsisti fir-: […]
|
5. |
L-Artikolu 2 jistipula: “1. Kull Stat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa biex jassigura li l-kondotta msemmija fl-Artikolu 1, u parteċipazzjoni f’instigazzjoni jew attentat tal-kondotta msemmija fl-Artikolu 1(1), huma puniti b’penalitajiet kriminali effettivi, proporzjonati u disważivi, inklużi, għal inqas f’każi ta’ frodi serja, penalitajiet li jinvolvu depravazzjoni ta’ libertà li tista’ tagħti lok għal estradizzjoni, u jinftiehem li frodi serja titqies frodi li tinvolvi ammont minimu li għandu jkun stabbilit f’kull Stat Membru. Dan l-ammont minimu ma jistax ikun stabbilit għas-somma li taqbeż [EUR] 50000. […]” |
2. Id-Deċiżjoni 2006/928/KE ( 3 )
6. |
L-Artikolu 1 jindika: “Ir-Rumanija għandha, sal‑31 ta’ Marzu ta’ kull sena, u għall-ewwel darba mhux aktar tard mill‑31 ta’ Marzu 2007, tirraporta lill-Kummissjoni dwar il-progress magħmul fl-indirizzar tal-punti ta’ riferiment kollha pprovduti fl-Anness. […]” |
7. |
L-Anness jistabbilixxi: “Punti ta’ riferiment li għandhom jiġu indirizzati mir-Rumanija, imsemmija f’Artikolu 1:
|
3. Id-Direttiva (UE) 2017/1371 ( 4 )
8. |
L-Artikolu 2(2) jipprovdi: “Fir-rigward ta’ dħul li ġej minn riżorsi proprji li joriġinaw mill-VAT, jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika biss f’każijiet ta’ reati serji kontra s-sistema komuni tal-VAT. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, reati kontra s-sistema komuni [tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”)] għandhom jitqiesu bħala serji meta l-atti jew l-ommissjonijiet intenzjonati definiti fil-punt (d) tal-Artikolu 3(2) ikollhom rabta mat-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew aktar tal-Unjoni u jinvolvu dannu totali ta’ mill-inqas EUR 10000000”. |
9. |
Skont l-Artikolu 16: “Il-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropea tas‑26 ta’ Lulju 1995, inklużi l-protokolli tagħha tas-27 ta’ Settembru 1996, tad‑29 ta’ Novembru 1996 u tad‑19 ta’ Ġunju 1997 hija sostitwita b’din id-Direttiva għall-Istati Membri marbutin biha, b’effett mis‑6 ta’ Lulju 2019. Għall-Istati Membri marbutin b’din id-Direttiva, ir-referenzi għall-Konvenzjoni għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva”. |
10. |
L-Artikolu 17(1) jippreskrivi: “L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sas‑6 ta’ Lulju 2019, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni. Huma għandhom applikaw dawk il-miżuri mis‑6 ta’ Lulju 2019. […]” |
B. Id-dritt Rumen
1. Il-Kostituzzjoni tar-Rumanija
11. |
L-Artikolu 15(2) jistipula li “l-liġi għandha taġixxi biss għall-futur, bl-eċċezzjoni tal-iktar liġi kriminali jew amministrattiva favorevoli”. |
12. |
L-Artikolu 147 jipprovdi: “1. Id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet u tad-digrieti fis-seħħ, kif ukoll dawk tar-regolamenti, li huma kkunsidrati antikostituzzjonali ma jibqgħux jipproduċu l-effetti legali tagħhom 45 jum wara l-pubblikazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali, sakemm, matul dan il-perjodu, il-Parlament jew il-Gvern, skont il-każ, ma jarmonizzax id-dispożizzjonijiet antikostituzzjonali ma’ dawk tal-Kostituzzjoni. Matul dan il-perijodu, id-dispożizzjonijiet meqjusa bħala antikostituzzjonali huma awtomatikament sospiżi. […] 4. Id-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali għandhom jiġu ppubblikati fil-Monitorul Oficial al României [(Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Rumanija)]. Ġeneralment ikunu obbligatorji b’mod ġenerali mid-data tal-pubblikazzjoni tagħhom u jkollhom biss effetti ex nunc”. |
2. Id-dritt kriminali
a) Il-Kodiċi Kriminali tal‑1969, emendat fl‑1996 ( 5 )
13. |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 123 tiegħu “it-terminu ta’ preskrizzjoni […] għandu jiġi interrott bit-twettiq ta’ kwalunkwe azzjoni li, skont kif stabbilit mil-liġi, għandha tiġi kkomunikata lill-persuna investigata jew akkużata waqt l-iżvolġiment tal-proċedura kriminali”. |
b) Il-Kodiċi Kriminali tal‑2009 ( 6 )
14. |
L-Artikolu 5(1) jgħid li “f’każ li mit-twettiq tal-att kriminali sakemm tingħata s-sentenza finali jkun hemm fis-seħħ liġi kriminali waħda jew iktar, għandha tapplika l-iktar liġi favorevoli.” |
15. |
Skont l-Artikolu 5(2), il-paragrafu preċedenti għandu japplika wkoll meta l-liġijiet jew xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħhom, iddikjarati antikostituzzjonali, ikun fihom dispożizzjonijiet kriminali iktar favorevoli. |
16. |
Skont l-Artikolu 6(1), “meta liġi li tipprovdi għal piena iktar ħafifa tkun daħlet fis-seħħ wara li d-deċiżjoni tal-kundanna tkun saret finali u qabel l-eżekuzzjoni sħiħa tal-piena ta’ ħabs jew multa, il-piena imposta, jekk taqbeż il-massimu speċjali previst fil-liġi l-ġdida għar-reat imwettaq, għandha titnaqqas għal dan il-massimu.” |
17. |
L-Artikolu 154(1) jipprovdi: “It-termini ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali huma:
|
18. |
L-Artikolu 155 jistipula: “(1) It-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali għandu jiġi interrott bit-twettiq ta’ kwalunkwe azzjoni proċedurali fil-kawża. (2) Kull interruzzjoni tikkawża li t-terminu jerġa’ jibda. […]” |
19. |
Id-Digriet Liġi Nru 71, tat‑30 ta’ Mejju 2022 ( 7 ), emenda l-Artikolu 155 tal-Kodiċi Kriminali tal‑2009. Minn dakinhar, il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu għandu l-kliem li ġej: “[i]t-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali għandu jiġi interrott bit-twettiq fil-kawża ta’ kwalunkwe azzjoni proċedurali li, skont kif stabbilit mil-liġi, għandha tiġi kkomunikata lill-persuna investigata jew akkużata”. |
c) Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali ( 8 )
20. |
L-Artikolu 426(b) jippermetti l-preżentata ta’ appell straordinarju għal annullament kontra sentenzi kriminali finali, meta l-persuna akkużata tkun ġiet ikkundannata minkejja li jkun hemm evidenza tal-eżistenza ta’ xi raġuni sabiex ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni fil-proċeduri kriminali. |
d) Is-sentenza kostituzzjonali Nru 297/2018
21. |
Permezz tas-sentenza Nru 297/2018 tas‑26 ta’ April 2018 ippubblikata fil‑25 ta’ Ġunju 2018, il-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), filwaqt li kkunsidrat eċċezzjoni ta’ antikostituzzjonalità, iddikjarat li l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni għal responsabbiltà kriminali minħabba t-twettiq ta’ kwalunkwe azzjoni proċedurali f’kawża, kif kien jinsab fl-Artikolu 155(1) tal-Kodiċi Kriminali tal‑2009, kienet antikostituzzjonali. |
22. |
Fl-opinjoni tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), din id-dispożizzjoni tal-Kodiċi Kriminali tal‑2009 kienet nieqsa minn prevedibbiltà u kisret il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, peress li l-espressjoni “kwalunkwe azzjoni proċedurali”, li kienet tidher fiha, kienet tinkludi wkoll l-azzjonijiet li ma jiġux ikkomunikati lill-persuna ssuspettata jew akkużata. Din iċ-ċirkostanza kienet timpedixxi li din il-persuna tkun taf li t-terminu ta’ preskrizzjoni kien ġie interrott u li kien beda jiddekorri terminu ta’ preskrizzjoni ġdid għar-responsabbiltà kriminali tagħha ( 9 ). |
23. |
Il-leġiżlatur Rumen ma intervjeniex sabiex jemenda l-Artikolu 155(1) tal-Kodiċi Kriminali tal‑2009 fis-sens stipulat mill-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) u ġiet iġġenerata ġurisprudenza mhux uniformi fil-qrati ordinarji dwar l-interruzzjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali ( 10 ). |
e) Is-sentenza kostituzzjonali Nru 358/2022
24. |
Permezz tas-sentenza Nru 358/2022, tas‑26 ta’ Mejju 2022, ippubblikata fid‑9 ta’ Ġunju 2022, il-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), filwaqt li kkunsidrat eċċezzjoni ġdida ta’ antikostituzzjonalità, iddikjarat li l-Artikolu 155(1) tal-Kodiċi Kriminali tal-2009 kien antikostituzzjonali. |
25. |
Il-qorti indikat li:
|
f) Is-sentenza Nru 67/2022, tal‑Înalta Curte de Casație și Justiție (il‑Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja)
26. |
Permezz tas-sentenza Nru 67/2022, tal‑25 ta’ Ottubru 2022, ippubblikata fit‑28 ta’ Novembru 2022, l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja), f’deċiżjoni dwar appell fl-interess tal-liġi, skont kif il-qorti tar-rinviju tikklassifikaha ( 12 ), għamlet dawn id-dikjarazzjonijiet:
|
3. Leġiżlazzjoni dwar is-sistema dixxiplinari tal-imħallfin
27. |
L-Artikolu 99(ș), tal-Liġi Nru 303/2004 ( 13 ) ikklassifika n-nuqqas ta’ konformità mas-sentenzi tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) jew mas-sentenzi mogħtija mill-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) fl-appelli fl-interess tal-liġi bħala reati dixxiplinari. |
28. |
L-Artikolu 271(s) tal-Liġi Nru 303/2022 ( 14 ) jistabbilixxi li “għandhom jikkostitwixxu reati dixxiplinari […] it-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom b’mala fide jew b’negliġenza gravi”. |
29. |
Skont l-Artikolu 272 tal-Liġi Nru 303/2022: “(1) L-imħallef jew il-prosekutur jaġixxi b’mala fide meta konsapevolment jiksru r-regoli tad-dritt sostantiv jew proċedurali bil-għan jew bil-kunsens li ssir ħsara lil persuna. (2) L-imħallef jew il-prosekutur jaġixxu b’negliġenza gravi meta b’nuqqas ta’ diliġenza, gravi, mingħajr dubji u mhux skużabbli jiksru r-regoli tad-dritt sostantiv jew proċedurali […]” |
II. Il-fatti, it-tilwima u d-domandi preliminari
30. |
Permezz tas-sentenza Nru 285/AP, tat‑30 ta’ Ġunju 2020 ( 15 ), il-Curtea de Apel Brașov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov, ir-Rumanija) ikkundannat, b’deċiżjoni finali, diversi persuni (C. O, C. I., L. N., K. A. u S. P.) bħala awturi ta’ reati ta’ evitar tat-taxxa u li jikkostitwixxu grupp ta’ kriminalità organizzata. |
31. |
Fir-rigward tar-reat ta’ evitar tat-taxxa, il-qorti li tat id-deċiżjoni kkunsidrat bħala fatt li, matul l-2010, il-persuni kkundannati kienu naqsu, għal kollox jew parzjalment, milli jirreġistraw fil-kotba tal-kontijiet l-operazzjonijiet kummerċjali mwettqa u d-dħul miksub mill-bejgħ, lil klijenti nazzjonali, ta’ diżil akkwistat taħt sospensjoni tad-dazju tas-sisa. Għalhekk, sar dannu lit-Teżor Pubbliku tal-Istat, kemm fir-rigward tal-VAT kif ukoll tad-dazji tas-sisa fuq id-diżil. |
32. |
Is-sentenzi imposti kienu jinkludu sentenzi ta’ ċaħda tal-libertà u l-obbligu li jitħallas kumpens għad-danni fiskali, għal ammont totali ta’ 13964482 lei Rumen (RON) (madwar EUR 3240000), inkluża l-VAT. |
33. |
Tnejn mill-persuni kkundannati (K. A. u S. P.) bħalissa jinsabu l-ħabs fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2020. |
34. |
Il-persuni kkundannati ppreżentaw appell straordinarju għal annullament [l-Artikolu 426(b), tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali] kontra s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju, 2020. |
35. |
Fl-appell straordinarju tagħhom huma jitolbu l-annullament ta’ din is-sentenza, talli ġew ikkundannati minkejja l-fatt li t-terminu tal-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali kien skada. F’dan ir-rigward, huma jinvokaw is-sentenzi tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) Nru 297/2018 u Nru 358/2022. |
