Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fil‑11 ta’ April 2024 (1)

Kawża C28/23

NFŠ a.s.

vs

Slovenská republika konajúca prostredníctvom Ministerstva školstva, vedy, výskumu a športu Slovenskej republiky,

Ministerstvo školstva, vedy, výskumu a športu Slovenskej republiky

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okresný súd Bratislava III (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava III, is-Slovakkja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2014/24 — Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet — Kunċett — Kuntratt pubbliku għal xogħlijiet moħbi fil-forma ta’ ftehimiet oħra — Obbligi reċiproċi infurzabbli ġudizzjarjament — Bini mibni skont ir-rekwiżiti tal-awtorità kontraenti — Influwenza determinanti — Rilevanza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiddikjara l-ftehimiet kompatibbli mas-suq intern — Direttiva 89/665/KEE — Applikabbiltà — Annullament ta’ kuntratt — Effetti tal-annullament”






1.        Fl‑2013, il-Gvern Slovakk iffirma “kuntratt ta’ sussidju” ma’ impriża privata (2), bl-għan tal-kostruzzjoni fi Bratislava (ir-Repubblika Slovakka) tal-istejdjum nazzjonali tal-futbol (iktar ’il quddiem l-“istejdjum”).

2.        Fl‑2016, iż-żewġ partijiet ikkonkludew kuntratt ġdid li waħda mill-klawżoli tiegħu kienet tagħti lil din l-impriża l-għażla unilaterali li tbigħ lill-Istat, taħt kundizzjonijiet stabbiliti, l-istejdjum.

3.        Fl‑2016, is-Slovakkja nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, bil-miżuri ta’ għajnuna permezz ta’ fondi pubbliċi intiżi għall-kostruzzjoni tal-istejdjum, li jirriżultaw minn dawn il-kuntratti. Fl‑24 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni ddikjarathom kompatibbli mas-suq intern permezz tad-Deċiżjoni State Aid SA.46530 — Slovakia National Football Stadium (3).

4.        Fl‑2020, l-awtoritajiet Slovakki ddikjaraw li kienu kontra l-eżekuzzjoni tal-kuntratti konklużi, billi allegaw li, sa mill-bidu, huma kienu jiksru r-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Il-kontroversja tat lok għal għadd ta’ tilwim bejn iż-żewġ partijiet (4).

5.        F’waħda minn dawn il-kawżi, li ma ġewx speċifikament identifikati mill-qorti tar-rinviju (5), din tal-aħħar tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-Direttivi 2004/18/KE (6), 2014/24/UE (7) u 89/665/KEE (8). B’mod partikolari, hija għandha dubji dwar jekk l-arranġamenti deskritti hawn fuq jgħattux kuntratt pubbliku għal xogħlijiet (li kien jeħtieġ li l-għoti tagħhom kien is-suġġett ta’ sejħa pubblika għal offerti) u, jekk iva, hija tistaqsi jekk in-nullità eventwali tagħhom ikollhiex effetti ex tunc.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2014/24

6.        Skont l-Artikolu 2 (intitolat “Definizzjonijiet”):

“1.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

5)      ‘kuntratti pubbliċi’ tfisser kuntratti b’titolu oneruż konklużi bil-miktub bejn operatur ekonomiku wieħed jew aktar u awtorità kontraenti waħda jew aktar u li għandhom bħala s-suġġett tagħhom l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi;

(6)      ‘kuntratti pubbliċi ta’ xogħlijiet’ tfisser kuntratti pubbliċi li għandhom bħala għan wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)      l-eżekuzzjoni, jew kemm id-disinn kif ukoll l-eżekuzzjoni, ta’ xogħlijiet relatati ma’ waħda mill-attivitajiet skont it-tifsira tal-Anness II;

(b)      l-eżekuzzjoni, jew kemm id-disinn kif ukoll l-eżekuzzjoni, ta’ xogħol;

(c)      it-twettiq, bi kwalunkwe mezz, ta’ xogħol li jikkorrispondi għar-rekwiżiti speċifikati mill-awtorità kontraenti li teżerċita influwenza deċiżiva fuq it-tip jew id-disinn tax-xogħol;

[…]”.

2.      Id-Direttiva 89/665

7.        L-Artikolu 1 (“Skop u disponibbiltà ta’ proċeduri ta’ reviżjoni”) jipprovdi:

“1.      […]

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi[…] id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv […]

[…]

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, tal-inqas għal kull persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.

[…]”.

8.        Skont l-Artikolu 2d (“Ineffettività”):

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kuntratt ikun meqjus bħala ineffettiv minn korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-awtorità kontraenti jew li l-ineffettività tiegħu hija r-riżultat ta’ deċiżjoni ta’ tali korp ta’ reviżjoni f’xi wieħed mill-każi li ġejjin:

(a)      jekk l-awtorità kontraenti tkun tat kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma dan ikun permissibbli skont id-Direttiva 2014/24/UE jew id-Direttiva 2014/23/UE;

[…]”.

B.      Iddritt Slovakk

1.      Zákon z 26. februára 1964 č. 40/1964 Zb. Občiansky zakonnik (il-Kodiċi Ċivili) (9)

9.        L-Artikolu 39 jiddikjara:

“Kull att ġuridiku li, mill-kontenut jew mill-għan tiegħu, imur kontra d-dritt jew jikkostitwixxi evitar tiegħu, jew imur kontra l-moralità, huwa null”.

10.      L-Artikolu 40 bis jipprovdi li, f’ċerti każijiet, l-att ġuridiku għandu jitqies validu jekk il-persuna kkonċernata ma tinvokax in-nullità tiegħu. In-nullità ma tistax tiġi invokata mill-persuna li kkawżatha.

2.      Zákon z 18. novembra 2015 č. 343/2015 Z. z. o verejnom obstarávaní a o zmene a doplnení niektorých zákonov (ilLiġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi) (10)

11.      L-Artikolu 3(3) huwa fformulat kif ġej:

“Kuntratt għal xogħlijiet fis-sens ta’ din il-liġi huwa kuntratt li għandu bħala għan:

a)      l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, jew id-disinn u l-eżekuzzjoni flimkien ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni relatati ma’ waħda mill-attivitajiet elenkati fit-Taqsima 45 tat-terminoloġija komuni tal-kuntratti pubbliċi,

b)      l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet, jew id-disinn u l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet, jew

c)      l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet, fi kwalunkwe forma stabbilita mill-awtorità kontraenti jew mill-entità kontraenti, li taffettwa b’mod deċiżiv it-tip ta’ kostruzzjoni jew id-disinn ta’ kostruzzjoni”.

3.      Zákon 300/2008 Z. z. z 2. júla 2008 o organizácii a podpore športu a o zmene a doplnení niektorých zákonov (ilLiġi dwar l-Organizzazzjoni u l-Promozzjoni tal-Isport) (11)

12.      L-Artikolu 13 jiddefinixxi infrastruttura għal sport partikolarment importanti bħala dik neċessarja għall-kompetizzjonijiet u l-avvenimenti sportivi internazzjonali, li tissodisfa r-rekwiżiti tal-assoċjazzjonijiet sportivi internazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità, it-tagħmir, id-dimensjonijiet, ir-rekwiżiti tekniċi tal-bini, inkluż l-użu minn persuni b’mobbiltà u orjentazzjoni limitati u s-sigurtà tal-atleti u tat-telespettaturi, kif ukoll it-tħejjija tar-rappreżentanti sportivi tagħha.

II.    Il-fatti, il-kawża u d-domandi preliminari

13.      F’deċiżjoni tal‑10 ta’ Mejju 2006, il-Gvern Slovakk ikkunsidra l-kostruzzjoni tal-istejdjum. Matul is-snin segwenti, skont il-qorti tar-rinviju, ġew adottati deċiżjonijiet governattivi oħra dwar l-istejdjum, “li fihom kien previst li l-investitur jew l-imprenditur tal-proġett kellu jintgħażel permezz ta’ sejħa pubblika” (12).

14.      “Mingħajr ebda inklużjoni f’dokument jew f’reġistru dwar in-negozjati preliminari, mingħajr ebda proċess ta’ selezzjoni jew ta’ sejħa pubblika” (13), il-Gvern Slovakk adotta, fl‑10 ta’ Lulju 2013, id-Deċiżjoni Nru 400/2013, li abbażi tagħha l-Ministerstvo školstva, vedy, výskumu a športu Slovenskej republiky (il-Ministeru għall-Edukazzjoni, għax-Xjenza, għar-Riċerka u għall-Isport tar-Repubblika Slovakka; iktar ’il quddiem il-“Ministeru għall-Edukazzjoni”), kellu jikkonkludi ma’ impriża partikolari (Národný futbalový štadión a.s.) memorandum li fih jiġu ddefiniti l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ sussidju u għall-kostruzzjoni tal-istejdjum (14).

