KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fis‑27 ta’ Frar 2025 (1)
Kawża C‑57/23
JH
vs
Policejní prezidium
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/680 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-ġbir ta’ data ġenetika ta’ kull persuna akkużata li wettqet reat kriminali intenzjonali jew issuspettat li wettqet tali reat – Evalwazzjoni tal-ħtieġa ta’ żamma kontinwa ta’ profil tad-DNA mill-pulizija abbażi tar-regoli interni – Possibbiltà li l-ġurisprudenza nazzjonali tiġi kklassifikata bħala ‘dritt ta’ Stat Membru’”
I. Introduzzjoni
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1)(ċ) u (e), tal-Artikolu 6, tal-Artikolu 8(2) u tal-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/JAI (2).
2. Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn JH, persuna fiżika, u l-Policejní prezidium (id-Direttorat tal-Pulizija, ir-Repubblika Ċeka) dwar b’mod partikolari l-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika relatata ma’ JH fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali u dwar iż-żamma ta’ din id-data mill-Policie České republiky (il-Pulizija tar-Repubblika Ċeka) (iktar ’il quddiem il-“Pulizija Ċeka”).
3. Din il-kawża taqa’, fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari magħmula min-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka), b’estensjoni tas-sentenzi tas‑26 ta’ Jannar 2023, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika mill-pulizija) (3), u tat‑28 ta’ Novembru 2024, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika II) (4), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ġbir sistematiku ta’ data bijometrika u ġenetika ta’ kull persuna mixlija għal reat intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha mill-pulizija tmur kontra r-rekwiżit li tiġi żgurata protezzjoni ikbar tal-persuni fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data sensittiva ta’ natura personali. Il-Qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-ġurisprudenza tagħha billi tistaqsiha dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 65(1) taż-zákon č. 273/2008 Sb., o Policii České republiky (il-Liġi Nru 273/2008 dwar il-Pulizija tar-Repubblika Ċeka) (5), billi tillimita l-applikazzjoni tagħha biss għar-reati kriminali intenzjonali, tirrifletti b’mod suffiċjenti, fil-livell strutturali, in-neċessità li tiġi evalwata n-natura proporzjonata tal-ġbir tad-data bijometrika u ġenetika tas-suġġetti tad-data kkonċernati jew jekk, għall-kuntrarju, hemmx lok li ssir distinzjoni addizzjonali bejn dawn il-persuni skont il-gravità tar-reat kriminali.
4. Fir-rigward tat-tieni domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, din il-kawża hija segwitu għas-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2024, Direktor na Glavna direktsia “Natsionalna politsia” pri MVR ‑ Sofia (6), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet għall-ewwel darba dwar il-limiti rationae temporis għaż-żamma, għall-finijiet tal-ġlieda kontra r-reat kriminali, ta’ data personali ta’ persuni li kienu s-suġġett ta’ kundanna kriminali definittiva, fir-rigward tad-Direttiva 2016/680. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-direttiva tistabbilixxi qafas ġenerali biex jiżgura li ż-żamma ta’ data personali u, b’mod iktar partikolari, it-tul ta’ żmien ta’ tali żamma huma limitati għal dak li huwa meħtieġ fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tinżamm id-data (7). Il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk din il-ġurisprudenza hijiex rilevanti meta d-data personali hija maħżuna għall-finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ sejbien ta’ reati kriminali, li, min-natura tagħha, hija prospettiva u illimitata rationae temporis. Fil-fatt, tali għan jeħtieġ li din id-data tinżamm għall-itwal żmien possibbli.
5. Għalhekk, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tippreċiża, minn naħa, il-kunċetti ta’ “minimizzazzjoni materjali” u ta’ “minimizzazzjoni temporali” tad-data bijometrika u ġenetika li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680 meta din tittieħed u tinħażen f’dan il-kuntest.
6. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tielet domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna, b’mod mingħajr preċedent, tinterpreta l-kunċett ta’ “liġi ta’ Stat Membru”, fis-sens tal-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva. B’mod iktar partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-ġurisprudenza nazzjonali li tippreċiża l-kriterji ta’ teħid u ta’ żamma ta’ data bijometrika u ġenetika tistax taqa’ taħt dan il-kunċett u sa fejn il-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali minimi għall-kisba, għall-ħżin u għat-tħassir ta’ din id-data għandhom ikunu previsti fid-dritt ta’ Stat Membru permezz ta’ dispożizzjoni ta’ portata ġenerali.
II. Id-dritt nazzjonali
7. L-Artikolu 11 tal-Liġi dwar il-Pulizija Ċeka jipprovdi:
“Il-pulizija u l-impjegat tal-pulizija huma obbligati li
(...)
c) jaġixxu b’tali mod li kwalunkwe ndħil fid-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni li huma s-suġġett tal-att, jew tal-persuni mhux ikkonċernati, ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-att”.
8. Skont l-Artikolu 65 ta’ din il-liġi:
“(1) Fil-kuntest tat-twettiq tal-funzjonijiet tagħha, il-pulizija tista’, għall-finijiet ta’ identifikazzjoni futura, għal
a) persuna akkużata li wettqet reat kriminali intenzjonali, jew persuna li ġiet infurmata li kienet suspettata li wettqet tali reat kriminali,
b) persuna li tiskonta piena ta’ priġunerija talli wettqet reat kriminali intenzjonali,
c) persuna suġġetta għal miżuri mediċi koerċittivi jew għal detenzjoni ta’ sigurtà, jew
d) persuna rikjesta li nstabet u li għandha kapaċità ġuridika limitata,
tieħu l-marki tas-swaba’ tiegħu, tfittex partikolaritajiet fiżiċi, tieħu miżuri fuq il-ġisem tiegħu, twettaq reġistrazzjonijiet vidjo, awdjo u simili, u tieħu kampjuni bijoloġiċi li jippermettu li tinkiseb informazzjoni dwar il-kapital ġenetiku tiegħu.
(2) Jekk, fuq l-oppożizzjoni tal-persuna, att previst fil-paragrafu 1 ma jkunx jista’ jitwettaq, il-pulizija għandha d-dritt li tmur lil hinn minn din l-oppożizzjoni wara li tkun talbet inutilment lill-persuna sabiex tissottometti ruħha għaliha. Il-mod li bih huwa jmur lil hinn minn din l-oppożizzjoni għandu jkun proporzjonali għall-intensità tal-oppożizzjoni. Il-pulizija ma tistax tinjora l-oppożizzjoni ta’ persuna fil-każ ta’ ġbir ta’ demm jew ta’ att simili ieħor li jippreġudika l-integrità fiżika.
(3) Jekk att previst fil-paragrafu 1 ma jistax jitwettaq fuq il-post, il-pulizija għandha d-dritt li tippreżenta lill-persuna bl-għan li twettaq l-att. Il-pulizija għandha teħles lill-persuna ladarba l-att ikun twettaq.
(4) Il-pulizija għandha tfassal rapport dwar l-atti mwettqa.
(5) Il-pulizija għandha tħassar id-data personali miksuba skont il-paragrafu 1 meta l-ipproċessar tagħha ma jkunx indispensabbli għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni jew is-sejbien ta’ reati kriminali jew il-prosekuzzjoni tagħhom, jew għall-iżgurar tas-sigurtà tar-Repubblika Ċeka, l-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna”.