36. |
Fl-opinjoni tar-rikorrenti:
|
37. |
Fil-qafas tal-appell straordinarju, il-Ministerul Public — Direcția Națională Anticorupție (l-Uffiċċju tal-Prosekutur — Direttorat Nazzjonali tal-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni (iktar ’il quddiem id-DNA”), ir-Rumanija) talab li ssir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 325 TFUE, id-Deċiżjoni 2006/928 u l-Artikolu 49 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jippermettu li ma tiġix applikata l-ġurisprudenza kostituzzjonali li tirriżulta mis-sentenza Nru 358/2022. Fl-opinjoni tiegħu, l-implimentazzjoni ta’ din is-sentenza timplika riskju sistemiku ta’ impunità fil-kawżi li fihom jiġi applikat id-dritt tal-Unjoni. |
38. |
Ir-rikorrenti, għall-kuntrarju, sostnew li f’din il-kawża ma humiex rilevanti d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, li jirrendi t-talba għal deċiżjoni preliminari inammissibbli. Barra minn hekk, huma sostnew li l-prinċipju tal-applikazzjoni tal-iktar liġi kriminali favorevoli huwa kklassifikat bħala kostituzzjonali u għandu natura preferenzjali fuq kwalunkwe regola tad-dritt tal-Unjoni. |
39. |
Il-qorti tar-rinviju tafferma li, jekk jintlaqgħu t-talbiet tar-rikorrenti, għandha tiġi annullata s-sentenza tal-kundanna finali u titwaqqaf il-proċedura kriminali, li jagħmilha impossibbli li huma jkomplu jiskontaw is-sentenza tagħhom. Abbażi ta’ din il-premessa, hija tippreżenta, fil-qosor, diversi raġunijiet sabiex f’din il-kawża jiġi eskluż il-prinċipju tal-iktar liġi kriminali favorevoli, iggarantit mill-Kostituzzjoni Rumena, li l-applikazzjoni tiegħu tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. |
40. |
F’dan il-kuntest, il-Curtea de Apel Brașov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov) tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
41. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Frar 2023, akkumpanjata mit-talba għal proċedura mħaffa. |
42. |
Wara li rċeviet konferma mill-qorti tar-rinviju li tnejn mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu jinsabu l-ħabs fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2020 u li jinħelsu mill-ħabs jekk l-appelli straordinarji ppreżentati kontra l-kundanna tagħhom jiġu aċċettati, il-Qorti tal-Ġustizzja qablet li t-talba għal deċiżjoni preliminari tibbenefika mill-proċedura b’urġenza. |
43. |
Fl‑24 ta’ Marzu 2023, il-qorti tar-rinviju bagħtet lill-Qorti tal-Ġustizzja addendum għat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, li ġie kkomunikat lill-partijiet ikkonċernati sabiex ikun jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fl-osservazzjonijiet tagħha. |
44. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn erbgħa mir-rikorrenti fil-kawża ta’ oriġini (C.O, C.I., L.N. u S.P.), il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni Ewropea. |
45. |
Fis-seduta, li saret fl‑10 ta’ Mejju 2023, intervjenew il-Gvern tar-Rumanija u l-Kummissjoni. |
IV. Evalwazzjoni
A. Ammissibbiltà
46. |
Ma għandi l-ebda dubji dwar l-ammissibbiltà tat-tliet domandi preliminari magħmula, iżda għandi dubji dwar l-addendum mibgħut mill-qorti tar-rinviju fl‑24 ta’ Marzu 2023. |
47. |
F’dan l-addendum, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex, f’każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domandi tagħha, tinkludi raġunament li jevita li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li jinsab fil-Kostituzzjoni Rumena jirrendi din ir-risposta ineffettiva ( 16 ). |
48. |
L-addendum fir-realtà, fih domanda preliminari ġdida u addizzjonali moħbija li, kif irrilevaw C.I., C.O. u l-Gvern Rumen, tidher li hija ipotetika ( 17 ), għalhekk ma hijiex essenzjali sabiex tissolva l-kawża prinċipali. Id-dubji li jispirawha jikkonċernaw sentenzi li diġà ġew annullati mill-qrati Rumeni b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali). Fil-kawża prinċipali r-rikorrenti ma humiex f’sitwazzjoni bħal din. |
B. L-ewwel u t-tieni domanda preliminari
49. |
Permezz tal-ewwel żewġ domandi preliminari tagħha, li jistgħu jingħataw risposta flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk, f’ċirkustanzi legali u fattwali bħal dawk li jiddeskrivi, l-Artikolu 325(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni PIF, mad-Deċiżjoni 2006/928 u ma-Artikolu 49 tal-Karta, jopponix ir-regoli u l-ġurisprudenza nazzjonali dwar l-interruzzjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali. |
50. |
Il-premessa taż-żewġ domandi hija li, bl-applikazzjoni tar-regoli interni fis-sens tal-ġurisprudenza kostituzzjonali, jinħoloq riskju ta’ impunità għal fatti li jikkostitwixxu frodi serja kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. F’dan l-isfond, ir-raġunamenti tal-qorti tar-rinviju jinkludu kwotazzjonijiet, fost l-oħrajn, mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Åkerberg Fransson ( 18 ), Taricco et ( 19 ), M.A.S. u M.B ( 20 ), u Euro Box Promotion et ( 21 ). |
1. Id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni
51. |
Qabel kollox, għandha tiġi eskluża l-applikazzjoni għal din il-kawża tad-Direttiva PIF, li l-Artikolu 12 tagħha jistabbilixxi regoli komuni dwar it-termini ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali fir-reati li jikkostitwixxu frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, peress li:
|
52. |
Fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE ( 22 ), moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, din ċertament timponi obbligu fuq l-Istati Membri sabiex jiġġieldu kontra l-frodi tal-VAT ( 23 ), iżda ma tinkludix regoli speċifiċi applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali. |
53. |
Fir-rigward tal-Artikoli 2 TUE, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 4(3) TUE, dawn jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni permezz tal-analiżi tal-kompatibbiltà tal-liġijiet u tal-ġurisprudenza nazzjonali mal-Artikolu 325(1) TFUE, regola ta’ dritt primarju li tistabbilixxi l-prinċipju tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. |
54. |
L-istess isir fil-Konvenzjoni PIF, li tiċċara l-prinċipju tal-Artikolu 325 TFUE. |
55. |
Minbarra l-Artikolu 325 TFUE, id-Deċiżjoni 2006/928 ( 24 ) ukoll tista’ taffettwa r-risposta. Għalkemm ir-reati ssanzjonati hawnhekk jirreferu għall-frodi tal-VAT, is-sitwazzjoni maħluqa mill-ġurisprudenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) dwar it-termini ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali taffettwa wkoll ir-reati ta’ korruzzjoni, speċjalment, ta’ livell għoli, kif irrimarkat il-Kummissjoni fir-Rapport tagħha MKV 2022 ( 25 ). |
56. |
Wara li għamilt dawn il-kjarifiki, fil-preżentazzjoni sussegwenti tiegħi ser nanalizza:
|
2. L-Artikolu 325(1) TFUE u l-ġurisprudenza dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni
57. |
Skont l-Artikolu 325(1) TFUE, l-Istati Membri “għandhom jikkumbattu l-frodi u l-attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni permezz ta’ miżuri […] li jservu ta’ deterrent kif ukoll li jkunu tali li joffru protezzjoni effettiva fl-Istati Membri […]” ( 26 ). |
58. |
L-Istati Membri huma obbligati, b’mod partikolari, li jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw l-irkupru effettiv u sħiħ tar-riżorsi proprji, fosthom id-dħul mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi għall-bażi armonizzata tal-VAT ( 27 ). |
59. |
Ir-riferiment fl-Artikolu 325 TFUE għal “frodi u l-attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni” timplika, skont il-Qorti tal-Ġustizzja ( 28 ), li l-atti ta’ korruzzjoni jistgħu jkunu marbuta ma’ każijiet ta’ frodi u, bil-maqlub, it-twettiq ta’ frodi jista’ jiġi ffaċilitat b’atti ta’ korruzzjoni. L-impatt fuq l-interessi finanzjarji jista’ jirriżulta, f’ċerti każijiet, mill-kombinament ta’ frodi tal-VAT u atti ta’ korruzzjoni ( 29 ). |
60. |
“Frodi”, kif iddefinita fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni PIF ( 30 ), tinkludi d-dħul mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi għall-bażi armonizzata tal-VAT, li hija ddeterminata skont ir-regoli tal-Unjoni ( 31 ). |
61. |
Kif diġà indikajt, il-persuni li ġew ikkundannati f’din il-kawża nstabu ħatja ta’ reati ta’ evitar tat-taxxa u tal-istabbiliment ta’ organizzazzjoni kriminali, imwettqa fir-rigward tal-VAT u t-taxxi speċjali fuq id-diżil. Għalhekk, ma hemmx dubju li japplika l-Artikolu 325(1) TFUE u lanqas li din tinvolvi frodi serja li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni: l-ammont tal-frodi jaqbeż EUR 50000 (l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF). |
62. |
Meta jqiegħdu fil-prattika l-Artikolu 325(1) TFUE, l-Istati Membri huma liberi li jagħżlu s-sanzjonijiet applikabbli. Dawn jistgħu jkunu amministrattivi, kriminali jew kombinament tat-tnejn. Fi kwalunkwe każ, għandhom jiżguraw il-ġbir tad-dħul kollu mill-VAT u, b’hekk, jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Is-sanzjonijiet kriminali jistgħu jirriżultaw essenzjali sabiex jiġu miġġielda b’mod effettiv u dissważiv xi każijiet serji ta’ frodi tal-VAT ( 32 ). |
63. |
Id-dritt Rumen jikkontempla sanzjonijiet kriminali għal din il-frodi u f’dan ir-rinviju ma hemm l-ebda dubju li, bħala tali, huma effettivi u dissważivi. Lanqas ma huwa kkontestat li, b’mod astratt, it-termini ta’ preskrizzjoni ( 33 ) kkontemplati fil-Kodiċi Kriminali tal‑2009 għal din il-kategorija ta’ reati huma adegwati ( 34 ), jiġifieri ma jopponux in-natura effettiva u dissważiva tas-sanzjonijiet. Dawn it-termini jaqbżu l-minimu stabbilit fl-Artikolu 12 tad-Direttiva PIF. |
64. |
Il-problema mqajma, għalhekk, ma tikkonċernax is-sanzjonijiet, kif ikkonfigurati fid-dritt Rumen, u lanqas it-termini ta’ preskrizzjoni li l-Kodiċi Kriminali tal‑2009 jistabbilixxi, iżda pjuttost l-impossibilità legali li dawn it-termini jiġu interrotti bħala riżultat ta’ żewġ sentenzi tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali). |
65. |
Għall-ogħla qrati Rumeni, il-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali hija, fl-ordinament ġuridiku tagħhom, element tad-dritt sostantiv (u, għalhekk, mhux tad-dritt proċedurali). Din il-premessa ma topponix id-dritt tal-Unjoni, kif ser nanalizza iktar ’il quddiem. |
66. |
Il-konsegwenza li tirriżulta minn dawn is-sentenzi u mill-assenza ta’ attività tal-leġiżlatur nazzjonali hija li, matul ċertu intervall ta’ żmien ( 35 ), ebda att maħruġ matul proċedura kriminali ma seta’ jinterrompi t-termini ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali. It-tmiem tar-raġunijiet għall-interruzzjoni huwa meqjus bħala “l-iktar liġi kriminali favorevoli”, fis-sens tal-Artikolu 15(2) tal-Kostituzzjoni Rumena u l-Artikolu 5 tal-Kodiċi Kriminali tal‑2009. Minkejja l-ġurisprudenza diverġenti fil-qrati inferjuri, din hija l-interpretazzjoni tad-dritt Rumen li għandha tiġi osservata, fir-rigward ta’ dan l-intervall ta’ żmien, peress li din ġiet stabbilita b’natura vinkolanti mill-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) fis-sentenzi tagħha Nru 297/2018 u Nru 358/2022 u l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) fis-sentenza tagħha Nru 67/2022, mogħtija fl-interess tal-liġi. |