15.      Il-memorandum ġie ffinalizzat fil‑11 ta’ Lulju 2013 (15).

16.      Fil‑15 ta’ Awwissu 2013, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u Národný futbalový štadión a.s. iffirmaw kuntratt dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tas-sussidju għall-kostruzzjoni tal-istejdjum (16).

17.      Skont l-Artikolu 6(1) u (2) ta’ dan il-kuntratt, il-Ministeru għall-Edukazzjoni impenja ruħu li jippubblika stedina sabiex titressaq talba għal sussidju għall-kostruzzjoni tal-istejdjum u li jikkonkludi mal-kandidat magħżul kuntratt ta’ sussidju li jistabbilixxi d-drittijiet, id-dmirijiet, il-kundizzjonijiet u l-obbligi taż-żewġ partijiet (17).

18.      Fil‑21 ta’ Novembru 2013, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u Národný futbalový štadión a.s. iffirmaw il-kuntratt ta’ sussidju (18), iffinanzjat mill-baġit tal-Istat.

19.      F’dan il-kuntratt, il-Ministeru għall-Edukazzjoni impenja ruħu li jħallas EUR 27 200 000, bħala sussidju għall-proġett ta’ kostruzzjoni, u Národný balový štadión a.s. li tikkofinanzja mill-inqas 60 % tal-ispejjeż ta’ kostruzzjoni tal-istejdjum.

20.      Fl‑10 ta’ Mejju 2016, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, li kien qiegħed jaġixxi f’isem ir-Repubblika Slovakka bħala xerrej futur, ikkonkluda ma’ NFŠ, bħala bejjiegħa futura, kuntratt ġdid (19) (iktar ’il quddiem il-“wegħda ta’ bejgħ”) li fih NFŠ ingħatat il-possibbiltà li tittrasferixxi lir-Repubblika Slovakka, permezz ta’ bejgħ sussegwenti, il-proprjetà u l-użu tal-istejdjum (20).

21.      Fl-istess jum (10 ta’ Mejju 2016), il-Ministeru għall-Edukazzjoni u NFŠ iffirmaw addendum għall-kuntratt ta’ sussidju tal‑2013, li emenda parti kbira mill-artikoli tiegħu (21).

22.      Id-dħul fis-seħħ tal-wegħda ta’ bejgħ kien suġġett għall-osservanza ta’ tliet kundizzjonijiet kumulattivi:

–      Il-pubblikazzjoni tagħha fir-reġistru ċentrali tal-kuntratti tal-Istat.

–      L-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni tat-tranżazzjonijiet previsti fil-wegħda ta’ xiri u fil-ftehim ta’ sussidju, skont il-kriterji ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern.

–       Il-ħruġ, mill-Úrad pre verejné obstarávanie Slovenskej republiky (l-Awtorità Regolatorja tal-Kuntratti Pubbliċi, is-Slovakkja), ta’ avviż dwar il-konformità tat-tranżazzjonijiet previsti fil-wegħda ta’ bejgħ mal-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi.

23.      F’dak li jirrigwarda t-tieni u t-tielet kundizzjonijiet esposti iktar ’il fuq (22), mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li:

–      Permezz tad-Deċiżjoni SA.46530, il-Kummissjoni ddikjarat li l-għajnuna mill-Istat kienet kompatibbli mas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

–      L-awtorità regolatorja tal-kuntratti pubbliċi “ma ħarġitx opinjoni vinkolanti u ma wettqet l-ebda kontroll fir-rigward tat-tranżazzjoni prevista fil-wegħda ta’ bejgħ” (23). Il-President tagħha sempliċement bagħat tweġiba mhux vinkolanti permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Lulju 2016.

24.      L-atti preċedenti taw lok għal serje ta’ kawżi pendenti quddiem il-qrati, fosthom dik imsemmija fil-punt 2 tal-paragrafu 20 tad-digriet tar-rinviju, li minnha jidher li tirriżulta t-talba għal deċiżjoni preliminari.

25.      Il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li jiġi ċċarat jekk il-kuntratti ta’ sussidju u ta’ wegħda ta’ bejgħ, konklużi bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u entità rregolata mid-dritt privat magħżula b’mod mhux kompetittiv, jikkostitwixxux “kuntratt għal xogħlijiet pubbliċi” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18 jew tal-punt 6(c) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24, peress li:

–      Il-kuntratt ta’ sussidju jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat approvata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

–      L-obbligi li jinsabu fil-kuntratt ta’ sussidju jimplikaw, min-naħa tal-Istat, l-għoti ta’ sussidju u, min-naħa tal-entità rregolata mid-dritt privat, dak li jinbena bini skont il-kundizzjonijiet speċifikati mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, kif ukoll l-obbligu li organizzazzjoni sportiva tkun permessa tuża parti minn dan il-bini.

–      L-obbligi li jinsabu fil-kuntratt ta’ wegħda ta’ bejgħ jinkludu għażla unilaterali mogħtija lill-entità rregolata mid-dritt privat, li għaliha jikkorrispondi l-obbligu tal-Istat li jixtri l-bini mibni.

–      Dawn il-kuntratti jinvolvu qafas ta’ obbligi reċiproċi bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-entità rregolata mid-dritt privat, li għandhom rabta materjali u temporali.

26.      Fil-każ li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi tkun applikabbli, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, skont l-Artikolu 2d(1)(d) u (2) tad-Direttiva 89/665, l-evitar tar-regoli ta’ għoti previsti għall-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet jistax iwassal għan-nullità assoluta tagħhom ex tunc.

27.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Okresný súd Bratislava III (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava III, is-Slovakkja) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Kuntratt ta’ sussidju u wegħda ta’ xiri konklużi bejn ministeru (l-Istat) u entità rregolata mid-dritt privat magħżula b’mod mhux kompetittiv, jikkostitwixxu ‘kuntratt pubbliku għal xogħlijiet’ fis-sens tal-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18 […] jew tal-[punt 6(c) tal-Artikolu 2(1)] tad-Direttiva 2014/24/UE […], sa fejn il-kuntratt ta’ sussidju huwa għajnuna mill-Istat approvata mill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, l-obbligi inklużi fil-kuntratt ta’ sussidju jinkludu obbligu fuq l-Istat li jagħti s-sussidju kif ukoll obbligu fuq l-entità rregolata mid-dritt privat li tibni binja konformement mal-kundizzjonijiet speċifikati mill-ministeru u li tippermetti lil organizzazzjoni sportiva tuża parti minnha, u l-obbligi inklużi fil-wegħda ta’ xiri jinkludu għażla unilaterali favur l-entità rregolata mid-dritt privat li tikkorrispondi għal obbligu għall-Istat li jixtri l-binja mibnija, kont meħud tal-fatt li dawn il-kuntratti jikkostitwixxu qafas ta’ obbligi reċiproki bejn il-ministeru u l-entità rregolata mid-dritt privat, li jippreżentaw rabta materjali u temporali?

2)      L-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18 jew [il-punt 6(c) tal-Artikolu 2(1)] tad-Direttiva 2014/24 jipprekludu leġiżlazzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru skont liema att ġuridiku li, permezz tal-kontenut tiegħu jew tal-għan tiegħu, jikser il-liġi jew jevitaha jew huwa kuntrarju għall-prinċipji aċċettati tal-moralità huwa null b’mod assolut (jiġifieri huwa null ab initio/ex tunc) jekk dan il-ksur tal-liġi jikkonsisti fi ksur gravi tar-regoli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi?

3)      L-Artikolu 2d(1)(a) u l-Artikolu 2d(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665 […], jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru skont liema att ġuridiku li, permezz tal-kontenut tiegħu jew tal-għan tiegħu, jikser il-liġi jew jevitaha jew huwa kuntrarju għall-prinċipji aċċettati tal-moralità huwa null b’mod assolut (jiġifieri huwa null ab initio/ex tunc) meta dan il-ksur tal-liġi jikkonsisti fi ksur gravi (evażjoni) tar-regoli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, bħal fit-tilwima fil-kawża prinċipali?

4)      L-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18 jew [il-punt 6(c) tal-Artikolu 2(1)] tad-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu r-rikonoxximent ex tunc ta’ effetti legali ta’ wegħda ta’ xiri bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

28.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Jannar 2023.

29.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn NFŠ, mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, mill-Gvern Ċek u dak Slovakk kif ukoll mill-Kummissjoni. Kollha, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Ċek, ipparteċipaw fis-seduta li nżammet fl‑1 ta’ Frar 2024.