9. L-Artikolu 79 tal-imsemmija liġi, intitolat “Dispożizzjonijiet bażiċi dwar l-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest tat-twettiq ta’ ċerti missjonijiet tal-pulizija”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:
“(1) Il-paragrafi 2 sa 6 u l-Artikoli 79a sa 88 japplikaw għall-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ sejbien ta’ reati kriminali, ta’ prosekuzzjoni f’din il-kwistjoni, sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tar-Repubblika Ċeka jew sabiex jiġu żgurati l-ordni pubbliku u s-sigurtà interna, inkluż għall-finijiet ta’ investigazzjoni ta’ persuni u oġġetti.
(2) Il-pulizija tista’ tipproċessa d-data personali jekk dan ikun meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 1. Il-pulizija tista’ tipproċessa d-data personali wkoll sabiex tipproteġi l-interessi importanti ta’ suġġett tad-data li huma marbuta mal-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 1”.
10. L-Artikolu 82 tal-istess liġi huwa fformulat kif ġej:
“(1) Il-pulizija għandha tivverifika mill-inqas darba kull tliet snin li d-data personali pproċessata għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 79(1) hija dejjem neċessarja għat-twettiq tal-kompiti tagħha f’dan il-qasam.
(2) Għall-finijiet tal-verifika msemmija fil-paragrafu 1, il-pulizija hija awtorizzata li titlob estratt mir-rekords kriminali.
(3) L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji, il-Ministerstvo spravedlnosti (il-Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Repubblika Ċeka), l-Ustavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Repubblika Ċeka) u l-Kancelář prezidenta republiky y (l-Uffiċċju tal-President tar-Repubblika Ċeka) għandhom jinformaw kontinwament lill-pulizija, fil-limiti tal-kompetenzi tagħhom, għall-finijiet tal-verifika msemmija fil-paragrafu 1, tad-deċiżjonijiet finali tagħhom, bil-preskrizzjoni ta’ proċeduri kriminali, ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ deċiżjonijiet tal-President tar-Repubblika relatati ma’ proċedura kriminali, ma’ pieni jew ma’ amnestija jew ma’ maħfra mogħtija”.
III. Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domandi preliminari
11. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2015, il-Pulizija Ċeka bdiet proċeduri kriminali kontra JH għar-reat ta’ ksur ta’ obbligu fil-ġestjoni tal-patrimonju ta’ ħaddieħor.
12. Fit‑13 ta’ Jannar 2016, hija semgħet lil JH fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, u ordnat it-twettiq ta’ diversi atti ta’ identifikazzjoni. Minkejja n-nuqqas ta’ qbil ta’ JH, il-Pulizija Ċeka eżegwixxiet fuqu it-teħid ta’ marki tas-swaba’ diġitali, it-teħid ta’ kampjun tal-ħalq li minnu ħolqot profil ġenetiku, it-teħid ta’ ritratti, u l-kitba ta’ deskrizzjoni ta’ JH. Sussegwentement hija rreġistrat din l-informazzjoni fid-databases korrispondenti tal-Pulizija Ċeka.
13. Permezz ta’ sentenza tal-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka) tal‑15 ta’ Marzu 2017, JH instab ħati b’mod definittiv tar-reat ta’ ksur ta’ obbligu fil-ġestjoni tal-patrimonju ta’ ħaddieħor u tad-delitt ta’ abbuż ta’ poter min-naħa ta’ uffiċjal, u ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija sospiża ta’ tliet snin, għal projbizzjoni, għal perijodu ta’ erba’ snin, milli jeżerċita fl-amministrazzjoni pubblika funzjonijiet ta’ tmexxija li jinkludu l-ġestjoni ta’ patrimonju immobbli u mobbli, u sabiex jikkumpensa d-dannu kkawżat fil-limiti tal-possibbiltajiet tiegħu.
14. Fit‑8 ta’ Marzu 2016, JH ippreżenta rikors quddiem il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga) intiż sabiex jiġi kkonstatat li t-twettiq tal-atti ta’ identifikazzjoni konformement mal-Artikolu 65 tal-Liġi dwar il-Pulizija Ċeka, iż-żamma tal-informazzjoni u tal-kampjuni hekk miksuba, kif ukoll il-ħolqien ta’ dħul fis-sistema informatika tal-Pulizija Ċeka kienu jikkostitwixxu ndħil illegali.
15. Permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Ġunju 2022, din il-qorti laqgħet ir-rikors ta’ JH, billi ddeċidiet li l-atti ta’ identifikazzjoni mwettqa mill-Pulizija Ċeka u ż-żamma ta’ din id-data personali fid-databases tal-Pulizija Ċeka kienu jikkostitwixxu ndħil illegali fid-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata. Konsegwentement, l-imsemmija qorti ordnat lill-Pulizija Ċeka tħassar mid-databases tagħha d-data personali kollha li tirriżulta minn dawn l-atti, bl-eċċezzjoni tal-ġbir tal-ħalq, fil-frattemp meqrud.
16. Il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga) enfasizzat li t-teħid ta’ materjal ġenetiku jirrappreżenta ndħil kunsiderevoli fid-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata protett b’mod partikolari mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (8). Issa, l-Artikolu 65 tal-Liġi dwar il-Pulizija Ċeka ma jipprovdix indikazzjonijiet suffiċjenti sabiex tiġi evalwata n-natura proporzjonata ta’ dan l-indħil. Fil-fatt, l-unika verifika mwettqa mill-Pulizija Ċeka, qabel ma twettaq tali teħid, tirrigwarda n-natura intenzjonali tar-reat imwettaq fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li din il-kundizzjoni tista’ titqies li hija ssodisfatta fil-kuntest tal-kawża prinċipali.
17. Konsegwentement, il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga) qieset li l-atti ta’ identifikazzjoni mwettqa mill-Pulizija Ċeka ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità u, għaldaqstant, kienu jikkostitwixxu ndħil illegali. Din il-qorti rrilevat, f’dan ir-rigward, li JH kien biss akkużat bit-twettiq ta’ reat, jiġifieri reat kriminali inqas gravi, li huwa qatt ma kien ġie kkundannat qabel u li reċidiva min-naħa tiegħu ma kinitx wisq probabbli. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti enfasizzat il-fatt li l-Pulizija Ċeka għandha hija stess, skont l-Artikolu 65(5) tal-Liġi dwar il-Pulizija Ċeka, teżamina internament minn meta ż-żamma taż-żamma ta’ data personali “ma hijiex indispensabbli għall-prevenzjoni, għall-investigazzjoni jew għall-iskoperta ta’ reati kriminali”. L-istess qorti tqis li din il-leġiżlazzjoni tħalli marġni ta’ riflessjoni illimitat lill-pulizija u hija intiża għall-użu eċċessiv ta’ żamma mingħajr limitu ratione temporis tad-data personali.
18. Id-Direttorat tal-Pulizija ppreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema).
19. Insostenn tal-appell tiegħu, id-Direttorat tal-Pulizija enfasizza li l-għan tal-ipproċessar tad-data personali kien espress b’mod ċar fl-Artikolu 65 tal-Liġi dwar il-Pulizija Ċeka. Hija affermat ukoll li evalwat in-natura proporzjonata tal-ġbir u taż-żamma tad-data personali ta’ JH, filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni l-fattur tar-reċidiva, il-possibbiltà ta’ aggravazzjoni tal-atti u l-fatt li JH kien fil-passat wettaq diversi reati. Fir-rigward tal-pubbliċità allegatament insuffiċjenti tal-kriterji applikati internament mill-Pulizija Ċeka sabiex tiddeċiedi li tkompli żżomm data personali, id-Direttorat tal-Pulizija indika li kien ikkomunika dawn ir-regoli lill-pubbliku fil-kuntest tad-dritt għall-informazzjoni.