67. |
Konsegwentement, il-persuni kkundannati kemm għal frodi serja kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif ukoll għal reati oħra ( 36 ) jistgħu jkollhom is-sentenzi tagħhom annullati u jiġu meħlusa: ikun biżżejjed li bejn it-twettiq tal-fatti u s-sentenza finali li imponiet il-pieni jkunu għaddew it-termini ta’ preskrizzjoni (mingħajr il-possibbiltà li titqies raġuni għal interruzzjoni) previsti fil-Kodiċi Kriminali tal‑2009. |
68. |
Il-qorti tar-rinviju ( 37 ) tippromwovi interpretazzjoni tad-dritt intern li tippermetti li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ “l-iktar liġi kriminali favorevoli” fil-kawża ( 38 ). Din hija xi ħaġa, madankollu, li hija responsabbiltà tagħha biss. Il-possibbiltà li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, anki jekk dan ifisser devjazzjoni mill-ġurisprudenza ta’ qorti superjuri, hija limitata mill-fatt li ma jitwettqu ebda interpretazzjonijiet contra legem tad-dritt nazzjonali ( 39 ). |
69. |
Min-naħa tiegħi, ma narax kif tista’ ssir interpretazzjoni tar-regoli u tal-ġurisprudenza kostituzzjonali Rumena dwar l-interruzzjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali fil-perijodu 2018‑2022 li ma tikkontradixxix is-sentenzi tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali). Dawn jiddikjaraw b’mod definittiv id-dritt ta’ regolazzjoni fir-Rumanija u l-ġurisprudenza tagħhom hija l-“kelma finali” dwar id-dritt nazzjonali ( 40 ). |
70. |
Ladarba tiġi eskluża l-possibbiltà ta’ interpretazzjoni oħra, dak li għandu jiġi ċċarat huwa jekk id-dritt nazzjonali, kif jirriżulta mir-regoli u mill-ġurisprudenza kostituzzjonali li tinterpretahom, jiksirx l-obbligu li l-każijiet ta’ frodi serja kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu kkastigati b’sanzjonijiet kriminali effettivi u dissważivi. Fid-digriet tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju tqis li dan il-ksur iseħħ. |
71. |
Skont l-informazzjoni disponibbli fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari, din l-evalwazzjoni tista’ titqies bħala fondata jekk is-sitwazzjoni fir-Rumanija, matul il-perijodu analizzat, wasslet għall-impunità għal numru konsiderevoli ta’ reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, f’termini li ma humiex konformi mal-Artikolu 325(1) TFUE. |
72. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tattribwixxi effett dirett lill-obbligu li jiġu miġġielda l-attivitajiet illegali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz ta’ miżuri dissważivi u effettivi. L-Artikolu 325(1) TFUE jimponi fuq l-Istati Membri obbligu preċiż ta’ riżultat u li ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni ( 41 ). |
73. |
Huwa f’idejn kull Stat Membru li jiżgura li r-regolament applikabbli għar-reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma jkunx ikkonfigurat b’tali mod li jippreżenta riskju sistemiku ta’ impunità. Dan għandu jsir, madankollu, filwaqt li titħares il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni akkużati ( 42 ). |
74. |
Skont kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, il-leġiżlatur Rumen kiser dan l-obbligu matul kważi erba’ snin, billi ma emendax l-Artikolu 155(1) tal-Kodiċi Kriminali tal‑2009 wara s-sentenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) Nru 297/2018. L-emenda finalment saret permezz tad-Digriet Liġi Nru 71/2022, iżda matul il-perijodu ta’ żmien li għadda bejn din is-sentenza u dan id-Digriet Liġi nżammet l-impunità għal numru kbir ta’ reati serji, għad-detriment tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, minħabba l-effett retroattiv tal-lex mitior. |
3. Id-Deċiżjoni 2006/928 u riskju sistemiku ta’ impunità
75. |
Id-Deċiżjoni 2006/928 hija att adottat mill-Kummissjoni abbażi tal-Att ta’ Adeżjoni, li jifforma parti mid-dritt primarju tal-Unjoni, iżda konkretament tikkostitwixxi deċiżjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE. |
76. |
Ir-rapporti tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, imħejjija fil-qafas tal-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (MKV) stabbilit bid-Deċiżjoni 2006/928, għandhom ukoll jiġu kklassifikati bħala atti adottati minn istituzzjoni tal-Unjoni b’bażi legali. fl-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni ( 43 ). |
77. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà analizzat in-natura u l-effetti legali tad-Deċiżjoni 2006/928 u enfasizzat li hija obbligatorja fl-elementi kollha tagħha għar-Rumanija, sakemm ma tkunx ġiet imħassra. |
78. |
Il-punti ta’ riferiment elenkati fl-anness tad-Deċiżjoni 2006/928 għandhom it-tendenza li jiżguraw l-osservanza tal-valur tal-Istat tad-dritt (Artikolu 2 TUE) u huma vinkolanti għar-Rumanija: dan l-Istat Membru għandu jadotta l-miżuri xierqa sabiex jikkonforma ruħu magħhom, filwaqt li jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni, taħt il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (Artikolu 4(3) TUE), ir-rapporti mħejjija mill-Kummissjoni, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet magħmula f’dawn ir-rapporti ( 44 ). |
79. |
B’mod partikolari, id-Deċiżjoni 2006/928 stabbilixxiet l-MKV u stabbilixxiet, fir-rigward tar-riforma tas-sistema ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fir-Rumanija, il-punti ta’ riferiment elenkati fl-Artikolu 1 u mogħtija f’iktar dettall fl-anness tagħha. Dawn il-punti ta’ riferiment huma vinkolanti, għalhekk ir-Rumanija hija suġġetta għall-obbligu speċifiku li tindirizzahom u toqgħod lura milli tapplika kwalunkwe miżura li tista’ tpoġġi f’riskju l-konformità magħhom ( 45 ). |
80. |
Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-qrati Rumeni qiegħdin jipproċedu sabiex jagħlqu l-proċeduri kriminali, inkluż permezz tal-appell straordinarju għal annullament, bħala riżultat tat-tmiem tar-raġunijiet għall-interruzzjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali bejn l‑2018 u l‑2022, li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali). |
81. |
F’dan il-kuntest, hija tfakkar li r-Rapport MKV 2022 sab li s-sitwazzjoni inkwistjoni jista’ jkollha “impatt sostanzjali […] fuq proċeduri prekontenzjuża u tal-qorti li għaddejjin”, bil-“konsegwenzi serji” possibbli għat-“tneħħija tar-responsabbiltà kriminali f’għadd sostanzjali ta’ kawżi” ( 46 ). Għalhekk, tifhem li dan jaffettwa s-sistema ġudizzjarja Rumena kollha. |
82. |
Is-sitwazzjoni deskritta mill-qorti tar-rinviju u mir-Rapport MKV 2022 tiżvela riskju ta’ impunità fir-Rumanija għar-reati ta’ frodi serji kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (u għar-reati ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli, li ħafna drabi huma assoċjati) matul il-perijodu mill‑2018 sal‑2022, għalkemm ma huwiex identifikat b’mod preċiż kemm hemm każijiet li jaffettwaw dawn l-interessi finanzjarji. Dan ir-riskju jkun ġej min-nuqqas ta’ eżistenza ta’ raġunijiet għall-interruzzjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali (u, fl-istess ħin, mit-tul eċċessiv tal-proċeduri kriminali korrispondenti, lil hinn miż-żmien tal-preskrizzjoni). |
83. |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fil-fatt, jekk, skont il-ġurisprudenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), l-Istat Rumen iwettaqx riskju sistemiku ta’ impunità għar-reati ta’ frodi serji kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u għar-reati ta’ korruzzjoni marbutin magħhom. F’dan il-każ, ir-Rumanija ma tosservax l-obbligu speċifiku li tikkonforma mal-punti ta’ riferiment stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni 2006/928 (b’mod partikolari, il-punti ta’ riferiment tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni). |
4. L-Artikolu 49 tal-Karta u l-iktar liġi kriminali favorevoli
84. |
L-Artikolu 325(1) TFUE għandu effett dirett, bħalma jseħħ fil-każ tad-Deċiżjoni 2006/928. Bis-saħħa tal-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, iż-żewġ dispożizzjonijiet jagħmlu kwalunkwe miżura nazzjonali kuntrarja inapplikabbli ipso jure ( 47 ). |
85. |
“[I]l-qrati nazzjonali kompetenti għandhom jagħtu effett sħiħ lill-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 325(1) u (2) TFUE u jħallu mhux applikati dispożizzjonijiet interni, b’mod partikolari fil-qasam tal-preskrizzjoni, li, fil-kuntest ta’ proċedura dwar ksur gravi fil-qasam tal-VAT, jostakolaw l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi u dissważivi sabiex jiġu miġġielda l-każijiet ta’ frodi li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni” ( 48 ). |
86. |
Fil-proċedura kkontestata, japplikaw l-Artikolu 325(1) TFUE u d-Deċiżjoni 2006/928, jiġifieri, “jiġi implimentat id-dritt tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. |
87. |
Abbażi ta’ din il-premessa, il-qorti tar-rinviju għandha tiżgura li d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta jiġu rrispettati (f’dan il-każ, tal-persuni kkundannati). Jekk, skont kif intqal hawn fuq, tiddeċiedi li ma tapplikax il-ġurisprudenza nazzjonali dwar l-assenza ta’ eżistenza ta’ raġunijiet għall-interruzzjoni tal-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali fil-perijodu 2018‑2022, ma tistax tagħmel dan barra mid-dispożizzjonijiet tal-Karta, li l-valur tagħhom ma jkunx inqas minn dak tal-Artikolu 325(1) TFUE ( 49 ). |
88. |
L-obbligu li jiġi ggarantit l-irkupru effettiv tar-riżorsi proprji tal-Unjoni ma jeżentax lill-qrati nazzjonali mid-dmir tagħhom li jissalvagwardjaw ir-rispett tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta, fejn jidħlu proċeduri kriminali għal reati fil-qasam tal-VAT, li fihom jiġi applikat id-dritt tal-Unjoni ( 50 ). |
89. |
F’dan ir-rigward, id-dritt fundamentali li jista’ jiġġustifika ż-żamma u l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza kostituzzjonali Rumena huwa dak minqux fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta: ir-retroattività tal-iktar liġi kriminali favorevoli jew lex mitior. |
90. |
L-obbligu li jiġu protetti r-riżorsi proprji tal-Unjoni fil-qasam tal-VAT ma jistax, nirrepeti, jeżenta lill-qrati nazzjonali mill-applikazzjoni tal-lex mitior, bħala prinċipju marbut ma’ dak ta’ nullum crimen, nullum poena sine lege, li huwa element inseparabbli tal-Istat tad-dritt. Dan tal-aħħar, min-naħa tiegħu, huwa wieħed mill-valuri fundamentali li fuqhom hija bbażata l-Unjoni (Artikolu 2 TUE). |
91. |
Skont l-Artikolu 49(1) tal-Karta, “[ma għandhiex] tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta twettaq ir-reat. Jekk wara li twettaq ir-reat, il-liġi tipprovdi għal piena inqas, dik il-piena għandha tkun applikabbli”. |
92. |
Il-prinċipju ta’ retroattività tal-iktar liġi kriminali favorevoli, minqux f’dawn it-termini mill-Karta, jagħmel parti mid-dritt primarju tal-Unjoni ( 51 ) u huwa inkluż fit-trattati internazzjonali konklużi mill-Istati Membri tal-Unjoni ( 52 ). |
93. |
Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “l-applikazzjoni tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli neċessarjament timplika suċċessjoni ta’ liġijiet fiż-żmien u hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li l-leġiżlatur biddel l-opinjoni jew dwar il-klassifikazzjoni kriminali tal-fatti jew dwar il-piena li għandha tiġi applikata għal ksur” ( 53 ). |
94. |
Il-prinċipju tal-lex mitior huwa maħsub bħala eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta’ applikazzjoni retroattiva ta-regoli kriminali. Sa fejn ir-retroattività in bonam partem tibbenefika lill-persuna akkużata, ma jistax jiġi argumentat li l-eżekuzzjoni tal-liġi kriminali sussegwenti tinjora l-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege. Sempliċement, il-liġi antika, fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti li jikkostitwixxu r-reat, ċċedi għall-ġdida b’mod retroattiv u b’hekk tittejjeb is-sitwazzjoni kriminali tal-persuna akkużata (jew tal-persuna kkundannata). |
95. |
Għalkemm il-bażi tiegħu hija kkontestata, il-prinċipju tal-lex mitior huwa ispirat mill-fatt li persuna li l-imġiba tagħha, fl-opinjoni (modifikata) tal-leġiżlatur, ma għadhiex jistħoqqilha l-piena pprovduta minn liġi preċedenti ma għandhiex tiġi kkundannata jew tinżamm miċħuda mil-libertà. Għalhekk, din il-persuna tirċievi l-vantaġġi li jirriżultaw mill-valuri ġodda introdotti mil-liġijiet sussegwenti ( 54 ). |
96. |
Mill-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta (Artikolu 52(3)) jista’ jiġi dedott li d-dritt irrikonoxxut fl-Artikolu 49 tagħha għandu l-istess sens u l-istess portata bħal dak iggarantit mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem, “il-KEDB”). |
97. |
Peress li l-KEDB ma inkludietx dan il-prinċipju espressament, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem, “il-QEDB”), fuq il-passi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iddeduċiet dan mill-Artikolu 7 tagħha ( 55 ). |
98. |
Skont il-QEDB:
|
99. |
Sa issa, madankollu, la l-QEDB u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddelimitaw b’mod preċiż il-portata eżatta tal-prinċipju tal-lex mitior f’każijiet bħal din il-kawża. Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha sabiex tiddeċiedi jekk dawn li ġejjin humiex idderivati mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta:
|
100. |
It-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri huma, fil-fatt, “rari” fir-rigward tal-prinċipju tal-lex mitior. Hemm pajjiżi li kważi ma jafux dwar din il-garanzija kriminali bażika u oħrajn li jagħtuha kopertura wiesgħa, anki ta’ natura kostituzzjonali (il-Portugall, ir-Rumanija, l-Italja jew Spanja, fost oħrajn). Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistabbilixxi standard ta’ protezzjoni awtonomu u speċifiku tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, li joffri lid-destinatarji tiegħu livell għoli ta’ salvagwardja u mhux biss protezzjoni de minimis. |
a) Lex mitior u l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali
101. |
L-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tirreferi għar-retroattività tal-liġi li tipprovdi għal “piena inqas”. Kif diġà ressaqt, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li l-applikazzjoni tal-iktar liġi kriminali favorevoli hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li l-leġiżlatur biddel l-opinjoni “jew dwar il-klassifikazzjoni kriminali tal-fatti jew dwar il-piena li għandha tiġi applikata għal ksur” ( 59 ). |
102. |
Iż-żewġ referenzi ma humiex determinanti, iżda jindikaw il-fatt li l-prinċipju tal-lex mitior tal-Karta japplika biss għar-regoli tad-dritt kriminali sostantiv u mhux għal dawk tad-dritt kriminali proċedurali. |
103. |
Jekk dan ikun il-każ, ikun meħtieġ li jiġi ċċarat f’kull każ meta l-preskrizzjoni u l-interruzzjonijiet tagħha jkollhom natura sostantiva (materjali) jew sempliċement proċedurali, għall-finijiet tal-Artikolu 49 tal-Karta. Din hija kjarifika importanti minħabba li r-regoli proċedurali kriminali normalment isegwu r-regola tempus regit actum. |
104. |
Il-ġurisprudenza tal-qrati supremi tar-Rumanija tqis li, fil-pajjiż tagħhom, ir-regoli tal-preskrizzjoni kriminali għandhom natura sostantiva. Ma hemm xejn fid-dritt tal-Unjoni li jopponi din il-ġurisprudenza nazzjonali, kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet fis-sentenza M.A.S. u M.B. |
105. |
Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali tikkostitwixxi kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 4(2) TFUE. |
106. |
Fiż-żmien tal-fatti kkontestati, is-sistema tal-preskrizzjoni applikabbli għar-reati kriminali relatati mal-VAT ma kinitx ġiet armonizzata mil-leġiżlatur tal-Unjoni ( 60 ). L-Istati Membri kienu liberi li jipprovdu li, fl-ordinament ġuridiku tagħhom, is-sistema tal-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali u tal-interruzzjonijiet tagħha kienet tikkorrispondi għal-liġi kriminali sostantiva ( 61 ). |
107. |
Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tas-sistema tal-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali għal reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, huwa għalhekk id-dritt ta’ kull Stat Membru li jiddeċiedi jekk ir-regoli tal-preskrizzjoni tiegħu humiex ta’ natura proċedurali jew sostantiva ( 62 ). |
108. |
Huwa minnu li, fis-sentenza Taricco, il-Qorti tal-Ġustizzja għażlet li tattribwixxi natura proċedurali għar-regoli tal-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali, kif kienet indikat il-QEDB ( 63 ); f’każijiet oħra, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat pożizzjoni differenti fir-rigward tat-termini ta’ preskrizzjoni ( 64 ). |
109. |
Il-ġurisprudenza tal-QEDB kellha t-tendenza li tikkunsidra dawn ir-regoli bħala li għandhom natura proċedurali, minħabba li ma jiddeterminawx ir-reati u l-pieni li jippenalizzawhom, iżda sempliċement jistabbilixxu kundizzjoni minn qabel għall-investigazzjoni tal-każ ( 65 ). Madankollu, il-QEDB qieset li l-Artikolu 7 tal-KEDB jinkiser meta persuna akkużata tiġi kkundannata għal reat diġà preskritt ( 66 ). |
110. |
Fis-sentenza M.A.S. u M.B., ( 67 ) il-Qorti tal-Ġustizzja (b’ġudizzju tajjeb, fil-fehma tiegħi) fakkret is-sentenza Taricco sabiex:
|
111. |
Fid-dawl tas-sentenza M.A.S. u M.B, naħseb li, sakemm ma jkunx hemm armonizzazzjoni fid-dritt tal-Unjoni ( 70 ), kull Stat Membru jista’ jkompli jattribwixxi natura sostantiva lir-regoli li jirregolaw il-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali (inklużi, loġikament, dawk li jirregolaw l-interruzzjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni). Bl-istess mod, tali regoli huma suġġetti għall-prinċipju tal-lex mitior tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta. |
b) Lex mitior u d-deċiżjonijiet tal-qrati kostituzzjonali
112. |
Il-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), minbarra li kkunsidrat li l-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tappartjeni għad-dritt kriminali sostantiv, iddikjarat l-antikostituzzjonalità tal-Artikolu 155 tal-Kodiċi Kriminali tal‑2009, fir-rigward tal-interruzzjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni. Bħala riżultat ta’ din il-ġurisprudenza, matul l-intervall bejn il‑25 ta’ Ġunju 2018 u t‑30 ta’ Mejju 2022, dawn il-perijodi għaddew mingħajr il-possibbiltà ta’ interruzzjonijiet. |
113. |
Jista’ jiġi argumentat li d-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali ma humiex “l-iktar liġi kriminali favorevoli”, peress li ma humiex eżattament miżuri leġiżlattivi adottati mill-Istat Membru. Naħseb, madankollu, li din l-oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda. |
114. |
Il-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), meta tiddikjara l-antikostituzzjonalità tal-Artikolu 155 tal-Kodiċi Kriminali tal‑2009, taġixxi bħala “leġiżlatur negattiv” ( 71 ). Fl-Istati b’kontroll ikkonċentrat tal-kostituzzjonalità, id-dikjarazzjonijiet ta’ antikostituzzjonalità tal-liġijiet għandhom valur u forza vinkolanti simili għal dak tal-liġijiet infushom li dawn jiddikjaraw l-inapplikabbiltà (u, fejn xieraq, nullità) totali jew parzjali tagħhom bħala inkompatibbli mal-Kostituzzjoni nazzjonali. F’dawn il-pajjiżi, id-dikjarazzjonijiet ta’ antikostituzzjonalità tal-liġijiet għandhom effetti erga omnes u jimplikaw it-tmiem totali jew parzjali ta’ dawn il-liġijiet mill-ordinament ġuridiku (Spanja, il-Polonja, il-Portugall, il-Litwanja, ir-Rumanija, il-Ġermanja jew l-Italja). |
115. |
Għalhekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni retroattiva tal-lex mitior, ma nara l-ebda differenza bejn it-tħassir totali jew parzjali ta’ liġi kriminali minn liġi sussegwenti oħra (deċiżjonijiet tal-leġiżlatur) u t-tkeċċija mill-ordinament ġuridiku, totalment jew parzjalment ukoll, ta’ din il-liġi minħabba dikjarazzjoni ta’ antikostituzzjonalità (deċiżjonijiet tal-qorti kostituzzjonali) ( 72 ). |
116. |
Għalhekk, dikjarazzjoni ta’ antikostituzzjonalità bħal dik magħmula mill-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) fis-sentenzi tagħha Nru 297/2018 u Nru 358/2022 hija materjalment ekwivalenti għal emenda leġiżlattiva, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-lex mitior. Dikjarazzjoni bħal din hija imposta fuq l-awtoritajiet pubbliċi kollha, inklużi dawk ġurisdizzjonali ( 73 ), għalkemm tibqa’ l-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà jew mhux mad-dritt tal-Unjoni ta’ regola nazzjonali li l-qorti kostituzzjonali tkun iddikjaratha konformi mal-Kostituzzjoni tagħha ( 74 ). |
117. |
F’din il-kawża, is-sentenzi Nru 297/2018 u Nru 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) isolvu kwistjoni ta’ dritt kostituzzjonali Rumen, mingħajr ma jiddeċiedu dwar il-kompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni jew “jikkontestaw” is-supremazija tagħha. |
118. |
Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għas-“suċċessjoni ta’ liġijiet maż-żmien”, hija tuża t-terminu “liġijiet” f’sens wiesa’. Din id-definizzjoni tinkludi, ovvjament, il-liġijiet adottati mil-korpi leġiżlattivi tal-Istati Membri, iżda wkoll it-tibdiliet ta’ dawn l-istess liġijiet, idderivati mid-dikjarazzjonijiet ta’ antikostituzzjonalità adottati minn qorti kostituzzjonali. Naħseb li din id-dikjarazzjoni hija iktar konsistenti mal-obbligu li d-drittijiet protetti mill-Karta ma jiġux interpretati b’tali mod li l-kontenut tagħhom jiġi ristrett. |
119. |
Is-sentenza tal-QEDB fil-kawża Ruban vs L-Ukraina ma tikkontradixxix l-interpretazzjoni li nipproponi. F’din il-kawża tqajjem il-ksur possibbli tal-prinċipju tal-lex mitior mill-Istat Ukrain bħala riżultat ta’ sentenza mill-qorti kostituzzjonali tiegħu. Il-QEDB ċaħdet li l-Artikolu 7 tal-KEDB ġie miksur, iżda analizzat id-dikjarazzjoni ta’ antikostituzzjonalità daqs li kieku kienet bidla leġiżlattiva, mingħajr ma oġġezzjonat li din il-ġurisprudenza kostituzzjonali ma timplikax suċċessjoni temporali ta’ “liġijiet” ( 75 ). |
c) Lex mitior u sentenzi kriminali finali
120. |