IV.    Evalwazzjoni

A.      Eliġibbiltà

30.      Fid-dawl tal-kontenut tad-digriet tar-rinviju, jista’ jiġi dedott li l-Gvern Slovakk u l-kumpannija NFŠ (jew il-predeċessur tagħha) ikkonkludew sensiela ta’ ftehimiet li, eżaminati flimkien, joffru l-karatteristiċi rispettivi ta’ kuntratt pubbliku. Il-konklużjoni ta’ dan tal-aħħar mingħajr ma jiġi propost, minn qabel u pubblikament, lil offerenti oħra tkun ivvizzjata u, għaldaqstant, il-validità tagħha tiġi kompromessa (24).

31.      NFŠ ma taqbilx ma’ din it-teżi (li, għall-kuntrarju, jaqblu magħha l-partijiet u l-intervenjenti l-oħra fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari). Fil-fehma tagħha, il-kuntratti kontenzjużi: a) ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2004/18 u 2014/24; u (b) jagħmlu parti minn skema ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat Slovakk għall-kostruzzjoni tal-istejdjum u mogħtija b’mod legali, kif ikkonfermat il-Kummissjoni meta eżaminathom skont l-Artikoli 107 u 108 TFUE.

32.      Bħala prinċipju, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-qrati nazzjonali jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza (25). Madankollu, sabiex ikunu ammissibbli, huwa indispensabbli li l-qorti tar-rinviju tesponi, b’mod suffiċjenti, ir-raġunijiet li hija tqis (u mhux biss fl-opinjoni tal-partijiet fil-kawża), jiddeterminaw in-neċessità u r-rilevanza tar-rinviju.

33.      F’din il-kawża, fid-dawl tal-kumplessità tagħha, il-motivazzjoni tal-qorti kienet ta’ importanza partikolari. Madankollu, id-digriet tar-rinviju kien limitat, essenzjalment, għar-riproduzzjoni tal-argumenti tal-partijiet, ladarba ġie deskritt is-sinteżi tal-fatti u t-traskrizzjoni tal-liġijiet jew tal-ġurisprudenza eventwalment applikabbli.

34.      Fil-Kapitolu V tad-digriet tar-rinviju (“Raġunijiet għat-talba għal deċiżjoni preliminari u rabta bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-proċedura nazzjonali”), il-qorti a quo tesponi mill-ġdid il-pożizzjonijiet tal-partijiet u tiddedika biss paragrafu wieħed (l‑64) sabiex tirrifletti dak li jidhru li huma d-dubji tagħha, imbagħad imniżżel bħala l-ewwel domanda preliminari.

35.      F’dan il-kuntest, ma huwiex sorprendenti li NFŠ ikkontestat l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari minħabba li ma huwiex konformi mal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija tenfasizza li “ma hemmx evalwazzjoni proprja min-naħa tal-qorti” u li din sempliċement “tilqa’ mingħajr l-iċken ħsieb kritiku u fil-parti l-kbira tikkopja t-test propost minn parti fil-kawża” (26).

36.      Barra minn hekk, NFŠ issostni li d-digriet tar-rinviju jinkludi evalwazzjonijiet fattwali “skorretti u qarrieqa”. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-qorti a quo, din il-kumpannija tallega li l-kuntratt ta’ sussidju fl-ebda mument ma jobbligaha li tibni l-istejdjum, u dan lanqas ma kellu jinbena skont il-kundizzjonijiet speċifikati mill-Ministeru għall-Edukazzjoni. Lanqas ma jista’ jingħad li l-kuntratti ta’ sussidju u ta’ wegħda ta’ bejgħ, li huma separati temporanjament u kunċettwalment, jikkostitwixxu “kuntratt uniku”. Fl-aħħar, l-Awtorità Regolatorja tal-Kuntratti Pubbliċi kkonstatat, darbtejn, li f’dan il-każ ma kien hemm ebda ksur tar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi (27).

37.      L-oġġezzjoni ta’ inammissibbiltà, anki jekk hija mimlija b’motivi serji, ma tistax tintlaqa’ peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi minimi sabiex tkun tista’ tirrispondi lill-qorti tar-rinviju. Madankollu, huwa neċessarju li jiġu ċċarati l-punti mhux ċari li juri d-digriet tar-rinviju, li minnhom tiddependi l-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi hijiex applikabbli.

38.      Fir-rigward tad-deskrizzjoni tal-fatti, ikkritikata minn NFŠ, nista’ biss infakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja: “Peress li hija l-qorti tar-rinviju biss li hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża li jkollha quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-prinċipju, tillimita l-eżami tagħha għall-elementi ta’ evalwazzjoni li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissottometti quddiemha, u għalhekk, għandha timxi abbażi tas-sitwazzjoni li din il-qorti tikkunsidra bħala stabbilita” (28).

B.      Id-Direttiva applikabbli

39.      Id-digriet tar-rinviju jirreferi kemm għad-Direttiva 2004/18 kif ukoll għad-Direttiva 2014/24, li tħassarha. Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat liema tapplika għall-kawża, billi wieħed jitlaq mill-punt li, bħala prinċipju, din ser tkun fis-seħħ meta l-awtorità kontraenti tagħżel il-proċedura li għandha ssegwi (29). Dan il-kriterju jista’ jiġi traspost, mutatis mutandis, f’każijiet fejn, fil-veru sens tal-kelma, ma kienx hemm proċedura fformalizzata ta’ għoti ta’ kuntratt.

40.      Iż-żewġ kuntratti (ta’ sussidju u ta’ wegħda ta’ bejgħ) ġew iffirmati fl‑10 ta’ Lulju 2013 u fl‑10 ta’ Mejju 2016 rispettivament. Għalhekk, dawn jikkoinċidu mad-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/24, li skont l-Artikolu 90(1) tagħha huwa fit‑18 ta’ April 2016.

41.      Żewġ raġunijiet iwassluni sabiex niffoka l-attenzjoni fuq id-Direttiva 2014/24. L-ewwel, sabiex nosserva l-viżjoni ġenerali li hija l-punt ta’ tluq tal-qorti tar-rinviju. It-tieni, it-termini definittivi tal-kuntratt ta’ sussidju ġew espressi fl‑10 ta’ Mejju 2016, ladarba din id-direttiva kienet fis-seħħ.

42.      Fir-realtà, din hija kwistjoni ta’ ftit importanza prattika, peress li d-definizzjonijiet ta’ “kuntratt pubbliku” u ta’ “kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet” huma ekwivalenti fiż-żewġ direttivi.

C.      Lewwel domanda preliminari

43.      Bħala prinċipju, huma l-qrati nazzjonali, u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandhom jinterpretaw it-termini tal-kuntratti li huma s-suġġett tal-kawżi mressqa quddiemhom. Kif diġà sostnejt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha żżomm mad-deskrizzjoni tas-sitwazzjoni fattwali li l-korp tar-rinviju jipprovdilha.

44.      Madankollu, f’din il-kawża, din is-sitwazzjoni hija ’l bogħod milli tkun ċara. Il-qorti tar-rinviju:

–      ssostni li l-kuntratt ta’ sussidju jinkludi l-obbligu għal NFŠ li tibni l-istejdjum, iżda ma tippreċiżax liema ser ikun l-effett, li jista’ jintalab ġudizzjarjament, tan-nuqqas ta’ ssodisfar ta’ dan l-obbligu. Fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet oħra, dan jista’ jkun, pereżempju, ir-rimbors tas-sussidju biss.

–      ssostni li l-istejdjum għandu jinbena skont il-kundizzjonijiet imposti mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, iżda ma tagħtix dettalji dwar il-grad ta’ speċifikazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet (30).

–      tindika li l-kuntratt ta’ sussidju jimplika t-trasferiment b’xejn tal-użu tal-istejdjum lil organizzazzjoni sportiva. Madankollu, dan it-trasferiment tneħħa permezz tal-addendum tal‑2016 (31).

–      tenfasizza kif il-wegħda ta’ bejgħ tagħti lil NFŠ għażla unilaterali sabiex tobbliga lill-Istat jixtri l-istejdjum mingħandha. Madankollu, hija ma tispjegax jekk hemmx possibbiltà għall-Istat li jobbliga, min-naħa tiegħu, lil NFŠ tipprovdilu l-istejdjum, fil-każ li din il-kumpannija ma teżerċitax l-għażla.

–      Fl-aħħar nett, tiżgura li l-arranġamenti kollha jikkostitwixxu qafas ta’ obbligi reċiproċi li hija tonqos milli tispeċifika (lil hinn minn dawk inerenti għall-kisba ta’ sussidju).

45.      Dawn l-ambigwitajiet kollha jista’ jkollhom effett fuq is-soluzzjoni tat-tilwima, anki jekk tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ numru ta’ ftehimiet bejn NFŠ u l-Gvern Slovakk.