20. Bi tweġiba, JH enfasizza b’mod partikolari li s-servizzi tal-Pulizija Ċeka kienu wettqu l-atti ta’ identifikazzjoni mingħajr ma eżaminaw minn qabel in-natura proporzjonata tal-indħil. JH ikkritika wkoll l-assenza ta’ pubbliċità tal-istruzzjonijiet tal-Pulizija Ċeka dwar it-twettiq ta’ atti ta’ identifikazzjoni.
21. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk ir-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 2016/680 jipprekludux il-ġbir mingħajr distinzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika għal kull persuna ssuspettata li wettqet reat kriminali intenzjonali; fit-tieni lok, jekk ir-rekwiżiti stabbiliti minn din id-direttiva jipprekludu ż-żamma ta’ tali data mingħajr ma tkun espliċitament prevista limitazzjoni ratione temporis, u, fit-tielet lok, jekk il-ġurisprudenza tal-qrati amministrattivi nazzjonali tistax tiġi kklassifikata bħala “liġi ta’ Stat Membru”, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal-legalità tal-ipproċessar ta’ data personali.
22. F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:
“1) X’livell ta’ distinzjoni bejn id-diversi suġġetti tad-data jirrikjedi l-Artikolu 4(1)(c) jew l-Artikolu 6 moqri flimkien mal-Artikolu 10 ta’ (din id-direttiva)? Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-ġbir ta’ data ġenetika tal-persuni kollha ssuspettati jew suġġetti għal prosekuzzjoni għat-twettiq ta’ reat kriminali intenzjonali, hija kompatibbli mar-rekwiżit ta’ minimizzazzjoni tal-ipproċessar tad-data personali, kif ukoll mal-obbligu li tiġi stabbilita distinzjoni bejn diversi kategoriji ta’ suġġetti tad-data?
2) Huwa konformi mal-Artikolu 4(1)(e) tad-Direttiva 2016/680 il-fatt li, fid-dawl tal-iskop ġenerali ta’ prevenzjoni, ta’ tfittxija jew ta’ skoperta tar-reati kriminali, il-ħtieġa li jibqa’ jinżamm il-profil tad-DNA tiġi evalwata mis-servizzi tal-pulizija abbażi tal-ħtiġijiet interni tagħhom, li fil-prattika ta’ spiss iwassal sabiex data personali sensittiva tinżamm għal żmien indeterminat fl-assenza ta’ kwalunkwe limitu ta’ żmien massimu ta’ żamma tal-imsemmija data? Fin-negattiv, fid-dawl ta’ liema kriterji għandha, jekk ikun il-każ, tiġi evalwata n-natura proporzjonata ratione temporis taż-żamma tad-data personali miġbura u miżmuma għal dan l-għan?
3) Fil-każ tad-data personali partikolarment sensittiva li taqa’ taħt l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, liema huma l-kundizzjonijiet sostantivi jew proċedurali minimi għall-kisba, għaż-żamma u għat-tħassir ta’ din id-data li għandhom ikunu previsti fid-dritt tal-Istat Membru permezz ta’ ‘dispożizzjoni ta’ portata ġenerali’? Il-ġurisprudenza tista’ hija wkoll ikollha l-kwalità ta’ ‘liġi tal-Istat Membru’ fis-sens tal-Artikolu 8(2), moqri flimkien mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680?”
23. JH, il-Gvern Ċek, l-Irlanda u l-Gvern Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.
24. Waqt is-seduta li nżammet fit‑28 ta’ Novembru 2024, JH, il-Gvern Ċek, l-Irlanda u l-Gvern Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni nstemgħu u b’mod partikolari ġew mistiedna jwieġbu l-mistoqsijiet għal tweġiba orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.
IV. Analiżi
25. Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw il-ġbir kif ukoll iż-żamma tad-data bijometrika u ġenetika, li hija kategorija speċjali ta’ data personali, li l-ipproċessar tagħha huwa rregolat mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680.
26. Issa, din id-dispożizzjoni hija intiża li tiżgura protezzjoni ikbar tas-suġġett tad-data sa fejn, minħabba s-sensittività partikolari tagħha u l-kuntest li fih tiġi pproċessata, id-data inkwistjoni tista’ toħloq, kif jirriżulta mill-premessa 37 ta’ din id-direttiva, riskji sinjifikattivi għal-libertajiet u għad-drittijiet fundamentali, bħad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (9).
27. B’mod iktar partikolari, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 jistabbilixxi r-rekwiżit li l-ipproċessar ta’ data sensittiva huwa awtorizzat “biss meta verament ikun meħtieġ”, li jikkostitwixxi kundizzjoni msaħħa tal-legalità tal-ipproċessar ta’ tali data u jimplika, b’mod partikolari, kontroll partikolarment strett tal-osservanza tal-prinċipju ta’ “minimizzazzjoni tad-data”, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, li tiegħu dan ir-rekwiżit jikkostitwixxi applikazzjoni speċifika għall-imsemmija data sensittiva (10).
28. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li ser nipproponi, f’dawn il-konklużjonijiet, li tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju billi tfittex li tiddetermina jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax ir-rekwiżit li l-ġbir kif ukoll iż-żamma tad-data bijometrika u ġenetika tal-suġġetti tad-data jkunu awtorizzati biss fil-każ ta’ “ħtieġa assoluta”, fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680.
A. Fuq l‑ewwel domanda preliminari
29. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1)(ċ) jew l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika tal-persuni kollha akkużati li wettqu reat kriminali intenzjonali jew issuspettati li wettqu tali reat.
1. Fuq l-ammissibbiltà
30. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ewwel domanda kienet inammissibbli minħabba li, fil-kawża prinċipali, il-ġbir tad-data ġenetika u bijometrika ta’ JH mill-Pulizija Ċeka seħħ fit‑13 ta’ Jannar 2016, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2016/680, li seħħ fil‑5 ta’ Mejju 2016, u qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, stabbilit għas‑6 ta’ Mejju 2018 mill-Artikolu 63(1) ta’ din id-direttiva.
31. Għalkemm huwa minnu li d-Direttiva 2016/680 ma tipprevedi ebda dispożizzjoni tranżitorja fir-rigward tad-data miġbura qabel il‑5 ta’ Mejju 2016, jidhirli li huwa rilevanti li jsir riferiment għall-premessa 96 ta’ din id-direttiva, li tipprovdi li “l-ipproċessar li diġà jkun qed isir f’dik id-data għandu jsir konformi ma(l-imsemmija) Direttiva fi żmien sentejn wara li din id-Direttiva tidħol fis-seħħ” (11).
32. Skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2016/680, “ipproċessar” jikkonsisti fi “kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda” (12).
33. Issa, bl-eċċezzjoni tal-ġbir mill-ħalq fil-frattemp meqrud, id-data personali ta’ JH miġbura qabel il‑5 ta’ Mejju 2016 tkompli tinħażen fid-databases tal-Pulizija Ċeka. Din id-data għalhekk tkompli tiġi pproċessata wara din id-data, jiġifieri wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2016/680.
34. Huwa għalhekk li jidhirli li d-data personali miġbura b’mod legali taħt id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/JAI (13), iżda li kienet tinġabar bi ksur tal-prinċipji stabbiliti mid-Direttiva 2016/680 li kieku nġabret wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva ma għandhiex tkompli tiġi pproċessata u, għalhekk, miżmuma taħt l-imsemmija direttiva.
35. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija, fil-fehma tiegħi, ammissibbli.
2. Fuq il-mertu
36. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 65(1) tal-Liġi dwar il-Pulizija Ċeka huwiex kompatibbli mal-obbligu impost fuq l-Istati Membri mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/680 li jagħmlu distinzjoni bejn kategoriji differenti ta’ suġġetti tad-data u mal-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tal-ipproċessar tad-data personali stabbilit fl-Artikolu 4(1)(ċ) ta’ din id-direttiva.
37. B’mod iktar preċiż, din il-qorti tistaqsi jekk l-unika kundizzjoni imposta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex jiġi awtorizzat it-teħid ta’ data bijometrika u ġenetika ta’ persuna fiżika, jiġifieri l-eżistenza ta’ reat kriminali intenzjonali, tistabbilixxix distinzjoni suffiċjenti bejn id-diversi suġġetti tad-data jew jekk livell ta’ individwalizzazzjoni addizzjonali huwiex meħtieġ, b’tali mod li għandha ssir distinzjoni skont il-gravità tar-reati kriminali intenzjonali li għalihom tista’ tinġabar awtomatikament tali data.
38. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu, minn naħa, jitfakkar li, għalkemm l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/680 jobbliga lill-Istati Membri jagħmlu distinzjoni ċara bejn id-data tal-kategoriji differenti ta’ suġġetti tad-data, b’mod li l-istess livell ta’ ndħil fid-dritt fundamentali tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom ma jiġix impost (14) fuqhom mingħajr distinzjoni, l-espressjoni “fejn applikabbli u safejn ikun possibbli”, użata f’dan l-artikolu, tindika b’mod ċar li ma huwiex neċessarjament possibbli li ssir din id-distinzjoni bejn tali data (15).
39. L-obbligu li l-imsemmi Artikolu 6 jimponi fuq l-Istati Membri għalhekk ma huwiex assolut u l-espressjoni “bħal” li tinsab fih tindika li l-kategoriji ta’ persuni li huma elenkati fih ma humiex ta’ natura eżawrjenti (16).
40. Min-naħa l-oħra, huwa essenzjali li nerġgħu lura għat-tagħlimiet li għandhom jinsiltu mis-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta fiha l-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva 2016/680, li jipprovdi li d-data personali pproċessata għandha tkun adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mill-ipproċessar tagħha.
41. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprevedi l-ġbir sistematiku ta’ data bijometrika u ġenetika ta’ kull persuna mixlija għal reat intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio (17) hija, bħala prinċipju, kuntrarja għar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, li jipprovdi li l-ipproċessar tal-kategoriji partikolari ta’ data indikati f’dan l-artikolu għandu jiġi awtorizzat “biss meta verament ikun meħtieġ” (18). Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni tista’ twassal, b’mod indifferenzjat u ġġeneralizzat, għall-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika tal-parti l-kbira tal-persuni mixlija peress li l-kunċett ta’ “reat kriminali intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio” huwa ta’ natura partikolarment ġenerali u jista’ japplika għal ħafna reati kriminali, indipendentement min-natura tagħhom u mill-gravità tagħhom (19).
42. Issa, f’din il-kawża, l-Artikolu 65(1) tal-Liġi dwar il-Pulizija Ċeka jipprevedi li d-data bijometrika u ġenetika ta’ persuna tista’ tinġabar mhux biss meta din il-persuna tiġi akkużata li wettqet reat kriminali intenzjonali, iżda wkoll meta tkun issuspettata li wettqet tali reat. Għalhekk, din id-dispożizzjoni ma tkoprix biss numru żgħir ta’ sitwazzjonijiet, iżda tkopri, anki b’mod wiesa’ wisq, maġġoranza ta’ reati kriminali li għalihom tista’ tinġabar tali data.
43. Ċertament, nixtieq nirrileva li l-imsemmija dispożizzjoni tagħti s-setgħa biss lis-servizzi tal-pulizija li jieħdu tali kampjun, filwaqt li r-reġistrazzjoni tal-pulizija prevista mil-leġiżlazzjoni Bulgara inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I tapplika b’mod imperattiv għall-persuni kollha akkużati b’reati intenzjonati mħarrka ex officio (20). Dan jista’ jissuġġerixxi li l-leġiżlazzjoni Ċeka, meta tagħti marġni ta’ manuvra ikbar lill-awtoritajiet tal-pulizija, tagħmilha possibbli li jiġu ċirkonskritti aħjar il-każijiet li fihom tista’ tinġabar id-data bijometrika u ġenetika tas-suġġetti tad-data.
44. Madankollu, nirrileva li la l-Artikolu 65(1) tal-Liġi dwar il-Pulizija Ċeka u lanqas l-Artikolu 11 ta’ din il-liġi — li jipprovdi li l-awtoritajiet tal-pulizija għandhom iwettqu sempliċi kontroll tal-proporzjonalità — ma jipprevedu obbligu, għal dawn l-awtoritajiet, li jevalwaw in-neċessità assoluta li tinġabar data bijometrika u ġenetika tas-suġġetti tad-data. Dan huwa problematiku f’żewġ aspetti.
45. L-ewwel, is-sempliċi fatt li persuna tkun wettqet jew tkun issuspettata li wettqet reat kriminali intenzjonali ma jistax, fil-każijiet kollha, jitqies li huwa element li jippermetti, waħdu, li jiġi preżunt li l-ġbir tad-data bijometrika u ġenetika tagħha huwa assolutament neċessarju fid-dawl tal-għanijiet li hija tkopri (21).
46. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali “neċessità assoluta” tista’ tiġi ddeterminata biss fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, bħal, b’mod partikolari, in-natura u l-gravità tar-reat preżunt li għalih persuna tiġi mixlija, iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan ir-reat, ir-rabta eventwali tal-imsemmi reat ma’ proċeduri oħra pendenti, il-preċedenti ġudizzjarji jew il-profil individwali tal-persuna inkwistjoni (22).
47. Il-limitazzjoni tal-ġbir tad-data bijometrika u ġenetika għall-każijiet biss ta’ reati li għandhom element intenzjonali għalhekk ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, li jipprovdi li l-ipproċessar ta’ kategoriji partikolari ta’ data msemmija f’dan l-artikolu għandu jiġi awtorizzat “biss meta verament ikun meħtieġ”.
48. It-tieni, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-assenza ta’ obbligu għall-awtorità kompetenti, skont id-dritt nazzjonali, li twettaq l-evalwazzjoni tan-“neċessità assoluta” tal-ipproċessar ta’ data personali li hija wettqet jew li hija għandha l-intenzjoni li twettaq, qorti adita sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tali pproċessar imwettaq minn din l-awtorità kompetenti ma tistax tiżgura, minflok din tal-aħħar, l-osservanza tal-obbligu impost fuq l-imsemmija awtorità skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 (23).
49. Issa, il-kuntest ġuridiku attwali fir-Repubblika Ċeka jwassal għal sitwazzjonijiet fejn, minn naħa, is-servizzi tal-pulizija ma jwettqux kontroll strett tal-proporzjonalità qabel ma jieħdu d-data bijometrika u ġenetika tas-suġġetti tad-data u, min-naħa l-oħra, il-qrati amministrattivi għandhom jissostitwixxu ruħhom għall-awtoritajiet tal-pulizija fl-implimentazzjoni ta’ tali kontroll.