Fis-sentenza Scoppola vs L-Italja, il-QEDB dehret li kienet inklinata li tillimita l-applikazzjoni tal-lex mitior għall-proċeduri kriminali li għadhom ma humiex solvuti b’sentenza finali ( 76 ). Madankollu, f’xi kawżi sussegwenti, estendiet ukoll dan il-prinċipju għal sentenzi finali, dejjem jekk id-dritt nazzjonali jipprovdi għal din il-possibbiltà ( 77 ). |
121. |
Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jista’ jiġi maħsub li l-Qorti tal-Ġustizzja wkoll illimitat il-prinċipju tal-lex mitior għas-sentenzi mhux finali ( 78 ). Jiena nemmen, madankollu, li impressjoni bħal din tkun mgħaġġla, peress li fil-kawża Delvigne il-leġiżlazzjoni nazzjonali analizzata offriet lill-persuni kkundannati l-possibbiltà li s-sitwazzjoni derivata minn kundanna kriminali preċedenti tiġi rriveduta skont il-liġi ġdida. |
122. |
Fil-fehma tiegħi, il-lex mitior għandha tapplika wkoll għas-sentenzi kriminali finali li jkunu fil-proċess ta’ eżekuzzjoni. Nifhem li dan ma huwiex il-każ fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni, għalkemm hija s-soluzzjoni adottata minn xi wħud ( 79 ). Anki f’dawk fejn, bħala regola ġenerali, il-lex mitior ma japplikax għas-sentenzi kriminali b’effett ta’ res judicata, hemm bosta eċċezzjonijiet għal din ir-regola. Għalhekk, huwa komuni li l-effett retroattiv in melius jiġi estiż għal din it-tip ta’ sentenza meta l-leġiżlazzjoni kriminali l-ġdida tipprovdi għalih, jew meta mġiba tiġi dekriminalizzata ( 80 ), jew meta qorti kostituzzjonali tiddikjara l-inkostituzzjonalità ta’ liġi kriminali ( 81 ). |
123. |
Fi kwalunkwe każ, il-prinċipju tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1), tal-Karta għandu tifsira awtonoma, li ma tiddependix mill-pluralità ta’ soluzzjonijiet milħuqa mill-Istati Membri u l-livell ta’ protezzjoni li għandu joffri għandu jkun għoli u mhux baxx, kif diġà ssuġġerejt. |
124. |
Ma huwiex loġiku li l-bidla fil-valuri (jew fi kriterji punittivi) tal-leġiżlatur tiġi applikata biss favur il-persuni indagati jew akkużati u mhux dawk li, għal fatti simili, qiegħdin jiskontaw kundanni finali. L-assenza ta’ loġika hija iktar notevoli fil-każ tad-dekriminalizzazzjoni, permezz ta’ liġi sussegwenti, ta’ imġiba preċedentement ikkastigata (abolitio criminis). Skont kuxjenza legali korretta, huwa insupportabbli li, f’din l-ipoteżi, raġunijiet temporanji biss jiddeterminaw li dawk il-persuni kkundannati permezz ta’ deċiżjoni finali rigward imġiba minn dawn jibqgħu l-ħabs, filwaqt li l-awturi tal-istess aġir, li għadhom qiegħdin jistennew sentenza, huma eżenti mir-responsabbiltà kriminali. |
125. |
L-istess kriterji ta’ trattament ugwali u ta’ koerenza li jġib miegħu l-lex mitior għall-persuni indagati jew akkużati jistgħu jiġu estrapolati għal dawk diġà kkundannati. Huwa irraġonevoli, nerġa’ rrepeti, li żewġ persuni li jkunu wettqu fatti simili fl-istess jum jibbenefikaw, jew le, minn dan il-prinċipju sempliċement għax għal xi ħadd minnhom, il-proċeduri kriminali spiċċaw iktar malajr u wasslu għal kundanna finali, filwaqt li, għall-persuna l-oħra, ġew estiżi bħala żmien u għadha ma ngħatatx kundanna b’mod finali. |
126. |
Il-loġika tal-prinċipju ta’ retroattività tal-iktar liġi kriminali favorevoli għandha tiġi applikata wkoll fir-rigward ta’ sentenzi kriminali finali, sabiex jiġu evitati inkonsistenzi bħal dawk imsemmija qabel. Huwa minnu, madankollu, li din is-soluzzjoni timplika proċess ta’ reviżjoni ta’ kundanni li għandhom is-saħħa ta’ res judicata, iżda din l-oġġezzjoni ma jidhirlix li hija insurmontabbli. Ma huwiex hekk fil-każijiet ta’ dekriminalizzazzjoni ta’ imġiba li qabel kienet ikklassifikata bħala reat, u ma narax għalfejn ikun hekk f’każijiet oħra ta’ suċċessjoni ta’ liġijiet maż-żmien ( 82 ). |
127. |
Ir-reviżjoni ta’ sentenzi finali bħala konsegwenza tal-lex mitior tirrikjedi li d-dritt intern joffri mezz proċedurali sabiex titwettaq, fuq talba tal-persuna kkundannata. Fir-Rumanija, dan il-mezz huwa, skont id-digriet tar-rinviju, l-appell straordinarju għal annullament tal-Artikolu 426(1)(b) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali tar-Rumanija, bil-limitazzjonijiet indikati fis-sentenza Nru 67/2022 tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja). |
d) Konklużjoni intermedja
128. |
Fil-qosor, nipproponi interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ retroattività tal-iktar liġi kriminali favorevoli, rikonoxxut fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, li:
|
129. |
F’din il-kawża, il-prinċipju ta’ retroattività tal-iktar liġi kriminali favorevoli, previst fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, jiġġustifika l-eżenzjoni tar-responsabbiltà kriminali tal-persuni kkundannati li ġiet applikata għalihom, f’dak iż-żmien, sistema ta’ interruzzjoni tal-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali iktar tard iddikjarata antikostituzzjonali, dejjem jekk ikunu oqsma li fihom jiġi applikat id-dritt tal-Unjoni. L-eżenzjoni għalhekk tkopri r-reati ta’ frodi serji kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li jiksru l-Artikolu 325 TFUE u d-Deċiżjoni 2006/928. |
130. |
Konsegwentement, f’sitwazzjoni bħal din deskritta, id-dritt tal-Unjoni ma jeħtieġx li ma tiġix applikata l-ġurisprudenza inkwistjoni tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), minkejja li l-effetti tagħha jimplikaw l-impunità tal-awturi ta’ xi wħud minn dawn ir-reati. |
5. Standard tal-iktar protezzjoni favorevoli tal-prinċipju tal-lex mitior fid-dritt Rumen
131. |
Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis, kuntrarjament għal dak li nipproponi, li r-retroattività tal-iktar liġi kriminali favorevoli skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta ma tapplikax għal din il-kawża, ikun meħtieġ li jiġi analizzat jekk id-dritt Rumen jistabbilixxix standard ta’ protezzjoni ogħla mill-prinċipju tal-lex mitior. |
132. |
Qorti ta’ Stat Membru tista’ ssib quddiemha, kif inhu l-każ hawnhekk, sitwazzjoni li fiha għandha tevalwa l-konformità mad-drittijiet fundamentali ta’ dispożizzjoni jew miżura nazzjonali li għaliha japplika d-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. |
133. |
Meta, fi ħdan dan il-qafas, l-azzjoni tal-Istati Membri ma tkunx iddeterminata totalment mid-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 53 tal-Karta jikkonferma li l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali jibqa’ jkollhom is-setgħa li japplikaw standards nazzjonali għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. |
134. |
Fid-dritt Rumen, l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni tal-prinċipju ta’ retroattività tal-iktar liġi kriminali favorevoli huwa stabbilit fl-Artikolu 15(2) tal-Kostituzzjoni u fl-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi Kriminali tal‑2009, li l-portata tagħhom ġiet deskritta mill-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali). |
135. |
Kif diġà fakkart, il-ġurisprudenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) u tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) tiddikjara li r-regoli dwar il-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali u dawk relatati mal-interruzzjoni tat-termini tal-preskrizzjoni għandhom natura sostantiva u, għalhekk, japplika għalihom il-prinċipju tal-lex mitior ( 83 ). |
136. |
Is-sentenzi tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) Nru 297/2018 u Nru 358/2022 enfasizzaw li, bejn il‑25 ta’ Ġunju 2018 u t‑30 ta’ Mejju 2022, ma kien hemm l-ebda raġuni għal interruzzjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali, bl-applikazzjoni ta’ dak il-prinċipju. |
137. |
Sabiex dan l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni tal-prinċipju tar-retroattività tal-iktar liġi kriminali favorevoli, stabbilit mid-dritt Rumen, jista’ jkun applikabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina li għandhom jiġu osservati żewġ kundizzjonijiet: ( 84 )
|
138. |
Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, id-dritt tal-Unjoni ma jistabbilixxix sistema speċifika f’dan ir-rigward. L-applikazzjoni tal-istandard ta’ protezzjoni Rumen, għalhekk, ma taffettwax il-livell ta’ protezzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta. |
139. |
Jirriżula li huwa iktar diffiċli li jiġi ddeterminat jekk l-istandard ta’ protezzjoni tal-prinċipju tal-lex mitior tad-dritt Rumen jimpedixxix l-unità, is-supremazija u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, peress li ma huwiex faċli li l-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza M.A.S. u M.B., minn naħa waħda, u fis-sentenza Euro Box Promotion, min-naħa l-oħra, jiġu rrikonċiljati. |
140. |
Fis-sentenza M.A.S. u M.B. il-Qorti tal-Ġustizzja:
|
141. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, aċċettat limitu għall-applikazzjoni tal-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni: il-qrati nazzjonali jistgħu japplikaw regoli interni li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni sabiex jipproteġu dritt fundamentali (dak ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege) iggarantit minn standard ogħla tad-dritt nazzjonali minn dak stabbilit mid-dritt tal-Unjoni ( 89 ). |
142. |
Is-sentenza M.A.S. u M.B., għalhekk, ma tobbligax lill-qorti nazzjonali tagħti prijorità assoluta lill-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, sal-punt li tagħtihom preċedenza fuq dritt fundamentali bħall-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege. |
143. |
Fis-sentenza Euro Box Promotion, il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat il-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza kostituzzjonali Rumena ( 90 ) li, bħal dik Taljana f’M.A.S. u M.B., setgħu joħolqu riskju sistemiku ta’ impunità għal fatti li jikkostitwixxu reati serji ta’ frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, għad-detriment tal-obbligu previst fl-Artikolu 325(1) TFUE. Wara din l-analiżi, iddikjarat li:
|
144. |
Fil-fehma tiegħi, din il-kawża hija eqreb għal dik li tat lok għas-sentenza M.A.S. u M.B. milli għal dik tas-sentenza Euro Box Promotion. F’din tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ma sabet ebda ksur tal-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, fil-prattika fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti tal-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja speċjalizzata fi kwistjonijiet ta’ korruzzjoni, li l-Qorti Kostituzzjonali Rumena ddikjaratha bħala antikostituzzjonali. Ma kien hemm ukoll l-ebda standard nazzjonali ċar fid-dritt Rumen għall-protezzjoni tad-dritt għal qorti indipendenti, stabbilit preċedentement bil-liġi. Dan kien issuġġerit minn waħda mill-partijiet fis-seduta bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda l-Gvern Rumen u l-Kummissjoni ċaħdu l-eżistenza tiegħu ( 95 ). |
145. |