46.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-ġabra ta’ ftehimiet kinitx tikkostitwixxi, fir-realtà, kuntratt pubbliku għal xogħlijiet suġġett għad-Direttiva 2014/24, għandu jiġi deċiż, fost kwistjonijiet oħra, jekk kinux jeżistu obbligi reċiproċi vinkolanti (32) bejn NFŠ u l-Gvern Slovakk, li juru n-natura oneruża tal-kuntratt (33) u li jistgħu jintalbu quddiem qorti; jekk dan il-gvern kellux influwenza deċiżiva fuq it-tfassil tal-proġett tal-istejdjum; u jekk il-Gvern Slovakk jakkwistax jew le s-sjieda tal-istejdjum jew id-disponibbiltà tax-xogħlijiet mibnija.

47.      Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-kunsiderazzjonijiet li l-Kummissjoni għamlet fid-Deċiżjoni SA.46530 tagħha, dwar il-kontenut tal-kuntratti ta’ sussidju u ta’ wegħda ta’ bejgħ, ma jistgħux jiġu injorati, billi jitqies li, permezz ta’ dawn il-kuntratti, l-Istat Slovakk kien ta għajnuna pubblika kompatibbli mas-suq intern.

48.      Infakkar, fi kwalunkwe każ, li s-sempliċi għoti ta’ sussidju statali, li jimplika t-trasferiment ta’ fondi pubbliċi (f’dan il-każ, sabiex jinbena stejdjum), ma huwiex minnu nnifsu ekwivalenti għall-konklużjoni ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet. Kif tiddikjara r-raba’ premessa tad-Direttiva 2014/24, “Ir-regoli tal-Unjoni dwar l-akkwisti pubbliċi mhumiex maħsuba li jkopru kull forma ta’ ħlas ta’ fondi pubbliċi, iżda dawk biss immirati lejn l-akkwist ta’ xogħlijiet, provvisti jew servizzi għal konsiderazzjoni permezz ta’ kuntratt pubbliku” (34).

49.      Fuq din il-bażi, ser nanalizza l-elementi essenzjali ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet u sa liema punt jeżistu f’dan il-każ.

1.      Elementi essenzjali talkuntratt pubbliku għal xogħlijiet

50.      Skont il-punt 6 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24, “għall-finijiet ta’ din id-Direttiva”, “‘kuntratti pubbliċi ta’ xogħlijiet’ tfisser kuntratti pubbliċi li għandhom bħala għan wieħed minn dawn li ġejjin: (a) l-eżekuzzjoni, jew kemm id-disinn kif ukoll l-eżekuzzjoni, ta’ xogħlijiet relatati ma’ waħda mill-attivitajiet skont it-tifsira tal-Anness II; (b) l-eżekuzzjoni, jew kemm id-disinn kif ukoll l-eżekuzzjoni, ta’ xogħol; (c) it-twettiq, bi kwalunkwe mezz, ta’ xogħol li jikkorrispondi għar-rekwiżiti speċifikati mill-awtorità kontraenti li teżerċita influwenza deċiżiva fuq it-tip jew id-disinn tax-xogħol”.

51.      Sabiex jiġi rrikonoxxut bħala kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, dan għandu jkun kuntratt b’titolu oneruż, konkluż bil-miktub bejn operatur ekonomiku wieħed jew iktar u awtorità kontraenti waħda jew iktar, li għandu bħala suġġett wieħed minn dawk imsemmija fil-punt preċedenti.

52.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet il-karatteristiċi ta’ dan it-tip ta’ kuntratti kif ġej:

–      “fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, l-awtorità kontraenti tirċievi servizz li jikkonsisti fit-twettiq tax-xogħlijiet li hija jkollha l-intenzjoni li tikseb u li jkollu interess ekonomiku dirett għaliha” (35).

–      “Dan l-interess ekonomiku huwa kjarament stabbilit ladarba jkun previst li l-awtorità kontraenti ssir il-proprjetarja tax-xogħlijiet jew tax-xogħol li jkun is-suġġett tal-kuntratt”. “[…] jista’ jiġi wkoll ikkonstatat jekk ikun previst li l-awtorità kontraenti jkollha titolu legali li jiżguralha d-disponibbiltà tax-xogħol li huwa s-suġġett tal-kuntratt, bil-għan tal-użu pubbliku tiegħu” (36).

–      “L-interess ekonomiku jista’ jibqa’ preżenti fil-vantaġġi ekonomiċi li l-awtorità kontraenti tista’ tikseb mill-użu jew mit-trasferiment futur tax-xogħol, mill-fatt li tkun ipparteċipat finanzjarjament għat-twettiq tax-xogħol jew mir-riskji li tassumi fil-każ li x-xogħol ifalli ekonomikament” (37).

–      “kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] […] jirrikjed[u] li l-kuntrattur jassumi direttament jew indirettament l-obbligu li jwettaq ix-xogħlijiet li huma s-suġġett tal-kuntratt kif ukoll li l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu tista’ tiġi inforzata legalment skont il-metodi stabbiliti mid-dritt nazzjonali”(38).

53.      Minn perspettiva oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa “essenzjali […] li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jsiru skont il-ħtiġijiet ippreċiżati mill-awtorità kontraenti, filwaqt li l-mezzi li jintużaw għal dawn ix-xogħlijiet” (39). Dan huwa l-każ meta l-awtorità kontraenti “tkun adottat ċerti miżuri sabiex tiddefinixxi l-karatteristiċi tax-xogħol jew, minn tal-inqas, li teżerċita influwenza determinanti fuq id-disinn tiegħu” (40).

54.      Fl-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet kriterji li jippermettu li jiġi identifikat meta l-awtorità kontraenti teżerċita tali influwenza determinanti: dan huwa l-każ “jekk jista’ jintwera li din l-influwenza hija eżerċitata fuq l-istruttura arkitettonika ta’ dan il-bini, bħad-dimensjoni tiegħu, il-ħitan esterni u l-ħitan tal-appoġġ tiegħu” (41). Min-naħa l-oħra, “l-ispeċifikazzjonijiet li jinsabu f’regoli tekniċi applikabbli skont dispożizzjonijiet legali […]jew li l-karatteristiċi tal-bini jkunu konformi mal-‘istat tat-teknika’ komuni fis-suq ikkonċernat, […] ma jistgħux jitqiesu bħala li huma miżuri meħuda […] sabiex jeżerċita influwenza fuq it-tfassil tal-bini” (42).

2.      Evalwazzjoni ta’ dawn lelementi filkawża prinċipali

55.      NFŠ targumenta li l-karatteristiċi ta’ kuntratt pubbliku ma humiex issodisfatti, sa fejn: a) ma hemm l-ebda obbligu (bi spejjeż tagħha) li tibni l-istejdjum li jista’ jiġi allegat quddiem qorti; (b) il-kuntratti ta’ sussidju u ta’ wegħda ta’ bejgħ ma humiex ta’ natura oneruża u l-Istat Slovakk ma jikseb l-ebda interess ekonomiku dirett minnhom; (c) il-Ministeru għall-Edukazzjoni ma impona l-ebda rekwiżit tekniku speċifiku għall-proġett.

56.      Barra minn hekk, NFŠ tallega li, minn perspettiva materjali, hija osservat ir-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi matul il-kostruzzjoni tal-istejdjum, peress li hija għamlet ix-xogħlijiet korrispondenti għas-sejħa pubblika (43). L-obbligu li l-kostruzzjoni tal-istejdjum, iffinanzjata minn riżorsi tal-Istat, tosserva l-leġiżlazzjoni tal-kuntratti pubbliċi kien jinsab fil-kuntratt ta’ sussidju u fil-punt 8 tad-Deċiżjoni SA.46530.

57.      Min-naħa tiegħi, nirrikonoxxi li l-qari tad-digriet tar-rinviju u l-iżvolġiment sussegwenti tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari ma jippermettulix li nifformula opinjoni kategorika dwar in-natura tal-“assjem kuntrattwali” inkwistjoni.

58.      Fl-ewwel lok, ma jidhirx b’mod ċar fiex jikkonsisti l-benefiċċju li l-Istat Slovakk jista’ jitlob mingħand NFŠ abbażi tal-kuntratti ta’ sussidju u ta’ wegħda ta’ bejgħ, premessa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

59.      La mill-osservazzjonijiet bil-miktub u lanqas minn dawk li ġew ippreżentati oralment waqt is-seduta ma jirriżulta li l-Istat Slovakk kien ifittex lil NFŠ sabiex jobbligaha tibni l-istejdjum, jekk din l-impriża kellha finalment tiddeċiedi li ma tagħmilx dan. Xorta jibqa’ l-fatt li, f’din l-eventwalità, NFŠ ma kinitx tirċievi s-sussidju, jew kienet titilfu, jew kienet tkun obbligata tirrimborsah. Iżda dan huwa, fih innifsu, estern għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għal xogħlijiet.