50. Għalhekk, fl-assenza ta’ obbligu, previst mil-leġiżlazzjoni Ċeka, għall-awtoritajiet tal-pulizija nazzjonali, li jevalwaw in-neċessità assoluta, fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, li jiġbru d-data bijometrika u ġenetika tas-suġġetti tad-data f’kull każ konkret, din il-leġiżlazzjoni ma tissodisfax il-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tal-ipproċessar tad-data personali li timponi din id-dispożizzjoni.
51. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 4(1)(ċ) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/680, moqrija flimkien mal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika tal-persuni kollha akkużati li wettqu reat kriminali intenzjonali jew issuspettati li wettqu tali reat meta tali leġiżlazzjoni ma tipprevedix l-obbligu, għall-awtorità kompetenti, li tevalwa, f’kull każ konkret, in-“neċessità assoluta” tal-ipproċessar li hija wettqet jew li hija għandha l-intenzjoni li twettaq.
B. Fuq it-tieni domanda preliminari
52. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1)(e) tad-Direttiva 2016/680 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li n-neċessità li tinżamm iż-żamma ta’ data bijometrika u ġenetika, fid-dawl tal-għan ta’ prevenzjoni u ta’ sejbien ta’ reati kriminali, hija evalwata mis-servizzi tal-pulizija abbażi ta’ regoli interni, mingħajr ma din il-leġiżlazzjoni tipprevedi perijodu massimu ta’ żamma, bil-konsegwenza li din id-data tinżamm, fil-parti l-kbira tal-każijiet, għal żmien indeterminat. Din il-qorti tistaqsi wkoll liema huma l-kriterji li fid-dawl tagħhom għandha tiġi evalwata n-natura proporzjonata ratione temporis taż-żamma tad-data personali miġbura u miżmuma għal dan l-għan.
53. Il-Qorti tal-Ġustizzja staqsiet lill-qorti tar-rinviju jekk hija qisitx neċessarju li żżomm din il-kwistjoni fid-dawl tas-sentenza DGPN, mogħtija wara t-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha. Din il-qorti, wara li stiednet lill-partijiet fil-kawża prinċipali jesprimu ruħhom, xtaqet iżżomm id-domandi tagħha u esprimiet dubji dwar il-possibbiltà li jiġu trasposti b’mod sħiħ il-konklużjonijiet misluta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza għat-tieni domanda preliminari.
54. Fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, għall-ewwel darba, dwar il-limiti ratione temporis li jirregolaw iż-żamma, għal finijiet ta’ ġlieda kontra r-reati kriminali, ta’ data personali ta’ persuni li kienu s-suġġett ta’ kundanna kriminali definittiva, fid-dawl tad-Direttiva 2016/680, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ż-żamma, sal-mewt ta’ dawn il-persuni, ta’ tali data, inkluża dik sensittiva, mingħajr il-possibbiltà ta’ evalwazzjoni mill-ġdid ta’ dan it-tul skont iċ-ċirkustanzi.
55. Fir-rigward tan-natura proporzjonata tal-perijodu taż-żamma tad-data personali, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-premessa 26 tad-Direttiva 2016/680, kif ukoll l-Artikolu 4(1)(e) u l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jistabbilixxu qafas ġenerali li jimponi fuq l-Istati Membri, minn naħa, li jipprevedu li din id-data tinżamm għal perijodu li ma jeċċedix dak neċessarju fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tiġi pproċessata (24) u, min-naħa l-oħra, li jipprevedu l-iffissar ta’ termini xierqa għat-tħassir tal-imsemmija data jew għall-verifika regolari tan-neċessità li tinżamm tali data kif ukoll regoli proċedurali li jiggarantixxu l-osservanza ta’ dawn it-termini (25), filwaqt li jitħalla f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddeterminaw, b’osservanza ta’ dan il-qafas, is-sitwazzjonijiet konkreti li fihom il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data tirrikjedi t-tħassir tad-data personali u l-mument li fih dan għandu jintervjeni (26).
56. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tad-data ġenetika u bijometrika, kif fakkart b’mod partikolari fil-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 jistabbilixxi r-rekwiżit li l-ipproċessar ta’ data sensittiva huwa awtorizzat “biss meta verament ikun meħtieġ” (27).
57. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dawn id-dispożizzjonijiet ma jeżiġux li l-Istati Membri jiddefinixxu limiti ta’ żmien assoluti għaż-żamma tad-data personali, li lil hinn minnha din għandha titħassar awtomatikament (28).
58. Minkejja dawn il-konstatazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, kuntrarjament għad-domanda mqajma fil-kawża li tat lok għas-sentenza DGPN, it-tieni domanda preliminari tagħha ġiet ifformulata fid-dawl ta’ għan u skop tal-ipproċessar li jikkonsisti fil-prevenzjoni ġenerali ta’ reati kriminali.
59. Din il-qorti tistaqsi għalhekk kif għandu jiġi kkonċiljat, minn naħa, il-prinċipju ta’ minimizzazzjoni ratione temporis tal-ipproċessar tad-data personali u, min-naħa l-oħra, tali għan li huwa, min-natura tiegħu, prospettiv u illimitat ratione temporis, u li jippreżupponi li d-data personali ta’ kwantità massima ta’ persuni tinżamm għall-itwal żmien possibbli.
60. Huwa minnu li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza DGPN, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija dwar sitwazzjoni li fiha d-data personali, b’mod partikolari d-data bijometrika u ġenetika, ta’ persuna kkundannata b’mod definittiv għal reat kriminali intenzjonali li jaqa’ taħt l-azzjoni pubblika tinżamm f’reġistru tal-pulizija, mingħajr ebda limitazzjoni ta’ tul minbarra l-mewt ta’ din il-persuna, u dan anki wara li l-imsemmija persuna tkun ġiet riabilitata (29).
61. Madankollu, dawn iċ-ċirkustanzi ma jipprekludux, fil-fehma tiegħi, li l-istess konklużjonijiet ikunu jistgħu jiġu applikati għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali li fiha d-data personali tinżamm għal finijiet li jikkonsistu fil-prevenzjoni ġenerali ta’ reati kriminali.
62. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li ż-żamma ta’ data personali tista’ tikkontribwixxi għall-għan ta’ interess ġenerali stabbilit fil-premessa 27 tad-Direttiva 2016/680, li tipprovdi li, għall-finijiet tal-prevenzjoni ta’ reati kriminali kif ukoll tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjonijiet f’dan il-qasam, l-awtoritajiet kompetenti għandhom bżonn jipproċessaw tali data, miġbura fil-kuntest tal-prevenzjoni u tas-sejbien ta’ reati kriminali speċifiċi, kif ukoll tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjonijiet f’dan il-qasam lil hinn minn dan il-qafas, sabiex jiksbu fehim aħjar tal-attivitajiet kriminali u jistabbilixxu rabtiet bejn id-diversi reati kriminali identifikati (30).
63. Dan jimplika li l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom il-possibbiltà li jżommu data personali għal finijiet prospettivi, mingħajr ma jipprevedu perijodu massimu preċiż għaż-żamma ta’ din id-data. Madankollu, l-eżistenza u l-funzjonament ta’ ċerti garanziji proċedurali jsiru iktar u iktar neċessarji f’tali sitwazzjoni.