Fi kwalunkwe każ, l-invokazzjoni tar-riskju sistemiku ta’ impunità għal reati serji kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma jidhirlix li hija raġuni li tiġġustifika r-restrizzjoni ta’ dritt fundamentali bħa dak tal-applikazzjoni retroattiva tal-iktar liġi kriminali favorevoli, meta jkun hemm standard ta’ protezzjoni ta’ dan id-dritt fis-sistema kostituzzjonali ta’ Stat Membru li jkun ogħla minn dak stabbilit mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta. |
146. |
Fil-qosor, jekk l-interpretazzjoni li jiena nipproponi tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta ma tiġix aċċettata, il-ġurisprudenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) dwar l-assenza ta’ eżistenza ta’ raġunijiet ta’ interruzzjoni ta’ termini ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali bejn l-2018 u l-2022 kienet tistabbilixxi standard nazzjonali ta’ protezzjoni tal-prinċipju ta’ retroattività tal-lex molitor ogħla minn dak ta’ dan l-artikolu tal-Karta. |
147. |
Ċertament li l-applikazzjoni ta’ dan l-istandard nazzjonali tista’ toħloq riskju ta’ impunità għall-persuni li jkunu ġew imħarrka talli wettqu frodi serji kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif diġà analizzajt u kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju. |
148. |
Madankollu, il-preċedent tas-sentenza M.A.S. u M.B. iġġenera l-istess riskju ta’ impunità u ma nara l-ebda raġuni sabiex dan jiġi injorat f’din il-kawża. L-istandard nazzjonali tal-ogħla protezzjoni tal-prinċipju lex mitior huwa preżenti b’mod ċar hawnhekk, kif kien il-każ fil-kawża M.A.S. u M.B., b’differenza mill-kawża Euro Box Promotion. |
149. |
Mingħajr dubju, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni huma denji ta’ protezzjoni, iżda dan ma jistax jipprevali fuq is-salvagwardja ta’ dritt fundamentali bħal dak rappreżentat mill-prinċipju ta’ retroattività tal-iktar liġi kriminali favorevoli. |
150. |
Id-drittijiet fundamentali f’komunità ta’ dritt bħal ma hi l-Unjoni ma humiex inqas importanti mill-interessi finanzjarji tagħha. Fi kliem ieħor, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma jistgħux jiġu protetti bil-prezz ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali. |
151. |
Jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 325 TFUE u tar-regoli li jiżviluppawh ikollha xi nuqqasijiet u jiġi ġġenerat riskju sistemiku ta’ impunità fi Stat wieħed jew iktar, l-Unjoni għandha mekkaniżmi legali oħra sabiex tirreaġixxi, bħar-rimedju għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Ma jidhirlix kompatibbli mal-valur tal-Istat tad-dritt tal-Artikolu 2 TUE li jitnaqqas il-livell ta’ protezzjoni tal-prinċipju tal-lex mitior sabiex jiġu ssalvagwardjati aħjar l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. |
152. |
Konsegwentement, is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni ma tapplikax l-effett tagħha f’din il-kawża u l-qorti tar-rinviju ma jkollhiex għalfejn ma tapplikax il-ġurisprudenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) sabiex tiżgura l-osservanza tal-Artikolu 325(1) TFUE, u tad-Deċiżjoni 2006/928. Għall-kuntrarju, hija għandha tosserva din il-ġurisprudenza sabiex iżżomm l-ogħla standard ta’ protezzjoni tal-prinċipju tal-lex mitior tad-dritt Rumen, li, min-natura tiegħu stess, huwa ta’ benefiċċju għall-awturi ta’ reati kriminali. |
153. |
Din is-soluzzjoni hija wkoll l-iktar waħda kompatibbli mal-prinċipju ta’ nullum crimen, nullum poena sine lege u r-rekwiżiti tiegħu tal-prevedibbiltà u l-preċiżjoni tal-liġi kriminali applikabbli ( 96 ). Is-sentenzi tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), issupplimentati b’dik tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja), iċċaraw is-sistema tal-interruzzjoni tal-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali fl-Artikolu 155(1) tal-Kodiċi Kriminali tal‑2009 wara perijodu ta’ dubji bejn il-qrati ta’ ġurisdizzjoni ordinarja. In-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza jintroduċi inċertezzi ġodda dwar l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali bejn l-2018 u l-2022. |
C. It-tielet domanda preliminari
154. |
Il-qorti tar-rinviju tagħmel it-tielet domanda tagħha fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel tnejn fl-affermattiv (u biss jekk ma tkunx tista’ tiġi stabbilita interpretazzjoni skont id-dritt tal-Unjoni). |
155. |
Peress li nipproponi li tingħata risposta negattiva għaż-żewġ domandi inizjali, ma jkunx meħtieġ li tiġi indirizzata t-tielet domanda. Madankollu, ser nagħmel dan f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu pożizzjoni differenti. |
156. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar aspetti tas-sistema ġudizzjarja Rumena ( 97 ) f’termini li jippermettu li tingħata risposta għal din l-aħħar domanda preliminari. Fiha, il-qorti tar-rinviju tenfasizza l-possibbiltà li l-imħallfin jingħataw sanzjoni dixxiplinari meta jiddevjaw mill-ġurisprudenza tal-qorti kostituzzjonali minħabba li jemmnu li din ma tikkonformax mad-dritt tal-Unjoni. |
157. |
Kif jindikaw il-qorti tar-rinviju ( 98 ) u l-Gvern Rumen, l-Artikolu 99(ș) tal-Liġi Nru 303/2004, li kien jikkunsidra bħala reat dixxiplinarju n-nuqqas ta’ konformità tas-sentenzi tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) jew tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) mogħtija f’appelli fl-interess tal-liġi, ġie mħassar wara s-sentenza RS. |
158. |
Madankollu, is-sentenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) Nru 520/2022, tad‑9 ta’ Novembru 2022, affermat li n-nuqqas ta’ osservanza mill-imħallfin tas-sentenzi tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) jew tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) jista’ jagħti lok għal sanzjoni dixxiplinari, f’każ li l-qorti tkun aġixxiet b’mala fide jew b’negliġenza serja. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ din is-sistema dixxiplinari ġdida mad-dritt tal-Unjoni. |
159. |
F’dan ir-rigward, is-sentenzi Euro Box Promotion u RS fihom biżżejjed informazzjoni sabiex tingħata risposta lil din id-domanda. Jien ser nillimita ruħi, għalhekk, sabiex nittraskrivi xi wħud mill-kunsiderazzjonijiet tagħhom:
|
160. |
Ir-risposta għat-tielet domanda preliminari għalhekk tingħata f’dan l-istess sens. |
V. Konklużjoni
161. |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li r-risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Curtea de Apel Brașov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov, ir-Rumanija) tingħata fit-termini li ġejjin:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa isem fittizju. Ma jikkorrispondi mal-isem reali ta’ ebda parti fil-proċedura.
( 2 ) Konvenzjoni li saret fuq il-bażi ta’ l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata fi Brussell fis‑26 ta’ Lulju 1995 u mehmuża mal-Att tal-Kunsill tas‑26 ta’ Lulju 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 8, p. 57; iktar ’il quddiem, “Konvenzjoni PIF”).
( 3 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU 2007, L 142M, p. 825).
( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU 2017 L 198, p. 29; iktar ’il quddiem “Direttiva PIF”).
( 5 ) Codul Penal din 21 iulie 1968, republicat (Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 65, tas‑16 ta’ April 1997) (il-Kodiċi Kriminali tal‑21 ta’ Lulju 1968, ippubblikat mill-ġdid). Dan il-Kodiċi Kriminali huwa r-riżultat tat-test rivedut mil-Lege nr. 140/1996, pentru modificarea și completarea Codului penal (Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 289, tal‑14 ta’ Novembru 1996) (il-Liġi Nru 140/1996 li temenda l-Kodiċi Kriminali) u kien fis-seħħ sal‑1 ta’ Frar 2014 (iktar ’il quddiem “Kodiċi Kriminali tal‑1969”).
( 6 ) Legea nr. 286/2009 privind Codul penal, tas‑17 ta’ Lulju 2009 (Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 510, tal‑24 ta’ Lulju 2009) (il-Liġi Nru 286/2009 tal-Kodiċi Kriminali; iktar ’il quddiem “Kodiċi Kriminali tal-2009”). Ilu fis-seħħ mil‑1 ta’ Frar 2014.
( 7 ) Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 71 din 30 mai 2022 pentru modificarea articolului 155 alineatul (1) din Legea nr. 286/2009 privind Codul penal (Monitorul Oficial al României, parti 1, Nru 531 tat‑30 ta’ Mejju 2022) (id-Digriet Liġi Nru 71 tat‑30 ta’ Mejju 2022, li jemenda l-Artikolu 155(1) tal-Liġi Nru 286/2009, tal-Kodiċi Kriminali, iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 71/2022”).
( 8 ) Legea nr. 135/2010 privind Codul de procedură penală (Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 486 tal‑15 ta’ Lulju 2010) (il-Liġi Nru 135/2010, dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali).
( 9 ) Għall-kuntrarju, il-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) qieset li s-soluzzjoni leġiżlattiva preċedenti (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 123 tal-Kodiċi Kriminali tal‑1969) kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ prevedibbiltà imposti mill-Kostituzzjoni, peress li kienet tipprovdi li huwa biss it-twettiq ta’ azzjoni li, skont il-liġi, kellu jiġi kkomunikat lill-persuna akkużata li seta’ jinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali.
( 10 ) Skont id-digriet tar-rinviju, l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija) iddikjarat inammissibbli kemm it-talbiet għal interpretazzjoni tal-Artikolu 155(1) tal-Kodiċi Kriminali tal‑2009 wara s-sentenza kostituzzjonali Nru 297/2018, kif ukoll appell straordinarju fl-interess tal-liġi ppreżentat sabiex dik id-dispożizzjoni tiġi interpretata. Dan huwa rifless fis-sentenzi tagħha Nru 5, tal‑21 ta’ Marzu 2019, u Nru 25, tal‑11 ta’ Novembru 2019, rispettivament.
( 11 ) Dan l-att normattiv ġie approvat ftit jiem wara l-pubblikazzjoni tas-sentenza kostituzzjonali Nru 358/2022 (ara l-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 12 ) Il-qari ta’ din is-sentenza jidher li jindika li din kienet pjuttost konsultazzjoni ta’ natura preliminari dwar kwistjonijiet ta’ liġi.
( 13 ) Legea nr. 303/2004 privind statutul judecătorilor și procurorilor (ippubblikata mil-ġdid fil-Monitorul Oficial al României, parti I, Nru 826, tat‑13 ta’ Settembru 2005) (il-Liġi Nru 303/2004, tat‑28 ta’ Ġunju 2004, dwar ir-regoli li jirregolaw lill-imħallfin u lill-prosekuturi).
( 14 ) Legea nr. 303/2022 din 15 noiembrie 2022 privind statutul judecătorilor și procurorilor (ippubblikata fil-Monitorul Oficial al României, Nru 1102, tas‑16 ta’ Novembru 2022) (il-Liġi Nru 303/2022, tal‑15 ta’ Novembru 2022, dwar ir-regoli li jirregolaw lill-imħallfin u lill-prosekuturi).
( 15 ) Is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2020 ikkonfermat dik mogħtija permezz tan-Nru 38/S, fit‑13 ta’ Marzu 2018, tat-Tribunalul Brașov (il-Qorti tal-Kontea ta’ Brașov, ir-Rumanija).
( 16 ) Fl-opinjoni tagħha, il-ġurisprudenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) ikkawżat l-ineffettività ta’ bosta sentenzi ta’ ċaħda tal-libertà, minħabba n-nuqqas ta’ eżistenza ta’ raġunijiet għall-interruzzjoni tal-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali. Dan jirriżulta f’sitwazzjoni diskriminatorja fir-rigward tar-rikorrenti f’din il-kawża, minn naħa, u tal-persuni kkundannati li għalihom ma jkunx ta’ benefiċċju l-prinċipju tal-lex mitior, min-naħa l-oħra.