60.      Kif diġà indikajt, huwa indispensabbli, sabiex ikun hemm kuntratt għal xogħlijiet reali, li l-kuntrattur jassumi preċiżament l-obbligu li jwettaq ix-xogħlijiet li huma s-suġġett tal-akkwist u li dan huwa obbligu li jista’ jintalab ġudizzjarjament. L-awtorità kontraenti (hawnhekk il-Ministeru għall-Edukazzjoni) għandha takkwista l-proprjetà immobbli li fuqha jitwettqu x-xogħlijiet u, jekk ikun il-każ, tordna ġudizzjarjament lill-offerent rebbieħ sabiex jipprovdiha, jekk ikollu titolu legali li jiżguralu d-disponibbiltà tax-xogħlijiet għall-finijiet tal-assenjazzjoni pubblika tagħhom.

61.      Fit-tieni lok, lanqas ma hemm ċarezza dwar l-akkwist tal-istejdjum. Ċertament, tali obbligu ma jirriżultax mill-kuntratt ta’ sussidju, iżda, fl-ipoteżi, mill-wegħda ta’ bejgħ. Il-qorti tar-rinviju għandha tqis jekk, ladarba l-infrastruttura sportiva tkun ġiet mibnija, NFŠ kellhiex obbligu ġudizzjarju eżegwibbli li tittrasferixxiha lill-Istat Slovakk, li dan tal-aħħar seta’ jitlob.

62.      Kollox jindika, u dan kif ġie enfasizzat waqt is-seduta (44), li l-kuntratt ta’ wegħda ta’ bejgħ kien jagħti lil NFŠ l-għażla jew li tibqa’ proprjetarja tal-istejdjum u li tkompli l-operat tiegħu (jew li tittrasferixxi dan l-operat lil terzi), jew li tittrasferixxih lill-Istat Slovakk, jekk kien konvenjenti għal din l-impriża.

63.      Fil-fatt, il-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni SA.46530, tenfasizza l-għażla mogħtija lil NFŠ, li tippermettilha (iżda ma tobbligahiex) tbigħ l-infrastruttura sportiva lill-Istat Slovakk, jekk tixtieq tagħmel dan. Huwa biss f’dan il-każ li l-Istat isir proprjetarju tal-istejdjum (45).

64.      Fit-tielet lok, lanqas ma huwa ċert li l-Istat Slovakk ħa vantaġġ ekonomiku dirett miż-żewġ kuntratti kontenzjużi, ladarba l-obbligu ta’ trasferiment mingħajr ħlas tal-installazzjonijiet tal-istejdjum lill-Federazzjoni Slovakka tal-futbol tneħħa mill-kuntratt ta’ sussidju (46). L-interess (u l-benefiċċju indirett sussegwenti) tal-Istat jidher li huwa limitat għat-titjib ġenerali tal-isport nazzjonali (47).

65.      Fir-raba’ lok, huwa tal-inqas dubjuż li, permezz tal-kuntratti kontenzjużi, il-Ministeru għall-Edukazzjoni eżerċita influwenza determinanti fuq il-proġett ta’ xogħlijiet. Bl-eċċezzjoni tal-verifika li mill-ġdid taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti tar-rinviju, kollox jidher li jindika li l-uniċi kriterji adottati f’dan ir-rigward kienu dawk li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni tal-UEFA għall-kostruzzjoni tal-istejdjum tal-kategorija 4 u r-regoli ġenerali Slovakki dwar l-infrastrutturi sportivi.

66.      Issa, l-analiżi tal-kriterji tal-UEFA (48) turi li dawn jikkonsistu f’serje ta’ parametri vinkolanti fir-rigward tar-rekwiżiti strutturali minimi li stejdjum għandu jissodisfa sabiex jiġi kklassifikat f’ċerta kategorija (49). Madankollu, dawn il-kriterji jippermettu soluzzjonijiet arkitettoniċi varji, li jistgħu jiżviluppaw f’marġni ta’ kreattività professjonali wiesgħa ħafna.

67.      It-tfassil tal-istadji tal-futbol li jissodisfaw il-kriterji tal-UEFA jippermetti alternattivi kunsiderevoli ta’ disinn, kemm fid-dispożizzjoni esterna kif ukoll fl-istrutturar tad-dipendenzi interni. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, dawn ma jinkludux is-soluzzjonijiet tekniċi ddettaljati li sid reali tax-xogħlijiet jista’ jimponi fuq l-offerent rebbieħ tal-kuntratt.

68.      Il-Ministeru għall-Edukazzjoni invoka wkoll quddiem il-qorti tar-rinviju (50) leġiżlazzjoni Slovakka fil-qasam tal-infrastrutturi sportivi (51). Iżda preċiżament minħabba li tistabbilixxi rekwiżiti ġenerali, din ir-regola ma tiddeterminax rekwiżiti speċifiċi għal stejdjum partikolari.

69.      Is-sempliċi preżenza tal-Ministeru għall-Edukazzjoni f’kummissjoni ta’ monitoraġġ (52) ma tfissirx neċessarjament li dan kellu influwenza deċiżiva fuq it-tfassil u l-eżekuzzjoni tal-proġett. Fil-fatt, fl-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ dan il-Ministeru, din iċ-ċirkustanza ma għadhiex imsemmija u tindika l-leġiżlazzjoni tal-UEFA bħala element espressiv tal-influwenza governattiva fuq il-proġett (53).

70.      Fil-qosor, inqis li hemm bosta riżervi li jopponu għall-klassifikazzjoni tal-“assjem kuntrattwali” kkontestat bħala kuntratt pubbliku għal xogħlijiet ġenwin, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24. Din il-klassifikazzjoni, jew dik kuntrarja, ser tiddependi mill-evalwazzjoni finali tal-qorti tar-rinviju dwar uħud mill-provi li hija stess ma indikatx b’ċarezza suffiċjenti.

3.      Rilevanza tadDeċiżjoni SA.46530

71.      Il-Kummissjoni għandha rwol ċentrali fis-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat stabbilita mill-Artikoli 107 u 108 TFUE, peress li dawn id-dispożizzjonijiet jaqgħu taħt il-Kapitolu I (“Regoli li jirregolaw il-kompetizzjoni”) tat-Titolu VII tat-TFUE.

72.      F’din il-kawża, il-Kummissjoni eżaminat, kif diġà spjegajt, il-kuntratti ta’ sussidju u ta’ wegħda ta’ bejgħ. Permezz tad-Deċiżjoni SA.46530, hija evalwat l-għajnuna pubblika li kienu jinvolvu (54) u ddikjaratha kompatibbli mas-suq intern.

73.      Il-Kummissjoni targumenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, fid-Deċiżjoni SA.46530, hija ma analizzatx l-osservanza tar-regoli li jirregolaw il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi (55). Madankollu, din l-affermazzjoni għandha tiġi kkwalifikata fid-dawl tal-kliem imperattiv tal-punt 8 ta’ din id-Deċiżjoni (56), li l-Kummissjoni stess, waqt is-seduta, ikklassifikat bħala kundizzjoni inevitabbli għall-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern.

74.      Minn qari ta’ dan il-punt 8 jirriżulta li, għall-Kummissjoni, dak li huwa rilevanti kien li l-kostruzzjoni tal-istejdjum (li huwa, fir-realtà, dak ta’ kuntratt għal xogħlijiet, kemm pubbliku kif ukoll privat) tkun suġġetta għal proċedura kompetittiva, b’osservanza tar-regoli applikabbli għall-kuntratti pubbliċi.

75.      Huwa minnu li, bħala entità privata, NFŠ ma taqax fil-kunċett ta’ awtorità kontraenti stabbilit fil-punt 2 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24. Issa, meta din l-entità tkun kostretta mill-Istat (li jħallasha fondi pubbliċi għal dan l-għan) li tissuġġetta ruħha għal-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi, u meta din il-kundizzjoni tkun meħtieġa wkoll mid-Deċiżjoni SA.46530, inqis li, mill-perspettiva materjali u sabiex jinbena l-istejdjum, ir-regoli tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti pubblika li jinsabu f’din id-direttiva jsiru applikabbli u NFŠ kienet tinsab f’sitwazzjoni analoga għal dik ta’ awtorità kontraenti.

76.      Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għandha l-għan “li l-akkwist pubbliku jkun miftuħ għall-kompetizzjoni” (57). Dan huwa rifless fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24, li jipprojbixxi li “b’mod artifiċjali [tit]naqqas il-kompetizzjoni”. Ir-restrizzjoni indebita tirriżulta jekk is-sejħa għall-offerti tkun maħsuba “bl-intenzjoni li [jingħata]vantaġġ jew żvantaġġ mhux mistħoqq lil ċerti operaturi ekonomiċi”.