64. Għalhekk, għalkemm id-Direttiva 2016/680 ma timponix fuq l-Istati Membri li jiddefinixxu limiti ta’ żmien assoluti għaż-żamma tad-data personali, li lil hinn minnha din għandha titħassar awtomatikament, il-verifika perjodika tan-neċessità li tinżamm din id-data jidhirli li hija ta’ importanza kruċjali.
65. Nirrileva f’dan ir-rigward li, minn naħa, l-Artikolu 65(5) tal-Liġi dwar il-Pulizija Ċeka jipprevedi t-tħassir tad-data personali miġbura peress li l-ipproċessar tagħha ma huwiex indispensabbli sabiex jintlaħaq l-għan ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ sejbien jew ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 82 ta’ din il-liġi jimponi fuq l-awtoritajiet tal-pulizija l-obbligu li jivverifikaw, kull tliet snin, in-neċessità li jitkompla l-ipproċessar tad-data personali tas-suġġetti tad-data.
66. Din il-leġiżlazzjoni, li tipprevedi għalhekk it-tħassir ta’ din id-data u l-eżami mill-ġdid, f’intervalli regolari, tan-neċessità taż-żamma tagħha, għandha madankollu tkun irregolata minn garanziji stretti li jippermettu li s-suġġetti tad-data jiġu protetti b’mod effettiv kontra r-riskji ta’ abbuż.
67. L-ewwel nett, kif tfakkar il-premessa 33 tad-Direttiva 2016/680, id-dritt tal-Istat Membru li jirregola l-ġbir u ż-żamma tad-data personali għandu jispeċifika bħala minimu l-proċeduri previsti għall-qerda ta’ din id-data.
68. It-tieni, skont l-Artikolu 13(2)(b) u l-Artikolu 14(d) ta’ din id-direttiva, kull suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt li jkun jaf il-perijodu li matulu tinżamm id-data personali tiegħu, jew, meta dan ma jkunx possibbli, il-kriterji użati sabiex jiġi ddeterminat dan il-perijodu. Tali informazzjoni hija neċessarja sabiex tippermetti lis-suġġetti tad-data jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, jitolbu l-aċċess għad-data personali tagħhom li tkun qiegħda tiġi pproċessata u, jekk ikun il-każ, ir-rettifika jew it-tħassir tagħha, kif ukoll jippreżentaw, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, rimedju effettiv quddiem qorti.
69. It-tielet, fir-rigward tan-neċessità ta’ żamma ta’ data bijometrika u ġenetika b’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tipprevedi dispożizzjonijiet li juru, b’mod ċar u preċiż, li din iż-żamma għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minnha sabiex jiġu osservati r-rekwiżiti tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680.
70. L-evalwazzjoni tal-perijodu taż-żamma ta’ tali data għandha tieħu inkunsiderazzjoni kriterji differenti, bħan-natura u l-gravità tal-fatti kkonstatati, iż-żmien li għadda minn dawn il-fatti, il-perijodu legali ta’ żamma li għadu jiddekorri, u l-livell ta’ riskju li l-persuna kkonċernata tkun involuta f’reati kriminali oħra (31), jew f’ċirkustanzi oħra, dawk bħall-kuntest partikolari li fih twettaq dan ir-reat, ir-rabta eventwali tiegħu ma’ proċeduri oħra pendenti jew ukoll il-passat jew il-profil ta’ din il-persuna.
71. Issa, la mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-parteċipanti f’din il-proċedura ma jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Ċeka fil-qasam taż-żamma ta’ data bijometrika u ġenetika tipprevedi garanziji suffiċjenti dwar il-proċeduri ta’ qerda ta’ din id-data, ta’ informazzjoni tas-suġġetti tad-data, u tal-evalwazzjoni tan-“neċessità assoluta”, fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680, li l-imsemmija data tinżamm.
72. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 4(1)(e) tad-Direttiva 2016/680, moqri fid-dawl tal-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix perijodu massimu ta’ żamma ta’ data bijometrika u ġenetika, sakemm tali leġiżlazzjoni tipprevedi r-reviżjoni, f’termini regolari, tan-neċessità li tinżamm din id-data. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet jimponu li tali eżami mill-ġdid ikun irregolat minn garanziji proċedurali stretti u jippermetti li jiġi żgurat li din iż-żamma ma tmurx lil hinn minn perijodu strettament neċessarju fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tiġi pproċessata l-imsemmija data.
C. Fuq it-tielet domanda preliminari
73. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk min-naħa, l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dispożizzjoni ta’ portata ġenerali għandha tipprevedi ċerti kundizzjonijiet sostantivi jew proċedurali minimi għall-kisba, għaż-żamma u għat-tħassir ta’ data bijometrika u ġenetika, u jekk, min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza nazzjonali, li tippreċiża l-kundizzjonijiet għall-kisba, għaż-żamma u għat-tħassir ta’ tali data, tistax tiġi rrikonoxxuta bħala “dritt ta’ Stat Membru” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
74. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tirrispondi għal din id-domanda fil-kuntest tas-sistema legali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, irregolata mill-Artikolu 65 tal-Liġi dwar il-Pulizija Ċeka, li għandha l-karatteristiċi li ġejjin.
75. L-ewwel, dan l-artikolu huwa implimentat permezz ta’ atti interni ta’ ġestjoni tal-Pulizija Ċeka fil-forma ta’ istruzzjonijiet tal-President tal-Pulizija. Issa, huwa paċifiku li dawn l-atti ma jistax ikollhom il-kwalità ta’ “liġi ta’ Stat Membru”, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/680.
76. Sussegwentement, għalkemm ma hemmx dubju li l-Artikolu 65 tal-Liġi dwar il-Pulizija Ċeka għandu l-kwalità ta’ “dritt ta’ Stat Membru”, huwa ma jippreċiżax il-kundizzjonijiet konkreti għall-kisba, għall-ħżin u għat-tħassir tad-data bijometrika u ġenetika relatata mas-suġġetti tad-data.
77. Fl-aħħar, din il-leġiżlazzjoni hija kkompletata mill-ġurisprudenza tal-qrati amministrattivi li tipprovdi li s-servizzi tal-pulizija għandhom japplikaw il-kriterju ta’ proporzjonalità f’kull każ konkret, billi jieħdu inkunsiderazzjoni prinċipalment il-passat kriminali tal-persuna kkonċernata, il-gravità speċifika tat-tip tar-reat kriminali li għalih din il-persuna tkun ġiet imsejħa għat-twettiq tal-atti ta’ identifikazzjoni, tal-personalità tal-awtur tal-fatti u, fil-kuntest ta’ talba għal tħassir ex post, tat-tul li jkun għadda minn meta twettaq ir-reat kriminali, kif ukoll ta’ kull aġir ieħor tal-awtur tal-fatti (32). Il-kriterji li fuqhom hija bbażata din il-ġurisprudenza huma ppubblikati u aċċessibbli għall-pubbliku.
78. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi li, minkejja li l-ġurisprudenza tista’ tiġi rrikonoxxuta bħala “dritt ta’ Stat Membru” fis-sens tad-Direttiva 2016/680, tali ġurisprudenza madankollu ma tistax tissostitwixxi l-garanziji li dispożizzjoni ta’ portata ġenerali hija obbligata tipprevedi fil-qasam tal-ksib, taż-żamma kif ukoll tat-tħassir ta’ data bijometrika u ġenetika.
79. Għalhekk, huwa minnu li diversi elementi jimmilitaw favur l-idea li ġurisprudenza tissodisfa l-kundizzjoni ta’ “dritt ta’ Stat Membru”, fis-sens tal-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva.