( 17 ) Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika (enfasi miżjuda) jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Stichting Rookpreventie Jeugd et (C‑160/20, EU:C:2022:101), punt 82).
( 18 ) Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, C‑617/10, EU:C:2013:105; iktar ’il quddiem, “is-sentenza Åkerberg Fransson”.
( 19 ) Sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2015, C‑105/14, EU:C:2015:555; iktar ’il quddiem, “is-sentenza Taricco”.
( 20 ) Sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2017, C‑42/17, EU:C:2017:936; iktar ’il quddiem, “is-sentenza M.A.S. u M.B.”.
( 21 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034; iktar ’il quddiem, “is-sentenza Euro Box Promotion”.
( 22 ) Direttiva tal-Kunsill tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60).
( 23 ) Sentenzi Åkerberg Fransson, punt 25; u Taricco, punt 36. B’mod konkret, “mill-Artikoli 2 u 273 tad-Direttiva [2006/112], moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jadottaw il-miżuri leġiżlattivi u amministrattivi neċessarji sabiex jiġi żgurat il-ġbir tal-VAT kollha dovuta fit-territorji rispettivi tagħhom u sabiex tiġi miġġielda l-frodi” (sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2018, Scialdone, C‑574/15, EU:C:2018:295, punt 26).
( 24 ) Dwar in-natura, il-kontenut u l-effetti tagħha, ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația Forumul Judecătorilor din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393; iktar ’il quddiem, “sentenza Asociaţia Forumul Judecătorilor din România”, punti 152 sa 178); u Euro Box Promotion, punti 155 sa 175.
( 25 ) Dokument COM(2022) 664 final, tat-22 ta’ Novembru 2022, Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-Progress fir-Rumanija skont il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (iktar ’il quddiem, “Rapport MKV 2022”), p. 13 u 27.
( 26 ) Sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et (C‑612/15, EU:C:2018:392; iktar ’il quddiem is-“sentenza Kolev”, punt 50); tas‑17 ta’ Jannar 2019, Dzivev et (C‑310/16, EU:C:2019:30; iktar ’il quddiem is-“sentenza Dzivev”, punt 25); u Euro Box Promotion, punt 181.
( 27 ) Sentenzi M.A.S. u M.B., punti 31 u 32; Kolev, punti 51 u 52; u Euro Box Promotion, punt 182.
( 28 ) “[F]id-dawl tal-importanza li għandha tiġi rrikonoxxuta lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li tikkostitwixxi għan ta’ din tal-aħħar […] il-kunċett ta’ ‘attivitajiet illegali’ ma jistax jiġi interpretat b’mod ristrettiv.” (sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2018, Scialdone,C‑574/15, EU:C:2018:295, punt 45 u ġurisprudenza ċċitata).
( 29 ) Sentenza Euro Box Promotion, punt 186; u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’din il-kawża (EU:C:2021:170, punti 98 u 99).
( 30 ) “Kwalunkwe att jew omissjoni intenzjonali dwar […] l-użu jew preżentazzjoni ta’ stqarrijiet jew dokumenti foloz, mhux korretti jew mhux kompluti, li għandhom bħala effett it-tnaqqis illegali ta’ fondi mill-bilanċ ġenerali tal-[Unjoni] jew bilanċi mħaddma minn, jew f’isem, [l-Unjoni]”.
( 31 ) Sentenza Taricco, punt 41.
( 32 ) Sentenza Taricco, punt 39.
( 33 ) “Fl-ewwel lok, huwa l-leġiżlatur nazzjonali li għandu jipprevedi regoli ta’ preskrizzjoni li jippermettu li jiġu ssodisfatti l-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 325 TFUE, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 58 tas-sentenza Taricco. Fil-fatt, huwa dan il-leġiżlatur li għandu jiżgura li r-regoli nazzjonali dwar il-preskrizzjoni fil-qasam kriminali ma jwasslux għall-impunità ta’ numru kunsiderevoli ta’ każijiet ta’ frodi serja fil-qasam tal-VAT […]” (sentenza M.A.S. u M.B., punt 41).
( 34 ) Kif indika L.N. fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, it-termini ta’ preskrizzjoni previsti fl-Artikolu 154 tal-Kodiċi Kriminali tal‑2009 ivarjaw bejn tmien u għaxar snin għal reati ta’ frodi serja fil-qasam tal-VAT.
( 35 ) Bejn il‑25 ta’ Ġunju 2018 (data tal-pubblikazzjoni uffiċjali tas-sentenza Nru 297/2018 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali)) u t‑30 ta’ Mejju 2022, data tal-pubblikazzjoni uffiċjali u d-dħul fis-seħħ tad-Digriet Liġi Nru 71/2022.
( 36 ) F’każijiet ta’ applikazzjoni tal-iktar liġi kriminali favorevoli (minħabba t-tmiem tar-raġunijiet għall-interruzzjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali) lil dawk misjuba ħatja ta’ reati ta’ sewqan mingħajr liċenzja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat bħala inammissibbli talba għal deċiżjoni preliminari fid-digriet tat‑12 ta’ Jannar 2023, SNI (C‑506/22, għadha ma ġietx ippubblikata, EU:C:2023:46).
( 37 ) Digriet tar-rinviju, punt 121.
( 38 ) B’mod simili, il-Kummissjoni tafferma li, fil-perjodu 2018‑2022, sal-pubblikazzjoni tad-Digriet Liġi Nru 71/2022, il-qrati ordinarji applikaw is-sentenza Nru 297/2018 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) fis-sens li l-atti nnotifikati lill-persuna akkużata interrompew it-termini ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali. Peress li din is-soluzzjoni tikkoinċidi ma’ dik tal-Kodiċi Kriminali tal‑1969, fil-perijodu inkwistjoni ma kinitx teżisti liġi kriminali iktar favorevoli, u għalhekk ma jkunx meħtieġ li l-ġurisprudenza kostituzzjonali titħalla mhux applikata.
( 39 ) Sentenzi tal‑4 ta’ Marzu 2020, Telecom Italia (C‑34/19, EU:C:2020:148, punti 59 u 60); u tal‑4 ta’ Mejju 2023, Agenția Națională de Integritate (C‑40/21, EU:C:2023:367, punt 71).
( 40 ) Interpretazzjoni contra legem tad-dritt Rumena probabbilment tikser l-Artikolu 147(4) tal-Kostituzzjoni Rumena, għalkemm din hija xi ħaġa li l-qrati nazzjonali biss għandhom jiddeċiedu.
( 41 ) Sentenza Taricco, punt 51.
( 42 ) Sentenzi Kolev, punt 65; u Dzivev, punt 31.
( 43 ) Sentenzi Asociaţia Forumul Judecătorilor din România, punt 149; u Euro Box Promotion, punt 156.
( 44 ) Sentenzi Asociaţia Forumul Judecătorilor din România, punt 178; u Euro Box Promotion, punt 175.
( 45 ) Sentenza Asociaţia Forumul Judecătorilor din România, punt 172; u Euro Box Promotion, punt 169.
( 46 ) “Skont stima ppubblikata mid-DNA [Direttorat Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni], total ta’ 557 kawża kriminali taħt proċeduri kriminali jew pendenti quddiem il-qrati jistgħu konsegwentement jintemmu. Filwaqt li l-preġudizzju eżatt jeħtieġ li jiġi vvalutat każ b’każ, id-DNA tistma li l-ħsara f’dawn il-każijiet hija ta’ madwar EUR 1.2 biljun u l-ammont totali ta’ tixħim u influwenza ta’ madwar EUR 150 miljun […]. Lil hinn minn każijiet ta’ korruzzjoni, skont stima pprovduta mill-uffiċċju tal-prosekuzzjoni speċjalizzat li jittratta t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, total ta’ 605 każijiet li għadhom għaddejjin, b’dannu finanzjarju totali stmat ta’ aktar minn EUR 1 biljun, jiġu affettwati […] Stimi mill-uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali dwar reati oħra ma kinux disponibbli” [Dokument COM(2022] 664 final, p. 27).
( 47 ) Sentenza Taricco, punti 50 sa 52.
( 48 ) Sentenza M.A.S. u M.B., punt 39.
( 49 ) Sentenzi Kolev, punti 68 u 71; Dzivev, punt 33; u Euro Box Promotion, punt 204.
( 50 ) Sentenza M.A.S. u M.B., punt 52: “Dan il-prinċipju [ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege], kif stabbilit fl-Artikolu 49 tal-Karta, japplika għall-Istati Membri meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, konformement mal-Artikolu 51(1) tagħha, li huwa l-każ meta jipprevedu, fil-kuntest tal-obbligi imposti fuqhom permezz tal-Artikolu 325 TFUE, l-impożizjoni ta’ sanzjonijiet kriminali fir-rigward tal-ksur fil-qasam tal-VAT. B’hekk, l-obbligu li jiġi żgurat ġbir effikaċi tar-riżorsi tal-Unjoni ma jistax imur kontra l-imsemmi prinċipju”.
( 51 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja qabel kienet iddeċidiet li dan il-prinċipju ġej mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri u għalhekk għandu jitqies bħala parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali għandha tosserva meta tapplika d-dritt nazzjonali: sentenzi tas-7 ta’ Awwissu 2018, Clergeau et (C‑115/17, EU:C:2018:651; iktar ’il quddiem is-“sentenza Clergeau”), punt 26; tas‑6 ta’ Ottubru 2016, Paoletti et (C‑218/15, EU:C:2016:748; iktar ’il quddiem, “is-sentenza Paoletti”), punt 25; u tat‑3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2005:270), punti 68 u 69.
( 52 ) Ara, b’mod partikolari, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, miftuħ għall-iffirmar fid‑19 ta’ Diċembru 1966. (UN Treaty Series, Vol. 999, p. 171).
( 53 ) Sentenzi Clergeau, punt 33; u Paoletti, punt 27.
( 54 ) Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawżi magħquda Berlusconi et (C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, EU:C:2004:624), punti 159 sa 161; u fil-kawża Clergeau et (C‑115/17, EU:C:2018:240), punti 39 u 40; kif ukoll tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Scialdone (C‑574/15, EU:C:2017:553), punti 155 sa 160. Ara wkoll is-sentenza Paoletti, punt 27.
( 55 ) Sentenza tal-Awla Manja tal-QEDB tas‑17 ta’ Settembru 2009, Scoppola vs L‑Italja (Nru 2) (CE:ECHR:2009:0917JUD001024903; iktar ’il quddiem, “sentenza Scoppola vs l-Italja”, punt 108).
( 56 ) QEDB, sentenza Scoppola vs Italja, punt 108.
( 57 ) QEDB, sentenza Scoppola vs L‑Italja, punt 108.
( 58 ) QEDB, sentenzi Scoppola vs l-Italja punt 109; u tat‑18 ta’ Marzu 2014, Öcalan vs It‑Turkija (Nru 2) (CE:ECHR:2014:0318JUD002406903, punt 175). Ara wkoll is-sentenzi tal-QEDB tat‑12 ta’ Jannar 2016, Gouarré Patt vs Andorra (CE:ECHR:2016:0112JUD003342710, punt 28); tat‑12 ta’ Lulju 2016, Ruban vs L‑Ukraina (CE:ECHR:2016:0712JUD000892711, punt 37); u tal‑24 ta’ Jannar 2017, Koprivnikar vs is-Slovenja (CE:ECHR:2017:0124JUD006750313, punt 49).
( 59 ) Sentenzi Clergeau, punt 33; u Paoletti, punt 27.
( 60 ) Sussegwentement, l-Artikolu 12 tad-Direttiva PIF wettaq armonizzazzjoni parzjali tar-regoli tal-preskrizzjoni applikabbli għal dan it-tip ta’ reati, iżda ma ċċarax jekk ir-regoli tal-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali għandhomx natura sostantiva jew proċedurali.