77.      Il-Kummissjoni tista’ tintervjeni b’mod attiv fid-difiża tal-kompetizzjoni meta l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ma jkunx konformi mar-regoli li, sabiex jiġi ssalvagwardjat dan l-għan, jinsabu, fost oħrajn, fid-Direttiva 2014/24 (58). Ma nara l-ebda raġuni għalfejn ma għandhiex tagħmel dan meta tiffaċċja l-eżami tal-vijabbiltà tal-għajnuna mill-Istat li tirriżulta minn kuntratti ffirmati mill-amministrazzjonijiet pubbliċi ma’ entitajiet privati.

78.      B’mod partikolari, nifhem li l-Kummissjoni ma setgħetx ma teżaminax jekk il-mod kif l-għajnuna pubblika lil NFŠ kienet strutturata kien jaħbi l-eżistenza ta’ kuntratt pubbliku li kellu jkun is-suġġett ta’ sejħa għal offerti. Fl-opinjoni tiegħi, hija għamlet dan impliċitament, kif jispjega l-punt 8 tad-Deċiżjoni SA.46530 tagħha.

79.      Fl-aħħar, id-Deċiżjoni SA.46530 għandha bħala premessa li ma kienx hemm obbligu li s-sjieda tal-istejdjum tiġi ttrasferita lir-Repubblika Slovakka (59). Din il-premessa, li għaliha nirreferi, ma tistax tiġi kkontestata mill-qorti tar-rinviju, li għandha tosserva l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-fatturi determinanti tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.

80.      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SA.46530 għandha għalhekk tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ.

4.      Konklużjoni intermedja

81.      Kuntratt ta’ sussidju u kuntratt ta’ wegħda ta’ bejgħ, konklużi bejn korp tal-Istat u impriża privata, li fihom jingħataw, rispettivament, fondi pubbliċi lil din tal-aħħar għall-kostruzzjoni ta’ infrastruttura sportiva u tingħata l-għażla unilaterali li tbigħha lill-Istat, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala kuntratt pubbliku għal xogħlijiet jekk minnhom ma jirriżultax obbligu eżegwibbli ġudizzjarjament fid-dawl tal-akkwist tal-infrastruttura mill-Istat u dan tal-aħħar ma jiħux vantaġġ ekonomiku dirett jew ma influwenzax b’mod deċiżiv il-proġett tax-xogħol. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fil-kawża li hija mitluba tiddeċiedi, dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti.

D.      Ittieni, ittielet u rraba’ domanda preliminari

82.      Dawn id-domandi jippreżupponu li l-ftehimiet li huma s-suġġett tal-kawża jikkostitwixxu, kollha kemm huma, kuntratt pubbliku għal xogħlijiet li kellu jiġi suġġett għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24. Ir-riflessjonijiet tiegħi huma bbażati, għal finijiet dijalettiċi, fuq din l-ipoteżi ta’ xogħol.

83.      Wara li ġiet stabbilita din il-premessa, il-qorti tar-rinviju ssostni li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jwasslu għan-nullità ex tunc tal-kuntratti kontenzjużi, jekk dawn jiksru serjament, billi jippruvaw jevitawhom, ir-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. U tistaqsi, essenzjalment, jekk dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali humiex kompatibbli mad-Direttiva 2014/24 (punt (6)(ċ) tal-Artikolu 2(1)) u mad-Direttiva 89/665 (Artikolu 2d(1)(a) u (2)).

84.      Ma jidhirlix li dawn huma domandi ipotetiċi, peress li l-eżitu tal-kawża a quo jista’, b’xi mod, jiddependi mir-risposta għalihom.

1.      Applikabbiltà tadDirettiva 89/665

85.      Fil-fehma tiegħi, id-Direttiva 89/665 ma hijiex applikabbli f’din il-kawża, peress li din tipprevedi mekkaniżmi ta’ reviżjoni kontra d-“deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti”. Dawn il-mekkaniżmi huma previsti favur “kull persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat”.

86.      L-Artikolu 2d tad-Direttiva 89/665 jirregola l-ineffettività (tal-kuntratti) li korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-awtorità kontraenti jista’ jiddikjara, meta din tkun tat kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt (paragrafu 1(a)) u jirreferi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali l-konsegwenzi ta’ din l-ineffettività (paragrafu 2).

87.      Issa, jekk wieħed isegwi l-argument difiż mill-awtoritajiet Slovakki, ikunu huma stess (b’mod konkret, il-Ministeru għall-Edukazzjoni) li kisru r-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, billi ma ssuġġettawx il-kuntratti kontenzjużi għal sejħa għal offerti.

88.      Id-Direttiva 89/665 ma hijiex intiża sabiex tipproteġi lill-awtoritajiet pubbliċi kontra l-ksur li huma stess wettqu, iżda sabiex tippermetti lil dawk li ġew leżi mill-aġir ta’ dawn l-awtoritajiet kontraenti jikkontestawhom.

89.      L-Artikolu 2d tad-Direttiva 89/665 jippreżumi li persuna li tista’ tikkontesta l-aġir tal-awtorità kontraenti tkun użat ir-rimedju korrispondenti. Jekk, fi tmiem ta’ dik l-azzjoni, il-korp li jiddeċiedi jiddikjara l-ineffettività tal-kuntratt, id-dispożizzjonijiet tad-diversi paragrafi ta’ dan l-artikolu jidħlu inkwistjoni. Madankollu, nirrepeti, id-Direttiva 89/665 ma tipprevedix li l-awtorità kontraenti tikkontesta d-deċiżjonijiet tagħha stess.

90.      Xorta jibqa’ l-fatt li d-dritt intern joffri rimedji li jippermettu lil amministrazzjoni pubblika (jew lil entità ta’ kontroll tal-azzjoni amministrattiva) teżamina mill-ġdid il-legalità tad-deċiżjonijiet preċedenti tagħha (60). Tali eventwalità ma hijiex irregolata mid-Direttiva 89/665, iżda mir-regoli nazzjonali korrispondenti, li jipprovdu li huwa neċessarju li jiġi deċiż sa liema punt l-eċċezzjoni għar-regola klassika venire contra factum propium nulli conceditur hija aċċettabbli (61).

91.      Fil-fatt, id-Direttiva 89/665 ma twettaqx armonizzazzjoni kompleta u għalhekk ma tkoprix “r-rimedji kollha possibbli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi” (62). L-Istati Membri għandhom marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jistabbilixxu rimedji li jiżguraw il-purità tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

2.      Ineffettività talkuntratti pubbliċi mogħtija mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt

92.      Is-soluzzjonijiet dedotti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/665, fir-rigward tal-ineffettività tal-kuntratti pubbliċi, jistgħu jiġu estiżi għall-proċeduri li fihom, permezz ta’ mezzi oħra li ma humiex dawk previsti minn din id-direttiva, tinkiseb dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kuntratt mogħti mingħajr pubblikazzjoni minn qabel tal-avviż ta’ kuntratt.

93.      Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Cross Zlín (63) analizzajt din il-kwistjoni b’ argumenti li jistgħu japplikaw għall-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju, minkejja li d-Direttiva 89/665 ma hijiex direttament applikabbli f’din il-kawża. Fihom sostnejt li:

–      Bħala prinċipju, “is-sentenza li tannulla l-għoti ta’ kuntratt pubbliku għandu jkollha l-konsegwenza, […] il-projbizzjoni li l-kuntratt iħalli effetti. L-annullament tal-għoti ta’ kuntratt huwa retroattiv (ex tunc) għall-mument meta dan l-għoti kien ġie deċiż […]” (64).

–      “Madankollu, dan il-kriterju ġenerali jittollera eċċezzjonijiet u dan huwa previst mid-Direttiva 89/665 (b’mod partikolari għall-kuntratti pubbliċi diġà konklużi) minħabba l-inkonvenjenzi marbuta mad-dikjarazzjoni ta’ ineffettività. […] L-Istati Membri jistgħu, pereżempju, f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti formali, ‘[i]qisu l-prinċipju ta’ l-ineffettività bħala mhux xieraq. F’dawk il-każi l-Istati Membri għandu jkollhom il-flessibbiltà li jipprovdu għal penali alternattivi’” (65).

–      Sentenza li tilqa’ azzjoni għal annullament tista’ tiġi prevista fir-rigward ta’ kuntratt diġà konkluż mingħajr ma jiġu kkunsidrati f’dan il-punt il-konsegwenzi inerenti għan-nullità tiegħu, b’soluzzjonijiet li jvarjaw skont l-ipoteżijiet inkwistjoni (66).

94.      Mill-eżami tal-Artikolu 2(7), tal-Artikolu 2d (1) sa (3) u tal-Artikolu 2e(1) tad-Direttiva 89/665 ġie konkluż li (67):

–      F’ċerti ċirkustanzi r-regolamenti nazzjonali jistgħu jipprovdu li s-sentenza li tannulla l-għoti ta’ kuntratt pubbliku: a) jew ikollha effetti retroattivi, li jaffetwaw ex tunc l-obbligi kuntrattwali kollha; b) jew ma tkunx twassal, b’mod inevitabbli, għaċ-ċaħda tal-effetti ta’ dak il-kuntratt.