80. L-ewwel nett, il-premessa 33 tad-Direttiva 2016/680 tipprevedi li, “(m)eta din id-Direttiva tirreferi għal-liġi ta’ Stat Membru, bażi legali jew miżura leġiżlattiva, dan mhux neċessarjament jeħtieġ att leġiżlattiv adottat minn Parlament”, jekk huwa biss li “tali liġi ta’ Stat Membru, bażi legali jew miżura leġiżlattiva bħal din (hija) ċara u preċiża u l-applikazzjoni tagħha (hija) prevedibbli għal dawk soġġetti għaliha, kif mitlub mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem”.
81. It-tieni, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem irrikonoxxiet, fis-sentenza tagħha tas‑16 ta’ April 2002, Société Colas Est et vs Franza (33), li t-terminu “liġi” fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-KEDB għandu jinftiehem fit-tifsira “materjali” tiegħu u mhux “formali”. Għalhekk, f’qasam kopert mid-dritt bil-miktub, il-“liġi” hija t-test fis-seħħ kif interpretat mill-qrati kompetenti.
82. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja stess ikkonfermat li t-terminu “liġi” użat fl-espressjoni “prevista mil-liġi” li tinsab fl-Artikolu 8(2) tal-KEDB u fl-espressjoni “bażi leġittima prevista mil-liġi” li tinsab fl-Artikolu 8(2) tal-Karta għandu jinftiehem fis-sens materjali tiegħu, u mhux formali (34).
83. It-tielet, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains (35), ippreċiżat li r-rekwiżit li kull limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali għandha tkun prevista mil-liġi jimplika li l-att li jippermetti l-indħil f’dawn id-drittijiet għandu jiddefinixxi huwa stess il-portata tal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt ikkonċernat, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li dan ir-rekwiżit ma jeskludix li l-limitazzjoni inkwistjoni tkun ifformulata f’termini suffiċjentement miftuħa sabiex tkun tista’ tiġi adattata għal każijiet differenti kif ukoll għall-bidliet ta’ sitwazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk ikun il-każ, tippreċiża, permezz ta’ interpretazzjoni, il-portata konkreta tal-limitazzjoni fir-rigward kemm tal-kliem stess tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni kif ukoll tal-istruttura ġenerali tagħha u tal-għanijiet li hija tfittex, kif interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta (36).
84. Għalhekk, għalkemm teżisti bażi legali fid-dritt intern, il-ġurisprudenza li, minn naħa, hija aċċessibbli u prevedibbli u, min-naħa l-oħra, hija stabbilita u ma ġietx sistematikament ikkontestata, għandha karatteristiċi materjali suffiċjenti sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ “liġi ta’ Stat Membru”, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/680 (37).
85. Madankollu, nenfasizza li, f’ċerti każijiet, b’mod partikolari meta jkun inkwistjoni d-dritt għal-libertà stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta, ġurisprudenza stabbilita, li tissanzjona prattika stabbilita tal-pulizija, ma hijiex biżżejjed (38), u li hija biss l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ portata ġenerali (u għalhekk ta’ dispożizzjonijiet li jissodisfaw il-karatteristiċi formali ta’ liġi) li toffri l-garanziji neċessarji, sa fejn tali test jirregola b’mod vinkolanti u magħruf minn qabel il-marġni ta’ manuvra mogħti lill-awtoritajiet fl-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ konkret (39).
86. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tafferma wkoll li kull interferenza minn awtorità pubblika fid-dritt ta’ persuna għar-rispett tal-ħajja privata tagħha għandha tkun “prevista mil-liġi” (40). Din l-espressjoni tikkonċerna l-“kwalità tal-liġi”, li, fil-kuntest tal-protezzjoni ta’ data personali sensittiva, għandha tissodisfa rekwiżit ta’ prevedibbiltà ikbar. Dan jippreżupponi li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar il-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi (41), u tuża termini ċari biżżejjed sabiex tindika lil kulħadd b’mod suffiċjenti f’liema ċirkustanzi u taħt liema kundizzjonijiet hija tawtorizza lill-awtorità pubblika tirrikorri għal miżuri li jaffettwaw id-drittijiet tagħhom protetti mill-KEDB (42).
87. Għalhekk, din il-qorti rrikonoxxiet li dispożizzjonijiet legali li jawtorizzaw l-ipproċessar ta’ data bijometrika personali, sa fejn dawn kienu fformulati b’mod wiesa’ ħafna u kienu jidhru li jippermettu l-ipproċessar ta’ din id-data fil-kuntest ta’ kull tip ta’ proċedura ġudizzjarja, ma kinux josservaw ir-rekwiżit ta’ “kwalità tal-liġi”. Fil-fatt, huwa essenzjali li jkun hemm regoli dettaljati li jirregolaw il-kamp ta’ applikazzjoni u l-infurzar tal-miżuri, kif ukoll salvagwardji b’saħħithom kontra r-riskju ta’ abbuż u arbitrarjetà (43).
88. Fir-rigward ta’ din il-kawża, wara li nfakkar, minn naħa, li d-data bijometrika u ġenetika, minħabba s-sensittività partikolari tagħha, tista’ toħloq riskji sinjifikattivi għal-libertajiet u għad-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data (44), u, min-naħa l-oħra, li l-ipproċessar ta’ din id-data għandu jiġi awtorizzat “biss meta verament ikun meħtieġ”, jiena tal-fehma li huwa partikolarment kontestabbli li d-drittijiet tas-suġġetti tad-data jiġu protetti biss permezz ta’ ġurisprudenza nazzjonali meta l-liġi, fis-sens formali tagħha, tipprevedi stħarriġ ta’ proporzjonalità inkomplet, li ma jikkorrispondix mal-livell ta’ protezzjoni meħtieġ mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680.
89. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Pulizija Ċeka, b’mod partikolari l-Artikolu 65 tagħha, huma fformulati b’mod wiesa’ wisq u ma jimponux limiti stabbiliti minn qabel suffiċjenti għas-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-awtoritajiet tal-pulizija fil-qasam tal-ksib, taż-żamma u tat-tħassir tad-data bijometrika u ġenetika. Fl-assenza ta’ tali limiti, il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-ipproċessar ta’ din id-data, li jirriżultaw biss mill-ġurisprudenza tal-qrati amministrattivi Ċeki, ma jistgħux jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ garanziji suffiċjentement stretti, f’att vinkolanti u prevedibbli fl-applikazzjoni tiegħu, li għandu jipprevali fil-qasam tal-ipproċessar tal-imsemmija data.
90. Barra minn hekk, jekk it-traspożizzjoni ta’ direttiva ma teħtieġx neċessarjament azzjoni leġiżlattiva minn kull Stat Membru, ġurisprudenza, anki jekk stabbilita, li tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern b’mod meqjus li huma konsistenti mar-rekwiżiti ta’ direttiva ma tistax tipprovdi ċ-ċarezza u l-preċiżjoni meħtieġa sabiex tissodisfa r-rekwiżit ta’ ċertezza legali (45). Minn dan jirriżulta li l-ġurisprudenza nazzjonali, għalkemm tistabbilixxi lista ta’ kriterji sabiex tiġi evalwata l-proporzjonalità tal-ipproċessar tad-data bijometrika u ġenetika tas-suġġetti tad-data f’kull każ speċifiku, ma tistax tikkumpensa għan-nuqqas ta’ kontroll strett ta’ proporzjonalità stabbilit minn liġi fis-sens formali tat-terminu.
91. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/680 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li ġurisprudenza nazzjonali, minkejja li din tista’ tiġi rrikonoxxuta bħala “liġi ta’ Stat Membru” fis-sens ta’ din id-direttiva, tissostitwixxi dispożizzjoni ta’ portata ġenerali li ma tipprevedix stħarriġ strett, f’kull każ konkret u mill-awtoritajiet tal-pulizija, tan-neċessità li tinġabar kif ukoll li tinżamm id-data bijometrika u ġenetika tas-suġġetti tad-data.
V. Konklużjoni
92. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula min-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka) kif ġej:
L-Artikolu 4(1)(ċ) u (e), l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/JAI,
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
– jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-ġbir ta’ data bijometrika u ġenetika tal-persuni kollha akkużati li wettqu reat kriminali intenzjonali jew issuspettati li wettqu tali reat meta tali leġiżlazzjoni ma tipprevedix l-obbligu, għall-awtorità kompetenti, li tevalwa, f’kull każ konkret, in-“neċessità assoluta” tal-ipproċessar li hija wettqet jew li hija għandha l-intenzjoni li twettaq;
– ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix perijodu massimu ta’ żamma ta’ data bijometrika u ġenetika, sakemm tali leġiżlazzjoni tipprevedi r-reviżjoni, f’intervalli regolari, tan-neċessità li tinżamm din id-data. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet jimponu li tali eżami mill-ġdid ikun irregolat minn garanziji proċedurali stretti u jippermetti li jiġi żgurat li din iż-żamma ma tmurx lil hinn minn perijodu strettament neċessarju fir-rigward tal-għanijiet li għalihom l-imsemmija data tiġi pproċessata;
– jipprekludu li ġurisprudenza nazzjonali, minkejja li din tista’ tiġi rrikonoxxuta bħala “liġi ta’ Stat Membru” fis-sens ta’ din id-direttiva, tissostitwixxi dispożizzjoni ta’ portata ġenerali li ma tipprevedix stħarriġ strett, f’kull każ konkret u mill-awtoritajiet tal-pulizija, tan-neċessità li tinġabar kif ukoll li tinżamm id-data bijometrika u ġenetika tas-suġġetti tad-data.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika, ĠU L 127, 23.5.2018, p. 6 (2016/680).
3 C‑205/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I”, EU:C:2023:49.
4 C‑80/23, EU:C:2024:991.
5 Fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Pulizija Ċeka”).
6 C‑118/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza DGPN”, EU:C:2024:97.
7 Ara s-sentenza DGPN (punt 52)
8 Iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem il-“KEDB”.
9 Iktar ’il quddiem il-“Karta”. Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2024, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika II) (C‑80/23, EU:C:2024:991, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).
10 Ara s-sentenza DGPN (punt 48).
11 Il-premessa 96 tad-Direttiva 2016/680 tippreċiża wkoll li “ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva fir-rigward tal-konsultazzjoni minn qabel tal-awtorità superviżorja ma għandhomx japplikaw għall-operazzjonijiet ta’ pproċessar li jkunu diġà qed isiru f’dik id-data”.
12 L-enfasi korsiva miżjuda minni.
13 Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2008, dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (ĠU 2008, L 350, p. 60).
14 Ara s-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 83).
15 Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Inspektor vs Inspektorata kam Visshia sadeben savet (Għanijiet tal-ipproċessar ta’ data personali – inkjesta kriminali) (C‑180/21, EU:C:2022:967, punt 48).
16 Ara s-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 84).
17 Il-leġiżlazzjoni Bulgara inkwistjoni kienet tipprevedi l-ġbir forzat tad-data bijometrika u ġenetika ta’ persuna fiżika għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħha, li fir-rigward tagħha jinġabru biżżejjed provi li hija ħatja li wettqet reat intenzjonali suġġett għal prosekuzzjoni ex officio, li jippermetti, skont id-dritt nazzjonali, it-tqegħid taħt investigazzjoni tagħha.
18 Ara s-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 128).
19 Ara s-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 129).
20 Ara s-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 113).
21 Ara s-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 130).
22 Ara s-sentenza Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika I (punt 132).
23 Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2024, Ministerstvo na vatreshnite raboti (Reġistrazzjoni ta’ data bijometrika u ġenetika II) (C‑80/23, EU:C:2024:991, punt 57).
24 Ara s-sentenza DGPN (punti 43 u 45)
25 Ara s-sentenza DGPN (punt 44).
26 Ara s-sentenza DGPN (punt 52).
27 Ara s-sentenza DGPN (punt 48)
28 Ara s-sentenza DGPN (punt 52)
29 Ara s-sentenza DGPN (punt 32)
30 Ara s-sentenza DGPN (punt 55)
31 Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawża Direktor na Glavna direktsia “Natsionalna politsia” pri MVR ‑ Sofia (C‑118/22, EU:C:2023:483, punt 75).
32 Il-qorti tar-rinviju tirreferi għad-deċiżjonijiet l-iktar reċenti, bħas-sentenzi tan-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema) 5 As 254/2019-49, tat‑18 ta’ Mejju 2022 (punti 17 u 18), u 5 As 241/2019-46, tat‑18 Mejju 2022 (punti 18 u 19).
33 CE:ECHR:2002:0416JUD003797197, § 43.
34 Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2023, Roos et vs Il-Parlament (C‑458/22 P, EU:C:2023:871, punti 60 u 61).
35 C‑817/19, EU:C:2022:491.
36 Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains (C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 114).
37 Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża TC (C‑492/18 PPU, EU:C:2018:875, punt 46).
38 Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor (C-528/15, EU:C:2017:213, punt 45). Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal din il-konklużjoni fil-kuntest tal-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31). Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija dwar jekk il-kriterji li jiddefinixxu l-eżistenza ta’ riskju ta’ ħarba ta’ barrani għandhomx jiġu ddefiniti fil-liġi u jekk it-terminu “liġi” jinkludix ġurisprudenza stabbilita sew li tikkonferma prassi amministrattiva stabbilita.
39 Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor (C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 44). Sabiex tasal għal din is-soluzzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li huwa essenzjali li l-kriterji li jiddefinixxu l-eżistenza ta’ riskju ta’ ħarba, li jikkostitwixxi r-raġuni għad-detenzjoni, ikunu ddefiniti b’mod ċar permezz ta’ att vinkolanti u prevedibbli fl-applikazzjoni tiegħu (punt 42). Fid-dawl tal-għan tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati, kif ukoll fid-dawl tal-livell għoli ta’ protezzjoni li jirriżulta mill-kuntest tagħhom, hija biss dispożizzjoni ta’ portata ġenerali li tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza, ta’ prevedibbiltà, ta’ aċċessibbiltà u, b’mod partikolari, ta’ protezzjoni kontra l-arbitrarjetà (punt 43).
40 Ara l-gwida dwar l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, aġġornata fil-31 ta’ Awwissu 2024, disponibbli fl-indirizz tal-internet li ġej: https://ks.echr.coe.int/documents/d/echr-ks/guide_art_8_fre (punt 17).
41 Ara l-gwida ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet (punt 19).
42 Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Fernández Martínez vs Spanja (CE:ECHR:2014:0612JUD005603007, punt 117).
43 Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑4 ta’ Lulju 2023, Glukhin vs Ir-Russja (CE:ECHR:2023:0704JUD001151920, punti 82 u 83).
44 Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
45 Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑292/07, EU:C:2009:246, punti 120 u 122).