( 61 ) Bħad-definizzjoni tar-reati u d-determinazzjoni tal-pieni, li r-regolamentazzjoni tagħhom hija wkoll suġġetta għall-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege. Sentenza M.A.S. u M.B., punt 45.
( 62 ) Il-Belġju, il-Ġermanja u Franza adottaw kunċett proċedurali tar-regoli ta’ preskrizzjoni. Għall-kuntrarju, fil-Greċja, Spanja, l-Italja, il-Latvja, l-Isvezja u r-Rumanija, dawn jaqgħu taħt il-liġi kriminali sostantiva. Fil-Polonja u fil-Portugall jikkostitwixxu kemm regoli sostantivi kif ukoll proċedurali.
( 63 ) Sentenza Taricco, punti 55 sa 57.
( 64 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks (C‑267/20, EU:C:2022:494), punt 46: “[…] b’kuntrast mat-termini tal-proċedura, it-terminu ta’ preskrizzjoni, peress li jinvolvi l-estinzjoni tal-azzjoni ġudizzjarja, huwa relatat mad-dritt sostantiv peress li dan jaffettwa l-eżerċizzju ta’ dritt suġġettiv li l-persuna kkonċernata ma tistax iktar tinvoka b’mod effettiv quddiem qorti”. Għal din ir-raġuni, tagħti natura sostantiva u mhux proċedurali lill-Artikolu 10 (“Perijodi ta’ preskrizzjoni”) tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1).
( 65 ) QEDB, sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2000, Coëme et vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2000:0622JUD003249296, punt 149); tat‑12 ta’ Frar 2013, Previti vs L‑Italja (CE:ECHR:2013:0212DEC000184508, punt 80); u tat‑22 ta’ Settembru 2015 Borcea vs ir-Rumanija (CE:ECHR:2015:0922DEC005595914, punt 64).
( 66 ) Opinjoni konsultattiva P16‑2021‑001, tas‑26 ta’ April 2022, dwar l-applikazzjoni tal-preskrizzjoni għall-investigazzjonijiet, kundanni u sanzjonijiet għal reati li jikkostitwixxu atti ta’ tortura, punti 72 sa 77; u QEDB, sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Antia u Khupenia vs Il-Ġeorġja (CE:ECHR:2020:0618JUD000752310, punti 38 sa 43).
( 67 ) Sentenza M.A.S. u M.B., punti 54 sa 58.
( 68 ) Sentenzi tal-QEDB tal‑15 ta’ Novembru 1996, Cantoni vs Franza, (CE:ECHR:1996:1115JUD001786291, punt 29); tas‑7 ta’ Frar 2002, E.K. vs It‑Turkija, (CE:ECHR:2002:0207JUD002849695, punt 51); tad‑29 ta’ Marzu 2006, Achour vs Franza, (CE:ECHR:2006:0329JUD006733501, punt 41); u tal‑20 ta’ Settembru 2011, OAO Neftyanaya Kompaniya Yukos vs Ir‑Russja, (CE:ECHR:2011:0920JUD001490204, punti 567 sa 570).
( 69 ) Sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 162).
( 70 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, permezz tal-ġurisprudenza, twettaq armonizzazzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma setax jikseb, anki jekk kien mixtieq sabiex tinkiseb effiċjenza ikbar fir-repressjoni tar-reati serji kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
( 71 ) Kelsen, H., “La garantie juridictionnelle de la constitution (la justice constitutionnelle)”, Revue du droit public et de la science politique en France et à l’étranger, 1928, p. 197 sa 257.
( 72 ) B’mod simili, ara s-sentenza tal-Cour de cassation, chambre criminel (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Awla Kriminali, Franza) tat‑8 ta’ Ġunju 2021, Nru 20‑87.078 (FR:CCASS:2021:CR00864): “les décisions du Conseil constitutionnel s’imposant aux pouvoirs publics et à toutes les autorités administratives et juridictionnelles en vertu de l’article 62 de la Constitution, les déclarations de non-conformité ou les réserves d’interprétation qu’elles contiennent et qui ont pour effet qu’une infraction cesse, dans les délais, conditions et limites qu’elles fixent, d’être incriminée doivent être regardées comme des lois pour l’application de l’article 112-4, alinéa 2, du code pénal” (enfasi miżjuda). L-artikolu msemmi tal-Kodiċi Kriminali Franċiż jistabbilixxi li s-sentenza tieqaf milli tiġi eżegwita meta tkun ġiet mogħtija minħabba fatt li, bis-saħħa ta’ liġi sussegwenti għas-sentenza, ma tibqax ikollha n-natura ta’ reat kriminali.
( 73 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll id-Deċiżjoni 2006/928 ma jipprekludux leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li tipprovdi li d-deċiżjonijiet tal-qorti kostituzzjonali jorbtu lill-qrati ordinarji. Din id-dikjarazzjoni tassumi li d-dritt nazzjonali jiggarantixxi l-indipendenza tal-qorti kostituzzjonali fir-rigward b’mod partikolari tas-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi. Ma toħroġ ebda prova mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa f’kawżi oħra u f’din il-kawża li tissuġġerixxi li l-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), li għandha r-rwol, b’mod partikolari, li tistħarreġ il-kostituzzjonalità tal-liġijiet u tad-digrieti kif ukoll li tiddeċiedi dwar il-kunflitti legali ta’ natura kostituzzjonali bejn l-awtoritajiet pubbliċi, skont l-Artikolu 146(d) u (e) tal-Kostituzzjoni Rumena, ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti ta’ indipendenza meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni (ara għal dan il-għan, is-sentenzi Euro Box Promotion, punti 230 u 232; u tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-Deċiżjonijiet ta’ Qorti Kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99; iktar ’il quddiem is-“sentenza RS”, punt 44)).
( 74 ) Sentenza RS, punti 45 u 46.
( 75 ) QEDB, sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2016, Ruban vs L‑Ukraina (CE:ECHR:2016:0712JUD000892711, punti 41 sa 46).
( 76 ) QEDB, sentenza Scoppola vs L-Italja, punt 109: “meta jkun hemm differenzi bejn il-liġi kriminali fis-seħħ fiż-żmien meta twettaq reat u regolamenti kriminali sussegwenti approvati qabel ma tinħareġ deċiżjoni finali, il-qorti għandha tapplika dawn ir-regolamenti li d-dispożizzjonijiet tagħhom huma iktar favorevoli għall-persuna akkużata” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
( 77 ) QEDB, sentenzi tat‑12 ta’ Jannar 2016, Gouarré Patte vs Andorra (CE:ECHR:2016:0112JUD003342710, punti 33 sa 36); tat‑12 ta’ Lulju 2016, Ruban vs l-Ukraina (CE:ECHR:2016:0712JUD000892711, punt 39); u tal‑24 ta’ Jannar 2017, Koprivnikar vs Is‑Slovenja (CE:ECHR:2017:0124JUD006750313, punt 49).
( 78 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne (C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 56).
( 79 ) Skont l-Artikolu 23(2), tal-Kodiċi Kriminali Spanjol, dawk il-liġijiet kriminali li jiffavorixxu lill-persuna akkużata jkollhom effett retroattiv, minkejja li meta daħlu fis-seħħ kienet ingħatat sentenza finali u s-suġġett kien qiegħed jiskonta sentenza. Dispożizzjonijiet simili jeżistu fis-sistemi legali tal-Litwanja, tal-Portugall jew tal-Polonja.
( 80 ) Dan huwa pprovdut, pereżempju, fit-tieni sentenza tal-Artikolu 112-4 tal-Kodiċi Kriminali Franċiż u fl-Artikolu 2(2) tal-Kodiċi Kriminali Taljan.
( 81 ) Fil-Ġermanja, il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tas‑7 ta’ April 1987 (BGBl. I, pp. 1074 et seq., speċjalment, p. 1319), emendat bil-Liġi tal‑25 ta’ Marzu 2022 (BGBl. I, p. 571) jippermetti lill-persuna kkundannata titlob il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri kriminali li jkunu diġà ġew mitmuma permezz ta’ sentenza b’effett ta’ res judicata meta din is-sentenza tkun ibbażata fuq regola ddikjarata mill-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja) bħala antikostituzzjonali u inkompatibbli mal-Liġi Bażika, jew nulla jew inkompatibbli ma’ interpretazzjoni tal-imsemmija Liġi Bażika magħmula minn dik il-Qorti. Ara, Schmidt-Bleibtreu, Klein, Bethge, Bundesverfassungsgerichtsgesetz, is-62 edizzjoni, 2022, C.H. Beck, Munich, entrata 25, punt 79.
( 82 ) L-applikazzjoni tal-lex mitior hija suxxettibbli għal modulazzjonijiet, fost każijiet oħra, fejn jidħlu liġijiet temporanji biss, jew dawk li jistabbilixxu biss pieni finanzjarji, jew dawk adottati għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali li iktar tard jintemmu.
( 83 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Nru 67/2022 tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja).
( 84 ) Sentenzi Åkerberg Fransson, punt 29; tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 60); M.A.S. u M.B., punt 47; tad‑29 ta’ Lulju 2019, Pelham et (C‑476/17, EU:C:2019:624, punt 80); u Euro Box Promotion, punt 211.
( 85 ) Sentenza M.A.S. u M.B., punti 45 u 58.
( 86 ) Sentenza M.A.S. u M.B., punti 47 u 48.
( 87 ) Sentenza M.A.S. u M.B., punti 49, 50 u 59.
( 88 ) Sentenza M.A.S. u M.B., punti 59 u 61.
( 89 ) Sentenza M.A.S. u M.B., punti 41, 42 u 60.
( 90 ) Skont dawn, is-sentenzi dwar korruzzjoni u frodi tal-VAT li ma kinux ingħataw, fl-ewwel istanza, minn awli speċjalizzati f’din il-materja jew, fl-appell, minn awli li fihom il-membri kollha kienu nnominati bix-xorti, kienu nulli ipso jure, sabiex il-każijiet ta’ korruzzjoni u frodi tal-VAT għandhom, fejn xieraq, wara appell straordinarju kontra sentenzi finali, jiġu eżaminati mill-ġdid fl-ewwel jew fit-tieni istanza.
( 91 ) Sentenza Euro Box Promotion, punt 206. Fil-punt 207 żiedet: “għalkemm il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet, fis-sentenzi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li l-prattika preċedenti tal-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ibbażata b’mod partikolari fuq ir-regolament dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament amministrattiv, dwar l-ispeċjalizzazzjoni u l-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti fi kwistjonijiet ta’ korruzzjoni, ma kinitx konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, ma jidhirx li din il-prattika kienet ivvizzjata bi ksur manifest ta’ regola fundamentali tas-sistema ġudizzjarja tar-Rumanija ta’ natura li tpoġġi f’dubju n-natura tal-qorti ‘stabbilita minn qabel bil-liġi’ tal-kulleġġi ġudikanti fi kwistjonijiet ta’ korruzzjoni tal-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, kif ikkostitwiti skont il-prassi msemmija qabel dawn is-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali”.
( 92 ) Sentenza Euro Box Promotion, punt 209.
( 93 ) Sentenza Euro Box Promotion, punt 210.
( 94 ) Sentenza Euro Box Promotion, punt 212.
( 95 ) Sentenza Euro Box Promotion, punt 210.
( 96 ) Sentenza M.A.S. u M.B., punti 55 u 56.
( 97 ) Sentenzi Asociaţia Forumul Judecătorilor din România; Euro Box Promotion; u RS.
( 98 ) Digriet tar-rinviju, punti 145 u 146.
( 99 ) Sentenza RS, punt 83, li tiċċita s-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-Imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596), punt 137; u Euro Box Promotion, punt 238.
( 100 ) Sentenza RS, punt 84, li tiċċita s-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il--Polonja (Sistema dixxiplinari tal-Imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596), punt 138; u Euro Box Promotion, punt 239.
( 101 ) Sentenza RS, punt 87, b’ċitazzjoni mis-sentenza Euro Box Promotion, punt 242.
( 102 ) Sentenza RS, punt 93 u parti dispożittiva, punt 2.