–       Madankollu, l-ineffettività tal-kuntratti tinżamm meta qorti nazzjonali ta’ Stat Membru (li jkun ipprevediha fil-leġiżlazzjoni tiegħu) tagħti sentenza li tiddikjara null l-għoti ta’ kuntratt, filwaqt li torbot konsegwenzi ex tunc għall-għoti tiegħu.

95.      Konsegwentement, xejn ma jipprekludi li d-dritt nazzjonali jistabbilixxi li s-sentenza li tikkonstata l-ineffettività ta’ kuntratt għal xogħlijiet mogħti mingħajr sejħa għal offerti preċedenti, meta din tal-aħħar kienet obbligatorja għaliex dan il-kuntratt kellu jkun suġġett għar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, tipproduċi l-effetti tagħha ex tunc.

V.      Konklużjoni

96.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li tingħata risposta lill-Okresný súd Bratislava III (il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava III, is-Slovakkja) kif ġej:

“Il-punt 6 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

Kuntratt ta’ sussidju u kuntratt ta’ wegħda ta’ bejgħ, konklużi bejn korp tal-Istat u impriża privata, li fihom jingħataw, rispettivament, fondi pubbliċi lil din tal-aħħar għall-kostruzzjoni ta’ infrastruttura sportiva u tingħata l-għażla unilaterali li tbigħha lill-Istat, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala kuntratt pubbliku għal xogħlijiet jekk minnhom ma jirriżultax obbligu eżegwibbli ġudizzjarjament fid-dawl tal-akkwist tal-infrastruttura mill-Istat u dan tal-aħħar ma jiħux vantaġġ ekonomiku dirett jew ma influwenzax b’mod deċiżiv il-proġett tax-xogħol. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, f’dan il-każ, tali ċirkustanzi humiex issodisfatti.

Xejn ma jipprekludi li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tistabbilixxi li s-sentenza li tikkonstata l-ineffettività ta’ kuntratt għal xogħlijiet mogħti mingħajr sejħa għal offerti preċedenti, meta din tal-aħħar kienet obbligatorja minħabba li dan il-kuntratt kellu jkun suġġett għar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, tipproduċi l-effetti tagħha ex tunc”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Národný futbalový štadión a.s., li ssuċċediet, mill‑31 ta’ Diċembru 2015, lil NFŠ a.s. (iktar ’il quddiem “NFŠ”)


3      Iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni SA.46530”.


4      Skont id-digriet tar-rinviju (punt 20), “il-kawżi li ġejjin huma attwalment pendenti quddiem il-qrati: (1) Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u r-Repubblika Slovakka talbu lill-kumpanija NFŠ tirritorna l-ammont sħiħ tas-sussidju ta’ EUR 27 200 000 flimkien mal-imgħax u l-ispejjeż, għaliex il-ftehim ta’ sussidju huwa null f’termini assoluti minħabba l-inkompatibbiltà tiegħu mal-liġi; (2) il-kumpanija NFŠ talbet lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u lir-Repubblika Slovakka għall-kontenut ta’ dispożizzjoni fil-konvenju li huwa impossibbli li tiġi ssodisfatta li tistabbilixxi l-proċedura għall-kalkolu tal-prezz tax-xiri u tal-bejgħ tal-istejdjum; (3) il-kumpanija NFŠ talbet lir-Repubblika Slovakka u lill-Ministeru għall-Edukazzjoni għall-ħlas ta’ sanzjoni kuntrattwali ta’ EUR 48 000 000 għan-nuqqas ta’ konklużjoni tal-kuntratt għall-bejgħ tal-istejdjum fit-termini stabbiliti fil-konvenju; u (4) il-kumpanija NFŠ talbet lir-Repubblika Slovakka u lill-Ministeru għall-Edukazzjoni biex jikkumpensaw id-danni li jirriżultaw mill-proġett tal-istejdjum fl-ammont ta’ EUR 47 349 262.73 flimkien mal-imgħax u l-ispejjeż”.


5      Kif sostnew il-partijiet fil-kawża waqt is-seduta, din hija l-inklużjoni taħt il-punt 2 fil-paragrafu 20 tad-digriet tar-rinviju, dwar il-kalkolu tal-prezz tal-bejgħ.


6      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti 2004, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).


7      Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, u rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68).


8      Direttiva tal-Kunsill tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246, rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44), fil-verżjoni tagħha kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24, u fil-ĠU 2018, L 82, p. 17).


9      Zákon č. 40/1964 Zb., Občiansky zákonník, z 26. Februára 1964 (il-Liġi Nru 40/1964 tas‑26 ta’ Frar 1964 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili).


10      Zákon z 18. Novembra 2015 č. 343/2015 Z. z. o verejnom obstarávaní a o zmene a doplnení niektorých zákonov (il-Liġi Nru 343/2015 tat‑18 ta’ Novembru 2015 dwar il-kuntratti pubbliċi u li temenda u tikkompleta ċerti liġijiet).


11      Zákon č. 300/2008 Z. z. o organizácii a podpore športu a o zmene a doplnení niektorých zákonov z 2. júla 2008 (il-Liġi Nru 300/2008 tat‑2 ta’ Lulju 2008 dwar l-organizzazzjoni u l-promozzjoni tal-isport).


12      Punt 6 tad-digriet tar-rinviju. L-Istat kellu interess fil-kostruzzjoni ta’ stejdjum li jissodisfa l-kriterji tal-istandards tal-UEFA (akronimu tal-isem bl-Ingliż: “Union of European Football Associations”). Skont dawn ir-regoli, dan huwa stejdjum ta’ kategorija 4 xieraq għall-organizzazzjoni ta’ avvenimenti sportivi u għal logħob ta’ timijiet tal-futbol nazzjonali fil-kategoriji kollha.


13      Punt 7 tad-digriet tar-rinviju.


14      Il-proġett kellu jinkludi, fost l-installazzjonijiet tiegħu, parkeġġ taħt l-art u park għall-isport.


15      Memorandum o spolupráci pri realizácii výstavby a prevádzke športovej infraštruktúry «Národný futbalový štadión» (Memorandum ta’ Kooperazzjoni għall-Kostruzzjoni u l-Użu tal-Infrastruttura għall-Isport “Národný futbalový štadión” (l-Istejdjum Nazzjonali tal-Futbol)).


16      Zmluva o podmienkach poskytnutia dotácie na výstavbu Národného futbalového štadióna (Kuntratt dwar il-kundizzjonijiet tas-sussidju għall-kostruzzjoni tal-istejdjum nazzjonali tal-futbol).


17      L-avviż ġie ppubblikata fl‑20 ta’ Settembru 2013. Skont id-digriet tar-rinviju, punt 10, dan kien jindika bħala l-unika kumpannija eliġibbli lil Národný futbalový štadión a.s.


18      Zmluva o poskytnutí dotácie zo štátneho rozpočtu (Kuntratt ta’ sussidju mill-baġit tal-Istat). Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, punt 11, “is-sussidju ngħata mingħajr għażla fost numru ikbar ta’ kandidati (b’mod mhux kompetittiv) minħabba li, skont is-sejħa għal kandidaturi, l-unika entità eliġibbli kienet l-impriża Národný futbalový štadión a.s. kif kien jidher fid-deċiżjoni tal-Gvern Nru 400/2013” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


19      Zmluva o budúcej zmluve č. 0385/2016 (litteralment, “kuntratt dwar kuntratt futur”).


20      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, punt 14, “il-wegħda ta’ bejgħ kienet tinkludi annessi li kien fihom speċifikazzjonijiet iddettaljati tal-parametri tekniċi u materjali tal-istejdjum”.


21      Fost punti oħrajn, neħħa b’mod partikolari l-possibbiltà, prevista mill-kuntratt inizjali, għas-Slovenský futbalový zväz (il-Federazzjoni Slovakka tal-Futbol) li tuża b’xejn ċerti żoni tal-istejdjum.


22      Wieħed jista’ jassumi li l-ewwel kundizzjoni ġiet issodisfatta.


23      Digriet tar-rinviju, punt 17. Madankollu, dan il-punt huwa kkontestat minn NFŠ. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24      Skont din il-perspettiva, din hija skema artifiċjali intiża sabiex taħbi l-eżistenza reali ta’ kuntratt pubbliku, sabiex jiġi evitat il-ftuħ għall-kompetizzjoni.


25      Sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti) (C‑510/19, EU:C:2020:953, punti 25 u 26).


26      Osservazzjonijiet ta’ NFŠ, punt 40.


27      NFŠ tipproduċi, fl-anness għall-osservazzjonijiet tagħha, l-opinjonijiet ta’ din l-awtorità Nru 91792/2016 tat‑8 ta’ Lulju 2016, u Nru 5931–6000/2019-OD/9 tas‑6 ta’ Settembru 2019.


28      Sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Coty Germany (C‑567/18, EU:C:2020:267, punt 22).


29      Sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, RTS infra u Aannemingsbedrijf Norré-Behaegel (C‑387/19, EU:C:2021:13, punt 23).


30      Skont il-punt 14 tad-digriet tar-rinviju, kien il-kuntratt ta’ wegħda ta’ bejgħ li “kien jinkludi annessi li kien fihom speċifikazzjonijiet tekniċi ddettaljati u parametri materjali tal-istejdjum nazzjonali tal-futbol”.


31      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza l-kontenut stess tal-kuntratt ta’ sussidju tal‑2013 li, madankollu, fil-fehma tagħha, baqa’ mingħajr valur skont l-addendum tal‑2016 (punt 9 flimkien mal-punt 15, it-tnejn li huma tad-digriet tar-rinviju). Minkejja kollox, dan jagħti importanza kbira għall-possibbiltà tal-użu mingħajr ħlas tal-istejdjum mill-Federazzjoni Slovakka tal-futbol, li jirriproduċi l-formulazzjoni tal-ewwel domanda preliminari.


32      In-“natura sinallagmatika ta’ kuntratt pubbliku tittraduċi ruħha b’mod obbligatorju fil-ħolqien ta’ obbligi legalment vinkolanti għal kull waħda mill-partijiet fil-kuntratt, li l-eżekuzzjoni tagħhom għandha tkun tista’ tintalab ġudizzjarjament”. Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2020, Tax-Fin-Lex (C‑367/19, EU:C:2020:685, punt 26).


33      “[…] mis-sens ġuridiku abitwali tal-kliem ‘titolu oneruż’ jirriżulta li dan jirreferi għal kuntratt li permezz tiegħu kull waħda mill-partijiet tintrabat li tiżgura prestazzjoni bħala korrispettiv […]. In-natura sinallagmatika tal-kuntratt għalhekk hija karatteristika essenzjali ta’ kuntratt pubbliku”. Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2020, Tax-Fin-Lex (C‑367/19, EU:C:2020:685, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34      Enfasi miżjuda minni.


35      Sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Kiri ta’ bini li għadu ma nbeniex) (C‑537/19, EU:C:2021:319, punt 44).


36      Sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2010, Helmut Müller (C‑451/08, EU:C:2010:168, iktar ’il quddiem is-“sentenza Helmut Müller”, punti 50 u 51). Is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, SHARENGO (C‑486/21, EU:C:2022:868, punti 66 u 67), tikkorrobora li huwa meħtieġ “akkwist permezz ta’ kuntratt pubbliku ta’ xogħlijiet, provvisti jew servizzi minn awtorità kontraenti waħda jew aktar” u li l-awtorità kontraenti għandha tieħu vantaġġ, għaliha nnifisha, mill-kuntratt korrispondenti.


37      Sentenza Helmut Müller, punt 52.


38      Ibidem, punt 63.


39      Sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, (C‑536/07, EU:C:2009:664, punt 55).


40      Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti (C‑213/13, EU:C:2014:2067, punt 44), li tiċċita s-sentenza Helmut Müller.


41      Sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (Kiri ta’ bini li għadu ma nbeniex) (C‑537/19, EU:C:2021:319, punt 53).


42      Ibidem, punt 83.


43      Fil-punt 52 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, NFŠ tirreferi għas-sit internet tal-Awtorità Regolatorja tal-Kuntratti Pubbliċi, li fih jinsabu l-kuntratti ta’ xogħol li hija kkonkludiet ma’ diversi operaturi ekonomiċi. Waqt is-seduta, hija affermat, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt, li s-sejħa għal offerti, miftuħa għal kull kandidat, ġiet ippubblikata fil-ġurnali uffiċjali tal-Unjoni u tar-Repubblika Slovakka.


44      Meta mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja, kemm NFŠ kif ukoll il-Ministeru għall-Edukazzjoni qablu dwar din l-evalwazzjoni, filwaqt li ammettew li l-eżerċizzju tal-għażla (unilaterali) ta’ bejgħ kien jiddependi mir-rieda ta’ NFŠ.


45      Punt 22 tad-Deċiżjoni SA.46530.


46      Il-Kummissjoni, fil-punt 41 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, tnaqqas l-importanza ta’ din it-tneħħija, minkejja li tneħħi mill-arranġament l-allegata utilità speċifika tanġibbli għall-Istat Slovakk (fir-realtà, kieku nżammet din il-kundizzjoni, l-utilità kienet tkun għall-Federazzjoni Slovakka tal-futbol, li ma tidentifikax ruħha mal-Istat).


47      Id-Deċiżjoni SA.46530 tirrikonoxxi li l-għanijiet ta’ interess komuni li abbażi tagħhom l-għajnuna pubblika hija ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE huma l-promozzjoni tal-isport u ta’ avvenimenti oħra, ta’ natura kummerċjali jew mhux kummerċjali, bħalma huma l-avvenimenti kulturali, għanijiet li jissodisfaw l-Artikoli 165 TFUE u 167(4) TFUE.


48      https://www.jalgpall.ee/docs/Stadium%20regulations%202018.pdf


49      Artikolu 1.02 tar-Regolament tal-UEFA. Id-diversi kriterji strutturali huma murija permezz ta’ tabelli li fihom l-elementi ta’ gradwazzjoni bejn il-kategoriji differenti.


50      Punt 22 tad-digriet tar-rinviju.


51      Artikolu 13 tal-Liġi Nru 300/2008 tat‑2 ta’ Lulju 2008 dwar l-organizzazzjoni u l-promozzjoni tal-isport.


52      Punt 24 tad-digriet tar-rinviju.


53      Punt 10 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Ministeru għall-Edukazzjoni. L-osservazzjonijiet bil-miktub tar-Repubblika Slovakka huma limitati għal riferiment lakoniku għall-kwistjoni li x-xogħol kellu jitwettaq skont ir-rekwiżiti speċifikati mill-awtorità kontraenti (punt 11).


54      Fil-fehma tagħha, l-għajnuna kienet tikkonsisti f’żewġ sottomiżuri: waħda kienet tikkonsisti fis-sussidju dirett ta’ EUR 27.2 miljun u l-oħra fl-għażla mogħtija lil NFŠ li tbigħ l-istejdjum lir-Repubblika Slovakka f’perijodu ta’ ħames snin mill-kostruzzjoni tiegħu. Din l-għażla kienet stmata minn entità indipendenti għal EUR 8.76 miljun (punt 13 tad-Deċiżjoni SA.46530).


55      Punt 57 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.


56      “The construction works financed through the grant described in the section below will be subject to a competitive process, respecting the applicable procurement rules”.


57      Premessa Nru 1 tad-Direttiva 2014/24. L-allużjonijiet għall-ftuħ għall-kompetizzjoni, għal kompetizzjoni reali u effettiva jew li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jiġu evitati jinsabu kemm fil-preambolu kif ukoll f’diversi artikoli ta’ din id-direttiva.


58      Fil-fatt, dan kien il-każ fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Kiri ta’ bini li għadu ma nbeniex) (C‑537/19, EU:C:2021:319), billi ddenunzjat li kuntratt pubbliku għal xogħlijiet partikolari kien jinħeba fil-forma ta’ kiri ta’ immobbli għal żmien twil.


59      Dan huwa dak li ssostni NFŠ fil-punti 71 sa 74 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.


60      Jew, kif jidher li huwa l-każ hawnhekk, issostni l-illegalità tad-deċiżjonijiet tagħha bħala eċċezzjoni għal talba għall-eżekuzzjoni tal-kontenut tagħha.


61      Ħadd ma għandu jitħalla jmur kontra l-atti tiegħu stess. Huma l-qrati Slovakki li għandhom jinterpretaw l-Artikolu 40 bis tal-Kodiċi Ċivili tagħhom, li jipprovdi li n-nullità (ta’ att ġuridiku) ma tistax tiġi invokata minn min ikkawżaha. Madankollu, waqt is-seduta, ir-rappreżentant tal-Gvern Slovakk esprima d-dubji tiegħu dwar il-leġiżlazzjoni interna f’dan ir-rigward.


62      Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, T-Systems Magyarország (C‑263/19, EU:C:2020:373, punt 53), li, min-naħa tagħha, tiċċita s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Hungeod et (C‑496/18 u C‑497/18, EU:C:2020:240, punt 73).


63      Konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża CROSS Zlín (C‑303/22, EU:C:2023:652).


64      Ibid., punt 78


65      Ibid., punt 79.


66      Ibid., punti 80 u 81.


67      Ibid., punti 83 sa 87.